This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0298
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 29 July 2024.#Banco BPN/BIC Português, SA and Others v Autoridade da Concorrência.#Reference for a preliminary ruling – Competition – Agreements, decisions and concerted practices – Adverse effect on competition – Prohibition of restrictive practices – Article 101 TFEU – Agreements between undertakings – Restriction of competition by object – Exchanges of information between credit institutions – Information concerning commercial conditions and production values – Strategic information.#Case C-298/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
Banco BPN/BIC Português, SA et vs Autoridade da Concorrência.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Projbizzjoni ta’ akkordji – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet bejn impriżi – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Skambji ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Skambji ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Informazzjoni strateġika.
Kawża C-298/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
Banco BPN/BIC Português, SA et vs Autoridade da Concorrência.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Projbizzjoni ta’ akkordji – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet bejn impriżi – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Skambji ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Skambji ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Informazzjoni strateġika.
Kawża C-298/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:638
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
29 ta’ Lulju 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Projbizzjoni ta’ akkordji – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet bejn impriżi – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Skambji ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Skambji ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Informazzjoni strateġika”
Fil-Kawża C‑298/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tal-Kontroll u tas-Sorveljanza, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura
Banco BPN vs BIC Português SA
Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA, fergħa fil-Portugall,
Banco Português de Investimento SA (BPI),
Banco Espírito Santo SA, fi stralċ,
Banco Santander Totta SA,
Barclays Bank plc
Caixa Económica Montepio Geral Caixa Económica Bancária SA,
Caixa Geral de Depósitos SA,
Unión de Créditos Inmobiliários SA, Establecimiento Financiero de Crédito, Sucursal em Portugal,
Caixa Central de Crédito Agrícola Mútuo CRL,
Banco Comercial Português SA
vs
Autoridade da Concorrência,
fil-preżenza ta’:
Ministério Público,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, Z. Csehi u I. Jarukaitis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Banco BPN/BIC Português SA, minn C. Amorim, M. Gorjão-Henriques, F. Marques de Azevedo u A. Saavedra, advogados,
– għal Banco Português de Investimento SA (BPI), minn M. de Abreu Castelo Branco, A. Lucena e Vale u C. Pinto Correia, advogados,
– għal Banco Santander Totta SA, minn T.-L. Faria, M. Lopes Martins, G. Neves Lima u N. Salazar Casanova, advogados,
– għal Barclays Bank plc, minn S. Estima Martins u L. Seifert Guincho, advogados,
– għal Caixa Económica Montepio Geral - Caixa Económica Bancária SA, minn D. N. Brito, P. Gouveia e Melo u J. Vieira Peres, advogados,
– għal Caixa Geral de Depósitos SA, minn G. Banha Coelho, C. Homem Ferreira Morais, L. D. Silva Morais u L. Tomé Feteira, advogados,
– għal Unión de Créditos Inmobiliários SA, Establecimiento Financiero de Crédito, Sucursal em Portugal, minn T. L. Faria, M. Lopes Martins u G. Neves Lima, advogados,
– għal Caixa Central de Crédito Agrícola Mútuo CRL, minn C. Coutinho da Costa u N. Mimoso Ruiz, advogados,
– għal Banco Comercial Português SA, minn R. Bordalo Junqueiro, N. Carrolo dos Santos u B. de Melo Alves, advogados,
– għal Autoridade da Concorrência, minn A. Cruz Nogueira u S. Parodi, advogadas,
– għal Ministério Público, minn P. Vieira, procurador,
– għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, C. Chambel Alves u S. Ramos Moura, bħala aġenti,
– għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, bħala aġent,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Caselli, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, P. Caro de Sousa u M. Domecq, bħala aġenti,
– għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, minn M.-M. Joséphidès, M. Sánchez Rydelski u C. Simpson, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) u (3) TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn diversi istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-Autoridade da Concorrência (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, il-Portugall) (iktar ’il quddiem l-“AdC”), dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li timponi fuq dawn l-istabbilimenti multa għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-kompetizzjoni u tal-Artikolu 101 TFUE, ikkostitwita mill-parteċipazzjoni tagħhom fi prattika miftiehma li għandha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq tal-kreditu immobiljari, is-suq tal-kreditu għall-konsum u s-suq tal-kreditu lill-impriżi, fil-forma ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet, attwali u futuri, applikabbli għat-tranżazzjonijiet, b’mod partikolari l-ispreads u l-varjabbli ta’ riskju, kif ukoll iċ-ċifri individwali tal-produzzjoni tal-parteċipanti f’dan l-iskambju.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “Ir-Relazzjoni bejn l-Artikolu [101 u 102 TFUE] u liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu [101](1) tat-[TFUE] li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [101] tat-[TFUE] għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. [...] ”
Id‑dritt Portugiż
4 L-Avviż Nru 8/2009 tal-Banco de Portugal ġie ippubblikat fit‑12 ta’ Ottubru 2009 (Diário da República, serje 2, Nru 197, Parte E).
5 L-Artikolu 3(1) ta’ din l-opinjoni, intitolat “Lista ta’ Prezzijiet”, jipprovdi:
“L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandu jkollhom lista ta’ prezz sħiħ li tinkludi l-kundizzjonijiet ġenerali, li għandhom effetti patrimonjali, ta’ eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet u li jikkonċernaw il-prodotti u s-servizzi finanzjarji kkummerċjalizzati lill-pubbliku. ”
6 L-Artikolu 4 tal-imsemmi avviż, intitolat “Obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-iżvelar tal-lista tal-prezzijiet”, jippreċiża, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“1 - L-istituzzjonijiet ta’ kreditu koperti minn dan l-att għandhom iżommu l-lista tal-prezzijiet tagħhom, organizzata skont l-artikolu preċedenti fl-aġenziji u fil-postijiet kollha fejn iservu l-pubbliku, f’post viżibbli u direttament aċċessibbli, b’mekkaniżmu li jippermetti konsultazzjoni faċli u diretta, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ mezzi elettroniċi.
2 - L-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li għandhom sit internet għandhom jagħmlu disponibbli fuq is-sit tagħhom il-lista tal-prezzijiet, sħiħa u aġġornata, f’post viżibbli tajjeb, b’aċċess dirett u b’mod faċilment identifikabbli, mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni minn qabel tal-partijiet interessati.”
7 L-Artikolu 7 tal-Avviż Nru 8/2009, intitolat “Tweġiba dwar ir-Rati ta’ Interess”, isemmi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-informazzjoni li tinsab fil-Fuljett dwar ir-Rati tal-Imgħax għandha tiġi aġġornata skont il-kundizzjonijiet tas-suq u tippermetti lill-pubbliku, b’mod partikolari li jkun jaf ir-rati rappreżentattivi applikati mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fit-tranżazzjonijiet li huma abitwalment jipprattikaw, taħt il-kundizzjonijiet li ddefiniti mill-Istruzzjonijiet tal-Banco de Portugal.”
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
8 Fid‑9 ta’ Settembru 2019, l-AdC adottat deċiżjoni li permezz tagħha imponiet multa fuq ċerti stabbilimenti ta’ kreditu (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti”) talli pparteċipaw fi skambju ta’ informazzjoni “awtonomu”, jiġifieri fi skambju li ma ġiex allegat li kien aċċessorju għal prattika miftiehma li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, peress li dan l-iskambju jirrigwarda l-kundizzjonijiet applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tagħhom, b’mod partikolari l-ispreads u l-varjabbli ta’ riskju, attwali u futuri, kif ukoll fuq iċ-ċifri ta’ produzzjoni individwalizzati tal-parteċipanti f’dan l-iskambju bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.
9 Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, din l-awtorità kkunsidrat li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fatt li kien jeżentaha milli tfittex l-effetti possibbli ta’ dan l-iskambju fuq is-suq. Min-naħa l-oħra, l-AdC ma allegatx li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti kienu pparteċipaw f’forma oħra ta’ prattika li tirrestrinġi l-kompetizzjoni li l-iskambju ta’ informazzjoni kien jew seta’ jkun marbut magħha, bħal ftehim fuq il-prezzijiet jew fuq it-tqassim tas-swieq.
10 Il-parti l-kbira tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tal-Kontroll u tas-Sorveljanza, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju, peress li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni ma jistax jitqies, fih innifsu, li huwa suffiċjentement noċiv għall-kompetizzjoni. L-eżami tal-effetti tiegħu huwa għalhekk meħtieġ. Barra minn hekk, l-AdC ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku, ġuridiku u regolamentari tal-imsemmi skambju matul l-implimentazzjoni tiegħu, meta dan kien neċessarju qabel ma seta’ jiġi konkluż li kien hemm restrizzjoni minħabba l-għan.
11 Fit‑28 ta’ April 2022, il-qorti tar-rinviju tat sentenza interlokutorja li fiha indikat liema, minn fost il-fatti inklużi fid-deċiżjoni tal-AdC, kellhom jitqiesu bħala stabbiliti.
12 Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ġabret fil-qosor l-imsemmija sentenza interlokutorja billi qasmet id-deskrizzjoni ta’ din tal-aħħar f’ħames partijiet iddedikati rispettivament għan-natura tal-informazzjoni skambjata, għall-forma tal-koordinazzjoni, għall-għan imfittex minnha, għall-kuntest ġuridiku u ekonomiku kif ukoll għall-eżistenza allegata ta’ effetti favorevoli għall-kompetizzjoni.
13 L-ewwel nett, l-informazzjoni skambjata kienet tikkonċerna s-suq tal-kreditu immobiljari, is-suq tal-kreditu għall-konsum u s-suq tal-kreditu lill-impriżi. Kienu ġew skambjati żewġ tipi ta’ informazzjoni dwar dawn is-swieq, jiġifieri:
– il-“kundizzjonijiet” kummerċjali attwali u futuri, jiġifieri l-grilji tal-“ispreads”, jiġifieri d-differenza bejn ir-rata applikata lil min jissellef mill-istituzzjoni ta’ kreditu u r-rata li biha, fil-prinċipju, dan jiġi finanzjat mill-ġdid, kif ukoll il-varjabbli ta’ riskju li għalihom, għal kull livell ta’ riskju tal-“klijent”, iddeterminat skont fatturi bħal dħul, kontribuzzjoni finanzjarja jew l-ispiża tal-proprjetà immobbli tal-klijent ikkonċernat, spreads għandha tiġi applikata sabiex tikkumpensa għal dan ir-riskju. Din l-informazzjoni ma kinitx, fid-dawl tal-livell ta’ kompletezza u ta’ sistematizzazzjoni tal-informazzjoni skambjata, fid-dominju pubbliku fil-mument tal-iskambju;
– il-“volumi tal-produzzjoni”, jiġifieri ċ-ċifri individwalizzati, għal kull istituzzjoni ta’ kreditu parteċipanti, tal-ammont ta’ kreditu mogħti fix-xahar preċedenti. Din id-data kienet ikkomunikata b’mod “maqsum”, jiġifieri mill-inqas maqsum f’subkategoriji ddettaljati, u ma kinitx disponibbli f’din il-forma minn sors ieħor, fil-mument tal-iskambju u lanqas sussegwentement.
14 Is-sunt tas-sentenza interlokutorja jippreċiża wkoll li l-iskambji ta’ informazzjoni inkwistjoni kienu regolari u organizzati b’mod kunfidenzjali, b’tali mod li kienu biss l-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti li kienu jafu bihom. Barra minn hekk, dawn l-iskambji kienu jirrigwardaw informazzjoni strateġika mhux pubblika jew diffiċilment aċċessibbli jew sistematizzabbli. Fil-fatt, l-informazzjoni skambjata kienet distinta mill-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti, skont l-obbligi ta’ informazzjoni imposti fuqhom f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, din l-informazzjoni ġiet skambjata b’mod maqsum u individwalizzat minn dawn l-istabbilimenti u kienet tirrigwarda aġir attwali jew futur. B’mod partikolari, huma kienu jirreferu għall-intenzjonijiet ta’ bidla fl-aġir strateġiku fil-futur qarib jew għall-kundizzjonijiet kummerċjali fis-seħħ.
15 It-tieni nett, fir-rigward tat-tul u tal-forma ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni, il-qorti tar-rinviju tindika li dan tal-aħħar seħħ mix-xahar ta’ Mejju 2002 sax-xahar ta’ Marzu 2013. Dan immanifesta ruħu minn kuntatti istituzzjonalizzati bilaterali jew multilaterali, li saru permezz ta’ komunikazzjonijiet bit-telefon jew ta’ posta elettronika, u dan b’għarfien sħiħ tal-ġerarkija tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti.
16 It-tielet nett, peress li l-iskambju ta’ informazzjoni kien jippermetti lil kull wieħed mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti jikseb data ddettaljata, sistematizzata, aġġornata u preċiża dwar l-offerti tal-kompetituri tagħhom, li wkoll huma parteċipanti, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi minn dan li dan l-iskambju kellu l-għan li jnaqqas l-inċertezza marbuta mal-aġir strateġiku ta’ wieħed mal-ieħor u għalhekk ir-riskju ta’ pressjoni kummerċjali min-naħa ta’ dawn il-kompetituri.
17 Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-imsemmi skambju, l-ikbar sitt istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Portugall kollha pparteċipaw fl-iskambju ta’ informazzjoni. Issa, dawn l-istabbilimenti kienu jiġġestixxu, matul is-sena 2013, 83 % tal-assi bankarji kollha tas-settur bankarju Portugiż kollu.
18 Barra minn hekk, sa mit-tieni nofs tas-sena 2008, għall-kuntrarju tal-evoluzzjoni tal-Euribor, jiġifieri l-indiċi li jirrifletti r-rati tal-interessi interbankarji fi ħdan iż-żona tal-euro, li kien b’hekk naqas ħafna, l-ispreads tal-kreditu applikati mill-istituzzjonijiet finanzjarji għal krediti immobiljari ġodda kienu suġġetti għal żieda kbira, fatt li naqqas it-tnaqqis tar-rati tal-interessi għall-klijenti finali. Mill-inqas bejn is-sena 2010 u s-sena 2014, il-volum ta’ krediti immobiljari mogħtija lill-individwi, min-naħa l-oħra, naqas. Fl-istess ħin, matul is-snin 2010 u 2011, ir-rati tal-imgħax għall-krediti għall-konsumatur reġgħu żdiedu, flimkien maż-żieda qawwija u sostnuta fl-ispreads, li jaqbżu l-bidu tas-sena 2012 bil-quċċata tintlaħaq matul is-sena 2008. Matul is-sena 2012, dawn ir-rati bdew tnaqqis, li jirrifletti stabbilizzazzjoni tal-ispreads u t-tnaqqis tal-Euribor. Il-firxa fir-rati applikati mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti madankollu reġgħu lura, sussegwentement, f’livelli ogħla milli matul il-perijodi ta’ qabel l‑2012.
19 Fil-ħames lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ effetti potenzjalment favorevoli għall-kompetizzjoni jew, tal-inqas, ambivalenti, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti la rnexxilhom juru u lanqas li jidentifikaw l-eżistenza ta’ effetti effiċjenti ġġenerati mill-iskambji ta’ informazzjoni; li dawn l-effetti effiċjenti kienu ġew użati għall-benefiċċju tal-konsumaturi; u, li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni kienu indispensabbli. Dan l-iskambju ma setax, b’mod partikolari, jiġi assimilat ma’ analiżi kompetittiva (benchmarking) u l-kontenut tal-informazzjoni konkretament skambjata ma kienx tali li jipprevjeni jew isolvi l-problema li tikkonsisti f’asimmetrija ta’ informazzjoni fir-relazzjoni bejn min isellef u min jissellef (problema ta’ selezzjoni avversarja), peress li ma kienx jikkonċerna l-profil ta’ riskju individwali tal-klijenti, iżda kien jikkonċentra pjuttost fuq l-ispreads u l-volumi ta’ produzzjoni ta’ kreditu mingħajr diżaggregazzjoni għal kull impriża, u lanqas konnessjoni permezz ta’ klijent individwali.
20 Għalkemm il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-pressjoni kummerċjali u l-inċertezza marbuta mal-aġir strateġiku tal-kompetituri fis-suq, li jista’ jwassal għal koordinazzjoni informali li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, hija tqis neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, minħabba l-assenza ta’ preċedenti dwar l-iskambji ta’ informazzjoni awtonomi u informali.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tal-Kontroll u tas-Sorveljanza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 101 TFUE [...] jipprekludi l-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ta’ skambju, bejn kompetituri, ta’ informazzjoni dwar kundizzjonijiet kummerċjali (b’mod partikolari spreads, varjabbli ta’ riskju – attwali u futuri) u valuri ta’ produzzjoni (ta’ kull xahar, individwalizzati u maqsumin) b’kopertura komprensiva u bi frekwenza ta’ kull xahar, fil-qafas tal-offerta ta’ kreditu għax-xiri ta’ dar, għall-impriżi u għall-konsum, skambjata b’mod regolari u b’reċiproċità, fis-settur tal-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur, fl-ambitu ta’ suq ikkonċentrat u b’barrieri għad-dħul, li b’dan il-mod żdied it-trasparenza b’mod artifiċjali u naqqas l-inċertezza assoċjata mal-aġir strateġiku tal-kompetituri?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-istess regolamentazzjoni tipprekludi din il-klassifikazzjoni meta la jiġu kkonstatati u lanqas ma jkun possibbli li jiġu identifikati effetti effiċjenti, ambivalenti jew favur il-kompetizzjoni li jirriżultaw minn tali skambju ta’ informazzjoni? ”
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
22 Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.
23 Insostenn tat-talba tagħha, hija sostniet li, minn naħa, “[s]kont evalwazzjoni preliminari li tirrigwarda t-tmiem tat-terminu tal-preskrizzjoni, il-fatti inkwistjoni f’dan il-każ se jiġu preskritti fit-30 ta’ Marzu 2023, mingħajr preġudizzju għal raġunijiet ta’ sospensjoni u interruzzjoni, li għandhom jiġu evalwati in concreto. Min-naħa l-oħra, “raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali u speċjali jikkontribwixxu għall-ħtieġa li tinkiseb soluzzjoni rapida f’dan il-każ”, peress li l-fatti seħħew bejn l-2002 u l-2013.
24 F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.
25 Fl-14 ta’ Ġunju 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jissuġġetta din il-kawża għal proċedura mħaffa.
26 Din id-deċiżjoni kienet motivata mill-fatt li, fl-ewwel lok, skont il-qorti tar-rinviju nnifisha, l-iffissar tat-tmiem tal-preskrizzjoni fit-30 ta’ Marzu 2023 huwa “mingħajr preġudizzju għal raġunijiet ta’ sospensjoni u interruzzjoni, li għandhom jiġu evalwati in concreto”. Issa, il-qorti tar-rinviju indikat ukoll li hija tqis li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, “dan ir-rinviju, li jinvolvi sospensjoni tal-proċeduri, jikkostitwixxi raġuni ta’ sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni attwali”.
27 Fit-tieni lok, il-fatt li, minkejja li l-qorti tar-rinviju kienet adita bit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali fit-22 ta’ Ottubru 2019, din il-qorti għażlet li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux qabel l-4 ta’ Mejju 2022 jirrelativizzi n-natura urġenti tat-tilwima (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2021, Energieversorgungscenter Dresden-Wilschdorf, C 938/19, EU:C:2021:908, punt 44).
28 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sempliċi fatt li l-qorti tar-rinviju hija obbligata li tiżgura soluzzjoni rapida tal-kawża quddiemha, tkun xi tkun ir-raġuni, ma jistax ikun biżżejjed, fih innifsu, biex jiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2017, Air Serbia and Kondić, C 476/16, EU: C:2017:170, punt 8).
Fuq id‑domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
29 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti, ddedikaw parti kbira mill-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom sabiex jikkontestaw id-deskrizzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn waslu sabiex isostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata li temenda l-ipoteżi fattwali deskritta minn dik il-qorti sabiex tipprovdi risposta utli lilha.
30 Issa, jeħtieġ li jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 35).
31 Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn hija awtorizzata biss li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, ma tistax la tivverifika l-eżattezza tal-kuntest fattwali espost minn dik il-qorti u lanqas ma tista’ tagħti deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-allegazzjonijiet ta’ wħud mill-partijiet li jikkontestaw ir-rilevanza tal-ipoteżi fattwali deskritta mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha.
32 Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti lid-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest fattwali deskritt mill-qorti tar-rinviju ma ġġorr magħha l-ebda preżunzjoni li din l-ipoteżi hija sewwa sew dik tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, fl-aħħar lok hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-punti ta’ fatt li hija bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja jikkorrispondu tabilħaqq għal din is-sitwazzjoni u li dawk dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienu kompleti u applikabbli għall-imsemmija sitwazzjoni.
33 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-obbligu, impost fuq il-qrati nazzjonali u li għalih jirreferu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jiddeskrivu b’mod preċiż il-kuntest fattwali li fih jidħlu d-domandi preliminari, b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Poste Italiane u Agenzia delle entrate.–Riscossione, C‑434/19 u C‑435/19, EU:C:2021:162, punt 77).
34 Fil-fatt, għalkemm tali obbligu huwa intiż li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li d-domanda preliminari ma hijiex inammissibbli, xorta jibqa’ l-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tali domanda tkun inammissibbli, l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni għandha tkun tali li ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Asemfo, C‑295/05, EU:C:2007:227, punt 31), li ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.
35 Peress li l-istħarriġ tal-ammissibbiltà tad-domandi preliminari huwa għalhekk limitat għan-nuqqas manifest ta’ osservanza tar-rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi dedott mill-obbligu impost fuq il-qrati nazzjonali li jiddeskrivu b’mod preċiż il-kuntest fattwali tad-domandi preliminari, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li tivverifika li l-ipoteżi deskritta mill-qorti tar-rinviju tikkorrispondi sew għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, f’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod manifest li dawn ir-rekwiżiti ma ġewx osservati.
36 Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kritika magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar ir-rilevanza tal-ipoteżi fattwali prevista mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, u lanqas fuq it-talbiet għal riformulazzjoni tad-domandi preliminari mressqa minnhom, li fihom huma stiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tbiddel din l-ipoteżi fattwali.
Fuq l‑ewwel domanda
37 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirriżulta li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda prinċipalment il-klassifikazzjoni ġuridika tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”.
38 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li skambju vast ta’ informazzjoni reċiproka u ta’ kull xahar bejn stabbilimenti ta’ kreditu kompetituri, li seħħ fi swieq li għandhom konċentrazzjoni qawwija, kif ukoll ostakoli għad-dħul u li jirrigwarda l-kundizzjonijiet applikabbli għat-tranżazzjonijiet imwettqa f’dawn is-swieq, b’mod partikolari l-ispreads u l-varjabbli ta’ riskju, attwali u futuri, kif ukoll iċ-ċifri ta’ produzzjoni individwalizzati tal-parteċipanti f’dan l-iskambju għandu jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.
Fuq il-kundizzjonijiet li fihom ftehim bejn impriżi, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni jew prattika miftiehma jistgħu jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni minħabba l-għan
39 Skont l-Artikolu 101(1) TFUE kull ftehim bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiki miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn Stati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern huma inkompatibbli mas-suq intern.
40 Konsegwentement, sabiex ikun jista’ jitqies, f’każ partikolari, li ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, huwa neċessarju, skont il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li jintwera jew li dan l-aġir għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jew li dan l-aġir għandu tali effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 98; tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 158, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 85).
41 F’dan ir-rigward, għalkemm l-eżistenza ta’ preċedent li matulu skambju ta’ informazzjoni li jaqa’ taħt l-istess forma u fl-istess settur ta’ attività bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie kklassifikat bħala restrizzjoni minħabba l-għan hija ta’ natura li tiffaċilita l-prova li dan tal-aħħar jistabbilixxi wkoll tali restrizzjoni, l-assenza ta’ tali preċedent, li kieku jkun il-każ f’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju ma tistax tipprekludi li, jekk ikun il-każ, l-imsemmi skambju inkwistjoni jirċievi tali klassifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Generics (UK) vs Il-Kummissjoni, C‑588/16 P, EU:C:2021:242, punt 79).
42 Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandu jsir, l-ewwel nett, l-eżami tal-għan tal-ftehim bejn impriżi, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni. Fil-każ fejn, fi tmiem tali eżami, dan il-ftehim, din id-deċiżjoni jew din il-prattika jirriżultaw li għandhom għan antikompetittiv, ma huwiex neċessarju li jsir eżami tal-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Għaldaqstant, huwa biss fil-każ fejn tali ftehim, tali deċiżjoni jew tali prattika ma jistgħux jitqiesu li għandhom tali għan antikompetittiv li huwa neċessarju li jsir, fit-tieni lok, l-eżami ta’ dan l-effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 99; tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 159, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 86).
43 Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan”, li huwa s-suġġett esklużivament ta’ din id-domanda preliminari, għandu jiġi interpretat b’mod strett bħala li jirreferi esklużivament għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li juru grad suffiċjenti ta’ noċività fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li ma huwiex neċessarju eżami tal-effetti tagħhom. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tirriżulta mill-fatt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punti 101 u 102 tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 161 u 162, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punti 88 u 89).
44 Sabiex jiġi ddeterminat, f’każ partikolari, jekk ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma jaqgħux taħt forma ta’ koordinazzjoni li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, huwa neċessarju li jiġu eżaminati, l-ewwel nett, il-kontenut ta’ dan il-ftehim, ta’ din id-deċiżjoni jew ta’ din il-prattika, it-tieni nett, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih huwa jew hija huma inklużi u, it-tielet nett, l-għanijiet li huwa jew hija beħsiebhom jilħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 105; tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 165, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 92).
45 Qabel kollox, l-eżami tal-kontenut tal-ftehim, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni jippreżupponi li jiġu eżaminati d-diversi aspetti tiegħu sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim inkwistjoni jippreżentax karatteristiċi li jippermettu li din tkun marbuta ma’ forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li hija ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, li huwa b’mod partikolari l-każ jekk kull koordinazzjoni li jkollha tali karatteristiċi hija, preċiżament minħabba dawn tal-aħħar, xierqa sabiex twassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punti 115 u 120).
46 Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li taħtu jaqgħu l-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni, peress li l-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan jirreferi biss għall-ftehimiet, għad-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi u għall-prattiki miftiehma li jaqgħu taħt forma ta’ koordinazzjoni għandhom jitqiesu, min-natura tagħhom stess, bħala li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, dan bl-ebda mod ma jimplika li għandhom jiġu eżaminati u a fortiori li jintwerew l-effetti ta’ dan il-ftehim, ta’ din id-deċiżjoni jew ta’ din il-prattika fuq il-kompetizzjoni, kemm jekk ikunu reali jew potenzjali, negattivi jew pożittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 106; tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 166, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 93).
47 Min-naħa l-oħra, dan ma jeskludix li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali li jikkaratterizzaw l-istruttura u l-funzjonament tas-settur jew tas-swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 106; tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 166, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 93).
48 Fil-fatt, jista’ jkun li jkun biss meta ċerti kundizzjonijiet partikolari jkunu ssodisfatti li jista’ jiġi preżunt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni u, għaldaqstant, il-ftehimiet, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet u l-prattiki miftiehma li jaqgħu taħthom, jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni normali. Għaldaqstant, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fihom huma inklużi dawn il-forom ta’ koordinazzjoni, għandu jippermetti li jiġi vverifikat li, meta forma ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ prattika miftiehma tkun, min-natura tagħha stess, noċiva għall-kompetizzjoni biss f’ċerti ċirkustanzi relatati b’mod partikolari man-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi inkwistjoni, mal-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq u mal-istruttura tiegħu, dawn iċ-ċirkustanzi huma preżenti. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-kuntest huwa għalhekk intiż li jiggarantixxi li ebda ċirkustanza partikolari fir-rigward tal-ftehim, tad-deċiżjoni jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ noċività fir-rigward tal-kompetizzjoni marbuta mal-forma ta’ koordinazzjoni li huwa jew hija jaqgħu taħtha.
49 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-ftehim, mid-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew mill-prattika miftiehma inkwistjoni, għandhom jiġu ddeterminati l-għanijiet li dan il-ftehim, din id-deċiżjoni jew din il-prattika huma intiżi li jilħqu fir-rigward tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-impriżi involuti aġixxew mingħajr l-intenzjoni suġġettiva li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-fatt li huma segwew ċerti għanijiet leġittimi ma humiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 107; tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 167, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 94).
50 L-eżami ta’ dawn l-elementi kollha għandu, fi kwalunkwe każ, juri r-raġunijiet preċiżi għalfejn il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jippreżentaw grad suffiċjenti ta’ noċività fir-rigward tal-kompetizzjoni, li jiġġustifikaw li jitqies li dan il-ftehim, din id-deċiżjoni jew din il-prattika għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni, C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 108; tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 168, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 98).
Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni
51 Kif indika l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk ma jkunx akkumpanjat minn ftehim ta’ kooperazzjoni, skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni, inkluż minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 43 sa 49 ta’ din is-sentenza, huwa neċessarju li dan l-iskambju jaqa’ taħt forma ta’ koordinazzjoni li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-imsemmi skambju.
52 Qabel xejn, dan jimplika, fir-rigward tal-kontenut tiegħu, li l-iskambju ta’ informazzjoni għandu karatteristiċi li jorbtuh ma’ forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li tista’ toħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni.
53 Issa, għandu jitfakkar li l-funzjonament tajjeb tal-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni f’suq jippreżupponi ċerta trasparenza tas-sitwazzjoni attwalment prevalenti f’dan tal-aħħar. Fil-fatt, huwa biss taħt din il-kundizzjoni li suq jista’ jkun effiċjenti. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li, bħala prinċipju, it-trasparenza bejn l-operaturi ekonomiċi hija, tal-inqas f’suq mhux oligopolistiku, ta’ natura li tikkontribwixxi għall-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-offerenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 84).
54 Min-naħa l-oħra, sabiex suq jopera f’kundizzjonijiet normali, kull operatur għandu, minn naħa, ikun obbligat jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq uniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 119) u, min-naħa l-oħra, li tinsab f’inċertezza tal-inqas fir-rigward tad-data, tal-portata u tal-modalitajiet ta’ bidla futura tal-aġir tal-kompetituri tagħha f’dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 41, kif ukoll tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni, C‑883/19 P, EU:C:2023:11, punt 116).
55 Imbagħad, fir-rigward tal-kuntest li fih iseħħ l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni, huwa meħtieġ li f’dan il-kuntest, kull koordinazzjoni li jkollha karatteristiċi simili għal dawk tal-imsemmi skambju tista’ twassal biss għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tal-funzjonament tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, tal-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq u tal-istruttura ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 87; tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 33, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 120).
56 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-“għanijiet oġġettivi” intiżi mill-imsemmi skambju, għandu jiġi enfasizzat li dan il-kunċett jirreferi, fis-sens legali tiegħu, għar-raġuni primarja tal-ftehim, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma, jiġifieri għall-għanijiet immedjati u diretti intiżi mill-koordinazzjoni inkwistjoni li wasslu lill-impriżi kkonċernati sabiex jipparteċipaw fih. Għaldaqstant, għandu jitqies li jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan, skambju ta’ informazzjoni li, minkejja li ma jkunx formalment ippreżentat bħala li għandu għan antikompetittiv, ma jistax jiġi spjegat mod ieħor, fid-dawl tal-forma tiegħu u tal-kuntest li fih dan ikun seħħ, sabiex jintlaħaq għan li jmur kontra wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu l-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera.
57 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li kull operatur ekonomiku għandu l-obbligu li jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni jsegwi fis-suq uniku, skambju ta’ informazzjoni għandu jitqies li għandu l-karatteristiċi marbuta ma’ forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, meta, il-kontenut tiegħu, jirrigwarda informazzjoni li, tkun xi tkun in-natura sensittiva jew kunfidenzjali tagħha, huma tali li, fil-kuntest li fih iseħħ dan l-iskambju, huma jistgħu jwasslu biss lill-parteċipanti f’dan l-iskambju li jkunu raġonevolment attivi u ekonomikament razzjonali sabiex isegwu b’mod taċitu l-istess linja ta’ aġir fir-rigward ta’ wieħed mill-parametri li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.
58 Issa, sabiex wieħed jasal għal tali evalwazzjoni, huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss in-natura tal-informazzjoni skambjata, iżda wkoll il-kuntest ekonomiku relatat mal-iskambju. Fil-fatt, minkejja li jiġi preżunt li l-impriżi li jipparteċipaw f’azzjonijiet miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jikkunsidraw l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom meta jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dak is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punti 161 u 162; tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 51 u 52, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punti 126 u 127), xorta jibqa’ l-fatt li impriżi raġonevolment attivi u ekonomikament razzjonali ma jsegwux l-istess linja ta’ aġir b’mod partikolari jekk, fid-dawl tal-kuntest li fih iseħħ dan il-ftehim, huma ma għandhomx għalfejn jibżgħu f’din l-okkażjoni r-reazzjoni tal-kompetituri attwali u potenzjali tagħhom, kif ukoll tal-konsumaturi, li fil-prinċipju huwa l-każ jekk l-iskambju jseħħ bejn l-atturi prinċipali f’suq oligopolistiku, jew, tal-inqas, ikkonċentrat ħafna u li jeżistu ostakoli għad-dħul f’dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punti 86 u 87).
59 B’hekk, b’mod partikolari, f’dan l-aħħar każ, il-fatt li, kif inhu enfasizzat mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, is-suq għandu ċerta konċentrazzjoni kif ukoll ostakoli għad-dħul għandu jiġi kkunsidrat bħala rilevanti.
60 Madankollu, sabiex jiġi stabbilit li skambju ta’ informazzjoni jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan, ma huwiex dejjem neċessarju li jintwera li dan jirrigwarda informazzjoni tali li, fil-kuntest li fih iseħħ dan l-iskambju, hija tista’ biss twassal lill-parteċipanti fl-imsemmi skambju li jkunu raġonevolment attivi u ekonomikament razzjonali sabiex isegwu b’mod taċitu l-istess linja ta’ aġir fir-rigward ta’ wieħed mill-parametri li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, u b’hekk imur kontra l-obbligu ta’ kull operatur li jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq uniku.
61 Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 54 ta’ din is-sentenza, sabiex suq jiffunzjona f’kundizzjonijiet normali, l-operaturi f’dan is-suq għandhom mhux biss jiddeterminaw b’mod awtonomu l-politika li biħsiebhom isegwu fis-suq uniku, iżda wkoll, u b’mod aktar ġenerali, jibqgħu fl-inċertezza fir-rigward tal-aġir futur tal-parteċipanti l-oħra fl-imsemmi suq. Konsegwentement, skambju ta’ informazzjoni jista’ jitqies li jaqa’ taħt forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li hija, min-natura tagħha stess, ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li, fil-kuntest ta’ dan l-iskambju, l-informazzjoni skambjata tista’ biss twassal lill-parteċipanti li jkunu raġonevolment attivi u ekonomikament razzjonali jsegwu b’mod taċitu l-istess linja ta’ aġir fir-rigward ta’ wieħed mill-parametri li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, meta l-imsemmi skambju jippermetti li tiġi eliminata tali inċertezza.
62 Issa, għal dan l-għan, huwa biżżejjed li l-informazzjoni skambjata tkun, minn naħa, kunfidenzjali u, min-naħa l-oħra, strateġika.
63 Kwalunkwe informazzjoni li mhix diġà magħrufa minn kwalunkwe operatur ekonomiku attiv fis-suq ikkonċernat għandha titqies li tikkostitwixxi tali “informazzjoni kunfidenzjali”, filwaqt li, b’“informazzjoni strateġika”, għandna nifhmu informazzjoni ta’ natura li tiżvela, skont il-każ, wara li tkun ġiet ikkombinata ma’ informazzjoni oħra diġà magħrufa mill-parteċipanti fi skambju ta’ informazzjoni, l-istrateġija li wħud minn dawn il-parteċipanti għandhom l-intenzjoni li jimplimentaw fir-rigward ta’ dak li jikkostitwixxi parametru wieħed jew iktar li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni, C‑883/19 P, EU:C:2023:11, punt 117).
64 Barra minn hekk, għalkemm, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 u 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, kull skambju ta’ informazzjoni dwar prezzijiet futuri, jew ċerti fatturi determinanti għal dawn tal-aħħar, huma intrinsikament antikompetittivi fid-dawl b’mod partikolari tar-riskju ta’ dannu għall-kompetizzjoni li dan jinvolvi, il-kunċett ta’ informazzjoni strateġika huwa madankollu usa’ u jinkludi kull data mhux diġà magħrufa mill-operaturi ekonomiċi li, fil-kuntest ta’ tali skambju, hija ta’ natura li tnaqqas l-inċertezza tal-parteċipanti fih fir-rigward tal-aġir futur tal-parteċipanti l-oħra fir-rigward ta’ dak li jikkostitwixxi, minħabba n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq u tal-istruttura tiegħu, parametru wieħed jew iktar li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.
65 Fl-aħħar nett, meta l-informazzjoni skambjata ma tirrigwardax intenzjonijiet ta’ bidla fl-aġir tal-parteċipanti fl-iskambju fis-suq inkwistjoni, iżda fatti attwali jew passati, din l-informazzjoni għandha madankollu titqies li hija strateġika jekk, minħabba b’mod partikolari n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi inkwistjoni, tal-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq, tal-istruttura tal-ispejjeż jew tal-metodi ta’ produzzjoni u ta’ ġestjoni tal-parteċipanti f’dan l-iskambju, tali parteċipant jista’ jiddeduċi minn dan bi preċiżjoni suffiċjenti l-aġir futur tal-parteċipanti l-oħra f’dan l-iskambju jew ir-reazzjonijiet tagħhom għal eventwali moviment strateġiku fis-suq.
Fuq il-klassifikazzjoni, bħala restrizzjoni minħabba l-għan, ta’ skambju ta’ informazzjoni b’karatteristiċi bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha
66 Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-iskambju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax taħt forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li tippreġudika il-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni u li twettaq l-evalwazzjonijiet fattwali neċessarji għal dan l-għan, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ tipprovdi preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti fl-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et, C‑128/21, EU:C:2024:49, punti 89 u 90).
67 F’dan il-każ, fid-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju rreferiet għal skambju wiesa’ ta’ informazzjoni reċiproka u ta’ kull xahar bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu kompetituri, li seħħ fi swieq li għandhom konċentrazzjoni qawwija kif ukoll ostakoli għad-dħul, li jirrigwarda l-kundizzjonijiet applikabbli għat-tranżazzjonijiet imwettqa f’dawn is-swieq, b’mod partikolari l-ispreads u l-varjabbli ta’ riskju, attwali u futuri, kif ukoll iċ-ċifri ta’ produzzjoni individwalizzati ta’ wieħed mal-ieħor.
68 Issa, minn naħa, mid-deskrizzjoni mwettqa mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-informazzjoni dwar l-ispreads, li kienet skambjata b’mod kunfidenzjali bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti, ma kinitx tinsab, bl-istess livell ta’ kompletezza u ta’ sistematizzazzjoni, fil-qasam pubbliku fil-mument tal-iskambju u li din l-informazzjoni kienet tirrigwarda, essenzjalment, azzjonijiet futuri eventwali. B’mod iktar preċiż, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-informazzjoni kienet tirrigwarda l-intenzjonijiet ta’ modifika tal-kundizzjonijiet applikabbli għat-tranżazzjonijiet imwettqa fis-suq inkwistjoni jew, tal-inqas, l-emendi adottati, iżda li għadhom ma ġewx applikati.
69 Min-naħa l-oħra, peress li l-kunċett ta’ “spread” jirreferi għad-differenza bejn ir-rata applikata għal persuna li tissellef mill-istituzzjoni ta’ kreditu u r-rata li biha, bħala prinċipju, din tirrifinanzja ruħha, peress li din it-tieni rata hija, bħala prinċipju, magħrufa, spread hija ta’ natura li tiżvela l-offerta ta’ rata li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu joffru lill-klijenti tagħhom qabel in-negozjar.
70 Peress li l-ispreads jirrigwardaw wieħed mill-parametri li fid-dawl tagħhom il-kompetizzjoni hija stabbilita fit-tliet swieq inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kull informazzjoni dwar l-intenzjonijiet futuri tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jbiddlu dawn id-diskrepanzi għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi informazzjoni strateġika.
71 Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, skambju ta’ informazzjoni li, bħal dak deskritt mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, huwa organizzat b’mod kunfidenzjali u li jirrigwarda l-intenzjonijiet futuri tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-qasam tal-firxa tar-rati ta’ kreditu, li jservi sabiex jiġi ddeterminat dak propost lill-klijenti tagħhom, jaqa’ taħt forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li hija ta’ dannu għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni u, għalhekk, li tistabbilixxi restrizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.
72 L-istess japplika għall-informazzjoni dwar il-bidliet futuri tal-varjabbli ta’ riskju applikati għal-ispreads applikati skont il-profil ta’ riskju individwali tal-klijenti, peress li, flimkien mal-informazzjoni dwar l-intenzjonijiet futuri tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-qasam tal-ispreads, dawn huma ta’ natura li jippermettu lill-parteċipanti fl-iskambju li jkollhom viżjoni iktar preċiża tal-istrateġiji ta’ pprezzar mill-parteċipanti l-oħra li għandhom l-intenzjoni jimplimentaw.
73 Fir-rigward tal-informazzjoni dwar il- “volumi ta’ produzzjoni”, għandu jiġi enfasizzat li, ċertament, din it-tip ta’ informazzjoni hija, bħala prinċipju, ta’ natura li tiżvela, b’mod partikolari, meta, bħal fil-kawża prinċipali, din tiġi trażmessa b’mod maqsum u individwalizzat minn dawn il-parteċipanti, kull aġir ta’ wieħed minnhom li jiddevja minn eventwali bilanċ li jipprevali fis-suq.
74 Sussegwentement, l-eżistenza ta’ skambju dwar tali informazzjoni tista’ tiżvela, f’ċerti ċirkustanzi, dik ta’ forma ta’ koordinazzjoni li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, forma ta’ koordinazzjoni li tagħha huwa jikkostitwixxi komponent.
75 Madankollu, fil-kawża prinċipali, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-AdC ikkritikat lir-rikorrenti li pparteċipaw fi skambju ta’ informazzjoni “awtonomu” u mhux fi skambju li huwa aċċessorju għal prattika miftiehma li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.
76 Issa, fir-rigward ta’ skambju “awtonomu” ta’ informazzjoni, peress li, bħal f’din il-kawża, tali informazzjoni tirrigwarda l-volumi ta’ bejgħ fil-passat, jidher improbabbli li, ikkunsidrati separatament u fl-assenza ta’ ċirkustanzi partikolari, din l-informazzjoni tkun ta’ natura li tiżvela l-intenzjonijiet futuri tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati jew li twassal lill-parteċipanti fl-iskambju li jkunu raġonevolment attivi u ekonomikament razzjonali li jsegwu b’mod taċitu l-istess linja ta’ aġir fir-rigward ta’ wieħed mill-parametri li fid-dawl tagħhom il-kompetizzjoni tiġi stabbilita f’wieħed mis-swieq ikkonċernati.
77 Madankollu, in-noċività ta’ forma ta’ skambju ta’ informazzjoni għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-possibbiltà li jitqabblu l-kategoriji differenti ta’ informazzjoni skambjata.
78 Għalhekk, skambju ta’ informazzjoni “awtonoma”, sa fejn jirrigwarda b’mod partikolari l-volumi ta’ produzzjoni, jista’ jaqa’ taħt forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni jekk, din l-informazzjoni kienet b’mod partikolari flimkien ma’ tipi oħra ta’ informazzjoni skambjata, kif ukoll, jekk ikun il-każ, ma’ informazzjoni oħra diġà liberament disponibbli, b’tali mod li impriża raġonevolment attiva u ekonomikament razzjonali tista’ tiddeduċi minn dan, fid-dawl tan-natura, għall-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-swieq inkwistjoni u għall-istruttura tagħhom, l-intenzjonijiet futuri tal-parteċipanti l-oħra jew li jkollhom isegwu taċitament, flimkien magħhom, l-istess linja ta’ aġir fir-rigward ta’ wieħed mill-parametri li fid-dawl tagħhom il-kompetizzjoni f’dawn is-swieq tiġi stabbilita.
79 Fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ skambju ta’ informazzjoni bħal dak deskritt mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, dan tal-aħħar għandu jitqies li jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan, peress li l-informazzjoni skambjata tirrigwarda b’mod partikolari l-intenzjonijiet ta’ tibdil futur tal-ispreads tal-parteċipanti f’dan l-iskambju.
80 Tali konklużjoni tista’ tiġi kkonfermata mill-eżami tal-għanijiet imfittxija minn skambju li jirrigwarda tali informazzjoni, liema eżami huwa wkoll rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, skambju ta’ informazzjoni dwar l-intenzjonijiet futuri tal-parteċipanti tiegħu dwar wieħed mill-parametri li fid-dawl tagħhom il-kompetizzjoni tiġi stabbilita f’suq, bħall-ispreads, ma jistax isegwi għanijiet oħra għajr dak ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq.
81 Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jipprovaw madankollu juru li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni ma jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, billi jressqu diversi argumenti.
82 Fl-ewwel lok, huma jsostnu li huma kienu suġġetti, skont id-dritt tal-konsum, għal obbligi ta’ trasparenza tariffarja u, skont ir-regoli tal-kontabbiltà u finanzjarji applikabbli għalihom, jew jekk ikun il-każ, minħabba l-istatus tagħhom ta’ kumpannija li t-titoli tagħha huma ammessi għall-kummerċ f’suq irregolat, għal obbligi ta’ komunikazzjoni tal-volum ta’ bejgħ tagħhom, tal-ishma tagħhom tas-suq u tal-ispreads medji tagħhom. Issa, minħabba dawn id-diversi obbligi legali, kwalunkwe parteċipant fis-swieq inkwistjoni seta’ jiġbor il-kundizzjonijiet kummerċjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti billi jmur għand l-uffiċċji tagħhom jew billi jikkonsulta s-sit tal-internet tagħhom.
83 F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi enfasizzat li skambju ta’ informazzjoni li il-komunikazzjoni tagħha tkun barra minn hekk saret obbligatorja minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma jistax jippreġudika l-Artikolu 101 TFUE, sa fejn tali skambju ma jistax jipproduċi influwenza fuq is-suq lil hinn minn dik diġà kkawżata minħabba l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni u li għaliha l-impriżi kkonċernati ma jistgħux jinżammu responsabbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, C‑359/95 P u C‑379/95 P EU:C:1997:531, punt 33, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2003, CIF, C‑198/01, EU:C:2003:430, punti 52 u 53).
84 Madankollu, il-parteċipanti fi skambju ta’ informazzjoni ma jistgħux jinvokaw tali sitwazzjoni jekk l-informazzjoni skambjata tmur lil hinn minn dik li għandha ssir pubblika minn kull istituzzjoni ta’ kreditu attiva fit-tliet swieq inkwistjoni fil-kuntest tal-obbligi regolatorji tagħha u li din ġiet skambjata qabel ma dawn l-obbligi jimponu fuq dawn il-parteċipanti li jagħmlu pubblika informazzjoni ta’ din in-natura, fatt li madankollu għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.
85 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali josservaw li skambju ta’ informazzjoni li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-frekwenza tiegħu hija sporadika ħafna, jiġifieri darba jew darbtejn fis-sena, ma jistax jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan. Madankollu, għandu jitfakkar li tali frekwenza ma teskludix, fiha nnifisha, l-għan antikompetittiv ta’ skambju ta’ informazzjoni. Fil-fatt, kuntatt wieħed biss jista’ jkun biżżejjed sabiex jiġu eliminati l-inċertezzi f’moħħ il-persuni kkonċernati fir-rigward tal-aġir futur tal-impriżi l-oħra kkonċernati fis-suq inkwistjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 59 u 62).
86 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-fatt li skambju ta’ informazzjoni, bħal dak deskritt mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, jista’ jaqa’ taħt forma ta’ koordinazzjoni li hija, min-natura tagħha stess, tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, meta dan l-iskambju jista’ jiffaċilita l-attività ta’ analiżi kompetittiva (“benchmarking”) tal-parteċipanti fl-imsemmi skambju, billi jippermettilhom jipparagunaw bejniethom l-offerti rispettivi tagħhom, filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż assoċjati ma’ tali eżerċizzju ta’ paragun, peress li l-istess skambju jista’ jkollu effetti favorevoli fuq il-kompetizzjoni.
87 Ċertament, għandu jiġi rrilevat li l-iskambji ta’ informazzjoni dwar l-aħjar metodi ta’ ġestjoni jew ta’ produzzjoni li għandhom jiġu implimentati jistgħu jkunu ta’ natura li jiffavorixxu l-kompetizzjoni u għalhekk ma jistgħux jitqiesu li jistabbilixxu restrizzjoni minħabba l-għan. Madankollu, dan ma jistax ikun il-każ ta’ skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali li jirrigwarda, preċiżament, l-intenzjonijiet futuri tal-parteċipanti f’dawn l-iskambji fir-rigward ta’ wieħed mill-parametri li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.
88 Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-ispreads ma kinux jirriflettu l-prezz globali tas-servizzi ta’ kreditu proposti, iżda wieħed biss mill-komponenti tiegħu, b’mod partikolari peress li ma jissemmix l-ammont tal-kummissjonijiet u spejjeż oħra. Barra minn hekk, tal-inqas fis-suq tal-kreditu immobiljari, ir-rati ta’ kreditu proposti lill-klijenti, li jirriżultaw minn dawn l-ispreads, ma jikkorrispondux għar-rati ta’ interessi finali pprattikati, iżda għal rati indikattivi li kienu użati bħala punt ta’ tluq għal negozjati individwali ma’ kull klijent skont il-profil ta’ riskju partikolari tiegħu. Konsegwentement, skambju ta’ informazzjoni, anki dwar l-intenzjonijiet futuri tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti, dwar l-ispreads, ma jistax jitqies li jistabbilixxi restrizzjoni minħabba l-għan.
89 Madankollu, kif ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 74 u 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, ma huwiex neċessarju li prattika miftiehma tirrigwarda l-parametri kollha li fid-dawl tagħhom il-kompetizzjoni tiġi stabbilita fis-suq jew, fir-rigward ta’ informazzjoni tariffarja, li din tirrigwarda l-komponenti kollha tal-prezz finali pprattikat. Għaldaqstant, skambju ta’ informazzjoni jista’ jaqa’ taħt forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni, anki jekk jikkonċerna biss wieħed minn dawn il-parametri. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni, C‑883/19 P, EU:C:2023:11, punt 204).
90 Issa, ir-rata użata bħala punt ta’ tluq għan-negozjati individwali ma’ kull klijent skont il-profil tar-riskju tiegħu tirrifletti wieħed mill-parametri tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati peress li, abbażi ta’ din ir-rata, il-klijenti potenzjali ser jipproċedu b’għażla inizjali fost offerti ta’ kreditu proposti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex jibdew negozjati biss ma’ xi wħud.
91 Fil-ħames lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw il-fatt li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-informazzjoni trażmessa dwar l-ispreads kienet tikkonċerna aġir futur li l-għarfien tiegħu seta’ jagħti vantaġġ lill-parteċipanti fl-iskambju ta’ informazzjoni. Qabel kollox, fil-fehma tagħhom, din l-informazzjoni kienet tirrigwarda modifiki fuq il-punt li jidħol fis-seħħ, jew fl-istess jum jew, l-iktar tard, il-jum tax-xogħol ta’ wara, meta l-komunikazzjoni tkun saret nhar il-Ġimgħa. Sussegwentement, ir-rati proposti qabel in-negozjar ġew indikati fuq il-paġna internet u fis-simulaturi ta’ kreditu tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata ftit żmien wara l-iskambju dwar il-bidliet fl-ispreads, jew saħansitra fl-istess ħin. Fl-aħħar nett, diversi ġimgħat kienu, fi kwalunkwe każ, neċessarji għal istituzzjoni ta’ kreditu sabiex tbiddel l-ispreads tagħha stess, b’tali mod li l-parteċipanti f’dan l-iskambju ma setgħux jirreaġixxu immedjatament għall-informazzjoni li huma rċevew.
92 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, is-sempliċi fatt li l-informazzjoni dwar l-ispreads tiġi skambjata qabel ma dawn isiru effettivi jew pubbliċi huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-imsemmi skambju kellu l-kapaċità li jnaqqas l-inċertezza f’moħħ il-parteċipanti fl-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aġir futur tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti oħra, anki jekk l-inċertezza li affettwat lill-kompetituri l-oħra għebet ftit żmien wara. Fil-fatt, anki jekk jitqies li huwa impossibbli għall-parteċipanti f’tali skambju li jieħdu immedjatament inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni sabiex ibiddlu immedjatament l-aġir tagħhom fis-suq, xorta jibqa’ l-fatt li kull skambju dwar intenzjonijiet futuri mhux diġà żvelati kien jippermetti lil dawn il-parteċipanti jirreaġixxu fi kwalunkwe każ malajr milli kien jippermetti l-funzjonament normali tas-suq inkwistjoni.
93 Fis-sitt lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jsemmi ebda każ li fih waħda mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu parteċipanti tkun biddlet l-iskeda tariffarja tagħha wara li tkun irċiviet l-informazzjoni skont liema l-ispreads ta’ parteċipant ieħor kienu ser jinbidlu. Madankollu, tali ċirkustanza ma tistax titqies li hija rilevanti, peress li l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan għal skambju ta’ informazzjoni la teħtieġ il-prova ta’ eventwali effetti konkreti fuq is-suq ikkonċernat mill-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni u lanqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni effettiv tal-informazzjoni mill-parteċipanti fl-iskambju.
94 Fis-seba’ lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-kunċett ta’ “varjabbli ta’ riskju”, kif użat mill-qorti tar-rinviju, jindika tabelli ta’ evalwazzjoni, li fihom livell ta’ riskju huwa attribwit lil kategorija ta’ klijenti ddeterminata skont fatturi bħalma huma d-dħul tagħhom, il-kontribuzzjoni finanzjarja jew l-ispiża tal-proprjetà immobbli, li magħha hija marbuta spread li għandha tiġi applikata sabiex jiġi kkumpensat dan ir-riskju. Issa, dawn il-fatturi li fuqhom huwa bbażat kull livell ta’ riskju fl-ebda każ ma ġew żvelati waqt l-iskambju ta’ informazzjoni, kif jirriżulta mix-xhieda riprodotta fis-sentenza interlokutorja, b’tali mod li l-iskambju ta’ dawn it-tabelli ma jistax jikkostitwixxi informazzjoni strateġika.
95 F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-informazzjoni li kellhom il-parteċipanti fl-iskambju u tal-metodoloġija ġeneralment użata sabiex jinbena dan it-tip ta’ tabella, l-informazzjoni inkluża f’tali tabella, kinitx tinftiehem b’mod suffiċjenti sabiex tkun ta’ natura li tippermetti lil dawn il-parteċipanti, ġaladarba dawn ikunu kkombinawha mal-ispreads li abbażi tagħhom ġiet proposta rata lill-klijenti qabel in-negozjar u mal-volumi ta’ bejgħ imwettqa, li jnaqqsu l-inċertezza tagħhom fir-rigward tal-aġir futur tal-parteċipanti l-oħra għal dan l-iskambju fir-rigward ta’ dak li jikkostitwixxi, minħabba n-natura tas-servizzi inkwistjoni, kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq u tal-istruttura tiegħu, parametru wieħed jew iktar li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-swieq inkwistjoni.
96 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li skambju vast ta’ informazzjoni reċiproka u kull xahar bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu kompetituri, li seħħ fi swieq li għandhom konċentrazzjoni qawwija, kif ukoll ostakoli għad-dħul u li jirrigwarda l-kundizzjonijiet applikabbli għat-tranżazzjonijiet imwettqa f’dawn is-swieq, b’mod partikolari l-ispreads u l-varjabbli ta’ riskju, attwali u futuri, kif ukoll iċ-ċifri ta’ produzzjoni individwalizzati tal-parteċipanti f’dan l-iskambju, sa fejn, tal-inqas, dawn l-ispreads hekk skambjati huma dawk li dawn l-istituzzjonijiet għandhom l-intenzjoni li japplikaw fil-futur, għandu jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.
Fuq it‑tieni domanda
97 Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l‑ispejjeż
98 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li skambju vast ta’ informazzjoni reċiproka u kull xahar bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu kompetituri, li seħħ fi swieq li għandhom konċentrazzjoni qawwija, kif ukoll ostakoli għad-dħul u li jirrigwarda l-kundizzjonijiet applikabbli għat-tranżazzjonijiet imwettqa f’dawn is-swieq, b’mod partikolari l-ispreads u l-varjabbli ta’ riskju, attwali u futuri, kif ukoll iċ-ċifri ta’ produzzjoni individwalizzati tal-parteċipanti f’dan l-iskambju, sa fejn, tal-inqas, dawn l-ispreads hekk skambjati huma dawk li dawn l-istituzzjonijiet għandhom l-intenzjoni li japplikaw fil-futur, għandu jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.