Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022TJ0143

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2023 (Estratti).
    OP vs Il-Parlament Ewropew.
    Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjoni tas-superstiti – Rifjut tal-għoti – Konjuġi superstiti – Kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà – Tul taż-żwieġ – Eċċezzjoni ta’ illegalità – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Pensjoni tal-orfni – Rifjut tal-għoti – Kunċett ta’ ‘wild dipendenti’ – Żball ta’ liġi.
    Kawża T-143/22.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:313

     SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

    7 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

    “Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjoni tas-superstiti – Rifjut tal-għoti – Konjuġi superstiti – Kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà – Tul taż-żwieġ – Eċċezzjoni ta’ illegalità – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Pensjoni tal-orfni – Rifjut tal-għoti – Kunċett ta’ ‘wild dipendenti’ – Żball ta’ liġi”

    Fil-Kawża T‑143/22,

    OP, irrappreżentata minn F. Moyse, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Van Pottelberge u M. Windisch, bħala aġenti,

    konvenut,

    sostnut minn

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u M. Alver, bħala aġenti,

    intervenjent,

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn R. da Silva Passos, President, I. Reine u T. Pynnä (Relatriċi), Imħallfin,

    Reġistratur: T. Henze, Aġent Reġistratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

    wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ u tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza ( 1 )

    1

    Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, OP, titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas‑7 ta’ Ġunju 2021, sa fejn din tiċħad it-talba tagħha intiża li tikseb pensjoni tas-superstiti minħabba l-mewt ta’ żewġha, ex uffiċjal tal-Parlament kif ukoll, f’isem binha A, l-annullament tal-istess deċiżjoni sa fejn tiċħad it-talba tagħha intiża sabiex tikseb pensjoni tal-orfni għal binhom li jbati minn diżabbiltà (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

    2

    Ir-rikorrenti żżewġet lil B fl‑1980. Id-divorzju bejn il-konjuġi ġie ddikjarat fl‑2017. Fid‑29 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti żżewġet mill-ġdid lil B. Il-koppja kellha erbat itfal, inkluż tifel, imsemmi fil-punt 1 iktar ’il fuq, li twieled fil-[kunfidenzjali] ( 2 ). Fl‑2015, ġie rrikonoxxut mill-awtoritajiet Belġjani li dan it-tifel ibati minn diżabbiltà f’perċentwali ta’ 66 %. Fiċ-ċertifikat mediku intiż għall-evalwazzjoni tad-diżabbiltà ta’ iben ir-rikorrenti, tad‑9 ta’ April 2021, it-tabib ta’ dan tal-aħħar indika li huwa kien ibati minn diżabbiltà [kunfidenzjali] evalwata għal 90 %.

    3

    B kien ex uffiċjal tal-Parlament, li rtira f’Ġunju 2019. Huwa ġie rrikonoxxut li jsofri minn marda gravi fit‑18 ta’ Ġunju 2020 u miet fil‑[kunfidenzjali].

    4

    Fit‑22 ta’ Marzu 2021, B ta prokura lil bintu sabiex tmexxi r-relazzjonijiet tiegħu mar-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard tal-Komunitajiet Ewropej (JSIS). Fl-istess jum, permezz ta’ posta elettronika, hija kkuntattjat lis-servizzi tal-Parlament sabiex tinformahom bl-istat ta’ saħħa ta’ missierha, biż-żwieġ mill-ġdid tal-ġenituri tagħha u bl-eżistenza tal-erbat itfal tagħhom. Hija għamlet ukoll mistoqsijiet dwar id-drittijiet ta’ ommha għal pensjoni tas-superstiti.

    5

    Fil‑25 ta’ Marzu 2021, bint il-koppja kkomunikat permezz ta’ posta elettronika informazzjoni addizzjonali dwar il-ġenituri tagħha lis-servizzi tal-Parlament. Hija semmiet ukoll li l-mewt ta’ missierha kien imminenti u li wieħed mill-ulied tal-ġenituri tagħha kellu diżabbiltà. Hija tenniet il-mistoqsija tagħha dwar id-drittijiet ta’ ommha għal pensjoni tas-superstiti.

    6

    Fid‑29 ta’ Marzu 2021, is-servizzi tal-Parlament bagħtu dokumenti li kellhom jimtlew lil bint il-koppja sabiex jiġi aġġornat il-fajl ta’ missierha. Bint il-koppja wieġbet li missierha kien miet jumejn qabel u staqsiet dwar il-passi li kellhom jittieħdu.

    7

    Fit‑30 ta’ Marzu 2021, is-servizzi tal-Parlament wieġbu lil bint il-koppja u talbu li r-rikorrenti timla l-formola mibgħuta l-ġurnata ta’ qabel. Fl-istess jum, bint il-koppja bagħtet lis-servizzi tal-Parlament id-dokumenti mimlija kif ukoll dokumenti ta’ sostenn.

    8

    Fl-istess jum, is-servizzi tal-Parlament ikkonfermaw li rċevew id-dokumenti mimlija u bagħtu lil bint il-koppja d-dokumenti li kellhom jimtlew sabiex titressaq it-talba intiża sabiex ħuha b’diżabbiltà jikseb pensjoni tal-orfni. Dejjem fl-istess jum, bint il-koppja bagħtet lis-servizzi tal-Parlament wieħed minn dawn id-dokumenti debitament mimli u informathom li ċ-ċertifikat mediku kien ser jintbagħat dalwaqt.

    9

    Fid‑9 ta’ April 2021, il-Parlament informa permezz ta’ posta elettronika lil bint il-koppja li l-pensjoni tal-orfni ma setgħetx tingħata lil ħuha b’diżabbiltà minħabba li t-talba ma kinitx tressqet qabel il-mewt ta’ B.

    10

    Fil‑15 ta’ April 2021, bint il-koppja bagħtet posta elettronika lis-servizzi tal-Parlament, li permezz tagħha hija, filwaqt li ħadet nota tat-tweġiba tagħhom dwar il-pensjoni tal-orfni ta’ ħuha, fakkrithom li dan tal-aħħar kien ilu ħames snin ibati b’diżabbiltà u bagħtitilhom dokumenti mimlija mit-tabib tal-familja tagħhom. Hija għamlitilhom ukoll mistoqsijiet dwar ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi ta’ ħuha u tar-rikorrenti. Fl-istess jum, is-servizzi tal-Parlament wieġbu li r-rimbors tal-ispejjeż mediċi ta’ iben il-koppja b’diżabbiltà ma kienx possibbli, peress li dan tal-aħħar ma kienx wild dipendenti fil-mument tal-mewt ta’ B. Dejjem fl-istess jum, bint il-koppja bagħtet permezz ta’ posta elettronika tweġiba lis-servizzi tal-Parlament, fejn hija bagħtitilhom informazzjoni addizzjonali dwar is-sitwazzjoni tal-familja tagħha.

    11

    Fil‑5 ta’ Mejju 2021, il-kap tal-Unità tal-Pensjonijiet u tas-Sigurtà Soċjali tal-Parlament informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tiegħu li jagħtiha allowance tal-mewt, skont l-Artikolu 70 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

    12

    Fis‑7 ta’ Ġunju 2021, is-servizzi tal-Parlament informaw lir-rikorrenti permezz tad-deċiżjoni kkontestata li, minn naħa, skont l-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma kienx possibbli li tingħatalha pensjoni tas-superstiti u li, min-naħa l-oħra, peress li fil-mument tal-mewt ta’ B ma kienx hemm ulied dipendenti rrikonoxxuti mill-Unità tad-Drittijiet Individwali tal-Parlament, iben il-koppja b’diżabbiltà lanqas ma kellu dritt għal pensjoni tal-orfni.

    13

    Fl‑10 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Parlament, li permezz tiegħu hija talbet, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti lilha stess kif ukoll ta’ pensjoni tal-orfni lil binha.

    14

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2022, il-Parlament ċaħad l-ilment tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”). F’din id-deċiżjoni, il-Parlament, filwaqt li għamel riferiment għall-formulazzjoni tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal, ippreċiża li wild ma setax jiġi rrikonoxxut bħala wild dipendenti taħt l-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma tkun tressqet talba għal dan l-għan lill-amministrazzjoni u mingħajr ma din tkun ivverifikat l-osservanza tal-kundizzjonijiet li kienu relatati magħha.

    It‑talbiet tal‑partijiet

    15

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    sa fejn ikun neċessarju, tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

    tirrikonoxxi lilha d-dritt li tibbenefika minn pensjoni tas-superstiti u tirrikonoxxi lil binha, A, id-dritt li jibbenefika minn pensjoni tal-orfni;

    tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

    16

    Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id‑dritt

    [omissis]

    Fuq it‑talbiet għall‑annullament

    22

    Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi intiżi sabiex tiġi stabbilita l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażati, essenzjalment:

    l-ewwel, fir-rigward tal-pensjoni tas-superstiti tagħha, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal;

    it-tieni, fir-rigward tal-pensjoni tas-superstiti tagħha, fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

    it-tielet, fir-rigward tal-pensjoni tas-superstiti tagħha, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tagħha;

    ir-raba’, fir-rigward tal-pensjoni tal-orfni ta’ binha, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal;

    il-ħames, fir-rigward tal-pensjoni tal-orfni ta’ binha, fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

    is-sitt, fir-rigward tal-pensjoni tal-orfni ta’ binha u invokat sussidjarjament, fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura mill-Parlament.

    [omissis]

    Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl‑applikazzjoni tal‑Artikolu 2 tal-Anness VII tar‑Regolamenti tal‑Persunal.

    [omissis]

    – Fuq il‑fondatezza tal‑ħames motiv

    79

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament wettaq żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal meta ġġustifika r-rifjut tiegħu li jagħti pensjoni tal-orfni lil binha minħabba li, fil-mument tal-mewt ta’ żewġha, huwa ma kienx irrikonoxxut bħala wild dipendenti ta’ dan tal-aħħar.

    80

    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, binha jinsab fis-sitwazzjoni prevista mill-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri dik ta’ wild b’diżabbiltà li tipprekludih milli jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu, u dan għat-tul kollu tal-invalidità. Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(3)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikawx, peress li wild b’diżabbiltà jibbenefika minn allowance ex officio. Barra minn hekk, il-Parlament eżiġa indebitament li r-rikonoxximent tal-wild b’diżabbiltà jsir qabel il-mewt tal-ġenitur tiegħu, li kien uffiċjal, meta fil-fatt dan il-wild kien ġie ddikjarat lis-servizzi tal-Parlament qabel dan il-mewt. Is-servizzi tal-Parlament talbu dokumenti addizzjonali biss jumejn wara l-mewt tal-uffiċjal, filwaqt li tweġiba immedjata min-naħa tal-Parlament għall-mistoqsijiet ta’ bint l-uffiċjal mejjet setgħet tippermetti li jsiru l-formalitajiet amministrattivi qabel din il-mewt.

    81

    Il-Parlament iwieġeb li, sabiex jibbenefika minn pensjoni tal-orfni, il-wild għandu jiġi “rikonoxxut” bħala dipendenti fil-mument tal-mewt tal-uffiċjal skont l-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan il-każ, l-uffiċjal qatt ma ħa l-passi għall-allowance għall-wild maġġorenni tiegħu li għandu diżabbiltà. Issa, mill-istruttura u mill-għan tal-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-għoti ta’ din l-allowance jiġi deċiż wara talba li permezz tagħha l-uffiċjal jinforma lill-amministrazzjoni bis-sitwazzjoni tal-wild tiegħu, li tiġi sussegwentement ivverifikata mill-Awtorità tal-Ħatra. Sempliċi informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ wild b’diżabbiltà, mingħajr dokumenti probatorji, li tinsab f’posta elettronika indirizzata lill-amministrazzjoni minn bint l-ex uffiċjal, li l-prokura tagħha kienet limitata għall-ġestjoni tal-każijiet marbuta mal-JSIS, ma hijiex biżżejjed sabiex jitqies li l-wild għandu jiġi rrikonoxxut bħala dipendenti.

    82

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li meta uffiċjal ikun miet mingħajr ma jħalli konjuġi intitolati għall-pensjoni tas-superstiti, “it-tfal dipendenti mill-mejjet fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Anness VII [tar-Regolamenti tal-Persunal], fil-mument tal-mewt tiegħu għandhom ikunu intitolati għal pensjoni ta’ l-orfni […]”

    83

    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li hemm diverġenzi fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, filwaqt li huma biss il-verżjoni Franċiża, Taljana u Rumena ta’ din id-dispożizzjoni li jużaw il-formulazzjoni “ulied rikonoxxuti bħala dipendenti”, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ma jużawx il-kelma “rikonoxxuti”. Għalhekk, bħala eżempju, il-verżjoni Ġermaniża tirreferi għall-“unterhaltsberechtigte Kinder”, il-verżjoni Ingliża għal “children dependent on the deceased”, il-verżjoni Finlandiża għall-“virkamiehen huollettavina olevat lapset” u l-verżjoni Portugiża għall-“filhos que sejam considerados como estando a seu cargo”.

    84

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. F’każ ta’ differenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, A et, C‑347/17, EU:C:2019:720, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, SE vs Il-Kunsill, T‑231/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:3, punt 34).

    85

    Għalhekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-għan ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll il-kuntest tagħha.

    86

    Fir-rigward tad-definizzjoni tal-benefiċjarji ta’ pensjoni tal-orfni, jiġifieri l-ulied dipendenti tal-uffiċjal mejjet, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi għall-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tiegħu, u mhux biss għall-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, fejn il-kunċett ta’ “wild dipendenti” huwa ddefinit. Għaldaqstant, għal raġunijiet ta’ koerenza tal-leġiżlazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “wild dipendenti” (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Klein vs Il-Kummissjoni, F‑32/08, EU:F:2009:3, punt 39).

    87

    Ċertament, huwa minnu li l-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi espressament għall-allowance għall-wild dipendenti, filwaqt li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu huwa fformulat f’termini iktar ġenerali. Xorta jibqa’ l-fatt li l-kriterji previsti fl-Artikolu 2(5) tal-Anness VII huma ġġustifikati mhux biss fir-rigward tal-għoti tal-allowance għall-wild dipendenti, iżda wkoll għall-għoti tal-pensjoni tal-orfni. Fil-fatt, minn ċerta età, l-ulied għandhom ikunu jistgħu jmantnu lilhom infushom u ma għandhomx jikkostitwixxu piż għall-baġit tal-Unjoni, li japplika wkoll għall-benefiċċji finanzjarji previsti fl-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Klein vs Il-Kummissjoni, F‑32/08, EU:F:2009:3, punt 40).

    88

    L-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-kunċett ta’ “wild dipendenti” billi jispjega li dan huwa “tifel leġittimu, naturali jew adottat ta’ uffiċjal, jew tal-konsorti tiegħu li attwalment mantnut mill-uffiċjal”. Il-paragrafu 3(a) ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-allowance għall-wild dipendenti għandha tingħata ex officio għall-ulied li jkunu għadhom ma laħqux l-età ta’ 18-il sena, filwaqt li l-paragrafu 5 tal-istess artikolu jikkonċerna b’mod iktar preċiż is-sitwazzjoni tal-ulied maġġorenni li għandhom diżabbiltà u jipprevedi li “il-pagament tal-allowancedwar tifel li ma jitħallix minħabba mard serju jew invalidità milli jaqla’ biex jgħix, għandu jkompli matul il-perjodu ta’ dak il-mard jew invlidità, tjkun xi tkun l-età”.

    89

    Barra minn hekk, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tiddetermina, f’kull każ partikolari u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, jekk din hijiex kwistjoni ta’ marda gravi jew diżabbiltà li tipprekludi lill-wild ikkonċernat milli jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Birkhoff vs Il-Kummissjoni, T‑302/01, EU:T:2003:276, punt 40).

    90

    F’dan ir-rigward, il-frażi “għandu jkompli” użata fl-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tfissirx li l-leġiżlatur xtaq iżomm il-benefiċċju ta’ allowance għal wild b’diżabbiltà meta jsir maġġorenni mingħajr madankollu ma jinkludi s-sitwazzjoni fejn wild isir diżabbli wara li jkun sar maġġorenni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm din id-dispożizzjoni tkopri manifestament il-każ fejn il-ħlasijiet imwettqa skont il-paragrafu 3 u dawk imwettqa skont il-paragrafu 5 iseħħu mingħajr interruzzjoni matul iż-żmien, ma huwiex eskluż li l-ħlas tal-allowance inkwistjoni jista’ jiġi interrott (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1994, Dornonville de la Cour vs Il-Kummissjoni,T‑498/93, EU:T:1994:278, punt 33).

    91

    Għandu jingħad ukoll li l-wild dipendenti, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, irrispettivament minn jekk huwiex il-wild leġittimu, naturali jew adottat tal-uffiċjal jew dak tal-konjuġi tiegħu, jagħti dritt għall-ħlas tal-allowance għall-wild dipendenti sa fejn dan huwa effettivament mantnut mill-uffiċjal u jissodisfa, barra minn hekk, waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 3 u 5 tal-imsemmi artikolu. Għalhekk, huwa għandu jew ikollu inqas minn 18-il sena, jew ikollu bejn 18 u 26 sena u jirċievi taħriġ skolastiku jew professjonali, jew ikun milqut minn marda gravi jew minn diżabbiltà li tipprekludih milli jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu. F’kull wieħed minn dawn it-tliet każijiet, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtu lill-Awtorità tal-Ħatra ebda setgħa diskrezzjonali sabiex tagħti jew le l-benefiċċju tal-pensjoni tal-orfni inkwistjoni, iżda jagħtuha kompetenza limitata, fis-sens li din hija obbligata tagħti din il-pensjoni meta hija tikkonstata li l-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti u li ma tagħtihiex fil-każ kuntrarju (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Birkhoff vs Il-Kummissjoni, T‑302/01, EU:T:2003:276, punt 38, u tas‑17 ta’ Novembru 2021, KR vs Il-Kummissjoni, T‑408/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:788, punt 23).

    92

    Għalhekk, minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li d-dritt għal pensjoni tal-orfni f’każ bħal dak ta’ iben ir-rikorrenti huwa suġġett għall-fatt li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel żewġ kundizzjonijiet huma ta’ natura materjali, fis-sens li iben ir-rikorrenti għandu jbati minn marda gravi jew diżabbiltà li tipprekludih milli jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu u kien effettivament mantnut mill-uffiċjal mejjet. It-tielet kundizzjoni hija ta’ natura temporali, fis-sens li iben ir-rikorrenti kellu jkun dipendenti fuq l-uffiċjal mejjet fil-mument tal-mewt ta’ dan tal-aħħar.

    93

    L-argumenti tal-Parlament, li abbażi tagħhom għandu jkun hemm kundizzjoni addizzjonali, marbuta mad-data tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent tal-kwalità ta’ wild dipendenti, ma għandhomx bażi fl-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, fid-dawl tal-kuntest li fih jinsabu dawn id-dispożizzjonijiet u tal-għan tagħhom.

    94

    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li, meta l-uffiċjal jew il-persuna intitolata għal pensjoni tal-irtirar tkun mietet, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-ulied irrikonoxxuti bħala dipendenti, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom dritt għal pensjoni tal-orfni fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 21 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-dispożizzjoni, li tirrigwarda l-istess dritt għal pensjoni tal-orfni, ma tagħmilx riferiment għal kundizzjoni proċedurali dwar l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ rikonoxximent li kellha tiġi adottata qabel il-mewt tal-uffiċjal.

    95

    Bl-istess mod, l-Artikolu 37 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi mekkaniżmu simili ta’ ħlas ta’ pensjoni tal-orfni għall-ulied dipendenti ta’ membri tal-persunal tal-Unjoni, ma jimponi ebda kundizzjoni dwar id-data tar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ wild dipendenti. Għall-kuntrarju, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea jagħti lok għal allowance tal-orfni lill-ulied “meqjusa li huma dipendenti [tal-membru tal-persunal jew tal-persuna intitolata għal pensjoni tal-irtirar jew allowance ta’ invalidità] fil-mument tal-mewt [ta’ dan tal-aħħar]” fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    96

    Ċertament, kif isostni l-Parlament, l-allowance għal wild dipendenti tingħata ex officio fil-każ ta’ wild li għandu inqas minn 18‑il sena, iżda, fil-każijiet l-oħra, din tingħata fuq talba tal-uffiċjal ikkonċernat (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 1990, Brems vs Il-Kunsill, T‑75/89, EU:T:1990:88, punt 23). Madankollu, l-unika funzjoni ta’ din it-talba hija li tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra tivverifika jekk il-kundizzjonijiet materjali u temporali msemmija fil-punt 92 iktar ’il fuq ikunux issodisfatti u li tagħti, jekk dan huwa l-każ, allowance ta’ wild dipendenti. Ir-rekwiżit li r-rikonoxximent mis-servizzi tal-Parlament kellu jseħħ qabel il-mewt, li ma huwiex impost minn dawn id-dispożizzjonijiet, jikkostitwixxi kundizzjoni addizzjonali li ma tistax tiġi segwita għal dan l-għan.

    97

    Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprevedux li l-applikazzjoni jkollha forma partikolari u lanqas li tkun akkumpanjata minn dokumenti ta’ sostenn. Għalhekk, bħala eżempju, mill-fatti tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1994, Dornonville de la Cour vs Il-Kummissjoni (T‑498/93, EU:T:1994:278), jirriżulta li l-allowance għall-wild dipendenti ngħatat lir-rikorrenti f’din il-kawża b’mod retroattiv, mill-mument meta r-rikorrenti kienet intalbet tibgħat dokumenti ta’ sostenn.

    98

    Sussegwentement, ġie deċiż li l-allowance għall-wild dipendenti kienet tissodisfa għan soċjali ġġustifikat mill-ispejjeż li jirriżultaw minn neċessità attwali u ċerta, marbuta mal-eżistenza tal-wild u mal-manteniment effettiv tiegħu (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1992, Il-Kunsill vs Brems, C‑70/91 P, EU:C:1992:201, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-għoti ta’ pensjoni tal-orfni lill-ulied dipendenti ta’ uffiċjal mejjet għandu għan simili. Issa, tali għan ma jkunx issodisfatt jekk l-Awtorità tal-Ħatra tkun tista’ tirrifjuta li tagħti pensjoni tal-orfni għal raġunijiet li ma humiex relatati mas-sitwazzjoni tal-wild, kif ukoll mal-kundizzjonijiet materjali u mal-kundizzjoni temporali kif imfakkra fil-punt 92 iktar ’il fuq.

    99

    Għalkemm huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1994, Dornonville de la Cour vs Il-Kummissjoni,T‑498/93, EU:T:1994:278, punt 39), mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hija biss applikazzjoni kkombinata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-pensjoni tal-orfni kif ukoll is-sitwazzjoni partikolari li fiha tinsab il-persuna kkonċernata, jiġifieri l-wild li jbati minn marda gravi jew diżabbiltà, hija konformi mal-għan soċjali mfittex mill-ħlas ta’ pensjoni tal-orfni favur tali wild, li huwa prekluż milli jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 1994, Dornonville de la Cour vs Il-Kummissjoni, T‑498/93, EU:T:1994:278, punt 39, u tad‑29 ta’ Novembru 2011, Birkhoff vs Il-Kummissjoni, T‑10/11 P, EU:T:2011:699, punt 50).

    100

    Għaldaqstant, l-espressjoni “fil-mument tal-mewt” użata fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tinftiehem bħala li tirreferi għad-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk il-wild tal-uffiċjal mejjet jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, u mhux id-data li fiha deċiżjoni f’dan ir-rigward għandha tittieħed mill-Awtorità tal-Ħatra. Dan ifisser li, sakemm il-kundizzjonijiet materjali ta’ wild dipendenti jkunu ssodisfatti qabel il-mewt tal-uffiċjal, ma huwiex neċessarju li l-proċeduri amministrattivi sabiex wieħed jibbenefika minn allowance ta’ wild dipendenti jitwettqu qabel il-mewt.

    101

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi rrifjuta li jagħti pensjoni tal-orfni lil iben ir-rikorrenti minħabba li, fil-mument tal-mewt ta’ B, kien għadu ma ġiex irrikonoxxut bħala wild dipendenti ta’ dan tal-aħħar mill-Unità tad-Drittijiet Individwali, il-Parlament wettaq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

    102

    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jintlaqa’. Għaldaqstant, sa fejn ir-rifjut ta’ għoti ta’ pensjoni tal-orfni huwa bbażat fuq raġuni waħda u peress li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv ma huwiex fondat, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata f’dak li jirrigwarda r-rifjut li tingħata pensjoni tal-orfni lil iben ir-rikorrenti, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar ir-raba’ u s-sitt motivi intiżi wkoll kontra r-rifjut ta’ għoti ta’ pensjoni tal-orfni.

    – Konklużjoni fuq it‑talba għal annullament

    [omissis]

    104

    Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata f’dak li jirrigwarda r-rifjut li tingħata pensjoni tal-orfni lil iben ir-rikorrenti, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq ir-raba’ u s-sitt motivi.

    Fuq it‑talbiet intiżi li jiġi rrikonoxxut id‑dritt tar‑rikorrenti sabiex tibbenefika minn pensjoni tas-superstiti u d-dritt ta’ binha sabiex jibbenefika minn pensjoni tal-orfni

    105

    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi d-dritt tagħha sabiex tibbenefika minn pensjoni tas-superstiti u d-dritt ta’ binha sabiex jibbenefika minn pensjoni tal-orfni. Hija titlob ukoll li l-Qorti Ġenerali tagħti lil binha l-imsemmija pensjoni.

    106

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħti lill-qorti tal-Unjoni, fil-kawżi ta’ natura pekunjarja, ġurisdizzjoni sħiħa u tagħtiha l-kompitu, b’mod partikolari, li tagħti soluzzjoni kompleta għat-tilwim li jkollha quddiemha u li tiggarantixxi l-effikaċja prattika tas-sentenzi ta’ annullament li hija tagħti fil-kawżi tas-servizz pubbliku (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punti 4950 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    107

    Meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni ma tagħtix ordnijiet lill-istituzzjonijiet jew lill-organi kkonċernati, imma għandha, jekk ikun il-każ, il-kompetenza li tissostitwixxi ruħha flokhom biex tieħu d-deċiżjonijiet li jimplikaw neċessarjament il-konklużjonijiet li għalihom hija tasal fi tmiem l-evalwazzjoni legali tagħha tat-tilwima (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, KL vs BEI, T‑370/20, EU:T:2021:822, punt 113).

    108

    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, jikkostitwixxu “tilwim ta’ karattru finanzjarju,” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, mhux biss l-azzjonijiet għad-danni mressqa mill-membri tal-persunal kontra istituzzjoni jew organu tal-Unjoni, iżda wkoll it-tilwimiet kollha li huma intiżi għall-ħlas minn tali istituzzjoni jew tali organu lil aventi kawża ta’ somma li huma jqisu li hija dovuta lilhom skont ir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 65, u tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 45).

    109

    Minn dan isegwi li din il-kawża, li tikkonċerna l-ħlas ta’ pensjoni tas-superstiti u ta’ pensjoni tal-orfni, hija tilwima ta’ natura pekunjarja.

    [omissis]

    111

    Fir-rigward tal-għoti tal-pensjoni tal-orfni, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata jimplika li l-Parlament għandu jadotta, abbażi tal-Artikolu 266 TFUE, deċiżjoni ġdida fir-rigward tal-għoti ta’ pensjoni tal-orfni lil iben ir-rikorrenti. Għalhekk, hija l-Awtorità tal-Ħatra, fid-dawl tal-motivi ta’ din is-sentenza, li għandha teżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni ta’ iben ir-rikorrenti għall-finijiet tal-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 92 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, minn issa ma jistax jiġi konkluż, peress li hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha twettaq dan l-eżami, li iben ir-rikorrenti għandu d-dritt li jibbenefika minn pensjoni tal-orfni (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2011, Allen vs Il-Kummissjoni, F‑23/10, EU:F:2011:162, punt 117; ara wkoll, a contrario, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, KL vs BEI, T‑370/20, EU:T:2021:822, punt 121).

    112

    Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti intiża li jiġi rrikonoxxut id-dritt ta’ binha sabiex jibbenefika minn pensjoni tal-orfni u sabiex jingħata l-imsemmija pensjoni għandha tiġi miċħuda bħala prematura.

    Fuq l‑ispejjeż

    113

    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tal-istess regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li, għal raġunijiet ta’ ekwità, il-parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, biss frazzjoni mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

    114

    F’dan il-każ, il-Parlament u r-rikorrenti rispettivament tilfu parti mill-kapijiet tat-talbiet. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Parlament għandu jiġi kkundannat, minbarra għall-ispejjeż tiegħu, għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

    115

    Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas‑7 ta’ Ġunju 2021 għandha tiġi annullata sa fejn hija tiċħad l-għoti lil A ta’ pensjoni tal-orfni.

     

    2)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     

    3)

    Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż rispettivi tiegħu, kif ukoll għal dawk sostnuti minn OP.

     

    4)

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

     

    da Silva Passos

    Reine

    Pynnä

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Ġunju 2023.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    ( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra utli għall-pubblikazzjoni.

    ( 2 ) Informazzjoni kunfidenzjali moħbija.

    Top