This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CC0200
Opinion of Advocate General Medina delivered on 30 May 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fit-30 ta’ Mejju 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fit-30 ta’ Mejju 2024.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:445
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fit‑30 ta’ Mejju 2024 ( 1 )
Kawża C‑200/23
Agentsia po vpisvaniyata
vs
OL,
fil-preżenza ta’
Varhovna administrativna prokuratura
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Pubblikazzjoni, fir-reġistru tal-kummerċ, tal-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni li jinkludu data personali – Direttiva (UE) 2017/1132 – Kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data – Dritt għal tħassir tad-data personali”
I. Introduzzjoni
1. |
Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja serje ta’ domandi li essenzjalment jikkonċernaw ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-pubbliċità tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni, li huma suġġetti għal koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea ( 2 ), u r-Regolament (UE) 2016/679 ( 3 ). |
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Agentsia po vpisvaniyata (l-Aġenzija Responsabbli għall-Iskrizzjoni fir-Reġistri, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) u OL li tikkonċerna r-rifjut ta’ din l-aġenzija li tħassar ċerta data personali li tikkonċerna lil OL u li tinsab f’att disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru tal-kummerċ. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
3. |
Għall-finijiet tal-konklużjonijiet preżenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-Artikoli 14 u 16 tad-Direttiva 2017/1132, li ssostitwixxiet id-Direttiva 2009/101, kif ukoll l-Artikoli 4 sa 6 u 17 tal-GDPR. Għal finijiet ta’ leġibbiltà aħjar, sejjer isir riferiment għall-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn l-artikoli fil-kuntest tal-analiżi preżenti. |
B. Id‑dritt Bulgaru
4. |
L-Artikolu 2 taż-Zakon za targovskia registar i registara na yuridicheskite litsa s nestopanska tsel (il-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Kummerċ u dwar ir-Reġistru tal-Persuni Ġuridiċi Mingħajr Skop ta’ Lukru ( 4 )), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Reġistri”), jipprovdi: “1. Ir-reġistru tal-kummerċ u r-reġistru tal-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru [(iktar ’il quddiem ‘ir-reġistri’)] jikkostitwixxu database elettronika komuni li tinkludi fiha ċ-ċirkustanzi inklużi bis-saħħa ta’ liġi, kif ukoll l-atti disponibbli għall-pubbliku bis-saħħa ta’ liġi, li jikkonċernaw in-negozjanti u l-fergħat ta’ negozjanti barranin, il-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru u l-fergħat ta’ persuni ġuridiċi barranin mingħajr skop ta’ lukru. 2. Iċ-ċirkustanzi u l-atti previsti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ħlief għall-informazzjoni li tikkostitwixxi data personali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-[GDPR], bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont il-liġi.” |
5. |
Skont l-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar ir-Reġistri, kull negozjant u kull persuna ġuridika mingħajr skop ta’ lukru huma obbligati li jitolbu l-iskrizzjoni tagħhom fir-reġistri, filwaqt li jiddikjaraw iċ-ċirkustanzi li hija mitluba l-iskrizzjoni tagħhom u filwaqt li jippreżentaw l-atti li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. |
6. |
L-Artikolu 11 ta’ din il-liġi huwa redatt kif ġej: “1. [Ir-reġistri] huma pubbliċi. Kull persuna għandha d-dritt li tingħata aċċess liberu u mingħajr ħlas għad-database li tikkostitwixxi r-reġistri. 2. L-[Aġenzija] għandha tiżgura aċċess irreġistrat għall-fajl tan-negozjant jew tal-persuna ġuridika mingħajr skop ta’ lukru.” |
7. |
L-Artikolu 13(1), (2), (6) u (9) tal-imsemmija liġi jipprovdi: “1. L-iskrizzjoni, it-tħassir u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għandhom jitwettqu fuq il-bażi ta’ formola ta’ talba. 2. It-talba għandha tinkludi:
[…]
[…] 6. [I]t-talba għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti jew, skont il-każ, mill-att li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, konformement mar-rekwiżiti tal-liġi. Id-dokumenti għandhom jiġu ppreżentati fil-forma ta’ oriġinal, ta’ kopja awtentikata mill-applikant jew awtentikata minn nutar. L-applikant għandu jippreżenta wkoll kopji awtentikati tal-atti li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru tal-kummerċ, li fihom tkun inħbiet id-data personali minbarra dik li hija mitluba mil-liġi. […] 9. Meta t-talba jew id-dokumenti mehmuża magħha jsemmu data personali li ma hijiex rikjesta mil-liġi, il-persuni li jkunu pprovdewhom għandhom jitqiesu bħala li taw il-kunsens tagħhom sabiex din id-data tiġi pproċessata mill-[Aġenzija] u għat-tqegħid tagħha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.” |
8. |
Il-punt 3 tal-Artikolu 101 tat-Targovski zakon (il-Liġi Kummerċjali ( 5 )), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Kummerċjali”), jipprovdi li l-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni għandhom jinkludu “l-isem, l-isem tan-negozju u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku tas-soċji”. |
9. |
Skont l-Artikolu 119(1) tal-Liġi Kummerċjali, l-iskrizzjoni ta’ kumpannija fir-reġistru tal-kummerċ tirrikjedi, inter alia, il-preżentata tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Konformement mal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu “sabiex jiġu emendati jew ikkompletati l-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ, għandha tiġi ppreżentata kopja tal-imsemmija dokumenti li tkun tinkludi fiha l-emendi u ż-żidiet kollha, awtentikata mill-korp li jirrappreżenta l-kumpannija bil-ħsieb li din titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku”. |
III. It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
10. |
OL hija soċja ta’ “OOD”, kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita skont id-dritt Bulgaru, li l-iskrizzjoni tagħha fir-reġistru tal-kummerċ twettqet fl‑14 ta’ Jannar 2021. It-talba għal iskrizzjoni kienet akkumpanjata mill-memorandum u mill-istatut ta’ assoċjazzjoni, tat‑30 ta’ Diċembru 2020, iffirmati mis-soċji (iktar ’il quddiem “il-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal‑2020”). Dawn id-dokumenti, li jinkludu fihom l-isem u l-kunjom ta’ OL, in-numru ta’ identifikazzjoni tagħha, in-numru tal-karta tal-identità tagħha, id-data u l-post tal-ħruġ ta’ din tal-aħħar u l-indirizz permanenti tagħha, ġew inklużi fl-iskrizzjoni u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kif ippreżentati. Fit‑8 ta’ Lulju 2021, OL talbet lill-Aġenzija sabiex tħassar id-data personali li tikkonċernaha inkluża fil-memorandum u fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tal‑2020, filwaqt li speċifikat li, sa fejn l-ipproċessar tad-data tagħha kien ibbażat fuq il-kunsens tagħha, hija kienet qiegħda tirtira dan il-kunsens. Fl-assenza ta’ tweġiba min-naħa tal-Aġenzija, OL bdiet proċeduri quddiem l-Administrativen sad Dobrich (il-Qorti Amministrattiva ta’ Dobrich, il-Bulgarija), liema qorti annullat ir-rifjut impliċitu tal-Aġenzija li tilqa’ t-talba ta’ OL u bagħtet il-każ lura quddiem din tal-aħħar sabiex tadotta deċiżjoni ġdida. B’eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, u ta’ sentenza analoga li tikkonċerna lis-soċju l-ieħor li kien wettaq l-istess passi, permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Jannar 2022, l-Aġenzija indikat li kellha tiġi trażmessa lilha kopja awtentikata tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni tal‑2020 li fiha tiġi moħbija d-data personali tas-soċji, bl-eċċezzjoni ta’ dik rikjesta mil-liġi, sabiex hija tkun tista’ tilqa’ t-talba għal tħassir (iktar ’il quddiem l-“ittra tas‑26 ta’ Jannar 2022”). Fil‑31 ta’ Jannar 2022, OL adixxiet mill-ġdid lill-Administrativen sad Dobrich (il-Qorti Amministrattiva ta’ Dobrich) filwaqt li talbitha tannulla l-ittra tas‑26 ta’ Jannar 2022 u tikkundanna lill-Aġenzija tħallasha kumpens għad-dannu morali kkawżat minn din l-ittra, li kienet tikser id-drittijiet mogħtija mill-GDPR. Fl‑1 ta’ Frar 2022, qabel ma laħqet irċeviet in-notifika ta’ dan ir-rikors, l-Aġenzija, filwaqt li aġixxiet ex officio, ħassret in-numru ta’ identifikazzjoni, id-data marbuta mal-karta tal-identità u l-indirizz ta’ OL iżda mhux isimha, kunjomha u l-firma tagħha. B’sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, l-Administrativen sad Dobrich (il-Qorti Amministrattiva ta’ Dobrich) annullat l-ittra tas‑26 ta’ Jannar 2022 u ordnat lill-Aġenzija tħallas kumpens lil OL ekwivalenti għal 500 leva Bulgari (BGN) (madwar EUR 255), minbarra l-interessi legali, rappreżentanti d-dannu morali, skont l-Artikolu 82 tal-GDPR. Skont din is-sentenza, dan id-dannu kien jikkonsisti f’emozzjonijiet u esperjenzi negattivi li jirriżultaw minn din l-ittra, fatt li wassal għal ksur tad-dritt għal tħassir stabbilit fl-Artikolu 17(1) tal-GDPR kif ukoll għal ipproċessar illegali tad-data tagħha inkluża fil-memorandum u fl-istatut ta’ assoċjazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. L-Aġenzija ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni, b’mod partikolari, li hija l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data iżda wkoll riċevitur tad-data trażmessa fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni u li, minkejja li hija kienet talbitha qabel ir-reġistrazzjoni tal-kumpannija li OL kienet soċja tagħha, hija ma rċeviet l-ebda kopja tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ din il-kumpannija li fiha kienet ġiet moħbija d-data li ma kellhiex titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Madankollu, l-iskrizzjoni ta’ kumpannija kummerċjali ma setgħetx tiġi rrifjutata għal din ir-raġuni waħedha. Hija tagħmel riferiment għal opinjoni tal‑2021 tal-awtorità superviżorja nazzjonali, il-Komisia za zashtita na lichnite danni (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali, il-Bulgarija), ippreżentata skont l-Artikolu 58(3)(b) tal-GDPR (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal‑2021”) ( 6 ), li fiha ġie ddikjarat li hija ma hijiex awtorizzata temenda l-kontenut tal-atti li hija tirċievi għall-finijiet tal-iskrizzjoni tagħhom fir-reġistru. Min-naħa tagħha, OL issostni li, bħala kontrollur responsabbli għall-ipproċessar ta’ data, l-Aġenzija ma tistax timponi fuq persuni oħrajn l-obbligi proprji tagħha ta’ tħassir. Hija tinvoka ġurisprudenza nazzjonali li minnha joħroġ li l-opinjoni tal‑2021 ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR. |
11. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
12. |
Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Bulgaru, Ġermaniż, Irlandiż, Taljan, Pollakk u Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew fir-rigward tad-domandi preliminari kollha jew fir-rigward ta’ wħud minnhom. Waqt is-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2024 instemgħu wkoll is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet fil-kawża prinċipali, tal-Gvern Bulgaru u dak Irlandiż kif ukoll tal-Kummissjoni. |
A. Analiżi
13. |
Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjonijiet preżenti sejrin jiffokaw fuq ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari, li nipproponi li għandhom jiġu ttrattati flimkien. Qabel ma nipproċedi bl-analiżi tiegħi, inqis li huwa neċessarju li nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari li jikkonċernaw ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fl-intier tiegħu. |
1. Osservazzjonijiet preliminari
14. |
Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat – kif għamlu l-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni u l-maġġoranza tal-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – li l-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll il-kliem tad-domandi preliminari – inkluża, b’mod partikolari, ir-raba’ domanda – jagħmlu riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/101. Madankollu, din tal-aħħar tħassret u ġiet issostitwita, sa mill‑20 ta’ Lulju 2017, bid-Direttiva 2017/1132, li hija applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, fl-analiżi sussegwenti tiegħi, sejjer nagħmel riferiment biss għal din l-aħħar direttiva. |
15. |
Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li d-Direttiva 2017/1132 u b’mod partikolari l-Artikoli 16 u 161 tagħha, sa fejn dawn huma rilevanti għall-finijiet tal-eżami tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti, ġew emendati bid-Direttiva (UE) 2019/1151 ( 7 ), li daħlet fis-seħħ fil‑31 ta’ Lulju 2019. Madankollu, għalkemm huwa veru, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li l-iskrizzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni tal‑2020 li jinkludu fihom id-data personali ta’ OL saret qabel l‑1 ta’ Awwissu 2021, li hija d-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1151 ( 8 ), parti mill-fatti seħħew wara din id-data, inkluż meta ntbagħtet l-ittra tas‑26 ta’ Jannar 2022 mill-Aġenzija, it-tħassir ex officio minn din tal-aħħar ta’ ċerti partijiet minn din id-data, kif ukoll it-tqegħid mill-ġdid tagħha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru, li għalihom qiegħda tagħmel riferiment il-parti konvenuta fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Għaldaqstant, ma huwiex eskluż li hija l-verżjoni tad-Direttiva 2017/1132, kif emendata bid-Direttiva 2019/1151, li hija applikabbli ratione temporis fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Huwa proprju għal din ir-raġuni li fl-analiżi sussegwenti tiegħi sejjer nagħmel riferiment għal din il-verżjoni. |
16. |
Madankollu, nispeċifika, minn issa, li l-emendi introdotti bid-Direttiva 2019/1151 kellhom biss, bħala tali, effett limitat fuq il-kwistjoni dwar skont liema modalitajiet l-awtorità ta’ Stat Membru responsabbli għaż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji għandha tiżgura l-protezzjoni tad-data personali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha. Għall-kuntrarju, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, fuq livell iktar ġenerali, li din id-direttiva hija intiża li ssaħħaħ u li tikkonsolida l-użu ta’ għodda u ta’ proċessi diġitali fil-ġbir u fil-ġestjoni tal-flussi ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-kumpanniji, fatt li jinvolvi aċċess miżjud għal data personali li tagħmel parti minn din l-informazzjoni u li jżid ir-riskju ta’ ksur tad-dritt għal protezzjoni ta’ tali data kif ukoll in-natura dannuża ta’ dan il-ksur ( 9 ). Madankollu, tali proċess ta’ diġitalizzazzjoni ( 10 ), magħqud flimkien ma’ intensifikazzjoni tal-aċċessibbiltà transkonfinali għall-imsemmija informazzjoni, prevista wkoll mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 11 ), jirrikjedi attenzjoni partikolari fil-mument tal-ibbilanċjar bejn, minn naħa, l-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ terzi li fuqhom huma bbażati, kif sejrin naraw, ir-regoli fil-qasam tal-pubbliċità marbuta mal-kumpanniji, u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali tar-rispett għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ( 12 ). |
17. |
Dejjem fuq bażi preliminari, nirrileva li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-tneħħija mir-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru ta’ data personali li t-tqegħid tagħha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku la huwa meħtieġ mid-Direttiva 2017/1132 u lanqas mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll ir-responsabbiltà tal-awtorità nazzjonali responsabbli għaż-żamma ta’ dan ir-reġistru għad-dannu morali kkawżat mir-rifjut li tintlaqa’ b’mod immedjat u mingħajr ebda kundizzjoni t-talba għat-tħassir ta’ tali data. Għall-kuntrarju, it-tilwima fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax direttament il-kwistjoni dwar liema huma l-obbligi imposti fuq tali awtorità fuq il-bażi tal-protezzjoni tad-data personali fil-mument tal-iskrizzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tal-atti ta’ kostituzzjoni ta’ kumpannija li jkun fihom data li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex obbligatorja. Din il-kwistjoni tibqa’ madankollu waħda impliċita, kif jirriżulta mill-fatt li għadd sinjifikattiv ta’ Stati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet iddedikaw għaliha parti kbira mill-osservazzjonijiet tagħhom, li fihom ipproponew formulazzjoni mill-ġdid radikali tal-ewwel erba’ domandi preliminari jew ta’ wħud minnhom. Fl-analiżi sussegwenti tiegħi, sejjer nindirizza ċerti aspetti ta’ din il-kwistjoni, filwaqt li nibqa’ fil-limiti ddelimitati mis-suġġett tal-kawża prinċipali u mid-domandi preliminari li jikkostitwixxu l-mira tal-konklużjonijiet preżenti. |
2. Fuq ir‑raba’ u l‑ħames domanda preliminari
18. |
Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, li l-ammissibbiltà tagħha hija kkontestata mill-Gvern Bulgaru, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 2017/1132 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tippermetti l-issuġġettar għal kundizzjonijiet proċedurali speċifiċi d-dritt ta’ persuna fiżika, fil-każ ineżami tas-soċji ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata koperta minn din id-direttiva ( 13 ), li tikseb it-tħassir mir-reġistru tal-kummerċ ta’ data personali li tikkonċernaha, li, minkejja li ma tifformax parti mill-informazzjoni suġġetta għal pubbliċità obbligatorja skont id-dritt nazzjonali, tinsab fl-att ta’ kostituzzjoni ta’ din il-kumpannija li ġie mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fil-kuntest tal-iskrizzjoni ta’ din tal-aħħar fl-imsemmi reġistru. Għall-kuntrarju, permezz tal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika jekk, fir-rigward ta’ tali data, l-awtorità responsabbli għaż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ taġixxix bħala “kontrollur” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR jew jekk hijiex ukoll “riċevitur” tad-data li hija tipproċessa, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, sa fejn l-iskop tal-ipproċessar tagħha ġie ddeterminat minn qabel minn terza persuna. |
19. |
Kif semmejt preċedentement, fl-opinjoni tiegħi, jeħtieġ li dawn iż-żewġ domandi jiġu ttrattati flimkien. Għal dan l-għan, sejjer nindirizza d-diversi mistoqsijiet li dawn iqajmu fl-ordni li ġej. Wara ħarsa ġenerali fil-qosor lejn il-portata tal-obbligi fil-qasam tal-pubbliċità tal-kumpanniji msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2017/1132, sejjer neżamina, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar min hu l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali inkluża fl-atti suġġetti għal pubbliċità obbligatorja fil-kuntest tal-iskrizzjoni ta’ kumpannija fir-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru meta, bħal fil-każ preżenti, l-iżvelar tad-data kkonċernata la huwa meħtieġ skont id-dritt armonizzat tal-Unjoni u lanqas skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat. Fit-tieni lok, sejjer nittratta l-kwistjoni dwar liema hija, fil-każ preżenti, il-bażi ġuridika għall-ipproċessar ta’ tali data. Fit-tielet lok, sejjer nanalizza l-kwistjoni dwar jekk, ġaladarba l-imsemmija data ġiet żvelata wara t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-att li fih kienet inkluża, is-suġġetti tad-data għandux ikollhom dritt għal tħassir konformement mal-Artikolu 17 tal-GDPR. Fl-aħħar, fir-raba’ lok, sejjer nittratta l-kwistjoni dwar jekk tali dritt jistax jiġi ssuġġettat għal modalitajiet proċedurali bħalma huma dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju. |
20. |
Qabel ma nipproċedi b’din l-analiżi, jeħtieġ li nwieġeb għall-kontestazzjonijiet imqajma mill-Gvern Bulgaru fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-raba’ domanda preliminari. Dan il-gvern iqis li r-raba’ domanda preliminari essenzjalment tirrigwarda l-kompatibbiltà mal-Artikolu 16(7) tad-Direttiva 2017/1132 – fil-verżjoni tagħha ta’ qabel l-emendi li saru permezz tad-Direttiva 2019/1151 – ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet għadha ma ġietx adottata. Għaldaqstant, id-domanda hija ta’ natura ipotetika. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tesprimi ruħha, fl-aħħar lok, fuq il-legalità tar-rifjut tal-Aġenzija li tħassar ċerta data personali tal-konvenuta inkluża f’att li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku wara l-iskrizzjoni ta’ din tal-aħħar fir-reġistru tal-kummerċ, kif ukoll fuq il-konsegwenzi ta’ tali rifjut. Sabiex tagħmel dan, il-qorti tar-rinviju hija msejħa b’mod partikolari tevalwa, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2017/1132 u tal-GDPR, jekk tali rifjut jistax ikun iġġustifikat, inter alia, mill-fatt li l-kopja awtentikata ta’ dan l-att, li minnha tneħħiet id-data personali inkwistjoni, ma ġietx inkluża fil-fajl. Għaldaqstant, id-deċiżjoni preliminari mitluba hija neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha fit-tilwima li hija adita biha. Barra minn hekk, minkejja l-kliem ambigwu tar-raba’ domanda preliminari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li din id-domanda ma hijiex intiża sabiex tinkiseb opinjoni dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għadha ma ġietx adottata, iżda sabiex titlob mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li huma neċessarji għaliha sabiex issolvi t-tilwima li hija mitluba tagħti deċiżjoni dwarha. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ir-raba’ domanda preliminari hija ammissibbli. |
3. Ħarsa ġenerali fil‑qosor lejn il‑portata tal‑obbligi fil‑qasam tal‑pubbliċità tal‑atti u tal‑indikazzjonijiet li jikkonċernaw lill‑kumpanniji msemmija fl‑Anness II tad‑Direttiva 2017/1132
21. |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2017/1132 jipprovdi li, għall-forom ta’ kumpanniji li jissemmew fl-Anness II ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom b’mod obbligatorju jippubblikaw “tal-inqas” l-atti u l-indikazzjonijiet li huma elenkati fih. Fost l-atti li għandhom jiġu ppubblikati b’mod obbligatorju, l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jsemmi, fil-punti (a) sa (c) tiegħu, “id-dokument ta’ kostituzzjoni, u l-istatuti jekk huma jinsabu f’dokument separat”, kif ukoll l-emendi tagħhom. Konformement mal-Artikolu 4(i) tal-istess direttiva, l-informazzjoni obbligatorja li għandha tingħata fl-istatuti, fl-att ta’ kostituzzjoni jew f’dokument separat li għandha tkun is-suġġett ta’ pubbliċità għandha tinkludi l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew tal-kumpanniji li ffirmaw jew li f’isimhom ġew iffirmati l-istatuti jew l-att ta’ kostituzzjoni. Fost l-indikazzjonijiet li għandha tiġi żgurata l-pubbliċità tagħhom, dan l-istess Artikolu 14 isemmi, fil-punt (d) tiegħu, “il-ħatra, it-tmiem ta’ kariga u d-dettalji tal-persuni li sew bħala korp kostitwit skont liġi jew bħala membri ta’ kull korp bħal dak”, “huma awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpanija fit-trattattivi ma’ terzi u fi proċedimenti legali” u/jew “jieħdu parti fl-amministrazzjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpanija”. Konformement mal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2017/1132, kif emendata bid-Direttiva 2019/1151, l-atti u l-informazzjoni kollha li għandhom ikunu s-suġġett ta’ pubbliċità skont l-Artikolu 14 għandhom jiġu inklużi fil-fajl previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li għandu jinfetaħ f’reġistru ċentrali tal-kummerċ jew tal-kumpanniji, jew għandhom jiġu traskritti direttament fir-reġistru ( 14 ). Skont l-Artikolu 16(3) u (4) ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2019/1151, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubbliċità tal-atti u tal-informazzjoni previsti mill-Artikolu 14 ta’ din tal-aħħar billi jagħmluhom aċċessibbli għall-pubbliku fir-reġistru. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu wkoll jeżiġu l-pubblikazzjoni tal-atti u tal-informazzjoni kollha jew parti minnhom fil-gazzetta nazzjonali indikata għal dan l-għan, jew permezz ta’ mezzi b’effett ekwivalenti. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jevitaw kull diskrepanza bejn il-kontenut tar-reġistru u dak tal-fajl kif ukoll bejn dak li huwa ppubblikat fir-reġistru u dak li huwa ppubblikat fil-gazzetta. |
22. |
Jistgħu jsiru l-osservazzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-preskrizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2017/1132. |
23. |
Fl-ewwel lok, id-Direttiva 2017/1132 tipprovdi għall-pubbliċità obbligatorja u għall-aċċessibbiltà permezz tar-reġistru tal-att ta’ kostituzzjoni tal-kumpannija fl-intier tiegħu, kif ukoll tal-emendi li jkunu sarulu ( 15 ). |
24. |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kumpanniji msemmija fl-Anness II tagħha, din id-direttiva timponi l-pubbliċità u l-aċċessibbiltà permezz tar-reġistru fir-rigward biss tal-informazzjoni li tikkonċerna ċerti kategoriji ta’ persuni, jiġifieri, b’mod partikolari, dawk li għandhom is-setgħa li jorbtu lill-kumpannija jew li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni, fis-sorveljanza jew fil-kontroll ta’ din tal-aħħar. Konformement mal-Artikolu 4(i) tal-imsemmija direttiva, l-identità tal-persuni fiżiċi li ffirmaw l-att ta’ kostituzzjoni tal-kumpannija wkoll għandha tkun is-suġġett ta’ pubbliċità. |
25. |
Fit-tielet lok, din l-informazzjoni, li tikkonċerna persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli, tikkostitwixxi “data personali” skont il-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR ( 16 ). |
26. |
Fir-raba’ lok, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2017/1132 jinkludu biss preskrizzjonijiet minimi fil-qasam tal-pubbliċità tal-atti u tal-informazzjoni marbuta mal-kumpanniji. Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, b’mod partikolari, liema kategoriji ta’ informazzjoni marbuta mal-identità tal-persuni previsti fl-Artikolu 4(i) u fl-Artikolu 14(d) ta’ din id-direttiva għandhom ikunu s-suġġett ta’ pubbliċità b’mod obbligatorju. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma liberi li jissuġġettaw għal tali pubbliċità atti jew indikazzjonijiet oħrajn li jirrigwardaw, jekk ikun il-każ, kategoriji oħrajn ta’ persuni. Huwa evidenti li, f’dan l-eżerċizzju, huma obbligati josservaw id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u d-dispożizzjonijiet tal-GDPR. |
4. Fuq il‑kontrollur responsabbli għall‑ipproċessar tad‑data
27. |
Il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ “kontrollur” bħala li jirreferi għall-persuna fiżika jew ġuridika, l-awtorità pubblika, id-dipartiment jew kull organu ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, “jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar” ta’ data personali. L-għan ta’ din id-definizzjoni wiesgħa huwa, f’konformità ma’ dak ta’ dan ir-regolament, li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi kif ukoll, b’mod partikolari, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-dritt ta’ kull persuna għal protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha ( 17 ). Il-kunċett ta’ “ipproċessar” ukoll huwa s-suġġett ta’ definizzjoni wiesgħa ( 18 ). Skont il-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, “ipproċessar”“tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda”. |
28. |
Mis-sentenza Manni jirriżulta li, bit-traskrizzjoni u bil-konservazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tal-informazzjoni dwar l-identità tal-persuni msemmija fl-Artikolu 14(d) tad-Direttiva 2017/1132, u bil-komunikazzjoni ta’ din tal-aħħar, l-awtorità responsabbli għaż-żamma ta’ dan ir-reġistru twettaq “ipproċessar ta’ data personali”, li fir-rigward tagħha hija l-“kontrollur”, fis-sens tad-definizzjonijiet ipprovduti fil-punti 2 u 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. L-istess jgħodd, mingħajr ebda dubju, meta t-traskrizzjoni f’dan ir-reġistru, il-konservazzjoni u l-komunikazzjoni jkollhom bħala s-suġġett tagħhom data personali li ma hijiex fost dik imsemmija espressament minn din id-direttiva, meta l-pubbliċità ta’ din id-data tkun meħtieġa skont id-dritt ta’ Stat Membru. |
29. |
Madankollu, il-kwistjoni li tqum fil-kawża preżenti hija dik dwar jekk tali awtorità, fil-każ ineżami l-Aġenzija, hijiex responsabbli għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ data personali li l-pubbliċità tagħha la hija meħtieġa skont id-Direttiva 2017/1132 u lanqas skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, f’dan il-każ id-dritt Bulgaru, iżda li hija inkluża f’att li t-traskrizzjoni u l-iżvelar tiegħu huma obbligatorji. |
30. |
Fl-opinjoni tiegħi, jeħtieġ li din il-kwistjoni tingħata tweġiba affermattiva. |
31. |
It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru tal-kummerċ ta’ data personali ta’ OL effettivament sar fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lill-Aġenzija bħala awtorità responsabbli għaż-żamma ta’ dan ir-reġistru. Kif issemma preċedentement, il-leġiżlazzjoni Bulgara tipprovdi li t-talba għal iskrizzjoni ta’ kumpannija fl-imsemmi reġistru għandha tkun akkumpanjata mill-oriġinal jew minn kopja awtentikata tal-atti li huma suġġetti għall-obbligu ta’ pubbliċità, li fosthom hemm il-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni, li l-Aġenzija hija obbligata li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. L-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-Aġenzija fit-twettiq tal-missjoni tagħha huma wkoll iddeterminati mid-dritt Bulgaru kif ukoll mid-dritt tal-Unjoni li, kif diġà ntqal, wettaq approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-pubbliċità tal-kumpanniji. Għaldaqstant, bħala awtorità responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali li tinsab fl-atti traskritti fir-reġistru tal-kummerċ konformement mal-għanijiet u mal-mezzi ddeterminati mil-leġiżlazzjoni Bulgara u minn dik tal-Unjoni, l-Aġenzija għandha titqies bħala “kontrollur” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. Nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement waslet għal konklużjoni analoga, fir-rigward tal-organu nazzjonali responsabbli skont il-liġi għaż-żamma tal-ġurnal uffiċjali ta’ Stat Membru, fis-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, État belge (Data ipproċessata minn ġurnal uffiċjali) ( 19 ). |
32. |
Din il-konklużjoni ma titpoġġiex f’dubju miċ-ċirkustanza li, fil-każ preżenti, id-data inkluża fil-memorandum u fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tal‑2020 ma tifformax parti mid-data li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont id-dritt Bulgaru. Minn naħa, in-nuqqas ta’ effett ta’ tali ċirkustanza fuq l-identifikazzjoni tal-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data ġie ammess b’mod impliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza État belge. Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, bl-istess mod bħal fil-kawża li wasslet għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti, it-tilwima kienet tikkonċerna data li t-tqegħid tagħha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ma kienx meħtieġ skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13(9) tal-Liġi dwar ir-Reġistri jipprovdi b’mod espliċitu li, fil-każ li l-applikant ma jippreżentax kopja awtentikata tal-att suġġett għall-obbligu ta’ pubbliċità li minnha tkun tneħħiet data personali mhux meħtieġa, l-Aġenzija għandha tipproċedi bl-ipproċessar tad-data u bit-tqegħid tagħha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku abbażi ta’ kunsens impliċitu preżunt. Għaldaqstant, anki f’ċirkustanzi bħal dawn, il-leġiżlazzjoni Bulgara tindika b’mod espliċitu lill-Aġenzija bħala l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data. |
33. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nistax nikkondividi t-teżi invokata mill-Aġenzija fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fis-sens li, jekk l-applikant ma jaħbix l-informazzjoni mhux meħtieġa mil-liġi inkluża fl-atti li huwa jittrażmetti għall-finijiet tal-iskrizzjoni fir-reġistru, isir huwa stess il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data li jikkonsisti fit-tqegħid tagħha b’mezzi elettroniċi f’dan ir-reġistru. Fil-fatt – indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk kunsens għall-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni jistax jingħata b’mod validu bl-użu tal-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 13(9) tal-Liġi dwar ir-Reġistri – l-eżistenza ta’ tali kunsens ma jistax ikollha effett fuq id-determinazzjoni tal-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data, iżda biss fuq il-legalità ta’ dan tal-aħħar. |
34. |
Hija bl-istess mod irrilevanti ċ-ċirkustanza, li wkoll ġiet invokata mill-Aġenzija, li d-dokumenti ppreżentati fil-kuntest ta’ talba għal iskrizzjoni fir-reġistru tal-kummerċ ma jikkostitwixxux data strutturata jew li tista’ tinqara’ minn apparat elettroniku, għall-kuntrarju tal-entrati diġitali ta’ dan ir-reġistru, li jiġu kkompletati mill-aġent li jwettaq l-iskrizzjoni u li jikkorrispondu mad-definizzjoni legali ta’ “reġistru” fid-dritt Bulgaru. Fil-fatt, l-Aġenzija hija l-awtorità li ngħatat ir-responsabbiltà mil-liġi Bulgara għaż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ u, konsegwentement, hija responsabbli għal kull ipproċessar ta’ data personali ppubblikata f’dan ir-reġistru, indipendentement miċ-ċirkustanza li din id-data tkun inkluża f’dokument li jakkumpanja t-talba jew tkun ikkodifikata minn uffiċjal tal-Aġenzija. Għaldaqstant, anki jekk ma twettaqx hija stess trasformazzjoni diġitali tad-dokumenti li hija tirċievi, hija xorta waħda responsabbli għall-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti, u tad-data inkluża fihom, permezz tar-reġistru. B’mod iktar ġenerali, fil-kuntest tal-missjoni tagħha ta’ interess pubbliku, hija tiġbor, tirreġistra, iżżomm, torganizza u tpoġġi f’ordni d-data, l-atti u d-dokumenti kollha li hija tirċievi f’database strutturata, li hija rrikonoxxuta bħala sors affidabbli u awtentiku ta’ informazzjoni. |
35. |
Fl-aħħar, il-klassifikazzjoni tal-Aġenzija bħala “kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR ma titpoġġiex f’dubju mill-fatt li din ma tivverifikax, qabel ma titqiegħed fuq l-internet, id-data personali inkluża fl-immaġni elettroniċi jew fid-dokumenti oriġinali fuq karta trażmessi għall-finijiet tal-iskrizzjoni, u lanqas mill-fatt li hija ma tistax temenda jew tirrettifika din id-data. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiċħad argument b’kontenut analogu fis-sentenza État belge, fir-rigward tal-pubblikazzjoni fil-ġurnal uffiċjali ta’ Stat Membru ta’ atti u dokumenti ppreparati minn terzi, u sussegwentement iddepożitati quddiem awtorità ġudizzjarja u trażmessi lill-organu responsabbli għal dan il-ġurnal bil-ħsieb li dawn jiġu żvelati. Fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, osservat li l-pubblikazzjoni ta’ dawn l-atti u dokumenti mingħajr il-possibbiltà li jiġi vverifikat jew emendat il-kontenut tagħhom kienet marbuta intrinsikament mar-rwol ta’ ġurnal uffiċjali, li huwa limitat sabiex jinforma lill-pubbliku bl-eżistenza tagħhom konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, b’tali mod li dawn isiru invokabbli fil-konfront ta’ terzi. Min-naħa l-oħra, hija speċifikat li tkun tmur kontra l-għan tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, li huwa li tiġi żgurata protezzjoni effettiva u sħiħa tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, l-esklużjoni tal-ġurnal uffiċjali ta’ Stat Membru mill-kunċett ta’ “kontrollur” għar-raġuni li dan tal-aħħar ma jivverifikax tali data. Dawn il-kunsiderazzjonijiet analogi japplikaw, mutatis mutandis, għall-pubblikazzjoni ta’ atti u dokumenti mwettqa fir-reġistri tal-kumpanniji tal-Istati Membri. Fil-fatt, kif kien il-każ għall-Moniteur belge, fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq, għalkemm huwa minnu li l-Aġenzija għandha tippubblika l-att ikkonċernat kif inhu, hija waħedha twettaq dan il-kompitu u tipproċedi bit-tixrid tiegħu ( 20 ). |
36. |
F’dan l-istadju, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Aġenzija għandhiex titqies bħala l-uniku kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data kontenzjuża, u, għaldaqstant, għall-osservanza tal-prinċipji previsti fl-Artikolu 5(1) tal-GDPR, jew inkella jekk tikkondividix din ir-responsabbiltà mal-applikant, li jaġixxi għan-nom tal-kumpannija, minħabba l-fatt li dan tal-aħħar ma kienx bagħat lill-Aġenzija kopja tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni tal‑2020 li minnhom tneħħiet l-imsemmija data. |
37. |
F’dan ir-rigward, qabelxejn infakkar li l-Artikolu 26(1) tal-GDPR jipprovdi li żewġ persuni jew iktar jistgħu jassumu r-responsabbiltà konġunta għall-ipproċessar u li l-obbligi rispettivi tagħhom jistgħu jiġu ddeterminati bi qbil bejniethom jew jiġu stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istat li huma suġġetti għalih ( 21 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-klassifikazzjoni bħala “kontrolluri konġunti” tirriżulta mill-fatt li diversi entitajiet ikunu pparteċipaw fid-determinazzjoni tal-għanijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar ( 22 ). Fl-assenza ta’ tali parteċipazzjoni, tkun għall-kuntrarju eskluża r-responsabbiltà konġunta għall-ipproċessar u l-atturi differenti għandhom jitqiesu bħala kontrolluri responsabbli għall-ipproċessar indipendenti u suċċessivi. Kif indika l-KEPD, l-iskambju tal-istess data jew ġabriet ta’ data bejn żewġ entitajiet mingħajr ma jiddeterminaw b’mod konġunt l-għanijiet jew il-mezzi tal-ipproċessar għandu jitqies bħala komunikazzjoni ta’ data bejn kontrolluri responsabbli għall-ipproċessar separati ( 23 ). |
38. |
Għaldaqstant, il-fatt waħdu li l-Aġenzija hija fl-istess ħin “kontrollur” abbażi tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR u “riċevitur” fis-sens tal-punt 9 ta’ dan l-artikolu, sa fejn tirċievi komunikazzjoni tad-data personali inkluża fl-atti u d-dokumenti li jakkumpanjaw it-talba għal iskrizzjoni fir-reġistru tal-kummerċ, ma jippermettix li jiġi eskluż il-fatt li hija tassumi waħedha r-responsabbiltà għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ din id-data. Fil-fatt, tali tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bl-istess mod bħat-trasformazzjoni diġitali, meta din isseħħ, tad-data inkluża fl-atti ppreżentati quddiemha, kif ukoll iż-żamma tagħha, jikkostitwixxu ipproċessar separat u ulterjuri meta mqabbel mat-trażmissjoni tad-data mwettqa mill-applikant għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-kumpannija. Madankollu, l-Aġenzija twettaq dan l-ipproċessar kollu waħedha, fil-kuntest tal-missjoni ta’ ordni pubbliku li hija responsabbli għaliha u konformement mal-għanijiet u mal-modalitajiet li huma stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Bulgara ( 24 ). |
39. |
Ċertament, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fis-sentenza État belge ( 25 ), li huwa suffiċjenti li persuna tinfluwenza, għal finijiet partikolari tagħha, l-ipproċessar tad-data personali u li b’dan il-mod tipparteċipa fid-determinazzjoni tal-għanijiet u tal-mezzi ta’ dan l-ipproċessar sabiex tkun tista’ tiġi meqjusa konġuntement bħala kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data ( 26 ). Madankollu, fil-każ preżenti, mill-proċess li huwa disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data inkluża fid-dokumenti li għandhom jitqiegħdu dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tar-reġistru tal-kummerċ huma ddeterminati mil-liġi biss. Il-persuni li, għan-nom tal-kumpannija, itellgħu d-dokumenti u l-informazzjoni li l-pubbliċità tagħhom hija meħtieġa mil-liġi fid-database ta’ dan ir-reġistru ( 27 ) ma jeżerċitaw l-ebda influwenza fuq din id-determinazzjoni u għaldaqstant ma jistgħux jinżammu bħala responsabbli – bl-istess mod bħall-kumpannija nnifisha – għal ipproċessar ulterjuri tad-data li huma jikkomunikaw lill-Aġenzija, inkluż l-iżvelar ta’ din id-data permezz tad-database elettronika tar-reġistru. Barra minn hekk, billi jittrażmettu lill-Aġenzija l-atti suġġetti għall-obbligu ta’ pubbliċità u billi jipproċessaw id-data inkluża fihom, dawn il-persuni jsegwu l-għanijiet partikolari tagħhom, jiġifieri dawk li jissodisfaw il-formalitajiet neċessarji għar-reġistrazzjoni tal-kumpannija, li huma differenti mill-għanijiet pubbliċi assenjati lir-reġistru u segwiti mill-Aġenzija meta din tiżgura t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ tali atti ( 28 ). |
40. |
Min-naħa l-oħra, fis-sentenza État belge, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, fil-kuntest ta’ katina ta’ pproċessar imwettaq minn persuni jew entitajiet differenti u li jirrigwarda l-istess data personali, id-dritt nazzjonali jista’ jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar kollu mwettaq suċċessivament minn dawn id-diversi persuni jew entitajiet b’mod li dawn jinżammu konġuntement responsabbli għall-ipproċessar ( 29 ). Għaldaqstant, skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 26(1) u tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, ir-responsabbiltà konġunta ta’ diversi atturi f’katina ta’ pproċessar li tirrigwarda l-istess data personali tista’ tiġi stabbilita mid-dritt nazzjonali sakemm l-operazzjonijiet differenti ta’ pproċessar ikunu magħqudin b’għanijiet u b’mezzi ddeterminati minn dan id-dritt u sakemm dan jiddefinixxi, b’mod dirett jew indirett, l-obbligi rispettivi ta’ kull wieħed mill-kontrolluri konġunti responsabbli għall-ipproċessar tad-data ( 30 ). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-Artikolu 13(6) u (9) tal-Liġi dwar ir-Reġistri, li sempliċement jiddefinixxi f’liema ċirkustanzi, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, ikun ingħata b’mod validu l-kunsens tas-suġġett tad-data għall-pubblikazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ ta’ data personali li ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ pubbliċità. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi responsabbiltà konġunta tal-applikant għall-ipproċessar ulterjuri ta’ din id-data, iżda dak li tispeċifika l-bażi tal-legalità tal-ipproċessar imwettaq mill-Aġenzija. Barra minn hekk, kif diġà enfasizzajt, l-għanijiet privati segwiti mill-kumpannija huma differenti mill-għanijiet pubbliċi segwiti mill-Aġenzija, b’tali mod li fl-opinjoni tiegħi ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa mis-sentenza État belge sabiex ir-responsabbiltà konġunta tagħhom, bħala atturi f’“katina ta’ pproċessar li tirrigwarda l-istess data personali”, tkun tista’ titqies bħala stabbilita mid-dritt Bulgaru. |
41. |
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, fl-opinjoni tiegħi, il-punt 7 tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 26(1) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità responsabbli għaż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru, li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, għandha tiżgura l-pubbliċità tal-atti li jiġu trażmessi lilha fil-kuntest ta’ talba għal iskrizzjoni ta’ kumpannija f’dan ir-reġistru, hija waħedha responsabbli għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tad-data personali inkluża f’dawn l-atti, anki jekk din tkun data li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa u li, konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni, kellha titneħħa minn dawn l-imsemmija atti qabel it-trażmissjoni tagħhom lill-imsemmija awtorità. |
5. Fuq il‑bażi tal‑legalità tal‑ipproċessar
42. |
Kull ipproċessar ta’ data personali għandu jkun konformi mal-prinċipji marbuta mal-ipproċessar tad-data stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-GDPR u għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament ( 31 ), li jipprevedi lista eżawrjenti u limitattiva ta’ każijiet li fihom tali ipproċessar jista’ jitqies bħala legali ( 32 ). Skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali jekk, u sa fejn, is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu għalih għal għan speċifiku wieħed jew iktar. Fl-assenza ta’ tali kunsens, jew meta dan il-kunsens ma jkunx ingħata b’mod liberu, speċifiku, informat u inekwivoku, b’dikjarazzjoni jew b’att pożittiv ċar, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, tali ipproċessar ikun madankollu ġġustifikat meta jkun kopert minn xi wieħed mir-rekwiżiti ta’ neċessità imsemmija fil-punti (b) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, li għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta ( 33 ). |
43. |
Fil-każ preżenti, il-preżunzjoni tal-kunsens stabbilita mill-Artikolu 13(9) tal-Liġi dwar ir-Reġistri b’mod manifest ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, moqri flimkien mal-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament ( 34 ). Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat jekk ipproċessar ta’ data bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex kopert minn xi waħda mill-ġustifikazzjonijiet l-oħrajn stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. |
44. |
Mis-sentenza Manni jirriżulta li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-awtorità responsabbli għaż-żamma tar-reġistru fl-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni li jikkoordinaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-pubbliċità tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni jissodisfa b’mod partikolari r-raġunijiet ta’ legalità previsti fil-punti (c) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, marbuta, fl-ewwel lok, mal-osservanza ta’ obbligu legali li huwa suġġett għalih il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data u, fit-tieni lok, mal-eżekuzzjoni ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika li biha huwa fdat il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data. Għaldaqstant huwa b’rabta ma’ dawn iż-żewġ raġunijiet li ser inwettaq l-analiżi tiegħi. |
45. |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-raġuni prevista fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, jeħtieġ qabelxejn jiġi eżaminat jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru tal-kummerċ tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tifformax parti mill-informazzjoni suġġetta għall-obbligu ta’ pubbliċità skont id-Direttiva 2017/1132 jew skont id-dritt Bulgaru, kienx iġġustifikat mir-rekwiżit li tiġi żgurata l-pubbliċità tal-atti previsti mill-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva u jekk, għaldaqstant, kienx neċessarju għall-osservanza tal-obbligu legali li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni. |
46. |
Konformement mal-Artikolu 16(3) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn l-atti jkunu aċċessibbli għall-pubbliku fir-reġistru msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Il-Gvern Ġermaniż, Irlandiż u dak Pollakk essenzjalment iqisu li, skont l-imsemmi artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 14 imsemmi iktar ’il fuq, l-awtoritajiet responsabbli għaż-żamma tar-reġistru għandhom jippubblikaw l-imsemmija atti kif jirċevuhom. Għaldaqstant, huma obbligati li jipproċessaw id-data personali kollha li tkun inkluża fihom, anki dik li ma tkunx meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali applikabbli. |
47. |
Jiena ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, id-Direttiva 2017/1132 tipprovdi li ċerti atti essenzjali tal-kumpanniji huma suġġetti b’mod obbligatorju għall-obbligu ta’ pubbliċità u li din għandha ssir permezz tar-reġistru, iżda ma timponix l-ipproċessar sistematiku ta’ kull data personali inkluża fl-imsemmija atti, anki jekk dan l-ipproċessar jirriżulta li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-GDPR. Għall-kuntrarju, kif fakkart iktar ’il fuq, l-Artikolu 161 ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2019/1151, jipprovdi li l-ipproċessar ta’ kull data personali mwettaq fil-kuntest tiegħu huwa suġġett għall-imsemmi regolament. Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jsibu bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ terzi, li, kif ser jintwera dalwaqt, jikkostitwixxu l-bażi tar-regoli fil-qasam tal-pubbliċità tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni, u, min-naħa l-oħra, id-dritt fundamentali għar-rispett tad-data personali. |
48. |
Sussegwentement, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-pubblikazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx neċessarja għall-osservanza ta’ obbligu legali previst mid-dritt Bulgaru. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar ir-Reġistri jipprovdi li l-atti li għandhom ikunu fir-reġistru tal-kummerċ “għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ħlief għall-informazzjoni li tikkostitwixxi data personali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-[GDPR], bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont il-liġi”. Għaldaqstant, il-legalità tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tista’ tkun ibbażata fuq “obbligu legali” fis-sens tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, li kienet suġġetta għalih l-Aġenzija skont id-dritt Bulgaru, fatt li barra minn hekk jidher li huwa kkonfermat mill-preżunzjoni tal-kunsens introdotta mill-Artikolu 13(9) tal-Liġi dwar ir-Reġistri. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, billi teżerċita l-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, li għandha tiddetermina dan il-punt. F’dan l-istadju jiena sempliċement nispeċifika li s-sempliċi fatt, invokat mill-Aġenzija, li, fin-nuqqas ta’ kopja li fiha tkun ġiet moħbija d-data personali mhux meħtieġa mil-liġi, hija għandha tippubblika l-att kif ikun ġie trażmess lilha, ma huwiex, fl-opinjoni tiegħi, suffiċjenti sabiex jiddefinixxi “obbligu legali” fis-sens tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6 tal-GDPR, ġaladarba tali pubblikazzjoni hija eskluża a priori mil-liġi u sa fejn din issir mill-Aġenzija biss fuq il-bażi ta’ kunsens preżunt ( 35 ). F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li huwa l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data li għandu jiżgura ruħu min-natura “legali” tal-ipproċessar tad-data li huwa jwettaq fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament ( 36 ). |
49. |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-raġuni prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, li jsir riferiment għalih kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-maġġoranza tal-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-proċedura preżenti, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-attività ta’ awtorità pubblika li tikkonsisti fil-ħarsien, f’database, tad-data li l-kumpanniji huma obbligati jikkomunikaw abbażi ta’ obbligi legali, sabiex tippermetti lill-persuni interessati jikkonsultaw din id-data u sabiex tipprovdilhom kopji tagħha tidħol fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika ( 37 ) u tikkostitwixxi missjoni ta’ interess pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 38 ). Kif ikkonferma l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Manni, l-iskrizzjoni u l-pubblikazzjoni fir-reġistri tal-kummerċ u tal-kumpanniji ta’ informazzjoni essenzjali marbuta mal-kumpanniji huma intiżi li joħolqu sors ta’ informazzjoni affidabbli u b’hekk jiżguraw iċ-ċertezza legali li hija neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi ta’ terzi, b’mod partikolari dawk tal-kredituri, il-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u, għaldaqstant, il-funzjonament tajjeb tas-suq ( 39 ). Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħżin f’dawn ir-reġistri tad-data rilevanti kollha u l-aċċessibbiltà tagħha minn terzi jikkontribwixxu sabiex jiġi inkoraġġit il-kummerċ bejn l-Istati Membri, anki f’perspettiva ta’ żvilupp tas-suq intern ( 40 ). |
50. |
F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn l-għanijiet u r-raġuni ta’ legalità prevista fil-punt(e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR jistgħux jiġu invokati fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mill-Aġenzija, tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tifformax parti minn data li, skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt Bulgaru, hija suġġetta għall-obbligu ta’ pubbliċità obbligatorja. |
51. |
F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 6(3) tal-GDPR, moqri flimkien mal-premessa 45 ta’ dan tal-aħħar, jispeċifika, b’mod partikolari fir-rigward tal-ipoteżi ta’ legalità prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li l-ipproċessar għandu jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq id-dritt tal-Istat Membru li huwa suġġett għalih il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data u li din il-bażi legali għandha tilħaq għan ta’ interess pubbliku u għandha tkun proporzjonata mal-għan leġittimu segwit ( 41 ). Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn ir-rekwiżiti – li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li jikkostitwixxu espressjoni ta’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 42 ) – ma jidher li jintlaħaq fil-kuntest tal-kawża preżenti li tikkonċerna pproċessar ta’ data personali li, minkejja li twettaq fl-okkażjoni tal-eżerċizzju ta’ missjoni ta’ interess pubbliku fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, ma huwiex meqjus bħala a priori neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ din tal-aħħar skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, u lanqas sabiex jintlaħqu l-għanijiet assenjati lir-reġistru tal-kummerċ, u li huwa awtorizzat biss fuq il-bażi ta’ kunsens preżunt tas-suġġett tad-data. |
52. |
B’mod iktar ġenerali, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-pubblikazzjoni ta’ data personali mhux meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat ma tilħaq l-ebda wieħed mill-għanijiet stabbiliti fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 43 ), li waħedhom jiġġustifikaw l-indħil fid-drittijiet tas-suġġetti tad-data għar-rispett tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 44 ). Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Manni, huwa b’mod partikolari minħabba l-fatt li, bħala prinċipju, il-pubbliċità hija prevista biss għal numru limitat ta’ data personali – jiġifieri dik li tirrigwarda l-identità u l-funzjonijiet rispettivi tal-persuni li għandhom is-setgħa li jorbtu lill-kumpannija u li għaldaqstant, hija neċessarja għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi ta’ terzi – li tali ndħil ma huwiex ikkunsidrat bħala sproporzjonat ( 45 ). |
53. |
Il-Gvern Bulgaru u l-Aġenzija essenzjalment isostnu li l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa bbażat, fid-dritt Bulgaru, fuq ir-rekwiżit li tiġi żgurata l-pubbliċità ta’ atti essenzjali tal-kumpanniji, li tiġi ppreżervata l-integrità u l-affidabbiltà tagħhom u li ma jiġix ostakolat l-eżerċizzju mill-Aġenzija tal-missjoni tagħha ta’ interess pubbliku. Jekk jiġi preżunt li l-qorti tar-rinviju tasal għall-istess konklużjoni, din tkun obbligata wkoll li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont dan il-prinċipju, il-limitazzjonijiet għad-dritt fundamentali għar-rispett tad-data personali għandhom isiru biss fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju ( 46 ), li ma huwiex il-każ meta l-għan ta’ interess ġenerali previst ikun raġonevolment jista’ jintlaħaq b’mod daqstant effettiv b’mezzi oħrajn, li jippreġudikaw inqas dan id-dritt ( 47 ). Jeħtieġ ukoll li jitfakkar li l-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR jipprovdi li d-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għanijiet li għalihom din tiġi pproċessata u jeżiġi l-osservanza, mill-Istati Membri, tal-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data”, li jartikola l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 48 ). |
54. |
Madankollu, jidhirli li l-għan li tiġi żgurata l-pubbliċità tal-atti essenzjali tal-kumpanniji jista’ raġonevolment jintlaħaq billi jiġu implimentati proċeduri li jippermettu li fihom tiġi moħbija, qabel il-pubblikazzjoni tagħhom, id-data personali li t-tqegħid tagħha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ma huwiex meħtieġ. Dawn il-proċeduri jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-obbligu għall-Aġenzija li tissospendi l-iskrizzjoni tal-kumpannija sabiex ikunu jistgħu jiġu emendati l-atti li jinkludu fihom tali data jew, fejn xieraq, li tipproċedi ex officio bit-tħassir tagħha. |
55. |
L-argumenti invokati minn numru sinjifikattiv tal-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kawża preżenti, li skonthom l-implimentazzjoni ta’ tali proċeduri toħloq riskju ta’ dewmien fl-ipproċessar tat-talbiet għall-iskrizzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji, b’detriment b’mod partikolari għall-interess tas-soċji, jew inkella timponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompiti eċċessivament impenjattivi, ma jidhirlix li jistgħu jintlaqgħu. Fil-fatt, minn naħa, dawn il-proċeduri huma neċessarji sabiex jiġu rrikonċiljati l-interessi segwiti mill-pubbliċità tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni mad-dritt fundamentali għar-rispett tad-data personali, partikolarment meta, kif enfasizzajt fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-data personali inkwistjoni hija ddestinata li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr restrizzjoni f’ambjent iddiġitalizzat. Min-naħa l-oħra, dawn jistgħu jużaw l-għodda ta’ riċerka u ta’ identifikazzjoni ta’ data li tiffaċilita l-kompitu ta’ dawn l-awtoritajiet u jiġu mfassla b’mod li qabelxejn jimponu fuq l-applikanti l-inkarigu li jaħbu d-data personali li ma għandhiex tiġi żvelata, kif wara kollox huwa previst mid-dritt Bulgaru. |
56. |
Fir-rigward tar-rekwiżit tal-preservazzjoni tal-integrità u tal-affidabbiltà tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni suġġetti għall-obbligu ta’ pubbliċità obbligatorja trażmessi għall-finijiet tal-iskrizzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji – li jissemmew ukoll mill-Gvern Bulgaru u mill-Aġenzija, kif ukoll mill-maġġoranza tal-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-proċedura preżenti – li jiddetta l-pubblikazzjoni ta’ dawn l-atti fl-istat li fih jiġu trażmessi lill-awtoritajiet responsabbli għaż-żamma tar-reġistru, dan ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jipprevali b’mod sistematiku fuq id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, u dan sabiex din il-protezzjoni ma tkunx ridotta biss għal waħda purament illużorja. |
57. |
Fil-fatt, jiena inklinata li nikkonkludi li dan ir-rekwiżit jista’ l-iktar l-iktar jiġġustifika biss il-konservazzjoni tad-data personali li ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ pubbliċità obbligatorja inkluża f’atti bħal dawn, iżda mhux il-pubblikazzjoni tagħha, mingħajr ebda limitazzjoni u restrizzjoni, fid-database tar-reġistru miftuħa għall-pubbliku. B’mod iktar speċifiku, inqis li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-kopja ta’ dawn l-atti li minnhom tneħħiet id-data personali mhux meħtieġa u l-konservazzjoni tal-oriġinal fil-fajl ikunu jippermettu li jintlaħaq bilanċ ġust bejn dan ir-rekwiżit u l-protezzjoni tad-data tas-suġġetti tad-data. Għaldaqstant, l-aċċess possibbli għall-oriġinal tal-att u d-data kollha inkluża fih għandu jkun permess biss fuq il-bażi ta’ każ b’każ, fil-preżenza ta’ interess leġittimu li jkun jiġġustifikah – inkluż dak tal-verifika tan-natura awtentika tal-att – u b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR. |
58. |
F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni, b’mod partikolari, il-Gvern Irlandiż, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 16a tad-Direttiva 2017/1132, kif emendata bid-Direttiva 2019/1151, sa fejn jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li kopji ta’ kull dokument […] jew ta’ kwalunkwe parti minnhom, imsemmija fl-Artikolu 14, jistgħu jinkisbu mir-reġistru”, ma jimplikax li l-Istati Membri huma obbligati li jippermettu aċċess mingħajr restrizzjonijiet għal dawn l-atti kollha. Għall-kuntrarju, kif diġà osservajt, l-Artikolu 161 tad-Direttiva 2017/1132, kif emendat bid-Direttiva 2019/1151, jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu għal proċeduri li jippermettu li jiġi ggarantit li, fl-eżerċizzju tal-missjoni ta’ interess pubbliku li huma fdati biha, l-awtoritajiet responsabbli għaż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji josservaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-GDPR. |
59. |
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena nqis li l-ipproċessar tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies li huwa bbażat fuq il-kunsens tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, moqri flimkien mal-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Bla ħsara għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, dan l-ipproċessar ma jidhirx li jissodisfa la l-kundizzjonijiet ta’ legalità previsti mill-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR u lanqas dawk stabbiliti fil-punt (e) ta’ dan l-artikolu, moqrija flimkien mal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament. Għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid li l-imsemmi pproċessar lanqas ma jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, marbut mal-ipproċessar tad-data personali neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data. Fil-fatt, kif ġie speċifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR jirriżulta b’mod ċar li ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn awtorità pubblika fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-missjonijiet tagħha ma jistax jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u dik tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jeskludu lil xulxin ( 49 ). Madankollu, f’dan il-każ, l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq mill-Aġenzija fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tal-missjoni ta’ interess pubbliku li hija fdata lilha, fatt li jeskludi a priori l-applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 6(3) tal-GDPR. |
60. |
Għaldaqstant, ma huwiex eskluż li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-ipproċessar tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien illegali sa fejn ma huwiex kopert minn waħda mill-ġustifikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tal-GDPR. |
6. Dritt għal tħassir
61. |
L-Artikolu 17 tal-GDPR jistabbilixxi d-dritt tas-suġġett tad-data għat-tħassir tad-data personali li tikkonċernah meta tkun tapplika waħda mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u b’mod korrelattiv jobbliga lill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data li jwettaq tali tħassir kemm jista’ jkun malajr. |
62. |
Madankollu, l-Artikolu 17(3) tal-GDPR jispeċifika li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma japplikax dment li l-ipproċessar inkwistjoni huwa neċessarju għal waħda mir-raġunijiet elenkati f’din l-ewwel dispożizzjoni. Fost dawn ir-raġunijiet, fl-Artikolu 17(3)(b) ta’ dan ir-regolament, hemm l-osservanza tal-obbligu legali li jirrikjedi l-ipproċessar, previst mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data, jew l-eżekuzzjoni ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika li huwa fdat biha l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data. |
63. |
Sa fejn dawn l-eċċezzjonijiet għad-dritt għal tħassir jirriflettu r-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni tal-ipproċessar stabbiliti fil-punti (c) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, nagħmel riferiment, b’rabta mal-invokabbiltà tagħhom f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, għall-analiżi li saret fil-punti 45 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 50 ). |
64. |
Għaldaqstant, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru tal-kummerċ tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax, skont id-dritt Bulgaru, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (c) jew (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, moqrija flimkien mal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, u, b’hekk, tal-Artikolu 17(3)(b) tal-GDPR, il-konvenuta fil-kawża prinċipali jkollha dritt għal tħassir, li jikkonsisti f’li jinġieb fi tmiemu tali tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, u l-Aġenzija, bħala kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data, tkun obbligata li teżegwixxi dan id-dritt. Fil-fatt, l-Artikolu 17(1)(d) tal-GDPR jipprovdi għal dritt assolut tas-suġġett tad-data sabiex id-data personali tiegħu tiġi mħassra meta din tkun issuġġettata għal ipproċessar illegali ( 51 ). |
65. |
Fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha għall-kuntrarju tikkonkludi li l-ipproċessar tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien konformi mal-punti (c) jew (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, l-Artikolu 17(3)(b) ta’ dan ir-regolament ikun applikabbli a priori. Madankollu, huma neċessarji żewġ preċiżazzjonijiet. |
66. |
Minn naħa, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-missjoni ta’ interess pubbliku li ġiet fdata biha l-Aġenzija sabiex ma jkunx hemm dewmien fl-iskrizzjoni tal-kumpannija fir-reġistru tal-kummerċ, din ir-raġuni waħedha ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma ta’ din id-data fir-reġistru ladarba tkun saret l-iskrizzjoni tal-kumpannija u, għaldaqstant, sabiex jiġi eskluż, skont l-Artikolu 17(3)(b) tal-GDPR, id-dritt għal tħassir tal-konvenuta fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, dan id-dritt huwa żgurat mill-Artikolu 17(1)(c) ta’ dan ir-regolament, li japplika fil-każ li s-suġġett tad-data joġġezzjona, skont l-Artikolu 21(1) tal-imsemmi regolament, għal raġunijiet marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, għal ipproċessar tad-data personali bbażat, b’mod partikolari, fuq il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-istess regolament u sakemm ma tkunx teżisti “raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar”, fatt li għandu jintwera mill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data ( 52 ). Madankollu, għall-istess raġunijiet diġà esposti fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li r-rekwiżit li tiġi ppreservata l-integrità u l-affidabbiltà tal-atti li fuqhom hija bbażata l-iskrizzjoni tal-kumpannija fir-reġistru ma jistax jikkostitwixxi tali raġuni leġittima prevalenti. Fil-fatt, kif irrilevajt, dan ir-rekwiżit jista’ jiġi ssodisfatt bl-użu ta’ mezzi oħrajn li huma inqas ta’ preġudizzju għad-dritt fundamentali tar-rispett tad-data personali. |
67. |
Min-naħa l-oħra, mis-sentenza Manni jirriżulta li limitazzjoni tal-aċċess lil dawk it-terzi biss li jiġġustifikaw interess speċifiku tista’, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, tkun iġġustifikata, għal raġunijiet predominanti u leġittimi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tas-suġġetti tad-data, anki fir-rigward ta’ data personali li d-Direttiva 2017/1132 tissuġġetta għall-obbligu ta’ pubbliċità obbligatorja u għaldaqstant anki fil-każ li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jirriżulta minn obbligu legali fis-sens tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR. Madankollu, tali limitazzjoni għandha tkun irrikonoxxuta a fortiori fir-rigward ta’ data personali li ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ pubbliċità la skont id-dritt tal-Unjoni u lanqas skont id-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, il-kundizzjoni li għaliha, fis-sentenza Manni, il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat il-limitazzjoni għall-aċċess għall-informazzjoni li tikkonċerna l-identità tal-istralċjarju tal-kumpannija, jiġifieri li jkun iddekorra terminu suffiċjentement twil wara x-xoljiment tal-kumpannija, ma hijiex applikabbli fil-każ preżenti u, għaldaqstant, il-limitazzjoni tal-aċċess għal tali data għandha tiġi implimentata kemm jista’ jkun malajr. |
7. Fuq l‑issuġġettar tal‑eżerċizzju tad‑dritt għal tħassir għal modalitajiet proċedurali speċifiċi
68. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Aġenzija ssuġġettat it-talba ta’ OL intiża għat-tħassir tad-data personali li tikkonċernaha u li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa skont id-dritt Bulgaru għall-osservanza ta’ modalitajiet proċedurali speċifiċi, li jeżiġu l-preżentata ta’ kopja tal-att li jinkludi fih l-imsemmija data li fiha ġiet moħbija d-data personali. Fin-nuqqas tal-preżentata ta’ tali kopja, din it-talba ġiet miċħuda jew iddifferita sine die. Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Aġenzija, l-osservanza ta’ dawn il-modalitajiet proċedurali hija neċessarja peress li hija ma għandhiex is-setgħa li temenda l-att inkwistjoni, billi din is-setgħa taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-korpi tal-kumpannija. |
69. |
Infakkar li, konformement mal-Artikolu 23(1) tal-GDPR, id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali jistgħu jirrestrinġu “permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 […], meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’” wieħed mill-għanijiet li huma elenkati fih. Sa fejn dawn iwasslu għal restrizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal tħassir, kif ukoll għall-eżerċizzju tad-dritt għal oġġezzjoni previst fl-Artikolu 21 tal-GDPR, u anki għall-esklużjoni tiegħu, fil-każ li s-suġġett tad-data ma jirnexxilux jikseb mill-kumpannija l-emendi rikjesti tal-att inkwistjoni, il-modalitajiet proċedurali applikati mill-Aġenzija jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 23(1) tal-GDPR ( 53 ). Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni humiex, fil-każ preżenti, issodisfatti, u dan anki minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma titlobx espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar dan il-punt. |
70. |
F’dan ir-rigward, nosserva qabelxejn li dawn il-modalitajiet proċedurali jidhru li jaqgħu taħt sempliċi prattika interna tal-Aġenzija ( 54 ). Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ma jidhrux, diġà minħabba din ir-raġuni, li huma konformi mal-Artikolu 23(1) tal-GDPR, li jipprovdi li l-limitazzjonijiet għad-drittijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni għandhom ikunu previsti minn “miżura leġiżlattiva”. |
71. |
Dawn il-modalitajiet proċedurali sussegwentement iqajmu mistoqsijiet dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
72. |
Fil-fatt, għalkemm ir-rekwiżit li jiġu ggarantiti l-affidabbiltà u l-awtentiċità tal-atti iskritti fir-reġistru tal-kummerċ u, b’mod iktar wiesgħa, it-trasparenza u ċ-ċertezza legali fl-eżerċizzju tal-missjoni li ġiet fdata lilu jidhirli li jista’ jissodisfa wieħed mill-“objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(e) tal-GDPR, fl-opinjoni tiegħi, dan ir-rekwiżit ma jiġġustifikax ir-restrizzjoni, jew anki l-esklużjoni, tad-dritt għal tħassir jew tad-dritt għal oġġezzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, billi jistgħu jintużaw mezzi li huma inqas ta’ preġudizzju għad-dritt fundamentali għar-rispett tad-data personali. |
73. |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis li huwa ġġustifikat li jkun mistenni mill-kumpannija li temenda l-att billi tneħħi minnu d-data li qiegħda titlob it-tħassir tagħha, tipproponi li l-Aġenzija għandha hija stess taħbi din id-data wara li jkun għadda żmien raġonevoli, jekk jirriżulta li s-suġġett tad-data ma jkunx irnexxielu jikseb mingħand il-kumpannija li hija twettaq din l-emenda. |
74. |
Jiena ma iniex konvint li tali soluzzjoni tkun tiżgura bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet u interessi inkwistjoni, sa fejn twassal għaż-żamma, għal żmien mhux definit, għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, f’ambjent iddiġitalizzat, ta’ data li ma kinitx intiża li tiġi żvelata. Fl-opinjoni tiegħi, għall-kuntrarju, tali bilanċ jista’ jiġi ggarantit billi tiġi rrikonoxxuta lill-Aġenzija s-setgħa li twettaq hija stess, fl-iqsar żmien possibbli wara li tirċievi t-talba għal tħassir, il-ħabi tad-data inkwistjoni fil-kopja tal-att mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, filwaqt li żżomm fil-fajl l-oriġinal ta’ dan l-att u filwaqt li teżiġi li l-kumpannija tissottometti emenda għal dan tal-aħħar, li fih tkun ġiet moħbija l-imsemmija data, liema emenda tiġi hija wkoll ippubblikata fir-reġistru. |
75. |
Ċertament, l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2017/1132 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jevitaw kull diskrepanza bejn il-kontenut tar-reġistru u dak tal-fajl u bejn dak li jiġi ppubblikat fir-reġistru u dak li jiġi ppubblikat fil-gazzetta nazzjonali. Madankollu, ir-rekwiżit taż-żamma ta’ koerenza bejn id-diversi partijiet tar-reġistru u mal-gazzetta nazzjonali kif ukoll l-għan ta’ ċertezza legali li fuqu huwa msejjes tali rekwiżit ma jistgħux, fl-opinjoni tiegħi, jiġġustifikaw il-fatt li tinżamm għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr ebda restrizzjoni u limiti ratione temporis, f’atti ppublikati fir-reġistru, data personali li l-iżvelar tagħha ma huwiex obbligatorju, meta s-suġġett tad-data jitlob it-tħassir tagħha. Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-emendi ta’ dawn l-atti li jirriżultaw li huma neċessarji għall-ħabi ta’ din id-data huma identifikabbli u traċċabbli u jsiru b’mod trasparenti. Fit-tieni lok, dawn l-emendi jikkonċernaw elementi ta’ tali atti li l-pubbliċità tagħhom ma hijiex neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-missjoni ta’ interess pubbliku fdata lir-reġistru. Fit-tielet lok, l-integrità u l-awtentiċità tal-imsemmija atti jistgħu jiġu ppreżervati billi jinżamm fil-fajl l-oriġinal ta’ dawn tal-aħħar, li għalih ikollhom aċċess irregolat dawk it-terzi li jiġġustifikaw interess leġittimu. |
76. |
Fuq il-bażi ta’ dan kollu li ntqal, jiena tal-opinjoni li modalitajiet proċedurali bħal dawk applikati f’dan il-każ mill-Aġenzija ma humiex konformi mal-Artikolu 23(1) tal-GDPR. |
V. Konklużjoni
77. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta kif ġej għar-raba’ u għall-ħames domanda preliminari magħmula mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) B’mod iktar speċifiku, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU 2009, L 258, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 283, p. 52). Madankollu, kif sejjer jintwera iktar ’il quddiem, hija d-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017, L 169, p. 46), li tapplika ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali.
( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).
( 4 ) DV Nru 34, tal‑25 ta’ April 2006.
( 5 ) DV Nru 48, tat‑18 ta’ Ġunju 1991.
( 6 ) Din hija l-Opinjoni Nru 01‑116(20)/01.02.2021.
( 7 ) Direttiva (tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2017/1132 (ĠU 2019, L 186, p. 80).
( 8 ) Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2019/1151. Fir-rigward tal-emendi li saru permezz tal-Artikolu 1(6) ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-Artikolu 16(6) tad-Direttiva 2017/1132, id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni kienet l‑1 ta’ Awwissu 2023.
( 9 ) Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża État belge (Data ipproċessata minn ġurnal uffiċjali) (C‑231/22, EU:C:2023:468, punt 80).
( 10 ) Nirrileva li fid‑29 ta’ Marzu 2023 il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2009/102/KE u (UE) 2017/1132 fir-rigward ta’ aktar espansjoni u titjib tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi tal-kumpaniji (COM/2023/177 final).
( 11 ) Ara s-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri professjonali, implimentata sa mit‑8 ta’ Ġunju 2017 bid-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE u d-Direttivi 2005/56/KE u 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji (ĠU 2012, L 156, p. 1), u attwalment irregolata bid-Direttiva 2017/1132. Din is-sistema tgħaqqad ir-reġistri professjonali nazzjonali ma’ pjattaforma ċentrali Ewropea u tipprovdi punt ta’ aċċess uniku permezz tal-portal Ewropew e-Justice, li permezz tiegħu ċittadini, impriżi u amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jfittxu informazzjoni dwar impriżi u l-fergħat tagħhom miftuħa fi Stati Membri oħrajn.
( 12 ) Fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal emenda tad-Direttiva 2017/1132, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) ġibed l-attenzjoni dwar in-neċessità li “titqajjem sensibbiltà fir-rigward tar-riskji li jirriżultaw mill-aċċessibbiltà tad-data personali li sejra tkun aċċessibbli b’mod wiesa’ fuq l-internet fil-forma diġitali, f’lingwi multipli, bl-għajnuna ta’ punt ta’ aċċess/ta’ pjattaforma Ewropea faċilment aċċessibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Opinjoni tas‑26 ta’ Lulju 2018, aċċessibbli fuq l-indirizz https://edps.europa.eu/data-protection/our-work/publications/opinions/digital-tools-and-processed-company-law_fr).
( 13 ) L-OOD tissemma fl-Anness II tad-Direttiva 2017/1132, kif ukoll fl-Anness IIa ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2019/1151.
( 14 ) F’dak il-każ, is-suġġett tat-traskrizzjoni fir-reġistru jiġi rreġistrat fil-fajl, ara l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2017/1132.
( 15 ) Ara l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2017/1132, li jipprovdi għall-possibbiltà tal-pubblikazzjoni ta’ estratti tal-atti previsti fl-Artikolu 14 ta’ din tal-aħħar biss fil-ġurnal uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat.
( 16 ) Ara, fir-rigward tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-kordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3), is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Manni, EU:C:2017:197, punt 34).
( 17 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nacionalinis visuomenės sveikatos centras (C‑683/21, EU:C:2023:949, punti 28 u 29).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, Ministerstvo zdravotnictví (Applikazzjoni għall-apparati mobbli tal-Covid‑19) (C‑659/22, EU:C:2023:745, punt 28).
( 19 ) C‑231/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza État belge, EU:C:2024:7, punt 35. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza (C‑231/22, EU:C:2023:468, punti 34 sa 75).
( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza État belge, punt 38.
( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza État belge, punti 46 u 47.
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nacionalinis visuomenės sveikatos centras (C‑683/21, EU:C:2023:949, punti 44 u 45).
( 23 ) Ara f’dan is-sens “Linji gwida 07/2020 li jikkonċernaw il-kunċetti ta’ kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data u ta’ proċessur fil-GDPR” tal-KEPD, verżjoni 2.0 adottata fis‑7 ta’ Lulju 2021, disponibbli bil-Franċiż fuq l-indirizz elettroniku https://edpb.europa.eu/system/files/2022-02/eppb_guidelines_202007_controllerprocessor_final_fr.pdf), punti 70 u 72. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża État belge (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali) (C‑231/22, EU:C:2023:468, punt 48 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 55).
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza État belge, punt 42.
( 25 ) Ara s-sentenza État belge, punt 48.
( 26 ) Madankollu, infakkar li fil-kawża li tat lok għas-sentenza État belge, is-suġġett kien il-pubblikazzjoni ta’ dokumenti fil-ġurnal uffiċjali ta’ Stat Membru, li jikkostitwixxi l-aħħar stadju tal-proċess ta’ pproċessar li jinvolvi diversi awtoritajiet. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni fattwali li tat lok għal din is-sentenza kienu differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża preżenti.
( 27 ) Fl-osservazzjonijiet tagħha, l-Aġenzija tispjega li, f’każ ta’ talba elettronika, l-applikant għandu jtella’ fis-sistema tar-reġistru tal-kummerċ l-immaġni elettroniċi tad-dokumenti ffirmati fuq il-karta neċessarji għall-iskrizzjoni.
( 28 ) Dawn l-għanijiet huma msemmija fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Ara s-sentenza État belge, punt 45.
( 30 ) Ara s-sentenza État belge, il-punti 49 u 50.
( 31 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krankenversicherung Nordrhein (C‑667/21, EU:C:2023:1022, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punti 91sa 93).
( 34 ) Infakkar li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar tali kompatibbiltà fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari tagħha.
( 35 ) Kif jenfasizza l-grupp ta’ ħidma “Artikolu 29” fl-opinjoni tiegħu 6/2014, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt(c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR huwa “strettament iddelimitat”. Sabiex tkun tista’ tapplika din id-dispożizzjoni l-obbligu legali għandu jkun suffiċjentement ċar u konformi mad-dritt applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. Dan ma jidhirlix li huwa l-każ ta’ liġi li, minn naħa, teskludi l-ipproċessar tad-data inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tawtorizzah u anki timponih, fuq il-bażi ta’ kunsens preżunt.
( 36 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Bundesrepublik Deutschland (Indirizz tal-posta elettronika tal-qorti) (C‑60/22, EU:C:2023:373, punti 54 u 55).
( 37 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank (C‑138/11, EU:C:2012:449, punti 40 u 41) u s-sentenza Manni, punt 43.
( 38 ) Ara s-sentenza Manni, punt 43.
( 39 ) C‑398/15, EU:C:2016:652, punt 54.
( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 1974, Haaga (32/74, EU:C:1974:116, punt 6) u s-sentenza Manni, punt 50.
( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Norra Stockholm Bygg (C‑268/21, EU:C:2023:145, punt 31).
( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 69).
( 43 ) B’mod partikolari, id-domiċilju tar-rappreżentant tal-kumpannija jew tas-soċji ma jaqax taħt l-identità tiegħu u l-konoxxenza tiegħu ma hijiex, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża All in One Star (C‑469/19, EU:C:2020:822, punt 51), utli għall-protezzjoni ta’ terzi.
( 44 ) Ara s-sentenza Manni, punt 57.
( 45 ) Ara s-sentenza Manni, punt 58.
( 46 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 70).
( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers (C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 66).
( 48 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia “Natsionalna politsia” pri MVR - Sofia (C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 41).
( 49 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Għanijiet tal-ipproċessar ta’ data personali – Investigazzjoni kriminali) (C‑180/21, EU:C:2022:967, punt 85).
( 50 ) Minkejja li, f’obiter dictum fil-punt 51 tas-sentenza État belge, il-Qorti tal-Ġustizzja kkontemplat il-possibbiltà li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(3)(b) u (d) tal-GDPR japplikaw għat-talba għal tħassir ta’ data personali ppubblikata fil-ġurnal uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat, hija madankollu ma esprimietx ruħha fuq din il-kwistjoni, li ma kinitx tqajmet mill-qorti tar-rinviju fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza.
( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 108); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe f’din il-kawża (C-26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:222, punt 91).
( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punti 111 u 112).
( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, FT (Kopji tal-fajl mediku) (C‑307/22, EU:C:2023:811, punti 53 sa 69). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou f’dik il-kawża (C‑307/22, EU:C:2023:315, punt 37).
( 54 ) Għalkemm l-imsemmija proċedura tirrifletti dik prevista fl-Artikolu 13(6) tal-Liġi dwar ir-Reġistri, din id-dispożizzjoni ma jidhirx li tirregola d-dritt għal tħassir jew id-dritt għal oġġezzjoni tas-suġġetti tad-data.