This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0398
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 21 December 2023.#RQ.#Request for a preliminary ruling from the Kammergericht Berlin.#Reference for a preliminary ruling – Police and judicial cooperation in criminal matters – Framework Decision 2002/584/JHA – European arrest warrant – Article 4a(1) – Surrender procedure between Member States – Conditions for execution – Grounds for optional non-execution – Exceptions – Mandatory execution – Sentence handed down in absentia – Concept of ‘trial resulting in the decision’ – Person concerned not having appeared in person either at first instance or on appeal – National legislation imposing an absolute prohibition on surrender of the person concerned in the case of a decision rendered in absentia – Obligation to interpret national law in conformity with EU law.#Case C-398/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
Generalstaatsanwaltschaft Berlin vs RQ.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4a(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Eċċezzjonijiet – Eżekuzzjoni obbligatorja – Piena mogħtija fil-kontumaċja – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Persuna kkonċernata li ma dehritx personalment la fl-ewwel istanza u lanqas fl-appell – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni assoluta ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata fil-każ ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi.
Kawża C-398/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
Generalstaatsanwaltschaft Berlin vs RQ.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4a(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Eċċezzjonijiet – Eżekuzzjoni obbligatorja – Piena mogħtija fil-kontumaċja – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Persuna kkonċernata li ma dehritx personalment la fl-ewwel istanza u lanqas fl-appell – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni assoluta ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata fil-każ ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi.
Kawża C-398/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:1031
*A9* Kammergericht Berlin, beschluss vom 14/06/2022 (1226012)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
21 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4a(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Eċċezzjonijiet – Eżekuzzjoni obbligatorja – Piena mogħtija fil-kontumaċja – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Persuna kkonċernata li ma dehritx personalment la fl-ewwel istanza u lanqas fl-appell – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni assoluta ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata fil-każ ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”
Fil-Kawża C‑398/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill- Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’
RQ
fil-preżenza ta’:
Generalstaatsanwaltschaft Berlin,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche, M. Hellmann u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u H. Leupold, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra ċittadin Ċek għall-eżekuzzjoni, fir-Repubblika Ċeka, ta’ piena li tneħħi l-libertà. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bit-titolu “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprevedi: “1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. 3. Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat [UE].”” |
4 |
L-Artikolu 4a(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”, hija redatta kif ġej: “L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:
[…]” |
Id-dritt Ġermaniż
5 |
Il-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali), tat-23 ta’ Diċembru 1982 (BGBl. 1982 I, p. 2071), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis-27 ta’ Ġunju 1994 (BGBl. 1994 I, p. 1537), (iktar ’il quddiem l-“IRG”) jipprevedi: “L-estradizzjoni hija eskluża meta […]
|
Id-dritt Ċek
6 |
L-Artikolu 64 taż-zákon č. 141/1961 Sb. o trestním řízení soudním (trestní řád) [il-Liġi Nru 141/1961 dwar il-Proċeduri Kriminali], tad-29 ta’ Novembru 1961, tipprevedi, essenzjalment, li wara l-ewwel tentattiv ta’ notifika, il-persuna li lilha għandu jiġi nnotifikat att għandha tiġi informata dwar il-post fejn hija tista’ tikseb dan l-att. Meta l-imsemmi att ma jiġix irkuprat f’terminu ta’ 10 ijiem, l-istess att jista’ jiġi ppreżentat fil-kaxxa tal-ittri użata minn din il-persuna, li jikkostitwixxi n-notifika tiegħu. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 |
Il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita mill-awtoritajiet Ċeki b’talba għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-15 ta’ Ġunju 2021 kontra ċittadin Ċek mill-Okresní soud v Ostravě (il-Qorti Distrettwali ta’ Ostrava, ir-Repubblika Ċeka). Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż għall-arrest u għall-konsenja tal-persuna kkonċernata lil dawn l-awtoritajiet għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ li tneħħi l-libertà ta’ 15-il xahar, mogħtija permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2020, kif irriformata fl-appell permezz ta’ sentenza tal-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava, ir-Repubblika Ċeka), tal-25 ta’ Awwissu 2020 (iktar ’il quddiem is-“sentenza mogħtija fl-appell”). |
8 |
Is-sentenza mogħtija fl-appell wasslet għal tnaqqis tal-piena mogħtija fl-ewwel istanza. |
9 |
Huwa paċifiku li l-persuna kkonċernata dehret personalment fis-seduta fl-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, il-persuna kkonċernata ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ appell u lanqas ma kienet irrappreżentata minn avukat. |
10 |
It- taħrika għad-dehra fl-appell, li kienet intbagħtet fl-indirizz indikat mill-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet Ċeki kompetenti bħala dik tar-residenza permanenti tagħha, li għaliha din tal-aħħar kienet irċeviet personalment it-taħrika għad-dehra fl-ewwel istanza, ġiet ippreżentata fil-kaxxa tal-ittri tal-persuna kkonċernata fis-17 ta’ Awwissu 2020, peress li din tal-aħħar ma kinitx ġabritha personalment kif kienet ġiet mistiedna tagħmel fit-3 ta’ Awwissu preċedenti. Għalkemm ma teżistix prova li l-persuna kkonċernata effettivament irċeviet din it-taħrika għad-dehra fl-appell u li din tal-aħħar iddikjarat li ċċaqilqet lejn il-Ġermanja f’Awwissu 2020 mingħajr ma informat lill-awtoritajiet Ċeki kompetenti, l-imsemmija taħrika għad-dehra fl-appell hija, skont l-Artikolu 64 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, meqjusa li ġiet innotifikata lill-persuna kkonċernata fl-għaxar jum wara l-istedina għall-ġbir tagħha. |
11 |
Fl-10 ta’ Ottubru 2021, il-persuna kkonċernata ġiet arrestata f’Berlin (il-Ġermanja) abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tqiegħdet taħt detenzjoni provviżorja. Hija għalhekk iddikjarat li ma tagħtix il-kunsens tagħha sabiex tkun suġġetta għal proċedura ta’ konsenja ssemplifikata lill-awtoritajiet Ċeki. |
12 |
Fl-14 ta’ Ottubru 2021, il-qorti tar-rinviju ordnat li l-persuna kkonċernata tinżamm taħt detenzjoni bl-għan tal-konsenja tagħha lill-awtoritajiet Ċeki. |
13 |
Wara li kiseb mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti kkonċernata preċiżazzjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi eżatti li fihom il-persuna kkonċernata kienet ġiet imsejħa, il-Generalstaatsanwaltschaft (il-Prosekutur Ġenerali ta’ Berlin, il-Ġermanja), illibera lill-persuna kkonċernata u talab lill-qorti tar-rinviju tannulla l-mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet ta’ estradizzjoni, kif ukoll tiddikjara illegali l-konsenja tal-persuna kkonċernata minħabba li l-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG, li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, joħloq ostakola għal tali konsenja. |
14 |
Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Novembru 2021, il-qorti tar-rinviju neħħiet il-mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet ta’ estradizzjoni. Minkejja li qieset li l-kundizzjoni ta’ kriminalità doppja tal-fatt, li għaliha hija suġġetta tali konsenja u li tikkonsisti fil-verifika li l-fatti allegati jikkostitwixxu reat fiż-żewġ Stati Membri li kkooperaw, kienet issodisfatta f’dan il-każ, hija ddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni dwar it-talba intiża sabiex il-konsenja tal-persuna kkonċernata tiġi ddikjarata illegali. |
15 |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikopri l-proċess li ppreċeda d-deċiżjoni tal-ewwel istanza jekk din id-deċiżjoni tkun ġiet mibdula fl-appell f’sens favorevoli għall-persuna kkonċernata. |
16 |
Il-Qorti tar-rinviju tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C-270/17 PPU, EU:C:2017:628), li tgħid li, fil-każ ta’ proċeduri kriminali li jinkludu diversi istanzi, dan il-kunċett jirrigwarda l-proċess li fil-kuntest tiegħu tkun ingħatat deċiżjoni definittiva dwar il-ħtija tal-persuna kkonċernata kif ukoll dwar il-kundanna ta’ din tal-aħħar għal piena wara eżami ġdid, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, tal-kawża fuq il-mertu, jiġifieri l-aħħar istanza fil-mertu. |
17 |
Minn dan il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li, f’dan il-każ, hija l-proċedura quddiem il-qorti li tiddeċiedi fl-appell, li fiha l-persuna kkonċernata ma pparteċipatx, li hija determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u li, sa fejn il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-konsenja tagħha għandha tiġi ddikjarata illegali u għandha tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
18 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza li tirriżulta minn din is-sentenza f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna kkonċernata dehret personalment fl-ewwel istanza, iżda ma segwitx it-taħrika tagħha għas-seduta fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. |
19 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li jeżistu diverġenzi fl-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ appell fid-diversi Stati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu, tal-qorti nazzjonali, li tipproċedi, fil-każ tal-assenza tal-persuna kkonċernata, għal eżami tal-kawża fil-mertu. Ċertament, dan huwa l-każ fid-dritt Ċek, u dan l-eżami jista’, bħal f’dan il-każ, jagħti lok għal deċiżjoni li tirriforma s-sentenza tal-ewwel istanza f’sens favorevoli għall-persuna kkonċernata. Madankollu, jekk, bħal fid-dritt Ġermaniż applikabbli, tali obbligu ma huwiex previst, is-sentenza mogħtija ma taqax taħt il-kunċett ta’ “proċess”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
20 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, jekk l-appell jiġi miċħud mingħajr ma jsir eżami fuq il-mertu, is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza tikseb l-awtorità ta’ res judicata u hija għalhekk eżekuttiva, li jimplika li l-konsenja tal-persuna kkonċernata hija, fir-realtà, mitluba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza. Minn dan hija tiddeduċi li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għad-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita. Il-qorti tar-rinviju tqis li din l-interpretazzjoni tapplika wkoll meta, bħal f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-ewwel istanza tkun ġiet mibdula fl-appell b’mod favorevoli għall-persuna kkonċernata, anki jekk din id-deċiżjoni tal-ewwel istanza ma tikkostitwixxix għalhekk, kuntrarjament għal sentenza fl-appell mogħtija mingħajr ma jkun sar eżami fuq il-mertu, waħedha d-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita, iżda għandha tiġi kkombinata mas-sentenza mogħtija fl-appell li tkun biddlitha. |
21 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG, li tistabbilixxi l-kundanna fil-kontumaċja bħala “ostakolu assolut” għall-konsenja ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew filwaqt li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tittrasponi fid-dritt Ġermaniż, jipprevedi biss f’dan ir-rigward raġuni fakultattiva ta’ rifjut. |
22 |
Skont il-qorti tar-rinviju, din l-aħħar dispożizzjoni ma ġietx trasposta b’mod sħiħ fid-dritt Ġermaniż peress li l-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG ma jipprevedix il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżerċita setgħa diskrezzjonali fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja. |
23 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 69, 72, 73 u 76), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm l-applikazzjoni diretta tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija eskluża, peress li din tal-aħħar ma għandhiex effett dirett, xorta jibqa’ l-fatt li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tinterpreta d-dritt nazzjonali konformement ma’ din id-deċiżjoni qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, madankollu hija eskluża interpretazzjoni contra legem ta’ dan id-dritt. |
24 |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hija ma hijiex f’pożizzjoni li tinterpreta l-punt 3 tal-Artikolu 83(1) tal-IRG fis-sens li jagħtiha, fil-kuntest tal-eżami tal-ostakolu għall-konsenja tal-persuna kkonċernata, setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tiddikjara legali din il-konsenja minkejja l-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu. Hija tqis li, skont l-Artikolu 4a(1) (a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u s-setgħa diskrezzjonali li hija għandha f’dan ir-rigward, hija għandha tkun tista’ tqis li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, id-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata ġie debitament irrispettat anki jekk hi ma dehritx personalment fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell u li l-konsenja ta’ din tal-aħħar hija għalhekk legali. Fil-fatt, il-persuna kkonċernata stess naqset milli tattendi fil-proċedura ta’ appell, peress li, wara li appellat, hija baqgħet irraġunġibbli u ma ġabritx it-taħrika għad-dehra fl-appell li kienet intbagħtitilha fl-indirizz li kienet indikat lill-awtoritajiet Ċeki kompetenti, minkejja l-fatt li kienet taf bil-preżentata tagħha. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
26 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jkopri l-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni tal-ewwel istanza meta din tal-aħħar tkun ġiet mibdula fl-appell f’sens favorevoli għall-persuna kkonċernata. |
27 |
Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta, bħal f’dan il-każ, il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell li tkun wasslet għal sentenza li tirriforma d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, din il-proċedura taqax taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
28 |
Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet fl-Istati Membri. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas,C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 67, u tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic,C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 63). |
29 |
Dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jindika l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod definittiv lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas,C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 74, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni),C‑514/21 u C-515/21, EU:C:2023:235, punt 52). |
30 |
Hija d-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi definittivament il-kawża fuq il-mertu, fis-sens li ma tistax tinbidel permezz ta’ rimedju ordinarju, li hija determinanti għall-persuna kkonċernata, peress li taffettwa direttament is-sitwazzjoni personali tagħha fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ ħtija kif ukoll, jekk ikun il-każ, fl-istabbiliment tal-piena ta’ tneħħija ta’ libertà li għandha tiskonta (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas,C-270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 83). |
31 |
Għaldaqstant, huwa f’dan l-istadju tal-proċedura li l-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża b’mod sħiħ sabiex targumenta, b’mod effettiv, il-punt tagħha u teżerċita b’hekk influwenza fuq id-deċiżjoni finali li tista’ tinvolvi t-tneħħija ta’ libertà individwali tagħha. Ir-riżultat li twassal għalih din il-proċedura huwa irrilevanti f’dan il-kuntest (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas,C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 84). |
32 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ xenarju, bħal dak inkwistjoni, fejn il-proċess żvolġa matul żewġ istanzi suċċessivi, jiġifieri l-ewwel istanza segwita bi proċedura ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni mogħtija fl-appell li hija rilevanti biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sakemm din l-istanza kienet intiża għad-deċiżjoni li ma tistax tiġi suġġetta għal appell ordinarju li għaldaqstant ddeċidiet b’mod definittiv il-kawża fir-rigward tal-mertu (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas,C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 90). |
33 |
Minn dan isegwi li l-element determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ proċedura bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, huwa l-fatt li din il-proċedura wasslet għal sentenza li tikkostitwixxi kundanna definittiva u li, konsegwentement, tiddeċiedi l-kawża definittivament fuq il-mertu. |
34 |
Għaldaqstant, proċedura ta’ appell bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tat lok għal sentenza li tbiddel id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza u b’hekk iddeċidiet b’mod definittiv il-kawża kkonċernata, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, taqa’ taħt dan il-kunċett. |
35 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ appell li tat lok għal sentenza li tbiddel id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza u li b’hekk tiddeċiedi definittivament il-kawża taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq it-tieni domanda
36 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tittrasponi l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jeskludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-kuntest tal-proċess li wassal għad-deċiżjoni kkonċernata. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi, fl-Artikolu 1(2) tagħha, ir-regola skont liema l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement għad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu għalhekk jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, previsti mill-imsemmija deċiżjoni qafas. L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tkun tista’ ssir suġġetta għal waħda mill-kundizzjonijiet li huma limitatament elenkati fiha. Konsegwentement, billi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tiegħu huwa mifhum bħala eċċezzjoni li għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas,C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 50). |
38 |
B’hekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tistabbilixxi espliċitament, minn naħa, ir-raġunijiet obbligatorji (Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni qafas) u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet fakultattivi (Artikoli 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas) għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. B’mod partikolari, l-Artikolu 4a tal-istess deċiżjoni qafas, jillimita l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew billi jelenka, b’mod speċifiku u uniformi, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fi tmiem proċess li fih il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma jistgħux jiġu rrifjutati (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas,C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 53). |
39 |
Mill-kliem tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi raġuni fakultattiva ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ garanzija li tneħħi l-libertà, jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment għall-proċedura li wasslet għal din il-kundanna. Din l-għażla hija, madankollu, suġġetta għal erba’ eċċezzjonijiet, stabbiliti rispettivament fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni, li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija mċaħħda mill-possibbiltà li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li kienet ġiet indirizzata lilha. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni,C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 40). |
40 |
Għaldaqstant, awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ sigurtà li jneħħu l-libertà jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċeduri li jkunu wasslu għad-deċiżjoni kkonċernata, sakemm dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx jindika li l-kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġew issodisfatti (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas,C-270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 54). |
41 |
Minn dan isegwi li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija marbuta li tipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minkejja l-assenza tal-parti kkonċernata fil-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni kkonċernata, meta tkun ivverifikata l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi previsti rispettivament fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas (sentenza tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas,C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 55). |
42 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tippreċiża li, peress li dan l-Artikolu 4a jipprevedi każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, fi kwalunkwe każ, anki wara li tkun ikkonstatat li ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma jkoprux is-sitwazzjoni tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li jippermettulha tiżgura ruħha li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Awwissu 2017, ZdziaszekC‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 107, kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg,C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ b’hekk tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir muri mill-persuna kkonċernata. Fil-fatt huwa f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ konsenja li tista’ tingħata attenzjoni partikolari lill-fatt li l-persuna kkonċernata ppruvat tevita n-notifika tal-informazzjoni indirizzata lilha (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg,C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata) |
44 |
Minn dan jirriżulta li, meta tivverifika li waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija ssodisfatta, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tiġi prekluża milli tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata billi tieħu, f’dan ir-rigward, debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża li hija adita biha, inkluża l-informazzjoni li hija jista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha hija stess. |
45 |
F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tobbliga, b’mod ġenerali, lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni kkonċernata sabiex tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja. Din il-leġiżlazzjoni ma tħalli lil din l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ebda setgħa diskrezzjonali għall-finijiet tal-verifika tal-eżistenza ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija, rispettivament, fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jistgħux jitqiesu li ġew irrispettati, u, għaldaqstant, sabiex tiddeċiedi li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat. |
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
47 |
Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil qorti nazzjonali ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, peress li din ma għandhiex effett dirett. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi l-qrati, huma meħtieġa jagħtu, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali tagħhom li tippermettilhom jiżguraw riżultat kompatibbli mal-finalità segwita mid-deċiżjoni qafas ikkonċernata (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 109) |
48 |
Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjonijiet qafas ma jistgħux jipproduċu effett dirett, in-natura vinkolanti tagħhom madankollu timplika obbligu min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom f’konformità mad-dritt tal-Unjoni mid-data tal-iskadenza tat-terminu previst għat-traspożizzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet qafas. Meta japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom, dawn l-awtoritajiet huma għalhekk obbligati li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, madankollu hija eskluża interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali. B’hekk, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u li jiġu applikati metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni qafas ikkonċernata u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-finalità mfittxija minnha (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski,C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 72 sa 77). |
49 |
Minn dan isegwi li hija l-qorti tar-rinviju, billi li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
50 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni li teskludi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena meta l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kuntest tal-proċess li wassal għad-deċiżjoni kkonċernata, tmur kontra l-imsemmija dispożizzjoni. Il-qorti nazzjonali għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, li tinterpreta din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità ta’ din id-deċiżjoni qafas. |
Fuq l-ispejjeż
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.