This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0086
Judgment of the Court (Third Chamber) of 21 December 2023.#Papier Mettler Italia S.r.l. v Ministero della Transizione Ecologica and Ministero dello Sviluppo Economico.#Request for a preliminary ruling from the Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.#Reference for a preliminary ruling – Approximation of laws – Environment – Directive 94/62/EC – Packaging and packaging waste – Directive 98/34/EC – Information procedure in the field of technical standards and regulations and of rules on Information Society services – Obligation on the Member States to notify the European Commission of any draft technical regulation – National legislation containing stricter technical rules than those laid down by EU legislation.#Case C-86/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
Papier Mettler Italia S.r.l. vs Ministero della Transizione Ecologica u Ministero dello Sviluppo Economico.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Ambjent – Direttiva 94/62/KE – Imballaġġ u skart mill-imballaġġ – Direttiva 98/34/KE – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull abbozz ta’ regolament tekniku – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi regolamenti tekniċi iktar restrittivi minn dawk previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-86/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2023.
Papier Mettler Italia S.r.l. vs Ministero della Transizione Ecologica u Ministero dello Sviluppo Economico.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Ambjent – Direttiva 94/62/KE – Imballaġġ u skart mill-imballaġġ – Direttiva 98/34/KE – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull abbozz ta’ regolament tekniku – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi regolamenti tekniċi iktar restrittivi minn dawk previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-86/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:1023
*A9* Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio, Sezione Seconda Bis, ordinanza del 07/02/2022 (01440/2021 ; 05747/2013)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
21 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Ambjent – Direttiva 94/62/KE – Imballaġġ u skart mill-imballaġġ – Direttiva 98/34/KE – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull abbozz ta’ regolament tekniku – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi regolamenti tekniċi iktar restrittivi minn dawk previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑86/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Frar 2022, fil-proċedura
Papier Mettler Italia Srl
vs
Ministero della Transizione Ecologica,
Ministero dello Sviluppo Economico,
fil-preżenza ta’:
Associazione Italiana delle Bioplastiche e dei Materiali Biodegradabili e Compostabili – Assobioplastiche,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra, M. Safjan, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Papier Mettler Italia Srl, minn V. Cannizzaro, avvocato, |
– |
għall-Associazione Italiana delle Bioplastiche e dei Materiali Biodegradabili e Compostabili – Assobioplastiche, minn G. Belotti, F. De Leonardis u S. Micono, avvocati, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Cherubini u G. Palatiello, avvocati dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Escobar Gómez, G. Gattinara u L. Haasbeek, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Mejju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 2, 9, 16 u 18 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2013/2/UE tas-7 ta’ Frar 2013 (ĠU 2013, L 37, p. 10) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 94/62”), u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1025/2012 tal-25 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 316, p. 12) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”), kif ukoll tal-Artikolu 114(5) u (6) TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Papier Mettler Italia Srl u l-Ministero della Transizione Ecologica (il-Ministeru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Ambjent”) u l-Ministero dello Sviluppo Economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja), dwar, minn naħa, il-legalità ta’ digriet li jimponi l-osservanza ta’ ċerti karatteristiċi tekniċi għall-kummerċjalizzazzjoni tal-basktijiet tal-plastik intiżi għall-ġarr ta’ oġġetti u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-danni li ġew ikkawżati minħabba l-adozzjoni ta’ dan id-digriet. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 94/62
3 |
L-ewwel, it-tieni, ir-raba’, is-seba’ u l-wieħed u tletin premessa tad-Direttiva 94/62 jipprovdu: “Billi l-miżuri nazzjonali differenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ għandhom jiġu armonizzati sabiex, minn naħa l-waħda, dawn ma jħallu l-ebda impatt fuq l-ambjent jew sabiex jitnaqqas l-impatt, sabiex b’hekk jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, u min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat illi s-suq intern jaħdem kif suppost u jiġi evitat tfixkil tal-kummerċ kif ukoll distorsjonijiet u restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità [Ewropea]; Billi l-aħjar mezz ta’ prevenzjoni tal-ħolqien ta’ l-iskart mill-imballaġġ huwa li jitnaqqas il-volum totali ta’ l-imballaġġ; […] Billi t-tnaqqis ta’ l-iskart huwa essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli mitlub b’mod specifiku mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; […] Billi, skond l-istrateġija tal-Komunità għall-immaniġġjar ta’ l-iskart stabbilita bir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 1990 dwar il-politika ta’ l-iskart [ĠU 1990, C 122, p. 2] u bid-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23], l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ għandu jinkludi bħala l-ewwel prijorità, il-prevenzjoni ta’ l-iskart mill-imballaġġ u, bħala prinċipji fondamentali addizzjonali, l-użu mill-ġdid ta’ l-imballaġġ, ir-riċiklaġġ u forom oħra ta’ rkupru ta’ l-iskart mill-imballaġġ sabiex b’hekk ikun hemm tnaqqis fir-rimi finali ta’ skart ta’ din ix-xorta; […] Billi l-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi l-proċedura għall-provvediment tat-tagħrif fil-qasam ta’ l-istandards u tar-regolamenti tekniċi [ĠU 1983, L 109, p. 8)], jgħarrfu lill-Kummissjoni [Ewropea] bl-abbozz ta’ kull miżura li għandhom il-ħsieb li jadottaw qabel ma jadottawha, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk tikkonformax mad-Direttiva jew le”. |
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/62, intitolat “Għanijiet”, jipprevedi: “1. Din id-Direttiva għandha bħala għan l-armonizzazzjoni tal-miżuri nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ sabiex, min-naħa l-waħda, ma jkun hemm l-ebda impatt minn dawn fuq l-ambjent ta’ l-ebda Stat Membru jew ta’ terzi pajjiżi jew sabiex jitnaqqas l-impatt, biex b’hekk jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, u sabiex, min-naħa l-oħra, tiġi żgurata l-funzjoni tas-suq intern u jiġu evitati t-tfixkil tal-kummerċ u distorsjonijiet u restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità. 2. Għal dan il-għan din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati, bħala l-ewwel prijorità, lejn it-twaqqif tal-produzzjoni ta’ l-iskart mill-imballaġġ u, bħala prinċipji fundamentali addizzjonali, lejn l-użu mill-ġdid ta’ l-imballaġġ, lejn ir-riċiklaġġ u lejn forom oħra ta’ l-irkupru ta’ l-iskart mill-imballaġġ u, b’hekk lejn it-tnaqqis tal-qerda finali ta’ dan l-iskart.” |
5 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li: “1. Din id-Direttiva tkopri l-imballaġġ kollu mqiegħed fis-suq tal-Komunità u l-iskart mill-imballaġġ kollu, kemm jekk jigi użat kemm jekk jinħareg fil-livell ta’ l-industrija, tal-kummerċ, ta’ l-uffiċini, tal-ħwienet, ta’ xi servizzi, domestiku jew ta’ xi livell ieħor, ikun xi jkun il-materjal użat. […]” |
6 |
Id-Direttiva (UE) 2015/720 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 li temenda d-Direttiva 94/62/KE fir-rigward tat-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief (ĠU 2015, L 115, p. 11), introduċiet fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, intitolat “Definizzjonijiet”, il-punti 1b u 1c, li jipprovdu: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva […]
|
7 |
Id-Direttiva 2015/720 introduċiet ukoll fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/62, intitolat “Prevenzjoni”, paragrafi 1a u 1b, li jipprovdu: “1a. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiksbu tnaqqis sostnut fil-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief fit-territorju tagħhom. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta’ miri ta’ tnaqqis nazzjonali, li jżommu jew jintroduċu strumenti ekonomiċi kif ukoll restrizzjonijiet kummerċjali b’deroga mill-Artikolu 18, dment li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji. Tali miżuri jistgħu jvarjaw skont l-impatt ambjentali tal-basktijiet tal-plastik ħfief meta dawn jiġu rkuprati jew mormija, il-proprjetajiet ta’ kompostjar tagħhom, it-tul ta’ żmien jew l-użu maħsub speċifiku. Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhom jinkludu waħda minn jew it-tnejn li ġejjin:
[…] 1b. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri bħal strumenti ekonomiċi u miri ta’ tnaqqis nazzjonali, fir-rigward ta’ kwalunkwe tip ta’ basket tal-plastik, irrispettivament mill-ħxuna tagħhom.” |
8 |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 94/62, intitolat “Il-ħtiġiet essenzjali”, jistipula: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-imballaġġ ikun jista’ jitqiegħed fis-suq biss jekk jikkonforma mal-ħtiġiet essenzjali kollha definiti f’din id-Direttiva inkluż l-Anness II. […]” |
9 |
L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “In-notifikazzjoni”, jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 83/189/KEE, qabel ma jadottaw miżuri bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-abbozzi tal-miżuri li jkunu bi ħsiebhom jadottaw fil-qafas ta’ din id-Direttiva, minbarra l-miżuri ta’ natura fiskali, iżda inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi magħquda ma’ miżuri fiskali li jinkoraġġixxu l-konformità ma’ speċifikazzjonijiet tekniċi bħal dawn, sabiex jippermettu lil din ta’ l-aħħar illi teżaminahom fid-dawl tad-dispożizzjonijiet eżistenti filwaqt li ssegwi f’kull każ il-proċedura taħt id-Direttiva msemmija fuq. 2. Jekk il-miżura proposta hija wkoll kwistjoni teknika fit-tifsira tad-Direttiva 83/189/KEE, l-Istat Membru interessat jista’ jindika, waqt li jsegwi l-proċeduri tan-notifika riferiti f’din id-Direttiva, li n-notifikazzjoni hija valida wkoll għad-Direttiva 83/189/KEE.” |
10 |
L-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, intitolat “Il-libertà tat-tqegħid fis-suq”, jipprovdi: “L-Istati Membri m’għandhomx ifixklu t-tqegħid fis-suq tat-territorju tagħhom ta’ l-imballaġġ li jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.” |
11 |
L-Anness II tad-Direttiva 94/62 intitolat “Il-Ħtiġiet essenzjonali dwar il-kompożizzjoni u n-natura ta’ l-imballaġġ illi jista’ jerġa’ jintuża’ mill-ġdid jew jiġi rkuprat, inkluż irriċiklat”, jipprovdi:
|
Id‑Direttiva 98/34
12 |
Il-punt 12 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, li tħassret bid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1), iżda tibqa’ applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin: […]
|
13 |
L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 kien jipprovdi: “Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz. […]” |
14 |
L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal tliet xhur mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi l-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1).” |
Id‑dritt Taljan
15 |
L-Artikolu 1(1129) u (1130) tal-legge n. 296 – “Disposizioni per la formazione del bilancio e pluriennale dello Stato (Liġi Nru 296, dwar dispożizzjonijiet dwar il-formazzjoni tal-bilanċ annwali u multiannwali tal-Istat), tas-27 ta’ Diċembru 2006 (GURI Nru 299, tas-27 ta’ Diċembru 2006, suppliment ordinarju Nru 244), kien jipprevedi projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-basktijiet tal-plastik mhux bijodegradabbli għall-ġarr ta’ oġġetti li kellha tiġi applikata mill-1 ta’ Jannar 2010. Madankollu, id-dħul fis-seħħ ta’ din il-projbizzjoni ġie pospost sal-adozzjoni tad-decreto-legge n. 2 – “Misure straordinarie e urgenti in materia ambientale (Digriet Leġiżlattiv Nru 2, dwar miżuri eċċezzjonali u urġenti fil-qasam tal-ambjent), tal-25 ta’ Jannar 2012 (GURI Nru 20, tal-25 ta’ Jannar 2012) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 2/2012”). L-Artikolu 2(1) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv kien jipprevedi l-estensjoni tat-terminu previst fl-Artikolu 1(1130) tal-Liġi Nru 296, tas-27 ta’ Diċembru 2006, għad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija projbizzjoni sal-adozzjoni ta’ digriet mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku. |
16 |
Id-Digriet-Liġi Nru 2/2012 ġie kkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-legge n. 28 – Conversione in legge, con modificazioni del decreto-legge 25 gennaio 2012, n. 2, recante misure straordinarie e urgenti in materia ambientale” (Liġi Nru 28 ta’ konverżjoni leġiżlattiva, li temenda d-Digriet-Liġi Nru 2 tal-25 ta’ Jannar 2012, miżuri ta’ eċċezzjoni u urġenti fil-qasam tal-ambjent), tal-24 ta’ Marzu 2012 (GURI Nru 71, tal-24 ta’ Marzu 2012). L-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet jipprovdi: “1. It-terminu previst fl-Artikolu 1(1130) tal- [Liġi Nru 296, tas-27 ta’ Diċembru 2006], għad-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-basktijiet għall-ġarr ta’ oġġetti huwa estiż sal-adozzjoni tad-digriet imsemmi fis-subparagrafu 2 biss għall-kummerċjalizzazzjoni tal-basktijiet għall-ġarr ta’ oġġetti li jintuża darba f’polimeri konformi mal-istandard armonizzat UNI EN 13432:2002, skont iċ-ċertifikazzjonijiet maħruġa mill-korpi akkreditati, u dawk, li jistgħu jerġgħu jintużaw, immanifatturati b’polimeri oħra, bil-widna mhux inkluż fid-daqs utli tal-basket, u li l-ħxuna tagħhom hija iktar minn 200 mikron meta jintużaw għall-ikel u 100 mikroni għal dawk intiżi għal użi oħra, kif ukoll dawk, li jistgħu jerġgħu jintużaw, magħmula minn polimeri oħra, bil-widna li huwa inkluż fid-daqs utli tal-basket, u li l-ħxuna tagħhom hija iktar minn 100 mikron meta jintużaw għall-ikel u għal 60 mikroni għal dawk intiżi għal użu ieħor. 2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, permezz ta’ digriet mhux regolamentari adottat mill-[Ministri tal-Ambjent] u tal-Iżvilupp Ekonomiku, wara opinjoni tal-kumitati parlamentari kompetenti, innotifikata skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, li għandha tiġi adottata qabel il-31 ta’ Diċembru 2012, skont il-ġerarkija tal-miżuri li għandhom jiġu adottati għat-trattament tal-iskart, […] eventwali karatteristiċi tekniċi addizzjonali jistgħu jiġu identifikati għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, b’mod partikolari billi jiġu previsti forom ta’ promozzjoni tal-konverżjoni mill-ġdid ta’ installazzjonijiet eżistenti, kif ukoll, fi kwalunkwe każ, il-modalitajiet ta’ informazzjoni tal-konsumaturi, mingħajr piżijiet ġodda jew ikbar għall-finanzi pubbliċi.” |
17 |
L-Artikolu 1 tad-decreto ministeriale n. 73 – “Individuazione delle caratteristiche tecniche dei Sacchi per l’asporto delle merci” (id-Digriet Ministerjali Nru 73, li jidentifika l-karatteristiċi tekniċi tal-basktijiet għall-ġarr ta’ oġġetti”), tat-18 ta’ Marzu 2013 (GURI Nru 73, tas-27 ta’ Marzu 2013) (iktar ’il quddiem id-“digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ dan id-digriet:
[…]” |
18 |
L-Artikolu 2 tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intitolat “Tqegħid fis-suq”, kien jipprovdi: “1. It-tqegħid fis-suq ta’ basktijiet għall-ġarr ta’ oġġetti li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin huwa awtorizzat:
[…]” |
19 |
L-Artikolu 6 ta’ dan id-digriet kien jipprovdi: “Dan id-digriet huwa suġġett għal proċedura ta’ komunikazzjoni skont id-Direttiva [98/34] u jidħol fis-seħħ fid-data meta din il-proċedura jkollha eżitu favorevoli.” |
Il‑kawża prinċipali u ‑domandi preliminari
20 |
Papier Mettler Italia hija kumpannija li teżerċita l-attività tagħha fid-distribuzzjoni ta’ imballaġġi u ta’ ppakkjar tal-karta u ta’ materjal sintetiku. Hija kkonċentrat l-attività tagħha fuq l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ imballaġġi tal-polyethylene u, b’mod iktar partikolari, basktijiet tal-plastik bħal basktijiet għall-ġarr ta’ oġġetti. |
21 |
Il-Ministeru għall-Ambjent u l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku adottaw, fit-18 ta’ Marzu 2013, id-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jipprojbixxi l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tal-plastik intiżi għall-ġarr ta’ oġġetti li ma jissodisfawx ċerti rekwiżiti ppreċiżati fih. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet kien jillimita t-tqegħid fis-suq, minn naħa, għall-basktijiet tal-plastik li jintużaw darba biss bijodegradabbli u kompostabbli li jissodisfaw l-istandard UNI EN 13432:2002 u, min-naħa l-oħra, il-basktijiet tal-plastik li jistgħu jerġgħu jintużaw bi ħxuna partikolari li tvarja skont il-forma u l-użu mal-ikel ta’ dawn tal-aħħar. |
22 |
Papier Mettler adixxiet lit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tal-imsemmi digriet u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-amministrazzjoni sabiex tikkumpensa d-danni kollha kkawżati mill-adozzjoni tal-istess digriet. |
23 |
Insostenn ta’ dan ir-rikors, Papier Mettler Italia tallega, essenzjalment, li d-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa vvizzjat b’illegalità għal diversi raġunijiet. Fl-ewwel lok, l-awtoritajiet Taljani kisru l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw l-abbozz ta’ digriet lill-Kummissjoni bi tliet modi. L-ewwel nett, peress li dan id-digriet jinkludi regolamenti tekniċi, fis-sens tad-Direttiva 98/34, dawn l-awtoritajiet kisru l-obbligu tagħhom ta’ komunikazzjoni minn qabel tal-abbozz ta’ regolamenti tekniċi previst fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva. It-tieni nett, l-imsemmija awtoritajiet kisru l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw minn qabel lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ miżuri li huma kellhom l-intenzjoni li jadottaw abbażi tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 94/62. It-tielet nett, l-istess awtoritajiet kisru wkoll l-Artikolu 114(5) TFUE peress li ma nnotifikawx lill-Kummissjoni l-miżuri li kellhom l-intenzjoni li jadottaw għall-finijiet tal-protezzjoni tal-ambjent. |
24 |
Fit-tieni lok, Papier Mettler Italia ssostni li d-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikser l-Artikoli 1, 9 u 18 tad-Direttiva 94/62, kif ikkompletati fl-Anness II tagħha, peress li dan id-digriet jistabbilixxi projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ imballaġġi li huma madankollu konformi ma’ waħda mill-kundizzjonijiet ta’ rkupru stabbiliti fil-punt 3 ta’ dan l-anness. Papier Mettler Italia ssostni wkoll li, anki jekk l-adozzjoni tal-imsemmi digriet hija intiża li tippreċiża r-regoli previsti mid-Digriet-Liġi Nru 2/2012, li jikser ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet Taljani ma applikawx direttament id-dritt tal-Unjoni billi ħallew mhux applikat dan id-digriet-liġi. |
25 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, Papier Mettler Italia ssostni li, sa fejn id-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jeżiġi li l-basktijiet tal-plastik għall-bejgħ fl-Italja għandu jkollhom indikazzjoni obbligatorja, bil-lingwa Taljana, sabiex il-konsumaturi jiġu informati bil-karatteristiċi tagħhom, dan id-digriet jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti. |
26 |
Qabel kollox, il-Ministeru għall-Ambjent u l-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku jwieġbu li, sabiex tinkiser l-abitudni tal-konsumaturi Taljani li jużaw basktijiet tal-plastik li jintremew għall-ġbir tal-iskart organiku, deher neċessarju li jiġi promoss l-użu ta’ basktijiet tal-plastik bijodegradabbli u kompostabbli, kif ukoll l-użu ta’ basktijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw, permezz ta’ regolamenti tekniċi previsti mid-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
27 |
Sussegwentement, l-abbozz tad-digriet ġie kkomunikat skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 94/62 u tad-Direttiva 98/34, peress li din il-komunikazzjoni seħħet fit-12 ta’ Marzu 2013, qabel il-pubblikazzjoni ta’ dan il-proġett fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana fis-27 ta’ Marzu ta’ wara. L-Artikolu 6 tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssuġġetta d-dħul fis-seħħ ta’ dan għall-kundizzjoni li l-proċedura mibdija quddiem il-Kummissjoni skont id-Direttiva 98/34 ikollha eżitu favorevoli. |
28 |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani jsostnu li l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa osservat peress li l-projbizzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mis-selettività tagħha sa fejn din tirrigwarda biss il-basktijiet tal-plastik li jintremew li huma ta’ perikolu għall-ambjent. Barra minn hekk, minflok ma jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kwalunkwe basket tal-plastik, id-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tal-plastik li jintużaw darba biss bijodegradabbli u kompostabbli konformi mal-istandard armonizzat UNI EN 13432: 2002, ta’ basktijiet tal-plastik tradizzjonali ta’ ċertu ħxuna u għalhekk li jistgħu jerġgħu jintużaw, kif ukoll dik ta’ basktijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw għall-ġarr ta’ oġġetti minn materjal ieħor minbarra l-polimeru bħal, pereżempju, il-karta, it-tessuti tal-fibri naturali u l-fibri tal-poliamide. |
29 |
Fl-aħħar, l-awtoritajiet Taljani jenfasizzaw li din il-leġiżlazzjoni sempliċement tantiċipa l-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent adottati sussegwentement fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
31 |
L-Associazione Italiana delle Bioplastiche e dei Materiali Biodegradabili e Compostabili – Assobioplastiche (Assoċjazzjoni Taljana tal-bijoplastik u tal-materjali bijodegradabbli u kompostabbli – Assobioplastiche, iktar ’il quddiem l-“AIB”) u l-Gvern Taljan isostnu, essenzjalment, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li, peress li l-proċedura ta’ notifika ma ntemmitx, id-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali qatt ma daħal fis-seħħ jew, tal-inqas, tħassar sussegwentement. |
32 |
L-AIB tqajjem motiv ieħor ta’ inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, ibbażat fuq il-fatt li l-qorti tar-rinviju kisret il-paragrafu 1a introdott fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/62, sa fejn dan jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-basktijiet tal-plastik. |
33 |
L-ebda wieħed minn dawn il-motivi ma jista’ jintlaqa’. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Sumal,C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss fil-każ li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Sumal,C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mir-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti lill-erba’ domandi magħmula sa fejn dawn ir-risposti jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Papier Mettler Italia, li tinvoka telf ta’ qligħ ikkawżat mill-waqfien tal-bejgħ tal-basktijiet li jintużaw darba biss immanifatturati minn materjali mhux bijodegradabbli u mhux kompostabbli iżda li josservaw ir-rekwiżiti l-oħra stabbiliti mid-Direttiva 94/62 wara d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni prevista fid-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li jaqgħu fih id-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju, b’tali mod li l-eżami ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax isir fid-dawl tal-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali difiża mill-gvern ta’ Stat Membru jew minn parti fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment) (C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, u lanqas li l-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju hija ta’ natura ipotetika. Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha. |
39 |
Barra minn hekk, l-argument tal-AIB, ibbażat fuq il-ksur tal-paragrafu 1a introdott fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/62, jista’ biss jiġi miċħud peress li dan il-paragrafu ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-imsemmi paragrafu ġie inkluż f’din id-direttiva permezz tad-Direttiva 2015/720 u, konsegwentement, wara dawn il-fatti. |
40 |
Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
41 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 kif ukoll l-Artikolu 16 tad-Direttiva 94/62 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jintużaw darba biss immanifatturati minn materjali mhux bijodegradabbli u mhux kompostabbli iżda li josservaw ir-rekwiżiti l-oħra stabbiliti mid-Direttiva 94/62 meta din il-leġiżlazzjoni tkun ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni ftit jiem biss qabel l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tagħha. |
42 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat, f’dan il-każ, li l-Artikolu 2 tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprojbixxi l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet tal-plastik maħsuba għall-ġarr ta’ oġġetti li ma jissodisfawx ċerti rekwiżiti ddettaljati fih, kif tfakkar fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34. |
43 |
Wara li saret din il-preċiżazzjoni, hemm lok li jitfakkar, fl-ewwel lok, li hija ġurisprudenza stabbilita li d-Direttiva 98/34 hija intiża, permezz ta’ kontroll preventiv, li tipproteġi l-moviment liberu tal-merkanzija, li huwa wieħed mill-aspetti fundamentali tal-Unjoni, u li dan il-kontroll huwa utli sa fejn regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt din id-direttiva jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri, ostakoli li jistgħu jiġu aċċettati biss jekk ikunu neċessarji sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti imperattivi li jkollhom għan ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International,C‑194/94, EU:C:1996:172, punti 40 u 48; tat-8 ta’ Settembru 2005, Lidl Italia,C‑303/04, EU:C:2005:528, punt 22, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz, C‑361/10, EU:C:2011:382, punt 10). |
44 |
Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li regolament tekniku ma jistax jiġi applikat meta ma jkunx ġie nnotifikat skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, jew meta, minkejja li jkun ġie nnotifikat, ikun ġie approvat u implimentat qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ sospensjoni ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, UNIC u Uni.co.pel, C‑95/14, EU:C:2015:492, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-obbligu ta’ notifika minn qabel previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, għandu jiġi rrilevat li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull “abbozz ta’ regolament tekniku”, li huwa ddefinit fil-punt 12 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva bħala regola “li tkun fi stadju ta’ tħejjija fejn ikun għad jistgħu isiru emendi sostanzjali”. |
46 |
Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie, qabel xejn, innotifikat lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Marzu 2013, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34. Dan id-digriet ġie sussegwentement adottat fit-18 ta’ Marzu segwenti u, fl-aħħar nett, ġie ppubblikat fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana fis-27 ta’ Marzu 2013. |
47 |
Minn dan isegwi li din in-notifika ma tistax titqies li kienet tirrigwarda “abbozz ta’ regolament tekniku”, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, peress li din in-notifika ma kinitx tirrigwarda, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, “abbozz ta’ regolament tekniku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda verżjoni finali tagħha, li kienet tinsab fi stadju ta’ preparazzjoni fejn ma kienx possibbli li jsiru emendi sostanzjali u lanqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet u l-opinjonijiet iddettaljati maħruġa mill-Istati Membri wara din in-notifika. |
48 |
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-adozzjoni tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’terminu ta’ sitt ijiem min-notifika tiegħu lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva tikser ukoll l-obbligu previst fl-Artikolu 9(1) tagħha, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ “abbozz ta’ regolament tekniku” bi tliet xhur mid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi l-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva. |
49 |
F’dan ir-rigward, iż-żewġ motivi invokati mill-Gvern Taljan sabiex jiġġustifika l-adozzjoni tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’tali ċirkustanzi ma humiex konvinċenti. |
50 |
Minn naħa, sa fejn dan il-gvern isostni li l-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmija fid-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet limitata sabiex tirriproduċi dispożizzjoni leġiżlattiva li kienet diġà ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, fil-5 ta’ April 2011, bħala “abbozz ta’ liġi dwar il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-basktijiet mhux bijodegradabbli għall-ġarr ta’ oġġetti”, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 u 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, li n-notifika tal-proġett ikkonċernat ma tistax tiġi analizzata bħala sempliċi repetizzjoni ta’ dik li saret fl-2011. Fil-fatt, id-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi speċifikazzjonijiet tekniċi iktar rigorużi minn dawk li jinsabu fl-att innotifikat fil-5 ta’ April 2011, b’tali mod li dan id-digriet kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34. |
51 |
Min-naħa l-oħra, l-imsemmi gvern isostni li d-dħul fis-seħħ tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien suġġett, skont l-Artikolu 6 tiegħu, għall-“eżitu favorevoli” tal-proċedura ta’ notifika mibdija fit-12 ta’ Marzu 2013 abbażi tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34. Issa, din il-proċedura ma kellhiex tali eżitu peress li l-Kummissjoni ma tatx opinjoni rigward dan id-digriet Dan l-argument jista’ biss jiġi miċħud peress li, l-ewwel nett, l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-imsemmi digriet jistgħu bħala tali jkollhom ċerti effetti fuq il-moviment liberu tal-prodotti kkonċernati, it-tieni nett, huma ma ppermettewx li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet u l-opinjonijiet iddettaljati maħruġa mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u, it-tielet nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, huma jikkostitwixxu teknika leġiżlattiva li tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
52 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li n-notifika lill-Kummissjoni tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ftit jiem biss qabel l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tiegħu tikser l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/34. |
53 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligu tiegħu ta’ notifika minn qabel tal-abbozzi ta’ miżuri li huwa jipprevedi li jadotta fil-kuntest tad-Direttiva 94/62, skont l-Artikolu 16(1) ta’ din tal-aħħar, jimplikax l-inapplikabbiltà u, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ infurzabbiltà fil-konfront ta’ individwi tal-leġiżlazzjoni kkonċernata, bħall-konsegwenzi, imfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li jirriżultaw min-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligu tiegħu ta’ notifika minn qabel tar-regolamenti tekniċi, previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34. |
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 94/62 jillimita ruħu, essenzjalment, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni tagħhom, l-abbozzi tal-miżuri li huma jipprevedu li jadottaw fil-kuntest ta’ din id-direttiva, sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ teżaminahom fid-dawl tad-dispożizzjonijiet eżistenti. L-artikolu 16(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li, jekk il-miżura proposta hija wkoll kwistjoni teknika, fis-sens tad-Direttiva 98/34, l-Istat Membru interessat jista’ jindika li n-notifika li saret skont id-Direttiva 94/62 hija valida wkoll għad-Direttiva 98/34. |
55 |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 94/62 jirriżulta li dan ma jistabbilixxix proċedura ta’ kontroll tal-Unjoni ta’ dawn l-abbozzi u ma jissuġġettax id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija abbozzi għall-ftehim jew għall-assenza ta’ oppożizzjoni tal-Kummissjoni. |
56 |
L-għan intiż minn din id-direttiva jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, f’li jiġu armonizzati l-miżuri nazzjonali differenti li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni tal-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ b’mod, minn naħa, li dawn ma jħallu l-ebda impatt fuq l-ambjent jew sabiex jitnaqqas l-impatt, sabiex b’hekk jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, u min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern u jiġi evitat tfixkil fil-kummerċ kif ukoll distorsjonijiet u restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni. L-għan iktar speċifiku segwit mill-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessa 33 tagħha, sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika l-konformità tal-miżuri previsti fl-istess direttiva. |
57 |
L-obbligu impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 94/62 huwa għalhekk intiż sabiex jippermetti lill-Kummissjoni li tkun informata bil-miżuri nazzjonali previsti fil-qasam tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ, sabiex tkun tista’ tevalwa jekk l-abbozzi tal-miżuri sottomessi lilha humiex kompatibbli jew le mad-dritt tal-Unjoni u, sabiex minnhom tislet, jekk ikun il-każ, il-konsegwenzi legali xierqa. |
58 |
Minn dan isegwi li la l-formulazzjoni u lanqas l-għan tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 94/62 ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika minn qabel impost fuq l-Istati Membri jipproduċi l-istess effetti mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, bħan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika minn qabel previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34. |
59 |
Kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-fatt li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 94/62 jirreferi għad-Direttiva 83/189, li ġiet sostitwita bid-Direttiva 98/34, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li ksur ta’ din id-dispożizzjoni jipproduċi l-istess effetti bħal ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34. Fil-fatt, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-riferiment huwa intiż sabiex jiġi evitat li l-istess abbozz ta’ miżuri jiġi kkomunikat diversi drabi lill-Kummissjoni minħabba d-diversi obbligi ta’ notifika. |
60 |
Minn dan jirriżulta li l-obbligu ta’ notifika minn qabel stabbilit fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 94/62 jikkostitwixxi sempliċi obbligu ta’ informazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu ma jistax jikkostitwixxi difett sostanzjali ta’ natura li jwassal għall-inapplikabbiltà tal-miżuri previsti mill-Istati Membri b’tali mod li dawn ma jistgħux jiġu invokati fil-konfront tal-individwi. Għaldaqstant, dan l-artikolu ma jistax jiġi invokat quddiem qorti nazzjonali sabiex jinkiseb l-annullament ta’ regoli mhux innotifikati jew in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tagħhom. |
61 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jintużaw darba biss immanifatturati minn materjali mhux bijodegradabbli u mhux kompostabbli iżda li josservaw ir-rekwiżiti l-oħra stabbiliti fid-Direttiva 94/62 meta din il-leġiżlazzjoni tkun ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni ftit jiem biss qabel l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tagħha. |
Fuq it‑tieni domanda
62 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9 tal-Anness II tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jintużaw darba biss immanifatturati minn materjali mhux bijodegradabbli u mhux kompostabbli iżda li josservaw ir-rekwiżiti l-oħra stabbiliti f’din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, jekk din il-leġiżlazzjoni tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ambjent. |
63 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrelevat li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, intitolat “Il-libertà tat-tqegħid fis-suq”, jipprevedi li l-Istati Membri ma jistgħux jostakolaw it-tqegħid fis-suq tat-territorju tagħhom imballaġġ li huwa konformi ma’ din id-direttiva. |
64 |
L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 94/62 jipprovdi li imballaġġ jista’ jitqiegħed fis-suq biss jekk jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali kollha ddefiniti f’din id-direttiva, inkluż fl-Anness II tagħha. Dan l-anness isemmi r-rekwiżiti essenzjali rigward il-kompożizzjoni kif ukoll dwar il-fatt li dan l-imballaġġ jista’ jerġa’ jintuża u jiġi rkuprat. B’mod iktar preċiż, hija telenka, fil-punt 3 tagħha, ir-rekwiżiti speċifiċi li għandhom jissodisfaw l-imballaġġi li jistgħu jiġu rkuprati permezz tar-riċiklaġġ tal-materjali, permezz tal-irkupru tal-enerġija jew permezz tal-ikkompostjar kif ukoll l-imballaġġ bijodegradabbli. |
65 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni u n-natura ta’ użu mill-ġdid jew kompostabbli, irregolati mill-Artikoli 8 sa 11 u l-Anness II tal-imsemmija direttiva, kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni kompleta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 56, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja,C‑463/01, EU:C:2004:797, punt 44). |
66 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni sħiħa fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri huma marbuta u ma jistgħux iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji u lanqas ma jistgħu jissuġġettaw il-moviment tal-prodotti koperti għal kundizzjonijiet addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL,C‑14/02, EU:C:2003:265, punt 44, u tat-12 ta’ April 2018, Fédération des entreprises de la beauté,C‑13/17, EU:C:2018:246, punt 23). |
67 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta jwettqu armonizzazzjoni eżawrjenti, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom isibu l-bilanċ neċessarju bejn l-għan ta’ moviment liberu tal-prodott ikkonċernat u l-protezzjoni ta’ interessi ġenerali u partikolari oħra, b’tali mod li r-riżultat ta’ dan l-ibbilanċjar ma jistax jiġi kkontestat mill-awtoritajiet nazzjonali. |
68 |
F’dan il-każ, mill-Artikolu 2 tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li dan jawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni biss tal-basktijiet tal-plastik bijodegradabbli u kompostabbli li huma konformi mal-istandard armonizzat UNI EN 13432:2002 u ta’ dawk li jissodisfaw il-karatteristiċi ta’ forma u ta’ ħxuna mfakkra fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, bl-esklużjoni tal-basktijiet l-oħra kollha, inklużi dawk li jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta’ rkupru previsti fil-punt 3 tal-Anness II tad-Direttiva 94/62. |
69 |
Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9 u l-Anness II tagħha, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
70 |
Fit-tieni lok, għandu jingħad ukoll li, li kieku l-Gvern Taljan kellu l-intenzjoni jadotta dispożizzjonijiet iktar stretti għat-tqegħid fis-suq tal-basktijiet tal-plastik għal raġunijiet ambjentali, huwa seta’ jagħmel dan biss skont l-Artikolu 114(5) u (6) TFUE. |
71 |
L-Artikolu 114(5) u (6) TFUE jawtorizza lill-Istat Membru li jidhirlu neċessarju, wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq provi xjentifiċi ġodda li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent li jirriżultaw wara l-adozzjoni ta’ din il-miżura, bil-kundizzjoni li huwa jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri previsti kif ukoll bir-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom. |
72 |
Issa, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta element li jista’ jsostni l-fatt li l-Gvern Taljan innotifika lill-Kummissjoni, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, bl-intenzjoni tiegħu li jintroduċi miżura ta’ deroga. |
73 |
Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-argument tal-Gvern Taljan u tal-AIB, ibbażat fuq l-introduzzjoni ta’ paragrafu 1a fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/62 permezz tad-Direttiva 2015/720, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif ġie rrilevat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li dan il-paragrafu ma huwiex applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
74 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9 u l-Anness II tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jintużaw darba biss immanifatturati minn materjali mhux bijodegradabbli u mhux kompostabbli iżda li josservaw ir-rekwiżiti l-oħra stabbiliti f’din id-direttiva. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan li jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ambjent, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 114(5) u (6) TFUE jkunu ssodisfatti. |
Fuq it-tielet domanda
75 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u l-Anness II tagħha, għandux effett dirett, b’tali mod li din il-qorti għandha tħalli mhux applikata leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra dan l-Artikolu 18. |
76 |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi rrikonoxxuta bħala li għandha effett dirett, dispożizzjoni ta’ direttiva għandha tidher li hija, mill-perspettiva tal-kontenut tagħha, inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża. Dispożizzjoni tkun inkundizzjonata meta tistabbilixxi obbligu li ma jkun ikkwalifikat b’ebda kundizzjoni u ma jkunx suġġett, fl-implimentazzjoni jew l-effetti tiegħu, għall-adozzjoni ta’ ebda att jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri. Dispożizzjoni titqies li hija suffiċjentement preċiża sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u applikata mill-qorti meta din tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivoċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett),C‑205/20, EU:C:2022:168, punti 17 u 18). |
77 |
Anki jekk direttiva tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tista’ titqies bħala li għandha natura inkundizzjonata u preċiża meta timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivoċi, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi ebda kundizzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett),C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 19). |
78 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62 jipprevedi li l-Istati Membri ma għandhomx jostakolaw it-tqegħid fis-suq, fuq it-territorju tagħhom, ta’ imballaġġ li huwa konformi ma’ din id-direttiva. |
79 |
Għaldaqstant, minn naħa, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta li huwa jistabbilixxi, f’termini inekwivoċi, obbligu li ma ssirx xi ħaġa, b’tali mod li jikkostitwixxi “dispożizzjoni suffiċjentement preċiża”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 76 u 77 ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jadottaw kwalunkwe miżura li tirrestrinġi l-kummerċjalizzazzjoni tal-imballaġġ konformi mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. |
80 |
Min-naħa l-oħra, l-imsemmi artikolu huwa ta’ “natura inkundizzjonata”, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, peress li l-projbizzjoni li huwa jistabbilixxi ma teħtieġ l-intervent ta’ ebda att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u hija ma tagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jissuġġettaw għal kundizzjonijiet jew li jirrestrinġu l-portata ta’ din il-projbizzjoni. |
81 |
Ċertament, mill-istess artikolu jirriżulta li l-imballaġġ ikkonċernat għandu jkun konformi mal-istess direttiva, jiġifieri li dan għandu jkun konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 9(1) ta’ din tal-aħħar li jirreferi għall-Anness II tagħha. |
82 |
Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-benefiċċju tal-kummerċjalizzazzjoni libera tal-imballaġġ konformement mad-Direttiva 94/62 kien ta’ natura inkundizzjonata sad-dħul fis-seħħ tal-paragrafu 1a introdott fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/62 permezz tad-Direttiva 2015/720, li awtorizza lill-Istati Membri jintroduċu miżuri iktar restrittivi għall-kummerċjalizzazzjoni tal-basktijiet tal-plastik ħfief. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
83 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u l-Anness II tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett, b’tali mod li qorti nazzjonali għandha, f’tilwima bejn individwu u awtoritajiet nazzjonali, tħalli mhux applikata leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra dan l-Artikolu 18. |
Fuq ir-raba’ domanda
84 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jintużaw darba biss immanifatturati minn materjali mhux bijodegradabbli u mhux kompostabbli iżda li tosserva r-rekwiżiti l-oħra stabbiliti f’din id-direttiva tistax tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dan l-Artikolu 18. |
85 |
Fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istati Membri fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt għal kumpens ta’ individwu jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-ksur tar-regola tad-dritt tal-Unjoni kkonċernata jkun suffiċjentement serju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique et Premier ministre (Responsabbiltà tal-Istat għat-Tniġġis tal-Arja), C‑61/21, EU:C:2022:1015, punt 44). |
86 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ksur suffiċjentement serju jimplika ksur manifest u gravi mill-Istat Membru tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu (sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 55). |
87 |
F’dan ir-rigward, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma, b’mod partikolari, il-grad ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura, il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li r-regola miksura tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali, in-natura skużabbli jew mhux skużabbli ta’ eventwali żball ta’ liġi, in-natura intenzjonali jew involontarja tan-nuqqas imwettaq jew tad-dannu kkawżat, jew ukoll il-fatt li l-attitudnijiet ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea setgħu jikkontribwixxu għall-ommissjoni, għall-adozzjoni jew għaż-żamma ta’ miżuri jew prattiċi nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 56 u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev,C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 105). |
88 |
Barra minn hekk, fil-każ li l-Istat Membru ma kienx ikkonfrontat b’għażliet leġiżlattivi u għandu marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux ineżistenti, is-sempliċi ksur għad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Synthon,C‑452/06, EU:C:2008:565, punt 38). |
89 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif tfakkar fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62 jistabbilixxi, f’termini inekwivoċi, obbligu li ma ssirx xi ħaġa, b’tali mod li jikkostitwixxi “dispożizzjoni suffiċjentement preċiża”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 76 u 77 ta’ din is-sentenza, u li konsegwentement, l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jadottaw kwalunkwe miżura li tirrestrinġi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ imballaġġi konformi mar-regoli ta’ din id-direttiva. Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) u l-Anness II tal-imsemmija direttiva, ma kien iħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet Taljani sabiex jipprojbixxu, fit-territorju tagħhom, l-imballaġġi konformi mar-regoli tal-istess direttiva. |
90 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ basktijiet li jintużaw darba biss immanifatturati minn materjali mhux bijodegradabbli u mhux kompostabbli iżda li josservaw ir-rekwiżiti l-oħra stabbiliti f’din id-direttiva tista’ tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dan l-Artikolu 18. |
Fuq l-ispejjeż
91 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.