Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TN0414

    Kawża T-414/22: Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2022 – Colombani vs SEAE

    ĠU C 318, 22.8.2022, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 318/45


    Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2022 – Colombani vs SEAE

    (Kawża T-414/22)

    (2022/C 318/60)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Jean-Marc Colombani (Auderghem, il-Belġju) (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)

    Konvenut: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2021 tad-Direttur tar-Riżorsi Umani li bagħtet lir-rikorrent sett ta’ CVs iċċensurati li ġew ippreżentati abużivament bħala li jikkorrispondu mal-impenn meħud mis-SEAE taħt il-ftehim tas-SEAE tad-9 ta’ Frar 2021;

    tannulla l-ftehim milħuq fid-9 ta’ Frar 2021 fil-Kawża T-507/20 għal difett ta’ kunsens u nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tiegħu mis-SEAE;

    tannulla, sa fejn ikun meħtieġ, id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi tas-SEAE tad-29 ta’ Marzu 2022 li tiċħad l-Ilment R/618/21 imressaq mir-rikorrent kontra n-nuqqas ta’ twettiq ta’ waħda mill-klawżoli essenzjali tal-ftehim milħuq fid-9 ta’ Frar 2021 fil-Kawża T-507/20 li kien jipprevedi li s-SEAE jibgħat lir-rikorrent “l-elementi marbuta mal-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tal-kandidati kkunsidrati mill-bord ta’ preselezzjoni bħala li jikkorrispondu l-aħjar mal-kriterji ta’ preselezzjoni għal proċeduri stabbiliti speċifikati mill-ftehim”;

    tikkundanna lill-partijiet l-oħra fil-proċedura għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni dwar it-talba għal aċċess għad-dokumenti, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ data personali u fl-interpretazzjoni tar-Regolamenti 2018/1725 (1) u 1049/2001 (2), użu ħażin ta’ poter u interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regolamenti.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolament 2018/1725 peress li l-limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess tikser il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, id-dritt għal smigħ xieraq, ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt għal rimedju effettiv u twaqqaf ta’ kull stħarriġ ġudizzjarju tal-atti kontenzjużi.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq iċ-ċaħda tal-argument tas-SEAE li sempliċement jinvoka r-rinunzja tal-ilment mingħajr ma jindirizza l-mertu tal-ilment ippreżentat u n-nuqqas ta’ motivazzjoni għaċ-ċaħda tal-ilment ibbażat fuq l-illegalità tar-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess imwettqa.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ notifika u ksur tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba l-preġudizzju u l-kunflitt ta’ interess tal-awturi tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

    Insostenn tar-rikors intiż għall-annullament tal-ftehim bonarju u r-renunzja tal-Kawża T-507/20, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, invokat prinċipalment, ibbażat fuq il-frodi u l-invalidità tal-ftehim li sar fil-kuntest tal-Kawża T-507/20.

    2.

    It-tieni motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ konformità mal-ftehim u l-użu abużiv tal-awtorità ta’ res judicata mis-SEAE.


    (1)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).

    (2)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


    Top