Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0695

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati l-14 ta’ Novembru 2023.
    Fondee a.s. vs Česká národní banka.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Městský soud v Praze.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Swieq ta’ strumenti finanzjarji – Direttiva 2014/65/UE – Artikolu 3 – Eżenzjoni mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE – Intermedjarju tal-investiment eżentat – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lil dan l-intermedjarju milli jittrażmetti ordnijiet tal-klijenti lil ditta ta’ investiment stabbilita fi Stat Membru ieħor.
    Kawża C-695/22.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:865

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PITRUZZELLA

    ippreżentati fl‑14 ta’ Novembru 2023 ( 1 )

    Kawża C‑695/22

    Fondee a.s

    vs

    Česká národní banka

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Swieq ta’ strumenti finanzjarji – Direttiva 2014/65/UE – Artikoli 3 u 34 – Intermedjarji tal-investiment – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi”

    1.

    Permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett tal-konklużjonijiet ineżami, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari bbażati fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) u (3), u 34 tad-Direttiva 2014/65 ( 2 ), l-hekk imsejħa Direttiva MiFID II ( 3 ) u fuq ir-relazzjoni tagħhom mal-Artikolu 56 TFUE.

    2.

    Dawn id-domandi oriġinaw fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju mill-kumpannija Fondee a.s. (iktar ’il quddiem “Fondee” jew ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-bord tal-Bank Nazzjonali Ċek ikkonferma l-multa imposta minnu fuq ir-rikorrenti minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-suq tal-kapital fir-Repubblika Ċeka.

    I. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

    3.

    Id-Direttiva 2014/65 – li segwiet mir-riformulazzjoni tad-Direttiva 2004/39, parzjalment magħquda mar-Regolament Nru 600/2014 ( 4 ) – tikkostitwixxi, flimkien ma’ dan ir-regolament “il-qafas legali li jirregolaw ir-rekwiżiti applikabbli għad-ditti ta’ investiment, swieq regolati, fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ data u ditti ta’ pajjiż terz li jipprovdu servizzi jew attivitajiet ta’ investiment fl-Unjoni” (premessa 7 tad-Direttiva 2014/65). L-għan prinċipali tagħha huwa l-iżvilupp ta’ suq uniku tas-servizzi finanzjarji, li fih ikun żgurat l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fejn ikunu żgurati t-trasparenza u l-protezzjoni tal-investituri, permezz tal-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati, b’mod partikolari, permezz mal-awtorizzazzjoni u mal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ attività tad-ditti ta’ investiment kif ukoll mas-setgħat tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza u mas-sistema ta’ sanzjonijiet.

    4.

    Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/65 din tapplika, inter alia, għall-“ditti ta’ investiment” Skont il-punt 1 tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva “ditta ta’ investiment” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika, u, f’ċerti kundizzjonijiet, anki entitajiet mingħajr personalità ġuridika jew persuni fiżiċi “li x-xogħol jew in-negozju regolari tagħh[om] huwa l-forniment ta’ servizz ta’ investiment wieħed jew aktar lil partijiet terzi u/jew it-twettiq ta’ attività ta’ investiment waħda jew aktar fuq bażi professjonali”. Skont il-punt 2 tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva “servizzi u attivitajiet ta’ investiment” huma kull wieħed jew waħda mis-servizzi u l-attivitajiet elenkati fit-Taqsima A tal-Anness I tal-imsemmija direttiva li għandhom x’jaqsmu ma’ wieħed mill-istrumenti elenkati fit-Taqsima Ċ tal-istess anness. Il-punt 4 tal-Artikolu 4(1) jiddefinixxi “parir dwar l-investiment” bħala l-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet personali lill-klijent, jew fuq it-talba tiegħu jew fuq l-inizjattiva tad-ditta ta’ investiment, rigward tranżazzjoni jew iktar li jkollhom x’jaqsmu mal-istrumenti finanzjarji, filwaqt li l-ħames punt segwenti jiddefinixxi l-attività ta’ “eżekuzzjoni tal-ordnijiet f’isem il-klijenti” bħala l-“ħidma sabiex jiġu konklużi ftehimijiet għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ strument finanzjarju jew iktar f’isem klijenti u jinkludi l-konklużjoni ta’ ftehimiet sabiex jinbiegħu strumenti finanzjarji maħruġa minn ditta ta’ investiment jew istituzzjoni ta’ kreditu hekk kif jinħarġu”.

    5.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/65, intitolat “L-eżenzjonijiet fakultattivi”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “1.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx din id-Direttiva rigward kull persuna li għaliha huma l-Istat Membru tad-domiċilju, sakemm l-attivitajiet ta’ dawn il-persuni jkunu awtorizzati u rregolati fil-livell nazzjonali, u dawk il-persuni:

    (a)

    ma jkollhomx il-permess li jżommu l-fondi jew it-titoli tal-klijenti u li għal din ir-raġuni ma jitħallewx fl-ebda ħin li jqegħdu lilhom infushom f’debitu mal-klijenti tagħhom;

    (b)

    ma jkollhomx il-permess li jipprovdu l-ebda servizz ta’ investiment għajr li jirċievu u jittrasmettu l-ordnijiet fit-titoli trasferibbli u l-unitajiet fl-impriżi ta’ investiment kollettiv u/jew il-provvediment ta’ pariri dwar l-investimenti li jkollhom x’jaqsmu ma’ dawn l-istrumenti finanzjarji; u

    (c)

    fil-perkors tal-forniment tas-servizz, ikollhom il-permess jittrażmettu ordnijiet biss lil:

    (i)

    id-ditti ta’ investiment awtorizzati skont din id-Direttiva;

    […]

    (iv)

    l-impriżi għall-investiment kollettiv awtorizzati bil-liġijiet ta’ Stat Membru li jqiegħdu unitajiet fis-suq għall-pubbliku u għall-amministraturi ta’ dawn l-impriżi […]”.

    6.

    L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/65 jistabbilixxi li s-sistemi tal-Istati Membri għandhom jissottomettu l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għal rekwiżiti li jkunu tal-inqas analogi għal dawk stabbiliti minn din id-direttiva fir-rigward tal-kundizzjonijiet u proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u superviżjoni kontinwa, ir-regoli ta’ kondotta u r-rekwiżiti organizzattivi kif stabbiliti f’dispożizzjonijiet tal-istess direttiva msemmija espressament. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(3) tal-istess direttiva jipprevedi li l-persuni eżentati minn din id-direttiva skont il-paragrafu 1 “m’għandhomx jibbenefikaw mil-libertà li jipprovdu servizzi jew li jwettqu attivitajiet jew li jistabbilixxu friegħi kif ipprovdut fl-Artikoli 34 u 35 rispettivament”.

    7.

    It-Titolu II tad-Direttiva 2014/65 jipprevedi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u l-operat għad-ditti ta’ investiment. L-Artikoli 5 u 6 tad-direttiva huma inklużi fil-Kapitolu I ta’ dan it-titolu dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni (l-hekk imsejjaħ “passaport uniku Ewropew”). B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 5, intitolat “Rekwiżit għall-awtorizzazzjoni”, jissuġġetta l-għoti ta’ servizzi ta’ investiment u/jew it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ investiment bħala mestier jew negozju regolari fuq bażi professjonali għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju ( 5 ). Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva, l-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika s-servizzi jew l-attivitajiet ta’ investiment li d-ditta ta’ investiment hija awtorizzata tipprovdi, filwaqt li l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jispeċifika li “[l]-awtorizzazzjoni għandha tkun valida fl-Unjoni kollha u għandha tippermetti lil ditta ta’ investiment tipprovdi s-servizzi jew twettaq l-attivitajiet li għalihom tkun ġiet awtorizzata fl-Unjoni kollha, jew permezz tad-dritt tal-istabbiliment, inkluż permezz ta’ fergħa, jew inkella permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.”

    8.

    Il-Kapitolu III tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/65 jiddefinixxi d-drittijiet tad-ditti ta’ investiment. L-Artikolu 34, li jinsab f’dan il-Kapitolu, jistabbilixxi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull ditta ta’ investiment awtorizzata u ssorveljata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor skont din id-Direttiva […] tista’ tipprovdi b’mod liberu s-servizzi ta’ investiment u/jew twettaq l-attivitajiet ta’ investiment kif ukoll servizzi anċillari fit-territorji tagħhom, sakemm dawn is-servizzi u l-attivitajiet ikunu koperti mill-awtorizzazzjoni tagħha. […]”. It-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 34(1) tippreċiża li ma humiex imposti “rekwiżiti addizzjonali” fuq dawn id-ditti”. Skont il-paragrafi 2 u 3 tal-istess Artikolu 34 kull ditta ta’ investiment li tkun tixtieq tipprovdi servizzi jew attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għall-ewwel darba, jew li tixtieq tibdel il-firxa ta’ servizzi jew attivitajiet ipprovduti b’dan il-mod, għandha tikkomunika dan lill-Istat Membru tad-domiċilju, li jittrażmetti din l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ( 6 ). Wara din in-notifika, id-ditta ta’ investiment tista’ tibda tipprovdi s-servizzi u l-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru ospitanti. L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/65, inkluż fl-istess Kapitolu III tat-Titolu II ta’ din id-direttiva, jistabbilixxi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jistgħu jiġu pprovduti servizzi u/jew attivitajiet ta’ investiment kif ukoll servizzi anċillari fit-territorji tagħhom skont din id-Direttiva […] permezz tad-dritt ta’ stabbiliment, hux bl-istabbiliment ta’ fergħa jew bl-użu ta’ aġent marbut stabbilit fi Stat Membri barra l-Istat Membru tad-Domiċilju tiegħu, sakemm dawn is-servizzi u l-attivitajiet ikunu koperti mill-awtorizzazzjoni mogħtija lid-ditta ta’ investiment jew lill-istituzzjoni ta’ kreditu fl-Istat Membru tad-domiċilju”.

    B.   Id‑dritt Ċek

    9.

    L-eżerċizzju tal-attività tal-intermedjarju tal-investiment fir-Repubblika Ċeka huwa suġġett għal awtorizzazzjoni tal-Bank Nazzjonali Ċek. Skont l-Artikolu 29(1) taż-zákon č. 256/2004 Sb., o podnikání na kapitálovém trhu, (il-Liġi Nru 256/2004 dwar l-Attività Imprenditorjali fis-Suq tal-Kapital, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Suq tal-Kapital”), kif emendat, intermedjarju tal-investiment huwa awtorizzat iwettaq biss uħud mis-servizzi prinċipali ta’ investiment, jiġifieri li jirċievi u jittrażmetti ordnijiet relatati mal-istrumenti finanzjarji (fosthom it-titoli ta’ investiment kollettiv) u l-għoti ta’ konsulenza ta’ investiment rigward dawn l-istrumenti. Il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li, meta jagħtu dawn is-servizzi, l-intermedjarji tal-investiment ikunu jistgħu jittrażmettu ordnijiet unikament lil “negozjant tat-titoli, bank jew ditta ta’ investiment […]”. “Negozjant tat-titoli” huwa, skont l-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Kapital, persuna ġuridika li hija awtorizzata tagħti s-servizzi prinċipali ta’ investiment fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni mogħtija skont il-Bank Nazzjonali Ċek, u, li skont l-Artikolu 6(1)(b) ta’ din il-liġi, għandha s-sede tagħha fir-Repubblika Ċeka.

    10.

    L-Artikolu 29(4) tal-Liġi dwar il-Kapital għalhekk jistabbilixxi projbizzjoni, għall-intermedjarji tal-investiment, li jittrażmettu ordnijiet lil ditti ta’ investiment stabbiliti barra minn dan l-Istat Membru. Dan l-artikolu ġie introdott bl-emenda leġiżlattiva Nru 204/2017, li ssostitwixxiet, b’effett mit‑3 ta’ Jannar 2018, l-Artikolu 29(1)(b) preċedenti, tal-Liġi dwar is-Suq tal-Kapital, li kien jippermetti t-trażmissjoni ta’ ordnijiet anki lil operatur barranija. Skont in-noti spjegattivi inklużi fl-emenda leġiżlattiva, il-leġiżlatur volontarjament illimita dan iċ-ċirku ta’ suġġetti sabiex jiffaċilita s-sorveljanza tal-Bank Nazzjonali Ċek. Skont l-Artikolu 162(1)(a) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Kapital, min illegalment iwettaq attività skont din il-liġi jwettaq reat.

    II. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    11.

    Fondee hija intermedjarja tal-investiment skont l-Artikolu 29(1) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Kapital li topera fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-Bank Nazzjonali Ċek. Skont il-konstatazzjoni ta’ dan tal-aħħar, fil-perijodu inkluż bejn is‑7 ta’ Ottubru 2019 u s‑27 ta’ Diċembru 2019, Fondee ttrażmettiet 407 ordni lil negozjant tat-titoli barrani. Fondee ppermettiet, b’mod partikolari, lill-klijenti tagħha jinvestu fl-hekk imsejħa ETF (“exchange traded funds”, “fondi nnegozjati fil-borża” ( 7 )), titoli ta’ investiment kollettiv inklużi fin-negozjar fuq is-swieq tal-boroż barranin u swieq irregolati oħra. Il-klijenti kienu jippreżentaw ordni permezz ta’ kont tal-utent fuq is-sit web www.fondee.cz li Fondee, min-naħa tagħha, kienet tittrażmetti lid-ditta DeGiro B.V. (iktar ’il quddiem “DeGiro”), stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, dan kollu fuq il-bażi ta’ kuntratt trilaterali bejn din id-ditta, Fondee u l-klijenti. Wara dawn il-verifiki, skont l-Artikolu 162(1)(a) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Kapital, il-Bank Nazzjonali Ċek impona multa ta’ 150000 CZK fuq Fondee għal ksur tal-projbizzjoni skont l-Artikolu 29(4) ta’ din il-liġi, kif emendat. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-bord tal-Bank Nazzjonali Ċek, li ċaħad it-talba mressqa minn Fondee. Din tal-aħħar għalhekk appellat mid-deċiżjoni ta’ dan il-bord quddiem il-qorti tar-rinviju.

    12.

    Quddiem din il-qorti, Fondee sostniet, fl-ewwel lok, li l-projbizzjoni inkwistjoni, li tipprojbixxi negozjant tat-titoli stabbilit fi Stat Membru ieħor, milli jagħti servizzi lil intermedjarju tal-investiment fir-Repubblika Ċeka, tintroduċi diskriminazzjoni pprojbita skont l-Artikolu 56 TFUE jew, inkella, restrizzjoni inammissibbli tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li għandha l-effett li tillimita l-aċċess għas-suq Ċek lill-fornituri ta’ Stati Membri oħra. Fit-tieni lok, Fondee sostniet li l-projbizzjoni inkwistjoni tikser l-Artikolu 56 TFUE anki peress illi tillimita d-dritt ta’ intermedjarju tal-investiment Ċek li jirċievi jew jibbenefika mod ieħor minn servizz mogħti minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor. Il-Bank Nazzjonali Ċek qabelxejn eċċepixxa l-inammissibbiltà tal-argumenti ta’ Fondee intiżi sabiex isostnu l-ksur tad-dritt tan-negozjanti tat-titoli barranin għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Huwa sostna mbagħad, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt tal-intermedjarji tal-investiment Ċeki li jibbenefikaw minn servizzi mogħtija minn negozjanti fit-titoli stabbiliti fi Stati Membri oħra, li l-kwistjoni tar-rabta bejn id-Direttiva 2014/65 u l-Artikolu 56 TFUE ma ħallietx lok għal iktar dubji. Intermedjarju tal-investiment eskluż mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment skont l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, fil-fatt ma jistax jibbenefika minn din il-libertà skont l-Artikolu 56 TFUE jekk mhux għal servizzi li ma humiex dawk ta’ investiment.

    13.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Persuna li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 2014/65/UE] hija eżentata mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, ma tibbenefikax mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 34 tagħha, tibbenefika mid-dritt ta’ provvista libera ta’ servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma tipprovdix hija stess servizzi ta’ investiment abbażi ta’ passaport uniku Ewropew lil klijent stabbilit fi Stat Membru ieħor, iżda tirċievi servizz ta’ investiment minn operatur barrani li juża passaport uniku Ewropew, jew tipparteċipa b’mod ieħor (bħala intermedjarja) fil-provvista ta’ dan is-servizz lill-klijent finali?

    2)

    Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi lil intermedjarju tal-investiment milli jittrasmetti l-ordnijiet ta’ klijent lil negozjant tat-titoli barrani?”

    14.

    Apparti l-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-kawża ineżami, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    III. Analiżi

    1.  Fuq id‑domandi preliminari

    15.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi essenzjalment jekk persuna li taqa’ f’eżenzjoni fakultattiva skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/65 tistax tinvoka l-Artikolu 56 TFUE bħala benefiċjarja ta’ servizz ta’ investiment mogħti minn “operatur barrani” li għandha passaport uniku Ewropew jew bħala intermedjarja fl-għoti ta’ dan is-servizz lill-klijent finali. Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda preliminari, permezz tat-tieni domanda preliminari, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 56 TFUE jipprojbixxix leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi intermedjarju tal-investiment milli jittrażmetti l-ordnijiet tal-klijenti tiegħu lil “negozjant tat-titoli barrani”.

    16.

    Qabel ma nipproċedi għal eżami ta’ dawn id-domandi, li fil-fehma tiegħi għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandhom isiru ċerti preċiżazzjonijiet.

    17.

    Fl-ewwel lok, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-ditta Olandiża DeGiro, li Fondee ttrażmettitilha l-ordnijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“operatur barrani” jew in-“negozjanta tat-titoli barranija” li jirreferu għaliha d-domandi preliminari), hija ditta ta’ investiment skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65 li topera bil-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 34(1) ta’ din id-direttiva, grazzi għal awtorizzazzjoni mogħtija skont l-istess direttiva. Barra minn hekk ma jidhirx li huwa kkontestat li hija għandha permess topera fir-Repubblika Ċeka skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

    18.

    Fit-tieni lok, kemm l-irċevuta u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, kif ukoll l-eżekuzzjoni tagħhom, jikkostitwixxu “servizzi ta’ investiment” skont il-punt 2 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65 ( 8 ).

    19.

    Fit-tielet lok, huwa maqbul bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li Fondee ma wettqet ebda provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ investiment. Billi rċeviet u ttrażmettiet lid-ditta DeGiro l-ordnijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija fil-fatt wettqet servizzi ta’ investiment unikament lill-klijenti tagħha residenti jew stabbiliti fir-Repubblika Ċeka. Fondee madankollu ġiet “implikata” fil-provvista transkonfinali ta’ servizz ta’ investiment bejn żewġ Stati Membri. Id-dimensjoni effettiva ta’ din l-implikazzjoni tiddependi mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt trilaterali li japplika bejn l-istess Fondee, l-investitutri Ċeki u d-ditta DeGiro. Huwa fil-fatt fid-dawl tal-ftehim bejn dawn il-persuni li għandu jiġi evalwat jekk, kif issostni Fondee, hija kinitx id-destinatarja (indiretta) tas-servizzi mogħtija mid-ditta DeGiro b’eżekuzzjoni tal-ordnijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew jekk l-investituri Ċeki, li kienu marbuta bir-rabtiet kuntrattwali tagħhom mal-imsemmija ditta, apparti ma’ Fondee, kellhomx jitqiesu bħala d-destinatarji uniċi ta’ dawn is-servizzi, filwaqt li Fondee kienet qiegħda topera unikament bħala intermedjarja. L-ewwel domanda preliminari hija fformulata b’mod li tkopri ż-żewġ ipoteżijiet, jiġifieri, il-parteċipazzjoni ta’ Fondee fl-għoti ta’ servizzi ta’ investiment transkonfinali bħala destinatarja tas-servizz ipprovdut mid-ditta DeGiro fil-kwalità ta’ intermedjarja sempliċi li għandha tirċievi u tittrażmetti l-ordnijiet li mbagħad kienu jiġu eżegwiti direttament f’isem l-investituri Ċeki.

    20.

    Wara li dan ġie ppreċiżat, infakkar illi skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali adottata f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti jew kompleta fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, iżda fid-dawl ta’ dawk ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni ( 9 )

    21.

    Għalhekk, il-kwistjoni fil-qalba tal-kawża prinċipali hija bbażata, essenzjalment, fuq il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-projbizzjoni imposta minn Stat Membru fuq l-intermedjarji tal-investiment li joperaw fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali li jittrażmettu ordnijiet, bl-għan tal-eżekuzzjoni tagħhom, lil ditti ta’ investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65 li ma humiex stabbiliti f’dan l-Istat Membru. Għalhekk, minkejja li d-domandi preliminari fil-kawża ineżami huma essenzjalment magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu 56 TFUE, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk l-imsemmija projbizzjoni taqax fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/65 li jiffurmaw is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti. Għal dan l-għan, għandu jitqies mhux biss is-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti għal din id-direttiva, iżda anki l-kuntest tagħhom u dak tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha ( 10 ).

    22.

    Id-Direttiva 2014/65 għandha l-għan li tarmonizza, inter alia, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi mal-għan li jinħoloq “suq finanzjarju integrat” ( 11 ). It-Titolu II ta’ din id-direttiva, li jispeċifika l-“Kundizzjonijiet għall-Awtorizzazzjoni u l-Operat għad-Ditti ta’ Investiment”, jinkludi, fil-Kapitolu III, intitolat “Id-Drittijiet tad-ditti ta’ investiment”, l-Artikolu 34, iddedikat għal-“libertà li jiġu pprovduti servizzi u attivitajiet ta’ investiment”, li, kif intqal, jipprevedi, fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull ditta ta’ investiment awtorizzata u ssorveljata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor skont din id-direttiva tista’ tipprovdi b’mod liberu s-servizzi ta’ investiment u/jew twettaq l-attivitajiet ta’ investiment kif ukoll servizzi anċillari fit-territorji tagħhom u, fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu, li dawn ma għandhomx jimponu “rekwiżiti addizzjonali” fuq dawn id-ditti.

    23.

    Dan l-artikolu, fil-fehma tiegħi, wettaq armonizzazzjoni kompleta tal-provvista transkonfinali ta’ servizzi u tal-eżerċizzju transkonfinali tal-attivitajiet ta’ investiment li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu minn ditti ta’ investiment li għandhom “passaport Ewropew” mogħti skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Skont l-imsemmi Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/65, l-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu ostakoli, restrizzjonijiet, kundizzjonijiet jew rekwiżiti għall-eżerċizzju tal-imsemmija libertajiet li ma humiex previsti minn din id-direttiva u li ma jiġux introdotti skont il-modalitajiet previsti minn din id-direttiva, lanqas fejn ikunu intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri.

    24.

    Dan jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/65 inkluż fit-Taqsima 2, dwar “Id-Dispożizzjonijiet sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-investitur”, tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, li jispeċifika l-“Kundizzjonijiet operattivi għad-ditti ta’ investiment”. Dan l-artikolu jistabbilixxi, fil-paragrafu 1, li l-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi d-ditti ta’ investiment jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali skont l-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom u li josservaw, b’mod partikolari, il-prinċipji stabbiliti f’dan l-artikolu – indikati fid-dettall fil-punti 2 sa 11 – u fl-Artikolu 25 segwenti. Għalhekk, il-punt 12 tal-imsemmi Artikolu 24, jipprevedi illi “f’każijiet eċċezzjonali”, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq id-ditti ta’ investiment “rekwiżiti addizzjonali […] oġġettivament ġustifikati u proporzjonati sabiex jindirizzaw riskji speċifiċi għall-protezzjoni tal-investitur jew għall-integrità tas-suq li huma ta’ importanza partikolari fiċ-ċirkustanzi tal-istruttura tas-suq ta’ dak l-Istat Membru”. Madankollu, minn naħa, it-tieni sentenza ta’ dan il-punt, tispeċifika illi tali rekwiżit addizzjonali eventwali ta’ dan it-tip “m’għandux jirrestrinġi jew b’mod ieħor jaffettwa d-drittijiet tad-ditti ta’ investiment” skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/65. Min-naħa l-oħra, it-tieni u t-tielet sentenza jipprevedu l-proċedura li l-Istat Membru kkonċernat għandu jsegwi biex jiġi awtorizzat jintroduċi dawn ir-rekwiżiti addizzjonali (notifika lill-Kummissjoni u l-parir tagħha) ( 12 ).

    25.

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-projbizzjoni skont l-Artikolu 29(4) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Kapital, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi evalwata biss b’rabta mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u dan minkejja li hija ma tapplikax għall-intermedjarji tal-investiment imsemmija f’din il-projbizzjoni, li jibbenefikaw minn eżenzjoni fakultattiva skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva ( 13 ). L-imsemmija projbizzjoni tista’ fil-fatt tostakola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi li l-impriżi ta’ investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65 jibbenefikaw minnha skont l-Artikolu 34 tagħha.

    26.

    Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix il-konklużjoni li wasalt għaliha jiena, li skontha l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/65 iwettaq armonizzazzjoni sħiħa tal-għoti ta’ servizzi transkonfinali minn dawn l-impriżi, xorta waħda nqis li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata b’rabta ma’ dan l-artikolu, apparti l-Artikolu 56 TFUE ( 14 ).

    27.

    Wara l-analiżi tiegħi sejjer għalhekk nipproċedi għaż-żewġ evalwazzjonijiet.

    a)   Evalwazzjonijiet skont id‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2014/65

    28.

    B’mod preliminari, nirrileva illi, kuntrarjament għal dak li donnu jsostni l-Gvern Finlandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-Direttiva 2014/65 ma timponi ebda projbizzjoni, fuq il-persuni li jibbenefikaw minn eżenzjoni fakultattiva skont l-Artikolu 3(1) tagħha, milli jirċievu servizzi ta’ investiment minn ditta ta’ investiment stabbilita fi Stat Membru ieħor jew li jipparteċipaw, bħala intermedjarji, fl-għoti ta’ servizzi ta’ investiment transkonfinali lil klijenti li jirrisjedu jew li huma stabbiliti fl-Istat Membru fejn għandhom is-sede tagħhom.

    29.

    Fil-fatt, jekk l-Artikolu 3(1)(c) ta’ din id-direttiva jillimita ċ-ċirku ta’ persuni li dawn il-persuni huma awtorizzati jittrażmettulhom l-ordnijiet, il-punt (i) ta’ din id-dispożizzjoni telenka fost dawn il-persuni d-ditti ta’ investiment awtorizzati skont l-istess direttiva.

    30.

    Għalhekk, id-Direttiva 2014/65 espressament tipprevedi li l-persuni li jibbenefikaw minn eżenzjoni fakultattiva jistgħu jkollhom il-permess li jittrażmettu, barra mill-pajjiż, ordnijiet irċevuti minn klijenti residenti jew stabbiliti fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom, bil-kundizzjoni madankollu li d-ditta destinatarja ta’ dawn l-ordnijiet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti mill-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva sabiex tagħti s-servizzi inkwistjoni f’dan l-aħħar Stat Membru.

    31.

    Inżid illi ebda element f’sens kuntrarju ma jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 3(1)(c)(iv) tad-Direttiva 2014/65, li skontu l-persuni li jibbenefikaw minn eżenzjoni fakultattiva jistgħu jkunu awtorizzati jittrażmettu ordnijiet lil “impriżi għall-investiment kollettiv awtorizzati bil-liġijiet ta’ Stat Membru li jqiegħdu unitajiet fis-suq għall-pubbliku […]”. Fil-fatt, l-interpretazzjoni proposta mill-Bank Nazzjonali Ċek – li ġiet inkluża fid-deċiżjoni tar-rinviju – li skontha l-impriżi li tirreferi għalihom din id-dispożizzjoni huma biss impriżi awtorizzati skont id-dritt tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-persuna li hija suġġett ta’ eżenzjoni, fil-fehma tiegħi, ma ssib ebda appoġġ la fil-formulazzjoni, la fl-istruttura u lanqas fl-ekonomija ta’ din id-dispożizzjoni.

    32.

    Dan stabbilit, jekk id-Direttiva 2014/65 tammetti li persuni esklużi mill-applikazzjoni tagħha skont l-Artikolu 3(1) tagħha huma awtorizzati jittrażmettu ordnijiet lil ditti ta’ investiment mhux stabbiliti fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk dan tal-aħħar, li għandu jiddefinixxi s-sistema applikabbli għal dawn il-persuni, jistax madankollu jipprojbixxi tali trażmissjoni.

    33.

    F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Istati Membri li jirrikorru għal eżenzjoni fakultattiva skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/65 jagħmlu użu minn setgħa diskrezzjonali espressament irrikonoxxuta lilhom minn din id-direttiva. Din is-setgħa diskrezzjonali madankollu ma hijieix bla limiti. L-eżerċizzju tagħha, li barra minn hekk huwa diġà suġġett għal standards speċifiċi stabbiliti direttament mid-Direttiva 2014/65, għandu jseħħ bl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-għanijiet segwiti minn din id-direttiva.

    34.

    Għalhekk, projbizzjoni bħal dik prevista mill-Artikolu 29(4) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Kapital, li topera fuq il-bażi ta’ kriterju bbażat fuq il-post ta’ stabbiliment tal-fornitur tas-servizzi, hija, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mal-għan segwit minn din id-direttiva li jikkonsisti, inter alia, fil-ħolqien ta’ suq uniku ta’ servizzi ta’ investiment ibbażat fuq il-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Istat Membru tad-domiċilju tal-fornitur u tas-sorveljanza eżerċitata minn dan l-Istat Membru.

    35.

    Fil-fatt, jekk ditta ta’ investiment awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65 u bil-permess li topera fir-Repubblika Ċeka f’sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, tiġi pprojbita milli teżegwixxi ordnijiet trażmessi direttament minn intermedjarju tal-investiment, f’isem klijenti residenti jew stabbiliti hemmhekk li jafdaw is-servizzi tagħhom f’idejn dan l-intermedjarju, din il-projbizzjoni fil-fatt tipprojbixxi, jew fi kwalunkwe każ tostakola, lil din l-impriża, milli tuża kanal speċifiku ta’ aċċess għas-suq tal-investiment Ċek li minflok huwa miftuħ għall-operaturi li għandhom awtorizzazzjoni nazzjonali u huma stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

    36.

    Sa fejn l-imsemmija projbizzjoni timponi lil tali ditta sabiex topera permezz ta’ terza persuna, awtorizzata fuq livell nazzjonali ( 15 ) hija tintroduċi wkoll “rekwiżit addizzjonali”, ipprojbit skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/65. Billi din l-operazzjoni obbligatorja żżid l-ispejjeż tas-servizz ipprovdut minn ditta ta’ investiment li ma hijiex residenti meta mqabbla ma’ dak ipprovdut minn ditti ta’ investiment nazzjonali, tista’ tagħmel l-ewwel waħda inqas attraenti għall-investituri ( 16 ).

    37.

    F’dan il-kuntest, il-fatt biss illi ditta ta’ investiment li topera fir-Repubblika Ċeka f’sistema ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi skont id-Direttiva 2014/65 ikollha eventwalment il-possibbiltà ta’ modalitajiet oħra sabiex twassal is-servizz tagħha, pereżempju billi tinkoraġġixxi l-irċevuta diretta ta’ ordnijiet mill-investituri stabbiliti f’dan l-Istat Membru jew billi tirrikorri għal aġent marbut ( 17 ), ma jeskludix li l-projbizzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi madankollu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali ( 18 ), bl-istess mod li ma teskludihiex, a fortiori, iċ-ċirkustanza li din id-ditta teżerċita l-għażla li toħloq stabbiliment jew sussidjarja f’dan l-Istat Membru ( 19 ). Bl-istess mod, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ restrizzjoni l-fatt li l-attività tal-intermedjarji tal-investiment ma hijiex indispensabbli għall-funzjonament tas-suq finanzjarju u li l-istabbiliment u ż-żamma tagħhom jaqgħu fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru. Fil-fatt, ladarba tkun saret għażla f’dan is-sens, is-sistema applikabbli għalihom, anki jekk iddefinita b’mod awtonomu mill-Istat Membru kkonċernat – anki jekk bl-osservanza tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq – ma tkunx tista’ tikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/65 u, b’mod partikolari, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi rrikonoxxuta lid-ditti ta’ investiment awtorizzati fuq il-bażi ta’ din id-direttiva, u b’hekk l-aċċess intiż għall-investituri li jirrikorru għas-servizzi tal-imsemmija intermedjarji jiġi essenzjalment irriżervat għall-operaturi nazzjonali.

    38.

    Ċertament, id-Direttiva 2014/65 telenka wkoll fost l-għanijiet prinċipali tagħha l-implimentazzjoni ta’ livell ogħla ta’ protezzjoni tal-investituri fl-Unjoni kollha ( 20 ) u l-projbizzjoni prevista mill-Artikolu 29(4) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Kapital issib il-ġustifikazzjoni tagħha, skont dak li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka u tal-Bank Nazzjonali Ċek, proprju fil-ħtieġa li tiġi eżerċitata sorveljanza fuq l-attività tal-intermedjarji tal-investiment sabiex jiġu protetti l-investituri li jirrikorru għas-servizzi tagħhom.

    39.

    Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, billi llimita l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jeskludu ċerti persuni mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65 u billi ppreveda li dawn huma obbligati japplikaw għal dawn il-persuni rekwiżiti tal-inqas simili għal dawk stabbiliti minn din id-direttiva fir-rigward tal-kundizzjonijiet u proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, għall-evalwazzjoni tar-reputazzjoni u l-esperjenza tagħhom, għall-idoneità tal-azzjonisti, għas-sorveljanza kontinwa, u għar-regoli ta’ mġiba, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu preċiżament l-intenzjoni li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri li, meta jużaw is-servizzi ta’ dawn il-persuni, ma jkunux protetti mid-Direttiva 2014/65 (ara l-premessa 42 ta’ din id-direttiva). B’mod partikolari, l-Artikolu 3(2) ta’ din tal-aħħar isemmi parti kbira mir-regoli ta’ mġiba inklużi fl-Artikoli 24 u 25 tagħha u, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ mġiba onesta, ekwa, professjonali u fl-aħjar interess tal-klijenti, l-obbligu li tingħata informazzjoni korretta, ċara, mhux qarrieqa u fil-ħin lill-klijenti, li jitwettaq eżami ta’ adegwatezza fil-preżenza tas-servizz ta’ konsulenza u regoli dwar remunerazzjoni, sistemi ta’ garanzija u ta’ protezzjoni tal-investituri jew assigurazzjonijiet professjonali. L-allinjament tas-sistemi nazzjonali ma’ dawn ir-regoli u rekwiżiti, impost mid-Direttiva 2014/65 huwa intiż li jnaqqas ir-riskju ta’ mġiba għad-dannu tal-investituri li jafdaw lil persuni esklużi mill-applikazzjoni tagħha skont l-Artikolu 3(1) tagħha, u li jippermetti ġlieda iktar effikaċi kontra din l-imġiba.

    40.

    Infakkar ukoll li l-istess leġiżlatur tal-Unjoni ma kkunsidrax neċessarju li jinkludi fost il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jeskludu ċerti persuni mill-applikazzjoni tad-direttiva l-projbizzjoni li jittrażmettu ordnijiet bl-għan tal-eżekuzzjoni tagħhom lil ditti awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65, iżda anzi inkluda tali possibbiltà, billi impliċitament ikkunsidra li, fejn jitwettqu fl-intern taċ-ċirku ta’ din id-direttiva, dawn l-operazzjonijiet ma jippreżentawx riskji li ma jistgħux jiġu llimitati mis-sorveljanza attribwita lill-Istat Membru tad-domiċilju, eventwalment b’rabta mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-impriża tal-investiment li tirċevihom ( 21 ).

    41.

    F’dan ir-rigward, infakkar ukoll li d-Direttiva 2014/65, minn naħa, timponi lid-ditti ta’ investiment intiżi biex joperaw fuq il-bażi ta’ passaport uniku Ewropew l-obbligu li jiksbu mill-klijent informazzjoni dwar l-għarfien u l-esperjenzi tiegħu dwar investimenti rigward it-tip speċifiku ta’ prodott jew servizz propost jew mitlub, sabiex tiġi vverifikata l-idoneità tiegħu għal dan il-klijent (ara l-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/65) u, min-naħa l-oħra, irreduċiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-“execution only”, speċjalment fid-dawl ta’ prodotti kumplessi, billi għamlitu suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet (ara l-Artikolu 25(4)). Għalhekk, bħala prinċipju, anki f’konfigurazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex eskluż illi, sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom fid-dawl tad-Direttiva 2014/65, id-ditti ta’ investiment li huma obbligati jeżegwixxu l-ordnijiet trażmessi minn intermedjarju eskluż mill-applikazzjoni tagħha, ikollhom iwettqu sorveljanza tal-operat ta’ dan tal-aħħar.

    42.

    Għar-raġunijiet esposti, miżura ta’ Stat Membru li tobbliga lill-intermedjarji tal-investiment esklużi mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65 minħabba eżenzjoni fakultattiva skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva li jittrażmettu l-ordnijiet irċevuti mill-klijenti tagħhom biss lil suġġetti awtorizzati u stabbiliti f’dan l-Istat Membru u li għalhekk tipprojbixxi lil dawn l-intermedjarji milli jittrażmettu l-imsemmija ordnijiet lil ditta stabbilita fi Stat Membru ieħor anki fejn din tkun awtorizzata skont l-imsemmija direttiva sabiex tipprovdi servizzi ta’ investiment fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-intermedjarju, hija, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mal-għanijiet segwiti minn din tal-aħħar.

    43.

    Il-konvenuta fil-kawża prinċipali kkontestat il-locus standi ta’ Fondee sabiex tinvoka tali inkompatibbiltà, peress li hija stess ma hijiex ditta ta’ investiment skont id-Direttiva 2014/65 u anzi hija eskluża mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva u mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment skont l-Artikolu 34 ta’ din tal-aħħar. Anki l-qorti tar-rinviju tiddubita minn dan il-locus standi, peress li Fondee ma invokatx preġudizzju tagħha u lanqas ksur ta’ dritt mogħti lilha mid-dritt tal-Unjoni.

    44.

    F’dan ir-rigward infakkar illi l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat – fil-preżenza ta’ konfigurazzjoni simili għal dik li tikkaratterizza t-tilwima prinċipali anki jekk f’kuntest differenti – li anki l-projbizzjoni, fil-forma ta’ sanzjoni, imposta fuq l-intermedjarji, kontra l-faċilitazzjoni tal-għoti ta’ servizzi minn fornitur b’sede fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih l-imsemmija intermedjarji jwettqu l-attivitajiet tagħhom tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 22 ). B’mod iktar ġenerali, fejn kumpannija stabbilita fi Stat Membru tipprovdi servizzi bl-intermedjazzjoni ta’ operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru ieħor, ir-restrizzjonijiet imposti mill-attivitajiet ta’ dan l-operatur jaqgħu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, indipendentement mis-sitwazzjoni ta’ dan l-operatur, li jista’ għalhekk jinvoka d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex jopponi għall-impożizzjoni tas-sanzjonijiet fil-forma ta’ projbizzjonijiet li jostakolaw l-attività ta’ intermedjazzjoni ( 23 ). Peress illi dawn il-prinċipji ġew sostnuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, dawn huma trasponibbli mutatis mutandis għal kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn huwa importanti d-dritt sekondarju armonizzat.

    45.

    Il-fatt illi, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/65, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tgawdix mil-libertà prevista fl-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva, ma jikkontestax dak li għadu kif intqal.

    46.

    L-imsemmi Artikolu 3(3) fil-fatt għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi unikament għal-libertà tal-operaturi li jgawdu minn eżenzjoni fakultattiva li jagħtu servizzi ta’ investiment lil destinatarji residenti jew stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom bil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva, u mhux ukoll għal-libertà tal-benefiċjarji, bħala destinatarji, ta’ servizzi ta’ investiment mogħtija minn ditta awtorizzata skont l-istess direttiva li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, u lanqas għal-libertà li jaġixxu fi kwalità ta’ intermedjarji fil-kuntest tal-għoti ta’ servizzi ta’ investiment minn din id-ditta lil klijenti stabbiliti fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom.

    47.

    Din l-interpretazzjoni tirriżulta, apparti milli mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/56, mill-għanijiet segwiti minn din id-dispożizzjoni li tikkonsisti fil-projbizzjoni li persuna li ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti mid-direttiva tkun awtorizzata tipprovdi servizzi ta’ investiment transkonfinali. Interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li skontha l-persuni li jibbenefikaw minn eżenzjoni fakultattiva ma jistgħux ikunu destinatarji ta’ għoti ta’ servizzi ta’ investiment transkonfinali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew li jaġixxu bħala intermedjarji fil-kuntest ta’ tali għoti ma hijiex koerenti mal-imsemmi punt (i) tal-Artikolu 3(1)(c) ta’ din id-direttiva li, kif intwera, espressament jipprevedi l-possibbiltà għal dawn il-persuni li jittrażmettu ordnijiet lil ditta ta’ investiment awtorizzata skont din id-direttiva bl-għan tal-eżekuzzjoni tagħhom,

    48.

    Għalhekk, kif huwa speċifikat fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, billi ttrażmettiet l-ordnijiet fil-kawża prinċipali, Fondee pprovdiet servizzi ta’ investiment biss lill-klijenti tagħha li kienu residenti jew stabbiliti fir-Repubblika Ċeka u għalhekk ipprovdiet servizz li ma fih ebda element transkonfinali. Barra minn hekk, jekk huwa minnu li hija ffaċilitat l-għoti ta’ servizzi ta’ investiment transkonfinali bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Ċeka, madankollu, kif korrettament sostnut fl-osservazzjonijiet tagħha, hija ma pparteċipatx fl-għoti ta’ servizz ta’ investiment barra mill-pajjiż, peress li l-ordnijiet inkwistjoni kienu ġew eżegwiti f’isem klijenti residenti jew stabbiliti fir-Repubblika Ċeka.

    49.

    Ċertament, fil-punt 30 tas-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Khorassani ( 24 ), imsemmi wkoll mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja, li esprimiet ruħha dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/39 iddikjarat li teżisti rabta viċina bejn is-servizz ta’ investiment ikkostitwit fir-“riċeviment u t-trażmissjoni ta’ ordnijiet” u dak li jikkonsisti fit-“twettiq tal-ordnijiet”, “billi l-ewwel wieħed huwa pprovdut qabel it-tieni u bħala prinċipju jwassal għall-provvista ta’ dan tal-aħħar”. Madankollu, fejn dawn is-servizzi jiġu pprovduti minn persuni differenti, l-eżistenza ta’ din ir-rabta – biss minħabba ċ-ċirkustanza li l-“ordnijiet” li huma s-suġġett tagħhom huma l-istess ( 25 ) – ma tipprekludix li s-servizzi pprovduti – kif ukoll ir-responsabbiltajiet assunti – jiġu kkunsidrati separatament, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, minn kull waħda minn dawn il-persuni u dan anki fil-każ fejn dawn is-servizzi jingħataw, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ rabta kuntrattwalment trilaterali.

    50.

    Għalhekk Fondee għandha locus standi sabiex tinvoka l-ksur tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/65 sabiex tikkontesta l-multa li ġiet imposta fuqha talli kisret il-projbizzjoni skont l-Artikolu 29(4) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Kapital, sa fejn hija taġixxi mhux bħala fornitriċi ta’ servizz transkonfinali ta’ investiment iżda bħala destinatriċi ta’ dan is-servizz jew intermedjarja fl-għoti tiegħu.

    b)   Evalwazzjoni skont l‑Artikolu 56 TFUE

    51.

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tirrispondi għad-domandi preliminari fuq il-bażi tal-Artikolu 56 TFUE, infakkar illi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita f’dan l-artikolu tobbliga mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor fuq il-bażi taċ-ċittadinanza tiegħu, iżda anki s-soppressjoni ta’ kull restrizzjoni – anki jekk applikabbli mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk tal-Istati Membri l-oħra – li tkun idonea sabiex tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn leġittimament jagħti servizzi simili ( 26 ). B’mod iktar ġenerali, l-Artikolu 56 TFUE jikkonċerna s-servizzi li fornitur, stabbilit fi Stat Membru, joffri mingħajr ma jiċċaqlaq lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, b’mod illi kwalunkwe restrizzjoni ta’ dawn l-attivitajiet tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn dan il-fornitur ( 27 ).

    52.

    Barra minn hekk, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jagħti drittijiet mhux biss lill-fornitur ta’ servizzi, iżda wkoll lid-destinatarju tal-imsemmija servizzi ( 28 ). Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi għalhekk mhux biss il-libertà tal-fornitur li jipprovdi servizzi lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak li fit-territorju tiegħu dan ikun stabbilit, iżda wkoll il-libertà li wieħed jirċievi jew jibbenefika, bħala destinatarju, mis-servizzi offruti minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkun imxekkel minn restrizzjonijiet ( 29 ). Fil-fatt, it-Trattat jikkunsidra bl-istess mod ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi u dawk imposti fuq id-destinatarji ta’ servizzi. Għaldaqstant, ladarba s-sitwazzjoni tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, kemm id-destinatarju kif ukoll il-fornitur ta’ servizz ikunu jistgħu jinvokaw l-imsemmi artikolu ( 30 ). Finalment, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kif diġà kellha opportunità tfakkar, hija restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi anki l-projbizzjoni li intermedjarju jiffaċilita servizzi transkonfinali, anki fejn dan l-intermedjarju jkun stabbilit fl-istess Stat Membru bħad-destinatarji ta’ dan is-servizz ( 31 ).

    53.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk intermedjarju tal-investiment bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jibbenefika minn eżenzjoni fakultattiva skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/65 jistax, fid-dawl tas-sens tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jinvoka l-Artikolu 56 TFUE bħala destinatarju ta’ servizz transkonfinali ta’ investiment jew bħala intermedjarju f’dan l-għoti ta’ servizzi.

    54.

    Dwar dan il-punt, nillimita ruħi għal riferiment għall-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar l-interpretazzjoni li, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata għall-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/65. Fil-fehma tiegħi huwa ċar li din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix lil persuna eskluża mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva milli tinvoka l-Artikolu 56 TFUE skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk inqis, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni oħra inerenti għar-rabta bejn id-dritt primarju u dak sekondarju, li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/65 ma jistax jinqara fis-sens li jipprojbixxi lil intermedjarju tal-investiment eżentat mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65 skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva milli jinvoka l-Artikolu 56 TFUE bħala destinatarju ta’ għoti ta’ servizzi ta’ investiment transkonfinali jew ta’ intermedjarju fil-qafas ta’ tali għoti ta’ servizzi.

    55.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 56 TFUE huwiex oppost għal projbizzjoni bħal dik fl-Artikolu 29(4) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Kapital.

    56.

    F’dan ir-rigward, koerentement ma’ dak li ġie sostnut iktar ’il fuq b’referenza għall-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/65, inqis li tali projbizzjoni tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet li d-ditti ta’ investiment stabbiliti fi Stat Membru differenti joffru fir-Repubblika Ċeka u għalhekk tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE.

    57.

    Tali restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi aċċettata biss, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-għan tagħha jkun leġittimu u kompatibbli mat-Trattat FUE u jkun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn, jekk ikun il-każ, din tkun kapaċi tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jinkiseb ( 32 ).

    58.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka jirriżulta li l-Artikolu 29(4) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Kapital huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi ffaċilitata s-sorveljanza fuq l-attivitajiet tal-intermedjarji tal-investiment, b’mod partikolari fid-dawl ta’ prattiki preċedenti kuntrarji għall-interessi tal-klijenti użati minn tali intermedjarji. Il-Bank Nazzjonali Ċek jippreċiża li n-negozjanti tat-titoli nazzjonali li jirċievu ordnijiet trażmessi mill-intermedjarji tal-investiment huma suġġetti għal obbligi speċifiċi ta’ sorveljanza fir-rigward tal-operat ta’ dawn tal-aħħar u li, anki għal din ir-raġuni, is-sorveljanza fuq l-attività tal-intermedjarji tal-investiment hija magħmula iktar diffiċli fil-każ fejn l-ordnijiet jiġu trażmessi lil fornituri barra mir-Repubblika Ċeka.

    59.

    F’dan ir-rigward, nillimita ruħi li nfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha opportunità tippreċiża li la kunsiderazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, u lanqas, b’mod partikolari, l-għan li jikkonsisti fis-semplifikazzjoni tat-twettiq tal-missjoni ta’ awtorità ta’ kontroll ma jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għall-eżerċizzju ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali żgurati fit-Trattat ( 33 ). Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali mbagħad, dawn il-ġustifikazzjonijiet jiġu invokati f’kuntest fejn l-attività tal-operaturi esklużi mill-possibbiltà ta’ kooperazzjoni mal-intermedjarji tal-investiment Ċeki tinsab fil-kuntest ta’ regola speċifika ta’ dritt sussidjarju li timponi rekwiżiti, obbligi u sorveljanzi intiżi għall-iżgurar ta’ livell ogħla ta’ protezzjoni tal-investituri.

    c)   Konklużjonijiet intermedji

    60.

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li l-eżami tal-miżura nazzjonali ineżami għandu jsir fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/65 u li ma huwiex neċessarju, sabiex tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju, li jiġi eżaminat jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, Fondee għandhiex locus standi sabiex tinvoka l-Artikolu 56 TFUE.

    61.

    Konsegwentement, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, wara riformulazzjoni opportuna ta’ dawn id-domandi, li l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa oppost għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq l-intermedjarji tal-investiment esklużi mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba eżenzjoni fakultattiva skont l-Artikolu 3(1) tagħha, l-obbligu li jittrażmettu l-ordnijiet irċevuti minn klijenti residenti jew stabbiliti f’dan l-Istat Membru biss lin-negozjanti tat-titoli awtorizzati mill-korp ta’ sorveljanza tal-imsemmi Stat Membru u li għandhom is-sede tagħhom hemm, u li għalhekk teskludi t-trażmissjoni ta’ dawn l-ordnijiet lil ditti ta’ investiment awtorizzati skont l-istess direttiva stabbiliti fi Stat Membru differenti.

    IV. Konklużjoni

    62.

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka):

    “L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa oppost għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq l-intermedjarji tal-investiment esklużi mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba eżenzjoni fakultattiva skont l-Artikolu 3(1) tagħha, l-obbligu li jittrażmettu l-ordnijiet irċevuti minn klijenti residenti jew stabbiliti f’dan l-Istat Membru biss lin-negozjanti tat-titoli awtorizzati mill-korp ta’ sorveljanza tal-imsemmi Stat Membru u li għandhom is-sede tagħhom hemm, u li għalhekk teskludi t-trażmissjoni ta’ dawn l-ordnijiet lil ditti ta’ investiment awtorizzati skont l-istess direttiva stabbiliti fi Stat Membru differenti.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

    ( 2 ) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349, rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, ĠU 2016, L 263, p. 35, fil-ĠU 2017, L 64, p. 116 u fil-ĠU 2021, L 410, p. 201).

    ( 3 ) MiFID huwa l-akronimu tal-espressjoni bl-Ingliż “Market in Financial Instrument Directive”. Id-Direttiva 2014/65 ħassret u ssostitwixxiet, mit‑3 ta’ Jannar 2017, id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263, l-hekk imsejħa MiFID I).

    ( 4 ) Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2014, L 173, p. 84, rettifiki fil-ĠU 2015, L 270, p. 4, fil-ĠU 2016, L 187, p. 30 u fil-ĠU 2017, L 278, p. 54).

    ( 5 ) Skont il-punt 55 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65 jekk id-ditta ta’ investiment hija persuna ġuridika, l-Istat Membru tad-domiċilju huwa l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħha.

    ( 6 ) Skont il-punt 56 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65 “Stat Membru ospitanti” tfisser “l-Istat Membru, għajr l-Istat Membru tad-domiċilju, li fih ditta tal-investiment ikollha fergħa jew tipprovdi servizzi u/jew attivitajiet ta’ investiment”.

    ( 7 ) Il-punt 46 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65 jiddefinixxi “fond negozjat fil-borża” bħala “fond li għall-anqas unità waħda jew klassi ta’ ishma minnu tkun innegozjata matul il-jum għall-anqas f’ċentru tan-negozjar wieħed u b’mill-anqas ġeneratur wieħed tas-suq li jieħu azzjoni biex jiġi żgurat li l-prezz tal-unitajiet jew l-ishma tiegħu fiċ-ċentru tan-negozjar ma jvarjax b’mod sinifikanti mill-valur nett tal-assi tiegħu u, fejn applikabbli, mill-valur nett indikattiv tal-assi tiegħu”.

    ( 8 ) F’dak li jirrigwarda l-attività ta’ rċevuta, trażmissjoni u eżekuzzjoni f’isem il-klijenti ta’ ordnijiet li jikkonċernaw strument finanzjarju wieħed jew iżjed, ara l-ewwel u t-tieni punt tat-Taqsima A u tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65. Il-“fondi nnegozjati fil-borża”, suġġetti għall-ordnijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu fil-kategorija ta’ “titoli” li tinsab fl-ewwel punt tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65.

    ( 9 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Comune de Ginosa) (C‑348/22, EU:C:2023:301, punt 36).

    ( 10 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, UNIC u Uni.co.pel (C‑95/14, EU:C:2015:492, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 11 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 7 u 164 tad-Direttiva 2014/65.

    ( 12 ) Nirrileva illi huma previsti dispożizzjonijiet simili fl-Artikolu 16(11) tad-Direttiva 2014/65, fir-rigward tar-rekwiżiti organizzattivi addizzjonali li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq ditti ta’ investiment f’każijiet eċċezzjonali.

    ( 13 ) Nirrileva illi jekk, skont l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2014/65, il-persuni li jibbenefikaw minn eżenzjoni fakultattiva huma “eżentati”, il-punt 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-Istati Membri għandhom japplikaw għal dawn il-persuni rekwiżiti “li jkunu tal-inqas analogi” għal dawk stabbiliti mill-imsemmija direttiva fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u sorveljanza kontinwa, skont ir-regoli ta’ mġiba u r-rekwiżiti organizzattivi, bħal dwak stabbiliti f’artikoli speċifiċi tal-istess direttiva u fir-regoli ta’ eżekuzzjoni relatati.

    ( 14 ) F’dan il-kuntest, nirrileva li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Mastromartino (C‑53/18, EU:C:2019:380), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-projbizzjoni temporanja tal-eżerċizzju tal-attività ta’ “konsulent finanzjarju barra mill-uffiċċji tal-impriża” li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “aġent marbut” fis-sens tad-Direttiva 2004/39 ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li għalhekk ma kellha ebda effett fuq l-imsemmija projbizzjoni. Kif intqal, id-Direttiva 2014/65 tista’ fil-fatt taffettwa l-projbizzjoni fil-kawża prinċipali.

    ( 15 ) B’mod partikolari fejn l-ordnijiet irċevuti mill-intermedjarju għandhom bħala suġġett, kif jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, strumenti finanzjarji li ma humiex innegozjati fuq suq irregolat Ċek u l-entità awtorizzata fil-livell nazzjonali li dawn l-ordnijiet jiġu trażmessi lilha ma jkollhiex il-permess topera fi swieq barranin u għalhekk tkun obbligata tittrażmettihom min-naħa tagħha lil ditta ta’ investiment li għandha tali permess.

    ( 16 ) Nirrileva li waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali ta’ operaturi bħal DeGiro hija marbuta mal-fatt li jimplimentaw kummissjonijiet kompetittivi ħafna.

    ( 17 ) F’dan is-sens, nirrileva li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha Fondée ssostni li l-parti l-kbira tal-aġenti marbuta Ċeki jikkollaboraw mal-intermedjarji tal-investiment u għalhekk ma humiex konkretament aċċessibbli għal ditta ta’ investiment barranija, ħlief minimament.

    ( 18 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments (C‑384/93, EU:C:1995:126, punt 28).

    ( 19 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑546/07, EU:C:2010:25, punt 39).

    ( 20 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 3 u 70 tad-Direttiva 2014/65.

    ( 21 ) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 79(1) tad-Direttiva 2014/65 tistabbilixxi obbligu ta’ kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti magħżula għat-twettiq tal-funzjonijiet previsti minn din id-direttiva “fejn dan ikun meħtieġ”. F’dan ir-rigward, ara wkoll id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU 2019, L 314, p. 64, rettifiki fil-ĠU 2020, L 405, p. 84. u fil-ĠU 2023, L, 2023/90096).

    ( 22 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Gambelli etC‑243/01, EU:C:2003:597, punt 58 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Gambelli”). Il-kawża li tat lok għas-sentenza Gambelli kienet tikkonċerna l-għoti ta’ servizzi ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi minn fornitur b’sede fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih kienu qegħdin jinġabru l-imħatri minn aġenziji li kienu joperaw bħala intermedjarji bejn il-fornitur u l-persuni li jagħmlu l-imħatra.

    ( 23 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, Staatsanwaltschaft Kempten (C‑336/14, EU:C:2016:72), punti 41 sa 43. Din il-kawża kienet tikkonċerna ċittadina ta’ pajjiż terz, residenti fi Stat Membru, li kienet tiġbor imħatri sportivi f’isem kumpannija stabbilita fi Stat Membru differenti.

    ( 24 ) C‑678/15, EU:C:2017:451.

    ( 25 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-Kawża Khorassani (C‑678/15, EU:C:2017:100, punt 42).

    ( 26 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2020, Stanleyparma u Stanleybet Malta (C‑788/18, EU:C:2020:110, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, OL (Proroga tal-konċessjonijiet Taljani) (C‑517/20, mhux ippubblikata, EU:C:2023:219, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 28 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, PrivatBank et (C‑78/21, EU:C:2023:137, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 29 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Casa Naţională de Asigurări de Sănătate u Casa de Asigurări de Sănătate Constanţa (C‑538/19, EU:C:2021:809, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, BONVER WIN (C‑311/19, EU:C:2020:981, punt 21).

    ( 31 ) Ara s-sentenza Gambelli, punt 58.

    ( 32 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Instituto do Cinema e do Audiovisual (C‑411/21, EU:C:2022:836, punt 24).

    ( 33 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (205/84, EU:C:1986:463, punt 54). Ara wkoll is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑356/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:401, punt 46).

    Top