Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0801

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2024.
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)vs Indo European Foods Ltd.
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Abresham Super Basmati Selaa Grade One World’s Best Rice – Trade mark verbali preċedenti mhux irreġistrata tar-Renju Unit BASMATI – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 8(4) – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 72 – Raġuni relattiva għal rifjut – Oppożizzjoni – Appell quddiem il-Bord tal-Appell – Ċaħda – Rikors quddiem il-Qorti Ġenerali – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Artikoli 126 u 127 – Perijodu ta’ tranżizzjoni – Konsegwenzi tat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni fuq il-protezzjoni tat-trade mark preċedenti – Ċirkustanzi posterjuri għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża – Persistenza tal-iskop tar-rikors u tal-interess ġuridiku.
Kawża C-801/21 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:528

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Abresham Super Basmati Selaa Grade One World’s Best Rice – Trade mark verbali preċedenti mhux irreġistrata tar-Renju Unit BASMATI – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 8(4) – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 72 – Raġuni relattiva għal rifjut – Oppożizzjoni – Appell quddiem il-Bord tal-Appell – Ċaħda – Rikors quddiem il-Qorti Ġenerali – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Artikoli 126 u 127 – Perijodu ta’ tranżizzjoni – Konsegwenzi tat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni fuq il-protezzjoni tat-trade mark preċedenti – Ċirkustanzi posterjuri għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża – Persistenza tal-iskop tar-rikors u tal-interess ġuridiku”

Fil-Kawża C‑801/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑17 ta’ Diċembru 2021,

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gaja. D. Hanf, E. Markakis, u V. Ruzek, bħala aġenti,

appellant,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Heitz, M. Hellmann, D. Klebs u J. Möller, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Indo European Foods Ltd, stabbilita f’Harrow (ir‑Renju Unit), irrappreżentata minn A. Norris, KC, u N. Welch, solicitor,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

Komposta minn E. Regan, President ta’ Awla, Z. Csehi, M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias (relatur), imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2023,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Indo European Foods vs EUIPO – Chakari (Abresham Super Basmati Selaa Grade One World’s Best Rice) (T‑342/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2021:651), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa, annullat id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tat‑2 ta’ April 2020 (Każ R 1079/2019‑4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Indo European Foods Ltd u Hamid Ahmad Chakari, u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors ta’ Indo European Foods.

Il‑kuntest ġuridiku

Il‑Ftehim dwar il‑ħruġ

2

L-ewwel, ir-raba’ u t-tmien paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”, li ġie adottat fit‑30 ta’ Jannar 2020 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, jiddikjaraw:

“Filwaqt li jikkunsidraw li fid-29 ta’ Marzu 2017 ir-[Renju Unit], wara l-eżitu ta’ referendum li sar fir-Renju Unit u d-deċiżjoni sovrana tiegħu li jitlaq mill-Unjoni Ewropea, innotifika l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-[Unjoni] [...] skont l-Artikolu [50 TUE] [...],

[...]

Filwaqt li jfakkru li, skont l-Artikolu [50 TUE] [...] u soġġett għall-arranġamenti stabbiliti f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni [...] jieqaf japplika fl-intier tiegħu għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim,

[...]

Filwaqt li jikkunsidraw li huwa fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit li jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni li matulu [...] id-dritt tal-Unjoni [...] jenħtieġ li jkunu applikabbli għar-Renju Unit u fih, u, bħala regola ġenerali, bl-istess effett fir-rigward tal-Istati Membri, sabiex jiġi evitat tħarbit fil-perjodu li matulu se jiġu nnegozjati l-ftehim(iet) dwar ir-relazzjonijiet futuri.”

3

L-Artikolu 1 tal-imsemmi Ftehim dwar il-ħruġ, intitolat “Għan”, jistipula:

“Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tar-[Renju Unit] mill-[Unjoni] [...]”

4

Skont l-Artikolu 126 tal-istess ftehim, intitolat “Perjodu ta’ tranżizzjoni”:

“Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.”

5

L-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, intitolat “Ambitu tat-tranżizzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1, 3 u 6 tiegħu:

“1.   Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

[...]

3.   Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni applikabbli taħt il-paragrafu 1 għandu jipproduċi fir-rigward tar-Renju Unit u fir-Renju Unit l-istess effetti legali bħal dawk li jipproduċi fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità mal-istess metodi u prinċipji ġenerali bħal dawk applikabbli fil-Unjoni.

[...]

6.   Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kwalunkwe referenza għall-Istati Membri fid-dritt applikabbli tal-Unjoni skont il-paragrafu 1, inkluż kif implimentat u applikat mill-Istati Membri, għandha tinftiehem li tinkludi lir-Renju Unit.”

Ir‑Regolament Nru 207/2009

6

Il-premessi 3, 4 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”), jipprovdi:

“3.

[...] Sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet tal-istess Kommunità, jidher neċessarju li jkun hemm arranġamenti Komunitarji għar-rigward ta’ trade marks li permezz tagħhom impriża tkun tista’ tikseb trade mark Komunitarja taħt sistema proċedurali waħda, u li din it-trade mark tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod fil-Komunità kollha. Jinħtieġ li l-prinċipju tal-karattru waħdieni tat-trade mark Komunitarja, espress f’dan is-sens, japplika dejjem, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor.

(4)

L-ostakoli tat-territorjalità tad-drittijiet mogħtija lill-proprjetarji ta’ trade marks mil-liġijiet tal-Istati Membri ma jistgħux jitneħħew bl-approssimazzjoni tal-liġijiet. Sabiex attività ekonomika libera fis-suq intern kollu tintfetaħ għall-benefiċċju tal-impriżi, jinħtieġ li t-trade marks ikunu regolati b’mod uniformi minn liġi Komunitarja li tkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

[...]

(7)

Id-drittijiet fuq trade mark Komunitarja ma għandhomx jinkisbu ħlief b’reġistrazzjoni, u tali reġistrazzjoni għandha tiġi miċħuda b’mod partikolari meta t-trade mark [...] tmur kontra drittijiet preċedenti.”

7

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li:

“It-trademark tal-Unjoni Ewropea għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fl-Unjoni kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Unjoni kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

8

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“[M]al-oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark mhux reġistrata jew ta’ xi sinjal ieħor użat fil-kors tal-kummerċ ta’ aktar minn sempliċement ta’ sinifikanza lokali, it-trade mark li tkun saret applikazzjoni dwarha m’għandiex tkun reġistrata meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal- leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal:

a)

id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE, jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE;

b)

dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv.”

Ir‑Regolament (UE) 2017/1001

9

Ir-Regolament Nru 207/2009 tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

10

L-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 8(4) ta’ dan l-aħħar regolament huma fformulati fl-istess termini bħal, rispettivament, l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

11

L-Artikolu 72 tar-Regolament 2017/ 1001, intitolat “Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja” jipprovdi li:

“1   Jistgħu jitressqu azzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell rigward l-appelli.

2.   Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, ksur tat-TFUE, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.

3.   Il-Qorti Ġenerali għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tħassar jew tibdel id-deċiżjoni kkontestata.

[...]

6.   L-[EUIPO] għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew, fil-każ ta’ appell kontra dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja.”

12

L-Artikolu 139 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Talba għall-applikazzjoni tal-proċedura nazzjonali”, jistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   L-applikant jew il-proprjetarju ta’ trademark tal-UE jista’ jitlob li l-applikazzjoni għal trademark tal-UE jew it-trademark tal-UE tiegħu tinqeleb f’applikazzjoni għal trade mark nazzjonali.

a)

sakemm l-applikazzjoni għal trademark tal-UE tkun ġiet miċħuda, irtirata, jew meqjusa bħala irtirata;

[...]

2.   Il-konverżjoni m’għandhiex isseħħ:

[...]

b)

għall-iskop ta’ protezzjoni fi Stat Membru fejn, skont id-deċiżjoni tal-[EUIPO] jew tal-qorti nazzjonali, japplikaw raġunijiet għar-rifjut tar-reġistrazzjoni jew japplikaw raġunijiet għar-revoka jew l-invalidità tal-applikazzjoni għal trademark tal-UE jew ta’ trademark tal-UE.

3.   L-applikazzjoni għal trade mark nazzjonali li tirriżulta mill-konverżjoni ta’ applikazzjoni għal trademark tal-UE jew ta’ trademark tal-UE, għandha tgawdi fir-rigward tal-Istat Membru konċernat id-data ta’ meta tkun ġiet ippreżentata jew id-data ta’ prijorità ta’ dik l-applikazzjoni jew trade mark [...]”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

13

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fil-punti 1 sa 12 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu mqassra kif ġej.

14

Fl‑14 ta’ Ġunju 2017, Hamid Ahmad Chakari ppreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO, li ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea Nru 169/2017, tas‑6 ta’ Settembru 2017.

15

It-trade mark li saret applikazzjoni għaliha hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image

16

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tressqet għal prodotti abbażi tar-ross fil-klassijiet 30 u 31, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

17

Fit‑13 ta’ Ottubru 2017, Indo European Foods ressqet oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt preċedenti. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali preċedenti mhux irreġistrata tar-Renju Unit BASMATI, li tindika ross. Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet dik prevista fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001. Indo European Foods sostniet, essenzjalment, li hija setgħet, abbażi tad-dritt applikabbli fir-Renju Unit, tipprekludi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni abbażi tal-forma msejħa “estiża” tal-azzjoni għal abbuż tad-denominazzjoni (“action for passing off”).

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ April 2019, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha, minħabba li l-provi prodotti minn Indo European Foods ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit, skont l-Artikoli 8(4) tar-Regolament 2017/1001, li t-trade mark preċedenti kkonċernata kienet intużat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma kinitx biss lokali qabel id-data rilevanti u fit-territorju inkwistjoni.

19

Fis‑16 ta’ Mejju 2019, Indo European Foods ippreżentat appell quddiem l-EUIPO minn din id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

20

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell bħala infondat minħabba li Indo European Foods ma kinitx uriet li l-isem “basmati” kien jippermettilha tipprojbixxi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-Renju Unit abbażi tal-forma “estensiva” tal-abbuż tad-denominazzjoni.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

21

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Ġunju 2020, Indo European Foods ippreżentat rikors intiż għall-annullament u għar-riforma tad-deċiżjoni kontenzjuża.

22

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

23

Fir-risposta tiegħu, l-EUIPO sostna, b’mod partikolari, li, sa fejn l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ibbażata fuq trade mark preċedenti mhux irreġistrata tar-Renju Unit, il-protezzjoni mogħtija lil din tal-aħħar mid-dritt tar-Renju Unit kienet għadha rilevanti matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ tranżizzjoni”), iżda li, il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jiġu madankollu mċaħħda mill-iskop tagħhom mal-iskadenza ta’ dan il-perijodu. Barra minn hekk, huwa sostna li, peress li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jista’ jibbenefika bl-ebda mod lir-rikorrenti fl-ewwel istanza, din ma jkunx għad għandha interess ġuridiku fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

24

Fl-ewwel lok, fil-punti 15 sa 23 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument tal-EUIPO dwar is-suġġett tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u tar-rikors.

25

Wara li fakkret, fil-punt 16 tal-imsemmija sentenza, li l-perijodu ta’ tranżizzjoni kien mill‑1 ta’ Frar sal-31 ta’ Diċembru 2020, hija rrilevat, fil-punt 17 ta’ din, li s-suġġett tal-kawża kien, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kontenzjuża, li fiha l-Bord tal-Appell kien iddeċieda dwar l-eżistenza tal-motiv ta’ oppożizzjoni invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, f’dan l-istess punt 17, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha, qieset li l-eżistenza ta’ raġuni relattiva għal oppożizzjoni kellha tiġi evalwata, l-iktar tard, fil-mument meta l-EUIPO jiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni. Fil-fatt, hija rrilevat li, għalkemm, f’sentenza reċenti, hija kienet iddeċidiet li t-trade mark preċedenti li sservi ta’ bażi għall-oppożizzjoni kellha tkun valida mhux biss fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, iżda wkoll fil-mument meta l-EUIPO jiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni, teżisti ċerta linja ta’ ġurisprudenza kuntrarja li tipprovdi li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ raġuni relattiva ta’ oppożizzjoni, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li kontriha kienet tressqet l-oppożizzjoni bbażata fuq trade mark preċedenti.

26

Għalhekk, hija qieset, fil-punt 18 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm lok li din il-kwistjoni tiġi deċiża f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ittieħdet matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, jiġifieri f’data li fiha, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji tal-Ftehim dwar il-ħruġ, ir-Regolament 2017/1001 kien għadu japplika għat-trade marks preċedenti mhux irreġistrati tar-Renju Unit użati fil-kummerċ, u li, għaldaqstant, it-trade mark preċedenti kkonċernata kienet għada tibbenefika mill-istess protezzjoni bħal dik li kienet tibbenefika minnha fl-assenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

27

Sussegwentement, fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fi kwalunkwe każ, li jitqies li l-iskop tal-kawża jintemm meta jseħħ, fil-mori tal-kawża, avveniment, bħall-irtirar eventwali tal-Istat Membru kkonċernat mill-Unjoni, li warajh trade mark preċedenti tista’ titlef l-istatus ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, iwassal sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni motivi li dehru wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li ma humiex intiżi li jaffettwaw il-fondatezza tagħha. Issa, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li hija kellha, bħala prinċipju, sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, tqiegħed lilha nnifisha fid-data ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

28

Fl-aħħar nett, fil-punt 20 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mill-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 25 sa 27 ta’ din is-sentenza li, indipendentement mill-mument deċiżiv li jiġi deċiż li għandu jsir riferiment għalih, jiġifieri l-mument meta saret l-applikazzjoni għat-trade mark jew dak tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, it-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet tista’ sservi ta’ bażi għaliha. Fil-punti 21 u 22 tas-sentenza appellata, ġie barra minn hekk ikkunsidrat li din il-konklużjoni ma kinitx ikkontestata mis-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2019, Beko vs EUIPO – Acer (ALTUS) (T‑162/18, EU:T:2019:87), u tat‑2 ta’ Ġunju 2021, Style & Taste vs EUIPO – The Polo/Lauren Company (Rappreżentazzjoni ta’ plejer tal-polo) (T‑169/19, EU:T:2021:318). Fil-punt 23 tas-sentenza appellata, ġie konkluż li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ma wassalx għat-telf tal-iskop tal-kawża.

29

Fit-tieni lok, fil-punti 24 sa 28 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-EUIPO dwar l-allegat tmiem tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods.

30

F’dan ir-rigward, qabelxejn, fil-punt 25 tas-sentenza appellata, hija fakkret il-ġurisprudenza stabbilita li l-interess ġuridiku għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu u jippersisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, bl-eżitu tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li ppreżentatu, u indikat li, jekk dan l-interess ġuridiku jintemm matul il-proċedura, deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu ma tista’ tagħti ebda benefiċċju lir-rikorrent inkwistjoni.

31

Sussegwentement, fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-EUIPO, li l-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti fl-ewwel istanza tirriżulta mill-fatt li l-applikant għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni jkun f’pożizzjoni li jittrasforma l-applikazzjoni tiegħu f’applikazzjonijiet għal trade marks nazzjonali fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni, minħabba li din il-kunsiderazzjoni kienet tgħodd, bħala prinċipju, għal kull proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

32

Fl-aħħar nett, fil-punt 27 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-argument tal-EUIPO, li l-Bord tal-Appell li quddiemu l-kawża tintbagħat lura jekk il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża jkun kostrett jiċħad l-appell minħabba nuqqas ta’ trade mark preċedenti protetta mid-dritt ta’ Stat Membru, jitlaq mill-premessa żbaljata li l-Bord tal-Appell għandu jqiegħed lilu nnifsu, għall-evalwazzjoni tal-fatti, fil-mument tad-deċiżjoni l-ġdida tiegħu. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, f’din is-sitwazzjoni, hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-istess rikors skont is-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-mument tal-preżentata tiegħu quddiemha, peress li dan tal-aħħar sar pendenti fl-istess stadju li fih kien jinsab qabel id-deċiżjoni kontenzjuża. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-ġurisprudenza ċċitata mill-EUIPO insostenn tar-raġunament tiegħu kienet irrelevanti u kienet effettivament tikkonferma li, fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun meħtieġ li t-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni tkompli teżisti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

33

Fil-punt 28 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kawża ma kinitx tilfet l-iskop tagħha u li l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods kien għadu jippersisti. Konsegwentement, hija eżaminat, fil-punti 31 sa 72 tas-sentenza appellata, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-motiv uniku insostenn ta’ din it-talba. Hija qieset li dan il-motiv kien fondat u li għalhekk kien hemm lok li din id-deċiżjoni tiġi annullata. Min-naħa l-oħra, wara li eżaminat, fil-punti 73 sa 79 ta’ din is-sentenza, it-talba tagħha intiża sabiex tintlaqa’ l-oppożizzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ riforma tagħha ma kinux issodisfatti u ċaħdet din it-talba.

34

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

35

Permezz ta’ att ippreżentat fl-istess data bħal dan l-appell, l-EUIPO talab, skont l-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-appell tiegħu jiġi ammess, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

36

Permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ April 2022, EUIPO vs Indo European Foods (C‑801/21 P, EU:C:2022:295), l-appell ġie ammess.

37

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Ġunju 2022, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-EUIPO.

38

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Diċembru 2022, EUIPO vs Indo European Foods (C‑801/21 P, EU:C:2022:1049), it-talba għal intervent ta’ Walsall Conduits Ltd insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza ġiet miċħuda.

39

Permezz tal-appell tiegħu, l-EUIPO, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara li ma hemmx lok li tiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza kontra d-deċiżjoni kontenzjuża;

tikkundanna lill-konvenuta fl-ewwel istanza għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

40

Indo European Foods titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Fuq l‑appell

41

Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO jqajjem aggravju uniku, ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżit tal-persistenza ta’ interess ġuridiku tal-appellanti. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali fixklet l-evalwazzjoni tal-persistenza tal-interess ġuridiku mal-istħarriġ tal-legalità tal-att kontenzjuż, it-tieni waħda, fuq żball ta’ liġi u insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma evalwatx, in concreto, il-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, u, it-tielet waħda, ta’ ksur tal-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Qorti Ġenerali imponiet fuq l-EUIPO l-obbligu li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-effetti legali tat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni previst mill-Ftehim dwar il-ħruġ.

Fuq l‑ammissibbiltà

42

Indo European Foods tikkontesta l-ammissibbiltà tal-appell għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-EUIPO jsostni, fl-appell tiegħu, argument ġdid li huwa ma kienx ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali. B’mod partikolari, l-EUIPO biddel l-argument li kien ippreżenta inizjalment quddiem il-Qorti Ġenerali billi sostna għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li kienu jeżistu, fir-rigward tal-kwistjoni tal-persistenza tal-iskop tal-kawża, linji ta’ ġurisprudenza diverġenti fi ħdan il-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali li r-rikors quddiemha ma tilifx l-iskop tiegħu hija relatata ma’ punti ta’ fatt.

43

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, għalkemm, ċertament, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-eżami ta’ appell hija limitata għall-evalwazzjoni legali tas-soluzzjoni li ngħatat għall-motivi u l-argumenti diskussi quddiem l-ewwel istanza, appellant jista’ madankollu jippreżenta appell billi jsostni, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravji u argumenti li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi sabiex jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60, punti 2930 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Issa, f’dan il-każ, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta kkonstatat, fis-sentenza appellata, li r-rikors ta’ Indo European Foods ma kienx tilef l-iskop tiegħu u li din il-parti kienet żammet l-interess tagħha li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża minkejja t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni li seħħ matul l-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, li, f’dan ir-rigward, ibbażat ruħha fuq linja ta’ ġurisprudenza li ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni in concreto tal-persistenza tal-interess ġuridiku.

45

Għaldaqstant, dan l-appell jikkontesta l-fondatezza fil-liġi tal-evalwazzjoni tal-persistenza tal-iskop tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li saret mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, peress li l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni minħabba l-assenza ta’ tali persistenza għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi eżaminata ex officio minnha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il‑Kunsill, C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

L-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà invokat minn Indo European Foods għandu għalhekk jiġi miċħud.

47

Fit-tieni lok, huwa biżżejjed li jitfakkar li, għalkemm l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, taħt riżerva tal-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, din hija, min-naħa l-oħra, kompetenti sabiex teżerċita, abbażi tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-kwalifika ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi fid-dritt li nsiltu minn dan mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia-Kosakowo vs Il‑Kummissjoni, C‑163/22 P, EU:C:2023:515, punti 7999).

48

Issa, f’dan il-każ, l-EUIPO ma jikkontestax l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 17 sa 28 tas-sentenza appellata, iżda l-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom mill-Qorti Ġenerali u l-konsegwenzi legali li hija siltet minnhom, jiġifieri li l-iskop tar-rikors u l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods kienu baqgħu jippersistu. It-tieni motiv ta’ inammissibbiltà invokat minn Indo European Foods għandu għalhekk jiġi miċħud.

49

Minn dan isegwi li l-appell huwa ammissibbli.

Fuq il‑mertu

50

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni ġiet ippreżentata fl‑14 ta’ Ġunju 2017, iżda li l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark saret fit‑13 ta’ Ottubru 2017. Konsegwentement, din il-kawża hija rregolata, minn naħa, mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 fis-seħħ fid-data tal‑14 ta’ Ġunju 2017, u, min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament 2017/1001 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bimbo vs UASI,C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq allegata konfużjoni bejn, minn naħa, l‑evalwazzjoni tal‑persistenza tal‑interess ġuridiku u, min‑naħa l‑oħra, l‑istħarriġ tal‑legalità tal‑att kontenzjuż

– L‑argumenti tal‑partijiet

51

L-EUIPO, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isostni li, fil-punti 17 sa 23 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-iskop tar-rikors kien għadu jeżisti għas-sempliċi raġuni li t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni ma setax jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża fid-data li fiha din kienet ġiet adottata.

52

Minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-evalwazzjoni tar-rekwiżit tal-persistenza tas-suġġett tar-rikors u tal-interess ġuridiku hija preliminari u distinta minn dik li għandha ssir fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-att inkwistjoni. Fil-fatt, l-evalwazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-konsegwenzi eventwali ta’ annullament ta’ dan l-att fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti filwaqt li l-istħarriġ tal-legalità jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża kif kien fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmi att.

53

Għalhekk, l-EUIPO jsostni, essenzjalment, li, billi siltet konklużjonijiet definittivi dwar il-persistenza tal-iskop tal-kawża mis-sempliċi fatt li avveniment ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l-legalità tal-att ikkontestat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

54

L-EUIPO jżid li l-fatt li jitqies li rikors iżomm neċessarjament skop fil-każ li d-dritt preċedenti ma jibqax jeżisti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jċaħħad ir-rekwiżit tal-persistenza ta’ interess ġuridiku minn parti kbira mill-effettività tiegħu, peress li, f’dan il-każ, dan ir-rekwiżit ikun rilevanti biss fis-sitwazzjonijiet li fihom id-deċiżjoni kkontestata tkun skadiet minħabba t-tmiem tal-imsemmi dritt preċedenti qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Tali kunsiderazzjoni hija wkoll f’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa neċessarju li jiġi eżaminat in concreto l-interess ġuridiku reali tal-partijiet.

55

Min-naħa l-oħra, l-EUIPO jsostni li l-konklużjoni magħmula fil-punt 19 tas-sentenza appellata hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2014, Fuchs vs UASI – Les Complices (Stilla f’ċirku) (T‑342/12, EU:T:2014:858). F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-interess reali u attwali tar-rikorrenti billi ddeċidiet fuq il-benefiċċju li hija setgħet tikseb mill-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, meta mqabbla ma’ deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, f’kuntest fejn l-oppożizzjoni kienet intlaqgħet. Għalhekk, skont l-EUIPO, l-imsemmija sentenza tikkonferma pjuttost l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li twettaq evalwazzjoni in concreto tal-benefiċċju li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jagħti lill-appellanti.

56

Indo European Foods tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

57

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tiegħu, l-EUIPO jsostni, essenzjalment, li, fil-punti 17 sa 23 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħawdet il-kwistjoni tal-persistenza tal-interess ġuridiku mad-data li fiha l-legalità ta’ deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata. Issa, dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 24 sa 28 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, f’dawn il-punti, sempliċement eżaminat il-kwistjoni tal-persistenza tal-iskop tal-kawża fid-dawl tat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni li kien seħħ matul l-istanza quddiemha. Konsegwentement, f’dawn il-punti, hija ma setgħetx twettaq il-konfużjoni li hija akkużata mill-EUIPO li wettqet. Dawn l-argumenti għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala infondati.

58

Fit-tieni lok, sa fejn, permezz ta’ din l-ewwel parti tal-aggravju uniku tiegħu, l-EUIPO jrid jikkritika lill-Qorti Ġenerali li, b’mod żbaljat, ikkunsidrat, fil-punti 17 sa 23 tas-sentenza appellata, li rikors iżomm neċessarjament l-iskop f’każ ta’ tmiem tad-dritt preċedenti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-iskop tal-kawża għandu jippersisti, l-istess bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jimplika li r-rikors, jew, jekk ikun il-każ, l-appell jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, jikseb vantaġġ għall-parti li ppreżentatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tat‑30 ta’ April 2020, Ċipru vs EUIPO, C‑608/18 P, C‑609/18 P u C‑767/18 P, EU:C:2020:347, punti 2728 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, meta deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali ma tkunx ġiet irtirata formalment, din tal-aħħar kellha raġun tikkonstata li l-kawża żammet l-iskop tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 4849; tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 45, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il-Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 33). Fl-aħħar nett, dejjem skont il-ġurisprudenza, tali konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata minħabba l-iskadenza tad-deċiżjoni ikkontestata, li seħħet wara l-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 47).

60

F’dan il-każ, mill-punti 17 sa 23 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li r-rikors ta’ Indo European Foods ma kienx tilef l-iskop tiegħu billi kien ibbażat, b’mod partikolari, fuq il-konstatazzjoni li s-suġġett tat-tilwima kien id-deċiżjoni kontenzjuża, adottata fit‑2 ta’ April 2020, li fiha dan il-bord ta deċiżjoni dwar l-eżistenza tal-motiv ta’ oppożizzjoni invokat minn Indo European Foods, u li din id-deċiżjoni kienet ingħatat qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.

61

Issa, l-EUIPO ma jikkontestax li, kif jirriżulta mill-punti 17 sa 23 tas-sentenza appellata, fid-data li fiha l-Qorti Ġenerali tat id-deċiżjoni tagħha, id-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ġiet irtirata formalment. Barra minn hekk, l-EUIPO bl-ebda mod ma jsostni li t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni kellu l-effett li jikkanċella retroattivament din id-deċiżjoni.

62

Minn dan isegwi li, sa fejn jirrigwarda l-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-persistenza tal-iskop tal-kawża, l-argument tal-EUIPO huwa wkoll infondat, b’tali mod li l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha, kollha kemm hi, tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq allegat nuqqas ta’ evalwazzjoni in concreto tal‑persistenza tal‑interess ġuridiku tar‑rikorrenti fl‑ewwel istanza

– L‑argumenti tal‑partijiet

63

Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku tiegħu, l-EUIPO, sostnut, essenzjalment, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx in concreto l-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods.

64

F’dan ir-rigward, l-EUIPO jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li l-kwistjoni deċiżiva f’dan il-każ kienet dik dwar jekk, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata jew tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-trade mark preċedenti setgħetx tkun il-bażi tal-oppożizzjoni, filwaqt li din il-kunsiderazzjoni ma tippermettix li tingħata risposta għall-kwistjoni dwar jekk, minkejja l-konsegwenzi legali marbuta mat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kinitx għadha tista’ tippreġudika l-interessi legali ta’ Indo European Foods kif protetti mir-Regolament 2017/1001 u jekk, għaldaqstant, l-interess ġuridiku tagħha kienx għadu jippersisti.

65

Għalhekk, minn naħa, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-persistenza tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, in-natura speċifika tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kif ukoll il-funzjoni essenzjali tat-trade mark.

66

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li proċedimenti ta’ oppożizzjoni għandhom essenzjalment l-għan li jiżguraw li trade mark preċedenti tkun tista’ żżomm il-funzjoni tagħha ta’ identifikazzjoni tal-oriġini, billi tipprevedi l-possibbiltà li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida li tidħol f’kunflitt ma’ din it-trade mark preċedenti minħabba probabbiltà ta’ konfużjoni. Issa, ebda kunflitt ma jista’ jseħħ bejn applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea u trade mark preċedenti li kienet intemmet matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tiġi rreġistrata biss wara t-tmiem tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

67

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ territorjalità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kif ukoll in-natura unitarja tagħha.

68

F’dan ir-rigward, l-EUIPO jsostni li, minħabba l-effett sospensiv tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx tiġi implimentata qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, b’tali mod li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex ser tkun protetta fit-territorju tar-Renju Unit, anki jekk tiġi finalment irreġistrata. Fir-rigward tat-trade mark preċedenti kkonċernata, din tkompli tibbenefika minn protezzjoni totali fir-Renju Unit, mingħajr ma tinkorri r-riskju ta’ dannu minħabba r-reġistrazzjoni jew l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fit-territorju tal-Unjoni.

69

Ir-rikors fl-ewwel istanza diġà pprovda lil Indo European Foods benefiċċju konkret billi pprekluda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, b’tali mod li l-għan tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni inkwistjoni, jiġifieri li jiġi prekluż kunflitt mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fit-territorju tar-Renju Unit, kien diġà ntlaħaq. L-interessi legali ta’ din il-parti, kif protetti mir-Regolament 2017/1001, ma jistgħux iktar jiġu affettwati minn deċiżjoni fuq il-mertu, irrispettivament mill-eżitu tagħha.

70

Din il-pożizzjoni hija kkonfermata mill-istruttura ġenerali tar-Regolament 2017/1001. Fil-fatt, skont l-EUIPO, anki fil-każ li r-rikors jintlaqa’, il-parti l-oħra tkun tista’, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-Artikolu 139 tar-Regolament 2017/1001, tittrasforma l-applikazzjoni tagħha f’applikazzjonijiet għal trade marks nazzjonali fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2021, billi żżomm il-prijorità tal-applikazzjoni inizjali, u b’hekk tikseb il-protezzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fl-istess territorju daqslikieku l-oppożizzjoni mressqa kontra l-imsemmija talba kienet ġiet miċħuda. Issa, fil-punt 26 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dan l-aspett speċifiku tal-kawża billi ċaħdet dawn il-kunsiderazzjonijiet għas-sempliċi raġuni li dawn japplikaw, bħala prinċipju, għal kull proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

71

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-EUIPO jsostni li l-punti 24 sa 26 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi tliet żbalji ta’ liġi. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-oneru tal-prova fir-rigward tar-rekwiżit tal-persistenza ta’ interess ġuridiku. Fil-fatt, hija sempliċement ċaħdet l-argument tal-EUIPO, minflok ma eżaminat l-argumenti ta’ Indo European Foods li hija kien għad għandha interess ġuridiku.

72

It-tieni nett, billi bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-punt dwar jekk, fl-astratt, id-dritt preċedenti setax, f’mument partikolari, jikkostitwixxi l-bażi tal-oppożizzjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq evalwazzjoni in concreto tal-persistenza tal-interess ġuridiku fid-dawl tal-elementi mfakkra fil-punti 65 sa 70 ta’ din is-sentenza.

73

It-tielet nett, is-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punt 26 tagħha, ma tippermettix li jinftiehem għaliex il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-EUIPO dwar l-assenza ta’ persistenza ta’ interess ġuridiku ta’ Indo European Foods, li jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

74

Indo European Foods tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

75

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegat ksur tar-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-oneru tal-prova dwar il-persistenza tal-interess ġuridiku, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, ċertament, il-Qorti Ġenerali rabtet formalment ir-raġunament tagħha dwar iż-żamma tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods mal-eżami tal-argumenti esposti mill-EUIPO. Madankollu, mir-raġunament espost mill-Qorti Ġenerali fil-punti 24 sa 28 tas-sentenza appellata jista’ jiġi dedott li, indipendentement mir-rilevanza tal-argumenti esposti mill-EUIPO, il-Qorti Ġenerali debitament ivverifikat li Indo European Foods kellha interess ġuridiku u kkonstatat li dan kien il-każ.

76

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija ġġustifikata li tqajjem ex officio u f’kull mument tal-proċedura n-nuqqas ta’ interess ta’ parti li żżomm it-talba tagħha, minħabba li jkun seħħ fatt wara d-data tal-att promotur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), peress li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà huwa eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il‑Kunsill, C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għalkemm għandha tagħti deċiżjoni biss fuq it-talba tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-kuntest tat-tilwima, il-qorti tal-Unjoni ma tistax neċessarjament tkun marbuta biss mill-argumenti invokati mill-partijiet insostenn tat-talbiet tagħhom, għax inkella jkollha, jekk ikun il-każ, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, din l-ewwel taqsima ta’ din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

78

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument li l-Qorti Ġenerali naqset, fil-punti 24 sa 27 tas-sentenza appellata, milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods, in-natura speċifika tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, il-prinċipju ta’ territorjalità kif ukoll il-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi rrilevat li dan huwa bbażat fuq il-premessa li, fir-rigward ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li tiċħad oppożizzjoni, iż-żamma ta’ interess ġuridiku quddiem il-Qorti Ġenerali għandha tiġi evalwata fid-dawl biss tal-interessi legali protetti mir-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea applikabbli u tiddependi għalhekk biss fuq il-punt dwar jekk jistax ikun hemm riskju ta’ kunflitt meta l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi.

79

Issa, din il-premessa, li tippreżupponi li qabelxejn jiġu limitati l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent li jippreżenta rikors skont l-Artikolu 72 tar-Regolament 2017/1001 meta mqabbel ma’ dak li jippreżenta rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, la hija sostnuta mit-testi applikabbli u lanqas mill-ġurisprudenza.

80

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza biss jirriżulta li l-eżistenza ta’ interess ġuridiku għal annullament tippreżupponi li, bl-eżitu tiegħu, ir-rikors jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-persuna li ppreżentatu (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55, kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2023, D & A Pharma vs EMA, C‑136/22 P, EU:C:2023:572 punt 43).

81

Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tiċħad oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, il-persuna li tkun ippreżentat tali oppożizzjoni tistax tikseb benefiċċju minn rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi evalwata b’mod konkret, fid-dawl tal-konsegwenzi kollha li jistgħu jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta’ illegalità eventwali li vvizzjat din id-deċiżjoni u tan-natura tad-dannu allegatament sostnut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 65).

82

Issa, f’dan il-każ, minn naħa, mill-eżami tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ dan l-appell jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkonstata li l-iskop tar-rikors ippreżentat minn Indo European Foods ma kienx intemm. Min-naħa l-oħra, mill-punti 10 sa 12 tas-sentenza appellata jirriżulta, essenzjalment, li d-deċiżjoni kontenzjuża kkonfermat iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni mressqa minn din il-parti abbażi tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001 ma kinux issodisfatti, b’tali mod li Indo European Foods ma setgħetx, skont din id-deċiżjoni, tibbenefika, għat-trade mark preċedenti inkwistjoni, mill-protezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, peress li huwa preċiżament il-ksur tal-imsemmija dispożizzjoni mill-Bord tal-Appell li Indo European Foods invokat insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-imsemmija deċiżjoni tippreġudika, b’mod partikolari, l-interessi ekonomiċi ta’ Indo European Foods, l-annullament tagħha jista’ jagħtiha benefiċċju.

83

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li, fil-punt 26 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, konformement mal-Artikolu 139 tar-Regolament 2017/1001, il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell tista’, jekk ir-rikors quddiem din l-istanza jintlaqa’, tittrasforma l-applikazzjoni tagħha għal trade mark f’applikazzjonijiet għal trade marks nazzjonali fl-Istati Membri kollha minn tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat preċedentement, din iċ-ċirkustanza ma taffettwax l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

84

Minn dan isegwi li t-tieni taqsima ta’ din il-parti, li hija bbażata fuq premessa żbaljata, għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata.

85

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali tiċħad l-argumenti tal-EUIPO dwar l-assenza ta’ persistenza ta’ interess ġuridiku ta’ Indo European Foods, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża, peress li l-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li bbażat ruħha fuqhom il-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, PlasticsEurope vs ECHA,C‑119/21 P, EU:C:2023:180, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Issa, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-punti 25 sa 27 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar, għalkemm impliċitament, li l-Qorti Ġenerali qieset li l-argumenti esposti mill-EUIPO dwar l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods ma kinux fondati sa fejn dan l-interess ġuridiku kien jeżisti fil-mument tal-preżentata tar-rikors u ma kienx intemm matul l-istanza quddiemha.

87

Din it-tielet taqsima ta’ din il-parti hija, konsegwentement, infondata, b’tali mod li t-tieni parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it‑tielet parti, ibbażata fuq il‑ksur tal‑Artikolu 72(6) tar‑Regolament Nru 2017/1001

– L‑argumenti tal‑partijiet

88

L-EUIPO, sostnut, essenzjalment, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isostni li l-punt 27 tas-sentenza appellata jimponilu, bi ksur tal-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, li ma jeżaminax jekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza għadx għandha interess li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-effetti tal-Artikolu 50(3) TUE kif ukoll tal-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ. Għalhekk, l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-konformità mal-obbligu stabbilit f’dan il-punt 27 timplika li l-EUIPO jeżamina, jew saħansitra jiċħad, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

89

B’mod partikolari, l-EUIPO jsostni li l-obbligu li jinsab fl-imsemmi punt 27 jimponilu li jeżamina r-raġuni relattiva għal rifjut inkwistjoni fir-rigward ta’ territorju li fih it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tista’ tibbenefika minn ebda protezzjoni, li jkun f’kontradizzjoni flagranti mal-loġika u mal-istruttura ġenerali tas-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament 2017/1001 ma jipprovdi ebda bażi legali li tawtorizza tali skonnessjoni bejn it-territorju rilevanti għall-eżami tal-imsemmija raġuni relattiva għal rifjut u t-territorju li fih ser tingħata l-protezzjoni. Dan l-obbligu jikser għalhekk ukoll ir-rekwiżit tal-persistenza ta’ interess ġuridiku kif ukoll l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001.

90

Indo European Foods tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

91

Skont l-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001, l-EUIPO għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jimplimenta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew, fil-każ ta’ appell minn dik is-sentenza, dik tal-Qorti tal-Ġustizzja.

92

Skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 266 TFUE, li tapplika mutatis mutandis għal dan l-Artikolu 72(6), li l-formulazzjoni tiegħu hija analoga, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li l-att tiegħu jkun ġie annullat għandu, sabiex jikkonforma ma’ sentenza ta’ annullament u jimplimentaha b’mod sħiħ, josserva mhux biss id-dispożittiv ta’ din is-sentenza, iżda wkoll il-motivi li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tiegħu, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż f’dan id-dispożittiv (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

93

Madankollu, mill-imsemmi Artikolu 72(6) jirriżulta li ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tagħti ordnijiet lill-EUIPO (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑29 ta’ Ġunju 2006, Creative Technology vs UASI, C‑314/05 P, EU:C:2006:441, punti 40 sa 42, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Issa, f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-punt 27 tas-sentenza appellata jikkostitwixxi biss risposta tal-Qorti Ġenerali għall-argument tal-EUIPO li Indo European Foods tilfet, matul l-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, l-interess tagħha li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża peress li, fil-każ ta’ annullament tagħha, il-Bord tal-Appell ikun obbligat jiċħad l-appell li jerġa’ jsir quddiemha, fin-nuqqas ta’ trade mark preċedenti protetta mid-dritt ta’ Stat Membru.

95

Għaldaqstant, dan il-punt jillimita ruħu, essenzjalment, sabiex jikkonstata l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk jikkostitwixxi biss is-sostenn indispensabbli tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali interess. Għalhekk, ma jistax jitqies li, permezz tiegħu, il-Qorti Ġenerali, bi ksur tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, imponiet fuq l-EUIPO l-allegati obbligi li huwa jidentifika fil-kuntest ta’ din il-parti tal-appell tiegħu.

96

Minn dan isegwi li din it-tielet parti tal-aggravju uniku, ibbażata fuq qari żbaljat tal-punt 27 tas-sentenza appellata, kif ukoll, konsegwentement, dan l-aggravju u l-appell kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq l‑ispejjeż

97

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

98

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

99

Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub minn Indo European Foods fil-motiv uniku tagħha.

100

Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

101

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intervenjenti f’dan l-appell, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

3)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top