This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0083
Judgment of the Court (Second Chamber) of 14 September 2023.#RTG v Tuk Tuk Travel SL.#Request for a preliminary ruling from the Juzgado de Primera Instancia de Cartagena.#Reference for a preliminary ruling – Directive (EU) 2015/2302 – Article 5 – Package travel and linked travel arrangements – Termination of a package travel contract – Unavoidable and extraordinary circumstances – COVID-19 pandemic – Right to terminate the contract – Request for full refund – Information obligation on the travel organiser – Article 12 – Application of the principles of the delimitation of the subject matter of an action by the parties and of the correlation between the claims put forward in the action and the rulings contained in the operative part – Effective protection of the consumer – Examination of its own motion by the national court – Conditions.#Case C-83/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Settembru 2023.
RTG vs Tuk Tuk Travel S.L.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Cartagena.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 5 – Pakketti tal-ivvjaġġar kollox kompriż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Pandemija tal-COVID‑19 – Dritt ta’ xoljiment – Talba għal kumpens sħiħ – Obbligu ta’ informazzjoni tal-organizzatur tal-ivvjaġġar – Artikolu 12 – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv – Protezzjoni effettiva tal-konsumatur – Eżami ex officio mill-qorti nazzjonali – Kundizzjonijiet.
Kawża C-83/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Settembru 2023.
RTG vs Tuk Tuk Travel S.L.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Cartagena.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 5 – Pakketti tal-ivvjaġġar kollox kompriż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Pandemija tal-COVID‑19 – Dritt ta’ xoljiment – Talba għal kumpens sħiħ – Obbligu ta’ informazzjoni tal-organizzatur tal-ivvjaġġar – Artikolu 12 – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv – Protezzjoni effettiva tal-konsumatur – Eżami ex officio mill-qorti nazzjonali – Kundizzjonijiet.
Kawża C-83/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:664
*A9* Juzgado de Primera Instancia de Cartagena, auto de 11/01/2022 (0001489/2020)
*P1* Juzgado de Primera Instancia nº 5 de Cartagena, Sentencia de 21/11/2023 (ECLI:ES:JPI:2023:1622)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
14 ta’ Settembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2302 – Artikolu 5 – Pakketti tal-ivvjaġġar kollox kompriż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż – Ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji – Pandemija tal-COVID‑19 – Dritt ta’ xoljiment – Talba għal kumpens sħiħ – Obbligu ta’ informazzjoni tal-organizzatur tal-ivvjaġġar – Artikolu 12 – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv – Protezzjoni effettiva tal-konsumatur – Eżami ex officio mill-qorti nazzjonali – Kundizzjonijiet”
Fil-Kawża C‑83/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 5 ta’ Cartagena, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Frar 2022, fil-kawża
RTG
vs
Tuk Tuk Travel SL,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Jannar 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent, |
– |
għall-Parlament Ewropew, minn P. López‑Carceller u M. Menegatti, bħala aġenti, |
– |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Sáez Moreno u L. Vétillard, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rubene u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1), fid-dawl tal-Artikoli 114 u 169 TFUE, kif ukoll l-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ artikoli tal-aħħar u tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RTG, vjaġġatur, u Tuk Tuk Travel SL, organizzatur tal-ivvjaġġar, dwar somma li dan il-vjaġġatur ħallas wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż, li tagħha huwa jitlob mingħand dan l-organizzatur tal-ivvjaġġar kumpens parzjali wara li dan tal-aħħar xolja dan il-kuntratt ta’ vjaġġ minħabba t-tixrid tal-coronavirus fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessa 5 tad-Direttiva 2015/2302 tiddikjara: “F’konformità mal-Artikolu 26(2) u l-Artikolu 49 TFUE, is-suq intern għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn huma żgurati l-moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. L-armonizzazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti marbuta ma’ pakketti tal-ivvjaġġar u ma’ arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta hija meħtieġa għall-ħolqien ta’ suq intern reali għall-konsumatur f’dak il-qasam, billi toħloq bilanċ tajjeb bejn livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur u l-kompetittività tan-negozji.” |
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi jiġu approssimati ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward kuntratti dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta konklużi bejn vjaġġaturi u kummerċjanti.” |
5 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma l-vjaġġatur ikun marbut bi kwalunkwe kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti, l-organizzatur u, fejn il-pakkett jinbiegħ permezz ta’ bejjiegħ bl-imnut, dan tal-aħħar għandu jagħti wkoll lill-vjaġġatur l-informazzjoni standard permezz tal-formula rilevanti kif tinsab fil-Parti A jew Parti B tal-Anness I, u, fejn applikabbli għall-pakkett, bl-nformazzjoni li ġejja:
[…]
[…] 3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi pprovduta b’mod ċar, li jinftiehem u prominenti. Fejn tali informazzjoni tingħata bil-miktub, din għandha tkun tista’ tinqara.” |
6 |
L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar u d-dritt ta’ rtirar qabel il-bidu tal-pakkett ”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett. Fejn il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur jista’ jkollu jħallas tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur. Il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar jista’ jispeċifika tariffi raġonevoli standardizzati ta’ terminazzjoni bbażati fuq iż-żmien tat-terminazzjoni tal-kuntratt qabel il-bidu tal-pakkett u l-iffrankar mistenni ta’ spejjeż u dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Fin-nuqqas ta’ tariffi standardizzati ta’ terminazzjoni, l-ammont tat-tariffa ta’ terminazzjoni għandu jikkorrispondi għall-prezz tal-pakkett nieqes l-ispejjeż iffrankati u d-dħul mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Fuq talba tal-vjaġġatur l-organizzatur għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għall-ammont tat-tariffi ta’ terminazzjoni. 2. Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. F’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kull pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali. […]” |
7 |
L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/2302, intitolat “Natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi: “1. Dikjarazzjoni minn organizzatur ta’ pakkett jew kummerċjant li qed jiffaċilita arranġament tal-ivvjaġġar marbut li hu qed jaġixxi esklużivament bħala fornitur ta’ servizz tal-ivvjaġġar, bħala intermedjarju jew fi kwalunkwe kapaċità oħra, jew li pakkett jew arranġament tal-ivvjaġġar ma jikkostitwixxix pakkett jew arranġament tal-ivvjaġġar marbut, ma teħlisx lil dak l-organizzatur jew il-kummerċjant mill-obbligi imposti fuqhom skont din id-Direttiva. 2. Il-vjaġġaturi ma jistgħux jirrinunzjaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. 3. Kwalunkwe arranġament kuntrattwali jew kwalunkwe dikjarazzjoni mill-vjaġġatur li direttament jew indirettament tirrinunzja jew tirrestrinġi d-drittijiet mogħtija lill-vjaġġaturi skont din id-Direttiva jew li għandha l-għan li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-vjaġġatur.” |
8 |
L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Infurzar”, jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiżguraw konformità ma’ din id-Direttiva.” |
9 |
Il-Parti A tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolata “Formola ta’ informazzjoni standard għal kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar fejn l-użu ta’ ħoloq elettroniċi hu possibbli”, tipprovdi, f’kaxxa, il-kontenut ta’ din il-formola u tindika li, kemm-il darba jagħfas fuq il-ħolqa elettronika, il-vjaġġatur jirċievi l-informazzjoni li ġejja: “Drittijiet ewlenin skont id-Direttiva (UE) 2015/2302 […]
[…]” |
10 |
Il-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva 2015/2302, intitolata “Formola ta’ informazzjoni standard għal kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar f’sitwazzjonijiet oħra għajr dawk koperti fil-Parti A”, tipprovdi, f’kaxxa, il-kontenut ta’ din il-formola u tistabbilixxi l-istess drittijiet ewlenin mogħtija minn din id-direttiva fil-Parti A tal-Anness I tagħha. |
Id‑dritt Spanjol
Id‑Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007
11 |
L-Artikoli 153 u 160 tat-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi Ġenerali ta’ Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti u Liġijiet Komplementari Oħra, approvat bid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007, tas‑16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287 tat‑30 ta’ Novembru 2007, p. 49181), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kif ukoll il-Partijiet A u B tal-Anness II tiegħu, jittrasponu fid-dritt Spanjol l-Artikoli 5 u 12 tad-Direttiva 2015/2302, kif ukoll il-Partijiet A u B tal-Anness I tagħha. |
Il‑Kodiċi tal‑Proċedura Ċivili
12 |
L-Artikolu 216 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7 tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), jipprovdi: “Il-qrati ċivili għandhom jiddeċiedu l-kawżi li jitressqu quddiemhom fid-dawl tal-fatti, tal-provi u tat-talbiet tal-partijiet, ħlief fejn ipprovdut mod ieħor mil-liġi f’każijiet speċifiċi.” |
13 |
L-Artikolu 218(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili huwa fformulat kif ġej: “Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom ikunu ċari u preċiżi u bi qbil mat-talbiet u pretensjonijiet oħra tal-partijiet, li jkunu ġew ippreżentati fil-ħin matul il-proċeduri. Dawn id-deċiżjonijiet għandu jkun fihom id-dikjarazzjonijiet meħtieġa, jikkundannaw jew jilliberaw lill-konvenut u jiddeċiedu fuq kull punt kontenzjuż tat-tilwima. Mingħajr ma titbiegħed mill-kawża tal-azzjoni billi tilqa’ punti ta’ fatt u ta’ liġi differenti minn dawk li l-partijiet riedu jsostnu, il-qorti għandha tiddeċiedi skont ir-regoli applikabbli għall-kawża, anki jekk dawn tal-aħħar ma jkunux ġew iċċitati jew invokati korrettement mill-partijiet fil-kawża.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
14 |
Fl‑10 ta’ Ottubru 2019, RTG xtara mingħand Tuk Tuk Travel SL pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż għal żewġ persuni lejn il-Vjetnam u l-Kambodja, bit-tluq minn Madrid (Spanja) fit‑8 ta’ Marzu 2020 sal‑24 ta’ Marzu ta’ wara. |
15 |
Mal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ħallas is-somma ta’ EUR 2402 bħala ħlas bil-quddiem fuq il-prezz totali tal-vjaġġ, li kien jammonta għal EUR 5208. Il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dan il-kuntratt kienu jipprovdu informazzjoni, b’mod partikolari, dwar il-possibbiltà li dan il-kuntratt jiġi xolt qabel id-data tat-tluq permezz tal-ħlas ta’ tariffa ta’ xoljiment. Din l-informazzjoni ma kinitx tipprovdi l-possibbiltà li l-imsemmi kuntratt jiġi xolt minħabba ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni tal-vjaġġ jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-eżekuzzjoni tal-istess kuntratt. |
16 |
Permezz ta’ posta elettronika tat‑12 ta’ Frar 2020, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali informa lill-konvenuta fil-kawża prinċipali bid-deċiżjoni tiegħu li jxolji l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat minħabba t-tixrid tal-coronavirus fl-Asja, u talab mingħandu r-rimbors tas-somom kollha li huwa seta’ jitlob. |
17 |
Fl‑14 ta’ Frar 2020, il-konvenuta fil-kawża prinċipali weġbitu li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni tal-vjaġġ, kien ser jiġi rrimborsat lilu ammont ta’ EUR 81, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni. Dakinhar stess, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali reġa’ tenna d-deċiżjoni tiegħu li jxolji l-kuntratt u kkontesta l-ammont tal-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni. |
18 |
Fl‑4 ta’ Marzu 2020, il-konvenuta fil-kawża prinċipali informat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali li hija kienet ser tirrimborsah ammont ta’ EUR 302 peress li l-kumpannija tal-ajru inkarigata bl-operat tat-titjira kkonċernata kienet tagħti lill-vjaġġaturi tagħha l-benefiċċju ta’ kanċellazzjoni mingħajr spejjeż. |
19 |
Wara li rċieva tali informazzjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mingħajr ma kien irrappreżentat minn avukat, ħarrek lill-konvenuta fil-kawża prinċipali quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 5 ta’ Cartagena, Spanja), il-qorti tar-rinviju. Fir-rikors tiegħu, huwa jsostni li d-deċiżjoni tiegħu li jxolji l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat ittieħdet kważi xahar qabel id-data tat-tluq prevista minħabba forza maġġuri, jiġifieri t-tixrid tal-coronavirus fl-Asja. Huwa jitlob li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tiġi kkundannata tirrimborsah ammont addizzjonali ta’ EUR 1500. Huwa jqis, fil-fatt, li l-EUR 601 li jifdal jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ ġestjoni sostnuti mill-konvenuta fil-kawża prinċipali. |
20 |
Il-konvenuta fil-kawża prinċipali opponiet din it-talba billi sostniet li kemm fid-data li fiha ġie xolt il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat, kif ukoll fid-data li fiha kien previst it-tluq, kien għadu possibbli li wieħed jivvjaġġa b’mod normali lejn il-pajjiżi ta’ destinazzjoni. Barra minn hekk, hija tallega li r-rikorrent fil-kawża prinċipali aċċetta l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dan il-kuntratt li kienu jipprevedu li, fil-każ ta’ xoljiment, l-ispejjeż ta’ ġestjoni kienu jammontaw għal 15 % tal-prezz totali tal-vjaġġ ikkonċernat u li l-ispejjeż ta’ xoljiment kienu jikkorrispondu għal dawk applikati minn kull wieħed mill-fornituri tagħha. |
21 |
Billi l-partijiet fil-kawża prinċipali ma talbux li ssir seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-kawża bdiet l-istadju tad-deliberazzjoni fit‑22 ta’ Ġunju 2021. |
22 |
Madankollu, permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Settembru 2021, il-qorti tar-rinviju stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali li, f’terminu ta’ għaxart ijiem, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq numru ta’ domandi li jirrigwardaw, essenzjalment, l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, id-Direttiva 2015/2302. |
23 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ppreżentax osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tenniet mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha li, fid-data li fiha ġie xolt il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż, ma kien hemm ebda raġuni għal xiex il-vjaġġ inkwistjoni ma kellux isir. Barra minn hekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali qatt ma sostna nuqqas ta’ informazzjoni jew kwalunkwe ommissjoni fir-rigward tad-drittijiet tiegħu. |
24 |
Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302 fid-dawl tal-Artikolu 169 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 114 TFUE, sa fejn dan l-Artikolu 5 ma jipprevedix l-obbligu tal-organizzatur tal-ivvjaġġar li jinforma lill-konsumatur bil-possibbiltà, fil-każ li jseħħu ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, li jiġi xolt il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż li huwa jkun kkonkluda billi jirkupra l-ħlas kollu li jkun sar. Għalhekk, f’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali allegatament injora l-eżistenza tad-dritt tiegħu li jikseb kumpens sħiħ ta’ dan il-ħlas fejn iseħħu tali ċirkustanzi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk tali assenza ta’ informazzjoni lill-konsumatur ikkonċernat tagħmilx iktar diffiċli d-difiża tad-drittijiet u tal-interessi tiegħu, iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, dan tal-aħħar ma jkunx irrappreżentat minn avukat, u jekk din l-assenza ta’ informazzjoni ma tqegħidx f’perikolu l-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mid-Direttiva 2015/2302. |
25 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li hija tagħti ex officio lill-konsumatur, skont id-dritt tal-Unjoni, kumpens tal-ħlas kollu li jkun sar fil-każ li jseħħu ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat. Tali possibbiltà tiggarantixxi l-għan imsemmi fil-punt preċedenti. Madankollu, din il-possibbiltà tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt proċedurali Spanjol li huma l-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv, sanċiti fl-Artikolu 218(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 5 ta’ Cartagena, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
27 |
Il-Gvern Ċek jikkontesta, essenzjalment, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-interpretazzjoni mitluba ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, huwa jsostni li d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju huma bla bażi peress li l-biżgħat ta’ tixrid tal-coronavirus fl-Asja invokati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali sabiex ixolji l-kuntratt tiegħu ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż kważi xahar qabel il-bidu tat-tluq tiegħu ma jikkostitwixxux ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li seħħew fil-post ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li kellhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ vvjaġġar jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post ta’ destinazzjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. |
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, imsejsa fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Legea,C‑686/21, EU:C:2023:357, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, abbażi tal-fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, AxFina Hungary,C‑705/21, EU:C:2023:352, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom tkun tressqet it-tilwima u li għandhom jieħdu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ser tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl tal-fatti ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ domanda preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia,244/80, EU:C:1981:302, punt 15, u tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association,C‑44/17, EU:C:2018:415, punt 22, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
F’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk il-fatti invokati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali sabiex jiġġustifika x-xoljiment tiegħu tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż inkwistjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tad-Direttiva 2015/2302, taqa’ taħt l-evalwazzjoni awtonoma tal-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, din tal-aħħar ma qisitx li kien hemm bżonn tagħmel domanda preliminari dwar il-portata tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens ta’ din id-direttiva, sabiex tissolva t-tilwima li tressqet quddiemha. |
30 |
Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
31 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-validità tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/2302 fid-dawl tal-Artikolu 169(1) u (2)(a), kif ukoll tal-Artikolu 114(3) TFUE, minħabba li dan l-Artikolu 5 ma jobbligax lil organizzatur tal-ivvjaġġar jinforma lill-vjaġġatur bid-dritt tiegħu, stabbilit fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, li jxolji l-kuntratt tiegħu ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment u jikseb kumpens sħiħ tal-ħlas li jkun sar fir-rigward ta’ dan il-pakkett, fil-każ ta’ ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż. |
32 |
Il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda. Il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmija domanda hija ipotetika għaliex l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302 jipprevedi obbligu li l-vjaġġatur jiġi informat bid-dritt tiegħu ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva. |
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk jidher b’mod ovvju li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Issa, il-qorti tar-rinviju, permezz tad-domanda tagħha, tistaqsi dwar il-portata tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302. Fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-portata ta’ din id-dispożizzjoni hija meħtieġa qabel ma ssir l-evalwazzjoni tal-validità tagħha. Din l-interpretazzjoni ma timplikax evalwazzjoni ta’ problema ta’ natura ipotetika b’mod għalhekk li l-Kummissjoni tiżbalja meta ssostni li din id-domanda hija inammissibbli. |
35 |
Madankollu, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzatur tal-ivvjaġġar jgħaddi lill-vjaġġatur, qabel ma dan tal-aħħar ikun marbut b’kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż, b’mod partikolari, l-informazzjoni standard permezz tal-formola rilevanti li tinsab fil-Parti A jew B tal-Anness I ta’ din id-direttiva. |
36 |
Il-formoli ta’ informazzjoni standard, li jinsabu fil-Parti A u fil-Parti B tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, jindikaw, permezz ta’ ħolqa elettronika jew, fl-assenza ta’ tali ħolqa elettronika, b’mod espliċitu, id-drittijiet ewlenin li dwarhom għandhom ikunu informati l-vjaġġaturi. Dawn id-drittijiet jinkludu, skont is-seba’ inċiż tal-Partijiet A u B ta’ dan l-Anness I, id-dritt tal-vjaġġaturi fuq pakketti tal-ivvjaġġar kollox kompriż li “jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni qabel jinbeda l-pakkett f’ċirkostanzi eċċezzjonali, pereżempju fejn ikun hemm problemi serji ta’ sigurtà fid-destinazzjoni li x’aktarx jaffettwaw il-pakkett”. B’hekk, dan is-seba’ inċiż jispjega u jfisser il-kontenut tad-dritt ta’ xoljiment mogħti lil dawn il-vjaġġaturi fl-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva. |
37 |
Għalhekk, kuntrarjament għal dak li qieset il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302 ma jeskludix informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata b’mod obbligatorju lill-vjaġġatur, dik relatata mad-dritt, mogħti lil dan tal-aħħar fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, li jxolji l-kuntratt tal-ivvjaġġar tiegħu qabel jibda l-pakkett, mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment, meta jeżistu ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li għandhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett. |
38 |
Fid-dawl tal-portata tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar il-validità ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, peress li l-imsemmi artikolu jeżiġi li l-vjaġġatur jiġi informat bid-dritt tiegħu ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, ma tqumx il-kwistjoni tal-validità tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva fid-dawl tal-Artikolu 169(1) u (2)(a) TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 114(3) TFUE minħabba l-fatt li dan l-Artikolu 5 ma jeżiġix li l-konsumatur jiġi informat b’dan id-dritt ta’ xoljiment. |
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil organizzatur tal-ivvjaġġar jinforma lill-vjaġġatur bid-dritt tiegħu ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva. Il-validità tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva fid-dawl tal-Artikolu 169(1) u (2)(a) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 114(3) TFUE, ma tistax għalhekk tiġi kkontestata minħabba li dan ma jipprevedix li l-vjaġġatur jiġi informat bid-dritt tiegħu ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) tal-istess direttiva. |
Fuq it‑tieni domanda
40 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 114 u 169 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2302 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv, sanċiti fid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, meta l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar tista’ xxekkel il-protezzjoni effettiva tal-konsumatur li jaġixxi bħala rikorrent. |
41 |
Il-Gvern Spanjol jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda minħabba li, minn naħa, l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda twassal neċessarjament għal dik tat-tieni domanda u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2015/2302 ma għandu ebda rabta mal-kawża prinċipali. Din il-kontestazzjoni għandha tiġi miċħuda peress li, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 33u 34 ta’ din is-sentenza, l-ewwel domanda ma hijiex inammissibbli u peress li mill-kuntest tat-tieni domanda jirriżulta b’mod ovvju li r-riferiment għall-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva huwa żball tal-pinna u li għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva. |
42 |
Fid-dawl tal-premess u tal-fatt li d-Direttiva 2015/2302 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 114 TFUE sabiex tgħin jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi msemmi fl-Artikolu 169(1) u (2)(a) TFUE, hemm lok li t-tieni domanda tiġi fformulata mill-ġdid bħala li tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali nazzjonali li jistipulaw il-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv li bis-saħħa tagħhom, meta xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 12(2) u l-vjaġġatur ikkonċernat iressaq quddiem il-qorti nazzjonali talba għal kumpens inqas minn kumpens sħiħ, din il-qorti ma tkunx tista’ tagħti ex officio lil dan il-vjaġġatur kumpens sħiħ. |
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jipprevedi li jekk ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji, li jseħħu fil-post ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu, ikollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett jew fuq it-trasport tal-passiġġieri lejn il-post tad-destinazzjoni, il-vjaġġatur għandu d-dritt ixolji l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment u jikseb kumpens sħiħ tal-ħlas li jkun sar fir-rigward ta’ dan il-pakkett. |
44 |
Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-modalitajiet proċedurali applikabbli għall-eżami ta’ dan id-dritt ta’ xoljiment. L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2015/2302 jipprevedi biss li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi xierqa u effettivi sabiex jiżguraw konformità ma’ din id-direttiva. Dan ifisser li l-modalitajiet tal-proċeduri intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet tal-kawża jisiltu mill-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco,C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx, bħala prinċipju, li l-qorti nazzjonali teżamina ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobbligaha toħroġ mil-limiti tat-tilwima kif din tal-aħħar tkun ġiet limitata mill-partijiet. Din il-limitazzjoni tas-setgħa tal-qorti nazzjonali hija ġġustifikata mill-prinċipju li, f’kawżi ċivili, huma l-partijiet li għandhom jieħdu l-inizjattiva. Konsegwentement, din il-qorti tista’ taġixxi ex officio biss f’każijiet eċċezzjonali fejn l-interess pubbliku jeżiġi l-intervent tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Martín Martín,C‑227/08, EU:C:2009:792, punti 19 u 20, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-qorti nazzjonali hija marbuta teżamina ex officio l-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi meta, fl-assenza ta’ tali eżami, l-għan ta’ protezzjoni effettiva tal-konsumaturi ma jkunx jista’ jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ifisser li l-protezzjoni effettiva ta’ ċerti drittijiet li l-konsumatur jislet mid-dritt tal-Unjoni taqa’ taħt l-interess pubbliku li jeżiġi l-intervent ex officio tal-qorti nazzjonali. |
47 |
Għalhekk, id-dmir ta’ eżami ex officio tal-qorti nazzjonali ġie rrikonoxxut, b’mod partikolari, fir-rigward tal-klawżoli tad-Direttiva tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (85/577/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262) (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Martín Martín,C‑227/08, EU:C:2009:792, punt 29), tal-klawżoli tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco,C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-klawżoli tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u r-rettifiki ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40 u ĠU 2011, L 234, p. 46) (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi evalwat jekk, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ xoljiment li konsumatur jislet mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302, il-qorti nazzjonali għandhiex tkun tista’ tqajjem ex officio l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni. |
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li dan id-dritt ta’ xoljiment jgħin sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-direttiva li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kemm jista’ jkun uniformi meta dawn tal-aħħar jidħlu f’kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż. Id-Direttiva 2015/2302 tiggarantixxi lil vjaġġatur dritt li huwa ma setax neċessarjament jinnegozja mal-organizzatur tal-ivvjaġġar peress li jinsab f’pożizzjoni iktar dgħajfa fir-rigward ta’ dan l-organizzatur f’dak li għandu x’jaqsam mas-setgħa ta’ negozjati tat-termini tal-pakkett. Id-dritt ta’ xoljiment, bħad-dritt għal kumpens tal-ħlas li jkun sar wara dan ix-xoljiment, mogħtija lill-vjaġġaturi fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, jissodisfaw dan l-għan protettiv tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC‑Que choisir u CLCV, C‑407/21, EU:C:2023:449, punt 33). |
50 |
Sussegwentement, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha, dan id-dritt ta’ xoljiment għandu post sinjifikattiv fl-istruttura tad-Direttiva 2015/2302, peress li huwa kklassifikat bħala “dritt essenzjali” tal-vjaġġatur fil-Partijiet A u B tal-Anness I ta’ din id-direttiva u li, skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, organizzatur tal-ivvjaġġar huwa obbligat jinforma lil dan il-vjaġġatur bl-eżistenza tal-imsemmi dritt ta’ xoljiment. |
51 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/2302 jistabbilixxi n-natura imperattiva ta’ din tal-aħħar. Dan ifisser li, konformement mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, il-vjaġġatur ma jistax jirrinunzja għad-drittijiet mogħtija lilu minn din id-direttiva u li kull klawżola jew kull dikjarazzjoni magħmula mill-vjaġġatur li tippreżupponi rinunzja diretta jew indiretta għal dawn id-drittijiet ma tistax tiġi invokata kontrih. |
52 |
Fid-dawl tal-premess, għandu jitqies li l-protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ xoljiment mogħti lill-vjaġġaturi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 teħtieġ li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tqajjem ex officio ksur ta’ din id-dispożizzjoni. |
53 |
L-eżami ex officio mill-qorti nazzjonali tad-dritt ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 huwa madankollu suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. |
54 |
L-ewwel, waħda mill-partijiet fil-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat għandha tkun bdiet proċedura ġudizzjarja quddiem il-qorti nazzjonali u din il-proċedura għandu jkollha bħala suġġett dan il-kuntratt (ara, fir-rigward tal-eżami ex officio ta’ klawżoli inġusti msemmija fid-Direttiva 93/13, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner,C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
It-tieni, id-dritt ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jkun marbut mas-suġġett tat-tilwima kif iddefinit mill-partijiet fid-dawl tat-talbiet u tal-motivi tagħhom (ara, fir-rigward tal-eżami ex officio ta’ klawżoli inġusti msemmija fid-Direttiva 93/13, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner,C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 34). |
56 |
It-tielet, il-qorti nazzjonali għandu jkollha l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji sabiex tevalwa jekk dan id-dritt ta’ xoljiment jistax jiġi invokat mill-vjaġġatur ikkonċernat (ara, fir-rigward tal-eżami ex officio ta’ klawżoli inġusti msemmija fid-Direttiva 93/13, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner,C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Ir-raba’, dan il-vjaġġatur ma għandux ikun indika b’mod espliċitu lill-qorti nazzjonali li kien qiegħed jopponi l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. |
58 |
F’sitwazzjoni fejn l-imsemmi vjaġġatur ma jinvokax l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-kundizzjonijiet ta’ din l-applikazzjoni jkunu jidhru ssodisfatti, ma għandux jiġi eskluż li dan ma kienx jaf bl-eżistenza tad-dritt ta’ xoljiment previst fl-imsemmija dispożizzjoni. Issa, dan huwa biżżejjed sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tinvoka ex officio l-istess dispożizzjoni. |
59 |
F’dan il-każ, u bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju, dawn il-kundizzjonijiet jidhru li huma ssodisfatti. Fil-fatt, din il-qorti hija adita mir-rikorrent fil-kawża prinċipali b’azzjoni li tirrigwarda x-xoljiment tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż li dan tal-aħħar ikkonkluda mal-konvenuta fil-kawża prinċipali. Id-dritt ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 jidher marbut mas-suġġett tat-tilwima quddiem l-imsemmija qorti peress li dan jirrigwarda l-kumpens tal-ħlas li sar minn dan ir-rikorrent wara d-deċiżjoni tiegħu li jxolji l-imsemmi kuntratt minħabba t-tixrid tal-coronavirus. Barra minn hekk, jidher li l-qorti tar-rinviju għandha l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji sabiex tevalwa jekk dan id-dritt ta’ xoljiment jistax jiġi invokat mill-vjaġġatur. Matul din l-evalwazzjoni awtonoma tal-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-punti 41 sa 51 tas-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, UFC – Que choisir u CLCV (C‑407/21, EU:C:2023:449), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ġenerali li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, jista’ jkopri t-tifqigħa ta’ kriżi sanitarja dinjija. Barra minn hekk, l-imsemmi rikorrent, permezz tal-azzjoni tiegħu quddiem din il-qorti, ma jidhirx li eskluda b’mod espliċitu xoljiment abbażi tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. Għall-kuntrarju, ma jistax jiġi eskluż li huwa ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ dan id-dritt peress li l-organizzatur tal-ivvjaġġar naqas mill-obbligu li jinformah bl-imsemmi dritt li huwa għandu skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, kif dan tal-aħħar ġie traspost fid-dritt Spanjol. |
60 |
Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 54 sa 57 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti, il-qorti nazzjonali tkun meħtieġa teżamina ex officio d-dritt ta’ xoljiment imsemmi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302. |
61 |
Dan l-eżami ex officio jeħtieġ li, skont il-formalitajiet previsti f’dan ir-rigward mir-regoli nazzjonali ta’ proċedura, din il-qorti, minn naħa, tinforma lir-rikorrent bid-dritt tiegħu ta’ xoljiment kif previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u, min-naħa l-oħra, tagħti lil dan ir-rikorrent il-possibbiltà li jinvoka dan id-dritt fil-proċedura ġudizzjarja pendenti u li, jekk l-imsemmi rikorrent jinvokah, hija tistieden lill-konvenut jiddibattih fil-kontradittorju (ara, fir-rigward tal-eżami ex officio ta’ klawżoli inġusti msemmija fid-Direttiva 93/13, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner,C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
Għalhekk, l-imsemmi eżami ex officio ma jeżiġix li l-qorti nazzjonali xxolji ex officio l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż ikkonċernat mingħajr spejjeż u tagħti lill-istess rikorrent id-dritt għal kumpens sħiħ tal-ħlas li jkun sar fir-rigward ta’ dan il-pakkett. Fil-fatt, tali rekwiżit ma huwiex meħtieġ sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ xoljiment previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 u jmur kontra l-awtonomija tar-rikorrent fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ xoljiment. |
63 |
B’mod iktar partikolari, il-qorti nazzjonali ma tistax tkun obbligata xxolji ex officio kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż permezz ta’ din id-dispożizzjoni kemm-il darba l-vjaġġatur, wara li jkun ġie avżat minn din il-qorti, jagħmel il-ħsieb, b’mod volontarju u informat, li ma jxoljix il-kuntratt tiegħu abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, id-Direttiva 2015/2302 ma tasalx sal-punt li ġġiegħel lill-vjaġġaturi jeżerċitaw id-drittijiet li huma għandhom bis-saħħa tas-sistema ta’ protezzjoni li hija stabbilixxiet (ara, fir-rigward tal-eżami ex officio ta’ klawżoli inġusti msemmija fid-Direttiva 93/13, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak,C‑260/18, EU:C:2019:819, punti 53 u 54, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali nazzjonali li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet u l-prinċipju ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fir-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv, li bis-saħħa tagħhom, meta xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollox kompriż jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni u meta l-vjaġġatur ikkonċernat iressaq quddiem il-qorti nazzjonali talba għal kumpens inqas minn kumpens sħiħ, dik il-qorti ma tkunx tista’ tagħti ex officio lil dan il-vjaġġatur kumpens sħiħ, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux li l-imsemmija qorti tista’ tinforma ex officio lil dan il-vjaġġatur bid-dritt tiegħu għal kumpens sħiħ u tippermetti lil dan tal-aħħar jinvokah quddiemha. |
Fuq l‑ispejjeż
65 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.