Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0624

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
Société BP France vs Ministre de l’Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique.
Talba għal deċiżjoni preliminari ,imressqa minn Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Direttiva 2009/28/KE – Artikoli 17 u 18 – Direttiva 2018/2001/KE – Artikoli 25, 29 u 30 – Kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra – Verifika tal-osservanza ta’ dawn il-kriterji – Bijokarburanti użati għat-trasport – Produzzjoni ta’ karburanti skont il-proċess ta’ kopproċessar – Provi ta’ konformità mal-imsemmija kriterji ta’ sostenibbiltà – Metodu tal-bilanċ tal-massa – Metodi ta’ evalwazzjoni tal-kontenut ta’ żjut veġetali idrotrattati (ŻVI) fil-karburanti prodotti skont dan il-proċess – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi analiżi fiżika tal-karbonju 14 – Artikolu 34 TFUE – Moviment liberu tal-merkanzija.
Kawża C-624/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:640

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Direttiva 2009/28/KE – Artikoli 17 u 18 – Direttiva 2018/2001/KE – Artikoli 25, 29 u 30 – Kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra – Verifika tal-osservanza ta’ dawn il-kriterji – Bijokarburanti użati għat-trasport – Produzzjoni ta’ karburanti skont il-proċess ta’ kopproċessar – Provi ta’ konformità mal-imsemmija kriterji ta’ sostenibbiltà – Metodu tal-bilanċ tal-massa – Metodi ta’ evalwazzjoni tal-kontenut ta’ żjut veġetali idrotrattati (ŻVI) fil-karburanti prodotti skont dan il-proċess – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi analiżi fiżika tal-karbonju 14 – Artikolu 34 TFUE – Moviment liberu tal-merkanzija”

Fil-Kawża C‑624/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Settembru 2022, fil-proċedura

BP France SAS

vs

Ministre de l’Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: N. Mundhenke, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Ottubru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal BP France SAS, minn M. Dantin u A. Kourtih, avocats, assistiti minn A. Comtesse York von Wartenberg u J. Lopez, bħala esperti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn J.-L. Carré, V. Depenne, B. Fodda, u M. Guiresse, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll, F. Koppensteiner u F. Werni, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. De Meester u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 (ĠU 2015, L 239, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/28”), tal-Artikoli 25, 29 u 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42, u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37), kif ukoll tal-Artikolu 34 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn BP France SAS u l-ministre de l’Économie, des Finances et de la Souverainéité industrielle et numérique (il-Ministru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għas-Sovranità Industrijali u Diġitali, Franza), dwar il-legalità taċ-ċirkulari tal-Ministru Delegat, responsabbli mill-kontijiet pubbliċi, tat‑18 ta’ Awwissu 2020, dwar it-taxxa ta’ inċentiv għall-inkorporazzjoni ta’ bijokarburanti (TIRIB) (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari kkontestata”), li timponi l-użu ta’ analiżi fiżika fil-laboratorju tal-karbonju 14 sabiex jiġi stabbilit il-kontenut reali ta’ żjut veġetali idrotrattati (iktar ’il quddiem “ŻVI”) ta’ tip ta’ petrol jew ta’ tip ta’ diżil prodott skont il-proċess ta’ kotrattament.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2009/28

3        Id-Direttiva 2009/28 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2018/2001 b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2021. Il-punt (i) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28 kien jinkludi d-definizzjoni segwenti:

“[…]

‘bijokarburanti’ tfisser karburant likwidu jew ġassuż għat-trasport prodott mill-bijomassa”.

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miri u miżuri globali nazzjonali mandatorji għall-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-forom kollha ta’ trasport fl‑2020 huwa mill-inqas 10 % tal-konsum finali ta’ enerġija fit-trasport f’dak l-Istat Membru.

[...]”

5        L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi” kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Irrispettivament minn jekk il-materja prima kenitx ikkultivata ġewwa jew barra t-territorji tal-Komunità [Ewropea], l-enerġija mill-bijokarburanti u bijolikwidi għandha tiġi kkunsidrata għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) biss jekk tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6:

(a)      il-kejl tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-miri nazzjonali;

(b)      il-kejl tal-konformità mal-obbligi tal-enerġija rinnovabbli;

(c)      l-eliġibbiltà għal sostenn finanzjarju għall-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi.

[...]”

6        Dan l-Artikolu 17(2) sa (5) kien jiddefinixxi l-kriterji ta’ sostenibbiltà relatati mal-produzzjoni ta’ bijokarburanti u ta’ bijolikwidi.

7        L-imsemmi Artikolu 17(8) kien jipprevedi:

“Għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri m’għandhomx jirrifjutaw li jikkunsidraw, għal raġunijiet oħra ta’ sostenibbiltà, bijokarburanti u bijolikwidi miksuba f’konformità ma’ dan l-Artikolu.”

8        L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi”, kien jipprevedi:

“1.      Fejn bijokarburanti u bijolikwidi għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 17(1), l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ġew sodisfatti. Għal dak il-għan għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jużaw sistema ta’ bilanċ tal-massa li.

(a)      tippermetti li kunsinni ta’ materja prima jew bijokarburant b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti jiġu mħallta;

(b)      teħtieġ li informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà u d-daqsijiet tal-kunsinni msemmija fil-punt (a) tibqa’ assenjata lit-taħlita; u

(c)      tipprovdi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita.

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw informazzjoni affidabbli u li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, fuq talba, id-data li ntużat biex tkun żviluppata l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jagħmlu arranġament għal standard adegwat ta’ verifika indipendenti tal-informazzjoni ppreżentata, u li jipprovdu evidenza li dan sar. L-awditjar għandu jivverifika li s-sistemi użati mill-operaturi ekonomiċi huma preċiżi, affidabbli u mħarsa kontra l-frodi. Dan għandu jevalwa l-frekwenza u l-metodoloġija tat-teħid ta’ kampjuni u l-affidabilità tad-data.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi b’mod partikolari informazzjoni dwar il-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), informazzjoni xierqa u rilevanti dwar il-miżuri meħuda għall-protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, ir-ristawr tal-art degradata, l-evitar ta’ konsum eċċessiv ta’ ilma f’zoni fejn l-ilma ikun skars kif ukoll informazzjoni xierqa u rilevanti dwar il-miżuri meħuda biex jitqiesu l-kwistjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(7).

[...]

4.      Il-Komunità għandha tħabrek biex tikkonkludi strumenti ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali ma’ pajjiżi terzi li fihom dispożizzjonijiet dwar kriterji ta’ sostenibbiltà li jikkorrispondu ma’ dawk ta’ din id-Direttiva. Fejn il-Komunità tkun ikkonkludiet strumenti ta’ ftehim li fihom dispożizzjonijiet li jkopru l-kwistjonijiet koperti mill-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), il-Kummissjoni [Ewropea] tista’ tiddeċiedi li dawk l-istrumenti ta’ ftehim juru li l-bijokarburanti u bijolikwidi prodotti minn materja prima kkultivata f’dawk il-pajjiżi jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà inkwistjoni. [...]

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ prodotti ta’ bijomassa jkun fihom data preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2), u/jew juru li konsenji ta’ bijokarburant jew bijolikwidu jkunu konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3), (4) u (5), u/jew li l-ebda materjal ma ġie mmodifikat jew mormi intenzjonalment sabiex il-konsenja jew parti minnha taqa’ taħt l-Anness IX. [...]

[...]

5.      Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet skont il-paragrafu 4 biss jekk il-ftehim jew l-iskema kkonċernati jissodisfaw standards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u verifika indipendenti. [...]

L-iskemi volontarji msemmija fil-paragrafu 4 (l-‘iskemi volontarji’) għandhom b’mod regolari, u mill-inqas darba fis-sena, jippubblikaw lista tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni tagħhom li tintuża għal awditu indipendenti, li tindika għal kull korp ta’ ċertifikazzjoni, l-entità jew l-awtorità nazzjonali pubblika li minnha kien rikonoxxut u l-entità jew l-awtorità nazzjonali pubblika li qed tissorveljah.

B’mod partikolari għall-prevenzjoni ta’ frodi, il-Kummissjoni tista’, abbażi ta’ analiżi tar-riskju jew tar-rapporti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, tispeċifika l-istandards ta’ awditu indipendenti u tirrikjedi li l-iskemi volontarji kollha japplikaw dawk l-istandards. Dan għandu jsir permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(3). Tali atti għandhom jistabbilixxu perijodu ta’ żmien li fih l-iskemi volontarji jeħtieġ li jimplimentaw l-istandards. Il-Kummissjoni tista’ tħassar deċiżjonijiet li jirrikonoxxu l-iskemi volontarji fil-każ li dawk l-iskemi jonqsu milli jimplimentaw tali standards fil-perijodu ta’ żmien previst.

[...]

7.      Meta operatur ekonomiku jipprovdi prova jew data miksuba skont ftehim jew skema li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 4, sal-punt kopert minn dik id-deċiżjoni, Stat Membru m’għandux jeħtieġ li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), u lanqas informazzjoni dwar il-miżuri msemmijin fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

[...]”

 IdDirettiva 2018/2001

9        Skont il-premessi 94, 107 sa 110 u 126 tad-Direttiva 2018/2001:

“94.      Bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa jenħtieġ li dejjem jiġu prodotti b’mod sostenibbli. Il-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa użati għall-konformità mal-mira tal-Unjoni [Ewropea] stabbilita f’din id-Direttiva, u dawk li jibbenefikaw minn skemi ta’ appoġġ, jenħtieġ li għalhekk jkunu rikjesti jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-armonizzazzjoni ta’ dawk il-kriterji għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi hija essenzjali għall-kisba tal-objettivi tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 194(1) [TFUE]. Tali armonizzazzjoni tiżgura l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u b’hekk tiffaċilita, b’mod speċjali fir-rigward tal-obbligu tal-Istati Membri li ma jirrifjutawx li jikkunsidraw, fuq bażi ta’ sostenibbiltà oħra, bijokarburanti u bijolikwidi miksuba skont din id-Direttiva, il-kummerċ bejn l-Istati Membri ta' bijokarburanti u bijolikwidi konformi. L-effetti pożittivi tal-armonizzazzjoni ta’ dawk il-kriterji ta’ hawn fuq dwar il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-enerġija u dwar l-evitar ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni ma jistgħux jiġu injorati. Għall-karburanti mill-bijomassa, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu aktar kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

[...]

(107)      Abbażi tal-esperjenza fl-implimentazzjoni prattika tal-kriterji tas-sostenibbiltà tal-Unjoni, ikun adatt li jissaħħaħ ir-rwol tal-iskemi volontarji taċ-ċertifikazzjoni internazzjonali u nazzjonali għall-verifika tal-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà b’mod armonizzat.

(108)      Huwa fl-interessi tal-Unjoni li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ skemi volontarji internazzjonali jew nazzjonali li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa u li jiċċertifikaw li l-produzzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa tissodisfa dawk l-istandards. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li jiġi previst li jiġi rikonoxxut li l-iskemi jagħtu evidenza u data affidabbli fejn jilħqu standards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti. Sabiex ikun żgurat li l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjoni tal-gassijiet serra tkun verifikata b’mod b’saħħtu u armonizzat u b’mod partikolari biex jiġu evitati l-frodi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta regoli ta’ implimentazzjoni dettaljati, inkluż standard adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti li jiġu applikati mill-iskemi volontarji.

(109)      L-iskemi volontarji jaqdu rwol dejjem aktar importanti fil-provvediment ta’ evidenza ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa. Ikun adatt għaldaqstant li l-Kummissjoni tirrikjedi li l-iskemi volontarji, inkluż dawk li diġà huma rikonoxxuti mill-Kummissjoni, jirrapportaw regolarment dwar l-attività tagħhom. Tali rapporti jenħtieġ li jsiru pubbliċi ħalli tiżdied it-trasparenza u tittejjeb is-superviżjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, tali rappurtar ikun jipprovdi l-informazzjoni neċessarja sabiex il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-operat tal-iskemi volontarji bil-ħsieb li jiġu identifikati l-aħjar prattiċi u biex tiġi ppreżentata proposta, jekk ikun adatt, biex tali prattiċi tajbin jiġu promossi aktar.

(110)      Biex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern, l-evidenza li tirrigwarda l-kriterji ta’ sostenibbiltà u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa li jkunu inkisbut skont skema li ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi aċċettata mill-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni korretta tal-prinċipji ta’ ċertifikazzjoni tal-iskemi volontarji billi jissorveljaw l-operat tal-korpi ta' ċertifikazzjoni li huma akkreditati mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni u billi jinfurmaw lill-iskemi volontarji bl-osservazzjonijiet rilevanti.

[...]

(126)      Sabiex jiġu emendati jew issupplimentat l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 [TFUE] [għall-]ispeċifikar tal-metodoloġija li biha jiġi ddeterminat is-sehem tal-bijokarburant, u l-bijogass għat-trasport, li jirriżulta mill-ipproċessar tal-bijomassa mal-karburanti fossili fi proċess komuni u l-metodoloġija li permezz tagħha jiġi evalwat l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn l-karburanti tal-karbonju riċiklatsabiex jiġi żgurat li l-krediti mill-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jingħataw darba biss; [...]”

10      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fit-tieni paragrafu tiegħu:

“Japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(33)      ‘bijokarburanti’ tfisser karburant likwidu għat-trasport prodott mill-bijomassa;

[…]”

11      L-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sabiex jiġi integrat l-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi obbligu fuq il-fornituri tal-karburant biex jiżgura li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fi ħdan il-konsum finali tal-enerġija fis-settur tat-trasport huwa mill-inqas 14 % sal‑2030 (sehem minimu) skont it-trajettorja indikattiva stabbilita mill-Istat Membru u kkalkulata skont il-metodoloġija stabbilita f’dan l-Artikolu u fl-Artikoli 26 u 27. [...]

[...]”

12      L-Artikolu 28 tal-istess direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet oħra dwar l-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport”, jipprovdi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Sal‑31 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 35 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tispeċifika l-metodoloġija li tiddetermina s-sehem tal-bijokarburant u l-bijogass għat-trasport li jirriżulta mill-ipproċessar tal-bijomassa mal-karburanti fossili fi proċess komuni [...]”

13      L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2018/2001, intitolat “Kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, l-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      L-enerġija mill-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa għandha tiġi kkunsidrata għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) ta’ dan is-subparagrafu biss jekk tissodisfa l-kriterji dwar is-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stipulati fil-paragrafi 2 sa 7 u 10:

(a)      il-kontribut lejn il-mira tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu Artikolu 3(1) u l-ishma tal-enerġija rinnovabbli tal-Istati Membri;

(b)      il-kejl tal-konformità mal-obbligi tal-enerġija rinnovabbli, inkluż l-obbligu stipulat fl-Artikolu 25;

(c)      l-eliġibbiltà għal sostenn finanzjarju għall-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi, bijokarburanti u karburanti mill-bijomassa.

[...]”

14      Dan l-Artikolu 29(2) sa (7) jiddefinixxi l-kriterji ta’ sostenibbiltà relatati mal-produzzjoni ta’ bijokarburanti, ta’ bijolikwidi u ta’ karburanti mill-bijomassa.

15      L-imsemmi Artikolu 29(12) huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 25 u 26, l-Istati Membri ma għandhomx jirrifjutaw li jikkunsidraw, għal raġunijiet oħra ta’ sostenibbiltà, bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti miksuba f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-appoġġ pubbliku mogħti taħt skemi ta’appoġġ approvati qabel l‑24 ta’ Diċembru 2018.”

16      Skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001, intitolat “Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-kriterji ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra”:

“1.      Fejn bijokarburanti, bijolikwidi karburanti mill-bijomassa u/jew karburanti oħra li huma eliġibbli għall-għadd biex jintlaħaq in-numeratur imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 27(1), għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet imsemmija fl-Artikoli 23 u 25 u fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1), l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ ffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stipulat fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) ġew sodisfatti. Għal dawk il-finijiet għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jużaw sistema ta’ bilanċ tal-massa li:

(a)      tippermetti li kunsinni ta’ materja prima jew karburanti b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà u ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra differenti pereżempju f’kontejner, faċilità loġistika jew tal-ipproċessar, infrastruttura jew sit tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni;

(b)      tippermetti li kunsinni ta’ materja prima b’kontenut ta’ enerġija differenti jiġu mħallta għall-finijiet ta’ aktar proċessar, sakemm id-daqs tal-kunsinni jkun aġġustat skont il-kontenut tal-enerġija tagħhom;

(c)      teħtieġ li informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà u ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u d-daqsijiet tal-kunsinni msemmija fil-punt (a) tibqa’ assenjata lit-taħlita; u

(d)      tipprovdi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita u tirrikjedi li dan il-bilanċ jinkiseb tul medda xierqa ta’ żmien.

Is-sistema ta’ bilanċ tal-massa għandha tiżgura li kull kunsinna tiġi kkunsidrata darba biss fil-punti (a), (b) jew (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), għall-finijiet tal-kalkolu tal-konsum finali gross tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u għandha tinkludi informazzjoni dwar jekk ġiex ipprovdut appoġġ lill-produzzjoni ta’ dik il-kunsinna, u jekk hekk, dwar it-tip ta’ skema ta’ appoġġ.

2.      Meta kunsinna tkun ipproċessata, l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà u l-karatteristiċi tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-kunsinna għandhom jiġu aġġustati u assenjati għall-output skont ir-regoli li ġejjin:

(a)      meta l-ipproċessar ta’ kunsinna ta’ materja prima jirriżulta biss f’output waħda li hi maħsuba għall-produzzjoni tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi jew il-karburanti mill-bijomassa, karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika, jew karburanti tal-karbonju riċiklat, id-daqs tal-kunsinna u l-kwantitajiet relatati tas-sostenibbiltà u l-karatteristiċi tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandhom jiġu aġġustati bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ konverżjoni li jirrappreżenta l-proporzjon bejn il-massa tal-output li hi maħsuba għal tali produzzjoni u l-massa tal-materja prima li tidħol fil-proċess;

(b)      meta l-ipproċessar ta’ kunsinna ta’ materja prima jirriżulta f’aktar minn output wieħed li hu maħsub għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi jew karburanti mill-bijomassa, karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika, jew karburanti tal-karbonju riċiklat, għal kull output għandu jiġi applikat fattur ta’ konverżjoni separat u għandu jintuża bilanċ tal-massa separat.

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw informazzjoni affidabbli dwar il-konformità mal-limiti ta’ ffrankar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti, u adottati skont, l-Artikolu 25(2), u mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-gassijiet serra kif stipulati fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10), u li l-operaturi ekonomiċi jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri rilevanti, fuq talba, id-data li ntużat biex tkun żviluppata l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jagħmlu arranġament għal standard adegwat ta’ verifika indipendenti tal-informazzjoni ppreżentata, u li jipprovdu evidenza li dan sar. Għall-konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 29(6) u l-punt (a) tal-Artikolu 29(7) tista’ tintuża verifika mill-ewwel jew it-tieni parti sal-ewwel punt ta’ ġbir tal-bijomassa forestali. L-awditjar għandu jivverifika li s-sistemi użati mill-operaturi ekonomiċi huma preċiżi, affidabbli u mħarsa kontra l-frodi inkluż verifika li tiżgura li l-materjali mhumiex mmodifikati jew mormija intenzjonalment sabiex il-kunsinna jew parti minnha tkun tista’ ssir skart jew residwu. Dan għandu jevalwa l-frekwenza u l-metodoloġija tat-teħid ta’ kampjuni u r-robustezza tad-data.

[...]

4.      Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi jew, karburanti mill-bijomassa jew karburanti oħra li huma eliġibbli għall-għadd biex jintlaħaq in-numeratur imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 27(1) jipprovdu data eżatta dwar tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-finijiet tal-Artikolu 25(2) u l-Artikolu 29(10), juru li l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(2) u (4) ġew rispettati, jew juru li kunsinni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi jew karburanti mill-bijomassa jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 29(2) sa (7). Meta jintwera li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 29(6) u (7) huma ssodisfati, l-operaturi jistgħu jiddeċiedu li jipprovdu direttament l-evidenza meħtieġa direttament fil-livell ta’ żona tas-sorsi. Il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi żoni għall-protezzjoni ta’ ekosistemi jew speċijiet rari, mhedda jew fil-periklu ta’ estinzjoni rikonoxxuti minn ftehimiet internazzjonali jew inklużi f’listi stabbiliti minn organizzazzjonijiet intergovernattivi jew mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura għall-finijiet tal-punt (c(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(3).

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li dawk l-iskemi jkollhom informazzjoni eżatta dwar il-miżuri meħuda għall-protezzjoni tal-ħamrija, l-ilma u l-arja, tar-restawr ta’ art degradata, tal-evitar ta’ konsum eċċessiv tal-ilma f’żoni fejn l-ilma hu skars, u għaċ-ċertifikazzjoni tal-bijokarburanti u l-bijolikwidi b’riskju baxx ta’ bdil indirett tal-użu tal-art.

[...]

6.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skemi nazzjonali li bihom il-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont il-kriterji stipulati fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10) u mal-limiti tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u karburanti tal-karbonju riċiklat stabbiliti, u adottati skont l-Artikolu 25(2) u f’konformità mal-Artikolu 28(5) tkun verifikata matul il-katina kollha ta’ kustodja li tinvolvi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

[...]

9.      Fejn operatur ekonomiku jipprovdi evidenza jew data miksuba skont xi skema li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 4 jew 6 ta’ dan l-Artikolu, sal-punt kopert minn dik id-deċiżjoni, Stat Membru ma għandux jeħtieġ li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stipulati fl-Artikolu 29(2) sa (7) u (10).

[...]”

 IrRegolament Delegat (UE) 2023/1640

17      Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1640 tal‑5 ta’ Ġunju 2023 dwar il-metodoloġija għad-determinazzjoni tas-sehem tal-bijofjuwils u tal-bijogass użati fit-trasport li jirriżulta mill-bijomassa li tkun qiegħda tiġi pproċessata mal-fjuwils fossili fi proċess komuni (ĠU 2023, L 205, p. 1), ġie adottat abbażi tal-Artikolu 28(5) tad-Direttiva 2018/2001. Dan ir-regolament delegat jipprovdi, fl-Artikolu 2 tiegħu, intitolat “Metodu tal-bilanċ tal-massa”:

“1.      Jekk jintuża metodu ta’ bilanċ tal-massa, l-operatur ekonomiku għandu jwettaq l-analiżi tal-bilanċ tal-massa sħiħa tal-massa totali tal-inputs u tal-outputs. Il-metodu tal-bilanċ tal-massa għandu jiżgura li l-bijokontenut tal-outputs kollha jkun proporzjonali għall-bijokontenut tal-inputs u li s-sehem tal-materjal bijoġeniku identifikat mir-riżultati tal-ittestjar tar-radjokarbonju 14C jiġi allokat għal kull output. Se jiġu applikati fatturi ta’ konverżjoni differenti għal kull output li jikkorrispondu bl-aktar mod akkurat għall-bijokontenut imkejjel permezz tar-riżultati tal-ittestjar tar-radjokarbonju 14C. L-output għandu jqis il-massa mitlufa f’effluwenti gassużi, f’ilmijiet mormijin industrijali likwidi u f’residwi solidi. Il-metodu tal-bilanċ tal-massa għandu jinkludi karatterizzazzjoni analitika addizzjonali tal-materja prima u tal-prodotti, bħall-analiżi definittiva u l-analiżi immedjata tal-flussi tal-massa tas-sistema.

[...]”

 Iddritt Franċiż

 IlKodiċi Doganali

18      L-Artikolu 266n tal-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“I.      Dawk obbligati sabiex iħallsu t-taxxa interna fuq il-konsum prevista fl-Artikolu 265 ser ikunu suġġetti għal [TIRIB].

[...]

III.      It-[TIRIB] hija kkalkolata fuq il-bażi tal-volum totali, rispettivament, tal-petrol u diżil li għalihom saret dovuta matul is-sena kalendarja.

Ir-rata tat-taxxa għandha tiġi kkalkolata separatament, minn naħa, għall-petrol u, min-naħa l-oħra, għad-diżil.

L-ammont tagħha ser ikun ugwali għar-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-bażi taxxabbli ddefinita fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu III bir-rata stabbilita fil-paragrafu IV, li għaliha jkun applikabbli koeffiċjent ugwali għad-differenza bejn il-perċentwali nazzjonali bil-għan tal-inkorporazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport, stabbilit fl-istess paragrafu IV, u l-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli li jkun hemm fil-prodotti inklużi fil-bażi taxxabbli. Jekk il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli jkun ugwali jew ikbar mill-perċentwali nazzjonali bil-għan tal-inkorporazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport, it-taxxa tkun ugwali għal żero.

IV.      It-tariffa tat-taxxa u l-perċentwali nazzjonali fil-mira ta’ inkorporazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport huma dawn li ġejjin:

Sena

2020

Mill‑2021

Tariffa ([EUR]€/hL)

101

104

Perċentwali fil-mira tad-diżil

8 %

8 %

Perċentwali fil-mira tal-petrol

8.2 %

8.6 %


V.-A. -      Il-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli jindika l-proporzjon, evalwat f’valur kalorifiku iktar baxx, ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli li l-persuna taxxabbli tista’ turi li jinsab fil-karburanti inklużi fil-bażi, fid-dawl, skont il-każ, tar-regoli ta’ kalkolu speċifiċi għal ċerti materji prima previsti f’C u D ta’ dan il‑V u tad-dispożizzjonijiet tal‑VII.

L-enerġija li tinsab fil-bijokarburanti ser tkun rinnovabbli meta dawn jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà ddefiniti fl-Artikolu 17 tad-[Direttiva 2009/28].

Abis.-      Ser titqies biss l-enerġija li tinsab fil-prodotti li t-traċċabbiltà tagħhom tkun ġiet ggarantita mill-produzzjoni tagħhom.

Digriet ser jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ traċċabbiltà applikabbli għal kull prodott skont il-materja prima li jiġi minnha u l-istandards tal-kontabbiltà tal-enerġija li jiġu applikati skont dan il-paragrafu V.

[...]”

 IdDigriet Nru 2019570

19      Id-Digriet Nru 2019–570 tas‑7 ta’ Ġunju 2019 dwar it-taxxa ta’ inċentiv għall-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport (JORF tad‑9 ta’ Ġunju 2019, test Nru 13), jipprovdi, fl-Artikolu 3 tiegħu:

“L-elementi li permezz tagħhom il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ta’ inċentiv tiġġustifika, għall-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal‑A tal‑V tal-Artikolu 266n tal-Kodiċi Doganali, li l-karburanti taxxabbli jinkludu enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli jinkludu, barra minn hekk, skont il-każ, id-dokumenti ta’ ċirkulazzjoni u l-kontabbiltà tal-ħażniet previsti fil-punt (b) tat‑II tal-Artikolu 158g tal-istess kodiċi dwar il-prodotti eliġibbli u l-karburanti taxxabbli:

1°      iċ-ċertifikati ta’ inkorporazzjoni, maħruġa mal-inkorporazzjoni, f’maħżen tat-taxxa għall-ħażna ta’ prodotti taż-żejt, ta’ prodotti eliġibbli f’karburant taxxabbli;

[...]

3°      Ir-rekords ta’ monitoraġġ tal-enerġija rinnovabbli;

4°      Iċ-ċertifikati tal-kontenut, maħruġa meta t-taxxa ta’ inċentiv issir dovuta għal karburant taxxabbli li jitqies li jkun fih enerġija minn sorsi rinnovabbli;

[...]”

20      Il‑punt III tal-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“III. -      Ir-rekords ta’ monitoraġġ tal-enerġija rinnovabbli għandhom jinżammu mill-persuni li jżommu prodotti eliġibbli f’maħżen tat-taxxa ta’ ħażna, f’maħżen tat-taxxa ta’ prodotti tal-enerġija jew fabbrika eżerċitata kif ukoll mill-persuni li jużaw l-għażla prevista fil-punt 3° tal-Artikolu 5.

Huma għandhom jindikaw:

1°      Id-dħul u l-ħruġ tal-kwantitajiet ta’ prodotti eliġibbli miżmuma, b’kont meħud, b’mod partikolari, ta’ inkorporazzjonijiet, trasferimenti, akkwisti u ħruġ akkreditati miċ-ċertifikati.

[...]”

21      L-Artikolu 7 tal-imsemmi digriet jipprevedi:

“Iċ-ċertifikati u r-rekords għall-monitoraġġ tal-enerġija rinnovabbli għandhom isemmu l-ismijiet u l-kwantitajiet ta’ prodotti eliġibbli li jikkonsistu f’enerġija rinnovabbli, inkorporati jew le fil-karburanti taxxabbli, billi ssir distinzjoni bejn:

1°      Il-prodotti li ma humiex prodotti mill-bijomassa;

2°      Il-bijokarburanti;

3°      Il-prodotti ta’ materja prima ddefiniti fit‑2 tal‑B tal‑V tal-Artikolu 266n tal-Kodiċi Doganali

4°      Il-prodotti bbażati fuq iż-żejt tal-palm;

5°      Il-prodotti suġġetti għall-obbligi speċifiċi ta’ traċċabbiltà previsti fit-Titolu III ta’ dan id-digriet.

Huma għandhom jinkludu wkoll l-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-enerġija rinnovabbli prevista mill-amministrazzjoni tad-dwana u tad-dazji indiretti.”

22      L-Artikolu 8 tal-istess digriet huwa fformulat kif ġej:

“Il-ħruġ taċ-ċertifikati u l-eżistenza ta’ rekords ta’ monitoraġġ tal-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu akkreditati permezz ta’ viża mis-servizzi doganali kompetenti.

[...]”

 ċirkulari kkontestata

23      Il-punti 109 sa 111, 114 u 115 ta’ din iċ-ċirkulari, li jinsabu fil-Parti V, A, tal-Kapitolu IV taċ-ċirkulari kkontestata, intitolata “Kunsiderazzjoni tal-kontenut reali ta’ bijokarburanti fir-reġistrazzjoni tagħhom fir-rekord miżmum għall-finijiet tat-TIRIB”, jipprovdu:

“[109]      Il-volumi ta’ prodotti eliġibbli li jidhru bħala entrati fir-rekords ippreparati għall-finijiet tat-TIRIB għandhom jikkorrispondu mal-volum irrikonoxxut mis-servizzi doganali fil-ħin tal-wasla tal-prodott fl-[usine exercée] jew fil-[maħżen fiskali tat-taxxa (EFS)]. Dawn huma, fil-prinċipju, il-volumi li jidhru fid-dokumenti ta’ akkumpanjament (dokument amministrattiv uniku (DAU), dokument amministrattiv elettroniku (DAE), dokument issimplifikat ta’ akkumpanjament (DSA) jew dokument issimplifikat ta’ akkumpanjament kummerċjali (DSAK)).

Fil-każ ta’ kunsinni ta’ karburanti li jkun fihom bijokarburanti rċevuti f’[usine exercée] jew EFS, għandha titwettaq analiżi tal-laboratorju fuq il-bażi ta’ kampjun meħud mill-kunsinna tal-karburant fil-ħin tal-ħatt tiegħu, li tippermetti li jkun magħruf il-kontenut attwali tal-bijokarburant tal-prodott irċevut. Din l-analiżi għandha ssir għat-tipi kollha ta’ bijokarburanti.

[110]      Id-dokumenti ta’ akkumpanjament għal kunsinni ta’ karburanti li jkun fihom bijokarburanti għandhom jindikaw il-volum attwali tal-prodott fornut u l-volum attwali ta’ bijokarburant li jinsab fil-karburant ikkunsinnat. Jekk id-dokumenti li jakkumpanjaw il-kunsinni tal-karburant jindikaw volum ta’ bijokarburant li ma jikkoinċidix mal-analiżi fiżika mwettqa minn laboratorju, huwa biss il-volum ta’ bijokarburant li jkun attwalment fil-karburant irċevut iddeterminat mill-analiżi fiżika mwettqa fil-ħin tad-dħul tal-prodott fil-maħżen fiskali, li jista’ jiġi rreġistrat bħala dħul fil-maħżen tat-taxxa. Il-volumi mdaħħla fir-reġistri tal-ħażna għandhom jikkorrispondu wkoll għall-volumi ta’ bijokarburant koperti mill-attestazzjoni ta’ sostenibbiltà stabbilita mill-fornitur tal-bijokarburant.

[111]      Għaż-żjut veġetali idrotrattati tat-tip tal-petrol jew tad-diżil, l-analiżi fiżika fil-laboratorju tas‑C14 għandha tikkorrispondi mal-volum li jidher fid-dokumenti ta’ akkumpanjament b’marġni ta’ +/-10 %.

[…]

[114]      L-analiżi fiżika fil-laboratorju għandha tkun obbligatorja, għall-ewwel darba, għal kull kunsinna ta’ karburant li jkun fiha bijokarburant minn kull fornitur fis-sena 2020 u mbagħad fir-rigward ta’ kull fornitur ġdid. Jekk l-analiżijiet fiżiċi-kimiċi jirriflettu volum ta’ bijokarburanti konsistenti ma’ dak li jidher fid-dokument ta’ akkumpanjament, ma jibqax obbligatorju li jsiru analiżi fiżiċi tal-kunsinni futuri li jkunu ġejjin minn dak l-istess fornitur, għalkemm is-servizzi doganali jistgħu jeħtieġu li dan isir b’mod każwali.

L-importazzjonijiet, il-kunsinni intra-Komunitarji u l-kunsinni nazzjonali ta’ karburanti li fihom il-bijokarburanti huma suġġetti għal din l-analiżi fil-laboratorju meta jiġu rċevuti fl-ewwel maħżen tat-taxxa Franċiż.

[115]      Din l-analiżi fiżika għandha l-iskop uniku li tiddetermina l-volumi ta’ bijokarburanti rċevuti f’[usine exercée] jew f’EFS sabiex jiġi rreġistrat dak il-volum fid-dħul tal-kontabbiltà ta’ materjali miżmuma fil-qafas tat-TIRIB. Din l-analiżi ma hijiex maħsuba sabiex tiddetermina l-materja prima li minnha ġie prodott il-bijokarburant. Il-materja prima għandha tkun indikata fid-dokumenti mehmuża mal-kunsinna u, b’mod partikolari, fiċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà. Din il-materja tista’ tiġi ddeterminata bl-użu tal-metodu tal-bilanċ tal-massa rrikonoxxut mis-sistemi volontarji ta’ sostenibbiltà.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

24      BP France timporta fi Franza karburanti li fihom ŻVI mmanifatturati fi Spanja skont il-proċess imsejjaħ “kopproċessar”. Dan l-ipproċessar jikkonsisti fl-inkorporazzjoni taż-żjut veġetali fil-materja fossili fir-raffinerija, qabel il-fażi tad-desulfurizzazzjoni, sabiex dawn iż-żjut veġetali jiġu ttrasformati f’ŻVI taħt l-effett tal-idroġenu. Il-karburanti prodotti skont dan il-proċess jikkostitwixxu, essenzjalment, taħlita ta’ molekuli fossili u ta’ molekuli b’bażi bijoloġika.

25      Dawn il-karburanti jaslu fi Franza f’maħżen tat-taxxa, qabel jintbagħtu għall-konsum.

26      Sabiex jippromwovu l-użu tal-bijokarburanti fis-settur tat-trasport, l-awtoritajiet Franċiżi stabbilixxew, fl-Artikolu 266n tal-Kodiċi Doganali, it-TIRIB. Din it-taxxa hija bbażata fuq il-volum totali tal-petrol u tad-diżil li l-persuni taxxabbli jqiegħdu għall-konsum f’sena kalendarja, li għaliha tiġi applikata tariffa espressa f’EUR għal kull ettolitru. Għall-prodott minn din il-bażi mbagħad jiġi applikat koeffiċjent ugwali għad-differenza bejn il-perċentwal nazzjonali fil-mira tal-inkorporazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport u l-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli preżenti fil-volum totali tal-karburanti kkonċernati. Minn dan jirriżulta li l-ammont tat-TIRIB jonqos proporzjonalment maż-żieda tal-proporzjon ta’ bijokarburanti preżenti fil-prodotti inklużi fil-bażi ta’ din it-taxxa, sakemm isir żero jekk dan il-proporzjon ikun ogħla jew ugwali għal dan il-perċentwal nazzjonali fil-mira.

27      Id-Digriet Nru 2019–570 jipprevedi l-modalitajiet li jippermettu lil persuna responsabbli għall-ħlas tal-imsemmija taxxa tiġġustifika li l-karburanti taxxabbli jinkludu bijokarburanti. Konformement mal-Artikoli 3, 4 u 7 ta’ dan id-digriet, id-detentur ta’ tali karburanti f’maħżen tat-taxxa jew f’UE għandu jżomm rekords ta’ monitoraġġ tal-enerġija rinnovabbli li jitraċċaw id-dħul u l-ħruġ tal-kwantitajiet ta’ dawn il-karburanti filwaqt li jiddistingwu b’mod partikolari l-bijokarburanti minn prodotti li ma humiex immanifatturati mill-bijomassa.

28      Fit‑18 ta’ Awwissu 2020, il-Ministru Delegat, inkarigat mill-kontijiet pubbliċi, adotta ċ-ċirkulari kkontestata li timponi, mal-wasla, fl-ewwel maħżen tat-taxxa Franċiż, ta’ karburanti li fihom bijokarburanti, bħal ŻVI, it-twettiq ta’ analiżi fiżika fil-laboratorju tal-karbonju 14 ta’ kampjun ta’ dawn il-karburanti (iktar ’il quddiem l-“analiżi fiżika tal-karbonju 14”), sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut reali ta’ bijokarburanti tal-imsemmija karburanti għall-kalkolu tat-TIRIB dovuta.

29      BP France adixxiet lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), li huwa l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-annullament, minħabba eċċess ta’ poter, ta’ din iċ-ċirkulari sa fejn timponi, għall-karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar, it-twettiq ta’ tali analiżi fiżika għall-karbonju 14.

30      Quddiem dik il-qorti, BP France ssostni b’mod partikolari li l-imsemmija ċirkulari tikser l-għanijiet imfittxija mill-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll mill-Artikoli 28 sa 30 tad-Direttiva 2018/2001, sa fejn timponi fuq operatur ekonomiku provi ta’ konformità ma’ kriterji ta’ sostenibbiltà differenti minn dawk previsti f’dawn l-artikoli.

31      BP France tirrileva wkoll li r-raffinerija li joħorġu minnha l-bijokarburanti inkwistjoni fil-kawża prinċipali tifforma parti minn sistema volontarja rrikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala skema kompleta skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28. Konsegwentement, il-metodu tal-bilanċ tal-massa, previst fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva u fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001, li jkun applikat fil-kuntest ta’ din l-iskema volontarja, ikun suffiċjenti sabiex jiġu evalwati, għall-finijiet taż-żamma tar-rekords speċifiċi tat-TIRIB, il-kwantità ta’ molekuli msejħa “ta’ oriġini bijoġenika”, bħal ŻVI, inkluża fil-karburanti li din il-kumpanija tirċievi fl-ewwel maħżen tat-taxxa Franċiż.

32      Skont il-qorti tar-rinviju, l-analiżi fiżika tal-karbonju 14 hija, fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, l-uniku metodu li jippermetti li jitkejjel il-kontenut reali ta’ molekuli msejħa “ta’ oriġini bijoġenika”, bħal ŻVI, ta’ karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar.

33      Madankollu, dik il-qorti għandha tliet tipi ta’ dubji.

34      Fl-ewwel lok, hija tistaqsi dwar l-għan tal-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001. Fil-fatt, hija tesprimi dubji dwar jekk il-mekkaniżmi ta’ traċċar permezz ta’ bilanċ tal-massa, u s-sistemi nazzjonali jew volontarji previsti minn dawn l-artikoli, għandhomx l-għan uniku li jevalwaw u li jiġġustifikaw is-sostenibbiltà tal-materji prima u tal-bijokarburanti kif ukoll tat-taħlitiet tagħhom, u mhux li jirregolaw l-evalwazzjoni tas-sehem tal-enerġija ta’ oriġini rinnovabbli, bħal ŻVI, li tinsab fil-karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar u, sussegwentement, li jarmonizzaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan is-sehem għall-finijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll fl-Artikolu 25 u fil-punti (a) sa (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2018/2001.

35      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar jekk dawn l-id-dispożizzjonijiet jipprekludux li Stat Membru, sabiex jistabbilixxi l-kwantità ta’ ŻVI li għandha tiġi adottata bħala entrati fir-rekords li l-operaturi għandhom iżommu għall-finijiet tat-TIRIB, jeżiġi, mal-wasla fl-ewwel maħżen tat-taxxa ta’ dan l-Istat Membru ta’ importazzjonijiet ta’ karburanti li fihom ŻVI prodotti fi Stat Membru ieħor skont il-proċess ta’ kopproċessar, it-twettiq ta’ analiżi fiżika tal-karbonju 14 tal-kontenut ta’ ŻVI ta’ dawn il-karburanti, inkluż meta l-fabbrika li fiha ġew prodotti l-imsemmija karburanti tuża sistema ta’ bilanċ tal-massa ċċertifikata minn sistema volontarja rrikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala sistema kompleta skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28.

36      Fit-tielet u l-aħħar lok, l-istess qorti tistaqsi dwar jekk jikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet inkompatibbli mal-Artikolu 34 TFUE l-obbligu li titwettaq analiżi fiżika tal-karbonju 14 għall-importazzjonijiet, għall-introduzzjonijiet intra-Komunitarji kif ukoll għall-kunsinni nazzjonali ta’ karburant li jkun fih bijokarburanti meta jiġu rċevuti fl-ewwel maħżen tat-taxxa Franċiż, filwaqt li, minn naħa, tali analiżi ma hijiex meħtieġa għall-karburanti li jkun fihom bijokarburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar f’raffinerija li tinsab fi Franza li jiġu rrilaxxati għall-konsum f’dan l-Istat Membru direttament meta joħorġu mill-fabbrika (mingħajr ma jiġu rċevuti f’maħżen tat-taxxa għall-ħażna qabel ir-rilaxx tagħhom għall-konsum) u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi Stat Membru jaċċetta, għall-finijiet tat-taxxa kkonċernata, li jiġi evalwat il-kontenut ta’ bijokarburanti tal-esportazzjonijiet jew tar-rilaxx għall-konsum f’setturi li ma humiex dak tat-trasport abbażi ta’ medja ta’ kull xahar ta’ inkorporazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-fabbrika inkwistjoni.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17 u 18 tad-[Direttiva 2009/28], u dawk tal-Artikolu 30 tad-[Direttiva 2018/2001], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-mekkaniżmi ta’ traċċar tal-bilanċ tal-massa, u s-sistemi nazzjonali jew volontarji li huma jipprevedu, li għandhom bħala suġġett biss l-evalwazzjoni u l-ġustifikazzjoni tad-durabbiltà tal-materji primi u tal-bijokarburanti kif ukoll tat-taħlit tagħhom, u b’hekk ma għandhomx bħala suġġett li jissorveljaw s-segwitu u t-traċċar, fi ħdan il-prodotti lesti minn ko-ipproċessar, min-naħa tal-enerġija tal-oriġini rinnovabbli inkluża f’dawn il-prodotti u b’riżultat ta’ dan, li jarmonizzaw t-teħid inkonsiderazzjoni tal-enerġija inkluża f’tali prodotti bil-għanijiet intiżi [fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17] tad-Direttiva 2009/28 u fl-Artikolu 25 kif ukoll fl-ewwel subparagrafu punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2018/2001?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti, dawn l-istess dispożizzjonijiet jipprekludu lil Stat Membru, biex jiffissa l-kwantità ta’ [HVO] li għandhom jinżammu fid-dħul tal-kontijiet tal-istokk li l-operaturi għandhom iżommu għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ taxxa ta’ inċentiv għall-inkorporazzjoni ta’ bijokarbonati, illiberati f’dan l-Istat Membru meta l-parti tal-enerġija rinnovabbli fil-karburanti rilaxxati għall-konsum matul is-sena kalendarja hija inferjuri għal perċentwali nazzjonali fil-mira ta’ inkorporazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasporti, teħtieġ, mal-wasla fl-ewwel maħżen tat-taxxa nazzjonali ta’ importazzjonijiet ta’ karburanti li huma inklużi fil-prodotti HVO fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ proċess ta’ ko-trattament, it-twettiq ta’ analiżi fiżika tal-kontenut fil-HVO ta’ dawn il-karburanti, inkluż meta l-fabbrika li fiha dawn il-karburanti ġew prodotti b’użu ta’ sistema ta’ bilanċ tal-massa ċċertifikata minn sistema voluntarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala skema kompleta?

3)      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 34 [TFUE], jipprekludi miżura ta’ Stat Membru bħal dik deskritta [fil-punt 36 ta’ din is-sentenza], hekk li, minn naħa, il-karburanti li jinkludu l-bijokarburanti li jirriżultaw mill-ko-pproċessar fi ħdan ir-raffinerija sitwata fit-territorju tiegħu ma humiex suġġetti, meta huma rilaxxati għall-konsum f’dan l-Istat Membru direttament li ħierġin mill-fabbrika, għal tali analiżi fiżika, u b’hekk, min-naħa l-oħra, li dan l-Istat Membru jaċċetta, biex jiġi ddeterminat li ħiereġ minn fabbrika eżerċitat jew minn stabbiliment fiskali nazzjonali l-kontenut f’bijokarburanti li jistgħu jiġu allokati għall-bżonnijiet tat-taxxa bejn iċ-ċertifikati ta’ kontenut maħruġin f’perijodu, li jevalwa abbażi ta’ medju ta’ inkorporazzjoni ta’ kull xahar tal-istabbiliment jew tal-fabbrika l-kontenut f’bijokarburanti tal-esportazzjonijiet jew tar-rilaxx għall-konsum f’setturi oħra minbarra t-trasport?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq lewwel u ttieni domanda

38      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm, fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi formalment għall-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/28, li jirrigwardaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi kif ukoll il-verifika tal-osservanza tagħhom, rispettivament, u għall-Artikolu 30 tad-Direttiva 2018/2001, li jirrigwarda l-verifika tal-osservanza tal-kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, hija manifestament intiża sabiex tinkiseb l-interpretazzjoni wkoll tal-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva tal-aħħar, li jirrigwarda l-kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa.

39      Barra minn hekk, permezz tal-ewwel domanda tagħha, dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll l-Artikoli 29 u 30 tad-Direttiva 2018/2001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li s-sistema ta’ monitoraġġ bil-bilanċ tal-massa kif ukoll l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li dawn l-artikoli jipprevedu għandhom l-għan uniku li jevalwaw u jiġġustifikaw is-sostenibbiltà tal-materji prima u tal-bijokarburanti kif ukoll tat-taħlitiet tagħhom, u mhux li jirregolaw l-evalwazzjoni tas-sehem tal-enerġija ta’ oriġini rinnovabbli li tinsab fil-karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28 u dawk tad-Direttiva 2018/2001 li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta fil-kuntest ta’ din il-kawża għandhom suġġett u kontenut, essenzjalment, simili għall-finijiet tal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti f’din il-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022, VD u SR, C‑339/20 u C‑397/20, EU:C:2022:703, punt 64).

41      Fl-ewwel lok, bħalma jsegwi mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 u mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 2018/2001, moqri fid-dawl tal-premessa 94 ta’ din tal-aħħar, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jarmonizza l-kriterji ta’ sostenibbiltà li l-bijokarburanti għandhom neċessarjament jissodisfaw sabiex l-enerġija prodotta minnhom tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, f’kull Stat Membru, għat-tliet għanijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 17(1) u fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 29(1), rispettivament. Dawn l-għanijiet huma, l-ewwel, il-verifika ta’ sa fejn l-Istati Membri jissodisfaw l-għanijiet nazzjonali tagħhom u l-għan tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2018/2001, rispettivament, it-tieni, l-evalwazzjoni tal-konformità mal-obbligi tagħhom fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, inkluż, fir-rigward tad-Direttiva 2018/2001, dik dwar is-sehem minimu tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fis-settur tat-trasport, stabbilita fl-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva tal-aħħar kif ukoll, it-tielet , l-ammissjoni eventwali għal għajnuna finanzjarja għall-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 28).

42      Dawn il-kriterji ta’ sostenibbiltà jiddependu minn fejn ġejja l-materja prima organika li minnha ġew prodotti l-bijokarburanti jew il-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ din il-materja prima. Għalhekk, pereżempju, il-bijokarburanti li huma prodotti minn materja prima li ġejja minn artijiet ta’ valur kbir f’termini ta’ diversità bijoloġika ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2009/28 jew fl-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2018/2001.

43      L-armonizzazzjoni mwettqa fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 u fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2018/2001 għandha għalhekk natura speċifika ħafna, sa fejn tikkonċerna biss il-bijokarburanti ddefiniti fil-punt (i) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28 u fil-punt 33 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2018/2001, rispettivament, bħala kull karburant jew bijokarburant likwidu jew f’forma ta’ gass użat għat-trasport u prodott mill-bijomassa, u sa fejn tispeċifika biss liema kriterji ta’ sostenibbiltà għandhom ikunu ssodisfatti minn tali bijokarburanti sabiex l-enerġija prodotta minnhom tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri għat-tliet għanijiet partikolari msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 17(1) u fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 29(1). F’kuntest iddefinit b’dan il-mod, din l-armonizzazzjoni hija, barra minn hekk, ta’ natura eżawrjenti peress li l-imsemmi Artikolu 17(8) u l-imsemmi Artikolu 29(12) tad-Direttiva 29/12 jispeċifikaw, fil-fatt, li l-Istati Membri ma jistgħux, għal dawn it-tliet għanijiet, jirrifjutaw li jieħdu inkunsiderazzjoni, għal raġunijiet oħra ta’ sostenibbiltà, il-bijokarburanti li jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-istess Artikoli 17 u 29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 32).

44      Minn naħa, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 u l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2018/2001 huma intiżi li jiżguraw, sabiex jiġi ggarantit il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent li jagħmel riferiment għalih l-Artikolu 95(3) KE, li sar l-Artikolu 114(3) TFUE, li l-bijokarburanti jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri, għat-tliet għanijiet ambjentali msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 17(1) u fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 29(1), fil-każ biss li dawn il-bijokarburanti josservaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà imposti, f’dan il-każ, mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 33).

45      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 u l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2018/2001, moqri fid-dawl tal-premessi 94 u 110 ta’ din tal-aħħar, huma intiżi sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ ta’ bijokarburanti sostenibbli bejn l-Istati Membri. Tali ffaċilitar huwa marbut prinċipalment mal-fatt li, bħalma ġie enfasizzat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, meta bijokarburanti, inklużi dawk li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra, jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti f’dawn l-Artikoli 17 u 29, l-Artikolu 17(8) tad-Direttiva 2009/28 u l-Artikolu 29(12) tad-Direttiva 2018/2001 jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jirrifjutaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-bijokarburanti sostenibbli, għat-tliet għanijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 17(1) u fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 29(1), “għal raġunijiet oħra ta' sostenibbiltà” għajr dawk stabbiliti fl-istess Artikoli 17 u 29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 34).

46      Għalkemm l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 u l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2018/2001 jippermettu, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, li jiġi ffaċilitat il-kummerċ ta’ bijokarburanti sostenibbli, madankollu mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistax jiġi dedott li dawn l-artikoli għandhom l-għan li jirregolaw ukoll l-evalwazzjoni tas-sehem ta’ enerġija rinnovabbli li hemm fil-karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar u, konsegwentement, li jarmonizzaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan is-sehem għat-tliet għanijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 17(1) u fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 29(1). Fil-fatt, bħalma għadu kif ġie espost, l-għan tal-imsemmija Artikoli 17 u 29 huwa biss li jirregolaw, billi jarmonizzawhom, il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għandhom jiġu ssodisfatti mill-bijokarburanti sabiex dawn ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni minn Stat Membru għal dawn it-tliet għanijiet.

47      F’din il-perspettiva, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2018/2001 sempliċement jipprevedu li, meta bijokarburanti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għat-tliet għanijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2009/28 u fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2018/2001, rispettivament, l-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-operaturi ekonomiċi juru li l-kriterji ta’ sostenibbiltà previsti f’dan l-Artikolu 17(2) sa (5) u f’dan l-Artikolu 29(2) sa (7) ġew osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 36).

48      Għal dan l-għan, mit-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu 18(1) u mit-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu 30 isegwi li l-Istati Membri huma meħtieġa li jeżiġu li dawn l-operaturi jużaw sistema msejħa “tal-bilanċ tal-massa” li għandha tissodisfa ċerti karetteristiċi ġenerali li huma speċifikati fil-punti (a) sa (c) u (a) sa (d), rispettivament, ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont dawn il-punti, tali sistema għandha, għalhekk, l-ewwel, tippermetti t-taħlita ta’ kunsinni ta’ materja prima jew ta’ bijokarburanti li jkollhom karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti, it-tieni, teżiġi li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà u dwar il-volum tal-imsemmija kunsinni tibqa’ assoċjata mat-taħlita u, it-tielet, tippermetti t-taħlit, għal bidliet ulterjuri, ta’ kunsinni ta’ materji prima ta’ kontenut enerġetiku differenti, bil-kundizzjoni li d-daqs tal-kunsinna jkun adattat skont il-kontenut enerġetiku u, ir-raba’, tipprevedi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 37).

49      Madankollu, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li għandhom bħala għan li jirregolaw ukoll l-evalwazzjoni tas-sehem ta’ enerġija rinnovabbli inkluża fil-karburanti prodotti skont il-proċedura ta’ kopproċessar u, konsegwentement, li jarmonizzaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan is-sehem għall-għanijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2009/28 u fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2018/2001.

50      Fil-fatt, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28 u l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2018/2001 għandhom l-għan wieħed li jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ verifika intiżi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 u tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2018/2001, rispettivament. Għalhekk, l-informazzjoni li l-operaturi ekonomiċi għandhom jissottomettu lill-Istati Membri skont it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 18(3) u l-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 30(3) tirrigwarda, qabelxejn, l-osservanza tal-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati f’dan l-Artikolu 17(2) sa (5) u f’dan l-Artikolu 29(2) sa (7) tal-istess direttivi.

51      It-tieni, għandu jitfakkar ukoll li s-sistemi ta’ verifika ta’ dawn il-kriterji ta’ sostenibbiltà imposti, skont il-każ, fuq l-operaturi ekonomiċi mill-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2009/28, u mal-Artikolu 30(1) u (3) tad-Direttiva 2018/2001, jikkostitwixxu biss wieħed mill-mezzi li jippermettu li tiġi żgurata tali verifika skont dawn id-direttivi. Fil-fatt, bħalma jsegwi minn dan l-Artikolu 18(4) u (5) u minn dan l-Artikolu 30(4) u (6), sistemi nazzjonali jew internazzjonali msejħa “volontarji” li jinkludu, huma wkoll, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar is-sistema tal-bilanċ tal-massa, jistgħu jiġu approvati mill-Kummissjoni, u l-imsemmi Artikolu 18(7) u l-imsemmi Artikolu 30(9) jipprevedu, f’dan ir-rigward, li, meta operatur ekonomiku jġib prova jew data miksuba fil-kuntest ta’ tali sistema, l-Istati Membri ma għandhomx jeżiġu li dan l-operatur ekonomiku jipprovdi provi oħra ta’ konformità mal-imsemmija kriterji ta’ sostenibbiltà.

52      Barra minn hekk, bħalma jsegwi mill-premessi 107, 109 u 110 tad-Direttiva 2018/2001, abbażi tal-esperjenza tal-implimentazzjoni prattika tal-istess kriterji ta’ sostenibbiltà, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried isaħħaħ, b’mod armonizzat, ir-rwol tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji nazzjonali jew internazzjonali mhux fl-evalwazzjoni tas-sehem ta’ enerġija rinnovabbli li tinsab fil-karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar, iżda biss fil-verifika tal-osservanza tal-istess kriterji ta’ sostenibbiltà previsti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28 u fl-Artikolu 29(2) sa (7) tad-Direttiva 2018/2001.

53      Fl-aħħar, mill-Artikolu 28(5) tad-Direttiva 2018/2001, moqri fid-dawl tal-premessa 126 tagħha, isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti ddelegati sabiex tissupplimenta din id-direttiva billi tippreċiża l-metodu li jiddetermina s-sehem tal-bijokarburant u tal-bijogass għat-trasport li jirriżulta mit-trasformazzjoni tal-bijomassa u tal-karburanti fossili matul l-istess proċess (proċess magħruf bħala “kopproċessar”).

54      Issa, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni, fil‑5 ta’ Ġunju 2023, adottat, b’implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ir-Regolament Delegat 2023/1640 tikkonferma li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li l-metodu tal-bilanċ tal-massa, previst fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2018/2001, jippermetti li tiġi żgurata l-evalwazzjoni tas-sehem ta’ enerġija ta’ oriġini rinnovabbli li tinsab fil-karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar u, konsegwentement, li jiġi armonizzat it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan is-sehem għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 25 u fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva.

55      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li peress li l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/28, kif ukoll l-Artikoli 29 u 30 tad-Direttiva 2018/2001 ma għandhomx l-għan li jirregolaw l-evalwazzjoni tas-sehem ta’ enerġija rinnovabbli li jinsab fil-karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar, dawn ma jistgħux, għalhekk, jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi t-twettiq ta’ analiżi fiżika tal-karbonju 14 tal-kontenut ta’ ŻVI ta’ dawn il-karburanti, meta dawn tal-aħħar jaslu fl-ewwel maħżen tat-taxxa ta’ dan l-Istat Membru, minkejja li l-imsemmija karburanti huma prodotti minn operatur li juża sistema volontarja ta’ monitoraġġ permezz tal-bilanċ tal-massa rrikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala kompleta skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28 u l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2018/2001.

56      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll l-Artikoli 29 u 30 tad-Direttiva 2018/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sistema ta’ monitoraġġ bil-bilanċ tal-massa kif ukoll l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li dawn l-artikoli jipprevedu għandhom l-għan li jevalwaw u jiġġustifikaw is-sostenibbiltà tal-materji prima u tal-bijokarburanti kif ukoll tat-taħlitiet tagħhom, u mhux li jirregolaw l-evalwazzjoni tas-sehem ta’ enerġija ta’ oriġini rinnovabbli li jinsab fil-karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar.

57      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq ittielet domanda

58      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ taxxa ta’ inċentiv għall-inkorporazzjoni ta’ bijokarburanti, it-twettiq ta’ analiżi fiżika tal-karbonju 14 tal-kontenut ta’ ŻVI ta’ karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar, meta dawn tal-aħħar jaslu fl-ewwel maħżen tat-taxxa ta’ dan l-Istat Membru, meta dawn il-karburanti jiġu prodotti f’fabbrika, li tinsab fi Stat Membru ieħor, li tuża sistema ta’ bilanċ tal-massa ċċertifikata minn sistema volontarja rrikonoxxuta mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28 u skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2018/2001, bħala kompleta, u filwaqt li l-karburanti prodotti skont dan il-proċess fl-ewwel Stat Membru ma humiex suġġetti għal tali analiżi meta jiġu rrilaxxati għall-konsum direttament mill-fabbrika u meta l-awtoritajiet ta’ dan l-ewwel Stat Membru jaċċettaw, sabiex jiġi ddeterminat għall-finijiet tat-TIRIB il-kontenut ta’ bijokarburanti li jista’ jiġi allokat għall-bżonnijiet ta’ din it-taxxa, li jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ medja ta’ inkorporazzjoni ta’ kull xahar tal-istabbiliment jew tal-fabbrika kkonċernati l-kontenut ta’ bijokarburanti tal-esportazzjonijiet jew tar-rilaxxi għall-konsum f’setturi li ma humiex it-trasport.

59      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali marbuta ma’ dan il-qasam għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux f’dawk tad-dritt primarju (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 76, u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O., C‑242/17, EU:C:2018:804, punt 52).

60      Bħalma ġie kkonstatat fil-punti 46 u 49ta’ din is-sentenza, la d-Direttiva 2009/28 u lanqas id-Direttiva 2018/2001 ma armonizzaw b’mod eżawrjenti l-metodi ta’ kontroll li jippermettu li jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ ŻVI ta’ karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar, b’tali mod li, l-Istati Membri jżommu marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, filwaqt li huma obbligati josservaw l-Artikolu 34 TFUE.

61      Wara li dan ġie ppreċiżat, għandu jitfakkar li, billi jipprojbixxi bejn l-Istati Membri l-miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, l-Artikolu 34 TFUE jirrigwarda kwalunkwe miżura nazzjonali li tista’ xxekkel direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, EU:C:1974:82, punt 5, kif ukoll tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige, C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li rekwiżit li ssir analiżi fiżika tal-karbonju 14 tal-kontenut ta’ ŻVI ta’ karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar, bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 266n tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 2019–570 u ċ-ċirkulari kkontestata, jista’ jostakola direttament u attwalment l-importazzjonijiet lejn Franza ta’ bijokarburanti prodotti skont dan il-proċess minn Stati Membri oħra.

63      Fil-fatt, bħalma jsegwi b’mod iktar partikolari mill-punt 114 taċ-ċirkulari kkontestata, dan ir-rekwiżit japplika biss għall-importazzjonijiet, għall-introduzzjoni intra-Komunitarji u għall-kunsinni nazzjonali ta’ karburant li jkun fih il-bijokarburant meta jaslu fl-ewwel maħżen tat-taxxa Franċiż, u mhux, bħalma tenfasizza l-qorti tar-rinviju, għall-bijokarburanti mmanifatturati skont il-proċess ta’ kopproċessar f’raffinerija li tinsab fi Franza u li jiġu rrilaxxati direttament għall-konsum f’dan l-Istat Membru mingħajr ma jiġu rċevuti f’maħżen tat-taxxa tal-ħażna.

64      L-imsemmi rekwiżit jista’ jirrendi iktar diffiċli l-aċċess għas-suq Franċiż għall-karburanti prodotti skont dan il-proċess li ġejjin minn Stati Membri li ma humiex Franza, kif barra minn hekk ammetta l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, peress li dan ir-rekwiżit jesponi lil dawn il-karburanti għal spejjeż ogħla mal-importazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru li għalihom ma humiex esposti l-prodotti paragunabbli mmanifatturati fl-imsemmi Stat Membru li ma jaslux f’maħżen tat-taxxa tal-ħażna u li huma direttament irrilaxxati għall-konsum fl-istess Stat Membru.

65      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, miżura nazzjonali li tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi. F’dawn iż-żewġ każijiet, il-miżura nazzjonali għandha, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun adatta sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O., C‑242/17, EU:C:2018:804, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li r-rekwiżit li ssir analiżi fiżika tal-karbonju 14 tal-karburanti prodotti skont il-proċedura ta’ kopproċessar jippermetti li tiġi kkalkolata l-bażi tat-TIRIB u jikkontribwixxi, b’dan il-mod, għall-promozzjoni tal-inkorporazzjoni tal-bijokarburanti, kif ukoll permezz tal-istess użu ta’ enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli, li huwa, bħala prinċipju, utli għall-protezzjoni tal-ambjent. F’dan is-sens, dan ir-rekwiżit huwa intiż, b’estensjoni tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll fl-Artikoli 3 u 25 tad-Direttiva 2018/2001, rispettivament, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konkreta tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li jinsabu fost il-kawżi prinċipali tat-tibdil fil-klima li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jiġġieldu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O., C‑242/17, EU:C:2018:804, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Bl-istess mod, sa fejn l-imsemmi rekwiżit huwa intiż, konformement mal-punti 109, 110, 114 u 115 taċ-ċirkulari kkontestata, sabiex jiġu ddeterminati l-volumi reali ta’ bijokarburanti li jinsabu f’karburant prodott skont il-proċess ta’ kopproċessar meta dawn jaslu f’maħżen tat-taxxa tal-ħażna, sabiex tiġi kkalkolata l-bażi ta’ stima tat-TIRIB, għandu jiġi kkunsidrat, bħalma osserva l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, li l-istess rekwiżit jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tar-riskju ta’ frodi fil-katina ta’ produzzjoni ta’ tali karburanti. Fil-fatt, bħalma enfasizzat il-qorti tar-rinviju, tali kontroll jippermetti li jkun magħruf b’ċertezza l-kontenut reali ta’ ŻVI preżenti f’kunsinna ta’ karburant prodott skont dan il-proċess u, għaldaqstant, li jiġi kkalkolat it-TIRIB eżattament.

68      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-frodi jistgħu jiġġustifikaw miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, sakemm dawn il-miżuri jkunu proporzjonati għall-għan imfittex (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O., C‑242/17, EU:C:2018:804, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri jekk hijiex adatta li tilħaq l-għanijiet leġittimi li ssegwi u jekk hijiex neċessarja biex isir dan (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O., C‑242/17, EU:C:2018:804, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fir-rigward tal-kapaċità tal-analiżi fiżika tal-karbonju 14 imsemmija miċ-ċirkulari kkontestata li tilħaq dawn l-għanijiet, għandu jiġi rrilevat li, skont il-qorti tar-rinviju, fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, ma jeżistux metodi oħra ta’ kontroll li jippermettu li jiġi ddeterminat il-kontenut reali ta’ molekuli msejħa “ta’ oriġini bijoloġika”, bħaż-ŻVI, ta’ karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li r-Regolament Delegat 2023/1640 jipprevedi, fl-Artikolu 2 tiegħu, li l-analiżi fiżika tal-karbonju 14 tikkostitwixxi, jekk ma hijiex il-metodu uniku għad-determinazzjoni tal-kontenut bijoġeniku ta’ karburant prodott skont il-proċess ta’ kopproċessar, tal-inqas il-metodu ta’ verifika komplementari jekk jintużaw metodi oħra mill-operatur ekonomiku kkonċernat.

72      Għaldaqstant jidher li r-rekwiżit li ssir din l-analiżi huwa xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet identifikati fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza.

73      Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li miżura restrittiva tista’ tiġi kkunsidrata bħala adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex biss jekk effettivament tkun tista’ twassal li jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li r-rekwiżit li titwettaq analiżi fiżika tal-karbonju 14 jagħmel parti minn politika iktar ġenerali intiża għall-promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli. Madankollu, jirriżulta, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, li l-użu ta’ din l-analiżi ma huwiex meħtieġ, minn naħa, f’dak li jikkonċerna l-bijokarburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar f’raffinerija li tinsab fit-territorju Franċiż li jiġu rrilaxxati għall-konsum f’dan l-Istat Membru direttament mill-fabbrika, mingħajr ma jiġu rċevuti f’maħżen tat-taxxa, u min-naħa l-oħra, meta jiġi evalwat il-kontenut ta’ bijokarburanti tal-esportazzjonijiet jew tar-rilaxx għall-konsum f’setturi oħra minbarra t-trasport fuq il-bażi ta’ medja ta’ inkorporazzjoni ta’ kull xahar ta’ bijokarburanti fl-istabbiliment jew fl-impjant ikkonċernati.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 100 u 102 tal-konklużjonijiet tiegħu u bla ħsara għall-verifiki li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel, tali rekwiżit ma jidhirx li huwa xieraq sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imfittxija, peress li ma jissodisfax verament l-intenzjoni li dawn jintlaħqu b’mod koerenti u sistematiku.

76      Sa fejn, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż sostna li fir-realtà d-dritt Franċiż ma jipprovdix għal differenza fit-trattament tal-bijokarburanti skont l-oriġini tagħhom, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju. Għalhekk, l-eżami ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax isir fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali invokata mill-Gvern ta’ Stat Membru (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment)), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ taxxa ta’ inċentiv għall-inkorporazzjoni ta’ bijokarburanti, it-twettiq ta’ analiżi fiżika tal-karbonju 14 tal-kontenut ta’ ŻVI ta’ karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar, meta dawn tal-aħħar jaslu fl-ewwel maħżen tat-taxxa ta’ dan l-Istat Membru, meta dawn il-karburanti jiġu prodotti f’fabbrika, li tinsab fi Stat Membru ieħor, li tuża sistema volontarja ta’ bilanċ tal-massa rrikonoxxuta mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28 u skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2018/2001, bħala kompleta, u filwaqt li l-karburanti prodotti skont dan il-proċess fl-ewwel Stat Membru ma humiex suġġetti għal tali analiżi meta jiġu rrilaxxati għall-konsum direttament mill-fabbrika u meta l-awtoritajiet ta’ dan l-ewwel Stat Membru jaċċettaw, sabiex jiġi ddeterminat għall-finijiet tat-TIRIB il-kontenut ta’ bijokarburanti li jista’ jiġi allokat għall-bżonnijiet ta’ din it-taxxa, li jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ medja ta’ inkorporazzjoni ta’ kull xahar tal-istabbiliment jew tal-fabbrika kkonċernati l-kontenut ta’ bijokarburanti tal-esportazzjonijiet jew tar-rilaxxi għall-konsum f’setturi li ma humiex it-trasport.

 Fuq lispejjeż

78      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad9 ta’ Settembru 2015, kif ukoll l-Artikoli 29 u 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

is-sistema ta’ bilanċ tal-massa kif ukoll is-sistemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali previsti minn dawn l-artikoli għandhom l-għan li jevalwaw u li jiġġustifikaw is-sostenibbiltà tal-materji prima u tal-bijokarburanti kif ukoll tat-taħlitiet tagħhom, u mhux li jirregolaw l-evalwazzjoni tas-sehem ta’ enerġija rinnovabbli inkluż fil-karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar.

2)      L-Artikolu 34 TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ taxxa ta’ inċentiv għall-inkorporazzjoni ta’ bijokarburanti, it-twettiq ta’ analiżi fiżika tal-karbonju 14 tal-kontenut ta’ bijokarburanti (ŻVI) ta’ karburanti prodotti skont il-proċess ta’ kopproċessar, meta dawn tal-aħħar jaslu fl-ewwel maħżen tat-taxxa ta’ dan l-Istat Membru, meta dawn il-karburanti jiġu prodotti f’fabbrika, li tinsab fi Stat Membru ieħor, li tuża sistema volontarja ta’ bilanċ tal-massa rrikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28 u skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2018/2001, bħala kompleta, u filwaqt li l-karburanti prodotti skont dan il-proċess fl-ewwel Stat Membru ma humiex suġġetti għal tali analiżi meta jiġu rrilaxxati għall-konsum direttament mill-fabbrika u meta l-awtoritajiet ta’ dan l-ewwel Stat Membru jaċċettaw, sabiex jiġi ddeterminat għall-finijiet tat-TIRIB il-kontenut ta’ bijokarburanti li jista’ jiġi allokat għall-bżonnijiet ta’ din it-taxxa, li jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ medja ta’ inkorporazzjoni ta’ kull xahar tal-istabbiliment jew tal-fabbrika kkonċernati l-kontenut ta’ bijokarburanti tal-esportazzjonijiet jew tar-rilaxxi għall-konsum f’setturi li ma humiex it-trasport.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top