Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0432

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati l-14 ta’ Diċembru 2023.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:997

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fl‑14 ta’ Diċembru 2023 (1)

Kawża C432/22

PT

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Kriminalità organizzata – Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI – Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI – Traffikar ta’ drogi – Ftehim konkluż bejn il-prosekutur u l-awtur ta’ reat dwar l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Approvazzjoni tal-ftehim mill-qorti – Kundizzjonijiet – Ħatra ta’ kulleġġ ġudikanti ad hoc – Kunsens ta’ persuni akkużati oħra”






1.        Il-possibbiltà li akkużat jikseb mitigazzjoni tal-akkużi jew tnaqqis ta’ piena bil-kundizzjoni li huwa jammetti l-ħtija tiegħu, jew li jirrinunzja qabel il-proċess li jikkontesta l-fatti jew anki li jikkoopera b’mod sħiħ mal-awtoritajiet investigattivi saret komuni fis-sistemi ġudizzjarji kriminali tal-Istati Ewropej skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) (2).

2.        Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet kawżi li jirrigwardaw ftehimiet ta’ patteġġjament, iżda sempliċement sa fejn kienu inkwistjoni ċerti drittijiet proċedurali mogħtija lill-persuni akkużati kriminalment, bħad-dritt tal-preżunzjoni ta’ innoċenza skont id-Direttiva 2016/343 (3) jew id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża miġjuba kontrihom skont id-Direttiva 2012/13 (4).

3.        Din il-kawża tqajjem il-kwistjoni tal-konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ ftehim li fih waħda mill-persuni akkużati tammetti l-ħtija tagħha għar-reati allegati inkambju għal tnaqqis ta’ piena, minn naħa, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti differenti minn dik inizjalment adita mill-proċeduri kriminali, u min-naħa l-oħra, hija suġġetta għall-kundizzjoni preliminari li l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tiġi aċċettata mill-persuni akkużati l-oħra kollha li ma ammettewx ir-responsabbiltà kriminali tagħhom.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

4.        Fil-kuntest ta’ din il-kawża huwa rilevanti t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

 Iddritt Bulgaru

5.        Intitolat “Ftehim ta’ negozjar ta’ piena fil-kuntest tal-proċedura preliminari”, l-Artikolu 381 tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”) (5) jipprovdi:

“1.      Wara l-investigazzjoni, fuq proposta tal-prosekutur jew tal-avukat, jista’ jiġi stabbilit ftehim bejniethom intiż għar-riżoluzzjoni tal-kawża.

[…]

4.      Il-ftehim jista’ jiddetermina s-sanzjoni fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 55 tan-NK anki fl-assenza ta’ ċirkustanzi attenwanti eċċezzjonali jew numerużi.

5.      Il-ftehim għandu jkun bil-miktub u jinkludi kunsens fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

1.      twettaq att, twettaq mill-persuna akkużata u twettaq b’mod żbaljat, l-att jikkostitwixxi reat u x’inhi l-klassifikazzjoni legali tiegħu?

2.      x’għandha tkun in-natura tas-sanzjoni u x’għandu jkun il-livell tagħha?

[…]

6.      Il-ftehim għandu jiġi ffirmat mill-prosekutur u mill-avukat. Il-persuna akkużata għandha tiffirma l-ftehim jekk taċċettah, wara li tkun iddikjarat li tirrinunzja li l-kawża tagħha tiġi deċiża skont il-proċedura ordinarja.

7.      Meta l-proċedura tkun kontra diversi persuni jew diversi reati, il-ftehim jista’ jiġi konkluż minn uħud minn dawn il-persuni jew għal uħud minn dawn ir-reati.

[…]”

6.        Skont l-Artikolu 382 tan-NPK, intitolat “Deċiżjoni tal-qorti dwar il-ftehim”:

“1.      Il-ftehim għandu jiġi ppreżentat mill-prosekutur quddiem il-qorti tal-ewwel istanza li għandha ġurisdizzjoni immedjatament wara li jkun ġie stabbilit, fl-istess waqt tal-kawża.

[…]

5.      Il-qorti tista’ tipproponi emendi għall-ftehim, li jiġu eżaminati mal-prosekutur u l-avukat. Il-persuna akkużata tinstema’ fl-aħħar lok.

[…]

7.      Il-qorti għandha tapprova l-ftehim sakemm ma jmurx kontra l-liġi jew il-moralità.

[…]”

7.        Skont l-Artikolu 384 tan-NPK, intitolat “Ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja”:

“1.      Fil-kundizzjonijiet u skont il-modalitajiet ta’ dan il-kapitolu, il-qorti tal-ewwel istanza tista’ tapprova ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża nnegozjat wara l-ftuħ tal-proċedura ġudizzjarja, iżda qabel il-konklużjoni tal-fażi ġudizzjarja istruttorja.

[…]

3.      F’dawn il-każijiet, il-ftehim dwar l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata għandu jiġi approvat biss wara li jinkiseb il-kunsens tal-partijiet kollha [fil-proċedura].”

8.        Intitolat “Deċiżjoni dwar ftehim konkluż ma’ wieħed mill-akkużati jew għal wieħed mir-reati”, l-Artikolu 384a tan-NPK jipprovdi:

“1.      Meta, wara l-ftuħ tal-proċedura ġudizzjarja, iżda qabel il-konklużjoni tal-fażi ġudizzjarji istruttorja, jiġi konkluż ftehim ma’ wieħed mill-akkużati jew għal wieħed mir-reati, il-qorti għandha tissospendi l-proċedura.

2.      Kulleġġ ieħor tal-qorti għandu jiddeċiedi dwar il-ftehim konkluż, fi żmien sebat ijiem minn meta jirċievi l-kawża.

3.      Il-kulleġġ ġudikanti msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkompli bl-eżami tal-kawża wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-ftehim.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

9.        Fil‑25 ta’ Marzu 2020, l-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-Bulgarija), beda quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju, proċeduri kriminali kontra 41 persuna, fosthom SD u PT, għax kienu mexxew u/jew ipparteċipaw f’attivitajiet ta’ grupp kriminali organizzat intiż għad-distribuzzjoni ta’ drogi għal finijiet ta’ arrikkiment. PT huwa mħarrek għal parteċipazzjoni f’dan il-grupp kriminali, kif ukoll għal pussess ta’ narkotiċi għal finijiet ta’ distribuzzjoni.

10.      Matul il-fażi preliminari tal-proċedura, fis‑26 ta’ Awwissu 2020, il-prosekutur u l-avukat ta’ SD ikkonkludew ftehim li permezz tiegħu dan tal-aħħar ammetta l-ħtija tiegħu għall-akkużi kollha miġjuba kontrih u ġiet imposta lilu piena inqas minn dik prevista mil-liġi. Dan il-ftehim kien isemmi l-ismijiet u n-numru nazzjonali ta’ identità tal-persuni akkużati l-oħra. Il-kunsens ta’ dawn il-persuni ma kienx mitlub, u fl‑1 ta’ Settembru 2020, kulleġġ ġudikanti ieħor approva l-imsemmi ftehim.

11.      Fis‑17 ta’ Novembru 2020, waqt il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura, il-prosekutur u l-avukat ta’ PT ikkonkludew ftehim dwar l-ammissjoni tal-ħtija mill-parti interessata għall-akkużi kollha li jirrigwardawh u li jistabbilixxi piena ta’ priġunerija sospiża għar-reati mwettqa (iktar ’il quddiem il-“ftehim tas‑17 ta’ Novembru 2020). Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670), dan il-ftehim ġie emendat b’mod li tneħħew l-ismijiet u n-numru nazzjonali ta’ identità tal-persuni akkużati l-oħra.

12.      Waqt seduta li nżammet fl‑14 ta’ Jannar 2021, il-qorti tar-rinviju ġabret l-osservazzjonijiet tal-persuni akkużati l-oħra, li wħud minnhom ma kinux taw il-kunsens tagħhom għall-approvazzjoni tal-ftehim tas‑17 ta’ Novembru 2020. Skont l-Artikolu 384a tan-NPK, din il-qorti bagħtet, fit‑18 ta’ Jannar 2021, dan il-ftehim lill-President tagħha, sabiex jiġi maħtur kulleġġ ġudikanti ieħor sabiex jiddeċiedi dwar l-imsemmi ftehim. Fil‑21 ta’ Jannar 2021, dan tal-aħħar irrifjuta li japprova l-ftehim tas‑17 ta’ Novembru 2020, għar-raġuni li wħud mill-persuni akkużati ma kinux taw il-kunsens tagħhom għal dan il-għan.

13.      Fl‑10 ta’ Mejju 2022, il-prosekutur u l-avukat ta’ PT, abbażi tas-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628), talbu lill-kulleġġ ġudikanti adit mill-kawża jiddeċiedi dwar dan il-ftehim mingħajr ma talbu l-kunsens tal-persuni akkużati l-oħra. Madankollu, fil‑11 ta’ Mejju 2022, dan tal-aħħar ġie eskluż waqt it-tqassim każwali fid-dawl tal-ħatra, abbażi tal-Artikolu 384a tan-NPK, ta’ kulleġġ ġudikanti sabiex jiddeċiedi dwar l-imsemmi ftehim.

14.      Fit‑18 ta’ Mejju 2022, il-kulleġġ ġudikanti maħtur skont din id-dispożizzjoni eżamina l-ftehim tas‑17 ta’ Novembru 2020 u rrifjuta li japprovah għar-raġuni li din l-approvazzjoni kienet teħtieġ il-kunsens tad‑39 persuna akkużata l-oħra. B’konsegwenza ta’ dan ir-rifjut, il-prosekutur, PT u l-avukat tiegħu talbu mill-ġdid, fl-istess jum, lill-kulleġġ ġudikanti li quddiemu kienu ġew prodotti l-provi kollha, li japprova l-imsemmi ftehim, mingħajr ma talbu l-kunsens tal-persuni akkużati l-oħra. Madankollu, il-prosekutur wera d-dubji tiegħu dwar l-imparzjalità ta’ dan l-aħħar kulleġġ ġudikanti sabiex ikompli l-proċedura fir-rigward tal-persuni l-oħra jekk huwa kellu japprova l-ftehim konkluż ma’ PT. Min-naħa tiegħu, dan ikkunsidra li l-impossibbiltà tiegħu li jikkonkludi ftehim twassal għal ksur tad-drittijiet mogħtija lilu mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

15.      Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirrileva li risposta għad-domandi preliminari magħmula hija neċessarja sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża li għandha quddiemha, peress li din il-kawża tirrigwarda reati kriminali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas 2004/757/ĠAI (6) u 2008/841/ĠAI (7), u għalhekk “oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Hija tqis li l-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali għall-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-prosekutur u persuna akkużata jikkostitwixxu “implimentazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841.

16.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 384a tan-NPK mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Skont din il-qorti, imur kontra l-prinċipju ta’ immedjatezza tal-proċeduri kriminali u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li d-difiża titqiegħed f’sitwazzjoni fejn il-provi jinġabru quddiem kulleġġ ġudikanti, iżda huwa kulleġġ ġudikanti ieħor li għandu jiddeċiedi dwarhom.

17.      L-imsemmija qorti tistaqsi, min-naħa l-oħra, dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 384(3) tan-NPK, sa fejn jeħtieġ, għall-approvazzjoni ta’ tali ftehim, il-kunsens tal-persuni akkużati l-oħra fil-kuntest tal-istess proċeduri kriminali, mhux biss mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, iżda wkoll mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 52 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tagħha. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit ta’ kunsens iwassal għal limitazzjoni tal-aċċess għal rimedju ġudizzjarju, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, mingħajr osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif jeħtieġ l-Artikolu 52 tal-Karta.

18.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li hija stess tapprova l-ftehim konkluż bejn il-prosekutur u PT, hija jkollhiex imbagħad tirrikuża ruħha minn din il-kawża, fid-dawl tad-digriet tat‑28 ta’ Mejju 2020, UL u VM (C‑709/18, EU:C:2020:411, punt 35), sabiex tiggarantixxi lill-persuni l-oħra akkużati quddiemha d-dritt tagħhom għal qorti imparzjali, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

19.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fil-kuntest ta’ kawża kriminali dwar akkuża abbażi ta’ fatti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni […], liġi nazzjonali li teżiġi li għandha tkun qorti differenti minn dik adita bil-kawża u li quddiemha jkunu ġew prodotti l-provi kollha li teżamina, fuq il-mertu, ftehim konkluż bejn il-prosekutur u akkużat, f’sitwazzjoni fejn il-bażi għal dan ir-rekwiżit hija l-preżenza ta’ akkużati oħra li ma kkonkludewx tali ftehim, hija konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta […]?

2)      Liġi nazzjonali li tipprevedi li ftehim li jagħlaq il-proċedura kriminali jista’ jiġi approvat biss wara li jingħata l-kunsens mill-akkużati l-oħra kollha u mill-avukati tagħhom hija konformi mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas [2004/757], mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/841], mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 52 tal-Karta […], moqri flimkien mal-Artikolu 47 tagħha?

3)      Huwa meħtieġ, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta […], li qorti, wara li tkun eżaminat u approvat ftehim, tirrikuża ruħha mill-eżami tal-akkużat mressqa kontra l-akkużati l-oħra f’sitwazzjoni fejn din il-qorti tkun tat deċiżjoni dwar dan il-ftehim b’mod li ma jimplika ebda osservazzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-att u b’mod li ma tkunx ħadet pożizzjoni dwar il-ħtija tagħhom?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

20.      Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub.

 Analiżi

21.      Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 fid-dawl ta’ dubji li hija għandha dwar il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ ftehim konkluż bejn il-prosekutur u persuna akkużata kriminalment, li permezz tiegħu din tal-aħħar tammetti l-ħtija tagħha għar-reati allegati u konsegwentement tiġi imposta piena nnegozjata minn qabel.

22.      Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni, essenzjalment, eċċepiet l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta. Hija argumentat ukoll, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju dwar it-tieni domanda preliminari ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja stess li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha (8).

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

23.      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal domanda preliminari meta jkun manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tiġi applikata (9). Meta sitwazzjoni legali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet tal-Karta eventwalment invokati ma jistgħux, fihom innifishom, ikunu bażi għal din il-ġurisdizzjoni (10).

24.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar li skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri li tiżgura stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda l-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (11).

25.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li japplika, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ kull qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt. Issa, dan huwa l-każ tal-qorti tar-rinviju, li tista’, fil-fatt, tintalab, fil-kwalità tagħha ta’ qorti ordinarja Bulgara, tiddeċiedi fuq kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u taqa’, bħala “qorti”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, taħt is-sistema Bulgara ta’ rimedji ġudizzjarji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li din il-qorti għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw, fil-konfront tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (12).

26.      Minn dak li ntqal jirriżulta li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

27.      Fit-tieni lok, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, għal dak li jirrigwarda l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma intiżi għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fejn din id-dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minnhom.

28.      F’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, l-Artikolu 47 tal-Karta, imsemmi minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju hija adita minn proċeduri kriminali kontra 40 persuna, fosthom PT, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet ta’ grupp kriminali organizzat intiż għad-distribuzzjoni ta’ drogi għal finijiet ta’ arrikkiment, u barra minn hekk, il-parti interessata hija akkużata b’pussess ta’ narkotiċi għal finijiet ta’ distribuzzjoni.

29.      Huwa stabbilit li r-reati fuq imsemmija, previsti u ssanzjonati fil-punt 2 tal-Artikolu 321(3) u fl-Artikolu 354a(1) tal-Kodiċi Kriminali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas 2004/757 u 2008/841, li l-Artikolu 5 u l-Artikolu 4 tagħhom, rispettivament, jipprovdu li l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-pieni previsti f’dawn id-deċiżjonijiet qafas ikunu jistgħu jitnaqqsu meta l-awtur tar-reat jirrinunzja għall-attivitajiet kriminali tiegħu fl-oqsma koperti mill-imsemmija deċiżjonijiet qafas u jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji informazzjoni li ma kinux ikunu jistgħu jiksbu mod ieħor, billi jgħinhom, b’mod partikolari, jidentifikaw jew iressqu quddiem il-ġustizzja l-awturi l-oħra tar-reat jew isibu l-provi.

30.      Huwa possibbli li mill-konstatazzjoni fuq imsemmija jiġi dedott, kif tagħmel il-qorti tar-rinviju, li r-regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw l-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ ftehim ta’ patteġġjament jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u jeżiġu għalhekk l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tiegħu?

31.      Tweġiba negattiva għal din il-mistoqsija tista’ tingħata wara raġunament analogu għal dak li wassal għad-digriet tal‑24 ta’ Settembru 2019, Spetsializirana prokuratura (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑467/19 PPU, EU:C:2019:776) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2016/343 li jipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom biex iqisu, meta jagħtu s-sentenza, l-imġiba ta’ kooperazzjoni tal-persuni suspettati u akkużati”. F’din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirregolax il-kwistjoni dwar jekk l-approvazzjoni, minn qorti, ta’ ftehim fuq l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata, bħal dak previst mill-istess leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż bejn persuna akkużata, minħabba l-appartenenza preżunta tagħha għal grupp kriminali, u l-prosekutur, tista’ jew ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuni akkużati l-oħra, minħabba li jappartjenu għal dan il-grupp kriminali, jagħtu l-kunsens tagħhom għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, u dan minkejja l-konstatazzjoni preliminari tal-applikazzjoni ratione personae u materiae ta’ din id-direttiva għall-proċeduri fil-kawża prinċipali.

32.      F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel, li d-Deċiżjonijiet Qafas 2004/757 u 2008/841 kienu adottati, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 31(1)(e) UE, li kien jipprovdi, b’mod partikolari, li l-azzjoni komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali hija intiża li tadotta progressivament miżuri li jistabbilixxu regoli minimi relatati mal-elementi kostitwenti ta’ ksur kriminali u mal-pieni applikabbli fil-qasam tal-kriminalità organizzata, tat-terroriżmu u tat-traffikar ta’ droga (13). Dawn id-deċiżjonijiet qafas jistabbilixxu, abbażi tal-Artikolu 83(1) TFUE attwali, li ssostitwixxa l-Artikolu 31(1) UE, dispożizzjonijiet minimi li jaqgħu taħt id-dritt kriminali sostantiv.

33.      Issa, bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqa’ fil-qasam tal-proċeduri kriminali u li ebda strument legali tad-dritt tal-Unjoni intiż li jsaħħaħ id-drittijiet tal-persuni suspettati jew tal-persuni akkużati matul il-proċeduri kriminali kollha, adottat abbażi tal-Artikolu 82(2) TFUE, ma jirregola speċifikament il-modalitajiet ta’ konklużjoni ta’ ftehim ta’ patteġġjament bejn il-prosekutur u l-awtur ta’ reat. Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali inkwistjoni, li teċċedi l-qrubija tas-suġġetti msemmija jew l-effetti indiretti ta’ suġġett fuq ieħor (14).

34.      It-tieni, għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet qafas jorbtu lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li jħallu lill-istanzi nazzjonali l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-forma u tal-mezzi (15). Kif ġie osservat iktar ’il fuq, id-Deċiżjonijiet Qafas 2004/757 u 2008/841 jikkostitwixxu biss strumenti ta’ armonizzazzjoni minima. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dawn it-testi fid-dritt nazzjonali tagħhom (16).

35.      It-tielet, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw ruħhom li jirriżervaw għall-Istati Membri l-possibbiltà li jawtorizzaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom, waqt id-determinazzjoni tas-sanzjoni imposta wara l-ammissjoni ta’ responsabbiltà kriminali, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tal-persuni akkużati. Peress li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jimponu ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni minn dawn l-awtoritajiet, huma ma jagħtu ebda dritt lil persuna akkużata li tikseb sanzjoni mnaqqsa fil-każ ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji, pereżempju permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim mal-prosekutur li fih din il-persuna tammetti l-ħtija tagħha (17).

36.      Għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma kinux applikabbli fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma kienu jimponu ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (18).

37.      Ir-raba’, għandu ċertament jiġi osservat li l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 jipprovdu preċiżazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw, jekk ikun il-każ, il-possibbiltà li l-awtoritajiet ġudizzjarji jieħdu inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni ta’ persuni akkużati, fir-rigward, f’dan il-każ, tal-kontenut ta’ dan l-aġir. Din l-osservazzjoni ma hijiex, evidentement, ta’ natura li tikkontesta l-konklużjoni dwar l-assenza ta’ obbligu tal-Istati Membri ta’ tali teħid inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk u fuq kollox, id-dispożizzjonijiet fuq imsemmija tad-Deċiżjonijiet Qafas 2004/757 u 2008/841 ma jinkludu ebda indikazzjoni dwar il-modalitajiet proċedurali ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja tal-kooperazzjoni tal-awtur tar-reat, kemm fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ ċirkustanzi attenwanti mill-kulleġġ ġudikanti jew tal-eżistenza ta’ ftehim ta’ patteġġjament konkluż bejn il-prosekutur u l-parti interessata, possibbilment fi stadji differenti tal-proċedura, kif ukoll tal-kontenut ta’ tali ftehim, tal-proċess deċiżjonali intiż għall-approvazzjoni ġudizzjarja tiegħu fil-każ ta’ diversi akkużati u tal-effetti tiegħu. Id-determinazzjoni ta’ dawn il-modalitajiet taqa’ biss taħt id-dritt nazzjonali (19).

38.      Minn dan isegwi li l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 ma jirregolawx il-kwistjoni dwar jekk l-approvazzjoni ta’ ftehim fuq l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata tistax tiġi suġġetta jew le għal rekwiżit ta’ kunsens tal-akkużati l-oħra u għal kulleġġ ġudikanti differenti minn dak inizjalment adit bil-proċeduri kriminali (20). Fl-assenza ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tal-Karta li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju ma jistgħux japplikaw, li jiddetermina n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu konjizzjoni tagħha.

39.      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi eżempji ta’ interpretazzjoni inqas stretta tal-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” (21), peress li dan tal-aħħar jimplika li jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandhiex bħala għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk hija għandhiex għanijiet oħra minbarra dawk koperti bid-dritt tal-Unjoni, anki jekk tista’ taffettwa indirettament lil din tal-aħħar, kif ukoll jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwaha (22). Għalhekk, fil-kuntest ta’ qari konġunt tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 mad-dispożizzjonijiet preċedenti għalihom, li jirrigwardaw il-ħtieġa li l-Istati Membri jipprevedu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi (23), jista’ jingħad li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija intiża sabiex timplimenta d-dritt tal-Unjoni u tissodisfa fir-realtà l-istess għanijiet bħal dawn id-deċiżjonijiet, jiġifieri l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ droga u l-kriminalità organizzata.

40.      Jibqa’ l-fatt li l-importanza tal-konklużjoni dwar l-applikabbiltà jew le tal-atti tad-dritt sekondarju msemmija iktar ’il fuq f’dan il-każ, u l-konsegwenzi tagħhom fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Karta u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 47 tagħha, għandha tiġi kkwalifikata. Fil-fatt, ġie deċiż li peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri kollha li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (24).

 Fuq lammissibbiltà taddomandi preliminari

41.      Għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jirrigwardaw b’mod iktar partikolari rekwiżit legali doppju, jiġifieri, minn naħa, il-ħatra ta’ kulleġġ ġudikanti ad hoc, minbarra dak inizjalment adit mill-proċeduri kriminali, għall-finijiet ta’ approvazzjoni tal-ftehim konkluż matul il-proċedura ġudizzjarja, bejn il-prosekutur u wieħed mill-akkużati jew dwar wieħed mir-reati allegati (l-ewwel u t-tielet domanda preliminari (25)), u min-naħa l-oħra, il-ġabra tal-kunsens għal dan il-ftehim tal-partijiet kollha tal-proċedura, u għalhekk tal-koakkużati, bħala kundizzjoni preliminari għall-approvazzjoni ġudizzjarja tiegħu (it-tieni domanda preliminari).

42.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod iktar partikolari, tal-espressjoni kkonsolidata tagħha li tirriżulta mis-sentenza Miasto Łowicz, għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu dik tal-ewwel tagħti lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwim li jkunu meħtieġa jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li d-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi, b’mod partikolari, li kawża tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali (26), li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari. Il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, hija li tassisti lill-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tat-tilwima konkreta pendenti quddiemha. Fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandu għalhekk ikun hemm, bejn l-imsemmija tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, rabta ta’ konnessjoni b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (27).

43.      Mis-sentenza Miasto Łowicz jirriżulta li din ir-rabta ta’ konnessjoni tista’ tkun diretta jew indiretta, skont it-tliet ipoteżijiet ta’ ammissibbiltà hemm stabbiliti. Hija diretta meta l-qorti nazzjonali hija mitluba tapplika d-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba sabiex tistabbilixxi s-soluzzjoni fuq il-mertu li għandha tingħata għat-tilwima prinċipali (l-ewwel ipoteżi). Hija indiretta meta d-deċiżjoni preliminari hija ta’ natura li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt tal-Unjoni li hija għandha tapplika sabiex tagħti s-sentenza tagħha (it-tieni ipoteżi) jew interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilha tiddeċiedi kwistjonijiet proċedurali ta’ dritt nazzjonali, qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu tat-tilwima li għandha quddiemha (iktar ’il quddiem it-“tielet ipoteżi”) (28). Fis-sentenza Miasto Łowicz, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat suċċessivament l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmulin fid-dawl ta’ tliet sitwazzjonijiet distinti u awtonomi li jissodisfaw il-kriterju ta’ neċessità sabiex tikkonkludi l-inammissibbiltà tagħhom billi enfasizzat, għat-tielet ipoteżi, id-differenza mal-kawżi li taw lok għas-sentenza A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (29), li fihom l-interpretazzjoni preliminari mitluba mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ta’ natura li tinfluwenza l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ tilwim relatat mad-dritt tal-Unjoni (30).

44.      Jista’ jiġi kkunsidrat, prima facie, li permezz tad-domandi preliminari li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja u permezz tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob, il-qorti tar-rinviju trid kjarifika dwar kwistjoni ta’ natura proċedurali ta’ dritt nazzjonali qabel ma tiġi deċiża minnha in limine litis, li jikkorrispondi għat-tielet ipoteżi. Din il-kwistjoni hija dik tal-ġurisdizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti ad hoc, minflok tal-qorti tar-rinviju, sabiex jiddeċiedi dwar l-approvazzjoni ta’ ftehim ta’ patteġġjament konkluż bejn il-prosekutur u persuna akkużata quddiem din il-qorti.

45.      F’sentenza reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, b’mod ġenerali, li d-domandi preliminari intiżi sabiex jippermettu lil qorti tar-rinviju tiddeċiedi, in limine litis, kwistjonijiet ta’ natura proċedurali bħal dawk relatati mal-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża pendenti quddiemha jew, ukoll, mal-effetti legali li għandhom jiġu rrikonoxxuti jew le lil deċiżjoni ġudizzjarja li potenzjalment tostakola t-tkomplija tal-eżami ta’ tali kawża mill-imsemmija qorti, huma ammissibbli skont l-Artikolu 267 TFUE (31). Dan l-approċċ donnu jagħti awtonomija lill-kwistjoni proċedurali, fiha nnifisha, fis-sens li hija tkun ta’ natura li tissodisfa, waħedha, il-kriterju ta’ neċessità skont l-Artikolu 267 TFUE. Minkejja li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja pprevediet biss u b’mod ċar żewġ każijiet partikolari, l-ewwel wieħed donnu jkopri l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni jew pjuttost tal-assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, inizjalment adita bi proċeduri kriminali kontra l-koakkużati kollha, li tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni ta’ ftehim ta’ patteġġjament iffirmat minn wieħed minnhom.

46.      Mill-banda l-oħra, ir-rekwiżit tal-kunsens unanimu tal-akkużati l-oħra jaqa’ taħt modalità speċifika tal-proċess ta’ approvazzjoni indipendenti mill-kwistjoni tal-identità tal-qorti li għandha tieħu konjizzjoni tiegħu, konstatazzjoni li tkun ta’ natura li tibbaża konklużjoni ta’ inammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari. Madankollu, din il-konklużjoni tista’ tidher astratta ħafna, sa fejn twassal għas-separazzjoni ta’ żewġ elementi li jipparteċipaw fl-istess mekkaniżmu u li jaffettwaw b’mod ekwivalenti l-iżvolġiment tal-proċeduri kriminali mibdija quddiem il-qorti tar-rinviju.

47.      Din il-konstatazzjoni twassalni sabiex nikkonstata r-rilevanza tal-ewwel ipoteżi ta’ ammissibbiltà msemmija fis-sentenza Miasto Łowicz. F’dan ir-rigward u kif ġustament tenfasizza l-qorti tar-rinviju (32), nirrileva li d-domandi preliminari jirreferu għal kwistjonijiet proċedurali intrinsikament marbuta mad-deċiżjoni fuq il-mertu li hija għandha tagħti, fir-rigward tar-responsabbiltà kriminali tal-akkużati, u jekk ikun il-każ, l-impożizzjoni ta’ piena. Għandu jiġi enfasizzat li, skont l-indikazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-ftehim konkluż bejn il-prosekutur u akkużat, li permezz tiegħu dan tal-aħħar jammetti l-ħtija tiegħu għar-reati allegati u konsegwentement tiġi imposta piena nnegozjata minn qabel, jirregola l-kwistjonijiet kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fis-sentenza fuq il-mertu, peress li fih jiġu indikati r-reat imwettaq mill-parti kkonċernata u l-klassifikazzjoni ġuridika tiegħu kif ukoll in-natura u l-livell tas-sanzjoni.

48.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ tali ftehim, li jissostitwixxi d-deċiżjoni fuq il-mertu tal-qorti tar-rinviju, jidhru li huma neċessarji sabiex jippermettu lil din tal-aħħar tiddeċiedi dwar il-proċeduri kriminali li għandha quddiemha. Għalhekk, jidher li teżisti, bejn il-kawża prinċipali u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba, rabta ta’ konnessjoni b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni fuq il-mertu li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu.

49.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, jidhirli li r-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari dak previst fil-punt (c) ta’ dan l-artikolu, huma osservati f’dan il-każ. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju esponiet, b’mod suffiċjenti, ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ approvazzjoni tal-ftehim ta’ patteġġjament marbuta mal-kunsens unanimu tal-akkużati l-oħra (33). Għalhekk, hija argumentat li dan il-ftehim jikkostitwixxi rimedju għall-akkużat PT li jippermettilu jikseb sanzjoni eħfef u li n-neċessità ta’ tali kunsens għandu l-effett li jillimita indebitament l-aċċess għal tali rimedju, bi ksur tar-rekwiżit fuq imsemmi, u b’mod iktar preċiż, tad-dritt għal smigħ xieraq.

50.      Għalhekk, tista’ tiġi konkluża l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq ilmertu

 Fuq ilħatra ta’ kulleġġ ad hoc

51.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludix ir-regola proċedurali li tipprovdi li l-approvazzjoni ta’ ftehim ta’ patteġġjament konkluż bejn il-prosekutur u waħda mill-persuni akkużati matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura hija awtomatikament attribwita lill-ġurisdizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti differenti minn dak adit mill-proċeduri kriminali kontra l-akkużati kollha, li quddiemu ġew prodotti l-provi kollha, minkejja li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma tiddeċidix dwar il-ħtija tal-koakkużati. Għalhekk, id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw kemm ir-rekwiżit ta’ imparzjalità tal-istanza ġudizzjarja kkonċernata kif ukoll il-prinċipju ta’ immedjatezza tal-proċeduri kriminali.

–       Fuq irrekwiżit ta’ imparzjalità oġġettiva

52.      Kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li tiżgura lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi f’dan is-sens it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB u li fil-preżent huwa kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (34).

53.      Kif ġie espost, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri kollha li jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-istess bħall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tirrigwarda l-Artikolu 6(1) tal-KEDB (35). Issa, sabiex jiġi ggarantit li istanzi li jistgħu jintalbu jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni u mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu jistgħu jiżguraw tali protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iż-żamma tal-indipendenza tagħhom hija primordjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti u imparzjali” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv. Ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-funzjoni tal-ġudikatura, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (36).

54.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi rekwiżit ta’ indipendenza għandu żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ ħaddieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, ikun xi jkun, sabiex b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jirrikjedi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima għajr l-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali. Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni (37).

55.      Billi rreferiet għat-termini ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti EDB, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li r-rekwiżit ta’ imparzjalità jista’ jiġi evalwat b’diversi modi. Skont approċċ suġġettiv, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konvinzjoni personali u l-aġir tal-imħallef, jiġifieri billi jiġi mfittex jekk dan weriex parzjalità jew preġudizzju personali fil-każ ineżami, filwaqt li għandu jiġi osservat li l-imparzjalità personali hija preżunta sakemm ma jkunx hemm provi kuntrarji. L-approċċ oġġettiv jinvolvi d-determinazzjoni ta’ jekk il-qorti offrietx, b’mod partikolari permezz tal-kompożizzjoni tagħha, garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tagħha. Fir-rigward tal-evalwazzjoni oġġettiva, din tinvolvi analiżi ta’ jekk, irrispettivament mill-aġir personali tal-imħallef, ċerti fatti li jistgħu jiġu vverifikati jippermettux suspett dwar l-imparzjalità ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, anki l-apparenzi jistgħu jkunu importanti. Dan, għal darba oħra, huwa marbut mal-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fl-individwi, u fl-ewwel lok fil-partijiet fil-kawża (38).

56.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda biss il-kwistjoni tal-imparzjalità oġġettiva, fil-każ tal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet differenti mill-istess imħallef jew qorti kulleġġjali matul proċess ġudizzjarju.

57.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-imħallfin li jkunu ħadu konjizzjoni ta’ kawża għall-ewwel darba jistgħu jagħmlu parti minn kulleġġ ġudikanti li għandu jiddeċiedi mill-ġdid l-istess kawża ma għandux minnu nnifsu jiġi kkunsidrat inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt għal smigħ xieraq. B’mod partikolari, il-fatt li wieħed jew iktar imħallfin jifformaw parti miż-żewġ kulleġġi ġudikanti suċċessivi u jeżerċitaw fihom l-istess funzjonijiet, bħal dawk ta’ president jew ta’ mħallef relatur, huwa minnu nnifsu irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ imparzjalità peress li l-imsemmija funzjonijiet huma eżerċitati minn kulleġġ kulleġġjali. Tali kunsiderazzjonijiet japplikaw b’iktar saħħa meta ż-żewġ kulleġġi ġudikanti suċċessivi ma jkollhomx jiddeċiedu fuq l-istess kawża, iżda fuq żewġ kawżi distinti li għandhom ċertu grad ta’ konnessjoni (39).

58.      Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, ta’ proċeduri ta’ patteġġjament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet diversi domandi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343 billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tipprovdi li fil-proċeduri kriminali kumplessi fejn huma akkużati diversi persuni suspettati li ma jistgħux jiġu ġġudikati flimkien, il-qorti nazzjonali għandha imperattivament, sabiex tevalwa l-ħtija tal-akkużati, issemmi l-parteċipazzjoni ta’ terzi li jistgħu jiġu ġġudikati separatament wara. Madankollu, il-Qorti EDB ippreċiżat li jekk għandhom jiġu ppreżentati fatti relatati mal-involviment ta’ terzi, il-qorti kkonċernata għandha tevita li tikkomunika iktar informazzjoni li ma hijiex neċessarja għall-analiżi tar-responsabbiltà ġuridika tal-persuni li jiġu ġġudikati quddiemha. Barra minn hekk, din il-qorti enfasizzat li l-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji għandha tiġi fformulata f’termini li huma ta’ natura li jevitaw sentenza prematura potenzjali dwar il-ħtija tat-terzi kkonċernati, li tista’ tikkomprometti l-eżami ekwu tal-akkużi magħmula kontrihom fil-kuntest ta’ proċedura distinta (40).

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 (41) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li ftehim li fih il-persuna akkużata tammetti l-ħtija tagħha inkambju għal tnaqqis fil-piena, li għandu jiġi approvat minn qorti nazzjonali, isemmi espressament bħala koawturi tar-reat kriminali inkwistjoni mhux biss lil din il-persuna, iżda wkoll lil persuni oħra akkużati, li ma ammettewx il-ħtija tagħhom u li huma akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali differenti, bil-kundizzjoni, minn naħa, li din l-indikazzjoni tkun neċessarja għall-klassifikazzjoni tar-responsabbiltà ġuridika tal-persuna li kkonkludiet l-imsemmi ftehim u, min-naħa l-oħra, li dan l-istess ftehim jindika b’mod ċar li dawn il-persuni l-oħra huma akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali distinti u li l-ħtija tagħhom ma ġietx stabbilita legalment (42).

60.      F’kawża oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 3 (43) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343, moqrija flimkien mal-premessa 16 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 48 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra żewġ persuni, qorti nazzjonali taċċetta, qabelxejn, permezz ta’ digriet, li l-ewwel persuna tammetti l-ħtija għar-reati msemmija fl-att ta’ akkuża allegatament imwettqa flimkien mat-tieni persuna li ma ammettietx il-ħtija, u tiddeċiedi, suċċessivament, wara l-produzzjoni tal-provi fir-rigward tal-fatti allegati fil-konfront ta’ din it-tieni persuna, dwar il-ħtija tagħha, bil-kundizzjoni, minn naħa, li l-indikazzjoni tat-tieni persuna bħala koawtur tar-reati allegati tkun meħtieġa għall-klassifikazzjoni tar-responsabbiltà ġuridika tal-persuna li ammettiet il-ħtija, u min-naħa l-oħra, li dan l-istess digriet u/jew att ta’ akkuża li għalih tirreferi jindika b’mod ċar li l-ħtija ta’ din it-tieni persuna ma ġietx legalment stabbilita u ser tkun is-suġġett ta’ produzzjoni tal-prova u ta’ sentenza distinti (44).

61.      Sabiex tiġi kkompletata din il-panaroma ġurisprudenzjali, għandha tissemma sentenza reċenti tal-Qorti EDB li timplimenta l-prinċipji ġenerali tagħha fil-qasam ta’ imparzjalità. Din il-qorti tqis, f’dan ir-rigward, li, għalkemm s-sempliċi fatt li qorti li għandha tagħti s-sentenza tkun tat preċedentement deċiżjonijiet dwar l-istess reat ma jistax jitqies li jiġġustifika waħdu lmenti dwar l-imparzjalità tagħha, madankollu l-kwistjoni tal-imparzjalità tal-qorti tqum meta s-sentenza preċedenti tinkludi diġà evalwazzjoni ddettaljata tar-rwol tal-persuna sussegwentement akkużata għal reat mwettaq minn diversi persuni, u b’mod partikolari, meta s-sentenza preċedenti tinkludi klassifikazzjoni konkreta tal-involviment tar-rikorrent jew għandha titqies li stabbilixxiet li l-persuna akkużata ssodisfat sussegwentement  il-kriterji neċessarji kollha sabiex tkun wettqet reat kriminali. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, tali elementi jistgħu jitqiesu bħala deċiżjoni minn qabel tal-kwistjoni tal-ħtija tal-persuna akkużata fil-kuntest tal-proċedura sussegwenti u jistgħu għalhekk jqajmu dubji oġġettivament iġġustifikati dwar il-fatt li l-qorti nazzjonali jkollha idea stabbilita minn qabel fuq il-mertu tal-kawża tal-persuna ġġudikata sussegwentement fil-bidu tal-proċess kriminali kontriha (45).

62.      Adita minn rikorrent li kien akkużat u kkundannat mill-istess qorti bħal dik li kienet preċedentement ikkundannat lill-koawturi tiegħu għal atti kriminali mwettqa flimkien miegħu u dan abbażi ta’ ftehimiet ta’ patteġġjament, il-Qorti EDB ikkonkludiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB billi sostniet l-elementi li ġejjin. Għalhekk, din il-qorti rrilevat li, minkejja li dawn is-sentenzi li japprovaw il-ftehimiet ma kienu jinkludu ebda konstatazzjoni ta’ ħtija distinta fir-rigward tar-rikorrent innifsu  u li n-natura tal-ksur allegat kienet timplika il-karatterizzazzjoni ta’ koordinazzjoni ta’ aġir kriminali, dawn kienu jinkludu definizzjoni fattwali preċiża tar-rwol speċifiku tar-rikorrent fit-twettiq tiegħu. Għalhekk, il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu kienet taf perfettament l-identità tar-rikorrent, irrispettivament mill-użu tal-inizjali tiegħu u ta’ psewdonimu, u r-rwol tiegħu, peress li ma seta’ jkun hemm ebda dubju dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fir-reat, sitwazzjoni li tista’ biss tinkoraġġixxi lil din il-qorti tibqa’ koerenti mas-sentenzi preċedenti tagħha ta’ approvazzjoni tal-ftehimiet l-istess bħall-koawturi mad-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħhom dwar l-involviment tar-rikorrent fil-twettiq tar-reat. Għaldaqstant, il-Qorti EDB tikkunsidra li, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, id-deċiżjonijiet ta’ kundanna mogħtija kontra l-koawturi tar-rikorrent ippreġudikaw id-dritt tiegħu li jkun preżunt innoċenti sakemm il-ħtija tiegħu tiġi legalment stabbilita u li, fid-dawl tar-rwol li dawn kellhom fil-proċess kriminali nnifsu tar-rikorrent, li żvolġa quddiem l-istess qorti, id-dubji invokati dwar l-imparzjalità tagħha kienu oġġettivament iġġustifikati (46).

63.      Minn din it-tfakkira ġurisprudenzjali jirriżulta li l-kunċetti ta’ “imparzjalità oġġettiva” u ta’ “preżunzjoni ta’ innoċenza”, legalment distinti, huma fir-realtà strettament marbuta, peress li ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jirriżulta fi ksur ta’ din il-preżunzjoni.

64.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-ftehim ta’ patteġġjament konkluż minn PT jirriproduċi d-dispożittiv tal-att ta’ akkuża fl-intier tiegħu, isemmi l-att imwettaq mill-akkużat u l-klassifikazzjoni ġuridika tiegħu kif ukoll in-natura u l-livell tas-sanzjoni, iżda ma jsemmix, wara s-sentenza AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (47), l-isem u n-numru tal-identità nazzjonali tal-akkużati li fir-rigward tagħhom tkompli l-proċedura, peress li l-approvazzjoni ta’ dan il-ftehim twettqet mingħajr kummenti dwar il-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fil-fatti kriminali u mingħajr ma ttieħdet pożizzjoni dwar il-ħtija tagħhom (48). Għalhekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju donnu jirriżulta li l-formulazzjoni tal-ftehim ta’ patteġġjament inkwistjoni u tad-deċiżjoni ġudizzjarja li approvatu hija nieqsa minn kwalunkwe ġudizzju minn qabel dwar il-ħtija tal-akkużati li ma aċċettawx li jiddikjaraw ruħhom ħatja tal-fatti allegati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-qorti tar-rinviju tista’ suċċessivament tapprova l-ftehim ta’ patteġġjament u tevalwa r-responsabbiltà kriminali ta’ dawn l-akkużati ma jidhirx li jikkontradixxi r-rekwiżiti tal-imparzjalità oġġettiva.

65.      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni tal-akkużat PT tidher, jekk xejn, singulari sa fejn din l-istess qorti tar-rinviju ppreċiżat (49) li b’mod ġenerali u skont ġurisprudenza stabbilita, il-ftehimiet ta’ patteġġjament ikomplu jsemmu l-ismijiet u n-numri ta’ identità tal-akkużati li ma kkonkludewx tali ftehim. Ma’ dan jiżdied il-fatt li dawn il-ftehimiet u s-sentenzi li japprovawhom ma jsemmux neċessarjament espressament il-fatt li dawn l-akkużati huma akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali distinti u li l-ħtija tagħhom ma hijiex legalment stabbilita, indikazzjoni meħtieġa b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-evalwazzjoni tagħha tal-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza (50). Fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni Bulgara inkwistjoni, kif applikata mill-qrati nazzjonali, dawn l-elementi huma ta’ natura li jiġġustifikaw, fir-rigward tal-imparzjalità oġġettiva, il-ġurisdizzjoni tal-kulleġġ ad hoc għall-approvazzjoni tal-ftehimiet, li huwa ammess mill-qorti tar-rinviju nnifisha (51).

66.      Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tiegħi, mill-indikazzjonijiet kontenuti fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma jistax jiġi dedott li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Fil-fatt, ’il bogħod milli tikkontradixxi r-rekwiżiti fuq imsemmija, ir-rikuża sistematika tal-qorti adita inizjalment mill-proċeduri kriminali favur kulleġġ ad hoc, għall-finijiet ta’ approvazzjoni tal-ftehim ta’ patteġġjament, issaħħaħ neċessarjament l-imparzjalità oġġettiva tal-qorti mitluba tiddeċiedi fil-konfront tal-koakkużati li ma ammettewx il-ħtija tagħhom, billi teskludi għalhekk assenza ta’ apparenza ta’ imparzjalità li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (52).

–       Fuq ilprinċipju ta’ immedjatezza talproċeduri kriminali

67.      Mistoqsija dwar il-portata ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/29/UE (53), fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-repetizzjoni tas-smigħ tal-vittma minn kulleġġ ġudikanti kompost mill-ġdid, meta waħda mill-partijiet fil-proċedura tirrifjuta li l-imsemmi kulleġġ jibbaża ruħu fuq il-proċess verbali tal-ewwel smigħ, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-prinċipju fuq imsemmi billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

68.      Għalhekk, hija indikat li wieħed mill-elementi importanti ta’ proċess kriminali ta’ natura xierqa huwa l-possibbiltà li l-akkużat jikkonfronta lix-xhieda fil-preżenza tal-imħallef li fl-aħħar jiddeċiedi, u li dan il-prinċipju ta’ immedjatezza huwa garanzija importanti tal-proċess kriminali inkwantu l-osservazzjonijiet magħmula mill-imħallef fir-rigward tal-aġir u tal-kredibbiltà ta’ xhud jista’ jkollhom konsegwenzi serji għall-akkużat. Għalhekk, bidla fil-kompożizzjoni tal-qorti li tagħti s-sentenza wara s-smigħ ta’ xhud importanti għandha, bħala prinċipju, twassal għal smigħ ġdid ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, il-prinċipju ta’ immedjatezza ma jistax jitqies bħala li jipprekludi kwalunkwe bidla fil-kompożizzjoni ta’ qorti matul l-iżvolġiment ta’ proċess kriminali. Problemi amministrattivi jew proċedurali partikolarment evidenti jistgħu jinqalgħu u jirrendu impossibbli l-parteċipazzjoni kontinwa ta’ imħallef fil-proċess kriminali. Jistgħu jittieħdu miżuri sabiex l-imħallfin li jkomplu l-kawża jifhmu sewwa l-elementi u l-argumenti, pereżempju billi jingħatawlhom il-proċessi verbali meta l-kredibbiltà tax-xhud inkwistjoni ma hijiex ikkontestata, jew billi jiġu organizzati sottomissjonijiet orali ġodda jew smigħ ġdid ta’ xhieda importanti quddiem il-qorti komposta mill-ġdid (54).

69.      Għalhekk, il-prinċipju ta’ “immedjatezza” jippreżupponi relazzjoni diretta bejn dak li jiġġudika u l-parti fil-kawża, b’tali mod li l-imħallef li ma ħax sehem fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali ma jitħalliex jipparteċipa fid-deċiżjoni tal-kawża (55).

70.      Skont il-qorti tar-rinviju, dan il-prinċipju ta’ immedjatezza huwa rifless fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 55 tan-NPK li jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tad-difiża fil-proċeduri, fil-preżenza tal-imħallef li għandu jiddeċiedi fuq il-mertu, filwaqt li l-Artikolu 384a tan-NPK jeskludih. Hija tindika li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jinkiser jekk id-difiża titqiegħed f’sitwazzjoni fejn qorti jkollha tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq il-mertu abbażi ta’ provi eżaminati u diskussi quddiem qorti oħra. Din il-qorti tkun ħadet biss konjizzjoni tal-atti proċedurali, iżda ma tkunx ipparteċipat fil-proċess ta’ ġbir u ta’ evalwazzjoni tal-provi, fil-preżenza u taħt l-istħarriġ tad-difiża.

71.      Fil-fehma tiegħi, din il-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju tiċħad l-ispeċifiċità u l-awtonomija tal-proċedura ta’ patteġġjament, li fir-rigward tagħha l-Qorti EDB diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi. Għalhekk, hija kkunsidrat li proċedura ta’ tranżazzjoni kriminali li twassal li jiġi deċiż dwar akkuża kriminali wara eżami ġudizzjarju ssimplifikat timplika, essenzjalment, rinunzja ta’ ċerti drittijiet proċedurali, li ma hijiex problema fiha nnifisha, peress li la l-kliem u lanqas l-ispirtu tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma jipprekludu lill-parti kkonċernata milli tirrinunzja għal dawn il-garanziji volontarjament. Għalhekk, b’applikazzjoni tal-prinċipji relatati mal-validità ta’ rinunzji, l-aċċettazzjoni tat-tranżazzjoni mir-rikorrent għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin: l-ewwel, din għandha tingħata b’mod realment volontarju u b’għarfien perfett tal-fatti tal-kawża kif ukoll tal-effetti legali marbuta ma’ din it-tip ta’ tranżazzjoni, u, it-tieni, il-kontenut tat-tranżazzjoni u l-ekwità tal-proċedura li wasslet għall-konklużjoni tagħha mill-partijiet għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju suffiċjenti (56).

72.      Billi kkonkluda ftehim mal-prosekutur li permezz tiegħu huwa ammetta l-ħtija tal-fatti allegati u aċċetta l-piena ta’ priġunerija sospiża, PT irrinunzja għall-possibbiltà li l-kawża tkun deċiża skont il-proċedura ordinarja, b’konformità mal-Artikolu 384(6) tan-NPK, u għalhekk li jikseb eżami tal-mertu tal-kawża tiegħu li jimplika, waqt is-seduta sabiex tingħata deċiżjoni, dibattitu kontradittorju dwar il-provi quddiem l-imħallef li għandu jiddeċiedi fuq il-mertu. Il-proċedura ta’ patteġġjament tikkostitwixxi mod partikolari ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali peress li hija alternattiva għall-proċess tad-dritt ordinarju, li toriġina minn għażla tal-persuna akkużata, assistita mill-avukat tagħha. Billi jeċċepixxi l-ksur tal-prinċipju ta’ immedjatezza, kif japplika waqt il-proċess kriminali fuq imsemmi, ir-raġunament tal-qorti tar-rinviju jidhirli li jaħbi r-realtà ġuridika-fattwali tal-proċedura ta’ patteġġjament li tissodisfa għan ta’ simplifikazzjoni u ta’ tħaffif tas-soluzzjoni ta’ kawżi kriminali kkunsidrat bħala leġittimu mill-Qorti EDB (57).

73.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi allegat li r-rikuża tal-qorti inizjalment adita fil-proċeduri kriminali kontra l-akkużati kollha favur kulleġġ ġudikanti ad hoc għall-finijiet ta’ approvazzjoni tal-ftehim ta’ patteġġjament konkluż minn wieħed mill-akkużati hija ta’ natura, fiha nnifisha, li tippreġudika l-prinċipju ta’ immedjatezza tal-proċeduri kriminali. Madankollu, huwa neċessarju li dan il-kulleġġ ikun f’pożizzjoni li jiżgura stħarriġ ġudizzjarju suffiċjenti, kif meħtieġ mill-Qorti EDB (58), filwaqt li jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju ma ssemmi ebda element ieħor li jista’ juri l-kuntrarju (59).

 Fuq irrekwiżit talkunsens unanimu talakkużati loħra

74.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, tar-regola nazzjonali li tistabbilixxi bħala kundizzjoni preliminari għall-approvazzjoni ġudizzjarja tal-ftehim ta’ patteġġjament il-kunsens unanimu tal-koakkużati (60). Dan ir-rekwiżit għandu l-effett li jillimita indebitament l-aċċess tal-persuna akkużata għal “rimedju rrikonoxxut mil-liġi”, li jippermettilha li tingħata sanzjoni eħfef minn dik li kieku tiġi imposta fuqha fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja.

75.      Fid-dawl tal-formulazzjoni mhux tas-soltu tad-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li l-proċedura ta’ patteġġjament inkwistjoni ma tistax tiġi kklassifikata jew assimilata ma’ rimedju ġudizzjarju, jiġifieri ma’ rimedju li jippermetti l-kritika u l-kontestazzjoni quddiem istanza ġudizzjarja ta’ sitwazzjoni allegatament irregolari.

76.      Meħuda fl-intier tagħha, id-deċiżjoni tar-rinviju jidhirli li għandha tiġi interpretata bħala l-indikazzjoni ta’ ksur possibbli tad-dritt ta’ smigħ xieraq tal-persuna akkużata, u b’mod iktar partikolari għad-drittijiet tad-difiża. F’dan ir-rigward, infakkar li d-determinazzjoni tal-kontenut u tal-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) FUE, titwettaq b’riferiment għall-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-prinċipju fundamentali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet, iddikjarat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta, u l-kunċett ta’ “smigħ xieraq”, imsemmi fl-Artikolu 6 tal-KEDB, huma kkostitwiti minn diversi elementi, li jinkludu, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża (61).

77.      Skont il-qorti tar-rinviju, ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Qafas 2004/757 u 2008/841 jipprovdu l-possibbiltà ta’ piena mnaqqsa fil-każ ta’ kooperazzjoni tal-persuna akkużata, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li jippermettu l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ patteġġjament. Il-fatt li l-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ dan tal-aħħar tkun suġġetta għall-kunsens tal-koakkużati jippreġudika d-dritt tal-akkużat, li ammetta r-responsabbiltà kriminali tiegħu, milli jibbenefika minn tali ftehim sinonimu mat-tnaqqis tal-piena, mingħajr ma l-limitazzjoni ta’ tali dritt tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità (62), b’kontradizzjoni mal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

78.      Issa, sa fejn naf jien, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kemm tad-dritt primarju kif ukoll ta’ strument ta’ dritt sekondarju, ma tiggarantixxi lil persuna akkużata kriminalment dritt li tibbenefika minn tnaqqis ta’ piena f’sitwazzjoni partikolari, u b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ patteġġjament konkluż mal-prosekutur. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, peress li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2016/343 ma jimponi ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tal-persuna akkużata mill-awtoritajiet ġudizzjarji, huwa ma jagħtiha ebda dritt li tikseb sanzjoni mnaqqsa fil-każ ta’ kooperazzjoni ma’ dawn l-awtoritajiet, pereżempju permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim mal-prosekutur li fih din il-persuna tammetti l-ħtija tagħha (63). Hija ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, li jipprovdi obbligu li l-persuni akkużati jiġu informati b’kull emenda għal dak li jirrigwarda l-akkuża miġjuba kontrihom, meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-ekwità tal-proċedura u d-drittijiet tad-difiża previsti fl-Artikolu 48(2) tal-Karta, fil-kuntest tad-dritt għall-informazzjoni ta’ dawn il-persuni, ma jimponix li dawn tal-aħħar jistgħu jitolbu l-applikazzjoni, wara l-ftuħ tat-trattazzjoni, ta’ piena nnegozjata fil-każ ta’ emenda tal-fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża jew emenda tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża (64).

79.      Ma jistax jiġi dedott mid-dritt tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati li jżommu s-silenzju għal dak li jirrigwarda r-reat kriminali allegat u li ma jinkriminawx lilhom infushom, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2016/343 (65), li huma għandhom dritt jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ piena fil-każ ta’ ammissjoni tal-ħtija tagħhom, peress li l-kliem ċar tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jeskludi tali interpretazzjoni.

80.      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni lanqas tiggarantixxi tali dritt. Il-proċedura li twassal għal ftehim dwar l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata hija proċedura partikolari li tiddeċiedi dwar reati kriminali li tista’ tiġi liberament implimentata mill-prosekutur, fuq inizjattiva tiegħu jew fuq talba tal-avukat tal-persuna akkużata, peress li din tal-aħħar tammetti l-fatti allegati. Għalhekk, din il-persuna ma għandha ebda dritt li tiġi kkundannata skont din il-proċedura minkejja li hija ammettiet il-ħtija tagħha, filwaqt li għandu jiġi osservat li l-ftehim għandu neċessarjament jiġi ffirmat mill-prosekutur sabiex ikun jista’ jiġi sottomess għal approvazzjoni (66). Il-persuna akkużata lanqas għandha, meta l-prosekutur ikun iddeċieda li jirrikorri għal din il-proċedura u hija aċċettat il-piena li huwa ppropona, dritt għall-approvazzjoni tagħha mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni li la ma hija marbuta bil-proposta tal-prosekutur u lanqas bl-aċċettazzjoni tagħha mill-persuna akkużata. Mill-Artikolu 382(8) tan-NPK jirriżulta li meta l-qorti tirrifjuta li tapprova l-ftehim ta’ patteġġjament, hija tibgħat lura l-kawża quddiem il-prosekutur.

81.      Għalhekk, rekwiżit ta’ kunsens, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għalih hija suġġetta l-approvazzjoni ta’ ftehim dwar l-applikazzjoni ta’ piena nnegozjata, ma jistax jiġi kkunsidrat li jippreġudika d-dritt għal smigħ xieraq, u b’mod iktar partikolari, id-drittijiet tad-difiża.

 Konklużjoni

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) kif ġej:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ ftehim li fih waħda mill-persuni akkużati ammettiet il-ħtija tagħha għar-reati allegati inkambju għal tnaqqis ta’ piena hija, minn naħa, attribwita lill-ġurisdizzjoni ta’ qorti oħra differenti minn dik inizjalment adita bil-proċeduri kriminali u, min-naħa l-oħra, suġġetta għall-kundizzjoni preliminari tal-aċċettazzjoni tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim mill-persuni akkużati l-oħra kollha li ma ammettewx ir-responsabbiltà kriminali tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Qorti EDB, 29 ta’ April 2014, Natsvlishvili u Togonidze vs Il‑Georġja, CE:ECHR:2014:0429JUD000904305, punt 90.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).


5      DV Nru 86, tat‑28 ta’ Ottubru 2005.


6      Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU 2006, L 153M, p. 94).


7      Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU 2008, L 300, p. 42).


8      Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 59).


9      Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Viva Telecom Bulgaria (C‑257/20, EU:C:2022:125, punt 123).


10      Digriet tat‑18 ta’ April 2023, Vantage Logistics (C‑200/22, EU:C:2023:337, punt 27).


11      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Miasto Łowicz”, EU:C:2020:234, punti 32 u 33).


12      Ara f’dan is-sens, is-sentenza Miasto Łowicz (punti 34 sa 36).


13      Rigward id-Deċiżjoni Qafas 2004/757, ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prokuratura Rejonowa w Słupsku (C‑634/18, EU:C:2020:455, punt 32).


14      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 34).


15      Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prokuratura Rejonowa w Słupsku (C‑634/18, EU:C:2020:455, punt 39).


16      Rigward id-Deċiżjoni Qafas 2004/757, ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prokuratura Rejonowa w Słupsku (C‑634/18, EU:C:2020:455, punt 41).


17      Ara b’analoġija, id-digriet tal‑24 ta’ Settembru 2019, Spetsializirana prokuratura (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑467/19 PPU, EU:C:2019:776, punt 34).


18      Digriet tal‑24 ta’ Settembru 2019, Spetsializirana prokuratura (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑467/19 PPU, EU:C:2019:776, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara b’analoġija, id-digriet tal‑24 ta’ Settembru 2019, Spetsializirana prokuratura (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑467/19 PPU, EU:C:2019:776, punti 34 u 35).


20      Ara b’analoġija, id-digriet tal‑24 ta’ Settembru 2019, Spetsializirana prokuratura (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑467/19 PPU, EU:C:2019:776, punt 36).


21      Ara pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova (C‑406/15, EU:C:2017:198, b’mod partikolari, punt 52), u tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 64 sa 69).


22      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Nirrileva li d-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841.


24      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 37).


25      Minkejja li ċertament huma fformulati b’mod differenti, l-ewwel u t-tielet domanda preliminari jirriflettu madankollu l-istess problema tal-identità tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni akkużati, inkluż permezz tal-approvazzjoni tal-ftehim ta’ patteġġjament konkluż minn waħda minnhom.


26      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, ir-Repubblika tal-Bulgarija) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) kienet ġiet xolta u ċerti kawżi kriminali miġjuba quddiem din l-aħħar qorti, fosthom il-kawża prinċipali, kienu ġew ittrasferiti lilha sa minn dik id-data. Għalhekk, jidher li l-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà rigward in-natura pendenti tal-kawża prinċipali għadha ssodisfatta.


27      Sentenza Miasto Łowicz (punti 44 sa 46).


28      Ara s-sentenza Miasto Łowicz (punti 49 sa 51).


29      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019 (C‑585/18, C-624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).


30      Sentenza Miasto Łowicz (punt 51).


31      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità u sospensjoni ta’ mħallef) (C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punti 46 u 47).


32      Punt 34 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


33      Minkejja li l-qorti tar-rinviju tirreferi għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, fil-kuntest ta’ formulazzjoni li ċertament relattivament mhix ċara, hija ssemmi wkoll diversi drabi l-Artikolu 47 tal-Karta li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi interpretata l-ewwel dispożizzjoni.


34      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 52).


35      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 37).


36      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 57 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C-624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 121 sa 123).


38      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 128).


39      Sentenza tad‑19 ta’ Frar 2009, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il‑Parlament (C‑308/07 P, EU:C:2009:103, punti 43 sa 45).


40      Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 44).


41      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll id-deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija, ma jirreferux għal persuna suspettata jew persuna akkużata bħala li hija ħatja, sakemm il-ħtija tagħha ma tkunx legalment stabbilita.


42      Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 50). Għandu jiġi osservat li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-ftehim konkluż bejn il-prosekutur u wieħed mill-akkużati kien sottomess għall-approvazzjoni lill-qorti tar-rinviju li tikkorrispondi għall-kulleġġ ġudikanti ad hoc, kif jirriżulta mill-punt 22 tal-imsemmija sentenza.


43      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi.


44      Digriet tat‑28 ta’ Mejju 2020, UL u VM (C‑709/18, EU:C:2020:411, punt 35).


45      Qorti EDB, 25 ta’ Novembru 2022, Mucha vs Is‑Slovakkja, (CE:ECHR:2021:1125JUD006370319, punt 49).


46      Qorti EDB, 25 ta’ Novembru 2022, Mucha vs Is‑Slovakkja, (CE:ECHR:2021:1125JUD006370319).


47      Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019 (C‑377/18, EU:C:2019:670).


48      L-assenza ta’ anonimizzazzjoni hija kunsiderazzjoni importanti, qabel kollox, fil-kuntest tad-diskussjoni dwar l-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.


49      Ara l-punti 31 u 32 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


50      Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punti 45 u 49). Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li tali indikazzjoni kienet taqa’ taħt is-setgħa tal-kulleġġ ġudikanti li għandu ġurisdizzjoni għall-approvazzjoni tal-ftehim li jipproponi emendi ta’ dan tal-aħħar.


51      Ara l-punti 31 u 32 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


52      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 60).


53      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU 2012, L 315, p. 57).


54      Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628, punti 43 u 44).


55      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:37, punti 82 u 83) u tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Komisia za zashtita ot diskriminatsia (C‑824/19, EU:C:2021:324, punt 62). Infakkar ukoll li, skont l-Artikolu 32(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja “[m]eta tkun inżammet seduta għas-sottomissjonijiet orali, huma biss l-Imħallfin li jkunu pparteċipaw f’din is-seduta […] li jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet”.


56      Qorti EDB, 29 ta’ April 2014, Natsvlishvili u Togonidze vs Il‑Ġeorġja, CE:ECHR:2014:0429JUD000904305, punti 91 u 92.


57      Għall-Qorti EDB, it-tranżazzjoni kriminali tippreżenta mhux biss il-vantaġġ importanti li jippermetti riżoluzzjoni rapida tal-kawżi kriminali u li jtaffi l-volum ta’ xogħol tal-qrati, tal-prosekutur pubbliku u tal-avukati, iżda tikkostitwixxi wkoll, sakemm tiġi użata korrettament, strument effikaċi ta’ ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata kif ukoll fattur ta’ tnaqqis tan-numru ta’ pieni mogħtija, u konsegwentement, tan-numri ta’ priġunieri (Qorti EDH, 29 ta’ April 2014, Natsvlishvili u Togonidze vs Il‑Ġeorġja, CE:ECHR:2014:0429JUD000904305, punt 90).


58      Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, fil-kuntest tal-approvazzjoni ġudizzjarja tal-ftehim, il-kulleġġ kompetenti jistaqsi lill-akkużat firmatarju dwar l-aspetti sostantivi (l-ammissjoni ta’ ħtija tiegħu) u proċedurali (rinunzja għal sentenza skont il-proċedura ordinarja) u japprova dan il-ftehim biss fil-każ ta’ konferma tal-parti kkonċernata.


59      Nirrileva li l-qorti tar-rinviju targumenta wkoll li, fid-dawl tas-setgħa tal-qorti li tipproponi emendi tal-ftehim fis-sens ta’ piena iktar ħarxa, id-difiża “dejjem” għandha interess legali li d-deċiżjoni tingħata mill-qorti li tkun ġabret il-provi fil-preżenza tagħha u taħt l-istħarriġ tagħha. Għandha tiġi enfasizzata n-natura purament spekulattiva, u saħansitra kontradittorja ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, sa fejn din il-qorti tinvoka, fil-punti 51 u 52 tad-deċiżjoni tar-rinviju, li l-ftehim ta’ patteġġjament approvat mill-akkużat jirriżulta f’sanzjoni eħfef minn dik li kienet tiġi imposta fuqu fil-kuntest tal-proċedura ordinarja.


60      Nippreċiża li hija t-tielet darba li l-qorti tar-rinviju (jew dik preċedenti għaliha) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar din ir-regola proċedurali partikolari. Fis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 28), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ħadet ħsieb tindika li hija ma kinitx mistoqsija dwar l-eventwali kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta, jekk ikun il-każ, l-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ ftehim li jimplika ammissjoni ta’ ħtija inkambju għal tnaqqis tal-piena għall-kunsens tal-persuni l-oħra akkużati li ma ammettewx il-ħtija tagħhom. Mingħajr ma stenniet ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju reġgħet għal darba oħra adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità ta’ tali regola mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, mal-Artikolu 20 tal-Karta (Kawża pendenti C‑398/23).


61      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 203).


62      Il-qorti tar-rinviju tirreferi espressament għall-Artikolu 52 tal-Karta.


63      Digriet tal‑24 ta’ Settembru 2019, Spetsializirana prokuratura (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑467/19 PPU, EU:C:2019:776, punt 34). Huwa b’riferiment għal dan l-aħħar punt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 42 ta’ dan id-digriet li “id-dritt tal-Unjoni” ma jimponi fuq l-Istati Membri ebda obbligu li jawtorizzaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom li jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jagħtu s-sentenza tagħhom, l-attitudni kooperattiva tal-persuni suspettati u tal-persuni akkużati, b’mod partikolari permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim mal-prosekutur li fih persuna tammetti l-ħtija tagħha inkambju għal piena mnaqqsa.


64      Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punti 63 u 72).


65      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, skont il-Qorti EDB, anki jekk l-Artikolu 6 tal-KEDB ma jsemmix espressament id-dritt għas-silenzju, dan jikkostitwixxi regola internazzjonali ġeneralment irrikonoxxuta, li tinsab fil-qalba tal-kunċett ta’ smigħ xieraq (sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob (C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


66      Ara l-Artikolu 381(1) u (6) tan-NPK.

Top