EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TJ0054

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-26 ta’ April 2023 (Estratti).
OHB System AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Djalogu kompetittiv – Provvista ta’ satelliti ta’ tranżizzjoni Galileo – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Kriterji ta’ esklużjoni – Mġiba professjonali ħażina serja ta’ offerent – Assenza ta’ sentenza finali jew ta’ deċiżjoni amministrattiva finali – Tressiq tal-każ quddiem il-bord imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju – Ugwaljanza fit-trattament – Offerta anormalment baxxa – Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Kawża T-54/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2023:210

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

26 ta’ April 2023 ( *1 )

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Djalogu kompetittiv – Provvista ta’ satelliti ta’ tranżizzjoni Galileo – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Kriterji ta’ esklużjoni – Mġiba professjonali ħażina serja ta’ offerent – Assenza ta’ sentenza finali jew ta’ deċiżjoni amministrattiva finali – Tressiq tal-każ quddiem il-bord imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju – Ugwaljanza fit-trattament – Offerta anormalment baxxa – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑54/21,

OHB System AG, stabbilita fi Bremen (Il‑Ġermanja), irrappreżentata minn W. Würfel u F. Hausmann, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Wilms, L. André, J. Estrada de Solà u L. Mantl, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir‑Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili u G. Santini, avvocati dello stato,

u minn

Airbus Defence and Space GmbH, stabbilita f’Taufkirchen (Il‑Ġermanja), irrappreżentata minn P.-E. Partsch, F. Dewald u C.-E. Seestädt, avukati,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. J. Costeira (Relatriċi), Presidenta, M. Kancheva u P. Zilgalvis, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat id-digriet tas‑26 ta’ Mejju 2021, OHB System vs Il‑Kummissjoni (T‑54/21 R, mhux ippubblikat, EU:T:2021:292),

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

id-digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2021, OHB System vs Il‑Kummissjoni (T‑54/21, mhux ippubblikat),

id-digriet tat‑2 ta’ Diċembru 2021, OHB System vs Il‑Kummissjoni (T‑54/21, EU:T:2021:878),

il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑17 ta’ Ottubru 2022 u t-tweġiba tal-Kummissjoni ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Ottubru 2022,

wara s-seduta tas‑17 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, OHB System AG, titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, ikkomunikati lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tad‑19 u permezz ta’ faks tat‑22 ta’ Jannar 2021, li ma taċċettax l-offerta tagħha, ippreżentata fil-kuntest tas-sejħa għal offerti fil-forma ta’ djalogu kompetittiv 2018/S 091–206089 dwar il-provvista ta’ satelliti ta’ tranżizzjoni Galileo, kif ukoll li tagħti l-kuntratt lil żewġ offerenti oħra (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Ir-rikorrenti hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li għandha bħala għan l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi u ta’ proġetti spazjali innovattivi kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti aeronawtiċi, spazjali u telematiċi speċifiċi, inklużi s-satelliti ġeostazzjonarji u ta’ altitudni baxxa.

3

Skont il-premessa 2 u l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 347, p. 1), il-programm Galileo għandu l-għan li tiġi stabbilita u użata sistema Ewropea ta’ radjunavigazzjoni u ta’ pożizzjonament permezz tas-satellita, maħsub speċifikament għal finijiet ċivili, li tinkludi kostellazzjoni ta’ satelliti u netwerk globali ta’ stazzjonijiet fuq l-art.

4

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1285/2013, il-Kummissjoni għandha tassumi r-responsabbiltà ġenerali tal-programm Galileo u, konformement mal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament, għall-fażi ta’ dispjegament ta’ dan il-programm, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ delega mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), li jispeċifika l-kompiti ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-kuntratti relatati mas-sistema.

5

Fil-kuntest tal-ftehim ta’ delega konkluż bejn il-Kummissjoni u l-ESA għall-fażi tad-dispjegament tal-programm Galileo, l-ESA hija responsabbli mill-organizzazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi relatati ma’ dan il-programm u l-Kummissjoni tibqa’ l-awtorità kontraenti.

6

Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tal‑15 ta’ Mejju 2018, ippubblikat fis-Suppliment ta’ Il‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018/S 091–206089) u fuq is-sit internet “emits.esa.int”, l-ESA, li taġixxi f’isem u għan-nom tal-Kummissjoni, nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti dwar il-provvista ta’ satelliti ta’ tranżizzjoni Galileo, fil-forma ta’ djalogu kompetittiv (iktar ’il quddiem id-“djalogu kompetittiv kontenzjuż”). Il-proċedura tnediet f’din il-forma, peress li l-Kummissjoni kienet diġà identifikat u ddefinixxiet il-bżonnijiet tagħha, iżda kienet għadha ma ddefinixxietx il-mezzi preċiżi l-iktar adatti sabiex tirrispondi għalihom.

7

Id-djalogu kompetittiv kontenzjuż kien jirrigwarda l-akkwist ta’ numru inizjali ta’ erba’ satelliti ta’ tranżizzjoni Galileo (li setgħu jitilgħu sa tnax) li għandhom karatteristiċi evoluti sabiex jiżguraw il-bidla mill-ewwel ġenerazzjoni għat-tieni ġenerazzjoni ta’ satelliti Galileo. Ġie deċiż li jintużaw diversi sorsi ta’ provvista, konformement mal-Artikolu 19(d) tar-Regolament Nru 1285/2013, skont liema jistgħu jintgħażlu żewġ offerenti rebbieħa u jistgħu jiġu ffirmati żewġ kuntratti għall-provvista parallela ta’ numru previst ta’ żewġ satelliti għal kull wieħed minnhom.

8

L-għoti tal-kuntratt kien ibbażat fuq l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża, skont żewġ kriterji ta’ għoti, dak tal-prezz, ponderat għal 35 %, u dak tal-kwalità, ponderat globalment bħala 65 %. Il-kriterju tal-kwalità kien jinqasam f’ħames sottokriterji. L-ewwel sottokriterju, ponderat għal 10 %, kien jirrigwarda n-natura xierqa u r-rilevanza tar-riżorsi umani u tekniċi u tal-installazzjonijiet proposti mill-offerent fir-rigward tas-soluzzjoni teknika u programmatika deskritta fl-offerta. It-tieni sottokriterju, ponderat għal 25 %, kien relatat mal-komprensjoni tar-rekwiżiti u tal-għanijiet, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, mal-kwalifika u l-livell ta’ maturità tal-ħolqien tal-proġett propost, mal-adegwatezza, il-kwalità u s-solidità tal-ħolqien tal-proġett propost u mal-osservanza tal-kundizzjonijiet tekniċi. It-tielet sottokriterju, ponderat għal 30 %, kien relatat mal-kwalità u mal-adegwatezza tal-programm ta’ ħidma, mal-osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, mal-adegwatezza tal-ippjanar tekniku kif ukoll mal-approċċ fil-qasam tat-testijiet u tal-provi, mal-eżami tar-riskji u mal-proposti għat-tnaqqis tar-riskji, inkluża d-diversifikazzjoni teknoloġika. Ir-raba’ sottokriterju, ponderat għal 25 %, kien jirrigwarda n-natura xierqa tal-ġestjoni, tal-kalkolu tal-ispejjeż u tal-pjanifikazzjoni tal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet. Il-ħames sottokriterju, ponderat għal 10 %, kien relatat mal-osservanza tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti u tal-kuntratt.

9

Id-djalogu kompetittiv kontenzjuż seħħ fi tliet fażijiet. L-ewwel żewġ fażijiet żvolġew konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1285/2013 kif ukoll tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), u tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 966/2012 (ĠU 2012, L 362, p. 1). It-tielet fażi żvolġiet konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1285/2013 kif ukoll tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”).

10

L-ewwel fażi tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż bdiet f’Mejju 2018 bil-pubblikazzjoni, mill-ESA, ta’ “stedina sabiex titressaq talba għal parteċipazzjoni”.

11

Fid-dawl tat-talbiet għal parteċipazzjoni rċevuti, l-ESA għażlet tliet offerenti, jiġifieri r-rikorrenti, Airbus Defence and Space GmbH (iktar ’il quddiem “ADS”) u Thales Alenia Space Italia (iktar ’il quddiem “TASI”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“offerenti”).

12

It-tieni fażi bdiet f’Lulju 2018 u kienet intiża għall-identifikazzjoni u d-definizzjoni tal-mezzi proprji sabiex jiġu ssodisfatti bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti. Inizjalment, l-ESA stiednet lill-offerenti sabiex jissottomettu “offerta preliminari” u bagħtitilhom, b’mod partikolari, il-“kundizzjonijiet speċjali tas-sejħa għal offerti għall-istedina sabiex tiġi sottomessa offerta preliminari”. Sussegwentement, wara perijodu ta’ djalogu, l-ESA stiednet lill-offerenti sabiex jissottomettu “offerta riveduta” u bagħtitilhom, b’mod partikolari, il-“kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti għall-istedina sabiex tiġi sottomessa offerta riveduta”. Fis‑26 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat l-offerta preliminari tagħha u, fil‑11 ta’ Ottubru 2019, hija ppreżentat l-offerta riveduta tagħha.

13

It-tielet fażi bdiet f’Awwissu 2020 u, wara perijodu ta’ djalogu ieħor, l-ESA stiednet lill-offerenti sabiex jissottomettu l-“offerta finali” tagħhom u bagħtitilhom b’mod partikolari l-“kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti għall-istedina sabiex tiġi sottomessa l-offerta finali”. Fil‑11 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti ppreżentat l-offerta finali tagħha.

14

Bejn Ottubru u Diċembru 2020, l-offerti finali tal-offerenti ġew evalwati minn kumitat ta’ evalwazzjoni, kompost minn rappreżentanti tal-ESA, mill-Aġenzija tas-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita (GNSS) Ewropea (GNSS) u mill-Kummissjoni, li ppreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni f’rapport ta’ evalwazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni”).

15

Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020, indirizzata lill-Kummissjoni flimkien, b’mod partikolari, mal-ESA b’kopja (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020”), ir-rikorrenti talbet, essenzjalment, lill-Kummissjoni, l-ewwel, tissospendi d-djalogu kompetittiv kontenzjuż, minħabba “suspett ta’ ksur tas-sigriet professjonali tagħha minn impjegat ta’ ADS”, sussegwentement, li tinvestiga l-kwistjoni u, fl-aħħar, jekk ikun il-każ, li teskludi lil ADS mid-djalogu kompetittiv kontenzjuż.

16

F’din l-ittra, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni, essenzjalment, b’dan li ġej: l-ewwel, [kunfidenzjali] ( 2 ) (iktar ’il quddiem l-“ex impjegat”) kien ħadem għar-rikorrenti mit‑22 ta’ Diċembru 2016 sal-aħħar tax-xahar ta’ Novembru 2019 u, bħala direttur ġenerali amministrattiv, kellu aċċess wiesa’ għad-data tal-proġett u kien ipparteċipa fil-preparazzjoni tal-offerta ppreżentata mir-rikorrenti fil-kuntest tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż. B’mod partikolari, huwa kien involut fl-“istrateġija” tal-parti teknika tal-offerta tagħha kif ukoll fl-“istrateġija” dwar il-prezz u l-kalkolu tal-prezz. It-tieni, fil‑11 ta’ Novembru 2019, wara talba tal-ex impjegat f’dan is-sens, hu u r-rikorrenti kienu ffirmaw ix-xoljiment kmieni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. It-tielet, fix-xahar ta’ Diċembru 2019, ADS kienet irreklutat l-ex impjegat u, matul is-sena 2020, huwa kien okkupa kariga ma’ ADS li kienet tpoġġih f’ras id-dipartiment inkarigat mill-offerta ppreżentata minnha fil-kuntest tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż. Barra minn hekk, kienu jeżistu indizji li jgħidu li l-ex impjegat kien kiseb informazzjoni sensittiva mir-rikorrenti, li setgħet tagħti lil ADS vantaġġ indebitu fil-kuntest tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż. Ir-raba’, ir-rikorrenti kienet ordnat analiżi tal-kompjuter li l-ex impjegat kien juża meta kien jaħdem magħha, liema analiżi wasslet għal dokumenti li juru li, qabelxejn, huwa kellu l-intenzjoni li jbiddel il-persuna li timpjega sa minn Ġunju 2019, sussegwentement, fil-kuntest tan-negozjati li jirrigwardaw ir-reklutaġġ tiegħu minn ADS, huwa kien b’mod partikolari indika lil din tal-aħħar li, bir-reklutaġġ tiegħu, hija kien ikollha vantaġġi fi proġetti li fihom hija kienet f’kompetizzjoni mar-rikorrenti u, fl-aħħar, fih kien hemm indizji li juru li l-ex impjegat kien ikkopja fajls kunfidenzjali tar-rikorrenti. Il-ħames, iċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali mmexxija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur kompetenti fil-Ġermanja, wara lment ippreżentat, f’Marzu 2020, mir-rikorrenti kontra l-ex impjegat.

17

Abbażi tar-rapport ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma taċċettax l-offerta tar-rikorrenti u li taċċetta l-offerti ta’ TASI u ta’ ADS. Id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew ikkomunikati lir-rikorrenti mill-ESA permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Jannar 2021 u permezz ta’ faks tat‑22 ta’ Jannar 2021.

18

Permezz tal-ittra tad‑19 ta’ Jannar 2021, l-ESA informat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni li ma taċċettax l-offerta tagħha għar-raġuni li ma kinitx l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Fl-Anness għal din l-ittra, hija bagħtitilha estratt mill-evalwazzjoni, mill-kumitat ta’ evalwazzjoni, tal-offerta finali tagħha fid-dawl tal-ħames sottokriterji tal-kriterju tal-kwalità.

19

Sussegwentement, ir-rikorrenti talbet lill-ESA, permezz ta’ faks tal‑20 ta’ Jannar 2021, sabiex tikkomunikalha l-informazzjoni tal-offerenti magħżula, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerti tagħhom, il-prezz totali użat sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni ddettaljata tal-offerta rispettiva tagħha.

20

Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni, filwaqt li għamlet riferiment għall-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020, informat lir-rikorrenti li, l-ewwel, ma kienx hemm raġunijiet suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata sospensjoni tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż f’dan l-istadju, it-tieni, l-allegazzjonijiet ta’ approprjazzjoni illegali tas-sigrieti professjonali tar-rikorrenti kienu diġà s-suġġett ta’ investigazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, li fuq il-konklużjonijiet tagħha hija setgħet tibbaża ruħha u tadotta miżuri addizzjonali, jekk ikun neċessarju, u, it-tielet, l-imsemmija allegazzjonijiet ma kinux ġew stabbiliti permezz ta’ sentenza definittiva jew ta’ deċiżjoni amministrattiva finali, fis-sens tal-Artikolu 136(1) tar-Regolament Finanzjarju, u għalhekk ma kienx hemm raġuni sabiex ADS tiġi eskluża mid-djalogu kompetittiv kontenzjuż.

21

Permezz ta’ faks tat‑22 ta’ Jannar 2021, l-ESA bagħtet lir-rikorrenti l-isem tal-offerenti magħżula, jiġifieri TASI u ADS, il-prezz totali u l-klassifikazzjoni finali tal-offerti tagħhom, kif ukoll il-klassifikazzjoni tagħhom skont il-ħames sottokriterji tal-kriterju tal-kwalità. Fl-anness għal din l-ittra, l-ESA bagħtet lir-rikorrenti r-riżultati ddettaljati tal-evalwazzjoni tal-offerta tagħha fid-dawl tal-ħames sottokriterji tal-kriterju tal-kwalità.

22

L-offerti tal-offerenti ġew ikklassifikati kif ġej: l-offerta ta’ TASI fl-ewwel post, l-offerta ta’ ADS fit-tieni post u l-offerta tar-rikorrenti fit-tielet post. Dawn l-offerti ġew evalwati fid-dawl taż-żewġ kriterji ta’ għoti indikati fil-punt 8 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-kriterju tal-kwalità, l-offerti ta’ TASI, ta’ ADS u tar-rikorrenti ġew ikklassifikati fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet pożizzjoni, rispettivament. Fir-rigward tal-kriterju tal-prezz, l-offerti ta’ ADS, bi prezz totali ta’ EUR 707 679 174.75, ta’ TASI, bi prezz totali ta’ EUR 804 127 000.00, u tar-rikorrenti, bi prezz totali ta’ EUR 822 786 000.00, ġew ikklassifikati fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet post, rispettivament.

23

Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni, l-ewwel, teskludi lil ADS mid-djalogu kompetittiv kontenzjuż, it-tieni, temenda d-deċiżjonijiet ikkontestati billi tagħtiha l-kuntratt, it-tielet, tagħtiha aċċess għall-fajl komplet tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż u għar-rapport ta’ evalwazzjoni u, ir-raba’, li ma tiffirmax il-kuntratti sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-oġġezzjonijiet li hija kienet qajmet. F’din l-ittra, ir-rikorrenti sostniet li ADS kellha tiġi eskluża, peress li, minn naħa, hija kienet kisret il-prinċipju tas-sigriet tal-kompetizzjoni billi involviet lill-ex impjegat fil-preparazzjoni tal-offerta tagħha u, min-naħa l-oħra, l-offerta tagħha kienet anormalment baxxa.

It‑talbiet tal‑partijiet

24

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

tordna lill-Kummissjoni tagħtiha aċċess għall-fajl tad-djalogu kompetittiv inkwistjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors, parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26

Ir-Repubblika Taljana u ADS jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

Id‑dritt

[omissis]

Fuq il‑mertu

[omissis]

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑kriterji ta’ esklużjoni previsti fl‑Artikolu 136 tar‑Regolament Finanzjarju kif ukoll tal‑prinċipji ta’ ugwaljanza fit‑trattament u ta’ “kompetizzjoni sigrieta”

[omissis]

– Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel motiv, ibbażata fuq il‑ksur tal‑kriterji ta’ esklużjoni previsti fl‑Artikolu 136 tar-Regolament Finanzjarju

53

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-għoti ta’ parti mill-kuntratt lil ADS tikser l-Artikolu 136 u l-Artikolu 167(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju, sa fejn din kellha tiġi eskluża mid-djalogu kompetittiv kontenzjuż.

54

Qabelxejn, ir-rikorrenti ssostni li ADS kellha tiġi eskluża mid-djalogu kompetittiv kontenzjuż abbażi tal-Artikolu 136(1)(ċ)(ii) u (v) tar-Regolament Finanzjarju, minħabba, minn naħa, l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ ftehim antikompetittiv jew ta’ akkordju taċitu bejn ADS u l-ex impjegat bl-għan tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni mar-rikorrenti fil-kuntest tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż u, min-naħa l-oħra, minħabba l-fatt li, billi impjegat l-ex impjegat, ADS hija preżunta li pprovat tikseb informazzjoni kunfidenzjali mir-rikorrenti, li tista’ tagħtiha vantaġġ indebitu matul id-djalogu kompetittiv kontenzjuż.

55

Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li, fl-assenza ta’ sentenza definittiva jew ta’ deċiżjoni amministrattiva finali, ADS kellha tiġi eskluża abbażi ta’ klassifikazzjoni ġuridika preliminari prevista fl-Artikolu 136(2) tar-Regolament Finanzjarju. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tinvestiga l-fatti u tikseb informazzjoni mingħand ADS.

56

Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li ADS kellha tiġi eskluża abbażi tal-Artikolu 136(4)(a) tar-Regolament Finanzjarju, peress li l-ex impjegat jokkupa kariga ta’ tmexxija f’ADS u peress li kien jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 136(1)(ċ) tar-Regolament Finanzjarju.

57

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

58

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 167(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li l-kuntratti jingħataw abbażi ta’ kriterji ta’ għoti, sakemm l-awtorità kontraenti tkun ivverifikat li l-kandidat jew l-offerent ma jkunx ġie eskluż skont l-Artikolu 136, jew eskluż b’applikazzjoni tal-Artikolu 141 tal-istess regolament.

59

Fir-rigward tal-kriterji ta’ esklużjoni, mill-Artikolu 136(1) tar-Regolament Finanzjarju jirriżulta li “[l]-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jeskludi lil persuna jew lil entità msemmija fl-Artikolu 135(2) milli tieħu sehem fi proċeduri ta’ għoti rregolati minn dan ir-Regolament […] fejn dik il-persuna jew entità tkun tinsab f’waħda jew iżjed mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni” previsti fl-Artikolu 136(1)(a) sa (h) ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 136(1)(c)(ii) u (v) tal-imsemmi regolament, “[l]-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jeskludi lil persuna jew lil entità msemmija fl-Artikolu 135(2) milli tieħu sehem fi proċeduri ta’ għoti rregolati minn dan ir-Regolament […] fejn […] (c) ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali jew permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li l-persuna jew l-entità hija ħatja ta’ mġiba professjonali ħażina serja […], fosthom, b’mod partikolari, […] (ii) id-dħul fi ftehim ma’ persuni jew ma’ entitajiet oħrajn bl-għan li tiġi kkawżata distorsjoni tal-kompetizzjoni [jew] (v) it-tentattiv li tinkiseb informazzjoni kunfidenzjali li tista’ tagħtih vantaġġi mhux xierqa fil-proċedura ta’ għoti”.

60

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 136(4)(a) tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jeskludi lil persuna jew lil entità msemmija fl-Artikolu 135(2) fejn “persuna fiżika jew ġuridika li hija membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-persuna jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 135(2), jew li għandha setgħat ta’ rappreżentazzjoni, ta’ deċiżjoni jew ta’ kontroll fir-rigward ta’ dik il-persuna jew entità, hija f’waħda jew aktar mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-punti (c) sa (h) tal-paragrafu 1 [tal-Artikolu 136]”.

61

Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 136(2) tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li, “[f]in-nuqqas ta’ sentenza finali jew, fejn applikabbli, deċiżjoni amministrattiva finali fil-każijiet imsemmija fil-punti (c), (d), (f), (g) u (h) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu […], l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jeskludi lil persuna jew entità msemmija fl-Artikolu 135(2) abbażi ta’ klassifikazzjoni preliminari fil-liġi ta’ aġir kif imsemmi f’dawk il-punti, b’kont meħud tal-fatti stabbiliti jew sejbiet oħra li jinsabu fir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 143 [ta’ dan ir-regolament]”.

62

Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta b’mod partikolari li awtorità kontraenti għandha teskludi lil offerent mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti meta l-imsemmi offerent ikun jinsab f’waħda jew f’diversi mis-sitwazzjonijiet li jikkorrispondu għat-tliet kriterji ta’ esklużjoni msemmija fil-punti 59 sa 61 iktar ’il fuq.

63

Għalhekk, l-ewwel kriterju ta’ esklużjoni, previst fl-Artikolu 136(1)(c)(ii) u (v), moqri flimkien mal-Artikolu 135(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju, jikkorrispondi għas-sitwazzjonijiet li fihom ġie stabbilit permezz ta’ sentenza definittiva jew ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li l-offerent huwa ħati ta’ mġiba professjonali ħażina serja, billi adotta wieħed mit-tipi ta’ imġiba msemmija fl-Artikolu 136(1)(c)(ii) u (v) tar-Regolament Finanzjarju, jiġifieri l-konklużjoni ta’ ftehim ma’ persuni oħra jew entitajiet oħra bl-għan li tiġi kkawżata distorsjoni tal-kompetizzjoni jew it-tentattiv li tinkiseb informazzjoni kunfidenzjali li tista’ tagħtih vantaġġ indebitu fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

64

It-tieni kriterju ta’ esklużjoni, previst fl-Artikolu 136(4)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 135(2)(a) u l-Artikolu 136(1)(c)(ii) u (v) tar-Regolament Finanzjarju, jikkorrispondi għas-sitwazzjonijiet li fihom ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali jew permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li persuna fiżika jew ġuridika, li hija membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-offerent jew li għandha setgħat ta’ rappreżentazzjoni, ta’ deċiżjoni jew ta’ kontroll fir-rigward tal-imsemmi offerent, hija ħatja ta’ mġiba professjonali ħażina serja, billi adottat wieħed mit-tipi ta’ mġiba msemmija fl-Artikolu 136(1)(c)(ii) u (v) tar-Regolament Finanzjarju.

65

It-tielet kriterju ta’ esklużjoni, previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 136(2) moqri flimkien mal-Artikolu 135(2)(a), l-Artikolu 136(1)(c)(ii) u (v) u l-Artikolu 143(6)(a) tar-Regolament Finanzjarju, jikkorrispondi għas-sitwazzjonijiet li fihom, fl-assenza ta’ sentenza finali jew ta’ deċiżjoni amministrattiva finali, dan ikun ġie stabbilit permezz ta’ klassifikazzjoni ġuridika preliminari, li tinsab fir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju (iktar ’il quddiem il-“bord”), li l-offerent huwa ħati ta’ mġiba professjonali ħażina serja, billi adotta wieħed mit-tipi ta’ mġiba msemmija fl-Artikolu 136(1)(c)(ii) u (v) tal-imsemmi regolament. Konformement mal-Artikolu 135(4) tar-Regolament Finanzjarju, l-awtorità kontraenti tista’ tieħu deċiżjoni li teskludi offerent abbażi ta’ klassifikazzjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 136(2) biss wara li tkun kisbet rakkomandazzjoni mill-bord.

66

F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-ewwel kriterju ta’ esklużjoni, li jissemmew fil-punt 63 iktar ’il fuq, ma humiex issodisfatti. Fil-fatt, huwa paċifiku bejn il-partijiet li, fil-mument tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż, ma kienet teżisti l-ebda sentenza finali, u l-ebda deċiżjoni amministrattiva finali, fis-sens tal-Artikolu 136(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju, dwar ADS.

67

Fir-rigward tat-tieni kriterju ta’ esklużjoni, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju msemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq jirriżulta li l-offerent jista’ jiġi eskluż biss jekk l-imġiba professjonali ħażina serja tal-persuna fiżika jew ġuridika li hija membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tiegħu tkun ġiet stabbilita permezz ta’ sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali.

68

Issa, anki jekk jitqies li l-ex impjegat jista’ jitqies bħala membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ ADS, fis-sens tal-Artikolu 136(4)(a) tar-Regolament Finanzjarju, l-eżistenza ta’ sentenza finali jew ta’ deċiżjoni amministrattiva finali dwar l-ex impjegat bl-ebda mod ma tirriżulta mill-fajl u barra minn hekk ma ġietx allegata mir-rikorrenti. Fil-fatt, fir-rigward tal-aġir tal-ex impjegat, mill-proċess isegwi li l-ilment, imressaq mir-rikorrenti kontrih quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur kompetenti fil-Ġermanja, ġie kklassifikat bħala magħluq mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2020 u li l-“ilment amministrattiv” li r-rikorrenti kienet ressqet kontra dik id-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kompetenti fl‑1 ta’ Marzu 2021.

69

Għaldaqstant, f’dan il-każ ma ġiex ipprovat ksur tal-ewwel u tat-tieni kriterji ta’ esklużjoni, imsemmija fil-punti 63 u 64 iktar ’il fuq.

70

Fir-rigward tat-tielet kriterju ta’ esklużjoni, għandu jitfakkar li, bħalma jirriżulta mill-punt 65 iktar ’il fuq, offerent jista’ jiġi eskluż minn proċedura ta’ sejħa għal offerti biss abbażi ta’ klassifikazzjoni ġuridika preliminari tal-aġir tiegħu, fid-dawl tal-fatti jew tal-konstatazzjonijiet stabbiliti fir-rakkomandazzjoni maħruġa mill-bord.

71

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma ressqitx il-każ quddiem dan il-bord. Madankollu, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk, billi ma għamlitx dan, il-Kummissjoni naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 136(2) u mill-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju, bi ksur tat-tielet kriterju ta’ esklużjoni.

72

Preliminarjament, għandhom isiru xi preċiżazzjonijiet dwar li jiġi adit il-bord u l-klassifikazzjoni ġuridika preliminari li abbażi tagħha offerent jista’ jiġi eskluż minn proċedura ta’ sejħa għal offerti.

73

Fl-ewwel lok, l-għan sottostanti għal li jiġi adit il-bord sabiex tinkiseb rakkomandazzjoni li tinkludi, jekk ikun il-każ, klassifikazzjoni ġuridika preliminari tal-aġir ta’ offerent li abbażi tagħha dan jista’ jiġi eskluż minn proċedura ta’ sejħa għal offerti huwa l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra aġir li jikkostitwixxi riskju għal dawn l-interessi. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 135(1) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li “[s]abiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha twaqqaf u tħaddem sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni”. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 135(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-għan ta’ din is-sistema huwa li tiffaċilita, b’mod partikolari, “(a) l-identifikazzjoni bikrija ta’ persuni jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, li jippreżentaw riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni” u “(b) l-esklużjoni ta’ persuni jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni imsemmija fl-Artikolu 136(1)”.

74

Fit-tieni lok, il-klassifikazzjoni ġuridika preliminari tappartjeni esklużivament lill-bord, u dan “sabiex tiġi żgurata valutazzjoni ċentralizzata ta’ dawk is-sitwazzjonijiet” fil-kuntest tas-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni, konformement mal-Artikolu 135(4) tar-Regolament Finanzjarju.

75

Fit-tielet lok, il-klassifikazzjoni ġuridika preliminari tirrigwarda neċessarjament l-aġir tal-offerenti stess. Bħalma jirriżulta mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 61 u 65 iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni ġuridika preliminari tista’ tikkonċerna biss il-fatti jew il-konstatazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 136(1)(c), (d), (f), (g) u (h) ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, l-aġir tal-persuni jew entitajiet biss imsemmija fl-Artikolu 135(2) tal-imsemmi regolament.

76

Fir-raba’ lok, il-klassifikazzjoni ġuridika preliminari tirrigwarda fatti jew konstatazzjonijiet stabbiliti, essenzjalment, fil-kuntest ta’ awditu jew ta’ investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni jew, skont il-każ, tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 142(2)(b) u (c) tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li l-identifikazzjoni rapida tar-riskji li jheddu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, minn uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tagħha, uffiċċju Ewropew stabbilit minnha jew minn aġenzija eżekuttiva (Artikolu 142(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju) jew minn istituzzjoni tal-Unjoni, uffiċċju Ewropew jew aġenzija oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 142(2)(b) tal-imsemmi regolament (Artikolu 142(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju) (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Transtec vs Il‑Kummissjoni, T‑228/18, EU:T:2019:336, punt 52).

77

Għandu jitfakkar ukoll li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 136(2) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi kif ġej:

“Il-fatti u s-sejbiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

(a)

il-fatti stabbiliti fil-kuntest ta’ awditi jew ta’ investigazzjonijiet imwettqa mill-UPPE fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni msaħħa taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, il-Qorti tal-Awdituri, l-OLAF jew l-awditur intern, jew kwalunkwe verifika, awditu jew kontroll ieħor li jitwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni;

(b)

deċiżjonijiet amministrattivi mhux finali li jistgħu jinkludu miżuri dixxiplinari meħuda mill-korp ta’ sorveljanza kompetenti responsabbli għall-verifika tal-applikazzjoni tal-istandards ta’ etika professjonali;

(c)

il-fatti msemmija fid-deċiżjonijiet ta’ persuni u entitajiet li jimplimentaw fondi tal-Unjoni skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1);

(d)

l-informazzjoni trażmessa skont il-punt (d) tal-Artikolu 142(2) minn entitajiet li jimplementaw il-fondi tal-Unjoni skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1);

(e)

deċiżjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew ta’ awtorità kompetenti nazzjonali relatati mal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew dik nazzjonali.”

78

Fil-ħames lok, l-awtorità kontraenti għandha tressaq il-każ quddiem il-bord, imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju, biss meta l-fatti stabbiliti li hija għandha jikkostitwixxu indizji suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita preżunzjoni ta’ ħtija tal-offerent. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, mid-dispożizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-assenza ta’ sentenza finali jew ta’ deċiżjoni amministrattiva finali dwar offerent, l-awtorità kontraenti għandha, meta jkollha indizji suffiċjenti sabiex tistabbilixxi preżunzjoni li l-imsemmi offerent huwa ħati, b’mod partikolari, ta’ mġiba professjonali ħażina serja, tressaq il-każ quddiem il-bord sabiex dan joħroġ rakkomandazzjoni li tinkludi, skont il-każ, klassifikazzjoni ġuridika preliminari tal-fatti kontenzjużi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Transtec vs Il‑Kummissjoni, T‑228/18, EU:T:2019:336, punt 53).

79

Barra minn hekk, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit li wieħed ikollu indizji suffiċjenti sabiex il-każ jitressaq quddiem il-bord huwa konformi mal-għanijiet ta’ sistema intiża b’mod partikolari sabiex jiġu identifikati malajr u jiġu esklużi l-offerenti li l-aġir tagħhom jikkostitwixxi riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara l-punt 73 iktar ’il fuq). It-tieni, dan ir-rekwiżit jirriżulta mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja u eżekuzzjoni tajbin (ara l-Kapitolu 7 tat-Titolu II tar-Regolament Finanzjarju), sa fejn dan jevita li jkun hemm dewmien fi proċedura tal-għoti ta’ kuntratti mingħajr raġuni valida. It-tielet, dan ir-rekwiżit huwa konsegwenza tar-rwol tal-bord, li ma huwiex inkarigat li jinvestiga, iżda għandu joħroġ rakkomandazzjoni li tinkludi, skont il-każ, klassifikazzjoni ġuridika preliminari, li tirrigwarda fatti u konstatazzjonijiet stabbiliti preċedentement fil-kuntest ta’ awditu jew ta’ investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari tal-Unjoni (ara l-punt 76 iktar ’il fuq). Ir-raba’, ir-rekwiżit li wieħed ikollu indizji suffiċjenti jirriżulta mill-portata tal-klassifikazzjoni ġuridika preliminari, sa fejn din tirrigwarda l-aġir ta’ offerent fil-każ ta’ assenza ta’ sentenza finali jew ta’ deċiżjoni finali (ara l-punt 65 iktar ’il fuq) u għalhekk ma tistax tkun ibbażata fuq sempliċi suspetti.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kinitx obbligata tressaq il-każ quddiem il-bord sabiex dan joħroġ rakkomandazzjoni li tinkludi, jekk ikun il-każ, klassifikazzjoni ġuridika preliminari li tirrigwarda l-aġir ta’ ADS. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kellhiex indizji suffiċjenti li jippermettu li jiġi preżunt li ADS kienet ħatja ta’ mġiba professjonali ħażina serja li thedded l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż, b’mod partikolari, il-konklużjoni ta’ ftehim ma’ persuni jew entitajiet oħra bl-għan li ssir distorsjoni tal-kompetizzjoni jew it-tentattiv li tinkiseb informazzjoni kunfidenzjali li tista’ tagħtiha vantaġġ indebitu waqt id-djalogu kompetittiv kontenzjuż.

81

F’dan il-każ, mill-proċess u mit-trattazzjoni tal-partijiet prinċipali jsegwi li l-uniku element li kellha l-Kummissjoni dwar allegata mġiba illegali ta’ ADS kien l-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020. Permezz ta’ din l-ittra, ir-rikorrenti talbet, essenzjalment, lill-Kummissjoni, l-ewwel, li tissospendi d-djalogu kompetittiv kontenzjuż, minħabba “suspett ta’ ksur tas-sigriet professjonali tagħha minn impjegat ta’ ADS” li kien jirriżulta, fil-fehma tagħha, minn punti ta’ fatt li hija ġabet fil-konoxxenza tal-Kummissjoni, sussegwentement, li tinvestiga l-kwistjoni u, fl-aħħar, jekk ikun il-każ, li teskludi lil ADS mid-djalogu kompetittiv kontenzjuż (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

82

F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi nnotat li l-allegazzjonijiet li r-rikorrenti fformulat fl-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020, imfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq, ma jaqgħux taħt il-fatti u l-konstatazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 136(2) tar-Regolament Finanzjarju.

83

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rikorrenti għamlet riferiment għal proċedura ta’ investigazzjoni pendenti quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar il-fatti inkwistjoni, l-imsemmija proċedura kienet issegwi minn ilment min-naħa tagħha dwar l-allegat ksur mill-ex impjegat tagħha u mhux minn ADS tal-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar is-sigrieti professjonali (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

84

Issa, bħalma jirriżulta mill-punt 75 iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni ġuridika preliminari prevista fl-Artikolu 136(2) tar-Regolament Finanzjarju, u għalhekk it-tressiq tal-każ quddiem il-bord, tista’ tikkonċerna biss l-imġiba tal-offerenti stess. Għaldaqstant, l-imġiba allegata tal-ex impjegat imsemmi fl-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020 ma tistax tikkostitwixxi indizju suffiċjenti għall-finijiet tat-tressiq tal-każ quddiem l-imsemmi bord.

85

It-tielet, għandu jiġi rrilevat li l-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020 ma kienet akkumpanjata minn ebda prova li tista’ ssostni l-allegazzjonijiet li kienu msemmija fiha.

86

Minn dan isegwi li l-allegazzjonijiet imsemmija fl-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020 ma setgħux jitqiesu bħala fatti jew konstatazzjonijiet, li jistgħu jikkostitwixxu indizji suffiċjenti sabiex jissostanzjaw preżunzjoni ta’ ħtija ta’ ADS, li tiġġustifika li l-każ jitressaq quddiem il-bord.

87

F’dan il-kuntest, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx madankollu obbligata tinvestiga l-allegazzjonijiet imsemmija fl-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020.

88

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti ma semmiet l-ebda mġiba speċifika għal ADS ħlief għall-fatt li hija kienet impjegat lill-ex impjegat tagħha (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Issa, bħala prinċipju, il-fatt li, matul proċedura ta’ sejħa għal offerti, offerent ikun impjega lill-ex impjegat ta’ offerent ieħor ma jikkostitwixxix, waħdu, indizju ta’ mġiba ta’ dan l-ewwel offerent li tista’ tikkostitwixxi mġiba professjonali ħażina serja. Min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti ma tistax tikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju, matul l-imsemmija proċedura, tad-drittijiet tal-offerenti (u tal-impjegati jew tal-ex impjegati tagħhom) li jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol jew li jipprattikaw atti li jaqgħu taħt id-dritt tax-xogħol.

89

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti semmiet ċerta mġiba mhux ta’ ADS, iżda tal-ex impjegat tagħha. B’mod iktar preċiż, hija semmiet il-fatt li hija kienet sabet fuq il-kompjuter tal-ex impjegat tagħha ittra ta’ motivazzjoni datata l‑21 ta’ Ġunju 2019, indirizzata lill-viċi president eżekuttiv ta’ ADS, li fiha l-ex impjegat indika b’mod partikolari li ċ-ċaqliq tiegħu mir-rikorrenti għal ADS “[seta’] jbiddel ukoll il-perspettivi u l-pożizzjoni kompetittiva [tar-rikorrenti] kontra [ADS] f’għanijiet ta’ akkwist futuri”. Ir-rikorrenti sostniet ukoll, fl-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020, li l-analiżi tal-kompjuter tal-ex impjegat turi li dan seta’ kkopja d-data rilevanti li kien irċieva fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-offerta tiegħu għad-djalogu kompetittiv kontenzjuż, jiġifieri dettalji u kunċetti tekniċi, strateġiji ta’ offerti, l-evalwazzjoni tal-kompetittività, tal-istrateġiji tal-prezzijiet u d-dettall tal-prezzijiet. F’din l-istess ittra, ir-rikorrenti sostniet ukoll li, mix-xahar ta’ April 2020, jiġifieri xi xhur wara li rreklutatu, ADS kienet ħatret lill-ex impjegat fit-tmexxija tal-entità involuta fid-djalogu kompetittiv kontenzjuż, jiġifieri “Head of Space Systems Germany”, li fi ħdanha kien jokkupa l-istess funzjonijiet bħal dawk li kien jokkupa preċedentement magħha.

90

Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dawn l-allegazzjonijiet, ir-rikorrenti sostniet, essenzjalment, li l-ex impjegat tagħha kien kiser is-sigriet professjonali tiegħu peress li kien kiseb illegalment informazzjoni sensittiva minnha, li setgħet tagħti lil ADS vantaġġ indebitu matul id-djalogu kompetittiv kontenzjuż (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

91

Madankollu, tali ksur, anki jekk jiġi sostnut, ma jikkostitwixxix, fi kwalunkwe każ, l-indizju ta’ mġiba ta’ ADS stess u għalhekk ma jistax jistabbilixxi preżunzjoni ta’ ħtija tagħha.

92

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument konkret intiż sabiex juri li ADS kienet kisbet, b’mod partikolari permezz tal-ex impjegat, xi informazzjoni sensittiva u kienet użatha fil-kuntest tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż. Min-naħa l-oħra, fl-imsemmija ittra, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tallega li ADS setgħet tikseb informazzjoni sensittiva mingħandha, li setgħet tagħtiha vantaġġ indebitu fil-kuntest tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Din l-allegazzjoni vaga u ipotetika ma tistax tikkostitwixxi indizju suffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 78 iktar ’il fuq.

93

Fil-fatt, l-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020 ma kien fiha ebda element konkret li jippermetti li tiġi identifikata l-allegata informazzjoni sensittiva tar-rikorrenti, li setgħet inkisbet mill-ex impjegat, trażmessa lil ADS u użata minnha fil-kuntest tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż, li jagħtiha għalhekk vantaġġ indebitu. Fl-imsemmija ittra, ir-rikorrenti semmiet biss li l-ex impjegat kien involut fl-“istrateġija” tal-parti teknika u fl-“istrateġija” dwar il-prezz u l-kalkolu tal-prezz tal-offerta tagħha. Dawn l-allegazzjonijiet wisq ġenerali ma jipprovdu ebda indikazzjoni konkreta li tippermetti li tiġi identifikata l-allegata informazzjoni sensittiva li tista’ tkun inkwistjoni.

94

B’mod partikolari, ir-rikorrenti fl-ebda mument ma ssemmi, fl-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020, xi element tekniku tal-offerta tagħha li kien intbagħat mill-ex impjegat tagħha lil ADS u li ntuża indebitament minnha fid-djalogu kompetittiv kontenzjuż. Bl-istess mod, l-“istrateġija” tal-prezz tal-offerta tar-rikorrenti li l-ex impjegat kellu konoxxenza tagħha bl-ebda mod ma hija speċifikata fl-imsemmija ittra.

95

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020 kien jirriżulta li l-ex impjegat kien telaq minn mar-rikorrenti ftit żmien wara s-sottomissjoni tal-offerta riveduta tagħha fil-kuntest tat-tieni fażi tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż. Għalhekk, l-ex impjegat ma kienx, fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni li jkollu informazzjoni dwar id-djalogu li kien seħħ bejn ir-rikorrenti u l-ESA matul it-tielet fażi, u lanqas fuq il-kontenut tal-offerta finali tar-rikorrenti, li ġiet ippreżentata f’Ottubru 2020, jiġifieri kważi sena wara li l-ex impjegat kien telaq minn mar-rikorrenti (ara l-punti 13 u 16 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, bħalma jsegwi mill-proċess u mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għal mistoqsijiet li sarulha mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, il-“kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti għall-istedina sabiex tiġi sottomessa l-offerta finali”, li ntbagħtu lill-offerenti f’Awwissu 2020 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), kienu jinkludu emendi meta mqabbel mal-“Kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti għall-istedina sabiex tiġi sottomessa offerta riveduta” preċedenti. B’mod partikolari, it-terminu ta’ kunsinna tas-satelliti tqassar bi kważi sena, it-terminu għall-eżerċizzju, mill-awtorità kontraenti, tal-possibbiltà għall-akkwist ta’ satelliti oħrajn b’żieda man-numru inizjali (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) ġie estiż b’erbatax-il xahar u l-klassifikazzjoni ta’ ċerti satelliti għal tnedija waħda jew tnedija doppja ġiet emendata. Tali emendi ma jistgħux, min-natura tagħhom, ikunu mingħajr effett fuq il-kundizzjonijiet tekniċi u finanzjarji ppreżentati mill-offerenti fl-offerti finali tagħhom.

96

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tinvestiga l-allegazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020 sa fejn dawn, anki jekk jitqiesu li huma sostnuti, ma kinux ta’ natura li jikkostitwixxu indizji suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita preżunzjoni ta’ ħtija ta’ ADS li tiġġustifika t-tressiq tal-każ quddiem il-bord.

97

Dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-argument tar-rikorrenti li l-ESA talbet lil ADS informazzjoni dwar l-ex impjegat biss fid‑29 ta’ Jannar 2021, jiġifieri sussegwentement għad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, lil hinn mill-fatt li din it-talba saret wara t-tieni ittra tar-rikorrenti, iddatata t‑28 ta’ Jannar 2021 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), u, għaldaqstant, hija nnifisha sussegwenti għad-deċiżjonijiet ikkontestati, xorta jibqa’ l-fatt li l-fatt li ġiet mitluba informazzjoni mingħand ADS sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati huwa mingħajr effett fuq il-legalità tagħhom, fid-dawl tal-ineżistenza ta’ obbligu li l-każ jitressaq quddiem il-bord (ara l-punt 86 iktar ’il fuq) u tal-fatt li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma kinux jirrigwardaw qasam suġġett għas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-istituzzjonijiet, tal-aġenziji jew tal-korpi tal-Unjoni (ara l-punt 96 iktar ’il fuq).

98

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li r-rikorrenti informatha dwar is-suspetti tagħha biss fl-ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020, filwaqt li hija kienet ordnat l-analiżi tal-kompjuter tal-ex impjegat sa mix-xahar ta’ Novembru 2019, kif hija tammetti fir-rikors, u li hija kienet ippreżentat, quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti, ilment kontra l-ex impjegat sa mix-xahar ta’ Marzu 2020 (ara l-punt 16 hawn fuq). F’dan il-perijodu, jiġifieri minn Novembru 2019 sa Diċembru 2020, id-djalogu kompetittiv kontenzjuż evolva mit-tieni fażi tiegħu għat-tielet fażi tiegħu, li bdiet f’Awwissu 2020, u r-rikorrenti ppreżentat l-offerta finali tagħha f’Ottubru 2020 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Dan l-aġir tar-rikorrenti jindika li hija stess ma qisitx, tal-inqas f’perijodu wiesa’ u anki waqt is-sottomissjoni tal-offerta finali tagħha, li l-aġir issuspettat tal-ex impjegat seta’ jagħti lil ADS vantaġġ indebitu fil-kuntest tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż.

99

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu tagħha li tressaq il-każ quddiem il-bord, u lanqas, a fortiori, it-tielet kriterju ta’ esklużjoni msemmi fil-punt 65 iktar ’il fuq.

100

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

[omissis]

Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑obbligu ta’ eżami tal‑offerti anormalment baxxi

113

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-punti 23.1 u 23.2 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju, sa fejn hija ma segwietx iż-żewġ stadji li kienu previsti fihom sabiex tiżgura ruħha li l-offerta finali ta’ ADS ma kinitx anormalment baxxa, meta kien hemm indizji f’dan is-sens. Fil-fatt, l-offerta finali ta’ ADS għandha prezz kunsiderevolment iktar baxx mill-prezz tal-offerti finali ta’ TASI u tar-rikorrenti u, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tindika li din l-offerta ma kinitx tidhrilha anormalment baxxa.

114

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

115

Skont l-ewwel paragrafu tal-punt 23.1 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju, jekk, għal kuntratt partikolari, il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerta jkunu jidhru li huma anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti għandha titlob, bil-miktub, il-preċiżazzjonijiet li hija tqis rilevanti dwar l-elementi kostitwenti tal-prezz jew tal-ispejjeż u għandha tagħti lill-offerent il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Skont il-punt 23.2 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tal-imsemmi regolament, l-awtorità kontraenti għandha tiċħad l-offerta biss fejn il-provi prodotti ma jispjegawx b’mod sodisfaċenti il-prezz jew l-ispejjeż baxxi proposti.

116

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-evalwazzjoni, mill-awtorità kontraenti, tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi sseħħ f’żewġ stadji (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 87).

117

L-ewwel, l-awtorità kontraenti għandha tevalwa jekk l-offerti proposti jkunux “jidhru” anormalment baxxi (ara l-punt 23.1 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju). L-użu tal-verb “jidhru” fir-Regolament Finanzjarju jimplika li l-awtorità kontraenti għandha tagħmel evalwazzjoni prima facie tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta. Għaldaqstant ir-Regolament Finanzjarju ma jimponix lill-awtorità kontraenti li twettaq ex officio analiżi ddettaljata tal-kompożizzjoni ta’ kull offerta sabiex tistabbilixxi li din ma tikkostitwixxix offerta anormalment baxxa. Għalhekk, l-ewwel, l-awtorità kontraenti għandha biss tiddetermina jekk l-offerti sottomessi jinkludux indizju ta’ natura li jqajjem is-suspett li dawn jistgħu jkunu anormalment baxxi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 88).

118

It-tieni, jekk ikunu jeżistu indizji ta’ natura li jqajmu s-suspett li offerta tista’ tkun anormalment baxxa, l-awtorità kontraenti għandha tivverifika l-kompożizzjoni tal-offerta sabiex tiżgura ruħha li din ma hijiex anormalment baxxa. Meta l-awtorità kontraenti tagħmel din il-verifika, hija għandha l-obbligu li tagħti lill-offerent tal-imsemmija offerta l-possibbiltà li jesponi għal liema raġunijiet huwa jqis li l-offerta tiegħu ma hijiex anormalment baxxa. Sussegwentement, l-awtorità kontraenti għandha tevalwa l-ispjegazzjonijiet ipprovduti u tiddetermina jekk l-offerta inkwistjoni għandhiex natura anormalment baxxa, f’liema każ hija għandha l-obbligu li tiċħadha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L‑Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 89).

119

Il-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa” ma huwiex iddefinit fir-Regolament Finanzjarju. Madankollu, diġà ġie deċiż li n-natura anormalment baxxa ta’ offerta kellha tiġi evalwata f’relazzjoni mal-kompożizzjoni tal-offerta u f’relazzjoni mas-servizz inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Transtec vs Il‑Kummissjoni, T‑228/18, EU:T:2019:336, punt 69 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

120

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li indizji ta’ natura li jqajmu s-suspett li offerta tista’ tkun anormalment baxxa jistgħu jeżistu b’mod partikolari jekk ikun jidher mhux ċert, minn naħa, li offerta tosserva l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih ikollhom jiġu pprovduti s-servizzi, fil-qasam ta’ remunerazzjoni tal-persunal, ta’ kontribuzzjoni għas-sistema ta’ sigurtà soċjali, ta’ osservanza tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq ix-xogħol u ta’ bejgħ b’telf, u, min-naħa l-oħra, li l-prezz propost jinkludi l-ispejjeż kollha involuti mill-aspetti tekniċi tal-offerta. L-istess japplika meta l-prezz propost f’offerta proposta huwa kunsiderevolment inferjuri għal dak tal-offerti proposti l-oħrajn jew għall-prezz normali tas-suq (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Transtec vs Il‑Kummissjoni, T‑228/18, EU:T:2019:336, punt 72 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

Ir-rikorrenti ssostni li d-differenza bejn il-prezz tal-offerta finali ta’ ADS u l-prezzijiet tal-offerti finali tal-offerenti l-oħra kienet tikkostitwixxi indizju ta’ natura li jqajjem is-suspett li l-offerta ta’ ADS setgħet tkun anormalment baxxa, li kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tivverifika l-kompożizzjoni ta’ din l-offerta sabiex tiżgura ruħha li din ma kinitx anormalment baxxa.

122

F’dan il-każ, mill-proċess isegwi li l-Kummissjoni għażlet l-offerta ta’ ADS abbażi tal-klassifikazzjoni tal-offerti, magħmula mill-kumitat ta’ evalwazzjoni (ara l-punt 17 iktar ’il fuq. Għalhekk, peress li l-offerta ta’ ADS intgħażlet, minn dan isegwi impliċitament, iżda neċessarjament, li l-Kummissjoni qieset, bħall-kumitat ta’ evalwazzjoni, li ma kinux jeżistu indizji li l-imsemmija offerta kienet anormalment baxxa u li, konsegwentement, ma kienx utli li jintalbu preċiżazzjonijiet dwar il-kompożizzjoni ta’ din l-offerta. Din l-evalwazzjoni ma hijiex imminata mill-argumenti tar-rikorrenti.

123

Fl-ewwel lok, huwa ċertament veru li teżisti differenza bejn il-prezz tal-offerta ta’ ADS u dak tal-offerti ta’ TASI u tar-rikorrenti li hija ta’ 11.99 % u ta’ 13.9 % rispettivament, jiġifieri bejn EUR 707 679 174.75 u, rispettivament, EUR 804127000 u EUR 822786000. Madankollu, diġà ġie deċiż li s-sempliċi fatt li l-prezz tal-offerta tal-offerent magħżul ikun iktar baxx minn dak tal-offerta ta’ offerent ieħor ma setax, fih innifsu, juri n-natura anormalment baxxa tal-offerta tal-offerent magħżul. Fil-fatt, offerta tista’ tkun inqas għolja minn oħra mingħajr madankollu ma tkun anormalment baxxa (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, TV1 vs Il‑Kummissjoni, T‑700/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:35, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124

Dan huwa preċiżament il-każ f’din il-kawża. Id-differenza bejn il-prezz tal-offerta finali ta’ ADS u dak tal-offerti l-oħra ppreżentati ma tistax tikkostitwixxi, waħedha, indizju tan-natura anormalment baxxa tal-offerta ta’ ADS, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kuntratt inkwistjoni.

125

Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti tnediet fil-forma ta’ djalogu kompetittiv, peress li l-Kummissjoni kienet diġà identifikat u ddefinixxiet il-bżonnijiet tagħha, iżda kienet għadha ma ddefinixxietx il-mezzi preċiżi l-iktar xierqa sabiex tissodisfahom (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). Konsegwentement, il-prezzijiet tal-offerti kienu fil-parti l-kbira dipendenti fuq id-diversi soluzzjonijiet u mezzi tekniċi proposti minn kull offerent u għalhekk fuq l-ispejjeż rispettivi.

126

Min-naħa l-oħra, id-djalogu kompetittiv kontenzjuż kien intiż għall-akkwist ta’ prodotti li għalihom ma kienx jeżisti prezz tas-suq. Kif irrikonoxxew il-partijiet prinċipali waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija li saritilhom mill-Qorti Ġenerali, mill-karatteristiċi partikolari tas-satelliti jirriżulta li dawn ma humiex oġġetti li għalihom jista’ jinstab prezz standard jew prezz tas-suq. Barra minn hekk, f’dan il-każ, inkwistjoni kien hemm il-provvista ta’ satelliti li għandhom karatteristiċi evoluti sabiex jiżguraw il-bidla mill-ewwel ġenerazzjoni għat-tieni ġenerazzjoni ta’ satelliti Galileo (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) u għalhekk ta’ satelliti li għalihom kien għadu ma jistax jeżisti prezz tas-suq.

127

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, lil hinn mid-differenza fil-prezz, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument konkret insostenn tal-allegazzjoni tagħha li l-offerta ta’ ADS kellha tidher anormalment baxxa. B’mod partikolari, hija ma ssostnix eventwali nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih is-servizzi kellhom jiġu eżegwiti jew in-nuqqas ta’ inklużjoni fil-prezz propost minn ADS tal-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-aspetti tekniċi tal-offerta tagħha. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-elementi li jirriżultaw mill-proċess ma jikkorroborawx l-allegazzjoni tar-rikorrenti.

128

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-għoti tal-kuntratt kien ibbażat fuq l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, li l-kriterju tal-prezz tagħha kien ipponderat għal 35 %, filwaqt li l-kriterju tal-kwalità kien ipponderat għal 65 % (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Issa, l-offerta finali ta’ ADS ġiet ikklassifikata aħjar minn dik tar-rikorrenti, kemm fir-rigward tal-kriterju tal-prezz kif ukoll fir-rigward tal-kriterju tal-kwalità (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

129

Barra minn hekk, mid-dokumenti deskrittivi tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż, li jinkludu l-kundizzjonijiet applikabbli f’kull waħda mit-tliet fażijiet tiegħu (ara l-punti 10, 12 u 13 iktar ’il fuq), isegwi li l-offerti kellhom jinkludu proposta finanzjarja li tikkorrispondi għall-proposta teknika kif ukoll punti finanzjarji ddettaljati, b’mod partikolari fatturi finanzjarji separati.

130

F’dan ir-rigward, mill-proċess isegwi li ma tqajjem ebda dubju, fi ħdan il-kumitat ta’ evalwazzjoni, dwar l-evalwazzjoni tal-offerta ta’ ADS fir-rigward tar-raba’ sottokriterju tal-kriterju tal-kwalità, dwar in-natura xierqa tal-ġestjoni, tal-kalkolu tal-ispejjeż u tal-pjanifikazzjoni tal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet proposti (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, mill-ittra tad‑19 ta’ Jannar 2021 u mill-faks tat‑22 ta’ Jannar 2021, imsemmija fil-punti 18 u 21 iktar ’il fuq, jirriżulta li, fir-rigward ta’ dan is-sottokriterju, l-offerta ta’ ADS ġiet ikklassifikata fit-tieni pożizzjoni.

131

Barra minn hekk, mit-tweġiba bil-miktub tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Ottubru 2022 għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑17 ta’ Ottubru 2022 kif ukoll mid-dokument anness ma’ din it-tweġiba, li dwarhom ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha matul is-seduta, jirriżulta li l-punti finanzjarji tal-offerti tal-offerenti ġew ippreżentati minnhom fil-forma ta’ fajls standard. Qabelxejn, dawn il-fajls ġew eżaminati, fi ħdan il-kumitat ta’ evalwazzjoni, bl-għajnuna ta’ softwer imsejjaħ “ESA Costing Software (ECOS)”, maħsub għall-evalwazzjoni globali tal-elementi tal-prezz fl-offerti. Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-offerta finali ta’ ADS, ġiet stabbilita tabella fil-qosor abbażi tal-analiżi tal-imsemmi softwer, liema tabella tinkludi 21 sottokategorija ta’ elementi tal-prezz, b’mod partikolari l-ispejjeż tax-xogħol u ta’ diversi punti tekniċi, kif ukoll marġni ta’ qligħ. Fl-aħħar, il-punti finanzjarji tal-offerti ppreżentati, inklużi dawk tal-offerta finali ta’ ADS, ġew evalwati minn sottobord tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, li jinkludi erbatax-il membru, li kien inkarigat li jevalwa r-raba’ sottokriterju msemmi iktar ’il fuq.

132

Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma ntwerietx l-eżistenza ta’ indizji ta’ natura li jqajmu s-suspett tal-Kummissjoni li l-offerta ta’ ADS setgħet tkun anormalment baxxa. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq verifika, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 118 iktar ’il fuq, tal-punti kostitwenti tal-offerta ta’ ADS sabiex tiżgura ruħha li din ma kinitx anormalment baxxa.

133

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kisritx l-obbligi tagħha relatati mal-eżami tal-offerti anormalment baxxi.

134

Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti semmiet li, bl-argument tagħha li l-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha li tindika li l-offerta ta’ ADS ma kinitx tidhrilha anormalment baxxa, hija kellha l-għan li tqajjem nuqqas ta’ motivazzjoni.

135

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tiżviluppa ebda argument awtonomu insostenn ta’ dan l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, iżda sempliċement tikkritika lill-Kummissjoni li ma wettqitx verifika dwar l-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi, kwistjoni li ma taqax taħt ilment ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, b’mod partikolari fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda li taqa’ taħt il-fondatezza ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Issa, bħalma jirriżulta mill-punt 132 iktar ’il fuq, dan l-ilment, ibbażat fuq il-ksur, mill-Kummissjoni, tal-obbligi tagħha relatati mal-eżami tal-offerti anormalment baxxi, ma jistax jintlaqa’.

136

Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

[omissis]

Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑obbligu tal‑Kummissjoni li tadotta deċiżjoni awtonoma fir‑rigward tal‑għoti tal‑kuntratt

216

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tadotta deċiżjoni awtonoma fir-rigward tal-għoti tal-kuntratt, billi llimitat ruħha li tikkonferma r-riżultati li jidhru fir-rapport ta’ evalwazzjoni. Ir-responsabbiltà tal-programm Galileo, imposta fuq il-Kummissjoni mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1285/2013 toħloq fil-konfront tagħha obbligu li tadotta deċiżjoni awtonoma fir-rigward tal-għoti tal-kuntratt fil-kuntest tad-djalogu kompetittiv kontenzjuż. Barra minn hekk, il-konvenzjonijiet ta’ delega konklużi bejn il-Kummissjoni u l-ESA skont l-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament ma jistgħux jillimitaw jew jibdlu din ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bil-proposta li tinsab fir-rapport ta’ evalwazzjoni u hija għandha teżamina hija stess l-offerti tal-offerenti, iktar u iktar peress li, f’dan il-każ, jeżistu indizji ta’ evalwazzjoni żbaljata min-naħa tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, li kellu jwassal lill-Kummissjoni twettaq stħarriġ bir-reqqa tal-imsemmi rapport.

217

Il-Kummissjoni, sostnuta minn ADS, u r-Repubblika Taljana jikkontestaw dawn l-argumenti.

218

Fl-ewwel lok, għandu mill-ewwel jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-programm Galileo.

219

Huwa ċertament minnu li l-Kummissjoni tassumi r-responsabbiltà ġenerali tal-programm Galileo u li, għall-fażi tat-tnedija ta’ dan il-programm, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ delega mal-ESA li jippreċiża l-kompiti ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-kuntratti relatati mas-sistema. Huwa preċiżament fil-kuntest tal-ftehim ta’ delega li ġie konkluż bejn il-Kummissjoni u l-ESA li din tal-aħħar, li taġixxi f’isem u għan-nom tal-Kummissjoni, kienet inkarigata li torganizza d-djalogu kompetittiv kontenzjuż, filwaqt li l-Kummissjoni kienet għadha l-awtorità kontraenti (ara l-punti 4 u 5 iktar ’il fuq).

220

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jidher li qiegħda ssostni r-rikorrenti, ir-responsabbiltà tal-programm Galileo ma tistax tbiddel, jew saħansitra żżid, l-obbligi tal-Kummissjoni bħala awtorità kontraenti, li jibqgħu dawk previsti, b’mod ġenerali, mit-Titolu VII tar-Regolament Finanzjarju u, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kuntratti pubbliċi konklużi fil-kuntest tat-tnedija tal-programm Galileo, mill-Kapitolu V tar-Regolament Nru 1285/2013.

221

Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegat ksur ta’ obbligu li tiġi adottata deċiżjoni awtonoma min-naħa tal-Kummissjoni dwar l-għoti tal-kuntratt.

222

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 150(1) u (2) tar-Regolament Finanzjarju, l-offerti sottomessi fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti għandhom jiġu evalwati minn kumitat ta’ evalwazzjoni maħtur mill-awtorità kontraenti. Barra minn hekk, l-awtorità kontraenti tista’ tidderoga mill-ħatra ta’ kumitat ta’ evalwazzjoni biss fil-każijiet previsti fl-Artikolu 168(5) tal-istess regolament. Sussegwentement, mill-punt 30.1 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tal-imsemmi regolament jirriżulta li r-riżultati tal-evalwazzjoni mwettqa mill-kumitat ta’ evalwazzjoni huma ppreżentati f’rapport ta’ evalwazzjoni li jinkludi l-proposta li jingħata l-kuntratt. Fl-aħħar, l-awtorità kontraenti tieħu d-deċiżjoni tagħha jew bl-approvazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni, jew, skont il-każ, billi tipprovdi r-raġunijiet għalfejn ma ssegwix ir-rakkomandazzjoni fformulata fir-rapport ta’ evalwazzjoni, jew, skont il-każ, billi tipprovdi r-raġunijiet għalfejn hija ddeċidiet li ma tagħtix il-kuntratt, konformement mal-punt 30.3 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tal-imsemmi regolament.

223

Minn dan isegwi li, minn naħa, fil-każijiet fejn kumitat ta’ evalwazzjoni jkun inħatar mill-awtorità kontraenti, huwa dan il-kumitat li għandu jagħmel l-evalwazzjoni tal-offerti ppreżentati. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa ċertament minnu li l-awtorità kontraenti ma hijiex marbuta bir-rapport ta’ evalwazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-każijiet fejn l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li ssegwi l-proposta ta’ għoti magħmula fl-imsemmi rapport, id-deċiżjoni tagħha ta’ għoti tista’ tkun ibbażata fuq l-imsemmi rapport.

224

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-offerti finali tal-offerenti ġew evalwati minn kumitat ta’ evalwazzjoni, kompost minn rappreżentanti tal-ESA, tal-GSA u tal-Kummissjoni, li ppreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni tiegħu f’rapport ta’ evalwazzjoni, li abbażi tiegħu l-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati (ara l-punti 14 u 17 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, bħalma tippreċiża l-Kummissjoni, mingħajr ma r-rikorrenti tikkontesta dan, dan il-kumitat kien kompost minn grupp ta’ madwar 70 persuna li kellhom l-esperjenza u l-kwalifiki xierqa fir-rigward tas-suġġett tal-kuntratt.

225

Għaldaqstant, il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu mmotivati mir-riferiment għar-rapport ta’ evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni adottat l-opinjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni inkarigat mill-evalwazzjoni tal-offerti ppreżentati, ma jnaqqas xejn mill-fatt li dawn ġew adottati, b’mod awtonomu, mill-Kummissjoni, fil-kwalità ta’ awtorità kontraenti.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

OHB System AG għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

 

3)

Ir-Repubblika Taljana u Airbus Defence and Space GmbH għandhom ibatu, kull wieħed minnhom, l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Costeira

Kancheva

Zilgalvis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ April 2023.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.

( 2 ) Data kunfidenzjali moħbija.

Top