This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0115
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 7 May 2024.#SO.#Request for a preliminary ruling from the Unabhängige Schiedskommission Wien.#Reference for a preliminary ruling – Admissibility – Article 267 TFEU – Concept of ‘court or tribunal’ – National arbitration committee competent to combat doping in sport – Criteria – Independence of the body making the reference – Principle of effective judicial protection – Inadmissibility of the request for a preliminary ruling.#Case C-115/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Mejju 2024.
SO vs Nationale Anti-Doping Agentur Austria GmbH (NADA) et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Kummissjoni tal-arbitraġġ nazzjonali responsabbli għall-ġlieda kontra d-doping fil-qasam tal-isport – Kriterji – Indipendenza tal-organu tar-rinviju – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-115/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Mejju 2024.
SO vs Nationale Anti-Doping Agentur Austria GmbH (NADA) et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Kummissjoni tal-arbitraġġ nazzjonali responsabbli għall-ġlieda kontra d-doping fil-qasam tal-isport – Kriterji – Indipendenza tal-organu tar-rinviju – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-115/22.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:384
*A9* Unabhängige Schiedskommission Wien, beschluss vom 21/12/2021 (DC161923)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
7 ta’ Mejju 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Kummissjoni tal-arbitraġġ nazzjonali responsabbli għall-ġlieda kontra d-doping fil-qasam tal-isport – Kriterji – Indipendenza tal-organu tar-rinviju – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”
Fil-Kawża C‑115/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Unabhängige Schiedskommission Wien (il-Kummissjoni Indipendenti tal-Arbitraġġ ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2022, fil-proċedura
SO
fil-preżenza ta’:
Nationale Anti-Doping Agentur Austria GmbH (NADA),
Österreichischer Leichtathletikverband (ÖLV),
World Anti-Doping Agency (WADA),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, T. von Danwitz, F. Biltgen, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, J.-C. Bonichot, S. Rodin, J. Passer (Relatur), D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: D. Dittert,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal SO, minn J. Öhlböck, Rechtsanwalt, |
– |
għal Nationale Anti-Doping Agentur Austria GmbH (NADA), minn A. Sammer, bħala aġent, assistit minn P. Lohberger u A. Schütz, Rechtsanwälte, |
– |
għal World Anti-Doping Agency (WADA), minn D. P. Cooper, solicitor, assistit minn A.-S. Oberschelp de Meneses, avukata, K. Van Quathem, B. Van Vooren, avukati, u L. Waty, avukata, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J.-C. Halleux, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Latvjan, minn E. Bardiņš, J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux u T. Schell, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, M. Heller u H. Kranenborg, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) u (c), tal-Artikolu 6(3), kif ukoll tal-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”) |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arbitraġġ bejn SO, atleta professjonali, u n-Nationale Anti-Doping Agentur Austria GmbH (NADA), aġenzija indipendenti għall-ġlieda kontra d-doping, dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tippubblika s-sanzjonijiet imposti fuq SO minħabba l-ksur minn din tal-aħħar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kontra d-doping. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-regoli tal-IAAF
3 |
L-International Association of Athletics Federations (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Federazzjonijiet tal-Atletika, iktar ’il quddiem l-“IAAF”) adottat l-IAAF Competition Rules 2014–2015 (ir-Regoli tal-Kompetizzjoni tal-IAAF għall-2014–2015) li r-Regola 32.2(b) u (f) tagħhom, bħall-Artikoli 2.2 u 2.6 tal-IAAF Anti-Doping Rules (ir-Regoli Antidoping tal-IAAF) tal-2017, jipprojbixxu l-“użu jew tentattiv ta’ użu ta’ sustanza pprojbita jew metodu pprojbit” u l-“pussess ta’ sustanza pprojbita jew metodu pprojbit”. |
Id-dritt tal-Unjoni
4 |
L-Artikolu 5 tal-GDPR jipprevedi l-prinċipji dwar l-ipproċessar tad-data personali, filwaqt li l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom tali pproċessar ikun legali. L-Artikoli 9 u 10 tal-imsemmi regolament jinkludu regoli għall-ipproċessar li jirrigwardaw kategoriji partikolari ta’ data personali kif ukoll għall-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-kundanni kriminali u mar-reati. |
5 |
L-Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b'mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta' data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.” |
6 |
L-Artikolu 78 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta' awtorità superviżorja li tikkonċernaha. ” |
7 |
L-Artikolu 79 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.” |
Id-dritt Awstrijak
L-ADBG
8 |
L-Artikolu 5 tal-Anti-Doping-Bundesgesetz 2021 (il-Liġi Federali dwar il-Ġlieda kontra d-Doping tal-2021), tat-23 ta’ Diċembru 2020 (BGBl. I, 152/2020, iktar ’il quddiem l-“ADBG”), intitolat “Unabhängige Dopingkontrolleinrichtung (Aġenzija Indipendenti Antidoping, l-Awstrija”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan l-organu għandu, fost oħrajn, il-missjoni li tressaq talbiet, konformement mal-Artikolu 18 tal-ADBG, quddiem l-Österreichische Anti-Doping Rechtskommission (il-Kumitat Legali Awstrijak Antidoping, iktar ’il quddiem l-“ÖADR”) meta dan iqis li l-ADBG tkun inkisret, u li teżerċita l-kwalità ta’ parti fil-proċeduri quddiem dan tal-aħħar kif ukoll quddiem l-Unabhängige Schiedskommission (il-Kummissjoni Indipendenti ta’ Arbitraġġ, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“USK”), konformement mal-Artikolu 20(2) u mal-Artikolu 23(2) tal-ADBG. |
9 |
L-Artikolu 5(5) tal-ADBG jipprovdi: “Sabiex jiġu eżegwiti l-funzjonijiet ta’ aġenzija indipendenti antidoping, teżisti kumpannija ta’ utilità pubblika b’responsabbiltà limitata bl-isem [NADA]. […] Bħala kontrollur fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR, in-NADA tipproċessa data personali.” |
10 |
L-Artikolu 6 tal-ADBG, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Aġenzija Indipendenti Antidoping hija awtorizzata, bħala kontrollur skont il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, sa fejn dan ikun neċessarju għall-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu skont [l-ADBG] u għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-[ADBG], b’mod partikolari fil-kuntest tal-missjonijiet tal-[ÖADR] u tal-[USK], li jipproċessa data personali. […]” |
11 |
L-Artikolu 7 tal-ADBG, intitolat “[ÖADR]”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, b’mod partikolari li l-ÖADR għandu jmexxi proċeduri dixxiplinari għall-federazzjoni sportiva federali kompetenti kkonċernata konformement mar-regoli antidoping fis-seħħ tal-federazzjoni sportiva internazzjonali kompetenti (proċeduri antidoping). Skont l-Artikolu 7(7) tal-ADBG, l-ÖADR huwa stabbilit fi ħdan l-Aġenzija Indipendenti Antidoping. L-Artikolu 7(8) tal-ADBG jippreċiża li l-Artikolu 6 tiegħu japplika mutatis mutandis. |
12 |
L-Artikolu 8 tal-ADBG, intitolat “[USK]”, jipprovdi: “(1) L-[USK] hija kummissjoni indipendenti mill-korpi tal-Istat, mill-individwi u mill-Aġenzija Indipendenti Antidoping. Il-membri tal-USK ma jistgħux ikunu pparteċipaw fl-investigazzjoni dwar sportiva, sportiv jew persuna oħra, la fid-deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal eżami fir-rigward ta’ sportiva, sportiv jew persuna oħra, u lanqas fid-deċiżjoni tal-ÖADR innifisha, soġġetta għall-eżami tagħhom. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(10)(1) u (2), dan għandu jitwaqqaf fi ħdan l-Aġenzija Indipendenti Antidoping sabiex jeżamina d-deċiżjonijiet tal-ÖADR fil-proċeduri antidoping. (2) L-USK għandha tkun komposta, soġġett għal preżenza ta’ mill-inqas 50 % ta’ nisa, presidenta jew president u seba’ membri bil-kwalifiki li ġejjin:
Għal kull proċedura, il-Presidenta jew il-President jew is-sostitut tagħha jew tiegħu għandhom jaħtru sabiex imexxu l-proċedura, minn fost il-membri tal-USK, mill-inqas membru wieħed li għandu diploma fil-liġi u esperjenza fit-tmexxija ta’ proċeduri formali ta’ investigazzjoni, mill-inqas espert wieħed jew espert fil-kimika analitika jew fit-tossikoloġija u mill-inqas membru wieħed bħala espert jew espert fil-mediċina tal-isport. (3) Il-Presidenta jew il-President u l-membri msemmija fil-punti 1 sa 4 tal-paragrafu 2 għandhom jinħatru għal perijodu ta’ erba’ snin mill-[Bundesminister für Kunst, Kultur, öffentlichen Dienst und Sport (il-Ministru Federali għall-Arti, għall-Kultura, għas-Servizz Pubbliku u għall-Isport, l-Awstrija)]. Minn fost il-membri, membru għandu jinħatar bħala sostitut tal-Presidenta jew tal-President. Il-mandati jistgħu jiġġeddu u jitneħħew minn qabel għal raġunijiet serji. Il-Presidenta jew il-President u l-membri jistgħu jieqfu mill-kariga tagħhom fi kwalunkwe ħin. Jekk il-Presidenta jew il-President jew membru jirriżenjaw qabel iż-żmien, għandha tinħatar persuna ġdida għall-bqija tal-mandat ikkonċernat. L-USK għandha taġixxi b’maġġoranza tal-voti u l-kworum jintlaħaq meta l-Presidenta jew il-President u mill-inqas żewġ membri jkunu preżenti. Fil-każ ta’ voti ndaqs, il-Presidenta jew il-President għandu jkollhom vot deċiżiv. L-USK tista’ wkoll tieħu deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub meta, minħabba ċ-ċarezza taċ-ċirkustanzi, ma jkunx neċessarju li ssir diskussjoni fil-kuntest ta’ laqgħa u meta la l-Presidenta jew il-President u lanqas membru ma jopponu li tittieħed deċiżjoni skont dawn il-modalitajiet. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) japplikaw għall-USK. […] (6) L-Artikolu 6 [tal-ADBG] japplika mutatis mutandis.” |
13 |
L-Artikolu 20 tal-ADBG, intitolat “Proċeduri quddiem [l-ÖADR]”, jipprovdi, essenzjalment, li l-ÖADR huwa kompetenti sabiex imexxi proċeduri antidoping wara talbiet għal eżami mressqa mill-Aġenzija Indipendenti Antidoping u sabiex jadotta deċiżjonijiet fl-ewwel istanza fil-każ ta’ ksur tar-regoli antidoping tal-federazzjoni sportiva kompetenti. |
14 |
L-Artikolu 21 tal-ADBG jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “L-ÖADR għandu, sa mhux iktar tard minn 20 jum wara li d-deċiżjoni tkun saret definittiva, jinforma [lill-organizzazzjoni sportiva federali], lill-organizzazzjonijiet sportivi, lin-nisa u lill-irġiel sportivi, lil persuni oħra u lill-organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali, bil-miżuri ta’ sigurtà imposti (pereżempju, bis-sospensjonijiet) u bid-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ proċeduri antidoping, billi tindika l-isem tal-persuna kkonċernata, it-tul tas-sospensjoni u r-raġunijiet tagħha, mingħajr madankollu ma tippermetti li konklużjonijiet dwar is-saħħa ta’ din il-persuna jkunu jistgħu jinsiltu mid-data ppubblikata. Din l-informazzjoni ma tistax tiġi żvelata fil-każ ta’ persuni protetti, ta’ nisa u rġiel sportivi ta’ livell rikreattiv kif ukoll ta’ persuni li kkontribwew b’mod sinifikanti għall-identifikazzjoni ta’ ksur potenzjali tar-regoli antidoping billi pprovdew informazzjoni jew indikazzjonijiet oħra. Fil-każ ta’ nisa u rġiel sportivi ta’ livell rikreattiv, għandu jsir żvelar għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika meta jkun ġie kkonstatat ksur tar-regoli antidoping imsemmija fil-punti 3 u 9 sa 11 tal-Artikolu 1(2).” |
15 |
L-Artikolu 23 tal-ADBG, intitolat “Proċeduri quddiem l-[USK]”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-partijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu, fi żmien erba’ ġimgħat min-notifika, jitolbu lill-USK biex twettaq eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20. Id-deċiżjoni għandha tkun soġġetta għal stħarriġ tal-legalità mill-USK u tista’ tiġi annullata mingħajr ma tiġi ssostitwita minħabba illegalità, jew emendata f’xi sens jew ieħor. It-talba għal eżami mill-ġdid ma għandhiex tissospendi d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 20, sakemm l-USK ma tipprevedix dan.” |
16 |
L-Artikolu 23(2) tal-ADBG jippreċiża li l-Aġenzija Indipendenti Antidoping hija parti fil-proċedura quddiem l-USK. |
17 |
Skont l-Artikolu 23(3) tal-ADBG, l-Artikolu 580(1) u (2), l-Artikolu 588(2), l-Artikolu 592(1) u (2), l-Artikoli 594, 595, 597 sa 602, 604, l-Artikolu 606(1) sa (5), l-Artikolu 608(1) u (2) u l-Artikolu 610 taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”) japplikaw għall-proċedura quddiem l-USK. Din għandha twettaq il-proċedura abbażi tar-regoli antidoping fis-seħħ tal-federazzjoni sportiva internazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, il-partijiet f’din il-proċedura jistgħu jitolbu li l-proċedura tkun pubblika. |
18 |
L-Artikolu 23(4) tal-ADBG jipprovdi: “Fi żmien sitt ġimgħat minn meta tirċievi t-talba għal eżami mill-ġdid, l-USK għandha jew tiddeċiedi, jew torganizza seduta. Wara l-proċedura orali, id-deċiżjoni finali għandha tiġi adottata bil-miktub u għandha tiġi mmotivata fi żmien erba’ ġimgħat. Il-proċedura għandha titlesta fi żmien sitt xhur minn meta tasal it-talba għal reviżjoni, fejn id-dewmien ikkawżat mill-parti skont il-paragrafu 2(1) għandu jiġi inkluż f’dan it-terminu ta’ żmien. Fil-każ ta’ voti ndaqs, il-vot tal-Presidenta jew tal-President huwa deċiżiv. Id-deċiżjonijiet għandhom jingħataw bil-miktub u għandhom ikunu mmotivati. Minkejja d-deċiżjoni arbitrali tal-USK, [l-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (iktar ’il quddiem il-‘WADA’)], il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, il-Kumitat Internazzjonali Paralimpiku u l-Federazzjoni Internazzjonali Speċjalizzata tal-Isport inkwistjoni jistgħu jappellaw mid-deċiżjoni tal-USK quddiem it-[Tribunal tal-Arbitraġġ tal-Isport (iktar ’il quddiem it-“TAS”), stabbilit f’Lausanne (l-Isvizzera)]. Fil-kawżi marbuta mal-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni internazzjonali jew li tinvolvi sportivi internazzjonali, id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu kkontestati quddiem it-TAS direttament mill-persuni kkonċernati. Sabiex jiġi riżolt it-tilwim f’materji ċivili, ir-rimedju ċivili jibqa’ miftuħ wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali fil-kuntest tal-proċedura antidoping.” |
19 |
L-Artikolu 23 tal-ADBG jipprovdi, fil-paragrafu 14 tiegħu: “L-USK għandha tinforma [lill-organizzazzjoni sportiva federali], lill-organizzazzjonijiet sportivi, lin-nisa u lill-irġiel sportivi, lill-persuni l-oħra u lill-organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet kif ukoll lill-pubbliku ġenerali dwar id-deċiżjonijiet tagħha, filwaqt li tindika l-isem tal-persuna kkonċernata, it-tul tas-sospensjoni u r-raġunijiet tagħha, mingħajr madankollu ma tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet dwar is-saħħa ta’ din il-persuna mid-data ppubblikata. Din l-informazzjoni ma tistax tiġi żvelata fil-każ ta’ persuni protetti, ta’ nisa u rġiel sportivi ta’ livell rikreattiv kif ukoll ta’ persuni li kkontribwew b’mod sinifikanti għall-identifikazzjoni ta’ ksur potenzjali tar-regoli antidoping billi pprovdew informazzjoni jew indikazzjonijiet oħra. Fil-każ ta’ nisa u ta’ rġiel sportivi ta’ livell rikreattiv, għandu jsir żvelar għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika meta jkun ġie kkonstatat ksur tar-regoli antidoping imsemmija fil-punti 3 u 9 sa 11 tal-Artikolu 1(2).” |
Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni Indipendenti ta’ Arbitraġġ imsemmija fil-Liġi Federali Antidoping tal-2021
20 |
Il-Verfahrensordnung der Unabhängigen Schiedskommission nach dem Anti-Doping-Bundesgesetz 2021 (ir-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni Indipendenti ta’ Arbitraġġ imsemmija fil-Liġi Federali Antidoping tal-2021), tal-1 ta’ Jannar 2021, jipprovdu, fl-Artikolu 1(3) tagħhom, li l-membri tal-USK huma indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. L-Artikolu 5 ta’ dawn ir-regoli jipprevedi r-raġunijiet li għalihom huwa possibbli li tiġi invokata l-parzjalità ta’ wieħed jew iktar minn dawn il-membri kif ukoll il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan. |
21 |
L-Artikolu 9(1) tal-istess regoli jippreċiża li l-partijiet fil-proċedura jistgħu jużaw il-mezzi ta’ prova kollha li huma previsti miz-ZPO. |
Iz-ZPO
22 |
Fi ħdan l-artikoli taz-ZPO, fil-verżjoni tagħha tat-23 ta’ Diċembru 2020 (BGBl. I, 148/2020), li jirregola l-proċedura ta’ arbitraġġ, l-Artikolu 597 jikkonċerna r-regoli dwar it-talba għal arbitraġġ u r-risposta, filwaqt li l-Artikolu 598 jipprevedi l-possibbiltà li tiġi organizzata seduta u l-Artikolu 599, b’mod partikolari, ir-regoli ta’ amministrazzjoni tal-prova quddiem it-Tribunal tal-Arbitraġġ. |
23 |
L-Artikolu 607 taz-ZPO jipprevedi, essenzjalment, li deċiżjoni ta’ tribunal ta’ arbitraġġ tipproduċi, bejn il-partijiet, l-effetti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li għandha s-saħħa ta’ res judicata. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
24 |
SO kienet atleta professjonali bejn l-1998 u l-2015. Hija wkoll responsabbli għal assoċjazzjoni li hija membru tal-federazzjoni tal-atletika ta’ Vjenna (l-Awstrija). |
25 |
Fl-2021, abbażi tar-riżultati ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Bundeskriminalamt (l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Kriminali, l-Awstrija), in-NADA ressqet talba għal eżami tal-każ ta’ SO lill-ÖADR, peress li hija qieset li SO kienet kisret ir-regoli antidoping. |
26 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2021, l-ÖADR iddikjarat lil SO responsabbli għall-ksur tar-Regola 32.2(b) u (f), tar-Regoli tal-Kompetizzjoni tal-IAAF għall-2014-2015, kif ukoll tal-Artikoli 2.2 u 2.6 tar-Regoli Antidoping tal-IAAF tal-2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). B’mod iktar preċiż, l-ÖADR ikkonstatat li, bejn Mejju 2015 u April 2017, SO kienet tippossjedi sustanzi li l-użu tagħhom minn sportivi professjonali suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-IAAF kien ipprojbit mill-AMA matul dan il-perijodu, jiġifieri l-eritropojetina (magħrufa wkoll bħala EPO), il-Genotropin (Omnitrope) kif ukoll Testosteron (fil-forma ta’ Androgel), u li SO kienet użathom tal-inqas parzjalment fl-2015. |
27 |
Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, l-ÖADR, fid-deċiżjoni kkontestata, iddikjarat bħala invalidi r-riżultati kollha miksuba minn SO bejn l-10 ta’ Mejju 2015 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll irtirat il-miżati ta’ dħul u/jew premji fi flus kollha miksuba minnha. Barra minn hekk, hija imponiet fuq SO projbizzjoni milli tipparteċipa f’kull tip ta’ kompetizzjoni sportiva għal perijodu ta’ erba’ snin, b’effett mill-31 ta’ Mejju 2021. |
28 |
Matul il-proċedura quddiem il-ÖADR, SO kienet talbet li d-deċiżjoni kkontestata ma tiġix ikkomunikata lill-pubbliku ġenerali, skont l-Artikolu 21(3) tal-ADBG, b’mod partikolari billi ma tiżvelax u billi ma tippubblikax isimha kif ukoll karatteristiċi individwali oħra. Din it-talba ġiet miċħuda mill-ÖADR fid-deċiżjoni kkontestata. |
29 |
SO ressqet talba għal eżami mill-ġdid quddiem l-USK fejn talbet li d-deċiżjoni kkontestata tiġi emendata sabiex il-pubbliku ġenerali ma jkunx informat, permezz tal-pubblikazzjoni tal-isem sħiħ tagħha fuq sit tal-internet liberament aċċessibbli, bil-ksur antidoping li hija kienet wettqet u bis-sanzjoni li kienet ġiet imposta fuqha. |
30 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2021, l-USK ikkonfermat l-annullament tar-riżultati kollha miksuba minn SO b’kompetizzjoni, inkluż l-irtirar tat-titoli, tal-medalji, tal-premjijiet, tal-miżati ta’ dħul u tal-premji fi flus kollha miksuba mill-10 ta’ Mejju 2015, kif ukoll is-sospensjoni tagħha mill-kompetizzjonijiet kollha (nazzjonali u internazzjonali) għal tul ta’ erba’ snin mill-31 ta’ Mejju 2021. |
31 |
Madankollu, l-USK għażlet li tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni separata dwar it-talba sabiex il-ksur antidoping imwettaq minn SO ma jiġix ippubblikat, kif ukoll is-sanzjonijiet li jirriżultaw minnu, u b’hekk irriżervat id-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward. |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-USK iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
33 |
Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 72, u d-digriet tad-9 ta’ Jannar 2024, Bravchev,C‑338/23, EU:C:2024:4, punt 18). |
34 |
Minn dan jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-organu tar-rinviju għandu jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari (digrieti tat-13 ta’ Diċembru 2018, Holunga,C‑370/18, EU:C:2018:1011, punt 13, u tad-19 ta’ Mejju 2022, Frontera Capital,C‑722/21, EU:C:2022:412, punt 11). |
35 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tevalwa jekk l-organu tar-rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha, bħal, fost l-oħrajn, l-oriġini legali ta’ dan l-organu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-organu inkwistjoni, ta’ liġijiet kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels,61/65, EU:C:1966:39, p. 395; tat-3 ta’ Mejju 2022, CityRail,C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 41, u tal-21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma fil-kariga ta’ mħallef),C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 40). |
36 |
Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu lilha biss fil-każ li jkun hemm tilwima pendenti quddiemhom u fil-każ li dawn ikunu meħtieġa jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba biex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja. Għaldaqstant, għandha tiġi ddeterminata s-setgħa ta’ organu li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont kriterji kemm strutturali kif ukoll funzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2022, CityRail,C‑453/20, EU:C:2022:341, punti 42 u 43, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Fir-rigward ta’ dawn il-kriterji strutturali, mill-elementi li jinsabu fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tal-ADBG jirriżulta li l-USK tissodisfa l-kriterji dwar l-oriġini legali tagħha, il-permanenza tagħha, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tagħha kif ukoll in-natura kontradittorja tal-proċedura quddiemha. |
38 |
Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-USK tissodisfax il-kriterju ta’ indipendenza. |
39 |
Fir-rigward ta’ dan il-kriterju, għandu jiġi enfasizzat li l-indipendenza tal-qrati nazzjonali, li hija indispensabbli għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hija inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses,C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 41 u 42). Hija għalhekk essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li tinkorpora l-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE sa fejn, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-mekkaniżmu jista’ jiġi attivat biss minn istanza li tissodisfa, b’mod partikolari, dan il-kriterju ta’ indipendenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Il-kunċett ta’ indipendenza għandu żewġ aspetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson,C‑506/04, EU:C:2006:587, punti 49 u 50, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 57). |
41 |
L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-organu kkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma jkun suġġett għal ebda rabta ġerarkika jew issuġġettar għal kwalunkwe organu ieħor u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk ikun protett minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-irremovabbiltà tal-membri tal-istanza kkonċernata tikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura sa fejn din hija intiża biex tipproteġi lill-persuna minn dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
B’mod iktar partikolari, il-prinċipju ta’ irremovabbiltà, li l-importanza kardinali tiegħu għandha tiġi enfasizzata, jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-membri tal-ġudikatura jkunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal-irtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal perijodu speċifiku. Mingħajr ma dan ikollu natura assoluta, l-imsemmi prinċipju jista’ jiġi suġġett għal eċċezzjonijiet biss jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikawh, u dan fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk huwa normalment aċċettat li l-membri tal-ġudikatura jkunu jistgħu jitkeċċew jekk ma jkunux jistgħu jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba inkapaċità jew minħabba nuqqas serju, permezz tal-osservanza ta’ proċeduri xierqa (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Il-garanzija ta’ irremovabbiltà tal-membri ta’ qorti teżiġi għalhekk li l-każijiet ta’ revoka tal-membri tal-organu kkonċernat ikunu ddeterminati minn leġiżlazzjoni partikolari, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi espressi li joffru garanziji li jmorru lil hinn minn dawk previsti mir-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali li japplikaw f’każ ta’ revoka abbużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 60, u tas-26 ta’ Jannar 2023, Construct,C‑403/21, EU:C:2023:47, punt 44). |
45 |
It-tieni aspett, intern, tal-kunċett ta’ “indipendenza” jingħaqad mal-kunċett ta’ imparzjalità u jirrigwarda l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “indipendenza” jimplika qabel kollox li l-istanza kkonċernata jkollha l-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni suġġetta għal rikors (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-organu, tal-ħatra, tat-terminu tal-funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tkeċċija tal-membri tiegħu, li jippermettu li jitneħħa kull dubju raġonevoli, fil-moħħ tal-individwi, dwar l-impermeabbiltà tal-organu msemmi fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi li jkollu quddiemu (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-USK, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 5 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha msemmija fil-Liġi Federali Antidoping tal-2021 jipprovdu li l-membri tagħha huma indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u li huma suġġetti għall-prinċipju ta’ imparzjalità. |
49 |
Madankollu, skont l-Artikolu 8(3) tal-ADBG, il-membri tal-USK jinħatru mill- Ministru Federali għall-Arti, għall-Kultura, għas-Servizz Pubbliku u għall-Isport għal mandat li jiġġedded ta’ erba’ snin, li jista’ jiġi rrevokat b’mod antiċipat “għal raġunijiet serji”, mingħajr ma dan il-kunċett jiġi ddefinit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
50 |
B’mod partikolari, l-irremovabbiltà tal-membri tal-USK ma hijiex garantita minn xi regola speċifika. |
51 |
F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni tal-membri tal-USK hija differenti, pereżempju, minn dik tal-organu tar-rinviju fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664), fis-sens li, kif jirriżulta mill-punti 11 u 20 ta’ dik is-sentenza, il-membri ta’ dan l-organu jgawdu minn garanzija ta’ irremovabbiltà, matul il-mandat tagħhom, li tista’ ssir deroga minnha biss għal kawżi espressament elenkati mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-funzjonament tal-organu msemmi. |
52 |
Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-membri tal-USK tappartjeni biss lill- Ministru Federali għall-Arti, għall-Kultura, għas-Servizz Pubbliku u għall-Isport, jiġifieri membru eżekuttiv, mingħajr ma jkunu ġew stabbiliti minn qabel kriterji preċiżi jew garanziji preċiżi. |
53 |
Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tiggarantixxix li l-membri tal-USK ikunu protetti minn pressjonijiet esterni, kemm jekk diretti jew indiretti, li jistgħu joħolqu dubju dwar l-indipendenza tagħhom, b’tali mod li dan l-organu ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza ta’ qorti, ikkunsidrat taħt l-aspett estern tiegħu. |
54 |
Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li l-USK ma tistax tiġi kklassifikata bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
55 |
Madankollu, dan il-fatt ma jeżentahiex mill-obbligu li tiggarantixxi l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha u li tħalli mhux applikati, jekk ikun hemm bżonn, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidhru kuntrarji għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett dirett, peress li tali obbligi huma imposti, fil-fatt, fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha u mhux biss fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u mill-informazzjoni trażmessa min-NADA waqt is-seduta, jirriżulta li SO adixxiet lill-Österreichische Datenschutzbehörde (l-Awtorità Awstrijaka għall-Protezzjoni tad-Data) b’ilment għal ksur ta’ din il-protezzjoni, skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR. Dan il-korp adotta deċiżjoni ta’ ċaħda, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) skont l-Artikolu 78(1) tal-GDPR (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx minn dejn li ma tħallasx lura),C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punti 52 u 70). Dan ir-rikors ġie sospiż sakemm tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula f’din il-kawża. |
57 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem l-organu tar-rinviju, huwa dak il-korp li jiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängige Schiedskommission Wien (il-Kummissjoni Indipendenti tal-Arbitraġġ ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2021, hija inammissibbli. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.