Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0414

Kawża T-414/21: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2021 – Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni

ĠU C 401, 4.10.2021, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 401/11


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2021 – Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-414/21)

(2021/C 401/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Ferriere Nord SpA (Osoppo, l-Italja) (rappreżentanti: W. Viscardini, G. Donà u B. Comparini, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

(1)

(a)

tikkundanna (abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikoli 266, l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-340 TFUE) lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, tħallas EUR 1 096 814,68 (jew, sussidjarjament, somma differenti eventwalment iddeterminata mill-Qorti Ġenerali, jekk ikun il-każ bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi differenti minn dik indikata iktar ’il quddiem) – liema ammont jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata (ta’ 1 %) ta’ rifinanzjament tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fis-seħħ fid-9 ta’ Marzu 2010, miżjuda bi tliet punti u nofs perċentwali, għall-perijodu bejn id-9 ta’ Marzu 2010 u l-25 ta’ Ottubru 2017 (bit-tnaqqis ta’ EUR 129 847,10 diġà mħallsa abbażi ta’ interessi “prodotti”) – bħala kumpens għad-dannu mġarrab minn Ferriere Nord S.p.A. minħabba n-nuqqas ta’ pagament (bi ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE) tal-interessi moratorji dovuti għall-multa (imposta bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea C(2009) 7492 final tat-30 ta’ Settembru 2009 u C(2009) 9912 final tat-8 ta’ Diċembru 2009) mħallsa minnha provviżorjament fid-9 ta’ Marzu 2010 u mħallsa lura mill-Kummissjoni Ewropea fil-25 ta’ Ottubru 2017 abbażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża C-88/15 P;

għaldaqstant,

(b)

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, tħallas ammont ieħor abbażi tal-kapitalizzazzjoni tas-somma tal-kumpens imsemmi fil-punt (a) iktar ’il fuq, li bdiet tiddekorri mill-25 ta’ Ottubru 2017 (jew, sussidjarjament, minn data oħra eventwalment iddeterminata mill-Qorti Ġenerali) sad-data tal-pagament sħiħ u effettiv, li għandu jiġi kkalkolat skont ir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet ta’ rifinanzjament tiegħu, miżjuda bi tliet punti u nofs perċentwali (jew, sussidjarjament, skont ir-rata eventwalment stabbilita mill-Qorti Ġenerali);

(2)

tannulla (abbażi tal-Artikolu 263 TFUE) l-ittra tal-Kummissjoni Ewropea (Servizz Ġenerali “Baġit”) Ares(2021)2904048 tat-30 ta’ April 2021;

(3)

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, wieħed dirett lejn il-kumpens għad-danni (1), u l-ieħor dirett lejn l-annullament tal-ittra kkontestata (2).

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni minħabba l-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE (kif ukoll tal-Artikolu 83 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1) u/jew, sa fejn jista’ jkun il-każ, tal-Artikolu 86 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2))

F’dan ir-rigward jiġi osservat li biex tingħata eżekuzzjoni sħiħa (skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE) tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża C-88/15 P (li kienet annullat deċiżjoni tal-2009 ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 101 TFUE), il-Kummissjoni kellha tirrimborsa lil Ferriere Nord, mhux biss il-multa mħallsa provviżorjament fl-2010, iżda anki l-interessi moratorji relattivi li kellhom jiġu kkalkolati skont ir-rata stabbilita fl-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament Nru 1268/2012, jiġifieri r-rata ffissata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu fis-seħħ fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar ta’ skadenza, miżjud bi tliet punti u nofs perċentwali. Minflok, il-Kummissjoni, fil-25 ta’ Ottubru 2017, ħallset – abbażi ta’ interessi – biss dawk “prodotti” skont l-Artikolu 90(4) tar-Regolament Nru 1268/2012, bħala qliegħ miksub mill-kont bankarju li fih kienet iddepożitat provviżorjament l-ammont tal-multa. In-nuqqas ta’ pagament tal-interessi moratorji jikkostitwixxi ksur tad-dritt primarju tal-Unjoni (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE), bir-responsabbiltà mhux kuntrattwali korrispondenti tal-Kummissjoni. Il-kumpens dovut għad-danni msemmija iktar ’il fuq għandu jkun ukoll suġġett għal kapitalizzazzjoni, mid-data li fiha tħallsu biss l-interessi “prodotti” sad-data tal-ħlas effettiv.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE (kif ukoll tal-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 1268/2012 u/jew, sa fejn jista’ jkun il-każ, tal-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 2342/2002)

F’dan ir-rigward jiġi osservat li bl-ittra tat-30 ta’ April 2021, il-Kummissjoni ddikjarat li ma setgħetx/riditx tiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens preġudizzjarja mressqa minn Ferriere Nord skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għaliex it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin stabbilit fih kien skada, peress li – skont l-istituzzjoni – il-fatt li wassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha stess (u b’hekk il-mument meta beda jiddekorri t-terminu tal-preskrizzjoni) kien il-pagament provviżorju tal-multa li seħħ fl-2010. Minflok, Ferriere Nord tiddeduċi li l-fatt li wassal għar-responsabbiltà huwa l-fatt li fil-25 ta’ Ottubru 2017 – meta l-multa ġiet imħallsa lura b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2017 – il-Kummissjoni ma ħallsitx l-interessi moratorji msemmija fl-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 1268/2012, billi llimitat ruħha għall-ħlas tal-interessi “prodotti” biss, skont l-Artikolu 90 tal-istess regolament. Tali ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jikkostitwixxi l-aġir illegali tal-Kummissjoni u jiddetermina r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha u għalhekk huwa mill-mument ta’ tali ksur li jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 46 tal-Istatut.


(1)  ĠU 2012, L 362, p. 1.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145.


Top