Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0068

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2022.
    Il-Bank Ewropew tal-Investiment vs KL.
    Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Kunċett ta’ ‘invalidità’ – Dikjarazzjoni ta’ kapaċità għax-xogħol – Assenza mhux iġġustifikata – Rikors għal annullament u għad-danni.
    Kawża C-68/22 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:1029

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

    22 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

    “Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Kunċett ta’ ‘invalidità’ – Dikjarazzjoni ta’ kapaċità għax-xogħol – Assenza mhux iġġustifikata – Rikors għal annullament u għad-danni”

    Fil-Kawża C‑68/22 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑2 ta’ Frar 2022,

    Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn G. Faedo u I. Zanin, bħala aġenti, assistiti minn A. Duron, avocate,

    appellant,

    il-parti l-oħra fil-kawża hija:

    KL, irrappreżentat minn A. Champetier u L. Levi, avocates,

    rikorrent fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

    komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Novembru 2021, KL vs BEI (T‑370/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:822), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa, annullat id-deċiżjonijiet tal-BEI, tat‑8 ta’ Frar u tat‑8 ta’ Marzu 2019, li jiddikjaraw li KL kapaċi jaħdem u jinsab f’pożizzjoni ta’ assenza mhux iġġustifikata mit‑18 ta’ Frar 2019, kif ukoll id-deċiżjoni tal-President tal-BEI, tas‑16 ta’ Marzu 2020, li tikkonferma dawn id-deċiżjonijiet (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), u min-naħa l-oħra, ikkundannat lill-BEI jħallas lil KL pensjoni tal-invalidità b’effett mill‑1 ta’ Frar 2019 flimkien mal-interessi moratorji fuq din il-pensjoni, wara li jitnaqqsu l-ammonti mħallsa lil KL bħala remunerazzjoni li fir-rigward tagħhom jidher li ma kinux dovuti lilu minħabba l-ħlas tal-pensjoni tal-invalidità.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Ir‑RTSP

    2

    L-Artikolu 46‑1 tar-Regoli tranżitorji tal-iskema tal-pensjoni applikabbli għall-membri tal-persunal tal-BEI (iktar ’il quddiem ir-“RTSP”) jipprevedi:

    “Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regoli, għandha titqies li tbati minn invalidità persuna affiljata li, minħabba mard, inċident jew diżabbiltà, issib ruħha fl-inkapaċità fiżika jew mentali li twettaq b’mod permanenti l-funzjoni tagħha jew funzjoni oħra ta’ livell ekwivalenti u li l-invalidità tagħha hija rrikonoxxuta konformement mal-Artikolu 48 iktar ’il quddiem.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    3

    L-Artikolu 48‑1 tar-RTSP jipprevedi li l-invalidità għandha tiġi rrikonoxxuta minn tabib magħżul mill-BEI jew, fil-każ ta’ kontestazzjoni, mill-Kumitat tal-Invalidità previst fl-Artikolu 13‑1 ta’ dawn ir-regoli.

    4

    Skont l-Artikolu 51‑1 tar-RTSP:

    “Jekk il-persuna li tbati minn invalidità teżerċita attività remunerata, il-pensjoni tal-invalidità għandha titnaqqas inkwantu t-total tal-pensjoni tal-invalidità, tal-pensjonijiet tal-ulied u tad-dħul minn din l-attività jaqbeż l-ammont tar-remunerazzjoni netta li tikkorrispondi għall-grad u għall-funzjoni li kellha l-persuna affiljata fuq l-istess bażi familjari bħal dik fil-mument li fiha ġiet iddikjarata invalida.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Ir‑Regolamenti tal‑Persunal

    5

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti li taw lok għal din il-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

    “Uffiċjal ikun intitolat, bil-mod li jiddisponu l-Artikoli 13 sa 16 tal-Anness VIII, għal allowance ta’ invalidità fil-każ ta’ invalidità permanenti totali, li ma tħallihx jaqdi dmirijietu li jkun jikkorrispondu għal pożizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu.”

    Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

    6

    Il-fatti li wasslu għall-kawża, esposti fil-punti 1 sa 39 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ din il-kawża, jiġu deskritti fil-qasir bil-mod segwenti.

    7

    KL kien impjegat mill-BEI mill‑1 ta’ Settembru 2001.

    8

    Wara diversi perijodi li matulhom KL kien assenti mill-BEI, dan tal-aħħar informah, fit‑22 ta’ Mejju 2017, li l-konsulent mediku ta’ dan l-organu kien irrakkomanda li jitqiegħed f’inkapaċità temporanja parzjali (ekwivalenti għal 50 % tal-ħin tax-xogħol tiegħu) matul perijodu ta’ sitt xhur mill‑1 ta’ Ġunju 2017.

    9

    Fl‑1 ta’ Ġunju 2017, KL ikkontesta r-rakkomandazzjoni tal-konsulent mediku tal-BEI billi qies li huwa kellu jitqiegħed f’inkapaċità temporanja totali li jerġa’ jassumi l-funzjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, huwa talab l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ arbitraġġ mediku prevista fl-Artikolu 4 tal-Anness X tad-Dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI, adottati skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI (iktar ’il quddiem id-“Dispożizzjonijiet amministrattivi”).

    10

    Fit‑18 ta’ Ottubru 2017, KL ġie eżaminat mit-tabib indipendenti magħżul mill-BEI, li kkonferma l-opinjoni tal-konsulent mediku tal-BEI. Din il-konklużjoni ġiet ikkomunikata lill-BEI u lil KL.

    11

    Fl‑14 ta’ Diċembru 2017, il-BEI informa lil KL li kienu għaddejjin diskussjonijiet sabiex huwa jkun jista’ jirritorna għax-xogħol fuq bażi part-time għal perijodu ta’ tliet xhur f’pożizzjoni differenti minn dik li huwa kellu qabel, filwaqt li, bejn l‑1 ta’ Jannar 2018 u r-reintegrazzjoni tiegħu, huwa kien ser ikun eżentat milli jkun preżenti fuq il-post tax-xogħol tiegħu.

    12

    Fit‑28 ta’ Diċembru 2017, il-konsulent ta’ KL ikkontesta l-konsegwenzi li l-BEI kellu l-intenzjoni jislet mill-arbitraġġ mediku, filwaqt li sostna li l-proċedura li kellha tiġi implimentata kienet dik tal-Kumitat tal-Invalidità prevista fl-Artikolu 13‑1 tar-RTSP.

    13

    Peress li l-BEI aċċetta li jibda proċedura quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, dan tal-aħħar, fid‑9 ta’ Novembru 2018, ħareġ konklużjoni (iktar ’il quddiem il-“konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9 ta’ Novembru 2018”) li kienet ifformulata kif ġej:

    “Minħabba l-marda mentali tiegħu, [KL] ma għandux il-kapaċità li jmur lura fl-aħħar pożizzjoni tax-xogħol tiegħu mal-istess persuna li kienet timpjegah. Huwa għalhekk ibati minn invalidità fil-konfront tal-BEI iżda ma jbatix minn invalidità fil-konfront tas-suq ġenerali tax-xogħol. [Il-Kumitat tal-Invalidità] qabel b’mod unanimu dwar dan is-suġġett.”

    14

    L-istess konklużjoni tinsab f’rapport tat-tabib magħżul, skont l-Artikolu 13‑1 tar-RTSP, bi ftehim komuni bejn iż-żewġ tobba l-oħra li jifformaw il-Kumitat tal-Invalidità, intitolat “Perizja medika mwettqa fil-kuntest tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9 ta’ Novembru 2018”.

    15

    Fit‑23 ta’ Jannar 2019, abbażi ta’ tliet formoli ppreżentati mit-tobba li jifformaw il-Kumitat tal-Invalidità, li fihom il-kaxxa “not invalid” (mhux invalidu) kienet ġiet immarkata (iktar ’il quddiem il-“formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019”), dan il-kumitat ikkomunika lill-BEI d-deċiżjoni tiegħu, adottata b’mod unanimu, li KL ma kienx ibati minn invalidità.

    16

    Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Frar u tat‑8 ta’ Marzu 2019, il-BEI ddikjara li KL kien kapaċi jaħdem u kien jinsab f’pożizzjoni ta’ assenza mhux iġġustifikata mit‑18 ta’ Frar 2019, data li minnha l-BEI kkunsidra li KL kellu jerġa’ jibda jaħdem.

    17

    Fis‑16 ta’ Marzu 2020, wara li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni mibdija fuq talba ta’ KL intemmet mingħajr suċċess, il-President tal-BEI ħa nota tal-konklużjonijiet f’dan is-sens tal-Kumitat tal-Konċiljazzjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Frar u tat‑8 ta’ Marzu 2019 ġew ikkonfermati minn dan tal-aħħar.

    Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

    18

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Ġunju 2020, KL ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa qajjem żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 46‑1 u 48‑1 tar-RTSP, tal-Artikoli 11.1 u 11.3 tad-Dispożizzjonijiet amministrattivi kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u, it-tieni wieħed, fuq ksur tad-dmir ta’ premura. L-ewwel motiv biss huwa rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-appell.

    19

    Permezz ta’ dan il-motiv, KL ikkritika lill-BEI talli qies, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, li huwa kien kapaċi jaħdem u kien f’pożizzjoni ta’ assenza mhux iġġustifikata mit‑18 ta’ Frar 2019. F’dan ir-rigward, KL irrileva li, skont il-konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9 ta’ Novembru 2018 u l-perizja medika mwettqa fil-kuntest tal-imsemmi kumitat, huwa kien tqies li jbati minn invalidità fil-konfront tal-BEI. Huwa sostna li din il-konklużjoni kienet biżżejjed sabiex jiġi ddikjarat li jbati minn invalidità fis-sens tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP. Għall-kuntrarju, il-BEI sostna li r-RTSP kienu jirrikonoxxu biss tip wieħed ta’ invalidità, jiġifieri l-invalidità fil-konfront tas-suq ġenerali tax-xogħol, u li l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità kienet ġiet espressa fil-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019 li jiddikjaraw li KL ma kienx ibati minn invalidità.

    20

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 58 sa 73 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kellhiex issir biss fid-dawl tal-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019, iżda wkoll fid-dawl tal-konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9 ta’ Novembru 2018, li kienet ġiet ikkonfermata mill-perizja medika mwettqa fil-kuntest tal-imsemmi kumitat.

    21

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 74 sa 81 tas-sentenza appellata, qieset li, skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità, kif tirriżulta mid-dokumenti msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, KL ma setax jibqa’ jeżerċita funzjonijiet fi ħdan il-BEI, iżda kien għadu kapaċi jeżerċita attività professjonali fis-suq ġenerali tax-xogħol.

    22

    Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 83 sa 85 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-kunċett ta’ “invalidità” ta’ membru tal-persunal tal-BEI, fis-sens tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u tal-Artikolu 11.1 tad-Dispożizzjonijiet amministrattivi, għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kapaċità ta’ dan il-membru tal-persunal li jerġa’ jassumi “il-funzjoni tiegħu jew funzjoni oħra ta’ livell ekwivalenti”, liema funzjoni oħra għandha tkun ukoll interna għall-BEI.

    23

    Sabiex waslet għal din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel, fil-punti 86 sa 89 tas-sentenza appellata, qieset li, b’analoġija mal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-imsemmija dispożizzjonijiet tar-regoli tal-BEI kienu jirreferu għall-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet fi ħdan dan l-organu. It-tieni, fil-punti 90 sa 93 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-kumitati tal-invalidità mwaqqfa mill-BEI jikkostitwixxu korpi tiegħu u għalhekk ma għandhomx, fuq il-livell ġuridiku, il-kompetenza li jevalwaw il-kapaċità tal-membri tal-persunal tal-BEI li jeżerċitaw funzjonijiet professjonali barra minn dan l-organu. It-tielet, fil-punti 94 sa 99 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-interpretazzjoni tal-BEI tal-Artikolu 51‑1 tar-RTSP fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri biss is-sitwazzjonijiet rari li fihom persuna ddikjarata invalida fi ħdan il-BEI teżerċita attività barra mill-BEI li tkun differenti minn dik li hija eżerċitat fi ħdanu.

    24

    Fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li l-Kumitat tal-Invalidità kien iddikjara li KL ma kellux il-kapaċità li jeżerċita funzjonijiet fi ħdan il-BEI u peress li l-kunċett ta’ “invalidità”, fis-sens tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u tal-Artikolu 11.1 tad-Dispożizzjonijiet amministrattivi, kellu jiġi evalwat biss fil-konfront ta’ dan l-organu, il-BEI kien obbligat jiddikjara li KL kien ibati minn invalidità, b’tali mod li kien hemm lok li jitqies li, meta fid-deċiżjonijiet kontenzjużi ddikjara li KL kien kapaċi jaħdem u kien jinsab f’pożizzjoni ta’ assenza mhux iġġustifikata b’effett mit‑18 ta’ Frar 2019, il-BEI kien kiser dawn id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv tar-rikors ta’ KL u annullat dawn id-deċiżjonijiet.

    It‑talbiet tal‑partijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    25

    Permezz tal-appell tiegħu, il-BEI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    fil-każ li tqis li l-kawża tinsab fi stat li tiġi deċiża, tilqa’ t-talbiet tiegħu mressqa fl-ewwel istanza, u

    tikkundanna lil KL għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    26

    KL jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell u

    tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.

    Fuq l‑appell

    27

    Il-BEI jinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tiegħu. L-ewwel aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “invalidità”, jinkludi erba’ partijiet, li l-ewwel u r-raba’ parti tiegħu għandhom jiġu eżaminati flimkien. It-tieni aggravju, maqsum f’żewġ partijiet, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huwa bbażat fuq żnaturament tal-fatti kif esposti fil-punti 58 sa 81 tas-sentenza appellata.

    Fuq l‑ewwel u r‑raba’ parti tal-ewwel aggravju

    L‑argumenti tal‑partijiet

    28

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-BEI jsostni li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet, fil-punti 83 sa 85 tas-sentenza appellata, li l-“funzjonijiet oħra ta’ livell ekwivalenti” li membru tal-persunal għandu jkun inkapaċi jwettaq sabiex jitqies li jbati minn invalidità, fis-sens tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u tal-Artikolu 11.1 tad-Dispożizzjonijiet amministrattivi, għandhom jiġu eżerċitati fi ħdan il-BEI, interpretat il-kunċett ta’ “invalidità” b’mod kuntrarju għar-regoli interni ta’ dan l-organu.

    29

    Fl-ewwel lok, il-BEI jikkunsidra li, bl-użu tal-kliem “il-funzjoni tagħha jew funzjoni oħra ta’ livell ekwivalenti”, l-Artikolu 46‑1 tar-RTSP ma jagħmilx distinzjoni bejn funzjonijiet eżerċitati fi ħdan il-BEI u dawk eżerċitati barra minnu u lanqas ma jagħmel riferiment għall-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet interni ta’ dan tal-aħħar. Il-formola li l-Kumitat tal-Invalidità għandu jimla lanqas ma tagħmel distinzjoni fir-rigward ta’ jekk l-invalidità hijiex speċifika għall-BEI jew għandhiex tiġi evalwata fir-rigward tas-suq ġenerali tax-xogħol, b’tali mod li, billi introduċiet tali distinzjoni, il-Qorti Ġenerali emendat il-kliem tal-imsemmija regoli interni.

    30

    Fit-tieni lok, skont il-BEI, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali twassal sabiex il-kunċett ta’ “invalidità”, li jirrikonoxxi l-protezzjoni dovuta lil persuna li saret inkapaċi taħdem b’mod ġenerali, jiġi konfuż ma’ dak ta’ “inkapaċità għax-xogħol”, kif previst fil-parti l-kbira tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, dwar il-protezzjoni dovuta lil persuna li ma tkunx kapaċi taħdem għal persuna li timpjega partikolari.

    31

    Fit-tielet lok, il-BEI jsostni li l-imsemmija interpretazzjoni tmur kontra l-għan tal-pensjoni tal-invalidità li jikkonsisti, sa fejn din tikkostitwixxi miżura ta’ protezzjoni soċjali, fl-għoti ta’ kumpens għat-telf tar-remunerazzjoni mġarrab minn impjegat minħabba l-inkapaċità permanenti tiegħu li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Ikun imur manifestament kontra dan l-għan jekk jiġi deċiż li membru tal-persunal jista’ jitqies li jbati minn invalidità sabiex jeżerċita xogħol fi ħdan il-BEI iżda huwa kapaċi jeżerċita xogħol ekwivalenti barra minnu. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni toħloq konsegwenzi gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tal-pensjonijiet tal-BEI u tqajjem problemi ta’ użu u ta’ ġestjoni tal-fondi pubbliċi.

    32

    Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, il-BEI jsostni li, fil-punti 98 sa 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, interpretat l-Artikolu 51‑1 tar-RTSP, li jipprevedi tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni tal-invalidità fil-każ li l-persuna ddikjarata invalida teżerċita attività remunerata, fis-sens li jkopri s-sitwazzjonijiet li fihom persuna ddikjarata invalida fi ħdan il-BEI teżerċita attività professjonali tkun liema tkun. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, il-BEI sostna li din id-dispożizzjoni kienet tkopri biss is-sitwazzjonijiet rari li fihom persuna ddikjarata invalida teżerċita barra mill-BEI attività differenti minn dik li hija eżerċitat fi ħdanu.

    33

    L-ewwel nett, il-BEI jsostni li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kontradittorja sa fejn enfasizzat in-natura ġenerali tal-formulazzjoni tal-Artikolu 51‑1 tar-RTSP, mingħajr distinzjoni fir-rigward tan-natura tal-attività esterna eżerċitata, filwaqt li qieset li l-Artikolu 46‑1 tagħhom, li huwa wkoll ifformulat f’termini ġenerali, jikkonċerna kunċett ta’ “invalidità” ddefinit fir-rigward tal-funzjonijiet eżerċitati fi ħdan il-BEI.

    34

    Sussegwentement, dan l-organu jsostni li l-kunċett ta’ “invalidità”, fis-sens tal-Artikolu 51‑1 tar-RTSP u tal-Artikolu 46‑1 ta’ dawn ir-regoli, għandu jiġi interpretat b’mod identiku. Issa, din l-aħħar dispożizzjoni ma tirreferix biss għall-funzjonijiet eżerċitati fi ħdan il-BEI iżda wkoll għal dawk eżerċitati barra minnu. Għaldaqstant, ikun kontradittorju li l-Artikolu 51‑1 tar-RTSP jiġi interpretat bħala li jirreferi għal persuna ddikjarata invalida li teżerċita barra mill-BEI xogħol ta’ natura u ta’ intensità ekwivalenti għal dawk tax-xogħol li hija kienet teżerċita fi ħdan dan l-organu, b’tali mod li l-imsemmi artikolu għandu jirreferi għal tip ieħor ta’ xogħol.

    35

    Fl-aħħar nett, u għal finijiet ta’ kompletezza, il-BEI jqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51‑1 tar-RTSP adottata mill-Qorti Ġenerali twassal għall-ħolqien ta’ sitwazzjonijiet ta’ arrikkiment indebitu. Fil-fatt, meta l-membru tal-persunal li jbati minn invalidità jirċievi pensjoni tal-invalidità mill-BEI filwaqt li jaħdem full-time barra minn dan l-organu f’pożizzjoni daqstant ieħor eżiġenti, iqumu dubji dwar il-kapaċità għax-xogħol reali ta’ din il-persuna.

    36

    KL jikkontesta l-argumenti tal-BEI.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    37

    Permezz tal-ewwel u tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tiegħu, il-BEI jsostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat il-kunċett ta’ “invalidità” kif jidher, b’mod partikolari, fl-Artikolu 46‑1 tar-RTSP, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-għan tal-għoti ta’ pensjoni tal-invalidità. B’mod partikolari, il-BEI jqis li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li t-termini “funzjoni oħra ta’ livell ekwivalenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kienu jirreferu biss għall-funzjonijiet eżerċitati fi ħdan il-BEI.

    38

    L-ewwel nett, huwa minnu li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP ma jirriżultax li huwa jirreferi espliċitament għal funzjonijiet oħra ta’ livell ekwivalenti eżerċitati fi ħdan il-BEI. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, billi jsemmi l-inkapaċità tal-persuna affiljata li twettaq “l-funzjoni tagħha jew funzjoni oħra ta’ livell ekwivalenti”, dan l-artikolu jista’ jiġi interpretat, minħabba r-repetizzjoni tat-terminu “funzjoni”, bħala li jirreferi, minbarra għall-funzjoni inkwistjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat, għal funzjoni oħra interna għall-BEI.

    39

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li t-terminu “funzjoni”, użat fl-Artikolu 46‑1 tar-RTSP, jikkostitwixxi kunċett ġuridiku ta’ natura regolamentari. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 46‑1 tar-RTSP ma jużax espressjoni ta’ portata usa’, bħal dik ta’ “attività remunerata”, użata fl-Artikolu 51‑1 tar-RTSP, li, min-naħa tagħha, tirreferi għal impjieg li jaqa’ taħt is-suq ġenerali tax-xogħol.

    40

    Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP, fl-ewwel lok, il-BEI ġustament jikkunsidra li l-kunċett ta’ “invalidità”, fis-sens tal-Artikoli 46‑1 u 51‑1 tar-RTSP, għandu jiġi interpretat b’mod identiku. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 96 sa 98 tas-sentenza appellata, li dan l-artikolu tal-aħħar, fid-dawl tal-formulazzjoni f’termini ġenerali tal-kliem tiegħu, ma jistax jinftiehem bħala li jirreferi biss għal attività eżerċitata barra mill-BEI li tkun differenti minn dik li l-persuna ddikjarata invalida kienet eżerċitat fi ħdan dan l-organu, iżda li għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-eżerċizzju ta’ kull attività, tkun liema tkun, inkluża attività ta’ livell ekwivalenti għal dik li din il-persuna eżerċitat fi ħdan il-BEI.

    41

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-BEI li l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-Artikoli 46‑1 u 51‑1 tar-RTSP hija kontradittorja għar-raġuni li, skont dan l-organu, dawn id-dispożizzjonijiet huma t-tnejn li huma fformulati b’termini ġenerali filwaqt li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq in-natura ġenerali tat-tieni dispożizzjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 51‑1 tar-RTSP juża l-kunċett ġenerali ta’ “attività remunerata”, filwaqt li l-Artikolu 46‑1 tagħhom juża t-terminu “funzjoni”, li, kif jirriżulta minn dan l-istess punt 39, jirreferi għad-dispożizzjonijiet statutorji applikabbli għall-persunal ta’ istituzzjoni jew ta’ organu speċifiku.

    42

    Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51‑1 tar-RTSP adottata mill-Qorti Ġenerali hija konformi mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 46‑1 ta’ dawn ir-regoli fis-sens li t-termini “funzjoni oħra ta’ livell ekwivalenti” jirreferu għal funzjoni oħra fi ħdan il-BEI. Fil-fatt, ikun kontradittorju li jitqies li, skont l-Artikolu 46‑1 tar-RTSP, persuna tiġi ddikjarata li hija invalida għar-raġuni li tkun tinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità li twettaq il-funzjoni tagħha jew attività ta’ livell ekwivalenti fis-suq ġenerali tax-xogħol filwaqt li jiġi aċċettat li, skont l-Artikolu 51‑1 ta’ dawn ir-regoli, din il-persuna tista’ teżerċita tali attività.

    43

    Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument tal-BEI fis-sens li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “invalidità” tikkorrispondi għall-aċċettazzjoni ta’ dan it-terminu f’diversi ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, filwaqt li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tikkorrispondi għall-kunċett ta’ “inkapaċità għax-xogħol” f’dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma għamel il-BEI fl-appell tiegħu, li r-RTSP kif ukoll id-Dispożizzjonijiet amministrattivi jifformaw parti mill-qafas regolamentari tal-BEI, qafas li huwa speċifiku għalih u li huwa distint mir-regoli tad-dritt nazzjonali.

    44

    Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li l-għoti ta’ pensjoni tal-invalidità jissodisfa għan ta’ natura soċjali, sa fejn huwa intiż li jiżgura li persuna li tinsab f’inkapaċità fiżika jew mentali li twettaq b’mod permanenti l-funzjoni tagħha jew funzjoni oħra ta’ livell ekwivalenti tkun tista’ tipprovdi għall-bżonnijiet tagħha, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP fis-sens li din il-funzjoni l-oħra għandha tkun interna għall-BEI hija, fid-dawl tal-istruttura ta’ dawn ir-regoli, konformi mal-imsemmi għan.

    45

    Fil-fatt, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 51‑1 tar-RTSP, li permezz tiegħu l-pensjoni tal-invalidità titnaqqas sa fejn it-total tagħha, tal-pensjonijiet tal-ulied u d-dħul minn attività remunerata eżerċitata mill-persuna ddikjarata invalida jaqbeż l-ammont tar-remunerazzjoni netta li din tal-aħħar kienet tirċievi fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-invalidità tagħha, għandu l-effett li jwaqqaf il-ħlas ta’ din il-pensjoni tal-invalidità meta l-persuna kkonċernata terġa’ tibda attività li d-dħul minnha jkun minn tal-inqas ekwivalenti għar-remunerazzjoni li hija kienet tirċievi meta kienet teżerċita funzjonijiet fi ħdan il-BEI.

    46

    Dan il-mekkaniżmu huwa wkoll intiż li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ arrikkiment indebitu tal-persuna ddikjarata invalida kif ukoll konsegwenzi negattivi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tal-pensjonijiet tal-BEI, kif isostni dan l-organu.

    47

    Minn dan isegwi li l-argumenti invokati mill-BEI fil-kuntest tal-ewwel u tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju ma humiex ta’ natura li juru li l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat, fis-sentenza appellata, lill-kunċett ta’ “invalidità” li jinsab fl-Artikolu 46‑1 tar-RTSP hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Għaldaqstant, l-ewwel u r-raba’ parti ta’ dan l-aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel aggravju

    L‑argumenti tal‑partijiet

    48

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-BEI jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 90 sa 93 tas-sentenza appellata, li l-kumitati tal-invalidità stabbiliti minn dan l-organu huma kompetenti biss sabiex jiddeċiedu dwar il-kapaċità tal-persunal tal-BEI li jaħdem fi ħdanu. F’dan ir-rigward, il-BEI jsostni li tali kumitat tal-invalidità jwettaq konstatazzjonijiet mediċi li għandhom jitqiesu li huma finali kemm-il darba jsiru f’kundizzjonijiet regolari. Il-missjoni tat-tobba membri ta’ dan il-kumitat hija biss li jifformulaw opinjoni medika u mhux li jiddeċiedu dwar l-ambjent tax-xogħol.

    49

    Il-BEI jsostni li l-Artikolu 46‑1 tar-RTSP ma jagħmilx distinzjoni bejn l-invalidità ddikjarata fir-rigward tal-funzjonijiet eżerċitati fi ħdan il-BEI u l-invalidità ddikjarata fir-rigward tas-suq ġenerali tax-xogħol, u lanqas ma jiffissa limitu strett ta’ kompetenza tal-kumitati tal-invalidità inkarigati mill-eżami tal-istat ta’ saħħa tal-persuni li jistgħu jiġu rrikonoxxuti bħala invalidi.

    50

    Skont il-BEI, ir-riskju, imsemmi mill-Qorti Ġenerali, ta’ kontradizzjoni bejn l-evalwazzjoni ta’ kumitat tal-invalidità tal-BEI u dik li jistgħu joħorġu kumitati tal-invalidità stabbiliti minn istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni jew minn awtoritajiet nazzjonali huwa ipotetiku. Minħabba n-natura teknika tagħha, evalwazzjoni medika hija ta’ natura li, fin-nuqqas ta’ elementi ġodda, tkun kondiviża minn professjonisti oħra tas-saħħa. Il-kompetenza tal-Kumitat tal-Invalidità ma tistax tiġi limitata mill-possibbiltà li tobba oħra jaslu għal konklużjonijiet differenti.

    51

    KL iqis li l-argumenti tal-BEI huma infondati.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    52

    Kif jirriżulta mill-punti 37 sa 47 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ “invalidità”, fis-sens tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u tal-Artikolu 11.1 tad-Dispożizzjonijiet amministrattivi, għandu jiġi interpretat sa fejn jirreferi għal membru tal-persunal tal-BEI li jiġi ddikjarat minn kumitat tal-invalidità stabbilit mill-BEI bħala li ma huwiex kapaċi jerġa’ jassumi l-funzjoni tiegħu jew funzjoni oħra ta’ livell ekwivalenti fi ħdan dan l-organu.

    53

    Minn dan isegwi neċessarjament li l-kumitati tal-invalidità stabbiliti mill-imsemmi organu, li, konformement mal-Artikolu 48‑1 tar-RTSP, huma kompetenti sabiex jistabbilixxu l-invalidità fil-każ ta’ kontestazzjoni, jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fir-rigward biss tal-kapaċità tal-persuna kkonċernata li twettaq il-funzjoni tagħha jew funzjoni oħra ta’ livell ekwivalenti fi ħdan il-BEI.

    54

    Għandu jingħad ukoll li, għalkemm huwa minnu li l-opinjoni ta’ tali kumitat hija ta’ natura medika, xorta jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni mwettqa minnu għandha, kif isostni KL fir-risposta tiegħu, tieħu inkunsiderazzjoni l-ambjent tax-xogħol li minnu ma jkunux jistgħu jiġu iżolati l-kompiti li l-persuna kkonċernata hija inkarigata twettaq. Dan ikun iktar u iktar il-każ meta, bħal f’dan il-każ, l-invalidità tkun ikkawżata minn marda mentali.

    55

    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel aggravju

    L‑argumenti tal‑partijiet

    56

    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-BEI jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 86 sa 89 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u l-Artikolu 11.1 tad-Dispożizzjonijiet amministrattivi b’analoġija mal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, il-BEI jsostni li tali interpretazzjoni b’analoġija tippreżumi l-eżistenza, minn naħa, ta’ rabta mill-qrib bejn iż-żewġ sistemi legali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, lakuna fl-ewwel sistema li tkun inkompatibbli ma’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali ma ssemmix l-eżistenza ta’ tali elementi.

    57

    Barra minn hekk, skont il-BEI, il-formulazzjoni tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP ma tagħmilx distinzjoni bejn il-funzjonijiet eżerċitati fi ħdan il-BEI u dawk eżerċitati barra minnu, u lanqas ma tagħmel, b’differenza mill-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, riferiment għall-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet interni ta’ dan l-organu. Il-BEI għalhekk isostni li, billi bbażat ruħha fuq xebh bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali injorat dawn id-differenzi.

    58

    Il-BEI jżid, minn naħa, li l-fatt li jiġi applikat għalih, b’analoġija, l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal idaħħal inkwistjoni l-awtonomija tas-“sistema legali” tiegħu fil-konfront tal-korpi l-oħra tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tal-BEI hija differenti minn dik tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minħabba d-daqs tiegħu kif ukoll minħabba d-diversità tal-impjiegi disponibbli fi ħdanu.

    59

    KL jikkontesta l-argumenti tal-BEI.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja

    60

    Kif jirriżulta mill-punti 37 sa 47 u 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ “invalidità”, fis-sens tal-Artikolu 46‑1 tar-RTSP u tal-Artikolu 11.1 tad-Dispożizzjonijiet amministrattivi, għandu jiġi interpretat sa fejn jirreferi għal membru tal-persunal tal-BEI li jiġi ddikjarat minn kumitat tal-invalidità stabbilit mill-BEI bħala li ma huwiex kapaċi jerġa’ jassumi l-funzjoni tiegħu jew funzjoni oħra ta’ livell ekwivalenti fi ħdan dan l-organu.

    61

    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta bbażat din il-konklużjoni parzjalment fuq interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni b’analoġija mal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif isostni l-BEI fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, din il-parti għandha tiġi kklassifikata bħala ineffettiva.

    62

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, meta waħda mill-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika d-dispożittiv tas-sentenza, id-difetti li jistgħu jivvizzjaw kunsiderazzjoni ieħor, magħmula wkoll fis-sentenza inkwistjoni, ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, influwenza fuq l-imsemmi dispożittiv, b’tali mod li l-aggravju li jinvoka dawn id-difetti jkun ineffettiv u jkollu jiġi miċħud (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva u, għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq it‑tieni aggravju

    L‑argumenti tal‑partijiet

    64

    Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, il-BEI jallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti fil-punti 58 sa 81 tas-sentenza appellata meta kkunsidrat li l-konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9 ta’ Novembru 2018, il-perizja medika mwettqa fil-kuntest ta’ dan il-kumitat kif ukoll il-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019 kienu jikkostitwixxu, flimkien, l-opinjoni tal-imsemmi kumitat.

    65

    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-BEI jsostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9 ta’ Novembru 2018 u l-perizja medika mwettqa fil-kuntest ta’ dan il-kumitat ma jistgħux ikunu elementi tal-imsemmija opinjoni minħabba li ma kinux iffirmati mill-membri kollha tal-Kumitat tal-Invalidità, filwaqt li l-ħidma ta’ tali kumitat hija kulleġġjali u bħala prinċipju teħtieġ li, fir-rigward tal-eżitu tal-proċedura, kull membru jiffirma l-istess dokument.

    66

    Il-BEI jallega li teżisti kontradizzjoni fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-Kumitat tal-Invalidità, mingħajr ma eżamina lil KL, seta’ jasal għal konklużjoni fid‑9 ta’ Novembru 2018, li kienet sussegwentement ikkonfermata mill-President ta’ dan il-kumitat, fil‑21 ta’ Novembru 2018, wara li eżamina lil KL. Skont il-BEI, minbarra l-fatt li din il-konstatazzjoni hija spekulattiva, il-president ta’ tali kumitat ma għandux ikun f’pożizzjoni li jissostitwixxi lill-membri l-oħra tiegħu fil-formulazzjoni tal-evalwazzjoni tagħhom.

    67

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 66 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-kontenut tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq ma ġiex ikkontestat mill-membri l-oħra tal-Kumitat tal-Invalidità, il-BEI jenfasizza li huma biss il-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019 li ġew iffirmati mill-membri kollha ta’ dan il-kumitat u, għaldaqstant, jikkostitwixxu l-opinjoni formali tiegħu.

    68

    F’dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-BEI jirrileva li l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 81 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità kienet li KL ma setax jibqa’ jeżerċita funzjonijiet fi ħdan il-BEI, iżda kien kapaċi jeżerċita attività professjonali fis-suq ġenerali tax-xogħol, ma tirriżultax mill-formoli ffirmati mill-membri kollha ta’ dan il-kumitat f’Jannar 2019.

    69

    KL jikkontesta l-argumenti tal-BEI.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    70

    Għalkemm il-BEI jinvoka żnaturament tal-fatti min-naħa tal-Qorti Ġenerali, mill-argumenti tiegħu jirriżulta li, permezz tat-tieni aggravju tiegħu, huwa qiegħed fil-verità jipprova jikkontesta l-klassifikazzjoni legali mogħtija mill-Qorti Ġenerali lill-konklużjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad‑9 ta’ Novembru 2018 u lill-perizja medika mwettqa fil-kuntest ta’ dan il-kumitat. Fil-fehma tal-BEI, dawn ma humiex, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, dokumenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità, peress li huma biss il-formoli tas‑16 u tat‑23 ta’ Jannar 2019 li jikkostitwixxu l-opinjoni ta’ dan il-kumitat.

    71

    F’dan ir-rigward, il-BEI jibbaża ruħu, essenzjalment, fuq l-argument li l-ewwel dokumenti ma ġewx iffirmati mill-membri kollha tal-Kumitat tal-Invalidità. B’hekk, huwa qiegħed sempliċement itenni l-argumenti li qajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jippreċiża kif it-tweġiba tal-Qorti Ġenerali għal dawn l-argumenti, kif tinsab, b’mod partikolari, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

    72

    Issa, għandu jitfakkar li appell li, mingħajr ma jinkludi argument intiż speċifikament li jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih allegatament tkun ivvizzjata s-sentenza appellata, sempliċement itenni jew jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tqajmu quddiem il-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi fir-realtà talba intiża li jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, eżami dan li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    73

    Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    74

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq l‑ispejjeż

    75

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    76

    F’din il-kawża, peress li KL talab li l-BEI jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li dan tal-aħħar tilef il-kawża, hemm lok li l-BEI jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess marbuta mal-appell, dawk sostnuti minn KL.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawn sostnuti minn KL.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top