Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0611

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati l-21 ta’ Marzu 2024.


    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:264

    Edizzjoni Provviżorja

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    EMILIOU

    ippreżentati fil‑21 ta’ Marzu 2024 (1)

    Kawżi magħquda C611/22 P u C625/22 P

    Illumina, Inc.

    vs

    IlKummissjoni Ewropea (C611/22 P)

    u

    Grail LLC

    vs

    Illumina, Inc.,

    IlKummissjoni Ewropea (C625/22 P)

    “Appell – Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 – Konċentrazzjonijiet li ma għandhomx dimensjoni Komunitarja – Talba għal rinviju minn awtorità li ma għandhiex ġurisdizzjoni taħt id-dritt nazzjonali – Deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex teżamina l-konċentrazzjoni – Kompetenza tal-Kummissjoni – Terminu sabiex tiġi ppreżentata t-talba għal rinviju – Obbligu li taġixxi fi żmien raġonevoli – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Drittijiet tad-difiża – Aspettattivi leġittimi”






    I.      Introduzzjoni

    1.        Ħafna mil-liġijiet tal-antitrust, kemm fl-Unjoni Ewropea u bnadi oħra, huma mibnija fuq tliet tipi ta’ dispożizzjonijiet: ir-regoli fuq il-ftehimiet u l-prattiki miftiehma, ir-regoli fuq l-aġir unilaterali (jew l-abbużi minn pożizzjoni dominanti), u r-regoli dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

    2.        Il-partikolarità tar-regoli ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet qiegħda fil-fatt li, għall-kuntrarju taż-żewġ settijiet ta’ regoli l-oħra, ġeneralment dawn jeħtieġu lill-awtoritajiet (amministrattivi u/jew ġudizzjarji) iwettqu forma ta’ kontroll ex ante, flok ex post: dwar jekk konċentrazzjoni proposta, meta tiġi implimentata, tistax twassal għal ħsara sinjifikattiva għall-kompetizzjoni effettiva. Din hija evalwazzjoni teknika partikolarment kumplessa u diffiċli, “ibbażata mhux fuq l-applikazzjoni ta’ regoli xjentifiċi preċiżi iżda fuq kriterji u prinċipji li jistgħu jiġu kkontestati”, intiża li “tbassar l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq l-istruttura u d-dinamiċi kompetittivi tas-swieq ikkonċernati, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħafna fatturi dejjem jevolvu li jistgħu jaffettwaw l-iżvilupp futur tal-provvista u tad-domanda fuq dawn is-swieq” (2).

    3.        Madankollu, din l-evalwazzjoni għandha ssir fl-iqsar żmien possibbli. Fil-fatt, sabiex tiġi ppreservata l-effettività tas-sistema, ħafna mis-sistemi legali – inkluż dik tal-Unjoni – jeżiġu li l-impriżi kkonċernati jikkomunikaw it-tranżazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti u jissospendu l-implimentazzjoni tagħha sakemm jirċievu l-approvazzjoni minn dawn l-awtoritajiet. Il-komunikazzjoni u s-sospensjoni jinvolvu spejjeż sinjifikattivi u jwasslu għal ċerti riskji għall-impriżi involuti.

    4.        F’dan l-isfond, l-għażla tal-leġiżlatur tat-tip ta’ limiti u tal-iffissar tal-ammonti relattivi li, meta jintlaħqu, jiskattaw l-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ sospensjoni għall-partijiet kontraenti li jkunu qegħdin jingħaqdu hija ta’ importanza kruċjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema. Dawn il-limiti għandhom funzjoni doppja: li jiżguraw “rabta lokali” li tiġġustifika l-intervent tal-awtoritajiet inkwistjoni, u li jiffiltraw it-tranżazzjonijiet li potenzjalment ikunu ta’ interess. Idealment, il-limiti għandhom ikunu faċli li jiġu kkalkolati (sabiex jiġu evitati l-inċertezzi dwar jekk tranżazzjoni partikolari għandhiex tiġi kkomunikata) u għandhom jiġu ffissati f’livell li jimminimizza, fl-istess ħin, in-numru ta’ tranżazzjonijiet li x’aktarx ma jqajmux kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni li jinqabdu bis-sistema, u dawk li huma kapaċi jqajmu tali kwistjonijiet li jaqgħu barra minnha (3).

    5.        Is-sistema tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet – irregolata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-[UE] dwar l-Għaqdiet [konċentrazzjonijiet]) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 139/2004”) (4) – hija bbażata primarjament fuq id-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji li jkunu qegħdin jingħaqdu. Madankollu, hemm xi dispożizzjonijiet f’dan ir-regolament li, b’mod eċċezzjonali, jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea sabiex teżamina l-konċentrazzjonijiet li ma jissodisfawx il-livelli ta’ dħul mill-bejgħ inkwistjoni, meta l-każijiet jaslu għand din l-istituzzjoni mingħand l-awtoritajiet tal-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, wara li jiġu mitluba jagħmlu dan mill-Kummissjoni. Din il-kawża tirrigwarda prinċipalment id-definizzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet: l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Fi ftit kliem, il-kwistjoni prinċipali f’din il-proċedura hija din li ġejja: din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni li tkun ġiet indikata lilha mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, meta dawn tal-aħħar ma jkollhomx il-kompetenza li jeżaminawha, peress li l-konċentrazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt il-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet?

    6.        Minkejja s-sempliċità apparenti tad-domanda, l-għoti ta’ risposta korretta xejn ma huwa eżerċizzju faċli. Wieħed ikun meħtieġ jagħmel analiżi ermenewtika metikoluża sabiex jiddetermina t-tifsira korretta tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Sabiex isir dan, huwa neċessarju mhux biss li tiġi eżaminata l-formulazzjoni, l-oriġini, il-kuntest u l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni, imma wkoll li tittieħed inkunsiderazzjoni l-loġika tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll xi prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (bħalma huma l-bilanċ istituzzjonali, is-sussidjarjetà, iċ-ċertezza legali, it-territorjalità, eċċ.). L-aħħar imma mhux l-inqas, huwa diffiċli li wieħed jenfasizza żżejjed l-importanza li r-risposta għal din id-domanda jista’ jkollha fuq il-funzjoni korretta u effettiva tas-sistema tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

    II.    Iddritt talUnjoni

    7.        L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Referenza lill-Kummissjoni” jipprovdi:

    “1.      Stat Membru, jew aktar minn Stat Membru wieħed, jista’ jitlob jew jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina xi konċentrazzjoni kif definita fl-Artikolu 3 li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba.

    Talba bħal din għandha ssir mhux aktar tard minn 15‑il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat.

    2.      Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u lill-impriżi konċernati dwar kull talba li tirċievi skond il-paragrafu 1.

    Kull Stat Membru ieħor għandu jkollu d-dritt li jingħaqad mat-talba oriġinali fi żmien 15‑il jum utli minn meta l-Kummissjoni tinfurmah dwar it-talba.

    [...]

    3.      Il-Kummissjoni tista’, mhux aktar tard minn għaxart ijiem utli minn tmiem il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2, tiddeċiedi li teżamina l-konċentrazzjoni meta jidhrilha li din tolqot il-kummerċ bejn Stati Membru u thedded li tolqot b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew għamlu t-talba. Jekk il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni f’dan il-perjodu, hija għandha titqies bħallikieku adottat deċiżjoni biex teżamina l-konċentrazzjoni skond it-talba.

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kollha u lill-impriżi konċernati dwar id-deċiżjoni tagħha. Hija tista’ titlob is-sottomissjoni ta’ notifika skond l-Artikou 4.

    L-Istat Membru jew Stati Membri li għamel jew għamlu t-talba ma għandhomx jibqgħu japplikaw l-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni.

    4.      L-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) sa (3), l-Artikolli 5,6, u 8 sa 21 għandhom japplikaw meta l-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni skond il-paragrafu 3. L-Artikolu 7 għandu japplika sakemm il-konċentrazzjoni ma kinetx implimentata sal-ġurnata li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li saret talba.

    Meta ma tkunx meħtieġa notifika skond l-Artikolu 4, il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 10(1) li fih jistgħu jinbdew proċeduri għandu jibda fil-jum utli ta’ wara dak li fih il-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li hi iddeċidiet li teżamina l-konċentrazzjoni skond il-paragrafu 3.

    5.      Il-Kummissjoni tista’ tinforma lil Stat Membru jew lil diversi Stati Membri li hija tqis konċentrazzjoni bħala li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1. F’dawn il-każijiet il-Kummissjoni tista’ tistieden lil dak l-Istat Membru jew lil dawk l-Istati Membri biex jagħmel jew jagħmlu talba skond il-paragrafu 1”.

    8.        Il-mekkaniżmu ta’ rinviju llum stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 kien ġie stabbilit oriġinarjament fl-Artikolu 22(3) sa (6) (“Applikazzjoni tar-Regolament”) tar-Regolament tal-KE tal‑1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (5) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4064/89”) li kien ġie emendat imbagħad mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 (6). Ir-Regolament Nru 4064/89 kien ġie ssostitwit imbagħad mir-Regolament Nru 139/2004 b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2004.

    III. Ilkuntest fattwali

    9.        Il-fatti l-iktar rilevanti, kif stabbiliti fis-sentenza fil-Kawża T‑227/21, Illumina vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) (7), jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    10.      Fl‑20 ta’ Settembru 2020, Illumina Inc. – kumpannija bbażata fl-Istati Uniti li toffri soluzzjonijiet bbażati fuq is-sekwenzjar u soluzzjonijiet array-based għall-analiżi ġenetika u ġenomika – daħlet fi ftehim u pjan ta’ fużjoni sabiex takkwista l-kontroll esklużiv ta’ Grail LLC (li kienet Grail, Inc.), li tipproduċi testijiet tad-demm għall-iskoperta bikrija tal-kanċer, li diġà kienet proprjetarja ta’ 14.5 % tagħha (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni inkwistjoni”). Fil‑21 ta’ Settembru 2020, Illumina u Grail (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) ħarġu stqarrija għall-istampa fejn ħabbru din il-konċentrazzjoni.

    11.      Peress li d-dħul mill-bejgħ tal-appellanti ma qabiżx il-limiti rilevanti, u b’mod partikolari minħabba l-fatt li Grail ma ġġenerat ebda dħul f’xi Stat Membru tal-Unjoni jew xi mkien ieħor fid-dinja, il-konċentrazzjoni inkwistjoni ma kellhiex dimensjoni Ewropea għall-iskopijiet tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004 u għaldaqstant ma ġietx ikkomunikata lill-Kummissjoni. Din il-konċentrazzjoni lanqas ma ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri tal-Unjoni jew lil Stati kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (8), peress li ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

    12.      Wara li rċeviet ilment li jirrigwarda l-konċentrazzjoni inkwistjoni f’Diċembru 2020, il-Kummissjoni kellha xi skambji mal-lanjant, ma’ numru ta’ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri (iktar ’il quddiem l-“ANK”) u mal-Competition and Markets Authority (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Swieq) tar-Renju Unit.

    13.      Fid‑19 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni billi bagħtitilhom ittra skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 (l-“ittra ta’ stedina”). F’din l-ittra, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għaliex hija kkonstatat, prima facie, li l-konċentrazzjoni dehret li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 u stiednet lill-Istati Membri jressqu talba għal rinviju.

    14.      Matul konverżazzjoni telefonika tal‑4 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni informat lir-rappreżentant legali ta’ kull wieħed mill-appellanti dwar l-ittra ta’ stedina, u dwar il-possibbiltà ta’ talba għal rinviju taħt l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

    15.      Fid‑9 ta’ Marzu 2021, l-Autorité de la concurrence française (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża, iktar ’il quddiem l-“AKF”) talbet lill-Kummissjoni teżamina l-konċentrazzjoni inkwistjoni taħt l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (iktar ’il quddiem it-“talba għal rinviju”). Fl‑10 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, informat lill-ANK u lill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA (iktar ’il quddiem l-“ASE”) dwar it-talba għal rinviju. Fil‑11 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni informat ukoll lill-appellanti dwar it-talba għal rinviju, u ddikjarat li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tiġi implimentata sakemm u sa fejn kien applikabbli l-obbligu ta’ standstill stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ informazzjoni”).

    16.      Fis‑16 u fid‑29 ta’ Marzu 2021, l-appellanti ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Kummissjoni li bihom oġġezzjonaw għat-talba għal rinviju. Fit‑2, fis‑7 u fit‑12 ta’ April 2021, Illumina wieġbet għat-talbiet ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni kienet bagħtitilha fis‑26 ta’ Marzu u fit‑8 ta’ April 2021.

    17.      Permezz ta’ ittri bid-data tal‑24, tas‑26 u tal‑31 ta’ Marzu 2021, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Belġjani, Griegi, Islandiżi, Olandiżi u Norveġiżi talbu li jingħaqdu fit-talba għal rinviju, skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 (iktar ’il quddiem it-“talbiet sabiex jingħaqdu”).

    18.      Fil‑31 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni intitolata l-“Gwida dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 22 [tar-Regolament Nru 139/2004] għal ċerti kategoriji ta’ każijiet” (9).

    19.      Permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑19 ta’ April 2021, il-Kummissjoni aċċettat it-talba għal rinviju u t-talbiet sabiex jingħaqdu. B’dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni (i) ikkonstatat li t-talba għal rinviju kienet tressqet fit-terminu ta’ 15‑il jum tax-xogħol stabbilit fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004; (ii) ikkonstatat li t-talbiet sabiex jingħaqdu kienu tressqu fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004; (iii) ikkonstatat li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet tissodisfa l-kriterji għar-rinviju taħt l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004; u (iv) ċaħdet bħala infondati l-argumenti tal-appellanti li jikkonċernaw allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u ksur ta’ prinċipji ġenerali oħra tad-dritt tal-Unjoni.

    IV.    Ilproċeduri quddiem ilQorti Ġenerali, issentenza appellata u lproċeduri quddiem ilQorti talĠustizzja

    20.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit‑28 ta’ April 2021, Illumina adixxiet lill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 263 TFUE, sabiex titlob l-annullament tal-ittra ta’ informazzjoni, tad-deċiżjoni li taċċetta r-rinviju mill-AKF u tad-deċiżjonijiet li jaċċettaw it-talba sabiex jingħaqdu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

    21.      Permezz ta’ digrieti u deċiżjonijiet tal-President tat-Tielet Awla (Awla Estiża) tal-Qorti Ġenerali (i) Grail ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talba ta’ Illumina, (ii) ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-ASE ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talba tal-Kummissjoni, u (iii) it-talba mressqa mill-Computer & Communications Industry Association sabiex tintervjeni insostenn tat-talba ta’ Illumina ġiet miċħuda.

    22.      Illumina, sostnuta minn Grail, talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati u l-ittra ta’ informazzjoni u tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, mir-Repubblika Franċiża, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-ASE, talbet lill-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba bħala inammissibbli, jew, sussidjarjament, bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata, u tordna lil Illumina tħallas l-ispejjeż.

    23.      Fit‑13 ta’ Lulju 2022, bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba, ordnat lil Illumina tbati l-ispejjeż tagħha stess u tal-Kummissjoni, u ordnat lir-Repubblika Ellenika, lir-Repubblika Franċiża, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, lill-ASE u lil Grail sabiex ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    24.      Fl-appelli tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati fit‑22 u fit‑30 ta’ Settembru 2022, rispettivament, Illumina (Kawża C‑611/22 P) u Grail (Kawża C‑625/22 P) talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati u tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri. Grail talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla t-talba tal-AKF u l-ittra ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni.

    25.      Fil‑21 ta’ Diċembru 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li sema’ lill-Imħallef Relatur, lill-Avukat Ġenerali u lill-kontendenti, li jgħaqqad iż-żewġ kawżi għall-iskopijiet tat-trattazzjoni orali tal-proċedura u tas-sentenza, skont l-Artikolu 54(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”). B’deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda wkoll, wara li sema’ lill-Imħallef Relatur u lill-Avukat Ġenerali, li jiċħad it-talba tal-Kummissjoni sabiex il-Kawża C‑625/22 P tiġi ttrattata bil-proċedura mħaffa pprovduta fl-Artikoli 133 sa 136 tar-Regoli tal-Proċedura u li l-każ jiġi ttrattat bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    26.      B’żewġ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Marzu 2023, Biocom California ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talba ta’ Illumina fil-Kawża C‑611/22 P, u r-rikorsi għal intervent insostenn tat-talba ta’ Grail fil-Kawża C‑625/22 P, ippreżentati mill-Association Française des Juristes d’Entreprise (AFJE) u mill-European Company Lawyers Association (ECLA), ġew miċħuda.

    27.      Fir-risposti tagħhom, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-ASE talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tordna lill-appellanti jħallsu l-ispejjeż. Min-naħa tagħhom, Grail ippreżentat risposta fil-Kawża C‑611/22 P, u Illumina ppreżentat risposta fil-Kawża C‑625/22 P fejn it-tnejn li huma talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati u tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.

    28.      L-appellanti ppreżentaw replika u l-appellati ppreżentaw kontroreplika. L-appellanti, l-appellati u l-intervenjenti ressqu l-fehmiet tagħhom waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li nżammet fit‑12 ta’ Diċembru 2023.

    V.      Evalwazzjoni

    29.      Insostenn tal-appelli tagħhom, kull waħda mill-appellanti tinvoka tliet aggravji, li ħafna minnhom jidħlu fuq xulxin. Għalhekk, ser neżamina dawn l-aggravji flimkien.

    30.      Għaldaqstant, l-ewwel ser nevalwa jekk il-Qorti Ġenerali żbaljatx fl-interpretazzjoni tagħha tat-tifsira u tal-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (A). It-tieni, ser indur fuq l-allegazzjonijiet tal-appellanti li t-talba għal rinviju saret barra mit-terminu u li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li taġixxi fi żmien raġonevoli (B). It-tielet u l-aħħar, ser nittratta l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali (C).

    A.      Lewwel aggravju: ittifsira u lportata talArtikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004

    31.      L-ewwel aggravju ta’ Illumina u ta’ Grail jikkonċerna l-punti 85 sa 185 tas-sentenza appellata. F’dawn is-siltiet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv ta’ Illumina fl-ewwel istanza, li jallega nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tistħarreġ il-konċentrazzjoni inkwistjoni. B’mod partikolari, wara li kkunsidrat l-argumenti tal-partijiet, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li ġejja:

    “183.      […] fid-dawl tal-interpretazzjoni letterali, dik storika, dik kuntestwali u dik teleoloġika tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jiġi konkluż li l-Istati Membri jistgħu, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fih, iressqu talba għal rinviju skont dik id-dispożizzjoni indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

    184.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament aċċettat, permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, it-talba għal rinviju u t-talbiet biex jingħaqdu skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. […]”

    1.      Largumenti talpartijiet

    32.      Illumina targumenta li, bil-fatt li approvat il-mod kif il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, Illumina ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli (i) tapplika numru ta’ prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (bħalma huma ċ-ċertezza legali, il-proporzjonalità u s-sussidjarjetà; (ii) tidentifika u tikkunsidra sew l-għan tar-Regolament Nru 139/2004; (iii) tinterpreta b’mod strett id-dispożizzjoni li tikkostitwixxi deroga minn regola ġenerali; u (iv) tirrikonoxxi l-importanza tal-kuntest u tal-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Bl-istess mod, Grail tieħu l-pożizzjoni li l-interpretazzjoni testwali, storika, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma tikkorroborax l-interpretazzjoni li tat il-Qorti Ġenerali tagħhom.

    33.      Essenzjalment, Biocom issostni l-argumenti mressqa mill-appellanti, u tenfasizza l-inċertezza legali u l-piż sproporzjonat fuq il-partijiet li jingħaqdu li jirriżultaw mis-sentenza appellata.

    34.      Il-Kummissjoni targumenta li l-ewwel aggravji tal-appellanti huma ineffettivi, inammissibli inkwantu huma bbażati fuq ċerti dokumenti preparatorji u, sussidjarjament, infondati. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod korrett l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti (i) jonqsu milli jikkunsidraw sew il-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni u (ii) jiżbaljaw meta jikkunsidraw li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali twassal sabiex is-sistema tar-Regolament Nru 139/2004 ma tipprovdix ċertezza legali adegwata lill-partijiet li jingħaqdu.

    35.      Il-Gvern Franċiż u Olandiż u l-ASE jaqblu mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-Gvern Franċiż jargumenta li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà. Il-Gvern Olandiż isostni li, taħt l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, huwa kellu d-dritt jitlob lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni bħalma hija dik ineżami jew li jingħaqad ma’ talba magħmula minn ANK oħra. Min-naħa tagħha, l-ASE ssostni li l-appellanti jiżbaljaw meta jistrieħu fuq is-sistema one-shop-stop stabbilita mir-Regolament Nru 139/2004: dan il-mekkaniżmu jikkonċerna biss il-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja, filwaqt li ma japplikax fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet li ma għandhomx din id-dimensjoni.

    2.      Analiżi

    36.      Fil-paġni li ġejjin, ser nevalwa l-ewwel xi oġġezzjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali mqajma mill-Kummissjoni, qabel ma ndur fuq il-merti tal-ewwel aggravji.

    a)      Kwistjonijiet preliminari

    37.      Qabel xejn, ikun utli li jiġu ttrattati l-argumenti tal-Kummissjoni fejn tgħid li (i) l-ewwel aggravji huma ineffettivi, u (ii) Grail tistrieħ fuq ċerti dokumenti li huma inammissibbli.

    38.      M’iniex konvint b’dawn l-argumenti.

    39.      L-ewwel, l-aggravju jkun ineffettiv meta, anki jekk jitqies bħala fondat, ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata (10). Huwa ċar li dan ma huwiex il-każ tal-aggravji kkunsidrati f’dan il-każ. Huwa paċifiku li jekk il-Qorti Ġenerali – kif qegħdin jargumentaw l-appellanti – interpretat b’mod żbaljat in-natura u l-portata tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, bil-konsegwenza li l-Kummissjoni ma setgħetx teżamina l-konċentrazzjoni inkwistjoni, is-sentenza appellata tkun ivvizzjata bi żball ta’ liġi li jwassal għall-annullament ta’ dik is-sentenza u l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

    40.      Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-appellanti ma kkontestawx il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’ċerti siltiet tas-sentenza appellata (il-punti 90 sa 94 tagħha għal dak li jirrigwarda lil Illumina, u l-punti 183 u 184 tagħha għal dak li jirrigwarda lil Grail) hija kontradetta mit-test tal-appelli. Fil-fatt, il-kritika tal-Kummissjoni tidher li tirrigwarda pjuttost is-saħħa tal-argumenti mressqa mill-appellanti sabiex jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dawn is-siltiet. Madankollu, din hija kwistjoni li tikkonċerna l-merti tal-aggravju, mhux in-natura allegatament ineffettiva tiegħu.

    41.      It-tieni, l-argument tal-Kummissjoni dwar l-allegata inammissibbiltà ta’ ċerti dokumenti li ġew invokati minn Grail fir-rigward tal-interpretazzjoni storika tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kkontestati”) huwa daqstant infondat ukoll. Il-Kummissjoni targumenta essenzjalment li tali dokumenti kellhom l-ewwel jinġiebu quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex imbagħad ikunu ammissibbli fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tinvoka d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Ottubru 2023, Deutsche Lufthansa vs Ryanair et (11).

    42.      Madankollu, ir-rekwiżit ġenerali li d-dokumenti għandhom jinġiebu l-ewwel quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex ikunu mbagħad ammissibbli fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, la huwa stabbilit fir-Regoli tal-Proċedura, u lanqas jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni. Ma setax ikunu mod ieħor: tali regola tkun kompletament mhux raġonevoli u kontroproduttiva. Ftit li xejn hemm bżonn li ninnota, f’dan ir-rigward, li r-rikorsi għal annullament u l-proċeduri tal-appell għandhom għan differenti (l-ewwel minnhom deċiżjoni, dawk tal-aħħar, sentenza), u l-kwistjonijiet legali li fuqhom iż-żewġ qrati jintalbu jiddeċiedu jistgħu għaldaqstant ma jikkoinċidux kompletament.

    43.      B’mod iktar fundamentali, tali regola tkun tmur kontra l-prinċipji li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi quddiem il-qrati tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li “l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett innifsu ta’ smigħ xieraq, iggarantit b’mod partikolari mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-“Karta”)], jimplika l-obbligu li lil kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jqegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett fil-konfront tal-avversarju tagħha” (12). Għal dak li jirrigwarda l-produzzjoni tal-provi, ir-regola bażika hija li kwalunkwe prova tista’ tiġi ppreżentata quddiem il-qrati tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-qrati jistgħu jqisu l-eżistenza ta’ interessi (intra jew ekstraġudizzjarji) oħra li jistgħu, bħala eċċezzjoni, jiġġustifikaw ir-rifjut li jaċċettaw il-provi u jibbilanċjaw dawk l-interessi ma’ dawk li jitolbu l-aċċettazzjoni tagħha (13). Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta dokument ikun inkiseb b’mod illegali jew ikun fih informazzjoni kunfidenzjali li ma għandhiex tiġi żvelata pubblikament sabiex ikunu protetti ċerti interessi pubbliċi jew privati.

    44.      F’dan il-każ, id-dokumenti kkontestati nkisbu b’mod legali minn Grail wara talbiet għal aċċess għad-dokumenti mressqa taħt ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (14), u jikkritikaw ċerti siltiet tas-sentenza appellata. Peress li dawn is-siltiet jikkonċernaw waħda mill-kwistjonijiet li hija ċentrali għal dan il-każ (jekk l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 hijiex ikkorroborata mill-interpretazzjoni storika tiegħu), ma nara ebda raġuni plawżibbli għaliex l-appellanti ma għandhomx ikunu permessi jibbażaw ruħhom fuq id-dokumenti kkontestati. Fil-fatt, kieku kellu jiġi deċiż li dawn id-dokumenti huma inammissibbli, l-appellanti jkunu mċaħħda de facto mill-opportunità li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 69 sa 117 tas-sentenza appellata. Dan ikun jikser id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    45.      Bl-istess raġunament, is-suġġeriment tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun prekluża milli teżamina dokumenti li jkunu tressqu legalment minn parti huwa manifestament insostenibbli. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, “il-prinċipju applikabbli fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi” (15) u “hija biss l-affidabbiltà tal-provi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li hija deċiżiva għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-valur tagħhom” (16).

    46.      Id-digriet tal-President invokat mill-Kummissjoni huwa irrilevanti f’dan il-kuntest. Dak il-każ kien jikkonċerna talba ta’ kumpannija għal trattament kunfidenzjali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-kontendenti l-oħra fil-proċeduri, ta’ ċerta informazzjoni inkluża fir-rikors u fl-anness tal-appell tagħha. B’mod importanti, l-informazzjoni li għaliha ntalab it-trattament kunfidenzjali kienet ġiet prodotta fl-ewwel istanza imma mbagħad kienet tneħħiet mill-proċess peress li tqieset bħala irrilevanti mill-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, din l-informazzjoni ma bbenefikatx minn trattament kunfidenzjali fl-ewwel istanza, peress li l-Qorti Ġenerali kienet neħħietha mill-proċess mingħajr ma għaddiet sabiex tiżen il-kunfidenzjalità tagħha fid-dawl tar-rekwiżiti marbutin mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 103(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Fuq din il-bażi, il-President ċaħad it-talba tal-kumpannija għal trattament kunfidenzjali, u enfasizza li, peress li l-informazzjoni inkwistjoni ma kinitx inkluża fil-proċess li serva ta’ bażi għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, din l-informazzjoni ma setgħetx, bħala prinċipju, tkun rilevanti għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-legalità ta’ dik id-deċiżjoni fl-istadju tal-appell. Għaldaqstant, ma kienx hemm raġuni għalfejn, fl-appell, jingħata trattament kunfidenzjali lil informazzjoni li l-appellanti kienet żvelat volontarjament fis-sottomissjonijiet tagħha.

    47.      Dak id-digriet huwa applikazzjoni sempliċi tal-prinċipji bażiċi li jgħidu li jkun hemm appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fuq punti ta’ liġi biss, u li s-suġġett ta’ dawk il-proċeduri jkun limitat għal dak ta’ quddiem l-ewwel istanza u ma jistax jinbidel fl-appell (17). Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak il-każ, dan il-każ jirrigwarda (i) punt ta’ liġi (l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004) u mhux l-istabbiliment ta’ fatti kkontestati, u (ii) kwistjoni li tqajmet u ġiet iddibattuta fl-ewwel istanza u li l-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni fuqha.

    48.      Ċertament li minn dak id-digriet ma jsegwix li, sabiex jikkontesta silta kruċjali minn sentenza appellata, l-appellant irid ikun diġà ressaq il-provi rilevanti fl-ewwel istanza. Dak id-digriet lanqas ma jista’ jinftiehem bħala li jimplika li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt hija kwistjoni li l-appellant għandu jipprova sal-grad meħtieġ, aħseb u ara kemm għandu jagħmilha fl-ewwel istanza. Dan ikun jikkontradixxi b’mod ovvju l-prinċipju stabbilit sew iura novit curia (18) u diversi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja (19).

    49.      B’dan premess, il-Kummissjoni hija korretta li ddikjarat li, bħala prinċipju, il-punti prinċipali ta’ dritt li jinvokaw l-appellanti għandhom jidhru fir-rikors stess, u li d-dokumenti annessi miegħu għandhom sempliċiment rwol ta’ korroborazzjoni. Għaldaqstant, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta bl-interpretazzjoni tad-dritt proposta mill-kontendenti u, għal dan il-għan, hija libera li tispira ruħha minn kwalunkwe dokument li tressaq leġittimament quddiemha, hija ma tistax tkun mistennija tfittex u tidentifika fl-annessi tal-appelli l-ilmenti u l-argumenti li fuqhom dawn l-appelli jistgħu jkunu bbażati (20). Għaldaqstant, ser ninjora l-argumenti kollha li ma tressqux b’mod espliċitu fl-appelli u li ma jistgħux jinftiehmu sew mingħajr ma jiġu eżaminati l-annessi.

    b)      Fuq ilmertu

    50.      Ser indur issa fuq is-sustanza tal-ewwel aggravji. Essenzjalment, dawn l-aggravji jqajmu l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali żbaljatx meta interpretat l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Kif issemma qabel, dik il-qorti waslet għall-konklużjoni li l-interpretazzjoni “letterali, storika, kuntestwali u teleoloġika” ta’ din id-dispożizzjoni tikkorrobora l-fehma li l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja, anki meta huma ma għandhomx kompetenza sabiex jeżaminaw tali konċentrazzjoni taħt id-dritt nazzjonali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 isegwi għanijiet differenti, li wieħed minnhom huwa “dak li jippermetti, bħala ‘mekkaniżmu korrettiv’, kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern u li ma jaqgħux, minħabba n-nuqqas ta’ qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ, taħt il-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri” (21).

    51.      Fil-paġni li ġejjin, ser nispjega għaliex nemmen li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Għalkemm l-argumenti bbażati fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni, kif imressqa mill-Kummissjoni u aċċettati mill-Qorti Ġenerali, għandhom ċerta saħħa, hemm numru ta’ elementi ta’ interpretazzjoni – li jikkonċernaw l-istorja, il-kuntest u l-għan ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll elementi ta’ sinjifikat sistemiku ikbar – li jagħmluha ċara li t-tifsira u l-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma humiex dawk adottati fis-sentenza appellata.

    1)      Linterpretazzjoni testwali talewwel subparagrafu talArtikolu 22(1) tarRegolament Nru 139/2004

    52.      L-analiżi għandha tibda mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 li hija utli li tiġi mfakkra: “Stat Membru, jew aktar minn Stat Membru wieħed, jista’ jitlob jew jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina xi konċentrazzjoni [...] li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja [...] iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba”.

    53.      Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, din id-dispożizzjoni (i) tistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex hija tkun tapplika, imma li fosthom ma huwiex rekwiżit li l-konċentrazzjoni trid tkun taqa’ taħt il-portata tar-regoli nazzjonali għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (22); (ii) tuża l-espressjoni wiesgħa “xi [kull] konċentrazzjoni” (23); u (iii) ma tiddistingwix bejn l-Istati Membri li stabbilixxew sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet u dawk li ma għamlux dan (24). Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li, bħala prinċipju, l-interpretazzjoni letterali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 tikkorrobora l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni. Madankollu, inkwantu l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni ma ppermettietx konklużjoni definittiva fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien xieraq li tissupplimenta l-analiżi billi tuża metodi ta’ interpretazzjoni oħra (25).

    54.      Jiena naqbel ma’ dawn iż-żewġ punti.

    55.      Mad-daqqa ta’ għajn lejn il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 tidher iġġustifikata. L-elementi elenkati iktar ’il fuq jistgħu jitqiesu fil-fatt bħala li jindikaw li l-Istati Membri kollha jistgħu jirreferu kull konċentrazzjoni lill-Kummissjoni, indipendentement minn jekk għandhomx sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet u, jekk dan huwa l-każ, jekk dik il-konċentrazzjoni taqax taħt din is-sistema.

    56.      Fl-istess ħin, huwa minnu wkoll li – kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali – il-formulazzjoni konċiża u ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni ma tipprovdix risposta ċara għall-kwistjoni ta’ interpretazzjoni inkwistjoni hawnhekk.

    57.      Il-Kummissjoni ma taqbilx f’dan ir-rigward. Hija tenfasizza, b’mod partikolari, il-portata wiesgħa tad-dispożizzjoni li, fil-fehma tagħha, timplika b’mod ċar (jew ma teskludix espressament) li l-Istati Membri b’sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet jistgħu jirreferu wkoll każijiet li ma jaqgħux taħt is-sistemi tagħhom. Madankollu, jekk wieħed jimplika (jew ma jeskludix) xi ħaġa ma tfissirx, għall-iskopijiet ta’ interpretazzjoni testwali ta’ xi dispożizzjoni, li din qiegħda tingħad espressament. Il-kwistjoni dwar jekk il-premessa mhux sostanzjali tar-raġunament tal-Kummissjoni (li l-portata tad-dispożizzjoni tkopri wkoll sitwazzjoni meta jsir riferiment bħalma huwa dak inkwistjoni) hijiex il-kontinwazzjoni loġika tal-premessa sostanzjali tal-Kummissjoni (li l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni hija wiesgħa) ma tistax tiġi riżolta – kif il-Kummissjoni tixtieq lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel – billi wieħed iħares lejn subparagrafu wieħed tar-Regolament Nru 139/2004, f’“iżolament kliniku” mill-bqija tad-dispożizzjoni u, b’mod iktar ġenerali, mill-bqija tar-regolament.

    58.      Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, l-argument tal-Kummissjoni li, meta l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni tkun tidher ċara biżżejjed, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tuża xi mod ieħor ta’ interpretazzjoni, huwa konfużjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija ovvjament libera li tirrikorri għall-metodi ta’ interpretazzjoni kollha li hija tqis idonei għal kull sitwazzjoni speċifika. Naħseb li huwa utli li ninsisti fuq dan il-punt, li għandu sinjifikat kostituzzjonali: meta l-kwistjonijiet jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt, prinċipji bħalma huma dawk tas-setgħa ta’ dispożizzjoni tal-kawża min-naħa tal-parti, tal-oneru tal-prova jew tal-grad tal-prova ma japplikawx. Għal darba oħra, il-prinċipju kruċjali f’dan il-kuntest huwa iura novit curia.

    59.      L-argument tal-Kummissjoni ma jikkunsidrax ukoll il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Cilfit, “kull dispożizzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tagħha u għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt [tal-Unjoni]” (26). Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li “għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti” (27). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma qagħdet lura milli twettaq interpretazzjoni kuntestwali u/jew teleoloġika ta’ xi dispożizzjoni, anki meta l-formulazzjoni tagħha kienet allegatament ċara, sabiex jew tikkonferma l-interpretazzjoni letterali (28) jew inkella, fejn xieraq, titbiegħed minnha (29).

    60.      Wara kollox, ma hemm xejn mhux tas-soltu dwar l-importanza li l-Qorti tal-Ġustizzja tat konsistentement, b’mod partikolari, lill-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika. Fil-fatt, anki l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, li tagħmel distinzjoni b’mod famuż bejn “regola ġenerali ta’ interpretazzjoni” u “mezz supplimentari ta’ interpretazzjoni” (30), tinkludi l-elementi kollha tal-ewwel grupp u tistabbilixxi konnessjoni indissolubbli bejniethom. L-Artikolu 31(1) tagħha jipprovdi: “Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide konformement mat-tifsira ordinarja li għandha tingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu” (31).

    61.      Din hija wkoll ir-raġuni għaliex l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-espressjoni “xi [kull] konċentrazzjoni” użata fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ma hijiex f’lokha. Wieħed irid iħares lejn it-tip ta’ konċentrazzjonijiet li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa mmirat lejhom sabiex jistabbilixxi għal xiex tirreferi preċiżament il-kelma “xi [kull]”. Bir-riskju li ngħid l-ovvju, l-espressjoni “xi [kull] konċentrazzjoni” ma tistax ħlief tirreferi għal kull konċentrazzjoni li mhux biss taqa’ taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 imma wkoll, u a fortiori, waħda li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004. L-eżami kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni huwa għaldaqstant inevitabbli.

    62.      Bl-istess mod, ikun assurd li nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieqaf mal-eżami tat-test ta’ dispożizzjoni meta jkunu nġiebu għall-attenzjoni tagħha xi elementi speċifiċi li joħolqu dubju fuq il-formulazzjoni allegatament ċara ta’ din id-dispożizzjoni (32). Dan huwa preċiżament il-każ hawnhekk: kif ser jintwera iktar tard, hemm diversi elementi li jtendu lejn formulazzjoni differenti tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

    63.      B’mod simili, jiena nqis l-argument tal-ASE li jenfasizza l-assenza, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, ta’ kliem li jindikaw li l-mekkaniżmu sabiex konċentrazzjoni tiġi rrinvijata lill-Kummissjoni jkun applikabbli biss għal konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu eżaminati taħt il-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, huwa irrilevanti. L-ASE tinnota, f’dan ir-rigward, id-differenza bejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004 (li jikkonċerna wkoll il-mekkaniżmu ta’ rinviju u fih dawn it-termini) u l-formulazzjoni tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Madankollu, dan l-argument jinjora l-fatt li, għall-kuntrarju tal-ewwel dispożizzjoni, id-dispożizzjoni tal-aħħar kienet introdotta oriġinarjament sabiex tolqot konċentrazzjonijiet li jistgħu jkunu problematiċi fuq livell nazzjonali, fejn l-Istat Membru jew l-Istati Membri inkwistjoni ma kellhomx sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Għaldaqstant, l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma setax ikun fih xi espressjoni bħalma hija dik tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004, peress li huwa kien kieku jeskludi lill-Istati Membri stess li għalihom kienet ġiet stabbilita dik id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali stess, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, irrifjutat li twettaq paragun bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

    64.      Fi kwalunkwe każ, l-oġġezzjonijiet ta’ prinċipju tal-Kummissjoni mhux biss huma infondati imma wkoll huma dubjużi f’dan il-każ, peress li hemm tal-inqas żewġ elementi testwali li huma suffiċjenti sabiex jitfgħu xi dubju fuq l-interpretazzjoni letterali li, skont il-Kummissjoni, hija tant ċara li għandu jiġi eskluż mill-ewwel kwalunkwe metodu ieħor ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

    65.      L-ewwel nett, it-titolu tad-dispożizzjoni huwa element wieħed minnhom. L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa intitolat “Referenza lill-Kummissjoni”. It-terminu li jikkorrispondi għar-“referenza”, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi (33), għandu konnotazzjoni speċifika. Fil-fatt, dan jissuġġerixxi li d-dispożizzjoni tikkonċerna, bħala prinċipju, każijiet li huma attwalment jew potenzjalment quddiem l-awtoritajiet nazzjonali u li mbagħad jiġu rrinvijati (jiġifieri, mgħoddija, ittrasferiti, mogħtija, assenjati, eċċ.) lill-Kummissjoni. Din l-interpretazzjoni tkun konformi mal-massima legali nemo dat quod non habet (ħadd ma jista’ jagħti dak li ma għandux).

    66.      It-tieni, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, waħda mill-kundizzjonijiet li għandha tkun issodisfatta sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina l-konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 1 tiegħu hija li l-konċentrazzjoni inkwistjoni “thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba” (34). Din il-formulazzjoni hija kompletament raġonevoli meta wieħed jaħseb li d-dispożizzjoni inkwistjoni hija intiża, sa mill-introduzzjoni tagħha fir-Regolament Nru 4064/89 oriġinali, li tippermetti l-eżami ta’ konċentrazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal kompetizzjoni distorta fi Stat Membru li ma għandux sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Barra minn hekk, il-formulazzjoni hija konsistenti mal-iskop ta’ dispożizzjoni li, wara li ġiet emendata fl‑1997 u fl‑2004, hija – kif ser jiġi indikat iktar ’il quddiem – intiża wkoll li ssaħħaħ in-natura one-stop-shop tas-sistema tal-Unjoni ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet billi tevita, kemm jista’ jkun possibbli, talbiet nazzjonali multipli.

    67.      Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni ssir inqas ovvja jekk din id-dispożizzjoni tiġi interpretata, kif qalet il-Qorti Ġenerali, bħala li tikkostitwixxi “‘mekkaniżmu korrettiv’ […] li jikkonsisti f’li jkun permess kontroll tal-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern” (35). Jekk dan huwa l-każ, għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi biss għar-restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jseħħu fil-livell tal-Istat Membru? Id-dispożizzjoni ma għandhiex tirreferi, b’mod iktar ġenerali jew b’żieda ma’ dan, għal restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq intern? B’mod iktar fundamentali, għaliex il-Kummissjoni jkollha proprju bżonn rinviju mill-awtorità tal-Istat Membru, jekk il-problema tal-kompetizzjoni tkun fil-livell tal-Unjoni?

    68.      L-elementi testwali preċedenti jidhru li jistgħu jitfgħu dubju fuq l-interpretazzjoni allegatament ċara tad-dispożizzjoni kif proposta mill-Kummissjoni.

    69.      Għaldaqstant, kif is-soltu jkun il-każ ta’ dispożizzjonijiet legali li sa ċertu punt ma jkunux ċari, jew tal-inqas li waħidhom ma mhumiex suffiċjenti (li, nemmen, li huwa wkoll il-każ tad-dispożizzjoni inkwistjoni hawnhekk: subparagrafu wieħed ta’ artikolu f’regolament), il-qawl Ingliż antik “bare reading is bare feeding” jidher rilevanti ħafna. Għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita t-tifsira u l-portata eżatti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, huwa fil-fatt neċessarju li, kif iddeċidiet b’mod korrett il-Qorti Ġenerali, jintużaw metodi oħra ta’ interpretazzjoni użati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    2)      Interpretazzjoni storika talewwel subparagrafu talArtikolu 22(1) tarRegolament Nru 139/2004

    70.      Fil-punti 96 sa 117 tas-sentenza appellata, wara li eżaminat numru ta’ dokumenti li jikkonċernaw l-istorja tar-Regolament Nru 139/2004, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li “l-interpretazzjoni storika għandha t-tendenza li tikkonferma li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lil Stat Membru, indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam ta;-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li jirrinvija lill-Kummissjoni konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti tad-dħul mill-bejgħ tal-Artikolu 1 ta’ dak ir-regolament, iżda li għandhom riskju ta’ effetti transkonfinali sinjifikattivi”.

    71.      Jiena ma naqbilx ma’ din l-evalwazzjoni. B’mod partikolari, għandi erba’ riżervi f’dan ir-rigward: (i) id-dokumenti msemmija fis-sentenza appellata għandhom ċerti limitazzjonijiet inerenti fil-mod kif jiċċaraw l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni; (ii) is-siltiet minn dawn id-dokumenti ċċitati ma jikkorroborawx il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali; (iii) meta dawn id-dokumenti jinqraw fl-intier tagħhom, huma jikkontradixxu fil-fatt dawn il-konstatazzjonijiet; u (iv) il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni diversi dokumenti oħra, inkluż ix-xogħol preparatorju rilevanti, li jikkorrobora l-interpretazzjoni mogħtija mill-appellanti.

    i)      Illimiti talevalwazzjoni storika tal-Qorti Ġenerali (I)

    72.      L-ewwel nett, kif tinnota Grail b’mod korrett, hemm żewġ limitazzjonijiet importanti li huma inerenti għat-tip ta’ dokumenti li jsir riferiment għalihom fis-sentenza appellata bħala li jikkorroboraw il-konklużjoni misluta minnhom. L-awtriċi ta’ dawn id-dokumenti kollha (il-Green Paper tal‑1996 (36), il-Green Paper tal‑2001 (37), il-Proposta tal-Kummissjoni tal‑2003 (38), u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal‑2009 (39)) kienet il-Kummissjoni u ġew wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89. L-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa, fil-fehma tiegħi, partikolarment imħawwad f’dan il-każ.

    73.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni saqsewha jekk il-portata allegatament wiesgħa ta’ (dak li llum huwa) l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 kinitx (i) diġà hemmhekk fir-Regolament Nru 4064/89 oriġinali adottat fl‑1989; (ii) żdiedet meta dik id-dispożizzjoni kienet ġiet emendata fl‑1997; jew (iii) introdotta meta ġie adottat ir-Regolament Nru 139/2004 il-ġdid fl‑2004. Il-Kummissjoni wieġbet, mingħajr eżitazzjoni, li din il-portata daqshekk wiesgħa kienet hemmhekk mill-bidu nett: jiġifieri, fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 4064/89, kif adottat fl‑1989. L-ASE ħadet l-istess pożizzjoni (40).

    74.      Jekk dan huwa l-każ, jidhirli li, sabiex titwettaq evalwazzjoni storika tat-tifsira u tal-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, id-dokumenti li ġew wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 fl‑1989 huma ta’ sinjifikat inqas minn dawk ta’ qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. Ma naħsibx li għandi bżonn nispjega għaliex id-dokumenti preparatorji (li jfissru d-dokumenti li jintużaw meta tkun qiegħda tinbena xi dispożizzjoni partikolari) normalment ikunu ta’ iktar utilità mid-dokumenti ex post facto sabiex jipprovaw l-intenzjoni tal-leġiżlatur.

    75.      F’dan ir-rigward, nikkunsidra li s-sentenza appellata hija kontradittorja. Fil-punt 115 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrifjutat, bħala prinċipju, li teżamina ħames dokumenti, li l-awtriċi tagħhom kienet il-Kummissjoni u li ssemmew fis-sottomissjonijiet tal-appellanti, li allegatament kienu juru li, sa reċentement, il-Kummissjoni stess ma kinitx interpretat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 kif propost f’dawn il-proċeduri.

    76.      Jekk il-portata wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni kienet hekk sa mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 fl‑1989, għaliex il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni diversi dokumenti li nkitbu wara l‑1989, imma mhux dawk indikati mill-appellanti? Jekk, min-naħa l-oħra, il-portata tad-dispożizzjoni kienet twessgħet bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 fl‑2004, għaliex il-Qorti Ġenerali ma ċċitatx kwalunkwe dokument mill-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, u b’mod speċjali dawk mill-istituzzjoni li aġixxiet bħala l-leġiżlatur uniku, jiġifieri l-Kunsill? Dan iwassalni għall-punt li jmiss.

    77.      Fil-fatt, hija pjuttost sorpriża li, sabiex tikkonferma l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 mogħtija mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq dokumenti li l-awtriċi tagħhom kienet il-Kummissjoni stess, u ma ċċitat l-ebda dokument mill-Kunsill.

    78.      Ċertament jiena naqbel li dokument uffiċjali li jagħti l-fehma tal-Kummissjoni li tirrigwarda t-tifsira u l-portata ta’ dispożizzjoni partikolari ta’ regolament jew ta’ direttiva għandu ċertu piż, speċjalment meta dik id-dispożizzjoni kienet inkluża fil-proposta oriġinali u ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet sinjifikattivi jew ta’ emendi matul il-proċess leġiżlattiv. Madankollu, il-fehma tal-Kummissjoni ma tistax titqies bħala fattur deċiżiv għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan huwa minnu a fortiori meta d-dispożizzjoni ġiet miżjuda mill-Kunsill fi stadju relattivament tard fil-proċess leġiżlattiv, wara diskussjonijiet twal, bħalma huwa l-każ ta’ (dak li llum huwa) l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

    79.      F’dan l-isfond, naraha problematika li ebda mid-dokumenti msemmija fil-punti 96 sa 117 tas-sentenza appellata ma kien l-awtur tagħhom il-Kunsill u/jew ma sar qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 fl‑1989.

    ii)    Illimiti talevalwazzjoni storika talQorti Ġenerali (II)

    80.      It-tieni, id-dokumenti storiċi li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuqhom fil-fatt ma jikkorroborawx il-konklużjoni misluta minnhom, għal żewġ raġunijiet: (i) is-siltiet imsemmija fis-sentenza appellata huma irrelevanti għall-kwistjoni ineżami, u (ii) siltiet oħra iktar importanti mill-istess dokumenti jew inqabżu jew, b’mod żbaljat, ma ġietx ikkunsidrata sew l-importanza tagħhom.

    81.      Il-Qorti Ġenerali bdiet l-evalwazzjoni storika tagħha tad-dispożizzjoni billi qalet li “dan il-mekkaniżmu ta’ rinviju segwa x-xewqa tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li dak iż-żmien ma kellux sistema [ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni], li l-Kummissjoni teżamina konċentrazzjonijiet li għandhom effetti negattivi fit-territorju tiegħu, sakemm dawn il-konċentrazzjonijiet ikunu jaffettwaw ukoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u għalhekk dan il-mekkaniżmu ġie msejjaħ il-‘klawżola Olandiża’” (41). Hija rreferiet imbagħad għal numru ta’ dokumenti rilevanti, li minnhom isegwi li (i) il-mekkaniżmu ta’ rinviju huwa ġeneralment meqjus bħala strument utli, b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri li attwalment ma għandhomx sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda l-użu tiegħu bl-ebda mod ma ġie rriżervat għalihom (42); (ii) dan il-mekkaniżmu huwa intiż li jippermetti lill-Istati Membri jitolbu lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni li għandha effett transkonfinali f’sitwazzjoni fejn il-limiti previsti mill-Artikolu 1 tar-regolament ma jkunux intlaħqu (43); (iii) l-għanijiet ta’ dan il-mekkaniżmu ġew estiżi matul iż-żmien sabiex jippermettu rinviji konġunti li jevitaw talbiet nazzjonali multipli, mingħajr l-ebda rinunzja tal-għan oriġinali (44); u (iv) l-emendi tad-dispożizzjoni wrew li l-Kummissjoni ppreferiet użu iktar wiesa’ tal-mekkaniżmu ta’ rinviju (45).

    82.      Dawn id-dikjarazzjonijiet kollha tal-Qorti Ġenerali huma, fil-fehma tiegħi, fattwalment korretti. Hija verità lampanti li l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 japplika għal konċentrazzjonijiet b’effetti transkonfinali li ma jilħqux il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 1 tiegħu. Barra minn hekk, lanqas ma huwa kkontestat li l-mekkaniżmu ta’ rinviju pprovdut fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jista’ jintuża kemm mill-Istati Membri li ma għandhomx sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet kif ukoll mill-Istati Membri li għandhom sistema ta’ kontroll. Finalment, ma hemmx dubju wkoll li l-mekkaniżmu ta’ rinviju ġie emendat matul is-snin bil-għan li jitwessgħu l-għanijiet tiegħu u jagħmel possibbli l-użu iktar frekwenti tiegħu.

    83.      Madankollu, xejn f’dawn il-konstatazzjonijiet ma jillumina, direttament jew indirettament, il-kwistjoni fil-qalba ta’ dan l-aggravju: jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermettix jew le lill-Istati Membri li għandhom sistema nazzjonali ta’ kontroll li jirrinvijaw każijiet li ma jaqgħux taħt din is-sistema.

    84.      Għaldaqstant, mhux biss id-dokumenti msemmija fis-sentenza appellata għandhom valur persważiv relattiv imma, b’ħarsa iktar mill-qrib, il-partijiet minn dawk id-dokumenti li huma ċċitati bl-ebda mod ma jikkorroboraw il-konklużjoni finali misluta minnhom fil-punt 116 ta’ dik is-sentenza. Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma, għaldaqstant, manifestament irrilevanti.

    iii) Illimiti talevalwazzjoni storika talQorti Ġenerali (III)

    85.      It-tielet, meta moqrija fl-intier tagħhom, l-istess dokumenti msemmija fis-sentenza appellata jidhru li jikkontradixxu l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali u, għaldaqstant, jikkorroboraw l-interpretazzjoni mressqa mill-appellanti. L-importanza ta’ dan il-punt għandha tiġi enfasizzata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li d-dokumenti li fuqhom tkun ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali għandhom jinqraw fl-intier tagħhom sabiex jiġi evalwat b’mod korrett il-valur probatorju tagħhom. Ikun żball ta’ liġi li wieħed jestrapola silta speċifika waħda jew iktar minn xi dokument, u mbagħad jislet inferenzi minn dawn is-siltiet li jkunu inkonsistenti mal-kontenut reali tad-dokument, meta dan jinqara fit-totalità tiegħu (46).

    86.      Fil-fehma tiegħi, dawn il-prinċipji huma rilevanti f’dan il-kuntest.

    87.      Nibda sabiex ngħid li hija sorpriża li l-punt 99 tas-sentenza appellata jċekken l-importanza tas-silta fil-Green Paper tal‑2001, meta jgħid li – fid-dawl tal-fatt li, fid-data tal-adozzjoni ta’ dik il-Green Paper, huwa biss il-Gran Dukat tal-Lussemburgu li ma kellux sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet – “fil-prattika, […] il-potenzjal tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(3) fil-forma oriġinali tiegħu [kien] limitat ħafna” (47). Huwa minnu li din is-silta timplika, fil-fatt, kif qalet b’mod korrett il-Qorti Ġenerali, li l-Istati Membri ħlief għal-Lussemburgu ma kinux preklużi milli jagħmlu użu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004 (48). Għal darba oħra, din ma hijiex il-kwistjoni hawnhekk. Fil-fatt, din is-silta tissuġġerixxi li, minħabba l-limiti għall-użu tal-mekkaniżmu ta’ rinviju mill-Istati Membri b’sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, l-użu prattiku tal-mekkaniżmu ta’ rinviju ġie mnaqqas matul iż-żmien. Fil-frattemp, ħafna Stati Membri kienu stabbilixxew sistema domestika ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, u għaldaqstant, kellhom interess iktar limitat, u inqas opportunitajiet sabiex jirrinvijaw każ lill-Kummissjoni.

    88.      Moqrija b’dan il-mod, is-silta inkwistjoni toqgħod perfettament mal-estratti tad-dokumenti ċċitati fil-punti preċedenti tas-sentenza appellata u tagħti sostenn lill-pożizzjoni tal-appellanti: il-mekkaniżmu ta’ rinviju kien intenzjonat, u kkunsidrat “speċjalment” utli, għall-Istati Membri mingħajr sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Kieku l-Istati Membri b’sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet kienu jkunu jistgħu jirrinvijaw kwalunkwe konċentrazzjoni, indipendentement minn jekk kinux jinqabdu mis-sistemi tagħhom, l-użu u l-espedjenza tal-mekkaniżmu għal dawn l-Istati Membri ma kinitx tkun affettwata wisq bl-adozzjoni tal-iskema nazzjonali min-naħa tagħhom, u ċertament il-mekkaniżmu ma kienx ikun “limitat”.

    89.      B’żieda ma’ dan, fis-sentenza appellata ma ssemmewx siltiet oħra mid-dokumenti li għalihom għamlet riferiment il-Qorti Ġenerali li kienu ċari u sinjifikattivi ħafna.

    90.      Pereżempju, meta tiddiskuti l-limiti tal-qafas regolatorju li kien fis-seħħ dak iż-żmien, u l-għażliet disponibbli sabiex dan jiġi emendat sabiex jolqot iktar konċentrazzjonijiet li għandhom effetti transkonfinali, il-Green Paper tal‑1996 ma tagħmel ebda riferiment għall-allegata possibbiltà li jsir rinviju lill-Kummissjoni sabiex teżamina konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux taħt is-sistemi nazzjonali tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Fil-fatt, id-dispożizzjoni titqies bħala li tirrigwarda sempliċiment “l-allokazzjoni ta’ każijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri”. Il-Green Paper tal‑1996 anki tgħid li “taħt il-limiti tar-[Regolament Nru 4064/89], il-konċentrazzjonijiet huma suġġetti għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet nazzjonali jekk dan jeżisti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (49).

    91.      Imbagħad, il-Green Paper tal‑2001 terġa’ hija iktar ċara sabiex tikkontradixxi l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. L-ewwel, id-dokument jindika li l-għanijiet tiegħu (“sabiex isaħħaħ l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju għal każijiet b’effetti transkonfinali, sabiex jissaħħaħ il-prinċipju ‘one-stop shop’ u sabiex tittaffa l-problema tat-talbiet multipli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) kellhom jintlaħqu billi jiġi żgurat li l-każijiet li jwasslu għal komunikazzjonijiet multipli fuq livell nazzjonali jkunu jistgħu jiġu ttrattati mill-Kummissjoni (50). Ma hemmx għalfejn jingħad li l-każijiet li jwasslu għal komunikazzjonijiet multipli ma humiex dawk li jaqgħu taħt il-limiti nazzjonali. Fil-fatt, dan id-dokument għamel riferiment b’mod estensiv għal rinviji minħabba każijiet li huma suġġetti għal komunikazzjonijiet obbligatorji u/jew volontarji (51), iżda ma fih ebda ħjiel li l-mekkaniżmu ta’ rinviju seta’ jintuża wkoll għal konċentrazzjonijiet li ma jistgħux jiġu kkomunikati fuq livell nazzjonali (52).

    92.      It-tieni, il-Green Paper tal‑2001 indikat li waħda mir-raġunijiet li għaliha l-mekkaniżmu ta’ rinviju stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 kien użat inqas milli kien imissu tikkonsisti fid-“differenzi tekniċi fil-proċeduri nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-mument li jiskatta l-komunikazzjoni u r-regoli li jikkonċernaw meta jsiru l-komunikazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (53). Ovvjament, tali kunsiderazzjoni ma kinitx tkun rilevanti kieku l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 kien jippermetti lill-Istati Membri jirrinvijaw konċentrazzjonijiet lill-Kummissjoni indipendentement minn jekk tkunx skattat komunikazzjoni fuq livell nazzjonali (54). B’mod simili, kieku l-Qorti Ġenerali hija korretta, ma jkunux jistgħu jingħataw spjegazzjoni d-dikjarazzjonijiet, fil-Green Paper tal‑2001, li jgħidu li l-possibbiltà sabiex ir-rinviji konġunti taħt l-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 4064/89 isiru iktar operazzjonali tkun diffiċli li tiġi implimentata peress li din tkun suġġetta għall-kundizzjoni li jitwettaq “livell suffiċjenti ta’ armonizzazzjoni tad-drittijiet nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (55).

    93.      Għal dak li jirrigwarda l-Proposta tal-Kummissjoni tal‑2003, il-punt 21 tagħha jgħid: “Wieħed mill-iskopijiet inizjali tal-Artikolu 22 [tar-Regolament Nru 4064/89] kien li tiġi pprovduta l-possibbiltà għall-Istati Membri li ma għandhomx leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet li jirrinvijaw lill-Kummissjoni każijiet li għandhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri: illum, huwa biss il-Lussemburgu li jaqa’ taħt din il-kategorija. Madankollu, il-possibbiltà għal Stat Membru wieħed li jirrinvija l-każijiet lill-Kummissjoni ma għandhiex tiġi eskluża kompletament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (56). Dan jissuġġerixxi li l-użu unilaterali tal-mekkaniżmu ta’ rinviju mill-Istati Membri, għalkemm possibbli, kien ikkunsidrat improbabbli. Wieħed jista’ jargumenta li li kieku l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 ippermetta lill-Istati Membri b’sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet li jirrinvijaw ukoll każijiet li huma ma setgħux jeżaminaw, l-użu tal-mekkaniżmu ta’ rinviju ma setax jitqies improbabbli.

    94.      B’żieda ma’ dan, il-punti 22 sa 25 ta’ din il-proposta indikaw ukoll li d-dgħufija prinċipali tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rinviju (l-Artikoli 9 u 22 tar-Regolament Nru 4064/89) hija l-fatt li dawn setgħu jintużaw biss wara li l-konċentrazzjoni tkun ġiet ikkomunikata jew lill-Kummissjoni jew lill-ANK, skont il-każ. Barra minn hekk, il-punt 28 ta’ dan id-dokument jagħmilha ċara ħafna li l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tistieden lill-Istati Membri jagħmlu talba għal rinviju kienet limitata għall-każijiet li kienu diġà ġew ikkomunikati.

    95.      Finalment, il-punt 133 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal‑2009 jagħmilha ċara li (i) iktar milli hija kwistjoni li hija daqstant ċara kif issostni l-Kummissjoni, il-punt dwar jekk l-Istati Membri b’sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet għandhomx jitħallew jużaw l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux taħt dawn is-sistemi kien kontroversjali, minkejja li l-formulazzjoni tiegħu ma kinitx tidher li teskludih, u l-parti l-kbira tal-Istati Membri li kienu ħadu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni kienu tendew lejn tweġiba fin-negattiv (57); (ii) xi wħud mill-partijiet ikkonċernati li ġew ikkonsultati (li kienu jinkludu lill-ANK) sa anki staqsew jekk dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 għandhiex tibqa’ assolutament teżisti, peress li l-fatt li jkun possibbli għal “Stat Membru mingħajr ġurisdizzjoni li jirrinvija jew jingħaqad f’rinviju skont l-Artikolu 22” joħloq kwistjoni ta’ prevedibbiltà, inċertezza legali u dewmien eċċessiv tal-proċeduri; u (iii) għalkemm ir-raġuni oriġinali għall-eżistenza tal-Artikolu 22 saret kważi bla użu, din id-dispożizzjoni għadha sservi skop “meta l-Istat Membri, wara perijodu ta’ evalwazzjoni ta’ tranżazzjoni, jifformaw l-opinjoni li l-każ ikun jista’ jiġi evalwat aħjar mill-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (58).

    96.      Għaldaqstant, nikkonkludi li d-dokumenti invokati fil-punti 96 sa 117 tas-sentenza appellata mhux biss ma jikkorroborawx il-konklużjoni misluta minnhom mill-Qorti Ġenerali imma, meta moqrija fit-totalità tagħhom, jikkontradixxu fil-fatt din il-konklużjoni.

    iv)    Illimiti talevalwazzjoni storika talQorti Ġenerali (IV)

    97.      Ir-raba’, l-iżball li għamlet il-Qorti Ġenerali meta kkunsidrat li l-interpretazzjoni storika tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tikkorrobora l-portata wiesgħa tiegħu, isir iktar evidenti jekk jiġu eżaminati dokumenti rilevanti oħrajn – fosthom, b’mod iktar partikolari, xi xogħol preparatorju, inkluż dawk li l-awtur tagħhom huwa l-Kunsill.

    98.      Ix-xogħol preparatorju juri pjuttost b’mod ċar li, matul id-diskussjonijiet u n-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 mill-Kunsill fl‑1989, xi wħud mill-iktar suġġetti kontroversjali kienu jikkonċernaw id-definizzjoni tal-portata ratione materiae tar-regolament u r-rabta tiegħu ma’ regoli (Komunitarji u nazzjonali) oħra li jistgħu jkunu daqstant applikabbli għal tranżazzjonijiet ikkomunikati taħt dan ir-regolament. B’mod partikolari, qamu żewġ mistoqsijiet: l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 kellha tkun esklużiva, jew l-Istati Membri setgħu jeżaminaw ukoll b’mod parallel il-konċentrazzjonijiet ikkomunikati? L-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 teskludi a priori l-applikazzjoni ta’ dawk li kienu l-Artikoli 85 u 86 KEE għall-istess tranżazzjoni (59)?

    99.      F’dan ir-rigward, eventwalment intlaħaq ftehim, fil-Kunsill, li l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament Nru 4064/89 kellha tkun esklużiva u, għall-kuntrarju, il-konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti stabbiliti fir-Regolament Nru 4064/89 kellhom jiġu eżaminati biss mill-awtoritajiet nazzjonali (60). Barra minn hekk, filwaqt li ma kienx possibbli li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 KEE (id-dritt primarju) għat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-regolament, kien possibbli min-naħa l-oħra li għalihom tiġi limitata l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li timplimenta dawn id-dispożizzjonijiet (61). Dan wassal sabiex ġew miżjuda żewġ paragrafi fl-Artikolu 22 tal-Proposta tal-Kummissjoni (62).

    100. Dan il-ftehim fil-Kunsill qajjem il-problema tad-diversi Stati Membri li, f’dak iż-żmien, ma kellhomx sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet (inkluż il-Belġju, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi): min għandu jeżamina l-konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-limiti tar-Regolament Nru 4064/89 iżda li għandhom effett fuq is-suq nazzjonali tagħhom? Għaldaqstant, l-introduzzjoni tal-“klawżola Olandiża”, li kienet tippermetti lill-Kummissjoni li “tidħol fiż-żarbun” tal-awtoritajiet nazzjonali u taġixxi f’isimhom, fuq bażi eċċezzjonali, meta ma jkunx hemm leġiżlazzjoni għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, jew meta dawn l-awtoritajiet, minħabba n-nuqqas relattiv ta’ esperjenza jew riżorsi limitati, ikkunsidrat lill-Kummissjoni bħala li kienet awtorità “f’pożizzjoni aħjar” sabiex teżamina konċentrazzjoni kkomunikata lilhom.

    101. Fil-fatt, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni kkunsidraw li wieħed seta’ “raġonevolment jassumi” li konċentrazzjonijiet taħt il-limiti tar-Regolament Nru 4064/89, ġeneralment, ma kellhomx effett suffiċjenti fuq il-kummerċ li jiġġustifika li jiġu eżaminati fil-livell tal-Unjoni (63). Il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu konxji li l-limiti tar-Regolament Nru 4064/89 setgħu jkunu bbażati fuq varjetà ta’ valuri u li dawn il-valuri jiġu ffissati f’ammonti differenti (kwalunkwe ammont kien neċessarjament ikun approssimattiv) (64). Għaldaqstant, kien ċar ħafna għall-partijiet kollha involuti fil-proċess leġiżlattiv, inkluż għall-Kummissarju għall-Kompetizzjoni ta’ dak iż-żmien (65) li, indipendentement mit-tip u mill-ammont ta’ limiti magħżula, ċerti konċentrazzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-suq komuni xorta waħda jiskappaw l-eżami ex ante mill-Kummissjoni taħt ir-Regolament Nru 4064/89 (66). Madankollu, dan kien ikkunsidrat inevitabbli għal numru ta’ raġunijiet, inter alia, sabiex il-volum ta’ xogħol tal-Kummissjoni jinżamm f’livelli raġonevoli (67), sabiex tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali lill-partijiet li jingħaqdu (68), u sabiex tiġi stabbilita qasma bbilanċjata u netta tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali (69). Fi kwalunkwe każ, kien ċar li dawk li kienu l-Artikoli 85 u 86 KEE kienu jippermettu intervent ex post għall-konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti (70).

    102. Fil-fatt, lanqas dokument wieħed, fost l-ammont kbir ta’ xogħol preparatorju li jirrigwarda l-verżjoni oriġinali tar-Regolament Nru 4064/89 imressaq mill-partijiet ma jipponta lejn il-possibbiltà li l-mekkaniżmu ta’ rinviju stabbilit fl-Artikolu 22(3) sa (5) tar-Regolament Nru 4064/89 għandu l-għan “korrettiv” imsemmi mill-Qorti Ġenerali. Sabiex tikkonferma dan, waqt is-seduta l-Kummissjoni ntalbet tgħid jekk tistax tindika xi tali dokument, u l-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel dan. Fil-fehma tiegħi dan ma huwiex ta’ sorpriża peress li ħafna mid-diskussjonijiet li seħħew fil-Kunsill li jikkonċernaw il-formulazzjoni preċiża ta’ din id-dispożizzjoni, kif riflessa fix-xogħol preparatorju, isiru inkomprensibbli kieku l-konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-limiti nazzjonali jkunu jistgħu jiġu eżaminati xorta waħda bis-saħħa tal-mekkaniżmu ta’ rinviju.

    103. L-istess japplika, mutatis mutandis, għal dak li jirrigwarda l-emendi tar-Regolament Nru 4064/89 fl‑1997. Kif ingħad fil-punt 82 iktar ’il fuq, huwa minnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iwessa’ l-portata tal-mekkaniżmu ta’ rinviju stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89. Madankollu, ma hemmx ħjiel fix-xogħol preparatorju li jirrigwarda r-reviżjoni tar-regolament tal-fatt li t-tibdil kellu l-għan li jimla l-lakuni kif issuġġerit mill-Qorti Ġenerali. Għall-kuntrarju, l-iskop proprju li jissaħħaħ is-sistema one-stop-shop billi jiġu evitati t-talbiet multipli jistona mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 adottata mill-Qorti Ġenerali.

    104. Fil-fatt, inħossu intrinsikament paradossali l-fatt li l-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għal dokument li jispjega li r-ratio legis tal-emenda tal‑1997 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 kien li tevita t-talbiet multipli, sabiex tilqa’ l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li – kif ser jiġi spjegat iktar tard (71) – ser tinkoraġġixxi de facto lill-impriżi li, għalkemm taħt il-liġijiet tal-Unjoni għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u dawk nazzjonali ma huma meħtieġa li jagħmlu ebda talba, jagħmlu talba xorta waħda (potenzjalment, sa 30 waħda (72)) sempliċiment għal skopijiet ta’ prekawzjoni.

    105. Barra minn hekk, id-dokumenti storiċi li jirrigwardaw l-adozzjoni fl‑2004 tar-Regolament Nru 139/2004 ma jikkorroborawx il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża l-mekkaniżmu ta’ rinviju stabbilit fl-Artikolu 22 sabiex jirrimedja l-allegati nuqqasijiet li joħorġu mir-riġidità tal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (73). L-idea wara t-tibdil li sar lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 kellha l-għan li ssaħħaħ il-funzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rinviju bħala one-stop-shop li jevita l-bżonn għall-partijiet li jingħaqdu milli jagħmlu talbiet multipli. Il-formulazzjoni stess tal-emendi turi dan b’mod ċar (74).

    106. Fl-aħħar, ċerti dokumenti li nkitbu mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 jipprovdu wkoll xi indikazzjonijiet utli. Kif issemma qabel, il-valur interpretattiv tagħhom jista’ jkun relattiv biss. Madankollu, sa fejn il-Qorti Ġenerali stess bbażat ruħha biss fuq dokumenti tal-Kummissjoni li saru wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, dawn id-dokumenti addizzjonali jippermettu stampa iktar kompluta billi jipprovdu għarfien interessanti fl-interpretazzjoni storika mogħtija mill-Kummissjoni lill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

    107. B’mod partikolari, fl-“Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rinviju fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet” tal‑2005 (75), ippubblikat wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, ir-rinviji taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 jissemmew konsistentement bħala rinviju “ta’ wara l-komunikazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (76). L-użu ta’ din l-espressjoni huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mad-dikjarazzjoni, magħmula ripetutament mill-Kummissjoni, li hija dejjem interpretat din id-dispożizzjoni bħala li tippermetti lill-Istati Membri jirrinvijaw każijiet li jaqgħu taħt il-limiti stabbiliti fid-dritt nazzjonali. Kieku wieħed kellu jsegwi l-argumenti tal-Kummissjoni, kien ikun stramb ukoll li l-istess dokument ma jagħmel ebda riferiment, meta jelenka “l-kategoriji ta’ każijiet li normalment ikunu l-iktar xieraq li jiġu rrinvijati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għal konċentrazzjonijiet li jwasslu għal tħassib serju dwar il-kompetizzjoni filwaqt li ma jintlaqtux mis-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet fl-Unjoni (77). Wieħed jista’ jargumenta li din is-sitwazzjoni kellha tkun fuq quddiem tal-lista.

    108. B’mod simili, fil-White Paper tal‑2014 intitolata “Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE”, il-Kummissjoni pproponiet, inter alia, li “s-sistema tal-każijiet ta’ rinviju ssir aktar effiċjenti u effettiva billi [...] temenda l-Artikolu 22 biex issaħħaħ l-osservanza tal-prinċipju punt uniku ta’ servizz [one-stop-shop]” (78). B’mod interessanti, l-emendi proposti għall-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 indikaw espressament li huma biss l-Istati Membri li huma “kompetenti biex jeżaminaw tranżazzjoni mill-ġdid skont il-liġi nazzjonali tagħhom” li jistgħu jitolbu rinviju lill-Kummissjoni jew jopponuh (79). Huwa leġittimu li wieħed jiddubita li, b’tali proposti, il-Kummissjoni riedet tillimita l-portata tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 peress li din tkun tmur kontra l-għan ġenerali sabiex is-sistema ta’ eżami tal-konċentrazzjonijiet issir iktar effettiva u effiċjenti, u l-għan iktar speċifiku li jittejbu l-mekkaniżmi ta’ rinviju “kemm qabel u wara n-notifika” (80). En passant, nosserva li anki f’dan id-dokument, il-Kummissjoni għamlet riferiment mill-ġdid għall-mekkaniżmu tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 bħala li huwa rinviju “ta’ wara n-notifika” (81).

    109. Finalment, il-Pjan Direzzjonali ta’ Evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal‑2016 dwar l-aspetti proċedurali u ġurisdizzjonali tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Unjoni jidher li huwa ta’ interess ukoll. F’dak id-dokument, il-Kummissjoni tiddiskuti l-possibbiltà li tissupplimenta l-limiti għall-ġurisdizzjoni eżistenti bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ b’limiti oħrajn ibbażati fuq kriterji alternattivi, u l-bżonn li s-sistema ta’ rinviju tiġi ssimplifikata. Fil-fehma tiegħi, ma tantx jista’ jkun hemm żewġ suġġetti li huma iktar relatati mill-qrib mal-kwistjoni involuta hawnhekk. Għaldaqstant, ma hija xejn inqas minn impressjonanti li, f’tali dokument, ma jsir ebda riferiment għall-allegata portata wiesgħa tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Inċidentalment, id-dokument jirreferi wkoll għas-sistema ta’ rinviju bħala li tirrigwarda l-“allokazzjoni korretta tal-każijiet” u għar-rinviju mill-Istati Membri lill-Kummissjoni bħala mekkaniżmu “ta’ wara n-notifika” (82).

    110. Il-konklużjoni intermedjarja tiegħi hija li l-interpretazzjoni storika tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 tikkorrobora inekwivokament il-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tat-tifsira u tal-portata tal-mekkaniżmu ta’ rinviju inkwistjoni.

    3)      Interpretazzjoni kuntestwali talewwel subparagrafu talArtikolu 22(1) tarRegolament Nru 139/2004

    111. Ser indur issa għall-punti 118 sa 139 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni kuntestwali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat tnax-il element ta’ kuntest, inklużi f’ħames dispożizzjonijiet (jew gruppi ta’ dispożizzjonijiet) tar-Regolament Nru 139/2004. Wara li eżaminat dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li “mill-interpretazzjoni kuntestwali […] rriżulta li talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi mressqa indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet” (83).

    112. Jien ma naqbilx ma’ din il-konklużjoni, għal erba’ raġunijiet differenti: (i) id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 139/2004 minbarra l-Artikolu 22 ma jikkonfermawx mal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, (ii) u l-paragrafi u subparagrafi l-oħra tal-Artikolu 22 lanqas ma jikkonfermawha; (iii) il-Qorti Ġenerali żbaljat meta taffiet is-sinjifikat ta’ ċerti elementi ta’ kuntest li – għalkemm bl-ebda mod ma huma determinanti – jidher li għandhom ċerta piż meta jiġu kkunsidrati sew; u (iv) il-Qorti Ġenerali injorat xi elementi oħra ta’ kuntest li jidhru li jikkontradixxu l-konklużjonijiet tagħha stess.

    i)      Illimiti talevalwazzjoni kuntestwali talQorti Ġenerali (I)

    113. Il-Qorti Ġenerali bdiet l-evalwazzjoni kuntestwali tagħha billi eżaminat jekk il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 139/2004 minbarra l-Artikolu 22 tiegħu tistax titfa’ xi dawl fuq it-tifsira u l-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Għal dan il-għan, hija l-ewwel eżaminat erba’ dispożizzjonijiet (jew gruppi ta’ dispożizzjonijiet) tar-Regolament.

    114. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-bażijiet legali magħżulin mil-leġiżlatur tal-Unjoni (l-Artikoli 103 u 352 TFUE (84) kurrenti) għall-adozzjoni l-ewwel tar-Regolament Nru 4064/89, u sussegwentement għar-Regolament Nru 139/2004, ma jipprovdu ebda indikazzjoni dwar it-tifsira u l-portata korretti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Għaldaqstant, hija ċaħdet l-argument ta’ Illumina li jgħid li l-bażijiet legali jikkorroboraw l-interpretazzjoni proposta ta’ din id-dispożizzjoni (85).

    115. Din il-konstatazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, korretta. Jidher ċar mill-preambolu tar-Regolament Nru 4064/89 u minn dak tar-Regolament Nru 139/2004 (86), kif ukoll mix-xogħol preparatorju (87), li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa l-pożizzjoni li l-Artikolu 103 TFUE – li jippermetti l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni intiża “għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 [TFUE]” – meħud waħdu, kien insuffiċjenti sabiex jistabbilixxi sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet intiża li tipprevjeni s-sempliċi ħolqien ta’ pożizzjonijiet dominanti (meta mqabbel mal-abbuż mill-imsemmija pożizzjonijiet dominanti, li huwa pprojbit taħt l-Artikolu 102 TFUE), u kien jolqot konċentrazzjonijiet fis-suq tal-prodotti agrikoli li, taħt l-Artikolu 38(3) TFUE u l-Anness I tat-Trattat FUE (88), setgħu jkunu suġġetti għal sistema legali speċifika li kienet tinkludi eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li kien neċessarju li jibbaża r-Regolament ukoll fuq l-Artikolu 352 TFUE (89).

    116. Waqt is-seduta ġie diskuss fit-tul il-fatt dwar jekk il-bażijiet legali tar-Regolament Nru 139/2004 jistgħux ikunu rilevanti għal din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, argumentat li l-għażla tal-leġiżlatur tkun tikkonferma indirettament il-pożizzjoni tagħha peress li l-Artikolu 352 TFUE huwa dispożizzjoni li tista’ toħloq kompetenza ġdida għall-Istati Membri sabiex jitolbu lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjoni partikolari, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe setgħa li tagħmel dan taħt id-dritt nazzjonali. Madankollu, indipendentement minn jekk l-Artikolu 352 TFUE jistax jinqara b’dan il-mod, ma nsib ebda ħjiel ta’ tali kunsiderazzjoni mil-leġiżlatur fi kwalunkwe dokument storiku. Kif ingħad, kemm il-preambolu u x-xogħol preparatorju jagħmluha ċara ħafna li l-għażla tal-bażi legali mil-leġiżlatur ma kinitx influwenzata mill-portata tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 (90).

    117. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għall-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 139/2004 li jistabbilixxi l-limiti li ’l fuq minnhom il-konċentrazzjoni titqies bħala li għandha “dimensjoni Komunitarja” (u għaldaqstant issir suġġetta għas-sistema ta’ komunikazzjoni mandatorja) u jagħmilha ċara li tali limiti huma “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22”. Mill-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li “l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 u, konsegwentement, il-kompetenza tal-eżami mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet jiddependu, prinċipalment, fuq il-qbiż tal-limiti tad-dħul mill-bejgħ li jiddefinixxu d-dimensjoni Ewropea u, sussidjarjament, fuq il-mekkaniżmi ta’ rinviju previsti mill-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament, li jikkompletaw l-imsemmija limiti billi jawtorizzaw l-eżami, mill-Kummissjoni, ta’ ċerti konċentrazzjonijiet li ma għandhomx dimensjoni Ewropea” (91).

    118. Għal darba oħra, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward hija kompletament korretta u ħadd mill-partijiet ma jikkontesta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lill-Kummissjoni teżamina ċerti konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004. Madankollu, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma titfa’ ebda dawl fuq il-kwistjoni reali inkwistjoni: liema konċentrazzjonijiet taħt il-limiti tar-Regolament Nru 139/2004 jistgħu jiġu eżaminati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tiegħu.

    119. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004. Din id-dispożizzjoni tinkludi mekkaniżmu ta’ rinviju ieħor, li jippermetti lill-partijiet f’konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni Komunitarja u li tista’ tiġi eżaminata taħt id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ mill-inqas tliet Stati Membri sabiex jitolbu li din il-konċentrazzjoni tiġi eżaminata mill-Kummissjoni. Kif innotat il-Qorti Ġenerali, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ivarjaw b’mod sinjifikattiv għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom u għall-iskop tagħhom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali rrifjutat milli tinterpreta l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 fid-dawl tal-Artikolu 4(5) tiegħu (92).

    120. Għar-raġunijiet spjegati fil-punt 63 iktar ’il fuq, insib li dan l-approċċ huwa ġġustifikat. Fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 139/2004 hija sempliċiment inkonklużiva fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

    121. Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 “ma jistax jiġi interpretat fid-dawl tal-mekkaniżmi ta’ riferiment previsti fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament” (93). Id-differenzi fil-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet urew, għall-Qorti Ġenerali, li dawn il-mekkaniżmi “ma humiex allinjati” u, konsegwentement, ma setgħet tiġi dedotta ebda inferenza fir-rigward tat-tifsira u tal-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (94).

    122. Għal darba oħra, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija korretta: l-argumenti tal-appellanti f’dan ir-rigward ma humiex konvinċenti. Fl-istess ħin, ikun utli li jiżdied jingħad li anki dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkorroborawx l-argumenti tal-Kummissjoni; fil-fatt, ma jgħidu xejn fuq il-kwistjoni inkwistjoni hawnhekk.

    ii)    Illimiti talevalwazzjoni kuntestwali talQorti Ġenerali (II)

    123. Finalment, fil-punti 130 sa 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tifsira u l-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 fid-dawl tal-paragrafi u tas-subparagrafi l-oħrajn ta’ din id-dispożizzjoni. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat tmien elementi fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

    124. L-ewwel, għall-kuntrarju ta’ dak li qalet il-Qorti Ġenerali (95), il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 – li jipprovdi li t-talba għar-rinviju għandha ssir “mhux aktar tard minn 15‑il jum utli mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet notifikata, jew f’każ li notifika mhix meħtieġa, mill-jum li fih il-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat” (96) – ma tfissirx li l-ewwel subparagrafu tiegħu “[j]irregola, [...] is-sitwazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjonijiet ma jiġux innotifikati iżda sempliċement ikkomunikati lill-Istat Membru kkonċernat, jew għaliex dawn ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija sistema, jew għaliex tali sistema ma teżistix” (97).

    125. Il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt ovvju li l-kliem “kienet mgħarrfa” kienu meħtieġa sabiex id-dispożizzjoni taqdi l-funzjoni essenzjali tagħha bħala l-“klawżola Olandiża”: li tippermetti lill-Istati Membri mingħajr sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet jitolbu lill-Kummissjoni teżamina konċentrazzjonijiet li jistgħu jkunu problematiċi fuq livell nazzjonali.

    126. B’żieda ma’ dan, il-Qorti Ġenerali injorat l-emendi li saru maż-żminijiet lit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Fir-Regolament Nru 139/2004 oriġinali, din id-dispożizzjoni sempliċiment semmiet li talba trid issir “fi żmien xahar mid-data li fiha l-konċentrazzjoni ġiet mgħarrfa lill-Istat Membru jew li daħlet fis-seħħ”. Meta fl‑1997 ġie emendat ir-Regolament Nru 4064/89, din id-dispożizzjoni ġiet taqra: “talba għandha ssir fi żmien massimu ta’ xahar mid-data li fiha l-konċentrazzjoni kient saret magħrufa lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri kollha li qed jagħmlu talba konġunta jew affetwati”. Finalment, kien biss mal-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 li din id-dispożizzjoni ġiet emendata sabiex tinkludi wkoll referenza għall-konċentrazzjoni li trid tiġi “nnotifikata” (98).

    127. X’jgħidulna dawn l-emendi? Fil-fehma tiegħi, dawn jikkonfermaw b’mod ċar dak li ħareġ evidenti mill-analiżi tax-xogħol preparatorju: (i) l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 oriġinali kien intiż li jirregola r-rinviji mill-Istati Membri li ma għandhomx sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet (jiġifieri, ebda riferiment għan-notifika); (ii) l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 kien emendat fl‑1997 sabiex jippermetti r-rinviju minn diversi Stati Membri sabiex jiġu evitati t-talbiet multipli, meta l-Kummissjoni kienet ikkunsidrata li hija l-iktar awtorità f’pożizzjoni tajba (u għalhekk ġiet introdotta r-referenza għat-talbiet konġunti); u (iii) l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 ikkonsolida l-acquis tal-Artikolu 22 u saħħaħ il-funzjoni bħala one-stop-shop ta’ din id-dispożizzjoni (u għalhekk ġiet introdotta r-referenza għall-komunikazzjonijiet) (99). Għaldaqstant il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali bbażata fuq il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 hija, fil-fehma tiegħi, żbaljata.

    128. It-tieni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti ma setgħux jibbażaw l-argument tagħhom fuq il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 li jeżiġi li l-Kummissjoni tinforma “lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri” dwar it-talba għal rinviju. Din ir-referenza hija ġenerika u ma timplikax li saret komunikazzjoni, jew li l-komunikazzjoni hija, fi kwalunkwe każ, possibbli (100).

    129. Naqbel, parzjalment, mal-Qorti Ġenerali. Meħud waħdu, dan l-element jidher li huwa inkonklużiv sabiex jiddetermina t-tifsira u l-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Madankollu, kif ser nispjega fil-punti 152 sa 162 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex bla ebda sinjifikat, meta meqjusa flimkien ma’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra.

    130. It-tielet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 – li jipprovdi li “[k]ull Stat Membru ieħor għandu jkollu d-dritt li jingħaqad mat-talba [ta’ rinviju] oriġinali” – kien konsistenti mal-paragrafu 1 tiegħu u jikkonferma li kull Stat Membru jista’ jippreżenta talba għal rinviju jew biex jingħaqad skont dan l-artikolu, indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet” (101).

    131. Nammetti li dan huwa element li, kif qalet il-Qorti Ġenerali, jidher li jikkorrobora l-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, il-valur persważiv ta’ dan l-element huwa pjuttost limitat, u dan minħabba l-erba’ raġunijiet li ġejjin.

    –        Qabelxejn, kif innotat il-Qorti Ġenerali stess, il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 hija simili għal dik tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Fid-dawl tal-konnessjoni stretta u inerenti bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet (li jirregolaw min jista’ jagħmel talba u min jista’ jagħmel talba konġunta, rispettivament), dan huwa pjuttost loġiku. Għaldaqstant, ma huwa xejn sorpriża li ż-żewġ dispożizzjonijiet fihom termini li ma humiex ikkwalifikati bl-istess mod. Madankollu, sa fejn l-ewwel dispożizzjoni allegatament ma hijiex ċara, il-formulazzjoni korrispondenti fl-aħħar dispożizzjoni ma tantx tista’ titqies bħala gwida affidabbli dwar it-tifsira tal-ewwel waħda.

    –        Il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 ma hijiex ċara wkoll għal raġuni oħra. Fil-fatt, il-premessa 15 tar-Regolament Nru 139/2004 – li tikkonċerna l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 – tipprovdi li “Stati Membri oħra li huma wkoll kompetenti sabiex jeżaminaw il-konċentrazzjoni għandhom ikunu jistgħu jingħaqdu mat-talba [ta’ rinviju]” (102). Bħala l-minimu assolut, din il-premessa tqajjem xi dubju dwar l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, peress li qisha tindika l-fatt li l-Istat Membru li jagħmel ir-rinviju jrid ikun kompetenti.

    –        B’żieda ma’ dan, anki jekk wieħed kellu jaqbel mal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 adottata mill-Qorti Ġenerali, dan ma jkun joħloq ebda inkongruenza mal-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 proposta mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni tikseb kompetenza potenzjali li teżamina konċentrazzjoni li taqa’ taħt il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004 meta t-talba għal rinviju ssir minn Stat Membru li għandu l-kompetenza skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Għaldaqstant, meta Stat Membru wieħed jew iktar jingħaqdu ma’ talba għal rinviju (magħmula b’mod validu) minn Stat Membru ieħor, il-konċentrazzjoni tkun diġà daħlet taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004. Għaldaqstant, la huwa problematiku u lanqas anomalu li kull Stat Membru jista’ jingħaqad ma’ tali talba.

    –        Finalment, il-fatt li Stat Membru wieħed jew iktar jingħaqdu (ab initio jew suċċessivament) ma’ talba għal rinviju (b’mod validu) magħmula jew li tkun qiegħda ssir minn Stat Membru ieħor ma għandu ebda konsegwenza negattiva għall-impriżi kkonċernati f’termini ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà tal-proċeduri (103). Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-konsegwenzi li jsegwu, f’dan ir-rigward, meta l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jiġi interpretat bil-mod kif issuġġerit mill-Kummissjoni (104).

    132. Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-fatt li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, “[i]t-termini perentorji nazzjonali kollha relatati mal-konċentrazzjoni għandhom ikunu sospiżi” ma jikkorroborax l-interpretazzjoni tal-appellant mogħtija lill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 (105).

    133. Fuq dan il-punt ukoll, jiena naqbel mal-konklużjoni immedjata tal-Qorti Ġenerali: it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, meħud waħdu, ma jitfa’ ebda dawl fuq il-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 (106).

    134. Il-ħames, il-Qorti Ġenerali daret lejn il-formulazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004, li jgħid li “[l]-Istat Membru jew Stati Membri li għamel jew għamlu t-talba ma għandhomx jibqgħu japplikaw l-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li tali dispożizzjoni ma tikkorroborax l-argumenti tal-appellanti: il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirreferi wkoll għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-ftehimiet antikompetittivi u l-abbużi minn dominanza (107).

    135. F’dan ir-rigward, jiena naqbel kompletament mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jikkorroborax l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 imressqa mill-appellanti (u, bl-istess mod, dik proposta mill-Kummissjoni).

    136. Is-sitt, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 139/2004, li jgħid li l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikoli 5, 6 u 8 sa 21 tiegħu japplikaw fejn il-Kummissjoni taċċetta li teżamina konċentrazzjoni li tkun ġiet irrinvijata lilha, u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 “japplika sakemm il-konċentrazzjoni ma kinitx implimentata sal-ġurnata li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li saret talba”. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tiddeduċi li l-obbligu ta’ standstill li jinsab fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 japplika “kemm [għas]-sitwazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal rinviju ma tkunx taqa’, [...] taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll dawk li fihom tali leġiżlazzjoni tkun applikabbli iżda ma tipprevedix is-sospensjoni tal-konċentrazzjoni” (108).

    137. L-inferenza tal-Qorti Ġenerali hija mħawda. Meħuda letteralment, hija korretta (109). Madankollu, hija wkoll irrilevanti għall-kwistjoni hawnhekk. Għaldaqstant, nifhem l-inferenza tal-Qorti Ġenerali bħala li tfisser li l-obbligu ta’ standstill stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 huwa applikabbli wkoll fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Istat Membru li jippreżenta t-talba.

    138. Madankollu, jidher li hemm lakuna fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali: fil-fatt, ma jirriżultax immedjatament kif tali inferenza ssegwi mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 139/2004. Fi kwalunkwe każ, nemmen li tali inferenza hija żbaljata.

    139. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jirrendi l-obbligu ta’ standstill applikabbli għall-konċentrazzjonijiet li għalihom tkun saret talba għal rinviju sabiex jiżgura l-effettività tas-sistema ta’ eżami u jipprekludi li jkun hemm distorsjonijiet tal-kompetizzjoni qabel ma jiġi deċiż jekk il-Kummissjoni tkunx ser teżamina l-każ.

    140. Il-fatt li l-obbligu ta’ standstill japplika biss “sakemm il-konċentrazzjoni ma kinetx implimentata sal-ġurnata li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi konċernati li saret talba” huwa r-riżultat inevitabbli tal-fatt li konċentrazzjoni li fir-rigward tagħha tkun saret talba għal rinviju jista’ jkun li tkun ġiet (legalment) implimentata qabel ma tkun saret dik it-talba. Hemm diversi raġunijiet għaliex dan huwa possibbli. B’mod partikolari, talba għal rinviju tista’ ssir minn Stat Membru (jew Stat ŻEE/EFTA (110)): (i) li ma għandux sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet; (ii) li għandu sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet li ma tipprovdix għal obbligu ta’ standstill (111); u (iii) meta l-obbligu ta’ standstill, għalkemm ikun jeżisti, ma kienx applikabbli għall-każ speċifiku. Għal dak li jirrigwarda dan l-aħħar punt, huwa fil-fatt importanti li jissemma li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi ta’ sospensjoni, inkluż l-eżenzjonijiet u d-derogi possibbli minnhom, kif ukoll it-tul tal-perijodi ta’ stennija applikabbli, ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor (112).

    141. Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 tikkostitwixxi, għaldaqstant, non sequitur. Fil-fehma tiegħi, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jitfa’ ebda dawl fuq l-istruttura korretta tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

    142. Is-seba’, il-Qorti Ġenerali nnotat li, skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004, “[i]l-Kummissjoni tista’ tinforma lil Stat Membru jew lil diversi Stati Membri li hija tqis konċentrazzjoni bħala li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 [ta’ dan l-artikolu]”. Peress li din il-formulazzjoni tagħmel riferiment biss għal dawn il-kriterji, li jidhru li huma eżawrjenti, il-Qorti Ġenerali ħadet il-pożizzjoni li din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix li l-konċentrazzjoni tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (113).

    143. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali qiegħda tara wisq kontenut f’din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 jissupplimenta l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004: il-mekkaniżmu ta’ rinviju inkwistjoni jista’ jinbeda minn Stat Membru wieħed jew iktar, imma wkoll mill-Kummissjoni – fiż-żewġ każijiet iż-żewġ kundizzjonijiet sostantivi meħtieġa mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 iridu jkunu ssodisfatti, li jispjega l-formulazzjoni simili ħafna użata fit-tnejn li huma. Proprjament kien ikun stramb kieku l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 kellu jkun iktar iddettaljat mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jew jinkludi xi differenza sostanzjali meta mqabbel miegħu. Għaldaqstant, kif sostnejt fil-punt 131 iktar ’il fuq, tali dispożizzjoni ma tantx tista’ tintuża bħala sors affidabbli għall-interpretazzjoni kuntestwali tad-dispożizzjoni li l-formulazzjoni tagħha hija tirrifletti.

    144. Barra minn hekk, anki kieku wieħed kellu jikkunsidra l-formulazzjoni tal-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 bħala rilevanti, jiena nara minn tal-inqas żewġ spjegazzjonijiet oħra għal tali formulazzjoni: dawn mhux biss ma jsostnux il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, iżda jistgħu anki jiġu kkunsidrati favorevoli għall-pożizzjoni tar-rikorrenti.

    145. Spjegazzjoni minnhom tirriżulta ċara jekk induru fuq il-punt 110 tas-sentenza appellata. F’dak il-punt, il-Qorti Ġenerali nnotat li, f’kawża preċedenti (“Kesko”), hija kienet diġà ddeċidiet li “ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-kompetenza ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tressaq talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89, iżda li hija kellha biss tivverifika jekk din it-talba kinitx, prima facie, dik ta’ Stat Membru” (114). Dik id-deċiżjoni hija korretta inkwantu l-kwistjoni dwar jekk konċentrazzjoni partikolari għandhiex tiġi kkomunikata taħt id-dritt nazzjonali ma hijiex kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni imma waħda tad-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, ma jistax ikun l-obbligu tal-Kummissjoni li tinforma lill-Istat Membru taħt l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 li, fil-fehma tagħha, mhux biss huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet sostantivi għar-rinviju, imma wkoll li l-limiti nazzjonali ntlaħqu.

    146. Spjegazzjoni oħra toħroġ min-nuqqas ta’ indikazzjoni, fl-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004, fir-rigward tal-kriterji li l-Kummissjoni għandha tuża sabiex tidentifika “Stat Membru jew [...] diversi Stati Membri” li, skont din id-dispożizzjoni, hija tista’ tinforma u mbagħad tistedinhom jagħmlu talba. Dawn ikunu l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom tkun tista’ tiġi affettwata l-kompetizzjoni? Jekk iva, tista’ l-Kummissjoni tagħżel liberament xi wħud minnhom biss (u fuq liema kriterji?) jew hija meħtieġa tittrattahom ugwalment? Il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni tista’, mad-daqqa ta’ għajn, tidher xi ftit ambigwa f’dan ir-rigward. Jew forsi le. Jista’ jiġi argumentat li l-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa f’dan ir-rigward peress li, inter alia, hija jaf tkun trid tikkunsidra, f’kull każ speċifiku, liema Stati Membri huma prima facie kompetenti sabiex jirrinvijaw konċentrazzjoni u liema le.

    147. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li lanqas l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 139/2004 ma huwa ta’ għajnuna sabiex jiddetermina n-natura u l-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

    148. Finalment, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 “ma jinkludu l-ebda element rilevanti li jista’ jgħin jiċċara iktar il-kontenut tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament” (115). Kif ser nispjega fit-taqsimiet li ġejjin ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena ma naqbilx ma’ din l-aħħar konstatazzjoni.

    149. Fuq il-bażi ta’ diversi elementi ta’ kuntest imsemmija iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-interpretazzjoni kuntestwali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 tikkonferma li talba għal rinviju taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ titressaq indipendentement mill-portata tar-regoli nazzjonali għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Madankollu, kif spjegajt, tali konklużjoni ma ssegwix mill-analiżi kuntestwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali. F’din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali straħet, b’mod ġenerali, fuq tnax-il element ta’ kuntest. Minn dawk it-tnax-il element li ġew eżaminati:

    –        sebgħa huma, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali stess, irrilevanti għall-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004; dawn kienu, fil-fatt, eżaminati prinċipalment sabiex jiċħdu xi argumenti tal-appellanti. Il-Qorti Ġenerali ma qalitx (jew b’xi mod issuġġeriet) li dawn l-elementi jistgħu jikkorroboraw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni; u

    –        wieħed ġie evokat mill-Qorti Ġenerali sabiex tikkorrobora punt li, madankollu, ma kienx ikkontestat u, iktar minn hekk, ma joffri ebda gwida fir-rigward tal-interpretazzjoni kkontestata.

    150. Għaldaqstant, anki jekk wieħed kellu jsegwi kompletament ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, quod non, il-konklużjoni tagħha tkun ibbażata biss fuq erba’ elementi ta’ kuntest. Madankollu, kif ġie spjegat, tlieta minn dawn l-elementi ġew evalwati b’mod żbaljat u wieħed minnhom, għalkemm huwa minnu li jiffavorixxi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, ma jidhirx li huwa partikolarment persważiv.

    151. Barra minn hekk, nikkunsidra l-analiżi kuntestwali li saret fis-sentenza appellata bħala problematika għal żewġ raġunijiet addizzjonali: (i) il-Qorti Ġenerali eskludiet b’mod żbaljat l-importanza ta’ xi elementi ta’ kuntest li – għalkemm ċertament mhux determinanti – għandhom valur indikattiv meta kkunsidrati kif suppost; u (ii) il-Qorti Ġenerali injorat elementi oħra ta’ kuntest li jidhru li jikkontradixxu l-konklużjonijiet tagħhom.

    iii) Illimiti talevalwazzjoni kuntestwali talQorti Ġenerali (III)

    152. Nibda sabiex ngħid li, xi elementi ta’ kuntest li l-Qorti tal-Ġenerali injorat l-importanza tagħhom (116) jiksbu, fil-fehma tiegħi, ċertu valur ermenewtiku meta tittieħed id-debita kunsiderazzjoni ta’ żewġ aspetti li dik il-qorti injorat: il-konnessjoni tagħhom u l-fattur taż-żmien.

    153. Ħalli nispjega. L-elementi li nirreferi għalihom huma dispożizzjonijiet u premessi tar-Regolament Nru 139/2004 li, meta jiġu eżaminati b’mod iżolat, jistgħu jidhru li ma huma ta’ ebda importanza partikolari għall-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Madankollu, fir-realtà, meta wieħed jieħu pass lura u jħares lejn dawn id-dispożizzjonijiet u premessi flimkien, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni meta u għaliex ġew introdotti fir-Regolament, jistgħu fil-fatt joħorġu xi indikazzjonijiet utli.

    154. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, l-appellanti jinvokaw numru ta’ dispożizzjonijiet u premessi tar-Regolament Nru 139/2004 li jidhru li huma bbażati fuq il-premessa li (i) il-konċentrazzjoni suġġetta għar-rinviju taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 hija jew ikkomunikata jew tista’ tiġi kkomunikata fuq livell nazzjonali (117); (ii) fi kwalunkwe każ, din il-konċentrazzjoni trid tiġi eżaminata xi mkien, anki jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tagħmilx dan (118); jew (iii) l-awtoritajiet nazzjonali li jagħmlu r-rinviju għandhom ikunu kompetenti sabiex jeżaminaw il-konċentrazzjoni. Dan l-aħħar punt jixraqlu spjegazzjoni qasira.

    155. Kif issemma qabel, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004 jeħtieġ li l-Kummissjoni “tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u lill-impriżi konċernati dwar kull talba [għal rinviju] li tirċievi” skont il-paragrafu 1. L-istess bħall-Qorti Ġenerali, jiena wkoll intendi li naqra t-termini “awtoritajiet kompetenti” bħala li jirreferu għall-awtoritajiet nazzjonali li jkunu responsabbli mill-konċentrazzjonijiet b’mod ġenerali – għall-kuntrarju ta’ awtoritajiet li għandhom il-kompetenza jeżaminaw il-konċentrazzjoni speċifika taħt id-dritt nazzjonali.

    156. Madankollu, din l-interpretazzjoni titpoġġa f’dubju, kif jissemma fil-punt 131 iktar ’il fuq, bil-premessa 15 tar-Regolament Nru 139/2004 – premessa li tittratta preċiżament il-mekkaniżmu ta’ rinviju inkwistjoni, u b’mod iktar speċifiku l-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex dan il-mekkaniżmu jintuża skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Din il-premessa taqra kif ġej: “Stat Membru għandu jkun jista’ jirreferi lill-Kummissjoni konċentrazzjoni li għalkemm ma għandhiex dimensjoni Komunitarja xorta tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li taffettwa b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tiegħu. Stati Membri oħra li huma wkoll kompetenti sabiex jeżaminaw il-konċentrazzjoni għandhom ikunu jistgħu jingħaqdu mat-talba” (119). Il-formulazzjoni ta’ din il-premessa tissuġġerixxi – kif jargumentaw l-appellanti – li l-Istat Membru li jagħmel ir-rinviju jrid ikollu l-kompetenza, taħt id-dritt nazzjonali, li jeżamina l-konċentrazzjoni inkwistjoni?

    157. Il-Qorti Ġenerali malajr qatgħet l-argumenti tal-appellanti: dawn id-dispożizzjonijiet u premessi ma jistgħux jinqraw bħala li jimplikaw li, sabiex tkun irrinvijata, konċentrazzjoni partikolari trid tkun ikkomunikata jew komunikabbli fl-Istat Membru li jiskatta l-mekkaniżmu (120). Dan biss huwa manifestament korrett. Ftit li xejn għandi bżonn nenfasizza mill-ġdid li l-mekkaniżmu ta’ rinviju tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 jista’ jintuża minn – u kien primarjament maħluq għal – l-Istati Membri li ma għandhomx sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

    158. Madankollu, huwa xi ftit simplistiku li wieħed iwaqqaf hawn l-analiżi legali, kif għamlet il-Qorti Ġenerali. Bl-istess mod, hija sorprendenti kif il-Kummissjoni ma baqgħetx tinsisti fuq il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fl-osservazzjonijiet tagħha, meta wieħed iqis l-importanza kbira li hija tagħti lill-interpretazzjoni testwali fil-kuntest ta’ din il-kawża.

    159. Wieħed ma jistax ma jinnotax, f’dan il-kuntest, li hemm ċerta inkonsistenza fl-argumenti mressqa mill-Kummissjoni kif ukoll fil-motivazzjoni fis-sentenza appellata. It-tnejn li huma huma bbażati ħafna fuq il-formulazzjoni (allegatament ċara) ta’ ċerti dispożizzjonijiet u mbagħad jinjoraw dak li jidher li jsegwi mill-formulazzjoni (allegatament ċara) ta’ dispożizzjonijiet oħra, minħabba s-sempliċi fatt li din tal-aħħar ma tistax tkun irrikonċiljata mal-interpretazzjoni mogħtija lil dik tal-ewwel. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li ċerti indikazzjonijiet mogħtija minn ċerti dispożizzjonijiet jiġu injorati minħabba li dawn l-indikazzjonijiet ma jaqblux mal-konklużjoni provviżorja li wieħed ikun wasal għaliha qabel ma huwiex interpretazzjoni kuntestwali eżawrjenti. Dan jiġi kważi tidwir ta’ raġunament.

    160. Nemmen li interpretu iktar prudenti kien jistaqsi għaliex ċerti dispożizzjonijiet u premessi tar-Regolament Nru 139/2004 ma jkunux ifissru dak li l-formulazzjoni tagħhom tissuġġerixxi. Fil-fehma tiegħi, ir-raġuni wara l-idjosinkrazija ta’ dawn il-premessi u dispożizzjonijiet qiegħda fil-fatt li ebda waħda minnhom ma kienet inkluża fir-Regolament Nru 4064/89 oriġinali fl‑1989. Kollha ġew introdotti wara, meta r-Regolament Nru 4064/89, wara li kien emendat fuq dan il-punt fl‑1997, ġie eventwalment issostitwit bir-Regolament Nru 139/2004.

    161. Peress li dan il-punt diġà ġie ttrattat estensivament, ma għandix bżonn nindirizzah mill-ġdid. Ir-Regolament Nru 139/2004 kien intiż li jiżviluppa l-għan tal-“one-stop-shop” tal-mekkaniżmu ta’ rinviju. Għaldaqstant, peress li dan l-għan jikkonċerna biss il-konċentrazzjonijiet ikkomunikati jew li jistgħu jiġu kkomunikati, huwa pjuttost ovvju li l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u premessi kienet ifformulata fid-dawl ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

    162. Fid-dawl ta’ dan, il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u premessi tagħmel ħafna sens u hija konsistenti mal-bqija tar-Regolament Nru 139/2004. Konsegwentement, anki dawn l-elementi ta’ kuntest jissuġġerixxu li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 ma kien qatt intiż li jippermetti lill-Istati Membri jirrinvijaw lill-Kummissjoni konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-limiti nazzjonali. Kieku kien mod ieħor, probabbilment kienu jkunu fformulati b’mod differenti. Billi nuża espressjoni oħra, kieku ngħid allura, fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u premessi, il-Qorti Ġenerali intilfet fid-dettalji u ma ratx dak li huwa verament importanti.

    iv)    Illimiti talevalwazzjoni kuntestwali talQorti Ġenerali (IV)

    163. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali injorat aspetti oħra tal-kuntest ġuridiku li, fil-fehma tiegħi, jidhru wkoll li jikkorroboraw l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 imressqa mill-appellanti.

    164. Fuq dan il-punt nista’ nerġa’ nitkellem fil-qosor. Fil-fatt, diġà għamilt riferiment għal xi ftit minn dawn l-elementi f’partijiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    165. Nibda sabiex ngħid li, il-premessa 15 in fine tgħid li, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni għandu jkollha s-“setgħa li teżamina u tittratta ma’ konċentrazzjoni f’isem Stat Membru li jkun għamel talba jew f’isem Stati Membri li jkunu għamlu talba” (121). Il-formulazzjoni ta’ din il-premessa hija diffiċli li tiġi rrikonċiljata ma’ dispożizzjoni li – skont il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali – tagħti l-kompetenza lill-Kummissjoni sabiex teżamina ċerti konċentrazzjonijiet li jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-suq intern. Jekk il-problema qiegħda fis-suq intern, għaliex il-Kummissjoni taġixxi fl-interess ta’, flok jew f’isem (122) awtorità nazzjonali, a fortiori waħda li ma għandhiex kompetenza teżamina l-konċentrazzjoni inkwistjoni?

    166. Id-dubji tiegħi fuq dan il-punt jiżdiedu minħabba l-formulazzjoni tal-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 4064/89 oriġinali, li jaqra li: “[s]kond il-paragrafu 3 il-Kummissjoni għandha tieħu biss il-miżuri meħtieġa biex tinżamm jew tinġieb lura l-kompetizzjoni effettiva fit-territorju tal-Istat Membru li jkun talab l-intervent tagħha” (123). Il-limitu espress impost fuq is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi (124) juri, fil-fehma tiegħi inekwivokament, li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 ma kienx intiż li jkollu l-funzjoni korrettiva wiesgħa li tagħtu l-Qorti Ġenerali.

    167. Huwa wkoll interessanti li wieħed jinnota li, fis-sentenza appellata, ma jsir ebda riferiment għall-Artikolu 1(4) u (5) tar-Regolament Nru 139/2004, li jipprovdi għal proċedura ssimplifikata (125) li tippermetti lill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, li “jirrevedi l-limiti u l-kriterji” li, taħt din id-dispożizzjoni, jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 (126). Huwa importanti li jiġi nnotat li din id-dispożizzjoni tirreferi mhux biss għal-“limiti” (mifhuma bħala limiti tad-dħul mill-bejgħ) imma wkoll għall-“kriterji”. Dan ifisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’, jekk jidhirlu neċessarju, jiddeċiedi li jissostitwixxi jew jintegra l-limiti ta’ dħul mill-bejgħ ma’ kriterji bbażati fuq tipi oħra ta’ ċifri (pereżempju, il-prezz imħallas mix-xerrej, il-valur tat-tranżazzjoni, l-ishma mis-suq, is-sehem mill-provvista, il-valur tal-assi lokali li għandhom jiġu ttrasferiti, l-impatt potenzjali fuq is-swieq rilevanti, eċċ.). Għaldaqstant, hemm mekkaniżmu korrettiv sistemiku mibni fir-Regolament Nru 139/2004 li jippermetti l-aġġustament rapidu tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jekk il-kriterji ġurisdizzjonali użati, minħabba l-iżviluppi fis-suq, ma jibqgħux xierqa sabiex jolqtu konċentrazzjonijiet li potenzjalment huma ta’ ħsara.

    168. Jiena naqbel mal-Kummissjoni li, meħud waħdu, il-valur ermenewtiku ta’ dan l-element ma għandux jiġi enfasizzat iżżejjed. Madankollu, huwa minnu li jqajjem mistoqsijiet dwar il-bżonn li, fir-Regolament, ikun hemm mekkaniżmu korrettiv ad hoc bħalma huwa dak ikkontemplat mill-Qorti Ġenerali. B’żieda ma’ dan, dan l-element ta’ kuntest isir ħafna iktar rilevanti għall-interpretu meta eżaminat minn angolu differenti.

    169. Għandu jitfakkar li fir-Regolament Nru 4064/89 oriġinali kien hemm diġà dispożizzjoni simili għall-Artikolu 1(4) u (5) tar-Regolament Nru 139/2004 u, f’dan l-aħħar regolament, il-konnessjoni bejn il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-limiti u l-mekkaniżmu ta’ rinviju kienet diretta u espliċita. B’mod interessanti, il-mekkaniżmu ta’ rinviju stabbilit fl-Artikolu 22(3) sa (5) tar-Regolament Nru 4064/89 kien inizjalment maħluq bħala wieħed temporanju. Fil-fatt, l-Artikolu 22(6) tar-Regolament Nru 4064/89 kien jipprovdi li “[i]l-paragrafi 3 sa 5 għandhom jibqgħu japplikaw sakemm l-għetiebi [il-limiti] msemmija fl-Artikoli 1(2) jkunu ġew riveduti”. Dan ifisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl‑1989, ikkunsidra li l-mekkaniżmu ta’ rinviju kien intiż li ma jibqax jintuża malli l-esperjenza “fil-prattika” tkun ippermettiet li jsiru l-aġġustamenti xierqa lil-limiti tad-dħul mill-bejgħ (127). Ovvjament, tali kunsiderazzjoni kienet tkun kompletament bla sens kieku l-mekkaniżmu ta’ rinviju kien intiż, kif targumenta l-Kummissjoni, sabiex jolqot ukoll konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-limiti nazzjonali: l-utilità tiegħu ma tkun affettwata assolutament b’ebda tibdil fil-limiti tar-Regolament Nru 4064/89. A fortiori, kieku l-mekkaniżmu ta’ rinviju kien intiż bħala li jolqot konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-limiti nazzjonali, għaliex huwa temporanju?

    170. Il-konklużjoni intermedjarja tiegħi hija li, b’mod ġenerali, l-interpretazzjoni kuntestwali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 tikkorrobora wkoll il-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tat-tifsira u tal-portata tal-mekkaniżmu ta’ rinviju inkwistjoni. Fil-fatt, għalkemm hemm elementi li jmorru lejn iż-żewġ direzzjonijiet, dawk immirati lejn portata iktar dejqa ta’ din id-dispożizzjoni huma ħafna iktar numerużi u iktar rilevanti minn dawk immirati lejn portata tagħha li tkun iktar wiesgħa.

    4)      Interpretazzjoni teleoloġika talewwel subparagrafu talArtikolu 22(1) tarRegolament Nru 139/2004

    171. Imbagħad, fil-punti 140 sa 151 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni teleoloġika tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004, fejn iffokat prinċipalment fuq il-formulazzjoni tal-preambolu. B’mod partikolari, hija enfasizzat li, kif jirriżulta mill-premessi 5, 6, 8, 24 u 25 ta’ dan ir-regolament, l-għan tiegħu huwa “li jippermetti l-kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni”. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, fil-premessa 11, il-mekkaniżmi ta’ rinviju huma indikati bħala “mekkaniżm[i] korrettiv[i]”, li jindika li huma joħolqu “kompetenza sussidjarja tal-Kummissjoni li tagħtiha l-flessibbiltà neċessarja sabiex tilħaq l-għan ta’ dak ir-regolament”. Fuq din il-bażi, ġie konkluż li “l-interpretazzjoni teleoloġika tikkonferma li talba għal rinviju skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tista’ tiġi ppreżentata indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet”.

    172. Jiena jkolli għal darba oħra ma naqbilx mal-Qorti Ġenerali. Biex nispjega għaliex, ser nipprova nittratta żewġ kwistjonijiet li, f’dan il-kuntest, jitfgħu dawl fuq it-tifsira u l-portata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. L-ewwel, x’inhuma l-għanijiet speċifiċi ta’ din id-dispożizzjoni? It-tieni, l-għan għall-mili tal-lakuni mfittex minn din id-dispożizzjoni huwa konsistenti mal-għan ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004?

    i)      Illimiti talevalwazzjoni teleoloġika talQorti Ġenerali (I)

    173. Ir-risposta għall-ewwel domanda, f’dan il-punt tal-analiżi tiegħi, hija parzjalment ċara. Fil-fatt, kemm l-evalwazzjoni storika kif ukoll dik kuntestwali tar-Regolament Nru 139/2004 żvelaw żewġ għanijiet li huma bla dubju imfittxija mill-mekkaniżmu ta’ rinviju stabbilit fl-Artikolu 22 tiegħu. L-ewwel għan, li nibbet l-inklużjoni tal-mekkaniżmu ta’ rinviju fir-Regolament Nru 4064/89 oriġinali (il-“klawżola Olandiża”), kien li jippermetti l-eżami tal-konċentrazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni lokalment, meta l-Istat Membru inkwistjoni ma għandu ebda sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. It-tieni għan, introdott bir-riforma tar-Regolament Nru 4064/89 fl‑1997 u mbagħad imsaħħaħ bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, huwa l-għan tal-“one-stop-shop”: li jippermetti l-eżami mill-Kummissjoni ta’ konċentrazzjoni kkomunikata jew li tista’ tkun ikkomunikata f’diversi Stati Membri, sabiex ikunu evitati talbiet nazzjonali multipli.

    174. L-ewwel għan ma jirriżultax b’mod ovvju fil-formulazzjoni tal-preambolu tar-Regolament Nru 4064/89 oriġinali. Madankollu, il-fatt li l-mekkaniżmu ta’ rinviju kien introdott inizjalment sabiex jilħaq dan l-għan ġie aċċertat mill-Qorti Ġenerali u huwa paċifiku bejn il-partijiet. Fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ riferiment għal dan l-għan fil-preambolu tar-Regolament Nru 4064/89 ma hijiex sorpriża peress li, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, il-portata u s-sinjifikat tiegħu kien oriġinarjament intiż bħala li huwa limitat ħafna. Fil-fatt, inizjalment, kien intiż biss sabiex japplika temporanjament, jiġifieri, sakemm il-limiti tad-dħul mill-bejgħ kienu aġġustati, u eċċezzjonalment, minħabba l-portata limitata tiegħu, kif iddikjara espressament il-Kummissarju tal-Kompetizzjoni ta’ dak iż-żmien (128).

    175. Għall-kuntrarju, hemm riferiment espress (u b’mod enfatiku) għat-tieni għan fil-preambolu kemm tar-Regolament tal‑1997 kif ukoll tar-Regolament Nru 139/2004 (129). Dan ukoll huwa sorprendenti, fid-dawl tal-importanza tat-tibdil magħmul lill-mekkaniżmu ta’ rinviju inkwistjoni.

    176. Indur issa fuq id-domanda dwar jekk it-tielet għan allegatament imfittex mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 – dak li jimla l-lakuni, u b’hekk jippermetti l-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-limiti kemm tal-Unjoni kif ukoll dawk nazzjonali – jistax jiġi identifikat. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dan l-għan jinsab ikkonfermat fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 139/2004, li tgħid li “[i]r-regoli li jirregolaw ir-referenza ta’ konċentrazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għandhom joperaw b'mod li joħolqu mekkaniżmu korrettiv u effettiv”.

    177. F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali fehmet ħażin din il-premessa. L-espressjoni “mekkaniżmu korrettiv” ma għandhiex tinqara b’mod iżolat imma għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest proprju tagħha.

    178. L-ewwel, x’inhu s-suġġett tal-premessa 11? Il-kuntest tagħha huwa importanti. Il-premessa 8 tiċċara l-prinċipji bażiċi li jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-ANK. Il-premessi 9 u 10 jikkonċernaw il-limiti tad-dħul mill-bejgħ taħt ir-Regolament Nru 139/2004 sabiex il-konċentrazzjonijiet jitqiesu ta’ “dimensjoni Komunitarja”. Min-naħa tagħha, il-premessa 12 tikkonċerna l-konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti tad-dħul mill-bejgħ tar-Regolament Nru 139/2004 imma, “jikkwalifkaw għal eżaminazzjoni taħt numru ta’ sistemi nazzjonali li jikkontrollaw għaqdiet bejn impriżi”. Għal dak li jirrigwarda lil dawn tal-aħħar, il-premessa 12 tinnota li “[j]ekk isiru diver[s]i notifki dwar l-istess transazzjoni tiżdied l-inċertezza legali, u jiżdiedu wkoll l-isforz u l-ispejjeż għall-impriżi. Dan jista’ jwassal ukoll għal stimi [evalwazzjonijiet] li ma jaqblux bejniethom”, u għal din ir-raġuni tikkonkludi li “[i]s-sistemà li permezz tagħha konċentrazzjonijiet jistgħu jkunu mgħarrfa lil-Kummissjoni mill-Istati Membri konċernati għandha tkun żviluppata aktar”. Il-premessi 13 sa 16 jirrigwardaw imbagħad il-kooperazzjoni li għandha tiġi stabbilita bejn il-Kummissjoni u l-ANK għal dan il-għan, u juru l-funzjonament tad-diversi mekkaniżmi ta’ rinviju.

    179. Fil-fehma tiegħi, il-kuntest ta’ hawn fuq jissuġġerixxi li l-premessa 11 tirreferi għal mekkaniżmu li għandu funzjoni korrettiva f’termini ta’ allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-ANK. Din il-premessa ma hijiex ikkonċernata, kif qalet il-Qorti Ġenerali, mal-ħolqien ta’ “kompetenza sussidjarja tal-Kummissjoni li tagħtiha l-flessibbiltà neċessarja sabiex tilħaq l-għan ta’ dak ir-regolament” (130).

    180. Din il-kunsiderazzjoni preċedenti ssib konfort addizzjonali, l-ewwel, fil-fatt li din il-premessa ma kinitx fir-Regolament Nru 4064/89 oriġinali, imma kienet introdotta biss fir-Regolament Nru 139/2004. Fil-fatt, l-utilità tal-mekkaniżmu ta’ rinviju fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ każijiet bejn awtoritajiet differenti, kollha kemm huma kompetenti sabiex jeżaminaw konċentrazzjoni partikolari, twieldet biss fl‑1997 u qabel ma kisbet importanza ikbar fl‑2004.

    181. Fil-fatt, il-punt 94 tal-Green Paper tal‑2001 jikkonferma li: dan jgħid, “sabiex l-Artikolu 22(3) ikun operazzjonali bħala mekkaniżmu korrettiv applikabbli b’mod ġenerali għall-problema tat-talbiet multipli, is-sistema x’aktarx li tkun trid emenda mhux biss tar-Regolament dwar l-Għaqdiet” (131). Dan il-punt jippermetti li jinstiltu żewġ konklużjonijiet. L-ewwel, li t-terminu “mekkaniżmu korrettiv” fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 139/2004 jirreferi għall-problema individwali tat-talbiet multipli, u mhux għall-kwistjoni iktar wiesgħa tad-defiċjenzi kollha inerenti għas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet ibbażata fuq il-limiti. Barra minn hekk, il-kwistjoni tat-talbiet multipli tqum biss minħabba li l-konċentrazzjonijiet jistgħu jkunu suġġetti għal diversi sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet u mhux minħabba li huma ma jaqgħux taħt tali sistemi. It-tieni, il-fatt li l-Artikolu 22 jiġi invokat bħala rimedju għall-problema tat-talbiet multipli huwa xi ħaġa li jeħtieġ diskussjoni u emenda leġiżlattiva u għaldaqstant ma kienx l-għan inizjali ta’ dan l-artikolu. Minn dan isegwi li l-fatt li l-Artikolu 22 jiġi invokat sabiex jirrimedja problemi oħra iktar wiesgħa jkun jeħtieġ ukoll diskussjoni u emendi.

    182. Meta l-premessa 11 tinqara fit-totalità tagħha, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jiġu kkonfermati ulterjorment. Din il-premessa tgħid: “[i]r-regoli li jirregolaw ir-referenza [rinviju] ta’ konċentrazzjonijiet […] għandhom joperaw b’mod li joħolqu mekkaniżmu korrettiv u effettiv u dan fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà; dawn ir-regoli jipproteġu l-interessi ta’ l-Istati Membri fil-kompetizzjoni b’mod adegwat u jirrispettaw iċ-ċertezza legali u l-prinċipju tal-‘one-stop shop’”. Jiena niddeduċi żewġ inferenzi minn dan il-paragrafu. L-ewwel, ir-riferiment għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-protezzjoni adegwata tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jikkonferma portata limitata għall-mekkaniżmu ta’ rinviju: huwa intiż biss sabiex jirrimedja s-sitwazzjonijiet fejn il-kompetizzjoni hija affettwata lokalment. It-tieni, ir-riferiment għaċ-ċertezza legali u għall-prinċipju tal-“one-stop shop” jissuġġerixxi wkoll li l-mekkaniżmi ta’ rinviju huma intiżi li jissostitwixxu diversi proċeduri nazzjonali bi proċedura ċċentralizzata waħda, li tippreżumi li l-konċentrazzjonijiet inkwistjoni jilħqu l-limiti nazzjonali.

    183. Għaldaqstant, nibqa’ mhux konvint mill-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat lill-premessa 11 tar-Regolament Nru 139/2004. Lanqas ma jiena konvint mill-fatt li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-premessi 6 u 24 tar-Regolament Nru 139/2004, inkwantu dawn jirreferu għall-kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha.

    184. Għal darba oħra, meta dawn il-premessi jinqraw fit-totalità tagħhom u fil-kuntest proprju tagħhom, jidher pjuttost ċar li t-terminu “kollha” ma jfissirx li kull konċentrazzjoni li sseħħ fid-dinja, sakemm tkun ta’ xi tħassib dwar il-kompetizzjoni f’xi Stat Membru, għandha tkun suġġetta għall-kontroll “effettiv” taħt ir-Regolament Nru 139/2004. Il-premessa 6 tipprovdi: “[g]ħaldaqstant, hemm il-bżonn ta’ strument legali speċifiku li jippermetti li jsir kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skond l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fil-Komunità. Dan l-istrument għandu jkun l-uniku strument li japplika għal dawn il-konċentrazzjonijiet”. B’mod simili, il-premessa 24 tipprovdi: “[d]an ir-Regolament għandu jippermetti kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha mill-aspett ta’ l-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità”.

    185. Diversi elementi testwali f’dawn il-premessi jikkontradixxu b’mod ċar l-implikazzjonijiet li dawn huma kkonċernati bil-mekkaniżmu ta’ rinviju inkwistjoni. L-ewwel, mhux il-“konċentrazzjonijiet kollha” jistgħu jkunu kkontrollati taħt ir-Regolament Nru 139/2004: jekk il-limiti stabbiliti mir-Regolament ma jintlaħqux, il-konċentrazzjoni normalment tiġi eżaminata minn awtoritajiet tal-kompetizzjoni oħrajn (tal-Istati Membri tal-Unjoni u/jew ta’ terzi Stati). It-tieni, għal dak li jirrigwarda dawk il-konċentrazzjonijiet li – jekk wieħed kellu jsegwi t-teorija tal-Kummissjoni – jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 “mill-bieb ta’ wara” (jiġifieri, dawk li fir-rigward tagħhom, bħala prinċipju, la l-Kummissjoni u lanqas l-ANK rilevanti ma huma kompetenti), ma jistax jingħad li r-Regolament Nru 139/2004 ikun “l-uniku strument li japplika għal dawn il-konċentrazzjonijiet”; fil-fatt, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti proċeduri paralleli quddiem il-Kummissjoni (meta din issirilha talba minn ANK waħda jew iktar) u quddiem ANK waħda jew iktar (dawk li ma jingħaqdux mat-talba għal rinviju). It-tielet, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni ma teżaminax konċentrazzjonijiet “mill-aspett ta’ l-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità”, kif jgħidu l-premessi 6 u 24 (132), iżda biss fit-territorji tal-Istati Membri li jagħmlu r-rinviju (l-Artikolu 22(1) u (5) tar-Regolament Nru 139/2004). Fil-fatt, il-qrati tal-Unjoni konsistentement interpretaw it-terminu “konċentrazzjonijiet kollha” li jinsab fil-preambolu tar-Regolament Nru 139/2004 bħala li jirreferi għal dawk “b’dimensjoni Komunitarja” (133).

    186. Jekk dan huwa l-każ, madankollu, tqum mistoqsija waħda: għal xiex jirreferi t-terminu “kollha” fil-kuntest ta’ dawn il-premessi? Ir-risposta qiegħda fil-formulazzjoni ta’ dawn il-premessi, u hija kkonfermata mill-istorja u mill-iskop tagħhom. L-espressjonijiet użati f’dawn il-premessi jistgħu jiġu rrintraċċati lura għas-seba’ premessa tar-Regolament Nru 4064/89 oriġinali (134), u huma intiżi li jagħmluha assolutament ċara li, taħt ir-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet, il-konċentrazzjonijiet kollha jiġu evalwati “mill-aspett ta’ l-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni”. Din il-kjarifika, li nammetti li tista’ tidher ovvja u għaldaqstant mhux meħtieġa llum, ma kienet żejda xejn dak iż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89. Fil-fatt, raġuni oħra li waqqfet, għal diversi snin, in-negozjati fi ħdan il-Kunsill kienet id-differenza ċara bejn il-pożizzjonijiet ta’ diversi Stati Membri dwar il-kriterji li l-Kummissjoni kienet ser tuża meta tiddeċiedi jekk tapprovax konċentrazzjoni jew le. Filwaqt li l-Kummissjoni u diversi Stati Membri ffavorixxew analiżi purament antitrust, ċerti Stat Membri opponew din l-idea, u ħadu l-pożizzjoni li l-konċentrazzjonijiet għandhom ikunu evalwati fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet oħra, u b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ politika industrijali. Eventwalment, rebħet l-ewwel pożizzjoni u l-kompromess kien li, fir-Regolament, tiġi inkluża dik l-imsejħa klawżola Ġermaniża (dak iż-żmien l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 4064/89, illum l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004) li tat xi setgħat residwali ta’ intervent lill-Istati Membri (135). Il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni tidher li tikkonferma l-interpretazzjoni tiegħi ta’ din il-premessa (136).

    187. Għaldaqstant, il-fatt li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-premessi 6, 11 u 24 f’dan il-kuntest huwa, fil-fehma tiegħi, żbaljat. Minn qari iktar mill-qrib, ma hemm ebda riferiment mill-preambolu ta’ ebda waħda mit-tliet regolamenti dwar il-konċentrazzjonijiet, jew inferenza fihom, ta’ xi funzjoni mogħtija lill-Artikolu 22 sabiex jimla l-lakuni. Is-silenzju fuq dan il-punt huwa pjuttost indikattiv, fid-dawl tal-impatt potenzjalment straordinarju li tali dispożizzjoni jkollha fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet li (i) “[t]istrieħ fuq il-prinċipju ta’ separazzjoni preċiża ta’ kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u [l-Kummissjoni] (137), u (ii) il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa “limitat b’limiti kwantitattivi” (138).

    188. B’dan premess, kwistjoni oħra f’dan il-kuntest hija dwar jekk l-għan tal-mili tal-lakuni attribwit lilha mill-Qorti Ġenerali jkunx konsistenti mal-għanijiet ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004.

    ii)    Illimiti talevalwazzjoni teleoloġika talQorti Ġenerali (II)

    189. Fil-punt 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-preambolu tar-Regolament Nru 139/2004 u waslet għall-konklużjoni li l-għan tal-mili tal-lakuni attribwit lill-mekkaniżmu ta’ rinviju inkwistjoni kien konsistenti mal-“għan ta’ dan ir-regolament [li] huwa li jippermetti l-kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni” (139).

    190. F’din l-analiżi nsib żewġ problemi prinċipali: il-Qorti Ġenerali injorat xi elementi ċentrali tal-preambolu u interpretat b’mod żbaljat ċerti premessi.

    191. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali enfasizzat ripetutament l-għan tar-Regolament Nru 139/2004 li jiżgura kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet, sa tasal sabiex tirreferi għalih bħala “l-għan”, jiġifieri, l-uniku wieħed.

    192. Ma jista’ jkun hemm ebda dubju, fil-fehma tiegħi, li l-għan li jiġi żgurat kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet huwa preċiżament ir-raison d’être tar-Regolament u l-importanza tiegħu hija, daqstant, enfasizzata fil-preambolu tar-Regolament Nru 139/2004. Madankollu, dan ma jistax ikun l-uniku għan, jew impoġġija b’mod differenti, dan l-għan ma jeżistix f’vakwu. Fil-fatt, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004 jirreferi għal “konċentrazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu stmati skond l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament” (140).

    193. Fil-fatt, it-tiftix tal-għan li jiġi permess il-kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet imur id f’id mat-tiftix ta’ għanijiet oħra, li xi wħud minnhom huma partikolarment rilevanti f’dan il-każ. L-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet, li huwa r-riżultat ta’ diskussjonijiet twal u (nazzarda ngħid) jaħarqu li finalment wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, wara kważi 20 sena ta’ negozjati fil-Kunsill, huwa li tiġi stabbilita sistema fejn il-ġurisdizzjoni tkun kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-ANK (141). It-tieni għan huwa li, fil-livell tal-Unjoni, tinbena sistema effiċjenti bbażata fuq il-prinċipju “one-stop-shop”: il-Kummissjoni għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex teżamina l-konċentrazzjonijiet ikkomunikati taħt ir-Regolament Nru 139/2004, li ma jeħtieġu ebda talba oħra fil-livell tal-Istat Membru, u l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux għadhom jistgħu japplikaw il-liġijiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għal dawn it-tranżazzjonijiet (142). It-tielet għan huwa li tiġi stabbilita sistema effiċjenti u prevedibbli li tkun kapaċi toffri ċ-ċertezza legali lill-impriżi kkonċernati (143). Il-Qorti Ġenerali stess tagħmel riferiment, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, għall-“għanijiet fundamentali ta’ effettività u ħeffa li fuqhom huwa bbażat [ir-Regolament Nru 139/2004]”, u l-intenzjoni tal-leġiżlatur “li jiddistingwi b’mod ċar bejn l-interventi tal-awtoritajiet nazzjonali u dawk tal-Unjoni”.

    194. Filwaqt li l-ewwel żewġ għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti huma, għal raġunijiet ovvji, karatteristiċi speċifiċi tas-sistema tal-Unjoni għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, it-tielet wieħed ma huwiex. Fil-fatt, kull sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet li teżisti fuq livell globali tfittex li tilħaq bilanċ bejn l-eżami effettiv tal-kompetizzjoni u li jiġu evitati spejjeż u dewmien żejjed kemm għall-partijiet li jingħaqdu kif ukoll għall-amministrazzjoni pubblika stess (144). Sabiex jiżguraw dan il-bilanċ, ir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet normalment ikunu bbażati fuq limiti li jiffiltraw it-tranżazzjonijiet li għandhom ikunu eżaminati, u jimponu fuq l-awtoritajiet termini speċifiċi sabiex iwettqu l-evalwazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, huwa impossibbli li wieħed jenfasizza wisq l-importanza li għandhom il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali, speċjalment għall-partijiet li jingħaqdu. Impriżi li potenzjalment huma suġġetti għall-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ sospensjoni għandhom ikunu jafu, b’livell relattivament għoli ta’ kunfidenza, jekk it-tranżazzjoni proposta tagħhom tkunx ser tkun suġġetta għal eżami antitrust u minn liema awtoritajiet, u meta tista’ tkun mistennija tweġiba definittiva (145).

    195. Dan huwa minnu, kif issemma, fuq livell globali. Madankollu, dan huwa minnu terġa’ iktar għal konċentrazzjonijiet li jistgħu jiġu eżaminati fl-Unjoni. Mhux biss minħabba li, fl-Unjoni, jeżistu flimkien diversi awtoritajiet ta’ nfurzar (il-Kummissjoni u l-ANK) – b’dak kollu li jinvolvi f’termini ta’ kumplessità – imma wkoll minħabba li, għall-kuntrarju tal-parti l-kbira tal-iskemi ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet fid-dinja, ir-Regolament Nru 139/2004 jimponi fuq il-partijiet li jingħaqdu projbizzjoni dinjija kontra l-konklużjoni tat-tranżazzjoni. Dan ifisser li l-implimentazzjoni ta’ tranżazzjoni kkomunikata għandha, bħala prinċipju, tkun sospiża fit-totalità tagħha sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni finali. Il-partijiet li jingħaqdu ma jistgħux, bħala konsegwenza, jgħaġġlu dik l-implimentazzjoni billi, pereżempju, iżommu ċerti assi, entitajiet jew negozji lokali separati sakemm tingħata l-approvazzjoni pendenti. L-ispejjeż u r-riskji imposti fuq il-partijiet li jingħaqdu huma, konsegwentement, ħafna iktar sinjifikattivi, u dawn l-impriżi jridu jkunu għaldaqstant f’pożizzjoni li jieħdu l-prekawzjonijiet xierqa f’dan ir-rigward.

    196. Għal dan il-għan, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 139/2004 “jinkludi wkoll dispożizzjonijiet bl-għan li jillimitaw, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u fl-interess ta’ l-impriżi kkonċernati, id-dewmien tal-proċeduri ta’ verifika ta’ konċentrazzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-Kummissjoni”. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni “xtaq jassigura kontroll tal-konċentrazzjonijiet f’termini kompatibbli kemm mal-ħtiġijiet ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll mal-ħtiġijiet tad-dinja kummerċjali” (146).

    197. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, naqbel li l-għan li tkun żgurata l-effettività tas-sistema (mifhuma bħala l-kapaċità li jinqabdu konċentrazzjonijiet potenzjalment dannużi) huwa l-għan primarju tar-Regolament Nru 139/2004. Madankollu, din l-effettività ma tistax tintlaħaq għad-detriment li ma jintlaħqux b’mod sodisfaċenti għanijiet oħra tar-Regolament. Għaldaqstant, ir-referenzi għall-“effettività” fil-preambolu ma jistgħux iwasslu lill-interpretu sabiex jimmassimizza l-portata u l-iskop tar-Regolament Nru 139/2004 sal-punt li l-firxa tagħhom tmur lil’hinn mill-intenzjonijiet ċari tal-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod li jfixklu l-bilanċ maħsub sew li kien ikkontemplat bejn id-diversi għanijiet.

    198. F’dan l-isfond, l-għan tal-mili tal-lakuni li għandu l-Artikolu 22 kif imressaq mill-Kummissjoni u milqugħ mill-Qorti Ġenerali huwa konsistenti mal-għanijiet l-oħra deskritti iktar ’il fuq, u l-bilanċ milħuq bejniethom? Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba għal tali mistoqsija hija manifestament “le”. Jidhirli li l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 adottata mill-Qorti Ġenerali tistona mat-tliet għanijiet imsemmija fil-punt 193 iktar ’il fuq, u tista’ tfixkel il-bilanċ bejniethom li ried jilħaq il-leġiżlatur tal-Unjoni.

    199. L-ewwel, it-“tgħaqqid tal-kompetenza” li jsegwi mill-interpretazzjoni li tat il-Qorti Ġenerali lill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 – Kummissjoni (konċentrazzjonijiet kbar)/ANK (konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti tar-Regolament Nru 139/2004 iżda li jkunu ogħla mil-limiti nazzjonali)/Kummissjoni (konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti nazzjonali) – ma tantx jidher li huwa konsistenti ma’ sistema li, kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja, “[t]istrieħ fuq il-prinċipju ta’ separazzjoni preċiża ta’ kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll u dawk [tal-Unjoni]” (147).

    200. Din l-interpretazzjoni tidher li tistona wkoll meta meħuda fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, prinċipju li jissemma f’mhux inqas minn erba’ premessi tar-Regolament Nru 139/2004 (148). Dan huwa regolament li – fi kliem il-Kummissarju tal-Kompetizzjoni ta’ dak iż-żmien – kien jirrappreżenta “eżempju eċċellenti ta’ kif [dan il-prinċipju] jista’ jitħaddem fil-prattika” [traduzzjoni libera] (149). Is-sussidjarjetà huwa prinċipju li, fi ftit kliem, għandu prinċipalment effett ’l isfel: f’qasam ta’ kompetenza kondiviża, itendi li jimbotta l-kompetenza għal azzjoni speċifika ’l isfel lejn l-Istati Membri (150). Naturalment, f’xi ċirkustanzi dan il-prinċipju jista’ jkollu effett ’il fuq: jimbotta l-kompetenza ’l fuq lejn l-Unjoni meta xi azzjoni partikolari, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħha, tkun tidher li hija iktar effettiva jekk tittieħed fil-livell tal-Unjoni. Madankollu, wieħed jistaqsi jekk sitwazzjoni fejn il-kompetenza sabiex issir xi ħaġa (hawnhekk, li tiġi eżaminata konċentrazzjoni) tingħata lil xi istituzzjoni tal-Unjoni (hawnhekk, il-Kummissjoni), għar-raġuni preċiża li Stat Membru kkunsidra l-iskala jew l-effetti ta’ sitwazzjonijiet bħalma huma dawk inkwistjoni bħala li ma humiex sinjifikattivi biżżejjed sabiex jitolbu azzjoni f’livell nazzjonali, tkunx kontra l-loġika tas-sussidjarjetà.

    201. It-tieni, huwa paċifiku bejn il-partijiet li waħda mill-konsegwenzi li toħroġ mill-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 adottata mill-Qorti Ġenerali hija li l-impriżi li jixtiequ jkollhom iċ-ċertezza li konċentrazzjoni proposta ma tkunx tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni wara li tiġi ffinalizzata, minkejja li l-konċentrazzjoni ma tkunx komunikabbli mkien fl-Unjoni u ma tkunx suġġetta għal ebda obbligu ta’ sospensjoni, ikollhom: (i) jissospendu l-implimentazzjoni temporanjament; u (ii) iġibu l-konċentrazzjoni għall-attenzjoni ta’ (potenzjalment) l-Istati kollha tal-Unjoni u taż-ŻEE/EFTA (għal total ta’ 30 awtorità nazzjonali differenti) sabiex jiskatta l-perijodu ta’ 15‑il jum tax-xogħol ipprovdut fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

    202. F’dan il-kuntest, jidher importanti li jiżdied li, skont il-Kumissjoni, il-komunikazzjoni li l-partijiet li jingħaqdu jgħaddu lill-awtoritajiet nazzjonali inkwistjoni għandu jkollha d-data u l-informazzjoni kollha meħtieġa minn dawn l-awtoritajiet sabiex jiddeterminaw jekk iż-żewġ kundizzjonijiet sostantivi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 – li l-konċentrazzjoni taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li taffettwa l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni – humiex issodisfatti. Madankollu, huwa ċar f’għajnejja li l-evalwazzjoni tajba ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex eżerċizzju faċli, aħseb u ara jekk din issir fi żmien 15‑il jum biss. Għaldaqstant, x’aktarx li l-komunikazzjonijiet informali indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali, f’ħafna każijiet, ikunu jridu jkunu pjuttost elaborati u ddettaljati u, għaldaqstant, mhux daqshekk differenti minn dak li normalment ikun meħtieġ li jiġi ppreżentat f’komunikazzjoni formali.

    203. Fil-prattika, dan ifisser li l-impriżi li jidħlu fi tranżazzjoni li, bħala prinċipju, taqa’ barra minn kull sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet fl-Unjoni jistgħu jispiċċaw ikollhom jippreżentaw komunikazzjonijiet informali lill-awtoritajiet nazzjonali kollha sempliċiment sabiex jevitaw l-użu futur tal-mekkaniżmu ta’ rinviju inkwistjoni li, mill-perspettiva tagħhom, jista’ jkollu konsegwenzi drammatiċi.

    204. Iktar minn hekk, jekk ANK waħda li ma għandhiex kompetenza teżamina konċentrazzjoni partikolari tippreżenta talba għal rinviju, u għaldaqstant tiskatta l-mekkaniżmu ta’ rinviju, u ANK waħda jew iktar li, min-naħa l-oħra, għandhom il-kompetenza li jeżaminawha jiddeċiedu li ma jingħaqdux mat-talba, il-mekkaniżmu ta’ rinviju jista’ jkollu l-effett li jimmultiplika l-proċeduri li jkunu għaddejjin b’mod parallel. Fil-fatt, il-proċeduri quddiem l-ANK kompetenti jkunu jeżistu flimkien ma’ proċedura addizzjonali quddiem il-Kummissjoni, li ma kinitx tkun teżisti li kieku ma kienx għall-mekkaniżmu ta’ rinviju.

    205. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti juru li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 tkun twassal għall-introduzzjoni ta’ eċċezzjoni mifruxa ħafna għall-prinċipju tal-one-stop-shop, li ma tantx hija konsistenti ma’ wieħed mill-għanijiet prinċipali tar-Regolament Nru 139/2004, u tkun ukoll tistona mal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta huwa emenda l-Artikolu 22 fl‑1997 u l‑2004.

    206. It-tielet – u dan huwa l-iktar aspett problematiku fil-fehma tiegħi – il-proċedura jew proċeduri li jirriżultaw minn interpretazzjoni wiesgħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 ma tantx ikunu effiċjenti, prevedibbli u kapaċi li jiżguraw iċ-ċertezza legali lill-partijiet.

    207. Qabel kollox, huwa ċar u mhux ikkontestat mill-Kummissjoni li, sakemm il-partijiet li jingħaqdu jieħdu azzjoni pożittiva sabiex jinformaw lit‑30 awtorità nazzjonali dwar l-eżistenza ta’ konċentrazzjoni li ma hijiex komunikabbli, dawn il-partijiet ma jistax ikollhom iċ-ċertezza legali dwar jekk il-Kummissjoni, f’xi mument fil-futur, tintalabx teżamina l-konċentrazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 u, jekk iva, f’liema terminu.

    208. Il-Kummissjoni tirribatti li l-partijiet li jingħaqdu, madankollu, jistgħu jiksbu ċ-ċertezza legali jekk, kif issemma qabel, iġibu l-konċentrazzjoni proposta għall-attenzjoni tat‑30 awtorità nazzjonali permezz ta’ komunikazzjonijiet informali. Dak “jiskatta l-arloġġ” u jekk ma ssir ebda talba għal rinviju fi żmien 15‑il jum tax-xogħol, dawn il-partijiet jistgħu jkunu ċerti li l-konċentrazzjoni ma tkunx ser tiġi eżaminata mill-Unjoni.

    209. Madankollu, m’iniex ċert li tali mod ta’ azzjoni jipprovdi iktar ċertezza legali, jew fi kwalunkwe każ ċertezza adegwata, lil dawk il-partijiet. Il-problema prinċipali hija li din hija proċedura informali li mkien ma tiġi pprovduta fir-Regolament Nru 139/2004 jew, sa fejn naf jien, fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Għaldaqstant, il-konċentrazzjonijiet mhux komunikabbli la huma suġġetti għar-regoli proċedurali nazzjonali u lanqas għal dawk stabbiliti fir-Regolament Nru 139/2004 stess. Huwa minnu li l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jirrendi xi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 139/2004 applikabbli għall-eżami ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet, imma biss wara li l-Kummissjoni tkun aċċettat ir-rinviju. Il-perijodu ta’ qabel dak huwa tip ta’ “żona newtrali” legali li fir-rigward tagħha hemm ftit wisq ċarezza u prevedibbiltà.

    210. Pereżempju, min hu intitolat jiskatta l-proċedura informali? Għandhom ikunu biss il-partijiet li jingħaqdu, jew jistgħu jkunu terzi persuni wkoll (pereżempju kompetituri tal-partijiet li jingħaqdu) li jagħmlu dan? Il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 tissuġġerixxi din l-aħħar għażla. Jekk iva, jistgħu l-ANK jagħmlu rinviju taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta minn terzi persuni u, jekk ikun il-każ, mingħajr ma jisimgħu lill-partijiet li jingħaqdu? Peress li l-awtorità għandha biss 15‑il jum tax-xogħol sabiex tieħu deċiżjoni, ma jistax jiġi eskluż li din tiġi pproċessata b’mod superfiċjali. X’jiġri jekk l-informazzjoni ma hijiex preċiża jew tkun mhux kompluta? Il-konsegwenzi għall-partijiet li jingħaqdu, li joħorġu minn evalwazzjoni żbaljata, min-naħa ta’ awtorità nazzjonali, fir-rigward tar-rekwiżiti sostantivi għal rinviju jistgħu ma jkunux negliġibbli.

    211. Il-Kummissjoni hija tal-fehma, madankollu, li l-perijodu ma jibdiex jiddekorri sakemm l-ANK ikollhom informazzjoni suffiċjenti sabiex iwettqu l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Madankollu, dan ifisser li t-terminu ta’ 15‑il jum tax-xogħol x’aktarx li jsir illużorju peress li jista’ (u x’aktarx) ta’ spiss jittawwal minn xi awtorità waħda jew iktar, permezz ta’ talba għall-informazzjoni waħda jew iktar, u għaldaqstant ma jħalli ebda terminu prevedibbli lill-partijiet li jingħaqdu.

    212. Barra minn hekk, fir-Regolament Nru 139/2004 ma tista’ tinstab ebda indikazzjoni tat-tip u tal-livell ta’ dettall ta’ informazzjoni li l-partijiet li jingħaqdu jistgħu jkunu mistennija jinkludu fil-komunikazzjonijiet informali tagħhom. Ċertament il-partijiet jistgħu jieħdu bħala mudell il-formoli uffiċjali tal-Unjoni (kif emendati reċentament: Formola CO, Formola CO Qasira, Formola RS u Formola RM (151)). Madankollu, anki l-Kummissjoni ma waslitx tant sabiex tissuġġerixxi dan. Dan kien ikun jimplika, ovvjament, li l-proċedura ta’ komunikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 tkun tista’ tapplika, de facto, għall-konċentrazzjonijiet mhux komunikabbli. Minflok, il-Kummissjoni ssuġġeriet waqt is-seduta li l-partijiet jaf ikunu jridu jispiraw ruħhom mill-informazzjoni li, taħt l-Artikolu 14 tal-Att dwar is-Swieq Diġitali (152), l-impriżi ddefiniti bħala gwardjani għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni meta jkunu jridu jwettqu ċerta konċentrazzjonijiet. Madankollu, lil hinn mill-istramberija tal-fatt li jiġi ssuġġerit lill-partijiet li jiggwidaw ruħhom abbażi ta’ strument regolatorju differenti, adottat wara r-Regolament Nru 139/2004 u li japplika biss għal xi setturi speċifiċi tal-ekonomika, m’iniex ċert li l-informazzjoni elenkata f’dan l-istrument hija suffiċjenti għall-iskopijiet tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

    213. Iktar minn hekk, hemm dettall żgħir iżda importanti: f’liema lingwa għandha tiġi kkomunikata l-informazzjoni? Il-Kummissjoni argumentat li kwalunkwe lingwa li normalment jifhimha l-persunal tal-awtorità nazzjonali rilevanti (pereżempju, l-Ingliż) ikun biżżejjed. Diffiċli nara fuq liema bażi l-Kummissjoni tista’ tieħu din il-pożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, niddubita li l-awtoritajiet nazzjonali jaċċettaw li jwettqu analiżi pjuttost kumplessa, f’terminu qasir ħafna, fuq il-bażi ta’ talba (possibbilment b’xi annessi) ifformulata f’lingwa li ma hijiex tagħhom.

    214. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni teleoloġika tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 kif imwettqa mill-Qorti Ġenerali hija żbaljata, peress li hija inkonsistenti ma’ numru ta’ għanijiet li għandha s-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 139/2004 u tista’ taqleb il-bilanċ bejn dawn l-għanijiet ikkontemplati mil-leġiżlatur tal-Unjoni. L-importanza ta’ tali bilanċ ma ġietx injorata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza reċenti tagħha CK Telecoms, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ir-“rekwiżit ta’ ħeffa li jikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-[Regolament Nru 139/2004]” huwa tant sinjifikattiv li anki konċentrazzjoni dannuża titqies approvata, sakemm il-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni fil-perijodu preskritt (153).

    5)      Kunsiderazzjonijiet oħra li jikkonċernaw linterpretazzjoni talewwel subparagrafu talArtikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004

    215. Fl-aħħar nett, ser nispjega fil-qosor għaliex l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 iqajjem, fil-fehma tiegħi, numru ta’ kwistjonijiet sistemiċi meta jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    216. Huwa importanti li jiġi enfasizzat, mill-ewwel, li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dispożizzjoni twassal għal estensjoni sinjifikattiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 u tal-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni (154). F’salt wieħed, b’interpretazzjoni oriġinali tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tikseb is-setgħa li teżamina kważi kwalunkwe konċentrazzjoni, li sseħħ fejn isseħħ fid-dinja, indipendentement mid-dħul mill-bejgħ tal-impriżi u mill-preżenza tagħhom fl-Unjoni u mill-valur tat-tranżazzjoni, u fi kwalunkwe mument, inkluż ħafna wara l-konklużjoni tal-konċentrazzjoni. Dan kollu huwa ċar u mhux ikkontestat. Fil-fatt, meta fis-seduta ġiet mistoqsija domanda speċifika fuq dan il-punt, il-Kummissjoni kkonfermat li, fit-teorija, dan huwa minnu. Madankollu, hija żiedet li, fil-prattika, dan ma jkunx il-każ peress li l-Kummissjoni ma għandhiex interess tuża din is-setgħa b’mod frekwenti u għaldaqstant hija taġixxi b’dixxiplina f’dan ir-rigward. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-konċentrazzjoni inkwistjoni kellha ċerti karatteristiċi speċifiċi, għall-kuntrarju tal-parti l-kbira ħafna tal-konċentrazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinqabdu taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

    217. Madankollu, f’dan il-każ, it-tħassib ma huwiex biss fuq l-applikazzjoni ta’ dik is-setgħa (possibbilment ġdida) ta’ eżami tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba fil-fatt tinterpreta, għall-ewwel darba, it-tifsira u l-portata tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 li għandu l-potenzjal li japplika f’numru indefinit ta’ kawżi. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma tistax ma tqajjimx tħassib f’diversi aspetti.

    218. L-ewwel, niddubita li din il-pożizzjoni tirrifletti l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali, li huwa element karatteristiku tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li joħroġ mill-Artikolu 13(2) TUE, li jimplika essenzjalment li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet l-oħrajn (155).

    219. Wieħed mill-iktar elementi fundamentali tar-Regolament Nru 139/2004 huwa d-definizzjoni tal-limiti li, skont l-Artikolu 1(1) sa (3) tiegħu, jiskattaw l-obbligu ta’ komunikazzjoni. Madankollu, skont l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, il-valur ta’ dawn il-limiti u, indirettament, tal-limiti u tal-kriterji stabbiliti fil-liġijiet nazzjonali jsir relattiv biss. Konċentrazzjoni partikolari tista’ fil-fatt tkun komunikabbli ikun fejn ikun fl-Unjoni, imma dan bl-ebda mod ma jeskludi l-possibbiltà li l-Kummissjoni tista’ tgħid li għandha ġurisdizzjoni teżaminaha skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004.

    220. Bl-ebda mod ma jiena neskludi li, f’dinja li hija dejjem iżjed ibbażata fuq “Ekonomija 2.0”, jista’ jkun mixtieq, u forsi anki meħtieġ, li jinbidlu l-limiti kurrenti għall-eżami tal-konċentrazzjonijiet. F’dan il-kuntest, jista’ jkun interessanti li jiġi nnotat li, reċentement ħafna, żewġ Stati Membri (l-Awstrija u l-Ġermanja) emendaw il-leġiżlazzjoni domestika tagħhom sabiex jinkludu limiti bbażati fuq il-valuri tat-tranżazzjoni. Stati oħra użaw limiti ġurisdizzjonali differenti maħluqin speċifikament sabiex jippermettu l-eżami tal-konċentrazzjonijiet minkejja li l-kumpannija fil-mira ma tkun tiġġenera ebda dħul lokali (bħalma huwa r-Renju Unit, bil-“kriterju tas-sehem mill-provvista”). Dawn l-għażliet u oħrajn naturalment jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bil-għan li jemendaw ir-Regolament Nru 139/2004. Iżda dan huwa xogħol il-leġiżlatur tal-Unjoni, mhux tal-Kummissjoni (156).

    221. It-tieni, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Qorti Ġenerali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 toħloq potenzjal sinjifikattiv għal każijiet fejn jista’ jkun hemm kunflitt mal-prinċipju ta’ territorjalità. Għandu jitfakkar li, sabiex tkun konformi mad-dritt internazzjonali, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tippreżumi rabta adegwata mat-territorju tal-Unjoni (157). B’mod iktar speċifiku, mis-sentenzi Intel u Gencor isegwi li l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għall-aġir tal-impriżi huwa leġittimu, indipendentement minn fejn dan iseħħ, sakemm dan l-aġir għandu effetti prevedibbli, immedjati u sostanzjali fl-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-effetti kklassifikati” (158).

    222. Naqbel ċertament mal-Kummissjoni li r-rekwiżiti sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jistgħu, bħala prinċipju, jiżguraw rabta adegwata mat-territorju tal-Unjoni. Madankollu, għandu jitfakkar li, kif ingħad qabel, il-verifika ta’ dawn ir-rekwiżiti ssir fuq bażi prima facie biss u f’terminu partikolarment qasir (15‑il jum tax-xogħol). Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, l-Unjoni tkun tista’ tgħid li għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina konċentrazzjoni (b’dak kollu li dan jinvolvi, inkluż li tiskatta f’daqqa waħda l-obbligu li jiġi sospiż, fuq bażi dinjija, kull att ta’ implimentazzjoni tagħha) li wara jista’ jirriżulta li ma għandha ebda effett prevedibbli, immedjat u sostanzjali fit-territorju tal-Istat Membru rilevanti.

    223. It-tielet, din is-sitwazzjoni tista’ toħloq kwistjonijiet taħt il-prinċipju tal-korteżija internazzjonali. Jiena naf sew li l-parametri ta’ tali prinċipju u l-implikazzjonijiet legali tiegħu huma pjuttost vagi (159). Madankollu, jidhirli li minn tali prinċipju wieħed jista’ jislet, minn tal-inqas, rekwiżit ġenerali għall-Istati sabiex, qabel ma jsostnu li għandhom ġurisdizzjoni f’każijiet b’element barrani sinjifikattiv u b’konnessjoni domestika pjuttost dgħajfa, jikkunsidraw jekk l-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom ma setax ikollha l-effett li timmina l-applikazzjoni effettiva tal-liġijiet ta’ Stati terzi b’rabta territorjali iktar qawwija ma’ dawk il-każijiet. Tali interpretazzjoni tal-prinċipju tidher konsistenti b’mod ġenerali mas-suġġerimenti ta’ Avukati Ġenerali mgħallma oħra (160), mal-ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni fuq din il-kwistjoni (161), u mal-konstatazzjonijiet ta’ qrati oħra, inkluż f’materji tad-dritt tal-kompetizzjoni (162). F’dan l-isfond, nistaqsi jekk il-fehma tal-Kummissjoni dwar il-ġurisdizzjoni mifruxa ħafna tagħha sabiex teżamina konċentrazzjonijiet taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 hijiex konformi mal-prinċipju ta’ korteżija internazzjonali.

    224. Ir-raba’, l-argument tal-appellanti li l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 adottata mill-Qorti Ġenerali hija kunfliġġenti mal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ proporzjonalità ma jidhirlix li huwa infondat, kif issostni l-Kummissjoni. Fil-fatt, impriżi b’bejgħ limitat jew noneżistenti fl-Unjoni jispiċċaw de facto f’sitwazzjoni li hija konsiderevolment agħar minn dik tal-impriżi b’attivitajiet iktar sinjifikattivi fl-Unjoni.

    225. Dawn tal-aħħar jistgħu jibbenefikaw mis-sistema one-stop-shop stabbilit mir-Regolament Nru 139/2004 jew, b’mod alternattiv, ikollhom jagħmlu biss talba nazzjonali waħda jew iktar f’dawk il-pajjiżi fejn huma jilħqu l-limiti nazzjonali. In-numru ta’ dawn it-talbiet jista’ jiġi kkalkolat bil-quddiem, u l-partijiet li jingħaqdu jkunu konxji mill-awtoritajiet li jkunu ser jeżaminaw il-konċentrazzjoni u mill-mod li bih, u t-terminu li fih, huma jkunu ser jagħmlu dan. Għall-kuntrarju, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, l-impriżi li huma partijiet fil-konċentrazzjonijiet komunikabbli ma għandhom ebda mod kif ibassru l-futur tal-konċentrazzjoni tagħhom sakemm ma jippreżentawx, fiż-ŻEE, mhux inqas minn 30 komunikazzjoni informali; u anki mbagħad, ħafna mill-aspetti tal-proċedura, inkluż id-dewmien tagħhom, jibqgħu inċerti.

    226. Fil-fehma tiegħi, din is-sitwazzjoni tidher problematika taħt il-prinċipju tal-ugwaljanza li jimponi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (163). Jidher li huwa joħloq ukoll piż sproporzjonat, f’termini ta’ spejjeż u ta’ riskji, għall-impriżi li daħlu fi tranżazzjonijiet li, kif sostnejt, għandhom attività pjuttost limitata fl-Unjoni (164).

    227. Il-ħames, il-prinċipju ta’ effettività ma jistax iwassal sabiex il-portata tad-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi estiża lil hinn minn dak li huwa raġonevoli u meħtieġ għall-iskopijiet tar-Regolament Nru 4064/89. Jiena spjegajt il-fehma tiegħi fuq dan is-suġġett fil-punt 197 iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, għandi nżid biss l-aħħar element: m’iniex konvint mill-argument tal-Kummissjoni dwar il-bżonn li timtela l-lakuna f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004.

    228. Kif iddeċidiet konsistentement il-Qorti tal-Ġustizzja – l-iktar reċenti fis-sentenza Towercast (165) – l-Artikoli 101 u 102 TFUE huma applikabbli għal konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti stabbiliti fir-Regolament Nru 139/2004 (inkluż dawn li ma jilħqux il-limiti nazzjonali). Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-ANK jintervjenu, ex post, fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet li jirriżultaw li huma antikompetittivi. Huwa minnu li intervent ex post ta’ spiss ikun it-“tieni l-aħjar”, meta pparagunat ma’ stħarriġ ex ante. Madankollu, kif jirriżulta inekwivokament mix-xogħol preparatorju, id-differenzi bejn dawn iż-żewġ forom ta’ eżami kienu aspett li kien ittieħed debitament inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni matul il-proċess li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jistgħux, għaldaqstant, jippreġudikaw l-għażliet speċifiċi magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

    229. B’żieda ma’ dan, m’iniex konvint mill-argument, imressaq mill-Kummissjoni u minn xi gvernijiet li intervjenew f’dawn il-proċeduri, li l-infurzar taħt l-Artikoli 101 u 102 TFUE jkun ineffettiv u jieħu l-ħin.

    230. Kif ikkonfermat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza European Superleague Company, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti jiġi kkonstatat meta l-aġir għandu “l-effett attwali jew potenzjali, jew anki l-għan, li jipprekludi fi stadju preliminari, permezz tal-istabbiliment ta’ ostakoli għad-dħul jew permezz ta’ miżuri oħra ta’ esklużjoni jew ta’ mezzi oħra differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-mertu, impriżi potenzjalment kompetituri anki jekk sempliċement ikollhom aċċess għal dan is-suq jew dawn is-swieq u, b’dan il-mod, li jimpedixxi l-iżvilupp tal-kompetizzjoni f’dawn is-swieq għad-detriment tal-konsumaturi, billi jillimita l-produzzjoni, l-iżvilupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi alternattivi jew anki l-innovazzjoni” (166). Fil-fehma tiegħi, dak li jissejjaħ akkwist li joqtol (“killer acquisition”) jaqa’ preċiżament f’din id-deskrizzjoni, u joffri l-eżempju pragmatiku ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti “permezz tal-għan tiegħu” (167).

    231. Bħala tali, ma naħsibx li jkun hemm bżonn xi investigazzjoni twila jew kumplessa wisq sabiex jiġi stabbilit ksur. Speċjalment minħabba li l-eżami ex post ta’ konċentrazzjoni ffinalizzata – attività li ma hijiex mhux tas-soltu f’numru ta’ ġurisdizzjonijiet (168) – jista’ jinvolvi ċerta inkonvenjenza, iżda għandu vantaġġ sinjifikattiv: l-awtoritajiet ma hemmx bżonn li jbassru l-aġir futur tal-impriżi. Fil-fatt, fl-evalwazzjoni tagħha, l-awtorità tal-kompetizzjoni tista’ teżamina kemm l-evidenza ta’ qabel il-konċentrazzjoni (pereżempju, tistabbilixxi l-intenzjoni tal-akkwirent u jekk dik l-impriża rat lill-kumpannija mmirata minnha bħala theddida vijabbli għall-pożizzjoni tagħha fis-suq), flimkien ma’ evidenza ta’ wara l-konċentrazzjoni, li turi x’eżattament ġara fis-suq wara l-akkwist (pereżempju, sabiex tistabbilixxi jekk kienx hemm effetti materjali fuq il-prezz, il-prestazzjoni u l-innovazzjoni, jew jekk l-operazzjonijiet tal-kumpannija mmirata ġewx itterminati jew imnaqqsa b’mod sinjifikattiv) (169).

    232. B’żieda ma’ dan, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, meta jinvestigaw ksur possibbli tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, l-ANK għandhom igawdu s-setgħat li jinsabu fl-hekk imsejħa Direttiva ECN+ (170). Skont din id-direttiva, meta jkun skopert ksur, l-awtorità kompetenti mhux biss għandha s-setgħa timponi penali finanzjarji (l-Artikoli 13 u 16 tagħha), imma tista’ wkoll, skont l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, teħtieġ li l-impriżi inkwistjoni “sabiex itemmu dak il-ksur. Għal dan il-għan, [l-awtoritajiet] jistgħu jimponu kwalunkwe rimedju ta’ aġir jew strutturali li jkun proporzjonat għall-ksur imwettaq u neċessarju sabiex effettivament jintemm il-ksur”. Dan jista’ fil-fatt jinkludi, f’każijiet partikolarment serji, ix-xoljiment parzjali jew sħiħ tal-entità tal-konċentrazzjoni (171). B’żieda ma’ dan, skont l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, l-ANK jistgħu “jaġixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħhom biex jordnaw permezz ta’ deċiżjoni l-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji fuq l-impriżi […], tal-anqas f’każijiet fejn ikun hemm urġenza minħabba r-riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli għall-kompetizzjoni, abbażi ta’ konstatazzjoni prima facie ta’ ksur tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE”. Tali miżuri jistgħu, pereżempju, jieħdu l-forma ta’ ordnijiet sospensivi (172).

    233. Is-sitt, il-portata wiesgħa ħafna li l-Qorti Ġenerali tagħti lil dispożizzjoni li hija bla dubju eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004 tmur kontra l-prinċipju ta’ interpretazzjoni aċċettat ħafna li jgħid li l-eċċezzjonijiet għall-iskema ġenerali jew għar-regoli ġenerali ta’ strument legali, u d-derogi minnhom, għandhom ikunu interpretati b’mod strett sabiex dawn ir-regoli ma jkunux imxejna (173). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li dan il-prinċipju huwa rilevanti meta tiġi sabiex tiġi interpretata l-portata tal-mekkaniżmu ta’ rinviju pprovdut fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 139/2004 (174). Fil-fehma tiegħi ma huwiex ċar fuq liema bażijiet, fis-sentenza appellata, hija ddeċidiet tiskarta r-rilevanza ta’ dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ rinviju pprovdut fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 (175).

    234. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat u applikat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Għal din ir-raġuni, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

    235. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-evalwazzjoni tiegħi tal-ewwel aggravju, nikkunsidra li hija għandha tiċħad l-appelli. Fil-parti li jmiss ser nispjega fil-qosor għaliex nikkunsidra t-tieni u t-tielet aggravju bħala infondati.

    B.      Ittieni aggravju: iżżmien li fih issir ittalba għal rinviju u lobbligu talKummissjoni li taġixxi fi żmien raġonevoli

    236. It-tieni aggravju ta’ Illumina u ta’ Grail jikkonċerna ċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tat-tieni motiv ta’ Illumina fl-ewwel istanza, fejn tallega li t-talba għal rinviju kienet saret barra minn ħinha u, sussidjarjament, li nkisru l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ “amministrazzjoni tajba”. B’mod partikolari, l-appellanti jsibu problema bil-punti 190 sa 211 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li:

    “il-kunċett ta’ ‘mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat’, kif jidher fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) [tar-Regolament Nru 139/2004], għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi trażmissjoni attiva ta’ informazzjoni rilevanti lil dak l-Istat Membru li tippermettilu jevalwa, b’mod preliminari, jekk il-kundizzjonijiet għal talba għal rinviju skont dan l-artikolu humiex issodisfatti. Konsegwentement, skont din l-interpretazzjoni, it-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol previst mill-imsemmija dispożizzjoni jibda jiddekorri, meta l-komunikazzjoni tal-konċentrazzjoni ma tkunx meħtieġa, mill-mument meta din l-informazzjoni tkun ġiet trażmessa”.

    237. L-appellanti jsibu problema wkoll bil-punti 240 u 242 sa 245 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, inter alia, li (i) “[Illumina] ma kinitx kapaċi tippreċiża, b’mod suffiċjenti, l-allegati ‘żbalji ta’ fatt sinjifikattivi’ [traduzzjoni mhux uffiċjali] li vvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata u li kienu diġà jivvizzjaw l-ittra ta’ stedina u għalhekk setgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tat-talba għal rinviju tal-ACF”; u (ii) “[l-appellanti] kkonċernati [...] kellhom diversi okkażjonijiet sabiex jesprimu l-perspettiva tagħhom matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet [ikkontestati]”.

    1.      Largumenti talpartijiet

    238. Bit-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi (i) ma ddeduċiet ebda konsegwenza legali mill-konstatazzjoni korretta li l-Kummissjoni damet żmien mhux raġonevoli sabiex bagħtet l-ittra ta’ stedina lill-Istati Membri dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni, u (ii) kkonstatat li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

    239. Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa infondat u, parzjalment, inammissibbli.

    2.      Analiżi

    240. M’iniex konvint bl-argumenti tal-appellanti.

    241. L-ewwel, ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretata t-termini “mgħarrfa lill-Istat Membru konċernat” li jinsabu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004. Kif ġie nnotat fil-punt 192 tas-sentenza appellata, meta wieħed jipparaguna il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tar-regolament, dan juri li, sabiex jibda jiddekorri l-perijodu ta’ 15‑il jum tax-xogħol, ma huwiex biżżejjed li l-konċentrazzjoni tkun imħabbra pubblikament fl-Istat Membru inkwistjoni – pereżempju permezz ta’ stqarrija għall-istampa jew permezz tal-midja (176) – sabiex l-awtoritajiet rilevanti jistgħu isiru jafu biha. Minflok, din id-dispożizzjoni teħtieġ komunikazzjoni attiva tal-konċentrazzjoni lil dawk l-awtoritajiet. Jidhirli li din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan tad-dispożizzjoni, li huwa li tippermetti lill-awtoritajiet iwettqu eżami preliminari sabiex jevalwaw jekk, prima facie, il-kundizzjonijiet sostantivi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004 humiex issodisfatti (177).

    242. Fil-fehma tiegħi, l-appellanti ma ressqu ebda argument li jista’ jitfa’ dubji fuq l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 139/2004.

    243. It-tieni, għalkemm m’iniex konvint sal-aħħar mill-qafas legali applikat mill-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi l-konsegwenzi li joħorġu min-nuqqas tal-Kummissjoni li tibgħat l-ittra ta’ stedina f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, nikkunsidra li l-konklużjoni li waslet għaliha fis-sentenza appellata hija korretta.

    244. Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni ċentrali ma hijiex jekk l-appellanti setgħux juru li, minħabba d-dewmien sabiex il-Kummissjoni taġixxi, ġew miksura d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti. Il-punt kruċjali huwa pjuttost jekk l-appellanti setgħux jipprovdu indikazzjonijiet suffiċjenti li, mingħajr l-irregolarità proċedurali inkwistjoni, l-eżitu tal-proċedura seta’ jkun differenti.

    245. Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża HSBC, il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni tidher li tiddistingwi bejn żewġ forom ta’ żbalji proċedurali: ksur ta’ “rekwiżiti proċedurali essenzjali”, li awtomatikament jiskattaw l-invalidità tal-att inkwistjoni, u ksur ta’ regoli ta’ proċedura oħra, li huma suġġetti għat-“test ta’ żball innokwu”. Dan ifisser li l-iżbalji proċedurali “ordinarji” jwasslu għall-annullament tal-att ikkontestat sakemm l-iżball ma jkunx jista’ jitqies innokwu, fis-sens li ma kellux, jew ma setax ikollu, xi impatt fuq l-eżitu tal-proċedura. B’mod importanti, it-test ġie applikat fi tliet forom differenti skont il-karatteristiċi tar-regola miksura: (i) ksur ta’ natura gravi u strutturali li jwassal għall-preżunzjoni (konfutabbli) li l-iżball influwenza l-eżitu tal-proċedura, fejn l-oneru li jikkonfuta l-preżunzjoni qiegħed fuq il-konvenut; (ii) żbalji ‘standard’ li setgħu influwenzaw jew le l-eżitu tal-proċedura, li għalihom ir-rikorrent għandu jipprova li, fl-assenza ta’ kwalunkwe żball, l-att ikkontestat seta’ jkun differenti; u (iii) irregolaritajiet ta’ natura inferjuri, li jirriżultaw fl-annullament tal-att inkwistjoni, jekk ir-rikorrenti jistabbilixxu li, f’din l-assenza, l-eżitu tal-proċedura kien ikun differenti (178).

    246. Fid-dawl tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti (li ma tipprovdi ebda terminu speċifiku (179)), u l-iskop u l-loġika tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 139/2004 (li hija intiża li tiżgura l-kontroll effettiv ta’ konċentrazzjonijiet potenzjalment antikompetittivi, permezz ta’ sistema effiċjenti u prevedibbli li hija kapaċi toffri ċ-ċertezza legali lill-impriżi kkonċernati (180)), jidhirli li n-nuqqas tal-Kummissjoni li taġixxi fi żmien raġonevoli ma jistax jitqies bħala ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, u li għandu japplika t-test standard għal żbalji proċedurali (181).

    247. La fl-osservazzjonijiet ippreżentati fl-ewwel istanza, u lanqas fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, l-appellanti ma pprovdew xi element konkret li kapaċi jindika li, li kieku l-Kummissjoni aġixxiet fi żmien raġonevoli, l-evalwazzjoni li tikkonċerna l-possibbiltà u l-idoneità tal-konċentrazzjoni inkwistjoni li kienet is-suġġett tar-rinviju taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 setgħet tkun differenti.

    248. Fi kwalunkwe każ, naqbel mal-Kummissjoni li l-appellanti naqsu milli (i) jinvokaw espressament ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom fl-ewwel istanza, bil-konsegwenza li din il-parti tal-aggravju hija inammissibbli, u (ii) jipprovaw, sal-grad meħtieġ, li l-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati ġiet affettwata negattivament. Għal dak li jirrigwarda l-aħħar punt, huwa minnu li l-appellanti pprovdew numru ta’ elementi li jissuġġerixxu li, fil-konfront ta’ dawn l-impriżi, il-Kummissjoni jista’ jkun ma aġixxietx bil-grad ta’ trasparenza u ta’ bilanċ ġust li wieħed normalment jistenna mingħand l-amministrazzjoni pubblika (182). Naturalment, hija ħasra li dan seħħ peress li dawn il-modi ta’ aġir jista’ jkollhom impatt fuq il-mod li bih il-pubbliku jara l-funzjonament ta’ servizz li – minħabba s-setgħat sinjifikattivi mogħtija lilu – għandu jaġixxi konsistentement bl-ikbar imparzjalità u oġġettività. Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-aġir tal-Kummissjoni ma ċaħħadx lill-appellanti mill-possibbiltà li jressqu l-argumenti tagħhom ta’ fatt u ta’ liġi matul il-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004, bil-għan li jinfluwenzaw l-eżitu tagħha.

    249. Għar-raġunijiet mogħtija hawn fuq, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

    C.      Ittielet aggravju: ilprinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

    250. Bit-tielet aggravju tagħhom – kontra l-punti 254 sa 260 tas-sentenza appellata – Illumina u Grail jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet it-tielet motiv ta’ Illumina fl-ewwel istanza, li jallega ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. F’dawn is-siltiet, il-Qorti Ġenerali evalwat biss l-argumenti li jikkonċernaw l-aspettattivi leġittimi, peress li l-argumenti li jikkonċernaw iċ-ċertezza legali ma kinux ġew żviluppati b’mod adegwat.

    251. Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-elementi prinċipali invokati minn Illumina ma kinux jissostanzjaw “l-eżistenza tal-allegata politika tal-Kummissjoni li fuqha tibbaża ruħha [Illumina]”, u ma setgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu “assigurazzjoni preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti mingħand il-Kummissjoni fir-rigward tat-trattament tal-konċentrazzjoni inkwistjoni”.

    1.      Largumenti talpartijiet

    252. L-appellanti huma tal-opinjoni li l-motivazzjoni fis-sentenza appellata hija vvizzjata b’numru ta’ żbalji ta’ liġi. B’mod partikolari, huma jargumentaw li l-Qorti Ġenerali (i) żnaturat is-sens tal-argument ta’ Illumina fl-ewwel istanza dwar l-aspettattivi leġittimi; (ii) żbaljat meta kkunsidrat li seta’ jkun hemm biss aspettattivi leġittimi jekk l-assigurazzjonijiet li fuqhom kienu bbażati dawn l-aspettattivi kienu jirrigwardaw speċifikament il-konċentrazzjoni inkwistjoni; (iii) żbaljat meta evalwat is-sinjifikat tad-diskors tas-Sinjura Margrethe Vestager, il-Viċi Presidenta Eżekuttiva tal-Kummissjoni u l-Kummissarju tal-Kompetizzjoni, li sar ftit xhur qabel ma l-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta’ stedina (183); u (iv) naqset milli tindirizza l-argumenti tagħhom ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    253. Il-Kummissjoni tirrispondi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fuq din il-kwistjoni.

    2.      Analiżi

    254. Għal darba oħra, għalkemm insib ftit mis-siltiet rilevanti tas-sentenza appellata bħala li ma jikkonvinċunix, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma żbaljatx meta ċaħdet it-tielet motiv ta’ Illumina.

    255. Nibda sabiex ngħid li l-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat is-sens tal-argumenti bbażati fuq l-aspettattivi leġittimi ma tikkonvinċinix. L-argument tal-appellanti li Illumina kienet qiegħda ssostni li l-Kummissjoni kienet ħolqot aspettattivi li hija mhux ser tinkoraġġixxi talbiet għal rinviju għal konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti nazzjonali, filwaqt li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx legalment taċċetta tali rinviju. Dan jidhirli li jammonta għal “tiftix tax-xagħra fl-għaġina”. Huwa ċar li ż-żewġ aspetti huma komplementari u ma tantx jistgħu jiġu mifrudin.

    256. L-ispinta tal-argument tal-appellanti kienet, essenzjalment, li huma ma setgħux jipprevedu l-bidla f’salt tal-politika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Dak li huwa importanti, f’dan ir-rigward, huwa jekk l-appellanti setgħux, minħabba l-informazzjoni rċevuta mill-Kummissjoni, jemmnu leġittimament li l-konċentrazzjoni tagħhom ma kinitx ser tkun suġġetta għal rinviju taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Il-fatt dwar jekk, f’dan il-kuntest, ir-rinviju inkwistjoni skattax minn xi ANK waħda jew iktar li aġixxiet ex officio, jew minħabba li kienu mistednin jagħmlu hekk mill-Kummissjoni, jidhirli li huwa irrilevanti.

    257. Barra minn hekk, m’iniex konvint mill-argumenti tal-appellanti li jilmentaw nuqqas, tal-Qorti Ġenerali, li tittratta l-allegazzjonijiet tagħhom dwar ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Wara li eżaminajt l-osservazzjonijiet tagħhom fl-ewwel istanza, ikolli naqbel mal-Qorti Ġenerali li l-appellanti ma kienu ressqu ebda argument speċifiku f’dan ir-rigward; fi kliem ieħor, ebda argument li kien jidher differenti mill-argumenti tagħhom li jirrigwardaw l-aspettattivi leġittimi, li l-Qorti Ġenerali ttrattat espressament fis-sentenza appellata.

    258. Barra minn hekk, ma nemminx li f’dan il-każ huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha sabiex wieħed ikun jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

    259. Nammetti li ċerti siltiet mis-sentenza appellata huma, fil-fehma tiegħi, żbaljati. Fil-punt 254 tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għal linja ta’ ġurisprudenza li tgħid li l-informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti mogħtija mill-amministrazzjoni tista’ twassal għal aspettattivi leġittimi, sakemm, inter alia, tali informazzjoni “tikkonforma mar-regoli applikabbli”. Imbagħad, fil-punt 265 ta’ din is-sentenza, filwaqt li rreferiet għall-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li “sa fejn jirriżulta mill-ewwel motiv li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu bbażati fuq interpretazzjoni korretta tal-portata ta’ dak l-artikolu, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-gwida ġdida tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni”.

    260. Ma nistax naqbel mal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward. Il-ġurisprudenza msemmija mill-Qorti Ġenerali (li sa fejn nista’ nara, hija komposta essenzjalment mis-sentenzi tagħha stess) ma tistax tfisser loġikament li l-individwi ma jistgħux jinvokaw l-aspettattivi leġittimi jekk l-assigurazzjonijiet ipprovduti mill-amministrazzjoni jikkonformaw mar-regoli rilevanti. Fil-fatt, jekk l-assigurazzjonijiet huma konformi mal-liġi applikabbli, allura ma jkun hemm ebda bżonn li l-individwi inkwistjoni jinvokaw il-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi: il-pożizzjoni tagħhom tkun protetta bid-dispożizzjonijiet stess imsemmija mill-amministrazzjoni. Ir-rationale tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi hija manifestament li jipproteġi lill-individwi li, mingħajr ebda tort tagħhom, ikunu sgwidati bl-interpretazzjoni tal-amministrazzjoni tal-liġi applikabbli.

    261. Fil-fehma tiegħi, din il-linja ta’ ġurisprudenza tista’ tiġi aċċettata biss jekk tinftiehem bħala li teskludi l-possibbiltà tal-individwi li jinvokaw il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi meta individwu raġonevolment informat jinduna li l-assigurazzjonijiet ipprovduti mill-amministrazzjoni ma humiex konformi mar-regoli rilevanti. Għaldaqstant, jekk, fil-każ ineżami, l-appellanti kienu attwalment irċevew “assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti” mingħand il-Kummissjoni, il-fatt li din l-istituzzjoni sussegwentement applikat l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004 b’mod korrett ma setax jipprekludi lil dawn l-impriżi milli jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

    262. B’dan premess, naqbel mal-Qorti Ġenerali li, fi kwalunkwe każ, ebda assigurazzjonijiet ma jistgħu jittieħdu mid-diskors tal-Kummissarju msemmi mill-appellanti. Kif innotat tajjeb il-Qorti Ġenerali, kemm l-għan tad-diskors (li “kien jikkonċerna l-politika ġenerali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet u ma kienx isemmi l-konċentrazzjoni inkwistjoni” (184)) u l-ġist u l-kontenut tiegħu (li qal li, fil-passat, “il-Kummissjoni segwiet il-prassi li tiskoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali milli jirrinvijaw lilha konċentrazzjonijiet li huma ma kellhomx il-kompetenza li jeżaminaw huma stess” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (185)) jeskludu li tali diskors jista’ jitqies bħala li jwassal għal assigurazzjonijiet li huma “preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konsistenti” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (186).

    263. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud.

    VI.    Konsegwenzi talevalwazzjoni: is-soluzzjoni ta’ din ilkawża

    264. Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tkun ser titħassar, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    265. Fil-fehma tiegħi, dan huwa manifestament il-każ hawnhekk. Il-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni li tat lill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. B’interpretazzjoni korretta, din id-dispożizzjoni ma tagħtix is-setgħa lill-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet bħalma huma dawk li ġew ikkontestati mill-appellanti f’dawn il-proċeduri. Għaldaqstant, dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu annullati.

    266. Madankollu, it-talba tal-AKF u l-ittra ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu annullati peress li (i) l-att preċedenti ma kienx ikkontestat fl-ewwel istanza (187) (barra mill-fatt li ma huwiex att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni), u (ii) l-ittra ta’ informazzjoni, għalkemm ikkontestata fl-ewwel istanza, instabet li hija att li ma tistax tiġi kkontestata mill-Qorti Ġenerali (188). Is-siltiet rilevanti tas-sentenza appellata lanqas ma ġew appellati mill-appellanti.

    VII. Fuq lispejjeż

    267. Skont l-Artikolu 138(1) u l-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti rebbieħa. Peress li l-appellanti talbu l-ispejjeż u l-appelli tagħhom qegħdin jintlaqgħu, il-Kummissjoni għandha tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż relatati mal-proċeduri.

    268. Skont l-Artikolu 140 u l-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-proċeduri, l-ASE u Biocom, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    VIII. Konklużjoni

    269. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    –        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2022, Illumina vs Il‑Kummissjoni (T‑227/21, EU:T:2022:447);

    –        tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2847 final tad‑19 ta’ April 2021 li tilqa’ t-talba tal-Autorité de la concurrence française (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża) li teżamina l-konċentrazzjoni relatata mal-akkwist minn Illumina, Inc. tal-kontroll esklużiv ta’ Grail, Inc. (il-Każ COMP/M.10188 – Illumina/Grail), id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2021) 2848 final, C(2021) 2849 final, C(2021) 2851 final, C(2021) 2854 final u C(2021) 2855 final tad‑19 ta’ April 2021, li jilqgħu t-talbiet tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni tal-Belġju, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Greċja, tal-Islanda u tan-Norveġja li jingħaqdu ma’ din it-talba għal rinviju, u l-ittra tal-Kummissjoni Ewropea tal‑11 ta’ Marzu 2021 li tinforma lil Illumina u lil Grail b’din it-talba għal rinviju;

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż; u

    –        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, lill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles u lil Biocom California għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.


    1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


    2      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2004:318, punt 73).


    3      Fuq dawn il-kwistjonijiet, ara International Competition Network Merger Working Group Notification & Procedures Subgroup, “Setting Notification Thresholds for Merger Review”, April 2008 (disponibbli fuq is-sit internet tan-network).


    4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40.


    5      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31). L-Artikolu 22(3) sa (6) tiegħu jaqra kif ġej:


    “3.      Jekk il-Kummissjoni ssib, fuq talba ta’ Stat Membru, li konċentrazzjoni [...] li m’għandhiex dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1 toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b’riżultat ta’ hekk il-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat tista’, safejn il-konċentrazzjoni taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tadotta d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu, (3) u (4).


    4.      L-Artikoli 2(1)(a) u (b), 5, 6, 8, u 10 sa 20 għandhom japplikaw. [...] It-talba għandha ssir l-aktar tard fi żmien xahar mid-data li fiha l-konċentrazzjoni ġiet mgħarrfa lill-Istat Membru jew li daħlet fis-seħħ. [...]


    5.      Skond il-paragrafu 3 il-Kummissjoni għandha tieħu biss il-miżuri meħtieġa biex tinżamm jew tinġieb lura l-kompetizzjoni effettiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jkun talab l-intervent tagħha.


    6.      Il-paragrafi 3 sa 5 għandhom jibqgħu japplikaw sakemm l-għetiebi [il-limiti] msemmija fl-Artikoli 1(2) jkunu ġew riveduti.”


    6      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat‑30 ta’ Ġunju 1997 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164). Dan emenda l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 billi, inter alia (i) introduċa riferiment għal talbiet konġunti ta’ żewġ Stati Membri jew iktar fil-paragrafu 3; (ii) introduċa l-frażijiet “L-Artikolu 7 għandu japplika sa kemm dik il-konċentrazzjoni ma’ daħlietx f’effett fid-data li fiha l-Kummissjoni tinforma l-partijiet li saret talba” u “[i]t-talba għandha ssir fi żmien massimu ta’ xahar mid-data li fiha l-konċentrazzjoni kient saret magħrufa lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri kollha li qed jagħmlu talba konġunta jew affetwati” fil-paragrafu 4; u (iii) billi ħassar il-paragrafu 6.


    7      EU:T:2022:447.


    8      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 22, Vol. 52, p.3; iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”.


    9      ĠU 2021, C 113, p. 1.


    10      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, DI vs BĊE (C‑513/21 P, EU:C:2023:500, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    11      C‑457/23 P, EU:C:2023:760.


    12      Ara, inter alia, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda.


    13      Ara, f’dan is-sens, ibid., punti 130 u 131, u, b’iktar referenzi, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2021:831, punt 120).


    14      Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


    15      Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    16      Ara, pereżempju, id-digriet tat‑12 ta’ Ġunju 2019, OY vs Il‑Kummissjoni (C‑816/18 P, EU:C:2019:486, il-punt 6 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali kif ikkwotat fil-punt 4 tad-digriet, u l-ġurisprudenza ċċitata).


    17      Ara, fil-fatt, il-punti 9 u 10 tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq.


    18      Ara, mill-ġdid, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2021:831, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    19      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 86), u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni (C‑611/16 P, EU:C:2021:245, punt 153).


    20      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri vs Pinxten (C‑130/19, EU:C:2021:782, punti 310 u 311 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    21      Punt 177 tas-sentenza appellata. Enfasi miżjuda.


    22      Punti 89, 90 u 92 tas-sentenza appellata.


    23      Punt 91 tas-sentenza appellata (enfasi miżjuda). Dan huwa minnu fir-rigward tal-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi tar-regolament; fil-fatt, minoranza ta’ verżjonijiet lingwistiċi (bħalma huma l-verżjonijiet Olandiżi u Svediżi) ma jużawx l-espressjoni “xi [kull] konċentrazzjoni” imma termini oħra li jistgħu jiġu tradotti bħala “xi konċentrazzjoni”.


    24      Punt 93 tas-sentenza appellata.


    25      Punti 94 u 95 tas-sentenza appellata.


    26      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 20). Enfasi miżjuda.


    27      Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld (C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda.


    28      Ibid., punti 62 sa 66.


    29      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 40 sa 69), u tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑220/15, EU:C:2016:815, punti 38 sa 47).


    30      (1969) UNTS Vol. 1155, p. 331. Ara l-Artikolu 31 u l-Artikolu 32, rispettivament.


    31      Enfasi miżjuda.


    32      Kif qal l-Avukat Ġenerali Wathelet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieqaf mal-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjoni, meta l-formulazzjoni inkwistjoni tkun assolutament ċara u mhux ambigwa, imma ma għandhiex bilfors tieqaf (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet fil-kawża Franza vs Il‑Parlament, C‑73/17, EU:C:2018:386, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    33      Ara, inter alia, it-termini “postoupení” (Ċek), “Verweisung” (Ġermaniż), “παραπομπή” (Grieg), “remisión” (Spanjol), “renvoi” (Franċiż), “áttétel” (Ungeriż), “rinvio” (Taljan), “remessa” (Portugiż) u “napotitev” (Sloven).


    34      Enfasi miżjuda.


    35      Punt 142 tas-sentenza appellata (enfasi miżjuda). Ara wkoll il-punti 141, 165, 177 u 182 ta’ dik is-sentenza.


    36      Green Paper tal-Kummissjoni tal‑31 ta’ Jannar 1996 dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (COM(96) 19 final), imsemmija fil-punti 97 u 98 tas-sentenza appellata.


    37      Green Paper tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2001 dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (COM(2001) 745 final) imsemmija fil-punti 97, 99, 101 u 103 tas-sentenza appellata.


    38      Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi (“Ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”) (ĠU 2003, C 20, p. 4), imsemmija fil-punti 97 u 106 sa 113 tas-sentenza appellata.


    39      Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill – Rapport dwar it-tħaddim tar-Regolament Nru 139/2004 tat‑30 ta’ Ġunju 2009 (SEC(2009) 808 final/2), imsemmi fil-punti 97 u 115 tas-sentenza appellata.


    40      Sfortunatament, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni espressa fuq dan il-punt, u lanqas ma din il-pożizzjoni tista’ tiġi dedotta billi tiġi eżaminata l-motivazzjoni fis-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod indiskriminat għal elementi preżenti fir-Regolament Nru 4064/89 oriġinali u għal elementi miżjuda sussegwentement mir-Regolament tal‑1997 jew mir-Regolament Nru 139/2004.


    41      Punt 97 tas-sentenza appellata.


    42      Punt 98 tas-sentenza appellata.


    43      Punt 102 tas-sentenza appellata.


    44      B’mod partikolari, fl‑1997 meta ġiet emendata d-dispożizzjoni. Ara l-punt 103 tas-sentenza appellata.


    45      Punt 109 tas-sentenza appellata


    46      Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (C‑326/05 P, EU:C:2007:443, punti 60 sa 68), u tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 76).


    47      Punt 99 tas-sentenza appellata.


    48      Dan għadu jgħodd fiż-żmien li nkitbu dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, nifhem li s-sitwazzjoni tista’ tinbidel fil-futur qarib, peress li l-Gvern Lussemburgiż, sa minn Awwissu 2023, introduċa abbozz ta’ liġi li tistabbilixxi sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet fil-pajjiż.


    49      Punti 9 u 10 tal-Green Paper tal‑1996 (enfasi miżjuda).


    50      Punt 86 tal-Green Paper tal‑2001, imsemmi fil-punt 103 tas-sentenza appellata.


    51      B’komunikazzjonijiet “volontarji”, hija rreferiet għal dawk li ġew ippreżentati quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit peress li r-Renju Unit (li, dak iż-żmien, kien Stat Membru) jopera sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet li, għall-kuntrarju tas-sistemi kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri l-oħra, ma hijiex ibbażata fuq komunikazzjonijiet mandatorji imma fuq dawk volontarji.


    52      Ara, b’mod partikolari, il-paġna 4 (“Sunt eżekuttiv”) u l-punti 72 sa 88 tal-Green Paper tal‑2001.


    53      Punt 53 (enfasi miżjuda).


    54      Dan il-punt huwa enfasizzat iktar bir-riferiment fil-Green Paper tal‑2001 għan-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ “sabiex l-Istat Membru jsir jaf bil-konċentrazzjoni” imma li “jidher li huwa naturali li tintuża d-data ta’ komunikazzjoni nazzjonali bħala d-data li tiskatta r-rekwiżit ta’ komunikazzjoni fl-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għal darba oħra, il-Kummissjoni hija manifestament ikkonċernata bil-każijiet li jiġu għall-attenzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali minħabba li huma suġġetti għas-sistemi nazzjonali tagħhom ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet.


    55      Ara, b’mod partikolari, il-punti 93, 95 u 99 tal-Green Paper tal‑2001.


    56      Enfasi miżjuda.


    57      Ara l-punt 138 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal‑2009: “fuq il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru għandux ikun jista’ jew le jagħmel talba jew jingħaqad ma’ talba għal rinviju mingħajr ma jkollu ġurisdizzjoni fil-każ, ħamsa ħasbu li dan għandu jkun permess filwaqt li disgħa ħasbu li dan ma għandux ikun. Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk Stat Membri għandux ikun jista’ jew le jirreferi każ fejn il-ġurisdizzjoni tiegħu ma tkunx skattat iżda meta l-attività tal-partijiet ikollha fil-fatt effett f’dan l-Istat Membru” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (enfasi miżjuda).


    58      Ara l-punti 133, 140 sa 142 u 144 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal‑2009 (enfasi miżjuda). Ara, b’mod simili, il-punt 86 tal-Green Paper tal‑2001.


    59      Ara, b’mod partikolari, ir-Rapporti tal-Kunsill tas‑7 ta’ Novembru 1988 (9114/88), tal‑10 ta’ Novembru 1988 (9265/88) u tat‑8 ta’ Diċembru 1988 (10054/88).


    60      Abbozz ta’ minuti tal‑1 339 laqgħa tal-Kunsill fit‑18 ta’ Lulju 1989 (8016/89 PV/ CONS 47), p. 2.


    61      In primis, ir-Regolament tal-Kunsill KEE Nru 17 tas‑6 ta’ Frar 1962: L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat [KEE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).


    62      Proposta tal-Kummissjoni emendata għal Regolament tal-Kunsill (KEE) dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi (COM(88) 97 final) (ĠU 1988, C 130, p. 4). L-Artikolu 22 ta’ din il-proposta, intitolat “Applikazzjoni esklużiva ta’ dan ir-regolament”, kien jipprovdi kif ġej: “Ir-Regolamenti Nru 17, (KEE) Nru 1017/68, (KEE) Nru 4056/86 u (KEE) Nru 3975/87 ma għandhomx japplikaw għal konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-portata ta’ dan ir-regolament” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


    63      Ara Kunsill, Note de la Présidence au Conseil, 7 ta’ April 1989 (5857/89 (RC 9)), Anness, p. 4; Rapporti tat‑12 ta’ April 1989 (6267/89, RC 12); Abbozz ta’ minuti tal‑1 339 laqgħa tal-Kunsill fit‑18 ta’ Lulju 1989 (8016/89 PV/ CONS 47), p. 13; Rapporti tad‑9 ta’ Novembru 1989, (9672/89 (RC 41)), p. 3. Ara, ukoll, l-ittra ta’ Sir Leon Brittan lill-Kunsill (SG (89) D/5429) tal‑24 ta’ April 1989, p. 2.


    64      Ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet tat‑28 ta’ Lulju 1993 (COM(93) final, p. 14) (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal‑1993”); Kummissjoni, Nota minn G. Drauz lis-Servizz Legali (COMP/HT.60), Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill, 6 ta’ Ġunju 2003 (11430), punt 4.


    65      Ara Sir Leon Brittan, Competition Policy and Merger Control in the Single European Market, Grotius, 1991, p. 33 u 49. B’mod simili, Jones, C., “Procedures and Enforcement under EEC Merger Regulation”, f’Hawk, B. (editur), Annual Proceedings of the Fordham Corporate Law Institute, 1990, p. 476.


    66      Ara r-Rapport tal-Kummissjoni tal‑1993, p. 7. Ara, ukoll, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Konċentrazzjonijiet (COM (96) 313 final, p. 5). Ara, ukoll, Levy, N., Rimsa, A. u Buzatu, B., “The jurisdictional reach of EC merger control: Striking the right balance”, f’Kokkoris, I. u Levy, N., Research Handbook on Global Merger Control, Edward Elgar Publishing, 2023, p. 219: “Ebda sistema li taħdem ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet ma tista’ taqbad kull tranżazzjoni li tista’ taffettwa l-kompetizzjoni f’ġurisdizzjoni partikolari”.


    67      Ara Kunsill, Résultats des travaux du Groupe des questions économiques (contrôle des concentrations), 8 ta’ Marzu 1989 (5770/89 RC 8) p. 4. Ara, ukoll, l-ittra ta’ Sir Leon Brittan lill-Kunsill, 30 ta’ Marzu 1989 (SG (89) D/4008), p. 2.


    68      Ara Kunsill, Rapport lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, 9 ta’ Diċembru 1988, (10189/89 RC 36), p. 8; u avis du service juridique, 11 ta’ Lulju 1989 (7896/89 JUR 98 RC 24), p. 10. Ara wkoll Kummissjoni, ir-Rapport tal‑1993, p. 14.


    69      Ara Sir Leon Brittan, nota ta’ qiegħ il-paġna 65, op. cit., p. 39, 48 u 53.


    70      Ara Kunsill, avis du service juridique, 11 ta’ Lulju 1989 (7896/89 JUR 98 RC 24), p. 4.


    71      Ara l-punti 201 u 208 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    72      Dan in-numru jirrifletti lill-Istati Membri tal-Unjoni kollha (ħlief għal-Lussemburgu) u lill-Istati ŻEE/EFTA (l-Islanda u n-Norveġja) li fil-preżent għandhom skema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet.


    73      Għall-kuntrarju, l-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 kienet intiża li ttejjeb l-assi tar-Regolament Nru 4064/89. Ara Kummissjoni, Nota minn G. Drauz lis-Servizz Legali (COMP/HT.60), Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill, 6 ta’ Ġunju 2003 (11430), p. 7; u l-Proposta tal-Kummissjoni tal‑2003, p. 10.


    74      Ara, hawn fuq, in-noti ta’ qiegħ il-paġna 5 u 6.


    75      ĠU 2005, C 56, p. 2.


    76      Ara, b’mod partikolari, il-punti 33, 45, 47 u 50 tal-Avviż.


    77      Ara l-punt 45 tal-Avviż.


    78      Punti 2 u 79 tal-White Paper tal‑2014.


    79      Punti 69 u 70 tal-White Paper tal‑2014.


    80      Punt 61 tal-White Paper tal‑2014.


    81      Punti 21, 63 u 69 tal-White Paper tal‑2014.


    82      Disponibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni. Ara, b’mod partikolari, it-Taqsimiet A.1, B.2 u B.3.


    83      Punt 139 tas-sentenza appellata.


    84      Qabel l-Artikoli 87 u 235 KEE.


    85      Punti 119 u 120 tas-sentenza appellata.


    86      Ara s-seba’ premessa tar-Regolament Nru 4064/89 u l-premessa 7 tar-Regolament Nru 139/2004.


    87      Ara, inter alia, Kunsill, Résultats des travaux du Groupe des questions économiques (contrôle des concentrations), 29 ta’ Mejju 1989 (7752/89 RC 20), p. 5; Résultats des travaux du Groupe des questions économiques (contrôle des concentrations), 22 ta’ Ġunju 1989 (7827/89 RC 22), p. 1, Anness II, p. 3; u avis du service juridique, 11 ta’ Lulju 1989 (7896/89 JUR 98 RC 24), p. 4.


    88      Li kien l-Artikolu 38 KEE u l-Anness II tat-Trattat KEE.


    89      Essenzjalment, l-Artikolu 352(1) TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri xierqa meta tirriżulta neċessarja azzjoni mill-Unjoni, fil-qafas tal-politika ddefinita fit-Trattati, sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet stabbiliti fit-Trattati, filwaqt li t-Trattati ma pprovdewx is-setgħat neċessarji.


    90      Fuq din il-kwistjoni, ara, ukoll, Dashwood, A., Community Report, XIVth FIDE Congress, Madrid, 2010.


    91      Punti 121 sa 124 tas-sentenza appellata. Enfasi miżjuda.


    92      Punti 125 u 126 tas-sentenza appellata.


    93      L-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lill-partijiet fil-konċentrazzjoni jitolbu lill-Kummissjoni tirrinvija l-eżami, kollu jew parti minnu, ta’ konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru meta l-konċentrazzjoni “jista’ jkollha effett sinifikattiv fuq il-kompetizzjoni f’suq fi Stat Membru, liema suq għandha l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lill-Kummissjoni, f’ċerti ċirkustanzi, tirrinvija l-konċentrazzjoni kkomunikata lilha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.


    94      Punti 127 sa 129 tas-sentenza appellata.


    95      Punt 130 tas-sentenza appellata.


    96      Enfasi miżjuda.


    97      Punt 130 tas-sentenza appellata. Enfasi miżjuda.


    98      Enfasi f’dawn id-dispożizzjonijiet miżjuda.


    99      Ara l-punti 100, 103 u 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, ir-Regolament Nru 139/2004, ara wkoll il-premessa 12 tiegħu. Din l-evoluzzjoni, dovuta wkoll għall-portata progressivament iżgħar għall-użu tal-mekkaniżmu ta’ rinviju, ġiet enfasizzata il-kummentarji legali: ara, pereżempju, Albors-Llorens, A., Goyder, D. G. u Goyder, J., Goyder’s EC Competition Law, il-ħames edizzjoni, Oxford University Press, 2009, p. 431; u Frenz, W., Handbook of EU Competition Law, Springer, 2016, p. 1308.


    100      Punt 131 tas-sentenza appellata.


    101      Punt 132 tas-sentenza appellata. Enfasi miżjuda.


    102      Enfasi miżjuda. Ser nerġa’ lura għal din il-kwistjoni fil-punti 155 u 156 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    103      Fil-fatt, il-proċedura ġiet mibdija b’mod validu u, jekk xejn, talba konġunta għal rinviju minn diversi Stati Membri ttejjeb il-konsistenza tas-sistema: jekk it-talba tiġi aċċettata, l-Istati Membri kkonċernati kollha “ma għandhomx jibqgħu japplikaw il-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni [inkwistjoni]” (Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 139/2004), inkluż id-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-ftehimiet antikompetittivi u l-abbużi minn pożizzjoni dominanti għall-konċentrazzjoni inkwistjoni. Ara, fuq dan l-aħħar punt, il-punt 134 tas-sentenza appellata.


    104      Ara, b’mod estensiv, il-punti 206 sa 214 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    105      Punt 133 tas-sentenza appellata.


    106      Imma ara l-punti 152 sa 162 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    107      Punt 134 tas-sentenza appellata.


    108      Punti 135 u 136 tas-sentenza appellata.


    109      Fil-fatt, (i) jekk Stat Membru mingħajr sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet iressaq talba għal rinviju, l-obbligu ta’ standstill stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 japplika għall-konċentrazzjoni inkwistjoni indipendentement minn jekk din il-konċentrazzjoni taqax taħt il-portata ta’ sistema nazzjonali waħda jew iktar ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, u (ii) jekk Stat Membru jressaq talba għal rinviju, l-obbligu ta’ standstill stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 139/2004 japplika għall-konċentrazzjoni inkwistjoni bis-saħħa tar-Regolament Nru 4064/89, u għaldaqstant indipendentement minn jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tipprovdix għal obbligu ekwivalenti.


    110      Kif tajjeb innotat l-ASE fis-sottomissjonijiet tagħha, ir-Regolament Nru 139/2004 huwa att li, taħt l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE, japplika wkoll fl-“Istati taż-ŻEE-EFTA” (l-Islanda, Liechtenstein u n-Norveġja); Liechtenstein ma għandux skema nazzjonali ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet.


    111      Dan huwa notorjament il-każ tar-Renju Unit, li kien għadu Stat Membri tal-Unjoni meta ġew adottati r-Regolament Nru 4064/89 u r-Regolament Nru 139/2004.


    112      Għal ħarsa tajba lejn dawn l-aspetti speċifiċi tas-sistema, ara “Merger Notification and Procedures Templates” ippreżentati minn ħafna Stati Membri tal-Unjoni lin-Network Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (disponibbli fuq is-sit internet tan-network).


    113      Punt 137 tas-sentenza appellata.


    114      Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni (T‑22/97, EU:T:1999:327, punt 84).


    115      Punt 138 tas-sentenza appellata.


    116      Ara l-punti 129 sa 133 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    117      Ara, b’mod partikolari, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004: “It-termini perentorji nazzjonali kollha relatati mal-konċentrazzjoni għandhom ikunu sospiżi”. Enfasi miżjuda.


    118      Erġa’ ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004: “sakemm, skond il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, ikun deċiż fejn ħa tkun eżaminata l-konċentrazzjoni”. Enfasi miżjuda.


    119      Enfasi miżjuda.


    120      Għal dak li jirrigwarda t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 139/2004, ara l-punti 133 u 150 tas-sentenza appellata. Madankollu, il-Qorti Ġenerali titkellem biss fuq il-kliem “[i]t-termini perentorji nazzjonali kollha” u mhux fuq il-kliem “sakemm […] ikun deċiż fejn ħa tkun eżaminata l-konċentrazzjoni”. Għal dak li jirrigwarda l-premessa 15 (“wkoll kompetenti”), ara l-punti 149 sa 151 tas-sentenza appellata.


    121      Enfasi miżjuda.


    122      Ara wkoll l-espressjonijiet simili, pereżempju, fil-verżjonijiet tar-regolament bil-Ġermaniż (“für”), bil-Grieg (“για λογαριασμό”), bl-Ispanjol (“en nombre de”), bil-Franċiż (“au nom d[e]”), u bit-Taljan (“per conto di”). Jenfasizza li l-Kummissjoni tidher li taġixxi taħt tip ta’ delega tas-setgħat li għandha l-awtorità nazzjonali rilevanti: Cohen-Tanugi, C., et al., La pratique communautaire du contrôle des concentrations, De Boeck Université, 1995, p. 56. B’mod simili, Sir Leon Brittan, nota ta’ qiegħ il-paġna 65, op. cit., p. 52.


    123      Enfasi miżjuda. Id-dispożizzjoni kienet biss suġġetta għal emenda minuri fl‑1997 u mbagħad imħassra bir-Regolament Nru 139/2004, peress li ma kinitx għadha konsistenti mal-funzjoni ġdida tal-one-stop-shop tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 139/2004. Ara Cook, J. u Kerse, C., EC Merger Control, il-ħames edizzjoni, Sweet&Maxwell, 2005, p. 343.


    124      Il-fatt li s-setgħat limitati tal-Kummissjoni implikaw portata limitata għall-mekkaniżmu ta’ rinviju stabbilit f’dak li kien l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4064/89 ġie enfasizzat minn, pereżempju, Cook, J. u Kerse, C., EEC Merger Control – Regulation 4064/89, l-ewwel edizzjoni, Sweet&Maxwell, 1991, p. 60 u 61.


    125      Fil-fatt, sabiex jiġi emendat ir-Regolament Nru 139/2004, normalment tkun meħtieġa l-unanimità (minħabba l-bażi legali taħt l-Artikolu 352 TFUE), imma l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 139/2004 jippermetti lill-Kunsill jemenda l-limiti “b’maġġoranza kwalifikata”.


    126      Ara wkoll il-premessa 9 tar-Regolament Nru 139/2004 li tiddikjara li “[…] Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-limiti u tal-kriterji applikabbli sabiex il-Kunsill, li jaġixxi skond l-Artikolu 202 tat-Trattat, ikun f’pożizzjoni li jeżaminahom mill-ġdid b’mod regolari. Permezz ta’ dan ir-rapport il-Kunsill ikun jista’ jeżamina mill-ġdid […]. Din l-eżaminazzjoni mill-ġdid għandha ssir fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tipprepara dawn ir-rapporti u possibilment anki proposti biex isiru emendi, hemm il-bżonn li l-Istati Membri jagħtu lill Kummissjoni data ta’ l-istatistika. Ir-rapporti u l-proposti tal-Kummissjoni għandhom ikunu ibbażati fuq informazzjoni rilevanti mogħtija b’mod regolari mill-Istati Membri” (enfasi miżjuda). Fid-dawl ta’ din il-premessa, jiena nifhem l-Artikolu 1(4) u (5) tar-Regolament Nru 139/2004 bħala li jippermetti l-użu tal-proċedura ssimplifikata fi kwalunkwe punt wara s-sottomissjoni tar-rapport li kellha ssir sal‑1 ta’ Lulju 2009. Madankollu, jiena nirrikonoxxi li l-lingwaġġ tad-dispożizzjoni jħalli lok għall-ambigwità, li tista’ twassal li wieħed jemmen li l-proċedura ssimplifikata kienet biss applikabbli għall-emendi proposti wara l-adozzjoni tar-rapport tal‑2009. Minkejja dan, anki jekk wieħed jinjora l-formulazzjoni speċifika tal-premessa 9 tar-Regolament Nru 139/2004, l-idea li din id-dispożizzjoni hija applikabbli biss darba tidher li hija illoġika. Fil-fatt, biż-żmien, in-neċessità għall-aġġustament tal-limiti ssir saħansitra iktar evidenti.


    127      Jenfasizza n-natura temporanja tal-mekkaniżmu, Downes, T. A. u Ellison, J., The legal control of mergers in the EC, Blackston, 1991, p. 63 sa 65.


    128      Sir Leon Brittan, nota ta’ qiegħ il-paġna 65, op. cit., p. 42: “Din id-dispożizzjoni hija ddefinita b’mod strett, u ma tippermettix lill-Kummissjoni tittratta konċentrazzjonijiet li ma jilħqux il-limitu fuq bażi ġenerali, anki jekk hija tkun inklinata tevita l-ispirtu tad-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-limitu b’dan il-mod” (enfasi miżjuda). Ara, ukoll, Ibid., “The Law and Policy of Merger Control in the EEC”, European Law Review, 1990, p. 245.


    129      Ara, b’mod partikolari, il-premessa 10 tar-Regolament tal‑1997 u l-premessi 11, 12 u 14 tar-Regolament Nru 139/2004.


    130      Kif jingħad fil-punt 142 tas-sentenza appellata.


    131      Enfasi miżjuda.


    132      Enfasi miżjuda.


    133      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il‑Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Electrabel vs Il‑Kummissjoni (T‑332/09, EU:T:2012:672, punt 246).


    134      Din il-premessa kienet tipprovdi: “Billi għalhekk għandu jinħoloq strument ġdid legali fl-għamla ta’ Regolament biex ikun jista’ jsir kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha mill-aspett ta’ l-effett tagħhom fuq l-istruttura ta’ kompetizzjoni fil-Komunità u biex ikun l-uniku strument applikabbli għal konċentrazzjonijiet bħal dawn”.


    135      Skont din id-dispożizzjoni, minkejja l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni sabiex teżamina l-konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, “Stati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa sabiex jipproteġu interessi leġittimi, għajr dawk ikkunsidrati f’dan ir-Regolament u li jkunu jaqblu mal-prinċipji ġenerali u dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja”.


    136      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt (C‑248/16, EU:C:2017:643, punt 21). Ara wkoll is-sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il‑Kummissjoni (T‑102/96, EU:T:1999:65, punt 314), u tat‑22 ta’ Settembru 2021, Altice Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑425/18, EU:T:2021:607, punt 299).


    137      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 50), u l-premessa 8 tar-Regolament Nru 139/2004.


    138      Ara l-premessa 9 tar-Regolament Nru 139/2004.


    139      Ara b’mod partikolari l-punt 140 tas-sentenza appellata.


    140      Enfasi miżjuda. Fil-fatt, il-kummentarji legali rreferew għar-Regolament Nru 4064/89 ukoll bħala strument li għandu diversi għanijiet: ara, pereżempju, Navarro Varona et al., Merger Control in the EU: Law, Economics and Practice,  l-ewwel edizzjoni, Oxford University Press, 2001, p. 1 sa 5.


    141      Ara r-referenzi għall-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-premessi 6, 8, 11 u 14. Ara wkoll il-premessa 8 in fine: “konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux taħt dan ir-Regolament jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri”.


    142      Ara r-riferimenti għall-prinċipju one-stop-shop fil-premessi 8 u 11, għall-“kompetenza esklusiva” tal-Kummissjoni fil-premessa 17 u għal-limiti riżultanti fuq l-azzjoni tal-Istati Membri fil-premessi 18 u 19.


    143      Ara r-riferimenti għall-effiċjenza fil-premessi 14, 15 u 16, għall-prevedibbiltà fil-premessa 15, u għaċ-ċertezza legali fil-premessi 11, 25 u 34. Ara wkoll il-Green Paper tal‑1996, punt 29. Fil-kummentarji legali, ara, inter alia, Blaise, J. B., “Concurrence – Contrôle des opérations de concentration”, Revue trimestrielle de droit européen, 1990, p. 743; u Venit, J., “The ‘merger’ control regulation: Europe comes of age… or Caliban’s dinner”, Common Market Law Review, 1990, p. 44.


    144      B’mod simili, Whish, R.u Bailey, D., Competition Law, it-tmien edizzjoni, Oxford University Press, 2018, p. 832 u 833.


    145      Ara, b’mod ġenerali, Irarrazabal Philippi, F., “Merger control procedure”, Global Dictionary of Competition Law, Concurrences, Art. Nru 12342.


    146      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il‑Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑42/01, EU:C:2004:379, punti 51 u 53). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni (C‑202/06 P, EU:C:2007:255, punt 44).


    147      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 50). Ara wkoll il-premessa 8 (“konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux taħt dan ir-Regolament jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri”) u l-premessa 9 (“[i]l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun definit skond iż-żona ġeografika fejn l-impriżi konċernati huma attivi u għandu jkunu limitat b’limiti kwantitattivi sabiex ikopri dawk il-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni Komunitarja”).


    148      Ara, iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 141.


    149      Sir Leon Brittan, “Subsidiarity in the Constitution of the EC”, Robert Schuman Lecture, European University Institute, 1992, p. 12.


    150      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) TUE: “Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà [...], l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn, l-objettivi ta’ l-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti ta’ l-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell ta’ l-Unjoni”.


    151      Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/914 tal‑20 ta’ April 2023 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (ĠU 2023, L 119, p. 22).


    152      Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (ĠU 2022, L 265, p. 1).


    153      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments (C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    154      Kif enfasizzat fil-kummentarji kollha; ara, pereżempju, Bushell, G., “Kapitolu II”, f’Jones, C. u Weinert, L. (edituri), EU Competition Law, Vol. II, L-ewwel ktieb, Edward Elgar Publishing, 2021, p. 41.


    155      Ara, reċentament, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Adeżjoni mal-Att ta’ Genève) (C‑24/20, EU:C:2022:911, punt 83).


    156      Dan huwa veru a fortiori jekk wieħed ikun tal-fehma, bħali, li l-proċedura ssimplifikata prevista fl-Artikolu 1(4) u (5) tar-Regolament Nru 139/2004 għall-emenda ta’ dawn il-limiti għadha tapplika. Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 125 u 126 iktar ’il fuq.


    157      Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 28).


    158      Sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 40 sa 47), u tal‑25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il‑Kummissjoni (T‑102/96, EU:T:1999:65, punt 243).


    159      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawżi maqgħuda Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni (89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:258, punt 57).


    160      Ara, pereżempju, għal dak li jirrigwarda d-dritt tal-kompetizzjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża InnoLux vs Il‑Kummissjoni (C‑231/14 P, EU:C:2015:292, punti 39 sa 42), u tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Intel Corporation vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2016:788, punti 283 u 300); u, f’kuntest ieħor, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Nikiforidis (C‑135/15, EU:C:2016:281, punt 88).


    161      Ara, pereżempju, l-Artikolu I.2(b) u l-Artikolu IV tal-Ftehim tal‑4 ta’ Ġunju 1998 bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar l-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ korteżija pożittiva fl-infurzar ta’ liġijiet li jirregolaw il-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 318).


    162      Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, F. Hoffmann-La Roche, Ltd. vs Empagran S.A. (124 S. Ct. 2359 (2004)).


    163      Ara, inter alia, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et (C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 85). Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju f’dan il-kuntest, ara mutatis mutandis il-punt 236 tas-sentenza appellata.


    164      Kif qal V. Korah, in-negozji jista’ jiswihom ħafna flus sabiex jittrattaw ma’, u jipprovdi informazzjoni lil, diversi awtoritajiet, f’diversi lingwi u f’forom differenti f’termini differenti, u li huma fi kwalunkwe każ, dejjem qosra (ara An Introductory Guide to EC Competition Law and Practice, it-tmien edizzjoni, Hart, 2004, p. 356).


    165      Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023 (C‑449/21, EU:C:2023:207).


    166      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023 (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 131).


    167      Ara, mutatis mutandis, United States Department of Justice and the Federal Trade Commission, Horizontal Merger Guidelines, 2010, Taqsima 6.4.


    168      Ara, bir-riferimenti, Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), “Disentangling Consummated Mergers: Experiences and Challenges”, Competition Policy Roundtable Background Note, 2022.


    169      Fuq dan is-suġġett, ara pereżempju, Ginsburg, D. H. u Wong-Ervin, K. W., “Challenging Consummated Mergers Under Section 2”, Competition Policy International, Mejju 2020.


    170      Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ĠU 2019, L 11, p. 3). Dwar din id-direttiva, ara b’mod ġenerali Arsenidou, E., “The ECN+ Directive”, f’Dekeyser, K. et al. (edituri), Regulation 1/2003 and EU Antitrust Enforcement – A Systematic Guide, Wolters Kluwer, 2023, p. 143 sa 149.


    171      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Towercast (C‑449/21, EU:C:2022:777, punt 63).


    172      Fuq miżuri provviżorji, ara, reċentement, OECD, “Interim Measures in Antitrust Investigations”, Competition Policy Roundtable Background Note, 2022.


    173      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem) (C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    174      Sentenza tat‑3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il‑Kummissjoni (T‑119/02, EU:T:2003:101, punt 354).


    175      Ara l-punt 182 tas-sentenza appellata. It-tifsira ta’ din is-silta għadha pjuttost oskura għalija.


    176      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 203 tas-sentenza appellata.


    177      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 199 tas-sentenza appellata.


    178      Ara, b’iktar referenzi, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2022:384, punti 38 sa 59).


    179      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 221 tas-sentenza appellata.


    180      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 226 tas-sentenza appellata.


    181      Ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni msemmija fil-punt 240 tas-sentenza appellata.


    182      B’mod partikolari, huwa diffiċli li wieħed jifhem għaliex l-appellanti kienu kkuntattjati mill-Kummissjoni, u sussegwentement informati bit-tħassib tagħha, kważi tliet xhur wara li l-Kummissjoni rċeviet ilment dwar il-konċentrazzjoni, minkejja li l-Kummissjoni – matul dak il-perijodu – kien kellha diversi skambji mal-lanjant, diversi ANK, awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra u l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Swieq.


    183      Diskors intitolat “The Future of EU Merger Control”, mogħti fl‑24 Konferenza Annwali tal-Kompetizzjoni tal-International Bar Association fil‑11 ta’ Settembru 2020.


    184      Ara, f’dan ir-rigward, il‑punt 260 tas-sentenza appellata.


    185      Ara, f’dan ir-rigward, il‑punt 261 tas-sentenza appellata.


    186      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, Riigi Tugiteenuste Keskus (C‑6/20, EU:C:2021:402, punt 49), u tal‑31 ta’ Marzu 2022, Smetna palata na Republika Bulgaria (C‑195/21, EU:C:2022:239, punt 65).


    187      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 62 tas-sentenza appellata.


    188      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 79 u 80 tas-sentenza appellata.

    Top