This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0313
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 13 July 2023.#Achilleion Anomymi Xenodocheiaki Etaireia v Elliniko Dimosio.#Request for a preliminary ruling from the Elegktiko Synedrio.#Reference for a preliminary ruling – Structural Funds – European Regional Development Fund (ERDF) – Co-financing – Regulation (EC) No 1260/1999 – Articles 30(4) and 39(1) – Durability of investment operations – ‘Substantial modification’ of a co-financed investment operation – Recovery of aid in the event of transfer of the establishment which is the subject of that operation – Effect of the specific circumstances surrounding that transfer.#Case C-313/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023.
Achilleion Anomymi Xenodocheiaki Etaireia vs Elliniko Dimosio.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Elegktiko Synedrio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi Strutturali – Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Kofinanzjament – Regolament (KE) Nru 1260/1999 – Artikolu 30(4) u Artikolu 39(1) – Durabbiltà tal-operazzjonijiet relatati mal-investimenti – ‘Modifika sostanzjali’ ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata – Irkupru ta’ għajnuna fil-każ ta’ trasferiment tal-istabbiliment li huwa s-suġġett ta’ din l-operazzjoni – Effett taċ-ċirkustanzi speċifiċi relatati ma’ dan it-trasferiment.
Kawża C-313/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023.
Achilleion Anomymi Xenodocheiaki Etaireia vs Elliniko Dimosio.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Elegktiko Synedrio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi Strutturali – Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Kofinanzjament – Regolament (KE) Nru 1260/1999 – Artikolu 30(4) u Artikolu 39(1) – Durabbiltà tal-operazzjonijiet relatati mal-investimenti – ‘Modifika sostanzjali’ ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata – Irkupru ta’ għajnuna fil-każ ta’ trasferiment tal-istabbiliment li huwa s-suġġett ta’ din l-operazzjoni – Effett taċ-ċirkustanzi speċifiċi relatati ma’ dan it-trasferiment.
Kawża C-313/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:574
*A9* Elegktiko Synedrio, Apofasis tis 28/01/2022 (545/2022)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fondi Strutturali – Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Kofinanzjament – Regolament (KE) Nru 1260/1999 – Artikolu 30(4) u Artikolu 39(1) – Durabbiltà tal-operazzjonijiet relatati mal-investimenti – ‘Modifika sostanzjali’ ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata – Irkupru ta’ għajnuna fil-każ ta’ trasferiment tal-istabbiliment li huwa s-suġġett ta’ din l-operazzjoni – Effett taċ-ċirkustanzi speċifiċi relatati ma’ dan it-trasferiment”
Fil-Kawża C‑313/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Elegktiko Synedrio (il-Qorti tal-Awdituri, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura
Achilleion Anomymi Xenodocheiaki Etaireia
vs
Elliniko Dimosio,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, N. Piçarra u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, E. Panopoulou, G. Papadaki u E. Tsaousi, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Estonjan,, minn M. Kriisa, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Farley, I. Georgiopoulos u P. Rossi, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal‑21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Achilleion Anomymi Xenodocheiaki Etaireia u l-Elliniko Dimosio (l-Istat Elleniku) dwar l-irkupru parzjali ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija għall-finijiet tal-modernizzazzjoni ta’ lukanda u tal-ħolqien ta’ tliet impjiegi ġodda. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament Nru 1260/1999
3 |
Il-premessi 4, 6, 7 u 41 tar-Regolament Nru 1260/1999 kienu jipprovdu:
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1260/1999, intitolat “Kompatibilità”, kien jiddisponi: “Operazzjonijiet li jkunu qegħdin jiġu finanzjati mill-Fondi jew li jkunu qegħdin jirċievu għajnuna mill-[Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)] jew minngħand strument finanzjarju ieħor għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ma’ l-istrumenti addottati taħtu u mal-linji politiċi u l-azzjonijiet Komunitarji, inkluż ir-regoli dwar il-kompetizzjoni, dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, dwar il-protezzjoni u t-titjib ambjentali u dwar l-eliminazzjoni ta’ l-inugwaljanzi u l-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.” |
5 |
L-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eliġibiltà”, kien jipprevedi: “1. L-infiq fir-rigward ta’ operazzjonijiet għandu jkun eliġibbli biss għal kontribuzzjoni mill-Fondi jekk dawn l-operazzjonijiet jiffurmaw parti mill-għajnuna konċernata. […] 3. Ir-regoli nazzjonali relevanti għandhom japplikaw għall-ispiża eliġibbli ħlief fejn, kif meħtieġ, il-Kummissjoni tistabbilixxi regoli komuni dwar l-eliġibiltà ta’ l-ispiża b’mod konformi mal-proċedura msemmija f’Artikolu 53(2). 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li operazzjoni tibqa’ żżomm biss il-kontribuzzjoni mill-Fondi jekk dik l-operazzjoni, fi żmien ħames snin mid-data tad-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew ta’ l-awtorità amministrattiva dwar il-kontribuzzjoni mill-Fondi, ma ssirilhiex modifika sostanzjali:
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar modifiki bħal dawn. Meta sseħħ modifika bħal din, għandu japplika Artikolu 39.” |
6 |
It-Titolu IV tal-imsemmi regolament, intitolat “Effettività ta’ l-għajnuna mill-Fondi”, kien jinkludi l-Kapitolu II, intitolat “Kontroll finanzjarju”, li minnu kien jagħmel parti l-Artikolu 38 tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu: “Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom jerfgħu fl-ewwel lok ir-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju ta’ l-għajnuna. Għal dak l-iskop, il-miżuri li jieħdu għandhom: […]
[…]
|
7 |
L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji”, li jinsab ukoll f’dan il-Kapitolu II, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom, l-ewwel nett, jerfgħu r-responsabbiltà biex jinvestigaw l-irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq l-evidenza ta’ xi bidla kbira li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijet għall-implimentazzjoni jew is-superviżjoni ta’ l-għajnuna u biex jagħmlu l-korrezzjonijet finanzjarji meħtieġa. L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijet finali meħtieġa b’konnessjoni ma’ l-irregolarità individwali jew sistematika. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru għandhom jikkonsistu fil-kanċellament tal-kontribuzzjoni Komunitarja kollha jew parti minnha. Il-fondi Komunitarji rilaxxati b’dan il-mod jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru għall-għajnuna konċernata, b’konformità ma l-arranġamenti li għandhom jiġu definiti skond Artikolu 53(2).” |
8 |
Dan ir-regolament tħassar, mill‑1 ta’ Jannar 2007, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25, rettifiki fil-ĠU 2006, L 239, p. 248, fil-ĠU 2007, L 145, p. 38, fil-ĠU 2007, L 164, p. 36 u fil-ĠU 2008, L 301, p. 40). Madankollu, mill-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 jirriżulta li dan ma jaffettwax it-tkomplija jew il-modifika, inkluż it-tneħħija sħiħa jew parzjali, tal-għajnuna li tkun ġiet ikkofinanzjata mill-Fondi Strutturali jew ta’ proġett li jkun ġie kkofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni, approvat mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament Nru 1260/1999 jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tkun tapplika għal dik l-għajnuna fil‑31 ta’ Diċembru 2006, li għalhekk għandha tapplika, minn dik id-data, għall-imsemmija għajnuna jew għal dan il-proġett sat-tmiem tiegħu. |
Ir‑Regolament (KE) Nru 1685/2000
9 |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1685/2000 tat‑28 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-eliġibbilità ta’ l-infiq ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 122), kien jinkludi anness intitolat “Regoli ta’ eliġibilità”. Skont il-punt 1.10 tar-Regola Nru 1 ta’ dan l-anness, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2004 tal‑10 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 2, p. 3) (iktar ’il quddiem l-“Anness tar-Regolament Nru 1685/2000”), “[l]-Istati Membri jistgħu japplikaw regoli nazzjonali aktar stretti meta jikkalkolaw l-infiq eliġibbli skond il-punti 1.6, 1.7 u 1.8”, li jikkonċerna l-ispejjeż relatati mad-deprezzament ta’ proprjetà immobbli jew ta’ oġġetti kapitali, il-kontribuzzjonijiet in natura u l-ispejjeż ġenerali. |
Ir‑Regolament (KE) Nru 448/2001
10 |
Il-Kapitolu II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2001 tat‑2 ta’ Marzu 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 dwar il-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 155), intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri”, kien jinkludi l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Fil-każ ta’ irregolaritajiet sistematiċi, kull stħarriġ taħt l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandu jkopri l-operazzjonijiet kollha li jistgħu jintlaqtu. 2. Meta jikkanċellaw il-kontribuzzjoni tal-Komunità kollha jew parti minnha, l-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità ta’ l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fondi.” |
Il‑Linji Gwida dwar l‑għajnuna reġjonali mill‑Istat
11 |
Il-punti 4.12 u 4.14 tal-Linji ta’ gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 226) huma fformulati kif ġej:
[…]
|
Ir‑Regolament (KE) Nru 659/1999
12 |
L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, kien jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]. Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.” |
Ir‑Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/1995
13 |
Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/1995 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340): “‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’nefqa mhux ġustifikata.” |
14 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “1. Il-verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunità. […] 3. Il-liġi tal-Komunità għandha tistabbilixxi n-natura u l-iskop tal-miżuri amministrattivi u l-penali meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tar-regoli in kwestjoni, wara li jiġu kkunsidrati n-natura u s-serjetà ta’ l-irregolarità, il-vantaġġ mogħti jew miksub u l-grad tar-responsabbiltà. 4. Bla ħsara għal-liġi applikabbli tal-Komunità, il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-verifiki Komunitarji, il-miżuri u l-penali għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.” |
15 |
L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jiddisponi: “Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:
[…]” |
Ir‑Regolament Nru 70/2001
16 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat‑12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107 TFUE u 108 TFUE] għall-għajnuna ta’ l-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 141), fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 364/2004 tal‑25 ta’ Frar 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 64). “1. L-għajnuna għall-investiment fl-assi tanġibbli u mhux tanġibbli ġewwa u barra l-Komunità tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu [107(3) TFUE] u tkun eżentata mill-ħtiġiet tan-notifika ta’ l-Artikolu [108(3) TFUE] sakemm tħares il-kondizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6: […] 3. billi l-investiment isir f’artijiet u f’setturi illi jikkwalifikaw għall-għajnuna reġjonali fil-mument illi l-għajnuna tkun mogħtija, l-intensità ta’ l-għajnuna m’għandhiex taqbeż il-limiti ta’ l-għajnuna ta’ l-investiment reġjonali determinati fil-mappa approvata mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru b’ aktar minn:
Il-limiti l-għoljin ta’ l-għajnuna reġjonali għandhom japplikaw biss jekk l-għajnuna tkun mogħtija taħt il-kundizzjoni li l-investiment jinżamm fir-reġjun reċipjenti għal, mill-inqas, ħames snin u l-kontribut tal-benefiċjarju għall-finanzjament tiegħu stess ikun ta’ mill-inqas 25 %. 4. Il-limiti ffissati fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jgħoddu għall-intensità ta’ l-għajnuna kkalkulata jew bħala persentaġġ ta’ l-ispejjeż eliġibbli ta’ l-investiment jew bħala persentaġġ ta’ l-ispejjeż tal-pagi tal-ħidma li nħolqot bit-twettiq ta’ investiment (għajnuna għall-ħolqien ta’ xogħol) jew it-tnejn flimkien, sakemm l-għajnuna ma taqbiżx l-iktar ammont favorevoli li joħroġ mill-applikazzjoni ta’ kalkolu jew ieħor. […] 6. Fil-każijiet fejn l-għajnuna hija maħduma fuq il-bażi ta’ l-impjiegi maħluqa, l-ammont ta’ l-għajnuna tkun espressa bħala persentaġġ ta’ l-ispejjeż tal-pagi tul perjodu ta’ sentejn li jirrelata ma’ l-impjieg maħluq bil-kondizzjonijiet li ġejjin: […]
|
Ir‑Regolament (KE) Nru 438/2001
17 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001 tat‑2 ta’ Marzu 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 132) kien jiddisponi: “Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għandhom jinkludu proċeduri sabiex tiġi vverifikata l-kunsinna tal-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati u r-realtà ta’ l-infiq mitlub u sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-termini tad-deċiżjoni relevanti tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament [Nru 1260/1999] u mar-regoli nazzjonali u tal-Komunità applikabbli dwar, b’mod partikolari, l-eliġibbilità ta’ l-infiq għal għajnuna mill-Fondi Strutturali taħt l-assistenza konċernata, l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat (inklużi regoli dwar il-kumulazzjoni ta’ l-għajnuna), protezzjoni ta’ l-ambjent u l-ugwaljanza fl-opportunità. […]” |
Id‑dritt Elleniku
18 |
Skont l-Artikolu 477 tal-Astikos Kodikas (il-Kodiċi Ċivili) (FEK A’ 164/24.10.1984), “[j]ekk persuna twiegħed, permezz ta’ kuntratt konkluż mal-kreditur, li tħallas id-dejn ta’ ħaddieħor, id-debitur ma jinħelisx, jinħoloq obbligu addizzjonali fuq il-persuna li twiegħed, sakemm ma jirriżultax b’mod ċar il-kuntrarju”. |
19 |
L-Artikolu 479 ta’ dan il-kodiċi jiddisponi: “Jekk patrimonju jew impriża jkunu ġew ittrasferiti b’kuntratt, l-akkwirent huwa responsabbli fil-konfront tal-kreditur għad-djun marbuta mal-patrimonju jew mal-impriża, sal-valur tal-elementi ttrasferiti. Ir-responsabbiltà taċ-ċedent tibqa’ teżisti. Ftehim li jistipula l-kuntrarju, konkluż bejn il-partijiet kontraenti għad-detriment tal-kredituri, huwa null fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar.” |
20 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li “impriża”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 479, tfisser oġġett legali li jikkonsisti f’ġabra ta’ diversi elementi differenti, jiġifieri affarijiet (mobbli u immobbli), drittijiet, beni immaterjali (isem kummerċjali, trade mark, sinjali distintivi) kif ukoll sitwazzjonijiet u relazzjonijiet fattwali fir-rigward tas-suq (klijentela, reputazzjoni, post tal-bini, perspettivi u tamiet ta’ żvilupp), li flimkien jifformaw organizzazzjoni u unità ekonomika li tappartjeni lil entità partikolari. |
21 |
Skont dik il-qorti, mill-Artikoli 1 sa 4 tal-Proedrikó Diátagma 178/2002: Métra schetiká me tin prostasía ton dikaiomáton ton ergazoménon se períptosi metavívasis epicheiríseon, egkatastáseon í tmimáton egkatastáseon í epicheiríseon, se symmórfosi pros tin Odigía 98/50/EK tou Symvoulíou (id-Digriet Presidenzjali 178/2002 dwar il-Miżuri relattivi għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema f’Każ ta’ Trasferiment ta’ Impriżi, ta’ Negozji jew ta’ Parti minn Impriżi jew Negozji, għall-Finijiet ta’ Konformità mad-Direttiva 98/50/KE) (FEK A’ 162/12.7.2002) jirriżulta li kull teħid u tkomplija ta’ attività ekonomika minn terz, meta l-identità tal-impriża jew tal-operat ikkonċernat tinżamm jikkostitwixxu trasferiment ta’ impriża. F’każ bħal dan, il-bidla tal-persuna li timpjega twassal, indipendentement mill-kawża legali u mill-forma tat-trasferiment inkwistjoni, għas-surroga ipso jure tal-persuna l-ġdida li timpjega fir-relazzjonijiet ta’ xogħol eżistenti u għat-tneħħija tal-persuna li kienet timpjega għall-perijodu wara din il-bidla. Madankollu, anki wara tali trasferiment, din tal-aħħar tibqa’ responsabbli, in solidum u flimkien mal-persuna l-ġdida li timpjega, għall-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt jew minn relazzjoni ta’ xogħol sal-mument tat-teħid tagħhom mis-suċċessur. Dan l-effett iseħħ indipendentement minn kwalunkwe kunsens tal-ħaddiema. |
22 |
L-Artikolu 18(5) tal-Koini Ypourgiki Apofasi 192249/EYS 4057, Rýthmisi themáton pou aforoún tin efarmogí dráseon ton kratikón enischýseon stous tomeís tis metapoíisis kai tou tourismoú sto plaísio ton dekatrión (13) Perifereiakón Epicheirisiakón Programmáton tou K.P.S 2000-2006 sýmfona me to árthro 35 tou n. 3016/2002 (id-Deċiżjoni Ministerjali Konġunta 192249/EYS 4057, ir-Regolamentazzjoni tal-Kwistjonijiet dwar l-Implimentazzjoni ta’ Miżuri tal-Għajnuna mill-Istat fis-Setturi tal-Ipproċessar u tat-Turiżmu tal-Qafas tat‑Tlettax‑il (13) Programm Operazzjonali Reġjonali taċ-CCS 2000‑2006 konformement mal-Artikolu 35 tal-Liġi 3016/2002) (FEK Βʹ 1079/19.08.2002) tal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi u tal-Ministru għall-Iżvilupp (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Ministerjali Konġunta”) jipprevedi li, fil-każ ta’ għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal investiment, il-benefiċjarju għandu l-obbligu li jastjeni minn kull trasferiment tal-assi fissi tal-impriża ssussidjata għal perijodu ta’ ħames snin mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tlestija ta’ dan l-investiment. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
23 |
Fl‑10 ta’ Mejju 2004, Gousios V. Ntagkoumas G. AXE, kumpannija li saret Achilleion, ippreżentat talba lir-Reġjun tal-Maċedonja tal-Punent (il-Greċja) intiża sabiex l-investiment tagħha relatat mal-modernizzazzjoni ta’ lukanda li tinsab f’muniċipalità ta’ dan ir-reġjun jiġi inkluż fi skema ta’ għajnuna intiża għall-għajnuna finanzjarja tal-impriżi żgħar u medji (SMEs) tal-imsemmi reġjun fis-settur tat-turiżmu. Fis‑27 ta’ Jannar 2005, is-Segretarju Ġenerali tar-Reġjun tal-Maċedonja tal-Punent iddeċieda li jinkludi dan l-investiment f’din l-iskema ta’ għajnuna. |
24 |
L-għan tal-imsemmi investiment kien il-kostruzzjoni, il-modernizzazzjoni u r-rinnovazzjoni tal-bini ta’ lukanda eżistenti kif ukoll il-provvista ta’ tagħmir ta’ lukandi u ta’ sistema ta’ ffrankar tal-enerġija. Kien previst li jinħolqu tliet impjiegi ladarba li jitwettaq il-proġett. |
25 |
L-ammont totali tal-investiment inkwistjoni kien jammonta għal EUR 201900 u dak tal-għajnuna kien ta’ EUR 90000. Id-data tal-bidu tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati ma’ dan il-proġett kienet ġiet stabbilita għall‑10 ta’ Mejju 2004, filwaqt li t-terminu għat-tlestija tiegħu kien ta’ 18‑il xahar mid-data tal-inklużjoni ta’ dan l-investiment fl-iskema ta’ għajnuna kkonċernata. |
26 |
Permezz ta’ deċiżjoni ta’ tlestija tat‑8 ta’ Ġunju 2006, ġie kkonstatat li l-imsemmi investiment kien tlesta matul il-perijodu ta’ eliġibbiltà u li kienu nħolqu tliet impjiegi ġodda. |
27 |
Wara kontroll imwettaq matul l‑2009, ġie kkonstatat li l-lukanda kkonċernata kienet ġiet ittrasferita, fid‑9 ta’ Novembru 2006, lil Gousios Vaios – Monoprosopi EPE, b’tali mod li ma kienx ġie osservat l-obbligu, previst fl-Artikolu 18(5) tad-Deċiżjoni Ministerjali Konġunta, li ma jiġux ittrasferiti l-assi fissi tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna għal perijodu ta’ ħames snin mid-deċiżjoni ta’ tlestija, jiġifieri f’dan il-każ sat‑8 ta’ Ġunju 2011. |
28 |
Għaldaqstant, matul l‑2010, is-Segretarju tal-Istat għall-Ekonomija, għall-Kompetittività u għall-Affarijiet Marittimi adotta deċiżjoni li permezz tagħha impona korrezzjoni finanzjarja fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ta’ EUR 82500, fejn 75 % kienu riżorsi tal-FEŻR u 25 % kienu riżorsi nazzjonali. Dik id-deċiżjoni kellha bħala għan l-irkupru tal-għajnuna, wara li jitnaqqas l-ammont li jikkorrispondi għall-perijodu ta’ ħames xhur li matulhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet operat din il-lukanda skont l-obbligu msemmi fil-punt preċedenti. |
29 |
Adita fl-ewwel istanza mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’appell kontra l-imsemmija deċiżjoni, l-Elegktiko Synedrio (il-Qorti tal-Awdituri, il-Greċja), sedenti bħala Awla, permezz ta’ sentenza, ċaħdet dan l-appell, billi qieset li l-korrezzjoni finanzjarja u l-irkupru tal-għajnuna li hija s-suġġett tal-istess deċiżjoni kienu legali, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx osservat dan l-obbligu u sa fejn hija kienet għalhekk kisret l-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999 u l-Artikolu 18(5) tad-Deċiżjoni Ministerjali Konġunta. |
30 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Elegktiko Synedrio (il-Qorti tal-Awdituri), din id-darba sedenti f’formazzjoni plenarja. |
31 |
Fil-kuntest ta’ dan l-appell, hija ssostni, qabel kollox, li l-imsemmija sentenza hija vvizzjata minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, sa fejn hija ddeċidiet li t-trasferiment tal-lukanda kkonċernata kien jikkostitwixxi motiv awtomatiku ta’ rkupru tal-għajnuna mħallsa, mingħajr ma ġie vverifikat jekk l-operazzjoni ta’ investiment inkwistjoni kinitx effettivament għaddiet minn modifika sostanzjali fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha jew minħabba l-kisba ta’ vantaġġ indebitu. |
32 |
Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni, minn naħa, li din il-lukanda kienet ġiet ittrasferita lil kumpannija kkontrollata minn wieħed miż-żewġ azzjonisti tagħha u li dan it-trasferiment kien neċessarju sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà finanzjarja tal-imsemmija lukanda. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 479 tal-Kodiċi Ċivili, li jipprovdi li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża, l-entità ċedenti tibqa’ responsabbli għad-djun ta’ din l-impriża, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiggarantixxi li l-obbligi għal żmien twil ser jiġu onorati mill-kumpannija ċessjonarja. |
33 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinvoka, quddiem il-qorti tar-rinviju, ksur tal-libertà tagħha ta’ intrapriża u tad-dritt tagħha għall-proprjetà, minħabba li l-korrezzjoni finanzjarja ordnata mid-deċiżjoni msemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza ma kellhiex tiġi imposta, peress li l-obbligi kollha għal żmien twil kienu ġew osservati u l-għan imfittex mill-għajnuna mogħtija kien intlaħaq. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Elegktiko Synedrio (il-Qorti tal-Awdituri) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
35 |
Minkejja li l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma ġiet ikkontestata minn ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-kawża, għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Epitropos tou Elegktikou Synedriou (C‑363/11, EU:C:2012:825), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li rrilevat, b’mod partikolari, li l-proċedura li fil-kuntest tagħha kienet taqa’ t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Elegktiko Synedrio (il-Qorti tal-Awdituri) ma kinitx intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja, iżda sabiex teżerċita kontroll minn qabel tal-infiq tal-Istat, iddeċidiet li, f’tali kuntest, l-Elegktiko Synedrio (il-Qorti tal-Awdituri) ma kinitx tikkostitwixxi qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u li, konsegwentement, din it-talba għal deċiżjoni preliminari kellha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
36 |
Għall-kuntrarju, kif jirriżulta minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari u mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Elleniku msemmija fiha, l-Elegktiko Synedrio (il-Qorti tal-Awdituri) teżerċita, fil-kuntest li ta lok għal din it-talba, funzjoni ġudizzjarja u tikkostitwixxi, għaldaqstant, qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda
38 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 448/2001, tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Nru 2988/1995, tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll tal-punt 4.12 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat, iżda, bi ksur tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma tesponix biċ-ċarezza meħtieġa la r-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn tal-aħħar u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, b’tali mod li ma hemmx lok li l-imsemmija dispożizzjonijiet jiġu interpretati. |
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz ta’ dawn id-domandi, dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999 għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, it-trasferiment ta’ stabbiliment li huwa s-suġġett ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni jikkostitwixxi, fih innifsu, “modifika sostanzjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li, min-naħa l-oħra, huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-benefiċjarju ta’ sussidju mħallas għal tali operazzjoni ta’ investiment li ma jittrasferixxix, mingħajr eċċezzjoni, għal ħames snin mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tlestija tal-investiment inkwistjoni, stabbiliment li huwa s-suġġett ta’ din l-operazzjoni, taħt piena ta’ korrezzjoni finanzjarja flimkien ma’ rkupru totali jew parzjali tas-sussidju. L-imsemmija qorti tixtieq tkun taf ukoll jekk l-Artikolu 38 u l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, il-punt 1.10 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 70/2001 kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001 jistax ikollhom effett fuq ir-risposta mogħtija għall-imsemmija domandi. |
Fuq l‑applikabbiltà tal‑Artikolu 30(4) tar‑Regolament Nru 1260/1999
40 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999 kien jistabbilixxi l-prinċipju msejjaħ “ta’ durabbiltà” li jgħid li l-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali għal operazzjoni kienet tiġi akkwistata definittivament biss jekk din ma ssirilhiex “modifika sostanzjali” f’terminu ta’ ħames snin mid-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti jew mill-awtorità ta’ ġestjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-imsemmija Fondi. |
41 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-partijiet ma jaqblux b’mod partikolari fuq il-punt dwar jekk it-trasferiment tal-istabbiliment li huwa s-suġġett tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-FEŻR jikkostitwixxix “modifika sostanzjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikklassifika konkretament il-modifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżulta minn dan it-trasferiment. Fil-fatt, tali evalwazzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali, peress li r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat f’li tipprovdi lil din tal-aħħar interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni utli għad-deċiżjoni li hija għandha tieħu fil-kawża li tkun adita biha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddetermina l-elementi rilevanti, li jistgħu jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fl-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Sabiex jitqies li modifika taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, hemm lok li jiġi żgurat l-ewwel nett li l-operazzjoni partikolari li tkun suġġetta għal din il-modifika taqa’ taħt dan l-artikolu u, fl-affermattiv, li sussegwentement jiġi eżaminat jekk l-imsemmija modifika tissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punt 20). |
44 |
Waqt l-eżami ta’ dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-modifika kontenzjuża tissodisfax il-kundizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, li jeżiġi li din tal-aħħar tirriżulta jew minn bidla fin-natura tal-proprjetà tal-infrastruttura, jew minn waqfa jew bidla fil-post fejn issir l-attività produttiva. Fil-fatt, waqt il-verifika ta’ din il-kundizzjoni, jeħtieġ li jiġu evalwati l-elementi li wasslu għall-modifika kontenzjuża u li għalhekk jikkostitwixxu l-kawżi ta’ dik il-modifika (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punt 21). |
45 |
Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk din il-modifika taqax taħt waħda mill-ipoteżijiet imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-operazzjoni kkonċernata jew li tagħti vantaġġ indebitu lil impriża jew lil korp pubbliku, liema ipoteżijiet jirrigwardaw l-effetti tal-imsemmija modifika (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punt 22). |
46 |
Fit-tielet lok, ladarba jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, ikun imiss li jiġi vverifikat jekk il-modifika kontenzjuża hijiex sostanzjali (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punt 23). |
47 |
F’dan il-każ, peress li ma huwiex ikkontestat li l-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1260/1999, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, l-ewwel, jekk il-modifika kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4). |
48 |
F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li kien hemm waqfien jew rilokazzjoni ta’ attività produttiva. Għall-kuntrarju, minn dan jirriżulta li, wara t-trasferiment tagħha, il-lukanda li kienet is-suġġett ta’ din l-operazzjoni kompliet tintuża għall-istess attività bħal dik prevista fit-talba għal sussidju. |
49 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk seħħitx bidla fin-natura tal-proprjetà ta’ infrastruttura, għandu jiġi rrilevat li l-benefiċjarju tas-sussidju inkwistjoni ttrasferixxa l-proprjetà ta’ din il-lukanda, bħala infrastruttura fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, lil kumpannija miżmuma minn wieħed mill-azzjonisti tagħha. |
50 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-proprjetà ta’ tali infrastruttura nbidlet ma jfissirx li jista’ jitqies awtomatikament li dan it-tibdil jaffettwa n-natura stess tal-proprjetà ta’ din l-infrastruttura. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, abbażi ta’ eżami ddettaljat, jekk, minkejja t-trasferiment tal-proprjetà, in-natura ta’ din tal-aħħar inbidlitx jew le. Fil-fatt, dan jista’ ma jkunx il-każ, fid-dawl tal-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari, ta’ ftehim ta’ trasferiment intern lil kumpannija li fil-kuntest tiegħu ċ-ċedent u ċ-ċessjonarju huma responsabbli in solidum għad-djun u għall-obbligi eżistenti fil-mument tat-trasferiment. |
51 |
Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal sabiex tikkonkludi li l-kundizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999 hija ssodisfatta fil-kawża prinċipali, hija jkollha, it-tieni, fil-kuntest tal-verifika tal-punt dwar jekk il-modifika kkunsidrata taqax taħt waħda mill-ipoteżijiet imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) ta’ dan ir-regolament, sa fejn hija taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-operazzjoni ta’ investiment inkwistjoni jew sa fejn din tagħti vantaġġ indebitu lil impriża jew lil awtorità pubblika, teżamina l-effetti ta’ din il-modifika. |
52 |
Minn naħa, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura u l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-operazzjoni ta’ investiment inkwistjoni, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-miżura li fil-kuntest tagħha din l-operazzjoni kienet ġiet iffinanzjata (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev, C‑580/17, EU:C:2019:391, punt 54), jiġifieri l-għajnuna finanzjarja tal-SMEs fir-Reġjun tal-Maċedonja tal-Punent fis-settur tat-turiżmu. Tali għan jinsab fost l-għanijiet prijoritarji u iktar ġenerali tal-Fondi Strutturali u dawk, iktar speċifiċi, tal-FEŻR. |
53 |
Fil-fatt, skont il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1260/1999, l-għajnuna mill-Fondi Strutturali ssegwi għanijiet prijoritarji, jiġifieri l-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tar-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura, il-bidla ekonomika u soċjali ta’ żoni li jinsabu f’diffikultà strutturali kif ukoll l-adattament u l-modernizzazzjoni tal-politiki u tas-sistemi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-impjieg. Barra minn hekk, skont il-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, “l-iżvilupp tat-turiżmu [jikkontribwixxi] sabiex ir-reġjuni jsiru ekonomikament u soċjalment aktar attraenti billi jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ impiegi sostenibbli”. |
54 |
B’mod partikolari, skont il-premessa 7 tal-imsemmi regolament, il-FEŻR jikkontribwixxi prinċipalment għat-twettiq tal-għan tal-iżvilupp u tal-aġġustament strutturali tar-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura u għall-bidla ekonomika u soċjali tar-reġjuni li jinsabu f’diffikultajiet strutturali. |
55 |
Sa fejn, bla ħsara għall-fatt li r-Reġjun tal-Maċedonja tal-Punent jista’ jiġi kklassifikat bħala reġjun li għadu lura fl-iżvilupp jew bħala reġjun li jinsab f’diffikultà strutturali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, is-sussidju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jaqa’ taħt l-għan ta’ żvilupp tar-Reġjun tal-Maċedonja tal-Punent, ta’ għajnuna finanzjarja tal-SMEs ta’ dan ir-reġjun u ta’ żvilupp tas-settur tat-turiżmu, il-fatt li l-entità inkarigata minn dan il-proġett, jiġifieri r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ġiet issostitwita minn kumpannija ċessjonarja, jiġifieri Gousios Vaios – Monoprosopi EPE, fih innifsu ma jimplikax li dan l-għan ma ntlaħaqx u, għaldaqstant, li seħħet modifika tan-natura jew tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev, C‑580/17, EU:C:2019:391, punt 56). |
56 |
Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-istabbiliment li huwa s-suġġett ta’ din l-operazzjoni ġie ttrasferit ma jistax jippermetti li jiġi konkluż li teżisti modifika tan-natura jew tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija operazzjoni, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev, C‑580/17, EU:C:2019:391, punt 57). |
57 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk it-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali wassalx għal modifika tan-natura jew tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-operazzjoni kkofinanzjata mill-FEŻR fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mis-sussidju, kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza. |
58 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kundizzjoni l-oħra prevista, bħala alternattiva, fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, għandu jiġi rrilevat li din il-kundizzjoni timplika li jiġi vverifikat jekk il-modifika tal-operazzjoni kkonċernata tagħtix vantaġġ indebitu lil impriża jew lil korp pubbliku. |
59 |
F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-imsemmija kundizzjoni jirriżulta li d-durabbiltà ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata teħtieġ li ma jkunx ingħata vantaġġ indebitu la liċ-ċedent u lanqas liċ-ċessjonarju. Fil-fatt, il-ħolqien ta’ tali vantaġġ kemm favur il-proprjetarju li ttrasferixxa l-istabbiliment inkwistjoni, kif ukoll favur il-kumpannija ċessjonarja jista’ jikkostitwixxi modifika tal-operazzjoni inkwistjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev, C‑580/17, EU:C:2019:391, punt 59). |
60 |
Madankollu, anki fil-preżenza ta’ elementi li juru, prima facie, l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu, il-benefiċjarju tas-sussidju għandu jkollu l-possibbiltà li juri li t-trasferiment tal-istabbiliment li huwa s-suġġett tal-operazzjoni ssussidjata inkwistjoni ma ta tali vantaġġ la lilu nnifsu u lanqas lil din il-kumpannija (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev, C‑580/17, EU:C:2019:391, punt 60). |
61 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti tintalab tistħarreġ jekk ingħatax vantaġġ indebitu lil impriża jew lil korp pubbliku, din għandha neċessarjament tiddetermina fiex jikkonsisti, b’mod konkret, dan il-vantaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev, C‑580/17, EU:C:2019:391, punt 66). |
62 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-effetti konkreti u reali tat-trasferiment, l-effett ta’ dan tal-aħħar fuq is-sussidju inkwistjoni, l-eżistenza u n-natura tal-korrispettiv stabbilit għat-trasferiment tal-lukanda kkonċernata kif ukoll l-elementi rilevanti kollha li jippermettu li jiġi evalwat jekk dan it-trasferiment tax vantaġġ liċ-ċedent u/jew liċ-ċessjonarju. F’dan il-kuntest, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-ċedent u ċ-ċessjonarju huma, skont id-dritt Elleniku, responsabbli in solidum għad-dejn u għall-obbligi eżistenti fil-mument tal-imsemmi trasferiment. |
63 |
Għandu jingħad ukoll li, fir-rigward tal-benefiċjarju tas-sussidju, l-eżistenza u l-portata ta’ tali vantaġġ għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-differenza possibbli bejn il-vantaġġi, finanzjarji jew oħrajn, li dan il-benefiċjarju kellu jislet mill-operazzjoni kif din kienet inizjalment prevista u dawk li dan jislet minnha wara t-trasferiment tal-istabbiliment li huwa s-suġġett ta’ din l-operazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev, C‑580/17, EU:C:2019:391, punt 61). |
64 |
Fir-rigward tal-kumpannija ċessjonarja, għandu jiġi rrilevat li dan it-trasferiment huwa ta’ natura li jagħtiha vantaġġ indebitu meta hija tirċievi, mingħajr ma dan ikun oġġettivament spjegat miċ-ċirkustanzi tal-każ, dħul ogħla minn dak li kien jirċievi l-benefiċjarju tas-sussidju sad-data tat-trasferiment. Vantaġġ indebitu jista’ wkoll jiġi kkonstatat meta l-korrispettiv li l-kumpannija ċessjonarja tkun ħallset għat-trasferiment ma jkunx ġie stabbilit skont il-kundizzjonijiet tas-suq (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev, C‑580/17, EU:C:2019:391, punt 62). |
65 |
It-tielet, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal sabiex tikkonkludi li ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti, hija jkollha tivverifika jekk il-modifika kontenzjuża hijiex “sostanzjali”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, jiġifieri jekk din għandhiex ċertu portata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punt 35). |
66 |
Fir-rigward, qabelxejn, tal-kwistjoni dwar jekk bidla fin-natura tal-proprjetà ta’ infrastruttura, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, għandhiex tali portata, għandu jitqies li, fil-każ ta’ trasferiment bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tkun kwistjoni ta’ modifika sostanzjali jekk iċ-ċessjonarju, bħala proprjetarju ġdid tal-infrastruttura kkonċernata, jibqa’ marbut, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ trasferiment jew tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli, li jkompli l-operat ta’ din l-infrastruttura konformement, minn naħa, mal-modalitajiet u mal-kundizzjonijiet marbuta mas-sussidju inkwistjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, mal-għan li għandu jintlaħaq waqt l-għoti tagħha u jekk, barra minn hekk, minn eżami ddettaljat jirriżulta li l-bidla fin-natura tal-proprjetà tal-imsemmija infrastruttura ma twettqitx oġġettivament bl-għan li jiġu evitati r-regoli dwar il-kontribuzzjoni tal-Fondi, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. |
67 |
Fir-rigward, sussegwentement, tal-kwistjoni dwar jekk modifika li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-operazzjoni kkonċernata, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, hijiex sostanzjali, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 41 ta’ dan ir-regolament, l-għajnuna mogħtija minn wieħed mill-Fondi Strutturali għandha tibqa’ tinkiseb, kompletament jew parzjalment, għal operazzjoni biss bil-kundizzjoni li la n-natura tagħha u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha ma jkunux suġġetti għal modifika sostanzjali li tista’ twassal għal devjazzjoni tal-operazzjoni mgħejuna mill-għan inizjali tagħha. Konsegwentement, meta modifika tissodisfa l-kundizzjoni inkluża fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, sa fejn din taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ operazzjoni, tali modifika tista’ tiġi kklassifikata bħala “modifika sostanzjali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 30(4), biss jekk din tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tal-operazzjoni kkonċernata sabiex tilħaq l-għan li jkun ġie assenjat lilha (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punti 36 u 37). |
68 |
Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami li l-qorti nazzjonali għandha twettaq f’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk il-kumpannija ċessjonarja kkonċernata tistax tiġi kklassifikata bħala SME. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-elementi tal-proċess, b’mod partikolari l-fatt li din hija kumpannija b’responsabbiltà limitata b’membru uniku, jinkludu indizji f’dan ir-rigward, għandu jiġi żgurat li s-sussidju kkonċernat jikkontribwixxi, inter alia, għat-twettiq tal-għan ta’ għajnuna finanzjarja lill-SMEs. |
69 |
Jekk, wara tali verifika, jirriżulta li din il-kumpannija ma tistax tiġi kklassifikata bħala SME u li l-kapaċità tal-operazzjoni kkonċernata li tilħaq dan l-għan hija mnaqqsa, jew saħansitra ineżistenti, modifika sostanzjali li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ din l-operazzjoni tista’ tiġi kkonstatata mill-qorti tar-rinviju. |
70 |
Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kwistjoni dwar jekk modifika li tagħti vantaġġ indebitu lil impriża jew lil korp pubbliku, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, hijiex sostanzjali, għandu jiġi ppreċiżat, kif ġie rrilevat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, li, sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, il-modifika li tagħti l-vantaġġ indebitu inkwistjoni għandu jkollha ċerta portata, u dan jeskludi l-vantaġġi indebiti li d-daqs jew l-ammont tagħhom huma minimi jew insinjifikattivi. |
71 |
Minn dan isegwi li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi esposti fil-punti 47 sa 70 ta’ din is-sentenza, jekk it-trasferiment tal-istabbiliment li huwa s-suġġett tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix “modifika sostanzjali”, fis-sens tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999. |
Fuq ir‑rekwiżiti li jirriżultaw mill‑prinċipju ta’ durabbiltà previst fl‑Artikolu 30(4) tar‑Regolament Nru 1260/1999
72 |
Skont l-Artikolu 30(3) tar-Regolament Nru 1260/1999, ir-regoli nazzjonali rilevanti japplikaw għall-infiq eliġibbli, ħlief jekk, meta dan ikun neċessarju, il-Kummissjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 30 li hija tadotta, regoli komuni dwar l-eliġibbiltà tal-infiq. |
73 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1260/1999, l-operazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ finanzjament mill-Fondi Strutturali għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-atti adottati bis-saħħa tiegħu. |
74 |
Issa, billi stabbilixxa b’mod esklużiv, fl-Artikolu 30(4) tiegħu, il-kundizzjonijiet relatati mad-durabbiltà tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati, ir-Regolament Nru 1260/1999 neħħa b’mod ċar din il-kwistjoni mid-dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev, C‑580/17, EU:C:2019:391, punt 79). |
75 |
F’dan il-każ, skont l-Artikolu 18(5) tad-Deċiżjoni Ministerjali Konġunta, fil-każ ta’ għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal investiment, il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna għandu l-obbligu li jastjeni minn kull trasferiment tal-assi fissi tal-impriża ssussidjata għal perijodu ta’ ħames snin mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tlestija ta’ dan l-investiment. Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ trasferiment, mill-benefiċjarju ta’ tali għajnuna, ta’ stabbiliment li huwa s-suġġett ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata, imwettqa fil-ħames snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tlestija ta’ dan l-investiment, korrezzjoni finanzjarja sseħħ sistematikament. |
76 |
Għandu jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
77 |
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li huwa indikat fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix lill-benefiċjarju ta’ sussidju li juri, fil-każ ta’ trasferiment ta’ stabbiliment li huwa s-suġġett ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata, li waħda miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4), jew anki t-tnejn li huma, ma humiex issodisfatti jew li l-modifika tal-operazzjoni inkwistjoni ma għandhiex portata suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “sostanzjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
78 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-perijodu li matulu, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-durabbiltà ta’ operazzjoni hija imposta, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali tibqa’ valida għal operazzjoni jekk ma ssirilhiex modifika sostanzjali f’terminu ta’ ħames snin mid-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti jew tal-awtorità ta’ ġestjoni dwar il-kontribuzzjoni mill-Fondi. Issa, normalment, dan it-terminu jiskadi iktar kmieni minn dak previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-benefiċjarju ta’ sussidju l-obbligu li jastjeni minn kull trasferiment tal-assi fissi tal-impriża ssussidjata għal perijodu ta’ ħames snin mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tlestija tal-investiment ikkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev, C‑580/17, EU:C:2019:391, punt 81). |
79 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-benefiċjarju ta’ sussidju mħallas abbażi ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni li ma jittrasferixxix, mingħajr eċċezzjoni, għal ħames snin mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tlestija ta’ dan l-investiment, stabbiliment li jkun is-suġġett ta’ din l-operazzjoni, taħt piena ta’ korrezzjoni finanzjarja. |
80 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-Artikolu 38 u mill-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, mill-punt 1.10 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000, mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 70/2001 jew mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001. |
81 |
Fil-fatt, l-ewwel, konformement mal-Artikolu 38(1)(e) u (ħ) tar-Regolament Nru 1260/1999, l-Istat Membru kkonċernat għandu jeżamina jekk modifika li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30(4) ta’ dan ir-regolament u li, għaldaqstant, ma għandhiex tiġi evalwata fid-dawl ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, ma tikkostitwixxix irregolarità fis-sens tal-Artikoli 38 u 39 tal-imsemmi regolament, li fir-rigward tagħha, sussegwentement, għandhom isiru l-korrezzjonijiet finanzjarji neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, Baltlanta, C‑410/13, EU:C:2014:2134, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, bħala prinċipju dawn l-Artikoli 38 u 39 ma japplikawx għal sitwazzjoni li taqa’ taħt dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4), ikkaratterizzata mill-assenza ta’ “modifika sostanzjali” tal-operazzjoni kkonċernata. |
82 |
It-tieni, il-punt 1.10 tar-Regola Nru 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 1685/2000 kien sempliċement jippermetti lill-Istati Membri japplikaw regoli nazzjonali iktar stretti għad-determinazzjoni tal-ammont tal-infiq eliġibbli, mingħajr madankollu ma jawtorizzahom jinjoraw ir-rekwiżiti ta’ durabbiltà previsti fl-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999. |
83 |
It-tielet, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 70/2001, sabiex jibbenefika minn limiti massimi ta’ għajnuna reġjonali ogħla u sabiex jibqa’ eżentat mill-obbligu ta’ komunikazzjoni, l-investiment ikkonċernat għandu jinżamm fir-reġjun tal-benefiċjarju għal mill-inqas ħames snin. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata għall-kawża prinċipali u li, fi kwalunkwe każ, hija ma tipprekludix it-trasferiment tal-assi fissi tal-impriża ssussidjata lil impriża oħra, bil-kundizzjoni li l-investiment ikkonċernat jinżamm fir-reġjun tal-benefiċjarju tas-sussidju inkwistjoni. |
84 |
Ir-raba’, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001, li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw proċeduri sabiex jivverifikaw, b’mod partikolari, ir-realtà tal-infiq iddikjarat taħt l-għajnuna mill-Fondi Strutturali kkonċernata, ma jippermettix lill-Istati Membri jintroduċu kundizzjonijiet ġodda fir-rigward tar-regoli dwar id-durabbiltà tal-operazzjonijiet. |
85 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999 għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
Fuq it‑tielet domanda
86 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38(1)(ħ) tar-Regolament Nru 1260/1999, tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 448/2001, tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/1995, tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, iżda, bi ksur tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, ma tesponix biċ-ċarezza meħtieġa la r-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ dan il-prinċipju u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn tal-aħħar u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, b’tali mod li ma hemmx lok li l-imsemmija dispożizzjonijiet u l-imsemmi prinċipju jiġu interpretati. |
87 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz ta’ din id-domanda, dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30(4) u l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, moqrija flimkien mal-Artikoli 17 u 52(1) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma hemmx lok li jsiru l-korrezzjonijiet finanzjarji previsti f’dan l-Artikolu 39(1) meta t-trasferiment ta’ stabbiliment li huwa s-suġġett ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni jikkostitwixxi modifika sostanzjali ta’ din l-operazzjoni, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 30(4). L-imsemmija qorti tixtieq ukoll tkun taf il-livell ta’ protezzjoni żgurat mid-dritt għall-proprjetà rrikonoxxut fl-Artikolu 17 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 52(2) u (3) u l-Artikolu 53 tal-Karta kif ukoll mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-KEDB. |
88 |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’kull modifika sostanzjali ta’ operazzjoni kkofinanzjata, fis-sens tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 30(4), peress li tali modifika timplika l-applikazzjoni tal-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament. |
89 |
Konformement ma’ dan l-Artikolu 39(1), moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 30(4), huma l-Istati Membri li għandhom jinvestigaw l-irregolaritajiet u jaġixxu meta tiġi kkonstatata tali modifika sostanzjali u jwettqu l-korrezzjonijiet finanzjarji neċessarji previsti fl-imsemmi Artikolu 39(1). |
90 |
Minn dan isegwi li, meta jikkonstataw modifika sostanzjali, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 1260/1999, ta’ operazzjoni kkofinanzjata fit-terminu indikat f’din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 39(1) ta’ dan ir-regolament, bħala korrezzjoni finanzjarja, li jipproċedu bit-tħassir totali jew parzjali tal-kontribuzzjoni Komunitarja u għalhekk, fejn meħtieġ, bl-irkupru totali jew parzjali tas-sussidju mogħti. |
91 |
Fir-rigward tal-benefiċjarju, l-obbligu tiegħu ta’ rimbors ta’ dan is-sussidju ma jistax jiġi assimilat ma’ ksur tad-dritt għall-proprjetà, irrikonoxxut fl-Artikolu 17 tal-Karta. |
92 |
Fil-fatt, mill-Artikolu 30(4) u mill-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 jirriżulta mingħajr ambigwità li tali rimbors iseħħ fil-każ ta’ modifika sostanzjali ta’ operazzjoni ssussidjata, li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ durabbiltà ta’ din l-operazzjoni, li tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ eliġibbiltà ta’ din tal-aħħar. |
93 |
Konsegwentement, benefiċjarju li għandu l-obbligu ta’ rimbors ta’ sussidju li ngħatalu, sempliċiment bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-operazzjoni ssussidjata inkwistjoni, ma jistax jinvoka l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 17 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Ezernieki, C‑273/15, EU:C:2016:364, punt 49). |
94 |
Peress li, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà rrikonoxxut fl-Artikolu 17 tal-Karta, la hemm lok li jiġi analizzat tali obbligu u lanqas il-portata tiegħu fid-dawl tal-Artikoli 52 u 53 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-KEDB. |
95 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 30(4) u l-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, moqrija flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li hemm lok li jsiru l-korrezzjonijiet finanzjarji previsti f’dan l-Artikolu 39(1) meta t-trasferiment ta’ stabbiliment li huwa s-suġġett ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni jikkostitwixxi modifika sostanzjali ta’ din l-operazzjoni, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 30(4). |
Fuq l‑ispejjeż
96 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.