Scegli le funzioni sperimentali da provare

Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.

Documento 62022CC0084

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-17 ta’ Mejju 2023.
Right to Know CLG vs An Taoiseach.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-High Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Direttiva 2003/4/KE – Aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent – Ċaħda ta’ talba għal informazzjoni – Minuti tal-laqgħat ta’ gvern – Dibattiti dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Artikolu 4(1) u (2) – Derogi mid-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni – Kunċetti ta’ ‘komunikazzjonijiet interni’ u ta’ ‘deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi’ – Rimedju ġudizzjarju – Annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut – Deroga applikabbli identifikata fis-sentenza – Awtorità ta’ res judicata.
Kawża C-84/22.

Raccolta della giurisprudenza - generale - Sezione "Informazioni sulle decisioni non pubblicate"

Identificatore ECLI: ECLI:EU:C:2023:421

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis‑17 ta’ Mejju 2023 ( 1 )

Kawża C‑84/22

Right to Know CLG

vs

An Taoiseach

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l‑Irlanda))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali – Derogi – Komunikazzjonijiet interni – Deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi – Minuti tad-deliberazzjonijiet tal-kabinett ta’ gvern – Klassifikazzjoni tal-minuti taħt deroga permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti – Ksur tal-awtorità ta’ res judicata

I. Introduzzjoni

1.

Fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 2 ), id-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali ( 3 ) tistabbilixxi dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali. Fl-istess ħin, kemm il-Konvenzjoni kif ukoll id-Direttiva jipprevedu derogi għal dan id-dritt, li jippermettu b’mod partikolari li jiġu protetti l-komunikazzjonijiet interni u d-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi.

2.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex jiġi kkjarifikat jekk il-minuti tad-diskussjonijiet tal-kabinett ta’ gvern jaqgħux jew taħt id-deroga għall-komunikazzjonijiet interni, jew taħt id-deroga dwar id-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk din il-kwistjoni tistax saħansitra tiġi eżaminata mill-ġdid meta tkun diġà ġiet deċiża f’sentenza preċedenti li saret res judicata dwar l-istess talba għal aċċess.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Il‑Konvenzjoni ta’Aarhus

3.

Id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent huwa stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

4.

L-Artikolu 4(3)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprevedi deroga għall-komunikazzjonijiet interni:

“Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi rrifjutata jekk:

[…]

(c)

it-talba tikkonċerna dokumenti li jkunu għadhom qegħdin jitfasslu jew tikkonċerna komunikazzjonijiet interni tal-awtoritajiet pubbliċi, bil-kundizzjoni li din l-eċċezzjoni tkun prevista fid-dritt intern jew fl-użanza, fid-dawl tal-interess tal-iżvelar tal-informazzjoni mitluba għall-pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.

Il-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet tista’ tiġi protetta taħt l-Artikolu 4(4)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus:

“Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda fil-każ li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkun ser ikollu effetti sfavorevoli fuq:

(a)

in-natura sigrieta tad-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, meta din in-natura sigrieta tkun prevista fid-dritt intern;

[…]

Ir-raġunijiet għal rifjut msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv fid-dawl tal-interess li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba jista’ jkollu għall-pubbliku u skont jekk din l-informazzjoni tikkonċernax jew le emissjonijiet fl-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B.   Id‑Direttiva dwar l‑informazzjoni ambjentali

6.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali jistabbilixxi d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.”

7.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali jipprovdi diversi derogi għal dan id-dritt.

8.

Id-deroga għall-komunikazzjonijiet interni tinsab fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk:

[…]

(e)

it-talba tirrigwarda komunikazzjonijiet interni, filwaqt li jitqies l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar.”

9.

Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali jinkludi deroga għad-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

(a)

il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti [tad-deliberazzjonijiet] ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta bil-liġi;

[…]

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.”

C.   Id‑dritt Irlandiż

10.

Il-punt 3 tal-Artikolu 28(4) tal-Kostituzzjoni Irlandiża jipprevedi l-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet u tal-laqgħat tal-Gvern Irlandiż. Derogi huma previsti biss għal investigazzjonijiet minn qrati jew minn korpi simili.

11.

L-Irlanda ttrasponiet id-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali permezz tal-European Communities (Access to Information on the Environment) Regulations 2007 (S. I. No 133/2007) (28 ta’ Marzu 2007) (ir-Regolamenti tal-2007 relatati mal-Komunitajiet Ewropej dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni Ambjentali).

III. Il‑fatti u t‑talba għal deċiżjoni preliminari

12.

Fit‑8 Marzu 2016, Right to Know CLG, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru inkorporata taħt id-dritt Irlandiż, talbet lit-Taoiseach (il-Prim Ministru, l-Irlanda) aċċess għad-dokumenti kollha li jirriflettu d-deliberazzjonijiet tal-kabinett dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Irlanda mill‑2002 sal‑2016. Il-Prim Ministru ċaħad din it-talba f’Ġunju 2016 wara proċedura interna ta’ eżami mill-ġdid. Right to Know għalhekk fetħet proċeduri quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) sabiex jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni.

13.

Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018, Right to Know CLG vs An Taoiseach ((2018) IEHC 372), il-High Court (il-Qorti Għolja) irreferiet id-deċiżjoni lill-Prim Ministru għal eżami mill-ġdid. Il-High Court (il-Qorti Għolja) ikkonstatat, b’mod partikolari abbażi ta’ preċedent ( 4 ) diskuss bejn il-partijiet, li l-laqgħat tal-Gvern Irlandiż kellhom jitqiesu bħala “komunikazzjonijiet interni” ta’ awtorità pubblika, b’tali mod li l-obbligu li jiġu żvelati r-rekords tal-emissjonijiet fl-ambjent (it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali) ma huwiex applikabbli. Madankollu, il-Prim Ministru kien naqas milli jibbilanċja, minn naħa, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-kunfidenzjalità (it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2)).

14.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2018, il-Prim Ministru ta aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba. Għalhekk, Right to Know ressqet talba ġdida għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ din it-tieni deċiżjoni quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja). L-Imħallef li kien ta s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018 issa ma għadx għandu ġurisdizzjoni f’din il-kawża. L-Imħallef il-ġdid għamel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Rekords ta’ laqgħat formali tas-setgħa eżekuttiva ta’ gvern ta’ Stat Membru, li fihom membri tal-gvern huma meħtieġa li jiltaqgħu u jaġixxu bħala awtorità kollettiva, għandhom jiġu kkaratterizzati, għall-fini ta’ talba għal aċċess għall-informazzjoni ambjentali inkluża fihom, bħala ‘komunikazzjonijiet interni’ jew bħala ‘proċedimenti’ [deliberazzjonijiet] ta’ awtorità pubblika fit-tifsira ta’ dawk il-kliem kif stipulati, rispettivament, fl-Artikolu 4(1)(e) u fl-inċiż (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2), rispettivament, tad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali]?

(2)

Il-prinċipju ta’ res judicata (kif diskuss [fis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003], Köbler, Kawża C‑224/01 [EU:C:2003:513], u ġurisprudenza sussegwenti) jestendi lil hinn mid-dispożittiv tas-sentenza preċedenti, u jinkludi, barra minn hekk, konstatazzjonijiet ta’ fatt u liġi li jidhru fis-sentenza preċedenti? Fi kliem ieħor: il-prinċipju ta’ res judicata huwa limitat għal kawża ta’ estoppel, jew jestendi għal ‘issue estoppel’?

(3)

Fi proċedimenti pendenti bejn partijiet rigward allegat nuqqas ta’ osservanza mad-[Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali] konċernanti talba speċifika għal informazzjoni ambjentali, fejn applikant jew il-persuna li tagħmel it-talba irnexxielu jew irnexxielha jkollu jew ikollha deċiżjoni annullata b’uħud mill-ilmenti bbażati fuq il-liġi tal-Unjoni Ewropea sostnuti u oħrajn miċħuda, il-liġi tal-Unjoni, u b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività tipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali ta’ res judicata bbażata fuq ‘issue estoppel’ li teħtieġ li qorti nazzjonali, fi proċedimenti ġodda li jikkonċernaw deċiżjoni oħra dwar l-istess talba, li teskludi lil tali applikant jew persuna li tagħmel it-talba milli tikkontesta l-imsemmija deċiżjoni oħra fuq raġunijiet ibbażati fuq il-liġi tal-Unjoni li kienu preċedentement miċħuda iżda, fiċ-ċirkustanzi, mhux appellati?

(4)

Ir-risposta għat-tielet domanda iktar ’il fuq hija affettwata mill-fatti li: (i) l-ebda rinviju għal deċiżjoni preliminari ma sar lill-Qorti tal-Ġustizzja; u (ii) ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kienet inġabet għall-attenzjoni tal-qorti nazzjonali mill-ebda waħda mill-partijiet?

15.

Right to Know, l-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali peress li qieset li kellha biżżejjed informazzjoni biex tagħti deċiżjoni.

IV. Evalwazzjoni ġuridika

16.

Bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus permezz ta’ sett ta’ regoli ġenerali. Dawn ir-regoli huma intiżi sabiex jiggarantixxu li kull applikant ikollu dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew miżmuma għalihom, mingħajr ma jkun meħtieġ li jinvoka interess ( 5 ).

17.

Huwa ppreveda, fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu derogi għal dan id-dritt. Sa fejn tali derogi jkunu ġew effettivament trasposti fid-dritt nazzjonali, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jinvokawhom sabiex jopponu għat-talbiet għal informazzjoni li jsirulhom ( 6 ).

18.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni kontenzjuża taqax jew taħt id-deroga dwar il-komunikazzjonijiet interni, jew taħt id-deroga dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti A). Min-naħa l-oħra, din it-talba tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, u sa fejn, l-applikabbiltà ta’ dawn id-derogi fil-kawża prinċipali diġà ġiet deċiża b’mod definittiv permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018 li saret res judicata (ara taħt B).

A.   Interpretazzjoni tar‑raġunijiet għal deroga diskussi (l‑ewwel domanda preliminari)

19.

Skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, ċerti derogi għad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali ma jiġġustifikawx li jiġi rrifjutat l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. Waħda minn dawn id-derogi hija prevista fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2). Din id-deroga tippermetti li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. Peress li l-minuti tad-dibattiti tal-kabinett dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jistgħu jitqiesu bħala informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent, huwa dubjuż jekk din id-deroga tistax tiġġustifika r-rifjut tal-aċċess.

20.

Jekk, għall-kuntrarju, id-deroga dwar il-komunikazzjonijiet interni skont il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali hija applikabbli, l-emissjonijiet fl-ambjent għandhom għalhekk jitqiesu fil-kuntest tal-evalwazzjoni skont it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) bħala parti mill-interess pubbliku fl-iżvelar, iżda interessi konfliġġenti jista’ jkollhom rwol ukoll.

21.

Għaldaqstant, l-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat liema waħda minn dawn iż-żewġ derogi tapplika. Madankollu, hija bbażata fuq l-ipoteżi li ż-żewġ derogi ma jistgħux japplikaw simultanjament. Iktar ’il quddiem ser nuri li din l-ipoteżi ma hijiex korretta.

1. Komunikazzjonijiet interni

22.

Il-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet interni” jirreferi għall-informazzjoni li tiċċirkola fi ħdan awtorità pubblika u li, fil-mument tat-talba għal aċċess, ma tkunx ħarġet mill-isfera interna tagħha, b’mod partikolari billi tkun ġiet żvelata lil terz jew saret pubblikament aċċessibbli ( 7 ). Din id-deroga hija intiża sabiex tissodisfa l-bżonn tal-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom spazju protett għal kunsiderazzjonijiet u dibattiti interni ( 8 ).

23.

Il-punt 2(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali jiddefinixxi l-gvern bħala awtorità pubblika fis-sens tad-Direttiva. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, id-dokumenti li jirriproduċu d-dibattiti tal-kabinett tal-Gvern Irlandiż jibqgħu fl-isfera interna tal-Gvern Irlandiż. Dawn id-dokumenti ma għandhomx ikunu disponibbli għal partijiet terzi jew għall-pubbliku. Dan jikkorrispondi għall-punt 3 tal-Artikolu 28(4) tal-Kostituzzjoni Irlandiża, li jipprevedi l-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet u tal-laqgħat tal-Gvern Irlandiż.

24.

Għalhekk, id-dokumenti mitluba huma komunikazzjonijiet interni. L-aċċess għal dawn id-dokumenti jista’ jiġi rrifjutat jekk ma jkun hemm ebda interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar tagħhom.

25.

Għalhekk, il-minuti tal-laqgħat formali tal-poter eżekuttiv tal-Irlanda għandhom, għall-finijiet ta’ talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali li tinsab fihom, jiġu kklassifikati bħala komunikazzjonijiet interni ta’ awtorità pubblika fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali.

2. Deliberazzjonijiet tal‑awtoritajiet pubbliċi

26.

Barra minn hekk, skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li talba għal informazzjoni ambjentali għandha tiġi miċħuda meta l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippreġudika l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, meta din il-kunfidenzjalità tkun prevista fid-dritt.

27.

Jekk wieħed jikkunsidra biss il-verżjoni bil-Ġermaniż ta’ din id-dispożizzjoni, id-dibattiti tal-kabinett tal-Gvern Irlandiż jidhru manifestament li huma deliberazzjonijiet ta’ awtorità pubblika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

28.

Għaldaqstant, inizjalment huwa sorprendenti li l-High Court (il-Qorti Għolja) ikkunsidrat l-applikazzjoni ta’ din id-deroga bħala artifiċjali u mġebbda (“artificial and strained”) ( 9 ). Din il-fehma tista’ tiġi spjegata mill-verżjoni bl-Ingliż tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali. Bħal f’diversi verżjonijiet lingwistiċi oħra, fil-verżjoni bl-Ingliż ma hemm ebda terminu li għandu neċessarjament jinftiehem bħala “deliberazzjonijiet”. Għall-kuntrarju, it-terminu użat,“proceedings” ( 10 ), iħalli lil wieħed jaħseb dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-proċeduri. It-terminu użat fil-verżjoni bil-Ġermaniż (“Beratungen”) jikkorrispondi biss għall-verżjoni bil-Franċiż ( 11 ) u bit-Taljan ( 12 ) tad-Direttiva, filwaqt li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jirreferu għall-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi ( 13 ), b’mod partikolari għall-ipproċessar ta’ fajls jew għall-ipproċessar ta’ każijiet ( 14 ).

29.

Dawn id-diverġenzi jistgħu jinstabu wkoll fil-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi tal-punt(a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li huwa implimentat permezz tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali. Il-verżjoni bl-Ingliż u dik bil-Franċiż tal-Konvenzjoni huma, f’dan ir-rigward, identiċi għall-verżjonijiet lingwistiċi kkonċernati tad-Direttiva. Il-verżjoni bir-Russu tal-Konvenzjoni, li hija ugwalment awtentika, tirreferi għall-kunfidenzjalità tal-ħidma tal-awtoritajiet pubbliċi ( 15 ).

30.

Id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ partikolari dispożizzjoni tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi ( 16 ), peress li ebda verżjoni lingwistika ma tista’ tipprevali ( 17 ). Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni u l-għan tagħha ( 18 ).

31.

Il-punt tat-tluq għal dan l-eżami għandu jkun li d-derogi għad-dritt ta’ aċċess għandhom, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva u skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni, jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 19 ). Sabiex id-deroga dwar id-deliberazzjonijiet tingħata funzjoni speċifika li tkun distinta mid-deroga dwar il-“komunikazzjonijiet interni”, din l-ewwel deroga għandha tkun limitata għall-proċess ta’ deliberazzjonijiet innifsu fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, filwaqt li l-bażi fattwali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ma hijiex koperta ( 20 ). Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali u l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jirreferu għall-istadji finali tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi ( 21 ), jiġifieri li jipproteġu l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet (finali) tal-awtoritajiet pubbliċi u mhux il-proċedura amministrattiva kollha li tippreċedi d-deliberazzjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet ( 22 ).

32.

Sa fejn id-dibattiti tal-Gvern Irlandiż jaqgħu taħt l-istadju finali ta’ proċedura, punt dan li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, dawn id-dibattiti jkunu għalhekk deliberazzjonijiet ta’ awtorità pubblika fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali.

3. Applikazzjoni konġunta ta’ diversi derogi

33.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju madankollu tixtieq tkun taf jekk il-minuti ta’ laqgħat formali tal-poter eżekuttiv ta’ Stat Membru, li fi ħdanhom il-membri tal-gvern għandhom jiltaqgħu u jaġixxu bħala awtorità kollettiva, għandhomx jiġu kklassifikati bħala “deliberazzjonijiet”jew“komunikazzjonijiet”. Għaldaqstant, iż-żewġ derogi previsti fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali jkollhom jiġu distinti minn xulxin, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Madankollu, din il-premessa hija żbaljata. Għall-kuntrarju, iż-żewġ derogi jikkoinċidu ( 23 ).

34.

Fil-fatt, dawn huma bbażati fuq l-istess bżonn tal-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom spazju protett għal kunsiderazzjonijiet u dibattiti interni.

35.

L-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-korpi tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 24 ) tagħmilha partikolarment ċara. Skont din id-dispożizzjoni, l-aċċess għal dokument imfassal minn istituzzjoni għall-użu intern tagħha jista’ jiġi rrifjutat fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni.

36.

Barra minn hekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti, ir-rifjut ta’ aċċess għal ċerta informazzjoni huwa spiss ibbażat simultanjament fuq diversi raġunijiet għal deroga, mingħajr ma dan jiġi kkontestat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 25 ).

37.

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-minuti ta’ laqgħat formali tal-poter eżekuttiv ta’ Stat Membru, li fihom membri tal-gvern huma meħtieġa li jiltaqgħu u jaġixxu bħala awtorità kollettiva, għandhom jiġu kkaratterizzati, għall-fini ta’ talba għal aċċess għall-informazzjoni ambjentali inkluża fihom, bħala “komunikazzjonijiet interni” fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali. Meta dawn il-laqgħat jaqgħu taħt l-istadju finali tal-proċedura, dawn il-minuti jkunu wkoll “deliberazzjonijiet” ta’ awtorità pubblika fis-sens tal-punt (1) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2).

B.   Fuq l‑awtorità ta’ res judicata

1. Nuqqas ta’ rilevanza tad‑domandi dwar l‑awtorità ta’ res judicata

38.

Permezz tad-domandi l-oħra, il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ res judicata jipprekludihiex milli tikkontesta, abbażi ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-konstatazzjonijiet tas-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Ġunju 2018. Skont l-ewwel sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018, li saret res judicata, l-informazzjoni kontenzjuża taqa’ taħt id-deroga dwar il-komunikazzjonijiet interni fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali ( 26 ), iżda mhux taħt id-deroga dwar il-protezzjoni tad-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ( 27 ).

39.

Il-qorti tar-rinviju issa qiegħda tqis li tiddeċiedi fis-sens kuntrarju, jiġifieri li torbot l-informazzjoni kontenzjuża mhux mad-deroga prevista għall-komunikazzjonijiet interni, iżda mad-deroga dwar id-deliberazzjonijiet. Madankollu, id-deroga dwar il-protezzjoni tad-deliberazzjonijiet tista’ ma tkunx applikabbli minħabba li, skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni ambjentali, iż-żamma ta’ informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent ma hijiex permessa. Għall-kuntrarju, din il-limitazzjoni ma tapplikax għall-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet interni.

40.

Madankollu, mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li l-kundizzjonijiet meħtieġa miż-żewġ derogi jistgħu jiġu ssodisfatti simultanjament u li, fi kwalunkwe każ, skont l-indikazzjonijiet disponibbli dwar l-informazzjoni kontenzjuża, din tal-aħħar tikkostitwixxi komunikazzjonijiet interni. Għalhekk, id-deroga dwar il-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet interni tista’ tiġi invokata kontra l-iżvelar ta’ informazzjoni anki meta din l-informazzjoni jkollha bħala suġġett l-emissjonijiet fl-ambjent u tikkonċerna deliberazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi.

41.

Din hija r-raġuni għaliex l-awtorità ta’ res judicata marbuta mal-konstatazzjoni li l-informazzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi komunikazzjonijiet interni u mhux deliberazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi fil-fatt ma għadhiex rilevanti. Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin japplikaw għalhekk, sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq madankollu tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi.

2. Sussidjarjament: risposta għad‑domandi dwar l‑awtorità ta’ res judicata

42.

Fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali, din il-kwistjoni taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Madankollu, japplikaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 28 ).

a) Portata tal‑awtorità ta’ res judicata (it‑tieni domanda preliminari)

43.

It-tieni domanda preliminari hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività li l-awtorità ta’ res judicata ma tkunx limitata għad-dispożittiv ta’ sentenza, iżda tinkludi wkoll il-motivi tagħha.

44.

Fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ effettività ma jinkisirx meta l-portata tal-awtorità ta’ res judicata tkun, skont id-dritt intern, konformi mal-prinċipji applikati f’dan ir-rigward fid-dritt tal-Unjoni. L-awtorità ta’ res judicata tinkludi l-elementi tal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tagħha u li jkunu, minħabba f’hekk, inseparabbli minn dan tal-aħħar ( 29 ). Għall-kuntrarju, fid-dritt tal-Unjoni, l-elementi tal-motivi li ma jikkostitwixxux is-sostenn neċessarju għad-dispożittiv ma jaqgħux taħt l-awtorità ta’ res judicata ( 30 ).

45.

Jekk din id-delimitazzjoni tal-awtorità ta’ res judicata tiġi trasposta għall-kawża prinċipali, il-klassifikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża skont id-deroga dwar il-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet interni, bħala motiv fundamentali tas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018, tkun saret res judicata. Din il-klassifikazzjoni kienet neċessarja sabiex tiġi annullata ċ-ċaħda tat-talba għal aċċess u sabiex din tinbagħat lura quddiem l-amministrazzjoni sabiex tiddeċiedi mill-ġdid.

46.

Għall-kuntrarju, il-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-deroga dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet hijiex ukoll inseparabbli mid-dispożittiv hija inqas ċara. Mill-perspettiva tal-High Court (il-Qorti Għolja), dan in-nuqqas ta’ applikazzjoni kien intrinsikament marbut mal-applikazzjoni tad-deroga dwar il-komunikazzjonijiet interni, għaliex hija kkunsidrat li deroga waħda biss setgħet tiġi applikata f’kull każ partikolari. Madankollu, skont il-kunsiderazzjonijiet dwar l-ewwel domanda, iż-żewġ derogi jistgħu japplikaw simultanjament.

47.

Madankollu, in-natura inseparabbli ma hijiex, fl-aħħar mill-aħħar, determinanti. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ effettività ma jeżiġix li l-Istati Membri jallinjaw, fid-dritt intern, il-portata tal-awtorità ta’ res judicata mal-istandards tad-dritt tal-Unjoni dwar l-awtorità ta’ res judicata. Dan jippermetti wkoll awtorità ta’ res judicata iktar estiża sakemm ma tirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

48.

Bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju ( 31 ), ma jidhirx li l-estensjoni tal-awtorità ta’ res judicata għal motivi superfluwi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tirrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet.

49.

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda hija li l-prinċipju ta’ effettività ma jeżiġix li l-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza tkun limitata għall-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha.

b) Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ konstatazzjoni li għandha l‑awtorità ta’ res judicata (it‑tielet u r‑raba’ domanda preliminari)

50.

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk humiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività li l-konstatazzjonijiet li għandhom l-awtorità ta’ res judicata, magħmula fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Ġunju 2018, dwar l-istess talba għal aċċess jipprekludu, fil-kawża ineżami, l-eżami mill-ġdid tal-klassifikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża taħt id-deroga dwar il-komunikazzjonijiet interni u taħt id-deroga dwar id-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk il-fatt li fl-ewwel proċedura ma saritx talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u li l-partijiet ma ġibdux l-attenzjoni tal-qorti nazzjonali għall-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja għandux effett, fil-kuntest tat-tieni proċedura ġudizzjarja, fuq il-kompatibbiltà tal-awtorità ta’ res judicata marbuta mal-konstatazzjonijiet tal-ewwel sentenza.

51.

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġix li jiġu injorati l-konstatazzjonijiet li għandhom l-awtorità ta’ res judicata meta jkun hemm possibbiltà li dawn ikunu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

52.

Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni dwar l-awtorità ta’ res judicata. L-istess japplika jekk dan jippermetti li jiġi rrimedjat ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 32 ).

53.

Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti meta r-regoli proċedurali interni applikabbli jippermettu lill-qorti nazzjonali, taħt ċerti kundizzjonijiet, tbiddel deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tagħmel is-sitwazzjoni li rriżultat minnha kompatibbli mad-dritt nazzjonali. Il-qorti nazzjonali għandha għalhekk tuża din il-possibbiltà wkoll sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-kompatibbiltà tas-sitwazzjoni mad-dritt tal-Unjoni, skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 33 ).

54.

Għalkemm huwa minnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari nnifisha ma tinkludix indikazzjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern f’dan ir-rigward, xorta jibqa’ l-fatt li tali indikazzjonijiet jinsabu f’sentenza mehmuża magħha ( 34 ), li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont din is-sentenza, il-qrati Irlandiżi jistgħu, f’ċirkustanzi partikolari, jawtorizzaw lil parti tqajjem kwistjoni fi proċedura sussegwenti, minkejja l-fatt li din tkun ġiet deċiża fi proċedura preċedenti kontra l-parti. Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-qorti għandha tibbilanċja d-dritt kostituzzjonali ta’ aċċess għall-ġustizzja mal-interess pubbliku u mal-interess ġenerali. Huwa fl-interess pubbliku li tilwima tiġi deċiża b’mod definittiv (bħala prinċipju) u li persuna ma tkunx esposta għal kawżi repetuti jew doppji li jirrigwardaw kwistjonijiet li diġà ġew deċiżi preċedentement.

55.

Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, kemm il-prinċipju ta’ ekwivalenza kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività jistgħu jwasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex twarrab kull konstatazzjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata magħmula fis-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018.

56.

Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li l-qorti tar-rinviju teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha fuq il-kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni b’mod analogu għal kif teżerċita din is-setgħa fil-kawżi purament interni. Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda indikazzjoni speċifika dwar il-prassi Irlandiża. Madankollu, fid-dritt komuni Ingliż, fejn is-sitwazzjoni legali tidher li hija simili għal dik tal-Irlanda, huwa importanti ħafna jekk il-parti li kontriha hija opposta konstatazzjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata magħmula f’sentenza preċedenti kellhiex il-possibbiltà li tikkontesta din il-konstatazzjoni permezz ta’ rimedju ġudizzjarju ( 35 ).

57.

Peress li Right to Know, l-Irlanda u s-sentenza msemmija iktar ’il fuq tat‑23 ta’ April 2021 jindirizzaw il-kwistjoni ta’ jekk Right to Know setgħetx tippreżenta appell mis-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018, huwa probabbli li din il-kwistjoni għandha rwol simili fil-prassi Irlandiża. Barra minn hekk, fid-dawl tad-diskussjonijiet preċedenti, jidher dubjuż jekk tali appell kienx possibbli.

58.

Filwaqt li l-Irlanda ssostni li Right to Know setgħet tappella mis-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2021 u l-argumenti ta’ Right to Know tefgħu dan f’dubju. Peress li, fis-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018, Right to Know kisbet l-annullament taċ-ċaħda kkontestata tat-talba tagħha għal aċċess, kien hemm riskju li appell kontra ċerti partijiet mill-motivi tas-sentenza jiġi miċħud bħala prematur ( 36 ).

59.

Dan ikun jikkorrispondi, fl-aħħar mill-aħħar, għas-sitwazzjoni legali quddiem il-qrati tal-Unjoni. Skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jista’ jiġi ppreżentat appell (unikament) minn parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox fit-talbiet tagħha. Għall-kuntrarju, l-appelli li sempliċement jikkontestaw il-motivi ta’ sentenza li bħala riżultat kienet favorevoli għall-appellant huma inammissibbli ( 37 ). Barra minn hekk, anki fil-proċeduri ta’ appell li bħala prinċipju jkunu ammissibbli, ċerti oġġezzjonijiet ikunu inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku meta jirrigwardaw biss il-motivi ta’ deċiżjoni fuq il-mertu f’sitwazzjoni fejn il-parti kkonċernata ma tkunx qiegħda tikkontesta fl-istess ħin din id-deċiżjoni fuq il-mertu ( 38 ).

60.

Jekk Right to Know ma setgħetx effettivament tikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018, dan ikun rilevanti mhux biss għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, iżda wkoll għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività.

61.

Ċertament, prima facie, l-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju ma tidhirx li tikkostitwixxi ostakolu partikolarment serju għall-eżerċizzju tad-dritt. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li fil-biċċa l-kbira jikkoinċidi mal-prinċipju ta’ effettività ( 39 ), jagħti biss lill-individwi, skont id-dritt tal-Unjoni, aċċess għal qorti waħda u mhux għal diversi livelli ta’ ġurisdizzjoni ( 40 ). Hawnhekk, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018 turi li kien hemm aċċess għal qorti f’dan is-sens.

62.

Madankollu, f’dan il-każ, l-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju timplika ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Għalhekk, għandu jitqies li l-parti avversarja, il-Prim Ministru, kellha l-possibbiltà, bħala l-parti li tilfet, li tikkontesta s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018.

63.

Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jagħmel parti integrali mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 41 ). Dan huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq u jeħtieġ li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha ( 42 ).

64.

Madankollu, huwa żvantaġġ ċar meta parti tkun marbuta minn konstatazzjoni li sussegwentement tirriżulta żvantaġġuża, filwaqt li l-parti avversarja li tikseb vantaġġ minn din il-konstatazzjoni setgħet tagħżel li tikkontesta jew taċċetta din il-konstatazzjoni.

65.

Iż-żewġ elementi invokati mill-qorti tar-rinviju fir-raba’ domanda, jiġifieri l-fatt li l-qorti li tat is-sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata għażlet li ma tressaqx talba għal deċiżjoni preliminari u l-lakuni fl-argumenti tal-partijiet, ċertament għandhom ukoll interess, iżda ma humiex determinanti waħedhom.

66.

Għalhekk, il-fatt li ebda talba għal deċiżjoni preliminari ma tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018 jista’ pjuttost jimmilita favur il-ftuħ ta’ eżami mill-ġdid ta’ punt ta’ liġi li diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni li saret res judicata. Issa, fl-assenza ta’ obbligu li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari, dan il-fatt għandu biss piż relattivament żgħir fl-ibbilanċjar ( 43 ).

67.

Jekk, fil-proċedura li wasslet għas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018, il-partijiet, u b’mod partikolari Right to Know, ma għamlux riferiment għall-ġurisprudenza rilevanti diġà eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan pjuttost jimmilita favur li jinżammu fis-seħħ il-konstatazzjonijiet magħmula f’din is-sentenza. Fil-fatt, f’dan il-każ, huma ma jkunux għamlu l-isforzi raġonevoli kollha sabiex jiksbu deċiżjoni korretta li tkun favorevoli għalihom. Dan jgħodd iktar u iktar meta jeżisti, fid-dritt proċedurali inkwistjoni, approċċ qawwi ħafna li jobbliga lill-partijiet jippreżentaw il-preċedenti rilevanti. Iżda dan l-aspett ukoll għandu biss portata limitata, peress li n-nuqqas ta’ preċedenti kien saħħaħ il-ħtieġa għall-High Court (il-Qorti Għolja), sa mill-ewwel proċedura, sabiex tirrifletti fuq it-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, is-sentenza ċentrali dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjonijiet interni ( 44 ) ngħatat biss wara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2018.

68.

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li qorti nazzjonali hija obbligata, skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, twarrab konstatazzjonijiet li għandhom l-awtorità ta’ res judicata sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-kompatibbiltà tas-sitwazzjoni kkonċernata mad-dritt tal-Unjoni, fil-każ fejn ir-regoli proċedurali interni applikabbli jipprevedu tali possibbiltà f’sitwazzjoni purament interna. Sa fejn il-qorti għandha setgħa diskrezzjonali, hija għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-parti leża mill-konstatazzjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata kellhiex il-possibbiltà li tikkontesta din il-konstatazzjoni permezz ta’ appell u jekk kienx hemm opportunitajiet ugwali għall-partijiet f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni dwar jekk talba għal deċiżjoni preliminari tressqitx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma saret il-konstatazzjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata jew jekk il-partijiet ikkonċernati, qabel din il-konstatazzjoni, invokawx quddiem il-qorti nazzjonali l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam hija ta’ importanza żgħira għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali.

V. Konklużjoni

69.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Il-minuti ta’ laqgħat formali tal-poter eżekuttiv ta’ Stat Membru, li fihom membri tal-gvern huma meħtieġa li jiltaqgħu u jaġixxu bħala awtorità kollettiva, għandhom jiġu kkaratterizzati, għall-fini ta’ talba għal aċċess għall-informazzjoni ambjentali inkluża fihom, bħala “komunikazzjonijiet interni” fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE. Meta dawn il-laqgħat jaqgħu taħt l-istadju finali tal-proċedura, dawn il-minuti jkunu wkoll “deliberazzjonijiet” ta’ awtorità pubblika fis-sens tal-punt (1) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2).

2)

L-awtorità ta’ res judicata marbuta mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Madankollu, japplikaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

a)

Il-prinċipju ta’ effettività ma jeżiġix li l-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza tkun limitata għall-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha

b)

Qorti nazzjonali hija obbligata, skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, twarrab konstatazzjonijiet li għandhom l-awtorità ta’ res judicata sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-kompatibbiltà tas-sitwazzjoni kkonċernata mad-dritt tal-Unjoni, fil-każ fejn ir-regoli proċedurali interni applikabbli jipprevedu tali possibbiltà f’sitwazzjoni purament interna. Sa fejn il-qorti għandha setgħa diskrezzjonali, hija għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-parti leża mill-konstatazzjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata kellhiex il-possibbiltà li tikkontesta din il-konstatazzjoni permezz ta’ appell u jekk kienx hemm opportunitajiet ugwali għall-partijiet f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni dwar jekk talba għal deċiżjoni preliminari tressqitx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma saret il-konstatazzjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata jew jekk il-partijiet ikkonċernati, qabel din il-konstatazzjoni, invokawx quddiem il-qorti nazzjonali l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam hija ta’ importanza żgħira għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2005, L 124, p. 4), adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1).

( 3 ) Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

( 4 ) Sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tal‑4 ta’ Ġunju 2012, An Taoiseach vs Commissioner for Environmental Information ((2010) IEHC 241).

( 5 ) Sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 31), u tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Kommunikazzjonijiet Interni) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 28).

( 6 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Kommunikazzjonijiet Interni) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 31).

( 7 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Kommunikazzjonijiet Interni) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 47).

( 8 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Kommunikazzjonijiet Interni) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 4446). B’mod simili, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, De Masi u Varoufakis vs EZB (C‑342/19 P, EU:C:2020:1035, punti 51 u 52), dwar ir-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-BĊE. Ara wkoll il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali (COM (2000) 402 finali) u d-dokument tal-Aarhus Convention Compliance Committee (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, iktar ’il quddiem il-“Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus”), intitiolat “Findings and recommendations with regard to communication ACCC/C/2013/93 concerning compliance by Norway”, tad‑19 ta’ Ġunju 2017, punt 71.

( 9 ) Sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tal‑4 ta’ Ġunju 2012, An Taoiseach vs Commissioner for Environmental Information ((2010) IEHC 241, punt 83)

( 10 ) Bl-Ispanjol: “procedimientos”; biċ-Ċek: “řízení”; bil-Grieg: “διαδικασιών”; bil-Kroat: “postupaka”; bil-Litwan: “procesinių veiksmų”, bil-Malti: “tal-proċedimenti”; bil-Portugiż: “procedimentos”; bir-Rumen: “procedurilor”; bis-Sloven: “postopkov” u bl-Isvediż: “förfaranden”.

( 11 ) “Delibérations”.

( 12 ) “Deliberazioni”.

( 13 ) Bil-Bulgaru: “дейностите”; bl-Estonjan: “töö”; bl-Olandiż: “handlingen”; bil-Pollakk: “działań”; bis-Slovakk: “konania”; bil-Finlandiż: “toiminnan”.

( 14 ) Bil-Latvjan: “lietu”.

( 15 )

( 16 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punti 13 u 14); tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas (C‑372/88, EU:C:1990:140, punt 19); u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 43).

( 17 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas (C‑372/88, EU:C:1990:140, punt 18); tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65); u tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punt 40).

( 18 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, EU:C:1977:172, punti 13 u 14); tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65); u tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punt 42).

( 19 ) Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting (C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 56), u tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Kommunikazzjonijiet Interni) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 3348) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2011:413, punt 83).

( 20 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2011:413, punt 83) u tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑60/15 P, EU:C:2016:778, punt 76 (kif ukoll punti57 et seq.)) kif ukoll id-dokument tal-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus intitolat “Findings and recommendations with regard to communication ACCC/C/2010/51 concerning compliance by Romania”, tat‑28 Marzu 2014, punt 89.

( 21 ) Sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 63).

( 22 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑60/15 P, EU:C:2017:540, punt 81).

( 23 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Office of Communications (C‑71/10, EU:C:2011:525, punt 30), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, De Masi u Varoufakis vs BĊE (C‑342/19 P, EU:C:2020:1035, punt 62)

( 24 ) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

( 25 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni (C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punti 77 et seq. U 109 et seq.); tat‑28 ta’ Novembru 2013, Jurašinović vs Il‑Kunsill (C‑576/12 P, EU:C:2013:777, punti 28 u 38); u tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW Energie Baden-Württemberg (C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punti 62, 63 u 79).

( 26 ) Sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tal‑1 ta’ Ġunju 2018, Right to Know CLG vs An Taoiseach ((2018) IEHC 372, punt 65.).

( 27 ) Sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tal‑1 ta’ Ġunju 2018, Right to Know CLG vs An Taoiseach ((2018) IEHC 372, punt 76.).

( 28 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 24), u tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 100).

( 29 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni (C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punt 44); tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 40); u tas‑17 ta’ Settembru 2020, Alfamicro vs Il‑Kummissjoni (C‑623/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:734 punt 37).

( 30 ) F’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Al‑Aqsa (C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 49), u tal‑11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punti 43 u 46). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Trstenjak fil-kawżi magħquda Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa (C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:321, punt 35).

( 31 ) Ara l-punt 56 iktar ’il quddiem.

( 32 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punti 46 u 47); tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 37); u tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia (C‑34/19, EU:C:2020:148, punt 65).

( 33 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 62); tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 30); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 60).

( 34 ) Sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tat‑23 ta’ April 2021, Right to Know vs An Taoisach, (2021) IEHC 233, punt 35).

( 35 ) Sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit) tal‑20 ta’ Mejju 2021 Thomas vs Luv One Luv All Promotions Ltd (A3/2020/1485, (2021) EWCA Civ 732, punti 44 sa 48, 51 u 75)

( 36 ) Sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) tat‑23 ta’ April 2021, Right to Know vs An Taoisach ((2021) IEHC 233, punt 48).

( 37 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Société des produits Nestlé et vs Mondelez UK Holdings & Services (C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:596, punt 42) kif ukoll digriet tad‑29 ta’ April 2022, Valvis Holding vs Sun Stars & Sons u EUIPO (C‑420/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:340, punt 22).

( 38 ) F’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services vs Il‑Kummissjoni (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 23 sa 25); tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Iride vs Il‑Kummissjoni (C‑329/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:859, punti 48 sa 50), kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il‑Kummissjoni (C‑649/15 P, EU:C:2017:835, punti 61 sa 63).

( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:253, punti 49 sa 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 69), u tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 36).

( 41 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48); tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 48); u tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary (C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 61).

( 42 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 71); tat‑28 ta’ Lulju 2016, Conseil des ministres (C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 40); tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 96); u tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary (C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 61).

( 43 ) Dwar il-konsegwenzi ta’ ksur tar-rinviju obbligatorju, ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2004, Kühne u Heitz (C‑453/00, EU:C:2004:17, punti 2728). Ara wkoll is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Byankov (C‑249/11, EU:C:2012:608, punti 7778), kif ukoll tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Incyte (C‑492/16, EU:C:2017:995, punti 4748).

( 44 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Interne Mitteilungen) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 28).

In alto