Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0014

Kawża C-14/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia (l-Italja) fit-8 ta’ Jannar 2021 – Sea Watch E.V. vs Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti, Capitaneria di Porto di Palermo

ĠU C 98, 22.3.2021, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 98/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia (l-Italja) fit-8 ta’ Jannar 2021 – Sea Watch E.V. vs Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti, Capitaneria di Porto di Palermo

(Kawża C-14/21)

(2021/C 98/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sea Watch E.V.

Konvenuti: Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti, Capitaneria di Porto di Palermo

Domandi preliminari

A)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE (1) ikopri – u l-PSC [Port State Control, kontroll tal-bastimenti min-naħa tal-Istat tal-port] jista’ jitwettaq anki fir-rigward ta’ – bastiment ikklassifikat bħala bastiment għall-ġarr tal-merkanzija mill-korp ta’ klassifikazzjoni tal-Istat tal-bandiera iżda li effettivament iwettaq esklużivament u sistematikament attività mhux kummerċjali, jiġifieri l-attività imsejħa SAR [search and rescue, tiftix u salvataġġ] (kif imwettqa minn [Sea Watch E.V.] u SW4 [bastiment Sea Watch 4] abbażi tal-Istatut proprju tagħha)?

Fil-każ li (…) il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li (…) huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE anki l-bastimenti [li ma jwettqux effettivament attività kummerċjali], leġiżlazzjoni bħal dik nazzjonali inkluża fl-Artikolu 3 tad-[Digriet Leġiżlattiv] Nru 53/2011, li ttrasponiet l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/16/KE, iżda li, fil-paragrafu 1 [tal-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv iċċitat] espressament tispeċifika l-ambitu ta’ applikazzjoni tal-PSC billi tillimitah biss għall-bastimenti użati għal finijiet kummerċjali, u teskludi mhux biss id-dgħajjes tar-rikreazzjoni iżda wkoll il-bastimenti għall-ġarr tal-merkanzija li effettivament ma jwettqux – u għalhekk ma jintużawx għal – attività kummerċjali, tipprekludi din id-direttiva, interpretata f’dan is-sens?

Finalment, jista’, għall-kuntrarju, jingħad b’mod fondat li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, sa fejn dan ikopri wkoll il-bastimenti tal-passiġġieri, wara l-emendi li saru fl-2017, il-bastimenti għall-ġarr tal-merkanzija li sistematikament iwettqu attività imsejħa SAR ta’ persuni fil-periklu fil-baħar, b’tali mod li b’hekk it-trasport tal-persuni li ngħataw l-għajnuna fuq il-baħar wara li sabu ruħhom fil-periklu tal-mewt, jiġi meqjus ekwivalenti għat-trasport tal-passiġġieri?

B)

Iċ-ċirkustanza li l-bastiment ikun ittrasporta numru ta’ persuni ħafna ogħla minn dak stabbilit fiċ-ċertifikat tat-tagħmir tas-sigurtà, minkejja li għall-eżitu ta’ attività msejħa SAR jew, fi kwalunkwe każ, li l-bastiment ikollu ċertifikat tat-tagħmir ta’ sigurtà li jirreferi għal numru ta’ persuni li jkun ħafna inqas min-numru ta’ persuni effettivament ittrasportati – tista’ leġittimament taqa’ taħt fattur ta’ prijorità assoluta fis-sens tal-punt 2A tal-Parti II tal-Anness I jew taħt il-fattur mhux mistenni fis-sens tal-punt 2B tal-Parti II tal-Anness I, imsemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/16/KE.

Ċ)

Is-setgħa ta’ spezzjoni PSC tat-tip l-iktar iddettaljata prevista fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16/KE fuq bastimenti li jtajjru l-bandiera ta’ Stati Membri tista’ u/jew għandha tinkludi wkoll is-setgħa li jiġi vverifikat liema hija b’mod konkret l-attività effettivament imwettqa mill-bastiment, indipendentement mill-attività li għaliha ġew maħruġa mill-Istat tal-bandiera u mill-korp ta’ klassifikazzjoni relattiv, iċ-ċertifikat tal-klassi u ċ-ċertifikati ta’ sigurtà konsegwenti, u, konsegwentement, is-setgħa li jiġi vverifikat li l-imsemmi bastiment għandu ċ-ċertifikati u, b’mod ġenerali, jissodisfa r-rekwiżiti u/jew speċifikazzjonijiet previsti mir-regoli adottati fil-livell internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġiż u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol fuq il-bastiment u, f’każ ta’ risposta pożittiva, l-imsemmija setgħa tista’ tiġi eżerċitata anki fir-rigward ta’ bastiment li konkretament iwettaq b’mod sistematiku attività imsejħa SAR?

D)

Kif għandha tiġi interpretata r-regola 1 [rectius, Artikolu 1], itt[ra] b), tal-Konvenzjoni SOLAS – li hija riprodotta espressament fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/16/KE u li fir-rigward tagħha, għalhekk, għandha tiġi ggarantita interpretazzjoni Komunitarja omogenja għall-finijiet u fil-kuntest tal-PSC – fil-parti li fiha tipprovdi li “b. Il-Gvernijiet kontraenti għandhom jimpenjaw ruħhom li jadottaw il-liġijiet, id-digrieti, l-ordnijiet u r-regolamenti kollha u li jieħdu l-miżuri l-oħra kollha neċessarji sabiex jagħtu lill-Konvenzjoni l-applikazzjoni sħiħa tagħha, sabiex jiġi ggarantit li, mill-perspettiva tas-sigurtà umana, bastiment ikun idoneju għas-servizz li għalih huwa ddestinat”; b’mod partikolari, fir-rigward tal-evalwazzjoni dwar l-idonjetà tal-bastiment għas-servizz li għalih huwa ddestinat [,] li l-Istati tal-port huma obbligati li jwettqu permezz tal-ispezzjonijiet PSC, għandhom jiġu adottati bħala kriterju esklużiv ta’ paragun l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skont il-klassifikazzjoni u ċ-ċertifikati korrispondenti ta’ sigurtà li jkollu l-bastiment, miksuba abbażi tal-attività ddikjarata b’mod astratt jew inkella, għall-kuntrarju, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll is-servizz li għalih il-bastiment huwa effettivament iddestinat?

Għalhekk, anki b’riferiment għall-imsemmija regola internazzjonali, l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati tal-port għandhom is-setgħa li jivverifikaw mhux biss li t-tagħmir abbord il-bastiment jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikati maħruġ[a] min-naħa tal-Istat tal-bandiera u li jirriżultaw mill-klassifikazzjoni astratta tal-bastiment, iżda wkoll is-setgħa li jevalwaw il-konformità taċ-ċertifikat u tat-tagħmir relattiv abbord u fil-pussess tal-bastiment inkonnessjoni mal-attività effettivament imwettqa, estranja u differenti minn dik indikata fiċ-ċertifikat ta’ klassifikazzjoni?

Jgħoddu l-istess kunsiderazzjonijiet għall-punt 1.3.1 tar-rizoluzzjoni IMO A.1138(31) – Procedures of Port State Control, 2019, adottata fl-4 ta’ Diċembru 2019, fil-parti li fiha din tipprovdi li “Under the provisions of the relevant conventions set out in section 1.2 above, the Administration (i.e. the Government of the flag State) is responsible for promulgating laws and regulations and for taking all other steps which may be necessary to give the relevant conventions full and complete effect so as to ensure that, from the point of view of safety of life and pollution prevention, a ship is fit for the service for which it is intended and seafarers are qualified and fit for their duties.)”?

E)

Fl-aħħar, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-Istat tal-port għandu s-setgħa li jivverifika l-pussess taċ-ċertifikat u tal-osservanza tar-rekwiżiti u/jew tal-ispeċifikazzjonijiet abbażi tal-attività li għaliha huwa ddestinat il-bastiment b’mod konkret:

1)

l-Istat tal-port li jwettaq l-ispezzjoni PSC jista’ jitlob il-pussess ta’ ċertifikat u l-osservanza tar-rekwiżiti u/jew ta’ speċifikazzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ prevenzjoni tat-tniġġiż tal-baħar, addizzjonali għal dawk miżmuma u marbuta mal-attività imwettqa b’mod konkret, jiġifieri fil-każ odjern mal-attività msejħa SAR, sabiex jiġi evitat l-arrest tal-bastiment?

2)

f’każ li tingħata risposta pożittiva għall-punt Nru 1, it-talba tal-pussess ta’ ċertifikat u tal-osservanza tar-rekwiżiti u/jew speċifikazzjonijiet addizzjonali għal dawk miżmuma u marbuta mal-attività imwettqa b’mod konkret, jiġifieri, fil-każ odjern, mal-attività msejħa SAR, tista’ ssir, sabiex jiġi evitat l-arrest tal-bastiment, esklużivament fil-każ li jkun jeżisti qafas legali internazzjonali u/jew [tal-Unjoni] ċar u affidabbli fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-attività imsejħa SAR u taċ-ċertifikati relattivi u mar-rekwiżiti u/jew preskrizzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ prevenzjoni tat-tniġġiż tal-baħar?

3)

f’każ li tingħata risposta negattiva għall-punt Nru 2, it-talba tal-pussess ta’ ċertifikat u tal-osservanza tar-rekwiżiti u/jew speċifikazzjonijiet addizzjonali għal dawk miżmuma u marbuta mal-attività imwettqa b’mod konkret, jiġifieri, fil-każ odjern, mal-attività msejħa SAR, għandha ssir abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat tal-bandiera u/jew abbażi ta’ dik tal-Istat tal-port u, għall-imsemmija finijiet, hija neċessarja leġiżlazzjoni ta’ natura primarja jew tkun idonja ukoll leġiżlazzjoni ta’ natura sekondarja jew anki sempliċiment regola amministrativa ta’ natura ġenerali?

4)

f’każ li tingħata risposta pożittiva għall-punt Nru 3, huwa kompitu tal-Istat tal-port li jindika waqt l-ispezzjoni PSC, b’mod preċiż u speċifiku, abbażi ta’ liema legiżlazzjoni nazzjonali (individwata fis-sens tal-punt Nru 3) ta’ natura leġiżlattiva, regolamentari jew ibbażata fuq att amministrativ ta’ natura ġenerali għandhom jiġu individwati r-rekwiżiti u/jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ sigurtà u ta’ prevenzjoni tat-tniġġiż tal-baħar li għandhom ikunu ssodisfatti mill-bastiment suġġett għal spezzjoni PSC sabiex iwettaq l-attività msejħa SAR u liema attività ta’ korrezzjoni/rettifika huma eżattament rikjesti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-imsemmija leġiżlazzjoni?

5)

f’każ ta’ nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Istat tal-port u/jew tal-Istat tal-bandiera ta’ natura leġiżlattiva, regolamentari jew ibbażata fuq att amministrativ ta’ natura ġenerali, l-awtorità tal-Istat tal-port tista’ tindika, għall-każ konkret, ir-rekwiżiti u/jew il-preskrizzjonijiet tekniċi ta’ sigurtà, ta’ prevenzjoni tat-tniġgiż tal-baħar u ta’ protezzjoni tal-ħajja u tax-xogħol abbord li l-bastiment suġġett għal spezzjoni PSC għandu jissodisfa sabiex iwettaq l-attività imsejħa SAR?

6)

f’każ li tingħata risposta negattiva għall-punti Nru 4 u 5, l-attività imsejħa SAR, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet speċifiċi tal-Istat tal-bandiera f’tali kuntest, tista’ titqies fil-frattemp awtorizzata u għalhekk mhux suxxettibbli għal inibizzjoni bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ arrest meta l-bastiment suġġett għal spezzjoni PSC jissodisfa r-rekwiżiti u/jew l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ kategorija oħra (jiġifieri ta’ bastiment għall-ġarr tal-merkanzija), li t-twettiq b’mod konkret tagħhom ikun ġie kkonfermat mill-Istat tal-bandiera.


(1)  Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (GU 2009, L 131, p. 57).


Top