Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0782

Kawża T-782/21: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2021 – EAA vs Il-Kummissjoni

ĠU C 73, 14.2.2022, p. 54–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 73, 14.2.2022, p. 16–16 (GA)

14.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 73/54


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2021 – EAA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-782/21)

(2022/C 73/69)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: European Aluminium Association (EAA) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti:: B. O’Connor u M. Hommé, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura dwar żewġ aspetti tal-kawża;

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1788 (1) li permezz tagħha l-Kummissjoni tissospendi l-effetti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1784 (2);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tar-Regolament 2016/1036 (3) u b’mod partikolari tal-Artikolu 14(4) tiegħu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-kwistjoni ta’ dannu skont kif previst fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament 2016/1036, iżda eżaminat sempliċement numru limitat u ridott ta’ indikaturi ta’ dannu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni. Ulterjorment, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-politika ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni u imponiet terminu fuqha nnifisha li ma kienx prevista mil-liġi. Finalment, il-Kummissjoni wettqet żball fil-kriterju legali li kellu jiġi applikat fir-rigward tat-tkomplija tad-dannu.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq aġir, min-naħa tal-Kummissjoni, bi ksur tal-prinċipji ta’ regolarità tal-proċedura u ta’ amministrazzjoni tajba. B’mod partikolari, it-tmexxija komplessiva tal-investigazzjoni dwar is-sospensjoni min-naħa tal-Kummissjoni kellha xi nuqqasijiet u din l-investigazzjoni la nbdiet de lege u lanqas de facto. Barra minn hekk, il-Kummissjoni imponiet limiti ratione temporis li ma kinux neċessarji u li kienu intiżi sabiex jintlaħqu termini ta’ żmien mhux raġonevoli u mhux neċessarji. Ulterjorment, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod inkonsistenti billi għamlet użu mill-kunċett ta’ żvelar li japplika għal investigazzjonijiet ġodda u għal investigazzjonijiet dwar eżami mill-ġdid iżda mhux mit-termini ta’ żmien li japplikaw għal dawn l-investigazzjonijiet. Finalment, l-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni ma ġietx żvelata lill-partijiet u l-partijiet ma setgħux jikkummentaw dwarha.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq aġir, min-naħa tal-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE billi naqset milli timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod adegwat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli tgħid għalfejn kien neċessarju li t-terminu ta’ żmien għall-konklużjoni tal-investigazzjoni dwar is-sospensjoni jiġi ffissat fl-istess waqt tal-investigazzjoni antidumping. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tatx biżżejjed raġunijiet għalfejn kien fl-interess tal-Unjoni li miżuri jiġu sospiżi.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti min-naħa tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni wettqet żball fl-eżami tal-kundizzjonijiet tas-suq li kienu ġew mibdula, fl-eżami tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tforni lis-suq, fl-eżami tad-data dwar il-produzzjoni barra mill-Unjonil, u fl-eżami tal-provvista u tad-domanda.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq użu mhux xieraq tad-dispożizzjoni dwar is-sospensjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni wettqet użu ħażin tal-poter tagħha billi tat is-sospensjoni bħala alternattiva għal applikazzjonijiet li ma kellhomx eżitu biex teskludi prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott.


(1)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1788 tat-8 ta’ Ottubru 2021 li tissospendi d-dazji anti-dumping definittivi imposti bir-Regolament (UE) 2021/1784 dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2021, L 359, p. 105).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1784 tat-8 ta’ Ottubru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju llaminati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2021, L 359, p. 6).

(3)  Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).


Top