Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0361

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-11 ta’ Jannar 2024.
    Industria de Diseño Textil, SA (Inditex) vs Buongiorno Myalert SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 6(1)(c) – Limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark – Użu tat-trade mark sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott jew ta’ servizz – Direttiva (UE) 2015/2436 – Artikolu 14(1)(c).
    Kawża C-361/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:17

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    11 ta’ Jannar 2024 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 6(1)(c) – Limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark – Użu tat-trade mark sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott jew ta’ servizz – Direttiva (UE) 2015/2436 – Artikolu 14(1)(c)”

    Fil-Kawża C‑361/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit‑Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

    Industria de Diseño Textil SA (Inditex)

    vs

    Buongiorno Myalert SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), J.‑C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Industria de Diseño Textil SA (Inditex), minn F. Arroyo Álvarez de Toledo u R. Bercovitz Álvarez, abogados,

    għal Buongiorno Myalert SA, minn J. J. Marín López, abogado, u A. Vázquez Pastor, procuradora,

    għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Němečková u J. Samnadda, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ), tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Industria de Diseño Textil SA (Inditex) u Buongiorno Myalert SA (iktar ’il quddiem “Buongiorno”), fir-rigward ta’ allegat ksur ta’ drittijiet mogħtija minn trade mark nazzjonali li tagħha Inditex hija proprjetarja, minħabba l-allegat użu, minn Buongiorno, ta’ sinjal identiku għal din it-trade mark, mingħajr il-kunsens ta’ Inditex.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    L‑Ewwel Direttiva 89/104

    3

    L-Artikolu 5 tal-Ewwel Direttiva 89/104, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, kien jiddikjara, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

    (a)

    kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

    (b)

    kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

    2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.”

    4

    L-Artikolu 6 tal-Ewwel Direttiva 89/104, intitolat “Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ,

    […]

    (ċ)

    t-trade mark fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts;

    sakemm jużahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali.”

    5

    L-Ewwel Direttiva 89/104 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), li daħlet fis-seħħ fit‑28 ta’ Novembru 2008.

    Id‑Direttiva 2008/95

    6

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

    (a)

    kwalunkwe sinjal li jkun identiku għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata;

    (b)

    kwalunkwe sinjal fejn, minħabba l-identità, jew similarità, tiegħu għat-trade mark u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

    2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistipula li l-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ kwalunkwe sinjal li jkun identiku, jew simili, għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li ma jkunux simili għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata, fejn ta’ l-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.”

    7

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża, fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

    […]

    (c)

    it-trade mark fejn din tkun meħtieġa sabiex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aċċessorji jew spare parts,

    sakemm jużahom skond prattika onesta f’materji industrijali jew kummerċjali.”

    8

    Id-Direttiva 2008/95 ġiet imħassra u ssostitwita, b’effett mill‑15 ta’ Jannar 2019, bid-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5).

    Id‑Direttiva 2015/2436

    9

    L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2015/2436, intitolat “Limitazzjoni tal-effetti ta’ trade mark”, jiddikjara, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Trade mark ma għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi li parti terza tuża, fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

    […]

    (c)

    it-trade mark bil-għan li tidentifika jew tagħmel referenza għal oġġetti jew servizzi bħala l-oġġetti jew is-servizzi tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark, b’mod partikolari, fejn l-użu tat-trade mark ikun meħtieġ sabiex wieħed jindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aċċessorji jew partijiet ta’ sostituzzjoni.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika biss meta l-użu li jsir mill-parti terza jkun f’konformità mal-prattiki onesti f’kwistjonijiet industrijali jew kummerċjali.”

    Id‑dritt Spanjol

    10

    Fil-verżjoni tiegħu li jittrasponi l-Artikolu 5 tal-Ewwel Direttiva 89/104, l-Artikolu 34 tal-Ley 17/2001 de Marcas (il-Liġi 17/2001 dwar it-Trade Marks) tas‑7 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 294, tat‑8 ta’ Diċembru 2001, p. 45579, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Trade Marks”), kien jipprovdi:

    “1.   Ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha d-dritt esklużiv li jużaha fil-kummerċ.

    2.   Il-proprjetarju tat-trade mark irreġistrata jista’ jipprojbixxi lil kull terz, fl-assenza tal-kunsens tiegħu, milli juża fil-kummerċ:

    a)

    sinjal li huwa identiku għat-trade mark għal prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark hija rreġistrata;

    b)

    sinjal li, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tiegħu mat-trade mark u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tiegħu ma’ prodotti jew servizzi, joħloq riskju ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku; ir-riskju ta’ konfużjoni jinkludi r-riskju li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

    c)

    sinjal identiku jew simili għal prodotti jew servizzi li ma humiex simili għal dawk li għalihom it-trade mark hija rreġistrata, meta din it-trade mark hija magħrufa jew tgawdi minn reputazzjoni għolja fi Spanja u li l-użu tas-sinjal mingħajr raġuni leġittima jista’ jindika rabta bejn dawn il-prodotti jew servizzi u l-proprjetarju tat-trade mark jew, b’mod ġenerali, meta dan l-użu jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew il-fama jew ir-reputazzjoni għolja tat-trade mark irreġistrata jew jikkawżalhom preġudizzju.”

    11

    Fil-verżjoni inizjali tiegħu l-Artikolu 37(1)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks ittraspona fid-dritt Spanjol l-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104 fid-dritt Spanjol, u kien jiddikjara:

    “Id-dritt mogħti mit-trademark ma jippermettix lill-proprjetarju tagħha li jipprojbixxi lil terz milli juża, fil-kummerċ, l-elementi li ġejjin, jekk dan l-użu jsir skont prattiki onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali:

    […]

    c)

    it-trade mark, meta tkun neċessarja sabiex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorju jew spare part.”

    12

    L-Artikolu 37 tal-Liġi dwar it-Trade Marks ġie emendat bir-Real Decreto‑Ley 23/2018 de transposición de directivas en materia de marcas, transporte ferroviario y viajes combinados y servicios de viaje vinculados (id-Digriet Liġi Rjali 23/2018, li Jittrasponi d-Direttivi fil-Qasam tat-Trade Marks, ta’ Trasport Ferrovjarju u ta’ Vjaġġi Kollox Kompriż u Servizzi ta’ Vjaġġi Marbuta), tal‑21 ta’ Diċembru 2018 (BOE Nru 312, tas‑27 ta’ Diċembru 2001, p. 127305), sabiex jittrasponi l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436.

    13

    Fil-verżjoni tiegħu emendat, l-Artikolu 37(1) u (2) tal-Liġi dwar it-Trade Marks jipprovdi:

    “1.   Trade mark ma tagħtix jedd lill-proprjetarju tagħha li jipprojbixxi lil terz milli juża fil-kummerċ:

    […]

    c)

    it-trade mark sabiex tindika jew issemmi prodotti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, b’mod partikolari meta dan l-użu tat-trade mark huwa neċessarju sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott jew ta’ servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika biss meta l-użu li jsir mit-terzi jsir konformement mal-prattiki onesti fi kwistjonijiet industrijali jew kummerċjali.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    14

    Buongiorno hija fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni permezz tal-internet u tan-networks ta’ telefonija mobbli. Matul is-sena 2010, dan il-fornitur nieda kampanja pubbliċitarja għal abbonament bi ħlas għal servizzi ta’ trażmissjoni ta’ kontenut multimedjali permezz ta’ SMS, ikkummerċjalizzat taħt l-isem ta’ “Club Blinko”. L-abbonament għal dan is-servizz kien jippermetti l-parteċipazzjoni fi tlugħ bix-xorti, fejn wieħed mill-premji kien jikkonsisti f’“voucher mingħand ZARA” ta’ valur ta’ EUR 1000. Wara li jikklikkja fuq banner sabiex ikollu aċċess għat-tlugħ bix-xorti, l-abbonat kien jara fuq l-iskrin ta’ wara s-sinjal “ZARA” mdawwar b’rettangolu, reminixxenti tal-format tal-vouchers.

    15

    Inditex ippreżentat, quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 2 de Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 2 ta’ Madrid, Spanja), azzjoni għal kontrafazzjoni kontra Buongiorno, minħabba li ġew ippreġudikati d-drittijiet esklużivi mogħtija minn trade mark nazzjonali li jipproteġu s-sinjal “ZARA” (iktar ’il quddiem it-“trade mark ZARA”). Insostenn ta’ din l-azzjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 34(2)(b) u (c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, Inditex invokat raġunijiet relatati, rispettivament, mal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u mal-benefiċċju li jirriżulta mir-reputazzjoni tat-trademark kif ukoll mal-preġudizzju kkawżat lil din ir-reputazzjoni.

    16

    Buongiorno ċaħdet l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark ZARA billi sostniet li kien sar użu speċifiku ta’ dan is-sinjal, mhux bħala trade mark, iżda sabiex tindika fiex kien jikkonsisti wieħed mir-rigali offruti lir-rebbieħa tat-tlugħ bix-xorti. Skont Buongiorno, tali użu, “bħala indikazzjoni”, jaqa’ taħt l-użu legali ta’ sinjali distintivi minn terzi rregolati mill-Artikolu 37 tal-Liġi dwar it-Trade Marks, kemm fil-verżjoni inizjali tagħha kif ukoll fil-verżjoni emendata tagħha.

    17

    Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors ta’ Inditex. Wara li kkunsidrat li l-użu tat-trade mark ZARA minn Buongiorno ma kienx jikkostitwixxi użu “bħala indikazzjoni” li jaqa’ taħt l-Artikolu 37 tal-Liġi dwar it-Trade Marks, fil-verżjoni inizjali tagħha, din il-qorti qieset li l-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 34(2)(b) u (c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks ma kinux issodisfatti.

    18

    Inditex appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid, Spanja), billi invokat l-eżistenza ta’ kontrafazzjoni tat-trade mark taħt l-Artikolu 34(2)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks. Dan l-appell ġie miċħud mill-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid), li qieset li l-użu tat-trade mark ZARA minn Buongiorno ma kienx jippreġudika r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark u ma kienx jislet vantaġġ indebitu minn din ir-reputazzjoni.

    19

    Inditex ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

    20

    Din il-qorti tindika li l-Artikolu 37(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, fil-verżjoni inizjali tiegħu, applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali, kien jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104, li l-formulazzjoni tagħha ma ġietx emendata sostanzjalment bid-Direttiva 2008/95.

    21

    L-imsemmija qorti tippreċiża li l-verżjoni attwali tal-Artikolu 37(1)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks tittrasponi l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436, fejn din id-direttiva ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2008/95.

    22

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li fl-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436 hemm riferiment għal aġir ġenerali, jiġifieri “li tidentifika jew tagħmel referenza għal oġġetti jew servizzi bħala l-oġġetti jew is-servizzi tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark”, segwit bl-espressjoni “b’mod partikolari”, li min-naħa tagħha hija segwita bir-riferiment għal aġir iktar speċifiku, jiġifieri “fejn l-użu tat-trade mark ikun meħtieġ sabiex wieħed jindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aċċessorji jew partijiet ta’ sostituzzjoni”. Peress li fl-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104 jissemma biss l-aġir l-iktar speċifiku, din il-qorti tesprimi dubji fir-rigward tal-portata tar-riferiment għall-aġir ġenerali introdott fl-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436. L-imsemmija qorti tistaqsi jekk dan ir-riferiment jikkostitwixxix spjegazzjoni ta’ element li kien jinsab impliċitament fl-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104 jew jekk il-portata tal-użu “bħala indikazzjoni” ġietx estiża bid-Direttiva 2015/2436.

    23

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li d-domanda tagħha hija mqiegħda fid-dawl permezz tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104 fis-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland (C‑228/03, EU:C:2005:177), kif ukoll tat‑8 ta’ Lulju 2010, Portakabin (C‑558/08, EU:C:2010:416, punti 6364). Din il-qorti tqis li jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja rrestrinġiet il-portata tal-limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark għall-użu neċessarju biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott tant li spjegat li l-għan li għandu l-intenzjoni li jilħaq l-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104 huwa li “l-fornituri ta’ prodotti jew ta’ servizzi li huma komplimentari għal prodotti jew għal servizzi offruti mill-proprjetarju ta’ trade mark ikunu jistgħu jużaw din it-trade mark sabiex jinformaw lill-pubbliku dwar ir-rabta utilitarja li teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi tagħhom u dawk tal-imsemmi proprjetarju tat-trade mark” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    24

    Il-qorti tar-rinviju tindika li r-risposta għad-domanda preliminari jkollha effett fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali. Hija tippreċiża li, jekk tilqa’ l-aggravju dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni li tagħti protezzjoni lit-trade marks li għandhom reputazzjoni, hija jkollha teżamina jekk l-użu tat-trade mark ZARA minn Buongiorno jaqax taħt il-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 37(1)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, fil-verżjoni inizjali tiegħu, applikabbli ratione temporis għat-tilwima li hija s-suġġett tal-appell, fejn din il-limitazzjoni hija ekwivalenti għal dik prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104. Skont il-qorti tar-rinviju, l-aġir ta’ Buongiorno jista’ madankollu jikkorrispondi iktar mal-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436 milli ma’ dik tal-imsemmi Artikolu 6(1)(ċ).

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill [89/104] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aġir iktar ġenerali li għalih attwalment jagħmel riferiment l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva [2015/2436], jiġifieri l-użu ‘[tat]-trade mark bil-għan li tidentifika jew tagħmel referenza għal oġġetti jew servizzi bħala l-oġġetti jew is-servizzi tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark’ għandu jitqies li huwa impliċitament inkluż fil-limitazzjoni tad-dritt ta’ trade mark?”

    Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

    26

    Inditex hija tal-fehma li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għal żewġ raġunijiet.

    27

    Essenzjalment, Inditex tosserva, fl-ewwel lok, li, skont il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104 hija rilevanti biss jekk l-appell ikun jista’ jintlaqa’ minħabba ksur tal-Artikolu 34(2)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, jiġifieri minħabba preġudizzju għal trade mark li għandha reputazzjoni. Skont Inditex, l-użu tat-trade mark ta’ ħaddieħor ma huwiex, f’dan il-każ, konformi mal-“prattiki onesti fi kwistjonijiet industrijali jew kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 37(1)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, fil-verżjoni inizjali tagħha. Peress li r-risposta għad-domanda ma hijiex, għalhekk, determinanti għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tingħata mill-qorti tar-rinviju, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

    28

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża prinċipali, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domanda li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Beobank,C‑351/21, EU:C:2023:215, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Minn dan isegwi li domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali talba huwa possibbli biss jekk jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda li tkun saritilha (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Saatgut‑Treuhandverwaltung (KWS Meridian), C‑522/21, EU:C:2023:218, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-allegat użu ta’ trade mark nazzjonali minn terzi, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, u li l-partijiet f’din il-kawża ma jaqblux, b’mod partikolari, dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 37(1)(c) tal-Liġi dwar it-Trade Marks fil-verżjoni inizjali tagħha. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-qorti nazzjonali tistaqsi dwar il-portata tal-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104 li tirrigwarda l-limitazzjoni tal-effetti ta’ trade mark nazzjonali u li ġiet trasposta fid-dritt Spanjol minn dan l-Artikolu 37.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104 ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika.

    32

    Barra minn hekk, sa fejn Inditex tesponi li d-domanda preliminari hija ipotetika minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-użu legali previsti fl-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104 jikkoinċidu ma’ dawk tal-użu relatat ma’ trade mark li għandha reputazzjoni, liema użu jista’ jiġi oppost mill-proprjetarju tagħha, konformement mal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, b’tali mod li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jeskludu lil xulxin reċiprokament, għandu jiġi osservat li dan l-argument jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva. Din l-argumentazzjoni ta’ Inditex tidher, għalhekk, li tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 6(1) differenti minn dik magħmula mill-qorti tar-rinviju u minn dan ma jistax jiġi dedott li d-domanda magħmula hija ta’ natura manifestament ipotetika.

    33

    Fit-tieni lok, Inditex issostni li l-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra li l-kliem tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436 jippermetti l-użu tat-trade mark inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li dan huwa użu “bħala indikazzjoni”, b’differenza ta’ dak li jirriżulta minn interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104. Hija tosserva li l-użu ta’ trade mark “bil-għan li tidentifika jew tagħmel referenza għal oġġetti jew servizzi bħala l-oġġetti jew is-servizzi tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark” ma huwiex fih innifsu legali, iżda għandu, barra minn hekk, ikun konformi mal-“prattiki onesti fi kwistjonijiet industrijali jew kummerċjali” u għandu josserva r-regoli tal-eżawriment tad-dritt tat-trade mark fil-każ ta’ tranżazzjonijiet li jikkonċernaw prodotti ta’ ħaddieħor. Għalhekk, ir-risposta għad-domanda preliminari ma hijiex utli, peress li hija insuffiċjenti sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni ta’ dritt imqajma fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

    34

    Issa, iċ-ċirkustanza li, sabiex tiġi deċiża t-tilwima, il-qorti tar-rinviju jista’ jkollha wkoll teżamina jew tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet oħra minbarra dawk imsemmija fid-domanda tagħha ma tistax twassal sabiex jiġi kkunsidrat li din hija mingħajr relazzjoni mas-suġġett tal-kawża u li għaldaqstant hija inammissibbli.

    35

    Għalhekk, iż-żewġ argumenti mressqa minn Inditex sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu miċħuda.

    36

    Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni Ewropea, mingħajr madankollu ma ssostni b’mod ċar li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, tosserva li l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, tirriżulta biss jekk l-użu tat-trade mark ZARA minn Buongiorno jikkostitwixxi użu minn terzi, fil-kummerċ, ipprojbit fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Peress li ma jidhirx li l-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-użu tat-trade mark ZARA ma kien jaqa’ taħt ebda wieħed mill-każijiet ta’ użu tat-trade mark previsti fl-Artikolu 34 tal-Liġi dwar it-Trade Marks, li jittrasponi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 fid-dritt Spanjol, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 37 ta’ din il-liġi, li jittrasponi, fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, humiex issodisfatti.

    37

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-argument tal-Kummissjoni jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95. Għalhekk, dan għandu jiġi eskluż għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

    38

    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq id‑domanda preliminari

    39

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali seħħew matul is-sena 2010. Peress li l-Ewwel Direttiva 89/104 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2008/95, li daħlet fis-seħħ fit‑28 ta’ Novembru 2008, id-dispożizzjoni applikabbli, ratione temporis, meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, hija l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 u mhux l-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104, fejn din it-tieni dispożizzjoni ġiet issostitwita bl-ewwel dispożizzjoni. Madankollu, jeħtieġ li jiġi spjegat li l-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija identika.

    40

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li l-qorti tar-rinviju ma tesprimix dubji fir-rigward tal-fatt li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, l-użu tat-trade mark għandu jirrigwarda l-identifikazzjoni jew ir-riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi “bħala l-oġġetti [il-prodotti] jew is-servizzi tal-proprjetarju ta’ dik it-trade mark”. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436 issa tesprimi dan ir-rekwiżit b’mod espliċitu, l-eżistenza tiegħu jirriżulta mill-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tal-Ewwel Direttiva 89/104 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland, C‑228/03, EU:C:2005:177, punt 33, kif ukoll tat‑8 ta’ Lulju 2010, Portakabin,C‑558/08, EU:C:2010:416, punt 64).

    41

    B’hekk, id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 jirriżultaw minn redazzjoni differenti tad-dispożizzjoni li ssostitwixxietha, jiġifieri l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436, fir-rigward tal-portata tal-użu tat-trade mark minn terzi, li l-proprjetarju ta’ din it-trade mark ma jistax jipprojbixxi, inkwantu dan l-użu ma jirrigwardax biss l-indikazzjoni tal-iskop intiż ta’ prodott ikkummerċjalizzat minn dawn it-terzi jew ta’ servizz offrut minnhom.

    42

    Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li d-domanda tiġi rriformulata fis-sens li, permezz tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda kull użu tat-trade mark fil-kummerċ minn terzi biex jiġu identifikati jew biex isir riferiment, konformement mal-prattiki onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali, għal prodotti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, jew jekk jirrigwarda biss użu ta’ din it-trade mark li huwa neċessarju sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott ikkummerċjalizzat minn dawn it-terzi jew ta’ servizz offrut minnhom.

    43

    Għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanjiet u l-iskop li jfittex li jilħaq l-att li minnu hija tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Towercast,C‑449/21, EU:C:2023:207, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, id-dritt mogħti mit-trade mark ma jippermettix lill-proprjetarju tagħha jipprojbixxi lil terzi l-użu, fil-kummerċ, tat-trade mark meta din tkun neċessarja għall-indikazzjoni tal-iskop intiż ta’ prodotti jew ta’ servizzi, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts.

    45

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436 jiddikjara, qabel kollox, li jkopri l-użu tat-trade mark sabiex jindika jew isemmi prodotti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark u, sussegwentement jirriproduċi l-kontenut leġiżlattiv ta’ dan l-Artikolu 6(1)(c) ippreċedut mill-espressjoni “b’mod partikolari”.

    46

    B’hekk mill-paragun minn perspettiva litterali ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li l-użu li kien intiż li jillimita l-effetti tat-trade mark bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 issa jikkostitwixxi waħda mill-ipoteżijiet tal-użu legali li ma tistax tiġi kkontestata mill-proprjetarju tat-trade mark bis-saħħa tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436.

    47

    Għaldaqstant il-portata tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 hija iktar limitata minn dik tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436 inkwantu dan l-Artikolu 6(1)(c) jirrigwarda biss l-użu, fil-kummerċ, tat-trade mark meta din tkun neċessarja biex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott jew ta’ servizz.

    48

    Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 hija kkorroborata kemm mill-għanijiet li din id-direttiva tfittex tilħaq, u b’mod partikolari dak ta’ din id-dispożizzjoni, skont kif ġie ddefinit mill-ġurisprudenza, kif ukoll mill-analiżi tal-oriġini tad-dispożizzjoni li ssostitwixxietha, jiġifieri l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436.

    49

    Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, billi jillimita l-effetti tad-drittijiet li l-proprjetarju ta’ trade mark jislet mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa intiż li jikkonċilja l-interessi fundamentali tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-trade mark u dawk tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq intern, u dan b’tali mod li d-dritt tat-trade mark ikun jista’ jissodisfa r-rwol tiegħu ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland, C‑228/03, EU:C:2005:177, punt 29).

    50

    B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom huwa neċessarju li trade mark tintuża biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott “fir-rigward ta’ aċċessorji jew spare parts” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland, C‑228/03, EU:C:2005:177, punt 32). Madankollu, is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 6(1)(c) għandhom jiġu limitati għal dawk li jikkorrispondu mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Portakabin,C‑558/08, EU:C:2010:416, punt 64).

    51

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-għan li l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 ifittex li jilħaq huwa li l-fornituri ta’ prodotti jew ta’ servizzi komplimentari għal prodotti jew servizzi offruti mill-proprjetarju ta’ trade mark jitħallew jużaw din it-trade mark sabiex jinformaw, b’mod li jinftiehem u li jkun komplet, lill-pubbliku dwar l-iskop intiż tal-prodott li jikkummerċjalizzaw jew tas-servizz li joffru jew, fi kliem ieħor, dwar ir-rabta utilitarja li teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi tagħhom u dawk tal-imsemmi proprjetarju tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland, C‑228/03, EU:C:2005:177, punti 3334, kif ukoll tat‑8 ta’ Lulju 2010, Portakabin,C‑558/08, EU:C:2010:416, punt 64).

    52

    Għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 jirrigwarda l-użu tat-trade mark sabiex prodotti jew servizzi jiġu identifikati jew jissemmew bħala dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark biss meta dan l-użu jkun limitat għas-sitwazzjoni li fiha huwa neċessarju biex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott ikkummerċjalizzat minn dawn it-terzi jew minn servizz offrut minnhom. Issa, fil-kuntest tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436, tali sitwazzjoni tikkorrispondi biss għal waħda mill-ipoteżijiet li fihom l-użu tat-trade mark ma huwiex tali li jiġi pprojbit mill-proprjetarju tagħha.

    53

    Fit-tieni lok, peress li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 fid-dawl tal-kontenut regolatorju tad-dispożizzjoni li ssostitwixxietu, l-oriġini ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tista’ tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 6(1)(c).

    54

    F’dan ir-rigward, mill-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (COM(2013) 162 final) jirriżulta li ġie “meqjus li hu xieraq […] li tiġi stipulata […] limitazzjoni espliċita li tkopri użu referenzjali b’mod ġenerali”. Kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kliem “meqjus li hu xieraq […] li tiġi stipulata” kien jindika r-rieda tal-Kummissjoni li tipproponi l-introduzzjoni ta’ limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark li tirrigwarda b’mod ġenerali l-użu referenzjali u li l-portata tiġi estiża għal-limitazzjoni, issa prevista fl-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436, u mhux li tiġi proposta sempliċi kjarifika jew preċiżazzjoni tal-aspetti ġenerali tal-Artikolu 6(1)(c) tal-Ewwel Direttiva 89/104.

    55

    Barra minn hekk, kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li testendi l-portata tal-limitazzjoni li preċedentement kienet tinsab fl-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, mill-formulazzjoni tal-premessa 25 tal-Proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (COM(2013) 162 final), li kienet tindika li “il-proprjetarju ma għandux ikun intitolat milli jipprevjeni l-użu ġenerali ġust u onest tal-marka biex jidentifika jew jirreferi għall-merkanzija jew servizzi bħala li huma tal-proprjetarju”.

    56

    Konsegwentement, l-oriġini tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2015/2436 tikkorrobora l-interpretazzjoni li l-portata tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 hija iktar limitata minn dik tal-Artikolu 14(1)(c).

    57

    F’dan il-każ, hija l-qorti nazzjonali, b’mod partikolari, li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk Buongiorno, permezz tal-kampanja pubbliċitarja tagħha mnedija għal abbonament għal wieħed mis-servizzi tagħha, li jippermetti s-sehem fi tlugħ bix-xorti fejn wieħed mill-premji kien jikkonsisti f’“voucher mingħand ZARA”, fejn l-abbonat kien jara fuq l-iskrin ta’ wara s-sinjal “ZARA” mdawwar b’rettangolu, li jevoka l-format tal-vouchers, għamlitx użu mit-trade mark ZARA, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95, u, jekk dan huwa l-każ, li tevalwa, fir-rigward tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, jekk dan l-użu kienx neċessarju sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ servizz li Buongiorno kienet toffri kif ukoll, skont il-każ, jekk dan l-użu kienx isir konformement mal-prattiki onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali.

    58

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda użu tat-trade mark fil-kummerċ minn terzi biex jiġu identifikati jew biex isir riferiment, konformement mal-prattiki onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali, għal prodotti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark biss meta tali użu tat-trade mark huwa neċessarju sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott ikkummerċjalizzat minn dawn it-terzi jew ta’ servizz offrut minnhom.

    Fuq l‑ispejjeż

    59

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks,

     

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    jirrigwarda użu tat-trade mark fil-kummerċ minn terzi biex jiġu identifikati jew biex isir riferiment, konformement mal-prattiki onesti fil-qasam industrijali jew kummerċjali, għal prodotti jew servizzi bħala dawk tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark biss meta tali użu tat-trade mark huwa neċessarju sabiex jiġi indikat l-iskop intiż ta’ prodott ikkummerċjalizzat minn dawn it-terzi jew ta’ servizz offrut minnhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top