This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CC0671
Opinion of Advocate General Rantos delivered on 16 November 2023.#T GmbH v Bezirkshautpmannschaft Spittal an der Drau.#Request for a preliminary ruling from the Verwaltungsgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling – Environment – EU action in the field of water policy – Directive 2000/60/EC – Environmental objectives relating to surface water – Prevention of deterioration of the status of all bodies of surface water – Point 1.2.2 of Annex V – Definitions for ‘high’, ‘good’ and ‘moderate’ ecological status in lakes – Criteria for assessing the biological quality element ‘fish fauna’.#Case C-671/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fis-16 ta’ Novembru 2023.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fis-16 ta’ Novembru 2023.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:894
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fis-16 ta’ Novembru 2023 (1)
Kawża C‑671/22
T GmbH
vs
Bezirkshautpmannschaft Spittal an der Drau
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60/KE – Artikolu 4(1)(a) – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Obbligi tal-Istati Membri li ma jawtorizzawx proġett li jista’ jipprovoka deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp ta’ ilma – Il-punt 1.2.2 tal-Anness V – Klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-element ta’ kwalità bijoloġika ‘fish fauna’”
Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mill‑Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) fil‑qafas ta’ rikors ippreżentat mill-kumpannija T GmbH (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) wara ċ-ċaħda tat-talba tagħha sabiex tikseb l‑awtorizzazzjoni li tibni kamra għaż-żamma tad-dgħajjes fuq lag li jinsab fil-Land ta’ Kärnten (l-Awstrija), minħabba li l-istat tal-ilmijiet ta’ dan il-lag ma kienx jidher li jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mid-dritt tal-Unjoni, minħabba l-ġestjoni ħażina tar-riżorsi tas-sajd.
2. Din il-kawża twassalna sabiex jiġi stabbilit jekk, għall-finijiet tad‑definizzjoni tal-istat ekoloġiku ta’ lag skont il-kriterji indikati fit‑Tabella 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE (2), għandhomx jiġu kkunsidrati biss “impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġika jew fiżikokimika”, bl-esklużjoni ta’ impatti antropoġeniċi oħra.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistipula:
“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:
a) jipprevjeni aktar deterjorazzjoni u jipproteġi u jżid l-istatus tal‑ekosistemi akkwatiċi u, bil-konsiderazzjoni tal-ħtiġiet tagħhom ta’ l-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi;
[…]”
4. L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
1) ‘ilma tal-wiċċ’: ifisser ilmijiet interni, barra ilma ta’ taħt l-art; ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta, minbarra fejn jirrigwarda stat kimiku li għali għandhom ikunu inklużi ukoll ilmijiet territorjali;
[…]
10) ‘Korp ta’ ilma tal-wiċċ’: ifisser element diskret u sinifikanti ta’ ilma tal-wiċċ bħal lag, reservoir, ilma kurrenti, xmara jew kanal, parti minn ilma kurrenti, xmara jew kanal, ilma transizzjonali jew tul ta’ ilma kostali;
[…]
17) ‘Stat ta’ l-ilma tal-wiċċ’: hija l-espressjoni ġenerali ta’ stat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, stabbilit mill-ifqar stat ekoloġiku u tal-istat kimiku tiegħu;
18) ‘stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ’: ifisser l-istat milħuq mill-korp ta’ l‑ilma tal-wiċċ meta l-istat ekoloġiku u l-istat kimiku tiegħu huma għall-inqas ‘tajbin’;
[…]
21) ‘Stat ekoloġiku’: hija espressjoni tal-kwalità ta’ struttura u funzjoni ta’ ekosistemi akkwatiċi assoċjati ma’ l-ilma tal-wiċċ, klassifikati skond l-Anness V;
22) ‘Stat ekoloġiku tajjeb’ huwa l-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, kif klassifikat skond l-Anness V;
[…]”
5. L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jistipula:
“1. Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:
a) għall-ilma tal-wiċċ
i) L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal‑wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafu 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;
ii) L-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfazizzaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ sottoparagrafu (iii) għal korpi ta’ l-ilma artifiċjali u modifikati ħafna, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl‑Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;
[…]”
6. Il-punt 1.2 tal-Anness V tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet normattivi ta’ klassifikazzjonijiet ta’ stat ekoloġiku”, jistipula:
“Tabella 1.2. Definizzjoni ġenerali għal xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta
[It-test segwenti jagħti definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika. Għall‑finijiet tal-klassifikazzjoni, il-valuri tal-elementi ta’ kwalità tal‑istat ekoloġiku ta’ kull kategorija ta’ ilma tal-wiċċ huma dawk indikati fit-tabelli 1.2.1 sa 1.2.4 segwenti.]
Elememnti |
Stat għoli |
Stat tajjeb |
Stat moderat |
Ġenerali |
Mhemmx, jew hemm biss ftit alterazzjonijiet antropoġeni, għall‑valuri ta’ l‑elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u fisiko-kimika tat‑tip ta’ korp ta’ l‑ilma tal-wiċċ minn dawk normalment assoċjati ma’ dak it-tip taħt kundizzjonijiet mhux disturbati. Il-valuri tal‑elementi ta’ kwalità bioloġika għal korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jirriflettu dawk normalment assoċjati ma’ dak it-tip taħt kundizzjonijiet mhux disturbati, u li ma juru l-ebda evidenza jew tfixkil, jew huma minuri. Dawn huma l‑komunitajiet u kundizzjonijiet ta’ tip-speċifiku. |
Il-valuri tal‑elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ juru livelli baxxi ta’ tfixkil li jirriżultaw [mill-attività umana, iżda li joħorġu ftit biss] minn dawk normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal‑wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux disturbati. |
Il-valuri tal‑elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ joħorġu moderatament minn dawk normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal‑wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux disturbati. Il‑valuri juru sinjali moderati ta’ tfixkil li jirrizulta minn attività umana u huma sinifikament aktar disturbati minn taħt kundizzjonijiet ta’ stat tajjeb. |
Ilmijiet li jiksbu stat inqas minn moderat iridu jiġu kklassifikati bħala fqar jew ħżiena.
Ilmijiet li juru evidenza ta’ alterazzjoni maġġuri għall-valuri ta’ elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ u fejn il‑komunitajiet bioloġiċi relevanti joħorġu sostanzjalment minn dawk assoċjati normalment mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux imfixkla, iridu jiġu klassifikati bħala fqar.
Ilmijiet li juru evidenza ta’ alterazzjonijiet kbar għall-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ u fejn partijiet kbar tal-Komunitajiet bioloġiċi relevanti normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux imfixxkla huma nieqsa, iridu jiġu klassifikati bħala ħżiena.”
7. Wara din id-definizzjoni ġenerali prevista fil-punt 1.2 tad‑Direttiva 2000/60 isegwu definizzjonijiet speċifiċi tal-“istati ekoloġiċi tax-xmajjar” (punt 1.2.1), tal-“lagi” (punt 1.2.2), tal‑“ilmijiet temporanji” (punt 1.2.3) u tal-“ilmijiet tal-kosta” (punt 1.2.4) (3). F’kull waħda minn dawn l-erba’ kategoriji, l-evalwazzjoni ta’ dan l-istat ekoloġiku hija bbażata fuq tliet elementi, jiġifieri l-elementi ta’ kwalità bijoloġika, l-elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika, b’kull wieħed minn dawn l-elementi jinkludu lista twila ta’ parametri.
8. F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-lagi, it-tabella 1.2.2 tal-Anness V ta’ din id-direttiva, intitolata “Definizzjonijiet għal stat ekoloġikament moderat għoli u tajjeb f’lagi”, tistipula:
“Elementi ta’ kwalità bioloġika
Element |
Stat għoli |
Stat tajjeb |
Stat moderat |
[…] |
[…] |
[…] |
[…] |
Fish fauna |
Kompożizzjoni u abbundanza tal‑ispeċi tikkorrispondi totalment jew kważi totalment ma’ kundizzjonijiet mhux disturbati. L-ispeċi ta’ disturbanza-sensittiva u ta’ tip-speċifiku kollha huma preżenti. L-istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut juru sinjal żgħir ta’ disturbanza antropoġenika u mhumiex indikattivi ta’ nuqqas fil‑produzzjoni jew żvilupp ta’ xi speċi partikolari. |
Hemm ftit bdil f’kompożizzjoni u abbundanza tal‑ispeċi mil‑komunitajiet tat-tip-speċifiku attribwibbli għal impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u fiżiko-kimika. L-istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut juru sinjali ta’ disturbanzi attributabbli għal impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġika jew fiżiko-kimika, u, fi ftit mumenti, huma indikattivi minn nuqqas fir‑riproduzzjoni u żvilupp ta’ speċi partikolari, għall‑estent ta’ xi wħud mill‑klassijiet tal‑età jistgħu ikunu neqsin. |
Il-kompożizzjoni u abbundanza ta’ speċi tal-ħut jinbidlu moderatament mill‑komunitajiet tat-tip speċifiku attributabbli għal impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromofoloġikali jew fiżiko-kimiku L-istruttura tal-età tal-komunitajiet tal-ħut turi sinjali maġġuri ta’ disturbanzi antropoġeniċi, għall-estent li parti moderata tal-ispeċi tat-tip-speċifiku huma nieqsa jew ta’ abbundanza vera baxxa. |
[…] |
[…] |
[…] |
[…] |
Elementi ta’ kwalitá idromorfoloġika
Element |
Stat għoli |
Stat tajjeb |
Stat moderat |
[…] |
[…] |
[…] |
[…] |
Elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiku
Element |
Stat għoli |
Stat tajjeb |
Stat moderat |
[…] |
[…] |
[…] |
[…] |
[…]”
Id‑dritt Awstrijak
9. L-Artikolu 30a(1) tal-Wasserrechtsgesetz 1959 (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ilma tal‑1959), tas‑16 ta’ Ottubru 1959 (4), fil-verżjoni tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2018 (5), jistipula, essenzjalment, li l-ilmijiet tal-wiċċ għandhom jiġu protetti, imtejba u msaħħa sabiex l-istat tagħhom ma jiddeterjorax. L-aħjar stat ta’ ilma tal-wiċċ jintlaħaq meta l-korp ta’ ilma tal-wiċċ ikollu stat ekoloġiku u stat u stat kimiku għall-inqas tajjeb.
10. Il-punt 1(b) tal-Artikolu 104a(1) tal-WRG jistipula, essenzjalment, li l‑proġetti li għalihom, minħabba bidliet fil-karatteristiċi idromorfoloġiċi ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ jew bidliet tal-livell ta’ ilma ta’ korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, huwa probabbli li l-istat ta’ korp ta’ ilma tal‑wiċċ jew ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art jiddeterjora, huma fi kwalunkwe każ proġetti li jista’ jkollhom effetti fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku.
11. L-Artikolu 105(1) tal-WRG jistipula, essenzjalment, li talba għal awtorizzazzjoni ta’ proġett tista’ tiġi miċħuda fl-interess pubbliku b’mod partikolari meta jista’ jkun hemm bħala konsegwenza deterjorament sinjifikattiv tal-istat ekoloġiku tal-ilmijiet jew meta jkun ikkonstatat preġudizzju sostanzjali għall-għanijiet li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
Il‑kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
12. Fis‑7 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti ressqet quddiem il‑Bezirkshauptmannshaft Spittal an der Drau (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Spittal an der Drau, l-Awstrija), talba sabiex tikseb l‑awtorizzazzjoni sabiex tibni kamra għaż-żamma tad-dgħajjes (iktar ’il quddiem il-“proġett”), li huwa korp ta’ ilma qiegħed ta’ oriġini naturali b’daqs ta’ 6.53 km², li jinsab fil-Land ta’ Kärnten (l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“lag”).
13. Peress li din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem il‑Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten, l-Awstrija), li, permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Frar 2020, ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ ċaħda. Skont din il-qorti, il‑kwalità tal-fish fauna u, konsegwentement, l-istat ġenerali tal-ilmijiet tal-wiċċ tal-lag kien “fqir”, minħabba ġestjoni ħażina tar-riżorsi tas‑sajd (6). Għalhekk, il-proġett kellu jkun ipprojbit, fid-dawl tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat, skont id-Direttiva 2000/60, li jadotta miżuri sabiex jinkiseb “stat tajjeb” tal-ilmijiet tal-wiċċ u tkun ipprojbita kwalunkwe miżura li tista’ tostakola dan jew li ma għandhiex l-għan li tikkontribwixxi għal titjib tal-kwalità ta’ dawn l-ilmijiet (7).
14. Adita mir-rikorrenti, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), il-qorti tar-rinviju tqis li d‑Direttiva 2000/60 ma timponix li għandha tiġi miċħuda l‑awtorizzazzjoni ta’ proġetti “newtrali” – jiġifieri proġetti li ma jikkontribwixxux għall-kisba ta’ stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ, jekk ma jwasslux għal deterjorazzjoni tal-istat ta’ korpi ta’ ilma – iżda biss li għandha tiġi miċħuda l-awtorizzazzjoni ta’ proġett li għandu impatti sinjifikattiv fuq l-istat tal-korpi ta’ ilma kkonċernati.
15. Skont il-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jiġi evalwat jekk il‑proġett jikkawżax preġudizzju b’mod sinjifikattiv għall-miżuri previsti jew rikjesti sabiex jinkiseb stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ (8), u dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-istat ekoloġiku tal-lag għandux jiġi kklassifikat f’livell inqas minn “tajjeb”, li jwassal għall-obbligu ta’ titjib fis-sens tad‑Direttiva 2000/60. F’dan ir-rigward, din il-qorti għandha dubji dwar jekk, essenzjalment, kundizzjoni disturbata tal-fish fauna dovuta biss minħabba miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd u mhux minħabba impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika, għandhiex impatti fuq il-klassifikazzjoni tal-istat ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, fil-punt 1.2.2 tal-Anness V tad‑Direttiva 2000/60, bħala “għoli”, minn naħa waħda, u bħala “tajjeb” jew “moderat”, min-naħa l‑oħra.
16. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti dommandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Il-punt 1.2.2 (Definizzjonijiet ta’ stat ekoloġiku għoli, tajjeb u moderat fil-lagi) tal-Anness V tad-[Direttiva 2000/60] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘kundizzjonijiet disturbati’ fit-tabella ‘Elementi ta’ kwalità bioloġika’, fil-linja ‘Fish fauna’, fil-kolonna “Stat għoli” għandhom jinftiehmu esklużivament bħala kundizzjonijiet antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiċi‑kimiċi u idromorfoloġiċi?
2) Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis‑sens li bidla minn stat għoli għall-element ta’ kwalità bioloġika “fish fauna”, li hija dovuta għal kundizzjonijiet disturbati li ma humiex influwenzi antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiċi‑kimiċi u idromorfoloġiċi, twassal sabiex l-element ta’ kwalità bijoloġika għal ‘fish fauna’ ukoll ma jistax jiġi kklassifikat bħala ta’ ‘stat tajjeb’ jew ta’ ‘stat moderat’?”
17. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal‑Ġustizzja mir-rikorrenti, il-Gvern Awstrijak u dak Irlandiż, u mill‑Kummissjoni Ewropea.
Analiżi
18. Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, għall‑finijiet tad-definizzjoni tal-istat ekoloġiku ta’ lag (bħala “għoli”, “tajjeb” u “moderat”) fir-rigward tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” li jinsab fit-Tabella 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 (iktar ’il quddiem, id-“definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna”), għandhomx jiġu kkunsidrati biss “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika”, bl-esklużjoni ta’ impatti antropoġeniċi oħra, bħal dawk li jirriżultaw minn miżuri ta’ ġestjoni ta’ riżorski tas-sajd (9).
19. Id-dubji ta’ din il-qorti jirrigwardaw il-fatt li, fid-definizzjoni tal‑istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “għoli”, din it-tabella b’mod partikolari tirreferi biss għall-assenza ta’ kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi mingħajr ebda preċiżjoni, filwaqt li, fid-definizzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “tajjeb” u “moderat”, l-imsemmija tabella tirreferi b’mod partikolari għall-preżenza, ftit jew wisq sinjifikattiva, ta’ sinjali ta’ kundizzjonijiet disturbati minħabba impatti antropoġeniċi fuq l‑elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika.
20. Fil-punti segwenti, wara xi riflessjonijiet preliminari dwar ir‑rilevanza tad-domandi preliminari, ser neżamina l-portata tad‑dispożizzjonijiet inkwistjoni filwaqt li jiġu kkunsidrati, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm il-kliem tagħhom kif ukoll il-kuntest u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti u, f’dan il-każ, l-oriġini ta’ din il‑leġiżlazzjoni (10).
Osservazzjonijiet preliminari
21. Ma hemmx dubju li l-effetti ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas‑sajd, bħar-riġenerazzjoni ta’ lag bi speċi mhux indiġeni ta’ ħut, jikkostitwixxu “impatti antropoġeniċi”, jiġifieri effetti kkawżati mill‑attivitajiet tal-bniedem (11).
22. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-miżuri ta’ ġestjoni tar‑riżorsi tas-sajd inkwistjoni, minkejja li huma miżuri li għandhom impatti antropoġeniċi, ma jikkostitwixxux miżuri li għandhom tali impatti fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika (12). Ir‑rikorrenti kif ukoll il-Gvern Awstrijak u dak Irlandiż jaqblu ma’ dan l‑approċċ (13), filwaqt li, skont il-Kummissjoni, miżuri ta’ ġestjoni ta’ riżorsi tas-sajd jista’ jkollhom impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika (14).
23. Jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, mill-etimoloġija stess tat-terminu “idromorfoloġiku” jirriżulta li dan jinkludi kull miżura li tista’ taffettwa l-istat tal-ilmijiet, inkluż il‑miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd (15). B’mod iktar partikolari, inqis li d-disturb tal-fish fauna tipproduċi fiha nnifisha kundizzjonijiet disturbati fuq l-elementi ta’ natura fiżiko-kimika u idromorfoloġika ta’ korp ta’ ilma (16).
24. Issa, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm din l-interpretazzjoni, id‑domandi preliminari ma jibqgħux rilevanti peress li l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu, fi kwalunkwe każ, miżuri li għandhom impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika u għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-definizzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna tal-lag.
25. Minkejja dan, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qafas tal-proċedura prevista fl‑Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi relatati mal‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess (17), u li l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (18).
26. Għalhekk, fil-punti segwenti, ser nipproponi risposta għad‑domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, li jirrigwardaw, essenzjalment, dwar jekk impatti antropoġeniċi fuq elementi differenti minn dawk ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika humiex rilevanti wkoll għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku ta’ lag fir-rigward tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, skont id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna.
Fuq l-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet rilevanti
27. Id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna tinkludi tliet kategoriji (“għoli”, “tajjeb” u “moderat”) li l-kriterji tagħhom huma fformulati b’mod kumpless, saħansitra inkoerenti.
28. Minn naħa waħda, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “għoli” tirrikjedi li jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet segwenti:
– l-ewwel waħda tirrikjedi li l-kompożizzjoni u abbundanza tal-ispeċi tikkorrispondi totalment jew kważi għal “kundizzjonijiet mhux disturbati”;
– it-tieni tistipula li l-ispeċi karatteristiċi sensittivi għall-kundizzjonijiet disturbati kollha jkunu preżenti (19);
– it-tielet tirrikjedi li l-istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut juru sinjal żgħir ta’ “kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi” (biss) u ma jiżvelawx problemi fir‑riproduzzjoni jew fl-iżvilupp ta’ speċi partikolari (20).
29. Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “tajjeb” u “moderat” tirreferi għal żewġ kundizzjonijiet, li jikkoinċidu mal-ewwel u mat-tielet tal-“istat għoli”, iżda li huma ddefiniti b’mod kompletament differenti, jiġifieri:
– l-ewwel waħda tistipula li l-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi jippreżentaw ftit bidliet meta mqabbla mal-komunitajiet ta’ tip speċifiku (“stat tajjeb”) jew huma moderatament differenti minn dawk ta’ dawn il-komunitajiet (“stat moderat”), minħabba impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika;
– it-tieni waħda tistabbilixxi li l-istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal‑ħut jindikaw kemm sinjali ta’ disturb minħabba impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika u, f’ċerti każijiet, jiżvelaw problemi fir-riproduzzjoni jew fl-iżvilupp ta’ speċi partikolari, fis-sens li ċerti klassijiet ta’ età jista’ ma jkollhomx (“stat tajjeb”) kemm sinjali sinjifikattivi ta’ kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi, fis-sens li proporzjon moderat tal-ispeċi karatteristika jkun nieqes jew skars ħafna (“stat moderat”) (21).
30. Għalhekk, skont il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari għandha tkun fis-sens, minn naħa, li, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “għoli” ma hijiex relatata biss ma’ kundizzjonijiet disturbati minħabba “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika” u, min-naħa l-oħra, li, il-klassifikazzjonijiet tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “tajjeb” u “moderat” jirreferu biss għal kundizzjonijiet disturbati minħabba “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfo loġika” (22).
31. Madankollu, il-formolazzjoni kumplessa, impreċiża u kontradittorja tad-definizzjonijiet eżaminati tagħmel estremament diffiċli l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u timplika l-ħtieġa li dawn id-diffikultajiet jiġu rrimedjati permezz ta’ interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika fid-dawl ukoll tal-oriġini tal-imsemmija dispożizzjonijiet.
Fuq l‑interpretazzjoni kuntestwali tad‑dispożizzjonijiet rilevanti
32. Id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna tinsab fil-punt 1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Definizzjonijiet normattivi ta’ klassifikazzjonijiet ta’ stat ekoloġiku”.
33. It-tabella 1.2 ta’ dan l-Anness, intitolata “Definizzjoni ġenerali għal xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta” (iktar ’il quddiem id-“definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika”), tagħti b’mod partikolari definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika tax-xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta, u warajha jiġu definizzjonijiet speċifiċi tal-istati ekoloġiċi tax-xmajjar (punt 1.2.1), tal-lagi (punt 1.2.2), tal-ilmijiet temporanji (punt 1.2.3) u tal-ilmijiet tal-kosta (punt 1.2.4) (23). F’kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ ilma tal-wiċċ, għall-finijiet tal‑evalwazzjoni tal-istat ekoloġiku, l-Istati Membri għandhom jibbażaw ruħhom fuq tliet kategoriji ta’ elementi ta’ kwalità, jiġifieri l-elementi ta’ kwalità bijoloġika, l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u l-elementi ta’ kwalità idromorfoloġika, b’kull wieħed minn dawn l-elementi ta’ kwalità jkollu parametri speċifiċi (24).
34. Għaldaqstant, bħala regola l-istat ekoloġiku ta’ dawn it-tliet elementi ta’ kwalità huwa ddefinit b’mod indipendenti, peress li l-fish fauna hija analizzata fil-kuntest tal-element ta’ kwalità bijoloġika u mhux f’dak tal-elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u fiżiko-kimika. Madankollu, id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna, filwaqt li taqa’ fil-qafas ta’ elementi ta’ kwalità bijoloġika, tirreferi fiha nnifisha, fir-rigward tal-kategoriji “stat tajjeb” u “stat moderat ” (iżda mhux għall‑kategorija “stat għoli”), għal elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika (25).
35. F’dan il-kuntest, inqis li huwa opportun li d-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna tkun interpretata fid-dawl tad-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika tal-ilmijiet tal-wiċċ.
36. F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, f’dak li jirrigwarda l‑kategorija “stat għoli”, id-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika tirreferi għall-fatt li “[il]-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għal korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jirriflettu dawk normalment assoċjati ma’ dak it‑tip taħt kundizzjonijiet mhux disturbati, u li ma juru l-ebda evidenza jew tfixkil, jew huma minuri” u tispjega li “[d]awn huma l-komunitajiet u kundizzjonijiet ta’ tip-speċifiku” (26). Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l‑elementi ta’ kwalità bijoloġika, din id-definizzjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għall-bidliet antropoġeniċi tal-valuri tal-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika.
37. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-kategoriji “stat tajjeb” u “stat moderat”, din id-definizzjoni tirrikjedi, rispettivament, li “[i]l-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ juru livelli baxxi ta’ tfixkil li jirriżultaw mi[ll-attività umana, iżda li joħorġu ftit biss] minn dawk normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal‑wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux disturbati” (kategorija “stat tajjeb”) u li dawn il-valuri “joħorġu moderatament minn dawk normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux disturbati” u “juru sinjali moderati ta’ tfixkil li jirrizulta minn attività umana u huma sinifikament aktar disturbati minn taħt kundizzjonijiet ta’ stat tajjeb” (kategorija “stat moderat”).
38. Għalhekk, id-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika tal‑ilmijiet tal-wiċċ ma tirreferix għal kundizzjonijiet disturbati marbuta ma’ kawżi speċifiċi, bħall-bidliet antropoġeniċi t al-valuri tal-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika (27).
39. F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il‑kategorija “stat għoli”, jidhirli li l-espressjonijiet użati kemm fid‑definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika kif ukoll fid-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna ma jippermettux li l-evalwazzjoni tkun limitata għal kundizzjonijiet disturbati jew tfixkil ta’ natura fiżiko-kimika u idromorfoloġika (28).
40. Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kategoriji “stat tajjeb” u “stat moderat ”, nirrimarka, qabelxejn, li d-definizzjoni ġenerali tal‑kwalità ekoloġika u dik tal-istati ekoloġiċi jsemmu, fl-opinjoni tiegħi, b’mod mhux distint u aċċidentali, kemm l-eżistenza ta’ “impatti antropoġeniċi” jew ta’ “tfixkil li jirriżulta mill-attività umana” kif ukoll l-eżistenza ta’ “kundizzjonijiet disturbati” jew ta’ “tfixkil” biss (mhux marbuta, bħala regola, mal-attività umana). Issa, filwaqt li nifhem id‑diffikultà sabiex dawn il-formulazzjonijiet impreċiżi u inkoerenti jiġu interpretati, jidhirli, qabelxejn, li, jekk dawn ir-riferimenti kollha jirreferu (espliċitament jew impliċitament) għal intervent uman (29), dan huwa dovut għall-fatt li l-kundizzjonijiet disturbati inkwistjoni huma normalment ikkawżati minn attività umana u mhux mill-intenzjoni tal-leġiżlatur tal‑Unjoni li jillimita din l-evalwazzjoni għal interventi umani. Sussegwentament, inqis li r-riferimenti għall-impatti antropoġeniċi fuq l‑elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika huma użati, b’mod mhux eżawrjenti, sabiex jiġu inklużi l-interventi umani kollha, għaliex normalment huma dawn l-impatti (ta’ natura fiżiko-kimika u idromorfoloġika) li huma fl-oriġini ta’ bidliet tal-elementi ta’ kwalità bijoloġika u għalhekk tal-fish fauna (30). Finalment, peress li l-istati “tajjeb” u “moderat” huma ddefiniti abbażi tal-istess indikaturi bħal l-istat “għoli” (skont id-differenza kkonstatata), ikun kontradittorju, fl-opinjoni tiegħi, li tiġi kkunsidrata kull kundizzjoni disturbata fl-evalwazzjoni ta’ din tal‑aħħar u li ma jiġux ikkunsidrati uħud minn dawn il-kundizzjonijiet meta għandha titkejjel id-differenza bejn l-imsemmi stat u l-istati “tajjeb” u “moderat”.
41. Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu sabiex nirrispondi għad‑domandi preliminari fis-sens li, għall-finijiet tad-definizzjoni tal‑istati ekoloġiċi tal-fish fauna, għandhom jiġu kkunsidrati kull kundizzjoni disturbata jew bidla antropoġenika.
Fuq l‑oriġini tad‑dispożizzjonijiet rilevanti
42. Fir-rigward tal-oriġini tad-dispożizzjonijiet rilevanti, nosserva li r‑redazzjoni tad-Direttiva 2000/60, u b’mod iktar partikolari tal‑Anness V tagħha, qajmet ħafna diskussjonijiet.
43. Fil-fatt, l-ewwel proposti ta’ direttiva tal-Kummissjoni (31) kienu jibbażaw id-definizzjonijiet tal-istati ekoloġiċi fuq elementi deskrittivi, mingħajr ma jitolbu impatti speċifiċi (32). Ir-riferimenti għall-“impatti antropoġeniċi” u, b’mod iktar partikolari, għall-“impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika” ġew introdotti matul il-proċedura leġiżlattiva (33). Madankollu, peress li r‑raġuni tal-eżistenza ta’ tali bidliet ma kinitx espliċita, jidhirli li ma jistgħux jiġu misluta konsegwenzi partikolari minn tali ċirkustanza (34).
44. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, studju tal-oriġini tad‑dispożizzjonijiet rilevanti ma jagħti l-ebda indikazzjoni utli sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l‑interpretazzjoni teleoloġika tad‑dispożizzjonijiet rilevanti
45. Id-Direttiva 2000/60 hija direttiva qafas adottata abbażi tal‑Artikolu 175(1)KE (li sar l-Artikolu 192(1) TFUE). Hija tistabbilixxi prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet u tiżgura l-koordinazzjoni, l-integrazzjoni kif ukoll, fuq perijodu itwal, l‑iżvilupp ta’ prinċipji ġenerali u ta’ strutturi permanenti li jippermettu l‑protezzjoni u użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fl-Unjoni. Il-prinċipji komuni u l-qafas globali ta’ azzjoni stabbiliti minnha għandhom jiġu żviluppati iktar mill-Istati Membri permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri partikolari konformement mat-termini previsti f’din id-direttiva. Madankollu, l-għan ta’ din id-direttiva ma huwiex armonizzazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-ilma (35).
46. Skont l-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva, l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art, li jipprevjeni kull deterjorazzjoni addizzjonali, jipproteġi u jtejjeb l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi kif ukoll, f’dak li jirrigwarda l-ħtiġijiet tagħhom tal-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuqhom (36).
47. L-għanijiet ambjentali li l-Istati Membri huma obbligati jilħqu fir-rigward tal-ilmijiet tal-wiċċ huma spjegati fl-Artikolu 4(1)(a) tal‑imsemmija direttiva, dispożizzjoni li, kif spjegat il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, timponi żewġ għanijiet distinti, għalkemm marbutin intrinsikament. Minn naħa waħda, skont l-Artikolu 4(1)(a)(i) tal‑istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp tal-ilma tal-wiċċ (obbligu li tiġi prekluża d-deterjorazzjoni). Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii) tad-Direttiva 2000/60, l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jsaħħu l-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ bil-ħsieb li jinkiseb “stat tajjeb” mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2015 (obbligu ta’ titjib) (37). Kemm l-obbligu ta’ titjib kif ukoll l-obbligu li tiġi prekluża d-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi ta’ ilma huma intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet kwalitattivi mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri l‑preservazzjoni u t-tisħiħ ta’ stat tajjeb, ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u ta’ stat kimiku tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ. (38).
48. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jillimitax ruħu li jistabbilixxi, skont formulazzjoni programmatika, għanijiet sempliċi ta’ ppjanar ta’ ġestjoni, iżda jipproduċi effetti vinkolanti, ladarba jiġi stabbilit l-istat ekoloġiku tal-korp tal-ilma, f’kull stadju tal-proċedura mitluba minn din id-direttiva. Għalhekk din id‑dispożizzjoni ma tinkludix biss obbligi ta’ prinċipju iżda tikkonċerna wkoll proġetti partikolari (39).
49. Matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, u għalhekk qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali huma obbligati, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60 jivverifikaw jekk dan il-proġett jistax iwassal għal effetti negattivi fuq l-ilma li jkunu kuntrarji għall-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni u ta’ titjib tal-istat tal‑korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art (40).
50. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li, kif issostni l-Kummissjoni, ikun diffiċli għall-inqas li tiżgura l-protezzjoni sħiħa (preservazzjoni u titjib) tal-istat ta’ ekosistemi akkwatiċi jekk, matul l-evalwazzjoni tal-istat tal‑fish fauna tal-lagi, ikunu injorati l-kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi (fil-kompożizzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċi ta’ ħut jew oħrajn) li ma humiex ikkawżati minn bidla tal-elementi ta’ kwalità fiżiko‑kimika u idromorfoloġika (41).
51. Barra minn hekk, kif sostna l-Gvern Awstrijak, interpretazzjoni stretta, li d-definizzjoni tal-istat “għoli” applikata għall-istat ekoloġiku tal-fish fauna ma għandhiex tikkunsidra ċerti bidliet antropoġeni, tidher li tagħmel irrilevanti l-element “fish fauna” stess (42). Fil-fatt, fid-dawl tal‑għanijiet tad-Direttiva 2000/60, ikun diffiċli li jiġi aċċettat li ċertu deterjorazzjoni tal-fish fauna (bħal, jekk ikun il-każ, id-deterjorazzjoni tal-istocks tal-ħut) ma taffettwax il-klassifikazzjoni tal-kwalità tal-fish fauna skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Anness V ta’ din id‑direttiva.
52. Għalhekk, jidhirli li interpretazzjoni teleoloġika tad‑dispożizzjonijiet rilevanti tikkonferma li, għall-finijiet tad‑definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna, għandhom jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet disturbati fil-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi tas-sajd kollha kif ukoll fl-istrutturi tal-età ta’ dawn il‑komunitajiet ta’ ħut.
Kunsiderazzjonijiet konklużivi
53. Insostni l-pożizzjoni tiegħi li miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd għandhom jiġu kklassifikati bħala li għandhom impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika. Din l‑interpretazzjoni tagħmel id-domandi preliminari mingħajr rilevanza, fis-sens li dawn il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd jaqgħu fi kwalunkwe każ fid-definizzjoni ta’ “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika” u għandhom jiġu kkunsidrati għad-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi kollha tal-fish fauna.
54. Minkejja dan, u filwaqt li jitħalla fid-diskrezzjoni tal-qorti tar‑rinviju l-kompitu li tiddefinixxi l-qafas fattwali rilevanti, jiena għafast fuq il-kwistjoni, iktar ġenerali, dwar jekk id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna tirrikjedix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull miżura li għandha impatti antropoġeniċi, peress li r-riferiment għall-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika ma għandux jiġi interpretat bħala li jillimitaw ir-rilevanza ta’ kull miżura oħra li għandha impatti antropoġeniċi.
55. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun li d-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna bħala “stat għoli”, “stat tajjeb” u “stat moderat” għandha tiġi interpretata fis-sens li “kundizzjoni disturbata antropoġenika” għandha tinftiehem bħala kull kundizzjoni disturbata li għandha bħala oriġini attività umana, inkluż kull bidla li tista’ taffettwa l-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi tal-ħut.
Konklużjoni
56. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) bil‑mod segwenti:
Id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” bħala “stat għoli”, “stat tajjeb” u “stat moderat” li jinsabu fit‑tabella 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam ta l-politika tal-ilma,
għandha tiġi interpretata fis-sens li:
“kundizzjoni disturbata antropoġenika” għandha tinftiehem bħala kull kundizzjoni disturbata li għandha bħala oriġini attività umana, inkluż kull bidla li tista’ taffettwa l-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi tal-ħut.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275; rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70).
3 Kategorija partikolari (punt 1.2.5) tirrigwarda, finalment, il-“korpi ta’ l-ilma modifikati ħafna jew artifiċjali”.
4 BGBl., 215/1959.
5 BGBl. I, 73/2018, iktar ’il quddiem il-“WRG”.
6 B’mod iktar partikolari, l-istat tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” tal-lag kellu jkun ikklassifikat bħala “fqir”, minħabba l-fatt li l-kompożizzjoni u l‑abbundanza tal-ispeċi tal-ħut tal-lag kienet differenti mill‑komunitajiet ta’ tip speċifiku tal-ħut. Mit-tmiem speċi inizjali ta’ ħut, sitta biss kienu għadhom preżenti, filwaqt li ngħaqdu magħhom disa’ speċi mhux indiġeni, minħabba ġestjoni ħażina tal-popolazzjonijiet tal-ħut.
7 Filwaqt li ma kienx ser iġib bidla fl-istat ġenerali tal-lag, il-bini ta’ kamra għaż-żamma tad-dgħajjes lanqas ma kien ser iġib miegħu titjib fl-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ, peress li din il-kostruzzjoni, li kienet tinsab qrib il-kosta, iċċaqlaq il-postijiet fejn ibid il-ħut.
8 L-evalwazzjoni ta’ dawn il-miżuri kellha ssir, skont il-qorti tar-rinviju, mil‑Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten).
9 Peress li dawn il-miżuri kienu responsabbli, f’dan il-każ, għad-deterjorazzjoni tal‑fish fauna tal-lag.
10 Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 Fil-fatt, il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi jużaw termini li jindikaw b’mod ġeneriku, raġuni li hija fl-oriġini ta’ intervent tal-bniedem kwalunkwe, mingħajr distinzjoni, bħall-aġġettivi “antropogen” fil-verżjoni Ġermaniża u “anthropogénique” fil-verżjoni Franċiża, komposti mill-kliem Griegi “άνθρωπος” (raġel) u “γένος” (oriġini).
12 Fi kliem ieħor, ġewwa l-kategorija ġenerali ta’ miżuri li għandhom impatti antropoġeniċi hemm, minn naħa waħda, miżuri li għandhom impatti fuq l‑elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika u, min-naħa l-oħra, miżuri li għandhom impatti oħra, bħall-miżuri ta’ ġestjoni ta’ riżorsi tas-sajd.
13 Dawn il-partijiet jesprimu, madankollu, pożizzjonijiet differenti dwar id-domanda jekk impatti antropoġeniċi li ma jikkonċernawx l-elementi ta’ kwalità fiżiko‑kimika u idromorfoloġika (fosthom il-miżuri ta’ ġestjoni ta’ riżorsi tas-sajd) għandhomx jiġu kkunsidrati fil-klassifikazzjoni tal-istat ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, bil-Gvern Awstrijak jipproponi risposta fl-affermattiv filwaqt li r-rikorrenti u l-Gvern Irlandiż jipproponu risposta fin-negattiv.
14 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssemmi diversi studji xjentifiċi.
15 Nirrimarka li l-terminu “idromorfoloġiku” jikkonċerna l-konfigurazzjoni tal-korpi tal-ilma, peress li din il-kelma hija komposta mit-termini Griegi “ύδωρ” (ilma), “μορφή” (forma) u “λόγος” (studju). Kif jirriżulta mis-sit internet “WISE‑Freshwater”, ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) “hydromorphology refers to the hydrological, morphological and river continuity conditions of rivers, lakes, estuaries and coastal waters in undisturbed state”. Dan id‑dokument jista’ jiġi kkonsultat (fil-lingwa Ingliża biss) fl-indirizz segwenti: https://water.europa.eu/freshwater/europe-freshwater/freshwater-themes/hydromorphology.
16 Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, jekk il-popolazzjoni tal-ħut tinbidel, essenzjalment, fir‑rigward tan-numru tagħhom, l-età tagħhom u l-ispeċi preżenti f’korp ta’ ilma, dan jinkludi inevitabbilment bidliet ta’ elementi ta’ natura fiżiko-kimika u idromorfoloġika tagħha. Dan il-bdil jaffettwa, mill-inqas, is-sorsi ta’ ikel tal-ħut, il‑fitoplankton, il-fitobentos u l-benthic fauna, b’effett fuq il-kwalità tal‑ilmijiet, anki meta dawn il-bidliet ma humiex dovuti għall-attività umana iżda għal kawżi naturali bħal, pereżempju, mard tal-ħut.
17 Fil-fatt, hija l-qorti tar-rinviju, bħala l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, li għandha teżamina jekk il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas‑sajd inkwistjoni jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri (antropoġeniċi) li għandhom effetti fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Glavna direktsia “Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto” (Xogħol ta’ bil-lejl) (C‑529/21 sa C‑536/21 u C‑732/21 sa C‑738/21, EU:C:2023:374, punt 57)).
18 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Ferrovienord (C‑363/21 u C‑364/21, EU:C:2023:563, punti 52 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif deskritta mill‑qorti tar-rinviju, mingħajr ma tkun tista’ tikkontestaha jew tivverifika l‑eżattezza tagħha, peress li ċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar‑realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha.
19 Barra minn hekk, mingħajr ma nixtieq nintervjeni fil-kompetenzi tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-każ inkwistjoni, nistaqsi jekk il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet. F’dan il-każ, dawn il-miżuri jkunu rilevanti fil-klassifikazzjoni tal-fish fauna bħala li qegħda “fi stat għoli”, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk jaqgħux taħt kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi u, b’mod iktar partikolari, bħala impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika.
20 Essenzjalment, l-ewwel żewġ kundizzjonijiet (“kompożizzjoni, abbundanza u preżenza ta’ speċi”) jidhirli li huma marbuta mal-kwantità tal-ispeċi preżenti u t-tielet kundizzjoni (“stutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut”) mal-kwalità tagħhom.
21 Il-qorti tar-rinviju u l-partijiet ikkonċernati jagħtu interpretazzjoni iktar sempliċi, iżda impreċiża, tad-definizzjonijiet tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna, inkwantu jagħmlu distinzjoni bejn, minn naħa waħda, il-klassifikazzjoni tal-istat tal-fish fauna bħala “għoli”, ibbażata fuq l-assenza ta’ “kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi” (biss) u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjonijiet tal-istat tal-fish fauna bħala “tajjeb” u “moderat” ibbażati fuq l-eżistenza ta’ “kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika”.
22 Madankollu, jekk toqgħod b’mod rigoruż ad litteram mad-definizzjonijiet, is‑soluzzjoni hija iktar ikkumplikata. Fil-fatt, qabelxejn, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “għoli” ma hijiex dovuta biss għal kundizzjonijiet disturbati minħabba “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika” iżda wkoll minħabba “kundizzjonijiet disturbati” (biss), f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi, u fir-rigward ta’ “kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi”, f’dak li jirrigwarda l-istrutturi tal-età tal‑komunitajiet tal-ħut. Sussegwentament, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal‑fish fauna bħala “tajjeb” tirreferi għal kundizzjonijiet disturbati minħabba “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika”, f’dak li jirrigwarda kemm il-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi kif ukoll l‑istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut (u f’dan l-aħħar każ, tirreferi wkoll għall‑preżenza ta’ problemi fir-riproduzzjoni jew fl-iżvilupp ta’ speċi partikolari). Finalment, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “moderat” tirreferi għal kundizzjonijiet disturbati minħabba “impatti antropoġeniċi fuq l‑elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika”, f’dak li jirrigwarda l‑kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi u għal “kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi” (biss), f’dak li jirrigwarda l-istrutturi tal-età tal‑komunitajiet tal-ħut.
23 Kategorija partikolari (punt 1.2.5) tirrigwarda, finalment, il-korpi tal-ilma modifikati ħafna jew artifiċjali, li huma suġġetti għal approċċ simili iżda mhux identiku.
24 Pereżempju, f’dak li jirrigwarda l-elementi ta’ kwalità bijoloġika, dawn ikunu l‑estimi tal-fitoplankton, tal-makrofiti u tal-fitoentos, tal-benthic invertebrate fauna u tal-fish fauna. Kif josserva l-Avukat Ġenerali Jääskinen fil‑konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2014:2324, punt 47), l-istat ekoloġiku ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jirriżulta mill-evalwazzjoni tal-istruttura u tal-funzjonament tal-ekosistemi akkwatiċi assoċjati ma’ din il-massa tal-ilma. Dan huwa ddeterminat permezz ta’ mekkaniżmu ta’ natura xjentifika bbażat fuq elementi ta’ kwalità, jiġifieri, bijoloġika (speċi ta’ pjanti u ta’ annimali), idromorfoloġika u fiżiko-kimika, bl-imsemmija elementi jiġu evalwati skont indikaturi (pereżempju l-preżenza ta’ invertebrati jew ta’ ħut fi xmara).
25 Minkejja dan, u mingħajr ma nixtieq nidħol fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-fatti fil-kawża prinċipali, jidhirli li diffiċli li wieħed jaħseb f’kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi tal-kwalità ekoloġika ta’ lag (u b’mod partikolari tal-fish fauna) li ma humiex ta’ natura fiżiko-kimika jew idromorfoloġika. Barra minn hekk, l-istess definizzjonijiet tal-elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u fiżiko-kimika jirreferu minnhom infushom għal diversi drabi għall-“valuri indikati […] għall-elementi ta’ kwalità bijoloġika”, li juri li dawn l-elementi jikkoinċidu.
26 Id-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika ssemmi wkoll l-assenza jew il‑preżenza limitata ferm ta’ “bidliet antropoġeniċi tal-valuri tal-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġiku applikabbli għat-tip ta’ korp tal-ilma tal‑wiċċ meta mqabbel mal-valuri normalment assoċjati ma’ dan it-tip f’kundizzjonijiet mhux disturbati”. Madankollu, dan ir-riferiment ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, għaliex jirreferi b’mod ċar, fl-opinjoni tiegħi, għall-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika, li huma ddettaljati fit-taqsimiet speċifiċi tat-tabella 1.2.2 tal‑Anness V tad-Direttiva 2000/60 u li ma jikkonċernawx id-definizzjoni tal-“fish fauna”, li hija rregolata fit-taqsima ta’ din it-tabella li tirrigwarda l-element ta’ kwalità bijoloġika.
27 Nirrimarka li r-riferiment għal bidliet antropoġeniċi tal-valuri tal-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika huwa nieqes ukoll fir-rigward tal-kategoriji “fqir” u “ħażin”. Dawn il-kategoriji huma ddefiniti b’mod uniku fid-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika u huma nieqsa mill-istati ekoloġiċi tal-fish fauna. Barra minn hekk, differenti mid-definizzjoni tal-fish fauna, id-definizzjonijiet ta’ elementi oħra ta’ kwalità bijoloġika għal-lagi (bħall-fitoplankton, il-makrofiti u fitobentos u l-benthic invertebrate fauna) ma fihom l-ebda restrizzjoni għat-tipi ta’ kawżi inkwistjoni (pereżempju, għall-bidliet antropoġeniċi). Madankollu, din il‑konstatazzjoni ma hijiex rilevanti f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-fish fauna, peress li ma huwiex eskluż, kif issostni l-Kummissjoni, li l-leġiżlatur ried jagħmel differenza bejn il-fish fauna u l-element ta’ kwalità bijoloġika l-oħra.
28 Għall-kuntrarju, jidhirli li l-formulazzjonijiet użati fiż-żewġ definizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati bħala li jmorru lil hinn anki mill- kundizzjonijiet disturbati “antropoġeniċi”, sabiex jinkludu kull kundizzjoni disturbata, li madankollu ma huwiex rilevanti fil-każ inkwistjoni, peress li l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd mingħajr dubju għandhom natura antropoġenika.
29 Fil-fatt, anki meta t-termini “kundizzjonijiet disturbati” jew “tfixkil” huma użati mingħajr ebda riferiment ieħor, jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirreferi għal interventi umani, għas-sempliċi raġuni li, fil-parti l-kbira tas-sitwazzjonijiet, huma tali interventi li huma l-bidu tad-degradazzjoni tal-kwalità ekoloġika tal-lagi.
30 B’mod iktar ġenerali, jidhirli evidenti li l-elementi differenti ta’ kwalità jinteraġixxu fl-ekosistema akkwatika. Dan huwa iktar evidenti jekk jiġi kkunsidrat li l-istess tabelli (speċifiċi) li jinsabu fil-punt 1.2.2 tal-Anness V dwar l-elementi ta’ kwalità fiżiko‑kimika u idromorfoloġika (għalhekk elementi differenti mill-element bijoloġiku) jirreferu huma stess, diversi drabi, għall-valuri indikati mill-elementi ta’ kwalità bijoloġika (ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
31 Ara l-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ilma (COM(97)49 final (ĠU 1997, C 184, p. 20)); proposta emendata tad-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ilma (COM(97)614 final (ĠU 1998, C 16, p. 14)] u proposta emendata tad-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ilma [COM(98)76 finali (ĠU 1998, C 108, p. 94)).
32 Ara, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-lagi, id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna (“għoli”, “tajjeb” u “moderat”) tat-Tabella 1.1.2.2 tal-Anness V tal-proposta emendata tad-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ilma [COM(98)76 finali].
33 Sakemm m’inix żbaljat, ir-riferimenti għall-“impatti antropoġeniċi” u għall-“impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika” dehru għall-ewwel darba fl-opinjoni mogħtija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 251(2)(c) tat-Trattat KE fuq l-elementi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar il-Proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ilma [COM(2000) 219 final].
34 Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, ma naħsibx li jista’ jiġi konkluż li l‑leġiżlatur tal-Unjoni ried jevita kunflitti mal-politika tas-sajd, kif tikkunsidra l-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti ssostni. Fil-fatt, il-politika tas-sajd, li, barra minn hekk, ma ssemmietx bħala li hija fl-oriġini ta’ dawn il-formulazzjonijiet, għandha hija stess tkun suġġetta għar-restrizzjonijiet neċessarji għall-protezzjoni tal-ambjent u tar‑riżorsi tas-sajd. F’dan ir-rigward, ma huwiex suffiċjenti r-riferiment ġeneriku, fil‑premessa 16 tad-Direttiva 2000/60, għall-ħtieġa li jiġu integrati iktar il‑protezzjoni u l-ġestjoni ekoloġika vijabbli tal-ilmijiet fil-politiki l-oħra tal‑Komunità, bħal, b’mod partikolari, dik tas-sajd. Li kieku din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur, dan ma kienx jirnexxielu, fid-dawl tan-natura insinjifikattiva tad‑differenza introdotta bejn l-“impatti antropoġeniċi” biss u l-“impatti antropoġeniċi fuq l‑elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika”.
35 Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni Ewropea vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Jääskinen, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2014:2324, punt 39), irrileva li d-Direttiva 2000/60 għandha bħala għan aħħari l-konformità tal‑kriterju ta’ “stat tajjeb” tal-ilmijiet kollha tal-wiċċ u ta’ taħt l-art tal-Unjoni sas‑sena 2015 (ara wkoll il-premessa 25 ta’ din id-direttiva).
37 Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 39). F’din is-sentenza (punt 40), il-Qorti tal‑Ġustizzja spjegat ukoll li l-oriġini ta’ dawn iż-żewġ għanijiet tirriżulta mix‑xogħol preparatorju tad-Direttiva 2000/60. Fir-rigward b’mod partikolari, tal‑obbligu li tiġi prekluża d-deterjorazzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, fl-ewwel verżjoni tagħhom, setgħu jfissru li ladarba tiġi adottata d‑Direttiva 2000/60, il-korpi tal-ilma kklassifikati f’kategorija ogħla mill-kategorija “stat tajjeb” setgħu jiddegradaw sal-punt li jaqgħu f’din il-kategorija “stat tajjeb”. Huwa għal din ir-raġuni li l-Parlament Ewropew ippropona emenda li tippermetti li ssir distinzjoni bejn l-obbligu li jintlaħaq “stat tajjeb” u dak li tiġi prekluża kull deterjorazzjoni billi jiġi introdott inċiż ġdid fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva li jistabbilixxi b’mod distint dan l-aħħar obbligu.
38 Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 41), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Sweetman (C‑301/22, EU:C:2023:697, punt 52).
39 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ) (C‑525/20, EU:C:2022:350, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ) (C‑525/20, EU:C:2022:350, punt 26). Barra minn hekk, l-Istati Membri huma obbligati, meta jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ programm jew ta’ proġett partikolari mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-kwalità tal-ilmijiet, li jieħdu inkunsiderazzjoni impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuqhom, sakemm ma jkunx manifest li tali impatti, min-natura tagħhom, għandhom biss ftit effett fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati u li ma jistgħux iwasslu għal “deterjorazzjoni” tiegħu, fis-sens tal‑Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60. Meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ programm jew ta’ proġett, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddeterminaw li dan jista’ jipprovoka tali deterjorazzjoni, dan il-programm jew dan il-proġett jista’, anki jekk din id‑deterjorazzjoni tkun ta’ natura temporanja, jiġi awtorizzat biss jekk il‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti (ara wkoll is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ) (C‑525/20, EU:C:2022:350, punt 45)) F’dan ir-rigward, ikun hemm deterjorazzjoni ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ hekk kif l-istat ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, fis-sens tal‑Anness V, jiddegrada b’klassi waħda, anki jekk din id-degradazzjoni ma tiġix tradotta f’degradazzjoni tal-klassifikazzjoni, fl-intier tagħha, tal-korp tal-ilma tal‑wiċċ. Madankollu, jekk l-element ta’ kwalità kkonċernat fis-sens ta’ dan l-anness jidher diġà fil-klassi l-iktar baxxa, kull deterjorazzjoni ta’ dan l-element tikkostitwixxi “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens tal‑Artikolu 4(1)(a)(i) (ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 69).
41 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-obbligu ta’ projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp tal-ilma jikkonserva l-effett utli kollu tiegħu, bil‑kundizzjoni li jkun jinkludi kull bidla li tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għan prinċipali tad-Direttiva 2000/60 (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen, C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 100).
42 Il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi jużaw termini jindikaw il-ħut kollu li jgħammar f’wiċċ ta’ ilma, bħal “Fischfauna” fil-verżjoni Ġermaniża u “ichtyofaune” fil-verżjoni Franċiża.