Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0572

    Kawża T-572/22: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2022 – Sberbank Europe vs SRB

    ĠU C 451, 28.11.2022, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 451/17


    Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2022 – Sberbank Europe vs SRB

    (Kawża T-572/22)

    (2022/C 451/21)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Sberbank Europe AG (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentant: O. Behrends, avukat)

    Konvenut: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tas-SRB iddatata l-5 ta’ Lulju 2022 (SRB/EES/2022/36) li permezz tagħha s-SRB iddetermina l-ispejjeż b’konnessjoni mar-riżoluzzjoni tas-sussidjarja Slovena tar-rikorrent u ta struzzjonijiet lill-Bank tas-Slovenja sabiex inaqqas tali spejjeż mill-prezz tax-xiri pagabbli lir-rikorrent;

    tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż tar-rikorrent.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata proċeduralment u sostantivament minħabba d-difetti speċifiċi li ġejjin relatati mad-deċiżjoni kkontestata:

    Id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikoli 22(6) u 28(2) tar-Regolament Nru 806/2014 (1) għaliex (a) l-ispejjeż ma jikkostitwixxux spejjeż raġjonevoli inkorsi b’mod xieraq b’konnessjoni mal-użu tal-għodod jew setgħat ta’ riżoluzzjoni; (b) is-SRB ma ħax deċiżjoni xierqa fir-rigward tal-mod kif l-ispejjeż huma rkuprati minnu u missu impona l-ispejjeż fuq l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u għalhekk indirettament ix-xerrej; (ċ) l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jawtorizza biss lis-SRB jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ aspetti tal-eżekuzzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni filwaqt li l-ispejjeż li hemm riferiment għalihom fid-deċiżjoni kkontestata huma spejjeż assoċjati mal-proċedura li twassal għad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni; u (d) ir-Regolament Nru 806/2014 ma jawtorizzax lis-SRB jikseb pariri legali jew ta’ xorta oħra bi spejjeż tal-entità taħt superviżjoni jew l-azzjonisti tagħha.

    L-involviment ta’ konsulenti esterni jikser l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi għal dritt għal kull persuna li jkollha l-kwistjonijiet tagħha ttrattati mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u mhux konsulenti esterni.

    L-ispejjeż imposti fuq ir-rikorrent mid-deċiżjoni kkontestata jkunu fi kwalunkwe każ koperti mill-kontribuzzjonijiet regolari għall-infiq amministrattiv tas-SRB minn kull istituzzjoni taħt superviżjoni.

    Isegwi a contrario mir-regoli speċjali li jippermettu l-irkupru ta’ spejjeż għal konsulenza legali f’ċerti ċirkustanzi li tali spejjeż ġeneralment ma jistgħux jiġu rkuprati.

    L-ispejjeż ma kinux inkorsi b’mod xieraq u raġjonevoli.

    Ċerti spejjeż jikkonċernaw kwistjonijiet tad-dritt Sloven. L-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali biss huma responsabbli għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt Sloven.

    Ċerti spejjeż jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ sanzjonijiet li huma wkoll ’il barra mill-kompetenza tas-SRB.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, li hija proċeduralment u sostantivament illegali u qiegħda bħalissa tiġi mistħarrġa fil-Kawża T-523/22.


    (1)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).


    Top