This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CC0420
Opinion of Advocate General Richard de la Tour delivered on 23 November 2023.#NW and PQ v Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság and Miniszterelnöki Kabinetirodát vezető miniszter.#Requests for a preliminary ruling from the Szegedi Törvényszék.#References for a preliminary ruling – Citizenship of the European Union – Article 20 TFEU – Union citizen who has never exercised his or her right of freedom of movement – Residence of a family member of that Union citizen – Threat to national security – Statement by a specialist national authority – Statement of reasons – Access to the file.#Joined Cases C-420/22 and C-528/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-23 ta’ Novembru 2023.
NW u PQ vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság u Miniszterelnöki Kabinetirodát vezető miniszter.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szegedi Törvényszék.
Rinviji għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 TFUE – Ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Residenza ta’ membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni – Preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali – Teħid ta’ pożizzjoni ta’ awtorità nazzjonali speċjalizzata – Motivazzjoni – Aċċess għall-fajl.
Kawżi magħquda C-420/22 u C-528/22.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-23 ta’ Novembru 2023.
NW u PQ vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság u Miniszterelnöki Kabinetirodát vezető miniszter.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szegedi Törvényszék.
Rinviji għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 TFUE – Ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Residenza ta’ membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni – Preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali – Teħid ta’ pożizzjoni ta’ awtorità nazzjonali speċjalizzata – Motivazzjoni – Aċċess għall-fajl.
Kawżi magħquda C-420/22 u C-528/22.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:909
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑23 ta’ Novembru 2023 (1)
Kawża C‑420/22
NW
vs
Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság,
Miniszterelnöki Kabinetirodát vezető miniszter
u
Kawża C‑528/22
PQ
vs
Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság,
Miniszterelnöki Kabinetirodát vezető miniszter
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Direttiva 2003/109/KE – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul – Irtirar ta’ dan l-istatus – Artikolu 20 TFUE – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ċittadin tal-Unjoni li qatt ma eżerċita l-libertà tal-moviment – Residenza ta’ membru tal-familja – Irtirar jew ċaħda ta’ dritt ta’ residenza – Theddida għas-sigurtà nazzjonali – Opinjoni ta’ korp speċjalizzat – Informazzjoni kklassifikata – Motivazzjoni – Aċċess għall-fajl”
I. Introduzzjoni
1. Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 9(3) u tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (2).
2. Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, NW (Kawża C‑420/22) u, min-naħa l-oħra, PQ (Kawża C‑528/22), ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kontra l-Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság (id-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Barranin, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat Ġenerali”).
3. Dawn il-kawżi jirrigwardaw, għall-Kawża C‑420/22, l-irtirar tal-permess ta’ residenza permanenti ta’ NW u l-obbligu ta’ tluq mit-territorju tal-Ungerija u, għall-Kawża C‑528/22, iċ-ċaħda tat-talba ta’ PQ li jikseb permess ta’ stabbiliment nazzjonali.
4. Id-domandi magħmula mis-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija) f’dawn iż-żewġ kawżi jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kundizzjonijiet materjali u proċedurali li l-Istati Membri għandhom josservaw sabiex ikunu jistgħu jidderogaw mid-dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE.
5. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi, b’kontinwità għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet reċentement, fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (3), ir-raġunijiet li għalihom inqis li l-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali kkaratterizzata mill-elementi li ġejjin, jiġifieri l-intervent deċiżiv ta’ korp speċjalizzat fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali li huwa distint mill-awtorità kompetenti fil-qasam tar-residenza, in-natura vinkolanti għal din l-awtorità tal-opinjoni maħruġa minn dan il-korp, l-assenza ta’ motivazzjoni kemm ta’ din l-opinjoni kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ dritt ta’ residenza, l-assenza ta’ komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tas-sustanza tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni u l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi individwali rilevanti kollha.
II. Id‑dritt Ungeriż
6. L-Artikolu 94 tal-a szabad mozgás és tartózkodás jogával rendelkező személyek beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi I. törvény (il-Liġi Nru I tal‑2007, dwar id-Dħul u r-Residenza tal-Persuni li Jgawdu mil-Libertà ta’ Moviment u ta’ Residenza) (5), tal‑5 ta’ Jannar 2007 (iktar ’il quddiem il-“Liġi I”), huwa fformulat kif ġej:
“1. Id-dispożizzjonijiet tal-(a harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi II. törvény (il-Liġi Nru II tal-2007 dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi) (6), tal‑5 ta’ Jannar 2007 (iktar ’il quddiem il-‘Liġi II’),) japplikaw għall-proċeduri li jikkonċernaw il-membri ċittadini ta’ pajjiżi terzi tal-familja ta’ ċittadini Ungeriżi introdotti u mġedda wara d-dħul fis-seħħ tal-(az egyes migrációs tárgyreuhés kapcsolódó törvények módosításáról szóló 2018. évi CXXXIII. törvény (il-Liġi Nru CXXXIII tal‑2018, li Temenda Ċerti Liġijiet li Għandhom Bħala Għan il-Migrazzjoni u Ċerti Liġijiet Komplementari) (7), tat‑12 ta’ Diċembru 2018,) (iktar ’il quddiem it-“Tieni Liġi Emendatorja”).
2. Kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu permess ta’ residenza jew permess ta’ residenza permanenti li jkun inħariġlu, bħala membru tal-familja ta’ ċittadin Ungeriż, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Tieni Liġi Emendatorja u li kien għadu validu fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għandu, fuq talba tiegħu mressqa qabel l-iskadenza tal-permess ta’ residenza jew il-permess ta’ residenza permanenti, jinħariġlu permess ta’ stabbiliment nazzjonali mingħajr verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 33(1)(a) u (b) u fl-Artikolu 35 (1) u (1a) tal-Liġi [II], ħlief jekk:
[…]
c) raġuni għal ċaħda kif prevista fl-Artikolu 33(1)(c) u (2) tal-Liġi [II] tipprekludi l-istabbiliment tiegħu.
[…]
3. Fir-rigward tal-paragrafu 2(c), il-korpi speċjalizzati tal-Istat innominati għandhom jiġu kkonsultati skont ir-regoli tal-Liġi [II] dwar il-ħruġ tal-permessi ta’ stabbiliment, sabiex jiksbu l-opinjoni tagħhom.
4. Meta ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin Ungeriż ikun detentur ta’ permess ta’ residenza validu jew ta’ permess ta’ residenza permanenti validu, dan għandu jiġi rtirat:
[…]
b) jekk ir-residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tqiegħed fil-perikolu l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali tal-Ungerija.
5. Għal kull kwistjoni speċjali msemmija fil-paragrafu 4(b), il-korpi speċjalizzati tal-Istat innominati għandhom jiġu kkonsultati skont ir-regoli tal-Liġi [II] dwar il-ħruġ tal-permessi ta’ stabbiliment, sabiex jiksbu l-opinjoni tagħhom dwar din il-kwistjoni.
[…]”
7. L-Artikolu 33(2)(b) tal-Liġi II jistabbilixxi:
“Ma jistax jirċievi permess ta’ stabbiliment temporanju, permess ta’ stabbiliment nazzjonali jew permess ta’ stabbiliment Komunitarju ċittadin ta’ pajjiż terz:
[…]
b) li l-istabbiliment tiegħu jipperikola s-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali tal-Ungerija.”
8. Skont l-Artikolu 87/B(4) ta’ din il-liġi:
“L-opinjoni tal-korp speċjalizzat tal-Istat hija, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni speċjali, vinkolanti għall-awtorità tal-pulizija tal-barranin adita.”
9. L-Artikolu 97(1) tal-a harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi II. törvény végrehajtásáról szóló 114/2007 rendelet (id-Digriet ta’ Implimentazzjoni tal-[Liġi II]) (8), tal‑5 ta’ Jannar 2007, jipprovdi:
“Għall-proċeduri ta’ ħruġ u ta’ rtirar tal-permessi ta’ stabbiliment temporanji, permessi ta’ stabbiliment nazzjonali u permessi ta’ stabbiliment Komunitarji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u għall-proċeduri għall-irtirar tal-permessi ta’ stabbiliment u permessi ta’ immigrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Gvern, meta jkollu jiġi ddeterminat jekk l-istabbiliment jew l-immigrazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jipperikolax is-sigurtà nazzjonali tal-Ungerija, għandu jindika, bħala korpi speċjalizzati tal-ewwel grad, l-Alkotmányvédelmi Hivatal [l-Uffiċċju ta’ Protezzjoni tal-Kostituzzjoni, l-Ungerija] u t-Terrorelhárítási Központ (l-Uffiċċju Ċentrali għall-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, l-Ungerija) u, bħala korp speċjalizzat tat-tieni grad, il-Ministru responsabbli għall-ġestjoni tas-servizzi ċivili tas-sigurtà nazzjonali.”
10. L-Artikolu 11 tal-a minősített adat védelméről szóló 2009. évi CLV. törvény (il-Liġi Nru CLV tal-2009 dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Kklassifikata) (9), tad‑29 ta’ Diċembru 2009, jipprevedi:
“1. Il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li ssir taf bid-data personali tagħha li għandha n-natura ta’ informazzjoni kklassifikata nazzjonali abbażi ta’ awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni maħruġa mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni […]
2. […] L-awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni għandha tiġi miċħuda mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni jekk l-għarfien tal-informazzjoni jwassal għal preġudizzju għall-interess pubbliku li ġġustifika l-klassifikazzjoni. Iċ-ċaħda li tingħata l-awtorizzazzjoni għall-konsultazzjoni għandha tkun immotivata mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni.
3. Fil-każ ta’ ċaħda li tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni, il-persuna kkonċernata tista’ tikkontesta d-deċiżjoni permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja amministrattiva. Jekk il-qorti adita tilqa’ l-appell, hija għandha tordna lill-awtorità ta’ klassifikazzjoni biex tagħti l-awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni. […] La r-rikorrent u lanqas kwalunkwe persuna intervenjenti insostenn tiegħu ma jistgħu, bl-istess mod bħar-rappreżentanti tagħhom, jieħdu konjizzjoni tal-informazzjoni kklassifikata matul il-proċedura […]”
11. L-Artikolu 12 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:
“1. Is-servizz li jipproċessa l-informazzjoni kklassifikata jista’ jirrifjuta li l-persuna kkonċernata teżerċita d-dritt ta’ aċċess għad-data personali tagħha jekk l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jikkomprometti l-interess pubbliku li ġġustifika l-klassifikazzjoni.
2. Fil-kuntest tal-infurzar tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata fil-qorti, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-qorti adita u għall-għarfien tal-informazzjoni kklassifikata.”
12. Skont l-Artikolu 13(1) u (5) tal-liġi msemmija:
“1. Tista’ tuża biss informazzjoni kklassifikata persuna li għaliha dan huwa ġġustifikat fit-twettiq ta’ missjonijiet tal-Istat jew pubbliċi, u li, ħlief kif ipprovdut mil-liġi, ikollha:
a) ċertifikat ta’ sigurtà personali validu u li jikkorrispondi mal-livell ta’ klassifikazzjoni tal-informazzjoni li tixtieq tuża,
b) dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità, u
c) awtorizzazzjoni tal-utent.
[…]
5. Sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, il-qorti tista’ teżerċita d-drittijiet ta’ dispożizzjoni li huma neċessarji sabiex tiddeċiedi l-kawżi li jkollha quddiemha skont is-sistema ta’ attribuzzjoni tal-kawżi, u dan mingħajr ma tkun ġiet suġġetta għal kontroll tas-sigurtà nazzjonali u mingħajr ma jkollha ċertifikat ta’ sigurtà personali, dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità jew awtorizzazzjoni ta’ utent.”
13. L-Artikolu 14(4) tal-istess liġi jipprovdi:
“L-aċċess għal informazzjoni kklassifikata nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, ġudizzjarja – ħlief fil-każ kriminali – jew kontravenzjonali, jew fi proċedura uffiċjali oħra jista’ jiġi awtorizzat mill-awtorità ta’ klassifikazzjoni. L-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-użu ta’ informazzjoni kklassifikata nazzjonali ma jistax jiġi miċħud fil-kuntest tal-proċeduri ta’ stħarriġ ta’ legalità mill-Uffiċċju tal-Prosekutur u tal-proċeduri ġudizzjarji ċivili li jistgħu jsiru minnu fl-interess pubbliku.”
III. Il‑fatti tal‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
A. Il‑Kawża C‑420/22
14. NW, ċittadin Tork, iżżewweġ, fis-sena 2004, lil ċittadina Ungeriża. Wild ta’ nazzjonalità Ungeriża twieled minn din l-unjoni matul is-sena 2005.
15. Wara li rrisjeda legalment fl-Ungerija għal iktar minn ħames snin, NW, fid-dawl tal-istatus ta’ martu u tal-wild tiegħu, ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza permanenti quddiem l-awtoritajiet Ungeriżi, li ħarġulu dan il-permess, validu sal‑31 ta’ Ottubru 2022.
16. Fl-Ungerija, NW għandu dħul stabbli u regolari kif ukoll patrimonju immobbli li jippermettilu li jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu u għal dawk tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali Ungeriża.
17. Il-qorti tar-rinviju tindika li bejn NW u l-wild minuri tiegħu teżisti relazzjoni ta’ dipendenza.
18. Fil-fatt, NW u martu jeżerċitaw flimkien l-awtorità tal-ġenituri fuq il-wild tagħhom u jiżguraw il-kustodja effettiva tiegħu. Mingħajr id-dħul ta’ NW, il-membri tal-familja ma jkunux jistgħu jgħixu. Barra minn hekk, dan tal-aħħar għandu rabta affettiva mill-qrib mal-wild tiegħu.
19. Permezz ta’ opinjoni mhux motivata tat‑12 ta’ Jannar 2021, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni qies li r-residenza ta’ NW fl-Ungerija kienet tippreġudika l-interessi ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Dan il-korp speċjalizzat ikklassifika bħala “informazzjoni kklassifikata”, skont il-Liġi Nru CLV tal‑2009, dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Kklassifikata, id-data li huwa bbaża ruħu fuqha sabiex jagħti din l-opinjoni, b’tali mod li la NW u lanqas l-awtorità tal-pulizija tal-barranin ma setgħu jsiru jafu dwarha.
20. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Jannar 2021, l-elsőfokú idegenrendészeti hatóság (l-Awtorità tal-Pulizija tal-Barranin tal-ewwel grad, l-Ungerija), skont l-Artikolu 94(4)(b) tal-Liġi I, irtirat il-permess ta’ residenza permanenti ta’ NW u ordnatlu jitlaq mit-territorju tal-Ungerija.
21. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata, fl‑10 ta’ Mejju 2021, mid-Direttorat Ġenerali, minħabba li l-Belügyminiszter (il-Ministru għall-Intern, l-Ungerija) kien ikkonstata, fl-opinjoni tiegħu mogħtija fit‑13 ta’ April 2021 bħala korp speċjalizzat tat-tieni grad, li r-residenza ta’ NW kienet tippreġudika l-interessi tal-Ungerija fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Fid-deċiżjoni tiegħu, id-Direttorat Ġenerali enfasizza li, skont l-Artikolu 87/B(4) tal-Liġi II, huwa ma setax iwarrab l-opinjoni mogħtija mill-Ministru għall-Intern u li għalhekk huwa kien obbligat jirtira l-permess ta’ residenza permanenti ta’ NW, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tiegħu. Id-Direttorat Ġenerali indika wkoll li l-irtirar tal-permess ta’ residenza permanenti ma kienx jipprekludi lil NW milli japplika għal permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi II, skont il-kundizzjonijiet previsti fiha (10).
22. NW ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal‑10 ta’ Mejju 2021 quddiem is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged), fejn talab li din id-deċiżjoni tiġi annullata, kif ukoll id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità tal-pulizija tal-barranin tal-ewwel grad.
23. Huwa jikkritika lil dawn l-awtoritajiet li ma eżaminawx is-sitwazzjoni personali tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet tiegħu mal-Ungerija. L-imsemmija awtoritajiet ma ħadux konjizzjoni tal-motivazzjoni ddettaljata tal-korpi speċjalizzati u għaldaqstant iddeċidew bi ksur, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. NW jippreċiża li, kieku kellu jitlaq mit-territorju tal-Ungerija, il-familja tiegħu, u b’mod partikolari l-wild tiegħu li huwa jrabbi mal-mara tiegħu, jispiċċaw f’sitwazzjoni gravi, fid-dawl tar-relazzjoni ta’ dipendenza tagħhom.
24. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-deċiżjoni ta’ rtirar tal-permess ta’ residenza permanenti ta’ NW hija bbażata biss fuq l-opinjonijiet vinkolanti u mhux motivati tal-korpi speċjalizzati, li huma bbażati fuq informazzjoni kklassifikata li għaliha la NW u lanqas l-awtoritajiet li jiddeċiedu dwar ir-residenza ma kellhom aċċess. Konsegwentement, id-deċiżjoni meħuda minn dawn l-awtoritajiet lanqas ma tinkludi motivazzjoni.
25. Din il-qorti tenfasizza li mill-ġurisprudenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata huma ggarantiti mill-possibbiltà offruta lill-qorti kompetenti, sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni dwar ir-residenza, li tikkonsulta l-informazzjoni kklassifikata li fuqha hija bbażata l-opinjoni tal-korpi speċjalizzati.
26. Skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, la l-persuna kkonċernata u lanqas ir-rappreżentant tagħha ma għandhom possibbiltà konkreta li jesprimu ruħhom dwar l-opinjoni mhux motivata ta’ dawn il-korpi. Għalkemm, ċertament, huma għandhom id-dritt li jressqu talba għal aċċess għall-informazzjoni kklassifikata li tikkonċerna lil din il-persuna fi proċedura distinta (11), huma ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jużaw, fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni kklassifikata li jkunu ngħataw aċċess għaliha. Il-qorti adita b’rikors li jirrigwarda deċiżjoni dwar ir-residenza ma għandha l-ebda setgħa f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, din il-qorti tista’ biss tagħti deċiżjoni mhux motivata fuq il-punt dwar jekk l-opinjoni tal-korpi speċjalizzati tiġġustifikax jew le b’mod suffiċjenti l-konklużjoni li l-persuna inkwistjoni tirrappreżenta theddida għas-sigurtà nazzjonali.
27. Issa, NW jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 (12) u għandu, f’dan ir-rigward, jibbenefika minn garanziji proċedurali simili għal dawk li ġew enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (13) fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38/KE (14).
28. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 10(1) tad-[Direttiva 2003/109] għandu, flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] – u, jekk ikun il-każ, mal-Artikoli 7 u 24 tiegħu –, jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, l-awtorità nazzjonali li tkun, għal raġunijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali, mal-ordni pubbliku u/jew mas-sigurtà pubblika, adottat deċiżjoni ta’ rtirar ta’ permess ta’ residenza fit-tul mogħti qabel lil ċittadin ta’ pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, il-korpi speċjalizzati tal-Istat li jiddeċiedu dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni għandhom, meta l-awtorità responsabbli tindika li l-iżvelar ta’ data u ta’ informazzjoni jagħmel ħsara lis-sigurtà nazzjonali, jiżguraw li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat igawdi fil-każijiet kollha, bħar-rappreżentant tiegħu, id-dritt ta’ aċċess għall-inqas għall-punti sostanzjali tad-data u tal-informazzjoni kunfidenzjali jew ikklassifikata li huma l-bażi tad-deċiżjoni meħuda għar-raġunijiet indikati, kif ukoll id-dritt li jintużaw dawn l-elementi fil-qafas tal-proċedura li twassal [għal din id-]deċiżjoni?
2) Fil-każ ta’ risposta affermattiva, x’tifsira preċiża għandha tingħata lill-kunċett ta’ ‘sustanza’ tar-raġunijiet kunfidenzjali li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni, filwaqt li jitqiesu l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta?
3) L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/109, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tistħarreġ il-legalità ta’ opinjoni tal-korp speċjalizzat tal-Istat ibbażata fuq data kunfidenzjali jew ikklassifikata u d-deċiżjoni sostanzjali fil-qasam tal-immigrazzjoni bbażata fuq din l-opinjoni għandha jkollha l-kompetenza meħtieġa sabiex tivverifika l-legalità (neċessità u proporzjonalità) tal-klassifikazzjoni, u sabiex tadotta deċiżjoni speċifika li, fil-każ li l-klassifikazzjoni tkun illegali, tippermetti lill-persuna kkonċernata u lir-rappreżentant tagħha li jkunu jafu u jużaw id-data kollha li fuqha hija bbażata l-opinjoni jew id-deċiżjoni tal-awtoritajiet amministrattivi u, fil-każ li l-kunfidenzjalità hija legali, tagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà, fil-qafas tad-deċiżjoni ta’ immigrazzjoni li tikkonċernaha, li tkun taf u tuża għall-inqas is-sustanza tad-data kunfidenzjali?
4) L-Artikolu 9(3) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/109, flimkien mal-Artikoli 7, 24, l-Artikolu 51(1) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li ġiet adottata deċiżjoni ta’ immigrazzjoni li tirtira permess ta’ residenza għal żmien twil mogħti qabel fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni mhux motivata
a) li hija bbażata esklużivament fuq riferiment awtomatiku għal opinjoni, vinkolanti u li ma tammetti l-ebda deroga, maħruġa minn korpi speċjalizzati tal-Istat u li tikkonstata periklu jew ħsara fuq is-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew l-ordni pubblika, liema opinjoni hija stess hija mingħajr motivazzjoni, u
b) li twettqet mingħajr eżami rigoruż tal-eżistenza, fil-każ individwali, ta’ raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ ordni pubbliku, u mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali u lanqas ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità?”
29. Fit‑8 ta’ Awwissu 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet, min-naħa tal-qorti tar-rinviju, suppliment għat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.
30. Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, f’din it-talba, hija bbażat ruħha fuq il-premessa li NW kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li dan ma huwiex il-każ, ikun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk NW għandux jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE, sa fejn bejn NW u l-wild minuri tiegħu teżisti relazzjoni ta’ dipendenza.
31. Minn din il-perspettiva, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li d-Direttorat Ġenerali kiser id-dritt tal-Unjoni bis-sempliċi fatt li ma eżaminax jekk ir-rikorrent kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE.
32. Għaldaqstant, is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged) żiedet mad-domandi li diġà saru lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja, maqsuma fi tliet partijiet:
“L-Artikolu 20 [TFUE], moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prassi ta’ Stat Membru li permezz tagħha deċiżjoni ta’ rtirar ta’ permess ta’ residenza, mogħti preċedentement lil ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni (wild minuri, konjuġi) residenti fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, tiġi adottata mingħajr ma jkun ġie eżaminat minn qabel jekk il-membru tal-familja kkonċernat, ċittadin ta’ pajjiż terz, għandux dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE?
L-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 24, mal-Artikolu 51(1) kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk ikun hemm dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi applikat ipso iure mill-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll mill-qrati tal-Istat Membru meta tiġi adottata deċiżjoni tal-pulizija tal-barranin li tirtira l-permess ta’ residenza permanenti, li l-eċċezzjonijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali, mal-ordni pubbliku u mas-sigurtà pubblika jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġġustifikawha, u li, jekk jista’ jiġi stabbilit li tapplika tali eċċezzjoni, l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità jitwettaq sabiex tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni tad-dritt ta’ residenza?
Fil-każ li r-rikorrent jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi wkoll għad-domandi 1 sa 4 tad-deċiżjoni tar-rinviju […] fid-dawl ta’ dan l-artikolu.”
33. Il-Gvern Ungeriż u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
B. Il‑Kawża C‑528/22
34. PQ, ċittadin Niġerjan, daħal legalment fl-Ungerija fix-xahar ta’ Ġunju 2005 bħala plejer tal-futbol professjonali u ilu jirrisjedi, minn dak iż-żmien, legalment f’dan l-Istat Membru. Huwa ilu jgħix mis-sena 2011 mas-sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Ungeriża. Żewġ ulied ta’ nazzjonalità Ungeriża twieldu minn din l-unjoni matul is-snin 2012 u 2021.
35. L-iktar applikazzjoni reċenti għal permess ta’ residenza permanenti, ippreżentata minn PQ fid-dawl tal-istatus tal-ewwel wild tiegħu, tmur lura għat‑23 ta’ Jannar 2014. L-awtoritajiet Ungeriżi ħarġulu dan il-permess, validu sal‑15 ta’ Settembru 2020.
36. PQ għandu, flimkien mas-sieħba tiegħu, l-awtorità tal-ġenituri fuq it-tfal tagħhom. Huwa jgħix b’mod permanenti ma’ dawn tal-aħħar u jiżgura l-kustodja effettiva tagħhom fil-parti l-kbira tal-ħin. Uliedu għandhom rabta affettiva mill-qrib u relazzjoni ta’ dipendenza ma’ PQ, li ilu jieħu ħsiebhom sa mit-twelid tagħhom.
37. Matul is-sena 2012, PQ safa vittma ta’ aggressjoni li kkawżatlu diżabbiltà gravi u permanenti.
38. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2020, l-awtorità tal-pulizija tal-barranin tal-ewwel grad ċaħdet applikazzjoni għal permess ta’ stabbiliment nazzjonali mressqa minn PQ fis‑6 ta’ Awwissu 2020.
39. Permezz ta’ opinjoni mhux motivata tad‑9 ta’ Settembru 2020, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni qies li r-residenza ta’ PQ fl-Ungerija kienet tippreġudika l-interessi ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Dan il-korp speċjalizzat ikklassifika bħala “informazzjoni kklassifikata”, skont il-Liġi Nru CLV tal‑2009, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata, id-data li huwa bbaża ruħu fuqha sabiex jagħti din l-opinjoni, b’tali mod li la PQ u lanqas l-awtorità tal-pulizija tal-barranin ma setgħu jaraw din id-data.
40. Id-deċiżjoni tal-awtorità tal-pulizija tal-barranin tal-ewwel grad tas‑27 ta’ Ottubru 2020 ġiet ikkonfermata, fil‑25 ta’ Marzu 2021, mid-Direttorat Ġenerali, għar-raġuni li l-Ministru għall-Intern kien ikkonstata, fl-opinjoni tiegħu mogħtija fit‑12 ta’ Frar 2021 bħala korp speċjalizzat tat-tieni grad, li r-residenza ta’ PQ kienet tippreġudika l-interessi tal-Ungerija fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Fid-deċiżjoni tiegħu, id-Direttorat Ġenerali enfasizza li, skont l-Artikolu 87/B(4) tal-Liġi II, huwa ma jistax iwarrab l-opinjoni mogħtija mill-Ministru għall-Intern u li għalhekk huwa kien obbligat jiċħad l-applikazzjoni għal permess ta’ stabbiliment nazzjonali ta’ PQ, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tiegħu.
41. PQ ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal‑25 ta’ Marzu 2021 quddiem is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged), fejn talab li tiġi annullata din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità tal-pulizija tal-barranin tal-ewwel grad.
42. Huwa jikkritika lil dawn l-awtoritajiet li ma eżaminawx is-sitwazzjoni personali tiegħu u li ddeċidew bi ksur, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, la hu u lanqas l-imsemmija awtoritajiet ma ħadu konjizzjoni tal-motivazzjoni ddettaljata tal-korpi speċjalizzati. PQ isostni wkoll li teżisti relazzjoni ta’ dipendenza bejnu u wliedu minuri, b’tali mod li huwa għandu jkun jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE.
43. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ permess ta’ stabbiliment nazzjonali hija bbażata biss fuq opinjonijiet vinkolanti u mhux motivati, li huma bbażati fuq informazzjoni kklassifikata li la PQ u lanqas l-awtoritajiet li jiddeċiedu dwar ir-residenza ma kellhom aċċess għaliha. Din id-deċiżjoni lanqas ma tinkludi motivazzjoni. Barra minn hekk, dawn l-awtoritajiet ma wettqux eżami fil-fond tal-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni ta’ PQ setgħetx taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, sa fejn dan jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat bis-saħħa tal-Artikolu 20 TFUE.
44. Din il-qorti tosserva li mill-ġurisprudenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema) jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata huma ggarantiti mill-possibbiltà offruta lill-qorti kompetenti, sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni dwar ir-residenza, li tikkonsulta l-informazzjoni kklassifikata li fuqha hija bbażata l-opinjoni tal-korpi speċjalizzati.
45. Skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, la l-persuna kkonċernata u lanqas ir-rappreżentant tagħha ma għandhom possibbiltà konkreta li jesprimu ruħhom dwar l-opinjoni mhux motivata ta’ dawn il-korpi. Għalkemm, ċertament, huma għandhom id-dritt li jressqu talba distinta għal aċċess għall-informazzjoni kklassifikata li tikkonċerna lil din il-persuna, huma ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jużaw, fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, l-informazzjoni kunfidenzjali li jkunu ngħataw aċċess għaliha. Il-qorti adita b’rikors li jirrigwarda deċiżjoni dwar ir-residenza ma għandha l-ebda setgħa f’dan ir-rigward.
46. F’dan il-każ, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) barra minn hekk ċaħdet, fis‑7 ta’ Marzu 2022, rikorsi ppreżentati minn PQ kontra ċ-ċaħda mill-korpi speċjalizzati li jippermettulu jieħu konjizzjoni tal-informazzjoni kklassifikata li tikkonċernah u li juża din l-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.
47. Skont il-qorti tar-rinviju, PQ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE u għandu, f’dan ir-rigward, jibbenefika minn garanziji proċedurali simili għal dawk enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha ZZ fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38.
48. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) a) L-Artikolu 20 [TFUE], moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prattika ta’ Stat Membru li skontha deċiżjoni ta’ rtirar ta’ permess ta’ residenza mogħti preċedentement lil ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni (tfal minuri, persuna f’koabitazzjoni barra mir-rabta taż-żwieġ) li jirrisjedu fl-Istat Membru li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità jew deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal estensjoni tad-dritt ta’ residenza (f’dan il-każ, applikazzjoni għal permess ta’ residenza nazzjonali) tiġi adottata mingħajr ma jiġi eżaminat minn qabel jekk il-membru tal-familja kkonċernat, ċittadin ta’ pajjiż terz, jibbenefikax minn dritt ta’ residenza derivat skont l-Artikolu 20 TFUE?
b) L-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 24, 51(1) u 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk jeżisti dritt ta’ residenza derivat abbażi tal-Artikolu 20 TFUE, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi applikat ipso jure mill-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll mill-qrati tal-Istat Membru meta jadottaw deċiżjoni ta’ kontroll tal-barranin li tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal estensjoni tad-dritt ta’ residenza (f’dan il-każ, applikazzjoni għal permess ta’ residenza nazzjonali), u meta jieħdu inkunsiderazzjoni l-eċċezzjonijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali, mal-ordni pubbliku u mas-sigurtà pubblika biex jiġġustifikawha, u meta, jekk jista’ jiġi stabbilit li tali eċċezzjoni tapplika, jwettqu l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità sabiex jiġġustifikaw r-restrizzjoni tad-dritt ta’ residenza?
2) L-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta – u, jekk ikun il-każ, mal-Artikoli 7 u 24 tagħha – għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, l-awtorità nazzjonali li, għal raġunijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku u/jew is-sigurtà pubblika, adottat deċiżjoni li tirtira permess ta’ residenza ta’ residenti fit-tul mogħti preċedentement jew li tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal estensjoni tad-dritt ta’ residenza u, min-naħa l-oħra, il-korpi speċjalizzati tal-Istat li jiddeċiedu dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, għandhom, meta l-awtorità responsabbli tindika li l-iżvelar ta’ data u ta’ informazzjoni tkun ta’ ħsara għas-sigurtà nazzjonali, jiżguraw li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, l-istess bħar-rappreżentant tiegħu, ikollu fil-każijiet kollha d-dritt ta’ aċċess għall-elementi minn tal-inqas sostanzjali tad-data u tal-informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata li fuqha hija msejsa d-deċiżjoni adottata għar-raġunijiet indikati, kif ukoll id-dritt li jużaw dawn l-elementi fil-kuntest tal-proċedura li twassal għad-deċiżjoni?
3) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, x’sens preċiż għandu jingħata lill-kunċett ta’ ‘sostanzjali’ f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet kunfidenzjali li fuqhom hija msejsa [din id-]deċiżjoni, meħuda inkunsiderazzjoni l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta?
4) L-Artikolu 20 TFUE, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tistħarreġ il-legalità ta’ opinjoni ta’ korp speċjalizzat tal-Istat imsejsa fuq data kunfidenzjali jew ikklassifikata u tad-deċiżjoni sostantiva fil-qasam ta’ kontroll tal-barranin imsejsa fuq din l-opinjoni għandu jkollha l-ġurisdizzjoni meħtieġa sabiex tivverifika l-legalità (neċessità u proporzjonalità) tal-klassifikazzjoni, u sabiex tadotta deċiżjoni rispettiva li, fil-każ fejn il-klassifikazzjoni hija illegali, tippermetti li l-persuna kkonċernata u r-rappreżentant tagħha jsiru jafu u jużaw d-data kollha li fuqha hija bbażata l-opinjoni jew id-deċiżjoni tal-awtoritajiet amministrattivi u, fil-każ fejn il-klassifikazzjoni hija legali, tagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-barranin li tirrigwardaha, li ssir taf u li tuża minn tal-inqas il-punti sostanzjali tad-data kunfidenzjali?
5) L-Artikolu 20 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 24, 51(1) u 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat membru li skontha deċiżjoni ta’ kontroll tal-barranin li tirtira permess ta’ residenza ta’ residenti fit-tul mogħti preċedentement jew li tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal estensjoni tad-dritt ta’ residenza ġiet adottata abbażi ta’ evalwazzjoni mhux motivata
i) li hija msejsa esklużivament fuq riferiment awtomatiku għal opinjoni, vinkolanti u li ma tippermetti ebda deroga, maħruġa minn korpi speċjalizzati tal-Istat u li tikkonstata perikolu jew preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali, għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku, u li lanqas ma hija, min-naħa tagħha, immotivata, u
ii) li twettqet mingħajr eżami bir-reqqa tal-eżistenza, fil-każ individwali, tar-raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ ordni pubbliku, u mingħajr teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi individwali u tal-eżiġenzi ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità?”
49. PQ, il-Gvern Ungeriż u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
50. Waqt is-seduta komuni għaż-żewġ kawżi, li nżammet fil‑5 ta’ Lulju 2023, PQ, il-Gvern Ungeriż u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.
IV. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari dwar ir‑regola tad‑dritt tal‑Unjoni li għandha tiġi interpretata
51. Iż-żewġ kawżi li qegħdin jiġu eżaminati jqajmu, essenzjalment, l-istess domandi, waħda fil-kuntest tad-Direttiva 2003/109 (Kawża C‑420/22) u l-oħra fir-rigward tal-Artikolu 20 TFUE (Kawża C‑528/22).
52. Fil-Kawża C‑420/22, il-Gvern Ungeriż isostni li NW ingħata permess ta’ residenza permanenti abbażi tal-leġiżlazzjoni Ungeriża. Issa, dan huwa permess ta’ residenza stabbilit indipendentement mid-dritt tal-Unjoni u fuq il-bażi ta’ kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk previsti minn dan id-dritt. Għalhekk, tali permess ta’ residenza ma għandux jiġi konfuż mal-istatus ta’ resident għat-tul previst mid-Direttiva 2003/109. Dan l-istatus jikkorrispondi, fid-dritt Ungeriż, ma’ tip ieħor ta’ permess ta’ residenza, jiġifieri l-permess ta’ stabbiliment Komunitarju. Minn dan isegwi li NW ma ngħatax permess ta’ residenza li jaqa’ taħt din id-direttiva u ma talabx il-ħruġ ta’ tali permess ta’ residenza. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva ma hijiex neċessarja f’dan il-każ.
53. Ċertament, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-fatti fil-kuntest ta’ proċedura għal domanda preliminari u din il-qorti kkonstatat, fit-talba inizjali tagħha għal deċiżjoni preliminari, li NW kellu l-istatus ta’ resident għat-tul fis-sens tad-Direttiva 2003/109. Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-qorti tar-rinviju, b’suppliment għad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, dehret li esprimiet ċerti dubji dwar l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva fil-Kawża C‑420/22. Hija għalhekk stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-bażi tal-Artikolu 20 TFUE, fil-każ li din tikkonkludi li l-imsemmija direttiva ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.
54. Dawn id-dubji jidhru li huma kkorroborati mill-argument tal-Gvern Ungeriż, li jgħid li fid-dritt Ungeriż teżisti differenza bejn il-permess ta’ stabbiliment Komunitarju, li jittrasponi l-istatus ta’ resident għat-tul li jirriżulta mid-Direttiva 2003/109, u l-permess ta’ residenza permanenti li għandu NW, li jirriżulta biss mid-dritt nazzjonali u li l-għoti tiegħu huwa suġġett għal kundizzjonijiet inqas eżiġenti minn dawk imposti mid-dritt tal-Unjoni.
55. Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju għal kjarifika sabiex din tesponi b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li d-Direttiva 2003/109 hija applikabbli fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, din il-qorti ntalbet tippreċiża liema permess ta’ residenza jittrasponi, fid-dritt Ungeriż, l-istatus ta’ resident għat-tul previst minn din id-direttiva u jekk NW kienx detentur ta’ tali permess ta’ residenza jew kienx talab il-ħruġ tiegħu.
56. Fit-tweġiba tagħha, il-qorti tar-rinviju tispjega li NW inħariġlu, fuq applikazzjoni tiegħu, permess ta’ residenza permanenti validu sal‑31 ta’ Ottubru 2022, skont id-Direttiva 2004/38 (15), kif ukoll l-Artikoli 24 u 25 tal-Liġi I, fis-seħħ dak iż-żmien, li ttrasponiet din id-direttiva. Il-leġiżlatur Ungeriż sussegwentement iddeċieda li d-direttiva msemmija ma kellhiex tiġi applikata iktar, mill‑1 ta’ Jannar 2019, għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jingħaqad fl-Ungerija ma’ membru Ungeriż tal-familja tiegħu. Għaldaqstant, tali ċittadin kien jaqa’, sa minn din id-data, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109.
57. Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-leġiżlatur Ungeriż ittraspona fid-dritt nazzjonali d-Direttiva 2003/109 billi stabbilixxa l-permess ta’ stabbiliment Komunitarju u l-permess ta’ stabbiliment temporanju (16). Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li NW ma talab il-ħruġ ta’ ebda wieħed minn dawn iż-żewġ permessi. Madankollu, din l-aħħar affermazzjoni ġiet kontradetta waqt is-seduta peress li r-rappreżentant ta’ NW indika li dan tal-aħħar kien talab iktar tard l-għoti ta’ permess ta’ stabbiliment Komunitarju u li l-proċedura relatata miegħu għadha għaddejja (17).
58. Fi kwalunkwe każ, mill-elementi ta’ informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kawża prinċipali li wasslet għall-Kawża C‑420/22 tirrigwarda l-irtirar ta’ permess ta’ residenza li jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali u mhux permess ta’ residenza maħruġ skont id-Direttiva 2003/109. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li s-soluzzjoni ta’ din it-tilwima ma tiddependix minn interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Nirrileva, f’dan ir-rigward, li, kuntrarjament għal dak li l-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda tissuġġerixxi fit-talba inizjali tagħha għal deċiżjoni preliminari, ma huwiex suffiċjenti li s-sitwazzjoni ta’ NW tikkorrispondi mad-definizzjoni ta’ “resident għat-tul” li tinsab fl-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva sabiex jitqies li d-dispożizzjonijiet tagħha huma applikabbli għalih.
59. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/109 tindika b’mod ċar li l-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul mogħti skont din id-direttiva hija suġġetta għal proċedura partikolari u, barra minn hekk, għall-obbligu li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva (18). Dan jimplika b’mod partikolari t-tressiq ta’ talba speċifika akkumpanjata minn dokumenti ta’ sostenn.
60. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ resident għat-tul liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom matul l-aħħar ħames snin. Il-kisba ta’ dan l-istatus madankollu ma hijiex awtomatika. Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu, għal dan l-għan, japplika mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jirrisjedi, u din l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’dokumenti ta’ sostenn li jipprovaw li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmija direttiva. B’mod partikolari, huwa għandu, skont l-Artikolu 5(1)(a) tal-istess direttiva, juri li għandu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru (19).
61. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma huwiex biżżejjed li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sostantivi imposti mid-Direttiva 2003/109 sabiex persuna tibbenefika mill-istatus ta’ resident għat-tul skont din id-direttiva u li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi awtorizzat għal residenza għat-tul abbażi biss tad-dritt nazzjonali, mingħajr ma jaqa’ taħt l-imsemmija direttiva, peress li din ma hijiex intiża biex tarmonizza b’mod komplet ir-residenza għat-tul taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
62. Għalkemm NW jidher li ħa l-passi neċessarji sabiex jikseb permess ta’ residenza bħala resident għat-tul, skont id-Direttiva 2003/109, xorta jibqa’ l-fatt li l-proċedura amministrattiva mwettqa f’dan ir-rigward għadha pendenti u ma għandhiex x’taqsam mas-suġġett tal-kawża prinċipali, li jirrigwarda, kif indikajt preċedentement, l-irtirar ta’ permess ta’ residenza mogħti skont id-dritt nazzjonali.
63. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, fil-fehma tiegħi hemm lok, fil-kuntest tal-Kawża C‑420/22, li tingħata risposta għad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju fit-talba kumplimentari tagħha għal deċiżjoni preliminari, li jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja, bħal fil-Kawża C‑528/22, tinterpreta l-Artikolu 20 TFUE.
B. Fuq in‑neċessità għall‑awtorità kompetenti fil‑qasam ta’ residenza li teżamina l‑eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ‑ċittadin ta’ pajjiż terz u l‑familja tiegħu
64. Permezz tal-punt (a) tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑528/22, u dik korrispondenti fil-Kawża C‑420/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità ta’ Stat Membru tirtira jew tirrifjuta li toħroġ, għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, mingħajr ma teżamina, minn qabel, jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn dawn il-persuni li tista’ tippermetti lil dan iċ-ċittadin jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat.
65. Il-Gvern Ungeriż isostni li la NW u lanqas PQ ma invokaw, matul il-proċedura amministrattiva, l-Artikolu 20 TFUE, filwaqt li applikant għal permess ta’ residenza għandu jinvoka, tal-inqas essenzjalment, id-dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq dan l-artikolu li huwa għandu l-intenzjoni li jibbenefika minnu. Barra minn hekk, NW lanqas ma invoka l-imsemmi artikolu quddiem il-qorti tar-rinviju u għalhekk din marret lil hinn mit-talbiet li tressqulha.
66. Kif fakkret reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 20 sa 26 tas-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Omm Tajlandiża ta’ wild minuri Olandiż) (20), l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali, inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw id-dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom.
67. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Fil-fatt, id-drittijiet eventwali mogħtija lil dawn iċ-ċittadini bħal dawn ma humiex drittijiet proprji għal dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet idderivati minn dawk li minnhom igawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni. L-għan u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li ċ-ċaħda tar-rikonoxximent tagħhom hija ta’ natura li tippreġudika, b’mod partikolari, il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Unjoni.
68. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma japplikax u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, għaliex inkella jinkiser l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza taċ-ċaħda ta’ tali dritt, l-imsemmi ċittadin jiġi obbligat, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus.
69. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tali ċaħda tkun tista’ tpoġġi fid-dubju l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għandu għalhekk ikun hemm bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza tali li twassal biex dan tal-aħħar, fin-nuqqas ta’ rikonoxximent lill-imsemmi ċittadin ta’ dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni, ikun imġiegħel jakkumpanjah u jitlaq minn dan it-territorju, ikkunsidrat fl-intier tiegħu.
70. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa fid-dawl tal-intensità tar-relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tal-ewwel wieħed, li għandu jiġi evalwat r-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, peress li tali evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (21).
71. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li teżisti relazzjoni ta’ dipendenza bejn kull wieħed miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati u l-familji tagħhom, b’mod partikolari wliedhom rispettivi. Minkejja li l-Gvern Ungeriż sostna l-kuntrarju fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fir-rigward ta’ PQ, billi bbaża ruħu fuq deskrizzjoni tal-fatti opposta għal dik adottata mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat li huwa abbażi tal-elementi fattwali pprovduti minn din tal-aħħar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel ir-raġunament tagħha fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari (22).
72. Barra minn hekk, il-Gvern Ungeriż isostni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE hija irrilevanti f’dan il-każ, sa fejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati ma humiex suġġetti għal miżuri ta’ tneħħija u għalhekk ma humiex obbligati jitilqu mit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, tali argument ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, minbarra li jidher li jirriżulta mill-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma suġġetti għal obbligu li jitilqu mit-territorju Ungeriż, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-Artikolu 20 TFUE jista’ jiġi invokat kontra deċiżjoni li tiċħad ir-residenza (23).
73. Waħda mid-diffikultajiet li jqajmu dawn il-kawżi hija li NW u PQ ma talbux lill-awtoritajiet Ungeriżi l-għoti ta’ permess ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn l-awtoritajiet kinux madankollu obbligati jeżaminaw jekk dan l-artikolu kellux jiġi applikat, minħabba l-fatt li huma kienu informati bl-eżistenza ta’ relazzjoni tal-familja bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati u l-membri tal-familji tagħhom ta’ nazzjonalità Ungeriża.
74. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-modalitajiet proċedurali skont liema ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jinvoka l-eżistenza ta’ dritt sekondarju skont l-Artikolu 20 TFUE ma jistgħux jikkompromettu l-effett utli ta’ dan l-artikolu (24).
75. Għalhekk, għalkemm l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx l-obbligu li jeżaminaw sistematikament u fuq inizjattiva tagħhom stess l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza, fis-sens tal-Artikolu 20 TFUE, peress li l-persuna kkonċernata għandha tipproduċi l-elementi li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu humiex issodisfatti, l-effett utli tal-imsemmi artikolu jkun madankollu kompromess jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew iċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, ikunu preklużi milli jinvokaw l-elementi li jippermettu li jiġi evalwat jekk teżistix bejniethom relazzjoni ta’ dipendenza, fis-sens tal-Artikolu 20 TFUE (25).
76. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tiġi adita, minn ċittadin ta’ pajjiż terz, b’applikazzjoni għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat, din l-awtorità ma tistax tiċħad, b’mod awtomatiku, din l-applikazzjoni għas-sempliċi raġuni li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkollux riżorsi suffiċjenti. Għall-kuntrarju, hija għandha tevalwa, abbażi tal-elementi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jipprovdulha liberament u billi tipproċedi, jekk ikun hemm bżonn, għar-riċerki neċessarji, jekk teżistix, bejn dawn iż-żewġ persuni, relazzjoni ta’ dipendenza, b’tali mod li dritt ta’ residenza dderivat għandu, bħala prinċipju, jingħata lil dan iċ-ċittadin, skont l-Artikolu 20 TFUE (26).
77. Minn din il-ġurisprudenza niddeduċi li, għalkemm l-Artikolu 20 TFUE ma jimponix fuq l-awtoritajiet nazzjonali obbligu li jeżaminaw sistematikament u fuq inizjattiva tagħhom stess l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza, fis-sens ta’ dan l-artikolu, huma madankollu obbligati li jwettqu tali eżami mill-mument li fih il-provi prodotti quddiemhom ikunu ta’ natura li jsostnu l-eżistenza ta’ tali relazzjoni.
78. Jidhirli li din l-analiżi hija kkonfermata mis-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (27), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jipprojbixxi d-dħul fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li membru tal-familja tiegħu huwa ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, mingħajr ma tkun ġiet ivverifikata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u dan il-membru tal-familja (28).
79. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Artikolu 20 TFUE għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità ta’ Stat Membru tirtira jew tirrifjuta li toħroġ, għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li hu membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, mingħajr ma tkun eżaminat minn qabel, abbażi tal-informazzjoni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jipprovdu liberament, billi jwettqu, jekk ikun il-każ, il-verifiki neċessarji, jekk bejn dawn il-persuni tkunx teżisti relazzjoni ta’ dipendenza li tobbliga, fil-prattika, lil dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, sabiex jakkumpanja lill-imsemmi membru tal-familja tiegħu.
80. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, minħabba n-natura sussidjarja tad-dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE, tali dritt għandu, jekk ikun il-każ, jingħata biss fin-nuqqas ta’ dritt ta’ residenza miksub fuq bażi oħra (29).
C. Fuq il‑kundizzjonijiet li bis‑saħħa tagħhom l‑Istati Membri jistgħu jidderogaw mid‑dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta mill‑Artikolu 20 TFUE
81. Il-leġiżlazzjoni Ungeriża hija kkaratterizzata mill-elementi li ġejjin, jiġifieri l-intervent deċiżiv ta’ korp speċjalizzat fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali li huwa distint mill-awtorità kompetenti fil-qasam tar-residenza, in-natura vinkolanti għal din l-awtorità tal-opinjoni maħruġa minn dan il-korp, l-assenza ta’ motivazzjoni kemm ta’ din l-opinjoni kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda tad-dritt ta’ residenza u l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi individwali rilevanti kollha.
82. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi tal-leġiżlazzjoni Ungeriża li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li l-Istati Membri għandhom josservaw sabiex ikunu jistgħu jidderogaw mid-dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE.
1. Fuq in‑neċessità ta’ eżami mill‑awtorità kompetenti fil‑qasam tar‑residenza taċ‑ċirkustanzi individwali u tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità
83. Permezz tal-paragrafu (b) tal-ewwel domanda u tal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑528/22, kif ukoll dawk korrispondenti fil-Kawża C‑420/22, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ dritt ta’ residenza għandha tiġi adottata abbażi ta’ opinjoni vinkolanti mhux motivata maħruġa minn korp inkarigat minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, mingħajr eżami rigoruż taċ-ċirkustanzi individwali kollha u tal-proporzjonalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda.
84. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, mid-dritt ta’ residenza dderivat, li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE, għall-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, sabiex tiġi ggarantita ż-żamma tal-ordni pubbliku jew il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika. Dan jista’ jkun il-każ meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika jew nazzjonali (30).
85. Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni ta’ tali deroga ma tistax tkun ibbażata biss fuq il-preċedenti kriminali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Din tista’ tirriżulta biss, jekk ikun il-każ, minn evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom u, fost oħrajn, l-interessi superjuri tal-wild minuri, ċittadin tal-Unjoni. Għalhekk, jistgħu, b’mod partikolari, jittieħdu inkunsiderazzjoni, mill-awtorità nazzjonali kompetenti, il-gravità tar-reati mwettqa u l-grad ta’ severità ta’ dawn il-kundanni kif ukoll it-terminu bejn id-data tal-għoti tagħhom u d-data li fiha din l-awtorità tiddeċiedi. Meta r-relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċittadin tal-Unjoni minuri tirriżulta mill-fatt li tal-ewwel huwa l-ġenitur tat-tieni, hemm ukoll lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-età, l-istat ta’ saħħa kif ukoll is-sitwazzjoni familjari u ekonomika ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni minuri (31).
86. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta tiġi stabbilita relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz u l-membru tal-familja tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jipprojbixxi d-dħul u r-residenza ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali biss wara li jkun ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, jekk ikun il-każ, l-interessi superjuri tal-wild minuri tiegħu, ċittadin tal-Unjoni (32).
87. Għalhekk, tali teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha kien obbligatorju għall-awtoritajiet Ungeriżi kompetenti fil-qasam tar-residenza. Issa, sa fejn dawn l-awtoritajiet huma marbuta, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, bl-opinjoni mhux motivata maħruġa minn korp inkarigat minn funzjonijiet speċjalizzati relatati mas-sigurtà nazzjonali, huwa impossibbli għalihom li jibbilanċjaw il-motiv ta’ sigurtà nazzjonali invokat, li ebda wieħed mill-elementi fattwali sottostanti għalih ma huwa kkomunikat lill-imsemmija awtoritajiet, mas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna li titlob dritt ta’ residenza.
88. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Ungeriża għandha l-effett li ċċaħħad lill-awtoritajiet Ungeriżi kompetenti fil-qasam ta’ residenza mis-setgħa tagħhom li jevalwaw jekk ir-raġunijiet li għalihom deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ dritt ta’ residenza hija adottata jawtorizzawx deroga mid-dritt ta’ residenza dderivat li jibbenefika minnu ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma użax il-libertà ta’ moviment tiegħu, li huwa fundamentalment kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (33).
89. Barra minn hekk, fid-dawl tal-portata abitwali tal-obbligu ta’ motivazzjoni, b’rabta b’mod partikolari mad-dritt għal rimedju effettiv, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ residenza li tillimita ruħha li tirreferi għal opinjoni, li hija stess ma hijiex immotivata, mogħtija minn korp inkarigat minn funzjonijiet speċjalizzati fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali, ma tissodisfax ir-rekwiżiti enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha (34).
90. Nirreferi, b’mod partikolari, għall-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, fis-sentenza tagħha Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et, jiġifieri li l-awtorità responsabbli għat-determinazzjoni ma tistax validament tillimita ruħha li timplimenta deċiżjoni adottata minn awtorità oħra, imposta fuqha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, u tieħu, fuq din il-bażi biss, id-deċiżjoni li teskludi li tagħti l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja jew li tirtira protezzjoni internazzjonali mogħtija preċedentement (35). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li din l-awtorità għandu jkollha, għall-kuntrarju, l-informazzjoni rilevanti kollha u tipproċedi, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, għall-evalwazzjoni tagħha stess tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, sabiex tiddetermina s-sens tad-deċiżjoni tagħha kif ukoll sabiex timmotivaha b’mod komplet (36).
91. L-istess regoli għandhom, fil-fehma tiegħi, japplikaw għall-awtorità kompetenti fil-qasam tar-residenza.
92. Ċertament, il-portata ta’ dawn ir-rekwiżiti tista’ tkun limitata meta tkun inkwistjoni informazzjoni kklassifikata, abbażi ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, id-dritt għal amministrazzjoni tajba kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv u, min-naħa l-oħra, is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.
93. Madankollu, anki jekk huwa possibbli li parti mill-informazzjoni użata mill-awtorità kompetenti fil-qasam tar-residenza sabiex twettaq l-evalwazzjoni tagħha tkun tista’ tiġi pprovduta minn korpi inkarigati minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba ta’ din l-awtorità, u li jkunu suġġetti għal sistema ta’ kunfidenzjalità (37), xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija awtorità għandha tkun tista’ tevalwa liberament il-portata ta’ din l-informazzjoni u r-rilevanza tagħha għad-deċiżjoni li għandha tingħata (38). L-awtorità kompetenti fil-qasam tar-residenza ma tistax għaldaqstant tkun obbligata tibbaża ruħha fuq opinjoni mhux motivata mogħtija minn korpi inkarigati minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, abbażi ta’ evalwazzjoni li l-bażi fattwali tagħha ma ġietx ikkomunikata lilha (39).
94. Konsegwentement, l-Artikolu 20 TFUE għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ dritt ta’ residenza għandha tiġi adottata abbażi ta’ opinjoni vinkolanti mhux motivata maħruġa minn korp inkarigat minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, li tipprovdi li l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi theddida għal din is-sigurtà, mingħajr eżami rigoruż taċ-ċirkustanzi individwali kollha u tal-proporzjonalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda.
95. Inżid ngħid li, jekk deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ dritt ta’ residenza kellha tikkostitwixxi wkoll, fl-istess ħin, deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (40), fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li jimponi b’mod partikolari fuq l-Istati Membri li jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-interessi superjuri tal-wild, il-ħajja tal-familja u l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, għandu jiġi rrispettat (41).
2. Fuq l‑aċċess mill‑persuna kkonċernata għall‑informazzjoni li kienet il‑bażi tal‑adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ dritt ta’ residenza u l‑użu tagħha fil‑kuntest tal‑proċedura dwar ir‑residenza
96. Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑528/22 u dik korrispondenti fil-Kawża C‑420/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ dritt ta’ residenza tkun ibbażata fuq informazzjoni kklassifikata li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, il-persuna kkonċernata jew il-konsulent tagħha jistgħux jaċċedu għal din l-informazzjoni biss wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni għal dan l-għan, ma tkunx ġiet ikkomunikata lilhom is-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata tali deċiżjoni u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jużaw, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja relatata mas-soġġorn, l-informazzjoni li seta’ kellhom aċċess għaliha.
97. F’kull waħda minn dawn il-kawżi, il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligi imposti, fil-każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirtira jew li tirrifjuta, għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, dritt ta’ residenza li jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 20 TFUE, fuq l-awtorità kompetenti fil-qasam tar-residenza u fuq korpi inkarigati minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, f’dak li jirrigwarda l-aċċess tal-persuna kkonċernata u/jew tar-rappreżentant tagħha għall-informazzjoni kklassifikata li abbażi tagħha tkun ġiet adottata din id-deċiżjoni kif ukoll l-użu ta’ din l-informazzjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja dwar ir-residenza.
98. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-mod li bih l-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata meta d-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl ikun ristrett b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, il-modalitajiet konkreti tal-proċeduri stabbiliti għal dan l-għan jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (42).
99. Għandu jitfakkar ukoll li l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jiżguraw l-osservanza kemm tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni rifless fl-Artikolu 41 tal-Karta (43), kif ukoll tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jimponu, rispettivament matul il-proċedura amministrattiva u ta’ eventwali proċedura ġudizzjarja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata (44).
100. F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-proċedura amministrattiva, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tiegħu għandu jitqiegħed f’pożizzjoni, mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta jieħdu miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jesprimi b’mod utli l-opinjoni tiegħu fir-rigward tal-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha (45).
101. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, dan ir-rekwiżit għandu b’mod partikolari l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti fil-qasam tad-dritt ta’ residenza tipproċedi b’għarfien sħiħ tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-evalwazzjoni individwali tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, fatt li jeħtieġ li d-destinatarju tad-deċiżjoni jkun jista’ jikkoreġi żball jew isostni tali elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tiegħu li jimmilitaw fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha kontenut partikolari (46).
102. Peress li l-imsemmi rekwiżit jippreżumi neċessarjament li dan id-destinatarju jiġi offrut, jekk ikun il-każ permezz ta’ konsulent, possibbiltà konkreta li jsir jaf bl-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu bħala korollarju d-dritt ta’ aċċess għall-elementi kollha tal-fajl matul il-proċedura amministrattiva (47).
103. Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-proċedura ġudizzjarja, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha jew mill-qari tad-deċiżjoni nnifisha, jew permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-motivi magħmula fuq talba tagħha, mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi mill-awtorità inkwistjoni li hija tikkomunikahom, sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (48). Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huwa impost b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċeduri relatati mar-rikorsi eżerċitati fil-qasam tad-dritt ta’ residenza, jimplika li r-rikorrent jista’ jaċċedi mhux biss għall-motivi tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tiegħu, iżda wkoll għall-elementi kollha tal-fajl li fuqhom ibbażat ruħha l-amministrazzjoni, sabiex ikun jista’ effettivament jieħu pożizzjoni fuq dawn l-elementi (49).
104. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, imsemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta, jimplika li l-partijiet f’kawża għandu jkollhom id-dritt li jsiru jafu bid-dokumenti jew l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li jiddiskutuhom, u dan jippreżupponi li l-persuna kkonċernata minn deċiżjoni ta’ rtirar ta’ permess ta’ residenza għandha tkun tista’ tieħu konjizzjoni tal-elementi tal-proċess tagħha li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni (50).
105. Madankollu, għandu jitfakkar li d-drittijiet tad-difiża ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti u li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl li huwa l-korollarju tiegħu jista’ għalhekk jiġi limitat, abbażi ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, id-dritt għall-amministrazzjoni tajba kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, l-interessi invokati sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ żvelar ta’ element tal-fajl lil din il-persuna, b’mod partikolari meta dawn l-interessi jirrigwardaw is-sigurtà nazzjonali (51). Fil-fatt, jista’ jkun neċessarju, kemm fi proċedura amministrattiva kif ukoll fi proċedura ġudizzjarja, li ċerta informazzjoni ma tiġix ikkomunikata lill-persuna kkonċernata, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali (52).
106. Il-limiti ta’ din l-evalwazzjoni ġew ippreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja.
107. Għalhekk, l-imsemmija evalwazzjoni ma tistax twassal, fid-dawl tal-osservanza neċessarja tal-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex iċċaħħad minn kull effettività d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u sabiex tneħħi mill-kontenut tiegħu d-dritt għal azzjoni legali li għandu jkollha persuna li tista’ tibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE, b’mod partikolari billi ma tikkomunikax lilha, jew jekk ikun il-każ lill-konsulent tagħha, tal-inqas, is-sustanza tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha (53).
108. L-istess evalwazzjoni tista’, min-naħa l-oħra, twassal biex ċerti elementi tal-proċess ma jiġux ikkomunikati lill-persuna kkonċernata, meta l-iżvelar ta’ dawn l-elementi jista’ jikkomprometti b’mod dirett u partikolari s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn dan jista’ b’mod partikolari jipperikola l-ħajja, is-saħħa jew il-libertà tal-persuni jew jiżvela l-metodi ta’ investigazzjoni speċifikament użati minn korpi inkarigati minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali u b’hekk jostakola serjament, jew anki jipprekludi, it-twettiq futur tal-kompiti ta’ dawn il-korpi(54).
109. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni jawtorizza lill-Istati Membri, b’mod partikolari meta s-sigurtà nazzjonali teżiġi dan, li ma jagħtux lill-persuna kkonċernata aċċess dirett għall-fajl kollu tagħha, dan id-dritt ma jistax, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ effettività, id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal rimedju effettiv, jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jqiegħdu lil din il-persuna f’sitwazzjoni fejn la hija u lanqas il-konsulent tagħha ma jkunu f’pożizzjoni li jsiru jafu b’mod utli, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ proċedura speċifika ddedikata għaż-żamma tas-sigurtà nazzjonali, is-sustanza tal-elementi determinanti inklużi f’dan il-fajl (55).
110. Huwa abbażi ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, minn naħa, li, meta l-iżvelar ta’ informazzjoni inkluża fil-fajl ikun ġie ristrett għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata ma huwiex żgurat b’mod suffiċjenti mill-possibbiltà għal din il-persuna li tikseb, taħt ċerti kundizzjonijiet, awtorizzazzjoni ta’ aċċess għal din l-informazzjoni flimkien ma’ projbizzjoni kompleta tal-użu tal-informazzjoni hekk miksuba għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva jew tal-eventwali proċedura ġudizzjarja(56).
111. Fil-fatt, mir-rekwiżiti li ġejjin mill-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, li fakkart fihom preċedentement, jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-fajl għandu l-għan li jippermetti lill-persuna kkonċernata, jekk ikun il-każ permezz ta’ konsulent, li ssostni, quddiem l-awtoritajiet jew il-qrati kompetenti, l-opinjoni tagħha dwar din l-informazzjoni u dwar ir-rilevanza tagħha għad-deċiżjoni li għandha tingħata jew tiġi adottata (57).
112. Għaldaqstant, proċedura li toffri lill-persuna kkonċernata jew lill-konsulent tagħha possibbiltà li taċċedi għall-informazzjoni msemmija, filwaqt li tipprojbixxihom milli jużaw l-istess informazzjoni għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva jew tal-eventwali proċedura ġudizzjarja, ma hijiex biżżejjed sabiex jitħarsu d-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna u għalhekk ma tistax titqies li tippermetti lil Stat Membru jikkonforma ruħu mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 41 u 47 tal-Karta (58).
113. Min-naħa l-oħra, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ungeriż jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li jgħidu li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata huma ggarantiti suffiċjentement permezz tal-possibbiltà tal-qorti kompetenti li taċċedi għall-fajl, għandu jiġi enfasizzat li tali fakultà ma tistax tissostitwixxi l-aċċess għall-informazzjoni inkluża f’dan il-fajl mill-persuna kkonċernata jew mill-konsulent tagħha (59). Għalhekk, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li l-qorti kompetenti għandha l-elementi rilevanti kollha sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha, iżda li l-persuna kkonċernata, jekk ikun il-każ permezz ta’ konsulent, tista’ ssostni l-interessi tagħha billi tesprimi l-perspettiva tagħha dwar dawn l-elementi (60). Fil-fatt, l-aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-fajl mill-qrati kompetenti u l-istabbiliment ta’ proċeduri li jiggarantixxu li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata jiġu rrispettati jikkostitwixxu żewġ rekwiżiti distinti u kumulattivi (61).
114. Mill-elementi preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ dritt ta’ residenza tkun ibbażata fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, il-persuna kkonċernata jew il-konsulent tagħha jistgħu jaċċedu għal din l-informazzjoni biss wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni għal dan l-għan, ma tiġix ikkomunikata lilhom is-sustanza tal-motivi li fuqhom hija bbażata tali deċiżjoni u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jużaw, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja dwar ir-residenza, l-informazzjoni li seta’ jkollhom aċċess għaliha.
3. Fuq il‑kunċett ta’ “sustanza” tal‑motivi kunfidenzjali
115. Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑528/22 u dik korrispondenti fil-Kawża C‑420/22, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża s-sens li għandu jingħata lill-kunċett ta’ “sustanza” tal-motivi kunfidenzjali li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ dritt ta’ residenza, fid-dawl tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta.
116. Inqis li dan il-kunċett ikopri l-elementi essenzjali tal-fajl li huma ta’ natura li jippermettu lill-persuna kkonċernata ssir taf il-fatti u l-aġir prinċipali lmentati kontriha, b’mod li din tkun tista’ tesprimi l-opinjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u sussegwentement, jekk ikun il-każ, tal-proċedura ġudizzjarja dwar ir-residenza.
117. Il-kunċett ta’ “sustanza” tal-motivi kunfidenzjali għandu għalhekk jiġi interpretat b’mod funzjonali sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża filwaqt li jiġu ppreżervati l-interessi relatati mas-sigurtà nazzjonali.
118. Għalhekk, dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-kunfidenzjalità neċessarja tal-provi (62). Fil-fatt, f’ċerti każijiet, l-iżvelar ta’ dawn il-provi jista’ jikkomprometti b’mod dirett u partikolari s-sigurtà tal-Istat, sa fejn dan jista’ jipperikola l-ħajja, is-saħħa jew il-libertà tal-persuni jew jiżvela l-metodi ta’ investigazzjoni speċifikament użati mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sigurtà u b’hekk jostakola serjament, jew saħansitra jipprekludi, it-twettiq futur tal-kompiti ta’ dawn l-awtoritajiet (63).
4. Fuq is‑setgħat tal‑qorti kompetenti sabiex tistħarreġ il‑legalità ta’ deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ dritt ta’ residenza
119. Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑528/22 u dik korrispondenti fil-Kawża C‑420/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-qorti kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ dritt ta’ residenza bbażata fuq informazzjoni kklassifikata għandhiex is-setgħa li tiddeklassifika tali informazzjoni u li tikkomunikaha hija stess, kompletament jew parzjalment, liċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz.
120. Din il-kwistjoni tikkonċerna s-setgħat tal-qorti li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni dwar ir-residenza. Hija tirrigwarda l-punt dwar kif għandu jiġi artikolat, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv mar-rekwiżit li tinżamm il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jista’ jippreġudika l-interessi marbuta mas-sigurtà nazzjonali.
121. Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-formulazzjoni tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jidher li jirriżulta li din tqis li mid-dritt tal-Unjoni jirriżulta li hija mhux biss għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni kklassifikata, iżda wkoll li tkun tista’ tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, li tikkonstata n-natura illegali tal-klassifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni u li tikkomunikaha hija stess, kompletament jew parzjalment, lill-persuna kkonċernata.
122. Waqt is-seduta, il-Gvern Ungeriż u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni esprimew pożizzjonijiet konverġenti dwar ir-risposta li għandha, fil-fehma tagħhom, tingħata għal din id-domanda, jiġifieri li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li qorti kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ dritt ta’ residenza bbażata fuq informazzjoni kklassifikata jkollha s-setgħa li tiddeklassifika tali informazzjoni u li tikkomunikaha lill-persuna kkonċernata.
123. Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni, billi nibbaża ruħi fuq it-tagħlim li, fil-fehma tiegħi, għandu jittieħed mis-sentenza ZZ.
124. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet pożizzjoni, f’din is-sentenza, dwar is-setgħat li għandu jkollha l-qorti kompetenti fil-qasam tar-residenza, fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, sabiex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża meta persuna tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni negattiva bbażata fuq informazzjoni kunfidenzjali.
125. Għalhekk, mis-sentenza msemmija jirriżulta li, meta raġunijiet marbuta mas-sigurtà tal-Istat jiġu invokati sabiex tiġi rrifjutata l-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tal-motivi li fuqhom hija bbażata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għat-territorju ta’ Stat Membru, il-qorti kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha u timplimenta tekniki u regoli tad-dritt proċedurali li jippermettu li jiġu kkonċiljati, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet leġittimi tas-sigurtà tal-Istat fir-rigward tan-natura u tas-sorsi tal-informazzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi ggarantit b’mod suffiċjenti lill-individwu r-rispett tad-drittijiet proċedurali tiegħu, bħad-dritt għal smigħ xieraq kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju (64).
126. Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom jipprevedu, minn naħa, stħarriġ ġudizzjarju effettiv kemm tal-eżistenza u tal-fondatezza tar-raġunijiet invokati mill-awtorità nazzjonali fir-rigward tas-sigurtà tal-Istat, kemm tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, tat-tekniki u tar-regoli dwar dan l-istħarriġ (65).
127. Hija ppreċiżat ukoll li huwa importanti li l-qorti responsabbli mill-istħarriġ tal-legalità ta’ tali deċiżjoni tkun tista’ tieħu konjizzjoni kemm tal-motivi kollha kif ukoll tal-provi relatati magħhom li abbażi tagħhom ittieħdet din l-istess deċiżjoni (66), sabiex b’mod partikolari tivverifika jekk is-sigurtà tal-Istat tipprekludix effettivament li dawn il-motivi u dawn il-provi jiġu kkomunikati lill-persuna kkonċernata (67).
128. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet preċiżazzjonijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw mill-eżami mwettaq f’dan ir-rigward mill-qorti nazzjonali.
129. Għalhekk, jekk din il-qorti tikkonkludi li s-sigurtà tal-Istat ma tipprekludix li l-informazzjoni inkwistjoni tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata, hija għandha tagħti lill-awtorità nazzjonali kompetenti l-possibbiltà li tikkomunika din l-informazzjoni lil din il-persuna. Jekk din l-awtorità ma tawtorizzax tali komunikazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha teżamina l-legalità tad-deċiżjoni dwar ir-residenza abbażi biss tar-raġunijiet u tal-provi li jkunu ġew ikkomunikati (68).
130. B’analoġija, minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jeżiġix li l-qorti kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ dritt ta’ residenza bbażata fuq informazzjoni kklassifikata għandu jkollha s-setgħa li tiddeklassifika tali informazzjoni u li tikkomunikaha hija stess lill-persuna kkonċernata. Fil-fatt, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti li għandha tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, li tipprovdi din l-informazzjoni lil din il-persuna sabiex din tkun suġġetta għall-kontradittorju. Jekk din l-awtorità tixtieq iżżomm in-natura kunfidenzjali tal-imsemmija informazzjoni billi ma tikkomunikahiex, din il-qorti għandha tislet il-konsegwenzi minnha fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ dritt ta’ residenza, billi teżerċita dan l-istħarriġ abbażi biss tal-motivi u tal-provi li ġew ikkomunikati. Kif indika ġustament il-Gvern Franċiż waqt is-seduta, huwa għalhekk il-perimetru tad-dibattitu kontradittorju li huwa ridott u għaldaqstant dak tal-argumenti jew tad-dokumenti li fuqhom l-imsemmija qorti tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Jidhirli li tali pożizzjoni hija konformi ma’ dak li huwa previst fl-Artikolu 346(1)(a) TFUE, jiġifieri li “l-ebda Stat ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu ikun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu”.
131. Madankollu, kif indikajt preċedentement, l-evalwazzjoni bejn, minn naħa, id-dritt għal amministrazzjoni tajba kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv tal-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ żvelar tal-informazzjoni kunfidenzjali li fuqha hija bbażata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ dritt ta’ residenza ma jistax iwassal, fid-dawl tar-rispett neċessarju tal-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex iċaħħad lil din il-persuna mill-garanzija minima li tikkonsisti f’li din il-persuna tiġi kkomunikata lilha, lilha jew lill-konsulent tagħha, tal-inqas is-sustanza tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha (69). Dan huwa l-każ meta l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali tista’ tiġi rrifjutata b’mod validu mill-awtorità nazzjonali kompetenti għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali (70). L-istħarriġ mill-qorti kompetenti tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ dritt ta’ residenza għandu għalhekk isir biss abbażi tas-sustanza tal-motivi kkomunikati lill-persuna kkonċernata. Din il-qorti għandha, jekk ikun il-każ, tislet, skont id-dritt nazzjonali, il-konsegwenzi ta’ ksur eventwali ta’ dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni (71), li jista’ jwassalha sabiex tannulla tali deċiżjoni.
V. Konklużjoni
132. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija) fil-Kawżi C‑420/22 u C‑528/22 kif ġej:
1) L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– jipprekludi li awtorità ta’ Stat Membru tirtira jew tirrifjuta li toħroġ, għal raġuni ta’ sigurtà nazzjonali, permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li hu membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, mingħajr ma tkun eżaminat minn qabel, abbażi tal-informazzjoni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jipprovdu liberament, billi jwettqu, jekk ikun il-każ, il-verifiki neċessarji, jekk bejn dawn il-persuni tkunx teżisti relazzjoni ta’ dipendenza li tobbliga, fil-prattika, lil dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, sabiex jakkumpanja lill-imsemmi membru tal-familja tiegħu;
– jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ rifjut ta’ dritt ta’ residenza għandha tiġi adottata abbażi ta’ opinjoni vinkolanti mhux motivata maħruġa minn korp inkarigat minn funzjonijiet speċjalizzati marbuta mas-sigurtà nazzjonali, li tipprovdi li l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi theddida għal din is-sigurtà, mingħajr eżami rigoruż taċ-ċirkustanzi individwali kollha u tal-proporzjonalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda.
2) L-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ dritt ta’ residenza tkun ibbażata fuq informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, il-persuna kkonċernata jew il-konsulent tagħha jistgħu jaċċedu għal din l-informazzjoni biss wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni għal dan l-għan, ma tkunx ġiet ikkomunikata lilhom is-sustanza tal-motivi li fuqhom hija bbażata tali deċiżjoni u ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jużaw, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja dwar ir-residenza, l-informazzjoni li seta’ jkollhom aċċess għaliha.
3) Il-kunċett ta’ “sustanza” tal-motivi kunfidenzjali li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ dritt ta’ residenza jkopri l-elementi essenzjali tal-fajl li huma ta’ natura li jippermettu lill-persuna kkonċernata ssir taf il-fatti u l-aġir prinċipali lmentati kontriha, b’mod li din tkun tista’ tesprimi l-opinjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u sussegwentement, jekk ikun il-każ, tal-proċedura ġudizzjarja, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kunfidenzjalità neċessarja tal-provi.
4) L-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jeżiġix li l-qorti kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ ċaħda ta’ dritt ta’ residenza bbażata fuq informazzjoni kklassifikata jkollha s-setgħa li tiddeklassifika tali informazzjoni u li tikkomunikaha hija stess, kompletament jew parzjalment, liċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.
3 C‑159/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et”, EU:C:2022:708.
4 Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
5 Magyar Közlöny 2007. évi 1. száma.
6 Magyar Közlöny 2007. évi 1. száma.
7 Magyar Közlöny 2018. évi 208. száma.
8 Magyar Közlöny 2007. évi 65. száma.
9 Magyar Közlöny 2009. évi 194. száma.
10 Waqt is-seduta, ir-rappreżentanta ta’ NW indikat li dan tal-aħħar talab, fit‑22 ta’ Ġunju 2023, lill-awtorità kompetenti fil-qasam ta’ residenza permess ta’ residenza li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 u li l-proċedura għadha pendenti.
11 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dawl tal-motiv invokat dwar il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ konsultazzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata huwa, fil-prattika, eskluż. Waqt is-seduta, ir-rappreżentanta ta’ NW indikat li dan tal-aħħar kien beda proċedura distinta sabiex jikseb u juża l-informazzjoni kklassifikata li tikkonċernah u li d-deċiżjoni ta’ ċaħda li ngħatatlu mill-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni hija s-suġġett ta’ proċedura kontenzjuża.
12 Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari inizjali, il-qorti tar-rinviju tirreferi, sabiex tasal għal din il-konklużjoni, minn naħa, għad-definizzjoni ta’ “resident għat-tul”, li tinsab fl-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, għall-konstatazzjoni li NW għandu permess ta’ residenza permanenti, indipendentement mill-fatt li ma huwiex detentur ta’ permess ta’ stabbiliment temporanju jew Komunitarju. Din il-qorti tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-punt 24 tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Landeshauptmann von Wien (Telf tal-istatus ta’ resident għat-tul) (C‑432/20, EU:C:2022:39).
13 C‑300/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza ZZ”, EU:C:2013:363.
14 Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).
15 Kif ippreċiża l-Gvern Ungeriż waqt is-seduta, il-leġiżlatur Ungeriż għalhekk għażel li japplika dispożizzjonijiet iktar favorevoli għad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja ta’ ċittadini Ungeriżi.
16 Ara l-Artikoli 34 u 38 tal-Liġi II.
17 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
18 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Tahir (C‑469/13, EU:C:2014:2094, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Landeshauptmann von Wien (Telf tal-istatus ta’ resident għat-tul) (C‑432/20, EU:C:2022:39, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 C‑459/20, EU:C:2023:499.
21 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE) (C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-qorti tar-rinviju tkun iddefinixxiet il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Prestige and Limousine (C‑50/21, EU:C:2023:448, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 44); tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 78), u tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 65).
24 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni) (C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni) (C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni) (C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 C‑528/21, EU:C:2023:341.
28 Punt 65 ta’ din is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.
29 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti) (C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punti 47 u 73).
30 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 69).
33 Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 70).
34 Ara, fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et (punti 75 sa 79).
35 Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 79).
36 Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 80).
37 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 82).
38 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 83).
39 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 83).
40 ĠU 2008, L 348, p. 98.
41 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken (C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
51 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza ZZ (punt 54).
53 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 53).
56 Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 54).
57 Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 55).
58 Ara, b’analoġija, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 56).
59 Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 57).
60 Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 58).
61 Ara s-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 59).
62 Ara s-sentenza ZZ (punt 68).
63 Ara s-sentenza ZZ (punt 66).
64 Ara s-sentenza ZZ (punt 57).
65 Ara s-sentenza ZZ (punt 58).
66 Ara s-sentenza ZZ (punt 59).
67 Ara s-sentenza ZZ (punt 60 sa 62).
68 Ara s-sentenza ZZ (punt 63).
69 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
70 Ara s-sentenza ZZ (punt 64 sa 67).
71 Ara s-sentenza ZZ (punt 68).