EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0208

Kawża C-208/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-18 ta’ Marzu 2022 – F vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

ĠU C 257, 4.7.2022, p. 22–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 257, 4.7.2022, p. 18–19 (GA)

4.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 257/22


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-18 ta’ Marzu 2022 – F vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-208/22)

(2022/C 257/28)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ’s-Hertogenbosch

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: F

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

1)

Fid-dawl tal-premessi 3, 32 u 39 tiegħu u moqri flimkien mal-Artikoli 1, 4, 18, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin”) (1) għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati huwa indiviżibbli b’tali mod li ksur serju u sistematiku tad-dritt tal-Unjoni, imwettaq qabel it-trasferiment mill-Istat Membru probabbilment responsabbli fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li (għadhom) ma humiex is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn taħt dan l-istess regolament, jipprekludi b’mod assolut trasferiment lejn dan l-Istat Membru?

2)

Jekk id-domanda preċedenti tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin moqri flimkien mal-Artikoli 1, 4, 18, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk l-Istat Membru eventwalment responsabbli jikser b’mod serju u sistematiku d-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment taħt ir-Regolament Dublin ma jistax jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati iżda għandu jneħħi kull dubju jew jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li r-rikorrent mhux ser jitqiegħed, wara t-trasferiment, f’sitwazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

3)

Liema huma l-provi li r-rikorrent għandu jipproduċi insostenn tal-argumenti tiegħu li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin jipprekludi t-trasferiment tiegħu u liema livell ta’ prova għandu jkun applikabbli f’dan ir-rigward? Fid-dawl tar-riferimenti li r-Regolament ta’ Dublin jagħmel għall-acquis tal-Unjoni fil-premessi tiegħu, l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment għandu obbligu ta’ kooperazzjoni u/jew obbligu ta’ verifika jew, fil-każ ta’ ksur serju u sistematiku tad-drittijiet fundamentali fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, huwa neċessarju li jinkisbu mill-Istat Membru responsabbli garanziji individwali li d-drittijiet fundamentali tar-rikorrent (effetivament) ser jiġu rrispettati wara t-trasferiment? Ir-risposta għal din id-domanda tkun differenti jekk ir-rikorrent ma jkunx jista’ jsostni d-dikjarazzjonijiet konsistenti u ddettaljati tiegħu permezz ta’ dokumenti, meta, fid-dawl tan-natura ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, dan ma jkunx jista’ jiġi mistenni minnu?

4)

Ir-risposta għad-domandi preċedenti tal-punt 3 tkun differenti jekk l-applikant jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li lmenti quddiem l-awtoritajiet u/jew użu ta’ rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru responsabbli mhux ser ikunu possibbli u/jew effettivi?


(1)  ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.


Top