Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0687

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-14 ta’ Diċembru 2023.


    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:995

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    RICHARD DE LA TOUR

    ippreżentati fl‑14 ta’ Diċembru 2023 ( 1 )

    Kawża C‑687/22

    Julieta,

    Rogelio

    vs

    Agencia Estatal de la Administración Tributaria

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Alicante (il-Qorti Provinċjali ta’ Alicante, Spanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Pjan ta’ ristrutturazzjoni – Direttiva (UE) 2019/1023 – Esklużjoni ta’ krediti pubbliċi – Effetti ġuridiċi tad-direttivi – Obbligu li ma jiġix kompromess b’mod serju t-twettiq tar-riżultat previst mid-direttiva”

    I. Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) ( 2 ).

    2.

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ persuni fiżiċi li saru insolventi (iktar ’il quddiem id-“debituri”) u l-Agencia Estatal de Administración Tributaria (l-Aġenzija tal-Istat tal-Amministrazzjoni Fiskali, Spanja, iktar ’il quddiem l-“AEAT”), dwar talba għal ħelsien mid-djun imressqa mid-debituri matul il-proċedura ta’ insolvenza li tikkonċernahom. Fil-fatt, l-AEAT opponiet għall-ħelsien mid-djun li jikkorrispondi għal kreditu fiskali.

    3.

    Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 li jipprevedi li klassijiet speċifiċi ta’ djun jistgħu jiġu esklużi mill-mekkaniżmu ta’ ħelsien mid-djun totali.

    4.

    F’dawn il-konklużjonijiet, fi tmiem l-analiżi tiegħi, ser nipproponi li tingħata risposta lill-Audiencia Provincial de Alicante (il-Qorti Provinċjali ta’ Alicante, Spanja), il-qorti tar-rinviju, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-maħfra ta’ dejn totali, bil-kundizzjoni li dan ikun debitament iġġustifikat.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

    5.

    L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2019/1023, intitolat “Derogi”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

    “L-Istati Membri jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn, mill-ħelsien mid-dejn, jew jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn jew jistabbilixxu perjodu itwal tal-ħelsien mid-dejn jekk tali esklużjonijiet, restrizzjonijiet jew perjodi itwal huma debitament iġġustifikati, bħal fil-każ ta’:

    a)

    dejn garantit;

    b)

    dejn li jirriżulta minn jew b’rabta ma’ pieni kriminali;

    c)

    dejn li jirriżulta minn responsabbiltà għad-danni;

    d)

    dejn rigward obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta’ filjazzjoni, ta’ żwieġ jew ta’ affinità;

    e)

    dejn imġarrab mill-applikazzjoni għal jew il-ftuħ ta’ proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn; u

    f)

    dejn li jirriżulta mill-obbligu li titħallas l-ispiża tal-proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn.”

    6.

    Mill-kliem tal-Artikolu 34(1) u (2), kif ukoll mill-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li t-terminu ta’ traspożizzjoni skada fis‑17 ta’ Lulju 2021, terminu li jista’ jiġi estiż b’sena fil-każ ta’ diffikultajiet partikolari. Ir-Renju ta’ Spanja bbenefika minn dan it-terminu addizzjonali.

    B.   Id‑dritt Spanjol

    7.

    Ir-Real Decreto-ley 1/2015 de mecanismo de segunda oportunidad, reducción de carga financiera y otras medidas de orden social (id-Digriet Liġi Irjali 1/2015 dwar il-Mekkaniżmu tat-Tieni Opportunità, it-Tnaqqis tal-Piżijiet Finanzjarji u ta’ Miżuri Soċjali oħra) ( 3 ), tas‑27 ta’ Frar 2015, emenda l-Ley 22/2003 Concursal (il-Liġi 22/2003 dwar l-Insolvenza), tad‑9 ta’ Lulju 2003 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Insolvenza” ( 4 )), billi introduċa Artikolu 178a ġdid sabiex jirregola l-benefiċċju ta’ ħelsien mid-djun. Din id-dispożizzjoni introduċiet sistema ta’ żewġ livelli, li tippermetti lid-debitur jagħżel jew ħelsien mid-djun immedjat (Artikolu 178a(3)(4)), jew ħelsien mid-djun fuq ħames snin suġġett għal pjan ta’ ħlas (il-punt 5 tal-Artikolu 178a(3)). Fir-rigward tal-ħelsien mid-djun differit bi pjan ta’ ħlas, il-punt 1 tal-Artikolu 178a(5) tal-Liġi dwar l-Insolvenza kien jipprevedi:

    “Il-benefiċċju tal-ħelsien mid-djun mogħti lid-debituri msemmija fil-punt 5 tal-paragrafu 3 għandu jinkludi l-parti li ma tkunx issodisfatta mill-krediti li ġejjin:

    1)

    Dejn mhux garantit u krediti subordinati pendenti fid-data tal-għeluq tal-proċedimenti kollettivi, anki jekk ma jkunux ġew ikkomunikati, bl-eċċezzjoni ta’ krediti skont id-dritt pubbliku u krediti ta’ manteniment.”

    8.

    Ir-Real Decreto Legislativo 1/2020 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley Concursal (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2020 li Japprova t-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Insolvenza) ( 5 ), tal‑5 ta’ Mejju 2020 (iktar ’il quddiem it-“TRLC”), emenda għal darba oħra l-Liġi dwar l-Insolvenza billi ssostitwixxa l-Artikolu 178a tal-Liġi dwar l-Insolvenza b’kapitolu ġdid ta’ din il-liġi, billi ħa vantaġġ sabiex jeskludi l-krediti pubbliċi mill-kamp tal-ħelsien mid-djun, kemm jekk ikun immedjat jew differit.

    9.

    L-Artikolu 491(1) tat-TRLC kien jipprevedi:

    “Jekk il-krediti fuq il-massa u l-krediti pprivileġġati jkunu ġew kompletament issodisfatti u jekk id-debitur li jissodisfa l-kundizzjonijiet għal dan l-għan ikun ipprova jilħaq ftehim ekstraġudizzjarju minn qabel ta’ ħlas, il-benefiċċju tal-ħelsien mid-djun jiġi estiż għad-djun kollha mhux issodisfatti, bl-eċċezzjoni tal-krediti tad-dritt pubbliku u tal-krediti ta’ manteniment.”

    10.

    Il-punt 1 tal-Artikolu 497(1) tat-TRLC kien jipprevedi:

    “Il-benefiċċju tal-ħelsien mid-djun mogħti lid-debituri li jkunu aċċettaw li jissottomettu ruħhom għall-pjan ta’ ħlas huwa estiż għall-parti tal-krediti segwenti li jibqgħu mhux issodisfatti fil-kuntest tal-pjan:

    1)

    Id-djun mhux iggarantit u l-krediti subordinati pendenti fid-data tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza, anki jekk ma jkunux ġew iddikjarati, bl-eċċezzjoni ta’ krediti tad-dritt pubbliku u ta’ manteniment.”

    11.

    Il-Ley 16/2022 de reforma del texto refundido de la Ley Concursal, aprobado por el Real Decreto Legislativo 1/2020, de 5 de mayo, para la transposición de la (Directiva 2019/1023) (il-Liġi 16/2022 li Tirriforma t-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Insolvenza, approvat mit-(TRLC) għat-Traspożizzjoni tad-(Direttiva 2019/1023)) ( 6 ), tal‑5 ta’ Settembru 2022 (iktar ’il quddiem il-“Liġi 16/2022”), emendat it-TRLC, filwaqt li kkonfermat l-esklużjoni tal-krediti rregolati mid-dritt pubbliku mill-kamp tal-ħelsien mid-djun, kemm jekk tkun immedjata jew posposta. Il-punt 5 tal-Artikolu 489(1) tat-test il-ġdid tat-TRLC jipprevedi:

    “Il-ħelsien mid-djun jestendi għad-djun kollha li ma ġewx issodisfatti, bl-eċċezzjoni ta’ dawn li ġejjin:

    […]

    5)

    Id-djun li jirriżultaw minn krediti rregolati mid-dritt pubbliku. Madankollu, id-djun li għalihom il-ġestjoni tal-irkupru taqa’ taħt il-kompetenza tal-(AEAT) jistgħu jitnaqqsu sal-limitu tal-ammont massimu ta’ EUR 10000 għal kull debitur; għall-ewwel EUR 5000 ta’ dejn, il-ħelsien għandu jkun totali u, minn dan l-ammont, il-ħelsien jilħaq 50 % tad-dejn sal-massimu indikat. Bl-istess mod, id-dejn tas-sigurtà soċjali jista’ jinħeles għall-istess ammont u taħt l-istess kundizzjonijiet. L-ammont mogħti, sal-limitu massimu msemmi iktar ’il fuq, huwa applikat fl-ordni inversa tal-ordni ta’ prijorità legalment stabbilita minn din il-liġi u, fi ħdan kull klassi, skont l-anzjanità tiegħu.”

    12.

    Il-preambolu tal-Liġi 16/2022 jipprevedi, fit-Taqsima IV tiegħu, b’mod partikolari:

    “Id-Direttiva 2019/1023 tobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu mekkaniżmu tat-tieni opportunità sabiex jiġi evitat li d-debituri jkollhom it-tentazzjoni li jirrilokaw ruħhom f’pajjiżi oħra li diġà jipprevedu dawn il-mekkaniżmi, bl-ispiża li dan jimplika kemm għad-debitur kif ukoll għall-kredituri tiegħu. Fl-istess ħin, l-omoġenizzazzjoni f’dan ir-rigward titqies bħala essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku Ewropew.

    […]

    Hemm żewġ metodi ta’ ħelsien mid-djun: il-ħelsien mid-djun bil-likwidazzjoni tal-massa attiva u dak flimkien ma’ pjan ta’ ħlas […]

    […]

    Il-ħelsien mid-djun huwa estiż għall-krediti kollha fil-kuntest tal-proċedura kollettiva u ta’ krediti fuq il-massa. L-eċċezzjonijiet huma bbażati, f’ċerti każijiet, fuq l-importanza partikolari tas-sodisfazzjon tagħhom għal soċjetà ġusta u in solidum ibbażata fuq l-Istat tad-dritt (bħad-dejn ta’ manteniment, id-dejn li jirriżulta minn krediti rregolati mid-dritt pubbliku, id-djun li jirriżultaw minn reati jew ukoll djun li jirriżultaw minn responsabbiltà delittwali). B’hekk, il-ħelsien mid-djun għad-djun irregolati mid-dritt pubbliku huwa suġġett għal ċerti limiti u jista’ jseħħ biss waqt l-ewwel ħelsien d-dejn, u mhux matul is-segwenti […]”

    III. Il‑fatti tal‑kawża u d‑domandi preliminari

    13.

    Matul il-proċedura ta’ insolvenza li tikkonċernahom, fit‑3 ta’ Marzu 2021, id-debituri talbu ħelsien mid-djun li għalihom opponiet l-AEAT fir-rigward tal-kreditu tagħha fl-ammont ta’ EUR 192 366.21, li hija tqis li huwa kreditu pubbliku pprivileġġat.

    14.

    Fit‑30 ta’ Lulju 2021, il-Juzgado de Primera Instancia no 1 de Denia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 1 ta’ Dénia, Spanja) iddikjarat l-għeluq ta’ din il-proċedura ta’ insolvenza bil-benefiċċju ta’ ħelsien mid-djun tad-debituri, bl-eċċezzjoni tal-krediti ta’ dritt pubbliku u tal-krediti ta’ manteniment.

    15.

    Id-debituri appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem l-Audiencia Provincial de Alicante (il-Qorti Provinċjali ta’ Alicante).

    16.

    Fid-dawl tad-data tat-talba tad-debituri, din il-qorti tqis li l-verżjoni tal-Liġi dwar l-Insolvenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ma hijiex dik li tirriżulta mil-Liġi 16/2022, li ttrasponiet id-Direttiva 2019/1023, iżda dik li tirriżulta mid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2020, li ġie ppubblikat wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ( 7 ). Dawn iż-żewġ testi jipprevedu l-esklużjoni tal-krediti pubbliċi minn ħelsien mid-djun.

    17.

    L-imsemmija qorti tindika li jeżistu diverġenzi fil-ġurisprudenza Spanjola. Ċerti deċiżjonijiet iqisu li l-krediti pubbliċi huma eliġibbli għall-ħelsien mid-djun u oħrajn jikkonkludu l-oppost. Id-deċiżjonijiet kollha li l-qorti tar-rinviju kkonsultat jużaw, bħala kriterju ta’ interpretazzjoni, id-Direttiva 2019/1023.

    18.

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tat-TRLC ma’ din id-direttiva, fir-rigward tal-esklużjoni jew le ta’ krediti pubbliċi minn ħelsien mid-djun.

    19.

    Minn naħa, hija tistaqsi jekk l-esklużjoni tal-krediti pubbliċi minn ħelsien mid-djun prevista mid-dritt Spanjol hijiex debitament iġġustifikata. Hija tispjega li l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2019/1023 jippermetti deroga mir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva, li tipprevedi li l-ħelsien mid-djun huwa totali. B’mod partikolari, l-Artikolu 23(4) tal-imsemmija direttiva joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeskludu mill-ħelsien tad-djun klassijiet speċifiċi ta’ krediti, bil-kundizzjoni li l-esklużjoni tkun “debitament ġustifikat[a]” ( 8 ).

    20.

    Issa, din il-qorti tippreċiża li, kuntrarjament għal-Liġi 16/2022 ( 9 ), it-TRLC, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2020, ma jinkludi ebda ġustifikazzjoni dwar l-esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun.

    21.

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-lista ta’ klassijiet speċifiċi ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi mill-ħelsien mid-djun li tinsab fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 tikkostitwixxix lista eżawrjenti, peress li, jekk dan kien il-każ, il-Liġi dwar l-Insolvenza, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2020, tmur kontra dan l-artikolu. Min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija lista tipprovdi biss eżempji, din il-liġi tkun konformi mal-imsemmi artikolu.

    22.

    Fil-fehma tagħha, il-fatt li l-krediti pubbliċi ma jinsabux fil-lista tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023, filwaqt li dawn għandhom importanza kunsiderevoli fil-proċeduri ta’ insolvenza jista’ jkun indikazzjoni li din il-lista hija eżawrjenti. Barra minn hekk, il-libertà assoluta u totali tal-Istati Membri li jeskludu l-krediti mill-ħelsien mid-djun u, għaldaqstant, id-diversità possibbli tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern u l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, bħall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment ( 10 ).

    23.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Alicante (il-Qorti Provinċjali ta’ Alicante) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Huwa possibbli li jiġi applikat il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi għall-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 […] meta l-fatti (bħalma huma f’din il-kawża, meħud kont tad-data tat-talba għall-maħfra tad-dejn) seħħew fil-perijodu intermedju bejn id-dħul fis-seħħ tagħha u d-data ta’ skadenza ta’ traspożizzjoni, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli [it-TTRL (fit-tfassil tagħha li jirriżulta mir-Real Decreto Legislativo 1/20)] ma hijiex dik li tittrasponi d-Direttiva 2019/1023 […] (il-Liġi Nru 16/22))?

    2)

    Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik Spanjola fit-termini previsti mit-TRLC (fit-tfassil tagħha li jirriżulta mid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2020), li ma toffri ebda ġustifikazzjoni għall-esklużjoni tad-dejn pubbliku mill-maħfra tad-djun, hija kompatibbli mal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023, u mal-prinċipji tagħha li ispiraw il-maħfra tad-djun? Din il-leġiżlazzjoni, sa fejn teskludi d-dejn pubbliku mill-maħfra tad-djun u hija nieqsa minn ġustifikazzjoni dovuta, tikkomprometti jew tippreġudika t-twettiq tal-għanijiet previsti minnha?

    3)

    L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 jinkludi lista eżawrjenti u magħluqa ta’ kategoriji ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi mill-maħfra tad-djun, jew inkella, għall-kuntrarju, din il-lista sempliċement tipprovdi eżempju u l-leġiżlatur nazzjonali għandu l-libertà assoluta sabiex jistabbilixxi l-kategoriji ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi, sa fejn dawn huma debitament iġġustifikati skont id-dritt nazzjonali tiegħu?”

    24.

    Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Diċembru 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba.

    25.

    Il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    IV. Analiżi

    26.

    Għaċ-ċarezza tal-espożizzjoni tal-analiżi tiegħi, ser nibda bl-ewwel domanda, imbagħad ser nittratta t-tielet domanda dwar il-kompletezza tal-lista prevista fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023, qabel it-tieni domanda dwar l-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-leġiżlazzjoni tagħha fir-rigward ta’ direttiva li daħlet fis-seħħ, iżda li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha ma skadiex, peress li l-esklużjoni ma hijiex debitament iġġustifikata.

    A.   Fuq l‑effett tad‑direttivi qabel l‑iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni

    27.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex possibbli li jiġi applikat il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi meta l-fatti inkwistjoni jkunu seħħew bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva u d-data tal-iskadenza tat-terminu previst għat-traspożizzjoni tagħha u li l-leġiżlazzjoni applikabbli għal dawn il-fatti ma hijiex dik li tittrasponi din id-direttiva, iżda leġiżlazzjoni adottata bejn dawn iż-żewġ dati. Il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 li jistabbilixxi ċertu numru ta’ derogi possibbli għall-prinċipju ta’ ħelsien minn dejn totali stabbilit minn din id-direttiva.

    28.

    Għall-memorja, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et ( 11 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri ma għandhomx jiġu kkritikati li għadhom ma adottawx il-miżuri li jimplimentawha fl-ordinament ġuridiku tagħhom u li l-obbligu ġenerali, li jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali, li jinterpretaw id-dritt intern b’mod konsistenti mad-direttiva jeżisti biss mill-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar ( 12 ). Barra minn hekk, matul it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha għandhom jastjenu milli jieħdu dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu b’mod serju li jintlaħaq ir-riżultat previst minn din id-direttiva ( 13 ). Peress li tali obbligu ta’ astinenza li huwa impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali kollha, il-qrati tal-Istati Membri għandhom, jastjenu safejn huwa possibbli, milli jinterpretaw id-dritt intern b’mod li jirriskja li jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, it-twettiq tar-riżultat li għandu jintlaħaq minn tali direttiva ( 14 ).

    29.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2019/1023 u d-data tal-iskadenza tat-terminu previst għat-traspożizzjoni tagħha, il-qrati nazzjonali ma humiex obbligati jinterpretaw id-dritt intern tagħhom skont l-Artikolu 23(4) ta’ din id-direttiva.

    B.   Fuq in‑natura eżawrjenti jew le tal‑lista li tinsab fl‑Artikolu 23(4) tad‑Direttiva 2019/1023 u l‑marġni ta’ diskrezzjoni tal‑Istati Membri għat‑traspożizzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni

    30.

    Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023. Hija tistaqsi jekk il-lista ta’ eċċezzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni hijiex eżawrjenti jew le u liema hija l-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri f’dan il-qasam fil-mument tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Din l-interpretazzjoni hija neċessarja sabiex tippermetti lil din il-qorti tevalwa jekk id-dritt Spanjol jikkompromettix serjament l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva.

    1. Fuq in‑natura eżawrjenti tal‑lista tal‑Artikolu 23(4) tad‑Direttiva 2019/1023

    31.

    Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Spanjol, fl-osservazzjonijiet tagħhom, jirrikonoxxu n-natura mhux eżawrjenti tal-lista li tinsab fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023, peress li hija tipprevedi li jistgħu jiġu esklużi klassijiet speċifiċi ta’ krediti mill-ħelsien ta’ djun f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari sitt klassijiet ta’ krediti elenkati fil-bqija ta’ dan il-paragrafu.

    32.

    Id-dubju seta’ jiġi permess mir-redazzjoni inizjali ta’ dan l-artikolu, fil-lingwa Spanjola, li kienet tindika li l-Istati Membri setgħu “jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn […], bħal fil-każ ta’” ( 15 ). Iżda din il-formulazzjoni ġiet issostitwita b’“b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda” ( 16 ) b’rettifika ta’ din id-direttiva ( 17 ) li allinjat il-formulazzjoni bil-lingwa Spanjola mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra.

    33.

    Għalhekk, l-eżitazzjoni ma għadhiex permessa: l-użu tal-kliem “[l]-Istati Membri jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn” u l-avverbju “b’mod partikolari” jfisser li l-lista li tinsab fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 tikkostitwixxi lista mhux eżawrjenti ta’ klassijiet ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi mill-ħelsien mid-djun li tista’ tiġi kkompletata mill-Istati Membri. Din l-analiżi hija msaħħa mill-premessa 81 ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tad-dibattiti fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ( 18 ), li minnhom jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu kategoriji oħra ta’ krediti f’każijiet debitament iġġustifikati.

    2. Fuq il‑marġni ta’ diskrezzjoni tal‑Istati Membri fit‑traspożizzjoni

    34.

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jeskludu ċerti klassijiet ta’ krediti mill-possibbiltà ta’ ħelsien mid-djun. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha ssir distinzjoni bejn il-prinċipju ta’ esklużjoni ta’ klassi ta’ krediti u l-kundizzjonijiet ta’ din l-esklużjoni.

    35.

    Fir-rigward tal-esklużjoni, bħala prinċipju, tal-krediti pubbliċi, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 jelenka sitt kategoriji ta’ krediti li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-ħelsien mid-djun, jew li għalihom il-ħelsien mid-djun jista’ jkun limitat jew inkella t-terminu ta’ ħelsien itwal. Dawn il-kategoriji huma li ġejjin: id-djun iggarantiti, id-djun li ġejjin minn sanzjonijiet kriminali jew marbuta ma’ tali sanzjonijiet, id-djun li jirriżultaw minn responsabbiltà delittwali, id-djun ta’ manteniment, id-djun imġarrba wara l-introduzzjoni jew il-ftuħ tal-proċedura ta’ ħelsien mid-djun kif ukoll id-djun relatati mal-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

    36.

    Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ttenni l-argument tal-qorti tar-rinviju li jgħid li teżisti rabta bejn dawn il-kategoriji differenti ta’ krediti li tiġġustifika li ma jitħallewx marġni ta’ diskrezzjoni totali lill-Istati Membri li jixtiequ joħolqu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ ħelsien mid-djun totali, minħabba n-natura tad-dejn ikkonċernat.

    37.

    B’hekk, din ir-rabta tinsab fi tħassib ta’ ġustizzja materjali: fl-ewwel lok, id-debitur ma għandux ikun jista’ jaħrab mill-konsegwenzi finanzjarji tal-atti mhux marbuta mal-ħajja normali tan-negozju (djun tal-familja, djun kriminali jew djun ta’ responsabbiltà ċivili). Fit-tieni lok, id-djun li nħolqu fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħelsien mid-djun jew sussegwentement jistgħu ma jkunux is-suġġett ta’ ħelsien mid-djun sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja ta’ din il-proċedura. Fit-tielet lok, id-djun iggarantiti jistgħu jiġu esklużi wkoll, peress li dan sar speċifikament bl-għan li jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ insolvenza.

    38.

    Madankollu, diversi elementi jmorru kontra dan l-argument.

    39.

    L-ewwel nett, il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2019/23 tipprevedi tipi differenti tal-forom ta’ għażliet fir-rigward tal-eċċezzjonijiet possibbli għall-prinċipju ta’ ħelsien mid-djun totali. Il-paragrafu 1 jipprevedi li l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu għal esklużjoni tad-debitur diżonest jew f’mala fide ( 19 ). B’kuntrast ma’ dan, il-paragrafi 3 u 5 jindikaw li l-Istati Membri jistgħu jorganizzaw perijodi itwal għall-ħelsien mid-djun jew perijodu itwal għall-iskadenza f’ċerti każijiet strettament elenkati. Il-paragrafu 4 li għalih qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tiegħu, kif imsemmi fil-paragrafu 2, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-ħelsien mid-djun totali, jekk huma debitament iġġustifikati, billi juru din il-possibbiltà permezz ta’ lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji. Għaldaqstant, il-proċedura ta’ ħelsien mid-djun totali jista’ jkollha funzjonament u kamp differenti ħafna skont l-għażliet magħmula minn kull wieħed mill-Istati Membri. Konsegwentement, jidher li huwa diffiċli li jiġi affermat li l-għan ta’ armonizzazzjoni ta’ din il-proċedura ta’ ħelsien mid-djun jiġġustifika li ma tiġix awtorizzata, bħala prinċipju, l-esklużjoni ta’ ċerti klassijiet speċifiċi ta’ krediti minn dan il-ħelsien mid-djun.

    40.

    Sussegwentement, xejn fid-diskussjonijiet ta’ qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/1023 ma jippermetti li jiġi affermat li l-krediti pubbliċi ma jistgħux jiġu esklużi mill-ħelsien mid-djun. Fil-fatt, il-proposta għal direttiva kienet tistabbilixxi ċarament, fir-rigward tal-Artikolu 22 (li sar l-Artikolu 23 tad-Direttiva adottata), li l-Istati Membri kellhom “jagħti marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni […] fit-twaqqif tal-limitazzjonijiet għad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn u dwar il-perjodi ta’ ħelsien mid-dejn, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu speċifikati b’mod ċar u jkunu meħtieġa sabiex jipproteġu interess ġenerali” ( 20 ).

    41.

    Din ir-rieda li titħalla flessibbiltà suffiċjenti lill-Istati Membri ġiet ikkonfermata fid-diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill ( 21 ). Fil-fatt, matul in-negozjati fi ħdan din l-istituzzjoni, l-esklużjonijiet mill-ħelsien tad-dejn ġew miżjuda mingħajr kummenti speċifiċi ( 22 ) u ġie ċċarat li l-Istati Membri jistgħu jeskludu wkoll ċerti tipi ta’ krediti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mingħajr ma jispeċifikaw in-natura ta’ dawn ( 23 ). Fl-aħħar tan-negozjati fi ħdan il-Kunsill, il-Portugall għamel dikjarazzjoni li fiha indika, essenzjalment, minn naħa, li t-test kien flessibbli biżżejjed sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jeskludu jew jillimitaw il-possibbiltà ta’ ħelsien mid-djun tat-taxxa, peress li tali miżuri kellhom jiġu kkunsidrati bħala debitament iġġustifikati, b’kunsiderazzjoni tan-natura partikolari tad-djun fiskali, u, min-naħa l-oħra, xtaq jirriżerva l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tar-regolamentazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ħelsien mid-djun fiskali taxxa matul it-traspożizzjoni tad-direttiva ( 24 ).

    42.

    Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi tal-Parlament Ewropew, li ġie mitlub jagħti opinjoni, ippropona lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li quddiemu tressqet il-kawża, emenda dwar premessa u paragrafu favur il-possibbiltà espliċita tal-esklużjoni tal-krediti pubbliċi li fir-rigward tagħha l-Istati Membri kellhom iqisu l-bilanċ meħtieġ bejn l-interess ġenerali u l-promozzjoni tal-intraprenditorija ( 25 ).

    43.

    Fl-aħħar, huwa ċar li d-Direttiva 2019/1023 hija direttiva ta’ armonizzazzjoni minima, dwar il-ħelsien mid-djun totali, li l-għan tagħha huwa l-ħolqien ta’ dan it-tip ta’ proċedura f’kull Stat Membru u mhux il-ħolqien ta’ proċedura armonizzata ta’ ħelsien mid-djun. Fil-fatt, in-negozjati kienu, għall-Istati Membri, l-okkażjoni li jfakkru li din il-proċedura, ġdida jew le, skont l-Istati Membri, kellha tkun tista’ tiġi adattata biżżejjed sabiex ma tinterferixxix mas-sistemi nazzjonali li jiffunzjonaw b’mod effikaċi, peress li tali proċedura kellha rabtiet ma’ oqsma oħra tad-dritt nazzjonali, u li s-sitwazzjoni ekonomika u l-istrutturi ġuridiċi kienu differenti minn Stat Membru għal ieħor ( 26 ).

    44.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ esklużjoni ta’ klassi ta’ krediti, l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 jipprevedi li l-“esklużjonijiet, restrizzjonijiet jew perjodi itwal huma debitament iġġustifikati”. Konsegwentement, għalkemm il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri ma huwiex limitat fir-rigward tan-natura tal-klassijiet speċifiċi ta’ krediti li jistgħu jiġu esklużi, madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat permezz tal-ġustifikazzjoni li huma għandhom jipprovdu insostenn ta’ din l-esklużjoni.

    45.

    Barra minn hekk, l-Istati Membri użaw dan il-marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jeskludu ċerti klassijiet ta’ krediti minbarra dawk li jinsabu fil-lista tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023. Fi Franza, il-krediti dovuti lill-impjegati u l-krediti li jirriżultaw minn azzjonijiet relatati ma’ proprjetà akkwistata taħt it-titlu ta’ suċċessjoni miftuħa matul il-proċedura huma esklużi mill-ħelsien mid-djun ( 27 ). Fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-krediti relatati mas-self lill-istudenti huma esklużi ( 28 ). Fi Spanja, il-krediti għal salarju huma, b’mod partikolari, esklużi wkoll ( 29 ). Fil-Portugall, huma esklużi, b’mod partikolari, il-krediti fiskali u tas-sigurtà soċjali ( 30 ).

    46.

    Bħala konklużjoni, jidhirli li d-Direttiva 2019/1023 hija direttiva ta’ armonizzazzjoni minima li l-għan tagħha huwa l-introduzzjoni f’kull Stat Membru ta’ proċedura ta’ ħelsien mid-djun li l-limiti tagħha fir-rigward tan-natura tal-krediti li jistgħu jiġu esklużi minn dan il-ħelsien jitħallew fil-parti l-kbira tagħhom għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li l-esklużjonijiet ikunu debitament iġġustifikati.

    47.

    Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista li tinsab fih ma hijiex eżawrjenti u li klassijiet speċifiċi oħra ta’ krediti minbarra dawk li jinsabu f’din il-lista jistgħu jkunu suġġetti għal ħelsien mid-djun, għal ħelsien mid-djun limitat jew għal terminu ta’ ħelsien itwal, bil-kundizzjoni li tali deċiżjoni tkun debitament iġġustifikata.

    C.   Fuq l‑effetti tal‑assenza ta’ ġustifikazzjoni tal‑esklużjoni tal‑krediti pubbliċi mill‑ħelsien mid‑djun f’leġiżlazzjoni adottata matul it‑terminu ta’ traspożizzjoni tad‑Direttiva 2019/1023

    48.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-TRLC, li hija tqis bħala l-liġi applikabbli għat-tilwima u li ġiet emendata matul it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1023 sabiex teskludi, mingħajr ġustifikazzjoni, il-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun, kemm jekk immedjata jew posposta, kellux l-effett li jikkomprometti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ( 31 ), it-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

    49.

    Kif intqal fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, matul il-perijodu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha għandhom jastjenu milli jadottaw dispożizzjonijiet tali li jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat previst minn din id-direttiva u l-qrati nazzjonali għandhom jinterpretaw id-dritt intern b’mod li ma jirriskjax li jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, it-twettiq tal-għan imfittex mill-imsemmija direttiva.

    50.

    Għandu jitfakkar ukoll li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-legalità tagħhom hija kkontestata humiex tali li jikkompromettu serjament ir-riżultat imfittex minn direttiva, u tali verifika għandha neċessarjament issir abbażi ta’ evalwazzjoni globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-politiki u l-miżuri kollha adottati fit-territorju nazzjonali kkonċernat ( 32 ).

    51.

    Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta l-għan tad-direttiva inkwistjoni. Issa, l-għan tad-Direttiva 2019/1023, f’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ ħelsien mid-djun totali, huwa li mill-inqas proċedura ta’ dan it-tip tkun stabbilita f’kull Stat Membru ( 33 ) abbażi ta’ armonizzazzjoni minima.

    52.

    Fil-fehma tiegħi, is-sempliċi assenza ta’ ġustifikazzjoni tal-esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-djun ma tistax tikkomprometti serjament, waħedha, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, it-twettiq tal-għan imfittex mid-Direttiva 2019/1023, peress li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jeskludu d-djun pubbliċi mill-ħelsien mid-djun hija miftuħa, kif semmejt preċedentement.

    53.

    Għaldaqstant, nipproponi r-risposta li ġejja għat-tieni domanda: is-sempliċi fatt li l-esklużjoni ta’ krediti pubbliċi mill-proċedura ta’ ħelsien mid-djun permezz ta’ dispożizzjoni nazzjonali adottata bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2019/1023 u d-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha ma tkunx debitament iġġustifikata ma jikkompromettix serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, it-twettiq tal-għan imfittex minn din id-direttiva.

    V. Konklużjoni

    54.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Audiencia Provincial de Alicante (il-Qorti Provinċjali ta’ Alicante, Spanja) kif ġej:

    1)

    Bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza), u d-data tal-iskadenza tat-terminu previst għat-traspożizzjoni tagħha, il-qrati nazzjonali ma humiex obbligati jinterpretaw id-dritt intern tagħhom skont l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023.

    2)

    L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023

    għandu jiġu interpretati fis-sens li:

    il-lista ma hijiex eżawrjenti u li klassijiet speċifiċi oħra ta’ krediti barra dawk elenkati f’din il-lista jistgħu jkunu suġġetti għal ħelsien mid-djun, ħelsien limitat mid-dejn jew perijodu ta’ ħelsien itwal bil-kundizzjoni li dan ikun debitament iġġustifikat.

    3)

    Is-sempliċi fatt li l-esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-proċedura ta’ ħelsien mid-dejn permezz ta’ dispożizzjoni nazzjonali adottata bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2019/1203 u d-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha ma tkunx debitament iġġustifikata ma jikkompromettix serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, it-twettiq tal-għan imfittex minn din id-direttiva.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU 2019, L 172, p. 18.

    ( 3 ) BOE Nru 51, tat‑28 ta’ Frar 2015, p. 19058. Dan id-Digriet Liġi Irjali ġie approvat mingħajr emendi mil-Ley 25/2015 de mecanismo de segunda oportunidad, reducción de la carga financiera y otras medidas de orden social (il-Liġi 25/2015 dwar il-Mekkaniżmu tat-Tieni Opportunità, it-Tnaqqis tal-Piżijiet Finanzjarji u ta’ Miżuri Soċjali Oħra), tat‑28 ta’ Lulju 2015 (BOE Nru 180 tad‑29 ta’ Lulju 2015, p. 64479).

    ( 4 ) BOE Nru 164 tal‑10 ta’ Lulju 2003, p. 26905.

    ( 5 ) BOE Nru 127, tas‑7 ta’ Mejju 2020, p. 31518.

    ( 6 ) BOE Nru 214 tas‑6 ta’ Settembru 2022, p. 123682.

    ( 7 ) Il-qorti tar-rinviju tesponi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li direttivi ma jipproduċux biss effetti wara t-traspożizzjoni tagħhom jew wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, iżda wkoll qabel, peress li l-Istati Membri għandhom jastjenu, qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, milli jadottaw miżuri li jistgħu jikkompromettu t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-direttiva jew jippreġudikawha serjament. Hija tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen (80/86, EU:C:1987:431); tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628), u tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709).

    ( 8 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll il-premessi 78 u 81 tad-Direttiva 2019/1023.

    ( 9 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 10 ) Il-qorti tirreferi għall-premessa 1 tad-Direttiva 2019/1023.

    ( 11 ) C‑212/04, EU:C:2006:443.

    ( 12 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punti 114115).

    ( 13 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, EU:C:2017:346, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 14 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, EU:C:2017:346, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 15 )

    ( 16 ) “como en los siguientes casos”.

    ( 17 ) ĠU 2022, L 43, p. 94.

    ( 18 ) Ara n-nota tas‑16 ta’ Mejju 2018 tal-Presidenza lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti dwar il-Proposta għal Direttiva dwar oqfsa ta’ risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE – Approċċ ġenerali parzjali (dokument 8830/18 ADD 1), b’mod partikolari n-nota f’qiegħ il-paġna 14 li tiddikjara li l-premessi ser jiċċaraw li l-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 22 (li saru l-paragrafi 2 u 4 tal-Artikolu 23 tad-Direttiva adottata) ma jridux ikunu eżawrjenti.

    ( 19 ) B’differenza mill-verżjonijiet tal-lingwa Ingliża, Ġermaniża, Franċiża, Taljana, Pollakka jew Portugiża ta’ din id-dispożizzjoni, il-verżjoni bil-lingwa Spanjola tiftaħ possibbiltà sempliċi għall-Istati Membri li jżommu jew jadottaw miżura ta’ esklużjoni tad-debitur diżonest jew f’mala fide. Nixtieq infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punt 40)). Għalhekk, din il-verżjoni lingwistika Spanjola waħedha mhux probabbli li tpoġġi fid-dubju l-analiżi tiegħi.

    ( 20 ) Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta’ risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE (COM (2016) 723 finali), p. 26

    ( 21 ) Ara l-punt 5 tan-nota tad‑19 ta’ Mejju 2017 tal-Presidenza lill-Coreper/Kunsill dwar il-Proposta għal Direttiva dwar oqfsa ta’ risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE - “Fis‑27 ta’ Jannar 2017, fil-laqgħa informali tal-Kunsill ‘Ġustizzja u Affarijiet Interni’, il-Ministri taw appoġġ wiesa’ fil-prinċipju għall-għanijiet tal-proposta. Il-ħidma mwettqa f’din l-okkażjoni enfasizzat l-importanza li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi rispettivi tad-debituri u l-kredituri u li tiġi offruta ċerta flessibbiltà, b’tali mod li ma jkunx hemm interferenza mas-sistemi nazzjonali li jiffunzjonaw b’mod effettiv. Il-ħidma fi ħdan il-grupp ‘Kwistjonijiet dwar id-Dritt Ċivili’ (Insolvenza) żvelat li l-għanijiet tal-proposta jwasslu għal qbil ġenerali. Madankollu, id-delegazzjonijiet enfasizzaw ukoll il-kumplessità tad-direttiva proposta minħabba r-rabtiet tagħha ma’ oqsma oħra tad-dritt nazzjonali, kif ukoll il-ħtieġa riżultanti li l-Istati Membri jingħataw biżżejjed flessibbiltà sabiex jadattaw il-miżuri tal-(Unjoni) għas-sitwazzjoni ekonomika u l-istrutturi ġuridiċi nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    ( 22 ) Ara n-nota tas‑16 ta’ Marzu 2018 tal-Presidenza Bulgara u l-Presidenza Awstrijaka li jmiss lill-grupp ‘Kwistjonijiet ta’ Dritt Ċivili’ (Insolvenza) dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta’ risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30//UE – Test rivedut tal-Artikoli 19, 20 u 22 tat-Titolu III u definizzjonijiet assoċjati (dokument 7150/18), p. 6.

    ( 23 ) Ara n-nota tal‑24 ta’ Mejju 2018 tal-Presidenza lill-Kunsill dwar il-Proposta għal Direttiva dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, it-tieni opportunità u l-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ ristrutturar, ta’ insolvenza u ta’ approvazzjoni u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE – Approċċ ġenerali parzjali (dokument 9236/18 ADD 1), p. 9.

    ( 24 ) Ara n-nota tal‑21 ta’ Mejju 2019 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti/Kunsill dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta’ risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE (Direttiva dwar ir-Ristrutturar u l-Insolvenza) (l-ewwel qari) – Adozzjoni tal-att leġiżlattiv – Dikjarazzjoni (dokument 9170/2/19 REV 2 ADD 1), p. 1 u 2.

    ( 25 ) Ara l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tas‑7 ta’ Diċembru 2017 lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta’ risturtturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE, Relatur għal opinjoni: Enrique Calvet Chambon, proposta għall-emendi 22 u 94.

    ( 26 ) Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 27 ) Ara l-Artikolu L645–11 tal-Kodiċi tal-Kummerċ.

    ( 28 ) Ara l-Artikolu 299 tal-Faillissementswet (il-Liġi dwar il-Falliment).

    ( 29 ) Ara l-punt 4 tal-Artikolu 489(1) tal-Liġi dwar l-Insolvenza.

    ( 30 ) Ara l-Artikolu 245 tal-Código da Insolvência e da Recuperação de Empresas (il-Kodiċi dwar l-Insolvenza u l-Irkupru tal-Impriżi).

    ( 31 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 32 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et (C‑83/20, EU:C:2017:346, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 33 ) Ara l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2019/1023.

    Top