Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CC0014

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fis-16 ta’ Novembru 2023.
XXX vs État belge.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva (UE) 2016/801 – Kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju – Artikolu 20(2)(f) – Applikazzjoni għal ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għal finijiet ta’ studju – Skopijiet oħra – Rifjut ta’ viża – Raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talba – Assenza ta’ traspożizzjoni – Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi – Artikolu 34(5) – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-14/23.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:887

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fis‑16 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawża C14/23 [Perle] (i)

XXX

vs

État belge, irrappreżentat missecrétaire d’État à l’Asile et la Migration

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva (UE) 2016/801 – Kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju – Artikolu 20(2)(f) – Raġuni fakultattiva ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal ammissjoni – Applikazzjoni għal raġunijiet differenti – Modalitajiet ta’ evalwazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni tal-applikant li jsegwi studji – Assenza ta’ traspożizzjoni – Artikolu 34(5) – Garanziji proċedurali – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Portata tas-setgħat tal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita b’rikors – Assenza ta’ setgħa ta’ bidla”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jsegwu l-istudji tagħhom fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri ta’ Stat Membru kif ukoll il-garanziji proċedurali li minnhom jibbenefikaw dawn tal-aħħar skont id-Direttiva (UE) 2016/801 (2).

2.        Din it-talba ġiet tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ċittadina Kamerunjana u l-État belge (l-Istat Belġjan), irrappreżentat mis-Secrétaire d’État à l’Asile et la Migration (is-Segretarju tal-Istat għall-Ażil u l-Migrazzjoni), rigward il-legalità tar-rifjut tiegħu li jagħtiha l-viża mitluba għar-raġuni li hija ma għandhiex ir-rieda li tistudja fil-Belġju. Minkejja li l-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiċħdu tali applikazzjoni ladarba jeżistu provi jew raġunijiet li jistabbilixxu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom huwa jitlob l-ammissjoni tiegħu, il-leġiżlazzjoni Belġjana applikabbli għall-kawża prinċipali ma kinitx tipprovdi espressament din ir-raġuni ta’ rifjut.

3.        Fis-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya (3), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/114/KE (4), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonkludiet li l-Istati Membri kienu liberi li jeżiġu l-provi kollha neċessarji sabiex jevalwaw il-koerenza tal-applikazzjoni magħmula miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, u dan sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu abbużiv jew frawdolenti tal-proċedura stabbilita minn din id-direttiva (5). Din l-interpretazzjoni kienet ibbażata fuq eżami kemm tal-kliem tal-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmija direttiva, li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi ta’ ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għall-finijiet ta’ studju, kif ukoll tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-istess direttiva.

4.        Din il-kawża ġiet ippreżentata meta d-Direttiva 2004/114 tħassret u ġiet issostitwita mid-Direttiva 2016/801, li għandha l-għan li ttejjeb u tissemplifika dawn il-kundizzjonijiet, li tiżgura l-ħeffa tal-proċedura ta’ ammissjoni u li ssaħħaħ id-drittijiet proċedurali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

5.        Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar tliet aspetti tal-proċedura ta’ ammissjoni għal finijiet ta’ studju.

6.        Fl-ewwel lok, huwa jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jiċħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża għal finijiet ta’ studju (iktar ’il quddiem “permess ta’ residenza jew viża ‘tal-istudenti’”) għar-raġuni li fir-realtà, ir-residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju nazzjonali kellha għan ieħor. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 u tiffoka, b’mod partikolari, fuq l-istrateġiji li jistgħu jadottaw l-Istati Membri, matul il-fażi preċedenti għad-dħul ta’ tali ċittadin fit-territorju nazzjonali, sabiex jiġġieldu kontra r-riskji ta’ użu ħażin tal-permess ta’ residenza jew tal-viża “tal-istudenti”. Skont l-istudju mwettaq min-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni (EMN) fix-xahar ta’ Marzu 2022, tnax-il Stat Membru, fosthom ir-Renju tal-Belġju, kienu adottaw tali strateġiji (6).

7.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” biss meta jkollha provi jew raġunijiet serji u oġġettivi li jistabbilixxu li r-residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju nazzjonali la jkollha bħala għan u lanqas bħala skop ewlieni li jiġi segwit, bħala attività prinċipali, kors ta’ studju full-time li jwassal għal kwalifika ta’ tagħlim superjuri rrikonoxxuta minn dan l-Istat Membru.

8.        Fit-tieni lok, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-modalitajiet ta’ traspożizzjoni fid-dritt intern tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801, li jikkostitwixxi dispożizzjoni fakultattiva (7).

9.        F’dan ir-rigward, ser nispjega li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza jeżiġu li l-Istat Membru li ser jittrasponi din id-dispożizzjoni fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu għandu jipprovdi espressament, f’qafas legali ċar, preċiż u prevedibbli, li huwa għandu l-possibbiltà li jiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” għar-raġuni li għandu provi jew raġunijiet serji u oġġettivi li jistabbilixxu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun ser jirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom huwa jitlob l-ammissjoni tiegħu.

10.      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-modalitajiet proċedurali tar-rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti”, previst fl-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, u b’mod partikolari, dwar il-portata tas-setgħat li għandhom jiġu fdati għal dan il-għan lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita b’dan ir-rikors.

11.      Dwar dan il-punt, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom inqis li din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (8), għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li Stat Membru jagħti setgħa ta’ annullament lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita bir-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti”, bl-esklużjoni ta’ setgħa ta’ bidla, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni l-ġdida tingħata mill-awtorità kompetenti qabel il-bidu tas-sena akkademika fl-istabbiliment ta’ tagħlim superjuri li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa rreġistrat b’mod regolari.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

12.      Il-premessi 41 u 60 tad-Direttiva 2016/801 jiddikjaraw:

“(41)      Fil-każ ta’ dubji li jikkonċernaw ir-raġunijiet tal-applikazzjoni għal ammissjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-verifiki xierqa jew jesiġu evidenza sabiex jivvalutaw, skont il-każ, [...] l-istudji [jew] it-taħriġ, [...] intenzjonat tal-applikant u jiġġieled kontra l-abbuż jew użu ħażin tal-proċedura stabbilita f’din id-Direttiva.

[...]

(60)      Kull Stat Membru għandu jiżgura li informazzjoni adegwata u regolarment aġġornata tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali, speċjalment fuq l-internet, rigward l-entitajiet ospitanti approvati għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.”

13.      Il-punti 3 u 21 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

[...]

(3)      ‘student’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie aċċettat minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja u jkun ammess fit-territorju ta’ Stat Membru biex isegwi bħala attività prinċipali kors ta’ studju full-time li jwassal għal kwalifika ta’ edukazzjoni għolja rikonoxxuta minn dak l-Istat Membru, inklużi diplomi, ċertifikati u lawrji dottorali, f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja, fejn jista’ jkopri kors preparatorju qabel it-tali edukazzjoni, skont il-liġi nazzjonali, jew taħriġ obbligatorju;

[...]

(21)      ‘awtorizzazzjoni’ tfisser permess ta’ residenza jew, jekk previst fil-liġi nazzjonali, viża għal permanenza twila maħruġa għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.”

14.      Il-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ammissjoni”, jinkludi l-Artikoli 5 sa 16. L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Prinċipji”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz taħt din id-Direttiva għandha tkun soġġetta għall-verifika ta’ evidenza dokumentata li turi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jilħaq:

(a)      il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7; u

(b)      il-kundizzjoni speċifiċi rilevanti fl-Artikoli 8, 11, 12, 13, 14 jew 16.

2.      L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-applikant jipprovdi l-evidenza dokumentata msemmija fil-paragrafu 1 b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat jew fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni [Ewropea] determinata minn dak l-Istat Membru.

3.      Fejn il-kundizzjonijiet ġenerali kollha u l-kundizzjonijiet speċifiċi rilevanti kollha għall-ammissjoni jintlaħqu, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikunu intitolati għal awtorizzazzjoni.

Fejn Stat Membru joħroġ permessi ta’ residenza biss fit-territorju tiegħu u jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha ta’ammissjoni stabbiliti f’din id-Direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu joħroġ għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz il-viża meħtieġa.”

15.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2016/801, intitolat “Kundizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi:

“1.      Fir-rigward tal-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz taħt din id-Direttiva, l-applikant għandu:

(a)      jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu, kif iddeterminat mil-liġi nazzjonali, u, jekk mitlub, applikazzjoni għal viża u viża valida jew, fejn applikabbli, permess ta’ residenza validu jew viża valida għal permanenza twila; l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-perijodu ta’ validità tad-dokument ta’ vjaġġar jkopri mill-inqas it-tul ta’ żmien tal-permanenza ppjanata;

(b)      jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun minorenni taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, jippreżenta awtorizzazzjoni tal-ġenituri jew dokument ekwivalenti għall-permanenza ppjanata;

(c)      jippreżenta evidenza li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jew, jekk previst fil-liġi nazzjonali, li applika għal assigurazzjoni medika għar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat; l-assigurazzjoni għandha tkun valida għal kemm iddum il-permanenza ppjanata;

(d)      jipprovdi evidenza, jekk l-Istat Membru hekk jitlob, li d-drittijiet imposti biex tiġi ttrattata l-applikazzjoni previsti fl-Artikolu 36 tħallsu;

(e)      jipprovdi l-evidenza mitluba mill-Istat Membru kkonċernat li, matul il-permanenza ppjanata, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ser ikollu riżorsi biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż ta’ sussistenza mingħajr ma jkollu jirrikorri għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru, u l-ispejjeż tal-vjaġġ lura. Il-valutazzjoni tar-riżorsi suffiċjenti għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tal-każ u għandha tqis ir-riżorsi li jkunu ġejjin, fost l-oħrajn, minn għotja, borża ta’ studju jew fellowship, kuntratt tax-xogħol validu jew offerta vinkolanti ta’ impjieg jew impenn finanzjarju minn organizzazzjoni għal skema ta’ skambju ta’ skulari, entità li tospita t-trainees, organizzazzjoni għal skema ta’ servizz volontarju, familja ospitanti jew organizzazzjoni li sservi ta’ medjatur għall-au pairs.

2.      L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-applikant jipprovdi l-indirizz taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat fit-territorju tagħhom.

[...]

3.      L-Istati Membri jistgħu jindikaw ammont ta’ referenza li huma jqisu li jikkostitwixxi ‘riżorsi suffiċjenti’ kif imsemmi taħt il-punt (e) tal-paragrafu (1). Il-valutazzjoni tar-riżorsi suffiċjenti għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tal-każ.

4.      L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata u eżaminata jew meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun qed jirrisjedi barra t-territorju tal-Istat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jixtieq jidħol jew meta hu jkun diġà qed jirrisjedi f’dak l-Istat Membru bħala detentur ta’ permess ta’ residenza validu jew viża għal permanenza twila.

Permezz ta’ deroga, Stat Membru jista’ jaċċetta, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, applikazzjoni ppreżentata meta ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz ma jkunx fil-pussess ta’ permess ta’ residenza validu jew viża valida għal permanenza twila iżda jkun legalment preżenti fit-territorju tiegħu.

5.      L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjonijiet għandhomx jiġu ppreżentati miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, mill-entità ospitanti, jew minn kwalunkwe minnhom.

6.      Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma kkunsidrati bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika m’għandhomx jiġu ammessi.”

16.      L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprevedi, kif jindika t-titolu tiegħu, il-“[k]undizzjonijiet speċifiċi għall-istudenti”. Dan jipprovdi:

“1.      Minbarra l-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 7, fir-rigward tal-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għall-fini ta’ studji, l-applikant għandu jipprovdi evidenza:

(a)      li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ġie aċċettat minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja biex jagħmel kors ta’ studju;

(b)      jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li l-miżati mitluba mill-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tħallsu;

(c)      jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li għandhom għarfien suffiċjenti tal-lingwa tal-kors li ser jiġi segwit;

(d)      jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ser ikollu riżorsi suffiċjenti biex ikopri l-ispejjeż tal-istudji.

2.      Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li awtomatikament jikkwalifikaw għal assigurazzjoni medika għar-riskji kollha li normalment ikunu koperti għalihom iċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat bħala riżultat ta’ reġistrazzjoni f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja għandhom jitqiesu li jilħqu l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 7(1).

3.      Stat Membru li jkun stabbilixxa proċedura ta’ approvazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja skont l-Artikolu 15 għandu jeżenta applikanti milli jippreżentaw wieħed jew aktar mid-dokumenti jew evidenza msemmijin fil-punti (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew fil-punt (d) tal-Artikolu 7(1) jew fl-Artikolu 7(2), fejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu ser jiġu ospitati minn istituzzjonijiet approvati ta’ edukazzjoni għolja.”

17.      Fil-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva, intitolat “Raġunijiet għal rifjut, irtirar jew għal nuqqas ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet”, jinsab l-Artikolu 20 dwar ir-“[r]aġunijiet għal rifjut” tal-applikazzjoni, li huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni fejn:

(a)      il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7 u l-kundizzjonijiet speċifiċi rilevanti stipulati fl-Artikoli 8, 11, 12, 13, 14 jew 16 ma jintlaħqux;

[...]

2.      L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni fejn:

[...]

(f)      l-Istat Membru jkollu evidenza jew raġunijiet serji u oġġettivi biex ikun stabbilit li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li applika għalihom biex ikun ammess.

[...]

4.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, kwalunkwe deċiżjoni li tiġi rifjutata applikazzjoni għandha tieħu kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ u tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità.”

18.      Dan il-Kapitolu IV jinkludi wkoll l-Artikolu 21 li, skont it-titolu tiegħu, jipprovdi r-“[r]aġunijiet għall-irtirar jew għar-rifjut ta’ tiġdid ta’ awtorizzazzjoni”.

19.      Fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2016/801, intitolat “Proċedura u trasparenza”, jinsabu l-Artikoli 33 sa 36. L-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva, dwar il-“[g]aranziji ta’ proċedura u trasparenza”, jipprevedi:

“1.      L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew għat-tiġdid tagħha u jinnotifikaw lill-applikant bil-miktub bid-deċiżjoni, f’konformità mal-proċeduri ta’ notifika skont il-liġi nazzjonali, mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 90 jum mid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni kompluta.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan fl-Artikolu, fil-każ li l-proċedura ta’ ammissjoni hija relatata ma’ entità ospitanti approvata kif imsemmi fl-Artikoli 9 u 15, id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni kompluta għandha tittieħed mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 60 jum.

3.      Fejn l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni pprovduta b’appoġġ għall-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-applikant f’perijodu raġonevoli dwar l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u jistabbilixxu skadenza raġonevoli biex din tiġi pprovduta. Il-perijodu msemmi fil-paragrafi 1 jew 2 għandu jiġi sospiż sakemm l-awtoritajiet kompetenti jkunu rċevew l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa. Jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti addizzjonali ma jkunux ġew ipprovduti fi żmien l-iskadenza, l-applikazzjoni tista’ ma tintlaqax.

4.      Ir-raġunijiet għal deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli jew li ma tilqax applikazzjoni jew li tirrifjuta t-tiġdid għandhom jingħataw lill-applikant bil-miktub. Ir-raġunijiet għal deċiżjoni li tirtira awtorizzazzjoni għandhom jingħataw bil-miktub liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Ir-raġunijiet għal deċiżjoni li tirtira awtorizzazzjoni jistgħu jingħataw bil-miktub ukoll lill-entità ospitanti.

5.      Kwalunkwe deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli jew li ma tilqax applikazzjoni, li tirrifjuta t-tiġdid, jew li tirtira awtorizzazzjoni għandha tkun miftuħa għal kontestazzjoni legali fl-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-liġi nazzjonali. In-notifika bil-miktub għandha tispeċifika l-qorti jew l-awtorità amministrattiva li quddiemha jista’ jitressaq l-appell u l-limitu ta’ żmien għat-tressiq tal-appell.”

20.      L-Artikolu 35 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Trasparenza u aċċess għall-informazzjoni”, jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli faċilment għall-applikanti l-informazzjoni dwar il-evidenza dokumentarja kollha meħtieġa għal applikazzjoni u l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza, inklużi d-drittijiet, l-obbligi u s-salvagwardji proċedurali, taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u, fejn applikabbli, tal-membri tal-familja tagħhom. Dan għandu jinkludi, fejn applikabbli, il-livell tar-riżorsi suffiċjenti fix-xahar, inklużi r-riżorsi suffiċjenti meħtieġa biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-istudji jew l-ispejjeż tat-taħriġ, mingħajr preġudizzju għal eżami individwali ta’ kull każ, u d-drittijiet imposti applikabbli.

L-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru għandhom jippubblikaw il-listi tal-entitajiet ospitanti approvati għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Il-verżjonijiet aġġornati ta’ dawn il-listi għandhom jiġu ppubblikati mill-aktar fis possibbli wara kwalunkwe modifika li ssirilhom.”

21.      Fil-Kapitolu VIII tad-Direttiva 2016/801, intitolat “Dispożizzjonijiet finali”, jinsab l-Artikolu 40 li jirrigwarda t-“[t]raspożizzjoni”, li jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit‑23 ta’ Mejju 2018. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni [Ewropea].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Huma għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti dwar id-direttivi mħassra minn din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif tali referenza għandha ssir u kif dik id-dikjarazzjoni għandha titfassal.

2.      L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.”

B.      Iddritt Belġjan

22.      L-Artikolu 3 tal-loi sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi dwar id-Dħul fit-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin) tal-15 ta’ Diċembru 1980 (9), kien jipprovdi:

“Ħlief f’każ ta’ derogi previsti minn trattat internazzjonali jew mil-liġi, id-dħul jista’ jiġi rrifjutat lill-barrani li jinsab f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

1°      jekk jiġi arrestat fiż-żona ta’ tranżitu tal-ajruport mingħajr ma jkollu d-dokumenti meħtieġa mill-Artikolu 2;

[...]

5°      jekk jiġi rrappurtat għall-finijiet ta’ nuqqas ta’ ammissjoni u projbizzjoni ta’ residenza fis-[Sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen (10)] jew fil-Banque de données Nationale Générale [il-Bank tad-Data Nazzjonali Ġenerali, il-Belġju];

6°      jekk jiġi kkunsidrat li jista’ jikkomprometti r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Belġju jew ta’ Stat parti f’konvenzjoni internazzjonali dwar il-qsim tal-fruntieri esterni, li torbot lill-Belġju;

7°      jekk jiġi kkunsidrat li jista’ jikkomprometti l-paċi pubblika, l-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali;

8°      jekk ikun intbagħat lura jew tkeċċa mir-Renju inqas minn għaxar snin ilu, meta l-miżura ma tkunx ġiet sospiża jew posposta.”

23.      L-Artikolu 39/2(2) ta’ din il-liġi, kien jistabbilixxi:

“Il-Conseil [du contentieux des étrangers (Belgique) (11) (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju)] għandu jiddikjara l-annullament, permezz ta’ sentenzi, dwar ir-rikorsi l-oħra minħabba ksur tar-rekwiżiti formali kemm essenzjali, kif ukoll preskritti taħt piena ta’ nullità, eċċess jew użu ħażin ta’ poter”.

24.      L-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 kien jipprovdi:

“Meta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fir-Renju titressaq f’uffiċċju diplomatiku jew konsulari Belġjan minn barrani li jixtieq isegwi fil-Belġju studji fit-tagħlim superjuri jew isegwi fih sena preparatorja għat-tagħlim superjuri, din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata jekk il-parti kkonċernata ma tkunx tinsab f’wieħed mill-każijiet previsti fil-punti 5 sa 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, u jekk tipproduċi d-dokumenti li ġejjin:

1°      dikjarazzjoni maħruġa minn stabbiliment ta’ tagħlim konformement mal-Artikolu 59;

2°      il-prova li hija għandha mezzi suffiċjenti ta’ għajxien;

3°      ċertifikat mediku li minnu jirriżulta li ma ssofrix minn xi marda jew diżabbiltà elenkata fl-anness ta’ din il-liġi;

4°      ċertifikat li jikkonstata l-assenza ta’ kundanni għal reati jew delitti tad-dritt ordinarju, jekk il-parti kkonċernata għandha iktar minn 21 sena.

Fin-nuqqas ta’ produzzjoni taċ-ċertifikat previst fil-[punt 3] u fil-[punt 4] tal-paragrafu 1, il-Ministru [kompetenti mid-dħul fit-territorju, mir-residenza, mill-istabbiliment u mit-tneħħija tal-barranin (12)] jew id-delegat tiegħu, jista’ madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, jawtorizza lill-barrani jirrisjedi fil-Belġju sabiex jistudja hemmhekk.

L-awtorizzazzjoni ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fir-Renju tista’ tintalab mill-barrani skont il-modalitajiet stabbiliti mir-Re b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 9(2).”

25.      Il-loi du 11 juillet 2021 modifiant la loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers en ce qui concerne les étudiants (il-Liġi tal‑11 ta’ Lulju 2021 li Temenda l-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar id-Dħul fit-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin għal dak li Jirrigwarda l-Istudenti) (13) ittrasponiet parzjalment id-Direttiva 2016/801, wara d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva previst fl-Artikolu 40 tagħha.

III. Ilfatti talkawża prinċipali u ddomandi preliminari

26.      Fis‑6 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadina Kamerunjana, ressqet, quddiem l-ambaxxata tal-Belġju f’Yaoundé (il-Kamerun), applikazzjoni għal viża “tal-istudenti” abbażi tal-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980.

27.      Peress li l-għoti ta’ viża ġie rrifjutat lilha b’deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet, fit‑28 ta’ Settembru 2020, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin), li ċaħad it-talba tagħha b’sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2020.

28.      F’dan ir-rigward, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) iddeċieda, essenzjalment, li l-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 jimponi lir-Renju tal-Belġju jivverifika r-rieda tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tistudja fil-Belġju. Barra minn hekk, dan qies li r-Renju tal-Belġju seta’ jirrifjuta l-viża mitluba abbażi ta’ dan l-Artikolu 58, anki jekk l-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 ma kienx ġie traspost, peress li l-imsemmi Artikolu 58 kien jipprovdi wkoll il-possibbiltà li tali applikazzjoni għal viża tiġi miċħuda. Skont il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin), l-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 jimponi lir-Renju tal-Belġju jivverifika r-realtà tax-xewqa ta’ studju fil-Belġju u jippermettilu għalhekk jiċħad l-applikazzjoni jekk jirriżulta li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandux rieda reali li jistudja.

29.      Permezz ta’ rikors tad‑19 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet talba għal kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).

30.      Hija targumenta, l-ewwel, li l-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) ma setax, ġustament, jiddeċiedi li l-applikazzjoni tal-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 kienet konformi mal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801, peress li din l-aħħar dispożizzjoni ma kinitx ġiet trasposta fid-dritt Belġjan u li, kuntrarjament għall-obbligi ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali, id-dritt Belġjan ma kienx jippreċiża r-raġunijiet serji u oġġettivi li jippermettu li jiġi stabbilit li hija kienet ser tirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom kienet talbet l-ammissjoni tagħha.

31.      Barra minn hekk, filwaqt li l-Istat Belġjan isostni, bħala difiża, li din id-direttiva, b’mod partikolari l-premessa 41 tagħha, tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw ir-realtà tal-proġett ta’ studju tal-applikant u l-intenzjoni tiegħu li jistudja, b’tali mod li l-Istati Membri jistgħu jeżiġu l-provi neċessarji sabiex jevalwaw il-koerenza tal-applikazzjoni għal ammissjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “student” prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, tippermetti biss li jiġi żgurat li l-applikant huwa ammess fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri, u mhux li tiġi vverifikata x-xewqa tiegħu li jistudja.

32.      Fil-fatt, l-Istat Belġjan isostni li l-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 1980, li jipprovdi li l-awtorizzazzjoni ta’ residenza tingħata lil barrani li jixtieq jistudja fil-Belġju, jiżgura traspożizzjoni tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801, li huwa kkontestat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

33.      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din l-indikazzjoni ta’ “xewqa li jistudja” hijiex suffiċjenti għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu 20(2)(f) u jekk qari konformi ma’ din id-direttiva jissodisfax l-obbligi ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, hija tirrileva li d-definizzjoni, jew saħansitra l-enumerazzjoni, tal-provi jew tar-raġunijiet serji u oġġettivi li jippermettu li jiġi stabbilit li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom talab l-ammissjoni tiegħu ma hijiex inkluża fl-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 u tistaqsi għalhekk dwar jekk għandhiex tkun prevista espressament fil-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

34.      Il-qorti tar-rinviju tqis li dan l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa infondat, peress li l-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 jippermetti li l-applikazzjoni tiġi miċħuda jekk jirriżulta li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom talab l-ammissjoni tiegħu, li jimplika li l-Istati Membri jistgħu neċessarjament jivverifikaw li l-applikant verament għandu l-intenzjoni li jirrisjedi għall-iskop li jiġġustifika l-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, hija tqis li għandha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

35.      Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar jekk l-applikazzjoni konformi tal-Artikolu 20(2)(f) ta’ din id-direttiva, b’osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali, teħtieġx, minn naħa, li d-dritt nazzjonali jipprevedi espressament li din l-applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda meta l-Istat Membru jkollu provi jew raġunijiet serji u oġġettivi sabiex jistabbilixxi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom talab l-ammissjoni tiegħu, u min-naħa l-oħra, li d-dritt nazzjonali jippreċiża liema huma dawn il-provi jew dawn ir-raġunijiet serji u oġġettivi li jippermettu li jiġi stabbilit li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom talab l-ammissjoni tiegħu.

36.      It-tieni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tallega li l-modalitajiet ta’ stħarriġ eżerċitati mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) jiksru r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 39/2(2) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, dan l-istħarriġ huwa stħarriġ tal-legalità, b’tali mod li, minkejja li l-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) jista’ jwaqqaf illegalità, huwa ma għandux setgħa ta’ bidla. Madankollu, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-parti l-oħra tkun marbuta bl-awtorità ta’ res judicata marbuta mad-dispożittiv tas-sentenza u mar-raġunijiet li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha.

37.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, kif issostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 39/2(2) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 josservax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, mill-prinċipju ta’ effettività u mill-Artikolu 47 tal-Karta.

38.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tal-Artikolu 288 [TFUE], tal-Artikoli 14 u 52 tal-[Karta], tal-Artikoli 3, 5, 7, 11, 20, 34, 35 u 40 tad-Direttiva [2016/801] u tal-premessi 2 u 60 tagħha, [kif ukoll] tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza, il-possibbiltà ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal residenza, mogħtija lill-Istat Membru mill-Artikolu 20(2)(f) tad-direttiva, għandha, sabiex tintuża mill-imsemmi Stat, tkun espressament prevista mil-leġiżlazzjoni tiegħu? Jekk dan huwa l-każ, ir-raġunijiet serji u oġġettivi għandhom ikunu ppreċiżati mil-leġiżlazzjoni tiegħu?

2)      L-eżami tal-applikazzjoni għal viża għal studji, jeżiġi li l-Istat Membru jivverifika l-volontà u l-intenzjoni tal-barrani li jagħmel l-istudji tiegħu, minkejja li l-Artikolu 3 tad-direttiva [2016/801] jiddefinixxi l-istudent bħala dak li huwa ammess fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri u li r-raġunijiet ta’ ċaħda tal-applikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 20(2)(f) huma fakultattivi u mhux vinkolanti bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 20(1) tad-direttiva?

3)      L-Artikolu 47 tal-[Karta], il-prinċipju ta’ effettività u l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, jeħtieġu li r-rimedju, organizzat mid-dritt nazzjonali kontra deċiżjoni li tirrifjuta talba għal ammissjoni fit-territorju għal finijiet ta’ studji, jippermetti lill-qorti tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-awtorità amministrazzjoni b’dik tagħha u li tirriforma d-deċiżjoni ta’ dik l-awtorità, jew stħarriġ tal-legalità li jippermetti lill-qorti tiċċensura illegalità, b’mod partikolari żball manifest ta’ evalwazzjoni, billi tannulla d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva huwa suffiċjenti?”

39.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Belġjan kif ukoll mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fil‑11 ta’ Ottubru 2023, li matulha l-Gvern Ċek, Litwan, Lussemburgiż, Ungeriż u Olandiż ukoll issottomettew l-osservazzjonijiet orali tagħhom (14).

IV.    Analiżi

40.      Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fl-ewwel lok, it-tieni domanda preliminari li tirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” għar-raġuni stabbilita fl-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801. Fit-tieni lok, ser nindirizza l-modalitajiet ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dritt intern, li fuqhom tikkonċentra l-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ser nanalizza l-modalitajiet proċedurali tar-rikors kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti”, previst fl-Artikolu 34(5) ta’ din id-direttiva, li huma s-suġġett tat-tielet domanda preliminari.

A.      Fuq ilportata talpossibbiltà offruta lillIstat Membru li jiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “talistudenti” għarraġuni prevista flArtikolu 20(2)(f) tadDirettiva 2016/801 (ittieni domanda preliminari)

41.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, għall-finijiet tal-eżami ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” mressqa abbażi tad-Direttiva 2016/801, l-awtorità kompetenti għandhiex tivverifika r-rieda u l-intenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jsegwi studji, u jekk ikun il-każ, il-kundizzjonijiet li fihom hija għandha twettaq dan l-eżami.

42.      Il-qorti tar-rinviju ma tirreferix espressament għall-eżami meħtieġ taħt l-Artikolu 20(2)(f) ta’ din id-direttiva, iżda b’mod iktar ġenerali għall-“eżami tal-applikazzjoni għal viża għal studji”. Madankollu, għar-raġunijiet li ser nesponi issa, hija biss din id-dispożizzjoni li timplika li l-awtorità kompetenti tivverifika l-intenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jsegwi l-istudji tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ tali applikazzjoni.

43.      Fil-fatt, mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/801, moqri flimkien mal-premessa 30 tagħha, jirriżulta li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu dritt għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” jekk l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi ddikjarati rispettivament fl-Artikoli 7 u 11 ta’ din id-direttiva (15).

44.      Ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, kemm jekk ġenerali jew speċifika, ma timplika li l-awtorità kompetenti tivverifika, effettivament, l-intenzjoni u r-rieda taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jsegwi studji. L-ammissjoni fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri sabiex isegwi kors ta’ studju hemmhekk (16), il-ħlas tal-miżati ta’ reġistrazzjoni marbuta miegħu jew ukoll l-għarfien suffiċjenti tal-lingwa tal-kors ta’ studju huma kriterji oġġettivi li jippermettu normalment li tiġi stabbilita l-intenzjoni tal-applikant li jistudja. Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet materjali ma jippermettux li jiġu esklużi s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità kompetenti tista’ tiġi mqarrqa, b’mod intenzjonat jew le, fir-rigward tal-iskop tar-residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

45.      Għalhekk, il-premessa 36 tad-Direttiva 2016/801 tippreċiża li “[g]ħandu jkun possibbli [għall-Istati Membri li jirrifjutaw] l-ammissjoni [...] għal raġunijiet iġġustifikati b’mod xieraq”. Kif fakkret il-Kummissjoni waqt is-seduta, dawn ir-raġunijiet huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva u l-Istati Membri ma jistgħux iżidu oħrajn.

46.      L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2016/801, jipprevedi r-raġunijiet li għalihom l-Istat Membru għandu jiċħad l-applikazzjoni għal ammissjoni. Dan jirrigwarda raġunijiet obbligatorji. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva, jipprovdi r-raġunijiet li għalihom l-Istat Membru jista’ jiċħad tali talba. Kif juri l-użu tal-verb “jista’” mil-leġiżltur tal-Unjoni, dawn ir-raġunijiet huma fakultattivi għall-Istat Membru.

47.      Issa, fost dawn ir-raġunijiet kollha, hija biss ir-raġuni ta’ ċaħda prevista fl-Artikolu 20(2)(f) tal-imsemmija direttiva li tirrigwarda, effettivament, l-iskop tar-residenza tal-applikant (17).

48.      Għalhekk, issa għandu jiġi ddeterminat sa fejn l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li quddiemha tressqet applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” għandha tivverifika l-intenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jsegwi studji. Għal dan il-għan, ser nibda l-eżami tiegħi b’analiżi testwali tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801, qabel ma nistudja l-kuntest u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li fiha taqa’ din id-dispożizzjoni.

1.      Analiżi testwali talArtikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801

49.      L-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 jagħti lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru l-possibiltà li tiċħad applikazzjoni għal ammissjoni għaliex ikollha “evidenza jew raġunijiet serji u oġġettivi biex ikun stabbilit li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li applika għalihom biex ikun ammess”.

50.      Fl-ewwel lok, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Fil-fatt, hija tippermetti lill-awtorità kompetenti tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” u b’hekk li tirrifjuta d-dħul u r-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ studju fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, minkejja li huwa stabbilit li din l-applikazzjoni ma hija vvizzjata minn ebda wieħed mid-difetti msemmija fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2016/801, jiġifieri li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà meħtieġa fl-Artikoli 7 u 11 ta’ din id-direttiva, li d-dokumenti u l-informazzjoni li fuqhom hija bbażata l-imsemmija applikazzjoni huma awtentiċi u eżatti u, jekk ikun il-każ, li l-entità ospitanti kkonċernata hija approvata.

51.      Interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 hija meħtieġa iktar u iktar għaliex ir-raġuni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal ammissjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi wkoll raġuni għall-irtirar jew għar-rifjut ta’ tiġdid ta’ awtorizzazzjoni mogħtija lill-istudent, konformement mal-Artikolu 21(1)(d) ta’ din id-direttiva, kif ukoll raġuni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal mobbiltà mressqa minn dan tal-aħħar quddiem it-tieni Stat Membru konformement mal-Artikolu 31(7)(b) tal-imsemmija direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali raġuni jista’ jkollha konsegwenzi ferm iktar gravi mhux biss fir-rigward tal-applikant, iżda wkoll tal-membri tal-familja tiegħu (18).

52.      Fit-tieni lok, mill-kliem tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 jirriżulta li dan jirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha l-permess ta’ residenza jew il-viża jkollha “raġunijiet differenti” minn dawk li għalihom ġew mitluba. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jeleva l-iskop tar-residenza bħala kundizzjoni essenzjali – li huwa koerenti fid-dawl tan-“natura speċifika tal-permanenza ta’ kull kategorija ta’ ċittadin[i] ta’ pajjiż terz” li jaqgħu taħt din id-direttiva (19).

53.      Fir-rigward tal-permess ta’ residenza jew tal-viża “tal-istudenti”, l-iskop tar-residenza jirriżulta mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “student”, stabbilita fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/801, li tipprovdi li student huwa “ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie aċċettat minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja u jkun ammess fit-territorju ta’ Stat Membru biex isegwi bħala attività prinċipali kors ta’ studju full-time li jwassal għal kwalifika ta’ edukazzjoni għolja rikonoxxuta minn dak l-Istat Membru” (20).

54.      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie ammess fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri, iżda li l-applikazzjoni għal ammissjoni tiegħu għadha qed tiġi eżaminata mill-awtorità kompetenti, ma għandux il-kwalità ta’ “student” fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

55.      Fil-fatt, minn din id-definizzjoni, b’mod partikolari mill-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “u”, jirriżulta li l-kwalità ta’ “student” teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi ammess fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri, u min-naħa l-oħra, li jiġi ammess fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, u dan sabiex isegwi l-istudji tiegħu bħala attività prinċipali u full-time, fl-istabbiliment ta’ tagħlim superjuri li fih huwa rreġistrat b’mod regolari. Kif enfasizza l-Gvern Belġjan waqt is-seduta, dan l-iskop huwa espress ukoll fl-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2016/801, li jeħtieġ li dan iċ-ċittadin ikun ġie aċċettat fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri “biex jagħmel kors ta’ studju”. Fid-dawl tal-imsemmija definizzjoni, jidhirli li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ għalhekk tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” abbażi tal-Artikolu 20(2)(f) ta’ din id-direttiva meta tistabbilixxi li r-residenza tal-imsemmi ċittadin ikollha skop ieħor.

56.      Tali sitwazzjoni tista’ tirriżulta minn żball involontarju. Dan jista’ jkun il-każ meta l-awtorità kompetenti tikkonstata li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu l-intenzjoni li jeżerċita attività ekonomika taħt kundizzjonijiet li ma jippermettulux li jiddedika l-“ħin ta’ studju” – sabiex nuża l-kliem tal-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva (21) –, fejn għalhekk ir-residenza tkun imċaħħda mill-għan u l-iskop prinċipali tagħha.

57.      Tali sitwazzjoni tista’ wkoll issib l-oriġini tagħha f’tentattiv ta’ użu ħażin deliberat tal-proċedura. F’dan il-każ, l-awtorità kompetenti hija mqarrqa dwar l-iskop reali tar-residenza, permezz tal-intenzjoni abbużiva jew frawdolenti tal-entità ospitanti jew taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (22). Għalhekk, dan tal-aħħar jista’ jressaq applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” bl-uniku skop li jabbuża mill-faċilitajiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni favur l-istudenti barranin, li jibbenefika mid-drittijiet u l-vantaġġi li huma marbutin mal-istatus tal-istudent (23), li jevita l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza li altrimenti jkunu applikabbli għalih, jew saħansitra li jibqa’ fl-Istat Membru. Konsegwentement, l-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 għandu l-għan li jipprevjeni s-sitwazzjonijiet li fihom huwa stabbilit li d-dritt għar-residenza jew għall-viża “tal-istudenti” ikun żvijat mill-iskop tiegħu, billi jagħti lill-Istati Membri l-mezzi sabiex jidentifikawhom, b’mod simili għall-miżuri li dawn tal-aħħar jistgħu jieħdu fl-ambaxxati jew fil-konsulati tagħhom sabiex jidentifikaw u jipprevjenu l-użu ħażin tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, pereżempju bi żwiġijiet ta’ konvenjenza (24).

58.      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 hija kkonfermata mill-premessa 41 ta’ din id-direttiva li tindika li “[f]il-każ ta’ dubji li jikkonċernaw ir-raġunijiet tal-applikazzjoni għal ammissjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-verifiki xierqa jew jesiġu evidenza sabiex jivvalutaw, skont il-każ, [...] l-istudji, it-taħriġ, [...] intenzjonat tal-applikant u jiġġieled kontra l-abbuż jew użu ħażin tal-proċedura stabbilita [fl-imsemmija direttiva]” (25).

59.      Fit-tielet lok, l-użu tal-kundizzjonal (“séjournerait” (“ikun ser jirrisjedi”)) fl-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 jippermetti li tiġi ppreċiżata n-natura tal-evalwazzjoni li għandha twettaq l-awtorità kompetenti. Din hija evalwazzjoni ex ante, peress li din l-awtorità għandha tiddetermina, f’kuntest ipotetiku, l-intenzjonijiet tal-applikant rigward l-għan jew l-iskop tar-residenza (26).

60.      Għalhekk din l-evalwazzjoni tiddinstingwi lilha nnifisha minn dik li l-imsemmija awtorità għandha twettaq skont l-Artikolu 21(1)(d) tad-Direttiva 2016/801. Skont din id-dispożizzjoni, hija għandha tirtira jew tirrifjuta t-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni preċedentement mogħtija jekk tistabbilixxi li “iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrisjedi għal finijiet differenti minn dawk li għalihom iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ġie awtorizzat jirrisjedi” (27). F’dan il-każ, ċirkustanzi oġġettivi, bħall-fatt li dan iċ-ċittadin ma bediex l-istudji kkonċernati, issospendiehom jew abbandunahom qabel il-waqt, jew anki l-fatt li jeżerċita attività professjonali li teċċedi n-numru massimu ta’ sigħat ta’ xogħol awtorizzati, li jirrisjedi ’l bogħod mill-post tal-istudji, saħansitra fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor lil hinn mid-drittijiet tiegħu ta’ mobbiltà fl-Unjoni, huma konstatazzjonijiet materjali li jippermettu li jiġi stabbilit iktar faċilment l-għan u l-iskop tar-residenza tal-imsemmi ċittadin u, b’mod partikolari, il-każijiet ta’ użu ħażin tal-proċedura. Tali konstatazzjonijiet huma iktar diffiċli li jiġu stabbiliti meta titressaq l-applikazzjoni filwaqt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun għadu jirrisjedi barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

61.      F’dan ir-rigward, fid-dawl tas-silenzju tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801, il-prova hija libera. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistabbilixxi ebda rekwiżit partikolari rigward il-forma tagħha, waqt li fil-premessa 41 ta’ din id-direttiva jindika li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-“verifiki xierqa” u jeżiġu “evidenza” (28) sabiex jevalwaw, skont kull każ inkwistjoni, l-istudji jew it-taħriġ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jippjana li jsegwi kif ukoll ir-riskju ta’ abbuż jew ta’ frodi. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta li r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-awtorità kompetenti għandhom ikunu “oġġettivi u serji” (29), li jimplika li hija jkollha raġunijiet dettaljati u solidi, li jirriżultaw minn eżami individwalizzat tal-applikazzjoni, u li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tagħha.

62.      Fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet testwali, ser nagħmel żewġ osservazzjonijiet.

63.      L-ewwel waħda tirrigwarda l-oneru tal-prova. Fil-fehma tiegħi, ma huwiex suffiċjenti li l-awtorità kompetenti tiddubita l-għan u l-iskop tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti”. Għall-kuntrarju, jidhirli neċessarju li hija tikseb il-konvinzjoni li r-residenza la m’hi se jkollha bħala għan u lanqas bħala skop l-istudji fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri msemmija f’din l-applikazzjoni. Din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq għadd ta’ indikaturi kemm oġġettivi kif ukoll suġġettivi u tista’ teħtieġ il-kooperazzjoni tal-atturi kollha kkonċernati, mhux biss tal-applikant, tal-missjonijiet diplomatiċi, tal-ambaxxati jew tal-konsulati (skont l-organizzazzjoni tal-istanzi nazzjonali kkonċernati), iżda wkoll tal-istabbilimenti ta’ tagħlim superjuri, u anki tad-dipartimenti responsabbli mill-immigrazzjoni. L-intenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz hija element suġġettiv li normalment ikun stabbilit b’riferiment għal kriterji oġġettivi, bħar-reġistrazzjoni tiegħu fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri, l-ispejjeż tal-istudji sostnuti, l-għarfien tal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti, u n-natura regolari tar-residenzi preċedenti tiegħu fi Stat Membru tal-Unjoni. Ċerti Stati Membri jistgħu jagħtu attenzjoni partikolari f’dan il-kuntest lill-koerenza tal-pjan ta’ studji tal-applikant. Fi Franza, l-applikazzjonijiet imressqa miċ-ċittadini Eġizzjani għandhom ikunu akkumpanjati minn pjan immotivat, li jkun “koerenti, u sa fejn ikun possibbli, f’kontiwità [mal]-perkors preċedenti” (30). Fil-Belġju, kif jirriżulta mid-dokumenti mehmużin mal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Belġjan waqt is-seduta, l-applikazzjoni għal ammissjoni mressqa quddiem l-awtoritajiet konsulari tal-Kamerun tinkludi kwestjonarju u hija akkumpanjata minn intervista li għandha tippermetti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz juri r-realtà tal-intenzjoni tiegħu li jirrisjedi fil-Belġju bħala student (31). F’dawn il-każijiet inkwistjoni, il-koerenza tal-pjan ta’ studji hija evalwata fid-dawl tal-kompetenzi miksuba miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni tal-perkors akkademiku tiegħu, u fid-dawl tal-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet professjonali tiegħu. Dan iċ-ċittadin għandu wkoll il-possibbiltà li jiċċara jew jiddefendi l-pjan ta’ studji jew ta’ taħriġ tiegħu waqt intervista ma’ speċjalist fil-qasam tal-gwida vokazzjonali.

64.      Waqt is-seduta, ingħatat attenzjoni partikolari lir-rilevanza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-koerenza tal-pjan ta’ studji taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-kuntest tal-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-użu ħażin tal-proċedura. Fil-fatt, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni semma espressament dan l-element fil-premessa 15 tad-Direttiva 2004/114, huwa ma rriproduċiehx fil-premessa 41 tad-Direttiva 2016/801, fejn ipprefera formulazzjoni iktar ġenerali ffokata fuq “l-istudji [jew] it-taħriġ” ippjanati miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Fil-fehma tiegħi, xejn ma jipprekludi li l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni l-koerenza tal-pjan ta’ studji ta’ dan iċ-ċittadin, madankollu, bil-kundizzjoni li din l-evalwazzjoni tkun individwalizzata, magħmula bi prudenza minn persunal ikkwalifikat u b’kooperazzjoni mal-imsemmi ċittadin. Jidhirli li huwa essenzjali wkoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet li fihom iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz seta’ ħa perkors akkademiku mhux konvenzjonali jew qed jikkunsidra bidla fil-karriera. Il-koerenza tal-pjan ta’ studji hija għalhekk element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità kompetenti, iżda li l-piż tiegħu jvarja skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ inkwistjoni.

65.      F’dan il-każ, mid-dokumenti mehmużin mal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-awtoritajiet konsulari Belġjani tawh importanza kbira. Fil-fatt, abbażi tat-tweġibiet mogħtija minnha fil-kwestjonarju mehmuż mal-applikazzjoni għal ammissjoni tagħha u wara l-intervista tagħha ma’ speċjalist fil-qasam tal-gwida vokazzjonali, dawn l-awtoritajiet ikkunsidraw li l-pjan ta’ studji tagħha kien ivvizzjat minn “inkoerenzi manifesti” mhux biss fir-rigward tal-perkors akkademiku tagħha iżda wkoll tal-pjan professjonali tagħha. Huma kkonkludew li jiċħdu l-applikazzjoni għar-raġuni li din kienet tikkostitwixxi tentattiv ta’ użu ħażin tal-proċedura għall-ħruġ tal-viża “tal-istudenti” għal finijiet migratorji (32). Hawnhekk, ser nippreċiża biss li fil-fehma tiegħi, Stat Membru jista’ jiċħad applikazzjoni għal ammissjoni għar-raġuni li l-pjan ta’ studji taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa vvizzjat b’inkoerenzi, biss bil-kundizzjoni, minn naħa, li jippermetti lill-applikant jesponi u jiġġustifika dan il-pjan quddiem persunal ikkwalifikat u, min-naħa l-oħra, li dawn l-inkoerenzi jidhru li huma manifesti.

66.      It-tieni osservazzjoni li nixtieq nagħmel tirrigwarda t-traspożizzjoni fl-ordinament ġuridiku intern tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801. Xejn ma jeħtieġ li l-Istat Membru jelenka, fil-liġi ta’ traspożizzjoni tiegħu, ir-raġunijiet li jistgħu jistabbilixxu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal finijiet differenti minn dawk li għalihom jitlob l-ammissjoni tiegħu. Dawn ir-raġunijiet jiddependu mill-evalwazzjoni ta’ kull każ inkwistjoni u tali elenku jista’ jċaħħad lill-awtorità kompetenti mill-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità għandha, skont l-Artikolu 34(4) ta’ din id-direttiva, tikkomunika bil-miktub ir-raġuni li għaliha t-talba hija miċħuda, u b’hekk tippermetti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jargumenta ċ-ċirkustanzi kollha li juru r-realtà jew il-koerenza tal-pjan ta’ studji tiegħu fil-kuntest tar-rikors li huwa jista’ jippreżenta konformement mal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu.

67.      Bħala konklużjoni ta’ din l-analiżi testwali, naħseb li awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” abbażi tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801, biss jekk tistabbilixxi, wara evalwazzjoni individwalizzata tal-applikazzjoni u abbażi ta’ provi jew raġunijiet serji u oġġettivi, li r-residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz la jkollha bħala għan u lanqas bħala skop ewlieni li jiġi segwit, bħala attività prinċipali, kors ta’ studju full-time li jwassal għall-kisba ta’ kwalifika ta’ tagħlim superjuri rrikonoxxuta minn dan l-Istat. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, xejn ma jipprekludi li din l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni l-koerenza tal-pjan ta’ studji.

68.      Analiżi sistematika u teleoloġika tad-Direttiva 2016/801 tikkonferma din l-interpretazzjoni.

2.      Analiżi sistematika u teleoloġika tadDirettiva 2016/801

69.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-analiżi sistematika tad-Direttiva 2016/801, tali interpretazzjoni tippermetti, fil-fehma tiegħi, li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata.

70.      Fil-fatt, mill-premessa 61 ta’ din id-direttiva jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal ammissjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna, kif iggarantiti mill-Karta, li jinkludu d-dritt għall-edukazzjoni.

71.      Barra minn hekk, l-Artikolu 20(4) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li “kwalunkwe deċiżjoni li tiġi rifjutata applikazzjoni għandha tieħu kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ u tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità”. Dan jimplika li l-awtorità kompetenti twettaq, qabel tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni, eżami individwalizzat tagħha, li fil-kuntest tiegħu għandha tevalwa b’mod eżawrjenti l-elementi kemm oġġettivi kif ukoll suġġettivi li hija għandha u tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod ibbilanċjat u raġonevoli, l-interessi kollha inkwistjoni (33).

72.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tal-Unjoni impost fuq l-Istati Membri meta dawn jimplimentaw dan id-dritt (34). Għalhekk, għalkemm il-ġlieda kontra l-frodi tikkostitwixxi għan leġittimu li jiġġustifika verifiki u, jekk ikun il-każ, iċ-ċaħda tal-applikazzjoni, infakkar li, f’każ bħal dak inkwistjoni, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà kemm ġenerali kif ukoll speċifiċi meħtieġa mill-Artikoli 7 u 11 tad-Direttiva 2016/801. Dan jimplika l-ammissjoni taċ-ċittadin fi stabbiliment ta’ tagħlim superjuri u l-produzzjoni min-naħa tiegħu, jekk ikun il-każ, tal-prova tal-ħlas tal-miżati ta’ reġistrazzjoni. Dan iċ-ċittadin jirriskja, konsegwentement, li l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” tiġi miċħuda, u għalhekk li jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jistudja fl-istabbiliment ta’ tagħlim superjuri li fih huwa rreġistrat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom jeżisti abbuż ta’ dritt manifest, huwa essenzjali, fil-fehma tiegħi, li l-awtorità kompetenti tevalwa każ b’każ jekk iċ-ċaħda tal-applikazzjoni hijiex sproporzjonata u jekk tirriskjax li tippreġudika wħud mid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

73.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-analiżi teleoloġika tad-Direttiva 2016/801, id-deċiżjoni li permezz tagħha awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tiċħad applikazzjoni għal ammissjoni għall-finijiet ta’ studju, għar-raġuni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx ser jirrisjedi fit-territorju nazzjonali sabiex isegwi, bħala attività prinċipali, kors ta’ studju full-time li jwassal għall-kisba ta’ kwalifika ta’ tagħlim superjuri rrikonoxxuta minn dak l-Istat, tipparteċipa fit-twettiq tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

74.      Qabel kollox, id-Direttiva 2016/801 hija intiża sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza kemm fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra ta’ diversi kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, peress li dawn il-kundizzjonijiet huma ddeterminati skont in-natura speċifika tar-residenza ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji.

75.      Fir-rigward tar-residenzi għal finijiet ta’ studju, id-Direttiva 2016/801 għandha l-għan li tippromwovi l-Ewropa bħala ċentru mondjali ta’ eċċellenza għall-istudji billi ttejjeb u tissemplifika l-“kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ dawk li jixtiequ jidħlu fl-Unjoni għal dawn l-għanijiet” (35). Barra minn hekk, mill-premessi 15 u 44 ta’ din id-direttiva jirriżulta li hija intiża sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tal-istudenti ġewwa l-Unjoni b’mod li tirrendi t-tagħlim superjuri Ewropew attraenti u kompetittiv. Għal dan il-għan, l-imsemmija direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi, konformement mal-premessi 44 u 48 tagħha, “skema speċifika ta’ mobilità” tal-istudenti ġewwa l-Unjoni li tinkludi regoli awtonomi dwar id-dħul u r-residenza għal finijiet ta’ studju fl-Istati Membri l-oħra minbarra l-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta’ residenza maħruġa mill-Istat Membru ospitanti toffri liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex fih iwettqu parti mill-istudji tagħhom għal tul massimu ta’ 360 jum, konformement mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-mobbiltà taħt l-Artikolu 31 tal-istess direttiva.

76.      Sussegwentement, id-Direttiva 2016/801 għandha l-għan, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi d-drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju kemm fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra. Mill-premessa 54 ta’ din id-direttiva jirriżulta li hija intiża sabiex tqarreb id-drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini għal dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat, b’hekk l-awtorizzazzjoni ta’ residenza tippermetti lill-istudent igawdi mill-ugwaljanza fit-trattament bil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22(3) tal-imsemmija direttiva.

77.      Madankollu, id-deċiżjoni li permezz tagħha awtorità kompetenti tiċħad applikazzjoni għal ammissjoni għal finijiet ta’ studju, għar-raġuni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx ser jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru bl-iskop li jsegwi, bħala attività prinċipali, kors ta’ studju full-time li jwassal għall-kisba ta’ kwalifika ta’ edukazzjoni għolja rrikonoxxuta minn dak l-Istat Membru, tippermetti li tipprevjeni s-sitwazzjonijiet li fihom dan iċ-ċittadin jibbenefika minn kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ssemplifikati u jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ student kif ukoll id-drittijiet estiżi marbuta ma’ dan l-istatus mingħajr raġuni leġittima. Għalhekk, tali deċiżjoni tippermetti wkoll li tiġi ggarantita l-ispeċifiċità tal-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ kategoriji differenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li fuqhom hija bbażata d-Direttiva 2016/801, u li tevita li ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu esklużi mill-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-permess ta’ residenza li altrimenti jkunu applikabbli għalihom.

78.      Fl-aħħar nett, fid-dawl tad-drittijiet estiżi marbuta mal-permess ta’ residenza jew mal-viża “tal-istudenti”, l-Artikolu 20(2)(f) ta’ din id-direttiva għandu jippermetti lill-Istati Membri jiġġieldu b’mod effettiv kontra l-frodi u l-abbuż ta’ dritt billi joffrilhom il-possibbiltà li jirrifjutaw l-ammissjoni meta jiġi stabbilit li l-applikant talabha b’mod abbużiv jew frawdolenti. Skont ġurisprudenza stabbilita, ħadd ma jista’ jistenna l-kisba jew iż-żamma ta’ drittijiet kweżiti permezz ta’ frodi, sew jekk din il-frodi twettqet, sew jekk ma twettqitx, mill-benefiċjarju ta’ dawn id-drittijiet jew jekk kienet magħrufa minnu (36).

79.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tiċħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” biss meta jkollha provi jew raġunijiet serji u oġġettivi li jistabbilixxu li r-residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju nazzjonali la jkollha bħala għan u lanqas bħala skop ewlieni li jiġi segwit, bħala attività prinċipali, kors ta’ studju full-time li jwassal għall-kisba ta’ kwalifika ta’ tagħlim superjuri rrikonoxxuta minn dan l-Istat. Id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali applikazzjoni għandha tingħata wara eżami individwalizzat tagħha, li fil-kuntest tiegħu l-intenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jistudja fit-territorju nazzjonali għandha tiġi evalwata abbażi ta’ elementi kemm oġġettivi kif ukoll suġġettivi, li jistgħu jinkludu l-koerenza tal-pjan ta’ studji tiegħu.

B.      Fuq ilmodalitajiet ta’ traspożizzjoni fiddritt intern talArtikolu 20(2)(f) tadDirettiva 2016/801 (lewwel domanda preliminari)

80.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fid-dawl tal-Artikolu 288 TFUE, tal-Artikoli 14 u 52 tal-Karta, tal-Artikoli 3, 5, 7, 11, 20, 34, 35 u 40 kif ukoll tal-premessi 2 u 60 tad-Direttiva 2016/801 kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza, l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” għar-raġuni stabbilita fl-Artikolu 20(2)(f) ta’ din id-direttiva għandux jipprevedi tali possibbiltà espressament fid-dritt intern tiegħu, u jekk ikun il-każ, ir-raġunijiet li jippermettulu jistabbilixxi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal finijiet oħra differenti minn dawk li għalihom jitlob l-ammissjoni tiegħu.

81.      Din id-domanda tqum peress li, għall-kuntrarju tal-leġiżlazzjoni Belġjana attwali li twettaq traspożizzjoni formali tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 billi tipprevedi li l-Ministru li għandu d-dħul fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin fil-kompetenzi tiegħu jew id-delegat tiegħu jista’ jirrifjuta applikazzjoni meta “provi jew raġunijiet serji u oġġettivi jippermettu li jiġi stabbilit li r-residenza tkun mitluba għal skopijiet oħra minbarra l-istudju”, dan ma kienx il-każ tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (37).

82.      Ser nibda l-analiżi tiegħi billi nippreċiża li r-raġunijiet ta’ ċaħda previsti fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2016/801 huma fakultattivi għall-Istati Membri. Għalhekk, din id-direttiva timponi biss ċertu livell ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, peress li t-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali titħalla fid-diskrezzjoni ta’ kull wieħed mill-Istati Membri. Dawn tal-aħħar huma liberi li jiddeċiedu, b’mod sovran, li jittrasponuhom abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, legali, ekonomika jew anki soċjali. Għalhekk, uħud mill-Istati Membri, fost l-iktar esposti għar-riskji ta’ użu ħażin tal-proċedura għall-ħruġ ta’ viżi “tal-istudenti”, donnhom jeżerċitaw eżami iktar fid-dettall tal-applikazzjonijiet li jitressqu miċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi terzi jew li jippjanaw kors ta’ studju fi stabbilimenti ta’ tagħlim superjuri partikolari (38).

83.      Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2016/801 huwa dispożizzjoni fakultattiva ma jfissirx madankollu li l-Istati Membri għandhom libertà sħiħa rigward l-implimentazzjoni tiegħu sabiex jirrifjutaw, kif jidhrilhom, ir-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

84.      L-ewwel, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li fosthom jinsab il-prinċipju ta’ ċertezza legali (39). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret reċentement li t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li dawn jiġu implimentati permezz ta’ dispożizzjonijiet li għandhom l-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza neċessarji sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali (40). Dan il-prinċipju huwa intiż li jiżgura l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u jeħtieġ li kull att tal-amministrazzjoni li jipproduċi effetti legali jkun ċar u preċiż sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu b’konsegwenza ta’ dan. Dan ir-rekwiżit huwa impost, b’mod partikolari, meta l-att inkwistjoni jista’ jkollu konsegwenzi sfavorevoli fuq il-partijiet ikkonċernati (41).

85.      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801, jekk jirriżulta li l-Istat Membru ma josservax l-imsemmi prinċipju, l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat ma tistax tinvoka din id-dispożizzjoni sabiex tiċħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti”.

86.      It-tieni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri għandha tintuża b’mod li jiġu osservati t-termini stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li la jippreġudika l-għan tad-Direttiva 2016/801 u lanqas l-effettività tagħha (42).

87.      Issa, billi adotta d-Direttiva 2016/801, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirrimedja għan-nuqqasijiet tas-sistema preċedentement stabbilita mid-Direttiva 2004/114 u jipperfezzjonaha, b’mod li “tiżgura aktar trasparenza u ċertezza legali [...] għal kategoriji differenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu fl-Unjoni”, kif tirrileva espressament il-premessa 2 tad-Direttiva 2016/801 (43). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva, intitolat b’mod inekwivoku “Trasparenza u aċċess għall-informazzjoni”, jeħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-applikanti l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza, inklużi d-drittijiet, l-obbligi u l-garanziji proċedurali li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva. F’dan il-kuntest, jidhirli essenzjali li ċittadin ta’ pajjiż terz li jressaq applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà meħtieġa, jiġi informat li din l-applikazzjoni, kemm jekk tressqet in bona jew in mala fide, tista’ tiġi miċħuda jekk ir-residenza tiegħu jkollha skop ieħor.

88.      Konsegwentement, kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza jeħtieġu li l-Istat Membru li jrid juża d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 jipprevedi espressament f’qafas legali ċar, preċiż u prevedibbli li huwa għandu l-possibbiltà li jiċħad applikazzjoni għal ammissjoni għar-raġuni li għandu provi jew raġunijiet serji u oġġettivi li jistabbilixxu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal finijiet differenti minn dawk li għalihom jitlob l-ammissjoni tiegħu.

89.      Min-naħa l-oħra, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-traspożizzjoni ta’ dan l-artikolu ma timponix fuq l-Istat Membru li jelenka dawn ir-raġunijiet.

90.      Issa, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801, ġiex traspost fit-test fis-seħħ fi żmien il-fatti tal-kawża prinċipali.

91.      Waqt is-seduta, il-Gvern Belġjan ammetta li ma kienx hemm att pożittiv ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, huwa enfasizza, u dan fil-linja tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 seta’ jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi dispożizzjoni nazzjonali preeżistenti li kien jiżgura traspożizzjoni suffiċjenti tad-dritt tal-Unjoni fid-dritt intern (44). Huwa paċifiku wkoll li dan it-test ma kien jinkludi ebda riferiment għad-Direttiva 2016/801 u ma kienx akkumpanjat minn tali referenza, u dan għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(1) ta’ din id-direttiva.

92.      L-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 jipprovdi li “[m]eta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fir-Renju titressaq f’uffiċċju diplomatiku jew konsulari Belġjan minn barrani li jixtieq isegwi fil-Belġju studji fit-tagħlim superjuri jew isegwi fih sena preparatorja għat-tagħlim superjuri” (45), din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx jinsab f’wieħed mill-każijiet previsti fil-punti 5 sa 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, u jekk jipproduċi ċertifikat maħruġ minn stabbiliment ta’ tagħlim, il-prova li għandu mezzi suffiċjenti ta’ għajxien, ċertifikat mediku kif ukoll ċertifikat li jikkonstata l-assenza ta’ kundanni għal reati jew delitti tad-dritt ordinarju.

93.      Minn dan l-artikolu jirriżulta b’mod inekwivoku li l-awtorizzazzjoni ta’ residenza tista’ tiġi rrifjutata jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jissodisfax ċerti kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi ta’ eliġibbiltà tal-applikazzjoni li jinsabu fl-Artikoli 7 u 11 tad-Direttiva 2016/801.

94.      Madankollu, l-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 ma jipprevedix espressament li l-viża “tal-istudenti” tista’ tiġi rrifjutata fil-każ li jiġi stabbilit, permezz ta’ provi u raġunijiet serji u oġġettivi, li r-residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandha skop ieħor differenti minn dak ta’ studju fil-Belġju. Iċ-ċirkustanza li tinsab f’din id-dispożizzjoni nazzjonali li l-applikazzjoni titressaq minn barrani li “jixtieq isegwi fil-Belġju studji fit-tagħlim superjuri” hija interpretata mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) fis-sens li timplika l-eżami tar-rieda taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jistudja fit-tagħlim superjuri. Din tirrigwarda element kostituttiv tal-applikazzjoni, b’tali mod li l-Istat Belġjan huwa awtorizzat jiċħad applikazzjoni jekk jirriżulta li dan iċ-ċittadin ma għandux tali intenzjoni. Madankollu, naħseb li tali ċirkustanza ma tistax tinftiehem fis-sens li tirreferi għar-raġuni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal ammissjoni prevista fl-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 u ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni b’konformità mar-rekwiżiti ta’ ċarezza, preċiżjoni u prevedibbiltà ċċitati iktar ’il fuq.

95.      Konsegwentement, inqis li l-Artikolu 58 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, ma jiżgurax traspożizzjoni tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 f’kundizzjonijiet li josservaw il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza.

C.      Fuq ilmodalitajiet proċedurali tarrimedju ġudizzjarju kontra ddeċiżjoni li tiċħad lapplikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “talistudenti” (ittielet domanda preliminari)

96.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li l-Istati Membri jagħtu lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita b’rikors kontra deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti”, is-setgħa li tirriforma din id-deċiżjoni u tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti li adottatha b’dik tagħha (46).

97.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801 tagħti espressament lill-applikanti l-possibbiltà li jippreżentaw rikors fl-Istat Membru kkonċernat kontra d-deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal ammissjoni, “f’konformità mal-liġi nazzjonali”. Madankollu, din id-direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tirrigwarda, minn naħa, il-portata u l-modalitajiet ta’ dan ir-rikors, b’mod partikolari t-termini li fihom għandu jiġi ppreżentat u deċiż, u s-setgħat mogħtija għal dan il-għan lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita u, min-naħa l-oħra, l-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar x’terminu għandha sabiex tadotta deċiżjoni ġdida. Konsegwentement, l-Istati Membri jibbenefikaw minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża biss fit-tieni sentenza tal-Artikolu 34(5) tal-imsemmija direttiva li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jindikaw, f’notifika bil-miktub, il-qorti jew l-awtorità amministrattiva li quddiemha jista’ jiġi ppreżentat ir-rikors kif ukoll it-terminu li fih għandu jsir.

98.      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-portata tat-tieni sentenza tal-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801 fis-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N. (47), li kienet tirrigwarda r-rifjut minn awtorità konsulari Pollakka lil ċittadin ta’ pajjiż terz li talab il-ħruġ ta’ viża “tal-istudenti”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lill-Istati Membri l-għażla li jiddeċiedu dwar in-natura u l-modalitajiet konkreti tar-rimedji li għandhom l-applikanti għal viżi għal żmien twil li jaqgħu taħt din id-direttiva. Għalhekk, huwa possibbli li l-Istati Membri jagħtu setgħa ta’ annullament jew ta’ bidla lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita. Analiżi komparattiva tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti turi, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri adottaw soluzzjonijiet proċedurali varji ħafna skont it-tradizzjonijiet ġuridiċi tagħhom (48).

99.      Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-karatteristiċi tal-proċedura ta’ rikors prevista fl-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801 għandhom jiġu ddeterminati b’konformità, minn naħa, mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jimponi lill-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet individwali derivati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (49), u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipju ta’ ekwivalenza (il-modalitajiet proċedurali ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern) kif ukoll mal-prinċipju ta’ effettività (il-modalitajiet proċedurali ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni) (50).

100. Fil-kawża prinċipali, titqajjem biss il-kwistjoni tal-osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ effettività.

101. Għal dak li jirrigwarda din il-kawża, għandhom jiġu enfasizzati tliet aspetti.

102. L-ewwel aspett jirrigwarda l-eżistenza ta’ dritt għal azzjoni legali. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Belġjana tipprovdi dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjonijiet li jiċħdu applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti”. Dan id-dritt għal azzjoni legali huwa eżerċitat quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin), li skont l-Artikolu 39/1(1) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, huwa qorti amministrattiva, kompetenti biss biex jieħu konjizzjoni ta’ rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet individwali meħuda b’applikazzjoni tal-liġijiet dwar id-dħul fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija ta’ barranin.

103. It-tieni aspett jirrigwarda l-portata tas-setgħat tal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita bir-rikors. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li skont l-Artikolu 39/2(2) ta’ din il-liġi, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) huwa kompetenti biex jiddikjara l-annullament ta’ deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal viża “tal-istudenti”. Madankollu, hija ma tindikax sa fejn din is-sentenza għandha tiġi osservata mill-awtorità kompetenti.

104. It-tielet aspett jirrigwarda t-termini għall-għoti ta’ ġudizzju. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tirreferix għal dawn it-termini fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li dawn tal-aħħar għandhom importanza partikolari meta s-setgħat tal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita bir-rikors huma limitati għal setgħa ta’ annullament, kif inhu l-każ fil-Belġju (51). Konsegwentement, nippreċiża li bis-saħħa tal-Artikolu 39/82(1) u (4) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) għandu s-setgħa li jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li kontriha jiġi ppreżentat rikors, u jiddeċiedi, għal dan il-għan, fi żmien tletin jum dwar tali applikazzjoni (52). Jekk tiġi ordnata s-sospensjoni, ir-rikors għal annullament jiġi deċiż fi żmien erba’ xhur minn meta tingħata d-deċiżjoni.

105. Ser nibda l-analiżi tiegħi b’eżami tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa mill-Artikolu 47 tal-Karta.

106. Is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (53), tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (54), u tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (55), dwar l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, jagħtu fil-fatt preċiżazzjonijiet utli fil-kuntest ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jagħtu biss setgħa ta’ annullament lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti, bl-esklużjoni ta’ setgħa ta’ bidla.

107. Tali leġiżlazzjonijiet ma jiksrux, fihom innifishom, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li kull Stat Membru għandu jaġġusta d-dritt nazzjonali tiegħu b’mod li wara annullament tad-deċiżjoni inizjali u fil-każ li l-proċess jintbagħat lura lill-awtorità kompetenti, din tadotta deċiżjoni ġdida, minn naħa, f’terminu qasir, u min-naħa l-oħra, li tkun konformi mal-evalwazzjoni li tinsab fis-sentenza li tat deċiżjoni ta’ annullament (56). Il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża r-raġunament tagħha fuq tliet kunsiderazzjonijiet prinċipali: il-ħtieġa li jiġi żgurat ipproċessar kemm jista’ jkun malajr tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, li jiġi żgurat effett utli tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dritt għal azzjoni legali, u fl-aħħar nett, il-ħtieġa li jiġi żgurat rimedju ġudizzjarju effettiv konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta.

108. Għal raġunijiet differenti minn dawk li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, id-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ permess ta’ residenza jew ta’ viża “tal-istudenti” għandha tiġi adottata fl-iqsar termini, b’mod li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jista’ jibda s-sena ta’ studju tiegħu fl-istabbiliment ta’ tagħlim superjuri li fih huwa rreġistrat b’mod regolari u li ħallas il-miżati ta’ reġistrazzjoni tiegħu.

109. Fil-kuntest tad-Direttiva 2004/114, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien diġà enfasizza li kull deċiżjoni dwar applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” għandha tiġi adottata f’“perijodu li ma jfixkilx it-tkomplija tal-istudji rilevanti, waqt li jħalli lill-awtoritajiet kompetenti żmien biżżejjed biex jipproċessaw l-applikazzjoni” (57).

110. L-adozzjoni tad-Direttiva 2016/801 kellha l-għan li ttejjeb u tiffaċilita l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiġu l-Ewropa sabiex ikomplu bl-istudji tagħhom, li tiżgura l-ħeffa tal-proċedura ta’ ammissjoni tagħhom u li ssaħħaħ id-drittijiet proċedurali tagħhom (58). Dawn l-għanijiet jeħtieġu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi meħtieġa għall-finijiet tal-kisba tal-permess ta’ residenza jew tal-viża “tal-istudenti” jista’ jinħariġlu dan il-permess jew din il-viża f’termini li jippermettulu jibbenefika mid-drittijiet u l-vantaġġi marbutin ma’ dan l-istatus.

111. Għalhekk, mill-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2016/801 jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux iktar tard mit-terminu ta’ 90 jum mid-data ta’ tressiq tal-applikazzjoni kompleta. L-importanza tat-termini hija espressa wkoll, minn naħa, fil-premessa 42 ta’ din id-direttiva, li fiha l-leġiżlatur tal-Unjoni jinsisti li l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa tiġi kkomunikata lill-applikant “f’perijodu raġonevoli”, u min-naħa l-oħra, fil-premessa 43 tal-imsemmija direttiva, li fiha huwa jirrakkomanda lill-awtoritajiet kompetenti jinnotifikaw bil-miktub id-deċiżjoni “kemm jista’ jkun malajr”.

112. Dan ir-rekwiżit ta’ ħeffa huwa inerenti għan-natura speċifika tar-residenza “tal-istudent” prevista mid-Direttiva 2016/801 favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

113. In-natura ta’ din ir-residenza timplika li min-naħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz dan jeżerċita d-diliġenza sħiħa meħtieġa sabiex iressaq l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” f’terminu raġonevoli, u jekk ikun il-każ, sabiex jikkompletaha, skont l-iskeda adottata minn kull stabbiliment ta’ tagħlim superjuri kkonċernat. Min-naħa tal-Istat Membru, hija timplika li dan jista’ jagħti deċiżjoni definittiva, jekk ikun il-każ wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni mill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja, qabel il-bidu tas-sena akkademika, u dan b’mod li jagħti lil dan iċ-ċittadin iż-żmien suffiċjenti sabiex iwettaq il-passi l-oħra meħtieġa għad-dħul u r-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari, jekk jirrisjedi barra minn dan it-territorju.

114. Konsegwentement, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jagħtu, kif donnu jagħmel id-dritt Belġjan f’dan il-każ, setgħa ta’ annullament lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita b’rikors kontra tali deċiżjoni, bl-esklużjoni ta’ setgħa ta’ bidla, madankollu, il-proċedura ta’ azzjoni legali għandha tissodisfa rekwiżit ta’ ħeffa, u dan b’mod li jiżgura liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mhux biss rimedju ġudizzjarju effettiv konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, iżda wkoll l-effettività sħiħa tad-drittijiet li jisiltu mid-Direttiva 2016/801. Jidhirli li dan ir-rekwiżit ta’ ħeffa jista’ jiġi rrikonċiljat man-natura tal-eżami li teħtieġ it-tressiq ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti”, peress li fil-fehma tiegħi, dan l-eżami huwa nieqes minn evalwazzjonijiet fattwali kumplessi.

115. Fil-fehma tiegħi, jirriżulta li kull Stat Membru għandu għalhekk jaġġusta d-dritt nazzjonali tiegħu b’mod li, wara l-annullament ta’ deċiżjoni inizjali u fil-każ li l-proċess jintbagħat lura lill-awtorità kompetenti, din tadotta deċiżjoni ġdida li tkun konformi mal-evalwazzjoni li tinsab fis-sentenza li tat deċiżjoni ta’ annullament u li tkun, barra minn hekk, mogħtija qabel il-bidu tas-sena akkademika fl-istabbiliment ta’ tagħlim superjuri li fih ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa rreġistrat b’mod regolari.

116. Inżid li, fid-definizzjoni ta’ dawn il-modalitajiet proċedurali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-applikanti li jressqu l-applikazzjonijiet tagħhom waqt li jirrisjedu barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – billi jqiegħdu lil dawn tal-aħħar f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom li jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja – u lis-sitwazzjoni ta’ dawk li, minkejja li huma preżenti fit-territorju ta’ dan l-Istat, għandhom permess ta’ residenza jew viża li waslu biex jiskadu.

117. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membu jagħti setgħa ta’ annullament lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita bir-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti”, bl-esklużjoni ta’ setgħa ta’ bidla, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni l-ġdida tingħata mill-awtorità kompetenti qabel il-bidu tas-sena akkademika fl-istabbiliment ta’ tagħlim superjuri li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa rreġistrat b’mod regolari.

V.      Konklużjoni

118. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju):

1)      L-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza jeħtieġu li l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni jittrasponi din id-dispożizzjoni fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu għandu jipprovdi espressament, f’qafas legali ċar, preċiż u prevedibbli, li huwa għandu l-possibbiltà li jiċħad applikazzjoni għal ammissjoni għar-raġuni li għandu provi jew raġunijiet serji u oġġettivi biex jistabbilixxi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun ser jirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom jitlob l-ammissjoni tiegħu. It-traspożizzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma timponix li l-Istat Membru jelenka dawn ir-raġunijiet.

–        awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tiċħad applikazzjoni għal ammissjoni għal finijiet ta’ studju biss meta jkollha provi jew raġunijiet serji u oġġettivi li jistabbilixxu li r-residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju nazzjonali la jkollha bħala għan u lanqas bħala skop ewlieni li jiġi segwit, bħala attività prinċipali, kors ta’ studju full-time li jwassal għall-kisba ta’ kwalifika ta’ tagħlim superjuri rrikonoxxuta minn dan l-Istat.

Id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ din l-applikazzjoni għandha tingħata wara eżami individwalizzat, li fil-kuntest tiegħu l-intenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jistudja fit-territorju nazzjonali għandha tiġi evalwata abbażi ta’ elementi kemm oġġettivi kif ukoll suġġettivi, li jistgħu jinkludu l-koerenza tal-pjan ta’ studji tiegħu.

2)      L-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li Stat Membru jagħti setgħa ta’ annullament lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita bir-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal ammissjoni għal finijiet ta’ studju, bl-esklużjoni ta’ setgħa ta’ bidla, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni l-ġdida tingħata mill-awtorità kompetenti qabel il-bidu tas-sena akkademika fl-istabbiliment ta’ tagħlim superjuri li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa rreġistrat b’mod regolari.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa isem fittizju. Huwa ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda parti fil-proċedura.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU 2016, L 132, p. 21).


3      C‑491/13, EU:C:2014:2187.


4      Direttiva tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ cittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU 2006, L 153M, p. 330).


5      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya (C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 34).


6      Ara n-nota ta’ sinteżi tal-EMN, intitolata “Il-Prevenzjoni, is-sejbien u l-ġlieda kontra l-użu ħażin ta’ permessi ta’ residenza fl-UE għal skopijiet ta’ studju”, Marzu 2022 (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ sinteżi tal-EMN”), punt 2.


7      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


9      Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584, fil-verżjoni tagħha kif emendata fl-aħħar lok bil-Liġi tal‑5 ta’ Mejju 2019 (Moniteur belge tat‑22 ta’ Awwissu 2019, p. 80425) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”).


10      Prevista mir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU 2006, L 381, p. 4, rettifika fil-ĠU 2015, L 23, p. 19); mir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU 2018, L 312, p. 1), u mir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU 2018, L 312, p. 14) (ara l-punt 17 tal-Artikolu 1 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980).


11      Ara l-Artikolu 39/1 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980.


12      Ara l-punt 2 tal-Artikolu 1 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980.


13      Moniteur belge tal‑5 ta’ Awwissu 2021, p. 77965.


14      Waqt is-seduta, il-Gvern Ċek, Litwan, Lussemburgiż, Ungeriż u Olandiż ikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq l-ewwel mistoqsija għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/801.


15      Il-forma u t-tul tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza huma ppreċiżati fl-Artikoli 17 sa 19 tal-imsemmija direttiva.


16      Bla ħsara għal eżami iktar fid-dettall tal-kundizzjoni speċifika stabbilita fl-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2016/801, naħseb li l-espressjoni “biex jagħmel kors ta’ studju” ma tippermettix fiha nfisha li l-Istat Membru jkun meħtieġ jivverifika r-rieda u l-intenzjoni tal-applikant li jistudja. Fil-fehma tiegħi, din l-espressjoni għandha tippermetti li ssir distinzjoni bejn l-applikant li għandu l-intenzjoni jagħmel kors ta’ studju u dak li se jagħmel biss skambju għal żmien limitat.


17      Ir-raġuni ta’ ċaħda obbligatorja msemmija fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Direttiva 2016/801 tirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha l-applikant ippreżenta dokumenti ffalsifikati jew miksuba b’mezzi frawdolenti. Bla ħsara għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-konstatazzjoni ta’ frodi tkun timplika wkoll li l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni l-intenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, f’dan il-każ l-intenzjoni li jevita jew jevadi l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-permess għal residenza sabiex jikseb il-vantaġġ marbut miegħu. Ara f’dan ir-rigward, il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-frodi, fis-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63). Il-konstatazzjoni ta’ frodi timplika l-verifika tal-eżistenza ta’ ġabra konkordanti ta’ indizji li tistabbilixxi ġie ssodisfatt kemm element oġġettiv kif ukoll element suġġettiv (punt 50 ta’ din is-sentenza). Għalhekk, huwa biss il-frodi mwettaq materjalment u intenzjonalment miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ressaq l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew għal viża “tal-istudenti” li jista’ jiġi ssanzjonat. Għal dak li jirrigwarda l-element suġġettiv neċessarju għall-konstatazzjoni tal-frodi, dan jikkorrispondi, skont id-definizzjoni mogħtija fis-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63), applikata għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għall-intenzjoni tal-applikanta li tevita jew li tevadi l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-permess ta’ residenza, fid-dawl tal-kisba tal-vantaġġ marbut miegħu (punt 52 ta’ din is-sentenza).


18      Fil-fatt, il-premessa 11 tad-Direttiva 2016/801 tindika li “għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva [tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224)], inklużi r-raġunijiet għaċ-ċaħda jew irtirar jew rifjut ta’ tiġdid. Konsegwentement, il-permessi ta’ residenza tal-membri tal-familja jistgħu jiġu rtirati jew it-tiġdid tagħhom jista’ jiġi rrifjutat jekk tiġi fi tmiemha l-awtorizzazzjoni tar-riċerkatur li lilu jkunu qegħdin jakkumpanjaw u dawn ma jgawdu minn ebda dritt awtonomu ta’ residenza”.


19      Ara l-premessa 32 tad-Direttiva 2016/801.


20      Korsiv miżjud minni.


21      L-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-limiti li fihom student jista’, b’mod parallel għall-istudju tiegħu, jeżerċita attività professjonali.


22      Ara f’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(2)(d) tad-Direttiva 2016/801.


23      Mill-premessa 54 tad-Direttiva 2016/801 jirriżulta li l-istudenti jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU 2011, L 343, p. 1), li tipprevedi ġabra komuni ta’ drittijiet, ibbażati fuq l-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti (premessa 20 u l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2011/98).


24      Ara l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2003/86 u fir-rigward tal-ġurisprudenza, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C‑109/01, EU:C:2003:491, punt 57).


25      Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din il-premessa bħall-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola, Ingliża jew Taljana, ma jużawx il-frażijiet “d’une part [minn naħa] [...] d’autre part [min-naħa l-oħra]”, iżda l-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “u”.


26      Il-verżjoni ta’ dan l-artikolu fil-lingwa Taljana tirreferi, barra minn hekk, espressament għall-kunċett ta’ “intenzjoni” (“che il cittadino di paese terzo intende soggiornare”, korsiv miżjud minni).


27      Korsiv miżjud minni.


28      L-Artikolu 34(3) tal-imsemmija direttiva jippermetti lill-awtorità kompetenti teżiġi informazzjoni addizzjonali min-naħa tal-applikant sabiex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni tiegħu.


29      Minn analiżi komparattiva tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801 jirriżulta, l-ewwel, li l-aġġettivi “sérieux et objectifs” (serji u oġġettivi) jirrigwardaw ir-“raġunijiet” u mhux l-“evidenza” (ara pereżempju, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża (“the Member State has evidence or serious and objective grounds”) jew Taljana (“lo Stato membro è in possesso di prove o ha motivi seri e oggettivi”)) u t-tieni, li l-kunċett ta’ “motifs sérieux” (raġunijiet serji) huwa differenti minn dak ta’ “motifs graves” (raġunijiet gravi) użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’diversi testi tad-dritt derivat relatati mar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fl-Unjoni, bħad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


30      Ara pereżempju, is-sit internet Campus France Égypte: https://www.egypte.campusfrance.org/fr/preparer-un-projet-d-etudes-clair-et-coherent.


31      Min-nota ta’ sinteżi tal-EMN jirriżulta li ċ-ċertifikazzjoni tad-dokumenti u l-intervisti mal-applikanti huma l-iktar żewġ metodi komuni użati waqt il-fażi ta’ qabel il-wasla fit-territorju nazzjonali (punt 2).


32      Mill-atti tal-proċess nazzjonali jirriżulta li l-applikazzjoni għal ammissjoni mressqa quddiem l-awtoritajiet konsulari Belġjani għandha tippermetti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz juri r-realtà tal-intenzjoni tiegħu li jirrisjedi fil-Belġju bħala student sabiex isegwi studji superjuri hemmhekk. Il-kwestjonarju għandu jippermetti lil dan iċ-ċittadin jesponi u jimmotiva l-pjan ta’ studji tiegħu fid-dawl tal-perkors akkademiku tiegħu u tal-ambizzjonijiet professjonali tiegħu, filwaqt li l-intervista għandha tipprovdilu l-okkażjoni li jiċċara jew jiddefendi dan il-pjan.


33      Nindika wkoll li fis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCharthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li Stat Membru jsib ruħu jaffaċċja numru għoli ta’ każijiet ta’ abbuż ta’ dritt jew frodi mwettqa minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jistax jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe evalwazzjoni speċifika tal-aġir tal-persuna kkonċernata (punt 55).


34      Ara wkoll, il-premessa 36 tad-Direttiva 2016/801, li tippreċiża li “għandu jkun possibbli l-ammissjoni tiġi rrifjutata jekk Stat Membru jqis, abbażi ta’ valutazzjoni tal-fatti f’każ individwali, u b’kont meħud tal-prinċipju tal-proporzjonalità, li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat huwa theddida potenzjali għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika”.


35      Ara l-premessa 14 tad-Direttiva 2016/801 (korsiv miżjud minni).


36      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punti 64 u 65).


37      Il-Liġi tal‑11 ta’ Lulju 2021 li temenda l-Liġi tal‑25 ta’ Diċembru 1980 dwar id-dħul fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin fir-rigward tal-istudenti, tipprovdi fl-Artikolu 2 tagħha, li hija “tittrasponi parzjalment id-Direttiva 2016/801” u, fl-Artikolu 15 tagħha, tittrasponi r-raġuni ta’ rifjut stabbilita fl-Artikolu 20(2)(f) ta’ din id-direttiva.


38      Ara f’dan ir-rigward, in-nota ta’ sinteżi tar-REM, punt 5.


39      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, DGRFP Clju (C‑519/21, EU:C:2023:106, punt 105).


40      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Stadt Frankfurt am Main u Stadt Offenbach am Main (Tiġdid ta’ permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru) (C‑829/21 u C‑129/22, EU:C:2023:525, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minkejja li din il-kunsiderazzjoni tirrigwarda d-dispożizzjonijiet obbligatorji stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) u fl-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, L 132, p. 1), naħseb li hija applikabbli b’analoġija għal dispożizzjoni fakultattiva bħall-Artikolu 20(2)(f) tad-Direttiva 2016/801.


41      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj (C‑519/21, EU:C:2023:106, punt 105).


42      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Ara, ukoll, ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat‑28 ta’ Settembru 2011 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/114/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ studju, skambji ta’ studenti, taħriġ mhux irremunerat jew volontarjat [COM(2011) 587 final], li fih il-Kummissjoni rrilevat “l-obbligu iktar ġenerali li jikkonsisti fl-informazzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar ir-regoli applikabbli għall-ammissjoni ta’ studenti, sabiex tiġi żgurata trasparenza u ċertezza legali lill-istudenti potenzjali u għalhekk jiġu nkoraġġuti jistudjaw ġewwa l-UE” (p. 4 “Kundizzjonijiet partikolari applikabbli għall-istudenti”).


44      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jistgħu jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva mhux biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-għan espress tagħhom huwa li jittrasponu din id-direttiva, iżda wkoll, sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjonijiet nazzjonali preeżistenti li jistgħu jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha fid-dritt intern (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


45      Korsiv miżjud minni.


46      Insostenn tal-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirreferi għall-Artikolu 46(1) u (3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60). Madankollu, naħseb li ma jistax isir tali parallel peress li dan l-artikolu jipprovdi espressament li r-rimedju effettiv kontra deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli jew infondata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jipprevedi eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi.


47      C‑949/19, EU:C:2021:186, punti 37 sa 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


48      Ara n-nota ta’ sinteżi tal-EMN, punt 7.


49      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni) (C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N. (C‑949/19, EU:C:2021:186, punti 42 sa 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


51      Nippreċiża li l-kawża Darvate et (C‑299/23), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tirrigwarda espressament it-termini għall-għoti ta’ ġudizzju previst mil-leġiżlazzjoni Belġjana fil-kuntest tal-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801.


52      It-talba għal sospensjoni b’urġenza estrema, li tiġi trattata fi 48 siegħa, hija rriżervata għall-miżuri ta’ tneħħija u ta’ refoulement li l-eżekuzzjoni tagħhom hija imminenti.


53      C‑585/16, EU:C:2018:584.


54      C‑556/17, EU:C:2019:626.


55      C‑406/18, EU:C:2020:216.


56      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (C‑406/18, EU:C:2020:216, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57      Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2004/114.


58      Ara d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, Analiżi tal-Impatt, li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi għal finijiet ta’ riċerka, studji, skambju ta’ studenti, taħriġ irremunerat jew mhux irremunerat, volontarjat u au pairing [COM(2013) 151 final), disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7869-2013-ADD-1/en/pdf (p. 19).

Top