Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CO0307

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-27 ta’ Settembru 2022.
    AB e.a. vs Ryanair DAC.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Kleve.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira – Artikolu 5(1)(ċ) – Dritt għal kumpens fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Kuntratt ta’ trasport konkluż permezz ta’ aġent tal-ivvjaġġar online – Informazzjoni dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira permezz ta’ indirizz elettroniku ġġenerat awtomatikament mill-aġent tal-ivvjaġġar – Assenza ta’ informazzjoni effettiva lill-passiġġier.
    Kawża C-307/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:729

     DIGRIET TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

    27 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira – Artikolu 5(1)(ċ) – Dritt għal kumpens fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Kuntratt ta’ trasport konkluż permezz ta’ aġent tal-ivvjaġġar online – Informazzjoni dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira permezz ta’ indirizz elettroniku ġġenerat awtomatikament mill-aġent tal-ivvjaġġar – Assenza ta’ informazzjoni effettiva lill-passiġġier”

    Fil-Kawża C‑307/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Landgericht Kleve (Qorti Reġjonali ta’ Kleve, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

    AB et

    vs

    Ryanair DAC,

    IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

    komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal AB et, minn C. Jansen, Rechtsanwalt,

    għal Ryanair DAC, minn S. Hensel, Rechtsanwältin,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, K. Simonsson u G. Wilms, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(l)(ċ) u tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AB kif ukoll diversi passiġġieri oħra u Ryanair DAC, trasportatur tal-ajru, dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jħallas lil dawn il-passiġġieri kumpens wara l-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom.

    Il‑kuntest ġuridiku

    3

    Il-premessi 1, 7 u 12 tar-Regolament Nru 261/2004 jiddikjaraw:

    “(1)

    Azzjoni mil[l-Unjoni] fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

    […]

    (7)

    Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-obbligazzjonijiet li joħloq ghandhom jibqgħu mal-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira, kemm jekk b’ingenji ta’ l-ajru li qegħdin fil-proprjetá, taħt kiri dry jew wet, jew fuq kwalunkwe bażi oħra.

    […]

    (12)

    Il-problemi u l-inkonvenjenza għal passiġġieri kkawżati minn kanċellazzjoni ta’ titjiriet għandhom ukoll jiġu mnaqqsin. Dan għandu jiġi miksub permezz tat-tħeġġiġ tal-trasportaturi biex jinfurmaw lill-passiġġieri b’kanċellazzjonijiet qabel il-ħin skedat tat-tluq u minn barra dan biex joffrulhom arranġament għall-vjaġġ raġonevoli, sabiex il-passġiġġieri jistgħu jagħmlu arranġamenti oħrajn. Trasportaturi ta’ l-ajru għandhom jikkompensaw passiġġieri jekk jonqsu milli jagħmlu dan, ħlief għal meta l-kanċellazzjoni sseħħ f’ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu”.

    4

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    (b)

    ‘trasportatur ta’ l-ajru li jopera’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt maġ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier;

    […]”.

    5

    L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Skop”, jippreċiża, fil-paragrafu 5 tiegħu:

    “Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”.

    6

    L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

    “1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

    […]

    (ċ)

    jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

    (i)

    huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas gimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

    […]

    4.   L-onustal-provi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ jekk u meta l-passiġġier ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira għandha tkun ir-responsabbilitá tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera”.

    7

    L-Artikolu 7 tal-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

    […]

    (b)

    EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

    […]”.

    8

    L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għal rimedju”, jipprovdi:

    “F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti”.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    9

    AB u r-rikorrenti l-oħra fil-kawża prinċipali jitolbu lil Ryanair, it-trasportatur tal-ajru li jopera, kumpens ta’ ammont ta’ EUR 400 għal kull rikorrent, flimkien mal-interessi, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004, minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom operata minn dan it-trasportatur tal-ajru.

    10

    Dawn ir-rikorrenti kienu għamlu riżervazzjoni mal-imsemmi trasportatur permezz tal-aġent tal-ivvjaġġar kiwi.com għal titjira prevista għas‑6 ta’ April 2019 u bejn Düsseldorf-Weeze (il-Ġermanja) ma’ Tanger (il-Marokk).

    11

    Waqt ir-riżervazzjoni, it-trasportatur tal-ajru ngħata numru tat-telefon u indirizz elettroniku, li għalih l-imsemmija rikorrenti ma kellhomx aċċess u li probabbilment kien iġġenerat awtomatikament mill-aġent tal-ivvjaġġar kiwi.com. Kien f’dan l-indirizz li t-trasportatur tal-ajru li jopera bagħat, fl‑14 ta’ Diċembru 2018, posta elettronika li tindika li t-titjira rriżervata mill-istess rikorrenti kienet ikkanċellata.

    12

    Fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li, waqt ir-riżervazzjoni, huma kienu indikaw l-indirizz elettroniku tagħhom stess kif ukoll numru tat-telefon. Huma ma kinux jafu li l-aġent tal-ivvjaġġar kien ikkomunika lit-trasportatur tal-ajru li jopera indirizz elettroniku ieħor.

    13

    Peress li l-aġent tal-ivvjaġġar ma bagħat l-ebda messaġġ mit-trasportatur tal-ajru li jopera, dawn ir-rikorrenti saru jafu li t-titjira tagħhom kienet ġiet ikkanċellata biss fil‑5 ta’ April 2019, meta ppruvaw jirreġistraw ruħhom online.

    14

    Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2020, l-Amtsgericht Geldern (il-Qorti Distrettwali ta’ Geldern, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors tal-imsemmija rikorrenti minħabba li t-trasportatur tal-ajru li jopera kien issodisfa b’mod suffiċjenti l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 5(1)(ċ)(i) tar-Regolament Nru 261/2004, meta huwa bagħat l-informazzjoni dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira fl-indirizz elettroniku pprovdut waqt ir-riżervazzjoni.

    15

    Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Landgericht Kleve (il-Qorti Reġjonali ta’ Kleve, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, din tistaqsi dwar jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, it-trasportatur tal-ajru li jopera ssodisfax l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni skont ir-Regolament Nru 261/2004. B’mod iktar partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk, sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, il-kwistjoni dwar jekk it-trasportatur tal-ajru kienx jaf jew le bil-preżenza ta’ intermedjarju hijiex rilevanti jew jekk din id-dispożizzjoni tipprevedix pjuttost tip ta’ responsabbiltà oġġettiva għat-trasportatur tal-ajru.

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Kleve (il-Qorti Reġjonali ta’ Kleve) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7 tar-Regolament [Nru 261/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur tal-ajru li jopera huwa obbligat iħallas il-kumpens f’każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira meta l-passiġġier ma kienx ġie informat b’dan mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat, inkluż meta dan it-trasportatur tal-ajru jkun bagħat l-informazzjoni fil-ħin qabel l-iskadenza ta’ ġimgħatejn lill-uniku indirizz elettroniku li kien ġie kkomunikat lilu fil-kuntest tar-reżervazzjoni, mingħajr madankollu ma kien jaf li r-reżervazzjoni kienet twettqet permezz ta’ aġent jew permezz tal-pjattaforma online tiegħu, u li l-indirizz elettroniku kkomunikat mill-pjattaforma ta’ reżervazzjoni kien jippermetti l-iktar li jiġi kkuntattjat l-aġent, iżda mhux il-passiġġier direttament?”

    Fuq id‑domanda preliminari

    17

    Bis-saħħa tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għad-domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

    18

    F’din il-kawża hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

    19

    Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur tal-ajru li jopera huwa obbligat iħallas il-kumpens previst minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira li l-passiġġier ma ġiex informat biha għall-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst, meta dan it-trasportatur ikun bagħat l-informazzjoni fil-ħin lill-uniku indirizz elettroniku li kien ġie kkomunikat lilu waqt ir-riżervazzjoni, mingħajr madankollu ma kien jaf li dan l-indirizz kien jippermetti li jsir kuntatt biss mal-aġent, li permezz tiegħu saret ir-riżervazzjoni, iżda mhux li jsir kuntatt dirett mal-passiġġier u li dan l-aġent ma bagħatx l-informazzjoni lill-passiġġier fil-ħin.

    20

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 jiddikjara li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru li jopera konformement mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, sakemm dawn ma jiġux informati dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira fil-kundizzjonijiet previsti f’dan il-punt (ċ).

    21

    Konformement mal-Artikolu 5(4) tal-imsemmi regolament, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu l-oneru li jagħti prova li informa lill-passiġġieri bil-kanċellazzjoni tat-titjira kkonċernata kif ukoll it-terminu li fih huwa għamel dan.

    22

    Mill-formulazzjoni ċara ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, peress li t-trasportatur tal-ajru li jopera ma huwiex f’pożizzjoni li jipprova li l-passiġġier ikkonċernat ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst, huwa għandu jħallas kumpens konformement mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Airhelp, C‑263/20, EU:C:2021:1039, punt 51).

    23

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali interpretazzjoni ma hijiex biss valida meta l-kuntratt ta’ trasport ikun ġie konkluż direttament bejn il-passiġġier ikkonċernat u t-trasportatur tal-ajru, iżda wkoll meta dan il-kuntratt ikun ġie konkluż permezz ta’ terzi, bħal, fil-każ tal-kawża prinċipali, pjattaforma online (sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman, C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 26, u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Airhelp, C‑263/20, EU:C:2021:1039, punt 52).

    24

    Fil-fatt, bħalma jirriżulta kemm mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll mill-premessi 7 u 12 tiegħu, it-trasportatur tal-ajru li jopera li jwettaq jew li għandu l-intenzjoni li jwettaq titjira biss huwa obbligat għall-kumpens tal-passiġġieri minħabba nuqqasijiet għall-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament fosthom, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) tiegħu (sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman, C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 27, u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Airhelp, C‑263/20, EU:C:2021:1039, punt 53).

    25

    Interpretazzjoni bħal din biss tista’ tissodisfa l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri ddikjarat fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004, li tiggarantixxi li l-passiġġier li t-titjira tiegħu ġiet irriżervata permezz ta’ terzi qabel ma ġiet ikkanċellata jkun f’pożizzjoni li jidentifika lid-debitur tal-kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman, C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 28).

    26

    Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li t-trasportatur tal-ajru li jopera ma kienx jaf li, meta bagħat l-informazzjoni dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira kkonċernata, huwa ma kienx jikkomunika direttament mal-passiġġier. Fil-fatt, dak li huwa importanti huwa li l-passiġġier ma jkunx ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu fil-ħin. F’każ bħal dan u kif ġie rrilevat fil-punti 24 u 25 ta’ dan id-digriet, it-trasportatur tal-ajru li jopera biss huwa responsabbli għall-kumpens dovut lill-passiġġier minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ informazzjoni.

    27

    Huwa biss jekk il-passiġġier jawtorizza espressament lill-intermedjarju biex jirċievi l-informazzjoni mibgħuta mit-trasportatur tal-ajru li jopera u li din l-awtorizzazzjoni hija magħrufa minn dan it-trasportatur, li jista’ jitqies li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 huma ssodisfatti, meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jibgħat l-informazzjoni dwar il-modifiki ta’ titjira lill-intermedjarju mingħajr ma dan l-intermedjarju sussegwentement jibgħat din l-informazzjoni lill-passiġġier (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Airhelp, C‑263/20, EU:C:2021:1039, punt 44). Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li tali awtorizzazzjoni ma teżistix fil-kawża prinċipali.

    28

    Għaldaqstant,għandu jiġi rrilevat li l-obbligi li għandu t-trasportatur tal-ajru li jopera skont ir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għad-dritt tiegħu li jitlob kumpens għad-danni, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, minn kull persuna li minħabba fiha ġew ikkawżati n-nuqqasijiet ta’ dan it-trasportatur għat-twettiq tal-obbligi tiegħu, inklużi terzi, bħalma jipprevedi l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament (sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman, C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Airhelp, C‑263/20, EU:C:2021:1039, punt 54).

    29

    Peress li dan l-Artikolu 13 jsemmi espliċitament lil terzi, minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 261/2004 ma jikkundizzjonax id-dritt tat-trasportatur tal-ajru li jopera li jitlob kumpens għall-eżistenza ta’ kuntratt, li jorbot lil dan tal-aħħar mal-intermedjarju li l-passiġġier tal-ajru uża sabiex jirriżerva t-titjira tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Airhelp, C‑263/20, EU:C:2021:1039, punt 55).

    30

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur tal-ajru li jopera huwa obbligat iħallas il-kumpens previst minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira li l-passiġġier ma ġiex informat biha għall-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst meta dan it-trasportatur ikun bagħat l-informazzjoni fil-ħin lill-uniku indirizz elettroniku li kien ġie kkomunikat lilu waqt ir-riżervazzjoni, mingħajr madankollu ma kien jaf li dan l-indirizz kien jippermetti li jsir kuntatt biss mal-aġent, li permezz tiegħu saret ir-riżervazzjoni, iżda mhux li jsir kuntatt dirett mal-passiġġier u li dan l-aġent ma bagħatx l-informazzjoni lill-passiġġier fil-ħin.

    Fuq l‑ispejjeż

    31

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 5(l)(ċ) u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

     

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

     

    it-trasportatur tal-ajru li jopera huwa obbligat iħallas il-kumpens previst minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira li l-passiġġier ma ġiex informat biha għall-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst, meta dan it-trasportatur ikun bagħat l-informazzjoni fil-ħin lill-uniku indirizz elettroniku li kien ġie kkomunikat lilu waqt ir-riżervazzjoni, mingħajr madankollu ma kien jaf li dan l-indirizz kien jippermetti li jsir kuntatt biss mal-aġent, li permezz tiegħu saret ir-riżervazzjoni, iżda mhux li jsir kuntatt dirett mal-passiġġier u li dan l-aġent ma bagħatx l-informazzjoni lill-passiġġier fil-ħin.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.

    Top