Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0294

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati l-4 ta’ Mejju 2023.


    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:388

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    EMILIOU

    ippreżentati fl‑4 ta’ Mejju 2023 ( 1 )

    Kawża C‑294/22

    Office français de protection des réfugiés et apatrides (OFPRA)

    vs

    SW

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni mingħajr Stat li jkunu qegħdin japplikaw għal status ta’ refuġjat – Persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li bbenefikaw mill-għajnuna tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) – Artikolu 12(1)(a) – Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat – Waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza tal-UNRWA – Kundizzjonijiet sabiex wieħed ikun intitolat ipso facto għall-benefiċċji tad-Direttiva 2011/95/KE – Kunċett ta’ ‘meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni’”

    I. Introduzzjoni

    1.

    SW, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, imwieled fil-Libanu, taħt il-protezzjoni tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA). Huwa telaq mil-Libanu minħabba l-istat ta’ saħħa kritika tiegħu u qiegħed ifittex l-ażil fi Franza, billi sostna li l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA fil-konfront tiegħu “waqfu”, peress li huwa impossibbli għalih li jikseb, fil-Libanu, il-kura medika u t-trattament li huwa għandu bżonn sabiex jibqa’ jgħix ( 2 ).

    2.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta, għal darba oħra ( 3 ), l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE ( 4 ). B’mod partikolari, hija għandha l-okkażjoni tiddetermina jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema ċirkustanzi, il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA fil-konfront ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana jistgħux jitqiesu li “waqfu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u din il-persuna tkunx intitolata tinvoka ipso facto l-benefiċċji ta’ din id-direttiva, bħala refuġjata, f’sitwazzjoni fejn hija ma tistax tibbenefika mill-kura medika li hija għandha bżonn fiż-żona ta’ intervent tal-UNRWA.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A. Id‑dritt internazzjonali

    1.   Il‑Konvenzjoni ta’ Genève

    3.

    L-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 5 ) jipprevedi:

    “Din il-konvenzjoni ma għandhiex tapplika għall-persuni li attwalment qegħdin jirċievu protezzjoni jew assistenza minn organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li ma humiex il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati.

    F’sitwazzjoni fejn din il-protezzjoni jew din l-assistenza tintemm għal kwalunkwe raġuni, mingħajr ma tiġi riżolta b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni konformement mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom ikunu intitolati jibbenefikaw ipso facto mir-regoli ta’ din il-Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    2.   Ir‑Riżoluzzjonijiet tal‑Assemblea Ġenerali tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar l‑UNRWA

    4.

    L-UNRWA ġiet stabbilita bir-Riżoluzzjoni Nru 302 (IV) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑8 ta’ Diċembru 1949. Il-mandat tagħha ġġedded regolarment u l-mandat attwali tagħha jiskadi fit‑30 ta’ Ġunju 2023. Iż-żona ta’ intervent tal-UNRWA tkopri l-Libanu, is-Sirja, il-Ġordan, ix-Xatt tal-Punent (inkluż Ġerusalem tal-Lvant) u l-Istrixxa ta’ Gaża.

    5.

    Fid-dawl tan-natura ta’ intervent tagħha, l-UNRWA għandha titqies bħala “organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li ma hijiex il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati” fis-sens tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

    6.

    Skont ir-Riżoluzzjoni Nru 74/83 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑13 ta’ Diċembru 2019, l-intervent tal-UNRWA għandu jsir b’teħid inkunsiderazzjoni tal-“benesseri, il-protezzjoni u l-iżvilupp tal-bniedem tar-refuġjati tal-Palestina” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, hija tipprevedi “għajnuna sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet essenzjali fir-rigward tas-saħħa, tal-edukazzjoni u ta’ sussistenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    B. Id‑dritt tal‑Unjoni

    7.

    Skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2011/95:

    “(15) Dawk iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li huma permessi li jibqgħu fit-territorji tal-Istati Membri għal raġunijiet li mhumiex minħabba ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali imma fuq bażi ta’ diskrezzjoni għal raġunijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji, jaqgħu ‘l barra mill-ambitu ta’ din id-Direttiva.”

    8.

    L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Esklużjoni”, jipprevedi:

    “1.   Persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat, jekk:

    (a)

    hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li tirrigwarda l-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti apparti l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. Meta din il-protezzjoni jew għajnuna jkunu waqfu għal xi raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawk il-persuni għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva;

    […]”

    C. Id‑dritt nazzjonali

    9.

    Id-Direttiva 2011/95 ġiet trasposta fid-dritt Franċiż permezz tal-Loi no2015‑925 du 29 juillet 2015 relative à la réforme du droit d’asile (il-Liġi Nru 2015‑925 tad‑29 ta’ Lulju 2015 li Tirriforma d-Dritt għall-Ażil) (JORF Nru 0174, tat‑30 ta’ Lulju 2015) u d-Décret no2015‑1166 du 21 septembre 2015 pris pour l’application de la loi no2015‑925 du 29 juillet 2015 relative à la réforme du droit d’asile (id-Digriet Nru 2015‑1166 tal‑21 ta’ Settembru 2015 li jimplimenta l-Liġi Nru 2015‑925 tad‑29 ta’ Lulju 2015 dwar ir-Riforma tad-Dritt għall-Ażil (JORF Nru 0219, tat‑22 ta’ Settembru 2015).

    10.

    Il-Liġi Nru 2015‑925 tad‑29 ta’ Lulju 2015 dwar ir-Riforma tad-Dritt għall-Ażil daħħlet l-Artikolu L711‑3 fil-Code de l’entrée et du séjour des étrangers et du droit d’asile (il-Kodiċi dwar id-Dħul u r-Residenza tal-Barranin u d-Dritt għall-Ażil). Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima, jipprevedi:

    “L-istatus ta’ refuġjat ma għandux jingħata lil persuna li għaliha tapplika waħda mill-klawżoli ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 1(D), (E) jew (F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève tat‑28 ta’ Lulju 1951 […]”

    III. Il‑fatti, il‑kawża nazzjonali u d‑domandi preliminari

    11.

    SW huwa persuna mingħajr stat ta’ oriġini Palestinjana. Huwa twieled fl‑1976 fil-Libanu u, sa Frar 2019, għex f’dan il-pajjiż, li jagħmel parti miż-żona ta’ intervent tal-UNRWA. Huwa rreġistrat mal-UNRWA u għalhekk jista’ jibbenefika mill-protezzjoni jew mill-għajnuna ta’ din l-aġenzija. Huwa telaq mil-Libanu fi Frar 2019 u wasal fi Franza fix-xahar ta’ Awwissu 2019, fejn applika għall-ażil.

    12.

    L-applikazzjoni għall-ażil ta’ SW ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2019 tal-Office Français de Protection des Réfugiés et des Apatrides (l-Uffiċċju Franċiż għall-Protezzjoni tar-Refuġjati u tal-Persuni mingħajr Stat, Franza; iktar ’il quddiem l-“OFPRA”) li rrifjutatlu kemm l-istatus ta’ refuġjat kif ukoll il-protezzjoni sussidjarja.

    13.

    SW appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour nationale du droit d’asile (il-Qorti Nazzjonali tad-Dritt tal-Ażil, Franza; iktar ’il quddiem iċ-“CNDA”). Iċ-CNDA stabbilixxiet il-fatti li ġejjin bħala rilevanti.

    Matul ħajtu kollha, SW sofra minn forma serja ta’ talassemija, disturb ġenetiku li jaffettwa l-produzzjoni tal-emoglobina li jeħtieġ, inter alia, trasfużjoni regolari tad-demm.

    Huwa u jikber, SW kellu jirrikorri dejjem iktar għat-trasfużjoni tad-demm minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu. Huwa ġie rriferut mill-UNRWA għal sptar Palestinjan tas-Salib l-Aħmar, fejn huwa jsostni li ma kienx, madankollu, f’pożizzjoni li jibbenefika minn kura tas-saħħa xierqa. Għalhekk, SW iddeċieda li, minflok, jistrieħ fuq it-trasfużjoni tad-demm ta’ missieru.

    Fl‑2014, miet missier SW, li sa dak iż-żmien kien ipprovda lil SW bid-demm għat-trasfużjonijiet li kellu bżonn sabiex jibqa’ jgħix. SW imbagħad beda jistrieħ fuq trasfużjonijiet tad-demm ta’ donaturi kompatibbli, li talab huwa stess.

    Barra minn hekk, tabib qallu li kellu jieħu droga partikolari sabiex jevita kumplikazzjonijiet tal-marda tiegħu għal fwiedu u għal qalbu, li la l-UNRWA, minħabba n-nuqqas ta’ fondi suffiċjenti, u lanqas xi organizzazzjoni Palestinjana ta’ għajnuna, minħabba n-nuqqas ta’ affiljazzjoni ta’ SW ma’ kwalunkwe partit politiku Palestinjan, ma qablu li jipprovdulu.

    SW ma kellux biżżejjed flus sabiex jirċievi l-għajnuna medika minn kwalunkwe sors ieħor u ma kienx f’pożizzjoni li jkollu aċċess għal din id-droga.

    14.

    Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2020, iċ-CNDA tat lil SW l-istatus ta’ refuġjat għar-raġuni li kien impossibbli għall-UNRWA li tipprovdilu aċċess suffiċjenti għall-kura medika speċjalizzata meħtieġa mill-istat ta’ saħħa tiegħu. Barra minn hekk, l-UNRWA naqset milli tiżguralu kundizzjonijiet tal-ħajja konformi mal-missjoni tagħha u qiegħdet is-sigurtà personali tiegħu f’riskju serju. Għalhekk SW kellu jitqies li ġie mġiegħel jitlaq mil-Libanu.

    15.

    L-OFPRA appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) billi sostna, l-ewwel, li ċ-CNDA kienet naqset milli teżamina jekk SW kienx telaq mil-Libanu minħabba l-fatt li huwa ġie mġiegħel jitlaq miż-żona ta’ intervent tal-UNRWA fid-dawl ta’ theddid għas-sigurtà tiegħu; it-tieni, li din il-qorti wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-impossibbiltà għall-UNRWA li tħallas jew li tipprovdi b’mod ieħor il-kura tas-saħħa ta’ SW kienet raġuni sabiex jitqies li l-protezzjoni jew l-assistenza effettivi ta’ din l-aġenzija kienet waqfet u, it-tielet, li hija kienet ukoll wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-ħlas għal kura medika speċjalizzata ( 6 ) kien parti mill-missjoni tal-UNRWA. Barra minn hekk, l-OFPRA allega li ma kienx stabbilit li SW ma setax jirċievi kura medika xierqa fil-Libanu.

    16.

    Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) fakkar li, skont l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, persuna hija eskluża mill-istatus ta’ refuġjat jekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li huwa l-każ fejn il-persuna inkwistjoni tkun persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li għamlet użu mill-protezzjoni jew mill-assistenza tal-UNRWA, ħlief jekk din il-protezzjoni jew din l-assistenza jitqiesu li “waqfu”. Filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenza f’Abed El Karem El Kott et, dik il-qorti rrilevat li dan huwa l-każ jekk il-persuna tkun imġiegħla titlaq miż-żona ta’ intervent ta’ din l-aġenzija, minħabba li s-sigurtà personali tagħha tinsab f’riskju serju u jkun impossibbli għall-UNRWA li tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħha ser ikunu konformi mal-missjoni fdata lilha.

    17.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Irrispettivament mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jawtorizzaw ir-residenza ta’ barrani minħabba l-istat tas-saħħa tiegħu u, fejn meħtieġ, jipproteġuh minn miżura ta’ tneħħija, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE għandhom jiġu interpretati fis-sens li [bniedem mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana] marid li, wara li effettivament irrikorra għall-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA, jitlaq mill-Istat jew mit-territorju li jinsab fiż-żona ta’ intervent ta’ dan il-korp li fih huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu għar-raġuni li hemmhekk huwa ma jistax ikollu aċċess suffiċjenti għall-kura u t-trattamenti li l-istat tas-saħħa tiegħu jeħtieġ u għar-raġuni li dan in-nuqqas ta’ teħid ta responsabbiltà jwassal għal riskju reali għal ħajtu jew għall-integrità fiżika tiegħu, jista’ jitqies bħala li s-sigurtà personali tiegħu kienet f’riskju serju u li jinsab f’sitwazzjoni fejn huwa impossibbli għall-UNRWA li tiżguralu kundizzjonijiet tal-ħajja konformi mal-missjoni tagħha?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema kriterji, bħal pereżempju l-gravità tal-marda jew in-natura tal-kura neċessarja, jippermettu li tali sitwazzjoni tiġi identifikata?”

    18.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tat‑22 ta’ Marzu 2022 ġiet irreġistrata fit‑3 ta’ Mejju 2022. SW, il-Gvern Belġjan u dak Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. SW, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fis‑26 ta’ Jannar 2023.

    IV. Analiżi

    19.

    L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, li jimplimenta u jintegra fid-dritt tal-Unjoni l-kontenut tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 7 ), jinkludi kemm klawżola taesklużjoni kif ukoll klawżola ta’ inklużjoni ( 8 ).

    20.

    Minn naħa, huwa jipprevedi li, jekk persuna taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève – in casu, għaliex hija persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana mqiegħda taħt il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA – hija tkun eskluża milli tibbenefika mill-istatus ta’ “refuġjat” skont id-Direttiva 2011/95, bl-istess mod kif tali persuna hija wkoll eskluża mill-istatus ta’ “refuġjat” skont il-Konvenzjoni ta’ Genève ( 9 ).

    21.

    Min-naħa l-oħra, jekk din il-protezzjoni jew din l-assistenza jistgħu jitqiesu li “waqfu”, tali persuna “għandh[a] ipso facto [tkun intitolata] għall-benefiċċji ta’ din id-direttiva” (bl-istess mod li hija ssir ipso facto wkoll intitolata li tibbenefika mill-Konvenzjoni ta’ Genève). Minn din il-lex specialis jirriżulta li l-klawżola ta’ esklużjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 tieqaf tapplika għal persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana biss jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA jistgħu jitqiesu li “waqfu”. Madankollu, meta dan ikun il-każ, il-persuna inkwistjoni għandha titqies bħala “refuġjat” fis-sens ta’ din id-direttiva – u tista’ tibbenefika “ipso jure” mis-sistema applikabbli għar-refuġjati skont l-istess direttiva ( 10 ) – mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti applikabbli għall-applikanti għall-ażil l-oħra ( 11 ). Bħalma osserva l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu f’Alheto ( 12 ), il-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 huma diġà rrikonoxxuti bħala refuġjati mill-komunità internazzjonali. Ir-raġuni għaliex huma suġġetti għall-klawżola ta’ esklużjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija li huma diġà jibbenefikaw minn programm speċjali ta’ protezzjoni fdat lil aġenzija jew organu tan-Nazzjonijiet Uniti (in casu, l-UNRWA).

    22.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola ta’ inklużjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 tistax tapplika għal persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li tkun tqiegħdet taħt il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA u li hija affaċċjata bl-impossibbiltà li taċċedi għat-trattament mediku li l-istat ta’ saħħa tagħha jeħtieġ, fiż-żona ta’ intervent ta’ din l-aġenzija. It-tieni domanda, li tiddependi mir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għall-ewwel domanda, titlob gwida dwar il-kriterji li l-qrati nazzjonali għandhom japplikaw sabiex jidentifikaw, fost dawn is-sitwazzjonijiet, dawk li għalihom attwalment tapplika din il-klawżola.

    23.

    Ser neżamina suċċessivament kull waħda minn dawn id-domandi.

    A. L‑ewwel domanda: tista’ tapplika l‑klawżola tal‑inklużjoni?

    24.

    Qabel ma nanalizza l-problema mqajma mill-ewwel domanda, nixtieq nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari ta’ natura kuntestwali dwar is-sitwazzjoni legali eċċezzjonali tal-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li rrikorrew għall-protezzjoni jew għall-assistenza tal-UNRWA.

    1.   Is‑sitwazzjoni legali eċċezzjonali ta’ persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li rrikorrew għall‑protezzjoni jew għall‑assistenza tal‑UNRWA

    25.

    Sal-lum, u għalkemm l-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève huwa fformulat b’mod wiesa’ ( 13 ), huwa ċar li l-klawżola ta’ esklużjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni – li, permezz ta’ logħba ta’ mirja, hija identika għal dik li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 – tapplika biss għall-persuni li jitqiegħdu taħt il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA, jiġifieri, persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li jinsabu fiż-żona ta’ intervent ta’ din l-aġenzija li effettivament użaw din il-protezzjoni jew din l-assistenza.

    26.

    Dawn il-persuni huma suġġetti għal sistema unika, peress li huma l-unika kategorija ta’ persuni li huma esklużi mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat skont din il-konvenzjoni u din id-direttiva skont dawn id-dispożizzjonijiet rispettivi.

    27.

    Kif iddikjarat l-Avukata Ġenerali Sharpston ( 14 ), l-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève nkiteb f’kuntest speċifiku. Huwa ġie redatt ftit wara l-kunflitt bejn l-Għarab u l-Iżraeliti tal‑1948, bl-għan, inter alia, li jiġi evitat eżodu enormi miż-żona ġeografika li kienet il-Palestina u sovrappożizzjoni ta’ kompetenzi bejn l-UNHCR u l-UNRWA ( 15 ). L-esklużjoni ta’ persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana minn din il-konvenzjoni kienet iġġustifikata mill-fatt li dawn il-persuni kellhom jibbenefikaw minn livell ta’ protezzjoni xieraq u ekwivalenti tal-UNRWA fiż-żona ta’ intervent tagħha u, bħala tali, bħala prinċipju, ma kellhom l-ebda raġuni sabiex jinvokaw il-protezzjoni mogħtija minn dan l-istrument ( 16 ).

    28.

    Barra minn hekk, it-trattament uniku ta’ persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana inizjalment kien maħsub li jdum biss għal perijodu limitat. L-għan tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève kien li jiżgura li dawn il-persuni mingħajr Stat jibqgħu jkunu protetti sakemm is-sitwazzjoni tagħhom tiġi deċiża definittivament skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ( 17 ). Madankollu, sa issa għadha ma nstabitx soluzzjoni f’dan ir-rigward. Huwa għal din ir-raġuni li l-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève għadu fis-seħħ u l-kontenut tiegħu huwa rifless fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.

    29.

    Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, ninnota li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95, is-sistema unika li għaliha huma suġġetti l-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana tikkonċerna biss il-possibbiltà li huma jiksbu l-istatus ta’ refuġjat, u mhux il-protezzjoni sussidjarja ( 18 ).

    30.

    F’dan il-kuntest, infakkar li l-Konvenzjoni ta’ Genève u d-Direttiva 2011/95 jeżiġu li l-persuni li fil-fatt jiksbu l-istatus ta’ refuġjat skont dawn l-istrumenti rispettivi jingħataw diversi drittijiet mill-Istat u/jew mill-Istat Membru ospitanti tagħhom. Dawn id-drittijiet għandhom jiġu żgurati fl-istess livell bħal dak żgurat liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat jew ta’ dak l-Istat Membru jew, tal-inqas, fl-istess livell bħal dak żgurat lill-barranin fl-istess Stat jew fl-istess Stat Membru ( 19 ). Fir-rigward tal-kura tas-saħħa, ninnota li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi li l-“benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali”, jiġifieri kemm “refuġjati” kif ukoll “benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja” fis-sens ta’ din id-direttiva, għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà bħaċ-ċittadini tal-Istati Membri.

    31.

    Persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li użaw il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA ma humiex, minħabba s-sitwazzjoni legali speċjali tagħhom, intitolati jinvokaw din id-dispożizzjoni sakemm ma jiġix stabbilit li l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA fil-konfront tagħhom “waqfu” skont it-tifsira tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ dik id-direttiva, jew jingħataw protezzjoni sussidjarja.

    2.   Meta l‑protezzjoni jew l‑assistenza tal‑UNRWA għandhom jitqiesu li “waqfu”: il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    32.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat diversi kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. B’mod partikolari, hija ppreċiżat li l-“protezzjoni jew l-assistenza” tal-UNRWA, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom jitqiesu li “waqfu” fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom ikun impossibbli għaliha li twettaq il-missjoni tagħha ( 20 ). F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li dan il-waqfien iseħħ għal “xi raġuni”, kif indikat fl-Artikolu 12(1)(a) ta’ dik id-direttiva stess.

    33.

    Fl-elaborazzjoni tagħha fuq it-tifsira ta’ dan il-kliem (“xi raġuni”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn ma jirreferux biss għal avvenimenti li jaffettwaw direttament lill-UNRWA (pereżempju, ix-xoljiment ta’ din l-aġenzija). Fil-fatt, ir-raġuni għaliex din il-protezzjoni jew din l-assistenza waqfu tista’ wkoll tkun dovuta, b’mod iktar wiesa’, għal ċirkustanzi li ġiegħlu lill-persuna kkonċernata titlaq miż-żona ta’ intervent tal-UNRWA u li ma jaqgħux taħt il-kontroll tagħha ( 21 ).

    34.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li persuna għandha titqies li ġiet imġiegħla titlaq miż-żona ta’ intervent tal-UNRWA jekk, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni, fuq bażi individwali, tal-provi rilevanti kollha ( 22 ), jirriżulta b’mod evidenti li s-sigurtà personali tagħha tinsab f’riskju serju (l-ewwel kriterju) u jekk ikun impossibbli għall-UNRWA li tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħha f’din iż-żona jkunu konformi mal-missjoni fdata lil din l-aġenzija (it-tieni kriterju) ( 23 ).

    35.

    Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet ikkonċernati kollha fil-kawża ineżami jaqblu li dawn iż-żewġ kriterji huma dawk li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA lil SW “waqfux” fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 u, għalhekk, jekk għandux jingħatalu l-istatus ta’ refuġjat. Ninnota li l-istess kriterji jissemmew mill-qorti tar-rinviju, fl-ewwel domanda tagħha, bħala l-parametri referenzjarji rilevanti li fid-dawl tagħhom għandha ssir din l-evalwazzjoni.

    3.   L‑applikazzjoni tal‑klawżola ta’ inklużjoni għall‑każijiet li jikkonċernaw l‑impossibbiltà ta’ aċċess għal kura medika fiż‑żona ta’ intervent tal‑UNRWA

    a)   L‑ewwel kriterju: riskju serju għas‑sigurtà personali

    36.

    Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-ewwel kriterju, jiġifieri dak dwar jekk is-sigurtà tal-persuna tinsabx f’riskju serju, jista’ jiġi ssodisfatt f’ċerti każijiet fejn huwa impossibbli għaliha li jkollha aċċess għal trattament mediku fiż-żona ta’ intervent tal-UNRWA.

    37.

    F’dan ir-rigward, nista’ faċilment naċċetta li l-kunċett ta’ “sigurtà personali” jidher, prima facie, li jirreferi għal sitwazzjonijiet li jinvolvu theddid li huma esterni, iktar milli interni, għall-persuna. Jidher li huwa iktar faċli li wieħed jimmaġina li s-sigurtà personali hija mhedda serjament f’sitwazzjoni li tinvolvi diżastru naturali (bħal għargħar jew terremot), jew meta, kif isostnu l-Gvern Belġjan u dak Franċiż, il-ħsara hija intenzjonalment imposta minn persuna, entità jew forza oħra ( 24 ) b’kuntrast mal-każijiet fejn il-kawża prinċipali tad-danni tal-persuna tkun kundizzjoni medika naturali. Madankollu, fil-fehma tiegħi, u kif issostni l-Kummissjoni, dan il-kunċett huwa wiesa’ biżżejjed sabiex ikopri wkoll tali sitwazzjonijiet ta’ natura interna, meta persuna tkun is-suġġett ta’ dannu li ma jkunx intenzjonalment impost jew esternament ikkawżat, iżda li jseħħ naturalment, u li jkun biss aggravat minn fatturi esterni (pereżempju, l-inabbiltà tal-UNRWA li tiggarantixxi kundizzjonijiet materjali diċenti jew li tipprovdi kura medika adegwata) ( 25 ).

    38.

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ssuġġerixxiet li s-sigurtà personali tista’ tkun f’riskju serju f’sitwazzjoni fejn persuna tallega li hija ma tistax tikseb aċċess għall-assistenza edukattiva jew medika xierqa għall-bżonnijiet tagħha, fid-dawl tad-diżabbiltà serja li titwieled biha ( 26 ). Il-kunċett ta’ “sigurtà personali” għalhekk diġà ġie applikat f’każijiet fejn il-kawża prinċipali jew oriġinali tad-dannu tal-persuna ma hijiex esterna, iżda marbuta ma’ diżabbiltà jew ma’ kundizzjoni medika konġenitali jew, b’mod iktar wiesa’, li sseħħ b’mod naturali, u li hija purament interna għal din il-persuna ( 27 ), u fejn hija biss il-kawża aggravanti ta’ dan id-dannu, l-impossibbiltà li tikseb aċċess għal kura medika jew għal trattament, li hija marbuta ma’ elementi kuntestwali oħra li huma esterni għall-persuna inkwistjoni ( 28 ).

    39.

    F’dan ir-rigward, huwa ċar li mhux biss il-kawża prinċipali tad-dannu tal-persuna tista’ tkun purament interna, iżda wkoll, b’mod iktar wiesa’, hija irrilevanti r-raġuni esterna li minħabba fiha dan id-dannu huwa aggravat (jiġifieri, ir-raġuni esterna li għaliha l-persuna ma jistax ikollha aċċess għall-kura medika jew għat-trattament mediku meħtieġ fiż-żona ta’ intervent tal-UNRWA). Dan l-aċċess seta’ ġie deliberatament irtirat, jew il-kura medika jew it-trattament mediku meħtieġ ikun sempliċement sar indisponibbli minħabba nuqqas ta’ riżorsi materjali jew ta’ fondi min-naħa tal-UNRWA, jew għal xi raġuni oħra (bl-eċċezzjoni, għal darba oħra, ta’ dawk li l-persuna inkwistjoni għandha kontroll fuqhom u li ma humiex esterni għaliha). Kuntrarjament għal dak li sostnew il-Gvern Belġjan u dak Franċiż, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-UNRWA jew l-Istat li fit-territorju tiegħu hija tintervjeni kellhom l-intenzjoni li jimponu dannu fuq din il-persuna billi jċaħħduha mill-kura medika meħtieġa, b’azzjoni jew b’ommissjoni ( 29 ). Tali kunsiderazzjoni ma hijiex kundizzjoni ( 30 ).

    40.

    Naturalment, minbarra l-eżistenza ta’ theddid għas-sigurtà personali, huwa ċar għalija li għandhom jiġu ssodisfatti żewġ rekwiżiti oħra. L-ewwel, it-theddid għandu jkun tali li jista’ jiġi stabbilit “riskju serju” għas-sigurtà personali u, it-tieni, il-livell ta’ dannu li l-persuna ssofri kieku kellha tibqa’ fiż-żona ta’ intervent tal-UNRWA għandu jkun gravi (inkella, ma huwiex possibbli li jitqies li dan it-theddid huwa suffiċjentement serju sabiex jaffettwa s-“sigurtà personali”). Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, jiġifieri l-eżistenza ta’ “riskju serju”, għalija huwa ċar li t-terminu “riskju gravi” jirreferi għall-ġenwinità tar-riskju li t-theddid rilevanti għas-sigurtà personali fil-fatt jimmaterjalizza, u li s-sigurtà tal-persuna ser tiġi affettwata fil-każ li tibqa’ fiż-żona ta’ intervent tal-UNRWA. Sabiex inkun ċar, naqbel mar-rikorrent fil-kawża prinċipali li t-theddid ma jistax ikun purament ipotetiku. Dan għandu jkun suffiċjentement reali, b’mod li jirriżulta f’riskju serju ta’ preġudizzju għas-sigurtà personali tiegħu.

    41.

    Fir-rigward tat-tieni wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, jiġifieri jekk il-livell ta’ dannu mġarrab huwiex suffiċjentement gravi sabiex ikun possibbli li jiġi kkunsidrat li t-theddid jaffettwa s-“sigurtà personali”, ser nesponi f’iktar dettall il-limitu meħtieġ f’dan ir-rigward fir-risposta tiegħi għat-tieni domanda iktar ’il quddiem. Madankollu, huwa biżżejjed li jingħad, għalissa, li tal-inqas ċerti każijiet li jinvolvu l-impossibbiltà li jinkiseb aċċess għat-trattament mediku meħtieġ, b’mod partikolari dawk li fihom, fl-assenza ta’ dan it-trattament, il-persuna inkwistjoni ssib ruħha f’sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt, fil-fehma tiegħi, jilħqu dan il-limitu ta’ dannu gravi.

    42.

    F’dan ir-rigward, ninnota li l-Kummissjoni tikkunsidra, pereżempju, li s-sitwazzjoni ta’ SW hija waħda minn dawn il-każijiet. Infakkar li SW ibati minn disturb ġenetiku serju. Bla ħsara għall-verifika mill-qrati nazzjonali, jidher, u fil-fatt ma huwiex ikkontestat mill-partijiet fil-kawża prinċipali, li, jekk SW ma jingħatax aċċess għat-trattament mediku meħtieġ, l-aspettattivi ta’ ħajja u l-probabbiltà ta’ sopravvivenza ser jitnaqqsu b’mod sinjifikattiv. Ċertament, f’tali ċirkustanzi, il-livell tad-dannu mġarrab għandu jitqies bħala gravi.

    43.

    Wara li għamilt dawn il-kjarifiki u wara li spjegajt għalfejn nemmen li s-sigurtà personali tista’ tkun f’riskju serju f’sitwazzjoni fejn persuna ssostni li ma tistax tikseb aċċess għall-assistenza medika xierqa għall-bżonnijiet tagħha fiż-żona ta’ intervent tal-UNRWA, ser nagħmel żewġ rimarki addizzjonali.

    44.

    L-ewwel, jiena tal-fehma, għal darba oħra kuntrarjament għal dak li sostnew il-Gvern Belġjan u Franċiż, li, sabiex jiġi stabbilit li s-sigurtà personali tinsab f’riskju serju, ma huwiex neċessarju li jiġi evalwat jekk persuna bħal SW għandhiex “biża’ ġġustifikat ta’ persekuzzjoni” jew taffaċċjax “riskju veru ta’ dannu serju”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/95. Ir-rekwiżit li s-sigurtà personali ta’ individwu tkun f’riskju serju ma huwiex relatat, kif spjegat il-Kummissjoni, mal-eżistenza ta’ tali “biża’ ġġustifikat ta’ persekuzzjoni jew riskju veru ta’ dannu serju”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li, fost affarijiet oħra, jikkonċernaw biss il-persekuzzjoni jew id-dannu serju impost minn ċerti atturi.

    45.

    Inkella, persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana bħal SW ikollha turi, sabiex tkun koperta mill-klawżola ta’ inklużjoni fl-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva, li hija tissodisfa l-istess kundizzjonijiet bħall-persuni li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Dan imur kontra l-punt tal-lex specialis li tinsab f’din id-dispożizzjoni, li fuq il-bażi tagħha persuna koperta minn din id-dispożizzjoni għandha ipso facto tkun intitolata għall-istatus ta’ “refuġjat”, jekk hija tista’ tistabbilixxi li l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA fil-konfront tagħha “waqfu”, mingħajr ma jkollha tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali elenkati f’din id-direttiva li japplikaw biss għall-applikanti l-oħra għall-ażil ( 31 ). Barra minn hekk, dan iħawwad, essenzjalment, dawn iż-żewġ kwistjonijiet legali distinti ħafna.

    46.

    It-tieni, nixtieq nippreċiża wkoll li, sabiex jiġi stabbilit li s-sitwazzjoni personali tal-persuna hija f’riskju serju, ma huwiex neċessarju li jiġi evalwat sistematikament jekk tali riskju serju jeżistix, għall-persuna inkwistjoni, f’kull wieħed mit-territorji ta’ intervent tal-UNRWA. Dan ikun totalment irraġonevoli. Pjuttost, huwa neċessarju biss li jiġu eżaminati s-setturi kollha taż-żona ta’ intervent tal-UNRWA li l-persuna kkonċernata għandha possibbiltà konkreta li taċċedi u li tibqa’ f’sigurtà fiha ( 32 ).

    b)   It‑tieni kriterju: jekk sarx impossibbli għall‑UNRWA li tiżgura li l‑kundizzjonijiet tal‑ħajja ta’ din il‑persuna fiż‑żona ta’ intervent ta’ din l‑aġenzija ser ikunu konformi mal‑missjoni fdata lilha

    47.

    Fir-rigward tat-tieni kriterju, jiġifieri jekk sarx impossibbli għall-UNRWA li tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-persuna fiż-żona ta’ intervent ta’ din l-aġenzija ser ikunu konformi mal-missjoni fdata lilha, jiena ninnota li l-iskambju ta’ argumenti bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet ikkonċernati fil-kawża ineżami ffokaw fuq il-mod kif il-“missjoni” tal-UNRWA għandha tinftiehem, b’mod ġenerali (1), u, fid-dawl tal-bżonnijiet mediċi jew tas-saħħa, speċifikament (2).

    48.

    Il-Gvern Franċiż jikkunsidra, f’dan ir-rigward, li l-missjoni tal-UNRWA tinkludi biss il-provvista ta’ kura medika primarja u bażika, bl-esklużjoni tal-provvista ta’ trattamenti mediċi speċjalizzati u iktar kumplessi, bħal dawk li jeħtieġ SW. Fil-fehma tiegħu, il-missjoni tal-UNRWA ma tistax titqies li “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, f’sitwazzjoni fejn persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana tkun tinsab fl-impossibbiltà li tikseb aċċess għal trattamenti mediċi li huma relattivament rari u/jew kumplessi u li jmorru lil hinn minn din il-kura medika bażika.

    49.

    Ser nispjega iktar ’l isfel għaliex ma naqbilx.

    1) Il‑missjoni tal‑UNRWA, b’mod ġenerali

    50.

    Qabel kollox, infakkar li l-UNRWA hija prinċipalment iffinanzjata minn kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti. Bħala riżultat, il-kapaċità operattiva tagħha tvarja skont id-deċiżjonijiet perjodiċi meħuda minn dawn l-Istati Membri, li jistgħu, naturalment, jinbidlu maż-żmien, skont il-limitazzjonijiet baġitarji u għadd kbir ta’ fatturi oħra. Fil-fehma tiegħi, dan il-fatt madankollu ma jfissirx li l-missjoni nnifisha tal-UNRWA tvarja, flimkien ma’ din il-kapaċità operattiva. Fil-fatt, it-tnejn huma differenti ħafna: il-“kapaċità operazzjonali” hija relatata mal-“mezzi” disponibbli, filwaqt li l-“missjoni” tikkonċerna l-“għan ewlieni” (jew ir-raison d’être) tal-UNRWA. B’mod ġenerali, il-mezzi sabiex isir xi ħaġa ħafna drabi jistgħu jinbidlu, iżda l-għan ewlieni suppost jibqa’ b’xi mod jew ieħor fiss fiż-żmien u suppost iservi għal żmien twil.

    51.

    Fil-fehma tiegħi, huwa dan l-għan ewlieni jew ir-raison d’être tal-UNWRA, li huwa fiss fiż-żmien u jservi għal żmien twil, li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tinkludi meta rreferiet għall-“missjoni” tal-UNRWA bħala element rilevanti sabiex tiddetermina jekk sarx impossibbli għall-UNRWA li tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-persuna fiż-żona ta’ intervent ta’ din l-aġenzija ser ikunu proporzjonati mal-missjoni fdata lilha u, konsegwentement, jekk tkunx inkwistjoni l-klawżola ta’ inklużjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Il-kwistjoni dwar jekk l-UNRWA għandhiex mezzi materjali suffiċjenti disponibbli, kif ukoll il-kapaċità operattiva tagħha, ma hijiex relatata mal-portata tal-missjoni nnifisha, iżda mal-(im)possibbiltà li din l-aġenzija twettaq din il-missjoni.

    52.

    F’dan il-kuntest, infakkar li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-missjoni tal-UNRWA (jiġifieri, l-għan ewlieni tagħha) ma hija ddefinita fl-ebda statut, iżda tirriżulta mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Għalhekk, din il-missjoni ma tistax tiġi dedotta minn sors uniku. Barra minn hekk, il-formulazzjoni użata fir-riżoluzzjonijiet differenti tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’dan ir-rigward hija pjuttost wiesgħa. B’mod partikolari, skont ir-Riżoluzzjoni Nru 74/83 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑13 ta’ Diċembru 2019, l-UNRWA għandha twettaq l-interventi tagħha “b’kont meħud tal-benesseri, il-protezzjoni u l-iżvilupp tal-bniedem tar-refuġjati Palestinjani” [traduzzjoni mhux uffiċjali] b’mod ġenerali.

    53.

    Din il-formulazzjoni ġiet invokata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, li fiha hija nnotat li l-UNRWA ġiet stabbilita sabiex tipproteġi u tassisti lill-persuni li huma rreġistrati magħha “bl-għan li [sservi] l-benesseri [tagħhom] bħala refuġjat[i]” ( 33 ).

    54.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li, kif jidher minn qari ta’ diversi riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-għan tas-sistema speċifika applikabbli għall-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana huwa li jiġi żgurat li dan il-grupp ta’ persuni jkompli jibbenefika minn protezzjoni u li dawn il-persuni jibbenefikaw minn protezzjoni jew minn assistenza effettivi u mhux sempliċement li jkunu żgurati l-eżistenza ta’ korp jew ta’ aġenzija bl-għan li jipprovdu tali assistenza jew protezzjoni ( 34 ). Konsegwentement, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja tifhem il-missjoni tal-UNRWA li tinkludi l-għoti ta’ protezzjoni jew ta’ assistenza effettivi (u mhux sempliċement astratti) lill-persuni li huma rreġistrati magħha, sabiex tippromwovi l-“benesseri” tagħhom.

    55.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, issa ser nanalizza, speċifikament, dak li l-“missjoni” tal-UNRWA tinkludi fir-rigward tal-bżonnijiet mediċi jew tas-saħħa ta’ dawn il-persuni.

    2) Il‑missjoni tal‑UNRWA fir‑rigward tal‑ħtiġijiet mediċi jew tas‑saħħa, speċifikament

    56.

    Peress li l-missjoni tal-UNRWA li tipprovdi protezzjoni jew assistenza effettivi lill-persuni li huma rreġistrati magħha ma hijiex iddefinita b’mod ċar u ma tistax tiġi dedotta minn sors uniku, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-partijiet u lill-partijiet ikkonċernati, waqt is-seduta, jiċċaraw x’tinvolvi l-missjoni tal-UNRWA fir-rigward tal-ħtiġijiet mediċi jew tas-saħħa ta’ dawn il-persuni.

    57.

    Fir-risposti tagħhom, il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati kollha rreferew għal dak li huwa inkluż fir-Riżoluzzjoni Nru 74/83 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑13 ta’ Diċembru 2019, li minnha huma jiddeduċu li l-missjoni tal-UNRWA tikkonsisti f’“għajnuna sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet essenzjali fir-rigward tas-saħħa”. Madankollu, il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati fehmu dawn it-termini b’mod differenti.

    58.

    Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li l-Kummissjoni qablet miegħu, enfasizza li ma huwiex importanti li jiġi kkunsidrat jekk tip ta’ trattament mediku partikolari huwiex inkluż jew eskluż mill-missjoni tal-UNRWA b’mod ġenerali. Għandu jiġi adottat approċċ teleoloġiku billi wieħed jiffoka pjuttost fuq il-livell ta’ protezzjoni jew ta’ assistenza li għandu jingħata lil persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana fiż-żona ta’ intervent tal-UNRWA u għandu jiġi evalwat, f’kull każ individwali, jekk il-bżonnijiet mediċi jew ta’ saħħa speċifiċi tal-persuna kkonċernata humiex issodisfatti, fid-dawl ta’ dan il-livell. It-tip ta’ trattament mediku, anki jekk ikun speċjalizzat ħafna, huwa irrilevanti.

    59.

    Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż sostna, kif diġà indikajt fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-“għajnuna sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet essenzjali fir-rigward tas-saħħa” tinkludi biss il-provvista ta’ kura medika bażika u primarja ( 35 ). Dan il-gvern jikkunsidra li l-UNRWA ma hijiex responsabbli għall-provvista ta’ trattament mediku iktar kumpless jew speċjalizzat.

    60.

    Jien ma nikkondividix din l-opinjoni. Jidhirli li l-Gvern Franċiż qiegħed iħawwad il-missjoni ta’ assistenza effettiva tal-UNRWA sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet mediċi jew ta’ saħħa bażiċi (li hija maħsuba sabiex tiżgura, fuq il-bażi ta’ approċċ orjentat lejn l-għanijiet, pjuttost milli lejn il-mezzi, li l-bżonnijiet mediċi jew ta’ saħħa bażiċi tal-persuni rreġistrati mal-UNRWA jiġu ssodisfatti, irrispettivament mill-mezzi neċessarji għal dan l-għan) ma’ obbligu li tiġi pprovduta kura tas-saħħa bażika, jiġifieri, obbligu li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-istess persuni ċerti riżorsi mediċi minimi (pereżempju, billi jiġu pprovduti kits tal-ewwel għajnuna jew prodotti mediċinali bażiċi, li ma humiex kumplessi jew speċjalizzati).

    61.

    F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li, naturalment, l-UNRWA ma tistax tiżgura l-aċċess għal kull tip ta’ droga jew trattament mediku disponibbli. Madankollu, skont il-missjoni tagħha ta’ “għajnuna sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet essenzjali fir-rigward tas-saħħa”, hija għandha tgħin b’mod effettiv lill-persuni rreġistrati magħha sabiex ikollhom aċċess għall-kura jew għat-trattamenti mediċi neċessarji sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tas-saħħa jew mediċi tagħhom – speċjalment meta din il-kura jew trattament ikunu indispensabbli għall-ġlieda kontra kundizzjoni medika li, mingħajrhom, tista’ sfortunatament twassal għall-mewt. Ser nelabora dwar il-livell ta’ serjetà jew ta’ gravità meħtieġ f’dan ir-rigward, sabiex nistabbilixxi dak li jgħodd bħala bżonn ta’ saħħa jew mediku bażiku, fit-Taqsima B iktar ’il quddiem, bħala parti mir-risposta tiegħi għat-tieni domanda. Madankollu, nista’ nsostni diġà, f’dan l-istadju, li, jekk persuna tinsab f’sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt, kif jidher li huwa l-każ għal SW ( 36 ), peress li l-UNRWA ma tistax tgħinha effettivament sabiex taċċedi għall-kura jew għat-trattament mediċi meħtieġa għall-marda jew għall-kundizzjoni tagħha, jew ma tagħmilx dan, hemm lok li jitqies li huwa impossibbli għall-UNRWA li tiżgura s-sodisfazzjon tal-bżonnijiet bażiċi tas-saħħa jew mediċinali ta’ din il-persuna u, għalhekk, li l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-persuna fiż-żona ta’ intervent ta’ din l-aġenzija ser ikunu konformi mal-missjoni fdata lilha.

    62.

    Sabiex inkun ċar, nista’ faċilment naċċetta li t-trattament mediku li SW għandu jkollu aċċess għalih huwa kemxejn kumpless u/jew speċjalizzat. L-informazzjoni pprovduta fil-fajl tindika li SW mhux biss għandu bżonn ta’ trasfużjonijiet tad-demm, iżda wkoll li jieħu droga speċjalizzata, li hija disponibbli biss b’ċertu spiża (li l-UNRWA ssostni li ma tistax issostni). Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-kumplessità tat-trattament, l-ispiża tiegħu jew in-natura speċjalizzata tiegħu ma humiex rilevanti għall-portata tal-missjoni nnifisha tal-UNRWA, iżda pjuttost għall-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli jew le li din l-aġenzija twettaq il-missjoni tagħha ( 37 ).

    63.

    F’dan ir-rigward, infakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk sarx impossibbli għall-UNRWA li tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-persuna fiż-żona ta’ intervent ta’ din l-aġenzija ser ikunu konformi mal-missjoni fdata lilha, l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti għandhom jevalwaw jekk il-persuna kkonċernata tistax fil-fatt tibbenefika jew le mill-protezzjoni jew mill-assistenza meħtieġa ( 38 ). Il-fatt li l-UNRWA ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi l-protezzjoni jew l-assistenza meħtieġa sabiex tissodisfa l-bżonnijiet mediċi jew ta’ saħħa bażiċi tal-persuna inkwistjoni bl-ebda mod, jew li tista’ tagħmel dan, iżda mhux b’mod effettiv (pereżempju, minħabba li d-droga jew it-trattament ma humiex faċilment aċċessibbli jew l-UNRWA ma għandhiex finanzi jew baġit) huwa rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk tali impossibbiltà tistax tiġi stabbilita, iżda ma jeskludix is-sitwazzjoni mill-portata tal-missjoni tal-UNRWA ( 39 ).

    4.   Konklużjoni fuq l‑ewwel domanda

    64.

    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li għadni kif għamilt, jiena tal-fehma li ż-żewġ kriterji, stabbiliti fil-punt 34 iktar ’il fuq, użati sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA “waqfux” fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, jistgħu jiġu ssodisfatti f’sitwazzjoni fejn persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, li tkun użat il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA, tkun ikkonfrontata bl-impossibbiltà li jkollha aċċess għat-trattament mediku meħtieġ mill-istat tas-saħħa tagħha, fiż-żona ta’ intervent ta’ din l-aġenzija. Konsegwentement, tali sitwazzjoni tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ inklużjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni – u ma hijiex eskluża minnu.

    65.

    Kunsiderazzjonijiet ta’ natura prattika jsaħħu din l-interpretazzjoni, fil-fehma tiegħi. Fil-fatt, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi b’mod differenti, persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ SW mhux biss ma tkunx ipso facto intitolata għall-benefiċċji ta’ din id-direttiva (permezz tal-klawżola ta’ inklużjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95), iżda hija tkun ukoll prekluża milli titlob l-istatus ta’ “refuġjat” skont kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2011/95, peress li hija tkun eskluża minn din id-direttiva kollha kemm hi, bl-applikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużjoni li tinsab fiha. Din il-persuna, fi kliem ieħor, issib ruħha f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li jgawdu applikanti għall-ażil oħra (dawk li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 ma japplikax għalihom) minħabba li dawn il-persuni l-oħra tal-inqas ikunu kapaċi jinvokaw dawn il-kundizzjonijiet ġenerali sabiex japplikaw għal status ta’ refuġjat, filwaqt li hija ma tkunx tista’. Din is-soluzzjoni, fil-fehma tiegħi, tmur b’mod ċar kontra l-għan tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li jiena fakkart fil-punt 27 iktar ’il fuq, u li huwa l-iżgurar tal-protezzjoni u tal-assistenza lil persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana.

    66.

    Dan premess, naħseb li risposta affermattiva għall-ewwel domanda ma tfissirx li l-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana kollha li sempliċement jilmentaw dwar il-kura medika li jirċievu (jew li ma jirċevux) fiż-żona ta’ intervent tal-UNRWA jistgħu ipso facto jkollhom id-dritt li jiġu rrikonoxxuti bħala refuġjati skont id-Direttiva 2011/95. Issa ser nindirizza din il-kwistjoni f’iktar dettall, f’dak li jirrigwarda t-tieni domanda.

    B. Fuq it‑tieni domanda: meta tapplika l‑klawżola ta’ inklużjoni f’sitwazzjonijiet mediċi?

    67.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterji li l-qrati nazzjonali għandhom japplikaw sabiex jiddeterminaw liema sitwazzjonijiet – fost dawk fejn persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, li użat il-“protezzjoni jew l-assistenza” tal-UNRWA, tallega li hija tinsab ikkonfrontata bl-impossibbiltà li jkollha aċċess għall-kura jew għat-trattament mediċi meħtieġa mill-istat ta’ saħħa tagħha, fiż-żona ta’ intervent tal-UNRWA – jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ inklużjoni fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.

    68.

    Qabel kollox, ser nagħmel tliet rimarki importanti.

    69.

    L-ewwel, nixtieq ngħid xi kliem dwar is-soluzzjoni proposta mill-Gvern Franċiż. Skont dan il-gvern, każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux jiġi solvut bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-klawżola ta’ inklużjoni fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, iżda pjuttost billi wieħed jibbaża ruħu biss fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali ( 40 ) li jagħtu, f’ċerti ċirkustanzi limitati, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew lill-persuni mingħajr Stat il-possibbiltà li jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri, inter alia minħabba s-saħħa tagħhom.

    70.

    Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Gvern Franċiż jirreferi għall-premessa 15 tad-Direttiva 2011/95, li tfakkar li l-Istati Membri jistgħu jippermettu lil tali persuni jibqgħu fit-territorji tagħhom fuq bażi diskrezzjonali, għal raġunijiet ta’ kompassjoni jew umanitarji. L-istess premessa tindika li l-individwi li jibbenefikaw minn din il-possibbiltà ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda huma esklużi minnha.

    71.

    Fil-fehma tiegħi, u kuntrarjament għal dak li jsostni dan il-gvern, din il-premessa ma tistax tinftiehem fis-sens li persuna għandha tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95 kull darba li hija jista’ jkollha l-opportunità li tinvoka dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ kompassjoni jew umanitarji. Għall-kuntrarju, hija sempliċement tindika li, jekk persuna effettivament ingħatat tali dritt ta’ residenza, hija tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Minn dan isegwi li, ħlief f’dan il-każ speċifiku, l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti għandhom jivverifikaw, l-ewwel, jekk il-persuna inkwistjoni tistax tibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali (jew, jekk hija persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, jekk taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ inklużjoni li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95) u, biss fil-każ kuntrarju, għandhom sussegwentement jikkunsidraw jekk hija tistax tibbenefika minn protezzjoni għal raġunijiet ta’ kompassjoni jew umanitarji skont id-dritt nazzjonali. Għalhekk, ma nara l-ebda raġuni għaliex għandu jipprevali dan l-aħħar tip ta’ protezzjoni, kif jissuġġerixxi l-Gvern Franċiż, fuq l-ewwel tip ta’ protezzjoni.

    72.

    It-tieni, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA “waqfux” fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, għandha ssir evalwazzjoni kemm fattwali kif ukoll legali. Għall-evalwazzjoni fattwali, infakkar li, kif diġà indikajt fil-punt 34 iktar ’il fuq, huwa neċessarju li din l-evalwazzjoni ssir fuq bażi individwali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li jistgħu ikunu marbuta mal-persuna kkonċernata (bħall-istat ta’ saħħa tagħha, it-trattament li hija għandha bżonn u, bl-għajnuna ta’ esperti, il-konsegwenzi attwali għaliha, jekk hija ma tirċevix dan it-trattament), jew li huma ta’ natura kuntestwali, fosthom, b’mod partikolari, jekk il-kura jew it-trattament mediċi meħtieġa humiex disponibbli fl-Istati Membri u s-sitwazzjoni speċifika tal-Istat jew tal-Istati li fihom topera l-UNRWA ( 41 ). Fil-fehma tiegħi dan huwa punt pjuttost importanti. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża ineżami, il-kundizzjonijiet tal-ħajja fil-Libanu li għalihom huma suġġetti persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, fit-totalità tagħhom, flimkien ma’ dawk li SW huwa kkonfrontat bihom, individwalment, huma rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA “waqfux”.

    73.

    In casu, dan ifisser li, sabiex jiġi evalwat jekk SW għandux dritt għall-benefiċċji tad-Direttiva 2011/95, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-trattament mediku li minnu huwa jista’ jibbenefika kemm direttament mill-UNRWA kif ukoll mis-sistema tal-kura tas-saħħa Libaniża bl-assistenza ta’ din l-aġenzija, peress li huwa rreġistrat mal-UNRWA fil-Libanu. F’livell usa’, huwa impossibbli li l-azzjonijiet tal-UNRWA (jew l-assenza tagħhom) jiġu iżolati mill-kuntest li fih tintervjeni din l-aġenzija ( 42 ).

    74.

    It-tielet, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ġuridika, naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Belġjan u dak Franċiż li mhux kull kwistjoni ta’ saħħa jew kundizzjoni medika li għaliha ma huwiex disponibbli trattament fiż-żona li fiha tintervjeni l-UNRWA tista’ twassal għal konklużjoni li l-“protezzjoni jew l-assistenza” ta’ din l-aġenzija waqfu. Huwa meħtieġ limitu ta’ gravità u huma biss sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jistgħu, fil-fehma tiegħi, jippermettu ċ-ċaqliq minn żona ta’ protezzjoni (żona ta’ intervent tal-UNRWA) għal oħra (Stat Membru). Jekk dan ma jkunx il-każ, wieħed jista’ faċilment jasal għal sitwazzjoni fejn kull persuna suġġetta għall-klawżola ta’ esklużjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 li tqis li l-kura jew it-trattament mediċi li hija tkun irċeviet (jew li tista’ tirċievi) fiż-żona ta’ intervent tal-UNRWA ma humiex daqstant effettivi jew ta’ standard tal-kura jew tat-trattament li hija tista’ tirċievi minn Stat Membru, tkun tista’ ssostni li l-“protezzjoni jew l-assistenza” ta’ din l-aġenzija fir-rigward tagħha “waqfu” u tingħata l-istatus ta’ refuġjat skont id-Direttiva 2011/95.

    75.

    Il-limitu ta’ gravità għandu, konsegwentement, ikun għoli biżżejjed sabiex jaġixxi bħala fattur li jillimita u jevita tali każijiet fejn “wieħed jaqbad u jagħżel dak li jaqbel lilu”, kif ukoll sitwazzjoni ta’ “bieb miftuħ” b’applikazzjonijiet għall-ażil mingħajr limitu minn persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana. Fl-istess ħin, jekk il-limitu tal-gravità jkun “għoli wisq”, dan jista’ jagħmilha prattikament impossibbli għal persuna li tinvoka l-klawżola ta’ inklużjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, inkluż f’ċirkustanzi fejn jinkisru d-drittijiet ta’ dik il-persuna li huma stabbiliti fil-Karta, bħal, b’mod partikolari, id-dritt tagħha għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt tagħha għall-ħajja u d-dritt tagħha li tkun libera mit-tortura jew pieni jew trattamenti degradanti ( 43 ), li ma tistax issir deroga minnhom ( 44 ). Għalhekk huwa neċessarju li jinstab bilanċ xieraq.

    76.

    B’dawn il-kjarifiki magħmula, infakkar li, kif spjegajt fit-Taqsima A iktar ’il fuq, sabiex il-“protezzjoni jew l-assistenza” tal-UNRWA jitqiesu li “waqfu”, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kriterji: is-sigurtà personali tar-rikorrent għandha tkun f’riskju serju (l-ewwel kriterju); u għandha tkun impossibbli għall-UNRWA sabiex tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-ħajja tiegħu f’din iż-żona ser ikunu konformi mal-missjoni fdata lilha (it-tieni kriterju).

    77.

    Filwaqt li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, it-tieni kriterju jeżiġi, essenzjalment, li jiġi ddeterminat jekk sarx impossibbli għall-UNRWA li tiżgura li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet bażiċi mediċi u tas-saħħa tal-persuna, jekk hija ser tibqa’ fiż-żona ta’ intervent ta’ din l-aġenzija, l-ewwel kriterju jista’ jinqasam, fil-fehma tiegħi, fi tliet rekwiżiti. L-ewwel, għandu jkun hemm theddida jew theddid għas-sigurtà tal-persuna kkonċernata, li, f’tali sitwazzjoni, tkun il-kundizzjoni medika li tirriżulta naturalment li din il-persuna ssofri minnha (theddida interna), aggravata minn fatturi esterni. It-tieni, dan it-theddid għandu jkun tali li jista’ jiġi stabbilit “riskju serju” għas-sigurtà personali (fi kliem ieħor, ma jistax ikun sempliċement ipotetiku u għandu jkun reali biżżejjed). It-tielet, id-dannu li ssofri l-persuna li kieku kellha tibqa’ fiż-żona ta’ intervent tal-UNRWA għandu jkun gravi (inkella, dan it-theddid ma jistax jitqies li huwa serju biżżejjed sabiex jaffettwa s-“sigurtà personali”).

    78.

    F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa ċar li, fir-rigward ta’ dan it-tielet rekwiżit, għandu jiġi stabbilit ċertu limitu relatat mal-gravità tad-dannu. Bl-istess mod, it-tieni kriterju, li jeżiġi li tiġi stabbilita linja bejn is-sitwazzjonijiet li fihom il-bżonnijiet mediċi u tas-saħħa ta’ persuna jistgħu jitqiesu li huma ssodisfatti u dawk li ma jistgħux, jeħtieġ ukoll li jiġi stabbilit ċertu limitu. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, bżonnijiet mediċi u tas-saħħa “bażiċi” jinkludu biss ċerti bżonnijiet mediċi u ta’ saħħa essenzjali, li, jekk ma jiġux issodisfatti, iwasslu għall-mewt jew għal dannu gravi. Minn dan isegwi li fir-rigward ta’ dan il-kriterju, l-enfasi għandha tkun ukoll fuq id-dannu serju.

    79.

    Fir-rigward ta’ dak li għandu jinftiehem b’“dannu serju”, infakkar li l-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95 tirreferi għall-importanza tar-rispett tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fil-Karta ( 45 ), kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) dwar drittijiet ekwivalenti. Huwa paċifiku wkoll li l-Artikolu 4 tal-Karta, li jipproteġi d-dritt għall-ħajja u l-libertà mit-tortura jew pieni jew trattamenti degradanti, huwa ekwivalenti għall-Artikolu 3 tal-KEDB ( 46 ).

    80.

    Fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tagħmilha ċara li l-uġigħ ikkawżat minn marda li sseħħ naturalment, kemm jekk fiżika jew mentali, ikun suffiċjentement gravi ( 47 ) meta, b’mod partikolari, ikun hemm raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li, minkejja li ma tkunx f’riskju imminenti ta’ mewt, il-persuna kkonċernata tkun affaċċjata b’riskju reali, minħabba l-assenza ta’ trattament xieraq jew minħabba l-assenza ta’ aċċess għal tali trattament, li ssofri deterjorament serju, rapidu u irriversibbli fl-istat ta’ saħħa tagħha li jwassal għal uġigħ intens jew tnaqqis sinjifikattiv tal-aspettattivi ta’ ħajja.

    81.

    Fil-fehma tiegħi, l-istess limitu għandu jiġi invokat fil-kawża ineżami. Persuna għandha titqies li tinsab f’riskju serju li ssofri dannu serju, u li l-bżonnijiet mediċi jew tas-saħħa bażiċi tagħha għandhom jitqiesu li ma humiex issodisfatti, f’sitwazzjoni fejn (i) tkun f’riskju imminenti li tmut jew (ii) ikun hemm raġunijiet sostanzjali li jwasslu lil wieħed jemmen li, minkejja li ma tkunx f’riskju imminenti li tmut, hija taffaċċja riskju reali, minħabba l-assenza ta’ trattament xieraq jew l-assenza ta’ aċċess għal tali trattament, li ssofri deterjorament serju, rapidu u irriversibbli fl-istat ta’ saħħa tagħha li jwassal għal uġigħ intens jew tnaqqis sinjifikattiv tal-aspettattivi ta’ ħajja.

    82.

    Dan huwa limitu pjuttost għoli. Huwa importanti li dan il-limitu huwa bbażat biss fuq il-livell ta’ dannu li l-persuna kkonċernata tinsab f’riskju serju jew reali li taffaċċja, irrispettivament mit-tip ta’ kundizzjoni medika involuta u min-natura rari jew komuni tagħha.

    83.

    Bħala nota finali, inżid li l-limitu li għadni kif issuġġerejt huwa, fil-fehma tiegħi, marbut mill-qrib mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem. Infakkar li l-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95 tagħmilha ċara li din id-direttiva hija intiża “b’mod partikolari” sabiex tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet riferiment għad-dinjità tal-bniedem fis-sentenza f’Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), li fiha hija ddikjarat li persuna ma tistax titqies li ġiet imġiegħla titlaq miż-żona ta’ intervent tal-UNRWA jekk hija setgħet tirrisjedi hemmhekk b’sigurtà, f’kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjitużi u mingħajr ir-riskju ta’ ripatrijazzjoni lejn it-territorju tar-residenza abitwali sakemm ma tkunx f’qagħda li tirritorna hemmhekk b’sigurtà ( 48 ).

    84.

    Kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jqisu li l-kwistjoni dwar jekk persuna rreġistrata mal-UNRWA tistax tirrisjedi f’“kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjitużi” fiż-żona ta’ intervent ta’ din l-aġenzija hija rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk hija tinsabx f’riskju serju jew reali li ssofri dannu serju u jekk il-bżonnijiet mediċi u tas-saħħa fundamentali tagħha humiex ser jiġu ssodisfatti.

    85.

    Naqbel ma’ dan l-approċċ. Fil-fehma tiegħi, il-limitu li stabbilixxejt fil-punt 81 iktar ’il fuq huwa biss espressjoni iktar iddettaljata ta’ dan ir-rekwiżit innifsu ( 49 ).

    V. Konklużjoni

    86.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej għad-domandi preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

    (1)

    L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija

    għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sigurtà ta’ persuna li użat il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA tista’ tkun f’riskju serju u li din il-persuna tista’ tkun f’sitwazzjoni li fiha huwa impossibbli għal din l-aġenzija li tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħha jkunu konformi mal-missjoni fdata lilha, f’sitwazzjoni fejn hija tbati minn kundizzjoni medika u fejn huwa impossibbli għaliha li jkollha aċċess għat-trattament jew għall-kura medika meħtieġa fiż-żona ta’ intervent tal-UNRWA.

    (2)

    L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95

    għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’tali sitwazzjoni, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata taffaċċja riskju serju ta’ dannu gravi, u li jkun impossibbli għall-UNRWA li tiżgura li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet mediċi u tas-saħħa ta’ din il-persuna, jekk din il-persuna ser tibqa’ fiż-żona ta’ intervent ta’ din l-aġenzija. Iż-żewġ rekwiżiti jiġu ssodisfatti meta jiġi stabbilit li, jekk hija ser tibqa’ f’din iż-żona, (i) hija tkun esposta għal riskju imminenti li tmut jew (ii) ikunu jeżistu raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li, minkejja li ma tkunx f’riskju imminenti li tmut, hija taffaċċja riskju reali, minħabba l-assenza ta’ aċċess għal trattament jew kura mediċi xierqa, li ssofri deterjorament serju, rapidu u irriversibbli fl-istat ta’ saħħa tagħha li jwassal għal uġigħ intens jew għal tnaqqis sinjifikattiv tal-aspettattivi ta’ ħajja.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Fl-aħħar tal‑2021, 5.8 miljun refuġjat Palestinjan kienu jaqgħu taħt il-mandat tal-UNRWA, filwaqt li 21.3 miljun refuġjat kienu taħt il-protezzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (iktar ’il quddiem il-“UNHCR”) (ara UNHCR, 16 ta’ Ġunju 2022, “Global displacement hits another record, capping decade-long rising trend”, disponibbli online fuq: https://www.unhcr.org/news/press/2022/6/62a9d2b04/unhcr-global-displacement-hits-record-capping-decade-long-rising-trend.html).

    ( 3 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:351; iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Bolbol”); tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826; iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Abed El Karem El Kott et”); tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584; iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Alheto”); tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3; iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana)”); u tat‑3 ta’ Marzu 2022, Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑349/20, EU:C:2022:151; iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana)”). Bosta minn dawn is-sentenzi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), li ġiet irrevokata u ssostitwita mid-Direttiva 2011/95. Madankollu, peress li din id-dispożizzjoni hija identika għall-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva, ser nirreferi għal sentenzi relatati ma’ strument wieħed jew l-ieħor mingħajr ma nagħmel distinzjoni bejniethom.

    ( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

    ( 5 ) Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, Nru 2545, 1954, p. 150), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954. Hija kienet ikkompletata u emendat bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

    ( 6 ) Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jintuża t-terminu “kura medika terzjarja”. Dan it-terminu għandu jinftiehem, kif spjegaw il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati waqt is-seduta, bħala li jirreferi għal kura medika li tinvolvi dijanjostika, proċeduri u trattamenti avvanzati u kumplessi.

    ( 7 ) Skont il-premessa 3 tad-Direttiva 2011/95, is-sistema ta’ ażil tal-Unjoni hija bbażata fuq l-“applikazzjoni sħiħa u inklussiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”, u diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jirreferu għal dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jew jirriproduċu l-kontenut tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprevedi li “[i]d-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra” u li, skont l-Artikolu 78(1) TFUE, il-politika komuni fil-qasam tal-ażil “trid tkun konformi” ma’ din il-konvenzjoni. Minn dan isegwi li, għalkemm l-Unjoni ma hijiex firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ Genève, l-interpretazzjoni tal-kuntest ġuridiku tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil għandha tkun konsistenti ma’ din il-konvenzjoni (ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza f’Bolbol, punt 37).

    ( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza f’Alheto, punt 87. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat il-klawżola ta’ esklużjoni bħala r-“raġuni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat” u l-klawżola ta’ inklużjoni bħala r-“raġuni għat-twaqqif tal-applikazzjoni tal-imsemmija raġuni ta’ esklużjoni”. Għal raġunijiet ta’ sempliċità, nippreferi li, minflok, nuża t-termini “klawżola ta’ esklużjoni” u “klawżola ta’ inklużjoni”.

    ( 9 ) Il-klawżola ta’ esklużjoni tapplika biss għal persuni li effettivament approfittaw ruħhom mill-protezzjoni jew mill-assistenza tal-UNRWA. Hija ma tistax tkopri persuni li huma jew li kienu biss eliġibbli li jibbenefikaw minn protezzjoni jew minn għajnuna pprovduta minn din l-aġenzija, li madankollu effettivament ma bbenefikawx minnha (ara s-sentenza f’Bolbol, punt 51).

    ( 10 ) Ara s-sentenza f’Abed El Karem El Kott et, punt 71.

    ( 11 ) B’mod partikolari, il-persuna kkonċernata ma għandhiex għalfejn turi biża’ fondat ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali xorta waħda għandhom jivverifikaw li hija ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi waħda mir-raġunijiet ta’ esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(b), l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza f’Alheto, il-punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-persuna għad trid tippreżenta applikazzjoni sabiex tikseb l-istatus ta’ refuġjat. Għalhekk, il-fatt li l-persuni kkonċernati huma ipso facto intitolati għall-benefiċċji tad-Direttiva 2011/95 ma jimplikax dritt inkundizzjonat għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat (ara s-sentenza f’Abed El Karem El Kott et, punt 75).

    ( 12 ) C‑585/16, EU:C:2018:327, punt 36.

    ( 13 ) L-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma jagħmilx riferiment speċifiku għall-UNRWA. Minflok, huwa jsemmi, b’mod iktar ġenerali, l-“organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li ma humiex il-[UNHCR]”.

    ( 14 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston f’Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:119, punt 41).

    ( 15 ) Ibid., punt 43.

    ( 16 ) Ara l-punt 21 iktar ’il fuq.

    ( 17 ) Ara s-sentenza f’Abed El Karem El Kott et, punt 62.

    ( 18 ) Ibid., punt 68.

    ( 19 ) Ara, pereżempju, il-libertà tar-reliġjon (Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Genève); l-aċċess għall-qrati, għall-assistenza legali u għall-eżenzjoni mir-rekwiżit li tingħata garanzija tal-ispejjeż legali f’kawża (Artikolu 16); eżenzjoni pubblika (Artikolu 23); u l-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol u s-sigurtà soċjali (Artikolu 24(1)).

    ( 20 ) Ara s-sentenza f’Abed El Karem El Kott et, punt 56.

    ( 21 ) Ibid., punti 58 u 59. Għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, naturalment, sempliċi assenza minn tali żona jew sempliċi deċiżjoni volontarja li wieħed jitlaq minnha ma jistgħux jitqiesu bħala waqfien ta’ protezzjoni jew ta’ assistenza.

    ( 22 ) F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kif jeżistu mhux biss fil-mument tat-tluq ta’ din il-persuna miż-żona ta’ intervent tal-UNRWA, iżda wkoll fil-mument meta l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti jikkunsidraw applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat jew deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti ta’ dan l-istatus (ara s-sentenza f’Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), punt 58).

    ( 23 ) Ara s-sentenza f’Abed El Karem El Kott set, punt 63.

    ( 24 ) Pereżempju, fis-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-proċeduri li taw lok għas-sentenza f’Abed El Karem El Kott et, il-persuni kkonċernati kienu ġew insultati, immaltrattati, arrestati arbitrarjament, ittorturati jew umiljati minn suldati Libaniżi, u d-dar tagħhom ingħatat in-nar jew saritilha l-ħsara u/jew kienu rċevew theddid ta’ mewt.

    ( 25 ) Jiena nifhem li l-Gvern Belġjan jikkunsidra li, bħala prinċipju, huma biss it-theddid jew in-nuqqasijiet li jaffettwaw lill-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana bħala grupp jew dawk li huma ta’ natura sistemika (għall-kuntrarju ta’ theddid individwali jew iżolat) li huma rilevanti. Fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni restrittiva hija żbaljata. Fil-fatt, li kieku kellu jiġi segwit l-approċċ ta’ dan il-gvern, l-evalwazzjoni individwali li għandhom iwettqu l-awtoritajiet nazzjonali ssir mingħajr skop. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li l-assistenza jew il-protezzjoni tal-UNRWA effettivament waqfu għal xi raġuni, fosthom “raġunijiet oġġettivi jew marbuta mas-sitwazzjoni individwali tal-imsemmija persuna” (ara s-sentenza f’Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), punt 72).

    ( 26 ) Ibid., punti 24 u 50.

    ( 27 ) Bħalma rrileva r-rikorrent fil-kawża prinċipali, is-“saħħa” u d-“diżabbiltà” huma elenkati fost iċ-“Ċirkustanzi personali” li jistgħu jagħtu lil persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana d-dritt li tikseb l-istatus ta’ refuġjat, fil-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 13, punt 24.

    ( 28 ) Fil-fehma tiegħi, huwa importanti li l-istat ta’ saħħa tal-persuna jiġi aggravat minn tali fatturi esterni. Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni tkun differenti meta ma jkun hemm assolutament l-ebda trattament jew kura medika li tista’ tnaqqas l-uġigħ jew it-tbatija tal-persuna, jew jekk din sempliċement tirrifjuta li tieħu t-trattament mediku meħtieġ (f’liema każ il-fattur ikun intern, mhux estern).

    ( 29 ) Ara s-sentenza f’Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), punti 70 u 71.

    ( 30 ) Inżid ngħid li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fuqha dawn il-gvernijiet jibbażaw l-argumenti tagħhom, li skontha, essenzjalment, persuna li tbati minn marda serja ma għandhiex tingħata protezzjoni internazzjonali għas-sempliċi raġuni li ma tistax tikseb trattament xieraq fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, ħlief jekk hija ġiet intenzjonalment imċaħħda minn tali trattament (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 36)), ma tikkonċernax il-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, iżda applikanti għall-ażil oħra. Kif iddikjarajt fil-punti 26 sa 28 iktar ’il fuq, il-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni u lanqas ma huma suġġetti għall-istess rekwiżiti bħal applikanti għall-ażil oħra.

    ( 31 ) Ara l-punt 21 iktar ’il fuq.

    ( 32 ) Ara s-sentenza f’Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), punt 67.

    ( 33 ) Ara s-sentenzi f’Alheto, punt 84, u f’Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), punt 48.

    ( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza f’Abed El Karem El Kott et, punt 60.

    ( 35 ) Jiena ninnota li, skont l-ittra tal-UNRWA tat‑22 ta’ Settembru 2021 lill-UNHCR li tiddeskrivi l-mandat u s-servizzi tal-UNRWA (disponibbli fuq l-indirizz segwenti: https://www.unrwa.org/resources/about-unrwa/UNRWA_letter_to_UNHCR), jidher li s-servizzi tal-UNRWA jinkludu l-provvista, inter alia, ta’ edukazzjoni bażika u kura tas-saħħa primarja. Għalhekk, prima facie, il-kura medika terzjarja ma tidhirx li hija inkluża, iżda, fil-fehma tiegħi, din il-lakuna ma twassalx neċessarjament għal risposta negattiva għall-ewwel domanda.

    ( 36 ) Naturalment, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw dan.

    ( 37 ) Ara l-punti 51 u 52 iktar ’il fuq.

    ( 38 ) Ara s-sentenza Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), punti 55 u 56.

    ( 39 ) Fil-fatt, f’każ kuntrarju, kif enfasizzat il-Kummissjoni, kunsiderazzjonijiet marbuta, pereżempju, ma’ restrizzjonijiet baġitarji – li huma rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-UNRWA hijiex fil-fatt f’pożizzjoni li tipprovdi protezzjoni jew assistenza effettivi – isiru r-raġuni nnifisha għaliex dawn l-istess protezzjoni jew assistenza ma jistgħux jitqiesu li “waqfu”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.

    ( 40 ) Il-Gvern Franċiż irrefera, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu L425‑9 tal-Kodiċi dwar id-Dħul u r-Residenza tal-Barranin u d-Dritt għall-Ażil.

    ( 41 ) Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “ir-rwol tal-Istat li fih topera l-UNRWA jista’ wkoll jirriżulta determinanti sabiex jippermetti li dan l-organu jissodisfa l-mandat tiegħu b’mod effettiv u jiżgura li l-persuni inkwistjoni jgħixu f’kundizzjonijiet dinjitużi” (ara s-sentenza Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), punti 82 u 83). Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, f’dik is-sentenza, li n-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali rilevanti kollha, inkluż fir-rigward tal-Istat jew Stati li fihom tintervjeni l-UNRWA, tirriżulta direttament mill-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 (ara l-punt 54 ta’ dik is-sentenza). Din id-dispożizzjoni telenka l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti kull meta jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

    ( 42 ) Sabiex nieħdu eżempju sempliċi, huwa ċar li gwerra fl-Istat li fih tintervjeni l-UNRWA jista’ jkollha impatt dirett fuq jekk l-UNRWA hijiex f’pożizzjoni li tiżgura l-“protezzjoni jew l-assistenza” tagħha fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Inżid li, fis-sentenza Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), punt 80, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li kull assistenza pprovduta minn atturi tas-soċjetà ċivili, bħall-NGOs, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, sakemm l-UNRWA jkollha relazzjoni formali ta’ kooperazzjoni magħhom, ta’ natura stabbli, li fiha jassistu lill-UNRWA fit-twettiq tal-missjoni tagħha.

    ( 43 ) Ara l-Artikoli 1, 2 u 4 tal-Karta.

    ( 44 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, ippreċiżat li l-projbizzjoni ta’ pieni jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti, prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta, hija ta’ natura assoluta (ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 85)).

    ( 45 ) Ara, ukoll, is-sentenza f’Bolbol, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 46 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) (C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem is-“sentenza f’Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika)”).

    ( 47 ) Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 13 ta’ Diċembru 2016, Paposhvili vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2016:1213JUD004173810, punti 178 u 183). Ara, ukoll, is-sentenzi f’Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), punti 63 u 66. Din il-ġurisprudenza tikkonċerna sitwazzjonijiet li jinvolvu t-tkeċċija ta’ persuna marida serjament. Madankollu, nikkunsidraha li hija rilevanti għall-finijiet tal-kawża ineżami.

    ( 48 ) Ara l-punt 54 ta’ dik is-sentenza, u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 49 ) Kemm il-limitu ta’ żewġ partijiet kif ukoll il-kunċett ta’ “dinjità umana” ġew invokati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza f’Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), punti 63 u 71.

    Top