Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0549

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati fit-12 ta’ Ottubru 2023.
    X vs Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Centrale Raad van Beroep.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KE‑Alġerija – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti Alġerini u s-superstiti tagħhom – Trasferiment ta’ benefiċċji lejn l-Alġerija bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru debitur – Benefiċċji tas-superstiti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika l-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza – Klawżola ta’ residenza li tinkludi tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċju tas-superstiti għall-benefiċjarji residenti fl-Alġerija.
    Kawża C-549/22.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:769

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    COLLINS

    ippreżentati fit‑12 ta’ Ottubru 2023 ( 1 )

    Kawża C‑549/22

    X

    vs

    Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Relazzjonijiet esterni – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju UE-Alġerija – Artikolu 68(4) – Effett dirett – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Konjuġi superstiti ta’ ħaddiem ta’ nazzjonalità Alġerina impjegat fi Stat Membru – Esportazzjoni ta’ benefiċċju tas-superstiti lejn l-Alġerija – Tnaqqis tal-benefiċċju – Diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità – Ġustifikazzjoni oġġettiva għat-tnaqqis li tirrifletti d-differenzi fl-ispejjeż tal-għajxien”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Ir-rikorrenti, X, tirrisjedi fl-Alġerija. Peress li l-konjuġi deċedut tagħha kien jaħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi, hija tirċievi benefiċċju tas-superstiti mis-Sociale verzekeringsbank (il-Bank ta’ Assigurazzjoni Soċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“SVB”). Il-Pajjiżi l-Baxxi adottaw leġiżlazzjoni li naqqset l-ammont ta’ benefiċċju tas-superstiti mħallas lil X fuq il-bażi li l-għoli tal-ħajja fl-Alġerija kien inqas minn dak f’dak l-Istat Membru. X ikkontestat dan it-tnaqqis fi proċeduri quddiem is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi). Din il-qorti tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) ( 2 ) jipprekludix tali tnaqqis.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

    2.

    L-Artikolu 68 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi li:

    “1.   B’riżerva għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi segwenti, il-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina u l-membri tal-familja tagħhom li joqogħdu magħhom għandhom jibbenefikaw, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, minn trattament ħieles minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità meta mqabbla ma’ ċittadini tal-Istati Membri fejn ikunu impjegati.

    Il-kunċett ‘sigurtà soċjali’ għandu jkopri l-fergħat tas-sigurtà soċjali li jirrigwardaw il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità, l-invalidità, il-benefiċċji tax-xjuħija u tas-superstiti, il-benefiċċji tal-inċidenti industrijali u mard ikkaġunat mix-xogħol u l-benefiċċji tal-mewt, tal-qgħad u tal-familja.

    Dawn id-dispożizzjonijiet, madankollu, ma għandhomx irendu applikabbli ir-regoli ta’ koordinazzjoni oħra pprovduti fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità bbażata fuq l-Artikolu 42 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ħlief skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 70 tal-Ftehim.

    2.   Il-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ residenza mwettqa minn tali ħaddiema fid-diversi Stati Membri għandhom jingħaddu flimkien għall-iskopijiet tal-pensjonijiet u tal-annwalitajiet tax-xjuħija, tal-benefiċċji tal-invalidità u tas-superstiti, tal-benefiċċji tal-familja, tal-mard u tal-maternità u tal-kura medika tal-ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom li jirrisjedu fil-Komunità.

    3.   Il-ħaddiema inkwistjoni għandhom jirċievu allowances tal-familja għall-membri tal-familji tagħhom li jirrisjedu fil-Komunità.

    4.   Il-ħaddiema inkwistjoni għandhom ikunu jistgħu jittrasferixxu liberament lejn l-Alġerija, bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew Stati Membri debituri, kwalunkwe pensjonijiet jew annwalitajiet fir-rigward tax-xjuħija, tal-istatus ta’ superstiti, tal-inċidenti industrijali jew tal-mard ikkaġunat mix-xogħol, ħlief fil-każ ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    3.

    Skont l-Artikolu 70 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni:

    “1.   Qabel tmiem l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jadotta dispożizzjonijiet biex jimplimenta l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 68.

    2.   Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jadotta regoli dettaljati għall-kooperazzjoni amministrattiva li tipprovdi l-garanziji għall-ġestjoni u s-superviżjoni neċessarji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    B.   Id‑dritt Olandiż

    4.

    Id-digriet tar-rinviju jidentifika bħala rilevanti d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ġejjin.

    5.

    L-Artikolu 13(1) tal-Algemene Nabestaandenwet (il-Liġi Ġenerali dwar is-Superstiti) (iktar ’il quddiem l-“ANW”) jipprovdi li:

    “Persuna titqies li hija assigurata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jekk huwa jew hija:

    (a)

    tkun residenti;

    (b)

    ma tkunx residenti iżda tkun suġġetta għat-taxxa fuq il-paga fir-rigward għal xogħol imwettaq f’relazzjoni ta’ impjieg fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fuq il-blata kontinentali”.

    6.

    L-Artikolu 14(1) tal-ANW jipprovdi, sa fejn huwa rilevanti:

    “Il-qarib superstiti huwa intitolat għall-benefiċċju tas-superstiti jekk huwa jew hija:

    (a)

    ikollu wild mhux miżżewweġ taħt l-età ta’ 18‑il sena, liema wild ma jkunx jgħix ma’ familja ta’ persuna oħra; jew

    (b)

    ikun f’pożizzjoni ta’ inkapaċità għax-xogħol”.

    7.

    L-Artikolu 17(1) tal-ANW jipprovdi li:

    “Il-benefiċċju tas-superstiti gross għandu jiġi ffissat għal tali ammont li, wara t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-paga u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li għandhom jintnaqqsu f’ras il-għajn fuq dan l-ammont għal persuna li għadha ma laħqitx l-età tal-irtirar, b’teħid inkunsiderazzjoni biss tal-kreditu ta’ taxxa ġenerali msemmi fl-Artikolu 22 tal-Wet op de loonbelasting 1964 (il-Liġi tal‑1964 dwar it-Taxxa fuq il-Paga), il-benefiċċju tas-superstiti nett ikun jammonta għal 70 % tal-paga minima netta”.

    8.

    Skont l-Artikolu 17(3) tal-ANW:

    “Għal qarib superstiti li jirrisjedi barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, jew barra minn wieħed mill-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, jew barra minn Stat kontraenti għal-Ftehim ŻEE jew barra mill-Isvizzera, il-benefiċċju tas-superstiti gross għandu jkun perċentwali ffissat b’ordni ministerjali tal-ammont stabbilit skont il-paragrafi 1, 2 jew 5. Il-perċentwali għandu jiġi stabbilit b’mod li jirrifletti r-relazzjoni bejn il-livell ta’ spejjeż tal-pajjiż fejn jirrisjedi s-superstiti u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-perċentwali ma għandux jaqbeż il‑100”.

    9.

    Skont l-Artikolu 32(a)(1) u (2) tal-ANW:

    “1.   Il-qarib superstiti ma jkunx intitolat għall-benefiċċju tas-superstiti jekk huwa ma jkunx jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-ġurnata tal-mewt tal-persuna assigurata. […]

    2.   L-ewwel paragrafu ma għandux japplika jekk il-qarib superstiti […], fil-ġurnata tal-mewt tal-persuna assigurata, ikun jirrisjedi fil-pajjiż fejn jista’ jkun hemm dritt għall-benefiċċju tas-superstiti skont trattat jew deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali […]”.

    III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    10.

    Fl‑1 ta’ Jannar 2000, daħlet fis-seħħ il-Wet beperking export uitkeringen (il-Liġi li Tillimita l-Esportazzjoni tal-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali). Hija introduċiet il-prinċipju ta’ territorjalità f’oqsma differenti tal-liġi tas-sigurtà soċjali. Ir-regola prinċipali hija li ma jkunx hemm dritt għall-benefiċċju, jew li dritt eżistenti għall-benefiċċju jispiċċa, jekk il-benefiċjarju ikun joqgħod barra mill-Pajjiżi l-Baxxi jew jieqaf jirrisjedi f’dan l-Istat Membru. Ikun hemm eċċezzjoni fil-każ ta’ trattat internazzjonali mal-pajjiż ta’ residenza tal-benefiċjarju li jirregola l-esportazzjoni tal-benefiċċju, u li jippermetti għaldaqstant li jsiru verifiki sabiex jiġi żgurat li l-benefiċċji jitħallsu legalment. Bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Alġerija ma jeżistix tali trattat.

    11.

    Skont arranġamenti tranżizzjonali, benefiċċju tas-superstiti li jkun hemm dritt għalih mill-benefiċjarju qabel il‑31 ta’ Diċembru 1999 jista’ jiġi esportat anki lejn pajjiż li l-Pajjiżi l-Baxxi ma jkunx ikkonkluda trattat miegħu.

    12.

    Fl‑1 ta’ Lulju 2012, daħlet fis-seħħ il-Wet woonlandbeginsel in de sociale zekerheid (il-Liġi dwar il-Prinċipju tal-Pajjiż ta’ Residenza fis-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem il-“Wwsz”). Skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni, il-Wwsz hija intiża li tillimita l-esportazzjoni, jew il-ħlas barra mill-pajjiż, ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali barra mill-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, hija emendat l-Artikolu 17(3) tal-ANW ( 3 ). Il-Wwsz hija intiża li tiżgura li l-benefiċċji kkalkolati b’riferiment għall-paga minima tal-Pajjiżi l-Baxxi, jew li jkopru ċerta spejjeż, ikunu konformi mal-għoli tal-ħajja f’pajjiż fejn jiġu esportati. Il-benefiċjarji li ma jirrisjedux fil-Pajjiżi l-Baxxi, fi Stat Membru ieħor, fi Stat kontraent għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Isvizzera jitħallsu, għaldaqstant, benefiċċju kkalkolat bħala perċentwali tal-ammont tal-benefiċċju tas-superstiti li huma kienu jirċievu kieku kienu jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    13.

    Għal benefiċjarji li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-ammont massimu tal-benefiċċju tas-superstiti huwa ta’ 70 % tal-paga minima mensili legali tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għal benefiċjarji li jirrisjedu fl-Alġerija, il-livell tal-benefiċċju kien 60 % tal-livell applikabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi mill‑2013 u 40 % mill‑2016 ( 4 ). Dawn il-perċentwali huma intiżi li jirriflettu l-għoli tal-ħajja fl-Alġerija meta pparagunat ma’ dak fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    14.

    Il-mejjet żewġ ir-rikorrenti kien impjegat fil-Pajjiżi l-Baxxi. Skont l-ANW, ir-rikorrenti kienet intitolata għal benefiċċju tas-superstiti mill‑1 ta’ Jannar 1999. Skont arranġamenti tranżizzjonali ( 5 ), mill‑1 ta’ Jannar 2000 dan il-benefiċċju kien esportat lejn l-Alġerija, il-pajjiż ta’ residenza tagħha. B’deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2018, is-SVB informa lir-rikorrenti li b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2013, il-benefiċċju tagħha tas-superstiti kien ser jitnaqqas sabiex jirrifletti l-għoli tal-ħajja fl-Alġerija. Fir-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, X issostni li ma hijiex kapaċi ssostni lilha nfisha b’riżultat ta’ dan it-tnaqqis.

    15.

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-qorti tar-rinviju, it-tnaqqis ta’ benefiċċju minħabba l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza huwa restrizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ dan il-benefiċċju. Is-SVB jieħu l-pożizzjoni li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jipprekludix tali restrizzjoni minħabba li ma jinkludix obbligu ddefinit b’mod ċar u preċiż sabiex tkun permessa l-esportazzjoni ta’ benefiċċji. Għaldaqstant, l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma għandux effett dirett. Din il-pożizzjoni hija konformi mal-Artikolu 70 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jipprovdi li l-Artikolu 68 tiegħu jistabbilixxi biss prinċipji ġenerali li għandhom jiġu implimentati mill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni, li dan tal-aħħar ma għamilx.

    16.

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni hija rilevanti għall-esportazzjoni ta’ benefiċċji lejn l-Alġerija u għall-esportazzjoni ta’ benefiċċji lejn pajjiżi oħra li l-Unjoni Ewropea kkonkludiet ftehimiet magħhom li fihom klawżola simili ( 6 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota wkoll li d-dritt Olandiż li jaġġusta l-livell tal-benefiċċju tas-superstiti għall-għoli tal-ħajja fil-pajjiż fejn jirrisjedi l-benefiċjarju jista’ jkun inkompatibbli ma’ tali klawżoli. Għaldaqstant, hija ssospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    L-Artikolu 68(4) tal-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għas-superstiti ta’ ħaddiem deċedut li jirrisjedi fl-Alġerija u li jixtieq jesporta l-benefiċċju tiegħu tas-superstiti lejn l-Alġerija?

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv,

    (2)

    L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fid-dawl tal-kliem tiegħu kif ukoll tal-iskop u tan-natura tal-ftehim, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa għandu effett dirett, b’tali mod li l-persuni li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni għandhom id-dritt li jinvokawh direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex jeskludu l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jmorru kontrih?

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv,

    (3)

    L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ residenza, kif previst fl-Artikolu 17(3) tal-[ANW], li twassal għal limitazzjoni tal-esportazzjoni tal-benefiċċju tas-superstiti lejn l-Alġerija?”

    17.

    Is-SVB, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u rrispondew għad-domandi bil-miktub u orali tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta tat‑28 ta’ Ġunju 2023.

    IV. Analiżi

    A.   L‑osservazzjonijiet tal‑partijiet

    18.

    Is-SVB isostni li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-iskop li jiżgura li r-restrizzjonijiet tal-munita ma jipprekludux it-trasferiment ta’ pensjonijiet u ta’ annwalitajiet mill-“ħaddiema”. Minħabba r-referenza espressa għall-“ħaddiema”, il-membri tal-familja tal-ħaddiem, bħalma huma l-armla jew l-armel, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni.

    19.

    Skont is-SVB, l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma għandux effett dirett minħabba li ma jimponix obbligu ddefinit b’mod ċar u preċiż fuq l-istituzzjonijiet responsabbli għall-provvista ta’ pensjonijiet jew annwalitajiet sabiex jittrasferixxu l-ammont sħiħ ta’ benefiċċju lill-konjuġi superstiti ta’ ħaddiem resident fl-Alġerija. Mill-Artikolu 70 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jsegwi li sabiex jingħata effett lill-Artikolu 68(4) jinħtieġu iktar miżuri ta’ implimentazzjoni. Anki kieku din l-aħħar dispożizzjoni kellha effett dirett, la t-test u lanqas il-kuntest tagħha ma jipprekludu l-aġġustament tar-rata tal-benefiċċju tas-superstiti sabiex jirrifletti l-għoli tal-ħajja iktar baxx fl-Alġerija meta mqabbel mal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Gvern Olandiż jikkondividi dawn il-fehmiet ( 7 ).

    20.

    Insostenn tal-fehma tagħhom li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma għandux effett dirett, is-SVB u l-Gvern Olandiż jirreferu għall-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ( 8 ) intitolat “Rinunzja ta’ regoli dwar ir-residenza”. Dan jipprovdi li “sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, benefiċċji fi flus mogħtija taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed jew taħt dan ir-Regolament, ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji” ( 9 ) Is-SVB jsostni li din id-dispożizzjoni hija simili għar-rinunzja tal-klawżola ta’ residenza fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiem Torok u l-membri tal-familja tagħhom (“Deċiżjoni Nru 3/80”) ( 10 ). Is-SVB u l-Gvern Olandiż isostnu li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jistax jiġi ekwiparat ma’ rinunzja tal-klawżola ta’ residenza peress li huwa fformulat f’termini differenti u iktar ambigwi.

    21.

    Waqt is-seduta, is-SVB u l-Gvern Olandiż sostnew li l-Artikolu 68(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma japplikax għal benefiċjarju li jirrisjedi fl-Alġerija peress li kemm it-test ta’ din id-dispożizzjoni u kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jindikaw li din id-dispożizzjoni tapplika esklużivament f’kuntest intra-Ewropew. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 17(3) tal-ANW ma jiddiskriminax fuq il-bażi ta’ nazzjonalità, kemm direttament jew indirettament, peress li l-għoli tal-ħajja għar-residenti Olandiżi u għar-residenti Alġerini ma huwiex paragunabbli. Għaldaqstant, huwa xieraq li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni jiġu ttrattati b’mod differenti.

    22.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkludi lill-konjuġi armel ta’ ħaddiem, li jirrisjedi fl-Alġerija u li jixtieq jesporta l-benefiċċju tiegħu tas-superstiti lejn dak il-pajjiż. Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan u mal-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Filwaqt li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa suffiċjentement ċar u preċiż sabiex ikollu effett dirett, mill-kliem “bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru debitur jew Stati Membri debituri”, il-Kummissjoni tinferixxi li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix it-trasferiment tal-benefiċċju tas-superstiti b’rata mnaqqsa sabiex tirrifletti l-għoli tal-ħajja iktar baxx fl-Alġerija. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ċċarat li hija tikkunsidra li l-ANW tista’ taħdem għall-iżvantaġġ ta’ iktar ċittadini Alġerini milli ċittadini Olandiżi, iżda li tali differenza fit-trattament hija oġġettivament iġġustifikata u għaldaqstant ma hijiex ipprojbita mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

    B.   Evalwazzjoni

    23.

    Permezz tat-tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-ewwel domanda tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari dwar jekk din tapplikax għall-konjuġi superstiti ta’ ħaddiem li jirrisjedi fl-Alġerija; it-tieni domanda hija intiża li taċċerta jekk din id-dispożizzjoni għandhiex effett dirett, u t-tielet domanda jekk hija tipprekludix it-tnaqqis ta’ benefiċċju tas-susperstiti sabiex jirrifletti l-għoli tal-ħajja fl-Alġerija.

    24.

    Qabel nindirizza dawn id-domandi, għandhom jiġu kkunsidrati żewġ kwistjonijiet ġenerali. L-ewwel waħda tikkonċerna l-impatt tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni] fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (id-“Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/699”) ( 11 ). It-tieni waħda tikkonċerna l-argument ta’ SVB li l-għan tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa limitat għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet dwar il-muniti.

    1. L‑impatt tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2010/699

    25.

    L-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jagħti lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li jikkonsisti f’membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni, minn naħa, u membri tal-Gvern tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet għall-iskopijiet li jinkisbu l-għanijiet ta’ dan il-ftehim. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim reċiproku ( 12 ).

    26.

    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 68(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma għandhomx iwasslu għall-applikazzjoni ta’ regoli oħra ta’ koordinazzjoni pprovduti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bbażata fuq l-Artikolu 42 KE ( 13 ), ħlief taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 70 tiegħu, jiġifieri, permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

    27.

    Fil‑21 ta’ Ottubru 2010 ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/699. Din tistabbilixxi l-pożizzjoni li l-Unjoni Ewropea hija beħsiebha tieħu fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 68 sa 71 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ( 14 ). L-abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jiddefinixxi termini prinċipali bħal “ħaddiem”, “membru tal-familja”, “benefiċċji” u “benefiċċji esportabbli”. L-Artikolu 4(1) tal-abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, li jimplimenta l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, huwa intitolat “Revoka ta’ Klawsoli ta’ Residenza” u jipprovdi li:

    “Il-benefiċċji esportabbli fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i) li għalihom għandhom id-dritt il-persuni msemmija fl-Artikolu 2(a) u (c) m’għandhom ikunu soġġetti għal ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, irtirar jew konfiska minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jkun qiegħed jirresjedi: (i) għall-fini ta’ benefiċċju skont il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, fit-territorju tal-Alġerija, jew (ii) għall-fini ta’ benefiċċju skont il-leġislazzjoni tal-Alġerija, fit-territorju ta’ Stat Membru”.

    28.

    Liema impatt għandhom, jekk huwa l-każ, dawn id-dispożizzjonijiet tal-abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni?

    29.

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/699 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 79(2)(b) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, li jipprovdi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li tista’ tieħu l-Unjoni Ewropea f’korp stabbilit taħt ftehim ma’ pajjiżi terzi. Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, “[i]d-deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali deċiżjonijiet jorbtu lill-Istati Membri meta dawn jinnegozjaw it-termini ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni finali ( 15 ).

    30.

    L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/699 jipprovdi li l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 70 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni mehmuż ma’ din id-deċiżjoni. Il-kliem “għandha tkun ibbażata” jindikaw li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea tista’ tkun differenti mill-abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni f’ċerti aspetti. Peress li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/699 ilha li ġiet adottata iktar minn deċennju, tali sitwazzjoni hija konċepibbli.

    31.

    L-Artikolu 11 tal-abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jipprovdi li l-ebda dritt ma jista’ jinkiseb taħt din id-deċiżjoni għall-perijodu ta’ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Kif ġie osservat fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ma għandux saħħa vinkolanti sakemm jiġi adottat mil-leġiżlatur kompetenti, jiġifieri l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, jadottaha ( 16 ).

    32.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li wieħed ma jistax jassumi li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-istess tifsira bħall-Artikolu 4(1) tal-abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni peress li din l-assunzjoni tkun tevita l-proċess leġiżlattiv u tippreġudika l-eżitu tiegħu ( 17 ). L-iktar l-iktar, l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jista’ jipprovdi gwida fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, iżda ma jistax jisboq it-termini li bihom hija espressa tali dispożizzjoni ( 18 ). Din l-osservazzjoni tapplika wkoll għall-Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni imwaqqaf mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li tissemma fid-digriet tar-rinviju ( 19 ).

    2. L‑għan tal‑Artikolu 68(4) tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

    33.

    Is-SVB isostni li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa limitat għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet marbutin mal-munita fir-rigward tat-trasferiment tal-pensjonijiet u tal-annwalitajiet.

    34.

    L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jiddikjarax espressament dan l-għan. Il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk l-interpretazzjoni tas-SVB tistax tkun ikkorroborata permezz ta’ analiżi kuntestwali. L-Artikolu 1(2) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi li l-ftehim huwa intiż, inter alia, li jippromwovi l-kummerċ u l-espansjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali armonjużi bejn il-partijiet kontraenti. It-Titolu VI ta’ dan il-ftehim huwa intitolat “Kooperazzjoni soċjali u kulturali”. Il-Kapitolu 1 tiegħu jittratta d-drittijiet tal-ħaddiema. Id-dispożizzjonijiet tiegħu jirrigwardaw u huma intiżi li jiksbu progress fil-qasam tal-moviment tal-ħaddiema u t-trattament u integrazzjoni soċjali ugwali għaċ-ċittadini Alġerini u Ewropej li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati ospitanti tagħhom ( 20 ).

    35.

    L-Artikolu 67(1) jipprovdi li, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-remunerazzjoni u t-tkeċċija, kull Stat Membru għandu jagħti lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina, impjegati fit-territorju tagħhom, trattament ħieles minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità meta mqabbla maċ-ċittadini tiegħu stess. L-Artikolu 67(3) jimponi obbligu reċiproku fuq l-Alġerija.

    36.

    Skont l-Artikolu 68(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li jgħixu magħhom għandhom jingħataw, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, trattament ħieles minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istati Membri fejn huma impjegati. Is-sigurtà soċjali tinkludi speċifikament il-benefiċċji tas-superstiti. L-Artikolu 68(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa espress bħala li huwa suġġett għall-paragrafi sussegwenti tal-Artikolu 68.

    37.

    L-Artikolu 68(2) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi li l-perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg u ta’ residenza mwettqa mill-ħaddiema fid-diversi Stati Membri għandhom jingħaddu flimkien għall-iskopijiet tal-pensjonijiet u tal-annwalitajiet, inkluż fir-rigward tal-benefiċċji tas-superstiti. L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirreferi għat-trasferiment ħieles ta’ pensjonijiet u ta’ annwalitajiet lejn l-Alġerija fir-rigward tal-“istatus ta’ superstiti”. L-Artikolu 68(5) jimponi obbligi reċiproċi fuq l-Alġerija fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Membri.

    38.

    Minn dan isegwi li l-Artikoli 67 u 68 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu VI tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiffokaw fuq il-moviment tal-ħaddiema u t-trattament ugwali tagħhom meta pparagunati maċ-ċittadini ta’ Stat Membru, u dan kif jinsab ikkonfermat fil-Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Alġerija u l-Unjoni Ewropea u l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ( 21 ). Il-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jittratta l-ħlasijiet u l-movimenti tal-kapital kurrenti. Wieħed jista’ jantiċipa li dan il-kapitolu jkun fih dispożizzjonijiet li jeżiġu t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet li jirrigwardaw il-munita.

    39.

    L-esklużjoni ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji fl-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tkun, barra minn hekk, illoġika jekk l-unika għan ta’ din id-dispożizzjoni jkun limitat għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet li jirrigwardaw il-munita. Dawn il-benefiċċji kienu esklużi mill-applikazzjoni tar-revoka ta’ klawżoli ta’ residenza fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità ( 22 ) u mir-Regolament Nru 883/2004 ( 23 ). Dan il-fatt jikkorrobora iktar il-pożizzjoni li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jittratta l-kwistjonijiet kollha relatati mat-trasferibbiltà ta’ pensjonijiet u ta’ annwalitajiet fid-dawl tal-post ta’ residenza tal-benefiċjarju, u ma huwiex limitat għat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet li jirrigwardaw il-munita. F’dan il-kuntest, huwa rilevanti wkoll li la l-Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Alġerija u tal-Unjoni Ewropea u lanqas l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ma jirreferu espressament għat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet li jirrigwardaw il-munita.

    40.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa implawżibbli li l-għan tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi limitat għat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet li jirrigwardaw il-munita fir-rigward tal-pensjonijiet jew annwalitajiet ittrasferiti lejn l-Alġerija.

    3. L‑ewwel domanda: is-superstiti ta’ ħaddiem jaqa’ taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal‑Artikolu 68(4) tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni?

    41.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-terminu “ħaddiema” fl-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkludix il-konjuġi armla ta’ ħaddiem, bħalma hija r-rikorrenti.

    42.

    Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-partijiet fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li l-benefiċċju inkwistjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Huma jikkunsidraw ukoll li dan ma huwiex benefiċċju speċjali mhux kontributorju għall-iskopijiet tal-Artikolu 68(4) ta’ dan il-ftehim.

    43.

    Il-benefiċċji u l-pensjonijiet tas-superstiti għandhom żewġ għanijiet prinċipali. L-ewwel, huma jipproteġu lir-romol mir-riskju ta’ faqar billi jikkumpensaw it-tnaqqis drastiku fid-dħul disponibbli għal livelli assolutament baxxi. Dan huwa l-għan prinċipali tal-benefiċċju tas-superstiti inkwistjoni. It-tieni, huma jikkontribwixxu sabiex jevitaw tnaqqis fid-dħul disponibbli li jirrigwarda s-sitwazzjoni prevalenti qabel mewt il-konjuġi, bl-istess mod kif il-pensjonijiet tax-xjuħija jgħinu jevitaw tnaqqis drastiku fid-dħul meta persuna titlaq mix-xogħol mal-irtirar. Dawn l-għanijiet li jpattu għall-konsum huma intiżi għaldaqstant għall-preservazzjoni tal-istandard tal-ħajja tal-benefiċjarji.

    44.

    Min-natura tagħhom, l-istatus ta’ superstiti u l-benefiċċji tas-superstiti jinbtu mal-mewt ta’ ħaddiem u jkunu dovuti lis-superstiti. Sa fejn l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirreferi għat-trasferibbiltà libera tal-pensjonijiet u tal-annwalitajiet fir-rigward tal-istatus ta’ superstiti, din id-dispożizzjoni tkun imċaħħda mill-effett utli tagħha kieku s-superstiti tal-ħaddiema li jkunu intitolati għall-benefiċċji tas-superstiti jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha. Ikun illoġiku wkoll kieku, wara li kien possibbli li jingħaddu l-perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ residenza għall-iskopijiet ta’ pensjonijiet u annwalitajiet fir-rigward tal-benefiċċji tas-superstiti skont l-Artikolu 68(2) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, ikun biss il-ħaddiem li jkollu d-dritt jittrasferixxi dawn il-benefiċċji lejn l-Alġerija ( 24 ).

    45.

    Il-kapaċità li jiġu ttrasferiti l-pensjonijiet jew l-annwalitajiet fir-rigward ta’ xjuħija jew ta’ invalidità lejn l-Alġerija hija partikolarment rilevanti għall-ħaddiema rtirati ta’ nazzjonalità Alġerina, jew il-konjuġi romol tagħhom. Din it-trasferibbiltà libera aktarx li tinċentivizza lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina jikkuntrattaw impjieg fi Stat Membru. L-istess japplika għall-konjuġi armel ta’ tali ħaddiem li għandu aspettattiva li huwa jista’ jittrasferixxi l-benefiċċju tas-superstiti lejn l-Alġerija. L-interpretazzjoni li tgħid li l-konjuġi superstiti ta’ ħaddiem taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tiffaċilita għaldaqstant il-moviment tal-ħaddiema.

    46.

    Filwaqt li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jimponix espressament rekwiżiti li jirrigwardaw il-pajjiż ta’ residenza tal-benefiċjarju, ma hemmx dubju li l-abbiltà li jiġu ttrasferiti l-pensjonijiet jew l-annwalitajiet “lejn l-Alġerija” tinkludi ċ-ċirkustanzi ta’ superstiti ta’ ħaddiem ta’ nazzjonalità Alġerina li huwa intitolat għall-benefiċċji tas-superstiti fi Stat Membru u li jmur jirrisjedi fl-Alġerija. Ma hemm ebda spjegazzjoni plawżibbli oħra għall-użu ta’ dawn il-kliem f’din id-dispożizzjoni.

    47.

    Fl-aħħar, l-osservazzjoni tas-SVB li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jimponi rekwiżit għas-superstiti li tkun tirrisjedi fi Stat Membru minħabba li l-Artikolu 68(4) tiegħu jirreferi għall-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina impjegati fi Stat Membru u “kwalunkwe membri tal-familja tagħhom li joqogħdu magħhom” ma tikkonvinċinix peress li ċċaħħad lill-kliem “jittrasferixxu liberament lejn l-Alġerija” fl-Artikolu 68(4) mis-sens ordinarju tagħhom u ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha.

    48.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni b’mod li l-konjuġi superstiti ta’ ħaddiem Alġerin li jirrisjedi fl-Alġerija jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni.

    4. It‑tieni domanda: l‑Artikolu 68(4) tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu effett dirett?

    49.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni ta’ ftehim stipulata mill-Unjoni Ewropea ma’ pajjiż terz għandha effett dirett meta jkun fiha obbligu ċar u preċiż li ma huwiex suġġett, fl-applikazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-adozzjoni ta’ att ulterjuri. Dan jeħtieġ eżaminazzjoni tat-test tad-dispożizzjoni u tas-suġġett u n-natura tal-ftehim, inkluż l-iskop tiegħu ( 25 ).

    50.

    Il-punti 34 sa 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet jispjegaw li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jimponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jippermettu t-trasferiment liberu tal-pensjonijiet u tal-annwalitajiet fir-rigward ta’ status ta’ superstiti. Il-punti 41 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet juru li l-unika interpretazzjoni plawżibbli ta’ din id-dispożizzjoni hija li l-konjuġi armel ta’ ħaddiem ta’ nazzjonalità Alġerina residenti fl-Alġerija, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha. Skont it-test tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, tali persuna għandha tkun tista’, għaldaqstant, tittrasferixxi liberament lejn l-Alġerija, bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew Stati Membri debituri, kwalunkwe pensjonijiet jew annwalitajiet fir-rigward ta’ status ta’ superstiti.

    51.

    Il-frażi “għandhom ikunu jistgħu jittrasferixxu liberament lejn l-Alġerija, bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew Stati Membri debituri”, għandha tingħata t-tifsira ordinarja tagħha. L-abbiltà li persuna tagħmel xi ħaġa liberament tfisser li din tista’ ssir mingħajr restrizzjoni jew kontroll. L-Istati Membri ma jistgħux, għaldaqstant, joħolqu ostakoli quddiem benefiċjarju li jkun jixtieq jittrasferixxi pensjoni jew annwalitajiet, jew jimponu restrizzjonijiet materjali fuqu jew fuqha f’dan il-kuntest.

    52.

    Madankollu, huwa ċar ukoll li l-frażi “bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew Stati Membri debituri” tikkwalifika t-trasferibbiltà tal-pensjonijiet jew tal-annwalitajiet li tirregola. Hija tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fis-sens li huma jistgħu jilleġiżlaw sabiex jaġġustaw il-livell tal-pensjoni jew tal-annwalitajiet li jista’ jiġi ttrasferit lejn l-Alġerija ( 26 ).

    53.

    Skont is-SVB, l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jistax ikollu effett dirett peress li ma jimponi ebda obbligi fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-Artikolu 67(1) jipprovdi li “kull Stat Membru għandu jagħti lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina […] trattament li huwa ħieles minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, […] meta mqabbla maċ-ċittadini tiegħu stess”. Mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirriżulta li, bħall-Artikolu 67(1) tiegħu, l-Istati Membri jridu jimplimentaw din id-dispożizzjoni u jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jikkonformaw miegħu ( 27 ). Għaldaqstant, is-sottomissjoni tas-SVB taħt din it-taqsima ma tikkonvinċinix.

    54.

    Is-SVB u l-Gvern Olandiż isostnu li, peress li r-revoka tal-klawżoli ta’ residenza fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 huma iktar ċari u preċiżi minn dawk fl-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, din l-aħħar dispożizzjoni ma jistax ikollha effett dirett. Din is-sottomissjoni lanqas ma tikkonvinċini. Il-fatt li klawżoli oħra huma fformulati b’mod differenti ma jistax ikollu effett fuq jekk l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jimponix obbligu ċar u preċiż.

    55.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li l-Artikolu 70 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistipula li, wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jadotta dispożizzjonijiet sabiex jimplimenta l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 68, ma jipprekludix l-effett dirett tal-Artikolu 68(4) ( 28 ). Is-sottomissjonijiet tas-SVB f’dan ir-rigward, għalhekk, lanqas ma jikkonvinċuni.

    56.

    Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl tat-test tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, moqri fil-kuntest li ġie konkluż fih, din id-dispożizzjoni għandha effett dirett b’mod li l-persuni li tapplika għalihom huma intitolati jinvokawha direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri.

    5. It‑tielet domanda: l‑Artikolu 68(4) tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprekludi t‑tnaqqis ta’ benefiċċju tas‑superstiti sabiex jirrifletti l‑fatt li l-għoli tal-ħajja huwa inqas minn dak fil‑Pajjiżi l‑Baxxi?

    57.

    It-tielet domanda tiffoka fuq il-frażi “bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew Stati Membri debituri” fl-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Din il-frażi tindika li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni sabiex jaġġustaw il-livell ta’ pensjonijiet u ta’ annwalitajiet fir-rigward tat-trasferiment tagħhom lejn l-Alġerija ( 29 ).

    58.

    L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi l-prinċipju li l-pensjonijiet u l-annwalitajiet huma liberament trasferibbli lejn l-Alġerija. Kif josserva l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-abbiltà li persuna tagħmel xi ħaġa liberament tfisser li l-Istati Membri ma jistgħux joħolqu ostakoli quddiem benefiċjarju li jkun jixtieq jittrasferixxi pensjoni jew annwalitajiet, jew jimponu restrizzjonijiet materjali f’dan ir-rigward.

    59.

    Kieku jkun possibbli għal Stat Membru li jnaqqas il-pensjoni jew l-annwalitajiet għal ammont nominali fuq it-trasferiment tiegħu, l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiċċaħħad mill-iskop u mill-effett utli tiegħu ( 30 ), u jkun ippreġudikat it-twettiq tal-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni sabiex jiffaċilita progressivament il-moviment tal-ħaddiema ( 31 ). It-trasferibbiltà libera tal-pensjonijiet u tal-annwalitajiet aktarx li tikkontribwixxi wkoll sabiex jittejbu l-istandards ta’ għajxien fl-Alġerija. Din hija kunsiderazzjoni rilevanti peress li t-tieni premessa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tgħid li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jixtiequ jistabbilixxu relazzjonijiet ibbażati, inter alia, fuq is-solidarjetà u l-iżvilupp konġunt.

    60.

    Madankollu, huwa importanti li jiġi rrikonoxxut li s-suġġett u l-iskop tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huma limitati ħafna iktar minn dawk tal-Artikoli 45 sa 48 TFUE, li jirregolaw il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea. Skont ġurisprudenza stabbilita, anki meta d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim ikunu simili fit-termini tagħhom għal dawk espressi fit-Trattati tal-UE, dan ma jiġġustifikax l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza applikabbli f’kuntest intra-Ewropew għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ( 32 ). L-għan stabbilit fl-Artikolu 48 TFUE jsib espressjoni konkreta fl-Unjoni Ewropea, inter alia, fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004 ( 33 ), li ma japplikax f’dan il-kuntest ( 34 ) u li huwa eskluż espressament mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 68(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Huwa rilevanti wkoll li l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni ma adottax miżuri ta’ implimentazzjoni li jinkludu r-revoka ta’ klawżola ta’ residenza simili għal dik tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80. Konsegwentement, il-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja siltet fil-ġurisprudenza li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 35 ) ma japplikawx għal dan il-każ, u huwa t-test tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-kuntest li jidher fih li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    61.

    L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 68(1) tiegħu, li jipprovdi li l-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina għandhom jibbenefikaw minn trattament, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, ħieles minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istati Membri fejn ikunu impjegati. Waqt is-seduta, il-partijiet interessati ġew mitluba jittrattaw il-kwistjoni dwar jekk id-dritt nazzjonali rilevanti jwassalx għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità li tikser l-Artikolu 68(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali fuq il-bażi ta’ nazzjonalità jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 36 ).

    62.

    Skont l-Artikolu 17(3) tal-ANW, jekk superstiti jiċċaqlaq lejn l-Alġerija, l-ammont irċevut bħala benefiċċju tas-superstiti jiġi aġġustat bl-applikazzjoni ta’ tnaqqis f’perċentwali. Dan l-aġġustament jaffettwa lil dawk li jirrisjedu fl-Alġerija indipendentement minn jekk għandhomx nazzjonalità Alġerina jew Olandiża, jew iż-żewġ nazzjonalitajiet. Minn din il-perspettiva, ma hemmx differenza fit-trattament.

    63.

    Meta jitfakkar li l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa li jiġi żgurat li s-superstiti jirċievi livell bażiku ta’ dħul sabiex tipprovdi għall-ispejjeż tal-għajxien tiegħu, u li l-paragunabbiltà ta’ sitwazzjonijiet għandha tiġi eżaminata fid-dawl, inter alia, tal-għan tar-regoli li jistabbilixxu d-differenza fit-trattament ( 37 ), jista’ jiġi argumentat li – kif sostnew is-SVN u l-Gvern Olandiż waqt is-seduta – benefiċjarji li jgħixu fl-Alġerija ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli għal dawk li joqogħdu fil-Pajjiżi l-Baxxi u għaldaqstant la hemm diskriminazzjoni diretta u lanqas indiretta.

    64.

    Kif osservat il-Kummissjoni, madankollu, meta kkunsidrat f’termini assolutament monetarji, it-tnaqqis tal-benefiċċju jikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn dawk li jkomplu jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi u dawk li joqogħdu, jew jiċċaqalqu lejn l-Alġerija. Għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tagħmel ebda distinzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità, fil-prattika aktarx li taffettwa prinċipalment liċ-ċittadini Alġerini, peress li s-superstiti ta’ ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina li huma intitolati għall-benefiċċju tas-superstiti inkwistjoni aktarx li iktar jirrisjedu fl-Alġerija miċ-ċittadini Olandiżi. Dan iwassal għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, sakemm il-miżura ma tkunx iġġustifikata b’għanijiet indipendenti min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati u hija proporzjonata għal għan leġittimu ( 38 ).

    65.

    Fi kwalunkwe każ, miniex konvint li l-Artikolu 68(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni japplika għat-trasferiment ta’ pensjonijiet u annwalitajiet għand benefiċjarji residenti fl-Alġerija u li huwa jipprojbixxi, għaldaqstant, id-diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità f’dan il-kuntest. L-ewwel, l-Artikolu 68(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirrigwarda t-trattament ugwali tal-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina impjegati fit-territorju tal-Istati Membri u l-membri tal-familja tagħhom li joqogħdu magħhom. Skont it-test tagħha u l-ġurispudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 39 ), din id-dispożizzjoni tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fl-Istati Membri. It-tieni, din id-dispożizzjoni hija espressament suġġetta għall-paragrafi segwenti għaliha, li jinkludu l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Għaldaqstant, huwa raġonevoli li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi interpretat bħala li jikkwalifika d-dritt għal trattament ugwali fl-Artikolu 68(1) tiegħu. It-tielet, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa limitat għall-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina u l-konjuġi superstiti tagħhom. Ma jsemmix liċ-ċittadini ta’ Stat Membru. Fil-fatt, huwa jagħti privileġġ lil dawk tal-ewwel li l-Istati Membri ma humiex obbligati jagħtu liċ-ċittadini tagħhom stess.

    66.

    Sabiex tiġi riżolta d-domanda magħmula fil-punti 57 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri kif id-dritt ta’ ħaddiem ta’ nazzjonalità Alġerina li jittrasferixxi liberament pensjoni jew annwalitajiet lejn l-Alġerija jista’ jiġi rrikonċiljat mad-dritt tal-Istati Membri li jiffissaw ir-rata ta’ dawn il-pensjonijiet u annwalitajiet fuq it-trasferiment tagħhom, nikkunsidra li huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk l-Artikolu 17(3) tal-ANW huwiex oġġettivament iġġustifikat u li jiġi aċċertat jekk jolqotx il-vera sostanza tad-dritt għal trasferiment liberu li jagħti l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina u lis-superstiti tagħhom residenti fl-Alġerija, billi jrendi l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt impossibbli jew eċċessivament diffiċli ( 40 ).

    67.

    Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, ir-residenti kollha Olandiżi huma assigurati għall-iskopijiet tal-ANW. Il-benefiċċju tas-superstiti tieħdu superstiti ta’ persuna assigurata jekk is-superstiti tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-ġurnata tal-mewt tal-persuna assigurata. Is-superstiti għandu jkun ta’ età inqas minn età pensjonabbli u: (i) għandu jkollu wild mhux miżżewweġ li għandu inqas minn 18-il sena, li ma jappartjenix ma’ familja ta’ persuna oħra; jew (ii) ikun f’pożizzjoni ta’ inkapaċità għax-xogħol. Il-Gvern Olandiż spjega waqt is-seduta li l-livell tal-benefiċċju ma jiddependix fuq il-valur ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni magħmula mill-ħaddiem. Kif kien ikkonfermat ukoll waqt is-seduta, il-livell tal-benefiċċju jiġi aġġustat sabiex jirrifletti tibdil fid-dħul tal-benefiċjarji. L-ammont massimu huwa 70 % tal-paga minima mensili netta fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-benefiċċju jiġi aġġustat sabiex jieħu inkunsiderazzjoni t-tibdil fil-paga minima li, min-naħa tagħha, tiġi aġġornata regolament sabiex tirrifletti, inter alia, ir-rata tal-inflazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri, iż-żidiet fil-prezz tal-prodotti u servizzi ( 41 ).

    68.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa ċar li l-għan tal-benefiċċju tas-superstiti huwa li jiżgura li superstiti li għadu ma huwiex intitolat għall-pensjoni tax-xjuħija u huwa responsabbli għal wild, jew li huwa inqas kapaċi taħdem minħabba diżabbiltà fix-xogħol, jirċievi dħul bażiku li huwa konformi mal-għoli tal-ħajja. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jekk persuna superstiti tmur l-Alġerija, il-benefiċċju tas-superstiti jiġi aġġustat sabiex jirrifletti l-għoli tal-ħajja iktar baxx f’dan il-pajjiż ( 42 ). Benefiċjarju li jirrisjedi fl-Alġerija u benefiċjarju li jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi jirċievu għaldaqstant livell ta’ dħul paragunabbli skont il-kapaċità ta’ akkwist fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Skont l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kull wieħed minnhom jirċievi dħul li huwa intiż li jiżgura li huma jkunu kapaċi jlaħħqu mal-bżonnijiet bażiċi tagħhom.

    69.

    Fil-prinċipju, tnaqqis ta’ 60 % mill-pensjoni jew mill-annwalitajiet mat-trasferiment tagħhom lejn pajjiż terz jimponi limitazzjoni materjali fuq il-benefiċjarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, madankollu, jidher li, suġġett għall-verifika mill-qorti nazzjonali, taħt l-ANW, il-benefiċjarju jkun intitolat u, jista’ jistenna li jirċievi livell bażiku ta’ dħul li jirrifletti l-għoli tal-ħajja fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu jew tagħha. Għaldaqstant, la huwa irraġonevoli u lanqas mhux mistenni li l-benefiċċji inkwistjoni jistgħu jiġu aġġustati sabiex jirriflettu l-għoli tal-ħajja iktar baxx f’pajjiż terz partikolari. Fil-fehma tiegħi, din il-kunsiderazzjoni hija kriterju oġġettiv li huwa kapaċi jiġġustifika r-restrizzjoni inkwistjoni, li, barra minn hekk, ma hijiex ipprojbita taħt l-Artikolu 68(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jew taħt kull dispożizzjoni oħra tiegħu u li – fiċ-ċirkustanzi partikolari ineżami – ma tolqotx il-vera sostanza tad-dritt għal trasferiment liberu li l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jagħti lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Alġerina jew lis-superstiti tagħhom.

    70.

    Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni li l-għan u l-iskop tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huma iktar limitati minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 45 sa 48 TFUE, l-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jipprekludix l-aġġustament tal-benefiċċju tas-superstiti li huwa intiż li jipprovdi lill-benefiċjarji bi dħul bażiku li huwa konformi mal-għoli tal-ħajja, sakemm l-aġġustament jirrifletti b’mod preċiż d-differenzi fl-ispejjeż tal-għajxien. Dan l-eżitu jilħaq bilanċ xieraq bejn id-dritt sabiex persuna tittrasferixxi liberament il-pensjonijiet u l-annwalitajiet lejn l-Alġerija u d-diskrezzjoni tal-Istat Membru li jiddetermina r-rati applikabbli għal dan it-trasferiment.

    C.   Konklużjoni

    71.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

    L-Artikolu 68(4) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    (1)

    jinkludi, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu, superstiti li jirrisjedi fl-Alġerija, ta’ ħaddiem ta’ nazzjonalità Alġerina; u

    (2)

    għandu effett dirett, sabiex persuni li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni jkunu intitolati jinvokawha direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri; u

    (3)

    ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li l-benefiċċju tas-superstiti, li l-livell tiegħu jiġi stabbilit b’riferiment għall-għoli tal-ħajja fi Stat Membru u li huwa intiż li jipprovdi lill-benefiċjarji b’livell bażiku ta’ dħul, għandu jiġi aġġustat sabiex jirrifletti l-għoli tal-ħajja iktar baxx fl-Alġerija.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) ĠU 2005, L 265, p. 2. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġie ffirmat fit‑22 ta’ April 2002. Huwa daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Settembru 2005.

    ( 3 ) Il-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet jieħu din l-emenda inkunsiderazzjoni.

    ( 4 ) Artikolu 1 tar-Regeling woonlandbeginsel in de sociale zekerheid 2012 (ir-Regolament tal‑2012 dwar il-Prinċipju tal-Pajjiż ta’ Residenza fis-Sigurtà Soċjali 2012) u l-anness ta’ dan ir-regolament.

    ( 5 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 6 ) Ara l-Artikolu 65(4) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (ĠU 1998, L 97, p. 2); l-Artikolu 65(4) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2000, L 70, p. 2); u t-tieni inċiż tal-Artikolu 64(1) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u l-Istat tal-Iżrael, mill-parti ’l oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 55, p. 167).

    ( 7 ) Il-Gvern Olandiż ma jiħux pożizzjoni fuq l-ewwel domanda.

    ( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 72.

    ( 9 ) L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi li l-Artikolu 7 tiegħu ma għandux japplika għal benefiċċji speċjali fi flus li ma humiex kontributorji elenkati fl-Anness X ta’ dan ir-regolament. Fil-każ tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-benefiċċji elenkati huma dawk pagabbli taħt il-Wet werk en arbeidsondersteuning jonggehandicapten van 24 April 1997 (Wet Wajong) (l-Att dwar il-Benefiċċju tax-Xogħol u Impjieg għal Żgħażagħ b’Diżabbiltà tal‑24 ta’ April 1997) u taħt it-Toeslagenwet van 6 november 1986 (TW) (l-Att dwar il-Benefiċċji Supplimentari tas‑6 ta’ Novembru 1986).

    ( 10 ) ĠU 1983, C 110, p. 60. L-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li: “Ħlief fejn ipprovdut mod ieħor f’din id-deċiżjoni, il-benefiċċji fi flus għall-invalidità, xjuħija jew tas-superstiti u l-pensjonijiet għall-aċċidenti fuq ix-xogħol jew mard ikkaġunat mix-xogħol, akkwistati taħt il-leġiżlazzjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri jew iktar, ma għandhomx ikunu suġġetti għal tnaqqis, modifika, sospensjoni, irtirar jew konfiska minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jirrisjedi fit-Turkija jew fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fih tkun tinsab l-istituzzjoni responsabbli mill-ħlas. Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw ukoll għall-benefiċċji ta’ somma f’daqqa mogħtija fil-każ ta’ żwieġ mill-ġdid ta’ konjuġi superstiti li kien intitolat għall-pensjoni tas-superstiti”.

    ( 11 ) ĠU 2010, L 306, p. 14.

    ( 12 ) L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/2007 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE‑Alġerija tal‑24 ta’ April 2007 li tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, 2008, L 4M, p. 471).

    ( 13 ) Ir-Regolament Nru 883/2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri sabiex jiggarantixxi li d-dritt għall-moviment liberu ta’ persuni jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod effettiv, kien adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 42 KE, illum l-Artikolu 48 TFUE.

    ( 14 ) Ara l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/699 (l-“abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni”).

    ( 15 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 78).

    ( 16 ) Ara wkoll il-preambolu u l-Artikolu 13 tal-abbozz tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

    ( 17 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346, punt 91).

    ( 18 ) Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 19 ) COM(2007) 790 final tat‑12 ta’ Diċembru 2007 (il-“Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Alġerija u l-Unjoni Ewropea”).

    ( 20 ) Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kien ippreċedut bi Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija (ĠU 1978, L 263, p. 2), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1978. Dan il-ftehim inkluda dispożizzjonijiet simili dwar ir-relazzjonijiet industrijali, jiġifieri l-Artikoli 38 u 39 fit-Titolu III, intitolat, “Kooperazzjoni fil-qasam tax-xogħol”. L-Artikolu 39(4), li jikkorrispondi għall-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kien jipprovdi li: “Il-ħaddiema inkwistjoni għandhom ikunu jistgħu jittrasferixxu liberament lejn l-Alġerija, bir-rati applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jew Stati Membri debituri, kwalunkwe pensjonijiet jew annwalitajiet fir-rigward tax-xjuħija, mewt, inċidenti industrijali jew mard ikkaġunat mix-xogħol, jew ta’ invalidità li tirriżulta minn inċident industrijali jew mard ikkaġunat mix-xogħol”. L-unika differenza materjali bejn iż-żewġ artikoli hija l-esklużjoni ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 68(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

    ( 21 ) Ara t-taqsima tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni ta’ din il-proposta intitolata “Evalwazzjoni tal-impatt”: “L-għan tal-[Artikoli 67 sa 71] fil-qasam tas-sigurtà soċjali huwa li ħaddiem mill-pajjiż assoċjat ikkonċernat ikun jista’ jirċievi ċerti benefiċċji ta’ sigurtà soċjali skont il-leġiżlazzjoni fl-Istat Membru(i) li għaliha huwa, jew kien, suġġett”.

    ( 22 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 35; ara l-Artikolu 4(2a), l-Artikolu 10a(1) ta’, u l-Anness IIa ta’ dan ir-regolament, wara l-emenda bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ April 2005 (ĠU 2005, L 117, p. 1). Ir-Regolament Nru 1408/71 kien japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 tal‑14 ta’ Mejju 2003 li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 317).

    ( 23 ) Ara l-Artikoli 7 u 70 u l-Anness X ta’ dan ir-regolament, li japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (ĠU 2010, L 344, p. 1).

    ( 24 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 1995, Krid (C‑103/94, EU:C:1995:97, punt 40).

    ( 25 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 1995, Krid (C‑103/94, EU:C:1995:97, punti 21 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 ) Jista’ jkun utli li jiġi nnotat, l-ewwel, li l-verżjoni bl-Olandiż ta’ din il-frażi tuża l-kelma “koers”, li kważi dejjem tintuża sabiex tirreferi għar-rata ta’ konverżjoni, bħal fil-kelma “wisselkoers” (rata ta’ kambju), jew għall-valur fis-suq ta’ ishma u titoli nnegozjati fuq il-borża. Verżjonijiet lingwistiċi oħra jsegwu l-verżjoni bl-Ingliż iktar mill-qrib billi jużaw il-kelma ekwivalenti għal “rata”, fis-sens ta’ “ammont”, “tariffa” jew “prezz”.

    ( 27 ) Il-premessi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkludu impenn li l-Istati Membri jixtiequ jilħqu b’mod sħiħ l-għanijiet tal-assoċjazzjoni bejniethom billi jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim.

    ( 28 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 1991, Kziber (C‑18/90, EU:C:1991:36, punt 19); tal‑5 ta’ April 1995, Krid (C‑103/94, EU:C:1995:97, punti 21 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata); u d-digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2006, Echouikh (C‑336/05, EU:C:2006:394, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 29 ) Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Naqbel mal-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li tgħid li t-tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni jew annwalitajiet huwa restrizzjoni fuq l-esportazzjoni tagħha.

    ( 30 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 1991, Kziber (C‑18/90, EU:C:1991:36, punt 18), u tat‑8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund (C‑438/00, EU:C:2003:255, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 31 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Miniex konvint mill-argument tal-Gvern Olandiż li l-għan u l-iskop tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni f’dan il-kuntest huwa t-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi.

    ( 32 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Frar 1982, Polydor u RSO Records (270/80, EU:C:1982:43, punti 1415), u tat‑12 ta’ Novembru 2009, Grimme (C‑351/08, EU:C:2009:697, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 33 ) Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punti 5152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 ) B’kuntrast mas-sitwazzjoni li kienet tapplika, pereżempju, fiċ-ċirkustanzi tas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst (C‑551/16, EU:C:2018:200, punti 2829).

    ( 35 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 1999, Eddline El-Yassini (C‑416/96, EU:C:1999:107, punt 61); tas‑16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑361/13, EU:C:2015:601, punt 32); u tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja) (C‑328/20, EU:C:2022:468, punti 43, 46, 4750 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn is-sentenzi jikkonfermaw li l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat bħala li jeżiġi ekwivalenza stretta bejn l-ammont tal-benefiċċji tal-familja pprovduti minn Stat Membru lill-ħaddiema li l-membri tal-familja tagħhom jirrisjedu f’dan l-Istat Membru u l-ammonti pprovduti lill-ħaddiema li l-membri tal-familja tagħhom jirrisjedu fi Stat Membru ieħor. Id-differenza fil-kapaċitajiet ta’ akkwist ma jistgħux jiġġustifikaw il-ħlas ta’ ammont differenti ta’ benefiċċji lil persuni li jaqgħu fl-ewwel waħda minn dawn il-kategoriji.

    ( 36 ) Ara, pereżempju u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, Kleist (C‑356/09, EU:C:2010:703, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 38 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31, punti 26 sa 2939 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑23 ta’ Mejju 1996, O’Flynn (C‑237/94, EU:C:1996:206, punti 18 sa 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 39 ) Ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2001, Fahmi u Esmoris Cerdeiro-Pinedo Amado (C‑33/99, EU:C:2001:176, punti 56 sa 58 u l-ġurispurdenza ċċitata), u d-digriet tas‑17 ta’ April 2007, El Youssfi (C‑276/06, EU:C:2007:215, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 40 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2001, Gloszczuk (C‑63/99, EU:C:2001:488, punt 56).

    ( 41 ) Skont l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit internet tas-SVB, fl-ewwel sitt xhur tal‑2023 l-ammont massimu nett ta’ dan il-benefiċċju kien bejn wieħed u ieħor ta’ EUR 1000 fix-xahar.

    ( 42 ) Fid-digriet tar-rinviju ma hemmx indikazzjoni li t-tnaqqis inkwistjoni ma jirriflettix b’mod preċiż id-differenza fl-għoli tal-ħajja bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Alġerija. L-indiċijiet tal-għoli tal-ħajja jvarjaw skont is-sors ikkonsultat. Skont Worlddata, il-Pajjiżi l-Baxxi kienu kklassifikati fit‑23 post, b’indiċi tal-għoli tal-ħajja (kif ipparagunat mal-Istati Uniti tal-Amerka) ta’ 90.0, filwaqt li l-Alġerija kienet ikklassifikata fis‑87 post, b’indiċi tal-għoli tal-ħajja ta’ 28.8.

    Top