Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CC0033

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-11 ta’ Mejju 2023.
Österreichische Datenschutzbehörde vs WK.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Artikolu 16 TFUE – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 2(2)(a) – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjonijiet – Attivitajiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(2) TUE – Attivitajiet relatati mas-sigurtà nazzjonali – Kumitat ta’ inkjesta parlamentari ta’ Stat Membru – Artikolu 23(1)(a) u (h), Artikoli 51 u 55 tar-Regolament (UE) 2016/679 – Kompetenza tal-awtorità ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-data – Artikolu 77 – Dritt li jitressaq lment quddiem awtorità ta’ superviżjoni – Effett dirett.
Kawża C-33/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:397

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑11 ta’ Mejju 2023 ( 1 )

Kawża C‑33/22

Österreichische Datenschutzbehörde

fil-preżenza ta’:

WK,

Präsident des Nationalrates

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Artikolu 16(2) TFUE – Attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data – Attivitajiet relatati mas-sigurtà nazzjonali – Kumitat ta’ inkjesta parlamentari ta’ Stat Membru – Superviżjoni tal-attività ta’ awtorità tal-pulizija – Kompetenzi tal-awtorità superviżorja tal-protezzjoni tad-data – Artikolu 55(1) – Artikolu 77(1) – Effett dirett”

Daħla

1.

Ix-xogħol ta’ kumitat ta’ inkjesta parlamentari ta’ Stat Membru jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 ( 2 ), inkluż meta l-inkjesta tikkonċerna kwistjonijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, id-dispożizzjonijiet tal-GDPR dwar id-dritt ta’ lment quddiem awtorità superviżorja nazzjonali jistgħu jiġu applikati b’mod dirett, minkejja prinċipju kostituzzjonali li jipprekludi l-indħil estern fil-ħidma tal-Parlament? Dawn huma, essenzjalment, il-kwistjonijiet imqajma f’din il-kawża mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija).

2.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nipproponi li tingħata risposta fl-affermattiv. Fil-fehma tiegħi, tali soluzzjoni mhux biss twieġeb għall-għanijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni – li stabbilixxa l-GDPR bħala lex generalis fil-veru sens tal-kelma għall-protezzjoni tad-data personali – iżda wkoll għar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 TFUE, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jestendi għall-attivitajiet superviżorji tal-Istati Membri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

3.

F’dan il-każ, uffiċjal tal-pulizija kriminali, WK (iktar ’il quddiem is-“suġġett tad-data”), instema’ minn kumitat ta’ inkjesta tal-Parlament Awstrijak dwar tfittxijiet imwettqa, b’mod partikolari, fil-bini tal-Bundesamt für Verfassungsschutz und Terrorismusbekämpfung (l-Uffiċċju Federali għall-Ħarsien tal-Kostituzzjoni u għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, l-Awstrija, iktar ’il quddiem il-“BVT”). Il-proċess verbali tas-seduta sussegwentement ġie ppubblikat fuq is-sit web tal-Parlament, u dan juri l-isem u l-kunjom tas-suġġett tad-data, minħabba li l-istampa kienet diġà żvelat l-identità tagħha.

4.

Peress li qieset li d-dritt tagħha għall-kunfidenzjalità tad-data personali ma kienx ġie rrispettat, is-suġġett tad-data ressaq ilment quddiem l-Österreichische Datenschutzbehörde (l-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data, l-Awstrija, iktar ’il quddiem id-“Datenschutzbehörde”) skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR, li madankollu ma kienx is-suġġett ta’ eżami tal-mertu. Fid-dawl tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri stabbilit fid-dritt Awstrijak, id-Datenschutzbehörde ċaħdet li għandha ġurisdizzjoni, billi qieset li s-setgħa superviżorja tagħha f’dan il-każ kienet f’kunflitt mal-indipendenza kostituzzjonali tal-entitajiet tal-Parlament.

5.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-suġġett tad-data ppreżenta r-rikors li l-eżitu tiegħu jiddependi fuq ir-risposti għad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn id-domandi jirrigwardaw, essenzjalment, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali u l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GDPR, li l-kontenut tagħhom huwa mogħti hawn.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

6.

Il-premessi 16, 20 u 117 tal-GDPR jipprovdu:

“(16)

Dan ir-Regolament ma japplikax għal kwistjonijiet ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali jew il-fluss liberu ta’ data personali relatata ma’ attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, bħal attivitajiet rigward is-sigurtà nazzjonali. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet fir-rigward tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni.

[…]

(20)

Filwaqt li dan ir-Regolament japplika, inter alia, għall-attivitajiet tal-qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn, il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tista’ tispeċifika l-attivitajiet ta’ pproċessar u l-proċeduri ta’ pproċessar b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali minn qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn. Il-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji ma għandhiex tkopri l-ipproċessar ta’ data personali meta l-qrati jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-ġudikatura fit-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji tagħha, inkluż it-teħid ta’ deċiżjonijiet. […]

[…]

(117)

L-istabbiliment ta’ awtoritajiet superviżorji fl-Istati Membri, bis-setgħa li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’indipendenza sħiħa, huwa komponent essenzjali tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu iktar minn awtorità superviżorja waħda, sabiex jirriflettu l-istruttura kostituzzjonali, organizzattiva u amministrattiva tagħhom.”

7.

L-Artikolu 2 tal-GDPR, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

(a)

matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(b)

mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE;

(c)

minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar;

(d)

mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

[…]”.

8.

L-Artikolu 23(1) tal-GDPR, intitolat “Restrizzjonijiet”, jipprevedi:

“1. “Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

(a)

is-sigurtà nazzjonali;

[…]

(h)

funzjoni ta’ monitoraġġ, ispezzjoni jew regolatorja marbuta, anki jekk okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali f’każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) u (g);

[…]”

9.

L-Artikolu 51(1) tal-GDPR, intitolat “Awtorità superviżorja”, jaqra kif ġej:

“1. Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni (‘awtorità superviżorja’).”

10.

L-Artikolu 55 tal-GDPR, intitolat “Kompetenza”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex twettaq il-kompiti assenjati lilha u l-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess.

[…]

3.   L-awtoritajiet superviżorji ma għandhomx ikunu kompetenti li jissorveljaw l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom.”

11.

L-Artikolu 77(1) tal-GDPR, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja”, jipprevedi:

“1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.”

Id‑dritt Awstrijak

12.

L-Artikolu 53 tal-Bundes-Verfassungsgesetz (il-Liġi Kostituzzjonali Federali), tat‑2 ta’ Jannar 1930 (BGBl. Nru 1/1930), fil-verżjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2021 (BGBl. I Nru 235/2021), jipprevedi:

“(1) In-Nationalrat jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kumitati ta’ inkjesta. Barra minn hekk, għandu jitwaqqaf kumitat ta’ inkjesta fuq talba ta’ kwart tal-membri tiegħu.

(2) L-investigazzjoni tirrigwarda attività fil-passat f’qasam li jaqa’ taħt is-setgħa eżekuttiva fil-livell federali. Dan jinkludi l-attivitajiet kollha tal-korpi federali li permezz tagħhom il-Bund, irrispettivament mill-estent tal-parteċipazzjoni tiegħu, jeżerċita drittijiet ta’ parteċipazzjoni u sorveljanza. Eżami mill-ġdid tal-ġurisprudenza huwa eskluż.

(3) Il-korpi kollha tal-Bund, tal-Länder, tal-muniċipalitajiet u tal-gruppi ta’ muniċipalitajiet kif ukoll tal-korpi awtonomi l-oħra għandhom, fuq talba, jipproduċu l-fajls u d-dokumenti tagħhom lil kumitat ta’ inkjesta sa fejn dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-inkjesta u huma obbligati li jobdu t-talbiet ta’ kumitat ta’ inkjesta fir-rigward tal-ġbir ta’ relatati mas-suġġett tal-inkjesta. […]

[…]”

13.

Skont l-Artikolu 18(1) tad-Datenschutzgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali), tas‑17 ta’ Awwissu 1999 (BGBl. I 165/1999), fil-verżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2021 (BGBl. I 148/2021, iktar ’il quddiem id-“DSG”), intitolat “Organizzazzjoni”:

“Id-Datenschutzbehörde hija stabbilita bħala awtorità superviżorja nazzjonali skont l-Artikolu 51 tal-[GDPR].”

14.

L-Artikolu 24 tad-DSG, intitolat “Ilment mad-Datenschutzbehörde”, huwa redatt kif ġej:

“(1) Kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem id-Datenschutzbehörde jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser il-GDPR […]”

15.

L-Artikolu 35(1) tad-DSG bl-isem “Setgħat speċifiċi tal-awtorità superviżorja tal-protezzjoni tad-data”, jipprevedi:

“L-għan tad-Datenschutzbehörde huwa li tiggarantixxi l-protezzjoni tad-data f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR u ta’ din il-liġi federali.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑proċedimenti prinċipali u d‑domandi preliminari

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

16.

Fl‑20 ta’ April 2018, il-Kamra Inferjuri tal-Parlament Awstrijak waqqfet kumitat ta’ inkjesta inkarigat sabiex jeżamina l-influwenzi li allegatament kien hemm fuq il-BVT bl-għan li jiġu strumentalizzati l-attivitajiet tiegħu. Id-dikjarazzjonijiet magħmula mid-deputati li wasslu għat-talba għal inkjesta kienu jikkonċernaw, b’mod partikolari, każijiet ta’ abbuż ta’ awtorità minn uffiċjali tal-BVT, xnigħat dwar tagħmir ta’ tteppjar installat fl-uffiċċji tal-Kanċellerija Federali, l-allegata strumentalizzazzjoni tal-inkjesti fil-konfront ta’ ċerti movimenti estremisti, kif ukoll ħatriet motivati politikament, fi ħdan il-BVT u f’uffiċċji ministerjali.

17.

Fid‑19 ta’ Settembru 2018, is-suġġett tad-data nstema’ mill-kumitat ta’ inkjesta bħala xhud. Bħala uffiċjal tal-pulizija federali responsabbli li jiġġieled il-kriminalità, ġie mistoqsi dwar tfittxijiet u sekwestri ta’ data mid-diviżjoni tiegħu fl-uffiċċji tal-BVT u fid-djar tal-impjegati tiegħu.

18.

Minkejja l-prassi adottata fir-rigward ta’ ċerti xhieda oħra, u minkejja li s-suġġett tad-data talab l-anonimità, il-kumitat ta’ inkjesta żvela l-identità tiegħu billi ppubblika l-verżjoni sħiħa tal-proċess verbal tas-seduta fuq is-sit internet tal-Parlament Awstrijaku.

Il‑proċedura fil‑kawża prinċipali

19.

L-ilment imressaq mis-suġġett tad-data quddiem id-Datenschutzbehörde skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR ġie miċħud minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. Fid-deċiżjoni tagħha tat‑18 ta’ Settembru 2019, din l-awtorità sostniet li l-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri kien jipprekludiha milli tinterferixxi fix-xogħol ta’ entità tal-Parlament.

20.

Ir-rikors ippreżentat mis-suġġett tad-data kontra d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2019 intlaqa’ mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2020. Din il-qorti annullat id-deċiżjoni tad-Datenschutzbehörde, minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-GDPR ma kinux jipprevedu eċċezzjonijiet li jistgħu jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-entitajiet tas-setgħa leġiżlattiva.

21.

Id-Datenschutzbehörde ippreżentat appell għal Reviżjoni ta’ din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Federali), li tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-GDPR jistgħux japplikaw fil-kawża prinċipali.

Id‑domandi għal deċiżjoni preliminari

22.

Fl-ewwel lok — u indipendentement mis-suġġett tal-inkjesta fil-kawża prinċipali – il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-attivitajiet ta’ kumitat ta’ inkjesta parlamentari “jaqgħu[x] fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) TFUE. Din id-dispożizzjoni tiddetermina l-kompetenza tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadottaw regoli dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri.

23.

F’dan ir-rigward, sa fejn il-kompetenzi tal-Unjoni jibqgħu limitati mill-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-GDPR huwiex intiż li japplika għall-attivitajiet ta’ entità parlamentari li għandha kompitu ta’ superviżjoni politika, li fil-fehma tagħha ma huma rregolati mill-ebda dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni.

24.

Barra minn hekk, sabiex tippreżerva l-identità nazzjonali u l-funzjonijiet essenzjali tal-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 4(2) TUE, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-indħil ta’ entità amministrattiva, bħalma hi d-Datenschutzbehörde, fil-ħidma tal-Parlament jikser il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri stabbilit mill-Kostituzzjoni Awstrijaka.

25.

Fid-dawl tas-sentenza Land Hessen ( 3 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-dispożizzjonijiet tal-GDPR kienu japplikaw għall-ħidma tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament tal-Land ta’ Hesse, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-aħħar nett, jekk il-kompiti ta’ dan tal-aħħar, li l-kontribut tiegħu għall-ħidma parlamentari huwa biss indirett, għandhomx jiġu distinti minn dawk tal-kumitati ta’ inkjesta. Fil-fehma tagħha, dan jinsab fil-qalba tal-attività tal-Parlament u għalhekk jista’ jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

26.

Fit-tieni lok, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tal-GDPR huma intiżi sabiex jirregolaw l-attivitajiet tal-kumitati ta’ inkjesta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk il-kumitat inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi eskluż, sa fejn l-għan tal-ħidma tiegħu huwa marbut ma’ kwistjonijiet tas-sigurtà nazzjonali.

27.

Dwar dan il-punt, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont il-premessa 16 tal-GDPR, l-“attivitajiet rigward is-sigurtà nazzjonali” ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fehma tagħha, dan jista’ jkun il-każ fl-inkjesta dwar il-pressjonijiet politiċi eżerċitati fuq il-BVT, l-entità federali responsabbli għall-ħarsien tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat.

28.

Fit-tielet lok, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li minkejja kollox id-dispożizzjonijiet tal-GDPR japplikaw f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikazzjoni diretta ta’ dan ir-regolament.

29.

Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ deroga adegwata fil-livell kostituzzjonali, il-ġurisdizzjoni tad-Datenschutzbehörde tibqa’ limitata mill-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri li jipprevali fid-dritt Awstrijak. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisdizzjoni ta’ din l-awtorità fuq l-entitajiet tal-Parlament Awstrijak tistax tirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 77(1) u tal-Artikolu 55(1) tal-GDPR ikkunsidrati flimkien, meta l-leġiżlatur nazzjonali jkun stabbilixxa biss awtorità superviżorja waħda skont l-Artikolu 51(1) tal-imsemmi regolament.

30.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-attivitajiet ta’ kumitat ta’ inkjesta stabbilit minn parlament ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu ta’ sorveljanza tal-eżekuttiv jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) TFUE, irrispettivament mis-suġġett tal-inkjesta, b’mod li [l-GDPR] japplika għall-ipproċessar ta’ data personali minn kumitat ta’ inkjesta parlamentari ta’ Stat Membru?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

L-attivitajiet ta’ kumitat ta’ inkjesta stabbilit minn parlament ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu ta’ sorveljanza tal-eżekuttiv, li qed jinvestiga l-attivitajiet ta’ awtorità tal-pulizija inkarigata bis-sigurtà tal-Istat, jiġifieri attivitajiet relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali fis-sens tal-premessa 16 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, jaqgħu taħt l-eċċezzjoni fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ dan ir-regolament?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

3)

Jekk, bħal f’dan il-każ, Stat Membru jkun stabbilixxa biss awtorità superviżorja waħda skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, il-kompetenza tagħha li tisma’ lmenti, fis-sens tal-Artikolu 77(1) ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, diġà jirriżulta direttament minn dan ir-regolament?”

31.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mis-suġġett tad-data, il-Präsident des Nationalrates (il-President tal-Assemblea Nazzjonali, l-Awstrija), mid-Datenschutzbehörde, mill-Gvern Awstrijak u mill-Gvern Ċek, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-istess partijiet kienu rrappreżentati fis-seduta li ġiet organizzata fis‑6 ta’ Marzu 2023.

Evalwazzjoni

Fuq l‑ewwel domanda preliminari

32.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ħidma ta’ kumitat ta’ investigazzjoni stabbilit minn Parlament ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ superviżjoni tas-setgħa eżekuttiva taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) TFUE.

33.

Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi, minn naħa, fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni”, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) TFUE. F’formulazzjoni negattiva, dan il-kunċett jinsab ukoll fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, li jeskludi mill-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament “attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jiddelimitaw, rispettivament, il-kompetenza tal-korpi tal-Unjoni sabiex jadottaw regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-GDPR.

34.

Min-naħa l-oħra, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari tiddependi fuq il-mod kif għandhom jiġu kklassifikati l-attivitajiet tal-kumitati ta’ inkjesta parlamentari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tat-Trattat FUE u tal-GDPR.

Fuq il-kunċett ta’ “attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni”

35.

Kif ippruvajt nuri f’kawża oħra ( 4 ), dan il-kunċett ma huwiex nieqes mill-ambigwità, peress li huwa miftuħ għal żewġ interpretazzjonijiet differenti. Fid-dawl tal-kontroversji li tqajjem l-interpretazzjoni tiegħu f’din il-kawża, u dan minkejja ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ), jidhirli li huwa neċessarju li jiġu esposti b’mod eżawrjenti r-raġunijiet li wasslu għall-iżviluppi fil-ġurisprudenza f’dan il-qasam.

– Interpretazzjoni konkreta

36.

L-ewwel waħda mill-interpretazzjonijiet possibbli tal-“kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” tista’ tiġi kklassifikata bħala konkreta, fis-sens li tqajjem il-kwistjoni dwar jekk attività partikolari hijiex irregolata minn dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni.

37.

Essenzjalment, din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għall-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). F’kuntest differenti minn dak tal-protezzjoni tad-data personali, dan il-kunċett huwa assimilat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mal-“kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” ( 6 ).

38.

Huwa fuq din l-interpretazzjoni li l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, filwaqt li li tirrileva li l-attivitajiet tal-kumitati ta’ inkjesta parlamentari jibqgħu rregolati esklużivament mid-dritt nazzjonali, li jwassalha sabiex tiddubita jekk il-GDPR huwiex intiż li japplika fil-kawża prinċipali.

39.

L-Avukat Ġenerali Tizzano wkoll ibbaża ruħu fuq din l-interpretazzjoni fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Österreichischer Rundfunk et ( 7 ) u fil-kawża Lindqvist ( 8 ), skont id-Direttiva 95/46/KE ( 9 ), li ma kinux segwiti mill-Qorti.

40.

Għandu jitfakkar li d-Direttiva 95/46 kienet ġiet adottata abbażi tal-ex Artikolu 100 A tat-Trattat KE, li sar l-Artikolu 95 KE, li sar l-Artikolu 114 TFUE, fil-kuntest ta’ miżuri li kellhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Intiża sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu u livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-data personali fi ħdan l-Unjoni, din id-direttiva ma kinitx applikabbli, f’konformità mal-Artikolu 3(2) tagħha, għal “attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat […] u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali”, kif ukoll għal ipproċessar ta’ data li jsir “minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika”.

41.

Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Avukat Ġenerali Tizzano kkonkluda li d-Direttiva 95/46 ma setgħetx tapplika fil-kawżi magħquda Österreichischer Rundfunk et ( 10 ). Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data dwar ir-remunerazzjonijiet imħallsa minn entitajiet pubbliċi, intiżi sabiex jidhru f’rapport mibgħut lill-Parlament mill-Qorti tal-Awdituri Awstrijaka, huwa b’hekk qies li din tal-aħħar kienet qiegħda teżerċita f’dan il-każ “attività superviżorja pubblika, prevista u rregolata mill-awtoritajiet Awstrijaċi (anki permezz ta’ liġi kostituzzjonali) fuq il-bażi ta’ għażla awtonoma ta’ natura politika u istituzzjonali li huma għamlu u mhux sabiex jissodisfaw obbligu Komunitarju. Peress li ma hija s-suġġett tal-ebda leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika, din l-attività tista’ taqa’ biss taħt il-kompetenza tal-Istati Membri” ( 11 ).

42.

Skont l-istess interpretazzjoni fil-kawża Lindqvist, l-Avukat Ġenerali Tizzano kkunsidra li l-paġna web maħluqa mis-Sinjura Lindqvist fil-kuntest tal-attività volontarju tagħha bħala katekista kienet taqa’ taħt “attività ta’ natura mhux ekonomika, li ma għandha l-ebda rabta (jew, tal-inqas, l-ebda rabta diretta) mal-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat u ma hija s-suġġett ta’ ebda leġiżlazzjoni speċifika fil-livell Komunitarju” ( 12 ). Skont l-Avukat Ġenerali, din l-attività għalhekk ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

43.

Dawn il-konklużjonijiet ma ġewx segwiti mill-Qorti tal-Ġustizzja, għal raġunijiet li jistgħu jkunu marbuta mar-rieda li tiġi ppreżervata ċ-ċertezza legali u mal-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tad-Direttiva 95/46.

44.

Fil-fatt, fid-dawl tal-ispeċifiċità tad-data personali, li ċ-ċirkulazzjoni u l-isfruttament ekonomiku tagħha huma ffaċilitati mid-diġitalizzazzjoni tagħha, huwa diffiċli ħafna li jiġi ddeterminat fil-prattika, każ b’każ, jekk l-ipproċessar tagħha għandux rabta ma’ dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni jew mal-libertajiet li jirregolaw is-suq intern, kif teżiġi l-interpretazzjoni konkreta.

45.

Sabiex nieħdu l-eżempju tal-kawża li tat lok għas-sentenza Lindqvist ( 13 ), ikun diffiċli li jiġi ddeterminat fil-prattika jekk l-operat ta’ paġna web intiża għal ċirku limitat ta’ utenti kienx marbut b’mod konkret mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 dwar il-moviment liberu tad-data bejn l-Istati Membri fil-qafas tas-suq komuni. Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-post fiżiku fejn jinsabu s-servers li jospitaw is-sit web inkwistjoni ( 14 ).

46.

Nixtieq inżid li jistgħu jitqajmu diffikultajiet ta’ natura simili jekk tipprevali l-interpretazzjoni konkreta f’din il-kawża fil-kuntest tal-GDPR.

47.

Bħala eżempju, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni sa fejn l-attivitajiet ta’ ċerti kontrolluri – bħall-knejjes jew l-assoċjazzjonijiet reliġjużi, li jissemmew b’mod espliċitu f’dan ir-regolament ( 15 ) – jibqgħu effettivament suġġetti għal dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni ( 16 ). L-istess kwistjoni tista’ tqum għal organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li ma jwettqux attivitajiet ekonomiċi. Dan kieku jwassal għal inċertezza legali dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR.

48.

Fid-dawl ta’ tali diffikultajiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-interpretazzjoni konkreta ta’ “skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità” skont id-Direttiva 95/46. Fis-sentenzi Österreichischer Rundfunk et ( 17 ) u Lindqvist ( 18 ), hija ddeċidiet li “[m]innħabba li d-data personali kollha tista’ tiċċirkola bejn l-Istati Membri, id-Direttiva 95/46 timponi, bħala regola ġenerali, l-osservanza tar-regoli ta’ protezzjoni ta’ tali data fir-rigward ta’ l-ipproċessar kollu ta’ din ta’ l-aħħar kif definita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva. […] F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46 ma tistax tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjonijiet konkreti in kwistjoni […] jinvolvux ratba suffiċjenti ma’ l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat […]. Fil-fatt, interpretazzjoni kuntrarja għandha mnejn trendi l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija direttiva partikolarment inċerti, li jmur kontra l-għan essenzjali ta’ din, li huwa li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fl-Istati Membri sabiex jiġu eliminati l-ostakli għat-tħaddim tas-suq intern li jirriżultaw preċiżament mid-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali” ( 19 ).

49.

Huwa għalhekk li l-interpretazzjoni “ġeneralizzata” tad-Direttiva 95/46 tipprevali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

– Interpretazzjoni ġġeneralizzata

50.

Din l-interpretazzjoni twassal għall-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tal-attivitajiet kollha li jistgħu jaqgħu taħtu, fis-sens dawk li ma ġewx esklużi minnu minħabba l-kompetenzi esklużivi tal-Istati Membri.

51.

Taħt id-Direttiva 95/46, din l-interpretazzjoni wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta b’mod restrittiv l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Fis-sentenza Lindqvist, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li “l‑attivitajiet imsemmija bħala eżempji fl‑ewwel inċiż ta’ l‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46 huma intiżi sabiex jiddefinixxu l‑portata ta’ l‑eċċezzjoni prevista f’dan l‑inċiż, b’tali mod li din l‑eċċezzjoni tapplika biss għall‑attivitajiet li jissemmew espressament f’dan l‑inċiż jew li jistgħu jiġu kklassifikati fl‑istess kategorija (ejusdem generis)” ( 20 ).

52.

Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-attivitajiet koperti minn din l-eċċezzjoni – li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat, il-qasam kriminali, kif ukoll dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea – kienu jaqgħu taħt it-tieni u t-tielet pilastri tal-Unjoni u għalhekk kienu jaqgħu taħt il-kooperazzjoni intergovernattiva. Għaldaqstant, dawn l-attivitajiet ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri previst f’dak iż-żmien mit-Trattati.

53.

Huwa f’dan il-kuntest li għandha tinqara l-esklużjoni ta’ “attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità” li tinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46. Issa, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR ġie ddefinit f’termini simili.

54.

Skont l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, dan ir-regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali mwettqa “(a) matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni; (b) mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE; (c) minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar; (d) mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”. Dan l-aħħar tip ta’ pproċessar kien suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/680 ( 21 ).

55.

Fid-dawl tal-premessa 16 tal-GDPR, l-attivitajiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jinkludu, inter alia, dawk relatati mas-sigurtà nazzjonali.

56.

Fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Land Hessen li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, li tkopri l-“attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”, għandha tiġi interpretata b’mod strett, b’tali mod li “[l-]fatt li attività tkun proprja għall-Istat jew għal awtorità pubblika ma huwiex suffiċjenti sabiex din l-eċċezzjoni tkun awtomatikament applikabbli għal tali attività. Huwa, fil-fatt, neċessarju li din l-attività tkun tinsab fost dawk li huma msemmija b’mod espliċitu minn din id-dispożizzjoni jew li tkun tista’ titqiegħed fl-istess kategorija ta’ dawn l-attivitajiet” ( 22 ).

57.

L-ebda wieħed mill-argumenti mqajma f’din il-kawża ma jidhirli li jista’ jikkontesta din l-interpretazzjoni.

58.

B’mod partikolari, ma naqbilx mal-argumenti bbażati fuq il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, li tqajmu, b’mod partikolari, mill-qorti tar-rinviju u mill-Präsident des Nationalrates (il-President tal-Assemblea Nazzjonali).

59.

F’konformità mal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE ( 23 ), l-Unjoni għandha biss il-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati.

60.

Fuq livell purament lessikali, il-kunċett ta’ “attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni” huwa ambigwu f’dan ir-rigward. Qabelxejn, l-interpretazzjoni ġġeneralizzata ta’ dan il-kunċett adottata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tidher dubjuża, sa fejn twassal sabiex tissuġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-GDPR l-attivitajiet kollha li ma kinux esklużi minn dan ir-regolament, li jidher li jmur kontra l-prinċipju mfakkar iktar ’il fuq.

61.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha u l-għanijiet segwiti minnha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tinkludi wkoll elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 24 ).

62.

Issa, jekk wieħed iwarrab l-interpretazzjoni letterali, li jidhirli li ma tantx hija konklużiva fir-rigward tal-kontenut ambigwu tal-“kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”, l-analiżi kuntestwali ( 25 ) u teleoloġika ssostni b’mod ċar l-interpretazzjoni ġġeneralizzata tal-Artikolu 16(2) TFUE, b’tali mod li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jmur lil hinn minn dik li “jimpliment[a] [l-]liġi ta’ l-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

63.

Fl-ewwel lok, din il-konklużjoni hija meħtieġa fid-dawl tal-istruttura tat-Trattat FUE u tal-pożizzjoni speċjali tal-Artikolu 16(2) fl-arkitettura ta’ dan it-trattat.

64.

L-artikolu inkwistjoni jinsab fit-Titolu II tal-Ewwel Parti tat-Trattat FUE, li fih id-“dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali”. Minn dan isegwi li d-dritt tal-persuni fiżiċi għall-protezzjoni tad-data personali, stabbilit minn din id-dispożizzjoni, għandu importanza partikolari meta mqabbel mad-drittijiet fundamentali l-oħra li jinsabu fil-Karta annessa mat-Trattat.

65.

B’mod iktar konkret, il-pożizzjoni pprivileġġata tal-Artikolu 16 TFUE fl-istruttura tat-Trattat tagħti lil wieħed x’jifhem li l-“kamp ta’ applikazzjoni” imsemmi f’din id-dispożizzjoni ma huwiex limitat biss għal sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri “jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, li kieku jikkorrispondi għall-interpretazzjoni konkreta msemmija iktar ’il fuq.

66.

Dwar dan il-punt, nixtieq nenfasizza differenza fin-natura li teżisti bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(2) TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Karta.

67.

F’konformità mal-Artikolu 51(2) tagħha, il-Karta “ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati”. Id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri, sa fejn dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fl-oqsma li diġà jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt.

68.

Dan ma huwiex il-każ għall-Artikolu 16(2) TFUE, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkostitwixxu u jiddelegaw lill-Unjoni kompetenza leġiżlattiva fil-qasam tal-protezzjoni u tal-moviment liberu tad-data personali, u jiddefinixxu għal dan l-għan kamp ta’ applikazzjoni speċifiku, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, kif tixhed l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni.

69.

Fit-tieni lok, fil-fatt, mix-xogħol preparatorju tat-Trattat ta’ Lisbona jirriżulta b’mod ċar li l-awturi tat-Trattat FUE kellhom l-intenzjoni li jaffermaw mill-ġdid il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, kif kien ġie ddefinit skont id-Direttiva 95/46.

70.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kontenut tal-Artikolu 16 TFUE huwa direttament ispirat mill-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li l-Artikolu 36a(2) tiegħu (li sar l-Artikolu 50(2) fil-verżjoni finali tal-abbozz tat‑18 ta’ Lulju 2003 ( 26 )) kien jipprevedi l-kompetenza tal-Parlament u tal-Kunsill sabiex jadottaw “regoli li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u mal-moviment liberu ta’ din id-data” ( 27 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

71.

Issa, f’konformità mal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awturi tiegħu, “l-abbozz tal-Artikolu 36a huwa intiż sabiex joħloq bażi ġuridika waħda għall-protezzjoni tad-data personali, għall-protezzjoni ta’ din id-data kemm mill-istituzzjonijiet kif ukoll mill-Istati Membri, meta dawn jaġixxu f’qasam li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. It-test huwa bbażat fuq is-sistema Komunitarja attwali, li tirriżulta mid-[Direttiva 95/46] (ibbażata fuq l-Artikolu 95 TKE) fir-rigward tal-azzjoni mill-Istati Membri” ( 28 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

72.

Minn dan isegwi b’mod ċar li kieku l-kunċett ta’ “kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni” li jinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR kellu jiġi interpretat b’tali mod li jirrestrinġi l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament meta mqabbel ma’ dak tad-Direttiva 95/46, dan imur kontra r-rieda tal-Istati Membri espressa fit-Trattat FUE.

73.

Fit-tielet lok, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet teleoloġiċi, marbuta mad-dinamika u mal-għanijiet speċifiċi tal-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest tal-adozzjoni tal-GDPR.

74.

Minn din il-perspettiva, ma hemm l-ebda dubju li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprova jsaħħaħ din il-protezzjoni u jikkonsolida l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli relatati magħha. Prova ta’ dan hija s-sostituzzjoni intenzjonata tad-Direttiva 95/46 b’mekkaniżmu regolatorju iktar vinkolanti u, b’mod espliċitu, il-kontenut tal-premessi 9, 11 u 13 tal-GDPR.

75.

L-għanijiet li ntlaħqu f’dan ir-rigward jirriżultaw mill-ispeċifiċità tal-fenomenu tal-ipproċessar tad-data personali, li jmur lil hinn mill-kuntest tal-attivitajiet li fihom tista’ tinġabar din id-data.

76.

Barra minn hekk, dawn l-attivitajiet mhux neċessarjament ikunu attivitajiet ekonomiċi, li diġà jkunu suġġetti għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw is-suq intern, u bl-ebda mod ma jnaqqas il-valur tas-suq tad-data miġbura u ma jeliminax ir-riskji marbuta mal-ipproċessar tagħha.

77.

Il-problema tad-data personali f’dan ir-rigward hija ta’ natura trasversali, b’tali mod li r-regoli dwar il-protezzjoni tagħha ma jistgħux ikunu limitati għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-kategoriji preeżistenti tad-dritt tal-Unjoni.

78.

Fi kliem ieħor, jekk il-“kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni” imsemmi fl-Artikolu 16(2) TFUE jmur lil hinn mill-każijiet li “jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, dan huwa minħabba n-natura awtonoma tal-problemi marbuta mal-ipproċessar ta’ data personali, li titlob intervent leġiżlattiv proprju li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jmur lil hinn mis-somma tad-dispożizzjonijiet preeżistenti tad-dritt tal-Unjoni. Minn din il-perspettiva, il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-GDPR jirrifletti r-rieda li jiġu indirizzati l-isfidi tal-protezzjoni tad-data personali bl-adozzjoni ta’ mekkaniżmu “mfassal apposta”.

79.

Fid-dawl tal-konverġenza tal-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-analiżi kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 16(2) TFUE, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-ġurisprudenza preċedenti tagħha ( 29 ), billi tadotta interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjoni relatata ma’ “attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”, li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR.

80.

Huwa fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament għall-ħidma tal-kumitat ta’ inkjesta parlamentari kkonċernat mill-kawża prinċipali.

Dwar l-applikazzjoni tal-GDPR għall-ħidma tal-kumitat ta’ inkjesta parlamentari

81.

Jidhirli li għandha ssir osservazzjoni preliminari fir-rigward tal-mod kif id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GDPR jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

– L-importanza sekondarja tal-kriterji istituzzjonali għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR

82.

Għandu jiġi enfasizzat li l-kunsiderazzjonijiet organiċi jew istituzzjonali, relatati man-natura tal-entitajiet jew tal-persuni responsabbli għall-ipproċessar ta’ data personali, huma ta’ importanza sekondarja fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR.

83.

Fil-fatt, minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR huwa bbażat fuq il-kunċett materjali tal-“ipproċessar” ta’ data personali, f’konformità mal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament. Il-kunċett organiku ta’ “kontrollur”, li jinsab fl-Artikolu 4(7) tal-GDPR, minn din il-perspettiva huwa biss ta’ natura anċillari, fis-sens li huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-kunċett materjali tal-ipproċessar. Fil-fatt, għalkemm id-definizzjoni ta’ kontrollur issemmi “persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor”, din ir-referenza tammonta għan-newtralizzazzjoni tal-kriterji organiċi għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha.

84.

Min-naħa l-oħra, anki jekk id-dispożizzjonijiet li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-GDPR, li jinsabu fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, jirreferu għal ċerti kategoriji ta’ persuni jew ta’ korpi, jiġifieri għall-Istati Membri, għall-persuni fiżiċi, u għall-awtoritajiet kompetenti fil-qasam kriminali, dan isir dejjem fil-kuntest tal-attivitajiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, ma humiex il-persuni, bħala tali, li huma esklużi mill-applikazzjoni tal-GDPR, iżda biss uħud mill-attivitajiet tagħhom.

85.

L-importanza sekondarja tal-kriterji istituzzjonali hija kkonfermata wkoll mill-mod kif jiġu ddefiniti d-derogi parzjali, li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-GDPR. Bħala eżempju ( 30 ), jekk il-qrati huma esklużi mill-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 55(3) tal-GDPR, dan huwa biss sa fejn dawn jaġixxu fil-kapaċitajiet ġudizzjarji. Il-portata ta’ din l-eċċezzjoni hija għalhekk iddeterminata mhux mill-istatus tal-korpi ġudizzjarji, iżda min-natura partikolari tal-attivitajiet tagħhom.

86.

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tal-GDPR li tirrigwarda speċifikament l-entitajiet parlamentari, isegwi, fil-fehma tiegħi, li ma huwiex l-istatus tal-entitajiet parlamentari fid-dritt Awstrijak li għandu jiddetermina l-possibbiltà li jiġi applikat dan ir-regolament, iżda n-natura tal-attivitajiet tagħhom.

– Fuq in-natura tal-attivitajiet tal-kumitat ta’ inkjesta fil-kawża prinċipali

87.

Fid-dawl tal-elementi kollha miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li l-kompiti fdati lil dan il-kumitat jistgħu jiġu kklassifikati bħala attivitajiet ta’ superviżjoni pubblika li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

88.

Din il-klassifikazzjoni tirriżulta mill-kontenut stess tal-ewwel u tat-tieni domandi preliminari, li jirrigwardaw l-attivitajiet imwettqa fil-kuntest tas-superviżjoni tas-setgħa eżekuttiva. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, “[l]-għan tal-kumitati ta’ inkjesta huwa li jiċċaraw ċerti punti għal għanijiet politiċi […]. F’dan ir-rigward, huma l-kumitati ta’ inkjesta li għandhom iwettqu l-kompitu ta’ sorveljanza mogħti lilhom kostituzzjonalment” ( 31 ).

89.

Din il-klassifikazzjoni hija kkorroborata mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 32 ).

90.

Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija waqt is-seduta mill-Präsident des Nationalrates (il-President tal-Assemblea Nazzjonali), huwa barra minn hekk paċifiku li l-kumitat ta’ inkjesta inkwistjoni għandu ċerti prerogattivi ta’ awtorità pubblika, bħad-dritt li jsejjaħ xhieda jew li jikseb aċċess għal dokumenti relatati mas-suġġett tal-ħidma tiegħu, li huma akkumpanjati mis-setgħa li jimponi sanzjonijiet finanzjarji, sabiex jiżgura l-iżvolġiment xieraq tal-inkjesta.

91.

Min-naħa l-oħra, jidhirli li hemm ċerta konfużjoni f’dak li jirrigwarda n-natura leġiżlattiva tal-attivitajiet ta’ dan il-kumitat, u l-eventwali konsegwenzi tagħha għall-applikabbiltà tal-GDPR.

92.

Il-Präsident des Nationalrates (il-President tal-Assemblea Nazzjonali) josserva f’dan ir-rigward li “[l-]kumitati ta’ inkjesta jaqgħu, kemm mill-perspettiva organizzattiva kif ukoll minn dik funzjonali, taħt is-setgħa leġiżlattiva. L-atti mwettqa minn jew f’isem il-kumitati ta’ inkjesta għalhekk jaqgħu taħt il-funzjoni leġiżlattiva tal-Istat” ( 33 ). Fil-fehma ta’ din l-entità, minn dan isegwi li “[l-]ħidma ta’ kumitat ta’ inkjesta għalhekk taqa’ fil-qalba tal-qasam leġiżlattiv u, bħala attività (ta’ kontroll) ta’ natura esklużivament parlamentari u politika, taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR” ( 34 ).

93.

Dawn l-affermazzjonijiet jeħtieġu tliet osservazzjonijiet min-naħa tiegħi.

94.

Fl-ewwel lok, indipendentement mill-parteċipazzjoni possibbli tal-kumitati ta’ inkjesta fil-ħidma leġiżlattiva, nixtieq nenfasizza li l-attivitajiet leġiżlattivi jew parlamentari ma ġewx esklużi mill-applikazzjoni tal-GDPR ( 35 ), b’differenza mill-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji, li jaqgħu taħt id-deroga parzjali prevista fl-Artikolu 55(3) ta’ dan ir-regolament.

95.

Dwar dan il-punt, għall-kuntrarju ta’ ċerti partijiet ikkonċernati, għandi dubju dwar kemm din id-deroga tista’ tiġi interpretata b’analoġija, b’tali mod li l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-funzjonijiet ġudizzjarji tiġi estiża għall-funzjonijiet leġiżlattivi. Għall-kuntrarju, li kieku d-deroga li tinsab fl-Artikolu 55(3) tal-GDPR kellha tispira r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, din tista’ twassal biss għal interpretazzjoni a contrario. Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-GDPR, l-eċċezzjoni dwar il-funzjonijiet ġudizzjarji ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv.

96.

Fit-tieni lok, fil-fehma tiegħi, l-ebda wieħed mill-elementi miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi sostnut li l-attività tal-kumitat ta’ inkjesta fil-kawża prinċipali għandu funzjoni leġiżlattiva.

97.

B’mod partikolari, il-kumitat ta’ inkjesta inkwistjoni ma għandux is-setgħa li jieħu inizjattivi leġiżlattivi u bl-ebda mod ma jipparteċipa fix-xogħol leġiżlattiv tal-Parlament Awstrijak. Barra minn hekk, anki jekk ir-rapport finali tal-inkjesta jista’ jikkostitwixxi sors ta’ ispirazzjoni għal-leġiżlatur, din iċ-ċirkustanza ma jidhirlix li hija ta’ natura li tagħti natura leġiżlattiva lill-attivitajiet tiegħu. Il-ħidma ta’ ċerti entitajiet ekstraparlamentari – bħall-Qorti tal-Awdituri Awstrijaka, li r-rapporti tagħha jintbagħtu lill-Parlament – wkoll tista’ tispira lil-leġiżlatur, mingħajr ma hemm l-ebda dubju dwar jekk dawn għandhomx jintrabtu b’dan il-mod mal-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva.

98.

Fit-tielet lok, u indipendentement mill-importanza possibbli tagħhom fir-rigward tad-dritt Awstrijak, il-kunsiderazzjonijiet istituzzjonali ma jaffettwawx l-applikabbiltà tal-GDPR, b’tali mod li r-rabta organizzattiva tal-kumitat ta’ inkjesta parlamentari ma tistax tkun determinanti għar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari.

– Fuq il-kapaċità tal-GDPR li japplika għall-attivitajiet ta’ kontroll pubbliku

99.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi mistoqsi jekk l-attivitajiet ta’ superviżjoni pubblika mwettqa minn kumitat ta’ inkjesta parlamentari jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR.

100.

Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta affermattiva, u dan għal tliet raġunijiet prinċipali.

101.

Fl-ewwel lok, l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-kumitat inkwistjoni jaqa’ taħt il-kunċett materjali tal-ipproċessar, iddefinit fl-Artikolu 2(1) tal-GDPR. Din il-klassifikazzjoni ma hija kkontestata mill-ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati f’din il-kawża.

102.

Fit-tieni lok, l-attivitajiet ta’ kontroll pubbliku jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 16(2) TFUE u tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari sa fejn l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma teżentahom mill-applikazzjoni tiegħu.

103.

Għall-kuntrarju, l-attivitajiet ta’ superviżjoni jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 23(1)(h) tal-GDPR, li jipprevedi l-possibbiltà li jiġi ristrett il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti drittijiet u obbligi previsti minn dan ir-regolament, meta tali restrizzjoni tkun neċessarja sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju ta’ “funzjoni ta’ monitoraġġ, ispezzjoni jew regolatorja marbuta, anki jekk okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali” f’ċerti każijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.

104.

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tal-GDPR huma intiżi li jirregolaw l-attivitajiet ta’ superviżjoni pubblika, anki jekk jistgħu jiġu previsti aġġustamenti partikolari għal dan l-għan. Madankollu, il-limitazzjoni possibbli tal-protezzjoni li tirriżulta mill-GDPR ma twassalx għall-esklużjoni tal-applikazzjoni tagħha.

105.

Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, fir-rigward tat-tqassim ġenerali tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, bl-ebda mod ma jidher li l-attivitajiet ta’ kontroll pubbliku huma rriżervati esklużivament għal dawn tal-aħħar.

106.

Bħala eżempju speċifiku tas-superviżjoni parlamentari, l-inkjesta doppja fil-kawża magħrufa bħala “Dieselgate”, mibdija b’mod simultanju mill-Parlament Ewropew ( 36 ) u mill-Bundestag (l-Assemblea Federali) tal-Ġermanja, juri sew it-tlaqqigħ tal-kompetenzi f’dan il-qasam.

107.

Ċertament, jista’ jingħad li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkopri biss dawk l-attivitajiet superviżorji li għandhom rabta mal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt.

108.

Madankollu, tali approċċ jammonta għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-interpretazzjoni konkreta tal-“kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni” u jippreżenta, għalhekk, l-istess riskji ta’ inċertezza legali. Fid-dawl tan-natura stess tal-inkjesta parlamentari, li għandha l-għan li tixħet dawl fuq iċ-ċirkustanzi inkwistjoni, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi ddeterminat minn qabel jekk il-ħidma ta’ kumitat ta’ investigazzjoni għandhiex rabta konkreta mal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 37 ).

109.

F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan taċ-ċertezza legali segwit mid-dispożizzjonijiet tal-GDPR, li għandhom l-għan li jevitaw il-frammentazzjoni eċċessiva tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali ( 38 ).

110.

Fid-dawl ta’ dan l-għan, u f’konformità mas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Österreichischer Rundfunk et ( 39 ), mogħtija taħt id-Direttiva 95/46, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR għandu jiġi interpretat b’tali mod li jinkludi l-attivitajiet ta’ superviżjoni pubblika, indipendentement mir-rabta li huma għandhom mal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni.

111.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-ħidma ta’ kumitat ta’ inkjesta stabbilit minn Parlament ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ superviżjoni tas-setgħa eżekuttiva taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) TFUE.

Fuq it‑tieni domanda preliminari

112.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-attivitajiet tal-kumitat ta’ inkjesta fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, ikkunsidrata fid-dawl tal-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, b’kunsiderazzjoni tal-għan partikolari tal-ħidma tiegħu, marbut mal-isfidi għas-sigurtà nazzjonali.

113.

Ma naħsibx li dan huwa l-każ, għal diversi raġunijiet.

114.

Fl-ewwel lok, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-GDPR, l-eċċezzjoni li tkopri l-attivitajiet relatati mas-sigurtà nazzjonali għandha tiġi interpretata b’mod strett. Minn dan niddeduċi li huma biss l-attivitajiet li għandhom bħala għan immedjat is-sigurtà nazzjonali li jaqgħu taħt din l-eċċezzjoni.

115.

Dan manifestament ma huwiex il-każ għall-attivitajiet tal-kumitat ta’ inkjesta fil-kawża prinċipali, li ngħata kompitu ta’ superviżjoni fir-rigward tal-korpi tal-Gvern Federali.

116.

Ċertament, sa fejn is-superviżjoni inkwistjoni tirrigwarda l-funzjonament tal-BVT, li l-kompitu tiegħu kien li jiżgura l-integrità u l-kontinwità tal-istituzzjonijiet tal-Istat, l-attività ta’ dan il-kumitat setgħet ikkontribwixxiet b’mod indirett għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

117.

Madankollu, tali kontribuzzjoni ma tibdilx in-natura tal-attivitajiet fdati lil kumitat ta’ inkjesta u ma tistax twassal sabiex dawn jiġu eżentati mid-dispożizzjonijiet tal-GDPR. Li kieku kellha tipprevali s-soluzzjoni kuntrarja, wieħed jista’ jistaqsi jekk aġenzija tar-reklamar, li titqabbad mill-Ministeru għad-Difiża biex tippromwovi l-professjonijiet tal-armata, għandhiex tiġi eżentata bl-istess mod.

118.

Fit-tieni lok, li kieku l-applikazzjoni tal-GDPR kellha tiddependi fuq l-għan ta’ inkjesta parlamentari, dan imur kontra l-għan taċ-ċertezza legali segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

119.

Minħabba n-natura li tinbidel tiegħu, is-suġġett ta’ inkjesta parlamentari ma jikkostitwixxix bażi konsistenti biżżejjed għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR. Fatturi ċirkustanzjali, bħall-implikazzjoni personali ta’ Ministru għad-Difiża f’każ ta’ korruzzjoni – li jistgħu jiġu żvelati (jew miċħuda) matul l-inkjesta – ma jistgħux iservu bħala punt ta’ riferiment għal dan l-għan.

120.

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni. Jidhirli li dan huwa marbut mal-impossibbiltà li jiġu rrikonċiljati ċerti aspetti fundamentali tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mas-segretezza inerenti f’ċerti attivitajiet relatati mas-sigurtà nazzjonali.

121.

Bħala eżempju, ma narax kif is-servizzi interni tal-intelligence jistgħu jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet għall-informazzjoni u għall-aċċess, minquxa fl-Artikoli 14 u 15 tal-GDPR, mingħajr ma jikkompromettu fl-istess ħin l-attivitajiet ta’ sorveljanza mmirati lejn persuni li huma ssuspettati li jifformaw parti minn moviment terroristiku. F’tali każ, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mil-GDPR jidhru li huma fundamentalment inkompatibbli mar-rekwiżiti tas-sigurtà nazzjonali.

122.

Min-naħa l-oħra, jidhirli li l-attività ta’ kumitat ta’ inkjesta parlamentari ma tiffaċċja l-ebda ostakolu insormontabbli ta’ dan it-tip, u ma narax kif ir-rispett tal-obbligi li jirriżultaw mill-GDPR jista’ jikkomprometti l-kontribut possibbli tiegħu għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

123.

Ċertament, il-pubbliċità li normalment takkumpanja l-ħidma tal-kumitati ta’ inkjesta hija parti mid-dimensjoni pubblika tas-superviżjoni parlamentari. Madankollu, l-għan tat-trasparenza huwa l-oppost tar-ratio legis tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, li huwa intiż li jippreżerva s-segretezza tas-sigurtà nazzjonali.

124.

Fir-raba’ lok, anki jekk l-iżvolġiment tajjeb ta’ inkjesta parlamentari jista’, f’ċerti każijiet, imur kontra l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mil-GDPR – pereżempju fil-każ fejn il-kumitat jikseb aċċess għal dokumenti kunfidenzjali li jinkludu data personali –, infakkar li l-Artikolu 23(1)(a) u (h) tal-GDPR jipprevedi l-possibbiltà li jiġu ristretti d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti mill-Artikoli 5, 12 sa 22 u 34 ta’ dan ir-regolament, jekk din ir-restrizzjoni tkun neċessarja sabiex jiġi ggarantit kompitu ta’ superviżjoni fid-dawl tar-rekwiżiti tas-sigurtà nazzjonali.

125.

Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-fatt li s-suġġett ta’ inkjesta parlamentari jista’ jkun relatat mal-isfidi għas-sigurtà nazzjonali ma għandux iwassal sabiex il-kumitat ta’ investigazzjoni jiġi eżentat mill-applikazzjoni tal-GDPR. Fid-dawl tal-kuntest istituzzjonali li taqa’ fih l-attività ta’ tali kumitati, li l-membri tagħhom jipparteċipaw fil-ħidma tal-entitajiet leġiżlattivi tal-Parlament, jidhirli li barra minn hekk huwa relattivament faċli li jsiru l-arranġamenti leġiżlattivi neċessarji sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan partikolari ta’ ċerti inkjesti parlamentari, kif jipprevedu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) tal-GDPR.

126.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari li l-ħidma ta’ kumitat ta’ investigazzjoni parlamentari li għandha bħala għan ta’ investigazzjoni l-attivitajiet ta’ awtorità tal-pulizija inkarigata bis-sigurtà tal-Istat relatati mal-ħarsien tas-sigurtà nazzjonali, fis-sens tal-premessa 16 tal-GDPR, ma taqax taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ dan ir-regolament.

Fuq it‑tielet domanda preliminari

127.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisdizzjoni ta’ awtorità superviżorja unika, stabbilita skont l-Artikolu 51(1) tal-GDPR sabiex tittratta l-ilmenti msemmija fl-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament, tistax tirriżulta direttament minn din l-aħħar dispożizzjoni, ikkunsidrata flimkien mal-Artikolu 55(1) tal-GDPR.

128.

Din il-kwistjoni, li tqum jekk il-GDPR għandu japplika għall-ħidma tal-kumitat ta’ inkjesta fil-kawża prinċipali, hija r-riżultat ta’ ostakoli ta’ natura kostituzzjonali. Fil-fehma tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Federali) u ta’ ċerti partijiet kkonċernati, il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri speċifiku għad-dritt Awstrijak jipprekludi li korp amministrattiv, f’dan il-każ id-Datenschutzbehörde, jinterferixxi fl-attivitajiet tal-Parlament, billi jeżamina lmenti relatati magħhom.

129.

Għalhekk, it-tielet domanda preliminari hija intiża li tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-effett dirett tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 55(1) u tal-Artikolu 77(1) tal-GDPR, meta l-kompetenza tal-awtorità superviżorja unika stabbilita minn Stat Membru x’aktarx li tkun limitata minn prinċipju fil-livell kostituzzjonali.

130.

Fir-rigward ta’ regolament tal-Unjoni, għandu jitfakkar li dan huwa bħala prinċipju direttament applikabbli fl-elementi kollha tiegħu, skont it-termini tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, kif jikkonferma t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 99(2) tal-GDPR ( 40 ).

131.

F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan huwa l-każ biss fejn dispożizzjoni leġiżlattiva teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, b’kunsiderazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha ( 41 ).

132.

F’dan ir-rigward, inqis li d-dispożizzjonijiet meqjusa flimkien tal-Artikolu 77(1) tal-GDPR, li jipprevedi l-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji sabiex jeżaminaw l-ilmenti previsti fih, u tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-regolament huma ċari u inkundizzjonati biżżejjed sabiex japplikaw b’mod dirett.

133.

Nixtieq inżid ngħid li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat l-effett dirett tal-Artikolu 58(5) tal-GDPR, billi ddeċidiet li awtorità superviżorja nazzjonali tista’ tibbaża ruħha fuq il-locus standi in judicio rrikonoxxut lilha minn din id-dispożizzjoni sabiex tressaq jew tkompli azzjoni ġudizzjarja kontra individwu, u dan anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe miżura ta’ applikazzjoni leġiżlattiva meħuda għal dan l-għan mill-Istat Membru kkonċernat ( 42 ).

134.

Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ma jidhirli li hija neċessarja l-ebda miżura ta’ applikazzjoni supplimentari sabiex jiġu rregolati l-proċeduri tal-ilmentar imsemmija fl-Artikolu 77 tal-GDPR. Id-Datenschutzbehörde regolarment teżamina tali lmenti, bl-unika kwistjoni tkun dik tal-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tal-entitajiet tal-Parlament.

135.

Madankollu, din il-kwistjoni ma tħallietx għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

136.

Ċertament, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt li jitressaq ilment jippreżupponi l-ħolqien minn qabel ta’ awtorità superviżorja jew iktar minn waħda, f’konformità mal-Artikolu 51(1) tal-GDPR, li jeħtieġ l-intervent tal-Istati Membri. Din hija, madankollu, kwistjoni li tirrigwarda l-effett dirett ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, kwistjoni li ma tqumx fil-kawża prinċipali.

137.

Fir-rigward tal-għadd ta’ awtoritajiet superviżorji li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 51(1) tal-GDPR, l-għażla istituzzjonali li titħalla f’dan ir-rigward lill-Istati Membri ma tistax twassal sabiex jiġu limitati l-kompetenzi tal-awtorità unika stabbilita mil-leġiżlatur Awstrijak. L-interpretazzjoni kuntrarja ċċaħħad lill-Artikolu 55(1) u lill-Artikolu 77(1) tal-GDPR mill-effett dirett tagħhom u tirriskja li ddgħajjef l-effett utli tad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha ta’ dan ir-regolament li jistgħu jkunu kkonċernati minn ilment.

138.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ostakoli ta’ natura kostituzzjonali li hemm fid-dritt Awstrijak, dawn ma jistgħux iwasslu għar-rifjut tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-invokazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-istruttura kostituzzjonali nazzjonali ma tistax taffettwa l-effett ta’ att tal-Unjoni ( 43 ).

139.

B’risposta għat-tielet domanda preliminari, nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, f’każ li Stat Membru jkun stabbilixxa awtorità superviżorja waħda biss fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-GDPR, il-kompetenza tagħha li tittratta l-ilmenti msemmija fl-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament tirriżulta direttament minn din l-aħħar dispożizzjoni, ikkunsidrata flimkien mal-Artikolu 55(1) tal-imsemmi regolament.

Konklużjoni

140.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) kif ġej:

1)

Il-ħidma ta’ kumitat ta’ inkjesta stabbilit minn Parlament ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu ta’ superviżjoni tas-setgħa eżekuttiva taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) TFUE, b’tali mod li r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), japplika għall-ipproċessar ta’ data personali minn tali kumitat.

2)

Il-ħidma ta’ kumitat ta’ inkjesta stabbilit minn Parlament ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu ta’ superviżjoni tas-setgħa eżekuttiva, li għandha bħala għan ta’ investigazzjoni l-attivitajiet ta’ awtorità tal-pulizija inkarigata bis-sigurtà tal-Istat, jiġifieri attivitajiet relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali fis-sens tal-premessa 16 tar-Regolament 2016/679, ma jaqgħux taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ dak ir-regolament.

3)

F’każ li Stat Membru jkun stabbilixxa awtorità superviżorja waħda biss, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament 2016/679, il-kompetenza tagħha li tittratta l-ilmenti msemmija fl-Artikolu 77(1) ta’ dan ir-regolament tirriżulta direttament minn din l-aħħar dispożizzjoni, ikkunsidrata flimkien mal-Artikolu 55(1) tal-imsemmi regolament. Konklużjonijiet Szpunar – Kawża C‑522/22


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 127, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

( 3 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020 (C‑272/19, EU:C:2020:535).

( 4 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2020:1054, punti 44 et seq.).

( 5 ) Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294), tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596), tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535) kif ukoll tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504).

( 6 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21); tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15 EU:C:2016:972, punt 62); tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 63), u tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali) (C‑223/19 EU:C:2020:753, punt 78).

( 7 ) C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2002:662.

( 8 ) C‑101/01, EU:C:2002:513.

( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.). Din id-direttiva ġiet issostitwita mill-GDPR.

( 10 ) C‑465/00, C‑138/01, C‑139/01, EU:C:2002:662.

( 11 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawżi magħquda Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01, C‑139/01, EU:C:2002:662, punt 43). Enfasi miżjuda minni.

( 12 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2002:513, punt 36).

( 13 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003 (C‑101/01, EU:C:2003:596).

( 14 ) Dwar din il-kwistjoni, ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 59).

( 15 ) Ara l-Artikolu 91 tal-GDPR.

( 16 ) Minn naħa, id-dritt tal-Unjoni ma huwiex intiż sabiex jirregola speċifikament l-attivitajiet konfessjonali. Min-naħa l-oħra, tali attivitajiet madankollu ma humiex esklużi mill-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Dwar din il-kwistjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Egenberger (C‑414/16, EU:C:2017:851, punti 46 sa 51).

( 17 ) Sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003 (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294).

( 18 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003 (C‑101/01, EU:C:2003:596).

( 19 ) Sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punti 4042). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punti 40 et seq.).

( 20 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 44).

( 21 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89).

( 22 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 70). Enfasi miżjuda minni.

( 23 ) Infakkar li l-Artikolu 5(2) TUE jipprovdi li, “[s]kond il-prinċipju ta’ l-għoti tal-kompetenzi, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati. Il-kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri.”.

( 24 ) Bħala eżempju, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) B’dan nifhem interpretazzjoni bbażata fuq kunsiderazzjonijiet sistematiċi u storiċi, f’konformità mat-tipoloġija ġeneralment aċċettata tal-metodi ta’ interpretazzjoni (ara Lenaerts, K., u Gutierrez-Fons, J. A., Les méthodes d’interprétation de la Cour de justice de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2020, Kapitolu I).

( 26 ) Abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (ĠU 2003, C 169, p. 1).

( 27 ) Artikolu 36a(2) tal-abbozz tat-Titolu VI tat-Trattat Kostituzzjonali dwar il-ħajja demokratika tal-Unjoni (nota tal-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Konvenzjoni tat‑2 ta’ April 2003, Brussell, CONV 650/03, p. 6). Enfasi miżjuda minni.

( 28 ) Nota tal-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Konvenzjoni tat‑2 ta’ April 2003, Brussell, CONV 650/03, p. 3. Enfasi miżjuda minni.

( 29 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota 5 f’qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara wkoll l-Artikolu 20(3), l-Artikolu 49(3) u l-Artikolu 79(2) tal-GDPR.

( 31 ) Punt 25 tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Enfasi miżjuda minni.

( 32 ) Bħala eżempju, fil-punt 13 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Präsident des Nationalrates (il-President tal-Assemblea Nazzjonali, l-Awstrija) jispjega li l-Parlament Awstrijak “għandu d-dritt li jiddeċiedi dwar it-twaqqif ta’ kumitati ta’ inkjesta sabiex jinvestigaw ċerti atti li jaqgħu fil-qasam tas-setgħa eżekuttiva fuq livell federali. Kumitat ta’ inkjesta għalhekk jingħata kompitu ta’ superviżjoni mill-Kostituzzjoni. L-għan ta’ kumitat ta’ inkjesta huwa li jiċċara, għal għan politiku, l-iżvolġiment ta’ ċerti avvenimenti u b’hekk jiżgura kontroll parlamentari effettiv […]”.

( 33 ) Punt 14 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Präsident des Nationalrates.

( 34 ) Punt 15 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Präsident des Nationalrates.

( 35 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 72).

( 36 ) Ara d-Deċiżjoni (UE) 2016/34 tal-Parlament Ewropew tas‑17 ta’ Diċembru 2015 dwar it-twaqqif ta’ Kumitat ta’ Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, issetgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu (ĠU 2016, L 10, p. 13).

( 37 ) Minn din il-perspettiva, nistaqsi kif għandha tiġi kklassifikata l-inkjesta tal-Parlament Awstrijak dwar il-kawża “Ibizagate”, li tirrigwarda irregolaritajiet fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi; l-inkjesta tas-Senat Belġjan miftuħa fl‑1995, li kienet intiża sabiex “teżamina l-kriminalità organizzata fil-Belġju”; jew anki l-ħidma li għaddejja bħalissa mill-kumitat ta’ inkjesta tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża, dwar “ir-raġunijiet għat-telf tas-sovranità u l-indipendenza fl-enerġija ta’ Franza”.

( 38 ) Ara l-premessi 9 u 13 tal-GDPR.

( 39 ) Sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003 (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punti 45 sa 47).

( 40 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2001, Monte Arcosu (C‑403/98, EU:C:2001:6, punt 28) u tal‑14 ta’ April 2011, Vlaamse Dierenartsenvereniging u Janssens (C‑42/10, C‑45/10 u C‑57/10, EU:C:2011:253, punt 48).

( 42 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 113).

( 43 ) Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (C‑11/70, EU:C:1970:114, punt 3).

Top