Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0303

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2023.


    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:652

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fis‑7 ta’ Settembru 2023 ( 1 )

    Kawża C‑303/22

    CROSS Zlín a.s.

    vs

    Úřad pro ochranu hospodářské soutěže,

    fil-preżenza ta’

    Statutární město Brno

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Reviżjoni li tikkonċerna kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttiva 89/665/KEE – Obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu mekkaniżmi ta’ reviżjoni – Aċċess għar-reviżjonijiet – Konklużjoni tal-kuntratt qabel ma jiġi ppreżentat rikors ġudizzjarju – Effettività tas-sentenza – Miżura provviżorja ta’ sospensjoni tal-effetti tal-kuntratt”

    1.

    Qorti tar-Repubblika Ċeka tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tas-sistema nazzjonali ta’ reviżjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi mad-Direttiva 89/665/KEE ( 2 ) u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2.

    Din il-qorti għandha dubji, b’mod partikolari, dwar il-konformità mad-Direttiva 89/665 u mal-Artikolu 47 tal-Karta tar-regoli interni li jippermettu li jiġu konklużi kuntratti pubbliċi qabel ma qorti tiddeċiedi dwar ir-rikors, ippreżentat minn offerent, li permezz tiegħu dan jikkontesta l-esklużjoni tiegħu mill-proċedura u l-għoti tal-kuntratt lil wieħed mill-kompetituri tiegħu.

    I. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni. Id‑Direttiva 89/665 ( 3 )

    3.

    L-Artikolu 1 (“Skop u disponibbiltà tal-proċeduri ta’ reviżjoni”) jipprovdi:

    “1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68)] sakemm tali kuntratti ma jkunx esklużi skont l-Artikoli 7, 8, 9, 10, 11, 12, 15, 16, 17 u 37 ta’ dik id-Direttiva.

    […]

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/24/KE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

    4.

    L-Artikolu 2 (“Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni”) jindika:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

    a)

    jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

    b)

    jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

    c)

    jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.

    2.   Is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 u l-Artikoli 2d u 2e jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli minn aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni.

    3.   Meta korp tal-prim istanza, li hu indipendenti mill-awtorità kontraenti, jirrevedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kontraenti ma tkunx tista’ tikkonkludi l-kuntratt qabel ma l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri intermedjarji jew għal reviżjoni. Is-sospensjoni m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu sospensiv imsemmi fl-Artikoli 2a(2) u 2d(4) u (5).

    4.   Ħlief fejn previst fil-paragrafu 3 u l-Artikolu 1(5), il-proċeduri ta’ reviżjoni mhux neċessarjament ikollhom l-effett ta’ sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt li magħhom għandhom x’jaqsmu.

    5.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandu jqis il-konsegwenzi probabbli tal-miżuri intermedjarji fl-interessi ta’ dawk kollha li jistgħu jsofru dannu, kif ukoll fl-interess pubbliku, u jista’ jiddeċiedi li ma jagħtix dawn il-miżuri meta l-konsegwenzi negattivi tagħhom jistgħu jkunu akbar mill-benefiċċji tagħhom.

    […]

    6.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li fil-każ fejn jiġu mitluba danni minħabba li deċiżjoni kienet meħuda illegalment, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab minn korp li jkollu s-setgħat neċessarji.

    7.   Ħlief fejn previst fl-Artikoli 2d sa 2f, l-effetti ta’ l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq kuntratt konkluż wara li jkun ingħata għandhom ikunu stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

    Barra minn hekk, ħlief f’każ fejn deċiżjoni jkollha tiġi mwarrba qabel l-għoti tad-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt skond l-Artikolu 1(5), paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikoli 2a sa 2f, is-setgħat tal-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom ikunu limitati għall-ħlas tad-danni lil kull persuna li tkun sofriet minnħabba ksur tal-liġi.

    […]

    9.   Fejn il-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni ma jkunux ta’ natura ġudizzjarja, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, għandha ssir dispożizzjoni biex ikunu garantiti proċeduri li bihom kwalunkwe miżura kontra l-liġi allegatament meħuda mill-korp ta’ reviżjoni, jew kwalunkwe difett allegat fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu, jkunu jistgħu jiġu soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun qorti jew tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu 234 tat-Trattat, u indipendenti kemm mill-awtorità kontraenti kif ukoll mill-korp ta’ reviżjoni.

    […]”

    5.

    L-Artikolu 2a (“Perijodu sospensiv”) jipprovdi li:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) ikollhom żmien biżżejjed għal reviżjoni effettiva tad-deċiżjonijiet ta’ l-għoti ta’ kuntratt meħuda mill-awtoritajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jirrispettaw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2ċ.

    2.   Kuntratt ma jistax jiġi konkluż wara d-deċiżjoni li jingħata kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2004/24/KE] qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt tintbagħat lill-offerenti u l-kandidati kkonċernati jekk jintuża faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ perijodu jew ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt tiġi mibgħuta lill-offerenti u l-kandidati kkonċernati jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data ta’ meta tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt.

    L-offerenti għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk ikun għadhom ma ġewx definittivament esklużi. Esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet notifikata lill-offerent ikkonċernat u tkun jew ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti jew ma tkunx għadha tista’ tiġi soġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni.

    Il-kandidati għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk l-awtorità kontraenti ma tkunx għamlet disponibbli informazzjoni dwar ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni tagħhom qabel in-notifika tad-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt lill-offerenti kkonċernati.

    […]”

    B.   Id‑dritt tar‑Repubblika Ċeka

    1. Zákon č. Zákon č. 134/2016 Sb., o zadávání veřejných zakázek (il‑Liġi Nru 134/2016 dwar l‑għoti ta’ kuntratti pubbliċi)

    6.

    Skont l-Artikolu 246(1):

    “L-awtorità kontraenti ma għandhiex tidħol f’kuntratt mal-kuntrattur: […]

    d)

    fi żmien 60 jum mill-bidu tal-proċedura ta’ reviżjoni kontra l-att tal-awtorità kontraenti dejjem sakemm ir-rikors ma jiġix ippreżentat barra mit-terminu – madankollu, l-awtorità kontraenti tista’ tikkonkludi l-kuntratt qabel l-iskadenza ta’ dak it-terminu, ladarba l-(Úřad pro ochranu hospodářské soutěže (L-Awtorità tad-Difiża tal-Kompetizzjoni; iktar ’il quddiem l-“ÚOHS”)) tkun ċaħdet it-talba għal reviżjoni jew għalqet il-proċedura amministrattiva ta’ reviżjoni u d-deċiżjoni rilevanti tkun saret finali.”

    7.

    Skont l-Artikolu 257(j):

    “L-ÚOHS għandha tagħlaq il-proċedura mibdija permezz ta’ deċiżjoni meta,

    […]

    j) matul il-proċedura amministrattiva, l-awtorità kontraenti tkun ikkonkludiet kuntratt għall-eżekuzzjoni tas-suġġett tas-sejħa pubblika għal offerti inkwistjoni

    […]”

    2. Zákon č. 500/2004 Sb., správní řád (il‑Liġi Nru 500/2004 dwar il‑Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva)

    8.

    L-Artikolu 61 jipprovdi li:

    “1.   Fl-iżvolġiment tal-proċedura, l-awtorità amministrattiva tista’, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-parti, qabel ma jintemmu l-proċedimenti, tieħu miżura kawtelatorja, meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi rregolata provviżorjament is-sitwazzjoni tal-parteċipanti fil-proċedura. […] Il-miżura kawtelatorja tista’ tordna lill-parteċipant jew lil persuna oħra sabiex jaġixxu, jastjenu milli jaġixxu jew jittolleraw azzjoni, kif ukoll jiksbu xi ħaġa li tista’ sservi ta’ prova jew xi ħaġa li tista’ tiġi eżegwita.

    […]

    3.   Permezz ta’ deċiżjoni, l-awtorità amministrattiva għandha tannulla l-miżura kawtelatorja hekk kif ir-raġuni li għaliha tkun ġiet adottata ma tkunx għadha teżisti. Fin-nuqqas ta’ dan, il-miżura kawtelatorja tiskadi fil-jum li fih id-deċiżjoni fil-każ inkwistjoni tkun saret infurzabbli jew tkun saret finali b’mod ieħor.

    […]”

    3. Zákon č. 150/2002 Sb., soudní řád správní (il‑Liġi Nru 150/2002 dwar il‑Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Kontenzjuża)

    9.

    L-Artikolu 38 jipprovdi li:

    “1.   Meta jkun ġie ppreżentat rikors u meta jkun neċessarju li jiġu rregolati temporanjament is-sitwazzjoni tal-partijiet, minħabba riskju ta’ dannu serju, il-qorti tista’, permezz ta’ digriet, tordna miżura kawtelatorja billi tordna lill-partijiet jaġixxu, jastjenu milli jaġixxu jew jittolleraw azzjoni. Għal dawn l-istess raġunijiet, il-qorti tista’ wkoll timponi dan l-obbligu fuq terzi persuni, meta dan ikun leġittimament meħtieġ mingħandha.”

    10.

    Skont l-Artikolu 72(1):

    “Ir-rikors amministrattiv jista’ jitressaq f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha d-deċiżjoni tkun ġiet ikkomunikata lir-rikorrent permezz tan-notifika tax-xhieda tiegħu jew b’mod ieħor previst mil-liġi, sakemm liġi speċjali ma tipprevedix terminu ieħor.”

    11.

    Skont l-Artikolu 78:

    “(1)   Meta r-reviżjoni amministrattiva tkun fondata, il-qorti tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba li ma hijiex konformi mad-dritt jew li hija vvizzjata b’difetti proċedurali. Il-qorti tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba li ma hijiex konformi mad-dritt, inkluż meta tikkonstata li l-awtorità amministrattiva kisret il-limiti li jirriżultaw mil-liġi, mis-setgħa diskrezzjonali amministrattiva jew abbużat minnha.

    […]

    (4)   Meta tannulla d-deċiżjoni, il-qorti għandha tordna wkoll ir-rinviju tal-kawża quddiem il-konvenut għal ipproċessar ulterjuri.”

    II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domanda preliminari

    12.

    Fis‑27 ta’ Settembru 2019, l-Istatutární město Brno (il-Belt ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka) nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, dwar l-estensjoni tal-funzjonijiet tal-impjant għall-kontroll tat-traffiku tas-sistema ta’ dwal tat-traffiku ( 4 ).

    13.

    Il-kumpanniji CROSS Zlín, a.s. (iktar ’il quddiem “CROSS”), u Siemens Mobility, s.r.o., ipparteċipaw fil-proċedura billi kull waħda minnhom ippreżentat l-offerta tagħha.

    14.

    Fis‑6 ta’ April 2020, l-awtorità kontraenti eskludiet lill-CROSS mill-proċedura, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

    15.

    Fis‑7 ta’ April 2020, l-awtorità kontraenti għażlet lil Siemens Mobility bħala kuntrattur.

    16.

    CROSS appellat mid-deċiżjoni tas‑6 ta’ April 2020 quddiem l-awtorità kontraenti stess, li ċaħdet l-ilment fl‑4 ta’ Mejju 2020.

    17.

    CROSS ressqet talba għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2020 quddiem l-ÚOHS, fejn titlob l-annullament tal-esklużjoni tagħha u tal-għażla ta’ Siemens Mobility bħala kuntrattur.

    18.

    Fit‑3 ta’ Lulju 2020, l-ÚOHS adottat, fuq inizjattiva proprja, il-miżura kawtelatorja li tipprojbixxi lill-awtorità kontraenti milli tikkonkludi l-kuntratt sakemm tintemm il-proċedura ta’ reviżjoni.

    19.

    Fil‑5 ta’ Awwissu 2020, l-ÚOHS ċaħdet it-talba għal reviżjoni mressqa minn CROSS.

    20.

    CROSS ippreżentat appell ġerarkiku quddiem il-President tal-ÚOHS mid-deċiżjoni tal‑5 ta’ Awwissu 2020.

    21.

    Fid‑9 ta’ Novembru 2020, il-President tal-ÚOHS ċaħad dan l-appell ġerarkiku. Id-deċiżjoni tiegħu saret definittiva (permezz ta’ proċedura amministrattiva) ( 5 ) fit‑13 ta’ Novembru 2020.

    22.

    Fit‑18 ta’ Novembru 2020, l-awtorità kontraenti kkonkludiet il-kuntratt pubbliku ma’ Siemens Mobility.

    23.

    Fit‑13 ta’ Jannar 2021, CROSS ippreżentat rikors amministrattiv kontra d-deċiżjoni tal-President tal-ÚOHS tad‑9 ta’ Novembru 2020, quddiem il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka).

    24.

    CROSS talbet lill-qorti tagħti effetti sospensivi lir-rikors, u b’mod kawtelatorju, li tipprojbixxi lill-awtorità kontraenti milli tikkonkludi l-kuntratt.

    25.

    Fil‑11 ta’ Frar 2021, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) ċaħdet it-talbiet ta’ CROSS, billi qieset li:

    Peress li l-kuntratt kien diġà ġie konkluż, kien impossibbli li l-awtorità kontraenti tiġi pprojbita milli tikkonkludih.

    Anki f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-konsegwenza tkun li l-fajl jintbagħat lura lill-ÚOHS, fejn din ikollha ttemm il-proċedura.

    L-awtorità kontraenti lanqas ma tista’ tiġi pprojbita milli teżegwixxi dan il-kuntratt, peress li ma kien jeżisti ebda ostakolu legali għall-konklużjoni tiegħu fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, peress li d-deċiżjoni tal-President tal-ÚOHS saret definittiva.

    26.

    Fit‑28 ta’ Marzu 2022, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) semgħet lill-partijiet fil-proċedura dwar ir-rilevanza ta’ tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, fid-dawl tad-dubji dwar il-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali mad-Direttiva 89/665 u mal-Artikolu 47 tal-Karta.

    27.

    Fil-fehma tagħha, dawn ir-regoli nazzjonali, li jippermettu l-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku hekk kif id-deċiżjoni tal-President tal-ÚOHS tkun saret definittiva (permezz ta’ proċedura amministrattiva), jistgħu jiġu invokati kontra l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665, peress li ma jiżgurawx protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-offerenti esklużi mill-proċedura ta’ selezzjoni.

    28.

    Wara s-smigħ tal-partijiet, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) iddeċidiet li tagħmel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Huwa kompatibbli mal-Artikolu 2(3) u mal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva [89/665], interpretati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta […], jekk il-leġiżlazzjoni Ċeka tippermetti lill-awtorità kontraenti tikkonkludi kuntratt fil-forma ta’ kuntratt pubbliku qabel ma jkun ġie ppreżentat rikors quddiem qorti li hija kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni meħuda fit-tieni istanza mill-[ÚOHS] dwar l-esklużjoni ta’ offerent?”

    III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    29.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Mejju 2022.

    30.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-ÚOHS, mill-Gvern Ċek u minn dak Ċiprijott kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Kollha kemm huma, kif ukoll CROSS, dehru fis-seduta li nżammet fil‑25 ta’ Mejju 2023.

    IV. Evalwazzjoni

    A.   Osservazzjonijiet preliminari

    1. Natura mhux ġudizzjarja tal-ÚOHS

    31.

    Skont id-digriet tar-rinviju, anki jekk id-dispożizzjonijiet legali Ċeki jikkunsidraw li l-ÚOHS hija “korp ta’ reviżjoni” fis-sens tad-Direttiva 89/665, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala qorti indipendenti u imparzjali, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-punt 73 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia ( 6 ).

    32.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mal-kuntest ġuridiku nazzjonali kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, li hija l-interpretu awtorizzat tad-dritt nazzjonali tagħha ( 7 ). Għaldaqstant, għandu jiġi aċċettat dak li ssostni l-qorti tar-rinviju dwar in-natura ġuridika tal-ÚOHS.

    33.

    Fir-realtà, l-ÚOHS, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma sostnietx in-natura ġudizzjarja ( 8 ) tagħha, iżda, sempliċement, il-kwalità tagħha ta’ “korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665.

    2. Suġġett tal‑kontestazzjoni ta’ CROSS

    34.

    Minkejja d-dubji espressi mill-Kummissjoni ( 9 ), il-kontestazzjoni ta’ CROSS kienet ukoll diretta kontra l-għoti tal-kuntratt lil Siemens Mobility. Dan jirriżulta mid-digriet tar-rinviju ( 10 ).

    35.

    Din iċ-ċirkustanza hija koerenti mal-kontenut tad-domanda preliminari, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665, jiġifieri r-regola li tirregola l-effetti sospensivi tar-“reviżjonijiet relatati ma’ deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt.”

    B.   Interpretazzjoni tal‑Artikolu 2(3) tad‑Direttiva 89/665

    36.

    Fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti (meta jkun hemm, evidentement, kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni kkonċernati jkollhom mekkaniżmi ta’ reviżjoni xierqa sabiex jiddeċiedu, malajr u b’mod effikaċi, jekk dawn id-deċiżjonijiet kisrux id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt. Dan huwa, fl-aħħar mill-aħħar, l-għan tad-Direttiva 89/665.

    37.

    L-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-Istati Membri jeżiġu li l-persuna li tixtieq tippreżenta appell mid-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti tagħmel dan, fl-ewwel lok, quddiem din l-istess awtorità kontraenti.

    38.

    L-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri testendi għalhekk għat-tressiq – fakultattiv – ta’ appell (ilment) ( 11 ) inizjali quddiem l-awtorità kontraenti. It-tressiq tiegħu jwassal għas-sospensjoni tal-possibbiltà li jiġi konkluż il-kuntratt, kif kien il-każ fil-kawża ineżami.

    39.

    Minbarra dan l-ilment quddiem l-awtorità kontraenti, id-Direttiva 89/665 tipprevedi reviżjonijiet effettivi li huma ssostanzjati quddiem il-“korpi responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni.” Għal dawn il-korpi jirreferi l-Artikolu 2 tagħha, billi jippermetti li huma jista’ jkollhom “natura ġudizzjarja” jew ma jkollhomx tali natura, kif jikkonferma l-paragrafu 9 tagħha (li jipprevedi s-sistema applikabbli meta huma ma jkollhomx tali natura) ( 12 ).

    40.

    B’mod partikolari, l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665 jipprevedi “korp tal-prima istanza indipendenti mill-awtorità kontraenti” jwettaq reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, dan ir-rekwiżit la jeżiġi u lanqas jipprojbixxi li l-korp tal-prima istanza jkollu natura ġudizzjarja.

    1. Kunċett ta’ “korp tal-prima istanza indipendenti mill-awtorità kontraenti”

    41.

    Il-kunċett użat fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665 huwa wiesa’ ( 13 ). Huwa jista’ tinkludi:

    Korpi mhux ġudizzjarji li lilhom jiġi fdat l-istħarriġ amministrattiv (reviżjoni) tad-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti ( 14 ).

    Il-qrati li lilhom ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru jattribwixxu l-kompetenza, fil-prima istanza, sabiex jiddeċiedu, b’mod dirett, fuq rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti li ma kinux is-suġġett ta’ kontestazzjoni quddiem korpi amministrattivi. Skont id-definizzjoni, dawn il-qrati huma indipendenti mill-awtorità kontraenti.

    42.

    L-enfasi fuq l-espressjoni tal-Artikolu 2(3) tikkonċerna s-sintamma “korp tal-prima istanza” (u, eventwalment l-indipendenza tagħha mill-awtorità kontraenti), iżda mhux, nirrepeti, in-natura ġudizzjarja jew le ta’ tali korp.

    43.

    Qorti tista’ għalhekk, jekk ir-regola nazzjonali tipprevedi dan (li ma jidhirx li huwa l-każ fir-Repubblika Ċeka), taġixxi bħala korp tal-prima istanza skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665.

    2. Effett sospensiv tar‑reviżjonijiet quddiem il‑korpi tal‑prima istanza

    44.

    Id-dritt tal-Istat Membru għandu jiggarantixxi, skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665, li l-awtorità kontraenti ma tikkonkludix il-kuntratt sakemm il-korp tal-prima istanza jiddeċiedi dwar it-talba għal miżuri provviżorji jew dwar ir-rikors fuq il-mertu. Din is-sospensjoni ma għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tat-terminu previst minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 89/665 ( 15 ).

    45.

    Skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665, it-terminu ta’ sospensjoni awtomatika japplika biss sakemm il-korp tal-prima istanza (f’dan il-każ, l-ÚOHS) ma jiddeċidix dwar it-talba għal miżuri kawtelatorji jew dwar il-mertu tar-rikors.

    46.

    Minbarra l-każ tal-Artikolu 2(3) (u tal-Artikolu 1(5)), id-Direttiva 89/665 ma teħtieġx li l-proċeduri l-oħra ta’ appell ikollhom neċessarjament effett sospensiv awtomatiku. Dan huwa dak li jipprovdi l-Artikolu 2(4) tagħha.

    47.

    L-effett sospensiv awtomatiku japplika għalhekk għal dawk li l-Artikolu 2(3) jikklassifika bħala reviżjonijiet quddiem korp tal-prima istanza. Hija din il-karatteristika (u l-indipendenza mill-awtorità kontraenti) li hija determinanti sabiex il-projbizzjoni kawtelatorja li jiġi konkluż il-kuntratt tkun tapplika.

    48.

    Id-Direttiva 89/665, ninsisti, ma testendix neċessarjament l-effett sospensiv awtomatiku għar-rikorsi ġudizzjarji ulterjuri ppreżentati kontra d-deċiżjoni tal-korp tal-prima istanza, jekk dan ikun amministrattiv. Fir-rigward ta’ dawn ir-rimedji ġudizzjarji, hija d-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 89/665 li tapplika.

    49.

    Iktar ’il quddiem ser neżamina jekk l-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġix li dawn ir-rimedji ġudizzjarji (posterjuri għad-deċiżjoni tal-“korp tal-prima istanza”) jingħataw l-istess effett sospensiv bħal dak irregolat mill-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665.

    3. Korpi differenti ta’ reviżjoni, skont id‑dritt Ċek, u l‑effett sospensiv tar‑reviżjonijiet ippreżentati quddiemhom

    50.

    Mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-Repubblika Ċeka, il-persuni kkonċernati għandhom ir-rimedji li ġejjin (“reviżjonijiet” fis-sens wiesa’) kontra d-deċiżjonijiet tal-għoti tal-kuntratt:

    L-ewwel ilment quddiem l-awtorità kontraenti stess. Fil-kawża ineżami, CROSS ressqitu quddiem l-Istatutární město Brno (il-Belt ta’ Brno) li kienet qiegħda taġixxi bħala l-awtorità kontraenti. L-ilment tagħha jaqa’ għalhekk taħt l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 89/665 u, skont dan tal-artikolu, l-awtorità kontraenti naqset milli tikkonkludi l-kuntratt meta kien għadu pendenti.

    Reviżjoni ulterjuri kontra d-deċiżjoni tal-għoti, ippreżentat quddiem l-ÚOHS, li taġixxi bħala “korp tal-prima istanza indipendenti mill-awtorità kontraenti”. Din ir-reviżjoni, li ma hijiex ta’ natura ġudizzjarja, taqa’ taħt l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665. Għalhekk, l-ÚOHS ipprojbixxiet kawtelatorjament lill-awtorità kontraenti milli tikkonkludi l-kuntratt.

    Rikors finali, li huwa ta’ natura ġudizzjarja, quddiem il-qrati amministrattivi, bħal dik li ġie ippreżentat fil-kawża ineżami. L-effetti sospensivi msemmija fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665 ma japplikawx neċessarjament u awtomatikament jekk il-“proċedura amministrattiva” tkun intużat quddiem l-ÚOHS.

    51.

    Għandu jiġi enfasizzat li, bħala prinċipju, ma hemm ebda ostakolu, li jirriżulta mid-Direttiva 89/665, sabiex il-kuntratt jiġi konkluż qabel jew matul l-iżvolġiment tar-rikors ġudizzjarju, meta dan l-aħħar rikors ikun ippreċedut minn reviżjoni ttrattata u deċiża quddiem l-ÚOHS.

    C.   Rimedji ġudizzjarji effettivi. L‑Artikolu 2(9) tad‑Direttiva 89/665 u l‑Artikolu 47 tal‑Karta

    52.

    Fir-rigward tad-Direttiva 89/665, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[i]d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa rilevanti, b’mod partikolari, meta l-Istati Membri jistabbilixxu, konformement ma’ dan l-obbligu, il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti leżi minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti” ( 16 ).

    53.

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 jobbliga lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri leġiżlattivi indispensabbli sabiex id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu rriveduti b’mod effettiv, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ dik id-direttiva.

    54.

    Ir-rekwiżit ta’ effettività huwa estiż, loġikament, għar-rikorsi quddiem il-qrati, li għalihom japplika l-Artikolu 47 tal-Karta. Minn dan ir-rekwiżit jirriżultaw konsegwenzi li jikkonċernaw il-fażi kawtelatorja ta’ dawk ir-rikorsi.

    55.

    L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665 jagħti, kif diġà enfasizzajt, effett sospensiv lir-reviżjonijiet quddiem il-korpi tal-prima istanza. Madankollu, is-sospensjoni ma testendix awtomatikament għar-rikorsi ġudizzjarji sussegwenti kontra d-deċiżjoni tal-korp (amministrattiv) tal-prima istanza. Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 89/665 tapplika għalihom.

    56.

    Issa, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni kawtelatorja meħtieġa fil-proċeduri li jimplimentaw id-drittijiet li jirriżultaw mir-regoli tal-Unjoni:

    Bħala regola ġenerali, “l-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża rregolata taħt id-dritt tal-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tawtorizza miżuri provviżorji intiżi li jiggarantixxu l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet invokati abbażi tad-dritt tal-Unjoni” ( 17 ).

    “[I]l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt komunitarju għandu jkun interpretat fis-sens li jirrikjedi, fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, li jkunu jistgħu jiġu awtorizzati miżuri provviżorji sakemm il-qorti kompetenti tiddeċiedi dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju, fejn l-għoti ta’ dawn il-miżuri jkun neċessarju sabiex jiggarantixxi l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata dwar l-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet” ( 18 ).

    57.

    B’mod konsistenti mal-għan li “li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv […],, bi qbil ma’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 47 tal-Karta” ( 19 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tassoċja dawn il-garanziji mal-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti leżi minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti ( 20 ). Huwa għalhekk li hija ddeċidiet li l-persuni kkonċernati kellhom jingħataw il-“possibbiltà li jressqu azzjoni, fosthom b’mod partikolari talba għal miżuri provviżorju” qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ( 21 ).

    58.

    Jekk, bħal fil-kawża ineżami, il-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni ma humiex ta’ natura ġudizzjarja (jiġifieri ma jifformawx parti mis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stricto sensu), il-ġurisprudenza li għadni kif iċċitajt teħtieġ li qorti tkun tista’ tiġi adita sabiex tiddeċiedi dwar id-deċiżjonijiet tagħhom.

    59.

    Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 89/665 fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi: meta l-Istati Membri jagħżlu konfigurazzjoni amministrattiva tal-korpi tar-reviżjoni, id-deċiżjonijiet ta’ dawn il-korpi għandhom ikunu jistgħu “jkunu suġġett ta’ reviżjoni ġudizzjarja […]”.

    60.

    F’tali każijiet, l-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 89/665 jeżiġi li l-azzjoni ġudizzjarja tkun miftuħa, bħala mezz sabiex tiġi kkontestata “kwalunkwe miżura kontra l-liġi allegatament meħuda mill-korp ta’ reviżjoni, jew kwalunkwe difett allegat fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu”.

    61.

    Għaldaqstant, dan l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jinkludi l-possibbiltà għall-qorti li tieħu miżuri kawtelatorji (jew li teżamina mill-ġdid dawk diġà mogħtija mill-istanzi preċedenti) sabiex ma trendix irriversibbli l-ksur imwettaq mill-korp ta’ reviżjoni, minħabba li ma jkunx ikkoreġa l-aġir illegali tal-awtorità kontraenti ( 22 ). Huwa biss b’dan il-mod li l-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta hija effettiva.

    62.

    Huwa f’dan il-kuntest li għandha tinftiehem l-eventwalità (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 89/665) li r-reazzjoni ġudizzjarja hija limitata għad-danni, li għalihom ser nirreferi iktar ’il quddiem.

    63.

    Qari iżolat tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 89/665 jista’ jinkoraġġixxi li jiġi difiż (kif ġie sostnut minn wieħed mill-intervenjenti fis-seduta) li l-Istati Membri huma awtorizzati jipprevedu, b’mod inkundizzjonat, li l-unika reazzjoni kontra l-illegalità hija limitata għal dan il-kumpens.

    64.

    Madankollu, naħseb li din it-teżi ma hijiex korretta u li hija biss ħarsa ġenerali tal-paragrafi 7 u 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665 li tosserva d-dritt għal rimedju effettiv. Kull ksur jew miżura allegatament illegali meħuda minn korp ta’ reviżjoni tal-prima istanza mhux ġudizzjarja għandha tkun suġġetta għall-istħarriġ ta’ qorti stricto sensu li jkollha l-possibbiltà li tiddeċiedi b’mod kawtelatorju, qabel ma tiddeċiedi jekk l-annullament tal-kuntratt jistħoqqlux biss kumpens.

    65.

    Naturalment, l-eżistenza ta’ din il-possibbiltà ma jfissirx li l-miżura kawtelatorja għandha tiġi addottata dejjem: hija l-qorti li, qabel ma twettaq evalwazzjoni tal-interessi kunfliġġenti, għandha teżamina jekk jeżistix periculum in mora u jekk il-pożizzjoni ġuridika tal-persuna li titlob il-miżura tkunx, tal-inqas tidher, fondata. Il-fatt inkwistjoni, nirrepeti, huwa li l-qorti jkollha l-kapaċità sħiħa li tiddeċiedi dwar il-miżura kawtelatorja.

    66.

    Fil-fehma tiegħi, ma hemmx raġuni sabiex jiġu esklużi minn din il-protezzjoni kawtelatorja l-każijiet li fihom il-kuntratt ġie konkluż qabel il-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja. Ċertament, f’tali każ, il-qorti ma tistax tissospendi l-konklużjoni ta’ xi ħaġa li diġà seħħet, iżda żżomm għad-dispożizzjoni tagħha tip ieħor ta’ miżuri li tirrikorri għalihom, pereżempju, għas-sospensjoni provviżorja tal-effetti tal-kuntratt diġà ffirmat.

    67.

    Waqt is-seduta, il-Gvern Ċek u l-ÚOHS sostnew li l-ammissjoni ta’ din il-possibbiltà tista’ timplika li l-interess pubbliku, inerenti għal kuntratt pubbliku rapidu u effikaċi, jiddgħajjef, peress li l-proċeduri ġudizzjarji huma ġeneralment bil-mod u d-dewmien ikun insostenibbli.

    68.

    Ma naħsibx li din l-oġġezzjoni ma tistax tingħeleb:

    Minn naħa, l-impatt tad-dewmien tal-intervent ġudizzjarju ma jestendix għall-proċedura ġudizzjarja kollha, iżda għat-terminu qasir li fih il-qorti għandha tadotta jew tiċħad il-miżura kawtelatorja ( 23 ). In-natura normalment eżekuttiva tad-deċiżjonijiet twassal sabiex l-estensjoni tkun limitata għaż-żmien neċessarju sabiex il-qorti tiddeċiedi b’mod kawtelatorju ( 24 ).

    Min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet prattiċi pprovduti kienu bbażati fuq il-paragun bejn il-mezzi personali għad-dispożizzjoni tal-ÚOHS u dawk tal-qrati amministrattivi Ċeki. Jekk dan huwa l-każ, huwa l-Istat ikkonċernat li għandu jieħu l-miżuri proċedurali xierqa sabiex jiġi evitat id-dewmien u l-kuntratti pubbliċi jkunu flessibbli. Tali ċirkustanza ma tistax tiġi invokata sabiex tiffavorixxi interpretazzjoni tad-direttiva li ddgħajjef il-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta.

    69.

    Is-soluzzjoni li nipproponi hija possibbli fis-sistema ġuridika Ċeka peress li, kif ġie rrikonoxxut waqt is-seduta, l-Artikolu 38 tal-Liġi Nru 150/2002 jippermetti li tittieħed “miżura kawtelatorja billi tobbliga lill-partijiet jaġixxu, jastjenu milli jaġixxu jew jittolleraw azzjoni”. Id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix, bħala tali, is-sospensjoni tal-effetti tal-kuntratt diġà konkluż.

    70.

    Naqbel mal-Kummissjoni ( 25 ) li din il-possibbiltà għandha tintuża bi prudenza, billi jiġu miċħuda talbiet kawtelatorji abbużivi jew frivoli. Inqis li l-korp ġudizzjarju għandu jeżiġi b’rigorożità, minbarra l-konstatazzjoni tal-periculum in mora, bażi legali li minnha nnifisha tiżvela ċerti probabbiltajiet ta’ suċċess tat-talba fil-mertu (fumus boni juris).

    71.

    Barra minn hekk, il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar il-miżuri kawtelatorji għandha teżamina bir-reqqa jekk raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (mhux identifikabbli mingħajr mal-interessi ekonomiċi direttament marbuta mal-kuntratt) ( 26 ) jeżiġux li l-effetti tal-kuntratt jinżammu provviżorjament ladarba jiġi konkluż.

    72.

    Il-kunsiderazzjonijiet li għadni kif esponejt ma jimplikawx l-estensjoni għar-rimedju ġudizzjarju tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni awtomatika previst fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665. Ma naħsibx li huwa neċessarju li tiġi sfurzata l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, billi jiġu estiżi l-effetti tas-sospensjoni awtomatika lil hinn minn dak li ppreveda l-leġiżlatur. Sempliċement, fil-każ fejn il-korp ta’ reviżjoni indipendenti ma jkunx ġudizzjarju, l-Artikolu 47 tal-Karta jipprevedi li l-qorti għandha żżomm il-ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tiddeċiedi dwar il-miżura kawtelatorja, konformement mar-regoli tad-dritt nazzjonali tagħha.

    73.

    F’dan ix-xenarju, huma possibbli żewġ sitwazzjonijiet:

    Li l-kuntratt bejn l-awtorità kontraenti u l-kontraent magħżul ma ġiex iffirmat. Id-deċiżjoni kawtelatorja ser tiffoka fuq is-sospensjoni provviżorja tal-possibbiltà li jiġi konkluż il-kuntratt.

    Jekk il-kuntratt ikun diġà ġie ffirmat, id-deċiżjoni kawtelatorja jista’ jkollha effett fuq in-natura effettiva tal-kuntratt, li l-qorti għandha s-setgħa li tissospendi.

    D.   Effetti tas‑sentenzi li jannullaw il‑kuntratt

    74.

    Dak li sa issa ġie rrilevat jittratta d-domanda tal-qorti tar-rinviju għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 89/665.

    75.

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju nnifisha, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, daħlet dubji li, minkejja li huma marbuta mal-miżuri kawtelatorji, ma jaqgħux fl-ambitu tagħhom u pjuttost jirrigwardaw l-effettività tas-sentenza li ttemm il-kawża. F’dan ir-rigward, hija ssostni li:

    Jekk id-deċiżjoni tal-ÚOHS tiġi annullata legalment, il-kawża tiġi mibgħuta lura lilha għal ipproċessar ulterjuri. Madankollu, meta l-konklużjoni tal-kuntratt tkun diġà seħħet preċedentement, l-ÚOHS ma teżaminax mill-ġdid ir-reviżjoni kontra l-azzjoni tal-awtorità kontraenti, iżda twaqqafha.

    Għalhekk jista’ jkun li l-offerent eskluż, minkejja li jkun rebaħ il-kawża, ma jkollux l-opportunità li jikseb l-għoti tal-kuntratt, peress li, filwaqt li r-reviżjoni amministrattiva tkun ġiet eżaminata u deċiża, il-kuntratt ikun diġà ġie konkluż.

    F’dan il-każ, ir-rikorrent li jkun kiseb id-dikjarazzjoni ġudizzjarja ta’ nullità tas-sejħa għal offerti jkun awtorizzat biss li jitlob, fi proċedura ċivili, il-kumpens għad-dannu kkawżat mill-azzjoni tal-awtorità kontraenti li ma tkunx konformi mad-dritt ( 27 ).

    76.

    Ser nindirizza dawn id-dubji għall-finijiet ta’ kompletezza, anki jekk ma ninsabx konvint li huwa strettament neċessarju li dan isir sabiex tingħata risposta utli għad-domanda li l-qorti tar-rinviju nnifisha tiġbor fil-qosor fl-aħħar tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

    77.

    Jiena ddefendejt f’okkażjoni oħra ( 28 ) li l-loġika tas-sistema ta’ reviżjonijiet kontra d-deċiżjonijiet ta’ awtorità (bħall-ÚOHS) suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju timplika li, bħala prinċipju, jekk dawn jiġu invalidati mill-qorti kompetenti, in-nullità tagħhom għandha testendi wkoll għall-effetti li jkunu pproduċew, peress li dawn jiġu mċaħħda mill-bażi legali li kienu bbażati fuqha.

    78.

    Fi kliem ieħor, is-sentenza li tannulla l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandu jkollha l-konsegwenza, bħala prinċipju, il-projbizzjoni li l-kuntratt iħalli effetti. L-annullament tal-għoti ta’ kuntratt huwa retroattiv (ex tunc) għall-mument meta dan l-għoti kien ġie deċiż. Barra minn hekk, huwa l-kriterju ġenerali inkluż fid-Direttiva 89/665, wara r-riforma tagħha tal‑2007, għall-kuntratti li jwasslu għall-iktar ksur gravi ta’ din id-direttiva ( 29 ).

    79.

    Madankollu, dan il-kriterju ġenerali jittollera eċċezzjonijiet u dan huwa previst mid-Direttiva 89/665 (b’mod partikolari għall-kuntratti pubbliċi diġà konklużi) minħabba l-inkonvenjenzi marbuta mad-dikjarazzjoni ta’ ineffettività ( 30 ). L-Istati Membri jistgħu, pereżempju, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti formali, “[i]qisu l-prinċipju ta’ l-ineffettività bħala mhux xieraq. F’dawk il-każi l-Istati Membri għandu jkollhom il-flessibbiltà li jipprovdu għal penali alternattivi” ( 31 ).

    80.

    Wara r-riforma tagħha bid-Direttiva 2007/66, id-Direttiva 89/665 tawtorizza (premessa 21 ( 32 ) u 22 ( 33 ) tad-Direttiva 2007/66 u l-Artikoli 2d u e tad-Direttiva 89/665 emendata) li, fl-eżistenza ta’ kuntratti li l-invalidità tagħhom għandha, bħala prinċipju, tiġi ddikjarata, minħabba l-oriġini illegali tagħhom, “uħud mill-effetti fiż-żmien kollha tagħhom”, jiġifieri li l-effetti tal-kuntratt jinżammu, bla ħsara għall-impożizzjoni tal-penali applikabbli u għad-danni.

    81.

    Id-Direttiva 89/665 tipprevedi, għalhekk, il-possibbiltà li s-sentenza li tilqa’ azzjoni għal annullament tirrigwarda kuntratt diġà konkluż mingħajr ma twassal għall-konsegwenzi marbuta man-nullità tagħha.

    82.

    F’dan is-sens, id-Direttiva 89/665 tipprovdi soluzzjonijiet li jvarjaw skont il-każijiet preżenti:

    Ir-regola ġenerali (Artikolu 2(7)) hija li “[ħ]lief fejn previst fl-Artikoli 2d sa 2f, l-effetti ta’ l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq kuntratt konkluż wara li jkun ingħata għandhom ikunu stabbiliti mil-liġi nazzjonali”.

    L-Artikolu 2d(2) jikkonferma li “[i]l-konsegwenzi meta kuntratt jiġi kkunsidrat ineffettiv għandhom jiġu stipulati mil-liġi nazzjonali”. Din tal-aħħar, min-naħa tagħha, “tista’ għalhekk tipprovdi għall-kanċellazzjoni retroattiva ta’ l-obbligi kuntrattwali kollha jew tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kanċellazzjoni għal dawk l-obbligi li xorta jkunu jridu jiġu mwettqa” ( 34 ).

    L-Artikolu 2d(3) jawtorizza wkoll lill-Istati Membri sabiex jipprovdu li “[i] l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti ma jistax jikkunsidra kuntratt ineffettiv, minkejja li jkun ingħata kontra l-liġi għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jekk […] jsib, wara li jkun eżamina l-aspetti rilevanti kollha, li raġunijiet superjuri relatati ma’ interess ġenerali jirrikjedu li l-effetti tal-kuntratt għandhom jinżammu”.

    L-Artikolu 2e(1) jipprovdi li, f’ċerti ċirkustanzi ( 35 ), “l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-ineffettività skond l-Artikoli 2d(1) sa (3) jew għal penali alternattivi”.

    Fiha hemm indikat li “l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-ineffettività skond l-Artikoli 2d(1) sa (3) jew għal penali alternattivi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti għandu jiddeċiedi, wara li jkun evalwa l-aspetti rilevanti kollha, jekk il-kuntratt għandux jitqies bħala ineffettiv jew jekk għandhomx ikunu imposti penali alternattivi”.

    83.

    Minn dan is-sett ta’ dispożizzjonijiet jista’ jiġi dedott li, skont id-Direttiva 89/665, f’ċerti ċirkustanzi r-regolamenti nazzjonali jistgħu jipprovdu li s-sentenza li tannulla l-għoti ta’ kuntratt pubbliku: a) jew ikollha effetti retroattivi, li jolqtu ex tunc l-obbligi kuntrattwali kollha; b) jew ma tkunx twassal, b’mod inevitabbli, għaċ-ċaħda tal-effetti ta’ dak il-kuntratt.

    84.

    Dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665 huma intiżi sabiex isibu bilanċ bejn il-konsegwenzi normali ta’ sentenza ta’ annullament u s-salvagwardja ta’ interessi pubbliċi oħra inerenti fil-provvista tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt. F’dan il-qasam, bħal f’oħrajn, id-dritt nazzjonali jista’ jawtorizza li s-sentenza li tikkonstata n-nullità tiġi mċaħħda mill-effikaċja “naturali” tagħha, issostitwita b’obbligu ta’ kumpens jew b’miżuri alternattivi oħra.

    85.

    Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 89/665 (u r-regoli nazzjonali li jittrasponuhom) ma jiksrux l-Artikolu 47 tal-Karta ( 36 ), sa fejn il-protezzjoni ġudizzjarja li għaliha għandu dritt kull offerent tippermettilu, fil-każ ta’ annullament a posteriori tal-għoti tal-kuntratt li kien sfavorevoli għalih, li jikseb kumpens għad-dannu li jkun ġie kkawżat lilu.

    86.

    Id-dritt protett mill-Artikolu 47 tal-Karta ma jimponix soluzzjoni inekwivoka għall-problemi li jqumu fir-rigward tal-effettività tas-sentenzi ta’ annullament ta’ azzjonijiet (jew ta’ kuntratti) amministrattivi. Minn dan l-Artikolu 47, wieħed jista’ ċertament jiddeduċi r-regola ġenerali li semmejt, iżda din l-istess regola ma tipprekludix il-possibbiltà li jiġu aċċettati l-eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ( 37 ).

    87.

    Madankollu, in-nuqqas ta’ effettività tal-kuntratti jinżamm meta qorti nazzjonali ta’ Stat Membru (li jkun ipprevediha fil-leġiżlazzjoni tiegħu) tagħti sentenza li tiddikjara null l-għoti ta’ kuntratt, filwaqt li torbot konsegwenzi ex tunc għall-għoti tiegħu.

    88.

    Fil-kawża ineżami, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jista’ jkollhom effett partikolari meta, wara l-konklużjoni tal-kuntratt, ma tittieħed l-ebda miżura kawtelatorja mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-deċiżjonijiet tal-ÚOHS. F’dan il-kuntest, jekk is-sentenza li ttemm ir-rikors amministrattiv tannulla d-deċiżjoni tal-ÚOHS (kif ukoll il-kuntratt li hija aċċettat) u r-regoli nazzjonali jeżiġu li l-kawża tintbagħat lura quddiem din l-awtorità għal azzjoni ulterjuri, l-ÚOHS għandha tevalwa, skont l-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665, liema konsegwenzi jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tal-ineffettività tal-kuntratt.

    V. Konklużjoni

    89.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta lill-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka) kif ġej:

    “L-Artikoli 2(3) u (9) u 2a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li

    dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, wara li l-proċedura quddiem korp ta’ reviżjoni indipendenti (mhux ġudizzjarju) tiġi eżawrita, l-awtorità kontraenti tista’ tikkonkludi kuntratt pubbliku qabel il-preżentata ta’ rikors amministrattiv quddiem il-qorti kompetenti sabiex teżamina l-legalità tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni ta’ offerent jew l-għoti tal-imsemmi kuntratt, sakemm, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors amministrattiv, il-qorti adita tkun awtorizzata tieħu miżuri kawtelatorji li jikkonsistu, jekk ikun il-każ, fis-sospensjoni tal-effetti tal-kuntratt diġà ffirmat.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44).

    ( 3 ) It-test huwa riprodott kif jirriżulta mid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU 2007, L 335, p. 31, rettifika fil-ĠU 2022, L 225, p. 5), kif ukoll mid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1).

    ( 4 ) L-avviż ġie ppubblikat fil-Věstník veřejných zakázek (il-Gazzetta tas-sejħiet għal offerti pubbliċi) taħt in-Nru Z2019 034002 u fil-ĠU tal-Unjoni Ewropea taħt in-Nru 2019/S 190 461538. Il-valur stmat tas-sejħa għal offerti pubblika kien jammonta għal 13805000 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 566000) mingħajr ebda taxxa fuq il-valur miżjud.

    ( 5 ) B’natura definittiva “permezz ta’ proċedura amministrattiva”, qiegħed nirreferi għall-eżawriment ta’ dan il-mezz, jiġifieri li ma jistax jitressaq ilment ulterjuri quddiem l-amministrazzjoni.

    ( 6 ) Kawża C‑497/20, EU:C:2021:1037. Iktar ’il quddiem is-“sentenza Randstad Italia”.

    ( 7 ) Fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Farkas (C‑564/15, EU:C:2017:302), punt 37).

    ( 8 ) Fil-punt 22 ta’ dawn l-osservazzjonijiet, jitqies bħala mhux ikkontestat “il-fatt li [l-ÚOHS], li tagħmel parti mill-poter eżekuttiv, ma hijiex qorti”. Fil-punt 35, jiġi mtenni li “din ma hijiex qorti iżda awtorità ċentrali, li hija awtorizzata mid-Direttiva 89/665”.

    ( 9 ) Punt 12 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

    ( 10 ) Punt 2 tad-digriet tar-rinviju: “Cross ressqet talba għal stħarriġ […] quddiem [l-ÚOHS] tal-atti tal-awtorità kontraenti, fejn talbet l-annullament tal-komunikazzjoni dwar l-esklużjoni tagħha u l-għażla tal-kumpannija Siemens Mobility bħala kuntrattur”. Korsiv miżjud.

    ( 11 ) Naħseb li huwa preferibbli li tintuża l-kelma “ilment” f’dan il-kuntest. Fir-realtà, din hija talba lill-awtur tad-deċiżjoni, fejn qiegħed jiġi mistieden jikkunsidraha mill-ġdid.

    ( 12 ) Id-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ reviżjoni li ma jkunux qrati għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ “reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni quddiem qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu [267 TFUE]”.

    ( 13 ) Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti jikkoinċidu f’din il-firxa: “Stelle in erster Instanz”, bil-Ġermaniż; “body of first instance”, bl-Ingliż; “instances de premier ressort” bil-Franċiż; “organo di prima istanza”, bit-Taljan.

    ( 14 ) Ovvjament, dawn għandhom ikunu korpi li ma jagħmlux parti mill-awtorità kontraenti. Dawn jistgħu jkunu awtoritajiet indipendenti, bħal dawk tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni.

    ( 15 ) Is-sistema tal-perijodu sospensiv hija rregolata fid-dettall fl-Artikolu 2a.

    ( 16 ) Sentenza Randstad Italia (punt 49), li tiċċita s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras (C‑927/19, EU:C:2021:700), punt 128. Korsiv miżjud.

    ( 17 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367), punt 297, li tiċċita s-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C‑213/89, EU:C:1990:257), punt 21, u tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8), punt 107.

    ( 18 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163), punt 77 u d-dispożittiv, punt 2.

    ( 19 ) Premessa 36 tad-Direttiva 2007/66.

    ( 20 ) Sentenza Ranstad Italia (punt 49), li tiċċita s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras (C‑927/19, EU:C:2021:700), punt 128.

    ( 21 ) Digriet tat‑23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits (C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275), punt 29, b’ċitazzjoni tas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Fastweb (C‑19/13, EU:C:2014:2194), punt 60, korsiv miżjud.

    ( 22 ) Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2007/66 huwa, preċiżament, l-evitar li l-“entitajiet kontraenti li jixtiequ jagħmlu irriversibbli l-konsegwenzi tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tad-disputa biex jipproċedu malajr għall-iffirmar tal-kuntratt” (premessa 4).

    ( 23 ) Fir-Repubblika Ċeka, ir-rikors kontenzjuż amministrattiv jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn min-notifika lir-rikorrent tad-deċiżjoni amministrattiva mogħtija fit-tieni istanza (Artikolu 72(1) tal-Liġi Nru 150/2002). Dan jista’ jinkludi talba għall-adozzjoni ta’ miżura kawtelatorja, li tipprojbixxi lill-awtorità kontraenti milli tikkonkludi l-kuntratt matul il-proċedimenti quddiem il-qorti. Ma huwiex ammissibbli li tintalab l-adozzjoni ta’ miżura kawtelatorja qabel il-preżentata tar-rikors amministrattiv (Artikolu 38 tal-Liġi Nru 150/2002).

    ( 24 ) Skont id-digriet tar-rinviju (punt 18), il-qorti għandha tiddeċiedi dwar it-talba għal miżuri kawtelatorji f’terminu ta’ tletin jum mill-preżentazzjoni tat-talba.

    ( 25 ) Punti 17 u 18 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

    ( 26 ) Ma naħsibx li hemm inkonvenjent li jiġu trasposti, mutatis mutandis, fil-fażi kawtelatorja quddiem il-qrati ġudizzjarji d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 89/665 dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u ta’ interessi ekonomiċi inkwistjoni, bħala kriterji sabiex jiġu aġġustati d-dikjarazzjonijiet ta’ ineffettività tal-kuntratti.

    ( 27 ) F’konformità maz-zákon č. 99/1963 Sb., občanský soudní řád (il-Liġi Nru 99/1963 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Skont il-qorti tar-rinviju, dan it-tip ta’ talbiet rari kellu eżitu pożittiv.

    ( 28 ) Konklużjonijiet fil-kawża Polkomtel (C-231/15, EU:C:2016:440), punt 64.

    ( 29 ) Dan huwa l-każ tal-kuntratti li jirriżultaw minn “għoti dirett illegali ta’ kuntratti” (premessa 13 tad-Direttiva 2007/66) jew ta’ dawk li “jsiru bi ksur tal-perijodu sospensiv jew s-sospensjoni awtomatika” (premessa 18 tad-Direttiva 2007/66). F’dawn il-każijiet, “[l]-objettiv li għandu jinkiseb fejn l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli li jiżguraw li kuntratt għandu jkun meqjus bħala ineffettiv hu li d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet taħt il-kuntratt għandhom jieqfu milli jiġu nfurzati u mwettqa” (premessa 21 tad-Direttiva 2007/66).

    ( 30 ) Sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015,MedEval (C‑166/14, EU:C:2015:779), punt 40: “li kuntratt isir mingħajr effett, […] jikkostitwixxi intervent sostanzjali tal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn individwi u l-organi statali. Għaldaqstant, tali deċiżjoni tista’ toħloq disturb kunsiderevoli u telf ekonomiku mhux biss għall-offerent rebbieħ tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, iżda wkoll għall-awtorità kontraenti u, konsegwentement, għall-pubbliku, li huwa l-benefiċjarju finali tal-provvista tax-xogħol u tas-servizzi li hija s-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Kif jirriżulta mill-premessi 25 sa 27 tad-Direttiva 2007/66, il-leġiżlatur tal-Unjoni alloka importanza ikbar lir-rekwiżit taċ-ċertezza legali fir-rigward ta’ azzjonijiet li huma intiżi sabiex kuntratt isir mingħajr effett milli fir-rigward ta’ azzjonijiet għad-danni”.

    ( 31 ) Premessa 19 tad-Direttiva 2007/66.

    ( 32 )

    ( 33 ) “[l]-Istati Membri jistgħu jagħtu l-possibbiltà lill-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni li ma jipperikolax il-kuntratt, jew li jirrikonoxxi l-effetti temporali kollha tiegħu jew uħud minnhom, meta ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-każ ikkonċernat […]”. Korsiv miżjud.

    ( 34 ) F’dan l-aħħar każ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali oħra skont it-tifsira tal-Artikolu 2e(2).

    ( 35 ) Fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 1(5), tal-Artikolu 2(3) jew tal-Artikolu 2a(2), li ma huwiex kopert mill-Artikolu 2d(1)(b).

    ( 36 ) Fis-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Fastweb (C‑19/13, EU:C:2014:2194), punt 64, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 2d(4) tad-Direttiva 89/665, sa fejn dan jipprevedi ż-żamma tal-effetti ta’ kuntratt, ma huwiex kuntrarju għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta”.

    ( 37 ) Nirreferi għall-punti 61 sa 70 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Polkomtel (C‑231/15, EU:C:2016:440).

    Top