This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CC0305
Opinion of Advocate General Richard de la Tour delivered on 13 June 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-13 ta’ Ġunju 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-13 ta’ Ġunju 2024.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:508
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑13 ta’ Ġunju 2024 (1)
Kawża C‑305/22
C.J.
Proċeduri kriminali
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ta’ mandat ta’ arrest Ewropew – Impenn tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jeżegwixxi l-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija kontra l-persuna rikjesta – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor – Assenza ta’ kunsens tal-Istat Membru emittenti – Dritt tal-Istat Membru emittenti li jeżegwixxi l-piena huwa stess – Obbligu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 5 u 6 tal-Artikolu 4 kif ukoll tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2), kif ukoll tal-Artikolu 4(2), tal-Artikolu 22(1) u tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (3).
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali li permezz tagħha l-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) għandha tiddeċiedi dwar il-validità ta’ mandat nazzjonali ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija fil-konfront ta’ C.J., li joqgħod fl-Italja, kif ukoll dwar dik ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’ dan tal-aħħar. L-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ġiet irrifjutata mill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani abbażi tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (4). Dawn l-awtoritajiet fl-istess ħin taw deċiżjoni ta’ rikonoxximent tas-sentenza u ta’ eżekuzzjoni tal-kundanna kriminali mogħtija kontra C.J., minkejja l-oppożizzjoni fformulata mill-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni li din il-kundanna tiġi eżegwita fl-Italja.
3. Din il-kawża tirrifletti problema ta’ rabta bejn din id-deċiżjoni qafas u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li jikkostitwixxu żewġ strumenti fundamentali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.
4. F’dawn il-konklużjonijiet, li, konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser ikunu ffokati fuq l-ewwel sat-tielet domanda preliminari, ser insostni li awtorità ġudizzjarja ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà billi tinvoka r-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv imsemmija fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ kundanna jitwettqu bi ksur tal-proċedura u tar-rekwiżiti previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909. F’din is-sitwazzjoni, l-Istat Membru emittenti (5) jżomm id-dritt li jeżegwixxi din il-piena u konsegwentement l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-kompitu li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew billi tikkonsenja l-persuna rikjesta lil dan l-Istat Membru.
II. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
5. Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017 tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), li ġiet immodifikata u reża definittiva permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), C.J. ġie kkundannat definittivament għal piena ta’ erba’ snin u xahrejn priġunerija kif ukoll għal projbizzjoni tal-eżerċizzju, għal tliet snin, ta’ ċerti drittijiet, għal diversi reati (iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ kundanna”).
6. Fl‑20 ta’ Novembru 2020, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) ħarġet mandat ta’ eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija mogħtija kontra C.J. Fil‑25 ta’ Novembru 2020, dik il-qorti ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ C.J.
7. Fil‑31 ta’ Diċembru 2020, il-Ministero della Giustizia (il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Italja) informa lill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) bl-arrest ta’ C.J. u talab li l-mandat ta’ arrest Ewropew jintbagħat bit-Taljan. Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew intbagħatlu.
8. Fuq talba tal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) bagħtitilhom is-sentenza ta’ kundanna fl‑14 ta’ Jannar 2021. F’din l-okkażjoni, dik il-qorti esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha ma’ eventwali rikonoxximent ta’ din is-sentenza mill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani sabiex din tiġi eżegwita fl-Italja.
9. Mitluba mill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) speċifikat, fl‑20 ta’ Jannar 2021, li, fil-każ ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew skont il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija ma kinitx ser tagħti l-kunsens tagħha għar-rikonoxximent b’mod inċidentali tal-imsemmija sentenza u għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena mir-Repubblika Taljana, u li sussegwentement hija kienet ser titlob tali rikonoxximent u tali teħid ta’ responsabbiltà abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.
10. Sussegwentement, l-awtoritajiet Rumeni bagħtu talba għal informazzjoni dwar id-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, skont l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
11. Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja) irrifjutat il-konsenja ta’ C.J., irrikonoxxiet is-sentenza ta’ kundanna u ordnat l-eżekuzzjoni tagħha fl-Italja. Dik il-qorti qieset li, peress li C.J. kien jirrisjedi legalment u effettivament fl-Italja, ma kienx hemm lok li jintalab li huwa jiskonta l-piena tiegħu fir-Rumanija, billi l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena fl-Italja kienet iktar konformi mal-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tiegħu. L-imsemmija qorti qieset li, wara li jitnaqqsu l-perijodi ta’ detenzjoni diġà mwettqa, il-piena totali li għad kellha tiġi skontata kienet ta’ 3 snin, 6 xhur u 21 jum.
12. Fl‑20 ta’ Mejju 2021, din is-sentenza tal-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) ġiet ikkomunikata lill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest). Sussegwentement, l-awtoritajiet Rumeni rċevew ċertifikat tal‑11 ta’ Ġunju 2021 mill-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tal-Pieni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Ruma, li minnu jirriżulta li C.J. jinsab f’sitwazzjoni ta’ arrest domiċiljari, konformement mad-dritt Taljan. Minn dan iċ-ċertifikat jirriżulta wkoll, f’dak li jirrigwarda l-istadju tal-eżekuzzjoni, li dan huwa mandat ta’ eżekuzzjoni b’sospensjoni simultanja, fil-forma ta’ arrest domiċiljari, u li l-piena li għad trid tiġi skontata hija ta’ tliet snin u ħdax-il xahar priġunerija, billi d-data tal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-piena hija d‑29 ta’ Diċembru 2020 u d-data ta’ skadenza tal-piena hija t‑28 ta’ Novembru 2024 (6).
13. Permezz ta’ ittra mibgħuta fit‑28 ta’ Ġunju 2021, l-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni tennew il-pożizzjoni tagħhom indikata fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet u speċifikaw li, sakemm ma jiġux informati bil-bidu tal-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà permezz tal-priġunerija ta’ C.J., huma jqisu li jżommu d-dritt li jeżegwixxu s-sentenza ta’ kundanna tas‑27 ta’ Ġunju 2017, skont l-Artikolu 22(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Dawn l-awtoritajiet żiedu li l-mandat nazzjonali ta’ eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija u l-avviż ta’ tfittxija internazzjonali ma ġewx annullati u għadhom fis-seħħ.
14. Fil‑15 ta’ Ottubru 2021, l-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tat-Tieni Awla Kriminali tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) ressaq oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ kundanna quddiem il-qorti tar-rinviju.
15. Dik il-qorti tispeċifika li hija għandha tiddeċiedi dwar il-validità tal-mandat nazzjonali ta’ eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija u tal-mandat ta’ arrest Ewropew, fid-dawl tal-eżistenza ta’ diverġenza fl-interpretazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni u Taljani f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, r-rabta bejn id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Dan ifisser li l-imsemmija qorti għandha tiddeċiedi jekk dan il-mandat nazzjonali, maħruġ mill-awtoritajiet Rumeni, għandux jiġi annullat jekk jitqies li d-deċiżjoni ta’ kundanna ġiet implimentata mill-awtoritajiet Taljani u li qiegħda tiġi eżegwita.
16. Għaldaqstant, iqumu l-kwistjonijiet jekk ir-rikonoxximent ta’ sentenza, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li tkun tat lok għal rifjut min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni skont il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jeħtieġx il-kunsens tal-Istat Membru emittenti skont l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 kif ukoll jekk it-trażmissjoni tas-sentenza ta’ kundanna mill-Istat Membru emittenti lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tistax tammonta għal kunsens. Tqum ukoll il-kwistjoni jekk tali proċedura, li titmexxa bi ksur tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 25 ta’ din id-deċiżjoni qafas, tistax tipproduċi effett legali fir-rigward tal-kundanna f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tagħha fit-territorju tar-Rumanija. Barra minn hekk, għandu jiġi ddeterminat jekk, sakemm il-bidu tal-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà permezz tal-priġunerija tal-persuna kkundannata ma jkunx ġie kkomunikat, l-Istat Membru emittenti jżommx id-dritt sħiħ li jeżegwixxi s-sentenzi mogħtija fit-territorju tiegħu, skont l-Artikolu 22(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.
17. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fis-sitwazzjoni fejn il-qorti ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ [arrest] Ewropew għandha l-intenzjoni li tapplika l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] għar-rikonoxximent tas-sentenza ta’ kundanna, hija għandha l-obbligu li titlob is-sentenza u ċ-ċertifikat maħruġ bis-saħħa tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif ukoll li tikseb il-kunsens tal-Istat ta’ kundanna bis-saħħa tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909?
2) Id-dispożizzjonijiet tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 25 u mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà u għar-rikonoxximent tas-sentenza ta’ kundanna, mingħajr l-eżekuzzjoni effettiva tal-piena ta’ priġunerija tal-persuna kkundannata minħabba l-maħfra u s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena bis-saħħa tad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u mingħajr ma jkun inkiseb il-kunsens tal-Istat ta’ kundanna fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent iwassal għat-telf tad-dritt tal-Istat ta’ kundanna li jipproċedi bl-eżekuzzjoni tal-piena, konformement mal-Artikolu 22(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909?
3) L-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li sentenza ta’ kundanna għal piena li ċċaħħad il-libertà li fuq il-bażi tagħha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew irrifjutat bis-saħħa tal-punt 6 tal-Artikolu 4 [ta’ din id-deċiżjoni qafas,] sentenza li ġiet irrikonoxxuta iżda mingħajr l-eżekuzzjoni effettiva tal-piena ta’ priġunerija tal-persuna kkundannata minħabba l-maħfra u s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena bis-saħħa tad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u mingħajr ma jkun inkiseb il-kunsens tal-Istat ta’ kundanna fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent iwassal għat-telf tas-saħħa eżekuttiva tagħha?
4) Id-dispożizzjonijiet tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà u għar-rikonoxximent tas-sentenza ta’ kundanna bis-saħħa tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, iżda mingħajr l-eżekuzzjoni effettiva tal-piena ta’ priġunerija tal-persuna kkundannata minħabba l-maħfra u s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena bis-saħħa tad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (Stat Membru tal-Unjoni) u mingħajr ma jkun inkiseb il-kunsens tal-Istat ta’ kundanna fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent, tikkostitwixxi sentenza ta’ ‘kundanna għall-istess fatti minn pajjiż terz’?
5) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, id-dispożizzjonijiet tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà u għar-rikonoxximent tas-sentenza ta’ kundanna bis-saħħa tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bis-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena bis-saħħa tad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, hija ‘sentenza li qiegħda tiġi implimentata’ fil-każ li s-superviżjoni tal-persuna kkundannata għadha ma bdietx?”
18. C.J., il-Gvern Rumen, il-Gvern Ċek u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, b’eċċezzjoni ta’ C.J., ipparteċipaw, kif għamel il-Gvern Franċiż, fis-seduta li nżammet fit‑13 ta’ Marzu 2024, li matulha huma b’mod partikolari wieġbu għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.
III. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
19. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, C.J. indika li t-Tribunale di sorveglianza di Roma (il-Qorti ta’ Superviżjoni ta’ Ruma, l-Italja) kienet ordnat, fis‑7 ta’ Frar 2023, l-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-piena fil-forma ta’ detenzjoni domiċiljari. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju intiża sabiex jiġi speċifikat jekk din l-informazzjoni kellhiex effett fuq id-domandi preliminari tagħha.
20. Dik il-qorti wieġbet, fit‑22 ta’ Novembru 2023, li ma setgħetx tikkonferma l-imsemmija informazzjoni, sa fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani ma kienu bagħtu ebda dokument li jikkonċerna lil C.J. mis-sena 2021 ’il quddiem. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti speċifikat li, kieku kellu jirriżulta li l-informazzjoni dwar l-iżviluppi fil-proċedura Taljana hija minnha, risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda tibqa’ utli. L-iktar l-iktar, il-ħames domanda biss tkun tista’ titqies li ma għadhiex rilevanti.
21. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li hemm lok, fl-argumenti li ġejjin, li wieħed iżomm mal-fatti kif esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju (7), jiġifieri li s-sitwazzjoni dwar l-eżekuzzjoni fl-Italja tal-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija kontra C.J. hija dik ta’ mandat nazzjonali ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-piena b’sospensjoni simultanja, fil-forma ta’ arrest domiċiljari, sakemm tingħata deċiżjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani dwar miżura alternattiva għall-priġunerija.
B. Fuq l-ewwel sat-tielet domanda preliminari
22. Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li nipproponi li neżamina flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk il-punt 6 tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ukoll l-Artikolu 4(2) u (5), l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 22(1) u l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li awtorità ġudizzjarja tista’ validament tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà billi tinvoka r-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv imsemmija fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, meta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ kundanna jitwettqu bi ksur tal-proċedura u tar-rekwiżiti previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Barra minn hekk, dik il-qorti tixtieq tkun taf jekk, f’din is-sitwazzjoni, l-Istat Membru emittenti jżommx id-dritt li jeżegwixxi din il-piena u jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandhiex teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew billi tikkonsenja l-persuna rikjesta lil dan l-Istat Membru.
23. Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, żewġ argumenti radikalment opposti jidħlu f’kunflitt ma’ xulxin. Filwaqt li l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-implimentazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv imsemmija fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tista’ titwettaq barra mill-qafas stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, il-parteċipanti l-oħra f’din il-proċedura jsostnu l-pożizzjoni opposta. Hija din il-pożizzjoni tal-aħħar li tipperswadini.
24. Għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża, bl-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u effettiva għall-konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, billi hija bbażata fuq livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (8).
25. Fil-qasam irregolat minn din id-deċiżjoni qafas, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 ta’ din tal-aħħar, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, huwa espress fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li tgħid li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi ta’ dan il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-istess deċiżjoni qafas (9).
26. Minn dan isegwi, minn naħa, li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew biss għal raġunijiet li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni, li għandha tiġi interpretata b’mod strett (10).
27. Din id-deċiżjoni qafas tistabbilixxi, fl-Artikolu 3 tagħha, raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju tal-mandat ta’ arrest Ewropew u, fl-Artikoli 4 u 4a tagħha, raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ta’ dan il-mandat (11).
28. Għaldaqstant, minkejja li s-sistema stabbilita fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, dan ir-rikonoxximent madankollu ma jimplikax obbligu assolut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest maħruġ (12). Fil-fatt, din id-deċiżjoni qafas tippermetti, f’sitwazzjonijiet speċifiċi, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiddeċiedu li piena imposta fl-Istat Membru emittenti għandha tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (13).
29. F’dak li jirrigwarda r-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew elenkati fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas fid-dritt intern tagħhom, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, dawn huma liberi li jittrasponu jew li ma jittrasponux dawn ir-raġunijiet fid-dritt intern tagħhom. Huma jistgħu wkoll jagħżlu li jillimitaw is-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, u b’hekk jiffaċilitaw il-konsenja tal-persuni rikjesti, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas (14).
30. Fost ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew, infakkar li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew jekk dan tal-aħħar ikun inħareġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà, meta l-persuna rikjesta toqgħod fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, hija ċittadina tiegħu jew tirrisjedi fih, u meta dan l-Istat jimpenja ruħu li jeżegwixxi din il-piena jew din il-miżura preventiva konformement mad-dritt intern tiegħu.
31. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew prevista f’din id-dispożizzjoni hija suġġetta għas-sodisfazzjoni ta’ żewġ rekwiżiti, jiġifieri, minn naħa, li l-persuna rikjesta toqgħod fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, hija ċittadina tiegħu jew tirrisjedi fih, u, min-naħa l-oħra, li dan l-Istat jimpenja ruħu li jeżegwixxi, konformement mad-dritt intern tiegħu, il-piena jew il-miżura preventiva li għaliha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew (15).
32. F’dak li jirrigwarda l-ewwel wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li persuna rikjesta “tirrisjedi” fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni meta hija stabbilixxiet ir-residenza reali tagħha f’dan tal-aħħar u “toqgħod” hemmhekk meta, wara soġġorn stabbli ta’ ċertu tul f’dan l-Istat Membru, hija kisbet rabtiet ma’ dan l-Istat ta’ livell analogu għal dawk li jirriżultaw minn residenza (16).
33. F’dak li jirrigwarda t-tieni wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, mill-formulazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li kull rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jippreżupponi impenn reali min-naħa tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jeżegwixxi l-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija kontra l-persuna rikjesta (17). Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li dan l-Istat jiddikjara li huwa “lest” jeżegwixxi din il-piena ma jistax jitqies li huwa ta’ natura li jiġġustifika tali rifjut. Minn dan isegwi li qabel kull rifjut li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew għandha titwettaq verifika, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-possibbiltà li l-piena tiġi eżegwita realment konformement mad-dritt intern tagħha (18).
34. Għandu għaldaqstant jiġi ggarantit li l-possibbiltà tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew tiġi eżerċitata biss bil-kundizzjoni li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-piena mogħtija kontra l-persuna rikjesta u li b’hekk tinstab soluzzjoni li tkun konformi mal-iskop segwit mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (19).
35. Meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li ż-żewġ rekwiżiti li għadni kemm fakkart huma ssodisfatti, hija għandha wkoll tevalwa jekk jeżistix interess leġittimu li jiġġustifika li l-piena imposta fl-Istat Membru emittenti tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Din l-evalwazzjoni tippermetti li din l-awtorità tieħu inkunsiderazzjoni l-għan imfittex mill-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li huwa, skont ġurisprudenza tabilħaqq stabbilita, li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid wara li l-persuna rikjesta tkun skontat il-piena li għaliha ġiet ikkundannata (20). Għaldaqstant, sabiex tiddeċiedi jekk hemmx jew ma hemmx lok, fid-dawl tal-għan imfittex ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid, li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha l-marġni ta’ evalwazzjoni neċessarju (21).
36. L-eżami mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-punt jekk jeżistix interess leġittimu li jiġġustifika li l-piena jew il-miżura preventiva imposta fl-Istat Membru emittenti tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jitwettaq permezz ta’ evalwazzjoni globali tal-elementi konkreti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-persuna rikjesta, li jistgħu jindikaw jekk bejn din il-persuna u l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jeżistux rabtiet li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-imsemmija persuna hija suffiċjentement integrata f’dan l-Istat u li, għaldaqstant, l-eżekuzzjoni, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tal-piena jew tal-miżura preventiva li jċaħħdu l-libertà mogħtija kontriha fl-Istat Membru emittenti ser tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid imfittex minn dan il-punt 6 tal-Artikolu 4 (22).
37. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. B’mod partikolari, il-premessa 9 ta’ din id-deċiżjoni qafas tipprovdi lista ta’ eżempji ta’ elementi li jistgħu jippermettu li awtorità ġudizzjarja tikseb iċ-ċertezza li l-eżekuzzjoni tal-kundanna mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ser tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata. Fost dawn l-elementi hemm, essenzjalment, ir-rabta tal-persuna mal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll iċ-ċirkustanza li dan l-Istat Membru jikkostitwixxi ċ-ċentru tal-ħajja tal-familja u tal-interessi tagħha, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rabtiet tal-familja, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi tagħha mal-imsemmi Stat (23).
38. Għaldaqstant teżisti interazzjoni bejn id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-eżistenza ta’ tali interazzjoni billi speċifikat li, sa fejn l-għan imfittex mill-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa identiku għal dak imsemmi f’din il-premessa 9 u għal dak li huwa mfittex mill-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li jagħmel riferiment għar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista f’dan il-punt 6 tal-Artikolu 4, l-imsemmija elementi huma rilevanti wkoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha twettaq meta tapplika din ir-raġuni (24).
39. L-interazzjoni bejn id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 madankollu ma hijiex limitata għall-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess leġittimu li jiġġustifika li l-piena jew il-miżura preventiva imposta fl-Istat Membru emittenti tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, huwa b’mod ħafna iktar ġenerali li l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprevedi l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar għall-eżekuzzjoni tal-kundanni meta Stat Membru jiddeċiedi li jimplimenta r-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
40. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, “[m]ingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata”.
41. Fil-fehma tiegħi, mill-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jirriżulta li l-implimentazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tippreżupponi li jiġu osservati l-proċedura u r-rekwiżiti stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għall-finijiet tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza f’materji kriminali fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ kundanna (25). Diversi elementi jimmilitaw f’dan is-sens.
42. L-ewwel nett, għandha tiġi ċċitata l-premessa 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 li tindika li din tal-aħħar “għandha tapplika wkoll, mutatis mutandis, għall-infurzar ta’ pieni fil-każijiet taħt l-Artikoli 4(6) u 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584]. Dan ifisser inter alia illi, mingħajr preġudizzju għal dik id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni jista’ jivverifika l-eżistenza ta’ raġunijiet ghal non-rikonoxximent jew non-infurzar kif previst fl-Artikolu 9 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, inkluż l-iċċekkjar ta’ kriminalità doppja sal-punt li l-Istat ta’ esekuzzjoni jagħmel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 7(4) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, bħala kondizzjoni biex jirrikonoxxi u jinforza s-sentenza bil-ħsieb li jikkonsidra jekk jikkonsenjax il-persuna jew jinfurzax il-piena f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584]”. Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni jenfasizza, bħala eżempju, il-verifika mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-eżistenza ta’ raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, dan bl-ebda mod ma jeskludi, fil-fehma tiegħi, il-verifika tar-rekwiżiti l-oħra.
43. Ir-rabta bejn il-proċeduri previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 fl-implimentazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv imsemmija fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tal-ewwel waħda minn dawn id-deċiżjonijiet qafas hija kkonfermata wkoll mill-parti (f) tal-mudell ta’ ċertifikat, li jinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Dan iċ-ċertifikat jintbagħat mas-sentenza, għall-finijiet tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ din tal-aħħar, u għandu jirreferi għal din ir-raġuni meta din tkun invokata. Minn dan isegwi li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-imsemmija raġuni jeħtieġ it-trażmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat mill-Istat Membru ta’ kundanna, konformement mar-regoli li huma stabbiliti minn din id-deċiżjoni qafas.
44. It-tieni nett, jidhirli li r-rekwiżit li kull rifjut li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew, għar-raġuni bbażata fuq il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jkun ippreċedut mill-verifika, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-possibbiltà li l-piena li ċċaħħad il-libertà tiġi eżegwita realment skont id-dritt intern tagħha jinkorpora d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 (26). Konsegwentement, b’koerenza ma’ dak li jipprevedi l-Artikolu 25 ta’ din id-deċiżjoni qafas u sabiex tkun tista’ tiżgura l-eżekuzzjoni effettiva ta’ tali piena, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tosserva l-proċedura u r-rekwiżiti stabbiliti mill-imsemmija deċiżjoni qafas għall-finijiet tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fl-Istat Membru ta’ kundanna.
45. It-tielet nett, kif indika ġustament il-Gvern Rumen waqt is-seduta, xejn ma jippermetti li wieħed jaħseb li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jipprevedi żewġ sistemi legali distinti f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji kriminali, skont l-eżistenza jew le ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.
46. Ir-raba’ nett, mis-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni) (27) jirriżulta li, meta awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha l-intenzjoni li twettaq il-konsenja ta’ persuna b’applikazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, billi tissuġġetta din il-konsenja, skont dak li jipprovdi l-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għall-kundizzjoni li l-persuna tiġi rritornata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex hemmhekk tiskonta l-piena mogħtija fil-konfront tagħha fl-Istat Membru emittenti, l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija rregolata mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 (28). B’analoġija, fil-fehma tiegħi, l-istess għandu japplika għar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
47. Minn dawn l-elementi jirriżulta li, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ta’ mandat ta’ arrest Ewropew prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-kundanna mogħtija kontra l-persuna rikjesta għandhom jitwettqu konformement mal-proċedura u mar-rekwiżiti previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909.
48. Dan iwassalni sabiex inqis li ma jistax ikun hemm eżekuzzjoni effettiva fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-piena mogħtija kontra l-persuna rikjesta meta din il-proċedura u dawn ir-rekwiżiti ma jiġux osservati minn dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, sabiex ikun jista’ jimpenja ruħu li jeżegwixxi l-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija kontra l-persuna rikjesta, billi jivverifika li għandu l-possibbiltà li jeżegwixxi din il-piena realment konformement mad-dritt nazzjonali tiegħu (29), u b’hekk jevita kull riskju ta’ impunità ta’ din il-persuna, kif jeżiġi l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jkun awtorizzat ikompli l-eżekuzzjoni tal-imsemmija piena billi josserva r-regoli previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909.
49. Għandu issa jiġi speċifikat liema huma dawn ir-regoli.
50. F’dan ir-rigward, infakkar li, bħad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tikkonkretizza, fil-qasam kriminali, il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku. Din id-deċiżjoni qafas issaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji kriminali meta persuni jkunu ġew ikkundannati għal pieni jew għal miżuri li jċaħħdu l-libertà fi Stat Membru ieħor, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tagħhom (30).
51. Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, l-imsemmija deċiżjoni qafas għandha l-għan li tistabbilixxi r-regoli li, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata, jippermettu lil Stat Membru jirrikonoxxi sentenza u jeżegwixxi l-kundanna mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor.
52. Għal dan il-għan, l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprovdi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija, bħala prinċipju, obbligata tilqa’ t-talba, intiża għar-rikonoxximent ta’ sentenza u għall-eżekuzzjoni ta’ kundanna għal piena jew għal miżura li ċċaħħad il-libertà mogħtija fi Stat Membru ieħor, li tkun ġiet trażmessa lilha konformement mal-Artikoli 4 u 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Bħala prinċipju, hija tista’ tirrifjuta li tilqa’ tali talba biss għar-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 9 tal-imsemmija deċiżjoni qafas (31).
53. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) sa (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jistabbilixxi rekwiżiti stretti għall-adattament, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tal-kundanna mogħtija fl-Istat Membru emittenti, rekwiżiti li jikkostitwixxu l-uniċi eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ prinċipju, li din l-awtorità għandha, bis-saħħa tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trażmessa lilha u li tadotta mingħajr dewmien il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kundanna li t-tul u n-natura tagħha jkunu jikkorrispondu għal dawk previsti fis-sentenza mogħtija fl-Istat Membru emittenti (32).
54. L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprevedi l-possibbiltà għall-Istat Membru ta’ kundanna, li normalment jibda l-proċess intiż għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor ta’ sentenza f’materji kriminali li tkun ingħatat fit-territorju tiegħu, li jittrażmetti tali sentenza lil dan l-Istat Membru l-ieħor flimkien maċ-ċertifikat li l-mudell standard tiegħu jinsab fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni qafas.
55. Skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, “[i]t-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat tista’ ssir meta l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, fejn xieraq, wara konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti u ta’ dak ta’ esekuzzjoni, ikunu sodisfatti li l-infurzar tal-piena mill-Istat ta’ esekuzzjoni jkun jaqdi l-għan li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata”.
56. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jistabbilixxi li “[l-]Istat ta’ esekuzzjoni jista’, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jitlob lill-Istat emittenti biex jittrasmetti s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat. [...] Talbiet magħmula taħt dan il-paragrafu m’għandhomx joħolqu obbligu ta’ l-Istat emittenti biex jittrasmetti s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat”.
57. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas jiddeskrivi l-proċedura ta’ trażmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat.
58. Minn dawn id-dispożizzjonijiet niddeduċi, minn naħa, li t-trażmissjoni mill-Istat Membru ta’ kundanna tas-sentenza u taċ-ċertifikat previst mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija neċessarja għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ din is-sentenza u tal-eżekuzzjoni tal-kundanna, peress li din it-trażmissjoni tikkostitwixxi forma ta’ espressjoni tal-kunsens tal-Istat Membru ta’ kundanna fir-rigward tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-eżekuzzjoni tal-kundanna għalhekk isiru abbażi tal-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat. Barra minn hekk, dan iċ-ċertifikat jista’ jiġi rtirat mill-Istat Membru ta’ kundanna, fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni qafas (33), b’mod partikolari jekk l-adattament previst tal-piena ma jkunx adattat għalih.
59. Min-naħa l-oħra, l-Istat Membru ta’ kundanna ma huwiex obbligat iwettaq tali trażmissjoni (34). Jekk iwettaqha, huwa jagħti l-kunsens tiegħu sabiex il-kundanna inkwistjoni tiġi eżegwita fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ trażmissjoni tas-sentenza flimkien maċ-ċertifikat previst minn din id-deċiżjoni qafas, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma huwiex awtorizzat jeżegwixxi fit-territorju tiegħu piena mogħtija fl-Istat Membru ta’ kundanna, għaliex dan tal-aħħar ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għal dan. Ma jistax ikun mod ieħor fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
60. Għaldaqstant, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jseħħ biss fil-kuntest stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib u attiva mal-Istat Membru ta’ kundanna (35) u, b’mod partikolari, il-kunsens ta’ dan l-Istat Membru dwar l-eżekuzzjoni tal-piena fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. It-trażmissjoni tas-sentenza mill-Istat Membru ta’ kundanna lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, ma tissodisfax dan ir-rekwiżit meta, bħal f’dan il-każ, din is-sentenza ma tkunx akkumpanjata miċ-ċertifikat previst minn din id-deċiżjoni qafas u, barra minn hekk, l-ewwel Stat Membru juri mingħajr ambigwità l-oppożizzjoni tiegħu li l-piena mogħtija tiġi eżegwita fit-tieni Stat Membru.
61. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tal-proċedura prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija ta’ natura li tistabbilixxi l-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti u tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, permezz ta’ konsultazzjonijiet minn qabel, li huma l-espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Jekk l-Istat Membru ta’ kundanna jirrifjuta t-trasferiment tal-eżekuzzjoni tal-piena, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jistax japproprja ruħu unilateralment mill-kompetenza li jeżegwixxi din il-piena u ma jistax jinvoka r-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv, stabbilita fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
62. Kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest ta’ din il-proċedura, inqis li n-neċessità li jinkiseb il-kunsens tal-Istat Membru ta’ kundanna ma hijiex ta’ natura li tippreġudika l-effett utli tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, b’dan ir-rekwiżit, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni previst minn din id-dispożizzjoni huwa sempliċement ikkundizzjonat u ma għandux jitqies li huwa inapplikabbli. F’dan l-istadju, ma jistax jiġi preżunt li l-Istat Membru ta’ kundanna ser jirrifjuta t-trażmissjoni tas-sentenza flimkien maċ-ċertifikat. Dan l-Istat Membru jista’ fil-fatt ikun konvint, bħall-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li l-eżekuzzjoni tal-kundanna fit-territorju ta’ dan tal-aħħar ser tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata.
63. Barra minn hekk, huwa tabilħaqq minnu li mill-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li ebda dispożizzjoni tagħha ma tista’ taffettwa l-portata jew il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilita fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (36). Dan madankollu ma jistax ifisser li r-rekwiżiti għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji kriminali ma humiex applikabbli meta tiġi implimentata din ir-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni, iżda pjuttost li dawn ir-rekwiżiti huma applikabbli biss sa fejn huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas (37). Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni wera r-rieda tiegħu li ma jdgħajjifx l-għan tal-imsemmija deċiżjoni qafas, jiġifieri l-konsenja tal-persuni li huma kkonċernati minn mandat ta’ arrest Ewropew.
64. Issa, ma nikkonstata ebda inkompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fir-rekwiżit li l-implimentazzjoni tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilita fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tagħha hija suġġetta għall-kunsens tal-Istat Membru tal-kundanna. Għall-kuntrarju, tali rekwiżit, sa fejn jikkostitwixxi limitazzjoni għall-possibbiltà għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, jikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ is-sistema ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas favur spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (38). B’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tibqa’ qabelxejn suġġetta għar-rekwiżit li l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fuq il-persuna rikjesta tista’ tiġi effettivament eżegwita f’dan l-Istat Membru (39).
65. Barra minn hekk, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-artikulazzjoni prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandha tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkonċernata u li tali integrazzjoni mill-ġdid hija mhux biss fl-interess tal-persuna kkundannata, iżda wkoll f’dak tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali (40). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm ir-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilita fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha b’mod partikolari l-għan li tkun tista’ tingħata importanza partikolari lill-possibbiltà li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna rikjesta wara li tkun skontat il-piena li għaliha ġiet ikkundannata, tali għan, għalkemm importanti, ma jistax jeskludi li l-Istati Membri, fl-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, jillimitaw, fis-sens indikat mir-regola essenzjali stabbilita fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, is-sitwazzjonijiet li fihom għandu jkun possibbli li tiġi rrifjutata l-konsenja ta’ persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi punt 6 tal-Artikolu 4 (41).
66. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-għan li jikkonsisti fiż-żieda fl-opportunitajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna rikjesta wara li tkun skontat il-piena li għaliha ġiet ikkundannata ma huwiex ta’ natura assoluta u ma jistax jipprevali fuq dak intiż li tiġi stabbilita sistema effettiva ta’ konsenja bejn l-Istati Membri.
67. Barra minn hekk, kif irrileva ġustament il-Gvern Franċiż waqt is-seduta, skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kemm l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti kif ukoll dawk tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom ikunu konvinti li l-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku tissodisfa, fis-sitwazzjoni inkwistjoni, l-għan intiż li jiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata. Dan ir-rekwiżit ta’ kunsens għaldaqstant jikkontradixxi direttament l-idea li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jippermetti li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jitħalla jiddetermina waħdu jekk l-eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju tiegħu hijiex iġġustifikata. L-Istat Membru emittenti għandu huwa wkoll iqis li l-eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tiffaċilita l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata u li dan l-għan jeċċedi dak intiż li din il-piena tiġi eżegwita fl-Istat Membru emittenti. Deċiżjoni differenti dwar dan il-punt twassal sabiex tinħoloq, f’kontradizzjoni ma’ dak li jipprovdi l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, sistema doppja ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ kundanna f’materji kriminali. Filwaqt li, barra mill-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, iż-żewġ Stati Membri għandhom ikunu konvinti li l-għan intiż li jiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid huwa milħuq, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa biss l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jista’ jwettaq din l-evalwazzjoni. Issa, kif indikajt qabel, ma naħsibx li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq joħloq tali sistema doppja.
68. Jidhirli wkoll li l-għan intiż li jiffaċilita l-opportunitajiet ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata ma jistax jelimina l-interessi leġittimi li jista’ jkollu l-Istat Membru li fih tkun ingħatat piena sabiex din tal-aħħar tiġi eżegwita fit-territorju tiegħu. Fil-fatt, fid-dawl tad-diversi funzjonijiet tal-piena fi ħdan is-soċjetà, kunsiderazzjonijiet ta’ politika kriminali speċifiċi għal kull Stat Membru jistgħu jwasslu lill-Istat Membru ta’ kundanna sabiex jixtieq li l-piena mogħtija tiġi eżegwita fit-territorju tiegħu, minkejja l-fatt li kunsiderazzjonijiet marbuta mal-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna rikjesta jistgħu jkunu opposti għal dan (42). L-eżempju tal-kundanni f’materji ta’ terroriżmu jista’ jiġi ċċitat f’dan ir-rigward.
69. Inqis li, meta Stat Membru jagħżel li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, huwa jkun jixtieq li l-persuna rikjesta tiġi kkonsenjata lilu sabiex tiskonta din il-piena fit-territorju tiegħu. Kieku l-intenzjoni primarja ta’ dan l-Istat Membru kienet li jipprevedi l-possibbiltà li din il-piena tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor, huwa kien jimplimenta l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji kriminali previst mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909.
70. F’tali sitwazzjoni ta’ talba intiża għar-rikonoxximent ta’ sentenza u għall-eżekuzzjoni ta’ kundanna kriminali mogħtija fl-Istat Membru emittenti, l-għan innifsu ta’ din il-proċedura huwa li l-persuna kkonċernata, mhux talli ma għandhiex tiġi kkonsenjata lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, iżda tibqa’ fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex tiskonta l-piena tagħha hemmhekk (43).
71. Issa, fil-każ li l-Istat Membru ta’ kundanna jiffavorixxi l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minflok jimplimenta l-mekkaniżmu ta’ trasferiment previst mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jipproduċi konsegwenzi ta’ natura oħra. Fil-fatt, dan il-prinċipju għalhekk jimplika li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew li jiġi ppreżentat lilha.
72. Il-kisba tal-kunsens tal-Istat Membru ta’ kundanna tippermetti li tiġi osservata l-għażla libera li għandu jkollu dan tal-aħħar bejn iż-żewġ strumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Kif diġà spjegajt, ma jeżisti ebda obbligu għal dan l-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat previst mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Peress li l-imsemmi Stat Membru għamel l-għażla sovrana li jiffavorixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew, din l-għażla għandha tiġi osservata. Għaldaqstant, ma jistax jiġi preżunt li l-istess Stat Membru jkun lest jirrinunzja, fil-każ ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat, li l-piena tiġi eżegwita fit-territorju tiegħu. Għall-kuntrarju, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jixhed ix-xewqa tiegħu li l-piena tiġi eżegwita fit-territorju tiegħu.
73. Il-pożizzjoni tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, li skontha l-fatt li jiġi implimentat il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa ekwivalenti għar-rikonoxximent tas-sentenza ta’ kundanna, ħaġa li tirrendi inutli l-kisba tal-kunsens tal-Istat Membru ta’ kundanna, twassal għall-paradoss li ġej: hija tammonta għall-kunsiderazzjoni li, meta awtorità ġudizzjarja toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, dan jimplika li hija taċċetta li din il-piena tista’, jekk ikun il-każ, tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor, filwaqt li l-Istat Membru emittenti għalhekk jirrinunzja għall-kompetenza tiegħu stess li jeżegwixxi l-imsemmija piena. Issa, il-mandat ta’ arrest Ewropew ifittex qabel kollox li l-persuna rikjesta tiġi kkonsenjata lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ tali mandat. Fi kliem ieħor, l-għan tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma huwiex li l-kompetenza għall-eżekuzzjoni ta’ piena tiġi ttrasferita lil Stat Membru ieħor.
74. Billi jkun jixtieq iżomm il-kompetenza ta’ eżekuzzjoni tiegħu, l-Istat Membru emittenti ma jiksirx il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Fil-fatt, bħala prinċipju, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huwa obbligat jilqa’ t-talba għal kooperazzjoni li jikkostitwixxi l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Kif sostna ġustament il-Gvern Franċiż waqt is-seduta, f’tali sitwazzjoni, dan il-prinċipju ma jistax iservi bħala raġuni għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja minn Stat Membru ieħor, meta dawn la jkunu ntalbu u lanqas ma jkunu mixtieqa.
75. Interpretazzjoni kuntrarja jkollha l-konsegwenza li tippermetti lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jikseb il-kompetenza li jeżegwixxi l-kundanna, anki jekk l-Istat Membru li fih ingħatat din il-kundanna ma jkunx irrinunzja milli jeżerċita tali kompetenza, kif jixhed il-fatt li jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-kundanna. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li jimplika qabel kollox, f’sitwazzjoni ta’ dan it-tip, li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jeżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew. Kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ konsenja u fid-dawl tan-natura fakultattiva tar-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni li huwa jipprevedi, il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi mhux dritt għat-trasferiment għall-persuna kkundannata, iżda biss possibbiltà. Din il-possibbiltà tista’ tapplika biss b’osservanza ta’ ċerti rekwiżiti.
76. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġi evitat il-qafas stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għaliex, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi li fihom ikun previst ir-rikonoxximent ta’ sentenza ta’ kundanna f’materji kriminali, hija biss l-osservanza tar-regoli stabbiliti minn din id-deċiżjoni qafas li tippermetti li jintlaħaq bilanċ ġust li jippreżerva d-drittijiet tal-Istat Membru ta’ kundanna.
77. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, huwa paċifiku li l-proċedura u r-rekwiżiti previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għall-finijiet tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tas-sentenza li C.J. kien is-suġġett tagħha ma ġewx osservati. Fil-fatt, l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani rrifjutaw li jeżegwixxu l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’ C.J. u fl-istess ħin irrikonoxxew is-sentenza ta’ kundanna u ordnaw l-eżekuzzjoni tagħha fl-Italja, filwaqt li l-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni kienu esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal tali rikonoxximent u għal tali eżekuzzjoni barra mit-territorju tar-Rumanija.
78. L-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani għalhekk ma aġixxewx skont il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, kif ikkonkretizzat permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, u għalhekk ma jistgħux jinvokaw dan il-prinċipju fil-konfront tal-Istat Membru emittenti. Dan tal-aħħar għalhekk iżomm id-dritt li jeżegwixxi s-sentenza inkwistjoni fit-territorju tiegħu. Għalkemm l-Artikolu 22(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprovdi li dan l-Istat Membru ma jistax iktar jeżegwixxi l-kundanna ladarba l-eżekuzzjoni tagħha tkun bdiet fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jeħtieġ ukoll li din l-eżekuzzjoni tkun seħħet f’konformità mar-regoli previsti minn din id-deċiżjoni qafas. Dan ma jkunx il-każ meta r-rikonoxximent ta’ sentenza f’materji kriminali jkun twettaq bi ksur tal-proċedura u tar-rekwiżiti previsti mill-imsemmija deċiżjoni qafas u, b’mod partikolari, mingħajr ma s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat previst mill-istess deċiżjoni qafas tkun ġiet ikkomunikata mill-Istat Membru emittenti. Jekk jiġi aċċettat li, f’tali sitwazzjoni, bidu tal-eżekuzzjoni tal-piena fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jneħħi l-kompetenza tal-Istat Membru emittenti għall-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, dan jiftaħ it-triq għall-evitar tar-regoli stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909.
79. Inżid li, anki jekk tkun seħħet it-trażmissjoni tas-sentenza flimkien maċ-ċertifikat previst minn din id-deċiżjoni qafas, jista’ jiġi mistoqsi jekk mandat nazzjonali ta’ eżekuzzjoni tal-piena b’sospensjoni simultanja, fil-forma ta’ arrest domiċiljari, sakemm tingħata deċiżjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani dwar miżura alternattiva għall-priġunerija, jistax jitqies li huwa bidu tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, fis-sens tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Madankollu, ma jidhirlix li huwa neċessarju li dan l-aspett jiġi ttrattat fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li, fi kwalunkwe każ, il-proċedura u r-rekwiżiti previsti mill-istess deċiżjoni qafas ma ġewx osservati (44).
80. Barra minn hekk, sa fejn id-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’ C.J. ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ tkompli l-proċedura intiża għall-konsenja ta’ din il-persuna billi żżomm dan il-mandat jew billi toħroġ wieħed ġdid, b’mod li tiffavorixxi t-twettiq tal-għan tal-ġlieda kontra l-impunità mfittex mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (45). Fi kliem ieħor, ma jistax jitqies li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni ma għadx għandu skop u eżawrixxa l-effetti tiegħu. Barra minn hekk, is-sentenza li ngħatat fl-Istat Membru emittenti, li fuqha huwa bbażat dan il-mandat, u li għaliha jirreferi l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, iżżomm in-natura eżekuttiva tagħha (46).
IV. Konklużjoni
81. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel sat-tielet domanda preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija):
Il-punt 6 tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-Artikolu 4(2) u (5), l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 22(1) u l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
awtorità ġudizzjarja ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà billi tinvoka r-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv msemmija fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, meta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ kundanna jitwettqu bi ksur tal-proċedura u tar-rekwiżiti previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909. F’din is-sitwazzjoni, l-Istat Membru emittenti jżomm id-dritt li jeżegwixxi din il-piena u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-kompitu li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew billi tikkonsenja l-persuna rikjesta lil dan l-Istat Membru.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.
3 ĠU 2008, L 327, p. 27.
4 Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew “jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu”.
5 F’dawn il-konklużjonijiet, l-Istat Membru emittenti jista’ wkoll jiġi indikat bħala l-Istat Membru ta’ kundanna.
6 Dan iċ-ċertifikat ġie kkompletat b’ieħor, ikkomunikat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni fl‑14 ta’ Lulju 2021, li jinkludi l-indikazzjoni li ġejja: “[f’]dak li jirrigwarda l-arrest domiċiljari, huwa mistenni li l-Qorti ta’ Superviżjoni tiddeċiedi dwar il-miżura alternattiva”.
7 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi l-qafas regolamentari u fattwali tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’Istruzione u INPS (C‑270/22, EU:C:2023:933, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
8 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2023, O. G. (Mandat ta’ arrest Ewropew kontra ċittadin ta’ Stat terz) (C‑700/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza O. G.”, EU:C:2023:444, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
9 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza O. G. (punti 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza O. G. (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza O. G. (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
12 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
13 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza O. G. (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza O. G. (punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza O. G. (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza O. G. (punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:116), “l-implementazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u n-neċessità li jiġi eliminat kull riskju ta’ impunità jimplikaw li għandu jiġi kkunsidrat li jekk it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkunx possibbli, tkun xi tkun ir-raġuni, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi eżegwit” (punt 57).
20 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza O. G. (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Ara s-sentenza O. G. (punt 53).
22 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza O. G. (punti 60 u 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza O. G. (punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 Ara s-sentenza O. G. (punt 63).
25 Ara wkoll, f’dan ir-rigward, l-Avviż tal-Kummissjoni – Manwal dwar kif toħroġ u teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU C, C/2023/1270), punti 2.5.2 u 5.5.2, li minnhom jirriżulta li, fil-każ previst fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandha tiġi applikata sabiex ikun jista’ jitwettaq it-trasferiment tal-kundanna lill-Istat Membru li fih tiġi eżegwita l-piena.
26 Ara, f’dan is-sens, l-Avviż tal-Kummissjoni – Manwal dwar it-trasferiment ta’ persuni ssentenzjati u l-pieni ta’ kustodja fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, C 403, p. 2), li jindika, fil-punt 11.1 tiegħu, li, “[s]kont l-Artikolu 25 u l-premessa 12 tad-Deċiżjonijiet Qafas [tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909], f’każijiet li fihom jiġu applikati l-Artikoli 4(6) u 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-liġi domestika li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas [2008/909] għandha tapplika, mutatis mutandis u sa fejn kompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għall-infurzar tal-piena”. F’dan l-istess punt, huwa speċifikat ukoll li “[i]l-konnessjoni bejn id-Deċiżjoni Qafas [2008/909] u d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija stabbilita fl-Artikolu 25 u fil-premessa 12 tal-ewwel waħda msemmija” u li “kull rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ [mandat ta’ arrest Ewropew] skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 irid ikun ippreċedut mill-verifika, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-possibbiltà ta’ infurzar reali tal-piena b’mod konformi mal-liġi nazzjonali tagħha li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas” (korsiv miżjud minni).
27 C‑314/18, EU:C:2020:191.
28 Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punti 49 et seq.).
29 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatsanwaltschaft Aachen (C‑819/21, EU:C:2023:841, punt 19).
31 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatsanwaltschaft Aachen (C‑819/21, EU:C:2023:841, punt 20).
32 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, AV (Sentenza globali) (C‑221/19, EU:C:2021:278, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Skont din id-dispożizzjoni “[s]akemm l-infurzar tal-piena fl-Istat ta’ esekuzzjoni ma jkunx beda, l-Istat emittenti jista’ jirtira ċ-ċertifikat minn dak l-Istat, billi jagħti r-raġunijiet għal dan. Malli ċ-ċertifikat jiġi rtirat, l-Istat ta’ esekuzzjoni m’għandux jibqa’ jinforza l-piena”.
34 F’dan ir-rigward, ara l-manwal iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jindika, fil-punt 1.1 tiegħu, li d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma tipprevedi “ebda obbligu għall-Istat emittenti sabiex jittrażmetti sentenza għall-finijiet li tiġi rikonoxxuta u infurzata fi Stat Membru ieħor” u li “[l‑]istat emittenti għandu l-aħħar kelma rigward it-trasferiment, jekk hu sodisfatt bl-adattament tal-piena u bil-modalitajiet għall-eżekuzzjoni tas-sentenza”. Barra minn hekk, fil-punt 3.1 ta’ dan il-manwal, huwa speċifikat li, fiż-żewġ xenarji previsti fl-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, “m’għandu jkun hemm l-ebda obbligu għall-Istat emittenti sabiex jikkonforma mat-trażmissjoni mitluba tas-sentenza. Dan jirriżulta loġikament mill-fatt li l-Istat emittenti jibqa’ l-uniku attur li, wara reat kriminali, ikun qata’ sentenza li għaliha kellu l-kompetenza sovrana li jagħmel dan. B’hekk, l-Istat emittenti jżomm il-marġni diskrezzjonali sabiex jivvaluta t-talbiet tal-Istat emittenti jew tal-persuna ssentenzjata jew inkella tat-tnejn li huma”.
35 B’mod partikolari, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni huwa obbligat jipprovdi lill-Istat Membru ta’ kundanna ċertu numru ta’ elementi ta’ informazzjoni, bħal dawk imsemmija fl-Artikoli 12 u 21 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.
36 Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Sut (C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 48).
37 Ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut (C 514/17, EU:C:2018:1016, punt 48)
38 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Sut (C‑514/17, EU:C:2018:1016, punti 43 u 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
39 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Sut (C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 49).
40 Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Sut (C‑514/17, EU:C:2018:1016, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Pikamäe dwar il-punt 3 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fil-konklużjonijiet ippreżentati minnu fil-kawża SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2019:427), “[g]ħalhekk, l-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata ma huwiex ta’ natura assoluta u jista’ jiġi bbilanċjat ma’ rekwiżiti oħra” (punt 61).
42 F’dan ir-rigward, ara l-manwal iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jindika, fil-punt 3.1 tiegħu, li “[p]ereżempju, l-Istat emittenti jista’ jkun jixtieq li ma jittrasferixxix lill-persuna ssentenzjata jekk tkun prevista inkarċerazzjoni anqas twila fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet dwar ir-rilaxx bikri jew il-libertà kondizzjonali f’dak l-Istat. L-interessi tal-vittmi jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll meta jiġi deċiż fejn it-trasgressur jista’ jiskonta bl-aħjar mod is-sentenza tiegħu. Stat Membru jista’ ma jkunx jixtieq jittrasferixxi persuna jekk trasferiment bħal dan ikun jimplika r-riintegrazzjoni fl-ambjent kriminali tal-istat ta’ oriġini tiegħu, minflok ma jkun fl-interess tar-riabilitazzjoni soċjali tiegħu”. F’dan l-istess punt, huwa speċifikat li “[i]s-setgħa deċiżjonali sħiħa tal-Istat emittenti hija murija wkoll mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909] li tindika li dment li l-infurzar tas-sentenza fl-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jkunx beda, l-Istat emittenti jista’ jirtira ċ-ċertifikat, filwaqt li jagħti raġunijiet sabiex jagħmel dan. Ara f’dan il-kuntest ukoll l-Artikolu 17(3)”. Barra minn hekk, huwa osservat li “[s]ar hemm sensibilizzazzjoni dejjem akbar fost l-Istati Membri li l-opinjonijiet tal-vittmi għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-infurzar tal-pieni ta’ trasgressuri kkundannati, inkluż it-trasferiment internazzjonali tal-priġunieri. Il-vittmi jistgħu jkunu preżenti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni kif ukoll fl-Istat emittenti. Ħafna Stati Membri adottaw proċedura li fiha l-vittmi jkollhom l-opportunità li jiġu kkonsultati rigward it-trasferimenti u tiġi kkunsidrata l-opinjoni tagħhom. Madankollu, dan ma jistabbilixxix dritt għall-vittmi sabiex jopponu trasferiment”.
43 Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatsanwaltschaft Aachen (C‑819/21, EU:C:2023:841, punt 39).
44 F’dan ir-rigward, nindika li l-kawża Fira (C‑215/24) tqajjem, b’mod partikolari, il-kwistjoni jekk, wara li jkun irrifjuta li jeżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, bis-saħħa tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jistax jistax jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena.
45 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 141).
46 Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ (C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 43).