EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TJ0297

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2023.
BB Services GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea – Forma ta’ figurina ta’ ġugarell bi stud fuq ir-ras – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott – Sinjal kompost esklużivament mill-forma tal-prodott li huwa neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku – Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament (UE) 2017/1001].
Kawża T-297/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:780

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea – Forma ta’ figurina ta’ ġugarell bi stud fuq ir-ras – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott – Sinjal kompost esklużivament mill-forma tal-prodott li huwa neċessarju għall-kisba ta’ riżultat tekniku – Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”

Fil-Kawża T‑297/22,

BB Services GmbH, stabbilita fi Flörsheim am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Krogmann, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Nicolás Gómez u D. Hanf, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Lego Juris A/S, stabbilita f’Billund (id-Danimarka), irrappreżentata minn V. von Bomhard u J. Fuhrmann, avukati,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. J. Costeira, Presidenta, M. Kancheva (Relatriċi) u E. Tichy-Fisslberger, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, BB Services GmbH, titlob l-annullament u r-riforma tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas‑16 ta’ Marzu 2022 (Każ R 1355/2021–5) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Fil‑25 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li ġiet irreġistrata fit‑18 ta’ April 2000, bin-numru 50450 u abbażi ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu, wara talba ppreżentata fl‑1 ta’ April 1996 minn Kirkbi A/S, il-predeċessur legali tal-intervenjenti, Lego Juris A/S, għas-sinjal tridimensjonali li ġej:

Image

3

Il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata li għalihom saret applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu jaqgħu fil-klassijiet 9, 25 u 28 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u kienu jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

klassi 9: “Dekorattivi (Kalamiti); programmi ta’ logħob tal-kompjuter; logħob tal-kompjuter li jistgħu jitniżżlu, mezzi ta’ data u ta’ informazzjoni rreġistrata”;

klassi 25: “Ħwejjeġ, xedd tas-saqajn u xedd ir-ras”;

klassi 28: “Logħob u ġugarelli”.

4

Ir-raġunijiet invokati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tal-istess regolament.

5

Fil‑25 ta’ Ġunju 2017, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-intier tagħha.

6

Fit‑3 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

7

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell fl-intier tiegħu. Essenzjalment, huwa qies li ma kienx intwera li t-trade mark ikkontestata, fil-forma ta’ figurina-ġugarell bi stud fuq ir-ras, kienet taqa’ taħt ir-raġunijiet ta’ invalidità tal-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tal-istess regolament, għall-prodotti kollha li jaqgħu fil-klassijiet 9, 25 u 28.

It‑talbiet tal‑partijiet

8

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tiddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

9

L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id‑dritt

10

Fid-dawl tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri l‑1 ta’ April 1996, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti tal-każ huma rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17 Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, huwa stess issostitwit bir-Regolament 2017/1001] (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Alcon vs UASI, C‑192/03 P, EU:C:2004:587, punti 3940, u s-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gugler France vs Gugler u EUIPO, C‑736/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:308, punt 3 u l-ġurisprudenza ċċitata).

11

Sussegwentement, f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, ir-riferimenti magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u mill-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom għall-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) u għall-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu, rispettivament, għall-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) u għall-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, b’kontenut essenzjalment identiku għal dak li jirrigwarda din it-tilwima.

12

Barra minn hekk, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli fid-data li fiha jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), din il-kawża hija rregolata mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament 2017/1001.

Dwar it‑talbiet għall‑finijiet tad‑dikjarazzjoni ta’ invalidità tat‑trade mark ikkontestata

13

Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat.

14

F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, billi talbet lill-Qorti Ġenerali tiddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata, ir-rikorrenti tressaq, skont l-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001, talba għal bidla intiża biex il-Qorti Ġenerali tadotta d-deċiżjoni li kellu jadotta l-Bord tal-Appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2012, Feng Shen Technology vs UASI – Majtczak (FS), T‑227/09, EU:T:2012:138, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l‑ammissibbiltà

Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors għal dak li jikkonċerna l‑prodotti li jaqgħu fil‑klassijiet 9 u 25

15

L-EUIPO u l-intervenjenti jeċċepixxu l-inammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-prodotti fil-klassijiet 9 u 25. B’mod partikolari, l-EUIPO jsostni li l-osservazzjonijiet magħmula fir-rikors huma limitati għall-assenza ta’ kapaċità għall-protezzjoni tat-trade mark ikkontestata għal-logħob u għall-ġugarelli li jaqgħu fil-klassi 28, iżda li, min-naħa l-oħra, ir-rikors ma jinkludi ebda argument li jpoġġi indiskussjoni l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-prodotti l-oħra li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 25.

16

Abbażi tal-Artikolu 177(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra ta’ sostenn. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li jkun ibbażat fuqhom jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2022, Borussia VfL 1900 Mönchengladbach vs EUIPO – Neng (Fohlenelf), T‑747/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:773, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors ma fih ebda argument speċifiku fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 25, u, b’mod partikolari, ma jesponix ir-raġunijiet għalfejn l-Artikolu 7(1)(e)(i) jew (ii) tar-Regolament Nru 40/94 għandu japplika għal dawn il-prodotti. Għaldaqstant, ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 177(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura f’dak li jirrigwarda l-imsemmija prodotti.

18

Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn jikkonċerna l-prodotti fil-klassijiet 9 u 25.

Fuq ir‑riferiment globali tar‑rikorrenti għas‑sottomissjonijiet bil‑miktub tagħha quddiem l‑EUIPO

19

Fil-punti 18, 54 u 68 tar-rikors, ir-rikorrenti tirreferi għall-elementi kollha li hija esponiet preċedentement quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u quddiem il-Bord tal-Appell. Hija għandha l-intenzjoni li tinkludi dawn l-elementi fil-motivi ta’ dan ir-rikors.

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 177(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jindika l-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll sinteżi sommarja tal-imsemmija motivi. Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, għalkemm il-korp tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ referimenti għal estratti ta’ dokumenti annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argument legali, li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom jidhru fir-rikors innifsu. Ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tissostitwixxi lill-partijiet billi tipprova tfittex l-elementi rilevanti fid-dokumenti li huma jirreferu għalihom (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2010, Engelhorn vs UASI – The Outdoor Group (peerstorm), T‑30/09, EU:T:2010:298, punti 1819 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑2 ta’ Marzu 2022, Distintiva Solutions vs EUIPO – Makeblock (Makeblock), T‑86/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:107, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Minn dan jirriżulta li r-rikors, inkwantu dan jirreferi għall-osservazzjonijiet bil-miktub iddepożitati quddiem l-EUIPO, huwa inammissibbli inkwantu r-referiment ġenerali li dan jinkludi ma jirrelatax mar-raġunijiet u mal-argumenti żviluppati fih stess.

Fuq il‑mertu

22

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1)(a) tal-istess regolament, u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1)(a) tal-imsemmi regolament. Hija ssostni, minn naħa, li t-trade mark ikkontestata tikkonsisti esklużivament f’forma imposta min-natura stess tal-prodott u, min-naħa l-oħra, li din it-trade mark tikkonsisti esklużivament f’forma neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku.

23

Mill-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta b’mod partikolari li l-invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddikjarata, fuq talba ppreżentata lill-EUIPO, meta din it-trade mark tkun ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-istess regolament.

24

Skont l-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati s-sinjali li jikkonsistu esklużivament jew mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott, jew mill-forma neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

25

L-għan immedjat tal-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni tal-forom imsemmija fl-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94 huwa li jiġi evitat li d-dritt esklużiv u permanenti li tagħti trade mark ikun jista’ jservi sabiex jipperpetwa, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, drittijiet oħra li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jissuġġetta għal termini ta’ skadenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 45, u tat‑18 ta’ Settembru 2014, Hauck, C‑205/13, EU:C:2014:2233, punti 1920).

26

It-trade mark tal-Unjoni Ewropea tibbenefika minn preżunzjoni ta’ validità, b’tali mod li huwa l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandu jinvoka quddiem l-EUIPO l-elementi konkreti li jpoġġu indiskussjoni l-validità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, Fürstlich Castell’sches Domänenamt vs UASI – Castel Frères (CASTEL), T‑320/10, EU:T:2013:424, punti 2728).

27

F’dan il-każ, sabiex turi li t-trade mark ikkontestata taqa’ taħt ir-raġunijiet ta’ invalidità tal-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti pproduċiet quddiem l-EUIPO l-provi li ġejjin, elenkati fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata:

BDR 1: estratt mir-reġistru tat-trade mark ikkontestata;

BDR 2: ħarsa ġenerali lejn l-istorja u l-evoluzzjoni tal-“figurina” mill-1975;

BDR 3: estratt minn Lego Minifigure year by year – A visual history (edizzjoni Franċiża: Les figurines Lego au fil du temps) [Il-figurini Lego tul iż-żmien] (Dorling Kindersley, Londra, 2013);

BDR 4: estratt minn Das Lego Buch (edizzjoni Franċiża: Lego, le livre) [il-Ktieb ta’ Lego] (Dorling Kindersley, Munich, 2020);

BDR 5: estratt minn Lego Minifiguren, eine Erfolgsgeschichte von 1978 bis heute (Edizzjoni Franċiża: Les figurines, 30 ans d’histoire) [Il-figurini, 30 sena ta’ storja.](Dorling Kindersley, Munich, 2010);

BDR 6: privattiva US Nru 3005282 tal‑24 ta’ Ottubru 1961 tal-briks Lego (Toy Building Brick);

BDR 7: speċifikazzjoni tal-privattiva Brittanika Nru 866557 tas‑26 ta’ April 1961 dwar it-titjib tal-kaxxi tal-logħob tal-kostruzzjoni;

BDR 8: estratt minn Lego Minification year by year – A visual history (Dorling Kindersley, Londra, 2013);

BDR 9: speċifikazzjoni tal-privattiva Ġermaniża DE 28 36971 C2 dwar id-disinn ta’ elementi assemblabbli li jippermettu li jiċċaqilqu saqajn il-figurina inkwistjoni.

28

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li t-trade mark ikkontestata diġà kienet is-suġġett tas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Best-Lock (Europe) vs UASI – Lego Juris (Forma ta’ figurina tal-logħob bi sporġenza) (T‑396/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:379), ikkonfermata bid-digriet tal‑14 ta’ April 2016, Best-Lock (Europe) vs EUIPO (C‑452/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:270). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk invokati f’din il-kawża, iżda mressqa minn persuna differenti mir-rikorrenti. Fin-nuqqas ta’ identiċità tal-partijiet, l-imsemmija sentenza għalhekk ma għandhiex l-awtorità ta’ res judicata fir-rigward ta’ dan il-każ.

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 7(1)(e)(i) tar‑Regolament Nru 40/94

29

Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94.

30

Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura tal-prodott inkwistjoni, ir-rikorrenti tallega li din hija “figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad” kompatibbli mas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti. Hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma bbażax l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-prodott konkret, iżda b’mod iktar ġenerali fuq “figurina-ġugarell” inkluża fil-kategorija tal-logħob u tal-ġugarelli li jaqgħu fil-klassi 28.

31

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, ir-rikorrenti ssostni li dawn għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-forma konkreta ta’ din it-trade mark. Fil-fehma tagħha, karatteristika tista’ tkun essenzjali, fis-sens tal-ġurisprudenza, minkejja li ma tidhirx fost l-iktar importanti. Hija ssostni li dawn il-karatteristiċi jinkludu mhux biss ir-ras, il-ġisem, id-dirgħajn u s-saqajn, iżda wkoll l-istud fuq ir-ras tal-figurina, l-idejn li għandhom ġanċijiet u l-partijiet vojta fuq wara tas-sieq u taħt is-saqajn, għall-finijiet tal-assemblaġġ ma’ briks ta’ kostruzzjoni ieħor tal-intervenjenti.

32

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-funzjoni ġenerika tal-prodott, ir-rikorrenti tallega li hija wriet li t-trade mark ikkontestata u l-elementi individwali tagħha, b’mod partikolari r-ras kif ukoll it-torso, id-dirgħajn u s-saqajn, kienu wkoll ikkonċepiti f’kull aspett b’mod li l-figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad inkwistjoni u l-elementi individwali tagħha riprodotti fl-imsemmija trade mark ikunu kompatibbli u jkunu jistgħu jiġu assemblati ma’ figurini oħra ta’ kostruzzjoni li jistgħu jingħaqdu u briks ta’ kostruzzjoni ieħor tal-intervenjenti. Ebda karatteristika tal-imsemmija trade mark, jew, a fortiori, ebda karatteristika essenzjali tagħha, u lanqas it-trade mark ikkontestata fl-intier tagħha ma għandha element dekorattiv jew fantażjuż li jmur lil hinn mill-funzjonalità deskritta. Il-fattur deċiżiv huwa li l-karatteristiċi viżibbli kollha ta’ din it-trade mark, jiġifieri l-forma mogħtija lir-ras, lill-ġisem, lid-dirgħajn u lis-saqajn, iservu esklużivament għan-natura smontabbli, għan-natura li jiġu stivati jew għall-kompatibbiltà tal-imsemmija figurina fi ħdan is-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti u b’hekk irċevew forma funzjonali. Għalhekk, il-forma tar-ras hija kompletament ikkonċepita sabiex tippermetti l-assemblaġġ immedjat tagħha ma’ briks tal-intervenjenti ieħor u l-istess japplika għall-elementi l-oħra kollha tal-imsemmija trade mark, b’mod partikolari t-torso, id-dirgħajn u s-saqajn.

33

Ir-rikorrenti tikkonkludi li kull waħda mill-karatteristiċi tekniċi u funzjonali tat-trade mark ikkontestata tifforma f’dan ir-rigward karatteristika “ġenerika”, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94, għal figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad u hija imposta min-natura ta’ dan il-prodott. Hija tenfasizza li l-kwistjoni dwar jekk il-prodott jistax ikun ukoll ta’ forma alternattiva ftit li xejn hija rilevanti fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni.

34

L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

35

Skont l-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati s-sinjali li jikkonsistu esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott.

36

Applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkonċernat, jiġifieri l-iktar elementi importanti tiegħu, jiġu debitament identifikati skont il-każ, billi tibbaża ruħha fuq l-impressjoni globali li tirriżulta mis-sinjal jew fuq eżami suċċessiv ta’ kull wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu dan is-sinjal (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, HauckC‑205/13, EU:C:2014:2233, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Konsegwentement, l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali fir-rigward ta’ eventwali applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 tista’, skont il-każ, u b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ diffikultà tagħha, isseħħ permezz ta’ sempliċi analiżi viżiva tas-sinjal imsemmi jew, bil-kontra, tkun ibbażata fuq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi utli għall-evalwazzjoni, bħal stħarriġ u perizji (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 71).

38

B’hekk, l-awtorità kompetenti tista’ twettaq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra r-rappreżentazzjoni grafika u d-deskrizzjonijiet possibbli pprovduti waqt il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, elementi utli għall-identifikazzjoni xierqa tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 54).

39

Minn dan isegwi li, għalkemm l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni għandha bħala prinċipju tibda bl-eżami tar-rappreżentazzjoni grafika ta’ dan is-sinjal, l-awtorità kompetenti tista’ wkoll tirreferi għal elementi ta’ informazzjoni oħra utli li jippermettu li jiġu ddeterminati korrettament dawn il-karatteristiċi, bħall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gömböc, C‑237/19, EU:C:2020:296, punti 30, 3137).

40

Għalhekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 37 sa 39 iktar ’il fuq, dwar l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 u applikabbli b’analoġija, mutatis mutandis, għall-paragrafu 1(e)(i) tal-istess artikolu, jirriżulta li elementi ta’ informazzjoni minbarra s-sempliċi rappreżentazzjoni grafika, bħall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, jistgħu jintużaw sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni.

41

Sabiex tiġi analizzata l-forma imposta min-natura tal-prodott fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94, il-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu evalwati fid-dawl tan-natura tal-prodott konkret irrappreżentat. Tali analiżi ma tistax titwettaq mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-elementi addizzjonali relatati man-natura tal-prodott konkret, anki jekk ma jkunux viżibbli fir-rappreżentazzjoni grafika (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2016, Simba Toys vs EUIPO, C‑30/15 P, EU:C:2016:849, punti 4648, u tat‑23 ta’ April 2020, Gömböc, C‑237/19, EU:C:2020:296, punt 33).

42

Fl-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kunċett ta’ “għamla [forma] li tirriżulta min-natura tal-merkanzija [prodotti] nnifishom” jimplika li r-reġistrazzjoni tal-forom li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom huma inerenti għall-funzjoni jew għall-funzjonijiet ġeneriċi ta’ dan il-prodott għandha wkoll, bħala prinċipju, tiġi rrifjutata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, Hauck, C‑205/13, EU:C:2014:2233, punt 25).

43

Barra minn hekk, dawn huma karatteristiċi essenzjali li l-konsumatur jista’ jfittex fil-prodotti tal-kompetituri ġaladarba dawn il-prodotti jkunu intiżi biex jissodisfaw funzjoni identika jew simili (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, Hauck, C‑205/13, EU:C:2014:2233, punt 26).

44

Madankollu, l-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax japplika meta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tirrigwarda forma ta’ prodott li fiha element ieħor, bħal element ornamentali jew ta’ fantażija, mhux inerenti għall-funzjoni ġenerika tal-prodott, li għandu rwol importanti jew essenzjali. (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, Hauck, C‑205/13, EU:C:2014:2233, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Minn dan isegwi li r-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 ma tistax tapplika meta teżisti tal-inqas karatteristika essenzjali tal-forma li ma hijiex imposta min-natura stess tal-prodott, b’tali mod li t-trade mark ikkontestata ma hijiex ikkostitwita “esklużivament” mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott.

46

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ewwel motiv.

– Fuq id‑determinazzjoni tan‑natura tal‑prodott

47

Fir-rigward tan-natura tal-prodott inkwistjoni, fil-punti 41 sa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li kien jirriżulta “mingħajr dubju”, kemm mill-elementi ta’ prova prodotti mir-rikorrenti kif ukoll mill-esperjenza prattika, li din kienet il-figurina-ġugarell Lego, u mhux figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad, kif issostni r-rikorrenti. Skont il-Bord tal-Appell, għalkemm kien ċertament inkontestabbli li l-figurina-ġugarell Lego kienet kompatibbli mas-sistema ta’ kostruzzjoni modulari tal-intervenjenti (li hija ma kinitx neċessarjament “parti” minnha, kuntrarjament għall-brik Lego), madankollu kien magħruf ukoll li bħala prinċipju kien possibbli li wieħed jilgħab b’din il-figurina-ġugarell eżattament bħal b’kwalunkwe figurina-ġugarell (jiġifieri billi din tinżamm, tiġi mċaqalqa, tiġi żmontata, eċċ.), mingħajr neċessarjament ma jkollha tiġi assoċjata mal-imsemmija sistema ta’ kostruzzjoni modulari. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell stabbilixxa li din il-kawża kienet tikkonċerna figurina-ġugarell inkluża fil-kategorija ta’ “logħob u ġugarelli” li tinsab taħt il-klassi 28.

48

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika qabel kollox lill-Bord tal-Appell talli ddefinixxa n-natura tal-prodott bħala dik ta’ “figurina-ġugarell”. Skont ir-rikorrenti, din hija b’mod ċar “figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad”, kompatibbli mas-sistema ta’ kostruzzjoni modulari tal-intervenjenti. Għalhekk, għandhom jiġu evalwati l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodott konkret li jikkostitwixxi tali figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad. Huma ma jistgħux jillimitaw ruħhom b’mod astratt għar-ras, għat-torso, għad-dirgħajn u għas-saqajn tal-figurina-ġugarell imsemmija.

49

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-figurina inkwistjoni tikkostitwixxi, b’mod partikolari, “figurina-ġugarell” li tista’ tiġi pperċepita u użata għal finijiet ta’ logħob mingħajr ostakolu jew restrizzjoni, indipendentement minn prodotti jew ġugarelli oħra b’mod ġenerali u, b’mod iktar partikolari, mis-sistema ta’ kostruzzjoni modulari tal-intervenjenti. Bħala prova, fil-punt 74 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ġustament irrefera għall-Anness BDR 3, ippreżentat mir-rikorrenti u li jgħid li l-figurina inkwistjoni nħolqot sabiex tipparteċipa f’“logħob tar-rwoli” (role-play) u “tirrakkonta stejjer” (storytelling).

50

Ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi preżunt li l-figurina-ġugarell inkwistjoni tista’ tintuża biss flimkien mal-briks ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti. Il-preżenza ta’ stud jew ta’ toqob fuq din il-figurina-ġugarell ma tistax tkun determinanti f’dan ir-rigward. Konsegwentement, l-għan ta’ divertiment tal-imsemmija figurina-ġugarell ma jistax jiġi limitat għal dak ta’ “figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad”.

51

Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-figurina inkwistjoni kienet figurina-ġugarell inkluża fil-kategorija tal-“logħob u ġugarelli” li jaqgħu fil-klassi 28.

52

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-figurina inkwistjoni tikkostitwixxi wkoll “figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad” kompatibbli mas-sistema ta’ briks ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti u inkluża f’subkategorija ġenerika tal-“logħob u ġugarelli” li jaqgħu fil-klassi 28.

53

Fil-fatt, f’dan il-każ, kuntrarjament għall-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità preċedenti li taw lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Forma ta’ figurina tal-logħob bi sporġenza (T‑396/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:379), abbażi tal-espożizzjoni konkreta tar-rikorrenti f’din il-proċedura, għandu jitqies li n-natura li tingħaqad tal-figurina inkwistjoni fil-kuntest ta’ sistema modulari ta’ kostruzzjoni tista’ tiġi dedotta mit-trade mark ikkontestata, fid-dawl tar-rappreżentazzjoni grafika tagħha, iżda wkoll ta’ elementi utli oħra, b’mod partikolari l-għarfien mill-pubbliku ta’ sistemi modulari ta’ kostruzzjoni bħal dik tal-intervenjenti, kif jirriżulta mid-dokumenti fil-proċess ippreżentati mir-rikorrenti (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), sa fejn dawn huma relatati mal-motivi u mal-argumenti li din tiżviluppa quddiem il-Qorti Ġenerali (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

54

Għalhekk, mill-Anness BDR 3, li jikkonsisti f’estratt mill-ktieb Lego Minifigure year by year – A visual History (edizzjoni Franċiża: Les figurines Lego au fil du temps [Il-figurini Lego tul iż-żmien]), jirriżulta li l-figurini Lego “għandhom konnetturi fuq il-ġisem tagħhom li huma kompatibbli mal-briks Lego u ma’ elementi oħra” u li dawn “jistgħu jiġu żarmati u magħquda ma’ biċċiet ta’ figurini oħra sabiex jinħoloq persunaġġ kompletament ġdid”.

55

Barra minn hekk, l-għarfien mill-pubbliku ta’ sistemi modulari ta’ kostruzzjoni, bħal dak tal-intervenjenti, jikkostitwixxi fatt magħruf fis-sens tal-ġurisprudenza, jiġifieri fatt li jista’ jkun magħruf minn kull persuna jew li jista’ jkun magħruf minn sorsi ġeneralment aċċessibbli, mingħajr ma jkunu meħtieġa provi f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2011, LG Electronics vs UASI, C‑88/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:727, punti 27 sa 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Bayer vs EUIPO – Uni-Pharma (SALOSPIR), T‑261/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:710, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżattezza tal-fatti magħrufa u li, barra minn hekk, il-konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tan-natura magħrufa jew le tal-fatti kkonċernati tikkostitwixxi evalwazzjoni ta’ natura fattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, EUIPO vs Messi Cuccittini, C‑449/18 P u C‑474/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:722, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

B’hekk, mill-kapaċità tal-figurina inkwistjoni li tkun assemblata, żarmata u mill-kompatibbiltà tagħha mal-briks ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti jirriżulta li din il-figurina hija wkoll inkluża fil-kategorija tal-“figurini ta’ kostruzzjoni li jistgħu jingħaqdu”. Kuntrarjament għal dak li tallega l-intervenjenti, l-imsemmija kategorija ma hijiex limitata b’mod konkret għall-figurina inkwistjoni, iżda tista’ tinkludi lil ħafna figurini oħra.

57

Huwa għalhekk b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell, fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, issuġġerixxa li l-possibbiltà li wieħed jilgħab bil-figurina-ġugarell inkwistjoni mingħajr neċessarjament ma jkollu jassoċjaha mas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti setgħet tipprekludi l-klassifikazzjoni tagħha bħala figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad. Fil-fatt, il-possibbiltà li tintuża l-figurina inkwistjoni sabiex isir logħob indipendentement mis-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti ma tikkostitwixxix karatteristika tal-forma mogħtija lit-trade mark ikkontestata u tirriżulta mingħajr effett fuq in-natura tagħha ta’ figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad.

58

Huwa wkoll b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell, fil-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstata li t-trade mark ikkontestata, fid-dawl tar-rappreżentazzjoni grafika tagħha, ma kinitx tirriproduċi b’mod ċar u mingħajr ambigwità “figurina ta’ kostruzzjoni li tista’ tiġi bbottiljata”. Fil-fatt, l-espożizzjoni tar-rikorrenti u l-provi li hija pproduċiet, ikkunsidrati fid-dawl tal-għarfien mill-pubbliku tas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti, jippermettu li jinftiehem li l-forma inkwistjoni tippreżenta l-funzjonijiet ġeneriċi ta’ figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad. Tali fehim ta’ din il-forma ma teħtieġx li jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi addizzjonali li ma jifformawx parti mill-imsemmija trade mark.

59

Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell, fil-punti 41 sa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, wettaq żball ta’ evalwazzjoni billi llimita ruħu li jikkonstata li n-natura tal-prodott ikkostitwit mit-trade mark ikkontestata kienet biss dik ta’ “figurina-ġugarell” u billi b’hekk naqas milli jikkonstata li din in-natura kienet ukoll dik ta’ “figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad”.

60

F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-prodott ikkonċernat għandu natura doppja, kemm dik ta’ “figurina-ġugarell” bil-karatteristiċi umani, kif iddeċieda l-Bord tal-Appell wara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Forma ta’ figurina tal-logħob bi sporġenza (T‑396/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:379), u dik ta’ “figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad” li tippreżenta riżultat tekniku ta’ natura li tingħaqad u ta’ modularità mas-sistema ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti, kif tallega repetutament ir-rikorrenti. Għaldaqstant, dan il-prodott jikkonsisti f’“figurina-ġugarell li tingħaqad” b’żewġ għanijiet, jiġifieri dak li wieħed jilgħab bih, li huwa ta’ natura mhux teknika, u dak li jippermetti l-assemblaġġ jew l-interkonnessjoni, li huwa ta’ natura teknika.

61

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, għalkemm il-Bord tal-Appell ġustament qies li n-natura tal-prodott ikkonċernat taqa’ taħt il-kategorija tal-figurini-ġugarelli, min-naħa l-oħra, huwa wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta naqas milli jqis li n-natura tal-imsemmi prodott taqa’ wkoll fil-kategorija tal-figurini ta’ kostruzzjoni li jingħaqdu.

– Fuq id‑determinazzjoni tal‑karatteristiċi essenzjali tas‑sinjal

62

Fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, fil-punti 45 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li din kienet tikkostitwixxi sinjal tridimensjonali fil-forma ta’ figurina-ġugarell jew ta’ figurina ta’ forma umana, u għalhekk kien jixbah lil bniedem. Filwaqt li bbaża ruħu fuq is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Forma ta’ figurina tal-logħob bi sporġenza (T‑396/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:379, punti 3032), huwa qies li, fid-dawl tar-rappreżentazzjoni grafika tagħha u tal-fatt li hija għandha l-forma ta’ figurina li għandha dehra umana, ir-ras, il-ġisem, id-dirgħajn u s-saqajn, li huma neċessarji sabiex tali dehra tkun tista’ tingħatalha, jikkostitwixxu l-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmija trade mark. Min-naħa l-oħra, skont il-Bord tal-Appell, ir-rappreżentazzjoni grafika tal-idejn tal-figurina-ġugarell inkwistjoni, l-istud fuq ir-ras tagħha u t-toqob taħt is-saqajn tagħha u fuq in-naħa ta’ wara tas-sieq tagħha ma setgħux jitqiesu, kemm fir-rigward tal-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark ikkontestata kif ukoll tar-riżultat tal-analiżi tal-elementi kostituttivi tagħha, bħala li huma l-iktar importanti ta’ din it-trade mark u għalhekk ma kinux jikkostitwixxu karatteristika essenzjali tal-forma inkwistjoni.

63

Fil-punti 48 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li t-trade mark ikkontestata ma kinitx tirriproduċi b’mod ċar u mingħajr ambigwità “figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad”, kif allegat mir-rikorrenti, iżda li mir-rappreżentazzjoni grafika, mill-impressjoni ġenerali prodotta minn din it-trade mark u mill-analiżi tal-elementi tagħha kien jirriżulta b’mod ċar li din kienet il-forma ta’ figurina-ġugarell li tirrappreżenta lil bniedem. Fil-fehma tiegħu, la mill-impressjoni ġenerali u lanqas mill-eżami tal-elementi tas-sinjal inkwistjoni ma kien jirriżulta mingħajr dubju li l-karatteristiċi essenzjali jew l-iktar importanti tal-imsemmi sinjal kienu l-karattru smontabbli, in-natura li jiġu stivati jew il-kompatibbiltà tal-imsemmija figurina, kif allegat mir-rikorrenti. Skont il-Bord tal-Appell, l-argument ta’ din tal-aħħar iwassal biex jiżdiedu mal-forma tas-sinjal ikkontestat elementi addizzjonali li ma jappartjenux realment għalih u tali żieda arbitrarja hija illegali. Il-Bord tal-Appell żied li, għalkemm kien ċertament possibbli li l-figurina-ġugarell Lego tiġi smontata u tkun kompatibbli mas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti, madankollu ma kienx intwera li dawn il-karatteristiċi kienu l-iktar importanti f’dan il-każ, b’mod li jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkontestat. Fil-fehma tagħha, in-natura smontabbli, in-natura li tiġi stivata jew il-kompatibbiltà ma kellhomx importanza essenzjali għall-funzjoni tal-figurina-ġugarell Lego bħala tali, jiġifieri bħala figurina-ġugarell li għandha l-forma ta’ bniedem, li kien possibbli li wieħed jilgħab biha indipendentement minn dawn l-aħħar karatteristiċi.

64

Fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trade mark ikkontestata kienet turi figurina-ġugarell żgħira li kienet tirrappreżenta persunaġġ b’konfigurazzjoni speċjali, iżda ma kinitx komposta “esklużivament minn karatteristiċi ġeneriċi dwar il-logħob jew il-ġugarelli”. Fil-fehma tiegħu, din it-trade mark kienet pjuttost tirreferi għal forma ta’ prodotti (figurina-ġugarell) li għaliha elementi dekorattivi u fantażjużi oħra, li ma kellhomx il-“funzjoni ġenerika tipika ta’ dan il-prodott”, kienu importanti jew essenzjali. F’dan il-każ, dawn l-elementi kienu dawk li r-rikorrenti stess kienet identifikat fid-dettall, jiġifieri:

ras ċilindrika bi stud imwaħħal fiċ-ċentru (b’għajnejn u b’ħalq; mingħajr imnieħer u widnejn);

għonq rettangolari qasir;

torso trapeżojdali li, meta wieħed jarah mill-ġenb, kien ixaqleb ’il quddiem u lura;

dirgħajn kemmxejn inklinati fil-livell tal-minkeb li jispiċċaw f’idejn f’forma ta’ ganċijiet;

saqajn bi sporġenza taħt is-saqajn u żewġ toqob tondi fuq wara u

il-fatt li s-saqajn kif ukoll it-torso kellhom proporzjonalment bejn wieħed u ieħor l-istess tul.

65

Ir-rikorrenti ssostni li l-karatteristiċi essenzjali tal-figurina inkwistjoni jinkludu mhux biss ir-ras, it-torso, id-dirgħajn u s-saqajn, iżda wkoll l-istud fuq ras il-figurina, l-idejn li għandu ganċijiet u l-partijiet vojta fuq wara tas-saqajn u taħt is-saqajn, għall-finijiet tal-assemblaġġ flimkien ma’ briks ta’ kostruzzjoni ieħor tal-intervenjenti.

66

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-espressjoni “karatteristiċi essenzjali” għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-elementi l-iktar importanti tas-sinjal (sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 69, u tat‑30 ta’ Marzu 2022, Établissement Amra vs EUIPO — eXpresio, estudio creativo (Forma ta’ żarbun b’effett rebound), T‑264/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:193, punt 33).

67

Skont ġurisprudenza stabbilita, applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkonċernat, jiġifieri l-elementi l-iktar importanti tiegħu, għandhom jiġu debitament identifikati każ b’każ, abbażi tal-impressjoni globali mogħtija minn dan is-sinjal jew fuq eżami suċċessiv ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tiegħu (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

68

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza reċenti dwar l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, applikabbli b’analoġija, mutatis mutandis, għall-paragrafu 1(e)(i) tal-istess artikolu, jirriżulta li elementi ta’ informazzjoni differenti mir-rappreżentazzjoni grafika biss, bħall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, jistgħu jintużaw sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

69

F’dan il-każ, ċertament, il-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala karatteristiċi essenzjali tal-figurina-ġugarell inkwistjoni l-karatteristiċi li jagħtuh aspett uman, jiġifieri r-ras, it-torso, id-dirgħajn u s-saqajn.

70

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li kien ukoll ġustament li l-Bord tal-Appell, fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, qies ukoll bħala essenzjali elementi ornamentali u ta’ fantażija tal-figurina inkwistjoni, jiġifieri l-forma ċilindrika tar-ras, il-forma qasira u rettangolari tal-għonq u l-forma trapeżojdali tat-torso. Id-disinn bil-forom rettangolari u kumpatti kif ukoll il-proporzjonijiet ġenerali huma wkoll elementi grafiċi importanti tal-imsemmija figurina.

71

Madankollu, huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell, abbażi tar-rappreżentazzjoni grafika tiegħu fil-forma ta’ figurina-ġugarell b’xejriet umani, illimita l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata għall-karatteristiċi msemmija fil-punti 69 u 70 iktar ’il fuq u, essenzjalment, ikkonstata li l-istud fuq ir-ras ta’ din il-figurina-ġugarell, il-ganċijiet f’idejh u t-toqob taħt is-saqajn tiegħu u fuq in-naħa ta’ wara tas-saqajn tiegħu, li l-funzjoni tagħhom ma setgħetx tiġi dedotta mill-imsemmija trade mark, ma kinux jikkontribwixxu għall-funzjoni ġenerika ta’ figurina-ġugarell li tippreżenta sempliċement karatteristiċi umani u intiża għall-parteċipazzjoni f’logħob ta’ rwol u għan-narrazzjoni ta’ stejjer, b’tali mod li dawn l-elementi ma setgħux jidhru fost il-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmija figurina-ġugarell.

72

Fil-fatt, il-karatteristiċi essenzjali li jirriżultaw mill-istud fuq ir-ras, mill-ġanċijiet taħt l-idejn u mit-toqob taħt is-saqajn u fuq in-naħa ta’ wara tas-saqajn tal-figurina inkwistjoni jistgħu jiġu dedotti mit-trade mark ikkontestata, fid-dawl tar-rappreżentazzjoni grafika tagħha, iżda wkoll minn elementi ta’ informazzjoni oħra, b’mod partikolari mill-għarfien mill-pubbliku tas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti, kif jirriżulta mill-atti inklużi fil-proċess mir-rikorrenti (ara l-punti 27, 53 u 54 iktar ’il fuq), sa fejn dawn jistgħu jingħaqdu mal-motivi u mal-argumenti li din tiżviluppa quddiem il-Qorti Ġenerali (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), u li tikkostitwixxi wkoll fatt magħruf (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

73

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-istud fuq ir-ras, il-ganċijiet mal-idejn u t-toqob fuq in-naħa ta’ wara tas-saqajn u taħt is-saqajn tal-figurina inkwistjoni jikkostitwixxu karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, fid-dawl tan-natura tagħha ta’ “figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad”. Dawn l-elementi huma importanti għall-kompatibbiltà ta’ din il-figurina u l-kapaċità tagħha li tkun assemblata ma’ prodotti oħra.

74

Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell, fil-punti 45 sa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta llimita ruħu li jikkunsidra bħala essenzjali l-karatteristiċi “mhux tekniċi” li jagħtu lill-figurina inkwistjoni aspett uman, jiġifieri r-ras, it-torso, id-dirgħajn u s-saqajn, u billi b’hekk naqas milli jqis bħala karatteristiċi essenzjali l-karatteristiċi “tekniċi” tat-trade mark ikkontestata prevista bħala figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad, jiġifieri l-istud fuq ir-ras, il-ganċijiet tal-idejn u t-toqob fuq wara tas-saqajn u taħt is-saqajn.

75

B’dan il-mod, huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell, sabiex jistabbilixxi l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, sempliċement ħa inkunsiderazzjoni r-rappreżentazzjoni grafika ta’ din it-trade mark u naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni elementi utli oħra li jirrigwardaw in-natura tal-prodott konkret, b’mod partikolari l-għarfien mill-pubbliku tas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti.

76

Huwa wkoll b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell, fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li l-argument tar-rikorrenti jammonta għal żieda mal-forma tas-sinjal ikkontestat tal-elementi addizzjonali li ma jappartjenux realment lilu u li tali żieda arbitrarja hija illegali. Fil-fatt, l-istud fuq ir-ras, il-ganċijiet fl-idejn u t-toqob fuq wara tas-saqajn u taħt is-saqajn tal-figurina inkwistjoni jikkostitwixxu manifestament karatteristiċi li jappartjenu għal din il-figurina, prevista mhux biss abbażi tar-rappreżentazzjoni grafika tagħha, iżda wkoll abbażi ta’ elementi utli oħra bħall-għarfien mill-pubbliku tas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti. Għalhekk, dawn il-karatteristiċi bl-ebda mod ma jifformaw “żieda arbitrarja” mal-prodott konkret ta’ elementi li ma humiex kostituttivi tiegħu.

77

Għandu jiġi konkluż li, għalkemm il-Bord tal-Appell ġustament qies li l-karatteristiċi kkunsidrati fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata kienu karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, min-naħa l-oħra, huwa wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta naqas milli jqis bħala essenzjali l-karatteristiċi addizzjonali allegati mir-rikorrenti, jiġifieri l-istud fuq ir-ras, il-ganċijiet fl-idejn u t-toqob fuq wara tas-saqajn u taħt is-saqajn.

– Fuq il‑kwistjoni tal‑forma imposta jew le min‑natura stess tal‑prodott

78

Fil-punti 51 sa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell identifika l-elementi dekorattivi u ta’ fantasija elenkati fil-punt 64 iktar’ il fuq u stabbilixxa li l-kombinazzjoni ta’ dawn l-elementi kienet maħsuba b’mod li tagħti lill-figurina-ġugarell inkwistjoni aspett oriġinali jew fantażjuż fl-impressjoni ġenerali li hija kienet tipproduċi. Hija qieset ukoll li figurina-ġugarell kienet għalhekk tappartjeni għal speċi ta’ prodott li fir-rigward tiegħu kienet teżisti, bħala prinċipju, libertà ta’ disinn wiesgħa. Fil-fehma tagħha, figurina-ġugarell jew figurina li taqa’ fil-klassi 28 setgħet b’hekk tiġi kkonċepita billi tittieħed b’mod konkret kwalunkwe forma, differenti mill-forma speċifika tas-sinjal ikkontestat, u setgħet tiġi mmodifikata u kkonfigurata bl-ikbar kreattività. Pereżempju, skont id-disinjatur, is-saqajn jistgħu jiġu kkonfigurati b’forma tonda differenti mill-forma rettangolari rreġistrata u t-torso jista’ jkollu forma oħra, rettangolari jew tonda, minflok il-forma trapeżojdali rreġistrata b’mod konkret. Jekk figurina-ġugarell jew figurina li għandha forma umana għandu ċertament ikollha ras, ġisem, żewġ dirgħajn u żewġ saqajn li jagħtuha d-dehra umana tagħha, dawn il-karatteristiċi essenzjali setgħu jieħdu b’mod konkret kwalunkwe forma.

79

Fil-punti 55 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li tali libertà ta’ disinn kienet tapplika mhux biss għall-prodotti inkwistjoni li jaqgħu fil-klassi 28, iżda wkoll mutatis mutandis għall-prodotti l-oħra kkonċernati li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 25 (li għalihom ma kienx hemm spjegazzjonijiet materjali tar-rikorrenti) bl-istess mod jekk kienu mmanifatturati fil-forma ta’ figurina-ġugarell jew ta’ figurina b’forma umana u, a fortiori, jekk kienu maħsuba taħt kull forma oħra. Skont il-Bord tal-Appell, lanqas ma kien jirriżulta b’mod ċar mill-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti li s-sinjal ikkontestat kien “esklużivament” ikkostitwit mill-forma imposta min-natura tal-prodott u r-raġunijiet għalfejn il-prodotti inkwistjoni kienu “neċessarjament” iddisinjati fil-forma tal-figurina-ġugarell irreġistrata lanqas ma kienu jidhru b’mod ċar. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kinitx ipprovat li l-forma tal-imsemmija prodotti kienet tinkludi elementi imposti min-natura tagħhom u s-sinjal ikkontestat, fl-intier tiegħu, ma kellux tali forma inevitabbli li kienet tikkorrispondi neċessarjament għall-kategorija ta’ dawn l-istess prodotti.

80

Fil-punti 57 sa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li s-sempliċi fatt li l-figurina konkreta tirrappreżenta bniedem ma huwiex biżżejjed biex tiġi kkonfutata l-kapaċità għall-protezzjoni tat-trade mark ikkontestata, konformement mal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94, peress li, inkella, il-kamp tal-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni “jestendi għal infinità” mill-mument li l-imsemmija trade mark ikollha forma inizjali naturali, bħal f’dan il-każ il-ġisem tal-bniedem. Fil-fehma tagħha, is-sinjal ikkontestat sempliċement ma kienx jirrappreżenta forma tal-prodotti inkwistjoni litaqa’ fil-klassijiet 9, 25 jew 28, li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom huma inerenti għall-funzjonijiet ġeneriċi ta’ dawn il-prodotti. Hija kkonkludiet li l-kundizzjonijiet tal-imsemmi artikolu ma kinux issodisfatti.

81

Ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-karatteristiċi viżibbli kollha tal-figurina inkwistjoni (b’mod partikolari r-ras, it-torso, id-dirgħajn u s-saqajn), essenzjali jew le, huma kkonċepiti minn kull lat b’mod li tiġi żgurata l-funzjoni ġenerika tal-prodott, billi jiġu ppakkjati mal-briks ta’ kostruzzjoni u ma’ figurini oħra tal-intervenjenti.

82

Għandu jitfakkar li r-reġistrazzjoni tal-forom li l-karatteristiċi essenzjali kollha tagħhom huma inerenti għall-funzjoni jew għall-funzjonijiet ġeneriċi tal-prodott għandha, bħala prinċipju, tiġu rrifjutata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, Hauck, C‑205/13, EU:C:2014:2233, punt 25).

83

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq, l-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax japplika meta t-trade mark ikkontestata tirrigwarda forma ta’ prodott li fiha element ornamentali jew ta’ fantażija ieħor, li ma huwiex inerenti għall-funzjoni ġenerika tal-prodott, għandu rwol importanti jew essenzjali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, Hauck, C‑205/13, EU:C:2014:2233, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Għalhekk, l-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax japplika meta t-trade mark ikkontestata tirrappreżenta forma ta’ prodott li għandha tal-inqas karatteristika essenzjali li ma hijiex inerenti għall-funzjoni ġenerika ta’ dan il-prodott jew, fi kliem ieħor, meta teżisti tal-inqas karatteristika essenzjali tal-forma li ma hijiex imposta min-natura stess tal-prodott, b’tali mod li t-trade mark ikkontestata ma hijiex ikkostitwita “esklużivament” mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott (ara l-punt 45 iktar ’il fuq).

85

F’dan il-każ, il-forma inkwistjoni hija għalhekk adatta għall-protezzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea jekk mill-inqas waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħha ma hijiex inerenti għall-funzjoni ġenerika ta’ figurina-ġugarell jew għall-funzjoni ġenerika ta’ figurina ta’ kostruzzjoni li tista’ tingħaqad.

86

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-forma ċilindrika jew “ta’ bittija” tar-ras tal-figurina inkwistjoni la tirriżulta inerenti għall-funzjoni ġenerika ta’ figurina-ġugarell u lanqas għall-funzjoni ġenerika ta’ figurina ta’ kostruzzjoni li tista’ tingħaqad. L-istess japplika għall-forma qasira u rettangolari tal-għonq u għall-forma trapeżojdali, ċatta u angolari tat-torso, kif ukoll għall-forma speċifika tad-dirgħajn mal-idejn u dik tas-saqajn mal-pali tas-saqajn.

87

Il-kunċett konkret ta’ dawn il-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni huwa għalhekk biss espressjoni possibbli tal-applikazzjoni konkreta tal-funzjoni ġenerika ta’ figurina-ġugarell jew ta’ dik ta’ figurina ta’ kostruzzjoni li tista’ tingħaqad.

88

Għalhekk, il-karatteristiċi ornamentali u ta’ fantażija msemmija fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 64 u 78 iktar ’il fuq) u elenkati fil-punt 86 iktar ’il fuq, jirriżultaw mil-libertà tad-disinjatur tal-figurina-ġugarell u tal-figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad. Filwaqt li l-preżenza ta’ karatteristiċi umani u ta’ apparat ta’ assemblaġġ hija fundamentalment neċessarja minħabba n-natura doppja tal-prodott, teżisti libertà wiesgħa fir-rigward tal-konfigurazzjoni ta’ dawn l-elementi. Fid-dawl ta’ din il-libertà wiesgħa ta’ disinn f’dak li jirrigwarda l-figurini-ġugarelli ta’ kostruzzjoni li jingħaqdu, l-imsemmija karatteristiċi jistgħu jieħdu ħafna forom oħra minbarra dik tat-trade mark ikkontestata.

89

Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-karatteristiċi essenzjali, fid-dawl tan-natura ornamentali u ta’ fantażija tagħhom, setgħu jiġu mmodifikati u kkonfigurati, bħala prinċipju, b’“libertà wiesgħa ta’ konċezzjoni”.

90

F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li “ebda karatteristika tat-trade mark ikkontestata, u lanqas, iktar u iktar, ebda karatteristika essenzjali tagħha, u lanqas it-trade mark ikkontestata fl-intier tagħha, ma tippreżenta element ornamentali jew fantażjuż li jmur lil hinn mill-funzjonalità deskritta” ma hijiex fondata u għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, il-karatteristiċi essenzjali elenkati fil-punt 86 iktar ’il fuq jikkostitwixxu tali elementi.

91

Minn dan isegwi li r-rikorrenti, li għandha l-oneru tal-prova f’din il-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), ma kkontestatx il-konstatazzjoni li mill-inqas karatteristika essenzjali tal-prodott inkwistjoni ma hijiex inerenti għall-funzjoni ġenerika tiegħu ta’ figurina-ġugarell jew għal dik ta’ figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad.

92

Fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-punti 83 u 84 iktar ’il fuq, din il-konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94.

93

Għandu jiġi konkluż li, minkejja l-iżbalji ta’ evalwazzjoni kkonstatati fil-punti 59 u 74 iktar ’il fuq, li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma għandhomx effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonferma l-kapaċità tat-trade mark ikkontestata li tiġi rreġistrata fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(e)(i) tar-Regolament Nru 40/94.

94

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 7(1)(e)(ii) tar‑Regolament Nru 40/94

95

Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

96

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-funzjoni tal-prodott inkwistjoni u tal-karatteristiċi essenzjali tiegħu, ir-rikorrenti ssostni li dawn il-karatteristiċi għandhom jiġu evalwati mhux b’mod astratt, iżda fid-dawl tal-mod konkret kif huma rispettivament adottati fir-rappreżentazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Fil-fehma tiegħu, il-fatt li l-figurina ta’ kostruzzjoni li tista’ tingħaqad tista’ wkoll teoretikament tintuża bħala figurina-ġugarell indipendentement mis-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti ma huwiex karatteristika tal-forma mogħtija lill-imsemmija trade mark u fuq kollox ma jċaħħadhiex min-natura tagħha ta’ figurina ta’ kostruzzjoni li tista’ tingħaqad. Barra minn hekk, hija ssostni li, skont il-ġurisprudenza reċenti, l-evalwazzjoni tal-funzjoni teknika ma tistax tkun ibbażata biss fuq ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark inkwistjoni.

97

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li “assolutament ma bbażax ruħu”, fil-punti 78 sa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-elementi esposti minnha. Hija ssostni li r-riżultat tekniku tal-figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad, riprodotta fl-imsemmija trade mark u tal-elementi tagħha hija n-natura tagħha li tiġi stivata u l-modularità tagħha fil-kuntest tas-sistema ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti. Din il-figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad u l-elementi differenti tagħha huma kkonċepiti minn kull aspett b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu stivati u jingħaqdu ma’ figurini oħra ta’ kostruzzjoni li jistgħu jingħaqdu u briks ta’ kostruzzjoni oħra tal-intervenjenti. Numru kbir ta’ varjanti ta’ kostruzzjoni huma possibbli biss fil-forma konkreta tal-figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad riprodotta fl-imsemmija trade mark. Il-karatteristiċi kollha tat-trade mark ikkontestata għandhom esklużivament l-għan li jiggarantixxu n-natura li tiġi stivata u l-modularità ta’ din it-trade mark u tal-elementi tagħha fil-kuntest tas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti. Mhux biss l-istud fuq ir-ras, l-idejn b’ganċijiet u t-toqob taħt is-saqajn u fuq wara tas-saqajn, iżda, b’mod iktar preċiż, id-daqs u d-dimensjonijiet tar-ras, il-forma ċilindrika tagħha, il-forma ċatta u angolari tat-torso, il-ġnub ftit imnaqqsa tagħha, il-kurvatura sottili tad-dirgħajn, il-polzi, l-idejn b’ganċijiet u s-saqajn li jiċċaqilqu, li t-tul tagħhom jippermetti lill-figura li żżomm bilqiegħda fuq erba’ studs, huma wkoll esklużivament intiżi biex jippermettu l-assemblaġġ tal-figura riprodotta f’din it-trade mark. L-istess japplika għall-imsemmija figurina kollha, li l-proporzjonijiet u l-għoli tagħha, li jikkorrispondu eżattament għall-għoli ta’ erba’ briksiet ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti, huma esklużivament intiżi biex jippermettu l-immuntar tagħha ma’ tali briks. Il-kompatibbiltà tal-figurini ta’ kostruzzjoni li jistgħu jingħaqdu tintilef jew tiġi ristretta meta dawn jippreżentaw forom differenti. Il-Bord tal-Appell ma kienx kapaċi jindika liema karatteristiċi allegatament essenzjali tal-imsemmija trade mark kienu intiżi biex ikunu fantażjużi u ma kinux esklużivament marbuta mal-funzjoni teknika tagħhom. Skont ir-rikorrenti, minn dan isegwi li l-forma tat-trade mark ikkontestata u tal-elementi tagħha hija intiża “esklużivament” għall-kisba tar-riżultati tekniċi deskritti, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. L-eżistenza ta’ forom oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku hija irrilevanti u ma tistax teskludi l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu.

98

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li hija inkomprensibbli l-analiżi tal-Bord tal-Appell, fil-punt 79 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li t-trade mark ikkontestata “ma tippreżentax linji jew mudell li jiżvelaw b’mod ċar u mingħajr ambigwità n-natura tagħha li tiġi stivata u l-modularità tagħha fil-kuntest tas-sistema ta’ kostruzzjoni” tal-intervenjenti. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell jinjora mill-ġdid il-ġurisprudenza attwali, li tgħid li ma huwiex iktar aċċettabbli, sabiex jiġi ddeterminat ir-riżultat tekniku tal-karatteristiċi ta’ trade mark, li wieħed iżomm biss mar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark u mal-preżentazzjoni esterna tagħha. Ir-rikorrenti wriet fid-dettall, bl-għajnuna ta’ illustrazzjonijiet, li, lil hinn mir-rappreżentazzjoni grafika, it-trade mark ikkontestata għandha l-funzjonalitajiet deskritti fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

99

L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

100

Skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati s-sinjali li jikkonsistu esklużivament mill-forma tal-prodott li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

101

L-interess ġenerali li huwa l-bażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 huwa intiż biex jiġi evitat li d-dritt tat-trade marks iwassal biex impriża tingħata monopolju fuq is-soluzzjonijiet tekniċi jew fuq il-karatteristiċi utilitarji ta’ prodott (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 43).

102

Applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni huma debitament identifikati. L-espressjoni “karatteristiċi essenzjali” għandha tinftiehem bħala li tfisser l-elementi l-iktar sinjifikattivi tas-sinjal (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 6869).

103

L-identifikazzjoni tal-imsemmija karatteristiċi essenzjali tas-sinjal għandha ssir każ b’każ, mingħajr ebda ġerarkija sistematika bejn it-tipi ta’ elementi differenti li sinjal jista’ jkollu. Dan jista’ jsir jew billi wieħed jibbaża ruħu direttament fuq l-impressjoni globali mogħtija mis-sinjal, jew billi jsir, l-ewwel nett, eżami suċċessiv ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tas-sinjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 70).

104

Konsegwentement, l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali tista’, skont il-każ, u b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ diffikultà tagħha, isseħħ permezz ta’ sempliċi analiżi viżiva ta’ dan is-sinjal jew, bil-kontra, tkun ibbażata fuq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi utli għall-evalwazzjoni, bħal stħarriġ u perizji, jew ukoll data dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mogħtija preċedentement fir-rigward tal-prodott ikkonċernat (sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 71, u tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Rubik’s Brand vs EUIPO – Simba Toys (Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja), T‑601/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:765, punt 49).

105

B’hekk, l-awtorità kompetenti tista’ twettaq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra r-rappreżentazzjoni grafika u d-deskrizzjonijiet possibbli pprovduti waqt il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, elementi utli għall-identifikazzjoni xierqa tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 54).

106

Minn dan isegwi li, għalkemm l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni għandha bħala prinċipju tibda bl-eżami tar-rappreżentazzjoni grafika ta’ dan is-sinjal, l-awtorità kompetenti tista’ wkoll tirreferi għal elementi ta’ informazzjoni oħra utli li jippermettu li jiġu ddeterminati korrettament dawn il-karatteristiċi, bħall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gömböc, C‑237/19, EU:C:2020:296, punti 30, 3137).

107

Għalhekk mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 104 sa 106 iktar ’il fuq jirriżulta li elementi ta’ informazzjoni minbarra r-rappreżentazzjoni grafika biss, bħall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, jistgħu jintużaw sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni.

108

La l-karattru distintiv tal-elementi ta’ sinjal u lanqas il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ta’ sinjal ma huma rilevanti għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tiegħu fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Roxtec vs EUIPO – Wallmax (Rappreżentazzjoni ta’ kwadru iswed li jinkludi seba’ ċrieki blu konċentriċi), T‑261/18, EU:T:2019:674, punt 64).

109

Id-determinazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 issir bl-għan preċiż li tippermetti l-eżami tal-funzjonalità tal-imsemmija forma (sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2022, Forma ta’ żarbun b’effett rebound, T‑264/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:193, punt 41).

110

Ladarba l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal huma identifikati, huwa l-EUIPO li għandu jivverifika jekk dawn il-karatteristiċi kollha jissodisfawx il-funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 72) jew, b’mod iktar preċiż, funzjoni teknika ta’ dan il-prodott (ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gömböc, C‑237/19, EU:C:2020:296, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

Sabiex tiġi analizzata l-funzjonalità ta’ sinjal fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, il-karatteristiċi essenzjali tal-forma neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu evalwati fid-dawl tal-funzjoni teknika tal-prodott konkret irrappreżentat. Tali analiżi ma tistax titwettaq mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-elementi addizzjonali relatati mal-funzjoni tal-prodott konkret, anki jekk ma jkunux viżibbli fir-rappreżentazzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Simba Toys vs EUIPO, C‑30/15 P, EU:C:2016:849, punti 4648).

112

Għalhekk, għall-analiżi tal-funzjonalità ta’ sinjal fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex marbuta biss bil-funzjonijiet viżibbli mir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi l-oħra li jirriżultaw mill-prodott konkret, bħall-mekkaniżmu ta’ rotazzjoni fil-każ tar-“Rubik’s Cube” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja, T‑601/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:765, punti 8586), il-parti ta’ isfel tal-briks fil-każ tal-“brikk Lego” (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2008, Lego Juris vs UASI – Mega Brands (Brikk ta’ Lego ħamra), T‑270/06, EU:T:2008:483, punt 78) u, għal faxxa, il-mod ta’ azzjoni tagħha (sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2018, Novartis vs EUIPO – SK Chemicals (Rappreżentazzjoni ta’ garża li tipprovdi mediċina li tgħaddi minn ġol-ġilda), T‑44/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:48, punt 37). Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma tistax iżżid mal-forma tal-prodott konkret elementi li ma humiex kostituttivi tiegħu (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Yokohama Rubber u EUIPO vs Pirelli Tyre, C‑818/18 P u C‑6/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:431, punti 62 sa 66).

113

Għalkemm elementi ta’ informazzjoni li ma jirriżultawx mir-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-karatteristiċi jissodisfawx funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni, dawn l-elementi ta’ informazzjoni għandhom joriġinaw minn sorsi oġġettivi u affidabbli u ma jistgħux jinkludu l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gömböc, C‑237/19, EU:C:2020:296, punt 37).

114

Il-kundizzjoni li tgħid li forma ta’ prodott ma tistax tkun irrifjutata r-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ħlief jekk hija “neċessarja” sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku msemmi ma tfissirx li l-forma inkwistjoni għandha tkun l-unika li tippermetti li jinkiseb dan ir-riżultat (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 53).

115

L-eżistenza ta’ forom oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku ma tikkostitwixxix, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, ċirkustanza ta’ natura li teskludi r-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 5883 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116

Fi kliem ieħor, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ kull forma kkostitwita esklużivament, fil-karatteristiċi essenzjali tagħha, mill-forma tal-prodott teknikament kawżali u suffiċjenti sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku previst, anki jekk dan ir-riżultat jista’ jintlaħaq permezz ta’ forom oħrajn li jużaw l-istess soluzzjoni teknika jew soluzzjoni teknika oħra (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2008, Brikk ta’ Lego ħamra, T‑270/06, EU:T:2008:483, punt 43).

117

Fil-kuntest tal-eżami tal-funzjonalità ta’ sinjal kompost mill-forma ta’ prodott, huwa importanti biss li jkun evalwat, wara li jkunu ġew identifikati l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal imsemmi, jekk dawn il-karatteristiċi jikkorrispondux għall-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat. Dan l-eżami għandu, ovvjament, isir billi jkun analizzat is-sinjal ippreżentat jew ikkontestat, u mhux is-sinjali kkostitwiti minn forom ta’ prodotti oħra. Il-funzjonalità teknika tal-karatteristiċi ta’ forma tista’ tkun evalwata, b’mod partikolari, bit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dokumentazzjoni dwar il-privattivi preċedenti li jiddeskrivu l-elementi funzjonali tal-forma kkonċernata (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 8485).

118

Huma biss il-forom ta’ prodott li sempliċement jinkorporaw soluzzjoni teknika, u li r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark toħloq għalhekk realment l-użu ta’ din is-soluzzjoni teknika permezz ta’ impriżi oħra, li jkunu miċħuda r‑reġistrazzjoni (sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 48; tad‑19 ta’ Settembru 2012, Reddig vs UASI – Morleys (Manku ta’ sikkina), T‑164/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:443, punt 24, u tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja, T‑601/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:765, punt 45). Ir-reġistrazzjoni ta’ forma esklużivament funzjonali ta’ prodott bħala trade mark tista’ tippermetti lill-proprjetarju ta’ din it-trade mark jipprojbixxi lill-impriżi l-oħra mhux biss l-użu tal-istess forma, iżda wkoll l-użu ta’ forom li jixxiebhu (sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 56; tad‑19 ta’ Settembru 2012, Manku ta’ sikkina, T‑164/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:443, punt 22, u tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja, T‑601/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:765, punt 46).

119

Il-preżenza ta’ wieħed jew ta’ xi elementi arbitrarji minuri f’sinjal, fejn l-elementi essenzjali kollha tiegħu huma stipulati mis-soluzzjoni teknika li għaliha dan is-sinjal jagħti espressjoni, ma tbiddilx il-konklużjoni li tgħid li dan is-sinjal huwa kompost esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku. Barra minn hekk, ir-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 tapplika biss meta l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikunu kollha funzjonali, b’tali mod li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tkun irrifjutata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jekk il-forma tal-prodott inkwistjoni tinkorpora element mhux funzjonali maġġuri, bħal element ornamentali jew ta’ fantażija li għandu rwol importanti fil-forma msemmija (ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Mejju 2017, Yoshida Metal Industry vs EUIPO, C‑421/15 P, EU:C:2017:360, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120

B’hekk, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax japplika meta t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha jew li ġiet ikkontestata tirrigwarda forma ta’ prodott li fih element li mhux funzjonali, bħal element ornamentali jew imaġinattiv, igawdi minn rwol importanti. F’dan il-każ, l-impriżi kompetituri għandhom faċilment aċċess għal forom alternattivi ta’ funzjonalità ekwivalenti, b’mod li ma jeżistix riskju li d-disponibbiltà tas-soluzzjoni teknika tkun milquta negattivament. Din tal-aħħar tista’, f’din l-ipoteżi, tkun inkorporata mingħajr diffikultà mill-kompetituri tal-proprjetarju tat-trade mark imsemmija f’forom ta’ prodott li ma għandhomx l-istess element mhux funzjonali bħall-forma tal-prodott tal-proprjetarju msemmi u li, fir-rigward tagħha, għalhekk, la huma identiċi u lanqas jixxiebhu (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 5272).

121

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 tista’ tapplika biss jekk kull waħda mill-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku li għalih huwa intiż il-prodott ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, dan il-motiv ma japplikax meta jkun jeżisti element mhux funzjonali maġġuri, bħal element ornamentali jew ta’ fantażija, li jikkostitwixxi karatteristika essenzjali tal-imsemmi sinjal, iżda li ma huwiex neċessarju għall-kisba ta’ tali riżultat tekniku.

122

Fi kliem ieħor, ir-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma tistax tapplika meta teżisti mill-inqas karatteristika essenzjali tal-forma li ma hijiex neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku, b’tali mod li t-trade mark ikkontestata ma hijiex ikkostitwita “esklużivament” mill-forma neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku.

123

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni motiv.

– Fuq id‑determinazzjoni tal‑funzjonalità tal‑prodott

124

Fir-rigward tan-natura tal-prodott inkwistjoni, fil-punt 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell fakkar li s-sinjal inkwistjoni kien juri figurina-ġugarell żgħira li kienet tirrappreżenta persunaġġ b’konfigurazzjoni speċjali (ara l-punt 47 iktar ’il fuq). Fil-punt 77 tal-istess deċiżjoni, hija għalhekk stabbilixxiet li din il-kawża kienet tikkonċerna figurina-ġugarell inkluża fil-kategorija ta’ “logħob u ġugarelli” li taqa’ taħt il-klassi 28.

125

Fir-rigward tal-funzjonalità teknika tal-prodott ikkonċernat, fil-punti 71 sa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-figurini-ġugarelli jew il-logħob bħala tali kienu oġġetti li bihom isir logħob u li l-fatt li wieħed jinqeda bihom kien għalhekk meqjus li huwa ta’ divertiment u ta’ rikreazzjoni, jew iservi ta’ passatemp u ta’ divertiment. Hija kkonċediet li ċertament seta’ jkun li kemm id-disinn tal-karatteristiċi essenzjali (ras, torso, dirgħajn u saqajn) kif ukoll dak tal-elementi mhux essenzjali kollha (pereżempju, l-idejn u t-toqob) kienu jippermettu l-assemblaġġ tal-figurina-ġugarell inkwistjoni ma’ briks ta’ kostruzzjoni u ma’ elementi oħra Lego u li ma jistax jiġi kkontestat li l-figurina-ġugarell Lego kienet kompatibbli mas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti. Madankollu, hija rrilevat li kien magħruf ukoll li kien possibbli, bħala prinċipju, li wieħed jilgħab bil-figurina-ġugarell Lego eżattament bħal b’kwalunkwe figurina-ġugarell (jiġifieri billi din tinżamm, tiġi mċaqilqa, tiġi smontata, eċċ.), mingħajr ma neċessarjament tiġi assoċjata ma’ din is-sistema modulari ta’ kostruzzjoni. Fil-fehma tagħha, il-fatt li l-figurina-ġugarell inkwistjoni hija bħala prinċipju intiża biex tinkoraġġixxi li jsir logħob tar-rwol u sabiex jiġu vvintati stejjer u li l-kompatibbiltà tal-imsemmija sistema modulari ta’ kostruzzjoni hija raġuni għall-kontribuzzjoni għat-titjib u għall-użu fantażjuż tal-imsemmija figurina-ġugarell jirriżulta mill-argumenti u mill-provi mressqa mir-rikorrenti stess, pereżempju fl-Anness BDR 3.

126

Fil-punti 78 u 79 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies ukoll li r-“riżultat” tal-forma tal-figurina-ġugarell inkwistjoni kien sempliċement li jagħtiha karatteristiċi umani u li l-fatt li din il-figurina-ġugarell tirrappreżenta persunaġġ u tista’ tintuża f’kuntest ta’ divertiment xieraq ma kienx “riżultat tekniku”. Kuntrarjament għas-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja (T‑601/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:765, punt 88), li kienet tikkonċerna konkretament “logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali” li jaqgħu fil-klassi 28, ma kienx hemm lok, f’dan il-każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi addizzjonali (bħall-kapaċità ta’ rotazzjoni tal-elementi individwali kif ukoll elementi inviżibbli), f’dak li jirrigwarda l-“logħob u ġugarelli” li jaqgħu fl-istess klassi.

127

Għandu jitfakkar li l-funzjonijiet li jissodisfaw il-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu evalwati fir-rigward tal-prodott konkret irrappreżentat (ara l-punt 111 iktar ’il fuq).

128

F’dan il-każ, ċertament, il-Bord tal-Appell ġustament qies, essenzjalment, li l-prodott konkret kien figurina-ġugarell li taqa’ taħt il-klassi 28 (ara l-punti 49 sa 51 iktar ’il fuq) u li riżultat mhux tekniku tal-forma ta’ dan il-prodott kien li jagħti lil din il-figurina-ġugarell karatteristiċi umani sabiex dan ir-“raġel” jitħalla jipparteċipa f’logħob ta’ rwol u fin-narazzjoni ta’ stejjer.

129

Minn din il-perspettiva, għandu jitqies li l-funzjoni ta’ ċerti karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri r-ras, it-torso, id-dirgħajn u s-saqajn, hija li l-figurina inkwistjoni tingħata karatteristiċi umani. Peress li l-prodott “figurina-ġugarell” huwa intiż għal-logħob mingħajr ostakolu jew restrizzjoni, il-karatteristiċi umanojdi kollha tal-imsemmija figurina huma intiżi biex wieħed ikun jista’ jilgħab biha bħala tali, jiġifieri indipendentement minn kull element ieħor ta’ sistema modulari ta’ kostruzzjoni. Il-fatt li din il-figurina tirrappreżenta persunaġġ u tista’ tintuża fi kwalunkwe kuntest ta’ divertiment xieraq ma huwiex “riżultat tekniku” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Forma ta’ figurina tal-logħob bi sporġenza, T‑396/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:379, punti 31, 3234).

130

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-prodott konkret jikkostitwixxi wkoll figurina ta’ kostruzzjoni li tista’ tingħaqad (ara l-punt 52 iktar ’il fuq), li l-funzjonalità teknika tagħha hija wkoll in-natura li tingħaqad tagħha u l-modularità tagħha, jiġifieri l-kapaċità tagħha li tiġi assemblata ma’ elementi oħra ta’ logħob tas-sistema ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti, bħalma huma l-briks ta’ kostruzzjoni.

131

Fil-fatt, f’dan il-każ, kuntrarjament għall-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità preċedenti li taw lok għas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Forma ta’ figurina tal-logħob bi sporġenza (T‑396/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:379), abbażi tal-espożizzjoni konkreta tar-rikorrenti f’din il-proċedura, għandu jitqies li n-natura li tingħaqad tal-figurina inkwistjoni fil-kuntest ta’ sistema modulari ta’ kostruzzjoni tista’ tiġi dedotta mit-trade mark ikkontestata, fid-dawl tar-rappreżentazzjoni grafika tagħha, iżda wkoll ta’ elementi utli oħra, b’mod partikolari l-għarfien mill-pubbliku ta’ sistemi modulari ta’ kostruzzjoni bħal dik tal-intervenjenti, kif jirriżulta mid-dokumenti fil-proċess ippreżentati mir-rikorrenti (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), sa fejn dawn huma relatati mal-motivi u mal-argumenti li din tiżviluppa quddiem il-Qorti Ġenerali (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

132

Għalhekk, mill-Anness BDR 3, li jikkonsisti f’estratt mill-ktieb Lego Minifigure year by year – A visual History (edizzjoni Franċiża: Les figurines Lego au fil du temps [Il-figurini Lego tul iż-żmien]), jirriżulta li l-figurini Lego “għandhom konnetturi fuq il-ġisem tagħhom li huma kompatibbli mal-briks Lego u ma’ elementi oħra” u li dawn “jistgħu jiġu żarmati u magħquda ma’ biċċiet ta’ figurini oħra sabiex jinħoloq persunaġġ kompletament ġdid”.

133

Barra minn hekk, l-għarfien mill-pubbliku ta’ sistemi modulari ta’ kostruzzjoni, bħal dak tal-intervenjenti, jikkostitwixxi fatt magħruf fis-sens tal-ġurisprudenza (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

134

Huwa għalhekk b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell, fil-punt 73 tad-deċiżjoni kkontestata, issuġġerixxa li l-possibbiltà li wieħed jilgħab bil-figurina-ġugarell inkwistjoni mingħajr ma jkollu neċessarjament jassoċjaha mas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti setgħet tipprekludi l-funzjonalità teknika tagħha ta’ natura li tingħaqad u ta’ modularità. Fil-fatt, il-possibbiltà li tintuża l-figurina inkwistjoni sabiex jintlagħab indipendentement mis-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti tirriżulta mingħajr effett fuq il-funzjonalità teknika tagħha ta’ natura li tingħaqad u ta’ modularità.

135

Huwa wkoll b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell, fil-punt 79 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li t-trade mark ikkontestata, li kellha l-forma ta’ figurina-ġugarell, “ma [kinitx] tippreżenta linji jew mudell li jiżvelaw b’mod ċar u mingħajr ambigwità n-natura li tiġi stivata u l-modularità tagħha fil-kuntest tas-sistema ta’ kostruzzjoni” tal-intervenjenti.

136

Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell, fil-punti 67 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, wettaq żball ta’ evalwazzjoni billi llimita ruħu li jikkonstata li l-funzjonalità tal-prodott ikkostitwit mit-trade mark ikkontestata kienet tikkonsisti biss fir-riżultati mhux tekniċi tal-kapaċità ta’ logħob u tal-evokazzjoni ta’ “raġel” permezz ta’ karatteristiċi umani, u billi b’hekk naqas milli jikkonstata li din il-funzjonalità kienet tinkludi wkoll ir-riżultati tekniċi tan-natura li jingħaqad tiegħu u tal-modularità tiegħu, jew ukoll tal-kapaċità tiegħu ta’ assemblaġġ u ta’ konnessjoni.

137

F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-prodott inkwistjoni għandu għan doppju, kemm dak li jintlagħab bħala “figurina-ġugarell” bil-karatteristiċi umani, kif iddeċieda l-Bord tal-Appell wara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Forma ta’ figurina tal-logħob bi sporġenza (T‑396/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:379), u dak ta’ “figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad” li tippreżenta riżultat tekniku ta’ natura li tingħaqad u ta’ modularità flimkien, b’mod partikolari, mas-sistema ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti.

138

Għandu jiġi konkluż li, għalkemm il-Bord tal-Appell ġustament qies li r-riżultat mhux tekniku tal-prodott kien jikkonsisti fil-kapaċità ta’ logħob u fl-evokazzjoni ta’ “raġel” minħabba karatteristiċi umani, min-naħa l-oħra, huwa wettaq żball ta’ evalwazzjoni billi naqas milli jqis li r-riżultat tekniku tal-imsemmi prodott kien jinkludi wkoll in-natura tiegħu li jingħaqad u l-modularità tiegħu.

– Fuq id‑determinazzjoni tal‑karatteristiċi essenzjali tas‑sinjal

139

Fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal, fil-punti 69 u 70 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Forma ta’ figurina tal-logħob bi sporġenza (T‑396/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:379, punti 3032). Huwa qies, fid-dawl tar-rappreżentazzjoni grafika tiegħu u tal-fatt li din kellha l-forma ta’ figurina li għandha dehra umana, li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni, li kienu jagħtuh tali dehra umana, kienu r-ras, il-ġisem (torso), id-dirgħajn u s-saqajn. Huwa qies, min-naħa l-oħra, li r-rappreżentazzjoni grafika preċiża tal-idejn tal-figurina-ġugarell inkwistjoni, l-istud fuq ir-ras tiegħu u t-toqob taħt is-saqajn tiegħu u fuq in-naħa ta’ wara tas-saqajn tiegħu – kemm fir-rigward tal-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal ikkontestat jew li jikkonċernaw ir-riżultat tal-analiżi tal-elementi differenti tiegħu – ma kinux jikkostitwixxu karatteristika jew karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni.

140

Fil-punti 75 u 76 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell fakkar, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali kienet stabbilixxiet, għall-istess trade mark bħal dik ikkontestata f’dan il-każ, li r-rappreżentazzjoni grafika tal-idejn tal-figurina inkwistjoni, tal-istud fuq ir-ras tagħha u tat-toqob taħt is-saqajn tagħha u fuq wara tas-saqajn tagħha ma kinitx tippermetti li jsir magħruf, waħedha u a priori, jekk dawn l-elementi kinux jinkludu xi funzjoni teknika u lanqas, jekk ikun il-każ, x’kienet din (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Forma ta’ figurina tal-logħob bi sporġenza, T‑396/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:379, punt 32). Fi kwalunkwe każ, hija żiedet, anki bl-ammissjoni, bħar-rikorrenti, li l-forma tal-elementi msemmija iktar ’il fuq jista’ jkollha funzjoni teknika li tippermetti l-assemblaġġ tagħhom ma’ elementi oħra, b’mod partikolari ma’ briks li jingħaqdu, dawn l-elementi ma jistgħux jitqiesu bħala l-iktar importanti ta’ din it-trade mark, la fir-rigward tal-impressjoni ġenerali prodotta mill-imsemmija trade mark u lanqas wara l-analiżi tal-elementi tagħha. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, l-imsemmija elementi ma kinux jikkostitwixxu karatteristika essenzjali tal-forma inkwistjoni fis-sens tal-ġurisprudenza u, barra minn hekk, xejn ma kien jindika li l-karatteristiċi funzjonali essenzjali tal-forma ta’ dawn l-elementi kienu imputabbli għar-riżultat tekniku allegat.

141

Skont ġurisprudenza stabbilita, applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkonċernat, jiġifieri l-iktar elementi importanti tiegħu, għandhom jiġu debitament identifikati każ b’każ, abbażi tal-impressjoni globali mogħtija minn dan is-sinjal jew fuq eżami suċċessiv ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi ta’ dan is-sinjal (ara l-punti 102 u 103 iktar ’il fuq).

142

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza reċenti dwar l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li elementi ta’ informazzjoni minbarra r-rappreżentazzjoni grafika biss, bħall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, jistgħu jintużaw sabiex jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni (ara l-punt 107 iktar ’il fuq).

143

F’dan il-każ, ċertament, il-Bord tal-Appell ġustament, fil-punt 69 tad-deċiżjoni kkontestata u wara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Forma ta’ figurina tal-logħob bi sporġenza (T‑396/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:379), qies bħala karatteristiċi essenzjali tal-figurina-ġugarell inkwistjoni l-karatteristiċi li jagħtuha karatteristiċi umani, jiġifieri r-ras, it-torso, id-dirgħajn u s-saqajn.

144

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li kien ukoll ġustament li l-Bord tal-Appell, fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, qies ukoll bħala essenzjali elementi ornamentali u ta’ fantażija tal-figurina inkwistjoni, jiġifieri l-forma ċilindrika tar-ras, il-forma qasira u rettangolari tal-għonq u l-forma trapeżojdali tat-torso. Id-disinn bil-forom rettangolari u kumpatti kif ukoll il-proporzjonijiet ġenerali huma wkoll elementi grafiċi importanti tal-imsemmija figurina.

145

Madankollu, il-Bord tal-Appell żbalja meta, fil-punt 70 tad-deċiżjoni kkontestata, illimita l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, abbażi tar-rappreżentazzjoni grafika tagħha fil-forma ta’ figurina-ġugarell b’karatteristiċi umani, għall-karatteristiċi msemmija fil-punti 143 u 144 iktar ’il fuq u, essenzjalment, ikkonstata li l-istud fuq ir-ras ta’ din il-figurina-ġugarell, il-ganċijiet mal-idejn u t-toqob taħt is-saqajn tagħha u fuq in-naħa ta’ wara tas-saqajn tagħha, li l-funzjoni tagħhom ma setgħetx tiġi dedotta mill-imsemmija trade mark, ma kinux jikkontribwixxu għal riżultat tekniku ta’ figurina-ġugarell li kellha sempliċement karatteristiċi umani u li kienet intiża għall-parteċipazzjoni f’logħob ta’ rwol u għan-narrazzjoni ta’ stejjer, b’tali mod li dawn l-elementi ma setgħux jidhru fost il-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmija figurina-ġugarell.

146

Fil-fatt, il-karatteristiċi essenzjali li jirriżultaw mill-istud fuq ir-ras, mill-ġanċijiet mal-idejn tal-figurina inkwistjoni u mit-toqob taħt is-saqajn tagħha u fuq in-naħa ta’ wara tas-saqajn tagħha jistgħu jiġu dedotti mit-trade mark ikkontestata, fid-dawl tar-rappreżentazzjoni grafika tagħha, iżda wkoll minn elementi ta’ informazzjoni oħra, b’mod partikolari mill-għarfien mill-pubbliku tas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti, kif jirriżulta mill-atti inklużi fil-proċess mir-rikorrenti (ara l-punti 27, 131 u 132 iktar ’il fuq), sa fejn dawn jistgħu jingħaqdu mal-motivi u mal-argumenti li din tiżviluppa quddiem il-Qorti Ġenerali (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), u li tikkostitwixxi wkoll fatt magħruf (ara l-punt 133 iktar ’il fuq).

147

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-istud fuq ir-ras, il-ganċijiet mal-idejn u t-toqob fuq wara tas-saqajn u taħt is-saqajn tal-figurina inkwistjoni jikkostitwixxu karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, fid-dawl tan-natura tagħha ta’ “figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad” u tal-funzjonalità teknika tagħha ta’ natura li tingħaqad u ta’ modularità. Dawn l-elementi huma importanti għall-kompatibbiltà ta’ din il-figurina u għall-kapaċità tagħha li tkun assemblata ma’ prodotti oħra.

148

Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell, fil-punti 69 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta llimita ruħu li jqis bħala essenzjali l-karatteristiċi “mhux tekniċi” li jagħtu lill-figurina inkwistjoni aspett uman, jiġifieri r-ras, it-torso, id-dirgħajn u s-saqajn, u billi b’hekk naqas milli jqis bħala karatteristiċi essenzjali l-karatteristiċi “tekniċi” tat-trade mark ikkontestata prevista bħala figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad, jiġifieri l-istud fuq ir-ras, il-ganċijiet tal-idejn u t-toqob fuq wara tas-saqajn u taħt is-saqajn.

149

B’dan il-mod, huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell, sabiex jistabbilixxi l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, sempliċement ħa inkunsiderazzjoni r-rappreżentazzjoni grafika ta’ din it-trade mark u naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni elementi utli oħra, b’mod partikolari elementi supplimentari li jirrigwardaw in-natura tal-prodott konkret, b’mod partikolari l-għarfien mill-pubbliku tas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti.

150

Għandu jiġi konkluż li, għalkemm il-Bord tal-Appell ġustament qies li l-karatteristiċi kkunsidrati fil-punti 51 u 69 tad-deċiżjoni kkontestata kienu karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, min-naħa l-oħra, huwa wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta naqas milli jqis bħala essenzjali l-karatteristiċi addizzjonali allegati mir-rikorrenti, jiġifieri l-istud fuq ir-ras, il-ganċijiet mal-idejn u t-toqob fuq wara tas-saqajn u taħt is-saqajn.

– Fuq il‑kwistjoni tal‑forma neċessarja jew le sabiex jinkiseb riżultat tekniku

151

Fir-rigward tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal, fil-punti 78 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li ebda prova ma kienet tippermetti li jiġi konkluż li l-forma tal-figurina inkwistjoni kienet neċessarja, fl-intier tagħha, għall-kisba ta’ riżultat tekniku speċifiku. B’mod partikolari, huwa qies li ma kienx ġie pprovat li din il-forma kienet, bħala tali u fl-intier tagħha, neċessarja sabiex tippermetti l-assemblaġġ bi briks ta’ kostruzzjoni li jingħaqdu. Fil-fehma tiegħu, ir-“riżultat” ta’ din il-forma kien sempliċement li jagħti karatteristiċi umani lill-figurina inkwistjoni u l-fatt li l-figurina-ġugarell inkwistjoni tirrappreżenta persunaġġ u tista’ tintuża f’kuntest ta’ divertiment xieraq ma kienx “riżultat tekniku”. Kuntrarjament għas-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja (T‑601/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:765, punt 88), li kienet tikkonċerna konkretament “logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali” li jaqgħu fil-klassi 28, ma kienx hemm lok, f’dan il-każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi addizzjonali (bħall-kapaċità ta’ rotazzjoni tal-elementi individwali kif ukoll elementi inviżibbli), f’dak li jirrigwarda l-“logħob u ġugarelli” li jaqgħu fl-istess klassi. Huwa kkonstata li t-trade mark ikkontestata, li kellha l-forma ta’ figurina-ġugarell, ma kellhiex linji jew mudell li kienu jiżvelaw b’mod ċar u mingħajr ambigwità n-natura li tiġi stivata u l-modularità tagħha fil-kuntest tas-sistema ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti. L-eżempji mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-karatteristiċi utilitarji differenti ta’ din it-trade mark ma jippermettux, skont il-Bord tal-Appell, li jintwerew la l-“modularità” u lanqas xi riżultat tekniku. Barra minn hekk, skont din tal-aħħar, mill-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ġermaniża DE 28 36971 C2, dwar id-disinn tal-elementi assemblabbli li jippermettu li jiġu jiċċaqilqu s-saqajn tal-figurina-ġugarell inkwistjoni (Anness BDR 9), kien jirriżulta li mhux l-elementi kollha tagħha kellhom riżultat tekniku, iżda biss is-saqajn tagħha.

152

Fil-punti 82 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell fakkar li, billi impona “iż-żewġ restrizzjonijiet” previsti fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 (“esklu[ż]ivament” u “neċessarja”), il-leġiżlatur kien debitament ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li kull forma ta’ prodott kienet funzjonali sa ċertu punt, u li għalhekk ma jkunx xieraq li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ forma ta’ prodott bħala trade mark għas-sempliċi raġuni li hija kellha karatteristiċi funzjonali (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 48). Sabiex jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li d-disinn tat-trade mark ikkontestata u tal-elementi tagħha kien iservi “esklużivament” għall-kompatibbiltà mal-briks ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti, il-Bord tal-Appell osserva li kien permess lil impriżi oħra li jbigħu figurini-ġugarelli li jinkludu studs u toqob adattabbli għal briks ta’ kostruzzjoni oħra, iżda li kellhom aspett differenti – jiġifieri disinn differenti tas-saqajn, tat-torso u tar-ras – mid-disinn ta’ din it-trade mark u mil-figurina li din kienet tirrappreżenta. Fil-fatt, skont il-Bord tal-Appell, l-imsemmija trade mark ma tagħtix lill-intervenjenti d-dritt li tipprojbixxi lil terzi jew lill-kompetituri tagħha milli jikkummerċjalizzaw ġugarelli jew figurini ta’ kostruzzjoni li jingħaqdu li, minkejja li teknikament kompatibbli mas-sistemi ta’ kostruzzjoni tagħha, jippreżentaw forma differenti minn dik irreġistrata (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 72). Il-kompatibbiltà eventwali ta’ figurina-ġugarell ma’ kwalunkwe sistema ta’ briks ta’ kostruzzjoni ma setgħetx fi kwalunkwe każ tiġi mmonopolizzata fis-sens tad-dritt tat-trade marks. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell irrileva mill-ġdid li, peress li r-rikorrenti esponiet l-argumenti tagħha għal-logħob u għall-ġugarelli li jaqgħu taħt il-klassi 28 u li ma kienx hemm spjegazzjonijiet materjali għall-prodotti l-oħra fil-klassijiet 9 u 25, il-libertà tad-disinn kienet tapplika mhux biss għall-prodotti inkwistjoni li jaqgħu fil-klassi 28, iżda wkoll mutatis mutandis għall-prodotti kkonċernati l-oħra li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 25. Konsegwentement, huwa kkonkluda li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinux issodisfatti.

153

Ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-karatteristiċi viżibbli kollha tal-figurina (b’mod partikolari r-ras, it-torso, id-dirgħajn u s-saqajn), essenzjali jew le, huma kkonċepiti minn kull lat b’mod li tiġi żgurata l-funzjoni ġenerika tal-prodott, billi jingħaqdu mal-briks ta’ kostruzzjoni u ma’ figurini oħra tal-intervenjenti.

154

Għandu jitfakkar li l-forom li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom huma neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku tal-prodott għandhom, bħala prinċipju, jiġu rrifjutati r-reġistrazzjoni (ara l-punt 119 iktar ’il fuq).

155

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 120 iktar ’il fuq, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax japplika meta t-trade mark ikkontestata tirrigwarda forma ta’ prodott li fiha element mhux funzjonali, bħal element ornamentali jew fantażjuż, ikollu rwol importanti (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 72).

156

Għalhekk, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax japplika meta tkun teżisti tal-inqas karatteristika essenzjali tal-forma li ma hijiex neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku, b’tali mod li t-trade mark ikkontestata ma hijiex ikkostitwita “esklużivament” mill-forma neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku (ara l-punti 121 u 122 iktar ’il fuq).

157

F’dan il-każ, il-forma inkwistjoni hija għalhekk adattata għall-protezzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea jekk mill-inqas waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħha ma tirriżultax direttament mir-riżultat tekniku tan-natura li tingħaqad jew tal-modularità tal-prodott previst bħala figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad. Inċidentalment, għandu jiġi nnotat li r-riżultati mhux tekniċi tal-prodott previst bħala figurina-ġugarell huma irrilevanti għall-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 u ma jistgħux jostakolaw ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

158

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-forma ċilindrika jew “ta’ bittija” tar-ras tal-figurina inkwistjoni ma tirriżultax direttament mir-riżultat tekniku ta’ assemblaġġ u ta’ konnessjoni ta’ figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad fis-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti. L-istess japplika għall-forma qasira u rettangolari tal-għonq u għall-forma trapeżojdali, ċatta u angolari tat-torso, kif ukoll għall-forma speċifika tad-dirgħajn mal-idejn u dik tas-saqajn mal-pali tas-saqajn.

159

Għalhekk, il-karatteristiċi ornamentali u ta’ fantażija msemmija fil-punti 51 sa 54 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 64 u 78 iktar ’il fuq) u elenkati fil-punt 158 iktar ’il fuq, jirriżultaw mil-libertà tad-disinjatur tal-figurina-ġugarell u tal-figurina ta’ kostruzzjoni li tingħaqad. Filwaqt li l-preżenza ta’ karatteristiċi umani u ta’ apparat ta’ assemblaġġ hija fundamentalment neċessarja minħabba n-natura doppja tal-prodott, teżisti libertà wiesgħa fir-rigward tal-konfigurazzjoni ta’ dawn l-elementi.

160

Huwa għalhekk ġustament li l-Bord tal-Appell, fil-punti 53 u 84 tad-deċiżjoni kkontestata, qies, essenzjalment, li dawn il-karatteristiċi essenzjali, fid-dawl tan-natura ornamentali u ta’ fantażija tagħhom, setgħu jiġu mmodifikati u kkonfigurati, bħala prinċipju, b’libertà wiesgħa ta’ kunċett.

161

F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li “ebda karatteristika tat-trade mark ikkontestata, u lanqas, iktar u iktar, ebda karatteristika essenzjali tagħha, u lanqas it-trade mark ikkontestata fl-intier tagħha, ma tippreżenta element ornamentali jew fantażjuż li jmur lil hinn mill-funzjonalità deskritta” ma hijiex fondata u għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, il-karatteristiċi essenzjali elenkati fil-punt 158 iktar ’il fuq jikkostitwixxu tali elementi ornamentali u ta’ fantażija.

162

Minn dan jirriżulta li, minkejja li l-għan tekniku marbut man-natura li tingħaqad u mal-modularità jinkiseb permezz ta’ karatteristiċi essenzjali (elenkati fil-punt 146 iktar ’il fuq), jeżistu wkoll karatteristiċi essenzjali oħra (elenkati fil-punt 158 iktar ’il fuq) li ma humiex neċessarji sabiex jinkiseb għan tekniku.

163

Kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 81 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ġermaniża DE 28 36971 C2, prodotta mir-rikorrenti fl-Anness BDR 9, ma tistax twassal għal riżultat differenti. Ċertament, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonstata li minn din il-privattiva kien jirriżulta li huma biss is-saqajn tal-figurina li kellhom funzjonalità teknika, peress li l-imsemmija privattiva ma kinitx tirrigwarda karatteristiċi oħra tat-trade mark ikkontestata, għandu jitqies li tali konstatazzjoni ma tistax, fiha nnifisha, tiġi estrapolata sabiex tiġi miċħuda funzjonalità teknika lil karatteristiċi oħra. B’mod rigoruż, peress li l-privattiva inkwistjoni tikkonċerna biss lis-saqajn, hija ma tippermetti ebda konklużjoni, la f’sens u lanqas fl-ieħor, dwar il-karatteristiċi l-oħra tal-forma inkwistjoni.

164

Madankollu, huwa minnu li l-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ġermaniża DE 28 36971 C2 turi riżultat tekniku biss għall-elementi tas-sieq tal-figurina inkwistjoni, iżda mhux għall-karatteristiċi essenzjali l-oħra tat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, din il-privattiva tirrigwarda n-naħa ta’ wara tas-saqajn u l-partijiet vojta li huma għandhom u għalhekk tikkonċerna biss din il-karatteristika essenzjali tal-imsemmija trade mark. F’dak li jirrigwarda l-karatteristiċi tal-aspett mogħti lir-ras, lit-torso, lid-dirgħajn u lis-saqajn tal-figurina, l-imsemmija privattiva ma tinkludi ebda indikazzjoni fir-rigward ta’ riżultat tekniku eventwali.

165

L-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell lanqas ma tmur kontra l-interess li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, li huwa li jiġi evitat li d-dritt tat-trade marks iwassal biex impriża tingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott (ara l-punt 101 iktar ’il fuq). Il-Bord tal-Appell ħa debitament inkunsiderazzjoni dan l-interess fil-punt 84 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 160 iktar ’il fuq). It-trade mark ikkontestata ma tirrendix impossibbli, għall-kompetituri, it-tqegħid fis-suq ta’ figurini li għandhom karatteristiċi tipiċi ta’ din il-kategorija ta’ ġugarelli. Hija lanqas ma tippermetti li tiġi prekluża d-distribuzzjoni ta’ figurini ta’ disinn differenti li huma kompatibbli mas-sistema modulari ta’ kostruzzjoni tal-intervenjenti. Kif irrileva, essenzjalment, il-Bord tal-Appell fil-punt 53 tal-istess deċiżjoni, teżisti libertà wiesgħa ta’ kunċett għal tali figurini.

166

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Bord tal-Appell “assolutament ma esprimiex ruħu” fuq l-argumenti esposti u l-provi li hija pproduċiet, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-Bord tal-Appell ma segwiex il-perspettiva tar-rikorrenti ma jfissirx li huwa ma ħax inkunsiderazzjoni l-argument tagħha u lanqas li huwa ma eżaminax il-provi tagħha. Fil-punti 80 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina espressament l-espożizzjoni tar-rikorrenti, l-eżempji prodotti kif ukoll l-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ġermaniża DE 28 36971 C2.

167

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell, fil-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, ġabar fil-qosor l-argumenti tar-rikorrenti dwar dan il-motiv u, fil-punt 38 tal-istess deċiżjoni, elenka l-provi prodotti minnha. Minn dan isegwi li dawn l-argumenti u dawn il-provi ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell fl-evalwazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2022, bet-at-home.com Entertainment vs EUIPO (bet-at-home), T‑640/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:408, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

168

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-istanzi tal-EUIPO ma humiex obbligati jieħdu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet. Huwa suffiċjenti għalihom li jesponu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjonijiet tagħhom. Minn dan isegwi li l-fatt li l-Bord tal-Appell ma rriproduċiex l-argumenti kollha ta’ waħda mill-partijiet jew ma weġibx għal kull wieħed minn dawn l-argumenti ma jippermettix, waħdu, li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell rrifjuta li joħodhom inkunsiderazzjoni. Fi kliem ieħor, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2022, bet-at-home, T‑640/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:408, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa l-każ hawnhekk.

169

Minn dan isegwi li r-rikorrenti, li għandha l-oneru tal-prova f’din il-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), ma kkontestatx il-konstatazzjoni li mill-inqas karatteristika essenzjali tal-prodott ma hijiex neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku.

170

Fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-punti 155 u 156 iktar ’il fuq, din il-konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

171

Għandu jiġi konkluż li, minkejja l-iżbalji ta’ evalwazzjoni kkonstatati fil-punti 136 u 148 iktar ’il fuq, li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma għandhomx effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonferma l-kapaċità tat-trade mark ikkontestata li tiġi rreġistrata fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

172

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

173

Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata b’ebda motiv ta’ annullament jew ta’ bidla.

174

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

175

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

176

Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.

 

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

BB Services GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Costeira

Kancheva

Tichy-Fisslberger

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑6 ta’ Diċembru 2023.

Firem

Werrej

 

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

 

It‑talbiet tal‑partijiet

 

Id‑dritt

 

Dwar it‑talbiet għall‑finijiet tad‑dikjarazzjoni ta’ invalidità tat‑trade mark ikkontestata

 

Fuq l‑ammissibbiltà

 

Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors għal dak li jikkonċerna l‑prodotti li jaqgħu fil‑klassijiet 9 u 25

 

Fuq ir‑riferiment globali tar‑rikorrenti għas‑sottomissjonijiet bil‑miktub tagħha quddiem l‑EUIPO

 

Fuq il‑mertu

 

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 7(1)(e)(i) tar‑Regolament Nru 40/94

 

– Fuq id‑determinazzjoni tan‑natura tal‑prodott

 

– Fuq id‑determinazzjoni tal‑karatteristiċi essenzjali tas‑sinjal

 

– Fuq il‑kwistjoni tal‑forma imposta jew le min‑natura stess tal‑prodott

 

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikolu 7(1)(e)(ii) tar‑Regolament Nru 40/94

 

– Fuq id‑determinazzjoni tal‑funzjonalità tal‑prodott

 

– Fuq id‑determinazzjoni tal‑karatteristiċi essenzjali tas‑sinjal

 

– Fuq il‑kwistjoni tal‑forma neċessarja jew le sabiex jinkiseb riżultat tekniku

 

Fuq l‑ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top