Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0830

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2023.
Syngenta Agro GmbH vs Agro Trade Handelsgesellschaft mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Artikolu 52 – Kummerċ parallel – Regolament (UE) Nru 547/2011 – Rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Punt 1(b) u (f) tal-Anness I – Isem u indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni – Numru tal-lott.
Kawża C-830/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:959

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Artikolu 52 – Kummerċ parallel – Regolament (UE) Nru 547/2011 – Rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Punt 1(b) u (f) tal-Anness I – Isem u indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni – Numru tal-lott”

Fil-Kawża C‑830/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura

Syngenta Agro GmbH

vs

Agro Trade Handelsgesellschaft mbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra, M. Safjan, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Syngenta Agro GmbH, minn P. Gey u H.‑G. Kamann, Rechtsanwälte,

għal Agro Trade Handelsgesellschaft mbH, minn H. P. Koof, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Elleniku, minn V. Karra, K. Konsta u E. Leftheriotou, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u V.‑S. Strasser, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u M. Ter Haar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 u tal-punt 1(b) u (f) tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 547/2011 tat‑8 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ tikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2011, L 155, p. 176).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Syngenta Agro GmbH u Agro Trade Handelsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Agro Trade”) dwar il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament (KE) Nru 1107/2009

3

Il-premessi 8, 9 u 31 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1) huma fformulati kif ġej:

“(8)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jassigura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll dik tal-annimali u tal-ambjent u fl-istess ħin li jissalvagwardja l-kompetittività tal-agrikoltura Komunitarja. […]

(9)

Sabiex jitneħħew, safejn huwa possibbli, l-ostakoli għall-kummerċ fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jeżistu minħabba l-livelli differenti ta’ protezzjoni fl-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi wkoll regoli armonizzati għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti gall-protezzjoni tal-pjanti, inklużi r-regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet u dwar il-kummerċ parallel. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa għalhekk li jiżdiedu l-moviment liberu ta’ tali prodotti u d-disponibbiltà ta’ dawn il-prodotti fl-Istati Membri.

[…]

(31)

Fejn jiġu awtorizzati prodotti identiċi għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stati Membri differenti, f’dan ir-Regolament għandha tiġi prevista proċedura simplifikata biex jingħata permess kummerċjali parallel, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ ta’ tali prodotti bejn l-Istati Membri.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u għan”, jgħid, fil-paragrafu 3 tiegħu, li:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u li jtejjeb it-tħaddim tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jtejjeb il-produzzjoni agrikola.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(10)

‘awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti’ tfisser att amministrattiv li permezz tiegħu l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tagħha;

(11)

‘produttur’ tfisser persuna li timmanifattura prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, sustanzi attivi, aġenti protettivi, sinerġisti, ko-formulanti jew aġġuvanti waħidha, jew li tagħti b’kuntratt din il-manifattura lil parti oħra, jew persuna magħżula mill-manifattur bħala r-rappreżentant uniku tiegħu bil-għan ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament;

[…]

(24)

‘detentur ta’ awtorizzazzjoni’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 28 tal-istess regolament, intitolat “Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u għall-użu”:

“1.   Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti m’għandux jitqiegħed fis-suq jew jintuża ħlief jekk ikun ġie awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat skont dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-ebda awtorizzazzjoni m’għandha tkun meħtieġa fil-każijiet li ġejjin:

[…]

(e)

it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom ingħata permess kummerċjali parallel skont l-Artikolu 52.”

7

L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Kummerċ parallel”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun awtorizzat fi Stat Membru wieħed (Stat Membru ta’ oriġini) jista’, soġġett għall-għoti ta’ permess kummerċjali parallel, jiġi introdott, imqiegħed fis-suq jew użat fi Stat Membru ieħor (Stat Membru ta’ introduzzjoni), jekk dan l-Istat Membru jiddetermina li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti huwa identiku fil-kompożizzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti diġà awtorizzat fit-territorju tiegħu (prodott ta’ referenza). L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni.

2.   Minn meta tiġi rċevuta applikazzjoni kompluta, għandu jingħata permess kummerċjali parallel bi proċedura simplifikata fi żmien 45 jum ta’ ħidma jekk il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għandu jiġi introdott huwa identiku fit-termini tal-paragrafu 3. […]

3.   Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jitqiesu bħala identiċi għall-prodotti ta’ referenza jekk:

(a)

huma ġew manifatturati mill-istess kumpannija jew minn impriża assoċjata jew taħt liċenzja skont l-istess proċess ta’ manifattura;

(b)

huma identiċi fl-ispeċifikazzjoni u l-kontenut mas-sustanzi attivi, l-aġenti protettivi u s-sinerġisti, u fit-tip ta’ formulazzjoni; u

(c)

huma jew l-istess jew ekwivalenti fil-ko-formulanti preżenti u d-daqs, il-materjal jew il-forma tal-imballaġġ, f’termini tal-impatt negattiv potenzjali fuq is-sigurtà tal-prodott fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent.

4.   L-applikazzjoni għal permess kummerċjali parallel għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Istat Membru ta’ oriġini;

(b)

l-Istat Membru ta’ oriġini;

(c)

l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini;

(d)

it-tikketta u l-istruzzjonijiet oriġinali għall-użu li bihom il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jrid jiġi introdott huwa distribwit fl-Istat Membru ta’ oriġini jekk huwa meqjus bħala meħtieġ għall-eżami mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni. Din l-awtorità kompetenti tista’ titlob traduzzjoni tal-partijiet rilevanti tal-istruzzjonijiet għal użu oriġinali;

(e)

l-isem u l-indirizz tal-applikant;

(f)

l-isem li jrid jingħata lill-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jrid jiġi distribwit fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni;

(g)

abbozz tat-tikketta għall-prodott li huwa ppjanat li jitqiegħed fis-suq;

(h)

kampjun tal-prodott li huwa ppjanat li jiġi introdott jekk ikun meqjus meħtieġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni;

(i)

l-isem u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-prodott ta’ referenza.

[…]

5.   Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għalih inħareġ permess kummerċjali parallel għandu jitqiegħed fis-suq u jiġi użat biss skont id-dispożizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza. Biex jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ u l-kontrolli, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rekwiżiti ta’ kontroll speċifiċi għall-prodott li għandu jiġu introdott f’Regolament imsemmi fl-Artikolu 68.

6.   Il-permess kummerċjali parallel għandu jkun validu għat-tul ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza. Jekk id-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza japplika għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 45(1) u r-rekwiżiti tal-Artikolu 29 għadhom sodisfatti, il-validità tal-permess kummerċjali parallel għandha tiskadi sad-data li fiha l-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza kellha normalment tiskadi.

7.   Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 44, 45, 46 u 55 u l-Artikolu 56(4) u l-Kapitoli VI sa X għandhom japplikaw għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma l-oġġett ta’ kummerċ parallel b’mod korrispondenti.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44, il-permess għall-kummerċ parallel jista’ jiġi irtirat jekk l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti introdott huwa rtirat fl-Istat Membru ta’ oriġini minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ effikaċja.

9.   Fejn il-prodott mhuwiex identiku fit-termini tal-paragrafu 3, għall-prodott ta’ referenza, l-Istat Membru ta’ introduzzjoni jista’ jagħti biss l-awtorizzazzjoni meħtieġa għat-tqegħid fis-suq u l-użu skont l-Artikolu 29.

[…]

11.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 63, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni rigward il-permessi għal kummerċ parallel tan-negozju.”

8

L-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”, jistabbilixxi li:

“Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jintużaw kif suppost.

L-użu kif suppost għandu jinkludi l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-prattika tal-protezzjoni tal-pjanti tajba u konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 31 u speċifikati fuq it-tikkettar. […]”

9

L-Artikolu 56 tal-imsemmi regolament, intitolat “Informazzjoni dwar l-effetti potenzjalment ta’ ħsara jew effetti inaċċettabbli”, jipprevedi, fil-paragrafu 4, li:

“Id-detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jirrapporta kull sena lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jawtorizzaw il-prodott tiegħu għall-protezzjoni tal-pjanti jekk għandu kwalunkwe informazzjoni disponibbli li tirrelata man-nuqqas tal-effikaċja mistennija, mal-iżvilupp ta’ reżistenza u ma’ kwalunkwe effett mhux mistenni fuq il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti jew l-ambjent.”

10

L-Artikolu 65 tal-istess regolament, intitolat “Tikkettar”, jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“It-tikkettar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jinkludi r-rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni, tikkettar u imballaġġ tad-Direttiva 1999/45/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 24, p. 109),] u għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f’Regolament adottat skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 79(4).

[…]”

Ir‑Regolament Nru 547/2011

11

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011:

“It-tikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jikkonforma mar-rekwiżiti, kif stipulati fl-Anness I, u jinkludu, fejn xieraq, il-frażijiet standard għar-riskji speċjali għas-saħħa tal-bniedem jew dik tal-annimali jew għall-ambjent, kif stipulat fl-Anness II, u l-frażijiet standard għall-prekawzjonijiet tas-sikurezza għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew dik tal-annimali jew tal-ambjent, kif stipulat fl-Anness III.”

12

L-Anness I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rekwiżiti ta’ tikkettjar kif imsemmi fl-Artikolu 1”, jipprevedi, fil-punt 1 tiegħu, li:

“L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża b’mod ċar u li ma jitħassarx fuq l-imballaġġ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti:

[…]

(b)

l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni u n-numru tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u, jekk ikun differenti, l-isem u l-indirizz tal-persuna responsabbli għall-imballaġġ finali u t-tikkettjar jew għat-tikkettjar finali tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fis-suq;

[…]

(f)

in-numru tal-lott tal-formulazzjoni u d-data tal-produzzjoni;

[…]”

Regolament (KE) Nru 1272/2008

13

L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8), intitolat “Għan u Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi li:

1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, taħlitiet u oġġetti kif imsemmija fl-Artikolu 4(8) billi:

[…]

(b)

jipprovdi obbligu:

[…]

(ii)

għall-fornituri li jittikkettaw u jimballaw is-sustanzi u t-taħlitiet imqiegħda fis-suq;

[…]

[…]”

14

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi li:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(26)

‘fornitur’ tfisser kwalunkwe manifattur, importatur, utent ’downstream’ jew distributur li jqiegħdu fis-suq sustanza, waħedha jew f’taħlita, jew taħlita;

[…]”

15

Taħt it-Titolu III tal-imsemmi regolament, intitolat “Komunikazzjoni ta’ periklu fil-forma ta’ ttikkettar”, l-Artikolu 17, intitolat “Regoli ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Sustanza jew taħlita klassifikata bħala perikoluża u li tkun tinsab fl-imballaġġ għandu jkollha tikketta li tkun tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon tal-fornitur(i);

[…]”

Id‑dritt Ġermaniż

16

L-Artikolu 49(4) tal-Gesetz zum Schutz der Kulturpflanzen (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti Kkultivati), jistabbilixxi li:

“Id-detenturi ta’ permess li ma jużawx in-numru tal-lott tad-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti importat b’mod parallel għat-tikketta msemmija fl-Artikolu 47(1) għandhom iżommu reġistru, li għandu jinżamm għal mill-inqas ħames snin, li jindika l-korrelazzjoni bejn in-numru tal-lott li jużaw u n-numri tal-lott tad-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti importat b’mod parallel. […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

17

Syngenta Agro hija kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-grupp Syngenta, li tipproduċi u tiddistribwixxi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-Ġermanja u fi Stati Membri oħra tal-Unjoni.

18

Agro Trade hija impriża kummerċjali fis-settur agrikolu li tiddistribwixxi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, b’mod partikolari prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kienu s-suġġett ta’ importazzjoni parallela.

19

Fost dawn l-aħħar prodotti, hemm dawk ta’ Syngenta Agro, li Agro Trade tiddistribwixxi fil-Ġermanja f’kontenituri oriġinali, mhux miftuħa, li jappartjenu lil Syngenta Agro, wara li tissostitwixxi t-tikketta oriġinali bit-tikketta tagħha stess.

20

Fuq din l-aħħar tikketta, jinsabu, b’mod partikolari, informazzjoni dwar Agro Trade, fil-kwalità tagħha ta’ importatriċi u ta’ distributriċi, iżda ma tinsab ebda informazzjoni dwar Syngenta Agro, fil-kwalità tagħha ta’ detentriċi tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat fl-Istat Membru ta’ oriġini. Agro Trade tissostitwixxi wkoll in-numru tal-lott inizjali tal-produttur b’numru ta’ identifikazzjoni tagħha stess u żżomm reġistru li juri l-korrispondenza bejn dan l-aħħar numru u dan in-numru tal-lott inizjali.

21

Syngenta Agro ressqet quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) talba intiża sabiex Agro Trade tiġi pprojbita milli tqiegħed fis-suq b’mod kummerċjali, fit-territorju Ġermaniż, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ta’ Syngenta Agro li kienu s-suġġett ta’ importazzjoni parallela meta l-indikazzjonijiet dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni li jinsabu fuq l-imballaġġ inizjali tneħħew u/jew meta n-numru tal-lott tal-preparazzjoni li jinsab fuq dan l-imballaġġ tneħħa u ġie ssostitwit b’numru ta’ identifikazzjoni ieħor, għar-raġuni li l-aġir ta’ Agro Trade kien imur kontra d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1 u tal-punt 1(b) u (f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011.

22

Il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) laqgħet it-talba ta’ Syngenta Agro sa fejn din kienet ibbażata fuq il-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 u kienet tikkonċerna l-indikazzjonijiet dwar l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet din it-talba sa fejn din kienet ibbażata fuq il-punt 1(f) ta’ dan l-anness u kienet tikkonċerna n-numru ta’ lott tal-preparazzjoni kkonċernata.

23

Syngenta Agro u Agro Trade appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

24

Din il-qorti tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-punt 1(b) u (f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, sa fejn dan ir-regolament ma jipprevedi ebda regola speċifika għal dak li jirrigwarda l-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kienu s-suġġett ta’ importazzjoni parallela.

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1 u tal-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament [Nru 547/2011] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ importazzjoni parallela ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini, li minnu kien ġie importat il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, għandhom jidhru fuq l-imballaġġ matul id-distribuzzjoni tal-imsemmi prodott fi Stat Membru ieħor?

2)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1 u tal-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament [Nru 547/2011] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ importazzjoni parallela ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, in-numru tal-lott inizjalment mogħti mill-produttur għandu imperattivament jidher mingħajr tibdil fuq l-imballaġġ, jew id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jippermettu lill-importatur parallel li jneħħi n-numru ta’ lott inizjali u li jwaħħal fuq l-imballaġġ numru ta’ identifikazzjoni tiegħu stess, peress li jżomm reġistru li jqiegħed f’korrelazzjoni n-numri ta’ lott użati minnu ma’ dawk tad-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa s-suġġett tal-importazzjoni parallela?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 u l-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, abbażi ta’ permess kummerċjali parallel, jista’, fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott, jissostitwixxi l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini b’ismu u bl-indirizz tiegħu stess.

27

Skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħda fis-suq jew użati skont dan ir-regolament għandu jinkludi r-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/45, li tħassret u ġiet issostitwita bir-Regolament Nru 1272/2008. Barra minn hekk, dan l-ittikkettjar għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Nru 547/2011, li ġie adottat, abbażi ta’ dan l-Artikolu 65(1), sabiex jiġu applikati r-rekwiżiti fil-qasam tal-ittikkettjar ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti previsti mir-Regolament Nru 1107/2009.

28

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 547/2011, l-imsemmi ttikkettjar għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

29

Mill-punt 1(b) tal-Anness I jirriżulta li l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għandhom jidhru b’mod ċar u li ma jitħassarx fuq l-imballaġġ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

30

Ir-Regolamenti Nru 1107/2009 u Nru 547/2011 ma jinkludu ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom intalab permess kummerċjali parallel u l-Artikolu 52(7) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi sempliċement, għal dawn il-prodotti, l-applikazzjoni “mutatis mutandis”, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-ittikkettjar li jinsabu fil-Kapitolu VII ta’ dan l-aħħar regolament.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, konformement mat-tifsira normali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Leistritz,C‑534/20, EU:C:2022:495, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Barra minn hekk, regolament ta’ implimentazzjoni għandu jkun is-suġġett, jekk possibbli, ta’ interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Pie Optiek,C‑376/11, EU:C:2012:502, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Huwa konformement ma’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi ddeterminat kif l-espressjoni “l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni”, li tinsab fil-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, għandha tinftiehem fil-kuntest tal-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma s-suġġett ta’ kummerċ parallel, fis-sens tal-Artikolu 52(7) tar-Regolament Nru 1107/2009.

34

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni letterali ta’ din l-espressjoni, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni ta’ dan il-punt 1(b) tal-Anness I ma tipprovdi ebda element utli f’dan ir-rigward.

35

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni kuntestwali, mill-punti 10 u 24 tal-Artikolu 3 u mill-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jirriżulta li, bħala prinċipju, l-obbligu li li jiġi inkluż, fuq l-imballaġġ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ awtorizzazzjoni japplika għall-persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, permezz ta’ att amministrattiv speċifiku, sabiex tqiegħed fis-suq il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

36

Issa, għal dak li jirrigwarda prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa s-suġġett ta’ kummerċ parallel, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009, huwa d-detentur tal-permess kummerċjali parallel li huwa responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott fit-territorju tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni, wara li jkun ġie vverifikat li l-imsemmi prodott u l-prodott ta’ referenza jkunu identiċi.

37

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-permess kummerċjali parallel għandu natura personali u li huwa biss id-detentur ta’ dan il-permess li jista’ jqiegħed prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fis-suq tal-Istat Membru li jkun ta l-imsemmi permess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Agrimotion,C‑912/19, EU:C:2021:173, punti 2637).

38

Minn dan isegwi, kif l-Avukata Ġenerali enfasizzat, essenzjalment, fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, li, filwaqt li awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 torbot lid-detentur tagħha mal-Istat Membru ta’ oriġini, permess kummerċjali parallel, maħruġ skont l-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament, jorbot lid-detentur tiegħu mal-Istat Membru ta’ introduzzjoni, u li awtorizzazzjoni maħruġa mill-Istat Membru ta’ oriġini ma tipproduċix drittijiet jew obbligi fir-rigward tad-detentur tagħha fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni.

39

Konsegwentement, għandu jitqies li r-rekwiżit stabbilit fil-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, dwar l-indikazzjoni tal-isem u tal-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni, għandu jinftiehem, fil-kuntest tal-kummerċ parallel, bħala li jirreferi għall-isem u għall-indirizz tad-detentur tal-permess kummerċjali parallel. Għaldaqstant, huwa għandu l-obbligu jinkludi, fuq it-tikketta tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħed fis-suq tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni, ismu u l-indirizz tiegħu ħdejn jew minflok dawk tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini.

40

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008 jikkonfermaw din l-interpretazzjoni tal-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011.

41

Skont l-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament Nru 1272/2008, “[s]ustanza jew taħlita klassifikata bħala perikoluża u li tkun tinsab fl-imballaġġ għandu jkollha tikketta li tkun tinkludi […] l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon tal-fornitur(i)”.

42

Issa, mill-Artikolu 1(1)(b)(ii) tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan tal-aħħar jipprevedi obbligu, għall-fornituri, li jittikkettaw u li jimballaw is-sustanzi u t-taħlitiet imqiegħda fis-suq, filwaqt li, skont id-definizzjoni li tinsab fil-punt 26 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, il-kunċett ta’ “fornitur” ikopri kull manifattur, importatur, utent downstream jew distributur li jqiegħed fis-suq sustanza, waħedha jew f’taħlita, jew f’taħlita, jew taħlita.

43

Minn dan jirriżulta li, meta importatur jew distributur, li jkollu permess kummerċjali parallel, iqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Istat Membru li jkun ta dan il-permess, dan l-importatur jew dan id-distributur jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ttikkettjar previsti mir-Regolament Nru 1272/2008 jekk l-imballaġġ ta’ dan il-prodott ikollu tikketta li tinkludi ismu, l-indirizz tiegħu u n-numru tat-telefon tiegħu.

44

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 mogħtija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza hija konformi mal-għan doppju mfittex mill-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1107/2009, li huwa, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 8, 9 u 31 ta’ dan l-aħħar regolament, li jiġi ffaċilitat il-kummerċ parallel tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti identiċi li huma awtorizzati fi Stati Membri differenti, filwaqt li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Vaselife International u Chrysal International, C‑445/18, EU:C:2019:968, punt 32).

45

Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjoni tal-isem u tal-indirizz tad-detentur tal-permess kummerċjali parallel ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, fuq it-tikketta ta’ dan tal-aħħar, bl-ebda mod ma tostakola l-kummerċ parallel ta’ dan il-prodott, sa fejn hija ma timponix, fiha nnifisha, kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmi prodott barra mill-Istat Membru ta’ oriġini.

46

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Gvern Grieg, li livell għoli ta’ protezzjoni tagħhom huwa żgurat mill-kontrolli tal-użu xieraq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, imposti mill-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1107/2009, applikabbli għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma s-suġġett ta’ kummerċ parallel skont l-Artikolu 52(7) ta’ dan ir-regolament.

47

Tali kontroll isir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-permess kummerċjali parallel tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat, li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ dan il-prodott, jikkorrispondi, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-imsemmi regolament, għal dak tal-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni.

48

Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(6) tal-istess regolament, il-perijodu ta’ validità tal-permess kummerċjali parallel ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jikkorrispondi, bħala prinċipju, għal dak stabbilit fl-awtorizzazzjoni tal-prodott ta’ referenza fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni.

49

Konsegwentement, kemm għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni kif ukoll għad-distributuri u għall-utenti ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa s-suġġett ta’ kummerċ parallel, l-indikazzjonijiet u l-informazzjoni l-iktar importanti li jikkonċernaw dan il-prodott jinsabu biss fil-permess kummerċjali parallel ta’ dan il-prodott.

50

Issa, fost dawn l-indikazzjonijiet u din l-informazzjoni hemm l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-permess kummerċjali parallel tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat, li, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, huwa l-uniku responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott fit-territorju tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni.

51

Bl-istess mod, meta, fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni, utent jixtieq jikseb informazzjoni dwar ir-raba’ li għalih prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa s-suġġett ta’ kummerċ parallel huwa awtorizzat jew dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni u ta’ dożaġġ ta’ dan il-prodott, l-isem u l-indirizz indikati fuq it-tikketta mwaħħla fuqu għandhom ikunu dawk tad-detentur tal-permess kummerċjali parallel tal-imsemmi prodott, għaliex huwa dan id-detentur li huwa f’pożizzjoni li jipprovdi din l-informazzjoni u mhux dak tal-awtorizzazzjoni dwar l-istess prodott fl-Istat Membru ta’ oriġini.

52

Issa, l-imsemmija informazzjoni hija primordjali fir-rigward tat-twettiq tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1107/2009 li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent fl-Istat Membru ta’ introduzzjoni.

53

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-ipoteżi li fiha l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti introdott tiġi rtirata fl-Istat Membru ta’ oriġini għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ effikaċja, huwa biżżejjed li jiġi indikat li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ introduzzjoni għandha, skont l-Artikolu 52(4) tar-Regolament Nru 1107/2009, informazzjoni neċessarja sabiex jiġi ttraċċat dan il-prodott u jiġi identifikat id-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-awtorità hija f’pożizzjoni li tirtira, jekk ikun il-każ, il-permess kummerċjali parallel, konformement mal-Artikolu 52(8) ta’ dan ir-regolament.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 1 u l-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, abbażi ta’ permess kummerċjali parallel, jista’, fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott, jissostitwixxi l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini b’ismu u bl-indirizz tiegħu stess.

Fuq it‑tieni domanda

55

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 u l-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, abbażi ta’ permess kummerċjali parallel, huwa obbligat jinkludi, fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott, in-numru tal-lott tal-preparazzjoni inizjalment mogħti mill-produttur.

56

Kif jirriżulta mill-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, l-ittikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħda fis-suq jew użati skont ir-Regolament Nru 1107/2009 għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, li l-punt 1(f) tiegħu jipprevedi li “in-numru tal-lott tal-formulazzjoni u d-data tal-produzzjoni” għandhom jidhru b’mod ċar u li ma jitħassarx fuq l-imballaġġ ta’ dawn il-prodotti.

57

Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “numru tal-lott”, għandu jiġi rrilevat li la r-Regolament Nru 547/2011, la r-Regolament Nru 1107/2009, u lanqas ir-Regolament Nru 1272/2008 ma jiddefinixxu dan il-kunċett.

58

Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat kif l-imsemmi kunċett għandu jinftiehem, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tiegħu, konformement mat-tifsira normali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, kif ukoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti.

59

Skont it-tifsira tal-kliem “numru tal-lott” fil-lingwaġġ ta’ kuljum, dan jirreferi għal sensiela ta’ numri u/jew ittri ta’ identifikazzjoni, mogħtija lil grupp ta’ prodotti li jkollhom l-istess karatteristiċi u li jiġu mmanifatturati fl-istess operazzjoni ta’ produzzjoni.

60

Għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Gvern Awstrijak, li l-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 jirreferi b’mod konkret għan-“numru tal-lott […] tal-produzzjoni”, billi jorbot, b’mod inseparabbli, in-“numru tal-lott” mal-“produzzjoni” immanifatturata mill-produttur tagħha.

61

Barra minn hekk, it-tifsira msemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza hija riflessa, b’mod partikolari, fl-Artikolu 2(m) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1280 tat‑2 ta’ Awwissu 2021 rigward il-miżuri dwar prattika tajba ta’ distribuzzjoni għas-sustanzi attivi li jintużaw bħala materjali tal-bidu fil-prodotti mediċinali veterinarji f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2021, L 279, p. 1), li jiddefinixxi “lott” bħala “kwantità ddefinita ta’ materjal tal-bidu, ta’ materjal tal-imballaġġ jew ta’ prodott ipproċessat fi proċess wieħed jew f’serje ta’ proċessi, sabiex ikun mistenni li jkun omoġenju”, u fl-Artikolu 2(p), li jiddefinixxi “numru tal-lott” bħala “kombinazzjoni distintiva ta’ numri jew ta’ ittri li tidentifika lott uniku”.

62

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “numru tal-lott”, fis-sens tal-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011, ifisser in-numru ta’ lott inizjalment mogħti lil prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mill-manifattur tiegħu.

63

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li d-“data tal-produzzjoni” tirreferi mingħajr ebda ekwivoku għall-attività ta’ manifattura mill-“produttur”, fis-sens tal-Artikolu 3(11) tar-Regolament Nru 1107/2009. Issa, il-persuni li jwettqu ttikkettjar mill-ġdid jew ippakkjar mill-ġdid tal-prodotti ma jistgħux jitqiesu li huma “produttur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

64

L-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata wkoll mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 1107/2009, jiġifieri, b’mod partikolari, kif tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent, li jippreżupponi li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jistgħu jiġu ttraċċati u jkunu suġġetti għal kontrolli effettivi.

65

Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-traċċabbiltà ta’ dawn il-prodotti, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ta’ anomalija li taffettwa tali prodott, in-numru tal-lott inizjali tal-preparazzjoni kkonċernata huwa l-unika referenza rilevanti u li, fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, huwa biss dan in-numru li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jirtiraw mis-suq, b’mod immirat u immedjat, dan il-prodott.

66

Min-naħa l-oħra, jekk importatur parallel ikun awtorizzat jirtira u jissostitwixxi n-numru tal-lott inizjali tal-preparazzjoni kkonċernata b’numru ta’ identifikazzjoni personali ġdid, it-traċċabbiltà tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat tkun possibbli biss permezz ta’ database li tistabbilixxi korrispondenza bejn dawn in-numri, u dan jirrendi iktar bil-mod u kkomplikat l-irtirar eventwali ta’ dan il-prodott mis-suq.

67

Għaldaqstant, kif l-Avukata Ġenerali enfasizzat, essenzjalment, fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tagħha, hija kuntrarja għall-għan imfittex mir-Regolament Nru 1107/2009 leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li huwa possibbli għal importatur parallel li jissostitwixxi, fuq l-imballaġġ ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa s-suġġett ta’ kummerċ parallel, in-numru tal-lott inizjali tal-preparazzjoni kkonċernata bin-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu, indipendentement mill-fatt li din il-leġiżlazzjoni tobbliga lil dan l-importatur parallel li jżomm reġistru li jikkorrelata n-numri tal-lottijiet inizjali u n-numri ta’ identifikazzjoni personali tal-imsemmi importatur parallel.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 1 u l-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, abbażi ta’ permess kummerċjali parallel, huwa obbligat jinkludi, fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott, in-numru tal-lott tal-preparazzjoni kkonċernata inizjalment mogħti mill-produttur.

Fuq l‑ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1 u l-punt 1(b) tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 547/2011 tat‑8 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ tikkettjar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, abbażi ta’ permess kummerċjali parallel, jista’, fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott, jissostitwixxi l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini b’ismu u bl-indirizz tiegħu stess.

 

2)

L-Artikolu 1 u l-punt 1(f) tal-Anness I tar-Regolament Nru 547/2011

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

importatur li jintroduċi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fi Stat Membru, abbażi ta’ permess kummerċjali parallel, huwa obbligat jinkludi, fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott, in-numru tal-lott tal-preparazzjoni kkonċernata inizjalment mogħti mill-produttur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top