Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0307

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-26 ta’ Ottubru 2023.
FT vs DW.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill- Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 12, 15 u 23 – Dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għad-data tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata – Dritt li tinkiseb mingħajr ħlas l-ewwel kopja ta’ din id-data – Ipproċessar ta’ data ta’ pazjent mit-tabib tiegħu – Fajl mediku – Raġunijiet għat-talba għal aċċess – Użu tad-data għall-finijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-persuna li tipprovdi trattament mediku – Kunċett ta’ ‘kopja’.
Kawża C-307/22.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:811

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 12, 15 u 23 – Dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għad-data tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata – Dritt li tinkiseb mingħajr ħlas l-ewwel kopja ta’ din id-data – Ipproċessar ta’ data ta’ pazjent mit-tabib tiegħu – Fajl mediku – Raġunijiet għat-talba għal aċċess – Użu tad-data għall-finijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-persuna li tipprovdi trattament mediku – Kunċett ta’ ‘kopja’”

Fil-Kawża C‑307/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

FT

vs

DW

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Latvjan, minn K. Pommere, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, F. Erlbacher u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(5), tal-Artikolu 15(3), u tal-Artikolu 23(1)(i) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn FT u DW, dwar ir-rifjut ta’ FT, dentista, li tikkomunika lill-pazjent tagħha l-ewwel kopja tal-fajl mediku tiegħu mingħajr ħlas.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont il-premessa 4 tar-RĠPD:

“[…] Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari […] il-libertà tal-intrapriża […]”

4

Il-premessi 10 u 11 tar-RĠPD jistipulaw:

“(10)

Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni [Ewropea], il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. […]

(11)

Il-protezzjoni effettiva tad-data personali fl-Unjoni kollha teħtieġ it-tisħiħ u l-ispeċifikar fid-dettall tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta’ dawk li jipproċessaw u jiddeterminaw l-ipproċessar ta’ data personali […]”

5

Skont il-premessa 13 tar-RĠPD:

“[…] Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, u l-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji tagħhom huma mħeġġa jieħdu kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u dawk ta’ daqs medju fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. […]”

6

Il-premessa 58 tar-RĠPD tispeċifika:

“Il-prinċipju tat-trasparenza jeħtieġ li kwalunkwe informazzjoni indirizzata lill-pubbliku jew lis-suġġett tad-data tkun konċiża, aċċessibbli faċilment u faċli li tinftiehem, u li jintuża lingwaġġ ċar u sempliċi u, barra minn hekk, fejn meħtieġ, tintuża l-viżwalizzazzjoni. Tali informazzjoni tista’ tingħata f’forma elettronika, pereżempju, meta tiġi indirizzata lill-pubbliku, permezz ta’ sit elettroniku. Dan huwa partikolarment rilevanti f’sitwazzjonijiet fejn il-proliferazzjoni ta’ atturi u l-kumplessità teknoloġika tal-prattika jagħmluha diffiċli għas-suġġett tad-data li jkun jaf u jifhem jekk hijiex, minn min u għal liema għan qed tinġabar data personali dwaru, bħal fil-każ ta’ reklamar online. Minħabba li t-tfal jistħoqqilhom protezzjoni speċifika, kwalunkwe informazzjoni u komunikazzjoni, fejn l-ipproċessar huwa indirizzat lil xi minorenni, għandha tkun f’lingwaġġ ċar u sempliċi li l-minorenni jista’ jifhem faċilment.”

7

Il-premessa 59 tar-RĠPD tipprevedi:

“Għandhom jiġu pprovduti modalitajiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju mis-suġġett tad-data tad-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament, inklużi mekkaniżmi sabiex jintalab u jekk applikabbli, jinkiseb, bla ħlas, b’mod partikolari, l-aċċess għal u r-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali u l-eżerċizzju tad-dritt li joġġezzjona. […]”

8

Il-premessa 63 tar-RĠPD hija fformulata b’dan il-mod:

“Suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess għal data li tkun inġabret dwaru, u li jeżerċita dak id-dritt faċilment u f’intervalli raġonevoli, sabiex ikun jaf dwar, u jivverifika, il-legalità tal-ipproċessar. Dan jinkludi d-dritt tas-suġġetti tad-data li jkollhom aċċess għad-data dwar saħħithom, pereżempju d-data fir-reġistri mediċi tagħhom li jkun fihom informazzjoni bħal dijanjosi, riżultati ta’ eżamijiet, valutazzjonijiet mit-tobba li qed jittrattawhom u kwalunkwe kura jew intervent ipprovdut. […]”

9

L-Artikolu 4 tar-RĠPD jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)   ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

(2)   ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]”

10

L-Artikolu 12 tar-RĠPD jipprovdi:

“1.   Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, b’mod partikolari għal kwalunkwe informazzjoni indirizzata speċifikament lil minorenni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub, jew b’mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b’mezzi elettroniċi. Meta tintalab mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni tista’ tingħata bil-fomm dment li tingħata prova tal-identità tas-suġġett tad-data b’mezzi oħra.

2.   Il-kontrollur għandu jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 15 sa 22. […]

[…]

5.   L-informazzjoni pprovduta skont l-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni u kwalunkwe azzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 għandhom jingħataw mingħajr ħlas. Fejn it-talbiet minn suġġett tad-data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b’mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista’ jew:

(a)

jimponi ħlas raġonevoli waqt li jqis l-ispejjeż amministrattivi talli jipprovdi l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni jew talli jieħu l-azzjoni mitluba; jew

(b)

jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba.

Il-kontrollur għandu jerfa’ r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.

[…]”

11

L-Artikolu 15 tar-RPĠD jipprovdi:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-finijiet tal-ipproċessar;

(b)

il-kategoriji ta’ data personali inkwistjoni;

(c)

ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, b’mod partikolari riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

fejn possibbli, il-perijodu mbassar li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk mhux possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;

(e)

l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur rettifika jew tħassir tad-data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għal tali pproċessar;

(f)

id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja;

(g)

fejn id-data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data, kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors tagħhom;

(h)

l-eżistenza ta’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta’ profili, imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u, għall-inqas f’dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta’ tali pproċessar għas-suġġett tad-data.

2.   Fejn id-data personali tkun trasferita lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jiġi informat rigward is-salvagwardji adatti skont l-Artikolu 46 rigward it-trasferiment.

3.   Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għal aktar kopji mitluba mis-suġġett tad-data, il-kontrollur jista’ jimponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b’mezzi elettroniċi, u sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni.

4.   Id-dritt li tinkiseb kopja msemmija fil-paragrafu 3 ma għandux jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

12

L-Artikoli 16 u 17 tal-imsemmi regolament jistabbilixxu, rispettivament, id-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb ir-rettifika tad-data personali li ma tkunx eżatta (dritt għar-rettifika), kif ukoll id-dritt, f’ċerti ċirkustanzi, għat-tħassir ta’ din id-data (dritt għal tħassir jew “dritt li wieħed jintesa”).

13

L-Artikolu 18 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur ir-restrizzjoni tal-ipproċessar fejn tkun tapplika waħda minn dawn:

(a)

is-suġġett tad-data jikkontesta l-eżattezza tad-data personali, għal perijodu li jippermetti li l-kontrollur jivverifika l-eżattezza tad-data personali;

(b)

l-ipproċessar huwa illegali u s-suġġett tad-data jopponi t-tħassir tad-data personali u jitlob minflok ir-restrizzjoni tal-użu tagħha;

(c)

il-kontrollur ma jkollux aktar bżonn tad-data personali għall-għanijiet tal-ipproċessar, iżda din tkun meħtieġa mis-suġġett tad-data għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali;

(d)

is-suġġett tad-data jkun oġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) sakemm jiġi vverifikat jekk il-kriterji leġittimi tal-kontrollur jegħlbux dawk tas-suġġett tad-data.”

14

L-Artikolu 21 tar-RĠPD, intitolat “Dritt ta’ oġġezzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta’ profili abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa’ jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali.”

15

Skont l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD:

“Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

[…]

(i)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn;

[…]”

Id‑dritt Ġermaniż

16

Skont l-Artikolu 630f tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), il-persuna li tipprovdi t-trattament mediku hija obbligata żżomm fajl mediku bil-miktub jew elettronikament għall-iskop ta’ dokumentazzjoni b’konnessjoni temporali diretta mat-trattament. Il-persuna li tipprovdi t-trattament mediku hija obbligata tirreġistra fil-fajl mediku tal-pazjent il-miżuri kollha li, mil-lat mediku, ikunu essenzjali għat-trattament attwali u futur, u r-riżultati ta’ dawn il-miżuri, b’mod partikolari l-istorja tal-pazjent, id-dijanjosi, l-eżamijiet, ir-riżultati tal-eżamijiet, is-sejbiet, it-terapiji u l-effetti tagħhom, il-proċeduri u l-effetti tagħhom, il-kunsensi u kwalunkwe spjegazzjoni mogħtija. Il-persuna li tipprovdi t-trattament mediku għandha żżomm il-fajl tal-pazjent għal għaxar snin wara l-konklużjoni tat-trattament sakemm dispożizzjonijiet oħra ma jimponux perijodi ta’ żamma differenti.

17

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 630g(1) tal-BGB, il-pazjent għandu, fuq talba, jingħata aċċess immedjat għall-fajl mediku kollu li jikkonċernah, sakemm dan l-aċċess ma jkunx prekluż minn raġunijiet sinjifikattivi relatati mat-trattament jew minn drittijiet sinjifikattivi oħra ta’ partijiet terzi. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 630g(2) tal-BGB, il-pazjent jista’ wkoll jitlob kopji elettroniċi tal-fajl mediku. Fid-dawl tal-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi, dan għandu jinftiehem fis-sens li l-pazjent jista’ jitlob, skont l-għażla tiegħu, il-produzzjoni ta’ kopji fiżiċi jew elettroniċi. It-tieni sentenza tal-Artikolu 630g(2) tal-BGB tipprevedi li l-pazjent għandu jirrimborsa l-ispejjeż sostnuti lill-persuna li tipprovdi t-trattament mediku.

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

18

DW irċieva kura dentali mingħand FT. Minħabba li kellu suspett li kienu twettqu żbalji waqt it-trattament li ngħata, DW talab lil FT tagħtih, mingħajr ħlas, l-ewwel kopja tal-fajl mediku tiegħu. FT indikat lil DW li hija kienet ser twieġeb b’mod favorevoli għat-talba tiegħu fil-każ biss li jħallas l-ispejjeż marbuta mal-għoti tal-kopja tal-fajl mediku, kif jipprevedi d-dritt nazzjonali.

19

DW ippreżenta rikors kontra FT. Fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, intlaqgħet it-talba ta’ DW intiża li jingħata, mingħajr ħlas, l-ewwel kopja tal-fajl mediku tiegħu. Dawn id-deċiżjonijiet kienu bbażati fuq interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fid-dawl tal-Artikolu 12(5) kif ukoll tal-Artikolu 15(1) u (3) tar-RĠPD.

20

Adita b’rikors għal reviżjoni minn FT, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima tiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tar-RĠPD.

21

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont id-dritt nazzjonali, il-pazjent jista’ jikseb kopja tal-fajl mediku tiegħu, bil-kundizzjoni li jirrimborsa lill-persuna li tipprovdi t-trattament mediku l-ispejjeż ikkawżati.

22

Madankollu, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3), moqrija flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(5) tar-RĠPD, jista’ jirriżulta li l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar, f’dan il-każ il-persuna li tipprovdi t-trattament mediku, huwa obbligat jagħti lill-pazjent l-ewwel kopja tal-fajl mediku tiegħu mingħajr ħlas.

23

L-ewwel, il-qorti tar-rinviju tirrileva li DW qiegħed jitlob l-ewwel kopja tal-fajl mediku tiegħu bil-għan li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ FT. Tali għan ma huwiex relatat ma’ dak previst fil-premessa 63 tar-RĠPD, li tipprevedi d-dritt ta’ aċċess għad-data personali bil-għan li jinkiseb għarfien dwar l-ipproċessar ta’ din id-data u li tiġi vverifikata l-legalità tiegħu. Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tar-RĠPD ma tissuġġettax l-eżerċizzju tad-dritt għal komunikazzjoni għal tali raġunijiet. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma teżiġix li s-suġġett tad-data jimmotiva t-talba tiegħu għal komunikazzjoni.

24

It-tieni, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jillimitaw il-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 ta’ dan ir-regolament sabiex jiġi ggarantit wieħed mill-għanijiet previsti f’din id-dispożizzjoni. F’dan il-każ, FT qiegħda tinvoka l-għan tal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor li jinsab fl-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD u ssostni li s-sistema tariffarja tat-tieni sentenza tal-Artikolu 630g(2) tal-BGB hija miżura neċessarja u proporzjonata sabiex jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-persuni li jipprovdu t-trattament mediku, li tippermetti, bħala regola ġenerali, li jiġu evitati talbiet għal kopja mingħajr raġuni min-naħa tal-pazjenti kkonċernati.

25

Madankollu, minn naħa, it-tieni sentenza tal-Artikolu 630g(2) tal-BGB ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tar-RĠPD.

26

Min-naħa l-oħra, is-sistema tariffarja tat-tieni sentenza tal-Artikolu 630g(2) tal-BGB hija maħsuba primarjament sabiex tipproteġi l-interessi ekonomiċi tal-persuni li jipprovdu trattament mediku. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-interess ta’ dawn tal-aħħar li ma jbatux l-ispejjeż u l-piżijiet marbuta mal-għoti ta’ kopji ta’ data jaqax taħt id-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor fis-sens tal-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD. Barra minn hekk, it-trasferiment sistematiku lill-pazjenti tal-ispejjeż marbuta mal-kopji tal-fajls mediċi tagħhom jista’ jidher eċċessiv, peress li la jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont tal-ispejjeż effettivament ikkawżati u lanqas iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull talba.

27

It-tielet, sa fejn DW qiegħed jitlob li jingħata kopja tad-dokumenti mediċi kollha li jikkonċernawh, u għalhekk tal-fajl mediku tiegħu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-portata tad-dritt li tinkiseb kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata, kif stabbilit fl-Artikolu 15(3) tar-RĠPD. F’dan ir-rigward, dan id-dritt jista’ jiġi ssodisfatt permezz tal-komunikazzjoni ta’ sunt tad-data pproċessata mit-tabib. Madankollu, jidher li l-għanijiet ta’ trasparenza u ta’ stħarriġ tal-legalità previsti fir-RĠPD jimmilitaw favur il-komunikazzjoni ta’ kopja tad-data kollha li l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar ikollu f’forma mhux ipproċessata, jiġifieri tad-dokumenti mediċi kollha li jikkonċernaw lill-pazjent kemm-il darba jkun fihom tali data.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-[RĠPD], moqrija flimkien mal-Artikolu 12(5) tiegħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kontrollur (f’dan il-każ: it-tabib li qiegħed jipprovdi t-trattament) ma huwiex marbut jipprovdi mingħajr ħlas lis-suġġett tad-data (f’dan il-każ: il-pazjent) l-ewwel kopja tad-data personali tiegħu pproċessata mill-imsemmi kontrollur meta s-suġġett tad-data ma jitlobx il-kopja għall-finijiet iċċitati fl-ewwel sentenza tal-premessa 63 tar-RĠPD, jiġifieri li jkollu għarfien tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu u l-possibbiltà li jivverifika l-legalità ta’ dan l-ipproċessar, iżda għal fini differenti, li ma hijiex relatata mal-protezzjoni tad-data iżda hija leġittima (f’dan il-każ: il-verifika tal-eżistenza tad-drittijiet fil-qasam tar-responsabbiltà medika)?

(2)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

(a)

Skont l-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD, dispożizzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li tkun ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tar-RĠPD tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni tad-dritt li tiġi pprovduta mingħajr ħlas kopja tad-data personali pproċessata mill-kontrollur, kif previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3), moqrija flimkien mal-Artikolu 12(5) tar-RĠPD?

(b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 2a: l-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn li hemm riferiment għalihom hemmhekk jinkludu wkoll l-interess tagħhom li jiġu lliberati mill-ispejjeż marbuta mal-provvista ta’ kopja tad-data skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD u minn spejjeż oħra sostnuti minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kopja?

(c)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 2b: leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest tar-relazzjoni bejn it-tabib u l-pazjent, tipprovdi li t-tabib dejjem għandu dritt għar-rimbors tal-ispejjeż fil-konfront tal-pazjent fil-każ ta’ provvista ta’ kopja tad-data personali tal-pazjent mill-fajl mediku tiegħu, u dan indipendentement miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ individwali, tikkostitwixxi restrizzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi skont l-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD, li jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, moqrija flimkien mal-Artikolu 12(5) tar-RĠPD?

(3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda u għad-domandi 2a, 2b jew 2c: fil-kuntest tar-relazzjoni bejn it-tabib u l-pazjent, id-dritt skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD ikopri d-dritt għall-provvista ta’ kopji tal-partijiet kollha tal-fajl mediku tal-pazjent li jinkludu d-data personali tal-pazjent jew ikopri biss il-provvista ta’ kopja tad-data personali tal-pazjent bħala tali, fejn it-tabib kontrollur jibqa’ liberu li jiddeċiedi l-modalità ta’ kumpilazzjoni tad-data għall-pazjent ikkonċernat?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 12(5) u l-Artikolu 15(1) u (3) tar-RĠPD għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu li s-suġġett tad-data jingħata, mingħajr ħlas, l-ewwel kopja tad-data personali tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata huwa impost fuq il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar, anki meta din it-talba tkun motivata minn għan li ma jkunx marbut ma’ dawk previsti fl-ewwel sentenza tal-premessa 63 ta’ dan ir-regolament.

30

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Österreichische Post (Informazzjoni dwar id-destinatarji ta’ data), C‑154/21, EU:C:2023:3, punt 29).

31

Fir-rigward, l-ewwel, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 12(5) tar-RĠPD jistabbilixxi l-prinċipju li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għad-data tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata u għall-informazzjoni relatata ma’ dan l-ipproċessar ma għandu jimplika ebda spejjeż għas-suġġett tad-data. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi żewġ raġunijiet li għalihom kontrollur responsabbli għall-ipproċessar jista’ jew jitlob il-ħlas ta’ spejjeż raġonevoli li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż amministrattivi, jew jirrifjuta li jilqa’ talba. Dawn ir-raġunijiet jirrigwardaw każijiet ta’ abbuż ta’ dritt, li fihom it-talbiet tas-suġġett tad-data jkunu “manifestament bla bażi” jew “eċċessivi”, b’mod partikolari minħabba n-natura repetittiva tagħhom.

32

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju rrilevat espressament li t-talba tas-suġġett tad-data ma kinitx abbużiva.

33

Min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għad-data tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata u għall-informazzjoni relatata ma’ dan l-ipproċessar, li jagħmel parti integrali mid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, huwa ggarantit fl-Artikolu 15(1) tar-RĠPD. Skont il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt ta’ aċċess għad-data personali tagħhom li tkun qiegħda tiġi pproċessata.

34

Barra minn hekk, mill-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jirriżulta li l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata u jista’ jitlob il-ħlas ta’ spejjeż raġonevoli għal kull kopja addizzjonali mitluba mis-suġġett tad-data. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jagħti “dritt” lil dan is-suġġett tad-data. Għaldaqstant, tali ħlas jista’ jintalab mill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar biss meta s-suġġett tad-data jkun diġà rċieva, mingħajr ħlas, l-ewwel kopja tad-data tiegħu u jressaq talba oħra għaliha.

35

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, minn analiżi testwali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb riproduzzjoni fidila tad-data personali tiegħu, mifhuma f’sens wiesa’, li tkun is-suġġett ta’ operazzjonijiet li għandhom jiġu kklassifikati bħala “ipproċessar imwettaq mill-kontrollur responsabbli għal dan l-ipproċessar” (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF, C‑487/21, EU:C:2023:369, punt 28).

36

Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-Artikolu 12(5) u tal-Artikolu 15(1) u (3) tar-RĠPD jirriżultaw, minn naħa, id-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb l-ewwel kopja mingħajr ħlas tad-data personali tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà offruta lill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jitlob il-ħlas ta’ spejjeż raġonevoli li jieħdu inkunsiderazzjoni l-spejjeż amministrattivi, jew li jirrifjuta li jilqa’ talba jekk din tal-aħħar tkun manifestament infondata jew eċċessiva.

37

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li tabib li jwettaq l-operazzjonijiet ta’ pproċessar imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-RĠPD fir-rigward tad-data tal-pazjenti tiegħu għandu jitqies li huwa “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, suġġett għall-obbligi li timplika din il-kwalità, b’mod partikolari l-obbligu li jiggarantixxi aċċess għad-data personali fuq talba tas-suġġetti tad-data.

38

Għandu jiġi kkonstatat li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 12(5) tal-GDPR u lanqas dik tal-Artikolu 15(1) u (3) ta’ dan ir-regolament ma jissuġġettaw l-għoti, mingħajr ħlas, tal-ewwel kopja tad-data personali għall-invokazzjoni, minn dawn is-suġġetti tad-data, ta’ raġuni intiża li tiġġustifika t-talbiet tagħhom. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtux lill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar il-possibbiltà li jeżiġi raġunijiet għat-talba għal aċċess imressqa mis-suġġett tad-data.

39

Fir-rigward, it-tieni, tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 12 tar-RĠPD jaqa’ taħt it-Taqsima 1 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, li tirrigwarda b’mod partikolari l-prinċipju ta’ trasparenza, stabbilit fl-Artikolu 5(1)(a) tal-imsemmi regolament.

40

L-Artikolu 12 tar-RĠPD jistabbilixxi għalhekk l-obbligi ġenerali li jaqgħu fuq il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar fir-rigward tat-trasparenza tal-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet, kif ukoll il-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

41

L-Artikolu 15 tar-RĠPD, li jaqa’ taħt it-Taqsima 2 tal-Kapitolu III, li tirrigwarda l-informazzjoni u l-aċċess għad-data personali, jikkompleta l-qafas ta’ trasparenza tar-RĠPD billi jagħti lis-suġġett tad-data dritt ta’ aċċess għad-data personali tiegħu u dritt għal informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ din id-data.

42

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 59 tar-RĠPD, “[g]ħandhom jiġu pprovduti modalitajiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju mis-suġġett tad-data tad-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament, inklużi mekkaniżmi sabiex jintalab u jekk applikabbli, jinkiseb, bla ħlas, b’mod partikolari, l-aċċess għal u r-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali u l-eżerċizzju tad-dritt li joġġezzjona.”

43

Peress li, kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, is-suġġett tad-data ma huwiex obbligat jimmotiva t-talba ta’ aċċess għad-data, l-ewwel sentenza tal-premessa 63 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li din it-talba għandha tiġi miċħuda jekk ikollha għan differenti minn dak li s-suġġett tad-data jsir jaf bl-ipproċessar tad-data u li jivverifika l-legalità tiegħu. Fil-fatt, din il-premessa ma tistax tillimita l-portata tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, kif imfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-preambolu ta’ att tad-dritt tal-Unjoni ma għandux valur ġuridiku vinkolanti u la jista’ jiġi invokat issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas biex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Česká pojišťovna,C‑287/17, EU:C:2018:707, punt 33).

45

Barra minn hekk, il-premessa 63 tiddikjara, skont it-tieni sentenza tagħha, li d-dritt ta’ aċċess għad-data personali mogħti lis-suġġetti tad-data għandu jinkludi, fir-rigward tad-data dwar is-saħħa tagħhom, “d-data fir-reġistri mediċi tagħhom li jkun fihom informazzjoni bħal dijanjosi, riżultati ta’ eżamijiet, valutazzjonijiet mit-tobba li qed jittrattawhom u kwalunkwe kura jew intervent ipprovdut”.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt ta’ aċċess għad-data dwar is-saħħa ggarantit fl-Artikolu 15(1) tar-RĠPD ma jistax jiġi llimitat, permezz ta’ rifjut ta’ aċċess jew permezz tal-impożizzjoni tal-ħlas ta’ korrispettiv, għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-premessa 63. Dan jgħodd ukoll għad-dritt li tinkiseb l-ewwel kopja mingħajr ħlas, kif previst fl-Artikolu 12(5) u fl-Artikolu 15(3) ta’ dan ir-regolament.

47

It-tielet, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-RĠPD, għandu jiġi rrilevat li dan ir-regolament għandu l-għan, kif jindikaw il-premessi 10 u 11 tiegħu, li jiżgura livell koerenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fi ħdan l-Unjoni kif ukoll li jsaħħaħ u jippreċiża d-drittijiet tas-suġġett tad-data.

48

Huwa preċiżament għall-finijiet tat-twettiq ta’ dan l-għan li l-Artikolu 15(1) jiggarantixxi lis-suġġett tad-data dritt ta’ aċċess għad-data personali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S,C‑579/21, EU:C:2023:501, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Għaldaqstant, l-Artikolu 12(5) u l-Artikolu 15(1) u (3) tar-RĠPD jagħmlu parti mid-dispożizzjonijiet intiżi li jiggarantixxu dan id-dritt ta’ aċċess kif ukoll it-trasparenza tal-modalitajiet ta’ pproċessar tad-data personali fir-rigward tas-suġġett tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Österreichische Post (Informazzjoni dwar id-destinatarji ta’ data personali), C‑154/21, EU:C:2023:3, punt 42).

50

Issa, il-prinċipju li l-ewwel kopja tad-data għandha tingħata mingħajr ħlas kif ukoll l-assenza ta’ neċessità li tiġi invokata raġuni speċifika li tiġġustifika t-talba għal aċċess jikkontribwixxu neċessarjament sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju mis-suġġett tad-data tad-drittijiet mogħtija lilu mir-RĠPD.

51

Għaldaqstant, fid-dawl tal-importanza li r-RĠPD jagħti lid-dritt ta’ aċċess għad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata, kif iggarantit fl-Artikolu 15(1) tar-RĠPD, sabiex jintlaħqu tali għanijiet, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jistax ikun suġġett għal kundizzjonijiet li ma ġewx espressament previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, bħall-obbligu li tiġi invokata waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-premessa 63 tar-RĠPD.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 12(5) u l-Artikolu 15(1) u (3) tar-RĠPD għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu li s-suġġett tad-data jingħata, mingħajr ħlas, l-ewwel kopja tad-data personali tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata huwa impost fuq il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar anki meta din it-talba tkun motivata minn għan li ma jkunx marbut ma’ dawk previsti fl-ewwel sentenza tal-premessa 63 tal-imsemmi regolament.

Fuq it‑tieni domanda

53

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, li, sabiex jiġu protetti l-interessi ekonomiċi tal-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar, timponi fuq is-suġġett tad-data l-ispejjeż tal-ewwel kopja tad-data personali tiegħu li tkun is-suġġett ta’ dan l-ipproċessar.

54

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk humiex biss il-miżuri nazzjonali adottati wara d-dħul fis-seħħ tar-RĠPD li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-RĠPD, għandu jiġi enfasizzat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward.

55

Fil-fatt, l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD sempliċement jindika li miżura leġiżlattiva ta’ Stat Membru tista’ tillimita l-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 ta’ dan ir-regolament sakemm dawn il-miżuri jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti f’dawn l-artikoli u meta tali limitazzjoni tosserva l-essenza tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali u tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata sabiex tiġi ggarantita, b’mod partikolari, il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

56

Għaldaqstant, l-Artikolu 23(1) tar-RĠPD ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-miżuri leġiżlattivi nazzjonali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tar-RĠPD, sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minnu.

57

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex tipproteġi l-interess ekonomiku tal-persuni li jipprovdu trattament mediku, timponi fuq il-pazjent l-ispejjeż marbuta mal-provvista tal-ewwel kopja tal-fajl mediku mitlub minn dan tal-aħħar, taqax taħt l-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD, għandu jitfakkar, l-ewwel, li, kif jirriżulta mill-punti 31 u 33 sa 36 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 12(5) u l-Artikolu 15(1) u (3) ta’ dan ir-regolament, huwa rrikonoxxut li s-suġġett tad-data għandu dritt jikseb mingħajr ħlas l-ewwel kopja tad-data personali tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata.

58

It-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-GDPR tawtorizza, madankollu, lill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar jitlob il-ħlas ta’ spejjeż raġonevoli bbażati fuq l-ispejjeż amministrattivi għal kull kopja addizzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(5) tar-RĠPD, moqri fid-dawl tal-Artikolu 15(1) u (3) ta’ dan ir-regolament, jippermetti lill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar jipproteġi ruħu kontra l-użu abbużiv tad-dritt ta’ aċċess, billi jeżiġi l-ħlas ta’ spejjeż raġonevoli, fil-każ ta’ talba manifestament infondata jew eċċessiva.

59

It-tieni, skont il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex dritt assolut u għandu jiġi bbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħra, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk, ir-RĠPD jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, stabbiliti fit-Trattati (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali), C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 53).

60

Fil-fatt, l-Artikolu 15(4) tar-RĠPD jipprevedi li “[i]d-dritt li tinkiseb kopja […] ma għandux jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

61

Bl-istess mod, l-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD ifakkar li limitazzjoni tal-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 15 tar-RĠPD hija possibbli meta tali limitazzjoni tosserva l-essenza tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali u tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-“drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn”.

62

Għaldaqstant, mill-punti 59 sa 61 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dritt irrikonoxxut lis-suġġett tad-data li jikseb mingħajr ħlas l-ewwel kopja tad-data personali tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata ma huwiex dritt assolut.

63

It-tielet, huma biss kunsiderazzjonijiet dwar, fost oħrajn, il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor li huma ta’ natura li jiġġustifikaw limitazzjoni ta’ dan id-dritt, sakemm tali limitazzjoni tosserva l-essenza tiegħu u sakemm tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata sabiex tiġi ggarantita din il-protezzjoni, kif jipprevedi l-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD.

64

Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-sistema tariffarja prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 630g(2) tal-BGB tippermetti lill-persuna li tipprovdi trattament mediku tgħaddi fuq il-pazjent ir-responsabbiltà li jħallas l-ispejjeż marbuta mal-għoti tal-ewwel kopja tal-fajl mediku tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li din is-sistema hija intiża, prinċipalment, li tipproteġi l-interessi ekonomiċi tal-persuni li jipprovdu trattament mediku, li għandu jiddiswadi lill-pazjenti milli jressqu inutilment talbiet għal kopja tal-fajl mediku tagħhom. Għalhekk, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha effettivament l-għan li tipproteġi l-interessi ekonomiċi tal-persuni li jipprovdu trattament mediku, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jaqgħu taħt id-“ drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn” imsemmija fl-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD.

65

Fil-fatt, l-ewwel, tali leġiżlazzjoni twassal sabiex tiddiswadi mhux biss it-talbiet li jkunu inutli, iżda wkoll it-talbiet intiżi li tinkiseb, għal raġuni leġittima, l-ewwel kopja, mingħajr ħlas, tad-data personali pproċessata. Għaldaqstant, hija neċessarjament tikser il-prinċipju li l-ewwel kopja għandha tingħata mingħajr ħlas u għalhekk iddaħħal inkwistjoni l-effett utli tad-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 15(1) tar-RĠPD kif ukoll, bl-istess mod, il-protezzjoni ggarantita minn dan ir-regolament.

66

It-tieni, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-interessi protetti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jmorru lil hinn minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament amministrattiva jew ekonomika.

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-interessi ekonomiċi tal-kontrolluri responsabbli għall-ipproċessar ittieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont l-Artikolu 12(5) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, li, kif tfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, jiddefinixxu ċ-ċirkustanzi li fihom il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar jista’ jitlob il-ħlas tal-ispejjeż marbuta mal-għoti ta’ kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tfittxija tal-għan marbut mal-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-persuni li jipprovdu trattament mediku ma tistax tiġġustifika miżura li twassal sabiex jiddaħħlu inkwistjoni d-dritt li tinkiseb, mingħajr ħlas, l-ewwel kopja u, b’hekk, l-effett utli tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għad-data personali tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 23(1)(i) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni leġiżlazzjoni nazzjonali adottata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Madankollu, tali possibbiltà ma tippermettix li tiġi adottata leġiżlazzjoni nazzjonali li, bil-għan li tipproteġi l-interessi ekonomiċi tal-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar, timponi fuq is-suġġett tad-data l-ispejjeż tal-ewwel kopja tad-data personali tiegħu li tkun is-suġġett ta’ dan l-ipproċessar.

Fuq it‑tielet domanda

70

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ relazzjoni bejn tabib u pazjent, id-dritt li tinkiseb kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata jimplika li s-suġġett tad-data jingħata kopja sħiħa tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl mediku tiegħu u li jinkludu d-data personali tiegħu jew biss kopja ta’ din id-data bħala tali.

71

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont il-formulazzjoni tagħha, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD tagħti lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb riproduzzjoni fidila tad-data personali tiegħu, mifhuma f’sens wiesa’, li tkun is-suġġett ta’ operazzjonijiet li għandhom jiġu kklassifikati bħala “ipproċessar” imwettaq mill-kontrollur responsabbli għal dan l-ipproċessar (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF, C‑487/21, EU:C:2023:369, punt 28).

72

Sussegwentement, l-Artikolu 15 tar-RĠPD ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 tiegħu, dritt distint minn dak previst fil-paragrafu 1 tiegħu. Barra minn hekk, il-kelma “kopja” ma tirreferix għal dokument bħala tali, iżda għad-data personali inkluża fih, li għandha tkun kompleta. Għalhekk, il-kopja għandha tinkludi d-data personali kollha li tkun qiegħda tiġi pproċessata (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF, C‑487/21, EU:C:2023:369, punt 32).

73

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 15 tar-RĠPD, dan għandu l-għan li jsaħħaħ u jippreċiża d-drittijiet tas-suġġetti tad-data. B’hekk, id-dritt ta’ aċċess previst f’din id-dispożizzjoni għandu jippermetti lis-suġġett tad-data jiżgura ruħu li d-data personali li tikkonċernah hija eżatta u li qiegħda tiġi pproċessata b’mod legali. Barra minn hekk, il-kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata, li l-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar għandu jagħti skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, għandu jkollha l-karatteristiċi kollha li jippermettu lis-suġġett tad-data jeżerċita effettivament id-drittijiet tiegħu taħt dan ir-regolament u għandha, għaldaqstant, tirriproduċi din id-data b’mod sħiħ u fidil (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF, C‑487/21, EU:C:2023:369, punti 333439).

74

B’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni mogħtija mill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tkun tista’ tinftiehem faċilment, kif jeżiġi l-Artikolu 12(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 58 ta’ dan ir-regolament, ir-riproduzzjoni ta’ estratti ta’ dokumenti jew ta’ dokumenti sħaħ li jinkludu, fost oħrajn, id-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata tista’ tirriżulta indispensabbli fil-każ li l-kuntestwalizzazzjoni tad-data pproċessata tkun neċessarja sabiex jiġi żgurat li tkun tista’ tinftiehem (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF, C‑487/21, EU:C:2023:369, punt 41).

75

Għaldaqstant, id-dritt li tinkiseb, mingħand il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar, kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata jimplika li s-suġġett tad-data jingħata riproduzzjoni fidila u li tinftiehem ta’ din id-data kollha. Dan id-dritt jimplika d-dritt li tinkiseb kopja ta’ estratti ta’ dokumenti, jew anki ta’ dokumenti sħaħ, li jinkludu, fost oħrajn, l-imsemmija data, jekk l-għoti ta’ tali kopja jkun indispensabbli sabiex is-suġġett tad-data jkun jista’ jeżerċita effettivament id-drittijiet mogħtija lilu minn dan ir-regolament (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF, C‑487/21, EU:C:2023:369, punt 45).

76

Fir-rigward tal-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li r-RĠPD jidentifika elementi li tagħhom ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu jkun jista’ jitlob kopja. B’hekk, fir-rigward tad-data personali relatata mas-saħħa, il-premessa 63 ta’ dan ir-regolament tispeċifika li d-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-data jinkludi “d-data fir-reġistri mediċi tagħhom li jkun fihom informazzjoni bħal dijanjosi, riżultati ta’ eżamijiet, valutazzjonijiet mit-tobba li qed jittrattawhom u kwalunkwe kura jew intervent ipprovdut”.

77

F’dan ir-rigward, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 sa 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa minħabba n-natura sensittiva tad-data personali relatata mas-saħħa tal-persuni fiżiċi li l-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk enfasizza l-importanza li l-aċċess minn dawn tal-aħħar għad-data tagħhom inkluża fil-fajl mediku tagħhom isir bl-iktar mod komplet u preċiż possibbli, iżda wkoll b’mod li jinftiehem.

78

Issa, fir-rigward tar-riżultati ta’ eżamijiet, tal-opinjonijiet tat-tobba li jipprovdu t-trattament jew tat-trattamenti jew tal-interventi amministrati lil pazjent, li jinkludu, bħala regola ġenerali, diversi elementi ta’ data teknika, jew anki immaġini, l-għoti ta’ sempliċi sommarju jew ta’ kompilazzjoni ta’ din id-data mit-tabib, sabiex jippreżentahom f’forma sintetika, jista’ joħloq ir-riskju li ċerta data rilevanti titħalla barra jew tiġi riprodotta b’mod inkorrett jew, fi kwalunkwe każ, li l-verifika tal-eżattezza u tal-kompletezza ta’ din id-data kif ukoll il-komprensjoni tagħha mill-pazjent isiru iktar diffiċli.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ relazzjoni bejn tabib u pazjent, id-dritt li tinkiseb kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata jimplika li s-suġġett tad-data jingħata riproduzzjoni fidila u li tinftiehem ta’ din id-data kollha. Dan id-dritt jimplika d-dritt li tinkiseb kopja sħiħa tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl mediku tiegħu li jinkludu, fost oħrajn, l-imsemmija data, jekk il-provvista ta’ tali kopja tkun neċessarja sabiex is-suġġett tad-data jkun jista’ jivverifika l-eżattezza u l-kompletezza tagħha kif ukoll sabiex jiġi ggarantit li din id-data tkun tista’ tinftiehem. Fir-rigward tad-data dwar is-saħħa tas-suġġett tad-data, dan id-dritt jinkludi fi kwalunkwe każ dak li jikseb kopja tad-data tal-fajl mediku tiegħu b’informazzjoni bħalma huma d-dijanjosi, ir-riżultati ta’ eżamijiet, l-opinjonijiet tat-tobba li jipprovdu trattament u kull trattament jew intervent amministrati lil dan is-suġġett tad-data.

Fuq l‑ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 12(5) u l-Artikolu 15(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-obbligu li s-suġġett tad-data jingħata, mingħajr ħlas, l-ewwel kopja tad-data personali tiegħu li tkun qiegħda tiġi pproċessata huwa impost fuq il-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar anki meta din it-talba tkun motivata minn għan li ma jkunx marbut ma’ dawk previsti fl-ewwel sentenza tal-premessa 63 tal-imsemmi regolament.

 

2)

L-Artikolu 23(1)(i) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni leġiżlazzjoni nazzjonali adottata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Madankollu, tali possibbiltà ma tippermettix li tiġi adottata leġiżlazzjoni nazzjonali li, bil-għan li tipproteġi l-interessi ekonomiċi tal-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar, timponi fuq is-suġġett tad-data l-ispejjeż tal-ewwel kopja tad-data personali tiegħu li tkun is-suġġett ta’ dan l-ipproċessar.

 

3)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament 2016/679

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

fil-kuntest ta’ relazzjoni bejn tabib u pazjent, id-dritt li tinkiseb kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata jimplika li s-suġġett tad-data jingħata riproduzzjoni fidila u li tinftiehem ta’ din id-data kollha. Dan id-dritt jimplika d-dritt li tinkiseb kopja sħiħa tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl mediku tiegħu li jinkludu, fost oħrajn, l-imsemmija data, jekk il-provvista ta’ tali kopja tkun neċessarja sabiex is-suġġett tad-data jkun jista’ jivverifika l-eżattezza u l-kompletezza tagħha kif ukoll sabiex jiġi ggarantit li din id-data tkun tista’ tinftiehem. Fir-rigward tad-data dwar is-saħħa tas-suġġett tad-data, dan id-dritt jinkludi fi kwalunkwe każ dak li jikseb kopja tad-data tal-fajl mediku tiegħu b’informazzjoni bħalma huma d-dijanjosi, ir-riżultati ta’ eżamijiet, l-opinjonijiet tat-tobba li jipprovdu trattament u kull trattament jew intervent amministrati lil dan is-suġġett tad-data.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top