Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0042

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-9 ta’ Marzu 2023.
Generali Seguros SA, ancienemment Global, Companhia de Seguros SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Supremo Tribunal Administrativo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjoni mill-VAT – Artikolu 135(1)(a) – Eżenzjoni ta’ mit-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni – Artikolu 136(a) – Eżenzjoni ta’ provvisti ta’ oġġetti użati esklużivament għal attività eżentata – Kunċett ta’ ‘tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni’ – Bejgħ mill-ġdid ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur danneġġati mixtrija mingħand l-assigurati – Prinċipju ta’ newtralità fiskali.
Kawża C-42/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:183

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

9 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjoni mill-VAT – Artikolu 135(1)(a) – Eżenzjoni ta’ mit-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni – Artikolu 136(a) – Eżenzjoni ta’ provvisti ta’ oġġetti użati esklużivament għal attività eżentata – Kunċett ta’ ‘tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni’ – Bejgħ mill-ġdid ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur danneġġati mixtrija mingħand l-assigurati – Prinċipju ta’ newtralità fiskali”

Fil-Kawża C‑42/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura

Generali Seguros SA, preċedentement Global – Companhia de Seguros SA,

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn L.S. Rossi, Presidenta ta’ Awla, J.‑C. Bonichot u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Generali Seguros SA, preċedentement Global – Companhia de Seguros SA, minn P. Braz, advogado,

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, C. Bento, R. Campos Laires u A. Rodrigues, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Caro de Sousa u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Dik it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Generali Seguros SA, preċedentement Global – Companhia de Seguros SA, impriża ta’ assigurazzjoni, u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall), dwar in-natura taxxabbli jew eżenti, għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid imwettaq minn din l-impriża ta’ partijiet ta’ vetturi.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont il-premessa 66 tad-Direttiva dwar il-VAT:

“L-obbligu tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-disposizzjonijiet li jirrappreżentaw bidla sostantiva meta mqabbla mad-Direttivi ta’ qabel. L-obbligu li jiġu trasposti f’liġi nazzjonali d-disposizzjonijiet li ma nbidlux joħroġ mid-Direttivi ta’ qabel.”

4

L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-prinċipju tas-sistema komuni ta’ VAT tinvolvi l-applikazzjoni ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq merkanzija u servizzi li hi eżattament proporzjonali għall-prezz tal-merkanzija u s-servizzi, ikunu kemm ikunu t-transazzjonijet li jkunu saru fil-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-istadju li fih hi imposta t-taxxa.

Fuq kull transazzjoni, il-VAT, kalkulata fuq il-prezz tal–merkanzija jew tas-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali merkanzija jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.

[…]”

5

L-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

a)

il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;”

6

Skont l-Artikolu 14(1) tal-istess direttiva:

“‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.”

7

L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”

8

L-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva inkwistjoni jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

a)

assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni.”

9

L-Artikolu 136(a) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

a)

il-provvista ta merkanzija użata biss għal attività eżenti skond l-Artikoli 132, 135, 371, 375, 376 u 377, l-Artikolu 378(2), l-Artikolu 379(2) u l-Artikoli 380 sa 390, jekk dik il-merkanzija ma tatx lok għal possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT.”

10

Id-dispożizzjonijiet riprodotti fil-punti 8 u 9 ta’ din is-sentenza jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikolu 13B(a) u għall-Artikolu 13B(c) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

Id‑dritt Portugiż

11

L-Artikolu 9(29) u (33) tal-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), approvat mid-decreto-lei n. 394-B/84 (id-Digriet‑Liġi Nru 394-B/84) tas‑26 ta’ Diċembru 1984 (Diário da República I, Serje I‑A, Nru 297, tas‑26 ta’ Diċembru 1984), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”), jipprovdi:

“Huma eżenti mit-taxxa:

[…]

29)

It-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni kif ukoll il-provvisti ta’ servizzi marbuta ma’ dawn it-tranżazzjonijiet mwettqa mis-sensara u mill-intermedjarji tal-assigurazzjoni;

[…]

33)

It-trasferimenti ta’ oġġetti intiżi esklużivament għal attività eżenti, liema oġġetti ma jkunux taw lok għal dritt għal tnaqqis, kif ukoll it-trasferimenti ta’ oġġetti li l-akkwist jew il-produzzjoni tagħhom ġew affettwati bl-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis konformement mal-Artikolu 21(1)”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

Generali Seguros hija impriża ta’ assigurazzjoni li, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, takkwista partijiet ta’ vetturi bil-mutur danneġġati f’inċidenti li jimplikaw lill-assigurati tagħha u sussegwentement tbigħhom lil terzi, mingħajr ma tillikwida l-VAT fuq dan il-bejgħ.

13

Bħala segwitu ta’ kontroll marbut mas-sena finanzjarja 2007, l-Awtorità Fiskali u Doganali qieset li l-bejgħ ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur imwettqa minn Generali Seguros, bħala trasferimenti bi ħlas ta’ oġġetti tanġibbli, kien suġġett għall-ħlas tal-VAT skont il-kodiċi tal-VAT u li dan ma seta’ jibbenefika minn ebda eżenzjoni prevista minn dan il-kodiċi. Konsegwentement, hija llikwidat il-VAT fuq dan il-bejgħ għal ammont ta’ EUR 17 213.70, flimkien mal-interessi kumpensatorji.

14

Generali Seguros ħallset din is-somma, iżda kkontestat il-fatt li kellha tħallas din is-somma fil-kuntest ta’ rikors li hija ppreżentat quddiem it-Tribunal Tributário de Lisboa (il-Qorti Fiskali ta’ Lisbona, il-Portugall).

15

Quddiem din il-qorti, Generali Seguros sostniet li l-bejgħ ta’ partijiet ta’ vetturi kellu jitqies, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala tranżazzjoni eżenti mill-VAT. Hija invokat, minn naħa, l-Artikolu 9(29) tal-Kodiċi tal-VAT, li jeżenta “[i]t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni kif ukoll il-provvisti ta’ servizzi marbuta ma’ dawn it-tranżazzjonijiet mwettqa mis-sensara u mill-intermedjarji tal-assigurazzjoni”, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9(33) ta’ dan il-kodiċi, li jeżenta “it-trasferimenti ta’ oġġetti intiżi esklużivament għal attività eżenti, liema oġġetti ma jkunux taw lok għal dritt għal tnaqqis”.

16

Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Diċembru 2017, l-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikors ta’ Generali Seguros.

17

Din il-kumpannija appellat minn din is-sentenza quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju.

18

Quddiem din il-qorti, Generali Seguros issostni li t-tranżazzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur minn impriża li teżerċita attività prinċipali ta’ assigurazzjoni hija marbuta ma’ din l-attività u inseparabbli mill-attività normali ta’ negozjar u ta’ ħlas ta’ kumpens fil-każ ta’ inċident, b’tali mod li hija taqa’ taħt l-iskop ta’ din l-impriża.

19

L-imsemmija qorti tenfasizza li l-kwistjoni dwar jekk tali tranżazzjoni hijiex eżentata mill-VAT skont l-Artikolu 9(29) jew (33) tal-Kodiċi tal-VAT, dispożizzjonijiet li huma intiżi li jittrasponu l-Artikolu 13B(a) u (c) tas-Sitt Direttiva fl-ordinament ġuridiku Portugiż rispettivament, hija s-suġġett ta’ kontroversja kbira dottrinali u ġurisprudenzjali fil-Portugall. Hija tqis għalhekk li hija obbligata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex tivverifika l-klassifikazzjoni ta’ din it-tranżazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva u tad-Direttiva dwar il-VAT.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(B) tas-Sitt Direttiva […] u, konsegwentement, [l-]Artikolu 135(1)(a) tad-[Direttiva dwar il-VAT], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ ‘tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni’ għandu jinkludi, għall-iskopijiet tal-eżenzjoni mill-VAT, attivitajiet relatati jew addizzjonali bħax-xiri u l-bejgħ ta’ relitti ta’ vetturi [bil-mutur]?

2)

Il-punt (ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(B) tas-Sitt Direttiva tal-VAT u, konsegwentement, l-Artikolu 136(a) sussegwenti tad-Direttiva dwar il-VAT, għandhom jiġu interpretati fis-sens li x-xiri u l-bejgħ ta’ relitti ta’ vetturi [bil-mutur] għandhom jitqiesu li jistgħu jitwettqu esklużivament minn entità eżentata inkwantu tali oġġetti ma kinux suġġetti għal dritt ta’ tnaqqis tal-VAT?

3)

In-nuqqas ta’ eżenzjoni tal-VAT fuq il-bejgħ tar-relitti ta’ vetturi mill-assiguraturi, fil-każ fejn ma hemmx dritt għal tnaqqis tal-VAT, huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT?”

Fuq id-domandi preliminari

21

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar kif għandhom jitqiesu, fir-rigward tas-sistema komuni tal-VAT, tranżazzjonijiet li jikkonsistu, għal impriża ta’ assigurazzjoni, fil-bejgħ mill-ġdid lil terzi ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur, danneġġati f’inċidenti koperti minn din l-impriża, li din akkwistat mingħand l-assigurati tagħha.

22

Preliminarjament, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 413 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li din daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007. Il-premessa 66 ta’ din id-direttiva tindika li l-obbligu tat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw bidla sostantiva meta mqabbla mad-direttivi preċedenti u li l-obbligu li jiġu trasposti d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux joħroġ mid-direttivi preċedenti.

23

L-Artikolu 135(1)(a) u l-Artikolu 136(a) tad-Direttiva dwar il-VAT jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikolu 13B(a) u għall-Artikolu 13B(c) tas-Sitt Direttiva, b’tali mod li l-obbligu ta’ traspożizzjoni jirriżulta minn din l-aħħar direttiva. Għaldaqstant, peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda notifiki addizzjonali tal-VAT relatati mas-sena 2007, id-Direttiva dwar il-VAT hija applikabbli għal din it-tilwima (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2017, Federal Express Europe, C‑273/16, EU:C:2017:733, punti 30 u 31).

24

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li, minkejja li d-domandi magħmula f’din il-kawża jirrigwardaw tranżazzjonijiet li jikkonsistu fix-xiri minn impriża tal-assigurazzjoni ta’ partijiet ta’ vetturi danneġġati f’inċidenti li jappartjenu lill-assigurati tagħha u fil-bejgħ mill-ġdid ta’ dawn il-partijiet lil terzi, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss it-trattament fiskali ta’ tali tranżazzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid fir-rigward tal-VAT.

25

Konsegwentement, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju li tippermettilha tiddeċiedi din it-tilwima, hemm lok li d-domandi magħmula jiġu fformulati mill-ġdid bħala li jirrigwardaw biss it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lil terzi, minn impriża ta’ assigurazzjoni, ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur danneġġati mixtrija mingħand l-assigurati tagħha.

Fuq l‑ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tranżazzjonijiet li jikkonsistu, għal impriża ta’ assigurazzjoni, fil-bejgħ lil terzi ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur, danneġġati f’inċidenti koperti minn din l-impriża, li hija xtrat mingħand l-assigurati tagħha, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk huma eżentati minnha.

27

Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, minn naħa, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tas-sistema Portugiża ta’ assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur, fil-każ ta’ inċident li jimplika t-telf totali tal-vettura koperta, l-assigurat u l-impriża ta’ assigurazzjoni għandhom il-possibbiltà li jiddeċiedu dwar it-trasferiment tal-proprjetà tal-parti ta’ din il-vettura lil din l-impriża. Għal dan il-għan, din hija obbligata tikkomunika l-valur li għalih hija disposta tixtri din il-parti mingħand l-assigurat, sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjoni. Fil-każ fejn isir dan it-trasferiment, l-imsemmija impriża, kif seħħ fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kawża prinċipali, sussegwentement tbigħ mill-ġdid l-imsemmija parti lil terz. L-ammont imħallas mill-impriża ta’ assigurazzjoni lill-assigurat jinkludi l-valur tal-parti, hekk iddeterminat.

28

Minn naħa, għandu jitfakkar li l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, DPAS, C‑5/17, EU:C:2018:592, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), liema kunċetti għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Istati Membri.

29

Barra minn hekk, it-termini użati sabiex jiġu stabbiliti l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jingħataw interpretazzjoni riġida, peress li jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-VAT hija ntaxxata fuq kull kunsinna ta’ oġġetti u kull provvista ta’ servizz magħmula bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini għandha tkun konformi mal-għanijiet imfittxija minn dawn l-eżenzjonijiet u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. Għalhekk, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati għad-definizzjoni tal-imsemmija eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod li dawn jiċċaħħdu mill-effett tagħhom (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Woningstichting Maasdriel, C‑543/11, EU:C:2013:20, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandu jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjonijiet li jikkonsistu, għal impriża ta’ assigurazzjoni, fil-bejgħ lil terzi ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur danneġġati f’inċidenti koperti minn din l-impriża li hija xtrat mingħand l-assigurati tagħha jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT.

31

Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jeżentaw “[tranżazzjonijiet ta’] assigurazzjoni u tranżazzjonijiet ta’ riassigurazzjoni, inklużi servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni”.

32

L-għan ta’ din l-eżenzjoni huwa essenzjalment id-diffikultà li tiġi ddeterminata l-bażi korretta tal-VAT għall-primjums tal-assigurazzjoni marbuta mal-kopertura tar-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, United Biscuits (Pensions Trustees) u United Biscuits Pension Investments, C‑235/19, EU:C:2020:801, punt 32).

33

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, tali tranżazzjonijiet huma kkaratterizzati mill-fatt li l-assiguratur jintrabat, permezz tal-ħlas minn qabel ta’ primjum, li jipprovdi lill-assigurat, fil-każ tal-materjalizzazzjoni tar-riskju kopert, is-servizz miftiehem waqt il-konklużjoni tal-kuntratt (sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 17, u tat‑8 ta’ Ottubru 2020, United Biscuits (Pensions Trustees) u United Biscuits Pension Investments, C‑235/19, EU:C:2020:801, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). L-essenza stess ta’ dawn it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni tinsab fil-fatt li l-assigurat jipproteġi ruħu mir-riskju ta’ telf finanzjarju, li huwa inċert iżda potenzjalment kunsiderevoli, permezz ta’ primjum li l-ħlas tiegħu huwa, min-naħa tiegħu, ċert iżda limitat (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Mapfre asistencia u Mapfre warranty, C‑584/13, EU:C:2015:488, punt 42).

34

Barra minn hekk, l-identità tad-destinatarju tal-provvista hija importanti għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, li jimplikaw naturalment l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz ta’ assigurazzjoni u l-persuna li r-riskji tagħha huma koperti mill-assigurazzjoni, jiġifieri l-assigurat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2001, Skandia, C‑240/99, EU:C:2001:140, punt 41, u tat‑22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding, C‑242/08, EU:C:2009:647, punt 36).

35

Hemm lok li jiġi kkonstatat li tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur danneġġati, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, isiru permezz ta’ ftehim distint ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru dawn il-vetturi li huma konklużi mill-impriża ta’ assigurazzjoni ma’ persuni oħra għajr l-assigurati u li ma jaqgħux taħt relazzjoni ta’ assigurazzjoni.

36

Fil-fatt, il-bejgħ ta’ oġġett ma huwiex relatat mal-kopertura ta’ riskju u l-prezz jikkorrispondi għall-valur tal-oġġett ikkonċernat fil-mument ta’ dan il-bejgħ. Id-determinazzjoni tal-bażi tal-VAT ma tinvolvix diffikultà f’każ bħal dan.

37

Huwa irrilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li, kif ġie rrilevat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, tali tranżazzjoni tirrigwarda l-parti ta’ vettura bil-mutur danneġġata f’inċident kopert mill-impriża ta’ assigurazzjoni li tbigħha u li l-ammont tal-kumpens dovut lill-persuna assigurata wara dan l-inċident jinkludi l-prezz ta’ akkwist ta’ din il-parti. Fil-fatt, il-valur tal-parti jikkostitwixxi l-valur residwu, wara inċident, tal-vettura assigurata u għalhekk ma jagħmilx parti, mid-definizzjoni tiegħu stess, mid-dannu mġarrab mill-assigurat. Konsegwentement, dan il-prezz ma jagħmilx parti mill-kumpens ta’ assigurazzjoni fih innifsu, peress li jitħallas lill-assigurat b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ distint mill-ftehim ta’ assigurazzjoni u separabbli minnu.

38

Għaldaqstant, tranżazzjoni ta’ bejgħ ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix “tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT.

39

Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li tali tranżazzjoni ta’ bejgħ ma tistax titqies li hija marbuta inseparabbilment mal-kuntratt ta’ assigurazzjoni relatat mal-vettura kkonċernata u li għandha, barra minn hekk, tkun suġġetta għall-istess trattament fiskali bħal dan il-kuntratt.

40

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, diversi servizzi formalment distinti, li jistgħu jiġu pprovduti separatament u li b’hekk jagħtu lok, separatament, għal tassazzjoni jew għal eżenzjoni, għandhom jitqiesu li huma tranżazzjoni unika meta ma jkunux indipendenti. Ikun hemm operazzjoni unika, b’mod partikolari, meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli jkunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli li x-xoljiment tagħha jkun ta’ natura artifiċjali. Dan ikun ukoll il-każ meta servizz jew diversi servizzi jikkostitwixxu l-provvista prinċipali, u fejn servizz jew servizzi jikkostitwixxu servizz jew diversi servizzi anċillari li fir-rigward tagħhom japplika l-istess trattament fiskali li japplika għall-provvista prinċipali (sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Wojskowa Agencja Mieszkaniowa w Warszawie, C‑42/14, EU:C:2015:229, punt 31u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm kull tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni għandha, min-natura tagħha stess, rabta mal-oġġett li għandha l-għan li tkopri, b’tali mod li teżisti ċerta rabta ta’ konnessjoni bejn din it-tranżazzjoni u tranżazzjoni oħra li tirrigwarda dan l-istess oġġett, tali rabta ma tistax tkun suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix provvista unika kumplessa għall-finijiet tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing, C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 36).

42

F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-bejgħ ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur danneġġati inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta minn ftehimiet distinti mill-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru dawn il-vetturi u li huma konklużi mill-impriża ta’ assigurazzjoni ma’ persuni għajr l-assigurati. Barra minn hekk, mill-punt 27 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn tal-aħħar, proprjetarji oriġinali ta’ dawn il-partijiet, ma humiex obbligati jittrasferixxuhom lil din l-impriża, b’tali mod li d-deċiżjoni ta’ dawn l-assigurati hija indipendenti minn dawn il-kuntratti ta’ assigurazzjoni u tittieħed wara l-konklużjoni tagħhom, u saħansitra mal-materjalizzazzjoni tar-riskju kopert.

43

Għalhekk, ma jistax jitqies li l-fatt li bejgħ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitwettaq minn impriża ta’ assigurazzjoni u jirrigwarda partijiet ta’ vetturi bil-mutur danneġġati f’inċidenti koperti minn din l-impriża għandu l-konsegwenza li dan il-bejgħ u l-kuntratti ta’ assigurazzjoni relatati ma’ dawn il-vetturi jkunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw oġġettivament, fuq livell ekonomiku, ħaġa waħda li s-separazzjoni tagħha tkun ta’ natura artifiċjali.

44

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunċett ta’ “servizzi relatati [mat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni,] imwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jiġi rrilevat li l-“provvista ta’ servizzi” hija ddefinita fl-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva bħala kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ merkanzija.

45

Il-bejgħ ta’ parti ta’ vettura bil-mutur jikkostitwixxi “provvista ta’ merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, li jipprevedi t-trasferiment tad-dritt li wieħed jiddisponi minn proprjetà tanġibbli bħala proprjetarju. Għaldaqstant, tali bejgħ ma jistax jaqa’ taħt il-kunċett imsemmi fil-punt preċedenti.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tranżazzjonijiet li jikkonsistu, għal impriża ta’ assigurazzjoni, fil-bejgħ lil terzi ta’ vetturi bil-mutur, danneġġati f’inċidenti koperti minn din l-impriża, li hija xtrat mingħand l-assigurati tagħha, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 136(a) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li tranżazzjonijiet li jikkonsistu, għal impriża ta’ assigurazzjoni, fil-bejgħ lil terzi ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur, danneġġati f’inċidenti koperti minn din l-impriża, li hija xtrat mingħand l-assigurati tagħha, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk huma eżentati minnha.

48

L-Artikolu 136(a) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi l-eżenzjoni tal-provvisti ta’ oġġetti li kienu użati esklużivament għal attività eżentata skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 135 ta’ din id-direttiva, jekk dawn l-oġġetti ma kinux is-suġġett ta’ dritt għal tnaqqis.

49

Fil-kuntest tal-Artikolu 136(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-kelma “użata” tirreferi għall-fatt, fir-rigward ta’ oġġett, li jkun intiż għal użu speċifiku, f’dan il-każ li jintuża għall-iskopijiet ta’ attività li tikkonsisti fit-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, kif iddefiniti fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza.

50

Madankollu dan ma huwiex il-każ ta’ oġġetti li impriża ta’ assigurazzjoni takkwista f’inċidenti li hija tkopri u li hija jkollha l-intenzjoni mhux li tuża fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ assigurazzjoni, iżda li terġa’ tbigħ lil terzi, fi stat mhux mibdul u mingħajr ma jkunu intużaw. Dan l-aħħar fatt huwa biżżejjed barra minn hekk sabiex jiġi stabbilit li tali oġġetti ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ din l-attività ta’ assigurazzjoni.

51

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 136(a) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li tranżazzjonijiet li jikkonsistu, għal impriża ta’ assigurazzjoni, fil-bejgħ lil terzi ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur, danneġġati f’inċidenti koperti minn din l-impriża, li hija xtrat mingħand l-assigurati tagħha ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tielet domanda

52

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-assenza ta’ eżenzjoni ta’ tranżazzjonijiet li jikkonsistu, għal impriża ta’ assigurazzjoni, fil-bejgħ lil terzi ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur, danneġġati f’inċidenti koperti minn din l-impriża, li hija akkwistat mingħand l-assigurati tagħha meta dawn l-akkwisti ma jkunux taw lok għal dritt għal tnaqqis.

53

Skont dan il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, is-sistema ta’ tnaqqis hija intiża li teħles kompletament lin-negozjant mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT tfittex, konsegwentement, li tiggarantixxi n-newtralità perfetta fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, indipendentement mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħhom, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu huma stess suġġetti għall-VAT (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Malburg, C‑204/13, EU:C:2014:147, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT li jipprevedu eżenzjonijiet għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, dan tal-aħħar madankollu ma jippermettix li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni jiġi estiż fl-assenza ta’ dispożizzjoni inekwivoka. Fil-fatt, l-imsemmi prinċipju ma huwiex regola tad-dritt primarju li tista’ tiddetermina l-validità ta’ eżenzjoni, iżda prinċipju ta’ interpretazzjoni li għandu jiġi applikat b’mod parallel għall-prinċipju li jipprevedi li l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank, C‑44/11, EU:C:2012:484, punt 45, u tat‑8 ta’ Lulju 2021, Rádio Popular, C‑695/19, EU:C:2021:549, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

L-esklużjoni ta’ tranżazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 135(1)(a) u fl-Artikolu 136(a) tad-Direttiva dwar il-VAT ma tistax għalhekk tiġi kkontestata minħabba li din tmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

56

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-assenza ta’ eżenzjoni ta’ tranżazzjonijiet li jikkonsistu, għal impriża ta’ assigurazzjoni, fil-bejgħ lil terzi ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur, danneġġati f’inċidenti koperti mill-imsemmija impriża, li hija akkwistat mingħand l-assigurati tagħha meta dawn l-akkwisti ma jkunux taw lok għal dritt għal tnaqqis.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

it-tranżazzjonijiet li jikkonsistu, għal impriża ta’ assigurazzjoni, fil-bejgħ lil terzi ta’ vetturi bil-mutur, danneġġati f’inċidenti koperti minn din l-impriża, li hija xtrat mingħand l-assigurati tagħha, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 136(a) tad-Direttiva 2006/112

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

tranżazzjonijiet li jikkonsistu, għal impriża ta’ assigurazzjoni, fil-bejgħ lil terzi ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur, danneġġati f’inċidenti koperti minn din l-impriża, li hija xtrat mingħand l-assigurati tagħha ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

 

3)

Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix l-assenza ta’ eżenzjoni ta’ tranżazzjonijiet li jikkonsistu, għal impriża ta’ assigurazzjoni, fil-bejgħ lil terzi ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur, danneġġati f’inċidenti koperti mill-imsemmija impriża, li hija akkwistat mingħand l-assigurati tagħha meta dawn l-akkwisti ma jkunux taw lok għal dritt għal tnaqqis.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top