Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0311

    Kawża C-311/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fit-18 ta’ Mejju 2021 – CM vs TimePartner Personalmanagement GmbH

    ĠU C 320, 9.8.2021, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 320/26


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fit-18 ta’ Mejju 2021 – CM vs TimePartner Personalmanagement GmbH

    (Kawża C-311/21)

    (2021/C 320/26)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Bundesarbeitsgericht

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: CM

    Konvenut: TimePartner Personalmanagement GmbH

    Domandi preliminari

    1)

    Kif huwa ddefinit il-kunċett ta’ “protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji” imsemmi fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (1) u dan il-kunċett għandu b’mod partikolari portata iktar wiesgħa minn dik li jipprevedu b’mod vinkolanti d-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ħaddiema kollha?

    2)

    Liema kundizzjonijiet u liema kriterji għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi kkunsidrat li dispożizzjonijiet fi ftehim kollettiv fil-qasam ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 saru b’rispett tal-protezzjoni ġenerali ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija?

    a)

    L-eżami tar-rispett tal-protezzjoni ġenerali huwa bbażat – b’mod astratt – fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma kollettivament tal-ħaddiema temporanji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim kollettiv jew għandha ssir kunsiderazzjoni evalwattiva u komparattiva bejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma kollettivament u l-kundizzjonijiet tax-xogħol eżistenti fl-impriża fejn ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha (impriża utenti)?

    b)

    F’każ ta’ deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni, ir-rispett tal-protezzjoni ġenerali previst fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104 jeżiġi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bejn impriża ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija?

    3)

    Il-kundizzjonijiet u l-kriterji fil-qasam ta’ rispett tal-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, għandhom jiġu imposti fuq l-imsieħba soċjali mil-leġiżlatur nazzjonali meta dan tal-aħħar jagħtihom il-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jinkludu dispożizzjonijiet li jidderogaw mir-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u meta s-sistema nazzjonali ta’ nnegozjar kollettiv tipprevedi rekwiżiti li jagħtu lok għal aspettattiva ta’ konċiljazzjoni adegwata tal-interessi bejn il-partijiet fil-ftehimiet kollettivi (l-hekk imsejħa preżunzjoni ta’ korrettezza tal-ftehimiet kollettivi)?

    4)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

    a)

    Ir-rispett tal-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fis-sens tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, huwa żgurat minn dispożizzjonijiet legali li, bħal dawk li jinsabu fil-verżjoni fis-seħħ sa mill-1 ta’ April 2017 tal-Arbeitnehmerüberlassungsgesetz (il-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema), jipprevedu livell minimu ta’ salarju għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, tul ta’ żmien massimu għat-tqegħid għad-dispożizzjoni mal-istess impriża utenti, limitazzjoni fiż-żmien tad-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ remunerazzjoni, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-ftehim kollettiv li tidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li, fis-sitt xhur qabel it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom lill-impriża utenti, ikunu telqu l-impjieg tagħhom magħha jew ma’ persuna oħra li timpjega li tifforma mal-impriża utenti grupp fis-sens tal-Artikolu 18 tal-Aktiengesetz (il-Liġi dwar il-Kumpanniji Pubbliċi ta’ Responsabbiltà Limitata), kif ukoll l-obbligu għall-impriża utenti li tagħti lill-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, fil-prinċipju fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-ħaddiema permanenti tal-impriża, aċċess għal strutturi jew servizzi kollettivi (bħalma huma, b’mod partikolari, faċilitajiet għall-indukrar ta’ tfal, catering kollettiv u ta’ mezzi ta’ trasport)?

    b)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

    Dan japplika wkoll meta d-dispożizzjonijiet legali rilevanti, bħal dawk li jinsabu fil-verżjoni tal-Liġi dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni ta’ Ħaddiema fis-seħħ sa mill-31 ta’ Marzu 2017 ma jipprevedu ebda limitazzjoni fiż-żmien tad-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ remunerazzjoni u meta r-rekwiżit li t-tqegħid għad-dispożizzjoni għandu jkun biss “temporanju” ma jkunx ippreċiżat f’termini ta’ tul ta’ żmien?

    5)

    Jekk it-tielet domanda tingħata risposta fin-negattiv:

    Fil-każ ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament permezz ta’ ftehimiet kollettivi skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, il-qrati nazzjonali jistgħu jistħarrġu mingħajr restrizzjoni dawn il-ftehimiet kollettivi sabiex jistabbilixxu jekk id-derogi kinux ġew stabbiliti b’rispett tal-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jew inkella l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u/jew ir-riferiment għall-“awtonomija ta’ l-imsieħba soċjali” fil-premessa 19 tad-Direttiva 2008/104 jeżiġu li tingħata lill-partijiet fil-ftehimiet kollettivi, f’dak li jikkonċerna r-rispett tal-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, setgħa diskrezzjonali li hija suġġetta biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat u, – fl-affermattiv – sa fejn testendi din is-setgħa diskrezzjonali?


    (1)  ĠU 2008, L 327, p. 9.


    Top