EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0660

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Frar 2024.
Ente Cambiano società cooperativa per azioni vs Agenzia delle Entrate.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Direttiva 2008/7/KE – Banek ta’ kreditu kooperattiv li l-assi netti tagħhom jaqbżu limitu partikolari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq dawn il-banek il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għal 20 % ta’ dawn l-assi netti sabiex jittrasferixxu l-fergħa ta’ attività bankarja tagħhom lil kumpannija b’responsabbiltà limitata inkambju għal titoli f’din tal-aħħar – Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Rekwiżit li jiġu indikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità għal risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja – Sitwazzjoni purament interna – Inammissibbiltà.
Kawża C-660/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:152

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla)

22 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Direttiva 2008/7/KE – Banek ta’ kreditu kooperattiv li l-assi netti tagħhom jaqbżu limitu partikolari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq dawn il-banek il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għal 20 % ta’ dawn l-assi netti sabiex jittrasferixxu l-fergħa ta’ attività bankarja tagħhom lil kumpannija b’responsabbiltà limitata inkambju għal titoli f’din tal-aħħar – Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Rekwiżit li jiġu indikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità għal risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja – Sitwazzjoni purament interna – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑660/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ottubru 2022, fil-kawża

Ente Cambiano società cooperativa per azioni

vs

Agenzia delle Entrate,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Ente Cambiano società cooperativa per azioni, minn A. Cevese, A. Dal Ferro, M. Miccinesi u F. Pistolesi, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Cherubini u G.M. De Socio u, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia, M. Mataija u P. Messina, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 101, 102, 120 u 173 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ente Cambiano società cooperativa per azioni u l-Agenzia delle Entrate (l-Amministrazzjoni Fiskali, l-Italja), dwar ir-rimbors ta’ somma ta’ 20 % tal-assi netti tagħha fil‑31 ta’ Diċembru 2015 li ħallset lil din l-amministrazzjoni sabiex iżżomm il-forma ġuridika ta’ kooperattiva billi tittrasferixxi l-attività bankarja tagħha lil kumpannija b’responsabbiltà limitata inkambju għal titoli f’din tal-aħħar.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE tat‑12 ta’ Frar 2008 dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU 2008, L 46, p. 11), skont l-Artikolu 16 tagħha, ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2009, id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas‑17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11).

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/7, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tirregola l-impożizzjoni ta’ taxxi indiretti fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

(a)      kontributi ta’ kapital lil kumpaniji ta’ kapital;

(b)      operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni li jinvolvu kumpaniji ta’ kapital;

(ċ)      il-ħruġ ta’ ċerti titoli u obbligazzjonijiet.”

5        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “kumpanija ta’ kapital”:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘kumpanija ta’ kapital’ tfisser:

(a)      kwalunkwe kumpanija li jkollha waħda mill-forom elenkati fl-Anness I;

(b)      kwalunkwe kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li l-ishma tal-kapital jew l-assi tagħha jistgħu jiġu nnegozjati f’borża;

(ċ)      kwalunkwe kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li topera għall-profitt, li l-membri tagħha jkollhom id-dritt li jgħaddu l-ishma tagħhom lil partijiet terzi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel u li jkunu responsabbli biss għad-djun tal-kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika sal-limitu ta’ l-ishma tagħhom.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, kwalunkwe kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika oħra li topera għall-profitt għandha titqies bħala kumpanija ta’ kapital.”

6        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kontributi ta’ kapital”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u suġġetti għall-Artikolu 4, it-transazzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati bħala ‘kontributi ta’ kapital’:

(a)       il-formazzjoni ta’ kumpanija ta’ kapital;

(b)       il-konverżjoni f’kumpanija ta’ kapital ta’ kumpanija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li ma tkunx kumpanija ta’ kapital;

(ċ)       żieda fil-kapital ta’ kumpanija ta’ kapital bil-kontribut ta’ assi ta’ kwalunkwe tip;

[...]”

7        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni li ġejjin m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala kontributi ta’ kapital:

(a)       it-trasferiment minn kumpanija ta’ kapital waħda jew aktar ta’ l-assi u debiti kollha tagħhom, jew ta’ fergħa ta’ attività waħda jew aktar lil kumpanija ta’ kapital waħda jew aktar li jkunu fil-proċess li jiġu ffurmati jew li diġà jeżistu, sakemm il-konsiderazzjoni għat-trasferiment tikkonsisti għall-inqas in parti minn titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanija akkwirenti;

[...]”

8        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/7, intitolat “Transazzjonijiet mhux suġġetti għal taxxa indiretta”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw lill-kumpaniji ta’ kapital għal kwalunkwe forma ta’ taxxa indiretta fir-rigward ta’ dan li ġej:

[...]

(d)      l-alterazzjoni ta’ l-istrument jew tar-regolamenti kostitwenti ta’ kumpanija ta’ kapital, u b’mod partikolari li ġejjin:

[...]

(iii) bidla fl-għanijiet ta’ kumpanija ta’ kapital;

[...]

(e)       l-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni msemmija fl-Artikolu 4.”

9        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dazji u Taxxa Fuq il-Valur Miżjud”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 5, l-Istati Membri jistgħu jimponu d-dazji u t-taxxi li ġejjin:

(a)      dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata fissa kif ukoll jekk le;

(b)      dazji fuq trasferiment, inklużi taxxi fuq ir-reġistrazzjoni ta’ l-art, fuq it-trasferiment, lil kumpanija ta’ kapital, ta’ negozji jew ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tagħhom;

(ċ)      dazji ta’ trasferiment fuq assi ta’ kwalunkwe tip trasferiti lil kumpanija ta’ kapital, sa fejn din il-proprjetà tiġi trasferita għal konsiderazzjoni diversa minn ishma fil-kumpanija;

(d)      dazji fuq il-ħolqien, reġistrazzjoni jew ħlas ta’ ipoteki jew piżijiet oħrajn fuq l-art jew proprjetà oħra;

(e)      dazji fil-forma ta’ miżati jew drittijiet;

(f)      it-taxxa fuq il-valur miżjud.”

 Iddritt Taljan

10      L-Artikolu 2(3a) sa (3c) tad-decreto-legge n. 18 – Misure urgenti concernenti la riforma delle banche di credito cooperativo, la garanzia sulla cartolarizzazione delle sofferenze, il regime fiscatif relativo alle procedure di crisi e la gestione collettiva del risparmio (Digriet‑Liġi Nru 18 dwar miżuri urġenti li jikkonċernaw ir-riforma tal-banek ta’ kreditu kooperattiv, il-garanzija għat-titolizzazzjoni ta’ djun inadempjenti, is-sistema fiskali dwar il-proċeduri ta’ kriżi u l-amministrazzjoni kollettiva tat-tfaddil) tal‑14 ta’ Frar 2016 (GURI Nru 37 tal‑15 ta’ Frar 2016), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-legge n. 49 (il-Liġi Nru 49) tat‑8 ta’ April 2016 (GURI Nru 87 tal‑14 ta’ April 2016), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet‑Liġi Nru 18/2016”), jipprovdi:

“3a.      B’deroga mill-Artikolu 150a(5) tad-[decreto legislativo n. 385 – Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (Digriet Leġiżlattiv Nru 385 li jistabbilixxi test uniku tal-liġijiet fil-qasam bankarju u ta’ kreditu) tal‑1 ta’ Settembru 1993 (GURI Nru 230 tat‑30 ta’ Settembru 1993, Suppliment Ordinarju Nru 92], it-trasferiment ma jseħħx fir-rigward tal-banek ta’ kreditu kooperattiv li, fi żmien 60 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ konverżjoni ta’ dan id-digriet, jippreżentaw lill-[Banca d’Italia (il-Bank tal-Italja)], skont l-Artikolu 58 [ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv Nru 385 tal‑1 ta’ Settembru 1993], applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, individwali jew konġunta, sabiex jittrasferixxu l-fergħat ta’ attività bankarja tagħhom lill-istess kumpannija b’responsabbiltà limitata, eżistenti jew li tkun għadha kif ġiet ikkostitwita, awtorizzata li teżerċita l-attività bankarja, bil-kundizzjoni li l-assi netti tal-bank li jippreżenta l-applikazzjoni jew, fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, ta’ mill-inqas wieħed mill-banek li jippreżentaw l-applikazzjoni, kif imniżżla fil‑31 ta’ Diċembru 2015 fil-karta tal-bilanċ li fiha l-awditur ma jkunx għamel riżerva, ikunu iktar minn EUR 200 miljun.

3b.      Fil-waqt tat-trasferiment, il-bank ta’ kreditu kooperattiv trasferenti għandu jħallas lit-Teżor Pubbliku ammont ugwali għal 20 % tal-assi netti tiegħu kif imniżżla fil‑31 ta’ Diċembru 2015 fil-karta tal-bilanċ li fiha l-awditur ma jkunx għamel riżerva.

3c.      Wara t-trasferiment, il-bank ta’ kreditu kooperattiv trasferenti, li jżomm ir-riżervi indiviżibbli tiegħu wara t-tnaqqis tal-ħlas previst fil-paragrafu 3b, għandu jibdel l-għan soċjali tiegħu sabiex jeskludi l-attività bankarja u jobbliga ruħu li jżomm il-klawżoli ta’ reċiproċità previsti fl-Artikolu 2514 tal-Kodiċi Ċivili, kif ukoll li jiżgura lis-soċji tiegħu servizzi li jippermettulhom iżommu r-relazzjoni tagħhom mal-kumpannija b’responsabbiltà limitata akkwirenti, servizzi ta’ taħriġ u ta’ informazzjoni dwar il-kwistjonijiet relatati mat-tfaddil u mas-servizzi ta’ promozzjoni ta’ programmi ta’ assistenza. [...] [...] Fil-każ ta’ nuqqas mill-obbligi previsti f’dan il-paragrafu u fil-paragrafi 3a u 3b, l-assi tat-trasferent jew, jekk ikun il-każ, tal-bank ta’ kreditu kooperattiv, għandhom jiġu ttrasferiti skont l-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 388 tat‑23 ta’ Diċembru 2000. [...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

11      Ente Cambiano, li qabel kienet Banca di Credito Cooperativo di Cambiano società cooperativa per azioni, bank ta’ kreditu kooperattiv li l-assi netti tiegħu kienu iktar minn EUR 200 miljun fil‑31 ta’ Diċembru 2015, ħallset lit-Teżor Taljan is-somma ta’ EUR 54 208 740, li tirrappreżenta 20 % ta’ dawn l-assi netti f’din id-data, billi eżerċitat l-għażla msejħa “ta’ ħruġ” prevista fl-Artikolu 2(3a) tad-Digriet‑Liġi Nru 18/2016.

12      Sussegwentement, Ente Cambiano ressqet talba għal rimbors ta’ din is-somma, peress li hija qieset li l-obbligu li tħallas din tal-aħħar kien imur kontra kemm il-Kostituzzjoni Taljana, kif ukoll id-dritt tal-Unjoni. Peress li t-talba għal rimbors ta’ din is-somma mressqa minn Ente Cambiano kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda impliċita, din tal-aħħar ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Firenze (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Firenze, l-Italja). Peress li din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, Ente Cambiano appellat quddiem il-Commissione tributaria regionale della Toscana (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali tat-Toscana, l-Italja), li ċaħdet dan l-appell permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018.

13      Ente Cambiano ppreżentat appell fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), billi invokat kemm l-antikostituzzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll l-inkompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni.

14      Dik il-qorti tispjega, qabelxejn, li hija ressqet quddiem il-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) kwistjonijiet ta’ kostituzzjonalità li jikkonċernaw l-Artikolu 2(3b) u (3c) tad-Digriet‑Liġi Nru 18/2016, liema qorti ddikjarat dawn id-domandi infondati permezz tas-sentenza Nru 149/2021 tad‑9 ta’ Lulju 2021.

15      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, sussegwentement, li l-imsemmija dispożizzjonijiet jagħmlu parti minn riforma tal-banek ta’ kreditu kooperattiv maħsuba sabiex issolvi d-dgħufijiet strutturali li jirriżultaw mill-mudell ekonomiku u ta’ governanza tagħhom, kif ukoll mid-daqs żgħir tal-parti l-kbira tagħhom, billi ssaħħaħ l-assi ta’ dawn il-banek ta’ kreditu kooperattiv sabiex jilqgħu għal kwalunkwe kriżi fil-futur. Għal dan il-għan, il-mudell prinċipali previst mil-leġiżlatur Taljan huwa t-tisħib ta’ dawn il-banek fi grupp bankarju kooperattiv immexxi minn kumpannija holding, il-kap tal-grupp, ikkostitwita fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata b’kapital azzjonarju ta’ mill-inqas EUR 1 000 000 000, miżmum fil-parti l-kbira mill-imsemmija banek, u li teżerċita setgħat ta’ tmexxija, kif ukoll ta’ koordinazzjoni fir-rigward tagħhom. Dan it-tisħib ma jaffettwax l-assi tagħhom. Huma biss il-banek ta’ kreditu kooperattiv b’assi netti li jaqbżu l-limitu stabbilit li jistgħu jevitaw li jissieħbu f’tali grupp, billi jissuġġettaw irwieħhom għall-obbligi tal-Artikolu 2(3a) sa (3c) tad-Digriet‑Liġi Nru 18/2016, taħt piena ta’ trasferiment tal-assi tagħhom f’fondi reċiproċi ta’ promozzjoni u ta’ żvilupp tal-kooperazzjoni.

16      Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li l-aggravji tal-appell, li huma bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ kompetizzjoni libera u ta’ preżervazzjoni tas-suq, stabbiliti fl-Artikoli 101, 102, 120 u 173 TFUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital, kif stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE u ddefinit mid-Direttiva 2008/7.

17      Hija tippreċiża li Ente Cambiano ssostni li l-obbligu ta’ ħlas inkwistjoni jmur kontra din id-direttiva inkwantu din tal-aħħar tistabbilixxi n-newtralità fiskali tal-kontribuzzjonijiet ta’ kapital, ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva li ma japplikawx f’dan il-każ.

18      F’dan il-kuntest, dik il-qorti qiegħda tistaqsi dwar il-konformità tal-Artikolu 2(3b) u (3c) tad-Digriet‑Liġi Nru 18/2016 mad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li tippreċiża, minn naħa, li hija tikkondividi d-dubji ta’ Ente Cambiano dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipji ta’ moviment liberu tal-kapital, ta’ kompetizzjoni libera u ta’ preżervazzjoni tas-suq irrikonoxxuti minn dan id-dritt u, min-naħa l-oħra, li interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni konformi mal-imsemmi dritt ma jidhrilhiex li hija possibbli.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 63 et seq TFUE u l-Artikoli 101, 102, 120 u 173 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħall-Artikolu 2(3b) u (3c) tad-[Digriet‑Liġi Nru 18/2016], tissuġġetta għall-ħlas ta’ somma ugwali għal 20 % tal-patrimonju nett fil‑31 ta’ Diċembru 2015 il-possibbiltà, għall-banek ta’ kreditu kooperattiv li fil‑31 ta’ Diċembru 2015 kellhom patrimonju nett ta’ iktar minn EUR 200 miljun, li minflok ma jissieħbu ma’ grupp, jittrasferixxu l-attività bankarja lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, anki waħda ġdida, awtorizzata teżerċita l-attività bankarja, billi jemendaw l-istatuti tagħhom b’mod li jiġi eskluż l-eżerċizzju tal-attività bankarja u jinżammu fl-istess ħin il-klawżoli ta’ reċiproċità previsti fl-Artikolu 2514 tal-Kodiċi Ċivili, u b’hekk jiġu żgurati lill-azzjonisti servizzi li jservu għaż-żamma tar-rabta mal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata ta’ trasferiment, relatati mat-taħriġ u mal-informazzjoni fuq il-kwistjonijiet relatati mat-tfaddil u mal-promozzjoni tal-programmi ta’ assistenza?”

 Fuq iddomanda preliminari

20      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn tal-aħħar ikunu jeħtieġu għas-soluzzjoni tat-tilwima li jkunu ntalbu jiddeċiedu (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21      Peress li d-deċiżjoni tar-rinviju sservi ta’ bażi għal din il-proċedura, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tispjega, fid-deċiżjoni tar-rinviju stess, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li tagħti l-ispjegazzjonijiet meħtieġa dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija tkun qiegħda titlob l-interpretazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika għat-tilwima mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, C. F. (Kontroll fiskali), C‑430/19, EU:C:2021:429, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-informazzjoni fid-deċiżjonijiet tar-rinviju għandha tippermetti, minn naħa, lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali u, min-naħa l-oħra, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet interessati l-oħra, jeżerċitaw id-dritt mogħti lilhom mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li dan id-dritt ikun imħares, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries, C‑570/19, EU:C:2021:664, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi li jikkonċernaw il-kontenut ta’ deċiżjoni tar-rinviju huma stabbiliti b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha għarfien tagħhom u li hija għandha tosserva bir-reqqa (digriet tat‑3 ta’ Lulju 2014, Talasca, C‑19/14, EU:C:2014:2049, punt 21; sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Toplofikatsia Sofia et, C‑208/20 u C‑256/20, EU:C:2021:719, punt 20, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dawn ir-rekwiżiti huma, barra minn hekk, imfakkra fil-punti 13, 15 u 16 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1).

24      F’dan il-każ, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 63, 101, 102, 120 u 173 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-possibbiltà, għall-banek ta’ kreditu kooperattiv li l-assi netti tagħhom kienu iktar minn EUR 200 miljun f’data partikolari, li, minflok ma jissieħbu fi grupp bankarju kooperattiv, jittrasferixxu l-fergħa ta’ attività bankarja tagħhom lil kumpannija b’responsabbiltà limitata inkambju għal azzjonijiet f’din tal-aħħar, tkun suġġetta għall-ħlas ta’ somma li tirrappreżenta 20 % tal-assi netti tagħhom f’din id-data. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li Ente Cambiano qiegħda tinvoka, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-Direttiva 2008/7, li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 69/335, b’rabta mal-moviment liberu tal-kapital li dwaru qiegħda tistaqsi dik il-qorti.

25      Fir-rigward tal-Artikoli 101, 102, 120 u 173 TFUE, l-imsemmija qorti la tispjega r-raġunijiet għaliex hija qiegħda titlob l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn l-imsemmija dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha, bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, sa fejn tirrigwarda dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, id-domanda preliminari hija inammissibbli.

26      Fir-rigward tal-Artikolu 63 TFUE, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-indikazzjonijiet fit-talba għal deċiżjoni preliminari juru li l-elementi kollha tat-tilwima fil-kawża prinċipali, bejn kumpannija stabbilita fl-Italja u l-Amministrazzjoni Fiskali Taljana, huma limitati għal dan l-Istat Membru.

27      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital ma japplikawx għal sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha jkunu limitati għal Stat Membru wieħed biss. F’sitwazzjoni bħal din, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont dak li jitlob l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, il-mod kif, minkejja n-natura purament interna tagħha, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ rabta mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali tant li tagħmel l-interpretazzjoni mitluba permezz ta’ deċiżjoni preliminari neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 47 u 55, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      B’mod iktar partikolari, minn dawn ir-rekwiżiti jirriżulta li, sabiex jitqies li teżisti tali rabta, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tistabbilixxi fatturi konkreti, jiġifieri indizji ċerti, u mhux ipotetiċi, li abbażi tagħhom tista’ tiġi stabbilita, b’ċertezza, l-eżistenza ta’ dik ir-rabta, peress li l-qorti tar-rinviju ma tistax sempliċement tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja evidenza li turi li l-eżistenza ta’ tali rabta ma tistax tiġi eskluża jew li, meqjusa b’mod astratt, tista’ tikkostitwixxi evidenza f’dan is-sens, iżda għandha, għall-kuntrarju, tippreżenta evidenza oġġettiva u konsistenti li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk l-imsemmija rabta teżistix jew le (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Bursa Română de Mărfuri, C‑394/21, EU:C:2023:146, punti 51 u 52, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ssemmi biss l-argument ta’ Ente Cambiano li l-ħlas, mill-banek ta’ kreditu kooperattiv li l-assi netti tagħhom fil‑31 ta’ Diċembru 2015 jkunu iktar minn EUR 200 miljun, ta’ somma li tirrappreżenta 20 % tal-assi netti tagħhom f’dik id-data, jippenalizza l-banek ta’ kreditu kooperattiv l-iktar sodi, liema banek jistgħu jattiraw l-investituri ta’ Stati Membri oħra. Madankollu, dik il-qorti ma tipproduċi ebda prova konkreta li abbażi tagħha jista’ jiġi kkonfermat li ċittadini ta’ Stati Membri oħra huma interessati li jagħmlu użu mil-libertà tal-moviment tal-kapital fis-sitwazzjoni ineżami fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Fremoluc, C‑343/17, EU:C:2018:754, punt 30). Sa fejn din it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, id-domanda preliminari hija wkoll inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-Artikolu 63 TFUE.

30      Fir-rigward tad-Direttiva 2008/7, invokata minn Ente Cambiano fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, skont l-indikazzjonijiet fit-talba għal deċiżjoni preliminari, konformement mal-Artikolu 2(3a) sa (3c) tad-Digriet‑Liġi Nru 18/2016, jidher li l-ħlas lit-Teżor Pubbliku kkontestat minn Ente Cambiano, previst f’dan id-digriet‑liġi, kif ukoll ir-rati u l-bażi tiegħu, liema bażi ma jikkorrispondix għal profitt jew għal dħul ta’ dan tal-aħħar, iżda għall-assi netti tiegħu kif imniżżla fil-karta tal-bilanċ fil‑31 ta’ Diċembru 2015, iseħħ fil-waqt tat-trasferiment tal-fergħa ta’ attività bankarja lil kumpannija b’kapital azzjonarju inkambju għal azzjonijiet f’din tal-aħħar. L-avveniment li jwassal għal dan il-ħlas huwa, għalhekk, it-twettiq ta’ din it-tranżazzjoni speċifika u mhux l-eżerċizzju ta’ xi attività partikolari, filwaqt li n-natura vinkolanti tiegħu tirriżulta mis-sanzjoni marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi ħlas, liema sanzjoni hija wkoll prevista f’din id-dispożizzjoni.

31      Issa, għalkemm l-applikabbiltà ratione materiae tad-Direttiva 2008/7 għall-kawża prinċipali tista’ tiġi stabbilita abbażi ta’ dawn l-elementi, b’tali mod li jaqbel li jiġi eżaminat jekk l-imsemmi ħlas għandux jiġi kklassifikat bħala “taxxa indiretta”, fis-sens ta’ din id-direttiva, imposta fuq operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija direttiva, li għalih jirreferi l-Artikolu 5(1)(e) tagħha, sa fejn it-trasferiment tal-fergħa ta’ attività kkonċernata tkun saret minn kumpannija b’kapital azzjonarju, l-imsemmija indikazzjonijiet ma jippermettux li tiġi stabbilita l-applikabbiltà ratione personae tal-istess direttiva għal din it-tilwima. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk il-banek ta’ kreditu kooperattiv, kif proprju kienet ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qabel ir-ristrutturazzjoni tagħha u l-emenda fl-istatuti tagħha wara li eżerċitat l-għażla prevista fl-Artikolu 2(3a) tad-Digriet‑Liġi Nru 18/2016, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “kumpannija b’kapital azzjonarju”, fis-sens tad-Direttiva 2008/7, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tagħha.

32      L-imsemmija qorti lanqas ma pproduċiet, fl-imsemmija talba, xi evidenza dwar il-kwistjoni dwar jekk l-eċċezzjonijiet għall-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tagħha, jistgħux japplikaw f’dan il-każ.

33      Fid-dawl ta’ dawn l-inċertezzi dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2008/7 għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif ukoll tal-assenza ta’ kwalunkwe informazzjoni dwar il-possibbiltà li l-imsemmi ħlas jiġi kklassifikat bħala “taxxa indiretta”, fis-sens ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix l-informazzjoni neċessarja sabiex jitqies li din id-direttiva tapplika għal din it-tilwima, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tevalwa sa fejn hija neċessarja risposta għad-domanda magħmula sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha.

34      Dan ifisser li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija wkoll inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-imsemmija direttiva.

35      Madankollu, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju jibqgħalha l-possibbiltà li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari ġdida billi tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni kollha li abbażi tagħha din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin, C‑676/17, EU:C:2021:700, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal11 ta’ Ottubru 2022, hija inammissibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top