Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0140

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2023.
    SM u KM vs mBank S.A.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Kuntratt ta’ self ipotekarju indiċjat fuq munita barranija li jinkludi klawżoli inġusti dwar ir-rata tal-kambju – Nullità ta’ dan il-kuntratt – Azzjoni għal restituzzjoni – Interessi legali – Terminu ta’ preskrizzjoni.
    Kawża C-140/22.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:965

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    7 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Kuntratt ta’ self ipotekarju indiċjat fuq munita barranija li jinkludi klawżoli inġusti dwar ir-rata tal-kambju – Nullità ta’ dan il-kuntratt – Azzjoni għal restituzzjoni – Interessi legali – Terminu ta’ preskrizzjoni”

    Fil-Kawża C‑140/22,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali taċ-Ċentru tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

    SM,

    KM

    vs

    mBank S.A.,

    fil-preżenza ta’:

    Rzecznik Finansowy,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal KM u SM, minn W. Bochenek u P. Stalski, radcowie prawni,

    għal mBank S.A., minn A. Cudna-Wagner u K. Stokłosa, radcowie prawni, u B. Miąskiewicz, adwokat,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn C. Alves, P. Barros da Costa, A. Cunha, B. Lavrador u A. Pimenta, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1), u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288 u rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SM u KM, minn naħa, u mBank S.A., istituzzjoni bankarja, min-naħa l-oħra, dwar ir-rimbors ta’ somom imħallsa lil din tal-aħħar abbażi ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li għandu jiġi annullat minħabba li jinkludi klawżoli inġusti.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    L-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 tipprovdi:

    “Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; […]”

    4

    L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    5

    L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

    Id‑dritt Pollakk

    6

    L-Artikolu 60 tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. Nru 16, intestatura 93), fil-verżjoni applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi:

    “Bla ħsara għal eċċezzjoni prevista mil-liġi, ir-rieda ta’ persuna li twettaq att ġuridiku għandha tintwera b’kull aġir li juri dan b’mod suffiċjenti, inkluż b’mezz elettroniku.”

    7

    L-Artikolu 117 ta’ dan il-kodiċi jinqara kif ġej:

    “§1.   Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi, il-krediti pekunjarji huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni.

    §2.   Fi tmiem it-terminu ta’ preskrizzjoni, id-debitur jista’ jevita l-obbligu tiegħu, ħlief jekk jirrinunzja milli jinvoka l-preskrizzjoni. Madankollu, ir-rinunzja għall-preskrizzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu hija nulla.

    §21.   Wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, ma huwiex iktar possibbli li tiġi invokata pretensjoni kontra konsumatur.”

    8

    L-Artikolu 1171 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

    “§1. F’każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista’, wara li tibbilanċja l-interessi tal-partijiet, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni kontra konsumatur jekk dan ikun xieraq.

    §2. Fl-eżerċizzju tas-setgħa msemmija fil-paragrafu 1, il-qorti għandha tikkunsidra b’mod partikolari:

    1)

    it-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni;

    2)

    it-tul tal-perijodu bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni u l-preżentazzjoni tat-talba;

    3)

    in-natura taċ-ċirkustanzi li wasslu sabiex il-kreditur ma jinvokax il-pretensjoni tiegħu, inkluż l-effett tal-imġiba tad-debitur fuq id-dewmien tal-kreditur sabiex iressaq it-talba tiegħu.”

    9

    L-Artikolu 118 tal-istess kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat‑8 ta’ Lulju 2018, kien ifformulat kif ġej:

    “Ħlief fil-każ ta’ klawżola speċifika kuntrarja, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ għaxar snin, u għall-krediti fuq pagamenti perjodiċi u għall-krediti marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali, it-terminu huwa ta’ tliet snin.”

    10

    L-Artikolu 118 tal-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit‑8 ta’ Lulju 2018, jipprovdi:

    “Ħlief fil-każ ta’ klawżola speċifika kuntrarja, it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ sitt snin, u għall-krediti fuq pagamenti perijodiċi u għall-krediti marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali, it-terminu huwa ta’ tliet snin. Madankollu, il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiskadi fl-aħħar jum tas-sena kalendarja, sakemm ma jkunx ta’ inqas minn sentejn.”

    11

    Skont l-Artikolu 120(1) ta’ dan il-kodiċi:

    “It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih il-kreditu jsir dovut. Jekk l-eżiġibbiltà ta’ kreditu tkun tiddependi fuq it-twettiq ta’ att speċifiku mid-detentur tad-dritt, it-terminu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-kreditu kien ikun sar dovut li kieku d-detentur tad-dritt kien wettaq l-att l-iktar kmieni possibbli.”

    12

    L-Artikolu 3851 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

    “§1. Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment ma jorbtux lill-konsumatur jekk dawn jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-moralità billi manifestament jippreġudikaw l-interessi tiegħu (klawżoli kuntrattwali illegali). Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-klawżoli li jistabbilixxu l-obbligi prinċipali tal-partijiet, fosthom il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk dawn ikunu ġew ifformulati b’mod inekwivoku.

    §2. Meta klawżola tal-kuntratt ma tkunx vinkolanti għall-konsumatur b’applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-partijiet jibqgħu marbuta mill-klawżoli l-oħra tal-kuntratt.

    §3. Il-klawżoli ta’ kuntratt li ma jkunux ġew miftiehma individwalment huma klawżoli kuntrattwali li l-konsumatur ma setax ikollu influwenza reali fuq il-kontenut tagħhom. Dawn huma b’mod partikolari klawżoli kuntrattwali meħuda minn mudell ta’ kuntratt propost lill-konsumatur mill-parti kontraenti.

    §4. Huwa kull min jallega li klawżola ġiet innegozjata individwalment li għandu jipproduċi l-prova ta’ din l-allegazzjoni.”

    13

    L-Artikolu 405 tal-istess kodiċi jipprevedi:

    “Kull persuna li, mingħajr bażi legali, tikseb vantaġġ ekonomiku għad-detriment ta’ persuna oħra hija meħtieġa li tagħti lura dan il-vantaġġ in natura u, fejn dan ma jkunx possibbli, li tħallas lura l-valur tiegħu.”

    14

    L-Artikolu 410 tal-Kodiċi Ċivili jinqara kif ġej:

    “§1.   Id-dispożizzjonijiet tal-artikoli preċedenti japplikaw b’mod partikolari fil-każ ta’ benefiċċju indebitu.

    §2.   Benefiċċju ikun indebitu jekk il-persuna li tkun ipprovdietu ma kinitx assolutament obbligata li tipprovdih jew ma kinitx obbligata li tipprovdih lill-persuna li lilha ġie pprovdut, jew jekk il-bażi tal-benefiċċju ma tkunx għadha teżisti jew jekk l-iskop tal-benefiċċju ma jkunx intlaħaq, jew jekk l-att ġuridiku li jeżiġi l-benefiċċju kien null u ma jkunx sar validu wara li l-pagament ikun ġie pprovdut.”

    15

    L-Artikolu 455 tal-istess kodiċi jipprovdi li:

    “Jekk it-terminu għall-eżekuzzjoni ta’ benefiċċju ma jkunx speċifikat jew jekk ma jirriżultax min-natura tal-obbligu, dan għandu jitwettaq mingħajr dewmien wara li d-debitur ikun imsejjaħ sabiex iwettqu.”

    16

    L-Artikolu 481(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li:

    “Jekk debitur ikun tardiv fl-eżekuzzjoni ta’ benefiċċju, il-kreditur jista’ jitlob l-interessi moratorji anki jekk il-kreditur ma jkun sofra ebda dannu u anki jekk id-dewmien ikun dovut għal ċirkustanzi li ma kienx responsabbli għalihom id-debitur.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    17

    Fit‑18 ta’ Frar 2009, SM u KM ikkonkludew ma’ mBank kuntratt ta’ self ipotekarju, flimkien ma’ interessi b’rata varjabbli, iddenominati f’zlotys Pollakki (PLN) u indiċjati fuq il-frank Svizzeru (CHF) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self”).

    18

    Skont it-termini ta’ dan il-kuntratt, SM u KM kienu obbligati jħallsu pagamenti mensili f’zlotys Pollakki, li l-ammont tagħhom kien iddeterminat billi tiġi applikata r-rata tal-bejgħ tal-frank Svizzeru ppubblikata fit-tabella tar-rati tal-kambju ta’ mBank fid-data tal-ħlas ta’ dawn il-pagament mensili (iktar ’il quddiem il-“klawżoli ta’ konverżjoni”).

    19

    Peress li qiesu li l-klawżoli ta’ konverżjoni kienu inġusti, fl‑4 ta’ Lulju 2019, SM u KM ressqu lment quddiem mBank. Permezz ta’ dan l-ilment, SM u KM talbu r-rimbors, f’terminu ta’ 30 jum, tal-pagamenti mensili tal-kreditu miġbura indebitament minn dan il-bank minħabba l-invalidità tal-kuntratt ta’ self, fl-ammont ta’ PLN 242 238.61 (madwar EUR 52277), u, fil-każ fejn ma teżisti ebda bażi li tippermetti li dan il-kuntratt jiġi ddikjarat invalidu, il-ħlas fl-ammont ta’ PLN 52 298.92 (madwar EUR 11288) bħala rimbors tal-eċċess tal-pagamenti mensili (kapital u interessi) miġbura mill-imsemmi bank matul il-perijodu bejn l‑20 ta’ Lulju 2009 u t‑18 ta’ Marzu 2019.

    20

    Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Lulju 2019, mBank irrispondiet għal dan l-ilment billi indikat li l-kuntratt ta’ self kien legali, validu u ma kienx jinkludi klawżoli inġusti.

    21

    Fil‑31 ta’ Lulju 2019, SM u KM ippreżentaw quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali taċ-Ċentru tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, talba għal konċiljazzjoni intiża sabiex mBank tħallashom l-ammonti msemmija fil-punt 19 tas-sentenza preżenti.

    22

    Fl‑4 ta’ Diċembru 2019, mBank wieġbet għal din it-talba li ma kienx jidhrilha possibbli li jintlaħaq ftehim.

    23

    Fit‑13 ta’ Diċembru 2019, waqt seduta pubblika li fiha mBank ma kinitx preżenti, SM u KM dehru quddiem il-qorti tar-rinviju u kkonfermaw ir-rikors tagħhom. Għaldaqstant, din il-qorti kkonstatat li ebda ftehim ma kien ġie konkluż u ordnat għeluq il-fajl ta’ konċiljazzjoni.

    24

    Fl‑10 ta’ Awwissu 2020, SM u KM indikaw li kienu jaqblu li l-kuntratt ta’ self jiġi ddikjarat null kollu kemm hu, li huma kienu jqisu li l-annullament ta’ dan il-kuntratt kien favorevoli għalihom u li kienu jaċċettaw il-konsegwenzi ta’ din in-nullità, inklużi l-konsegwenzi legali u finanzjarji.

    25

    Wara li l-qorti tar-rinviju kienet informat lil SM u KM bil-konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt ta’ self, dawn tal-aħħar iddikjaraw, waqt is-seduta li nżammet fis‑27 ta’ Ottubru 2020 quddiem din il-qorti, li jifhmu dawn il-konsegwenzi u jaċċettaw l-annullament ta’ dan il-kuntratt.

    26

    L-imsemmija qorti tikkonstata li l-klawżoli ta’ konverżjoni li jinsabu fil-kuntratt ta’ self huma inġusti u li dan il-kuntratt ma jistax jibqa’ fis-seħħ jekk dawn il-klawżoli jiġu annullati.

    27

    Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 93/13, il-qorti tar-rinviju tosserva li, sa fejn in-nullità tal-klawżoli inġusti timplika l-annullament tal-kuntratt ta’ self fl-intier tiegħu, il-konsegwenza ta’ dan l-annullament tkun li l-partijiet kontraenti jkollhom krediti reċiproċi b’rimbors tal-ekwivalenti tas-somom kollha mhux dovuti mħallsa b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

    28

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-interpretazzjoni tad-dritt Pollakk dwar l-effetti tal-assenza ta’ natura vinkolanti tal-klawżoli kuntrattwali illegali kienet meqjusa bħala stabbilita sew sa riżoluzzjoni mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) tas‑7 ta’ Mejju 2021.

    29

    Skont il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) qieset li l-interpretazzjoni li tgħid li l-qrati Pollakki huma obbligati jeżaminaw ex officio l-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi ma’ konsumaturi u jikkonstataw in-nullità assoluta ta’ dawn il-klawżoli ma kinitx konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li konsumatur jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta. Fil-fatt, minn naħa, sa fejn, f’tali każ, il-klawżola inġusta kkonċernata tipproduċi l-effetti tagħha b’mod sħiħ, is-sanzjoni li għandha tiġi adottata ma tkunx in-nullità assoluta ta’ din il-klawżola, iżda, pjuttost, in-“nuqqas ta’ infurzabbiltà sospiża” tagħha. Min-naħa l-oħra, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikkonstatat li, sa fejn, fil-każ ta’ annullament ta’ kuntratt ta’ self li jinkludi klawżola inġusta, il-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat għandu d-dritt jitlob ir-rimbors tal-kapital misluf, id-dritt li jinvoka n-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ din il-klawżola u tal-annullament ta’ dan il-kuntratt li jirriżulta minn dan għandu wkoll jiġi rrikonoxxut lilu.

    30

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-kunċett ta’ “nuqqas ta’ infurzabbiltà sospiża” mad-Direttiva 93/13. Din il-qorti tippreċiża li dan il-kunċett jimplika li att jibqa’ validu, iżda jiċċaħħad mill-effetti tiegħu sakemm il-konsumatur jesprimi, jekk ikun il-każ, il-kunsens tiegħu. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li klawżola inġusta għandha titqies li qatt ma eżistiet u li qorti nazzjonali għandha tislet il-konsegwenzi kollha tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ klawżola kuntrattwali li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata, mingħajr ma tistenna lill-konsumatur jippreżenta dikjarazzjoni f’dan is-sens.

    31

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li mir-riżoluzzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tas‑7 ta’ Mejju 2021 jirriżulta li klawżola inġusta tibqa’ fi stat ta’ “sospensjoni” sal-mument li fih il-konsumatur jippreżenta dikjarazzjoni fformalizzata li permezz tagħha huwa jafferma, l-ewwel nett, li ma jagħtix il-kunsens tiegħu li tinżamm din il-klawżola, it-tieni nett, li għandu għarfien, minn naħa, tal-fatt li n-nullità tal-imsemmija klawżola timplika l-annullament tal-kuntratt li hija tagħmel parti minnu kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi ta’ dan l-annullament u, it-tielet nett, li jagħti l-kunsens tiegħu għall-annullament ta’ dan il-kuntratt (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni fformalizzata”). Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-obbligu li tiġi ppreżentata tali dikjarazzjoni la jirriżulta mid-Direttiva 93/13 u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-fatt li l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 tkun suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fformalizzata jikser din id-dispożizzjoni.

    32

    Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li, sakemm l-istat ta’ sospensjoni ta’ kuntratt jippersisti, il-bejjiegħ u jew fornitur ikkonċernat ma jistax jitlob l-eżekuzzjoni tal-benefiċċji miftiehma f’dan il-kuntratt, b’tali mod li t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri fil-konfront tiegħu.

    33

    Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, meta konsumatur jagħmel talba ekstraġudizzjarja intiża għall-annullament ta’ klawżola inġusta, bejjiegħ jew fornitur ma jkunx f’pożizzjoni jivverifika jekk dan il-konsumatur kienx ġie informat bid-drittijiet tiegħu u bil-konsegwenzi tal-annullament ta’ din il-klawżola. Issa, il-mument li fih konsumatur ikun ressaq talba għal annullament u ddikjara li kien jaf bid-drittijiet tiegħu kif ukoll bil-konsegwenzi tal-annullament ta’ klawżola inġusta huwa importanti għaliex jiddetermina l-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni tal-krediti ta’ ħlas lura tal-kreditur, il-possibbiltà li jsiru dovuti u li jissuġġettahom għal tpaċija.

    34

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt Pollakk adottata mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fir-riżoluzzjoni tagħha tas‑7 ta’ Mejju 2021, li tgħid li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni ta’ bejjiegħ jew fornitur intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors, minn konsumatur, ta’ benefiċċju rċevut minn dan tal-aħħar minħabba l-annullament ta’ kuntratt jibda jiddekorri biss mid-data li fiha dan il-konsumatur jippreżenta dikjarazzjoni fformalizzata, sa fejn din tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività.

    35

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-imsemmija interpretazzjoni, jekk il-konsumatur ma jippreżentax dikjarazzjoni fformalizzata, din l-azzjoni qatt ma tkun preskritta. Barra minn hekk, anki jekk il-konsumatur jippreżenta tali dikjarazzjoni, iżda l-bejjiegħ jew fornitur jikkontesta li din tikkostitwixxi “dikjarazzjoni espressa tal-konsumatur li tikkonferma li huwa rċieva informazzjoni kompleta”, kif teżiġi s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), u konsegwentement isostni li hija ma pproduċiet ebda effett, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-imsemmija azzjoni ma jibdiex jiddekorri.

    36

    Il-qorti tar-rinviju tqis li tali interpretazzjoni tqiegħed lill-bejjiegħ jew fornitur f’pożizzjoni ġuridika aħjar mill-konsumatur, sa fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni tal-bejjiegħ jew fornitur jibda jiddekorri dejjem iktar tard minn dak tal-azzjoni tal-konsumatur. Dan jibda jiddekorri iktar tard minn dak tal-azzjoni tal-bank fil-każ ta’ invalidità ta’ kuntratt li ma jkunx fih klawżoli inġusti, b’tali mod li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Barra minn hekk, hija tqis li l-fatt li l-bejjiegħ jew fornitur jinsab f’pożizzjoni legali daqstant favorevoli jikser ukoll il-prinċipju ta’ effettività u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, peress li bejjiegħ jew fornitur li jfassal kuntratt li jinkludi klawżoli inġusti huwa żgurat de facto li l-azzjoni tiegħu ma hijiex ser tiġi preskritta jekk il-konsumatur ma jinformahx minn qabel u espressament li huwa jaf bil-fatt li dan il-kuntratt jinkludi klawżoli inġusti u l-konsegwenzi legali li jirriżultaw minnu.

    37

    Il-qorti tar-rinviju tqis li d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni tal-bejjiegħ jew fornitur għandha tkun, l-iktar tard, dik li fiha dan jirċievi l-ewwel ittra tal-konsumatur li tinvoka n-nullità tal-kuntratt jew l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti. F’dan il-każ, il-bejjiegħ jew fornitur għandu jifhem li l-konsumatur huwa konxju mill-konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt u jaċċettahom.

    38

    Din il-qorti tqis ukoll li, konformement mar-regola ġenerali, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni tal-bejjiegħ jew fornitur għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha huwa jeżegwixxi l-benefiċċju tiegħu jew minn data ftit sussegwenti. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, fid-dawl tal-livell ta’ għarfien tagħha, jista’ jitqies li bank li jfassal kuntratt li jinkludi klawżoli inġusti għandu, sa mill-bidu, ikun jaf li dan il-kuntratt jinkludi tali klawżoli u li dan iwassal għall-ħlas lura tal-benefiċċji reċiproċi previsti mill-imsemmi kuntratt. L-imsemmija qorti żżid tgħid li, fis‑27 ta’ Diċembru 2010, is-Sąd Okręgowy w Warszawie – Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja — il-Qorti tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi, il-Polonja) diġà ddeċidiet, f’kawża li fiha mBank kienet waħda mill-partijiet, li klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet illegali. Minn dan hija tikkonkludi li l-ammissjoni li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni ta’ bank għar-rimbors tal-kapital misluf jibda jiddekorri biss mid-data li fiha l-konsumatur ikkonċernat jippreżenta dikjarazzjoni fformalizzata twassal mhux biss sabiex jiġi aċċettat aġir illegali tal-bejjiegħ jew fornitur, iżda wkoll sabiex dan tal-aħħar jiġi mħeġġeġ jadotta tali aġir, bi ksur tad-Direttiva 93/13.

    39

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li parti mill-qrati Pollakki tammetti li l-interpretazzjoni adottata mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandha bħala konsegwenza li l-kreditu ta’ konsumatur fil-konfront ta’ bank isir dovut biss wara li dan ikun iddikjara b’mod liberu u informat il-kunsens tiegħu għall-annullament tal-kuntratt.

    40

    Issa jekk din l-interpretazzjoni tiġi aċċettata, isegwi, skont il-qorti tar-rinviju, li, anki jekk konsumatur jitlob minn qabel lil bank jirrimborsa s-somom imħallsa indebitament minħabba n-nullità ta’ kuntratt konkluż miegħu, id-dejn tiegħu ma jkunx dovut, b’tali mod li jkun jista’ jitlob interessi moratorji bir-rata legali biss mid-data tal-preżentazzjoni ta’ tali dikjarazzjoni. Madankollu, skont din il-qorti, il-fatt li l-eżerċizzju tad-dritt tal-konsumatur li jikseb interessi moratorji jkun suġġett għal kundizzjoni ġdida jikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza, sa fejn, konformement mal-prinċipji ġenerali tad-dritt ċivili Pollakk, dejn mhux preskritt isir dovut mit-talba għal rimbors. Minbarra l-fatt li l-imsemmija interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tiffavorixxi l-aġir ta’ bejjiegħ jew fornitur li jikkonsisti f’li jdewwem deliberatament ir-rimbors tad-dejn ta’ konsumatur u b’hekk itawwal it-tul tal-proċedura ġudizzjarja kkonċernata.

    41

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont l-interpretazzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), il-kreditu ta’ konsumatur abbażi ta’ rimbors tal-ħlasijiet li huwa għamel bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ kreditu invalidu minħabba li jinkludi klawżoli inġusti għandu jitnaqqas sal-ammont tal-interessi fuq il-kapital li dan kien ikollu jħallas lill-bank ikkonċernat li kieku, ipotetikament, il-kuntratt ta’ kreditu kien validu. Din il-qorti tistaqsi jekk id-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza jippermettux li tiġi limitata b’dan il-mod l-azzjoni għar-rimbors tal-konsumatur.

    42

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-ħtieġa ta’ tali tnaqqis tal-kreditu tal-konsumatur hija spjegata mill-fatt li l-ħlas lura tal-benefiċċji kollha sal-ammont totali tagħhom tinvolvi arrikkiment indebitu tal-konsumatur. Madankollu, hija tqis li din l-interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li tillimita d-dritt ta’ konsumatur għar-rimbors tas-somom li huwa jkun ħallas indebitament lil bank, filwaqt li dan tal-aħħar jista’ jitlob ir-rimbors tal-benefiċċji indebiti kollha li huwa jkun ipprovda lil dan il-konsumatur.

    43

    Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ effettività. Il-qorti tar-rinviju tqis li tali interpretazzjoni, minn naħa, tikser dan il-prinċipju bl-istess mod daqslikieku l-banek jingħataw id-dritt li jirkupraw krediti mingħand il-konsumaturi għall-użu mhux kuntrattwali tal-kapital u, min-naħa l-oħra, tixbah limitazzjoni ratione temporis tat-talba għall-ħlas lura tal-konsumatur, li tmur kontra d-Direttiva 93/13, b’riferiment għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980).

    44

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali taċ-Ċentru tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/93], kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li skontha, fil-każ li fil-kuntratt ikun hemm klawżola inġusta li mingħajrha dan il-kuntratt ma jkunx jista’ jiġi eżegwit:

    1.

    dan il-kuntratt isir permanentement ineffettiv (invalidu) retroattivament mill-mument tal-konklużjoni tiegħu biss wara li l-konsumatur ikun għamel dikjarazzjoni li ma jagħtix il-kunsens tiegħu li l-klawżola inġusta tibqa’ fis-seħħ, huwa konxju tal-konsegwenzi tal-invalidità tal-kuntratt u jagħti l-kunsens tiegħu li l-kuntratt jiġi invalidat,

    2.

    it-terminu għall-pretensjoni tal-bejjiegħ jew fornitur għar-rimbors tal-benefiċċji indebiti mħallsa fuq il-bażi tal-kuntratt jibda jiddekorri biss mid-data li fiha l-konsumatur ikun issottometta d-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 1 anki jekk il-konsumatur ikun preċedentement talab lill-bejjiegħ jew fornitur iħallas [is-somom indebitament imħallsa lilu] u anki jekk il-bejjiegħ jew fornitur seta’ preċedentement ippreveda li l-kuntratt redatt minnu kien fih klawżoli inġusti,

    3.

    il-konsumatur jista’ jitlob il-ħlas ta’ interessi moratorji statutorji biss mid-data li fiha ssottometta d-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 1 anki jekk preċedentement talab lill-bejjiegħ jew fornitur iħallas [dawn is-somom],

    4.

    il-pretensjoni tal-konsumatur għar-rimbors tal-benefiċċji li jkun ħallas fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ kreditu invalidu (il-pagamenti ta’ kreditu, l-ispejjeż, il-kummissjonijiet u l-primjums ta’ assigurazzjoni) għandha tiġi ridotta bl-ekwivalenti tal-interessi kapitali li kien ikun intitolat għalihom il-bank li kieku l-kuntratt ta’ kreditu kien validu, filwaqt li l-bank jista’ jitlob ir-rimbors, li ħallas bis-sħiħ, tal-benefiċċju fuq il-bażi ta’ dan l-istess kuntratt ta’ kreditu invalidu (il-kapital)?”

    Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja

    45

    mBank isostni li l-punti 1 sa 3 tad-domanda preliminari huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiksbu mill-Qorti tal-Ġustizzja l-interpretazzjoni ta’ regoli tad-dritt Pollakk, aspett li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar.

    46

    F’dan ir-rigward, mBank isostni li l-għażla tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati fil-każ li kuntratt ma jkunx konformi mad-Direttiva 93/13 u, minħabba f’hekk, ma jkunx jista’ jibqa’ jeżisti fl-assenza ta’ klawżola meqjusa bħala inġusta, taqa’ taħt id-dritt nazzjonali b’tali mod li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-qrati nazzjonali li għandhom jinterpretaw u japplikaw dan id-dritt.

    47

    Għandu jitfakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-ewwel waħda tagħti lil tal-aħħar l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha huma jkunu ġew aditi. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tal-fatti li wasslu għall-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li trid tittieħed, li għandha tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Fedasil,C‑505/21, EU:C:2021:1049, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qafas fid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 ma jistax ibiddel il-portata u konsegwentement is-sustanza ta’ din il-protezzjoni u b’hekk jimmina t-tisħiħ tal-effikaċja tal-imsemmija protezzjoni bl-adozzjoni ta’ regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti, li kienet ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, bħalma huwa indikat fl-għaxar premessa ta’ din id-direttiva (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenza tal-annullament tal-kuntratt),C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Barra minn hekk, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali huma obbligati jinterpretawh, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan finali tad-Direttiva 93/13 sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha, fejn ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius,C‑495/19, EU:C:2020:431, punti 4750 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    Fil-każ ineżami, sa fejn il-punti 1 sa 3 tad-domanda preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u mhux dik ta’ regoli nazzjonali, l-argument ta’ mBank ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi miċħud.

    51

    Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għall-punti 1 sa 3 tad-domanda preliminari.

    Fuq id‑domanda preliminari

    52

    Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-annullament sħiħ ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur minn istituzzjoni bankarja, minħabba li dan il-kuntratt jinkludi klawżola inġusta li mingħajrha ma jkunx jista’ jibqa’ jeżisti:

    huma jipprekludu l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li l-eżerċizzju tad-drittijiet li dan il-konsumatur jislet minn din id-direttiva huwa suġġett għall-preżentazzjoni, mill-imsemmi konsumatur, quddiem qorti, ta’ dikjarazzjoni li permezz tagħha huwa jafferma, l-ewwel nett, li ma jagħtix il-kunsens tiegħu li din il-klawżola tinżamm, it-tieni nett, li għandu għarfien, minn naħa, tal-fatt li n-nullità tal-imsemmija klawżola timplika l-annullament tal-imsemmi kuntratt kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi ta’ dan l-annullament u, it-tielet nett, li jagħti l-kunsens tiegħu għall-annullament tal-istess kuntratt;

    huma jipprekludu li t-tpaċija mitluba mill-konsumatur ikkonċernat għall-ħlas lura tas-somom li huwa ħallas b’eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni titnaqqas bl-ekwivalenti tal-interessi li din l-istituzzjoni bankarja kienet tirċievi li kieku dan il-kuntratt baqa’ fis-seħħ.

    53

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma humiex vinkolanti fuq il-konsumaturi. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni mandatorja, li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’ekwilibriju reali li jerġa’ jistabbilixxi l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote .– Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-funzjonijiet li għandha l-qorti nazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, din għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u, b’dan il-mod, tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, hija l-qorti nazzjonali li għandha twarrab l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti sabiex huma ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm il-konsumatur ma jopponix dan (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    Madankollu, il-possibbiltà rriżervata lill-konsumatur li jopponi l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 ma tistax tinftiehem bħala li, sabiex jinvoka d-drittijiet li huwa għandu taħt din id-direttiva, timponilu l-obbligu pożittiv li jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva permezz ta’ dikjarazzjoni fformalizzata ppreżentata quddiem qorti.

    57

    Fil-fatt, din il-possibbiltà tikkonsisti biss fil-fakultà mogħtija lill-konsumatur, wara li jkun ġie avżat mill-qorti nazzjonali, li ma jinvokax in-natura inġusta u mhux vinkolanti ta’ klawżola kuntrattwali, u b’hekk jagħti kunsens liberu u informat għall-klawżola inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak,C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-possibbiltà li jeżerċita din il-fakultà, li tikkostitwixxi rinunzja milli tiġi invokata l-protezzjoni prevista mid-Direttiva 93/13, timplika, fiha nnifisha, li l-konsumatur jibbenefika mill-ewwel minn din il-protezzjoni.

    58

    Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 53 u 55 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jeżiġi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi, mingħajr ma tali konsegwenza tkun tista’ tiġi sospiża jew suġġetta għal kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali jew li jirriżultaw mill-ġurisprudenza nazzjonali.

    59

    Għaldaqstant, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tgħid li, sabiex jinvoka d-drittijiet li huwa għandu taħt din id-direttiva, konsumatur huwa obbligat jippreżenta, quddiem qorti, dikjarazzjoni fformalizzata.

    60

    Barra minn hekk, jipprekludi wkoll tali interpretazzjoni l-obbligu, imfakkar fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza, għal qorti nazzjonali li teskludi, jekk ikun il-każ ex officio, l-applikazzjoni tal-klawżoli inġusti sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, u dan anki fl-assenza ta’ dehra ta’ dan tal-aħħar fis-seduta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius,C‑495/19, EU:C:2020:431, punt 52).

    61

    Barra minn hekk, jekk il-konsumatur jiġi obbligat jippreżenta dikjarazzjoni fformalizzata sabiex ikun jista’ jinvoka d-drittijiet, dan jista’ jqiegħed inkwistjoni l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, irid jorbot mal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 63), sa fejn hija tħeġġeġ lill-bejjiegħa jew fornituri jirrifjutaw it-talbiet ekstraġudizzjarji tal-konsumaturi intiżi għall-annullament ta’ klawżoli inġusti, filwaqt li dawn tal-aħħar huma obbligati, sabiex jinvokaw id-drittijiet li huma jisiltu mill-imsemmija direttiva, jippreżentaw dikjarazzjoni fformalizzata quddiem qorti.

    62

    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà, għal qorti adita b’talba għal ħlas lura wara l-annullament ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur minn istituzzjoni bankarja minħabba li dan ikun jinkludi klawżoli inġusti li mingħajrhom ma jistax jibqa’ jeżisti, li tnaqqas it-tpaċija mitluba minn dan il-konsumatur għall-ħlas lura tas-somom li huwa ħallas b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt bl-ekwivalenti tal-interessi li din l-istituzzjoni bankarja kienet tirċievi li kieku l-imsemmi kuntratt baqa’ fis-seħħ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’tali kuntest, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-imsemmija istituzzjoni bankarja għandha d-dritt titlob mingħand il-konsumatur kumpens li jmur lil hinn mir-rimbors tal-kapital imħallas b’eżekuzzjoni tal-istess kuntratt kif ukoll mill-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali sa mill-intimazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt),C‑520/21, EU:C:2023:478, punt 84).

    63

    Bla ħsara għar-riżerva dwar l-interessi moratorji b’rati legali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tgħid li l-istituzzjoni ta’ kreditu jkollha d-dritt titlob lill-konsumatur tpaċija li tmur lil hinn mir-rimbors tal-kapital imħallas abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt u, għaldaqstant, li tirċievi remunerazzjoni għall-użu ta’ dan il-kapital mill-konsumatur, tikkontribwixxi sabiex jiġi eliminat l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħ jew il-fornitur permezz tal-annullament tal-imsemmi kuntratt u għaldaqstant tippreġudika t-twettiq tal-għan fit-tul imsemmi mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Bank M. (Konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt),C‑520/21, EU:C:2023:478, punti 76 sa 78).

    64

    Konsegwentement, sa fejn id-Direttiva 93/13 teskludi l-possibbiltà, għal istituzzjoni bankarja, li titlob tpaċija li tmur lil hinn mir-rimbors tal-kapital imħallas abbażi tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt annullat kif ukoll mill-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali li jiddekorri mill-intimazzjoni, din id-direttiva teskludi wkoll li tingħata tpaċija lil din l-istituzzjoni permezz ta’ tnaqqis tal-ammont tat-tpaċija mitlub mill-konsumatur ikkonċernat bħala ħlas lura tas-somom li huwa ħallas b’eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni sal-ammont ekwivalenti tal-interessi li l-imsemmija istituzzjoni kienet tirċievi li kieku dan il-kuntratt baqa’ fis-seħħ.

    65

    Fid-dawl ta’ dan li ntqal, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-annullament sħiħ ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur minn istituzzjoni bankarja, minħabba li dan il-kuntratt ikun jinkludi klawżola inġusta li mingħajrha ma jkunx jista’ jibqa’ jeżisti:

    huma jipprekludu l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li l-eżerċizzju tad-drittijiet li dan il-konsumatur jislet minn din id-direttiva huwa suġġett għall-preżentazzjoni, mill-imsemmi konsumatur, quddiem qorti, ta’ dikjarazzjoni li permezz tagħha huwa jafferma, l-ewwel nett, li ma jagħtix il-kunsens tiegħu li din il-klawżola tinżamm, it-tieni nett, li għandu għarfien, minn naħa, tal-fatt li n-nullità tal-imsemmija klawżola timplika l-annullament tal-imsemmi kuntratt kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi ta’ dan l-annullament u, it-tielet nett, li jagħti l-kunsens tiegħu għall-annullament tal-istess kuntratt;

    huma jipprekludu li t-tpaċija mitluba mill-konsumatur ikkonċernat għall-ħlas lura tas-somom li huwa ħallas b’eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni titnaqqas bl-ammont ekwivalenti għall-interessi li din l-istituzzjoni bankarja kienet tirċievi li kieku dan il-kuntratt baqa’ fis-seħħ.

    Fuq l‑ispejjeż

    66

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-annullament sħiħ ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur minn istituzzjoni bankarja, minħabba li dan il-kuntratt ikun jinkludi klawżola inġusta li mingħajrha ma jkunx jista’ jibqa’ jeżisti:

     

    huma jipprekludu l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tad-dritt nazzjonali li tgħid li l-eżerċizzju tad-drittijiet li dan il-konsumatur jislet minn din id-direttiva huwa suġġett għall-preżentazzjoni, mill-imsemmi konsumatur, quddiem qorti, ta’ dikjarazzjoni li permezz tagħha huwa jafferma, l-ewwel nett, li ma jagħtix il-kunsens tiegħu li din il-klawżola tinżamm, it-tieni nett, li għandu għarfien, minn naħa, tal-fatt li n-nullità tal-imsemmija klawżola timplika l-annullament tal-imsemmi kuntratt kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi ta’ dan l-annullament u, it-tielet nett, li jagħti l-kunsens tiegħu għall-annullament tal-istess kuntratt;

    huma jipprekludu li t-tpaċija mitluba mill-konsumatur ikkonċernat għall-ħlas lura tas-somom li huwa ħallas b’eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni titnaqqas bl-ammont ekwivalenti għall-interessi li din l-istituzzjoni bankarja kienet tirċievi li kieku dan il-kuntratt baqa’ fis-seħħ.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top