Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0135

    Kawża T-135/21: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2021 – Trasta Komercbanka vs BĊE

    ĠU C 206, 31.5.2021, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 206/27


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2021 – Trasta Komercbanka vs BĊE

    (Kawża T-135/21)

    (2021/C 206/35)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Trasta Komercbanka AS (Riga, il-Latvja) (rappreżentant: O. Behrends, avukat)

    Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tikkundanna lill-konvenut iħallas kumpens finanzjarju fir-rigward tad-dannu li r-rikorrenti sostniet bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-konvenut ECB/SSM/2016 – 529900WIPOINFDAWTJ81/1 WOANCA-2016-0005, tat-3 ta’ Marzu 2016, li tirrevoka l-liċenzja tar-rikorrenti;

    tiddetermina li d-dannu materjali jammonta tal-inqas għal EUR 126 miljun flimkien mal-interessi kumpensatorji mit-3 ta’ Marzu 2016 sal-għoti tas-sentenza f’dan il-każ kif ukoll l-interessi moratorji korrispondenti mid-data tal-għoti tas-sentenza sakemm jitħallas kompletament; u

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-konvenut ma trattax b’mod xieraq l-irregolaritajiet proċedurali. Dawn jinkludu l-fatt li l-Latvian FCMC (1) kien ikkonkluda immedjatament qabel il-bidu tal-proċedura ta’ rtirar tal-liċenzja, li rtirar tal-liċenzja ma kienx iġġustifikat u li dan il-fatt kien sussegwentement omess mit-talba tal-FCMC għar-revoka tal-liċenzja. Ir-rikorrenti tilmenta wkoll li l-verżjoni bl-Ingliż tad-deċiżjoni l-iktar reċenti tal-FCMC kienet manipulata. Iktar allegati irregolaritajiet proċedurali jikkonċernaw nuqqas li tiġi ttrattata b’mod effettiv kondotta potenzjalment korretta ta’ uffiċjali Latvjani u Ewropej fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq li l-konvenut kiser dispożizzjonijiet sostantivi billi aġixxa barra l-portata tal-kompetenza tiegħu meta ħareġ id-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ ħasil tal-flus u li l-konvenut b’mod żbaljat assuma raġunijiet għal irtirar ta’ liċenzja.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq li r-rikorrenti sofriet dannu finanzjarju sinjifikanti, speċjalment minħabba l-istralċ tagħha bħala riżultat ta’ rtirar ta’ liċenzja żbaljat.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq rabta kawżali bejn l-irtirar tal-liċenzja u d-dannu sostnut mir-rikorrenti.


    (1)  Financial Capital Markets Commission.


    Top