Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0447

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Settembru 2024.
    Ir-Repubblika tas-Slovenja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 107 u 108 TFUE – Miżuri mogħtija mir-Repubblika tas-Slovenja lil network ta’ spiżeriji bl-imnut muniċipali qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea – Fażi ta’ eżami preliminari – Assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Kunċett ta’ ‘diffikultajiet serji’ – Portata tal-obbligi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Oneru tal-prova fuq il-parti li tinvoka l-eżistenza ta’ ‘diffikultajiet serji’ – Portata.
    Kawża C-447/22 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:678

    Edizzjoni Provviżorja

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    5 ta’ Settembru 2024 (*)

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 107 u 108 TFUE – Miżuri mogħtija mir-Repubblika tas-Slovenja lil network ta’ spiżeriji bl-imnut muniċipali qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea – Fażi ta’ eżami preliminari – Assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Kunċett ta’ ‘diffikultajiet serji’ – Portata tal-obbligi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Oneru tal-prova fuq il-parti li tinvoka l-eżistenza ta’ ‘diffikultajiet serji’ – Portata”

    Fil-Kawża C‑447/22 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑6 ta’ Lulju 2022,

    Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn B. Jovin Hrastnik, J. Morela u N. Pintar Gosenca, bħala aġenti,

    rikorrenti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Petra Flašker, residenti fi Grosuplje (is-Slovenja), irrappreżentata minn K. Zdolšek, odvetnica,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Farley u C. Georgieva, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Rantos,

    Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Jannar 2024,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ April 2024,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ April 2022, Flašker vs Il‑Kummissjoni (T‑392/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:245), li permezz tagħha hija annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 1724 final tal‑24 ta’ Marzu 2020, li tagħlaq l-eżami tal-miżuri li jikkonċernaw il-katina ta’ spiżeriji pubbliċi Lekarna Ljubljana fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jinsabu fl-Artikoli 107 u 108 TFUE (Każ SA.43546 (2016/FC) – Slovenja, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna l-attivi taħt il-ġestjoni ta’ din l-ispiżerija pubblika.

     Ilkuntest ġuridiku

     Iddritt talUnjoni

     ItTrattat ta’ Adeżjoni u lAtt ta’ Adeżjoni

    2        It-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea) u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka ma’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 17), ġie ffirmat mir-Repubblika tas-Slovenja fis‑16 ta’ April 2003 u daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Adeżjoni”).

    3        Skont l-Artikolu 1(2) tat-Trattat ta’ Adeżjoni, il-kundizzjonijiet tad-dħul u l-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea jinsabu fl-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”), liema att huwa anness mat-Trattat ta’ Adeżjoni u li d-dispożizzjonijiet tiegħu jagħmlu parti integrali minnu.

    4        L-Artikolu 22 tal-Att ta’ Adeżjoni jistabbilixxi li l-miżuri mniżżla fil-lista li tinsab fl-Anness IV tiegħu għandhom jiġu applikati skont il-kundizzjonijiet iddefiniti f’dan l-anness.

    5        Il-punt 3 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, intitolat “Il-politika dwar il-kompetizzjoni”, jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

    “L-iskemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li ġejjin li kienu fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data ta’ l-adeżjoni u li jkunu għadhom japplikaw wara dik id-data, għandhom jitqiesu ma’ l-adeżjoni bħala għajnuna eżistenti fis-sens ta’ l-Artikolu [108(1) TFUE]:

    (a)      miżuri ta’ għajnuna li daħlu fis-seħħ qabel l‑10 ta’ Diċembru 1994;

    (b)      miżuri ta’ għajnuna elenkati fl-Appendiċi ta’ dan l-Anness;

    (ċ)      miżuri ta’ għajnuna li qabel id-data ta’ l-adeżjoni kienu valutati mill-awtorità li tissorvelja l-għajnuna mogħtija mill-Istat ta’ l-Istat Membru l-ġdid u meqjusa bħala kompatibbli ma’ l-acquis, u li dwarhom il-Kummissjoni [Ewropea] ma ressqet l-ebda oġġezzjoni abbażi ta’ dubji serji dwar jekk il-miżura tkunx kompatibbli mas-suq komuni, skond il-proċedura stipulata fil-paragrafu 2.

    Kull miżura li tibqa’ tapplika wara d-data ta’ l-adeżjoni li hija miżura ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat u li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati hawn qabel, għandha ma’ l-adeżjoni tiġi meqjusa bħala għajnuna ġdida għall-iskopjiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108(3) TFUE.]”

     IrRegolament (UE) 2015/1589

    6        Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), huwa fformulat kif ġej:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)      ‘għajnuna’ tfisser kull miżura li tissodisfa l-kriterja kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) [TFUE];

    (b)      ‘għajnuna eżistenti’ tfisser:

    (i)       mingħajr preġudizzju […] għall-punt 3 u l-Appendiċi tal-Anness IV tal-[Att tal-Adeżjoni], l-għajnuna kollha li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-TFUE fl-Istati Membri rispettivi, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-TFUE fl-Istat Membri rispettiv;

    […]

    (c)      ‘għajnuna ġdida’ tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti;

    […]”

    7        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżami preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 sa 5 tiegħu, li:

    “2.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

    3.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibilità mas-suq intern, safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) [TFUE], hija tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern (‘deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni skont it-[Trattat FUE] tkun ġiet applikata.

    4.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibilità mas-suq intern, hija tiddeċiedi li għandhom jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 108(2) [TFUE] (‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni’).

    5.      Id-deċiżjonijiet li imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. […]”

     IrRegolament (KE) Nru 794/2004

    8        L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 72, p. 89), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2282 tas‑27 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 325, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 794/2004”), intitolat “Proċeduri simplifikati ta' notifikazzjoni għal ċerti alterazzjonijiet għal għajnuna eżistenti”, jipprevedi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, li, għall-finijiet tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, “alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni [intern].”

     Ilfatti li wasslu għallkawża u ddeċiżjoni kontenzjuża

    9        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 2 sa 13 tas-sentenza appellata kif ġej:

    “2      Fl‑1979, f’Ljubljana (Slovenja), dak iż-żmien fir-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavja, inħolqot entità msejħa Lekarna Ljubljana [p.o.], inkarigata mid-distribuzzjoni fl-ispiżeriji ta’ prodotti farmaċewtiċi. Skont l-indikazzjonijiet mogħtija [lill-Kummissjoni] mill-awtoritajiet Sloveni, din l-entità kellha ‘attivi’ li jippermettulha teżerċita l-funzjoni tagħha. Skont [Petra Flašker, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza], bħalissa spiżjara fi spiżerija bl-imnut, din l-entità kienet ‘organizzazzjoni ta’ ħidma konġunta’, li ma teżerċitax attività ekonomika fis-suq u li ma għandhiex il-kapaċità li jkollha proprjetà.

    3      Wara l-indipendenza [tar-Repubblika tas-Slovenja, iż-Zakon o zavodih (il-Liġi dwar l-Istabbilimenti)], li tkopri b’mod partikolari l-istabbilimenti pubbliċi intiżi li jagħtu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, ġiet adottata fl‑1991. L-Artikolu 48 ta’ din il-liġi jistabbilixxi li:

    ‘L-istabbiliment għandu jislet ir-riżorsi tiegħu għall-funzjoni tiegħu minn għotjiet tal-fundatur tiegħu, mill-bejgħ ta’ prodotti u ta’ servizzi u minn sorsi oħra previsti f’din il-liġi.’

    4      Is-sena ta’ wara, [iż-Zakon o lekarniški dejavnosti (il-Liġi dwar l-Ispiżeriji) ġiet adottata. Din il-liġi] kienet tistipula l-eżistenza ta’ stabbilimenti pubbliċi ta’ spiżeriji flimkien ma’ spiżeriji privati kif ukoll ir-responsabbiltà tal-muniċipalitajiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ spiżeriji fit-territorju tagħhom. L-ispiżeriji privati jingħataw awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju fil-forma ta’ konċessjoni mogħtija mill-muniċipalità kkonċernata wara sejħa għal offerti. L-istabbilimenti pubbliċi ta’ spiżerija huma stabbiliti mill-muniċipalitajiet, li huma involuti fil-ġestjoni tagħhom, u huma rregolati mill-att fundatur tagħhom. Skont il-Kummissjoni, bħalissa fis-Slovenja hemm madwar 25 stabbiliment pubbliku ta’ spiżerija, li joperaw madwar 200 spiżerija bl-imnut, u 100 spiżerija privata.

    5      Abbażi tal-liġijiet imsemmija fil-punti 3 u 4 iktar ’il fuq, fl‑1997, il-muniċipalità ta’ Ljubljana, permezz ta’ digriet, ħolqot l-istabbiliment pubbliku ta’ spiżerija Javni Zavod Lekarna Ljubljana (iktar ’il quddiem ‘Lekarna Ljubljana’), filwaqt li spjegat li dan kien is-suċċessur legali ta’ Lekarna Ljubljana [p.o.] u kien qed jieħu d-drittijiet u l-obbligi ta’ [dan tal-aħħar].

    6      Lekarna Ljubljana jiġġestixxi llum madwar 50 spiżerija bl-imnut fis-Slovenja, prinċipalment f’Ljubljana, iżda wkoll madwar ħmistax f’komuni oħra. Fi Grosuplje, fejn [ir-rikorrenti fl-ewwel istanza] topera l-ispiżerija privata tagħha, huma stabbiliti żewġ spiżeriji bl-imnut ta’ Lekarna Ljubljana.

    7      Permezz ta’ ilment uffiċjali mressaq fis‑27 ta’ April 2016 fi ħdan il-Kummissjoni, wara kuntatti preliminari mas-servizzi tagħha, [ir-rikorrenti fl-ewwel istanza] rrappurtat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 TFUE […] favur Lekarna Ljubljana. Fost il-miżuri identifikati waqt l-investigazzjoni ta’ dan l-ilment hemm ‘l-għoti ta’ attivi taħt ġestjoni’ b’kundizzjonijiet li, skont [ir-rikorrenti fl-ewwel istanza], ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet tas-suq. [Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza] ssemmi, bħala tali attivi, bini kummerċjali.

    8      Kien hemm diversi skambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Sloveni, minn naħa, u [r-rikorrenti fl-ewwel istanza], min-naħa l-oħra. F’żewġ okkażjonijiet, il-Kummissjoni kkomunikat [lir-rikorrenti fl-ewwel istanza] evalwazzjoni preliminari li abbażi tagħha l-miżuri identifikati ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. [Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza] kull darba żammet l-ilment tagħha billi pprovdiet informazzjoni addizzjonali u ġiet sostnuta fl‑2018 minn sittax‑il spiżerija privata oħra fis-Slovenja.

    9      Fl‑24 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni bagħtet id-deċiżjoni kontenzjuża lir-Repubblika tas-Slovenja. [Din] ġiet adottata mingħajr mal-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ eżami fil-fond prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 73 ta’ din id-deċiżjoni, li l-eżami tal-erba’ miżuri favur Lekarna Ljubljana identifikati bil-mod segwenti [mir-rikorrenti fl-ewwel istanza] matul l-investigazzjoni, jiġifieri il-benefiċċju, mogħti mill-muniċipalità ta’ Skofljica (Slovenja), ta’ kiri fit-tul mingħajr ħlas, l-għoti ta’ attivi taħt ġestjoni mill-muniċipalità ta’ Ljubljana, l-eżenzjoni ta’ drittijiet ta’ konċessjoni minn diversi muniċipalitajiet u l-abbandun ta’ profitti li kellhom jiġu kondiviżi ma’ diversi muniċipalitajiet, ma kienx żvela l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Madankollu, fir-rigward tal-għoti ta’ attivi taħt ġestjoni, il-Kummissjoni tesponi preċedentement, fil-premessi 37 sa 40 tad-[deċiżjoni kontenzjuża], li, jekk l-għoti ta’ tali attivi seta’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, dan kien allura ‘għajnuna eżistenti’.

    10      Il-motivazzjoni li tinsab f’dawn l-aħħar premessi hija s-segwenti. Wara li fakkret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48 tal-Liġi dwar l-Istabbilimenti, iċċitata fil-punt 3 iktar ’il fuq, u wara li indikat, minn naħa, li l-muniċipalità ta’ Ljubljana kellha minħabba f’hekk tagħti lil Lekarna Ljubljana attivi sabiex [huwa] jkun jista’ jibda l-attività tiegħu u, min-naħa l-oħra, li kull attiv akkwistat minn Lekarna Ljubljana, inkluż mill-mezzi tiegħu stess, huwa elenkat bħala ‘attiv taħt il-ġestjoni’ skont ir-regoli tal-kontabbiltà pubblika, hija tispjega li, skont l-awtoritajiet Sloveni, il-muniċipalità ta’ Ljubljana, fl‑1979, tat lil Lekarna Ljubljana [p.o.] attivi neċessarji għall-bidu tal-attivitajiet tagħha, li fl‑1997 dawn l-attivi ġew ittrasferiti lis-suċċessur fid-dritt tagħha, jiġifieri Lekarna Ljubljana, u li l-attivi l-oħra kollha akkwistati wara minn dawn iż-żewġ entitajiet mill‑1979 ġew miksuba bil-mezzi tagħhom stess fis-suq u skont il-kundizzjonijiet tas-suq. L-uniċi attivi taħt ġestjoni li jistgħu jirrappreżentaw għajnuna mill-Istat huma għalhekk dawk li ħarġu mill-għoti inizjali ta’ attivi lil Lekarna Ljubljana [p.o.], li fl‑1997 ġew ittrasferiti lil Lekarna Ljubljana.

    11      Sussegwentement hija tagħmel riferiment għall-Anness IV tal-[Att ta’ Adeżjoni], b’mod partikolari l-punt 3 tiegħu, li jirrigwarda l-politika tal-kompetizzjoni. Hija tindika li, skont il-paragrafu 1 tiegħu, ‘[l]-iskemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li ġejjin li kienu fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data ta’ l-adeżjoni u li jkunu għadhom japplikaw wara dik id-data, għandhom jitqiesu ma’ l-adeżjoni bħala għajnuna eżistenti [fis-sens tal-Artikolu 108(1) TFUE]: (a) miżuri ta’ għajnuna li daħlu fis-seħħ qabel l‑10 ta’ Diċembru 1994 […]’.

    12      Hija tfakkar ukoll li l-Artikolu 1(c) tar-Regolament [2015/1589] jiddefinixxi bħala ‘għajnuna ġdida’ ‘kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti’. Hija tfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, ‘[…] alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq [intern]’.

    13      Minn dan hija tikkonkludi li, sa fejn l-għoti ta’ attivi taħt ġestjoni rriżulta f’għajnuna mill-Istat, dan kien għalhekk għajnuna eżistenti, għaliex din l-għajnuna kienet ingħatat fl-okkażjoni tal-istabbiliment ta’ Lekarna Ljubljana [p.o.] fl‑1979. Is-sostituzzjoni ta’ [din tal-aħħar] minn Lekarna Ljubljana fl‑1997 hija ta’ natura purament amministrattiva, peress li l-kuntest legali ma nbidilx, u lanqas l-użu u l-kundizzjonijiet ta’ użu tal-attivi kkonċernati. Din is-sostituzzjoni għalhekk ma tistax tikkostitwixxi bidla ta’ għajnuna eżistenti u l-għajnuna inkwistjoni konsegwentament tibqa’ dejjem għajnuna ta’ din in-natura.”

     Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

    10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ġunju 2020, Petra Flašker ippreżentat rikors skont l-Artikolu 263 TFUE intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    11      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza qajmet tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti kif ukoll fuq żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti relatati mal-għoti ta’ attivi taħt ġestjoni, li jwassal għal ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, u, it-tielet, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx legalment tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma tibda l-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

    12      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet motiv u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikkonċerna l-attivi taħt il-ġestjoni ta’ Lekarna Ljubljana.

    13      Wara li, fil-punt 17 tas-sentenza appellata, illimitat il-portata tar-rikors biss għall-miżuri li jikkonċernaw l-“attivi taħt ġestjoni” u ppreċiżat, fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li kien hemm lok li jiġi analizzat it-tielet motiv tar-rikors fid-dawl, b’mod partikolari, tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-kuntest tat-tieni motiv, kif miġbura fil-qosor fil-punt 19 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet analiżi li tikkonċerna l-attivi taħt ġestjoni inkwistjoni billi ddistingwiet dawk mogħtija lil Lekarna Ljubljana p.o. waqt il-ħolqien tagħha matul is-sena 1979, u dawk mogħtija lil Lekarna Ljubljana p.o. u lil Lekarna Ljubljana wara din is-sena 1979.

    14      Fl-ewwel lok, fil-punti 40 sa 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat l-attivi taħt ġestjoni inkorporati minn Lekarna Ljubljana p.o. u Lekarna Ljubljana wara s-sena 1979 (iktar ’il quddiem l-“ewwel miżura inkwistjoni”).

    15      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat qabelxejn, fil-punt 40 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet illimitat ruħha, kif jirriżulta mill-premessa 36 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li ssemmi l-affermazzjoni tal-awtoritajiet Sloveni li tgħid li l-attivi kollha taħt ġestjoni akkwistati minn Lekarna Ljubljana p.o. u minn Lekarna Ljubljana wara s-sena 1979 kienu ġew akkwistati skont il-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr ebda appoġġ pubbliku, minkejja li ebda prova konkreta ma kienet ġiet prodotta mill-awtoritajiet Sloveni insostenn ta’ din l-affermazzjoni.

    16      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-diversi dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, intiżi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “diffikultajiet serji” sabiex tiddetermina jekk kinitx ingħatat għajnuna mill-Istat taħt l-ewwel miżura inkwistjoni. F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ estratt mir-rapport annwali ta’ Lekarna Ljubljana għas-sena 2012, kif imsemmi fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li jsemmi żewġ proprjetajiet immobbli li kienu ġew ittrasferiti lil dan tal-aħħar mill-muniċipalità ta’ Ljubljana bħala attivi taħt ġestjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmi trasferiment kien twettaq f’kundizzjonijiet tas-suq, jew inkella, mingħajr ħlas jew taħt kundizzjonijiet preferenzjali. Barra minn hekk, wara li kkonstatat, fil-punt 47 ta’ dik is-sentenza, li Lekarna Ljubljana kien jaqa’, l-ewwel nett, fil-kategorija tal-benefiċjarji prevista fl-Artikolu 24 taż-Zakon o stvarnem premoženju države in samoupravnih lokalnih skupnosti (il-Liġi dwar l-Attivi Fiżiċi tal-Istat u tal-Amministrazzjonijiet Lokali), li jipprovdi li l-Istat u l-amministrazzjonijiet lokali jistgħu jipprovdu mingħajr ħlas attivi fiżiċi lill-entitajiet pubbliċi minbarra l-kumpanniji pubbliċi, jekk dan ikun fl-interess pubbliku, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punt 48 tal-imsemmija sentenza, l-estratti differenti ta’ kontijiet pubbliċi pprovduti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li enfasizzaw ċerti diskrepanzi bejn iċ-ċifri tal-muniċipalità ta’ Ljubljana dwar il-valur tal-attivi mogħtija taħt ġestjoni lil Lekarna Ljubljana u ċ-ċifri li jirriżultaw mill-kontijiet pubbliċi ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fl-istess punt 48 tas-sentenza appellata, li “ma [kienx] possibbli li wieħed ikun jaf, fid-dawl biss ta’ dawn il-kontijiet pubbliċi, li, fi ħdan l-attivi mogħtija taħt ġestjoni lil Lekarna Ljubljana, x’[kien] jikkorrispondi rispettivament għal attivi immobbli li kienu ġew pprovduti lilu mingħajr ħlas jew f’kundizzjonijiet preferenzjali mill-muniċipalità ta’ Ljubljana, għal attivi immobbli akkwistati f’kundizzjonijiet tas-suq minn Lekarna Ljubljana jew għal attivi finanzjarji jew monetarji”.

    17      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, fil-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx neħħiet id-dubji, ħaġa li kellha tagħmel, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-attivi taħt ġestjoni inkorporati minn Lekarna Ljubljana wara s-sena 1979 kinux inkisbu f’kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, filwaqt li l-provi prodotti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza matul il-proċedura amministrattiva, kif imsemmija fil-punti 45 sa 48 ta’ dik is-sentenza, kienu juru l-eżistenza ta’ “sitwazzjoni mhux ċara” dwar in-natura u l-istatus ta’ dawn l-attivi taħt ġestjoni, kienet il-Kummissjoni, fil-preżenza ta’ tali sitwazzjoni ta’ inċertezza, li kellha tapprofondixxi l-investigazzjonijiet sabiex tiddetermina jekk, fost l-imsemmija attivi taħt ġestjoni, kienx hemm attivi li jikkorrispondu għal għajnuna mill-Istat, peress li din id-determinazzjoni ma tistax titqies li taqa’ taħt l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq ir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

    18      Fit-tieni lok, fil-punti 51 sa 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat l-attivi mogħtija matul is-sena 1979 lil Lekarna Ljubljana p.o. sabiex tibda l-attivitajiet tagħha u ttrasferiti, matul is-sena 1997, lil Lekarna Ljubljana (iktar ’il quddiem it-“tieni miżura inkwistjoni”).

    19      Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 38 u 39 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni qieset, kemm fid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub, li, jekk jitqies li t-tieni miżura inkwistjoni hija għajnuna mill-Istat, hija kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti ta’ natura individwali u mhux skema ta’ għajnuna li taqa’ taħt l-eżami permanenti previst fl-Artikolu 108(1) TFUE, b’tali mod li hija ma ddeċidietx dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ din l-għajnuna eżistenti eventwali.

    20      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali semmiet, fil-punti 51, 52 u 54 tas-sentenza appellata, minn naħa, id-diversi elementi prodotti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ma ġewx kontradetti mill-Kummissjoni, intiżi sabiex juru li Lekarna Ljubljana kien jopera f’kundizzjonijiet differenti meta mqabbla mal-entità li tagħha sar is-suċċessur matul is-sena 1997, u, min-naħa l-oħra, il-bidliet prinċipali li seħħew fis-suq Sloven bejn id-data inizjali tal-għoti tal-attivi taħt ġestjoni inkwistjoni u dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Dawn il-bidliet kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-ftuħ tas-suq farmaċewtiku Sloven għall-kompetizzjoni minħabba l-adozzjoni, matul is-sena 1992, tal-Liġi dwar l-Ispiżeriji, li kienet fetħet dan is-settur għall-ekonomija tas-suq, kif ukoll, sussegwentement, tal-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja mal-Unjoni, fl‑1 ta’ Mejju 2004. Issa, filwaqt li dawn id-diversi elementi kienu relatati mal-kuntest legali u ekonomiku li l-Kummissjoni kellha tifhem sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni informata fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali rrilevat li din l-istituzzjoni affermat sempliċement, kif jirriżulta mill-premessa 39 ta’ dik id-deċiżjoni, u mingħajr ma ssostanzjat suffiċjentement din l-affermazzjoni, li s-suċċessjoni, matul is-sena 1997, bejn Lekarna Ljubljana p.o. u Lekarna Ljubljana kienet ta’ natura purament amministrattiva u li l-kuntest legali kif ukoll l-użu u l-kundizzjonijiet ta’ użu tal-attivi inkwistjoni ma kinux inbidlu, b’tali mod li l-għajnuna eżistenti fis-seħħ f’dak il-mument ma kinitx inbidlet u baqgħet għajnuna ta’ din in-natura.

    21      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, eżaminat il-kwistjoni dwar jekk id-diversi elementi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza setgħux jagħtu x’jifhem, kif sostniet ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li t-tieni miżura inkwistjoni, jekk jitqies li din kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, setgħet titqies, minħabba bidliet li saru fil-frattemp, bħala għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

    “[H]uwa paċifiku li, fl‑10 ta’ Diċembru 1994, Lekarna Ljubljana [p.o.] kienet għadha teżisti, li l-muniċipalità ta’ Ljubljana kienet għadha kemm inħolqot u li l-Liġi tal‑1992 dwar l-Ispiżeriji, li fetħet is-settur għall-ekonomija tas-suq, kienet diġà ġiet adottata. Madankollu, ma hemm l-ebda informazzjoni fid-deċiżjoni [kontenzjuża] dwar jekk spiżeriji privati kinux diġà kisbu konċessjonijiet muniċipali f’dik id-data u jekk Lekarna Ljubljana [p.o.] kinitx għadha f’sitwazzjoni ta’ monopolju fiż-żona ta’ attività tagħha. Għalhekk, is-sitwazzjoni ‘inizjali’ hija inċerta. Skont [ir-rikorrenti fl-ewwel istanza], fl‑1997, fil-mument tas-sostituzzjoni ta’ Lekarna Ljubljana [p.o.] b’Lekarna Ljubljana, is-suq kien kompetittiv. Fid-dawl tal-indikazzjonijiet mhux kontradetti pprovduti mir-[rikorrenti fl-ewwel istanza], Lekarna Ljubljana jista’ jkollu differenzi pjuttost notevoli meta mqabbel mal-entità li tagħha sar is-suċċessur fl‑1997: huwa għandu l-kapaċità li jakkwista proprjetajiet, u huwa għamel dan skont il-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li barra minn hekk jippermetti li wieħed jistaqsi jekk, għaldaqstant, il-kontinwazzjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ attivi immobbli taħt ġestjoni mingħajr sjieda tistax dejjem tkun iġġustifikata; għandu, mill-inqas mill‑2007 ’il quddiem, skop ta’ lukru bl-għan li jiġġenera riżorsi li jiffinanzjaw attivitajiet oħra minbarra tiegħu; barra minn hekk, huwa jista’ wkoll, mill‑2007, jestendi l-attività tiegħu lil hinn mit-territorju tal-muniċipalità ta’ Ljubljana, ħaġa li għamel. Barra minn hekk, ir-riżultati finanzjarji tiegħu, kif enfasizzati [mir-rikorrenti fl-ewwel istanza] fir-risposta tagħha għall-ewwel evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, jistgħu jwasslu għal attività f’espansjoni netta. […]”

    22      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, fil-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata, li, peress li l-Kummissjoni naqset milli twettaq, fuq inizjattiva tagħha stess, eżami iktar fil-fond dwar l-iżvilupp tal-kuntest legali u ekonomiku tal-attività farmaċewtika fis-Slovenja, ma setgħet teżisti ebda ċertezza fir-rigward tal-assenza ta’ bidla, wara l‑10 ta’ Diċembru 1994, tal-għajnuna eżistenti inkwistjoni, b’tali mod li kien hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni ma kinitx neħħiet id-dubji eżistenti f’dan ir-rigward.

    23      Għalhekk il-Qorti Ġenerali indikat fil-punt 56 tas-sentenza appellata li:

    “[I]l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji li kellhom iwassluha sabiex tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE f’din il-kawża. Barra minn hekk, l-eżami fil-fond li din l-aħħar proċedura tinvolvi kien jippermetti, jekk ikun hemm bżonn, lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod informat dwar il-kwistjonijiet li ġejjin: il-preżenza stess ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, fil-każ tal-għoti lil Lekarna Ljubljana ta’ attivi taħt ġestjoni mingħajr ħlas jew preferenzjali mill-muniċipalità ta’ Ljubljana, il-klassifikazzjoni ta’ tali attivi bħala għajnuna eżistenti jew bħala għajnuna ġdida u l-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna koperta minn skema ta’ għajnuna. Dan kien jippermetti lill-Kummissjoni torjenta l-bqija tal-proċedura b’għarfien tajjeb tal-kwistjoni sabiex, jekk ikun hemm bżonn, tevalwa l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżuri li rriżultaw li huma għajnuna, eżistenti jew ġdida, li jeħtieġu tali evalwazzjoni.”

     Ittalbiet talpartijiet

    24      Ir-Repubblika tas-Slovenja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tannulla s-sentenza appellata;

    –        prinċipalment, jekk il-kawża tkun fi stat li tiġi deċiża, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza kif ukoll tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, u

    –        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

    25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tannulla s-sentenza appellata;

    –        prinċipalment, jekk il-kawża tkun fi stat li tiġi deċiża, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż, u

    –        sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

    26      Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tiċħad l-appell u

    –        tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.

     Fuq lappell

    27      Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja tqajjem erba’ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE u tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament 2015/1589, kif ukoll fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” fir-rigward tal-ewwel miżura inkwistjoni; it-tieni, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-fatti u żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet serji għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tat-tieni miżura inkwistjoni bħala “għajnuna eżistenti”, it-tielet, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali u, ir-raba’, fuq ksur tad-dritt tal-Kummissjoni għal rimedju effettiv u għal qorti imparzjali, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    28      Għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell, li jirrigwardaw, essenzjalment, żbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kunċett ta’ “diffikultajiet serji”.

     Fuq lewwel u ttieni aggravju

     Largumenti talpartijiet

    29      Permezz tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tas-Slovenja tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli, fir-rigward tal-ewwel miżura inkwistjoni, iddefinixxiet b’mod żbaljat il-portata tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni matul il-fażi ta’ eżami preliminari, kif ukoll talli adottat standard ġuridiku żbaljat fir-rigward tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ “diffikultajiet serji”, li jistgħu jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE. B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjoni dwar in-natura u l-istatus tal-attivi taħt ġestjoni mogħtija lil Lekarna Ljubljana p.o. u lil Lekarna Ljubljana wara s-sena 1979 kienet “mhux ċara”. Kien ukoll b’mod żbaljat li hija kkonkludiet, fil-punt 50 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx neħħiet id-dubji dwar jekk dawn l-entitajiet kinux akkwistaw l-attivi kollha taħt il-ġestjoni tagħhom, wara s-sena 1979, skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

    30      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni, essenzjalment, li ebda wieħed mid-dokumenti u mill-provi prodotti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, kif analizzati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 45 sa 48 tas-sentenza appellata, ma kienu ta’ natura li jistabbilixxu oġġettivament l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat eventwali.

    31      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li Lekarna Ljubljana kien jagħmel parti mill-benefiċjarji li, skont l-Artikolu 24 tal-Liġi dwar l-Attivi Fiżiċi tal-Istat u tal-Amministrazzjonijiet Lokali, l-Istat jew l-amministrazzjonijiet lokali setgħu jipprovdu mingħajr ħlas attivi fiżiċi, jekk dan jirriżulta li jkun fl-interess pubbliku. Fil-fatt, għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi t-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà lill-persuni rregolati mid-dritt pubbliku, tali trasferiment ma huwiex previst fir-rigward tal-istabbilimenti pubbliċi, bħal Lekarna Ljubljana. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 71 tal-Pravilnik o enotnem kontnem načrtu za proračun, proračunske uporabnike in druge osebe javnega prava (ir-Regolament dwar il-Pjan ta’ Kontabbiltà Uniformi għall-Baġit, l-Utenti tal-Baġit u l-Persuni l-Oħra Rregolati mid-Dritt Pubbliku) jistabbilixxi li d-dritt għall-proprjetà ta’ attiv tal-Istat jew ta’ amministrazzjoni ma jistax jiġi ttrasferit lil stabbiliment pubbliku, peress li tali attiv jista’ jiġi fdat lilhom biss taħt “ġestjoni”. Barra minn hekk, ir-Repubblika tas-Slovenja tfakkar, f’dan il-kuntest, li, konformement ma’ dan l-Artikolu 71, kull attiv akkwistat minn Lekarna Ljubljana bħala stabbiliment pubbliku, kemm jekk minnu nnifsu jew permezz tal-muniċipalità ta’ Ljubljana, ikun “attiv miksub taħt ġestjoni”, b’tali mod li l-eżistenza stess ta’ kuntratt relatat ma’ attivi li ġew ittrasferiti lilu mill-muniċipalità ta’ Ljubljana ma tistax titqies li tikkostitwixxi indizju li tali trasferiment sar mingħajr ħlas jew f’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk tas-suq.

    32      Il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta qieset, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li l-allegati diskrepanzi bejn iċ-ċifri tal-muniċipalità ta’ Ljubljana dwar il-valur tal-attivi mogħtija taħt ġestjoni lil Lekarna Ljubljana u ċ-ċifri li jirriżultaw mill-kontijiet pubbliċi ta’ dan tal-aħħar, jew anki ż-żieda fil-valur tal-attivi taħt il-ġestjoni tiegħu setgħu jitqiesu bħala indizji li tali attivi taħt ġestjoni kienu jikkorrispondu għal għajnuna mill-Istat. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, taż-żieda fil-valur tal-attivi taħt il-ġestjoni ta’ Lekarna Ljubljana, ir-Repubblika tas-Slovenja tqis li, minkejja li dan tal-aħħar għandu d-dritt li jinvesti l-profitti tiegħu fl-attività farmaċewtika, inkluż għall-akkwist ta’ proprjetajiet immobbli li jidhru fil-kontijiet taħt il-kategorija ta’ “attivi taħt ġestjoni”, dan ma jfissirx madankollu li tali attivi jkunu ġew ipprovduti lilu mingħajr ħlas.

    33      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tas-Slovenja tilmenta li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li ma kinitx ir-rikorrenti fl-ewwel istanza li kellha turi, lil hinn minn kull dubju possibbli, li l-attivi taħt il-ġestjoni ta’ Lekarna Ljubljana kienu jikkorrispondu għal għajnuna mill-Istat, iżda li, għall-kuntrarju, kienet il-Kummissjoni, iffaċċjata b’sitwazzjoni ta’ “inċertezza”, li kellha tipproċedi b’eżami iktar fil-fond. Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali “applikat b’mod żbaljat l-istandard ġuridiku ta’ ‘diffikultajiet serji’”, peress li aċċettat livell mhux xieraq u manifestament baxx għal dak li jirrigwarda l-prova, mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, tal-eżistenza ta’ dubju, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

    34      Dan l-approċċ, li barra minn hekk imur kontra l-istandard stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology (C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punti 40, 45 u 49 sa 51), iwassal sabiex titneħħa kull distinzjoni bejn il-fażi preliminari u l-proċedura ta’ investigazzjoni formali u jkollu l-effett li jġiegħel lill-Kummissjoni tiftaħ din l-aħħar proċedura kull darba li parti tesprimi, matul l-ewwel waħda minn dawn il-fażijiet, tħassib dwar allegata għajnuna mill-Istat, u dan anki meta l-imsemmija parti ma tkun ippreżentat l-ebda prova plawżibbli insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha.

    35      Issa, f’dan il-każ, fl-assenza tal-iċken indizju jew prova, ipprovduta mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, ta’ natura li tissuġġerixxi li l-muniċipalità ta’ Ljubljana kienet tat lil Lekarna Ljubljana attivi taħt ġestjoni mingħajr ħlas jew b’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk tas-suq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess, informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ eventwali għajnuna mill-Istat. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx tafda fuq l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Sloveni li l-attivi taħt ġestjoni li Lekarna Ljubljana p.o. u Lekarna Ljubljana kienu akkwistaw wara s-sena 1979 kienu ġew akkwistati skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

    36      Il-Kummissjoni taqbel mal-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja.

    37      Barra minn hekk, din l-istituzzjoni tirrileva, minn naħa, li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali fil-punti 40, 49 u 50 tas-sentenza appellata, il-konferma tal-awtoritajiet Sloveni li, wara s-sena 1979, l-attivi kollha taħt ġestjoni akkwistati minn Lekarna Ljubljana p.o. u minn Lekarna Ljubljana kienu ġew hekk akkwistati skont il-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr għajnuna pubblika, ma tikkostitwixxix l-uniku element li hija bbażat ruħha fuqu fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, din id-deċiżjoni kienet ibbażata wkoll fuq il-kuntest ġuridiku u ekonomiku applikabbli, b’mod partikolari fuq id-dispożizzjonijiet msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, kif ukoll fuq elementi oħra, bħal, l-ewwel nett, l-istatus legali ta’ Lekarna Ljubljana, kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jagħmel profitt u li jakkwista proprjetà, it-tieni nett, il-fatt li kull proprjetà akkwistata kellha tiġi kkontabilizzata bħala “attivi taħt ġestjoni”, it-tielet nett, il-fatt li kull profitt iġġenerat kellu jiġi investit fl-impriża jew ittrasferit lill-Istat, u, ir-raba’ nett, il-konferma mir-Repubblika tas-Slovenja li hija ma kinitx tat attivi lil Lekarna Ljubljana wara s-sena 1979, fejn din il-konferma ngħatat fil-kuntest tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali impost fuq dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 4(3) TUE.

    38      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis, barra minn hekk, li, fid-dawl tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali impost fuq ir-Repubblika tas-Slovenja u fl-assenza ta’ prova kuntrarja pprovduta mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, hija kellha d-dritt tibbaża ruħha fuq il-konferma tal-awtoritajiet Sloveni li l-attivi taħt ġestjoni li Lekarna Ljubljana p.o. u Lekarna Ljubljana kienu akkwistaw wara s-sena 1979 kienu ġew akkwistati skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, hija ikkontestat il-veraċità ta’ din il-konferma għar-raġuni li ma kienet ġiet prodotta ebda prova mill-awtoritajiet Sloveni insostenn tagħha. Kull deduzzjoni kuntrarja li l-Qorti Ġenerali pprovat tislet f’dan ir-rigward hija irrilevanti, peress li hija eżiġiet li dawn l-awtoritajiet jipproduċu l-prova ta’ fatt negattiv, fi kliem ieħor li huma jipprovaw pożittivament li r-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx baqgħet tipprovdi attivi lil Lekarna Ljubljana p.o. u lil Lekarna Ljubljana wara s-sena 1979. Issa, tali approċċ iwassal, essenzjalment, sabiex jinqaleb l-oneru tal-prova ddelimitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza żviluppata fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari fis-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology (C‑57/19 P, EU:C:2021:663).

    39      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, sa fejn, minflok ma llimitat ruħha li tivverifika jekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kinitx uriet, fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti, l-eżistenza ta’ dubji serji, hija stess evalwat jekk kinux jeżistu indizji probatorji li jistgħu jikkonfermaw l-eżistenza ta’ tali dubji.

    40      Permezz tat-tieni aggravju tal-appell, ir-Repubblika tas-Slovenja, sostnuta mill-Kummissjoni, tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli qieset, fir-rigward tat-tieni miżura inkwistjoni, li l-Kummissjoni kienet ikkonfrontata b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din il-miżura, sa fejn tista’ titqies bħala għajnuna mill-Istat, kinitx tikkostitwixxi għajnuna “eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament 2015/1589, jew jekk fil-frattemp kinitx “inbidlet”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, b’tali mod li, f’din it-tieni ipoteżi, hija kellha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c), tar-Regolament 2015/1589.

    41      Fil-fatt, skont ir-Repubblika tas-Slovenja, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet, fil-punti 55 u 56 tas-sentenza appellata, li kienu jeżistu diffikultajiet serji fir-rigward tal-imsemmija miżura, minkejja li mill-premessa 39 tad-deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-Kummissjoni kienet indikat b’mod ċar li l-miżura ta’ għoti tal-attivi taħt ġestjoni li Lekarna Ljubljana p.o. kienet ingħatat matul is-sena 1979, waqt l-istabbiliment tagħha, “sa fejn din il-miżura [setgħet] tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, [setgħet] l-iktar l-iktar tkun għajnuna eżistenti”.

    42      Il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta qieset, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjoni “ta’ tluq”, jiġifieri dik eżistenti fl‑10 ta’ Diċembru 1994 , kienet inċerta għar-raġuni li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kien fiha ebda informazzjoni li setgħet tiċċara jekk, f’din id-data, l-ispiżeriji privati kinux diġà kisbu konċessjonijiet muniċipali jew jekk Lekarna Ljubljana p.o. kinitx għadha f’sitwazzjoni ta’ monopolju fiż-żona ta’ attività tagħha. Dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma żbaljati, peress li mill-elementi stess li hija semmiet fil-punt 51 tas-sentenza appellata, jirriżulta li, bejn l‑10 ta’ Diċembru 1994 u d-data li fiha Lekarna Ljubljana sar is-suċċessur ta’ Lekarna Ljubljana p.o., jiġifieri fl‑1997, kien applikabbli l-istess qafas legali, peress li l-liġijiet nazzjonali differenti li kienu jirregolaw, b’mod partikolari, il-ftuħ tas-suq Sloven għall-kompetizzjoni kienu diġà daħlu fis-seħħ qabel l‑10 ta’ Diċembru 1994. Issa, dan l-aspett huwa determinanti fl-evalwazzjoni tal-bidla tat-tieni miżura inkwistjoni, ikklassifikata bħala għajnuna eżistenti, f’għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589. Fil-fatt, anki jekk jitqies li, minħabba l-evoluzzjoni tagħha, it-tieni miżura inkwistjoni li, inizjalment, ma kinitx għajnuna mill-Istat setgħet issir għajnuna mill-Istat, din l-evoluzzjoni, fi kwalunkwe każ, seħħet qabel l‑10 ta’ Diċembru 1994. Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonkludiet, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, peress li la l-kuntest legali u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ użu tal-attivi taħt ġestjoni ma nbidlu bejn l‑10 ta’ Diċembru 1994 u d-data li fiha Lekarna Ljubljana ssostitwixxa lil Lekarna Ljubljana p.o., din is-sostituzzjoni kienet ta’ natura purament amministrattiva, b’tali mod li hija ma setgħetx tikkostitwixxi bidla ta’ għajnuna eżistenti eventwali f’għajnuna ġdida.

    43      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 51 sa 54 tas-sentenza appellata, li Lekarna Ljubljana kien jopera f’kundizzjonijiet differenti meta mqabbla ma’ Lekarna Ljubljana p.o.. B’mod partikolari, huwa żbaljat li jitqies, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 ta’ dik is-sentenza, li ż-żewġ entitajiet kienu kkaratterizzati minn differenzi notevoli peress li, b’differenza mill-predeċessur tiegħu, Lekarna Ljubljana kellu l-kapaċità li jakkwista attivi, inklużi beni immobbli, b’tali mod li kien hemm lok li wieħed jistaqsi jekk il-kontinwazzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ attivi immobbli taħt ġestjoni mingħajr sjieda setgħetx tibqa’ ġġustifikata. Fil-fatt, skont ir-Repubblika tas-Slovenja, bħal Lekarna Ljubljana, Lekarna Ljubljana p.o. kellha wkoll il-kapaċità li takkwista tali attivi taħt ġestjoni, tal-inqas mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar l-Istabbilimenti, li seħħet matul is-sena 1991.

    44      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tas-Slovenja tispjega li, bħall-predeċessur tiegħu, Lekarna Ljubljana seta’ juża biss l-attivi taħt ġestjoni li jikseb formalment mill-muniċipalità ta’ Ljubljana anki jekk dawn l-attivi jiġu akkwistati b’mezzi pprovduti minn Lekarna Ljubljana. It-tħassib tal-Qorti Ġenerali dwar jekk għadux iġġustifikat li jiġu ffaċilitati l-attivi taħt ġestjoni huwa infondat. Dan huwa biss mod kif jiġi żgurat l-użu tal-attivi minn stabbiliment pubbliku, peress li l-attivi kollha li għandu stabbiliment jinżammu bħala attivi taħt ġestjoni. Min-naħa l-oħra, dan fl-ebda każ ma jimplika għoti mingħajr ħlas tal-attivi taħt ġestjoni.

    45      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tas-Slovenja tirrifjuta d-diversi lmenti mqajma mir-rikorrenti fl-ewwel istanza matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari dawk ibbażati, minn naħa, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx neħħiet id-dubji dwar jekk it-tieni miżura inkwistjoni kinitx eventwalment inbidlet wara l‑1 ta’ Mejju 2004, id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja mal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ivverifikat il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-ilmenti, hija ssostni, essenzjalment, li, sa fejn il-kunsiderazzjoni msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li tgħid li Lekarna Ljubljana kellu differenzi notevoli meta mqabbla mal-entità li tagħha sar is-suċċessur matul is-sena 1997, kienet żbaljata, dan l-ilment tar-rikorrenti fl-ewwel istanza jsir infondat. Fir-rigward tat-tieni ilment, ir-Repubblika tas-Slovenja tqis li dan huwa ġuridikament irrilevanti, għar-raġuni li, kif irrilevat il-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, hekk kif jirriżulta mill-punt 38 tas-sentenza appellata, il-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna tista’ tkun meħtieġa biss, skont l-Artikolu 108(1) TFUE, fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna, filwaqt li l-miżura inkwistjoni f’dan il-każ tikkonċerna għajnuna individwali. Issa, il-Qorti Ġenerali aċċettat dan l-argument legali, peress li ma indikat l-ebda motiv sabiex jiġi miċħud.

    46      Għalhekk, ir-Repubblika tas-Slovenja tikkonkludi li l-Kummissjoni ma kellha ebda obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Fil-fatt, fid-dawl tal-informazzjoni li hija kellha matul il-fażi ta’ eżami preliminari, l-ebda bażi fattwali jew legali ma kienet tippermettilha tikkonkludi li jeżistu diffikultajiet serji. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, din id-deċiżjoni kienet suffiċjentament immotivata.

    47      Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza tqis li l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

     Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

    –       Osservazzjonijiet preliminari

    48      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-fażi ta’ eżami preliminari msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk, fi tmiem l-ewwel eżami, hija tkun persważa li dik l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-ewwel eżami jkun wassal lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni opposta, jew ukoll ma ppermettiex li jiġu solvuti d-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u li tiftaħ, f’dan ir-rigward, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni u IGG vs Dansk Erhverv, C‑508/21 P u C‑509/21 P, EU:C:2023:669, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    49      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE ma ppermettitilhiex tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, mingħajr ma għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha, konformement mal-għan tal-Artikolu 108(3) TFUE u mad-dmir tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, tadotta l-miżuri u l-verifiki neċessarji sabiex tegħleb, matul l-eżami preliminari, id-diffikultajiet li setgħet iltaqgħet magħhom, b’tali mod li tneħħi d-dubji kollha eżistenti dwar il-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punti 77 u 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    50      Billi l-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” huwa oġġettiv min-natura tiegħu, il-prova tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li fihom tittieħed d-deċiżjoni fi tmiem l-eżami preliminari, kif ukoll fil-kontenut tagħha, għandha tinġieb minn min jitlob l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni u IGG vs Dansk Erhverv, C‑508/21 P u C‑509/21 P, EU:C:2023:669, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    51      Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, huwa jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura kkomunikata kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. L-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalhekk, huwa l-awtur ta’ tali talba għal annullament li għandu juri li kienu jeżistu dubji dwar din il-kompatibbiltà, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ l-imsemmija proċedura ta’ investigazzjoni formali. Tali prova għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni kif ukoll fil-kontenut tagħha, minn sensiela ta’ indizji konkordanti (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑321/21 P, EU:C:2023:713, punti 131 u 132 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    52      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan ir-rigward li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-fatt li din l-istituzzjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura kkomunikata mas-suq intern, li kellu jwassalha sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑321/21 P, EU:C:2023:713, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53      Hija l-qorti tal-Unjoni, meta tiġi adita b’talba għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, li għandha tiddetermina jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura nazzjonali inkwistjoni kellhiex oġġettivament tqajjem dubji dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna, peress li tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑174/19 P u C‑175/19 P, EU:C:2021:801, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    54      Barra minn hekk, il-legalità ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari bħal dik imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2015/1589 għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni mhux biss abbażi tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fil-mument meta adottatha, iżda wkoll skont l-informazzjoni li hija “seta’ kellha” għad-dispożizzjoni tagħha, li tinkludi l-elementi li kienu jidhru rilevanti u li hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    55      Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata tmexxi l-proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali sabiex ikollha, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56      Madankollu, għalkemm jista’ jkun neċessarju, waqt l-eżami tal-eżistenza u tal-legalità ta’ għajnuna mill-Istat, li l-Kummissjoni tmur lil hinn mill-eżami biss tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-attenzjoni tagħha, madankollu hija ma għandhiex l-obbligu li tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li tista’ tippreżenta rabta mal-każ li għandha quddiemha, anki jekk tali informazzjoni tkun tinsab fid-dominju pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    57      B’hekk, is-sempliċi eżistenza ta’ element ta’ informazzjoni potenzjalment rilevanti li dwaru l-Kummissjoni ma kellhiex għarfien u li fuqu ma kinitx obbligata tinvestiga, fir-rigward tal-elementi ta’ informazzjoni li effettivament kienet fil-pussess tagħhom, ma tistax turi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, li obbligaw lil din l-istituzzjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    58      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, għalkemm il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 48 sa 57 ta’ din is-sentenza ġew stabbiliti b’mod partikolari fir-rigward tad-deċiżjonijiet li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, dawn il-prinċipji japplikaw ukoll għad-deċiżjonijiet li jikkonstataw li l-miżura kkonċernata ma tikkostitwixxix għajnuna, imsemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, bħad-deċiżjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59      Huwa fid-dawl tal-imsemmija prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi meta kkonkludiet, għal dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni miżura inkwistjoni, li jeżistu diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

    –       Fuq leżistenza ta’ żball ta’ liġi flinterpretazzjoni talkunċett ta’ “diffikultajiet serji” għal dak li jirrigwarda lewwel miżura inkwistjoni

    60      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilmenti tar-Repubblika tas-Slovenja indirizzati kontra l-punti 45 sa 48 tas-sentenza appellata, kif esposti fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Wizz Air Hungary vs Il‑Kummissjoni, C‑440/22 P, EU:C:2024:26, punti 57 u 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    61      B’mod partikolari, fir-rigward tal-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt nazzjonali, li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ta’ fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    62      Issa, f’dan il-każ, sa fejn l-ilmenti tar-Repubblika tas-Slovenja, esposti fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza, huma intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali u tal-fatti, imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 45 sa 48 tas-sentenza appellata, mingħajr ma jallegaw ebda żnaturament f’dan ir-rigward, hemm lok li dawn jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

    63      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilmenti tar-Repubblika tas-Slovenja intiżi li jikkontestaw, essenzjalment, id-determinazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-livell tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari msemmija fl-Artikolu 108(3) TFUE, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-“regoli u prinċipji applikabbli”, il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata, għall-istandard ġuridiku applikabbli b’mod kompletament konformi mal-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punti 48 sa 53 ta’ din is-sentenza. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li, “meta l-Kummissjoni teżamina miżuri ta’ għajnuna fir-rigward tal-Artikolu 107 TFUE sabiex tistabbilixxi jekk humiex kompatibbli mas-suq intern, hija obbligata tiftaħ [il-proċedura ta’ investigazzjoni formali] meta, wara l-fażi ta’ eżami preliminari, hija ma setgħetx teskludi d-diffikultajiet kollha li kienu jipprekludu li jiġi konkluż li dawn il-miżuri kienu kompatibbli mas-suq intern”.

    64      Bl-istess mod, fil-punt 36 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li “meta l-Kummissjoni teżamina miżura fid-dawl tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u meta tkun iffaċċjata, fi tmiem eżami preliminari […], b’diffikultajiet persistenti jew b’dubji, fi kliem ieħor b’diffikultajiet serji, kemm fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ta’ din il-miżura, kemm fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida, kif ukoll fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern jekk hija tqis li hemm għajnuna ġdida, hija obbligata tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE”.

    65      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kontenzjuża sempliċement semmiet, fir-rigward tal-attivi taħt ġestjoni inkorporati minn Lekarna Ljubljana p.o. u Lekarna Ljubljana wara s-sena 1979, l-affermazzjoni tal-awtoritajiet Sloveni li tgħid li dawn l-assi kollha kienu ġew akkwistati minn dawn l-entitajiet skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

    66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm Stat Membru huwa effettivament marbut, konformement mal-Artikolu 4(3) TUE, b’obbligu ta’ kooperazzjoni leali matul il-proċedura kollha relatata mal-eżami ta’ miżura skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Il‑Lussemburgu et vs Il‑Kummissjoni, C‑451/21 P u C‑454/21 P, EU:C:2023:948, punt 122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), dan il-fatt ma jistax madankollu jeskludi, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza ta’ “diffikultajiet serji” jew ta’ “dubji” li l-Kummissjoni tista’ tiltaqa’ magħhom, jekk ikun il-każ, wara l-eżami preliminari ta’ miżura miġjuba għall-għarfien tagħha permezz ta’ lment. Kull interpretazzjoni oħra timplika impliċitament, iżda neċessarjament li d-dubji eżistenti min-naħa tal-Kummissjoni jistgħu jitneħħew awtomatikament abbażi biss tal-affermazzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali, bil-konsegwenza li proċedura mibdija skont l-Artikolu 108 TFUE tista’ tingħalaq fl-assenza ta’ kwalunkwe prova prodotta minn dawn l-awtoritajiet sabiex jiġu kkontestati l-elementi invokati mil-lanjant sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Issa, jekk jiġi aċċettat li dubji dwar l-eżistenza jew il-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna jistgħu jitneħħew b’mod daqshekk faċli, abbażi biss tad-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali, dan iwassal mhux biss sabiex il-proċedura preliminari prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE tiġi mċaħħda minn kwalunkwe raġuni sabiex teżisti, iżda jirriskja wkoll li jpoġġi fil-perikolu l-mekkaniżmu ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat u r-rwol mogħti lill-Kummissjoni.

    67      Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, minbarra l-fatt li huwa ħafna iktar diffiċli għal lanjant li jikseb mingħand l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu taw għajnuna mill-Istat l-elementi ta’ informazzjoni rilevanti milli għall-Kummissjoni, li għandha setgħat wiesgħa għal dan l-għan, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li d-diffikultà tal-lanjanti li jaċċedu għall-provi hija iktar u iktar notevoli fil-kuntest ta’ kawża bħal dik f’dan il-każ, li l-oriġini tagħhom tmur lura għas-snin 1970 u li kienet ikkaratterizzata mill-bidla minn ekonomija kkontrollata għal ekonomija tas-suq kif ukoll minn relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-ispiżeriji pubbliċi u privati. Issa, tali kuntest irrenda inevitabbilment iktar diffiċli għar-rikorrenti fl-ewwel istanza l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar il-kundizzjonijiet li fihom Lekarna Ljubljana p.o. u Lekarna Ljubljana ngħataw attivi taħt ġestjoni.

    68      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni għandha setgħat importanti, li jirriżultaw kemm mit-Trattat FUE kif ukoll mir-Regolament 2015/1589, li jippermettulha titlob, jekk ikun meħtieġ, informazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri, peress li dawn tal-aħħar huma, bħala regola ġenerali, f’pożizzjoni aħjar mil-lanjanti sabiex ineħħu d-dubji eventwali li jeżistu min-naħa tal-Kummissjoni.

    69      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li ma kienx il-kompitu tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li tipprova mingħajr dubju possibbli li kien hemm fost l-attivi taħt il-ġestjoni ta’ Lekarna Ljubljana p.o. u ta’ Lekarna Ljubljana attivi li jikkorrispondu għal għajnuna mill-Istat, iżda tal-Kummissjoni, quddiem sitwazzjoni ta’ inċertezza f’dan ir-rigward, li tapprofondixxi l-investigazzjonijiet tagħha.

    70      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli applikat livell manifestament baxx wisq fir-rigward tar-rekwiżiti probatorji li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikun hemm l-obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

    71      Fit-tielet lok, l-argument tar-Repubblika tas-Slovenja, espost fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tibda din il-proċedura għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza jirriżulta mingħajr ekwivoku li, meta l-eżami preliminari mwettaq skont l-Artikolu 108(3) TFUE ma ppermettilhiex tneħħi d-dubji kollha eżistenti fir-rigward ta’ miżura partikolari, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, mingħajr ma għandha f’dan ir-rigward ebda marġni ta’ diskrezzjoni.

    72      Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-ilmenti tar-Repubblika tas-Slovenja kif imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, ibbażati fuq l-allegazzjoni li, fl-assenza tal-iċken prova prodotta mir-rikorrenti fl-ewwel istanza sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess, informazzjoni li setgħet eventwalment tkun rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ eventwali għajnuna mill-Istat, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Fil-fatt, mill-punti 45 sa 48 tas-sentenza appellata jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-Qorti Ġenerali għamlet l-kunsiderazzjonijiet tagħha li jinsabu fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza abbażi biss tad-dokumenti u tal-provi prodotti speċifikament mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

    73      Fil-ħames lok, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tas-Slovenja, kemm mis-sentenza appellata kif ukoll mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-provi prodotti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, kif jirriżultaw mill-punti 44 sa 48 tas-sentenza appellata, huma l-istess bħal dawk li hija kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, fid-deċiżjoni kontenzjuża ma sar ebda riferiment għal dawn id-diversi provi.

    74      Fir-rigward, fis-sitt u fl-aħħar lok, tal-argument tal-Kummissjoni, kif irrilevat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat, peress li mill-punti 44 sa 50 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżerċitat dan l-istħarriġ b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza.

    75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    –       Fuq leżistenza ta’ żball ta’ liġi flinterpretazzjoni talkunċett ta’ “diffikultajiet serji” għal dak li jirrigwarda ttieni miżura inkwistjoni

    76      Fl-ewwel lok, sa fejn, permezz tal-ilmenti rrilevati fil-punti 40, 41 u 46 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tas-Slovenja tikkontesta, essenzjalment, il-livell applikat mill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ “diffikultajiet serji” fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tieni miżura inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat, kif ġie indikat fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tar-“regoli u prinċipji applikabbli”, il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punti 35 u 36 tas-sentenza appellata, għall-istandard ġuridiku applikabbli b’mod kompletament konformi mal-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punti 48 sa 53 ta’ din is-sentenza.

    77      B’mod iktar preċiż, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-prinċipji mfakkra fit-tieni parti tal-punt 63 ta’ din is-sentenza għandhom japplikaw ukoll meta l-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-klassifikazzjoni stess tal-miżura eżaminata bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    78      Il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet ukoll, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li, “meta l-Kummissjoni teżamina miżura fid-dawl tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u meta tkun iffaċċjata, fi tmiem eżami preliminari […], b’diffikultajiet persistenti jew b’dubji, fi kliem ieħor b’diffikultajiet serji, kemm fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ta’ din il-miżura, kemm fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida, kif ukoll fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern jekk hija tqis li hemm għajnuna ġdida, hija obbligata tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE”.

    79      Minn dan isegwi li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli wettqet żball ta’ liġi fid-definizzjoni tal-istandard ġuridiku applikabbli għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ “diffikultajiet serji”.

    80      Għaldaqstant, l-ilmenti msemmija fil-punt 76 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    81      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tas-sistema ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat, stabbilita permezz tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-proċedura tvarja skont jekk l-għajnuna hijiex eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna eżistenti tista’, konformement mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi implimentata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprevedi li l-proġetti intiżi sabiex tiġi stabbilita għajnuna ġdida jew sabiex tiġi mibdula għajnuna eżistenti għandhom jiġu kkomunikati, fi żmien xieraq, lill-Kummissjoni u ma jistgħux jiġu implimentati qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Eco Fox et, C‑915/19 sa C‑917/19, EU:C:2021:887, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    82      Skont l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589, “għajnuna eżistenti” tfisser, b’mod partikolari, “l-għajnuna kollha li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-[Trattat FUE] fl-Istati Membri rispettivi, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-[Trattat FUE] fl-Istat Membri rispettiv”. Min-naħa tiegħu, il-punt 3(1)(a) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jippreċiża li l-“miżuri ta’ għajnuna li daħlu fis-seħħ qabel l‑10 ta’ Diċembru 1994” għandhom jitqiesu, mal-adeżjoni tal-Istati kkonċernati minn dan l-att, bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 108(1) TFUE.

    83      F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “għajnuna ġdida” huwa ddefinit, fl-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, bħala “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti”. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, għall-għanijiet tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 2015/1589, “alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq [intern]”.

    84      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-bidliet li saru jwasslux għal bidla sostanzjali tal-għajnuna eżistenti inkwistjoni jew jekk dawn il-bidliet humiex limitati għal modifika ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et, C‑492/17, EU:C:2018:1019, punt 57). F’dan il-kuntest, bidla ma tistax tiġi kklassifikata bħala purament formali jew amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, meta din tista’ tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Eco Fox et, C‑915/19 sa C‑917/19, EU:C:2021:887, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    85      F’dan il-każ, fir-rigward tal-ilmenti tar-Repubblika tas-Slovenja esposti fil-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza, sa fejn dawn huma intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali u tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ġie invokat ebda żnaturament f’dan ir-rigward, hemm lok, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, li dawn jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

    86      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni sempliċement indikat, fil-premessa 39 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li s-suċċessjoni, li seħħet matul is-sena 1997, bejn Lekarna Ljubljana p.o. u Lekarna Ljubljana kienet ta’ natura purament amministrattiva u li, barra minn hekk, la l-kuntest legali u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ użu tal-attivi taħt ġestjoni inkwistjoni ma kienu nbidlu, b’tali mod li kien hemm lok li jitqies li l-imsemmija miżura ma kinitx inbidlet b’tali mod li kienet saret għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589.

    87      Issa, fid-dawl tan-natura u tal-portata tal-inċertezzi identifikati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, dwar elementi li jistgħu jinfluwenzaw il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, hija ma tistax tiġi kkritikata talli qieset, fil-punti 54 sa 56 ta’ din is-sentenza, li, peress li l-Kummissjoni naqset milli twettaq eżami iktar fil-fond fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-kuntest legali u ekonomiku tal-attività farmaċewtika fis-Slovenja, din kienet ikkonfrontata b’diffikultajiet serji li kellhom iwassluha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

    88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

     Fuq ittielet aggravju

     Largumenti talpartijiet

    89      Permezz tat-tielet aggravju, ir-Repubblika tas-Slovenja tilmenta li l-Qorti Ġenerali mmotivat is-sentenza appellata b’mod insuffiċjenti. Insostenn ta’ dan l-aggravju, wara li fakkret li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Rose Vision vs Il‑Kummissjoni (C‑224/15 P, EU:C:2016:358, punti 24 u 26), ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’, għaldaqstant, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, għalkemm, fil-parti introduttiva tal-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza, bi tweġiba għall-ewwel evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, kienet ippreżentat, bil-kummenti tagħha, diversi estratti mill-kontijiet pubbliċi ta’ Lekarna Ljubljana u tal-muniċipalità ta’ Ljubljana għall-perijodu 2010‑2019, hija madankollu ma semmietx il-kontenut ta’ dawn l-estratti u tal-kummenti. Barra minn hekk, dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti abbażi tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, peress li din tal-aħħar, fir-rikors tagħha, ma għamlitx riferiment għall-kontenut tal-imsemmija estratti. Issa, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-estratti mill-kontijiet pubbliċi ta’ Lekarna Ljubljana u tal-muniċipalità ta’ Ljubljana u, mingħajr ma semmiet il-kontenut tagħhom, iddeċidiet, fuq din il-bażi fattwali, li s-sitwazzjoni dwar in-natura u l-istatus tal-attivi li Lekarna Ljubljana p.o. u Lekarna Ljubljana kienu kisbu taħt ġestjoni wara s-sena 1979 ma kinitx ċara. Għalhekk, peress li ma huwiex possibbli li jiġi eżaminat jekk dawn id-dokumenti kinux effettivament juru informazzjoni li, oġġettivament, kienet ta’ natura li tqajjem dubju dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-motivi tas-sentenza appellata ma jippermettux lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda mill-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

    90      Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ssostni li t-tielet aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

     Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

    91      Għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet irriproduċiet diversi estratti mill-kontijiet pubbliċi ta’ Lekarna Ljubljana u tal-muniċipalità ta’ Ljubljana għas-sena 2010, u kkummentat dwarhom. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, f’dan l-istess punt, l-ewwel nett, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet iddenunzjat diskrepanzi bejn iċ-ċifri ta’ din il-muniċipalità relatati mal-valur tal-attivi mogħtija taħt ġestjoni lil Lekarna Ljubljana (pereżempju, EUR 35 036 742 fl‑31 ta’ Diċembru 2014) u ċ-ċifri proprji ta’ Lekarna Ljubljana relatati mal-valur tal-attivi fit-tul tagħha u tal-assi tagħha mogħtija taħt ġestjoni (EUR 26 976 187 fl-istess data, għalhekk somma inferjuri minkejja li tidher li tkopri qasam usa’), it-tieni nett, li hija kienet enfasizzat l-importanza taż-żieda ta’ dawn l-attivi fil-kontijiet ta’ Lekarna Ljubljana minn sena għall-oħra (pereżempju, il-bidla minn EUR 26 976 187 fil‑31 ta’ Diċembru 2014 għal EUR 31 973 809 sena wara), l-istess bħal dik, fil-kontijiet tal-imsemmija muniċipalità, tal-valur tal-attivi mogħtija taħt ġestjoni lil Lekarna Ljubljana (minn EUR 35 036 742 għal EUR 42 790 897 għall-istess perijodu), u, it-tielet nett, li hija kienet osservat li tabella mfassla mill-istess muniċipalità li tispjega l-varjazzjonijiet fil-valur tal-attivi mogħtija taħt ġestjoni lil Lekarna Ljubljana minn sena għal oħra indikat f’diversi okkażjonijiet li ż-żieda kienet dovuta għal riżultat pożittiv tal-istabbiliment, li jagħti x’jifhem li l-attivi mogħtija taħt ġestjoni kienu jinkludu mhux biss attivi fiżiċi, iżda wkoll attivi monetarji, filwaqt li Lekarna Ljubljana għandha normalment tagħti lura r-riżultat annwali pożittiv tagħha lill-muniċipalità ta’ Ljubljana wara li jitnaqqsu l-ħtiġijiet ta’ investiment.

    92      Minn tali konstatazzjonijiet jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tas-Slovenja, il-Qorti Ġenerali semmiet il-kontenut tal-estratti mill-kontijiet pubbliċi ta’ Lekarna Ljubljana u tal-muniċipalità ta’ Ljubljana relatati mas-sena 2010, kif invokat quddiemha mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

    93      Barra minn hekk, mill-punt 49 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha biss fuq dawn l-estratti sabiex tqis li s-sitwazzjoni dwar in-natura u l-istatus tal-attivi li Lekarna Ljubljana p.o. u Lekarna Ljubljana kienu kisbu taħt ġestjoni wara s-sena 1979 ma kinitx ċara. Fil-fatt, fil-punt 49, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-elementi mressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza matul il-proċedura amministrattiva, kif imsemmija fil-punti 45 sa 48 tas-sentenza appellata. Issa, fost dawn l-elementi kien hemm, b’mod partikolari, estratt mir-rapport annwali ta’ Lekarna Ljubljana għas-sena 2012.

    94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument invokat insostenn tat-tielet aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

    95      Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

     Fuq irraba’ aggravju

     Largumenti talpartijiet

    96      Permezz tar-raba’ aggravju tal-appell, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-Repubblika tas-Slovenja tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, talli ppreċiżat l-ilmenti ġenerali mressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza lil hinn mill-affermazzjonijiet tagħha biss u, min-naħa l-oħra, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt ta’ din l-istituzzjoni għal rimedju effettiv u għal qorti imparzjali, u b’hekk ippreġudikat ukoll l-interessi tar-Repubblika tas-Slovenja.

    97      Fir-rigward, minn naħa, tal-ilment li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet, fis-sentenza appellata, konstatazzjonijiet li ma setgħux ikunu bbażati biss fuq il-kontenut tar-rikors fl-ewwel istanza, ir-Repubblika tas-Slovenja tindika, essenzjalment, l-ewwel nett, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma għamlitx riferiment fir-rikors tagħha għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Attivi Fiżiċi tal-Istat u tal-Amministrazzjonijiet Lokali, filwaqt li l-Qorti Ġenerali ħadithom inkunsiderazzjoni fil-punti 47 u 49 tas-sentenza appellata. It-tieni nett, għalkemm hija sostniet żieda fl-attivi mogħtija taħt ġestjoni matul is-sena 2015 u rreferiet b’mod ġenerali ħafna għar-rapport annwali ta’ Lekarna Ljubljana kif ukoll għad-data tar-rapporti annwali tal-muniċipalità ta’ Ljubljana, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 48 ta’ dik is-sentenza, invokat l-estratti mill-kontijiet pubbliċi ta’ Lekarna Ljubljana u tal-muniċipalità ta’ Ljubljana għas-sena 2010 u, fil-punt 49 tal-imsemmija sentenza, ibbażat il-konklużjoni tagħha fuq din id-data. It-tielet nett, filwaqt li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinitx invokat, fir-rikors tagħha, diskrepanzi bejn iċ-ċifri tal-muniċipalità ta’ Ljubljana fir-rigward tal-valur tal-attivi mogħtija taħt ġestjoni lil Lekarna Ljubljana, u ċ-ċifri ta’ Lekarna Ljubljana fir-rigward tal-valur tal-attivi fit-tul tagħha u tal-attivi mogħtija taħt ġestjoni, il-Qorti Ġenerali indirizzat dan l-ilment fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata. Ir-raba’ nett, minkejja li hija kienet irreferiet b’mod ġenerali ħafna għaż-żieda fl-attivi taħt ġestjoni fil-kontijiet ta’ Lekarna Ljubljana, il-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq dan l-ilment fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza. Il-ħames nett, fir-rikors tagħha hija ma invokatx it-tabella tal-varjazzjonijiet fil-valur tal-attivi taħt ġestjoni li l-muniċipalità ppreparat, iżda l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq din l-informazzjoni fil-punti 48 u 49 tal-imsemmija sentenza. Is-sitt nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 51 tal-istess sentenza li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, il-Liġi dwar l-Ispiżeriji kienet ġiet emendata matul is-sena 2007 sabiex tippermetti lill-istabbilimenti farmaċewtiċi muniċipali joperaw barra mit-territorju tal-muniċipalità ta’ oriġini minkejja li dan ma jirriżultax minn dawn l-indikazzjonijiet.

    98      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-ilment li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni, essenzjalment, minn naħa, li l-Kummissjoni indikat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienet irreferiet għal estratt mir-rapport annwali ta’ Lekarna Ljubljana għas-sena 2012, iżda biss b’rabta ma’ dokument ippreżentat lill-kunsill muniċipali ta’ Ljubljana mis-sindku tagħha matul is-sena 2013. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ttrattat dan l-estratt bħala prova awtonoma. Min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni indikat espressament li ż-żieda fil-valur tal-attivi taħt ġestjoni ma turix l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, iżda l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar dan l-argument ġuridikament deċiżiv u fil-parti l-kbira bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha diffikultajiet serji għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, preċiżament fuq l-informazzjoni dwar is-sempliċi żieda fil-valur tal-attivi taħt ġestjoni.

    99      Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ssostni li r-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

     Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

    100    Fir-rigward tad-diversi lmenti mqajma mir-Repubblika tas-Slovenja, irrilevati fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, dawn huma intiżi, essenzjalment, li jikkontestaw l-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali u tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ġie invokat ebda żnaturament f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, li dawn jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

    101    Fir-rigward tal-ilmenti msemmija fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, dawn huma fformulati b’mod konfuż. Fil-fatt, għalkemm ir-Repubblika tas-Slovenja ma tikkritikax formalment lill-Qorti Ġenerali talli kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, hija madankollu tidher li tilmenta li ma weġbitx għall-argumenti kollha li l-Kummissjoni kienet qajmet fil-kuntest tar-risposta tagħha ppreżentata fl-ewwel istanza.

    102    Għalhekk, sa fejn dan l-aggravju jista’ jinftiehem bħala li jirrigwarda ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, għandu jitfakkar, minn naħa, li fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu l-għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumenti kollha invokati mir-rikorrent u, min-naħa l-oħra, li l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ risposta mill-Qorti Ġenerali għal argumenti invokati fl-ewwel istanza essenzjalment iwassal sabiex jiġi invokat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut, u mill-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 185 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    103    Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeżiġix mill-Qorti Ġenerali li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, r-raġunamenti kollha fformulati mill-partijiet fil-kawża, u għalhekk il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita sakemm tippermetti li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    104    Issa, f’dan il-każ, l-ilmenti msemmija fil-punt 98 ta’ din is-sentenza jikkoinċidu, essenzjalment, ma’ argumenti li kienu diġà tqajmu mir-Repubblika tas-Slovenja fil-kuntest tad-diversi motivi invokati fl-ewwel istanza u li dwarhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet waqt l-eżami ta’ dawn il-motivi. Barra minn hekk, il-motivi tas-sentenza appellata bi tweġiba għall-imsemmija motivi huma ċari u inekwivoċi u jippermettu li jinftiehmu l-elementi li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Il-fatt li din tal-aħħar waslet, fil-mertu, għal riżultat differenti minn dak imsemmi mir-Repubblika tas-Slovenja ma jistax, fih innifsu, jivvizzja s-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    105    Għalhekk, sa fejn ir-Repubblika tas-Slovenja tikkritika lill-Qorti Ġenerali bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha, l-argumenti li hija tressaq f’dan is-sens għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    107    Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji tal-appell ma ntlaqa’, dan għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

     Fuq lispejjeż

    108    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    109    Peress li r-Repubblika tas-Slovenja tilfet, hemm lok, konformement mat-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti minn din tal-aħħar.

    110    Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, li jgħid li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      Ir-Repubblika tas-Slovenja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti minn Petra Flašker.

    3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

    Firem


    *      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top