This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CC0728
Opinion of Advocate General Medina delivered on 4 July 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati l-4 ta’ Lulju 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati l-4 ta’ Lulju 2024.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:582
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fl‑4 ta’ Lulju 2024 (1)
Kawżi magħquda C‑728/22 sa C‑730/22
Associazione Nazionale Italiana Bingo - Anib,
Play Game Srl (C‑728/22)
Associazione Concessionari Bingo - Ascob Srl,
B&B Srl,
TM Srl,
Better Now Srl,
Bingo Adda Srl,
Baccara Srl,
Bingo Boing Srl,
Bingo Bon Srl,
Bingobrescia Srl,
Bingo bul Srl,
Bingo Centrum Srl,
Bingo Dolomiti Srl,
Bingo Galera Srl,
Bingo Globo Srl Unipersonale,
Bi.Pa. Srl,
Bingo Ritz Somalia Srl,
Bingo Seven Monza Srl,
Bingo Star Rovigo Srl,
Bingo Time Trentino Srl,
Borgaro Bingo Srl,
DORA Srl,
EDEN Srl,
Eliodoro Srl,
Eurogela Giochi Srl,
Euronissa Giochi Srl,
Fiore Srl,
Hippobingo Firenze Srl,
Hippogroup Cesenate SpA,
Hippogroup Modena Srl,
IRIS Srl,
Kristal Palace Srl,
Le Casinò Srl,
AT e Bingo Srl Unipersonale in Amministrazione Giudiziaria,
Milano Giochi Srl,
Mondo Bingo Srl,
Progetto Bingo Srl,
Romulus Srl,
Tutto Gioco Srl (C‑729/22)
Coral Srl (C‑730/22)
vs
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
Agenzia delle Dogane e dei Monopoli,
bl-intervent ta’:
B.E. Srl,
Play Game Srl,
Play Line Srl unipersonale,
BC,
BD,
EF,
GL,
HU
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/23 – Direttiva 89/665 – Libertà ta’ stabbiliment – Konċessjonijiet għal attivitajiet ta’ mħatri relatati mat-tombla – Skema ta’ ‘estensjoni teknika’ – Ħlas ta’ tariffa fissa ta’ kull xahar – Modifika sostanzjali ta’ konċessjoni – Diskrezzjoni tal-awtorità kontraenti sabiex tissospendi jew timmodifika t-termini ta’ konċessjoni – Ċirkustanzi imprevedibbli mhux attribwibbli lill-konċessjonarju”
I. Introduzzjoni
1. Dawn il-kawżi jirrigwardaw tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). Dik il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea – prinċipalment mad-Direttiva 2014/23 (2), mad-Direttiva 89/665 (3) u mal-Artikolu 49 TFUE – ta’ ċerti karatteristiċi tal-iskema ta’ “estensjoni teknika” applikabbli fl-Italja għal konċessjonijiet li jkunu skadew mogħtija għal attivitajiet tal-logħob tat-tombla.
2. L-iskema ta’ “estensjoni teknika” ġiet adottata mil-leġiżlatur Taljan fl‑2013 u ilha fis-seħħ minn dak iż-żmien bħala miżura tranżitorja sakemm tiġi implimentata proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida għall-allokazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-konċessjonijiet. Skont din l-iskema, l-operaturi ta’ attivitajiet ta’ mħatri relatati mat-tombla huma meħtieġa jħallsu tariffa ta’ kull xahar. Il-ħlas ta’ din it-tariffa ma kienx kundizzjoni għall-għoti inizjali tal-konċessjonijiet tagħhom u japplika għall-operaturi tas-settur b’rata fissa, indipendentement mill-kapaċità finanzjarja tagħhom. Barra minn hekk, din it-tariffa żdiedet gradwalment sa mill-adozzjoni tagħha. L-issuġġettar għal din l-iskema u, għaldaqstant, għall-ħlas tat-tariffa ta’ kull xahar jikkostitwixxi wkoll rekwiżit għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti futura, li d-data tagħha ġiet posposta diversi drabi sa minn Diċembru 2014 u, attwalment, għadha ma ġietx stabbilita.
3. Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri mressqa quddiem il-qorti nazzjonali minn żewġ assoċjazzjonijiet ta’ operaturi li jeżerċitaw attivitajiet ta’ mħatri relatati mat-tombla u minn diversi operaturi f’dan is-settur ta’ attività li qegħdin jaġixxu individwalment. Huma jqisu li huma affettwati serjament mill-iskema ta’ “estensjoni teknika”, prinċipalment wara l-pandemija tal-COVID‑19. Huma jikkontestaw, essenzjalment, id-deċiżjoni tal-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, l-Italja; iktar ’il quddiem l-“ADM”), li permezz tagħha din l-aġenzija ddikjarat li ma kellhiex setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tissospendi jew timmodifika l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-iskema ta’ “estensjoni teknika” kif esposti mil-leġiżlatur Taljan.
4. Dawn il-kawżi joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità tiddeċiedi dwar il-portata tad-Direttiva 2014/23 u dwar is-setgħa diskrezzjonali li l-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri jistgħu jkunu meħtieġa jeżerċitaw sabiex jikkunsidraw mill-ġdid it-termini ta’ konċessjoni meta ċirkustanzi imprevedibbli, mhux imputabbli lill-konċessjonarji, ikunu jaffettwaw il-bilanċ ekonomiku tal-operat ta’ servizz. Barra minn hekk, dawn jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-limiti li fihom konċessjoni tista’ tiġi mmodifikata mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti skont din id-direttiva.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
5. Minbarra l-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati minn din il-kawża huma, speċjalment, id-Direttiva 2014/23 u d-Direttiva 89/665.
6. Id-Direttiva 2014/23 tistabbilixxi r-regoli dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti permezz ta’ konċessjoni. Din tapplika għall-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi li l-valur stmat tagħhom ma huwiex inqas mil-limitu previst mid-Direttiva nnifisha (4). Dan il-valur ġie stabbilit għal EUR 5 225 000 fil-verżjoni tad-Direttiva applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawżi prinċipali (5).
7. Min-naħa tagħha, id-Direttiva 89/665 tirregola r-rekwiżiti u l-prinċipji fundamentali applikabbli għar-rimedji fil-każ ta’ ksur tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-Unjoni. Din tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet, kif ukoll id-deċiżjonijiet proċedurali preliminari f’dan il-kuntest, ikunu rreveduti rapidament u effettivament fil-każ li dawn ikunu kisru d-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (6).
8. Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti legali, sa fejn jistgħu jkunu rilevanti għal din il-proċedura, huma ċċitati fil-parti ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet.
B. Id‑dritt Taljan
9. Fir-rigward tad-dritt nazzjonali, għandu jiġi enfasizzat li, fl-Italja, l-organizzazzjoni tal-logħba tat-tombla taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istat, li rregolaha għall-ewwel darba fl‑2000 permezz ta’ digriet nazzjonali (7). Dan id-digriet kien jipprovdi li l-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-logħob rilevanti kellu jiġi fdat lid-detenturi ta’ konċessjonijiet mogħtija permezz ta’ proċedura ta’ selezzjoni. L-Istat inkariga l-ġestjoni ta’ dan is-settur lill-ADM.
10. It-tul tal-konċessjonijiet kien inizjalment iffissat għal sitt snin, u warajh il-konċessjonijiet setgħu jiġġeddu darba. Skont dawn il-konċessjonijiet, l-ebda tariffa ma kellha titħallas lill-Istat. Ir-raġuni mogħtija għan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ tariffi kienet li l-attività tal-operaturi kienet fi kwalunkwe każ tipproduċi vantaġġ ekonomiku dirett lill-Istat, li jikkonsisti fl-hekk imsejħa “taxxa fiskali”, imposta fuq id-dħul li l-konċessjonarji jiksbu mill-bejgħ tal-karti tal-logħob.
11. Sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju tad-dritt Ewropew ta’ kompetizzjoni fl-allokazzjoni mill-ġdid ta’ konċessjonijiet ġodda, il-leġiżlatur Taljan iddeċieda li jorganizza, wara allinjament tal-kalendarju tal-maġġoranza tal-konċessjonijiet li jiskadu fl‑2013 u fl‑2014, proċedura waħda ta’ sejħa għal offerti li fiha setgħu jipparteċipaw l-operaturi kollha tas-settur. Din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet inizjalment prevista għall‑31 ta’ Diċembru 2014. Il-leġiżlatur stabbilixxa wkoll li, fil-frattemp, il-konċessjonarji li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet ser tiskadi kellhom joperaw taħt skema ta’ “estensjoni teknika”, billi jħallsu tariffa ta’ kull xahar ta’ EUR 2 800 lill-Istat. Barra minn hekk, dan il-ħlas kien jikkostitwixxi kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti futura, bl-introduzzjoni, għalhekk, tal-prinċipju ta’ konċessjonijiet bi ħlas (8).
12. Peress li d-data ta’ skadenza inizjali għat-twettiq tal-offerta kienet skadiet, il-leġiżlatur l-ewwel ittrasferixxa l-offerta għall‑31 ta’ Diċembru 2016 (9) u, sussegwentement, għat‑30 ta’ Settembru 2018 (10). F’dawn iż-żewġ okkażjonijiet, hija estendiet l-iskema ta’ “estensjoni teknika” sabiex tkopri l-konċessjonijiet li kienu ser jiskadu matul dawn il-perijodi. Fl-istess ħin, it-tariffa ta’ kull xahar ġiet miżjuda, inizjalment, għal EUR 5 000 u, sussegwentement, għal EUR 7 500.
13. Permezz ta’ miżuri leġiżlattivi ulterjuri, il-leġiżlatur Taljan, l-ewwel, estenda iktar l-iskema ta’ “estensjoni teknika” sal‑2023, it-tieni ssospenda l-ħlas tat-tariffa matul il-perijodu ta’ għeluq tal-impriżi kummerċjali minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 fl‑2020, billi ddifferixxa l-ammonti dovuti, u, fl-aħħar, stabbilixxa għall‑31 ta’ Marzu 2023 id-data ta’ skadenza għall-ħruġ ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida. Sal-lum, ma tnediet ebda tali stedina għal sejħa għal offerti.
III. Il‑fatti, il-proċedura u d‑domandi preliminari
14. Ir-rikorrenti fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22 huma żewġ assoċjazzjonijiet professjonali ta’ impriżi li jiġġestixxu attivitajiet ta’ logħob tat-tombola – jiġifieri Associazione Nazionale Italiana Bingo (iktar ’il quddiem l-“Anib”) u Associazione Concessionari Bingo (iktar ’il quddiem l-“Ascob”) – kif ukoll impriżi oħra fl-istess settur ta’ attività li jaġixxu individwalment. Ir-rikorrenti fil-Kawża C‑730/22 hija wkoll impriża li topera f’dan is-settur.
15. Dawn l-impriżi kollha huma detenturi ta’ konċessjonijiet li skadew u li għalhekk huma suġġetti għall-iskema ta’ “estensjoni teknika” stabbilita mil-leġiżlatur Taljan. Huma jsostnu li huma ltaqgħu ma’ diffikultajiet finanzjarji serji ħafna, kemm fir-rigward tal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll minħabba l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali deskritta iktar ’il fuq, li, b’mod partikolari, fissret li l-konċessjonijiet huma suġġetti għall-ħlas obbligatorju ta’ tariffa fissa ta’ kull xahar.
16. Ir-rikorrenti fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22 ressqu quddiem l-ADM talba għas-sospensjoni immedjata tat-tariffa sakemm jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet inizjali ta’ bilanċ ekonomiku u finanzjarju wara l-pandemija. Huma talbu wkoll li l-aġenzija tikkalibra mill-ġdid, fi kwalunkwe każ, it-tariffi dovuti skont il-kapaċità kontributtiva reali ta’ kull operatur. Għal dan l-għan, ir-rikorrenti sostnew li l-iskema ta’ “estensjoni teknika” kienet tikser diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.
17. Permezz ta’ nota tad‑9 ta’ Lulju 2020 u tat‑18 ta’ Novembru 2020, li huma rispettivament id-deċiżjonijiet ikkontestati fil-fil-Kawżi prinċipali C‑729/22 u C‑728/22, l-ADM ċaħdet it-talba tar-rikorrenti, minħabba li hija ma setgħetx tbiddel, permezz ta’ miżura amministrattiva, l-effetti ta’ regola adottata mil-leġiżlatur Taljan.
18. Dawn ir-rikorrenti sussegwentement ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ADM quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) (iktar ’il quddiem it-“TAR Lazio”). Kien ukoll quddiem dik il-qorti li r-rikorrenti fil-Kawża C‑730/22 kienet preċedentement ikkontestat l-ordni adottata minn din l-aġenzija sabiex timplimenta l-leġiżlazzjoni nazzjonali li, fl‑2017, stabbiliet mill-ġdid għal EUR 7 500 is-somom ta’ kull xahar dovuti mill-konċessjonarji bħala kundizzjoni sabiex ikomplu joperaw taħt l-iskema ta’ “estensjoni teknika” (11). Madankollu, it-TAR Lazio ċaħdet it-tliet rikorsi, billi bbażat ruħha fuq sentenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), li kienet iddikjarat li d-dubji dwar il-kostituzzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma kinux fondati (12).
19. Sussegwentement, ir-rikorrenti kollha appellaw quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), li huwa l-qorti tar-rinviju f’dawn il-kawżi. Quddiem dik il-qorti, huma allegaw li d-dispożizzjonijiet legali implimentati mill-ADM fid-deċiżjoni kkontestata huma illegali abbażi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll abbażi tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali.
20. Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu, minn naħa, li l-fatt li l-ammont tat-tariffa applikabbli fil-kuntest tal-iskema ta’ “estensjoni teknika” huwa ddeterminat mil-leġiżlatur Taljan ma jistax jiġġustifika li l-ADM tiġi mċaħħda mis-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex taġġusta mill-ġdid il-bilanċ ekonomiku tal-konċessjonijiet, speċjalment meta ċirkustanzi imprevedibbli jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-operat tas-servizz ikkonċernat. F’dan ir-rigward, huma jirrilevaw li, anki jekk, b’definizzjoni, il-konċessjonijiet jimplikaw it-trasferiment tar-riskju operattiv lil konċessjonarju, dan ma jeskludix il-possibbiltà, fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, li jiġu mmodifikati t-termini ta’ din il-konċessjoni.
21. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jargumentaw li l-iskema ta’ “estensjoni teknika” inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ntużat b’mod abbużiv bħala strument tranżizzjonali u eċċezzjonali, u li din irriżultat f’modifiki eċċessivi għall-konċessjonijiet eżistenti b’mod li jmur lil hinn mil-limiti awtorizzati mid-Direttiva 2014/23. Fil-fehma tar-rikorrenti, hija biddlet ukoll il-bilanċ ekonomiku ta’ dawn il-konċessjonijiet, peress illi ma għandhiex l-istess impatt fuq l-operaturi kollha u tinkludi restrizzjonijiet addizzjonali bħall-projbizzjoni ta’ trasferiment tal-bini tal-attivitajiet tal-konċessjonarji bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti futura.
22. Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jirrileva li r-rikorrenti pproduċew provi li juru li l-kundizzjonijiet għall-operazzjoni tal-konċessjonijiet – b’mod partikolari s-sostenibbiltà tal-ispejjeż operattivi – ġew serjament kompromessi wara l-pandemija tal-COVID‑19. Madankollu, dik il-qorti għandha dubji dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/23 għall-konċessjonijiet ikkonċernati minn dawn il-kawżi, peress li dawn inizjalment ingħataw permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika fl‑2000.
23. Fil-każ li d-Direttiva 2014/23 tkun applikabbli, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk din ir-regola tipprekludix interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li jkollha bħala konsegwenza l-impossibbiltà għal aġenzija amministrattiva bħalma hija l-ADM timmodifika l-kundizzjonijiet ta’ operazzjoni tal-konċessjoni fil-każ ta’ avvenimenti mhux previsti. B’mod partikolari, dik il-qorti tirreferi għal avvenimenti li ma jistgħux jiġu imputati lill-konċessjonarji u li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kundizzjonijiet normali ta’ riskju operattiv.
24. Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) għandu wkoll dubji dwar jekk id-Direttiva 2014/23 tippermettix lid-dritt nazzjonali jipprevedi skema, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, applikabbli għall-konċessjonijiet li jkunu skadew sakemm tiġi organizzata proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-obbligu li titħallas it-tariffa ta’ kull xahar imposta minn din l-iskema, li ma kinitx prevista fl-għoti inizjali tal-konċessjonijiet u li l-ammont tagħha żdied b’mod sinjifikattiv matul iż-żmien. Hija tenfasizza wkoll li din it-tariffa hija kkalkolata b’mod astratt, mingħajr evalwazzjoni konkreta tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-konċessjonijiet individwali, u b’hekk tissogra li toħloq distorsjoni fil-bilanċ globali tal-konċessjoni.
25. Fil-każ li d-Direttiva 2014/23 ma tkunx applikabbli għall-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) għandu dubju dwar jekk l-iskema ta’ “estensjoni teknika” tistax titqies li hija kompatibbli mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 TUE, fl-Artikoli 8, 12, 49, 56, 63, 145 u 151 TFUE, kif ukoll fl-Artikoli 15, 16, 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Huwa jirreferi wkoll għall-prinċipji ta’ libertà tal-istabbiliment, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, b’mod partikolari, għall-interpretazzjoni ta’ dawn il-prinċipji mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Settembru 2021, Sisal et (C‑721/19 u C‑722/19, EU:C:2021:672). Skont il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), l-iskema ta’ “estensjoni teknika” tqajjem dubji dwar in-neċessità tagħha, in-natura xierqa tagħha, il-proporzjonalità tagħha u l-utilità tagħha meta mqabbla mal-għan li hija effettivament issegwi, skont il-leġiżlatur Taljan – jiġifieri l-allinjament ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida għall-konċessjonijiet kollha li jkunu ser jiskadu.
26. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri fit-tliet kawżi quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari sussegwenti:
– Fir-rigward tal-Kawżi C‑728/21 u C‑729/22:
“(1) Id-[Direttiva 2014/23] kif ukoll il-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mit-Trattat, u b’mod partikolari l-Artikoli 15, 16, 20 u 21 tal-[Karta], l-Artikolu 3 [TUE] u l-Artikoli 8, 49, 56, 12, 145 u 151 [TFUE] [(13)] għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw fil-konfront ta’ konċessjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ logħob tal-Bingo li jkunu ngħataw bi proċedura ta’ għażla fl‑2000, li skadew u li sussegwentement ġew ripetutament estiżi fl-effettività tagħhom permezz ta’ dispożizzjonijiet legali li daħlu fis-seħħ wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u wara li kien skada l-perijodu għat-traspożizzjoni tagħha?
(2) Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, id-[Direttiva 2014/23] tipprekludi interpretazzjoni jew applikazzjoni ta’ regoli legali interni, jew prattiki ta’ implimentazzjoni abbażi ta’ dawk ir-regoli, b’mod li ċċaħħad lill-amministrazzjoni mis-setgħa diskrezzjonali li tagħti bidu, fuq talba tal-partijiet ikkonċernati, għal proċedura amministrattiva intiża biex tibdel il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-konċessjonijiet, permezz jew mingħajr proċedura ta’ għoti ġdida skont jekk in-negozzjar mill-ġdid tal-bilanċ kuntrattwali jikkwalifikax jew le bħala bidla sostanzjali, fil-każijiet fejn iseħħu avvenimenti mhux imputabbli għall-partijiet, li ma jkunux previsti u lanqas prevedibbli, li jkollhom impatt sinjifikattiv fuq il-kundizzjonijiet normali ta’ riskju operattiv, sakemm jibqgħu jeżistu tali kundizzjonijiet u għaż-żmien neċessarju biex eventwalment jerġgħu jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju oriġinali tal-konċessjonijiet?
(3) Id-[Direttiva 89/665] kif emendata bid-[Direttiva 2014/23], tipprekludi interpretazzjoni jew applikazzjoni ta’ regoli legali interni, jew prattiki ta’ implimentazzjoni abbażi ta’ dawk ir-regoli, b’mod li l-leġiżlatur jew l-amministrazzjoni pubblika jkunu jistgħu jissuġġettaw il-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti mill-ġdid tal-konċessjonijiet tal-logħob għall-kundizzjoni tas-sħubija mill-konċessjonarju mas-sistema ta’ estensjoni teknika, anki fil-każ fejn tkun eskluża l-possibbiltà ta’ negozzjar mill-ġdid tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-konċessjoni bil-għan li jiġu bbilanċjati mill-ġdid, bħala konsegwenza ta’ avvenimenti mhux imputabbli għall-partijiet, li ma jkunux previsti u lanqas prevedibbli, li jkollhom impatt sinjifikattiv fuq il-kundizzjonijiet normali ta’ riskju operattiv, sakemm jibqgħu jeżistu tali kundizzjonijiet u għaż-żmien neċessarju biex eventwalment jerġgħu jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju oriġinali tal-konċessjonijiet?
(4) Fi kwalunkwe każ, l-Artikoli 49 u 56 TFUE u l-prinċipji ta’ ċertezza u ta’ effettività tal-protezzjoni legali, kif ukoll il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu interpretazzjoni jew applikazzjoni ta’ regoli legali interni, jew prattiki ta’ implimentazzjoni abbażi ta’ dawk ir-regoli, li jċaħħdu lill-amministrazzjoni mis-setgħa diskrezzjonali li tagħti bidu, fuq talba tal-partijiet ikkonċernti, għal proċedura amministrattiva intiża biex tibdel il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-konċessjonijiet, permezz jew mingħajr proċedura ta’ għoti ġdida skont jekk in-negozzjar mill-ġdid tal-bilanċ kuntrattwali jikkwalifikax jew le bħala bidla sostanzjali, fil-każijiet fejn iseħħu avvenimenti mhux imputabbli għall-partijiet, li ma jkunux previsti u lanqas prevedibbli, li jkollhom impatt sinjifikattiv fuq il-kundizzjonijiet normali ta’ riskju operattiv, sakemm jibqgħu jeżistu tali kundizzjonijiet u għaż-żmien neċessarju biex eventwalment jerġgħu jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju oriġinali tal-konċessjonijiet?
(5) L-Artikoli 49 u 56 TFUE u l-prinċipji ta’ ċertezza u ta’ effettività tal-protezzjoni legali, kif ukoll il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu interpretazzjoni jew applikazzjoni ta’ regoli legali interni, jew prattiki ta’ implimentazzjoni abbażi ta’ dawk ir-regoli, b’mod li l-leġiżlatur jew l-amministrazzjoni pubblika jkunu jistgħu jissuġġettaw il-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti mill-ġdid tal-konċessjonijiet tal-logħob għall-kundizzjoni tas-sħubija mill-konċessjonarju mas-sistema ta’ estensjoni teknika, anki fil-każ fejn tkun eskluża l-possibbiltà ta’ negozzjar mill-ġdid tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-konċessjoni bil-għan li jiġu bbilanċjati mill-ġdid, bħala konsegwenza ta’ avvenimenti mhux imputabbli għall-partijiet, li ma jkunux previsti u lanqas prevedibbli, li jkollhom impatt sinjifikattiv fuq il-kundizzjonijiet normali ta’ riskju operattiv, sakemm jibqgħu jeżistu tali kundizzjonijiet u għaż-żmien neċessarju biex eventwalment jerġgħu jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju oriġinali tal-konċessjonijiet?
(6) B’mod iktar ġenerali, l-Artikoli 49 u 56 TFUE u l-prinċipji ta’ ċertezza u ta’ effettività tal-protezzjoni legali, kif ukoll il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi mingħand l-amministraturi tas-swali tal-Bingo l-ħlas ta’ miżata oneruża kull xahar għall-estensjoni teknika mhux prevista mill-atti ta’ konċessjoni oriġinali, ta’ ammont identiku għat-tipi kollha ta’ operatur u emendata minn żmien għal żmien mil-leġiżlatur mingħajr ebda relazzjoni pprovata mal-karatteristiki u mal-andament tar-relazzjoni konċessjonarja individwali?
– Barra minn hekk, fir-rigward tal-Kawża C‑730/22 waħedha:
“Id-[Direttiva 2014/23] sa fejn hija applikabbli u, fi kwalunkwe każ, il-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mill-Artikoli 26, 49, 56 u 63 TFUE, kif interpretati u applikati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, tal-obbligu ta’ proporzjonalità u tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-moviment liberu tas-servizzi u tal-kapital, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li permezz tagħhom il-leġiżlatur nazzjonali jew l-amministrazzjoni pubblika jistgħu, matul l-hekk imsejħa ‘estensjoni teknika’ mġedda kemm-il darba matul l-aħħar għaxar snin fis-settur tal-konċessjonijiet tal-logħob, jaffettwaw b’mod unilaterali r-relazzjonijiet fis-seħħ, billi jintroduċu l-obbligu ta’ ħlas ta’ miżati tal-konċessjoni, li oriġinarjament ma kinux dovuti, u billi jżidu b’mod suċċessiv u kemm-il darba l-istess miżati, dejjem stabbiliti b’mod fiss għall-konċessjonarji kollha mingħajr distinzjoni skont id-dħul mill-bejgħ, u billi jimponu wkoll limitazzjonijiet ulterjuri fuq l-attivitajiet tal-konċessjonarji, bħall-projbizzjoni ta’ trasferiment tal-ħwienet u billi jissuġġettaw il-parteċipazzjoni fil-proċedura futura għall-għoti mill-ġdid tal-konċessjonijiet għall-isħubija tal-operaturi mal-istess estensjoni?”
27. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ġew iddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Novembru 2022. Fil‑31 ta’ Jannar 2023, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad il-kawżi għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u ta’ dik orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza, minħabba l-konnessjoni bejniethom. Il-Gvern Taljan, il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet fil-kawżi prinċipali ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis‑16 ta’ Ottubru 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet talba għal kjarifiki lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) wieġeb għal din it-talba permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Novembru 2023. Inżammet seduta fl‑24 ta’ April 2024.
IV. Evalwazzjoni
28. Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti elementi li jirriżultaw mill-iskema msejħa “estensjoni teknika”, applikabbli fl-Italja għall-konċessjonijiet li jkunu skadew mogħtija mill-Istat għall-attivitajiet tal-logħob tat-tombla.
29. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2014/23 — jew, sussidjarjament, ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat UE, tat-Trattat FUE u tal-Karta — japplikawx għal konċessjonijiet li kienu mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva u li, ladarba jkunu skadew, ġew estiżi repetutament permezz ta’ leġiżlazzjoni wara dan id-dħul fis-seħħ (l-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22).
30. Fil-każ li d-Direttiva 2014/23 titqies li hija applikabbli, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-direttiva tipprekludix interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (14) li din iċċaħħad lill-amministrazzjoni ta’ Stat Membru mill-possibbiltà li temenda, fuq talba tal-operaturi kkonċernati, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ konċessjoni. Din tirreferi, b’mod partikolari, għall-każijiet li fihom iseħħu avvenimenti imprevisti mhux imputabbli lill-partijiet u li jkollhom effett sinjifikattiv fuq il-kundizzjonijiet normali tar-riskju operattiv (it-tieni domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22).
31. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 89/665 tipprekludix li d-dritt ta’ parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti mill-ġdid ta’ konċessjonijiet ikun suġġett għall-adeżjoni tal-konċessjonarji fl-iskema ta’ “estensjoni teknika”, b’mod partikolari meta dawn il-konċessjonarji ma jkunux f’pożizzjoni li jinnegozjaw mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta’ operazzjoni tal-konċessjoni wara avvenimenti mhux previsti (it-tielet domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22).
32. Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-impożizzjoni unilaterali tal-ħlas ta’ ta’ tariffa ta’ kull xahar fil-kuntest tal-iskema ta’ “estensjoni teknika” hijiex konformi mad-Direttiva 2014/23. Hija tagħmel din id-domanda fid-dawl tal-fatt (i) li din it-tariffa ma kinitx prevista fl-għoti oriġinali, (ii) li l-ammont tagħha huwa ffissat f’termini identiċi għall-operaturi kollha tas-settur, indipendentement mill-kapaċità finanzjarja tagħhom, (iii) li t-tariffa żdiedet repetutament wara l-ewwel impożizzjoni tagħha u (iv) li l-ħlas tagħha jikkostitwixxi kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti mill-ġdid ta’ konċessjoni (l-ewwel parti tad-domanda preliminari unika fil-Kawża C‑730/22).
33. Fil-każ li d-Direttiva 2014/23 ma titqiesx applikabbli, il-qorti tar-rinviju tagħmel l-istess domandi esposti fil-punti 30 sa 32 iktar ’il fuq fir-rigward tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, minn naħa, u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ effettività tal-protezzjoni legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, min-naħa l-oħra (ir-raba’, il-ħames u s-sitt domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22, kif ukoll it-tieni parti tad-domanda preliminari unika fil-Kawża C‑730/22).
34. Qabel kollox, ser neżamina l-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22, peress li r-risposta għal din id-domanda tiddetermina r-regola tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Wara, fil-każ li d-Direttiva 2014/23 tkun applikabbli għalihom, ser neżamina l-ewwel parti tad-domanda preliminari unika fil-Kawża C‑730/22, peress li risposta fl-affermattiv għal din id-domanda tista’ teskludi n-neċessità għall-Qorti tal-Ġustizzja li tkompli bl-eżami ulterjuri ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Sussegwentement ser nanalizza t-tieni u t-tielet domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22 qabel ma nindirizza, fl-aħħar, ir-raba’, il-ħames u s-sitt domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22, kif ukoll it-tieni parti tad-domanda preliminari unika fil-Kawża C‑730/22.
A. Fuq l‑ewwel domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/10 u C‑729/22
35. L-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22 tirrikjedi eżami tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk konċessjonijiet mogħtija qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva jistgħux xorta waħda jkunu suġġetti għaliha. Alternattivament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk “il-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mit-Trattat, u b’mod partikolari l-Artikoli 15, 16, 20 u 21 tal-[Karta], l-Artikolu 3 [TEU] u l-Artikoli 8, 49, 56, 12, 145 u 151 [TFUE]” ikunux applikabbli għat-tilwim fil-kawżi prinċipali.
36. Preliminarjament, nosserva li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa, fil-fehma tiegħi, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat UE, tat-Trattat FUE u tal-Karta ċċitati mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑728/22. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 3 TUE, tal-Artikoli 8, 12, 145 u 151 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 15, 16, 20 u 21 tal-Karta. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda spjegazzjoni konkreta dwar ir-rilevanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għall-kawża inkwistjoni u lanqas għall-prinċipji ġenerali li, skont dik il-qorti, “jirriżultaw” minnhom (15). F’dawn iċ-ċirkustanzi, u skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (16), nipproponi li l-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑728/22 tiġi ddikjarata inammissibbli f’dak li jirrigwarda dawn id-dispożizzjonijiet jew dawn il-prinċipji ġenerali.
37. Barra minn hekk, fit-tweġiba għat-talba għal kjarifiki magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li hija ma għandhiex dubju dwar jekk il-konċessjonijiet inkwistjoni, l-ewwel, jikkostitwixxux konċessjonijiet ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2014/23 u, it-tieni, jissodisfawx il-limitu kwantitattiv previst fl-Artikolu 8 ta’ din l-istess direttiva.
38. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-elementi, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għad-dubju espress mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, it-tilwim fil-kawżi prinċipali ma jikkonċernax atti li jagħtu awtorizzazzjoni jew liċenzja amministrattiva għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika. Dan it-tilwim jikkonċerna fir-realtà konċessjonijiet li permezz tagħhom l-ADM, bħala l-awtorità kontraenti, ittrasferiet lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali d-dritt li joperaw servizz għall-benefiċċju tal-utenti finali. Skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim konkluż bejn l-ADM u l-konċessjonarji, l-Istat jirċievi profitt, jiġifieri t-taxxa fiskali imposta fuq id-dħul li l-konċessjonarji jagħmlu mill-bejgħ tal-karti tal-logħob. Fl-istess ħin, il-konċessjonarji jirċievu wkoll remunerazzjoni, li tikkorrispondi essenzjalment għall-bejgħ tal-joġi tat-tombla, bit-tnaqqis tat-taxxa fiskali imposta fuqhom u tar-rebħ tal-ġugatur.
39. Barra minn hekk, il-fatt li l-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ġew mmodifikati permezz ta’ leġiżlazzjoni ma jbiddilx in-natura ta’ konċessjoni tagħhom u lanqas ma jittrasforma dawn il-konċessjonijiet f’sempliċi provvista ta’ servizzi suġġetta għal regolamentazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt nazzjonali li jistabbilixxi l-iskema ta’ “estensjoni teknika” jobbliga lill-ADM tadotta d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tadatta dawn il-konċessjonijiet għall-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlatur Taljan (17).
40. Fid-dawl tad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2014/23 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (18), kont inneħħi kull dubju dwar il-klassifikazzjoni tal-konċessjonijiet inkwistjoni bħala “konċessjonijiet ta’ servizzi”, li għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva skont l-Artikolu 1(2)(b) tagħha
41. Fir-rigward tal-limitu kwantitattiv li l-valur ta’ konċessjoni għandu jilħaq sabiex id-Direttiva 2014/23 tkun applikabbli, il-qorti tar-rinviju tikkonstata wkoll li hija ma għandha ebda dubju dwar l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit mill-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.
42. B’mod partikolari, nirrileva li, skont il-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tistabbilixxi l-fatti tal-kawżi prinċipali, id-dħul tal-konċessjonarji matul il-perijodu ta’ sitt snin tal-konċessjoni kien jammonta, bħala medja, għal iktar minn EUR 8 000 000. Minn dawn il-preċiżazzjonijiet jirriżulta wkoll li dan id-dħul kien jaqbeż “fil-każijiet kollha” EUR 5 382 000. Dawn iċ-ċifri, li huma ogħla mil-limitu meħtieġ mill-verżjoni tad-Direttiva applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti, jiġifieri EUR 5 225 000 (19), ġew ikkonfermati wkoll mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
43. Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(b) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/23 jistgħu jitqiesu li huma ssodisfatti, inqis li dawn il-kawżi ma jeħtiġux li tingħata gwida addizzjonali dwar l-applikabbiltà ratione materiae tad-Direttiva 2014/23, kwistjoni li baqgħet dubjuża għall-Kummissjoni, pereżempju.
44. Minflok, il-qorti tar-rinviju għandha tkun iggwidata dwar jekk din id-direttiva tapplikax ratione temporis għall-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-uniku element rilevanti mqajjem minn dik il-qorti fid-dawl tal-formulazzjoni stretta tal-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22 u tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-rinviju.
45. F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għal kuntratt ta’ konċessjoni hija, bħala prinċipju, dik fis-seħħ fil-mument li fih l-entità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita u tiddeċiedi jekk huwiex neċessarju li ssir minn qabel sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Għall-kuntrarju, direttiva ma tkunx applikabbli jekk il-perijodu mogħti għat-traspożizzjoni tagħha jkun skada wara dak iż-żmien (20).
46. F’dawn il-kawżi, it-terminu preskritt għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/23 kien stabbilit għat‑18 ta’ April 2016, li jimplika li, sa fejn il-konċessjonijiet inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju ngħataw matul is-sena 2000, din id-direttiva ma hijiex, bħala prinċipju, applikabbli għalihom.
47. Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2014/23 jippreċiża wkoll li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma għandhomx japplikaw għall-għoti ta’ konċessjonijiet li kienu s-suġġett ta’ sejħa għal offerti jew mogħtija qabel is‑17 ta’ April 2014, jiġifieri d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva. Minn dan isegwi li l-għoti inizjali tal-konċessjonijiet inkwistjoni ikun jaqa’, fi kwalunkwe każ, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23.
48. Madankollu, kif tinnota b’mod korrett il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fil-każ ta’ emenda sostanzjali tal-kundizzjonijiet applikabbli għal konċessjoni, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li fid-dawl tagħha din l-emenda għandha tiġi evalwata hija dik fis-seħħ fid-data li fiha din ġiet adottata. Għaldaqstant, il-fatt li l-kuntratt ta’ konċessjoni oriġinali ġie konkluż qabel l-adozzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam ma għandu l-ebda konsegwenza f’dan ir-rigward (21).
49. Kif ġie indikat fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tilwima fuq livell nazzjonali tikkonċerna żewġ noti adottati mill-ADM, rispettivament, fid‑9 ta’ Lulju 2020 (Kawża C‑729/22) u fit‑18 ta’ Novembru 2020 (Kawża C‑728/22). Dawn in-noti huma bbażati fuq il-leġiżlazzjoni Taljana adottata f’Diċembru 2017, li mmodifikat għat-tieni darba l-iskema ta’ “estensjoni teknika” inizjalment stabbilita fl‑2013 wara li din ġiet emendata għall-ewwel darba fl‑2015 (22). Konsegwentement, jekk l-iskema ta’ “estensjoni teknika”, kif immodifikata sussegwentement, kellha tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-konċessjonijiet inizjali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, id-Direttiva 2014/23 għandha tiġi kkunsidrata bħala applikabbli għat-tilwim fil-kawżi prinċipali.
50. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tikkostitwixxi emenda sostanzjali tal-konċessjonijiet mogħtija inizjalment meta, pereżempju, it-tul tal-konċessjoni jiġi estiż unilateralment b’mod li ma kienx previst fl-għoti inizjali. Dan huwa wkoll il-każ meta din il-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi kundizzjonijiet ġodda li għandhom jiġu ssodisfatti għall-eżerċizzju tal-konċessjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-korrispettiv li l-konċessjonarji għandhom iħallsu għall-operat tas-servizz ikkonċernat.
51. Fir-rigward ta’ dawn il-kawżi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni Taljana adottata fl‑2013, kif emendata sussegwentement fl‑2015 u fl‑2017, kinitx tikkostitwixxi emenda sostanzjali fir-rigward tat-termini tal-konċessjonijiet mogħtija fl‑2000. Madankollu, fid-dawl tal-informazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, jidhirli li huwa evidenti li, billi stabbilixxiet u żammet l-iskema ta’ “estensjoni teknika”, din il-leġiżlazzjoni biddlet il-kundizzjonijiet rilevanti tal-operazzjoni tal-konċessjonijiet tal-logħob tat-tombla, b’mod partikolari jekk dawn jiġu mqabbla mal-kundizzjonijiet miftehma meta dawn ingħataw inizjalment:
– l-ewwel nett, l-iskema ta’ “estensjoni teknika” estendiet il-konċessjonijiet li kienu diġà skadew, u b’hekk estendiet it-tul inizjalment miftiehem għalihom. Fid-dawl tal-modifika introdotta fl‑2015 mil-leġiżlatur Taljan (23), li sussegwentement inżammet fl‑2017, dan wassal għall-estensjoni għal disa’ snin tal-konċessjonijiet eżistenti taħt din l-iskema, jiġifieri darba u nofs it-tul inizjali tagħhom;
– it-tieni nett, l-iskema ta’ “estensjoni teknika” kienet timponi l-ħlas ta’ tariffa ta’ kull xahar bħala korrispettiv għall-operazzjoni tal-konċessjonijiet, li ma kinitx prevista fil-proċedura ta’ għoti inizjali. Dan biddel il-mod li bih l-Istat kien jirċievi l-profitti tiegħu għall-operazzjoni tas-servizzi mill-konċessjonarji, li, sa dak il-mument, kien jimplika l-ġbir ta’ taxxa fiskali imposta fuq id-dħul mill-bejgħ miksub mill-karti tal-logħob (24); u
– it-tielet nett, l-iskema ta’ “estensjoni teknika” rendiet il-parteċipazzjoni f’din l-iskema u l-ħlas tat-tariffa ta’ kull xahar obbligatorji għall-konċessjonarji li kienu jixtiequ jipparteċipaw fi proċedura ta’ sejħa għal offerti futura, li barra minn hekk kienet tikkostitwixxi kundizzjoni ġdida meta mqabbla mal-kundizzjonijiet meħtieġa mill-għoti inizjali (25).
52. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li bla ħsara għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, din id-direttiva għandha titqies li hija applikabbli għall-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, sa fejn il-kundizzjonijiet tal-għoti inizjali ġew sostanzjalment emendati bl-adozzjoni tal-iskema ta’ “estensjoni teknika” u l-modifiki ulterjuri tagħha.
53. Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22 billi tiddikjara li d-Direttiva 2014/23 hija applikabbli għall-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.
54. Barra minn hekk, huwa importanti li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, miżura nazzjonali li tkun taqa’ taħt qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni kompleta fil-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux ta’ dawk tat-Trattat (26). Dan jimplika li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha taqbel mal-analiżi esposta fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ikollu l-konsegwenza li l-Artikoli 49 u 56 TFUE, li huma ċċitati mill-qorti tar-rinviju fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22, ma jkunux rilevanti għat-tilwim f’dawn il-kawżi. Dan ikollu wkoll il-konsegwenza li r-raba’, il-ħames u s-sitt domanda preliminari f’dawn l-istess kawżi kif ukoll it-tieni parti tad-domanda preliminari unika fil-Kawża C‑730/22 lanqas ma jkunu jeħtieġu risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja.
B. Fuq l‑ewwel parti tad‑domanda preliminari unika fil-Kawża C‑730/22
55. Wara li ġiet stabbilita l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/23 għall-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, issa għandha tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari unika fil-Kawża C‑730/22, li hija magħmula prinċipalment b’riferiment għal din id-direttiva (27). Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-obbligu li titħallas it-tariffa ta’ kull xahar stabbilita fil-kuntest tal-iskema ta’ “estensjoni teknika” huwiex kompatibbli ma’ din id-direttiva, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ispeċifiċitajiet ta’ din it-tariffa msemmija fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
56. Preliminarjament, nirrileva li, fl-ewwel parti ta’ din id-domanda unika, il-qorti tar-rinviju ma tiċċita ebda dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 2014/23 bħala bażi possibbli għall-inkompatibbiltà tal-ħlas tat-tariffa ta’ kull xahar imposta. Madankollu, mill-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li dik il-qorti tirreferi, essenzjalment, għall-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva.
57. Taħt it-titolu “Modifika ta’ kuntratti matul it-terminu tagħhom”, l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23 jirregola l-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw l-emendi introdotti f’konċessjoni ta’ servizz waqt l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. Din id-dispożizzjoni titlaq mill-ipoteżi li l-kuntratti ta’ konċessjoni ġeneralment jinvolvu arranġamenti finanzjarji fit-tul u kumplessi, li spiss ikunu suġġetti għal bidliet fiċ-ċirkustanzi (28). Għal din ir-raġuni, din għandha l-għan li tiċċara l-kundizzjonijiet li fihom il-modifika ta’ konċessjoni ta’ servizz teħtieġ – jew ma teħtieġx – proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni (29).
58. B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 43(1)(e) tad-Direttiva 2014/23 jipprovdi li l-konċessjonijiet jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti ta’ konċessjoni meta l-modifika, irrispettivament mill-valur tagħha, ma tkunx sostanzjali fis-sens tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu. Min-naħa tagħha, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 43(4) tad-Direttiva 2014/23 tistipula, bħala kriterju ġenerali, li modifika ta’ konċessjoni fis-seħħ għandha titqies li hija sostanzjali meta din tirrendi l-konċessjoni materjalment differenti fir-rigward tan-natura tagħha minn dik inizjalment konkluża. Skont is-subparagrafu (a) ta’ din l-istess dispożizzjoni, dan huwa l-każ, fi kwalunkwe każ, meta l-modifika tintroduċi kundizzjonijiet li, li kieku kienu jinsabu fil-proċedura inizjali ta’ għoti ta’ konċessjoni, kienu jippermettu l-ammissjoni ta’ applikanti differenti minn dawk inizjalment magħżula. Fl-aħħar, għandu jitfakkar li, fil-każ li modifika ta’ konċessjoni titqies li hija sostanzjali, l-Artikolu 43(5) tad-Direttiva 2014/23 jipprovdi li għandha tiġi organizzata proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida.
59. F’dawn il-każijiet, diġà indikajt, fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22, li l-iskema ta’ “estensjoni teknika” kienet tinvolvi diversi bidliet fil-kundizzjonijiet rilevanti għall-operazzjoni tal-konċessjonijiet tal-logħob tat-tombla (30). Dawn il-bidliet kienu jikkonċernaw uħud mill-elementi essenzjali ta’ dawn il-konċessjonijiet, jiġifieri, l-ewwel, it-tul tagħhom, meta mqabbel ma’ dak inizjalment iffissat għalihom, u, t-tieni, il-mod kif il-konċessjonarji kellhom jikkumpensaw lill-awtorità kontraenti għall-operazzjoni tas-servizzi kkonċernati.
60. Nixtieq ninnota li l-uniku element tal-iskema ta’ “estensjoni teknika” li din id-domanda tikkonċerna, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, huwa l-obbligu li titħallas tariffa ta’ kull xahar li tirriżulta minn din l-iskema, u mhux il-fatt li l-konċessjonijiet kienu wkoll estiżi minnha b’mod sinjifikattiv. Din hija r-raġuni għalfejn, għalkemm din l-estensjoni tista’ tiġġustifika konklużjoni li kien hemm modifika sostanzjali tal-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, skont it-tifsira tal-Artikolu 43(4) tad-Direttiva 2014/23 (31), dan l-element tal-iskema ta’ estensjoni teknika jista’, fil-fehma tiegħi, jiġi eskluż mill-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja.
61. Fir-rigward tal-obbligu li titħallas tariffa ta’ kull xahar, dan bl-ebda mod ma kien previst fl-għoti inizjali tal-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Probabbilment, dan ġie stabbilit sabiex jiġi żgurat li l-estensjoni tal-konċessjonijiet fil-kuntest tal-iskema ta’ “estensjoni teknika”, kienet parallela mal-korrispettiv għall-operat estiż tas-servizzi kkonċernati. Madankollu, l-adozzjoni tal-iskema ta’ “estensjoni teknika” biddlet il-mod kif dan il-korrispettiv kellu jiġi pprovdut, peress li, sa dak il-mument, dan kien jikkonsisti essenzjalment fil-ġbir mill-Istat ta’ “taxxa fiskali”, imposta fuq id-dħul miksub mill-konċessjonarji mill-bejgħ tal-karti tal-logħob.
62. F’dan ir-rigward, jibqa’ l-fatt li l-ġbir tat-taxxa fiskali, kif previst fl-għoti inizjali tal-konċessjonijiet, kien ibbażat fuq ħlas indirett mill-utenti finali tal-attivitajiet ta’ logħob tat-tombla. Dan kellu wkoll il-konsegwenza li l-korrispettiv li kellu jitħallas mill-konċessjonarji għall-operazzjoni tas-servizzi tagħhom kien adattat skont id-dħul reali tagħhom.
63. Għall-kuntrarju, il-ħlas tat-tariffa stabbilita mill-iskema ta’ “estensjoni teknika” mmodifika, unilateralment, ir-ratio legis ta’ dan il-korrispettiv, peress li, minn naħa, dan impona l-mekkaniżmu ta’ kumpens direttament fuq il-konċessjonarji u, min-naħa l-oħra, dan wassal sabiex dan ikun b’rata fissa, fatt li jimplika li dawn il-konċessjonarji kollha kienu obbligati jħallsu l-istess ammont, indipendentement mill-kapaċità finanzjarja tagħhom jew mit-tul tal-konċessjoni inizjali. Fl-istess ħin, il-fatt li t-tariffa ta’ kull xahar żdiedet repetutament wara kull modifika tal-iskema ta’ “estensjoni teknika” – fejn fl‑2017 din laħqet tliet darbiet il-valur ta’ din it-tariffa meta mqabbla mal-ewwel impożizzjoni tagħha – żied il-pressjoni finanzjarja fuq il-konċessjonarji bi dħul iktar baxx. Min-naħa tiegħu, l-Istat jista’ jkun ċert, taħt il-prinċipju ta’ konċessjonijiet bi ħlas ta’ tariffa, li jirċievi ammont sigur ta’ profitti għall-operazzjoni tas-servizzi kkonċernati, li ma jirriflettix in-natura varjabbli tal-korrispettiv għall-konċessjonijiet hekk kif inizjalment ikkonfigurati.
64. Minn dan isegwi li, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, l-obbligu li titħallas it-tariffa ta’ kull xahar fil-kuntest tal-iskema ta’ “estensjoni teknika” immodifika l-parametri ekonomiċi bażiċi tal-konċessjonijiet, kif kienu ġew iddefiniti fil-mument tal-għoti inizjali tagħhom. Minn din il-perspettiva, fil-fehma tiegħi, dawn ir-rikorrenti ġustament isostnu li, wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ “estensjoni teknika” u l-modifiki tagħha, dawn il-konċessjonijiet saru materjalment differenti fin-natura tagħhom minn dawk inizjalment konklużi. Ma jistax ukoll jiġi eskluż li, kieku dawn il-kundizzjonijiet kienu jifformaw parti mill-proċedura inizjali ta’ għoti ta’ konċessjoni, dan kien jippermetti l-ammissjoni ta’ applikanti differenti minn dawk inizjalment magħżula (32).
65. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-kriterji ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 43(4) tad-Direttiva 2014/23 u fis-subparagrafu (a) ta’ din l-istess dispożizzjoni, rispettivament, huma ssodisfatti (33). Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwassluni nikkunsidra li, billi timponi fuq il-konċessjonarji l-obbligu li jħallsu tariffa ta’ kull xahar skont it-termini li taħthom din ġiet ikkonfigurata, l-iskema ta’ “estensjoni teknika” introduċiet modifika sostanzjali tal-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 43(1)(e) tad-Direttiva 2014/23. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 43(1)(e) tad-Direttiva 2014/23, kellha tiġi organizzata proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida qabel ma saru dawn il-modifiki.
66. L-istess konklużjoni tista’ tinsilet fir-rigward tal-obbligu tal-konċessjonarji li jikkonformaw ruħhom mal-obbligu li jħallsu t-tariffa fil-kuntest tal-iskema ta’ “estensjoni teknika” bħala kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fi proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida. Ċertament, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, dan l-obbligu jista’ jiġi kkunsidrat bħala element intiż li jpaċi l-vantaġġ kompetittiv li minnu jibbenefikaw il-konċessjonarji li l-awtorizzazzjoni tagħhom tkun ser tiskadi meta mqabbla mal-konċessjonarji l-ġodda. Madankollu, dan isaħħaħ il-modifika tal-parametri ekonomiċi tal-konċessjonijiet meta mqabbla mal-konfigurazzjoni inizjali tagħhom. Fl-istess ħin, sa fejn il-ftuħ tal-proċedura tal-għoti ta’ konċessjonijiet ġodda tibqa’ inċerta, l-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni twassal għal modifika ġdida tal-kontenut tal-kuntratt ta’ konċessjoni, fis-sens tal-Artikolu 43(4) tad-Direttiva.
67. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 43(1)(e) u (5) tad-Direttiva 2014/23 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi l-obbligu li titħallas tariffa ta’ kull xahar li ma kinitx prevista fl-għoti inizjali, sa fejn din tbiddel il-parametri ekonomiċi bażiċi tal-konċessjonijiet ikkonċernati, pereżempju, billi tiffissa rata identika ta’ din it-tariffa għall-operaturi kollha fis-settur, indipendentement mill-kapaċità finanzjarja tagħhom, u billi żżid b’mod sinjifikattiv ir-rata ta’ din it-tariffa sa mill-ewwel impożizzjoni tagħha. Iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprekludu wkoll din il-leġiżlazzjoni sa fejn il-ħlas ta’ din it-tariffa huwa stabbilit bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti futura għall-għoti mill-ġdid tal-konċessjonijiet inkwistjoni.
C. Fuq it‑tieni domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/10 u C‑729/22)
68. Kif indikajt fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-fehma tiegħi, risposta fl-affermattiv għall-ewwel parti tad-domanda preliminari unika fil-Kawża C‑730/22 teskludi l-ħtieġa għall-Qorti tal-Ġustizzja li tkompli bl-eżami ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Tabilħaqq, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-konklużjoni li l-obbligu li titħallas tariffa ta’ kull xahar, hekk kif ikkonfigurata taħt l-iskema ta’ “estensjoni teknika”, huwa kuntrarju għad-Direttiva 2014/23, hija ma tkunx meħtieġa teżamina t-tieni u t-tielet domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22, li huma intiżi li jikkjarifikaw jekk din it-tariffa tistax tiġi kkunsidrata mill-ġdid minn amministrazzjoni nazzjonali fil-kuntest ta’ ċirkustanzi mhux prevedibbli. Madankollu, ser neżamina ż-żewġ domandi għall-finijiet ta’ kompletezza.
69. It-tieni domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22 tirrigwarda l-każ fejn awtorità kontraenti tirrifjuta li tinnegozja mill-ġdid it-termini ta’ konċessjoni fil-każ ta’ seħħ ta’ avvenimenti mhux previsti mhux imputabbli lill-konċessjonarji. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 2014/23 tipprekludix interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li twassal sabiex awtorità kontraenti bħall-ADM tiġi mċaħħda mis-setgħa diskrezzjonali tagħha li tikkunsidra mill-ġdid it-termini ta’ kuntratt pubbliku f’dawn iċ-ċirkustanzi.
70. In-negozjar mill-ġdid ta’ kuntratti pubbliċi f’mument sussegwenti għall-eżekuzzjoni tagħhom huwa tema klassika fil-letteratura tal-liġi amministrattiva, b’mod partikolari fil-qasam tal-akkwist pubbliku (34). Dan jikkostitwixxi eċċezzjoni għal wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-twettiq tal-konċessjonijiet, jiġifieri li l-konċessjonarji għandhom joperaw is-servizz attribwit għar-riskju tagħhom (“à ses risques et périls”) (35) u li l-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx, għal din ir-raġuni, jinvolvu ruħhom fil-konsegwenzi finanzjarji ta’ din l-operazzjoni. In-negozjar mill-ġdid tal-kuntratti pubbliċi huwa ġeneralment mhux fdat, peress li jista’ joħloq inċentivi għal imġiba opportunistika mill-parteċipanti f’sejħa għal offerti (36).
71. Madankollu, meta jseħħu avvenimenti li l-konċessjonarji ma setgħux jantiċipaw u li ma jkunux responsabbli għalihom, l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali spiss jagħtu lill-awtoritajiet kontraenti s-setgħa diskrezzjonali li jikkunsidraw mill-ġdid it-termini tal-konċessjoni (37). Dan l-approċċ huwa ġġustifikat mill-fatt li l-konċessjonijiet huma bbażati fuq bilanċ ekonomiku u finanzjarju, li għandu jerġa’ jiġi stabbilit meta ċirkustanzi barra mill-kontroll tal-konċessjonarji jkunu jaffettwaw il-kundizzjonijiet li fihom konċessjoni ta’ servizzi għandha tiġi eżegwita skont it-termini inizjali tal-konċessjoni. Il-possibbiltà ta’ nnegozjar mill-ġdid tat-termini ta’ kuntratt pubbliku tqum kull meta dawn iċ-ċirkustanzi jkunu kapaċi jfixklu l-bilanċ ta’ dan il-kuntratt (38).
72. Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li s-sistema legali Taljana tipprevedi dispożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jinżamm il-bilanċ ekonomiku u finanzjarju ta’ konċessjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali (39). Madankollu, fin-noti tad‑9 ta’ Lulju 2020 u tat‑18 ta’ Novembru 2020, l-ADM tidher li tiddikjara ruħha bħala li ma għandhiex kompetenza sabiex tapplika din id-dispożizzjoni fuq it-talba tar-rikorrenti, peress li, bħala aġenzija amministrattiva, hija ma tkunx tista’ tiddeċiedi kontra l-miżuri nazzjonali ta’ natura leġiżlattiva li jkunu stabbilixxew u sussegwentement emendaw l-iskema ta’ “estensjoni teknika”.
73. F’dan ir-rigward, irrid nirrileva, minn naħa, li r-raġunament tal-ADM — li jirrigwarda l-prinċipju tal-ġerarkija tal-kompetenzi u tar-regoli fl-ordinament ġuridiku nazzjonali — huwa irrilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2014/23 tagħtix lill-awtoritajiet kontraenti l-possibbiltà li jevalwaw mill-ġdid, billi jużaw is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lilhom, it-termini ta’ konċessjoni. Tabilħaqq, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li din is-setgħa diskrezzjonali teżisti min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti, l-ADM ikollha d-dritt teżerċitaha minkejja l-fatt li l-iskema ta’ “estensjoni teknika” ġiet adottata u mmodifikata b’mod leġiżlattiv jew, anki, minkejja l-fatt li din l-aġenzija taġixxi fuq il-bażi ta’ dmir obbligatorju impost fuqha mil-leġiżlatur nazzjonali.
74. Min-naħa l-oħra, waqt l-eżami tal-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tidher li kkonstatat li l-pandemija tal-COVID‑19 għandha titqies bħala ċirkustanza imprevedibbli, mhux imputabbli lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali u li jistgħu jaffettwaw il-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tal-konċessjonijiet (40). Dan ifisser li, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-Direttiva 2014/23 tagħti lill-awtoritajiet kontraenti s-setgħa diskrezzjonali jevalwaw il-ħtieġa li jiġu nnegozjati mill-ġdid it-termini tal-kuntratti pubbliċi fil-każ ta’ ċirkustanzi imprevedibbli, dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt f’dawn il-kawżi (41).
75. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kontraenti sabiex jeżaminaw mill-ġdid it-termini ta’ operazzjoni ta’ konċessjoni tistax tkun ibbażata fuq id-Direttiva 2014/23, nosserva li ebda dispożizzjoni ma ssemmi espressament tali setgħa.
76. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1)(b) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi t-terminu “konċessjoni ta’ servizzi” bħala kuntratt u li din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li l-konċessjonarju għandu jitqies li jassumi r-riskju operattiv tal-operazzjoni tas-servizz “f’kondizzjonijiet ta’ operazzjoni normali” (42). Skont dik il-qorti, minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi dedott li, sa fejn kundizzjonijiet imprevedibbli jistgħu jbiddlu l-bilanċ ekonomiku ta’ kuntratt pubbliku, il-konċessjonarji għandu jkollhom id-dritt li jitolbu modifika ta’ dan il-kuntratt.
77. Fl-opinjoni tiegħi, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, huwa ċar li d-definizzjoni stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2014/23 ma tistax fiha nnifisha sservi bħala bażi għall-għoti lil awtorità kontraenti tas-setgħa diskrezzjonali li tikkunsidra mill-ġdid it-termini ta’ kuntratt pubbliku, wisq inqas li tagħti lill-konċessjonarji d-dritt li jitolbu l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa. Din id-definizzjoni hija pprovduta biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva (43)2014/23 u, b’mod partikolari, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva, skont l-Artikolu 1(2) tagħha.
78. Madankollu, l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23, li diġà rreferejt għalih f’dawn il-konklużjonijiet, jistabbilixxi fil-punt 1(c) tiegħu li l-konċessjonijiet jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti meta l-modifika tkun dovuta għal ċirkustanzi li awtorità kontraenti diliġenti jew entità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi.
79. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 76 tad-Direttiva 2014/23, li tiddikjara li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jaffaċċjaw ċirkustanzi esterni li huma ma setgħux jipprevedu meta dawn taw din il-konċessjoni, b’mod partikolari meta t-twettiq tal-konċessjoni jkopri perijodu twil. Skont din il-premessa, f’dawn il-każijiet, huwa meħtieġ ċertu grad ta’ flessibbiltà sabiex il-konċessjoni tiġi adattata għal dawk iċ-ċirkustanzi mingħajr il-bżonn ta’ proċedura ġdida ta’ għoti.
80. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2014/23 tipprevedi li ċirkustanzi imprevedibbli jistgħu jaffettwaw it-termini tal-kuntratti pubbliċi kif ġew miftehma inizjalment bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-konċessjonarji. Għal dan l-għan, l-istess direttiva tipprevedi sett ta’ regoli li għandhom jiġu segwiti jekk din il-konċessjoni tkun titqies li teħtieġ aġġustament għaċ-ċirkustanzi l-ġodda, b’mod partikolari mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti.
81. Għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni preċedenti ma timplikax, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li l-konċessjonarji għandhom dritt li skontu awtorità kontraenti għandha, fi kwalunkwe każ, tinnegozja mill-ġdid it-termini ta’ konċessjoni fil-każ li jseħħu ċirkustanzi imprevedibbli. Il-Gvern Taljan ġustament isostni, f’dan ir-rigward, li l-għan tad-Direttiva 2014/23 huwa qabel kollox li tikkoordina l-proċeduri ta’ għoti ta’ ċerti konċessjonijiet u li din id-direttiva ma tittrattax id-drittijiet li jibbenefikaw minnhom il-konċessjonarji minħabba avvenimenti li jseħħu matul it-twettiq tal-kuntratt pubbliku.
82. Madankollu, l-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23, moqri fid-dawl tal-premessa 76 tagħha, juri li, fil-kuntest ta’ xenarju mhux previst għall-operazzjoni ta’ konċessjoni ta’ servizz li tista’ jaffettwa l-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tagħha, id-dritt tal-Unjoni jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kontraenti sett ta’ regoli għall-kunsiderazzjoni mill-ġdid tat-termini ta’ konċessjoni ta’ servizz. Dawn ir-regoli jistgħu jkunu effettivi biss jekk din l-awtorità tkun f’pożizzjoni li tidentifika, minn qabel, jekk il-bilanċ finanzjarju ta’ konċessjoni għandux jerġa’ jiġi stabbilit minħabba ċirkustanzi imprevedibbli. Konsegwentement, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali — jew l-interpretazzjoni tagħha — tkun timpedixxi lil awtorità kontraenti milli tiddeċiedi, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, dwar il-ħtieġa li l-konċessjoni tinġieb lura għal punt ta’ bilanċ ekonomiku u finanzjarju, allura l-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23 ikun ppreġudikat u jkun hemm riskju li l-effettività tad-dritt tal-Unjoni tiġi ppreġudikata wkoll.
83. F’dawn il-każijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-ADM wettqitx żball meta adottat in-noti tad‑9 ta’ Lulju 2020 u tat‑18 ta’ Novembru 2020, b’mod partikolari billi tiddikjara li l-ADM ma kellhiex dritt tikkunsidra mill-ġdid it-termini tal-konċessjonijiet ta’ servizzi inkwistjoni sa fejn ir-regoli li jistabbilixxu l-iskema ta’ “estensjoni teknika” ġew adottati mil-leġiżlatur Taljan.
84. Madankollu, fl-opinjoni tiegħu, awtorità kontraenti għandha titqies li tkun wettqet tali żball meta hija tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt tal-Unjoni — jiġifieri l-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23 — jiddefinixxi r-regoli li għandhom jiġu osservati għall-finijiet tal-kunsiderazzjoni mill-ġdid tat-termini ta’ konċessjoni ta’ servizz fil-kuntest ta’ ċirkustanzi imprevedibbli, li l-effettività tagħhom teħtieġ, mid-definizzjoni tagħhom stess, l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali min-naħa ta’ din l-awtorità kontraenti.
85. F’dan ir-rigward, għandi nżid li ma hemm l-ebda dubju li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali ma għandux il-konsegwenza li awtorità kontraenti għandha taqbel fuq in-neċessità li tiġi mmodifikata konċessjoni ta’ servizz jew li din tiġi kkalibrata mill-ġdid fit-termini speċifiċi mitluba mill-konċessjonarji kkonċernati. Hija tista’ wkoll tiċħad is-sempliċi eżistenza ta’ ċirkustanzi imprevedibbli li jiġġustifikaw din it-tip ta’ deċiżjoni. Madankollu, din l-awtorità kontraenti ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dritt nazzjonali jew fuq l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt sabiex tevita li twettaq tali evalwazzjoni, li, b’mod inċidentali, għandha tkun suġġetta għal stħarriġ mill-qrati nazzjonali.
86. Għaldaqstant nikkonkludi li l-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23 jipprekludi interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali li ċċaħħad lil awtorità kontraenti mis-setgħa diskrezzjonali li tevalwa jekk ċirkustanzi imprevedibbli, li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-konċessjonarji u li jistgħu jaffettwaw il-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tal-konċessjonijiet, jiġġustifikawx kunsiderazzjoni mill-ġdid tat-termini ta’ konċessjoni.
87. Kontra din l-interpretazzjoni, il-Kummissjoni targumenta li, fis-sentenza adottata fil-kawża Consorzio Italian Management (44), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Istati Membri ma humiex meħtieġa jistabbilixxu proċedura amministrattiva jew kuntrattwali sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw modifika ta’ kuntratt pubbliku li jkun qiegħed jitwettaq (45). Madankollu, id-Direttiva inkwistjoni f’dik is-sentenza kienet id-Direttiva 2004/17 (46), li ma għadhiex fis-seħħ u ma kienet tinkludi l-ebda dispożizzjoni simili għall-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23. Din hija r-raġuni għaliex ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq dik is-sentenza bħala preċedent validu għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din id-domanda preliminari.
88. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nixtieq nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għat-tieni domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑29/22 u tqis, għaldaqstant, li d-Direttiva 2014/23 tipprekludi li awtorità kontraenti tiġi mċaħħda mis-setgħa diskrezzjonali tagħha li tevalwa jekk it-termini ta’ kuntratt pubbliku għandhomx jiġu kkunsidrati mill-ġdid fil-kuntest taċ-ċirkustanzi deskritti mill-qorti tar-rinviju.
D. Fuq it‑tielet domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/10 u C‑729/22
89. Permezz tat-tielet domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk id-Direttiva 89/665 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ lill-konċessjonarji, bħala kundizzjoni li għandha tkun issodisfatta sabiex huma jipparteċipaw fi proċedura ta’ sejħa għal offerti futura, ikunu suġġetti għal skema ta’ “estensjoni teknika” bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Hija tagħmel din id-domanda b’riferiment għas-sitwazzjoni li fiha awtorità kontraenti ma jkollha ebda setgħa diskrezzjonali sabiex tinnegozja mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta’ operazzjoni ta’ konċessjoni fil-kuntest ta’ ċirkustanzi imprevedibbli.
90. Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda hija bbażata fuq l-ipoteżi li, kuntrarjament għall-analiżi tiegħi tat-tieni domanda preliminari, id-Direttiva 2014/23 ma tipprekludix li awtorità kontraenti tiġi mċaħħda mis-setgħa diskrezzjonali tagħha li timmodifika t-termini ta’ konċessjoni fil-każ ta’ avvenimenti imprevedibbli. Għaldaqstant, kif diġà ġie indikat, huwa fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-analiżi li tkun meħtieġa risposta speċifika għal din id-domanda.
91. Fi kwalunkwe każ, ma naħsibx li d-Direttiva 89/665 tippermetti li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju.
92. Id-Direttiva 89/665, li tagħmel parti minn dawk li jissejħu d-“Direttivi dwar ir-rimedji” (47), tapplika għal konċessjonijiet mogħtija minn awtoritajiet kontraenti skont id-Direttiva 2014/23 (48). Dan jinkludi l-konċessjonijiet ta’ servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali (49). Essenzjalment, din id-direttiva teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet, kif ukoll id-deċiżjonijiet proċedurali preliminari f’dan il-kuntest, ikunu s-suġġett ta’ reviżjoni rapida u effettiva (50). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 89/665 tikkonkretizza l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv fil-qasam partikolari tal-akkwist pubbliku (51).
93. Għal dan l-għan, id-Direttiva 89/665 timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu, skont regoli ddettaljati, proċeduri ta’ reviżjoni li għandhom ikunu disponibbli, essenzjalment, għal kull persuna li jkollha interess li tikseb kuntratt partikolari u li tkun ġiet leża minn allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku (52). Ir-rimedji nazzjonali għandhom jipprevedu l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri provviżorji, li jiġu annullati deċiżjonijiet illegali u li jingħata kumpens għad-danni (53). L-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw liema korpi ser ikunu responsabbli għad-deċiżjonijiet ta’ reviżjoni skont id-Direttiva. Dawn jistgħu jkunu jew korpi ta’ natura ġudizzjarja jew, alternattivament, korpi ta’ reviżjoni mhux ġudizzjarji, sakemm, f’dan l-aħħar każ, dawn il-korpi josservaw ċerti kundizzjonijiet addizzjonali (54).
94. F’dawn il-kawżi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li d-deskrizzjoni tat-tilwim fil-kawżi prinċipali ma turix li l-obbligi imposti mid-Direttiva 89/665 inkisru bl-adozzjoni u l-modifika sussegwenti tal-iskema ta’ “estensjoni teknika”. Iktar importanti minn hekk, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma tidher rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità li l-affiljazzjoni tal-konċessjonarji ma’ din l-iskema ssir kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex huma jipparteċipaw fi proċedura ta’ sejħa għal offerti futura.
95. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjonijiet tar-rinviju li dawn il-konċessjonarji kellhom il-possibbiltà li jikkontestaw iż-żewġ noti adottati mill-ADM wara t-talbiet rispettivi tagħhom. B’mod iktar preċiż, huma setgħu jikkontestaw id-deċiżjoni ta’ din l-aġenzija li tirrifjuta s-sospensjoni u l-modifika tal-ħlas tat-tariffa ta’ kull xahar prevista minn din l-iskema. Għal dan l-għan, huma għamlu użu mir-rimedji previsti mid-dritt nazzjonali Taljan, li joffrulhom aċċess għal żewġ korpi ġudizzjarji u l-possibbiltà li jinvokaw l-illegalità tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li abbażi tagħhom l-ADM issostanzjat id-deċiżjonijiet tagħha. Dawn ir-rikorsi saħansitra wasslu sabiex titressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.
96. Barra minn hekk, il-fatt li l-ordinament ġuridiku Taljan ma jipprevedix rimedju amministrattiv li jippermetti lil konċessjonarju jitlob li awtorità kontraenti tibda proċedura ta’ negozjar mill-ġdid tat-termini ta’ kuntratt pubbliku ma huwiex ta’ natura li jbiddel din il-konklużjoni. Obbligu ta’ aċċess għal dan ir-rimedju amministrattiv jista’ jiġi stabbilit abbażi tal-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23, kif diġà ġie spjegat fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tat-tieni domanda preliminari, iżda ma tirriżultax biss mid-Direttiva 89/665.
97. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li d-Direttiva 89/665 ma tikkostitwixxix bażi legali li tippermetti li tiġi kkontestata l-legalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tagħmel il-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti futura suġġetta għal affiljazzjoni ma’ skema ta’ “estensjoni teknika”. Din il-konklużjoni hija bbażata evidentement fuq il-premessa li l-operaturi kkonċernati għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom ir-rimedji neċessarji sabiex jikkontestaw il-legalità ta’ din il-leġiżlazzjoni, jekk ikun il-każ permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.
E. Fuq ir‑raba’, il‑ħames u s‑sitt domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22 u fuq it‑tieni parti tad-domanda preliminari unika fil-Kawża C‑730/22
98. Fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, indikajt li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li d-Direttiva 2014/23 tapplika għall-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, allura ma tkunx meħtieġa risposta għar-raba’, il-ħames u s-sitt domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22) u għat-tieni parti tad-domanda preliminari unika fil-Kawża C‑730/22). Il-punti li ġejjin jipprovdu xi gwida lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li hija ma taqbilx ma’ din l-opinjoni (55).
99. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtoritajiet pubbliċi huma obbligati, meta jikkunsidraw li jagħtu konċessjoni li ma tkuns taqax’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar il-kategoriji differenti ta’ kuntratti pubbliċi, josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE (56).
100. F’dawn il-kawżi, anki jekk il-qorti tar-rinviju tiċċita prinċipalment l-Artikoli 49 u 56 TFUE fid-domandi preliminari, hija biss l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet li hija rilevanti għall-finijiet ta’ din l-analiżi (57). Wara kollox, il-konċessjonijiet relatati mal-operat ta’ swali tat-tombla, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jeħtieġu bażi stabbli u kontinwa fl-Istat Membru fejn jiġu pprovduti s-servizzi tal-logħob tat-tombla. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan jeħtieġ l-applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, u jeskludi, għall-kuntrarju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (58). Ir-rikorrenti kkonfermaw ukoll waqt is-seduta li ebda tip ieħor ta’ servizzi tat-tombla, pereżempju online, ma kien ikkonċernat f’dawn il-kawżi.
101. Barra minn hekk, sabiex jiġi konkluż dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE għall-kawżi prinċipali, għandu jiġi stabbilit interess transkonfinali ċert, fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi evalwat biss mill-qorti tar-rinviju (59). F’dan ir-rigward, nirrileva li, fit-tweġiba għat-talba għal kjarifiki mibgħuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tindika espressament li, fil-każ li d-Direttiva 2014/23 kellha titqies li ma hijiex applikabbli għall-konċessjonijiet inkwistjoni, allura dik il-qorti ma jkollha “ebda diffikultà sabiex tiddetermina, permezz ta’ evalwazzjoni fil-fond, kif il-konċessjonijiet inkwistjoni għandhom interess transkonfinali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”. Fi kwalunkwe każ, matul is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kkonfermaw li wħud mill-konċessjonijiet ikkonċernati kienu miżmuma minn operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra (60) u għaldaqstant, huma suġġetti għall-kundizzjonijiet u għar-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa teżamina ulterjorment, fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi oħra (61), jekk il-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jissodisfawx din il-kundizzjoni ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 49 TFUE.
102. Fir-rigward tal-mertu, l-Artikolu 49(1) TFUE jipprevedi li r-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom ikunu pprojbiti.
103. Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, għalkemm tkun tapplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, hija ta’ natura li tipprojbixxi, timpedixxi jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ‑ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment ggarantita minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat (62).
104. F’dawn il-kawżi, irrispettivament mill-estensjoni introdotta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kwistjoni li ma hijiex kkonċernat minn ebda waħda mid-domandi eżaminati hawnhekk (63), il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 49 TFUE (i) ta’ interpretazzjoni ta’ liġi nazzjonali li ċċaħħad lil awtorità kontraenti mis-setgħa diskrezzjonali tagħha li tikkunsidra mill-ġdid it-termini ta’ kuntratt pubbliku fi ħdan il-kuntest ta’ ċirkustanzi imprevedibbli; (ii) tal-fatt li l-affiljazzjoni ma’ skema ta’ “estensjoni teknika” tkun kundizzjoni għal parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti futura; u (iii) tal-obbligu li titħallas tariffa ta’ kull xahar li ma kinitx stipulata fl-għoti inizjali tal-konċessjonijiet.
105. F’dan ir-rigward, fl-opinjoni tiegħi huwa ċar, l-ewwel nett, li l-modifiki introdotti permezz tal-iskema ta’ “estensjoni teknika” fil-konċessjonijiet, li setgħu jbiddlu l-parametri ekonomiċi bażiċi tagħhom meta mqabbla mal-għoti inizjali (64), huma fihom infushom raġunijiet suffiċjenti sabiex jitqies li dawn jistgħu jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq. Dan ikun iktar u iktar il-każ jekk tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura unilaterali u mhux innegozjata ta’dawn il-modifiki.
106. It-tieni nett, dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-obbligu ta’ parteċipazzjoni fl-iskema ta’ “estensjoni teknika” u fir-rigward, għaldaqstant, tal-obbligu li titħallas it-tariffa ta’ kull xahar sabiex operatur ikun jista’ jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti futura. Tabilħaqq, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-obbligi, huwa ċar li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment huwa inqas attraenti — jew, kif tindika l-Kummissjoni, impossibbli — għal kull operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor li jkun jixtieq jopera swali tat-tombla fl-Italja.
107. Fl-aħħar nett, ma għandu jkun hemm ebda dubju li n-nuqqas ta’ possibbiltà għall-awtorità kontraenti li tinnegozja mill-ġdid it-termini tal-konċessjonijiet fi ħdan il-kuntest ta’ ċirkustanzi imprevedibbli wkoll jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment. Tabilħaqq, operaturi ma jkollhomx biżżejjed inċentivi sabiex jistabbilixxu ruħhom fl-Italja, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tal-konċessjonijiet ma jkunx jista’ jiġi stabbilit mill-ġdid wara t-tfixkil tiegħu minn avvenimenti lil hinn mill-kontroll tal-konċessjonarji.
108. Fir-rigward tal-għanijiet leġittimi li Stat Membru jista’ jinvoka sabiex jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (65), huwa importanti li jitfakkar li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk, fl-ewwel lok, din tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Fitt-tieni lok, din għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jfisser li din għandha tkun adatta sabiex tiżgura, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan imfittex u li din ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (66).
109. Il-leġiżlazzjoni li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju tiddikjara, bħala l-uniku għan tagħha, l-allinjament tal-konċessjonijiet li jkunu ser jiskadu u proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida sabiex il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li konċessjonijiet pubbliċi għandhom jingħataw jew jingħataw mill-ġdid, wara l-iskadenza tagħhom, b’mod konformi ma’ proċeduri ta’ selezzjoni kompetittivi, jiġi rrikonċiljat mal-ħtieġa li jitkompla l-ġbir tal-imħatri tat-tombla.
110. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex ċar kif estensjoni jew allinjament ratione temporis ta’ konċessjonijiet attwali u obbligu li s-servizz ikompli jopera sabiex ikun jista’ jiġi żgurat l-għoti mill-ġdid ta’ dawn il-konċessjonijiet f’data ulterjuri, bħal dawk previsti fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jistgħu jiġu ġġustifikati, pereżempju, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata t-tkomplija ta’ servizz (67). B’mod partikolari, l-assenza ta’ data ta’ skadenza ċara għat-tul tal-konċessjonijiet tirrendi partikolarment diffiċli li din il-ġustifikazzjoni titqies f’dan il-każ.
111. Fi kwalunkwe każ, inqis, l-ewwel nett, li dan l-għan seta’ jintlaħaq b’mod iktar adatt, pereżempju, billi jiġi organizzat perijodu tranżitorju li matulu l-konċessjonijiet mogħtija kienu jkunu ta’ tul differenti. It-tieni nett, l-ilħieq ta’ tali għan jidher li huwa inkonsistenti, peress li l-iskema ta’ “estensjoni teknika” kienet applikata għal 10 snin, inkluż wara l-iskadenza tal-aħħar konċessjoni.
112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 49 TFUE fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li teħtieġ lill-konċessjonarju jaċċetta l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri l-obbligu li titħallas tariffa ta’ kull xahar mhux prevista fl-għoti inizjali tal-konċessjonijiet, sabiex ikun jista’ jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida għall-għoti mill-ġdid ta’ konċessjonijiet ġodda. L-Artikolu 49 TFUE jipprekludi wkoll interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ċċaħħad lil awtorità kontraenti mis-setgħa diskrezzjonali li tevalwa jekk avvenimenti imprevedibbli, mhux imputabbli lill-konċessjonarji u li jistgħu jaffettwaw il-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tal-konċessjonijiet, jiġġustifikawx kunsiderazzjoni mill-ġdid tat-termini ta’ konċessjoni.
V. Konklużjoni
113. Fuq il-bażi tal-analiżi stabbilita hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id-domandi preliminari tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kif ġej:
– Fir-rigward tal-Kawżi C‑728/21 u C‑729/22:
(1) Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni
għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għal konċessjonijiet ta’ servizzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ngħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva u li, ladarba skadew, ġew estiżi repetutament permezz ta’ leġiżlazzjoni wara dan id-dħul fis-seħħ, sakemm il-kundizzjonijiet tal-għoti inizjali jkunu ġew emendati sostanzjalment, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.
(2) L-Artikolu 43(4) u (5) tad-Direttiva 2014/23
għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi l-obbligu li titħallas tariffa ta’ kull xahar li ma kinitx prevista fl-għoti inizjali, sa fejn din tbiddel il-parametri ekonomiċi bażiċi tal-konċessjonijiet ikkonċernati, pereżempju billi tiffissa rata identika ta’ din it-tariffa għall-operaturi kollha fis-settur, indipendentement mill-kapaċità finanzjarja tagħhom, u billi żżid b’mod sinjifikattiv ir-rata ta’ din it-tariffa sa minn meta din kienet imposta għall-ewwel darba tagħha. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprekludu wkoll din il-leġiżlazzjoni sa fejn il-ħlas ta’ din it-tariffa huwa stabbilit bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti futura għall-għoti mill-ġdid tal-konċessjonijiet inkwistjoni.
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-konklużjoni msemmija fil-punt (2), nipproponi r-risposta addizzjonali li ġejja:
(3) L-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23
għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ċċaħħad lill-awtorità kontraenti mis-setgħa diskrezzjonali li tevalwa jekk avvenimenti imprevedibbli, mhux imputabbli lill-konċessjonarji, jiġġustifikawx kunsiderazzjoni mill-ġdid tat-termini ta’ konċessjoni.
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi
għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tikkostitwixxix bażi legali li tippermetti li tiġi kkontestata l-legalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tagħmel il-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti futura suġġetta għal affiljazzjoni ma’ skema ta’ “estensjoni teknika”.
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx, imqar parzjalment, mal-konklużjoni stabbilita fil-punt (1), nipproponi r-risposta addizzjonali li ġejja:
(5) L-Artikolu 49 TFUE
għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li teħtieġ lill-konċessjonarju jaċċetta l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri l-obbligu li titħallas tariffa ta’ kull xahar mhux prevista fl-għoti inizjali tal-konċessjonijiet, sabiex ikun jista’ jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida għall-għoti mill-ġdid ta’ konċessjonijiet ġodda. L-Artikolu 49 TFUE jipprekludi wkoll interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ċċaħħad lil awtorità kontraenti mis-setgħa diskrezzjonali li tevalwa jekk avvenimenti imprevedibbli, mhux imputabbli lill-konċessjonarji u li jistgħu jaffettwaw il-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tal-konċessjonijiet, jiġġustifikawx kunsiderazzjoni mill-ġdid tat-termini ta’ konċessjoni.
– Barra minn hekk, fir-rigward tal-Kawża C‑730/22 waħedha:
(6) L-Artikolu 43(4) u (5) tad-Direttiva 2014/23
għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi l-obbligu li titħallas tariffa ta’ kull xahar li ma kinitx prevista fl-għoti inizjali sa fejn din tbiddel il-parametri ekonomiċi bażiċi tal-konċessjonijiet ikkonċernati, pereżempju, billi tiffissa rata identika ta’ din it-tariffa għall-operaturi kollha fis-settur, indipendentement mill-kapaċità finanzjarja tagħhom, u billi żżid b’mod sinjifikattiv ir-rata ta’ din it-tariffa sa minn meta din kienet imposta għall-ewwel darba. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprekludu wkoll din il-leġiżlazzjoni sa fejn il-ħlas ta’ din it-tariffa huwa stabbilit bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti futura għall-għoti mill-ġdid tal-konċessjonijiet inkwistjoni.
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx, imqar parzjalment, mal-konklużjoni msemmija fil-punt (1), nipproponi ir-risposta addizzjonali li ġejja:
(7) L-Artikolu 49 TFUE
għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teħtieġ lill-konċessjonarju jaċċetta l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri l-obbligu li titħallas tariffa ta’ kull xahar mhux prevista fl-għoti inizjali tal-konċessjonijiet, sabiex ikun jista’ jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti ġdida għall-għoti mill-ġdid ta’ konċessjonijiet ġodda. L-Artikolu 49 TFUE jipprekludi wkoll interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ċċaħħad lil awtorità kontraenti mis-setgħa diskrezzjonali li tevalwa jekk avvenimenti imprevedibbli, mhux imputabbli lill-konċessjonarji u li jistgħu jaffettwaw il-bilanċ ekonomiku u finanzjarju tal-konċessjonijiet, jiġġustifikawx kunsiderazzjoni mill-ġdid tat-termini ta’ konċessjoni.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/23”).
3 Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvista u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif sussegwentement emendata bid-Direttiva 2014/23 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”).
4 Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2014/23.
5 Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/23, kif emendata bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/2172 tal‑24 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 307, p. 9).
6 Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665.
7 Decreto del Ministro delle finanze. n. 29 – Regolamento recante norme per l’istituzione del gioco “Bingo” ai sensi dell’articolo 16 della legge 13 maggio 1999, n. 133 (id-Digriet tal-Ministru tal-Finanzi Nru 29 – Regolament li Jistabbilixxi r-Regoli għall-Istabbiliment tal-Logħba tat-Tombla fis-Sens tal-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 133 tat‑13 ta’ Mejju 1999) tal‑31 ta’ Jannar 2000 (GURI Nru 43 tat‑22 ta’ Frar 2000).
8 Artikolu 1(636) sa (638) tal-legge n. 147 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2014) (il-Liġi Nru 147, li Tistabbilixxi r-Regoli għat-Tfassil tal-Baġit annwali u Multiannwali tal-Istat (il-Liġi ta’ Stabbiltà 2014)) tas‑27 ta’ Diċembru 2013 (GURI Nru 302 tas‑27 ta’ Diċembru 2013 – Suppliment Ordinarju Nru 87) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 147/2013”).
9 Artikolu 1(934) tal-legge n. 208 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2016) (Liġi Nru 208 li Tistabbilixxi Miżuri għat-Tfassil tal-Baġit Annwali u Multiannwali tal-Istat (Liġi ta’ Stabbiltà 2016)) tat‑28 ta’ Diċembru 2015 (GURI Nru 302 tat‑30 ta’ Diċembru 2015 – Suppliment Ordinarju Nru 70) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 208/2015”).
10 Artikolu 1(1047) tal-legge n. 205 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2018 e bilancio pluriennale per il triennio 2018–2020 (Liġi Nru 205, dwar il-Baġit tal-Istat Evalwat għas-Sena Finanzjarja 2018 u l-Baġit Multiannwali għall-Perijodu ta’ Tliet Snin mill‑2018 sal‑2020) tas‑27 ta’ Diċembru 2017 (GURI Nru 302 tad‑29 ta’ Diċembru 20172017 – Suppliment Ordinarju Nru 62) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 205/2017”).
11 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq.
12 Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2021, Nru 49 (IT:COST:2021:49).
13 L-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑729/22 tirreferi biss għad-Direttiva 2014/23 u għall-Artikoli 49 u 56 TFUE. Hija ma tagħmilx riferiment għad-dispożizzjonijiet l-oħra li jinsabu fl-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑728/22.
14 Għall-formulazzjoni tat-tieni sal-ħames domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22, il-qorti tar-rinviju tuża l-frażi “interpretazzjoni jew applikazzjoni ta’ regoli legali interni, jew prattiki ta’ implimentazzjoni abbażi ta’ dawk ir-regoli”. Għal finijiet ta’ semplifikazzjoni, ser nissostitwixxi din il-frażi bl-espressjoni “interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali” jew b’espressjoni ekwivalenti.
15 Kif indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq, il-formulazzjoni tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑729/22 saħansitra tonqos milli tirreferi għal dawn id-dispożizzjonijiet kollha.
16 Ara, b’mod partikolari, id-digriet tal‑10 ta’ Jannar 2022, ZI u TQ (C‑437/20, EU:C:2022:53, punti 18 sa 21), u s-sentenza tad-19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑152/17, EU:C:2018:264, punti 21 sa 24).
17 Skont l-Artikolu 1(637) tal-Liġi Nru 147/2013.
18 Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 46), iċċitata mill-qorti tar-rinviju.
19 Ċertament, il-fatt li l-ammont indikat huwa biss ċifra medja jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li jista’ jkun hemm konċessjonijiet li ma jilħqux il-limitu meħtieġ. Madankollu, huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li d-dikjarazzjoni tal-qorti tar-rinviju saret, fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għat-talba għal kjarifiki, sabiex jiġi kkonfermat li hija ma għandha ebda dubju f’dan ir-rigward.
20 Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Sisal et (C‑721/19 u C‑722/19, EU:C:2021:672, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Ibid. (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Wara l‑2017, ġew introdotti emendi addizzjonali fil-leġiżlazzjoni dwar l-iskema ta’ “estensjoni teknika”. Madankollu, dawn l-emendi ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża.
23 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
24 Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
25 Fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑730/22, il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll li l-iskema ta’ “estensjoni teknika” kienet tinkludi restrizzjonijiet rilevanti applikati fir-rigward tad-detenturi tal-konċessjonijiet ta’ servizzi, li jinkludu, pereżempju, il-projbizzjoni ta’ trasferiment tal-bini operattiv ta’ dawn is-servizzi. Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet ġew introdotti permezz ta’ emendi għall-iskema ta’ “estensjoni teknika” li ġew adottati wara l‑2017. Għal din ir-raġuni, ma naħsibx li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din l-analiżi.
26 Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Sisal et (C‑721/19 u C‑722/19, EU:C:2021:672, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Sa fejn l-ewwel parti tad-domanda preliminari unika fil-Kawża C‑730/22 impliċitament teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2014/23 tkunx applikabbli għall-konċessjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża, l-istess kunsiderazzjonijiet magħmula bħala parti mill-analiżi tal-ewwel domanda preliminari fil-Kawżi C‑728/22 u C‑729/22 japplikaw hawnhekk ukoll.
28 Bovis, C. u Clarke, C., “Title III, Rules on performance of concessions”, f’Steinecke, M. u Vesterdorf, P. L. EU public procurement law - Brussels Commentary, Beck C. H., 2018, p. 1195.
29 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Sisal et (C‑721/16 u C‑722/19, EU:C:2017:672, punt 33).
30 Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
31 Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 43(4)(c) tad-Direttiva 2014/23, li jirreferi għal każijiet fejn “il-modifika testendi l-ambitu tal-konċessjoni b’mod konsiderevoli” (enfasi miżjuda minni).
32 F’dan l-aħħar rigward, nirrileva, f’sens konformi mal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, li mhux biss il-modifiki li jwasslu għal konsegwenzi favorevoli għall-konċessjonarju jaqgħu taħt l-Artikolu 43(4) tad-Direttiva 2014/23. Din id-dispożizzjoni tirreferi wkoll għal bidliet ta’ benefiċċju għall-awtorità kontraenti. Ara, f’dan ir-rigward, Bogdanowicz, P., Contract modifications in EU Procurement Law, Edward Elgar Publishing, 2021, p. 60.
33 L-ebda subparagrafu ieħor tal-Artikolu 43(4) tad-Direttiva 2014/23 ma huwa applikabbli.
34 Ara, inter alia, Dufau, J., Les concessions de service public, Éd. du Moniteur, 1979, p. 7 u 18, u Mestre Delgado, J. F. La extinción de la concesión de servicio público, La ley, 1992, p. 66 sa 86.
35 Bettinger, Ch., La concession de service public et de travaux publics, Berger-Levrault, 1978, p. 117. Ara l-premessa 20 tad-Direttiva 2014/23 u s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, Kansaneläkelaitos (C‑269/14, EU:C:2015:329, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Ara Beuve, J u Saussier, S., “Renegotiations of public contracts: A blessing in disguise?”, f’Bandiera, O. Bosio, E. u Spagnolo, G (edituri), Procurement in Focus: Rules, Discretion, and Emergencies, CEPR Press, 2021, p. 23 sa 31, disponibbli fuq https://cepr.org/publications/books-and-reports/procurement-focus-rules-discretion-and-emergencies.
37 Fl-ordinament ġuridiku Franċiż, il-letteratura akkademika tiċċita l-arrêt du Conseil d’État du 3 mars 1916 (is-sentenza tal-Kunsill tal-Istat tat‑3 ta’ Marzu 1916) f’Compagnie genérale d’éclairage de Bordeaux bħala s-sors tat-“théorie de l’imprévision” (id-duttrina tal-imprevedibbiltà) fil-kuntratti pubbliċi. Ara Hauriou, M., Précis élémentaire de droit admnistratif, Sirey, 1943, p. 445.
38 Philippe, D. M., Changement de circonstances et bouleversement de l’économie contractuelle, Bruylant, 1986. Ara wkoll Mestre Delgado, J. F. op. cit., p. 77.
39 Artikolu 165 tad-Decreto Legislativo 18 aprile 2016, nº 50 (Codice dei contratti pubblici) (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 tat‑18 ta’ April 2016 li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Akkwist Pubbliku) (GURI Nru 91 tad‑19 ta’ April 2016 – Suppliment Ordinarju Nru 10).
40 Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rikorrenti pproduċew provi li juru li l-kundizzjonijiet għall-operazzjoni tal-konċessjonijiet, b’mod partikolari s-sostenibbiltà tal-ispejjeż operattivi, ġew serjament kompromessi wara l-pandemija tal-COVID‑19. Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
41 Id-Direttiva 2014/23 tispjega, essenzjalment, fil-premessa 76 tagħha, li l-kunċett ta’ “ċirkostanzi imprevedibbli” jirreferi għal ċirkustanzi esterni li ma setgħux jiġu previsti minkejja preparazzjoni raġonevolment diliġenti tal-għoti inizjali.
42 Ara wkoll il-premessa 18 tad-Direttiva 2014/23.
43 Ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/23.
44 Sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑152/17, EU:C:2018:264).
45 Ibid., punti 29 u 30.
46 Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19).
47 Ara wkoll id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315). Kemm id-Direttiva 89/665 kif ukoll id-Direttiva 92/13 ġew emendati sostanzjalment bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 21) u bid-Direttiva 2014/23.
48 Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665.
49 Ara t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. Dan huwa l-każ wara l-modifiki magħmula lid-Direttiva 89/665 bid-Direttiva 2014/23.
50 Ara l-ewwel u t-tielet premessa tad-Direttiva 89/665. Ara wkoll id-digriet tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Consorzio Elisoccorso San Raffaele (C‑492/06, EU:C:2007:583, punt 29).
51 Digriet tat‑23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits (C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punt 28).
52 Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, kif interpretat, b’mod partikolari, permezz tas-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, VZ (Offerenti definittivament eskluża) (C‑53/22, EU:C:2023:88, punt 29).
53 Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665.
54 Artikolu 2(9) tad-Direttiva 89/665.
55 Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li jibqa’ inċert jekk il-limitu stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/23 ikunx intlaħaq fir-rigward ta’ wħud mill-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jew jekk hija tqis li l-modifika ta’ dawn il-konċessjonijiet permezz ta’ leġiżlazzjoni biddlithom f’sempliċi provvista ta’ servizzi suġġetta għal regolamentazzjoni. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
56 Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 Fir-raba’ fil-ħames u fis-sitt domanda preliminari fil-Kawżi C‑782/22 u C‑729/22, il-qorti tar-rinviju tiċċita wkoll il-“prinċipji ta’ ċertezza u ta’ effettività tal-protezzjoni legali, kif ukoll il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi”. Min-naħa l-oħra, fit-tieni parti tad-domanda preliminari unika fil-Kawża C‑730/22, dik il-qorti tiċċita, barra l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikoli 26, 56 u 63 ta’ dan it-trattat u l-“projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, [l]-obbligu ta’ proporzjonalità u [l]-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-moviment liberu tas-servizzi u tal-kapital. Għal raġunijiet simili għal dawk stabbiliti fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li dawn id-domandi kollha għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet jew dawn il-prinċipji huma kkonċernati.
58 Ara, inter alia, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Garkalns (C‑470/11, EU:C:2012:505, punti 26 u 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
59 Sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Serrantoni u Consorzio stabile edili (C‑376/08, EU:C:2009:808, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Qabbel mas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni (C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 26) u s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, ASADE (C‑436/20, EU:C:2022:559, punt 49).
60 Qabbel mas-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Crono Service et (C‑419/12 u C‑420/12, EU:C:2014:81, punti 35 sa 37).
61 Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni (C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
62 Sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, Katoen Natie Bulk Terminals u General Services Antwerp (C‑407/19 u C‑471/19, EU:C:2021:107, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
63 Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
64 Ara l-punti 63 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
65 Sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting and Stanleybet Malta (C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 53).
66 Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 178).
67 Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, OL (Estensjoni ta’ liċenzji Taljani) (C‑517/20, EU:C:2023. 219, punti 49 sa 51).