EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0376

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Novembru 2023.
Google Ireland Limited et vs Kommunikationsbehörde Austria (Komm Austria).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2000/31/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 3(1) – Prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini – Artikolu 3(4) – Deroga mill-prinċipju ta’ moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Kunċett ta’ ‘miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni’ – Artikolu 3(5) – Possibbiltà ta’ komunikazzjoni a posteriori tal-miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fil-każ ta’ urġenza – Nuqqas ta’ komunikazzjoni – Infurzabbiltà ta’ dawn il-miżuri – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-fornituri ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni, kemm jekk stabbiliti fit-territorju tiegħu u kemm jekk le, numru ta’ obbligi fil-qasam tal-kontroll u tal-komunikazzjoni tal-kontenut allegatament illegali – Direttiva 2010/13/UE – Servizzi tal-media awdjoviżiva – Servizz ta’ pjattaformi ta’ video‑sharing.
Kawża C-376/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:835

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Novembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2000/31/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 3(1) – Prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini – Artikolu 3(4) – Deroga mill-prinċipju ta’ moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Kunċett ta’ ‘miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni’ – Artikolu 3(5) – Possibbiltà ta’ komunikazzjoni a posteriori tal-miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni f’każ ta’ urġenza – Nuqqas ta’ komunikazzjoni – Infurzabbiltà ta’ dawn il-miżuri – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-fornituri ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni, kemm jekk stabbiliti fit-territorju tiegħu u kemm jekk le, numru ta’ obbligi fil-qasam tal-kontroll u tal-komunikazzjoni tal-kontenut allegatament illegali – Direttiva 2010/13/UE – Servizzi tal-media awdjoviżiva – Servizz ta’ pjattaformi ta’ video-sharing”

Fil-Kawża C‑376/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ġunju 2022, fil-kawża

Google Ireland Limited,

Meta Platforms Ireland Limited,

Tik Tok Technology Limited

vs

Kommunikationsbehörde Austria (KommAustria),

fil-preżenza ta’:

Bundesministerin für Frauen, Familie, Integration und Medien im Bundeskanzleramt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur), J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Google Ireland Limited u Tik Tok Technology Limited, minn L. Feiler, Rechtsanwalt,

għal Meta Platforms Ireland Limited, minn S. Denk, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u G. Kunnert, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn M. Browne, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, S. L. Kalėda u P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 28a(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 303, p. 69) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2010/13”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Google Ireland Limited, Meta Platforms Ireland Limited u Tik Tok Technology Limited, kumpanniji stabbiliti fl-Irlanda, u, min-naħa l-oħra, il-Kommunikationsbehörde Austria (KommAustria) (l-Awtorità Regolatorja ta’ Komunikazzjonijiet Awstrijaka) dwar deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar li jiddikjaraw li dawn il-kumpanniji huma suġġetti għall-Bundesgesetz über Maßnahmen zum Schutz der Nutzer auf Kommunikationsplattformen (Kommunikationsplattformen‑Gesetz) (il-Liġi Federali Awstrijaka dwar Miżuri ta’ Protezzjoni ta’ Utenti ta’ Pjattaformi ta’ Komunikazzjoni) (BGBl. I, 151/2020, iktar ’il quddiem il-“KoPl‑G”).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2000/31

3

Skont il-premessi 5, 6, 8, 22 u 24 tad-Direttiva 2000/31:

“(5)

L-iżvilupp ta’ servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni fil-Komunità huwa mfixkel minn numru ta’ ostakoli legali għal funzjonamet xieraq tas-suq intern li jagħmluha ferm anqas attraenti li tkun eżerċitata l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jkunu ipprovduti servizzi; dawn l-ostakoli joriġinaw minn diverġenzi fil-leġislazzjoni u minn inċertezzi legali dwar liema mir-regoli nazzjonali jkunu applikabbli għal servizzi bħal dawn; fin-nuqqas ta’ kordinazzjoni jew aġġustament tal-leġislazzjoni fl-oqsma rilevanti, ostakoli jistgħu ikunu iġġustifikati fid-dawl ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej; inċertezza legali teżisti fir-rigward tal-limitu li bih Stati Membri jistgħu jikkontrollaw servizzi li joriġinaw minn Stat Membru ieħor.

(6)

Fid-dawl tal-miri tal-Komunità, ta’ l-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat u ta’ liġi sekondarja tal-Komunità, dawn l-ostakoli għandhom ikunu eliminati bil-kordinazzjoni ta’ ċerti liġijiet nazzjonali u bil-kjarifika ta’ ċerti kunċetti legali fil-livell tal-Komunità sal-limitu meħtieġ għal funzjonament xieraq tas-suq intern; billi jkunu ttrattati biss ċerti materji speċifiċi li jagħtu bidu għal problemi għas-suq intern, din id-Direttiva hija konsistenti għal kollox mal-ħtieġa li jkun irrispettat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

[…]

(8)

L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa l-ħolqien ta’ qafas legali biex jassigura il-moviment liberu ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni bejn Stati Membri u mhux biex jarmonizza il-qasam tal-liġi kriminali bħala tali.

[…]

(22)

Servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni għandhom ikunu taħt superviżjoni fis-sorsi ta’ l-attività, sabiex tkun assigurata l-protezzjoni effettiva ta’ għanijiet ta’ interess pubbliku; għal din il-fini, huwa meħtieġ li jkun assigurat li l-awtorità kompetenti tipprovdi protezzjoni bħal din mhux biss għal ċittadini tal-pajjiż tagħha stess imma għaċ-ċittadini tal-Komunità kollha; sabiex tittejjeb il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, huwa essenzjali li tkun mistqarra b’ċarezza din ir-reponsabbilità minn-naħa ta’ l-Istat Membru minn fejn joriġinaw is-servizzi; aktar minn hekk, sabiex tkun iggarantita effettivament il-libertà li jkunu provduti servizzi u ċ-ċertezza legali għall-fornituri u għal dawk li jirċievu s-servizzi, servizzi bħal dawn minn soċjetà ta’ l-informazzjoni għandhom bħala prinċipju jkunu suġġetti għal-liġi ta’ l-Istat Membru li fih dak li jipprovdi s-servizzi jkun stabbilit.

[…]

(24)

Fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, independentement mir-regola dwar il-kontroll fis-sorsi ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, huwa leġittimu skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

(a)

‘servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’: servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337)], kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8)];

[…]

(h)

‘qasam ikkordinat’: ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Suq intern”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.   L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

(a)

il-miżuri għandhom ikunu:

(i)

meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

strateġija pubblika, partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad-dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

is-sigurtà pubblika, inkluż s-salvagward tas-sigurtà u difiża;

il-protezzjoni ta’ konsumaturi, inklużi investituri;

(ii)

meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

(iii)

proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

(b)

qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.

5.   L-Istati Membri jistgħu, f’każ ta’ urġenza, jidderogaw mill-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4(b). Meta dan ikun il-każ, il-miżuri għandhom ikunu innotifikati fl-iqsar żmien possibbli lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, b’indikazzjonijiet tar-raġunijiet il-għala l-Istat Membru jikkunsidra li hemm urġenza.

6.   Mingħajr preġudizzju għal possibilità ta’ l-Istat Membru li jipproċedi bil-miżuri f’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha teżamina il-kompatibilità tal-miżuri notifikati minn liġi ta’ Komunità fl-iqsar żmien possibbli; meta dan jasal għal konklużjoni li l-miżura tkun inkompatibbli mal-liġi tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru f’dak il-każ li jibqa’ lura milli jieħu xi miżuri proposti jew biex iwaqqaf urġentement il-miżuri f’dak il-każ.”

Id‑Direttiva 2010/13

7

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2010/13/KE jipprovdi:

“1.   Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(aa)

‘servizz ta’ pjattaforma ta’ video-sharing’: tfisser servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 [TFUE], fejn l-għan ewlieni tas-servizz jew ta’ taqsima separabbli tiegħu jew funzjonalità essenzjali tas-servizz huwa ddedikat għall-forniment ta’ programmi, videos iġġenerati mill-utenti, jew it-tnejn, lill-pubbliku ġenerali, li għalihom il-fornitur ta’ pjattaforma ta’ video-sharing ma għandux responsabbiltà editorjali, sabiex jipprovdi informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni, permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)] u li l-organizzazzjoni tiegħu hija ddeterminata mill-fornitur ta’ pjattaforma ta’ video-sharing, inkluż b’mezzi awtomatiċi jew algoritmi, b’mod partikolari permezz ta’ wiri, tagging u sekwenzjar;

[…]”

8

L-Artikolu 28a(1) u (5) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, fornitur ta’ pjattaforma ta’ video-sharing stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2000/31] għandu jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru.

[…]

5.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-Artikoli 3 u l-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE għandhom japplikaw għall-fornituri ta’ pjattaforma ta’ video-sharing meqjusa li huma stabbiliti fi Stat Membru skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”

Id‑Direttiva (UE) 2015/1535

9

L-Artikolu 1(1)(e) sa (g) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1) jistabbilixxi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(e)

‘regola dwar is-servizzi’ tfisser ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt (b), b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

(f)

‘regolament tekniku’ tfisser speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 7, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

[…]

(g)

‘abbozz ta’ regolament tekniku’ tfisser it-test ta’ speċifikazzjoni teknika jew ħtieġa oħra jew ta’ regola dwar isservizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi, ifformulat bil-għan li jsir liġi bħala regolament tekniku, bit-test ikun fi stadju ta’ tħejjija fejn ikun għad jistgħu isiru emendi sostanzjali.”

10

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

Id‑dritt Awstrijak

11

L-Artikolu 1 tal-KoPl‑G jipprovdi:

“1.   Din il-liġi hija intiża sabiex tinkoraġġixxi teħid ta’ responsabbiltà responsabbli u trasparenti u t-trattament mingħajr dewmien ta’ komunikazzjonijiet mwettqa mill-utenti dwar il-kontenut ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni ddefinit iktar ’l isfel.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi nazzjonali u barranin li jipprovdu pjattaformi ta’ komunikazzjoni (il-punt 4 tal-Artikolu 2) bil-għan li jagħmlu qligħ ekonomiku jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, ħlief jekk:

(1)

in-numru ta’ utenti rreġistrati li jkollhom dritt ta’ aċċess għall-pjattaforma ta’ komunikazzjoni fl-Awstrija kien inqas minn medja ta’ 100000 persuna matul is-sena kalendarja preċedenti u

(2)

id-dħul mill-bejgħ magħmul fl-Awstrija matul is-sena kalendarja preċedenti mill-operat tal-pjattaforma ta’ komunikazzjoni kien inqas minn EUR 500000.

[…]

4.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pjattaformi ta’ video-sharing (il-punt 12 tal-Artikolu 2) huma eżentati mill-obbligi previsti minn din il-liġi fir-rigward tal-programmi (il-punt 9 tal-Artikolu 2) u tal-videos maħluqa mill-utenti (il-punt 7 tal-Artikolu 2) ipprovduti fuq dawn il-pjattaformi.

5.   Fuq talba dikjaratorja ta’ fornitur ta’ servizzi, l-awtorità regolatorja għandha tiddeċiedi dwar jekk dan jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi.

[…]”

12

L-Artikolu 2 tal-KoPl‑G jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)

‘servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni’: servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali tad-destinatarju tas-servizzi […], inkluż il-kummerċ online ta’ prodotti u servizzi, il-forniment ta’ informazzjoni online, ir-reklamar online, il-magni ta’ tiftix elettroniku u l-opportunità ta’ rkupru ta’ data, kif ukoll is-servizzi li jippermettu t-trażmissjoni ta’ informazzjoni fuq network elettroniku, l-aċċess għal tali network, jew ir-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-utent […];

(3)

‘fornitur ta’ servizz’: il-persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi pjattaforma ta’ komunikazzjoni;

(4)

‘pjattaforma ta’ komunikazzjoni’: servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li fih l-iskambju ta’ notifiki jew ta’ rappreżentazzjonijiet li għandhom kontenut ta’ natura intellettwali, taħt forma orali, bil-miktub, bis-smigħ jew figurattiva, bejn utenti u ċirku kbir ta’ utenti oħra, permezz ta’ tixrid massiv, jikkostitwixxi l-iskop prinċipali jew funzjoni ewlenija;

[…]

(6)

‘utent’: kwalunkwe persuna li tuża pjattaforma ta’ komunikazzjoni, kemm jekk irreġistrata fuq dik il-pjattaforma u kemm jekk le;

(7)

‘video maħluq mill-utent’: sett ta’ immaġnijiet li jiċċaqalqu, bil-ħoss jew mingħajru, li jikkostitwixxu element individwali, irrispettivament mit-tul tiegħu, li jinħoloq minn utent u li jittella’ fuq pjattaforma ta’ video-sharing minn dak l-istess utent jew minn kwalunkwe utent ieħor;

[…]

(9)

‘programm’: element awtonomu wieħed ta’ servizz ta’ media awdjoviżiva kkostitwit, irrispettivament mit-tul tiegħu, minn sett ta’ immaġini li jiċċaqalqu, bil-ħoss jew mingħajru, fil-kuntest ta’ skeda jew katalgu stabbilit minn fornitur ta’ servizzi tal-media; dan jinkludi b’mod partikolari films prinċipali, videos qosra, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali (sitcoms), dokumentarji, programmi ta’ informazzjoni, programmi artistiċi u kulturali, programmi għat-tfal u drammi oriġinali;

[…]

(12)

‘pjattaforma ta’ video‑sharing’: servizz kif iddefinit mill-Artikoli 56 u 57 [TFUE], li l-għan ewlieni tas-servizz fih innifsu jew ta’ parti separabbli minn dan is-servizz jew funzjonalità essenzjali tas-servizz huwa l-forniment ta’ programmi (punt 9) jew ta’ videos maħluqa mill-utent (punt 7), jew it-tnejn, lill-pubbliku ġenerali, li għalihom il-fornitur tal-pjattaforma ta’ video‑sharing ma għandux responsabbiltà editorjali, sabiex jipprovdi informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni, permezz ta’ networks ta’ komunikazzjoni elettronika fis-sens tal-punt 1tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36] u li l-organizzazzjoni tiegħu (inkluż b’mezzi awtomatiċi jew algoritmi, b’mod partikolari permezz ta’ wiri, tagging u sekwenzjar) hija ddeterminata mill-fornitur tal-pjattaforma.”

13

L-Artikolu 3 tal-KoPl‑G huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom jistabbilixxu proċedura effikaċi u trasparenti ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ trattament ta’ komunikazzjonijiet li jirrigwardaw kontenut allegatament illegali preżenti fuq il-pjattaforma ta’ komunikazzjoni.

[…]

4.   Barra minn hekk, il-fornituri ta’ servizzi għandhom jiżguraw li jkollhom proċedura effikaċi u trasparenti ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tagħhom li jwaqqfu jew jirtiraw kontenut li kien is-suġġett ta’ komunikazzjoni (il-punt 1 tal-paragrafu 3). […]

[…]”

14

Skont l-Artikolu 4(1) tal-KoPl‑G:

“Il-fornituri ta’ servizzi għandhom jistabbilixxu rapport annwali jew, għall-pjattaformi ta’ komunikazzjoni li jinkludu iktar minn miljun utent irreġistrat, ta’ nofs is-sena, għal dak li jirrigwarda t-teħid ta’ responsabbiltà ta’ komunikazzjonijiet dwar kontenut allegatament illegali. Huma jibagħtu r-rapport tagħhom lill-awtorità regolatorja f’terminu massimu ta’ xahar mill-iskadenza tal-perijodu kopert minnu u simultanjament ipoġġuh online fuq is-sit tagħhom stess, fejn għandu jibqa’ faċilment aċċessibbli b’mod permanenti.”

15

L-Artikolu 5 tal-KoPl‑G jipprovdi:

“1.   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom jaħtru persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(4) tal-Verwaltungsstrafgesetz 1991 – VStG (VStG) [(il-Liġi tal‑1991 dwar is-Sanzjonijiet Amministrattivi, BGBl., 52/1991)] Din il-persuna:

(1)

tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi,

(2)

għandha setgħa li tordna b’mod li tkun tista’ tinforza d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi,

(3)

għandha l-għarfien meħtieġ tal-lingwa Ġermaniża sabiex tkun tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji,

(4)

għandha r-riżorsi meħtieġa sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha.

[…]

4.   Il-fornitur ta’ servizzi għandu jaħtar persuna fiżika jew ġuridika bħala rappreżentant responsabbli minn komunikazzjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji. Il-punt 3 tal-paragrafu 1, l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 3 għandhom japplikaw.

5.   L-awtorità regolatorja għandha tiġi informata mingħajr dewmien dwar l-identità tar-rappreżentant awtorizzat responsabbli u tar-rappreżentant responsabbli għall-komunikazzjonijiet.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Google Ireland, Meta Platforms Ireland u Tik Tok Technology, huma kumpanniji stabbiliti fl-Irlanda li jipprovdu, b’mod partikolari fl-Awstrija, servizzi ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni.

17

Wara d-dħul fis-seħħ, matul is-sena 2021, tal-KoPl‑G, huma talbu lill-KommAustria tiddikjara, skont l-Artikolu 1(5) ta’ din il-liġi, li huma ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

18

Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tas‑26 ta’ Marzu, tal‑31 ta’ Marzu u tat‑22 ta’ April 2021, din l-awtorità ddikjarat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-KoPl‑G, minħabba li kull waħda minnhom tipprovdi “pjattaforma ta’ komunikazzjoni” fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din il-liġi.

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), liema qorti ċaħdet dawn l-azzjonijiet bħala infondati.

20

Insostenn tal-appelli għal reviżjoni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw minn dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, huma jsostnu, minn naħa, li peress li r-Repubblika tal-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea ma ġewx informati bl-adozzjoni tal-KoPl‑G skont l-Artikolu 3(4)(b) u l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/31, din il-liġi ma tistax tiġi invokata kontrihom. Min-naħa l-oħra, l-obbligi stabbiliti mill-imsemmija liġi huma sproporzjonati u inkompatibbli mal-moviment liberu tas-servizzi u mal-“prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini” previst mid-Direttiva 2000/31, kif ukoll, fir-rigward tas-servizzi ta’ pjattaformi ta’ video-sharing, mid-Direttiva 2010/13.

21

F’dan ir-rigward, l-ewwel, din il-qorti tindika li l-appelli għal reviżjoni jqajmu l-kwistjoni dwar jekk il-KoPl‑G jew l-obbligi li hija timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi jikkostitwixxux miżuri meħuda fir-rigward ta’ “servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31. Hija tindika li għandha dubji dwar dan il-punt fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-KoPl‑G huma ġenerali u astratti u jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni obbligi ġenerali li japplikaw fl-assenza ta’ kwalunkwe att individwali u konkret.

22

It-tieni, fil-każ li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31 ikunu ssodisfatti, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-KoPl‑G jistax jiġi invokat kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali minkejja li ma tkunx ġiet innotifikata.

23

It-tielet, dejjem fil-każ li l-obbligi li l-KoPl‑G timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni jkollhom jiġu kklassifikati bħala miżuri meħuda fir-rigward ta’ “servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, l-istess qorti tistaqsi jekk dawn l-obbligi, kemm‑il darba l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4)(a) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti, japplikawx, bħala prinċipju, għas-servizzi pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala fornituri ta’ servizzi ta’ pjattaformi ta’ komunikazzjoni. Ġaladarba dan ikun il-każ, ikun meħtieġ għalhekk li jiġi ddeterminat, fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pjattaformi ta’ video-sharing, fis-sens tal-Artikolu 1(aa) tad-Direttiva 2010/13, jekk il-prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini li japplika wkoll fil-kuntest ta’ din id-direttiva bis-saħħa tal-Artikolu 28a(1) tagħha, li jirreferi għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, iżommx milli l-obbligi li l-KoPl‑G timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ikunu applikabbli għall-kontenut ta’ dawn il-pjattaformi fejn dan la jkun programm u lanqas video maħluq mill-utent.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 3(4)(a)(ii) tad-[Direttiva 2000/31] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “miżuri meħuda kontra servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni” jista’ jinkludi miżuri leġiżlattivi li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali (bħalma huma l-‘pjattaformi ta’ komunikazzjoni’), jew l-eżistenza ta’ tali miżuri timplika t-teħid ta’ deċiżjoni każ b’każ (pereżempju fir-rigward ta’ pjattaforma ta’ komunikazzjoni identifikata b’isimha)?

(2)

L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ urġenza, il-fatt li tali miżuri ma jiġux ikkomunikati (a posteriori) ‘fl-iqsar żmien possibbli’ lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun stabbilit il-fornitur tas-servizz, kif tipprevedi din id-dispożizzjoni, jimplika, mal-iskadenza ta’ terminu suffiċjenti sabiex titwettaq din il-komunikazzjoni (a posteriori), in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ dawn il-miżuri għal servizz partikolari?

(3)

L-Artikolu 28a(1) tad-[Direttiva 2010/13] jipprekludi l-applikazzjoni ta’ miżuri, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, li la jikkonċernaw il-programmi u lanqas il-videos maħluqa mill-utenti pprovduti fuq pjattaforma għall-kondiviżjoni ta’ videos?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li miżuri ġenerali u astratti li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali u li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ din il-kategorija ta’ servizzi jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari minn soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li t-termini tagħha ma jagħmlux riferiment espliċitu għad-dritt nazzjonali, għandhom, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, Fédération des entreprises de la beauté, C‑4/21, EU:C:2022:681, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tirreferi għal “servizz partikolari għas-soċjetà tal-informazzjoni”. L-użu tas-singular u tal-aġġettiv “partikolari” donnu jindika li s-servizz hekk imsemmi għandu jinftiehem bħala servizz individwalizzat, ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi wieħed jew iktar u li, konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw, skont dan l-Artikolu 3(4), miżuri ġenerali u astratti li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali u li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ din il-kategorija ta’ servizzi.

28

Il-fatt li l-kunċett ta’ “miżuri” jista’ jinkludi firxa wiesgħa ta’ miżuri adottati mill-Istati Membri ma jqegħidx f’dubju din l-evalwazzjoni.

29

Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, billi għażel li juża terminu wiesa’ u ġenerali bħal dan, ħalla għad-diskrezzjoni tal-Istat Membri n-natura u l-forma tal-miżuri li huma jistgħu jadottaw skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31. Mill-banda l-oħra, l-użu ta’ dan it-terminu bl-ebda mod ma jippreġudika s-sustanza u l-kontenut sostantiv ta’ dawn il-miżuri.

30

Fit-tieni lok, il-kuntest ta’ dan l-artikolu u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet proċedurali previsti fl-imsemmi Artikolu 3(4)(b), jikkorroboraw tali interpretazzjoni.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri, fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaqa’ f’qasam irregolat, li jidderogaw mill-prinċipju ta’ moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, taħt żewġ kundizzjonijiet kumulattivi (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 83).

32

Minn naħa, skont l-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31, il-miżura restrittiva kkonċernata għandha tkun meħtieġa sabiex tiggarantixxi l-ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew il-protezzjoni tal-konsumaturi, għandha tittieħed fir-rigward ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li effettivament jqiegħed f’perikolu dawn l-għanijiet jew jikkostitwixxi riskju serju u gravi li jippreġudika lil dawn tal-aħħar u, fl-aħħar nett, għandha tkun approporzjon tal-imsemmija għanijiet.

33

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(4)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istat Membru kkonċernat mhux biss għandu, minn qabel u bla ħsara għall-proċedura ġudizzjarja, inkluż il-proċedura preliminari u l-atti mwettqa fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, ikun talab lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur tas-servizz inkwistjoni huwa stabbilit sabiex jieħu xi miżuri partikolari u jew dak l-Istat Membru ma jkunx ħa dawk il-miżuri jew inkella dawn tal-aħħar ma jkunux suffiċjenti, iżda jkun wkoll ikkomunika lill-Kummissjoni u lil dan l-Istat Membru bl-intenzjoni tiegħu li jieħu l-miżuri restrittivi kkonċernati.

34

Il-kundizzjoni stabbilita fil-punt preċedenti donnha tikkonferma li l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stati Membri oħra billi jadottaw miżuri ta’ natura ġenerali u astratta li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni, deskritta b’termini ġenerali.

35

Fil-fatt, peress li tobbliga lill-Istati Membri li fihom jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jixtiequ, bħala Stati Membri ta’ destinazzjoni ta’ dan is-servizz, jadottaw miżuri abbażi tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, li jitolbu lill-Istat Membru ta’ oriġini tal-imsemmi servizz, jiġifieri lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit il-fornitur tal-istess servizz, sabiex jieħu miżuri, din id-dispożizzjoni tippreżupponi li l-fornituri u, konsegwentement, l-Istati Membri kkonċernati, jistgħu jiġu identifikati.

36

Issa, li kieku l-Istati Membri kienu awtorizzati jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni permezz ta’ miżuri ta’ natura ġenerali u astratta li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ kategorija ta’ dawn is-servizzi, tali identifikazzjoni tkun, jekk mhux impossibbli, tal-inqas eċċessivament diffiċli, b’tali mod li l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li josservaw tali kundizzjoni proċedurali.

37

Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, li kellu l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 jiġi interpretat li jinkludi miżuri ta’ natura ġenerali u astratta li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ kategorija ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, jiġri li l-komunikazzjoni minn qabel prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) ta’ din id-direttiva tidduplika dik li teżiġi d-Direttiva 2015/1535.

38

Fil-fatt, din id-direttiva tal-aħħar teħtieġ, essenzjalment, li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku li r-regoli tiegħu dwar is-servizzi jinkludu rekwiżiti ta’ natura ġenerali dwar l-aċċess għall-attivitajiet ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u dwar l-eżerċizzju tagħhom.

39

Fit-tielet lok, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari minn soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, bħala li jfisser li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ natura ġenerali u astratta li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ kategorija ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni tqiegħed f’dubju kemm il-prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini, li fuqu hija bbażata din id-direttiva, kif ukoll l-għan ta’ funzjonament tajjeb tas-suq intern li din id-direttiva tfittex li tilħaq.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 huwa dispożizzjoni ċentrali fl-istruttura u fis-sistema stabbilita minn din id-direttiva, fis-sens li jistabbilixxi dan il-prinċipju li jissemma wkoll fil-premessa 22 ta’ din id-direttiva li tiddikjara li “[s]ervizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni għandhom ikunu taħt superviżjoni fis-sorsi ta’ l-attività”.

41

Fil-fatt, bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 3(1), kull Stat Membru għandu jiżgura li s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovduti minn fornitur stabbilit fit-territorju tiegħu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’dak l-Istat Membru li jikkonċernaw il-qasam ikkordinat. L-imsemmi Artikolu 3(2) jippreċiża li l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jikkonċernaw il-qasam ikkordinat, jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

42

B’hekk, id-Direttiva 2000/31 hija bbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini u tar-rikonoxximent reċiproku, b’tali mod li, fil-kuntest tal-qasam ikkoordinat iddefinit fl-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni huma rregolati biss fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma stabbiliti l-fornituri ta’ dawn is-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punti 56 sa 59).

43

Konsegwentement, minn naħa, kull Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ oriġini ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jirregola dawn is-servizzi u għandu, għal dan il-għan, jipproteġi l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31.

44

Min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, huwa l-obbligu ta’ kull Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, li ma jirrestrinġix il-moviment liberu ta’ dawn is-servizzi billi jeżiġi l-osservanza ta’ obbligi addizzjonali, li jikkonċernaw il-qasam ikkoordinat, li huwa jkun adotta.

45

B’dan premess, kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-Direttiva 2000/31, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li, minkejja r-“regola dwar il-kontroll fis-sorsi ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni”, espressjoni oħra tal-prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru tal-oriġini msemmi fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, huwa leġittimu li l-Istati Membri jistgħu, fil-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija direttiva, jadottaw miżuri intiżi sabiex jillimitaw il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

46

B’hekk, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lil Stat Membru li fih jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jidderoga mill-prinċipju ta’ moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

47

Madankollu, interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ natura ġenerali u astratta li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ kategorija ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni tqiegħed f’dubju l-prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini stabbilit f’dan l-Artikolu 3(1).

48

Fil-fatt, il-prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini jaqsam il-kompetenza regolatorja bejn l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-Istat Membru li fih jiġi pprovdut is-servizz ikkonċernat, jiġifieri l-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

49

Issa, li kellu t-tieni Stat Membru jiġi awtorizzat jadotta, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, miżuri ta’ natura ġenerali u astratta li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ kategorija ta’ dawn is-servizzi, irrispettivament minn jekk dan ikunx stabbilit jew le f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, jiġri li titnaqqar il-kompetenza regolatorja tal-ewwel Stat Membru u fornituri bħal dawn jiġu ssuġġettati kemm għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll għal dik tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri ta’ destinazzjoni.

50

Madankollu, mill-premessa 22 tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li, kif ġie mfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fis-sistema stabbilita minn din id-direttiva, ippreveda li l-kontroll tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jsir fis-sors tal-attività, jiġifieri mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornitur ta’ servizzi, bl-għan triplu li jiżgura protezzjoni effettiva tal-għanijiet ta’ interess ġenerali, li jtejjeb il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, kif ukoll li jiżgura b’mod effiċjenti l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u ċertezza legali għall-fornituri u għad-destinatarji tagħhom.

51

Konsegwentement, peress li tqiegħed f’dubju l-prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31, l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 3(4), imfissra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza tippreġudika s-sistema u l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

52

Kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-possibbiltà ta’ deroga mill-prinċipju ta’ moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, prevista fl-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva, ma ġietx maħsuba sabiex tippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri ġenerali u astratti li l-għan tagħhom huwa li jirregolaw kategorija ta’ fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-intier tagħha u dan minkejja li tali miżuri jfittxu li jrażżnu kontenut li jippreġudika serjament l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(4)(a)(i) ta’ din l-istess direttiva.

53

Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-Istat Membru ta’ destinazzjoni jitħalla jadotta miżuri ġenerali u astratti intiżi sabiex jirregolaw il-provvista ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn fornituri li ma humiex stabbiliti fit-territorju tiegħu timmina l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u tmur kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li, kif ġie mfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, hija bbażata fuqu d-Direttiva 2000/31.

54

Barra minn hekk, dejjem fid-dawl ta’ interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 u tal-kunċett ta’ “miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni”, mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-premessa 8 tagħha, jirriżulta li l-għan tal-imsemmija direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri.

55

Fid-dawl ta’ dan, kif jirriżulta mill-premessi 5 u 6 tal-istess direttiva, din tal-aħħar tfittex li telimina l-ostakoli legali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, jiġifieri l-ostakoli li joriġinaw mid-diverġenzi fil-leġiżlazzjonijiet, kif ukoll mill-inċertezzi legali dwar liema regoli nazzjonali japplikaw għal dawn is-servizzi.

56

Issa, li kellhom l-Istati Membri jitħallew jadottaw, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, miżuri ta’ natura ġenerali u astratta li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali u li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ din il-kategorija ta’ servizzi jwassal finalment sabiex il-fornituri ta’ servizzi kkonċernati jiġu ssuġġettati għal leġiżlazzjonijiet differenti u, għaldaqstant, jiġu introdotti mill-ġdid l-ostakoli legali għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li din id-direttiva tfittex li telimina.

57

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2000/31 li jiġi żgurat l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri huwa mfittex permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll tal-miżuri li jistgħu jippreġudikaw dan l-għan, li jippermetti kemm lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni kkonċernat ikun stabbilit, jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 91).

58

Madankollu, il-possibbiltà li miżuri ta’ natura ġenerali u astratta li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali jitqiesu li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, ma jkollhiex l-effett li tali miżuri ma jibqgħux suġġetti għal dan il-mekkaniżmu ta’ kontroll.

59

Għall-kuntrarju, il-konsegwenza ta’ tali interpretazzjoni hija li l-Istati Membri ma humiex, bħala prinċipju, awtorizzati jadottaw tali miżuri, b’mod li lanqas ma hija meħtieġa l-verifika li dawn il-miżuri huma neċessarji sabiex jiġu ssodisfatti raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżuri ġenerali u astratti li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali u li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ din il-kategorija ta’ servizzi ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari minn soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda

61

Mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif miġbura fil-qosor fil-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni u t-tielet domanda biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha tirrispondi għall-ewwel domanda fl-affermattiv.

62

Issa, kif ġie konkluż fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, din l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

63

Dan ifisser li, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

Fuq l‑ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

miżuri ġenerali u astratti li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali u li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ din il-kategorija ta’ servizzi ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari minn soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top