Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0756

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Ġunju 2023.
    X vs International Protection Appeals Tribunal et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn High Court (l-Irlanda).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2004/83/KE – Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) – Kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant fil-valutazzjoni tal-elementi rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu – Portata – Kredibbiltà ġenerali ta’ applikant – Artikolu 4(5)(e) – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Proċeduri komuni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2005/85/KE – Eżami xieraq – Artikolu 8(2) u (3) – Stħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 39 – Portata – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ effettività – Terminu raġonevoli għal teħid ta’ deċiżjoni – Artikolu 23(2) u Artikolu 39(4) – Konsegwenzi ta’ ksur eventwali.
    Kawża C-756/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:523

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    29 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2004/83/KE – Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) – Kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant fil-valutazzjoni tal-elementi rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu – Portata – Kredibbiltà ġenerali ta’ applikant – Artikolu 4(5)(e) – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Proċeduri komuni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2005/85/KE – Eżami xieraq – Artikolu 8(2) u (3) – Stħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 39 – Portata – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ effettività – Terminu raġonevoli għal teħid ta’ deċiżjoni – Artikolu 23(2) u Artikolu 39(4) – Konsegwenzi ta’ ksur eventwali”

    Fil-Kawża C‑756/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Diċembru 2021, fil-proċedura

    X

    vs

    International Protection Appeals Tribunal,

    Minister for Justice and Equality,

    Ireland,

    Attorney General,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal X, minn B. Burns, solicitor, H. Hofmann, Rechtsanwalt, u P. O’Shea, BL,

    għal International Protection Appeals Tribunal, Minister for Justice and Equality, Ireland, u The Attorney General, minn M. Browne, C. Aherne u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn C. Donnelly, SC, E. Doyle, BL, u A. McMahon, BL,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u minn J.M. Hoogveld, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u L. Grønfeldt, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (5)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), kif ukoll tal-Artikolu 8(2) u (3), tal-Artikolu 23(2) u tal-Artikolu 39(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u, fl-ewwel lok, l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“IPAT”), fit-tieni lok, il-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda), fit-tielet lok, l-Irlanda u, fir-raba’ lok, l-Attorney General (l-Avukat Ġenerali, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem, flimkien, “IPAT et”), dwar iċ-ċaħda mill-IPAT tar-rikorsi tiegħu kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet tiegħu għal ażil u għal protezzjoni sussidjarja.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Id‑Direttiva 2004/83

    3

    Id-Direttiva 2004/83 ġiet issostitwita u mħassra bid‑Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). Madankollu, peress li l-Irlanda ma pparteċipatx fl-adozzjoni ta’ din l-aħħar direttiva u peress li ma hijiex marbuta biha, id-Direttiva 2004/83 tibqa’ tapplika għal dan l-Istat Membru.

    4

    L-Artikolu 2(a), (d), (e), (f), (g) u (k) tad-Direttiva 2004/83 fih id-definizzjonijiet li ġejjin:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a)

    ‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istat ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’(d) u (f);

    […]

    (d)

    ‘stat ta’ refuġjat’ ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

    (e)

    ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tiegħu jew tagħha, jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għalihom l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikawx, u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”.

    (f)

    ‘stat ta’ protezzjoni sussidjarja’ ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;

    (g)

    ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex stat ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

    […]

    (k)

    ‘pajjiż ta’ oriġini’ ifisser il-pajjiż jew pajjiżi ta’ nazzjonalità jew, għal persuni mingħajr stat, ta’ residenza abitwali ta’ qabel.”

    5

    Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva:

    “1.   L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir ta’ l-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’koperazzjoni ma’ l-applikant huwa d-dmir ta’ l-Istat Membru li jistma l-elementi rilevanti ta’ l-applikazzjoni.

    2.   L-elementi riferiti fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni ta’ l-applikanti rigward l-eta ta’ l-applikant, l-ambjent minfejn ikun ġej, inkluż dak ta’ qraba rilevanti, identita, nazzjonalita(jiet), pajjiż(i) u post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, applikazzjonijiet ta’ asil ta’ qabel, rotti ta’ vjaġġar, dokumenti ta’ identita u ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

    3.   L-istima ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi li jitqiesu:

    (a)

    il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ l-oriġin fil-ħin tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni; inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż ta’ l-oriġini u l-manjiera li fiha jiġu applikati;

    (b)

    id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti presentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

    (ċ)

    il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, sess u eta, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikun jammonta għal persekuzzjoni jew periklu serju;

    […]

    4.   Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-perikolu, huwa indikazzjoni serja tal-biża bir-raġun ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri periklu serju, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin li jista’jitqies li din il-persekuzzjoni jew periklu serju ma jiġix ripetut.

    5.   Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skond liema huwa d-dmir ta’ l-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

    (b)

    l-elementi rilevanti kollha, għad-dispożizzjoni ta’ l-applikant, ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li għandha x’taqsam ma’ nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

    (ċ)

    id-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ ta’ l-applikant;

    (d)

    l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali fil-ħin l-aktar kmien possibbli, sakemm l-applikant jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u

    (e)

    il-kredibilità ġenerali ta’ l-applikant tkun ġiet stabbilita.”

    6

    L-Artikolu 15(ċ) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat b’dan il-mod:

    “Periklu serju jikkonsisti minn:

    […]

    (ċ)

    theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

    Id-Direttiva 2005/85

    7

    Id-Direttiva 2005/85 ġiet issostitwita u mħassra bid-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 180, p. 60). Madankollu, peress li l-Irlanda ma pparteċipatx fl-adozzjoni ta’ din l-aħħar direttiva u ma hijiex marbuta biha, id-Direttiva 2005/85 tibqa’ tapplika għal dan l-Istat Membru.

    8

    Il-premessa 11 tad-Direttiva 2005/85 tistipula:

    “Huwa fl-interess kemm ta’ l-Istati Membri kif ukoll ta’ l-applikanti għall-ażil li jiġu deċiżi kemm jista’ jkun malajr l-applikazzjonijiet għall-ażil. L-organizzazzjoni ta’ l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-ażil għandha titħalla għad-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, sabiex, skond il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, ikunu jistgħu jipprijoritizzaw jew jaċċeleraw il-proċessar ta’ kull applikazzjoni, b’kont meħud ta’ l-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva.”

    9

    L-Artikolu 2(b) sa (e) ta’ din id-direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    (b)

    ‘applikazzjoni’ jew ‘applikazzjoni għall-ażil’ tfisser applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida li tista’ tiġi mifhuma bħala talba għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru taħt il-[Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967]. Kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija preżunta applikazzjoni għall-ażil, sakemm il-persuna konċernata ma titlobx b’mod espliċitu xi protezzjoni oħra li għaliha tista’ ssir applikazzjoni separatament;

    (ċ)

    ‘applikant’ jew ‘applikant għall-ażil’ tfisser ċittadin jew ċittadina ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jagħmlu applikazzjoni għall-ażil li fir-rigward tagħha ma tkunx għadha ġiet meħuda deċiżjoni finali;

    (d)

    ‘deċiżjoni finali’ tfisser deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin jew ċittadina ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida jingħatawx stat ta’ rifuġjat taħt id-Direttiva 2004/83/KE u li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitolu V ta’ din id-Direttiva irrispettivament jekk tali rimedju għandux l-effett li jippermetti applikanti jibqgħu fl-Istati Membri konċernati sa l-eżitu tagħha, suġġett għall-Anness III ta’ din id-Direttiva;

    (e)

    ‘awtorità determinanti’ tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil, u kompetenti sabiex jieħu, fl-istadju ta’ prim’istanza, deċiżjonjiet f’tali każijiet, suġġett għall-Anness I”.

    10

    L-Artikolu 8(2) u (3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-ażil jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dik il-fini, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li

    (a)

    l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u d-deċiżjonijiet jiġu meħuda individwalment, oġġettivament u imparzjalment;

    (b)

    tiġi miksuba informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi varji, bħall-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR), rigward is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fil-pajjiżi ta’ origini ta’ l-applikanti għall-ażil u, fejn meħtieġ, f’pajjiżi li għaddew minnhom, u li tali informazzjoni issir disponibbli għall-persunal responsabbli mill-eżami ta’ l-applikazzjonijiet u mit-teħid ta’ deċiżjonijiet;

    (ċ)

    il-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet ikollu l-konoxxenza ta’ l-istandards relevanti applikabbli fil-qasam tal-liġi dwar l-ażil u dwar ir-rifuġjati.

    3.   L-awtoritajiet imsemmija fil-Kapitolu V għandhom, permezz ta’ l-awtorità determinanti jew ta’ l-applikant jew diversament, ikollhom aċċess għall-informazzjoni ġenerali msemmija fil-paragrafu 2(b), li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompitu tagħhom.”

    11

    L-Artikolu 23(1) u (2) tal-istess direttiva jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-ażil permezz ta’ proċedura ta’ eżami skond il-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali proċedura tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ma tistax tittieħed deċiżjoni fi żmien sitt xhur, l-applikant konċernat għandu jew

    (a)

    jiġi informat bid-dewmien; jew

    (b)

    jirċievi, fuq talba tiegħu, informazzjoni dwar il-medda ta’ żmien li fih tkun mistennija li tingħata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu. Tali informazzjoni ma għandhiex tikkostitwixxi xi obbligu għall-Istat Membru, fir-rigward ta’ l-applikant konċernat, li jieħu deċiżjoni fil-limiti ta’ dik il-medda ta’ żmien.”

    12

    L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2005/85 jipprevedi:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 19 u 20, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-ażil bħala bla bażi biss jekk l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jikkwalifikax għall-istatus ta’ rifuġjat skond id-Direttiva 2004/83/KE.”

    13

    Skont l-Artikolu 39(1)(a) u (4) tad-Direttiva 2005/85:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

    (a)

    deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil […]

    […]

    4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu termini ta’ żmien għall-qorti jew tribunal skond il-paragrafu 1 sabiex tiġi eżaminata d-deċiżjoni ta’ l-awtorità determinanti.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    14

    X huwa ċittadin Pakistani, li daħal fl-Irlanda fl-1 ta’ Lulju 2015, wara li rrisjeda, mis-sena 2011 sas-sena 2015, fir-Renju Unit fejn huwa ma ppreżentax applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

    15

    Fit‑2 ta’ Lulju 2015, X ippreżenta fl-Irlanda applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Din it-talba, li inizjalment kienet ibbażata fuq dikjarazzjoni falza li X irtira waqt l-ewwel intervista tiegħu, kienet tibbaża fuq il-fatt li huwa kien sab ruħu fil-viċinanza immedjata tal-isplużjoni ta’ bomba waqt attentat terroristiku li seħħ waqt funerali fil-Pakistan u li qatlet madwar erbgħin persuna, fosthom żewġ persuni li huwa kien jaf. Huwa jsostni li ġie affettwat profondament minn dan l-avveniment, b’tali mod li huwa kien jibża’ jgħix fil-Pakistan u kien jibża’ li jsofri perikolu serju jekk huwa jintbagħat lura. Huwa jsostni li jsofri minn ansjetà, dipressjoni u problemi ta’ rqad. L-imsemmija applikazzjoni ġiet miċħuda mir-Refugee Applications Commissioner (il-Kummissarju Responsabbli għall-Applikazzjonijiet tar-Refuġjati, l-Irlanda) permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2016.

    16

    Fit‑2 ta’ Diċembru 2016, X ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell tar-Refuġjati, l-Irlanda). Il-proċedura dwar dan l-appell ġiet sospiża minħabba emendi leġiżlattivi li saru fil‑31 ta’ Diċembru 2016, minħabba d-dħul fis-seħħ tal-International Protection Act 2015 (il-Liġi tal-2015 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali) li għaqdet id-diversi proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali previsti qabel u ħolqot, b’mod partikolari, l-International Protection Office (l-Uffiċċju għall-Protezzjoni Internazzjonali, iktar ’il quddiem l-“IPO”) u l-IPAT.

    17

    Fit‑13 ta’ Marzu 2017, X ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja. Iċ-ċaħda ta’ din it-talba mill-IPO, kienet ukoll appellata quddiem l-IPAT.

    18

    Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2019, l-IPAT ċaħdet iż-żewġ appelli.

    19

    Fis‑7 ta’ April 2019, X ippreżenta rikors quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) fejn talab l-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-IPAT.

    20

    Insostenn ta’ dan ir-rikors, huwa jsostni, l-ewwel, li l-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini kkonsultata mill-IPAT, mill-2015 sal-2017, kienet inkompleta u skaduta, b’tali mod li l-IPAT ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni prevalenti fil-Pakistan fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2019. Barra minn hekk, l-IPAT ma eżaminatx b’mod xieraq l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha.

    21

    It-tieni, it-terminu sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba tat‑2 ta’ Lulju 2015 huwa manifestament irraġonevoli u jippreġudika l-prinċipju ta’ effettività, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u r-regoli proċedurali minimi stabbiliti mid-Direttiva 2005/85.

    22

    It-tielet, l-IPAT ġiet informata bl-istat ta’ saħħa mentali ta’ X, iżda naqset milli tiżgura ruħha li kellha l-provi kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tiddeċiedi korrettament fuq it-talbiet. B’mod partikolari, l-IPAT kellha titlob perizja medika-legali, użata ġeneralment insostenn tal-applikazzjoni għall-ażil ta’ persuna li tkun ġarrbet atti ta’ tortura, jew saħansitra perizja oħra dwar l-istat ta’ saħħa mentali tagħha.

    23

    Ir-raba’, għal dak li jikkonċerna elementi oħra rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu, X ma ngħatax il-benefiċċju tad-dubju, minkejja li l-istat ta’ saħħa mentali tiegħu ma ġiex debitament ikkonstatat u meħud inkunsiderazzjoni. B’hekk, ċerti elementi rilevanti tal-argumenti tiegħu ma ġewx ivverifikati jew ġew injorati u ma kien hemm ebda kooperazzjoni bejnu u bejn l-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-imsemmija perizja medika-legali.

    24

    Il-ħames, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, ikkaratterizzati mill-fatt li l-applikant ammetta li l-istorja tiegħu preċedenti tal-allegati avvenimenti kienet falza u li teżisti għall-inqas possibbiltà li huwa jsofri minn problemi ta’ saħħa mentali, ikun irraġonevoli li jiġi konkluż li X ma huwiex kredibbli fir-rigward tal-aspetti essenzjali tal-argument tiegħu.

    25

    F’dan ir-rigward, il-High Court (il-Qorti Għolja) tosserva, qabelxejn, li l-IPAT ma kisbitx l-informazzjoni aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini u lanqas perizja medika-legali. Madankollu, hija tistaqsi jekk l-IPAT kinitx marbuta, skont id-dritt tal-Unjoni, li tikseb tali perizja u jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li teżiġi, konformement mad-dritt nazzjonali, li X jistabbilixxi, sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-IPAT, anki l-eżistenza ta’ dannu li jirriżulta minn dan in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dmir.

    26

    Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema konsegwenzi hija għandha tislet mill-fatt li għaddew iktar minn tliet snin u nofs bejn it-tressiq tal-applikazzjoni tat‑2 ta’ Lulju 2015 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-IPAT fis‑7 ta’ Frar 2019, terminu għal deċiżjoni li hija tista’ tqis irraġonevoli.

    27

    Fl-aħħar nett, din il-qorti tesprimi dubji dwar il-fatt li dikjarazzjoni falza waħda biss, li kienet is-suġġett ta’ spjegazzjoni min-naħa ta’ X qabel ma dan irtiraha hekk kif ippreżentat ruħha okkażjoni, tista’ tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika l-kontestazzjoni tal-kredibbiltà ġenerali ta’ X.

    28

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fil-każ li, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja minn applikant, kien hemm ksur totali tad-dmir ta’ kooperazzjoni deskritt fil-punt 66 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. vs Minister for Justice, Equality and Law Reform and Ors, tat‑22 ta’ Novembru 2012, (C‑277/11) (1), EU:C:2012:744), l-eżami ta’ din l-applikazzjoni ġie mċaħħad ‘mill-effettività kollha’ tiegħu fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, tal-15 ta’ Ottubru 2015 (C‑137/14 [EU:C:2015:683])?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-ksur imsemmi iktar ’il fuq tad-dmir ta’ kooperazzjoni, jagħti, fih innifsu, id-dritt lill-applikant għall-annullament tad-deċiżjoni?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, fuq min jaqa’, skont il-każ, l-oneru tal-prova sabiex jiġi stabbilit li d-deċiżjoni ta’ ċaħda setgħet tkun differenti li kieku kien hemm kooperazzjoni xierqa min-naħa tal-persuna li tiddeċiedi?

    4)

    In-nuqqas li tittieħed deċiżjoni fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ applikant f’terminu raġonevoli jagħti lok, favur dan tal-aħħar, ta’ dritt għal annullament ta’ deċiżjoni meta din tittieħed?

    5)

    Iż-żmien li jittieħed għat-twettiq ta’ bidliet fil-kuntest applikabbli għall-protezzjoni tal-applikanti għal ażil fi Stat Membru għandu l-effett li jeżenta lil dan l-Istat Membru mill-applikazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni internazzjonali li tkun żgurat li deċiżjoni tiġi adottata fir-rigward ta’ tali applikazzjoni għal protezzjoni f’terminu raġonevoli?

    6)

    Meta persuna li tiddeċiedi dwar protezzjoni internazzjonali ma jkollhiex provi biżżejjed fir-rigward tal-istat tas-saħħa mentali ta’ applikant, iżda jkollha ċerti elementi li jistabbilixxu l-possibbiltà li l-applikant isofri minn problemi ta’ dan it-tip, din il-persuna li tiddeċiedi għandha, b’mod konformi mad-dmir ta’ kooperazzjoni msemmi fis-sentenza M. vs Minister for Justice, Equality and Law Reform and Ors, tat‑22 ta’ Novembru 2012 (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 66), jew kwalunkwe bażi oħra, id-dmir li twettaq investigazzjonijiet ulterjuri, jew xi dmir ieħor, qabel ma tieħu deċiżjoni finali?

    7.

    Meta Stat Membru jwettaq id-dmir tiegħu li jevalwa l-elementi rilevanti ta’ applikazzjoni, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2004/83], huwa permess li jiġi ddikjarat li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant ma ġietx stabbilita, u dan minħabba gidba waħda, li ġiet spjegata u rtirata sussegwentement fl-ewwel opportunità raġonevoli disponibbli għalih, mingħajr ebda element ieħor f’dan ir-rigward?”

    Fuq il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    29

    Il-qorti tar-rinviju talbet li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    30

    Fis‑17 ta’ Diċembru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tilqa’ din it-talba, peress li din il-qorti ma kienet ipproduċiet ebda element li jippermetti li jiġi kkonstatat li kien hemm urġenza li tingħata deċiżjoni dwar din il-kawża. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti la semmiet sitwazzjoni ta’ detenzjoni ta’ X u lanqas a fortiori ma esponiet ir-raġunijiet li għalihom ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja setgħu jkunu determinanti għal eventwali liberazzjoni tiegħu.

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

    31

    Fl-ewwel lok, IPAT et jirrilevaw li, bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi l-formulazzjoni tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx ksur totali tad-dmir ta’ kooperazzjoni li kellhom l-awtoritajiet kompetenti u lanqas ma setgħet tagħmel tali konstatazzjoni abbażi tal-fatti tal-kawża pendenti quddiemha. Din il-kwistjoni hija, għaldaqstant, ipotetika u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, sabiex tagħti deċiżjoni determinanti fuq il-fatti tal-kawża prinċipali, li ma huwiex fil-ġurisdizzjoni tagħha. Issa, tali kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għat-tieni u għat-tielet domanda, minħabba r-rabta tagħhom fil-qrib mal-ewwel domanda.

    32

    Fit-tieni lok, ir-raba’ u l-ħames domanda huma wkoll ipotetiċi, peress li l-High Court (il-Qorti Għolja) ma kkonstatatx nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli.

    33

    Fit-tielet lok, risposta għas-sitt domanda ma hijiex neċessarja, peress li l-IPAT ħadet inkunsiderazzjoni provi mediċi prodotti minn X, mingħajr ma qegħdithom inkwistjoni.

    34

    Fir-raba’ lok, is-seba’ domanda hija ipotetika, peress li X ippreċiża li ma jikkontestax il-konklużjonijiet tal-IPAT dwar il-kredibbiltà tiegħu u li l-gideb ammess ma kienx, bil-kontra ta’ dak li tinsinwa din il-kwistjoni, l-uniku element li wassal lill-IPAT sabiex tikkunsidra li l-kredibbiltà ta’ X ma kinitx stabbilita. Fil-fatt, kien biss tardivament ħafna li X semma elementi prinċipali relatati mal-ġrajjiet fil-passat u ma talabx il-protezzjoni internazzjonali fl-applikazzjoni inizjali tiegħu.

    35

    Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni li tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022, VD u SR, C‑339/20 u C‑397/20, EU:C:2022:703, punt 56).

    36

    Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022, VD u SR, C‑339/20 u C‑397/20, EU:C:2022:703, punt 57).

    37

    Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Centre public d’action sociale de Liège (Irtirar jew sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn), C‑825/21, EU:C:2022:810, punt 35).

    38

    Għaldaqstant, peress li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li jagħmlu parti minnu d-domandi li hija qiegħda tagħmel, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza ta’ dan (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 50).

    39

    Fil-każ ineżami, fl-ewwel lok, mill-ewwel sat-tielet domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-punti ta’ fatt deskritti jikkostitwixxux ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni u liema konsegwenzi hija għandha, jekk ikun il-każ, tislet minn tali konstatazzjoni, fid-dawl tal-limiti li d-dritt nazzjonali jimponi fuq il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti. Kuntrarjament għal dak li jallegaw IPAT et, dawn id-domandi ma għandhom xejn ipotetiku, peress li huma fil-qalba tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tirrispondi għal dawn id-domandi billi tinterpreta d-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, tista’ tipproċedi mingħajr ma tagħti deċiżjoni determinanti fuq il-fatti fil-kawża prinċipali.

    40

    Fit-tieni lok, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-High Court (il-Qorti Għolja) tipprevedi li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli, ir-raba’ u l-ħames domanda ma jistgħux ikunu ipotetiċi minħabba s-sempliċi fatt li din il-qorti għadha ma għamlitx tali konstatazzjoni.

    41

    Fit-tielet lok, il-fatt li l-IPAT ħadet inkunsiderazzjoni l-provi mediċi prodotti minn X, mingħajr ma kkontestahom, bl-ebda mod ma jinvalida r-rilevanza tas-sitt domanda li tirrigwarda l-eventwali obbligu li titwettaq perizja medika-legali addizzjonali.

    42

    Fir-raba’ lok, permezz tal-oġġezzjonijiet tagħhom għall-ammissibbiltà tas-seba’ domanda, IPAT et jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ukoll l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar fir-rigward tar-rilevanza ta’ din id-domanda għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tissostitwixxi ruħha għall-qorti tar-rinviju la f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-fatti u lanqas fir-rigward ta’ tali evalwazzjoni.

    43

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-oġġezzjonijiet magħmula minn IPAT et dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    Fuq l‑ewwel u s‑sitt domanda, dwar id‑dmir ta’ kooperazzjoni

    44

    Permezz tal-ewwel u tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ kooperazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni jimponi fuq l-awtorità determinanti li tikseb, minn naħa, informazzjoni aġġornata dwar il-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw is-sitwazzjoni ġenerali eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u ta’ protezzjoni internazzjonali kif ukoll, min-naħa l-oħra, perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tiegħu, meta jkun hemm indizji ta’ problemi ta’ saħħa mentali li jistgħu jirriżultaw minn avveniment trawmatiku li seħħ f’dan il-pajjiż ta’ oriġini.

    45

    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 huwa, hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, relatat ma’ “Stima [evalwazzjoni] ta’ fatti u ċirkostanzi”.

    46

    Skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, minn naħa, l-Istati Membri jistgħu jqisu li huwa d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Min-naħa l-oħra, huwa d-dmir tal-Istat Membru li jevalwa, b’kooperazzjoni mal-applikant, l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

    47

    Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi ssir f’żewġ stadji distinti. L-ewwel stadju jikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn tal-applikazzjoni, filwaqt li t-tieni stadju jikkonċerna l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-provi, li tikkonsisti f’li jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-fatti li jikkaratterizzaw każ speċifiku, il-kundizzjonijiet bażiċi previsti fl-Artikoli 9 u 10 jew 15 tad-Direttiva 2004/83 għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali humiex issodisfatti (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 64).

    48

    Madankollu, għalkemm, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, huwa l-applikant li għandu jippreżenta, kemm jista’ jkun malajr, l-elementi kollha neċessarji sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom, jekk ikun il-każ, jikkooperaw b’mod attiv miegħu sabiex jiddeterminaw u jikkompletaw l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni, peress li dawn l-awtoritajiet huma, barra minn hekk, ta’ spiss f’pożizzjoni aħjar mill-applikant sabiex ikollhom aċċess għal ċerti tipi ta’ dokumenti (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 6566).

    49

    Għal dak li jirrigwarda l-ambitu ta’ din il-kooperazzjoni, mill-kuntest li minnu tagħmel parti din id-dispożizzjoni u b’mod partikolari, minn naħa, mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85 jirriżulta li l-awtorità determinanti hija inkarigata li twettaq eżami xieraq tal-applikazzjonijiet u wara tagħti d-deċiżjoni tagħha dwarhom (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 40).

    50

    B’mod partikolari, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evalwazzjoni li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux jew le theddida tali li l-persuna kkonċernata tista’ bir-raġun tibża’, fid-dwal tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li tkun effettivament is-suġġett ta’ atti ta’ persekuzzjoni għandha, fil-każijiet kollha, issir b’viġilanza u prudenza, peress li huma inkwistjoni kwistjonijiet ta’ integrità tal-persuna umana u tal-libertajiet individwali, kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-valuri fundamentali tal-Unjoni (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑178/08, C‑176/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punti 8990).

    51

    Minn naħa l-oħra, mill-Artikolu 4(3)(a) sa (ċ) u (5) tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tinkludi evalwazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż tal-oriġini tal-persuna kkonċernata fil-mument li tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, informazzjoni u dokumenti rilevanti ppreżentati minn dan kif ukoll il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali ta’ dan tal-aħħar. Fejn xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra wkoll l-ispjegazzjonijiet fornuti għal dak li jirrigwarda l-assenza ta’ provi u l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 41).

    52

    Għandu wkoll jitfakkar li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-ażil bħala infondata biss jekk l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitlob l-istatus ta’ rifuġjat skont id-Direttiva 2004/83.

    53

    Għaldaqstant, meta persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikoli 9 u 10 jew 15 tad-Direttiva 2004/83 sabiex tibbenefika mill-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri huma obbligati, bla ħsara għar-raġunijiet ta’ esklużjoni previsti minn din id-direttiva, jagħtu l-protezzjoni internazzjonali mitluba, peress li dawn l-Istati ma għandhomx setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 48 sa 53 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-obbligu ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 jimplika li l-awtorità determinanti, f’dan il-każ l-IPO, ma tistax twettaq eżami xieraq tal-applikazzjonijiet u lanqas, għaldaqstant, tiddikjara applikazzjoni infondata mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni, fil-mument li tagħti deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, minn naħa, il-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw is-sitwazzjoni ġenerali eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-elementi rilevanti kollha marbuta mal-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant.

    55

    Fir-rigward tal-fatti rilevanti dwar is-sitwazzjoni ġenerali eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 u tal-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2005/85 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni ġenerali eżistenti fil-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti għall-ażil u, jekk ikun il-każ, fil-pajjiżi li minnhom ikunu għaddew (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 67).

    56

    Fir-rigward tal-elementi rilevanti marbuta mal-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/85 ma jillimitawx il-mezzi li jista’ jkollhom l-awtoritajiet kompetenti u, b’mod partikolari, ma jeskludux l-użu tal-perizji fil-kuntest tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi sabiex jiġu ddeterminati b’iktar preċiżjoni l-bżonnijiet reali ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant, bil-kundizzjoni li l-modalitajiet ta’ eventwali użu, f’dan il-kuntest, ta’ perizja jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni rilevanti, b’mod partikolari mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punti 34 sa 35).

    57

    L-evalwazzjoni individwali hekk meħtieġa tista’ għalhekk tinkludi b’mod partikolari l-użu ta’ perizja medika-legali, jekk tali perizja tirriżulta neċessarja jew rilevanti sabiex jiġu evalwati, bil-viġilanza u bil-prudenza meħtieġa, il-bżonnijiet reali ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant, bil-kundizzjoni li l-modalitajiet ta’ tali użu jkunu konformi, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

    58

    Minn dan jirriżulta li l-awtorità determinanti għandha marġni ta’ diskrezzjoni dwar in-neċessità u r-rilevanza ta’ tali perizja u li, meta tikkonstata tali neċessità jew tali rilevanza, hija għandha tikkoopera mal-applikant sabiex tiksibha, fil-limiti msemmija fil-punt preċedenti.

    59

    Fl-aħħar nett, sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi, b’mod iktar partikolari, dwar jekk il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 54 sa 58 ta’ din is-sentenza japplikawx ukoll għall-IPAT, għandu jiġi rrilevat li din il-qorti ppreċiżat, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li mil-leġiżlazzjoni Irlandiża applikabbli jirriżulta li l-IPAT hija mitluba twettaq stħarriġ sħiħ u ex nunc tad-deċiżjonijiet tal-IPO, li għandu, b’mod partikolari, is-setgħa li jeżiġi li l-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza jwettaq investigazzjonijiet jew jipprovdilu informazzjoni u li l-IPAT tista’, b’mod partikolari skont tali elementi, tikkonferma d-deċiżjonijiet tal-IPO jew tannullahom u tirrakkomanda, b’mod vinkolanti, li jingħata l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja.

    60

    F’tali ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija konstatazzjonijiet japplikaw ukoll għall-IPAT. Fil-fatt, tali stħarriġ tal-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni tal-IPO jimplika l-kisba u l-eżami tal-informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant li fuqha tkun ibbażata, fost oħrajn, din id-deċiżjoni, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu ordnati miżuri istruttorji, sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni ex nunc. L-IPAT tista’ għalhekk tkun obbligata tikseb u teżamina tali informazzjoni preċiża u aġġornata, inkluż perizja medika-legali meqjusa rilevanti jew neċessarja.

    61

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ kooperazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni jimponi fuq l-awtorità determinanti li tikseb, minn naħa, informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw is-sitwazzjoni ġenerali eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll, min-naħa l-oħra, perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tiegħu, meta jkunu jeżistu indizji ta’ problemi ta’ saħħa mentali li jistgħu jirriżultaw minn avveniment trawmatiku li seħħ f’dan il-pajjiż ta’ oriġini u meta l-użu ta’ tali perizja jkun neċessarju jew rilevanti sabiex jiġu evalwati l-bżonnijiet reali ta’ protezzjoni internazzjonali tal-imsemmi applikant, bil-kundizzjoni li l-modalitajiet ta’ użu ta’ tali perizja jkunu konformi, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

    Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda, dwar il‑konsegwenzi proċedurali li jirriżultaw minn ksur tad‑dmir ta’ kooperazzjoni

    62

    Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tat-tieni livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst mid-dritt nazzjonali, ta’ ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni, għandha twassal, waħedha, għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-appell ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jew jekk jistax jiġi impost fuq l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali li juri li d-deċiżjoni li tiċħad l-appell setgħet kienet differenti fl-assenza ta’ tali ksur.

    63

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fir-risposta tagħha għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-IPAT għandha titqies li hija qorti tal-ewwel istanza li lilha ġew fdati l-kompiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju previsti fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85. Huwa abbażi ta’ dan li hija mitluba twettaq l-istħarriġ komplet invokat fil-punt 59 tas-sentenza preżenti, li jimplika li hija għandha l-kompetenza sabiex tagħti deċiżjoni ex nunc abbażi tal-elementi prodotti quddiemha, u jekk ikun il-każ fuq it-talba tagħha, u li hija awtorizzata tikkonferma jew tannulla, skont dawn l-elementi, deċiżjoni tal-IPO u, jekk ikun il-każ, tirrakkomanda, b’mod vinkolanti, li l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja għandu jingħata. Għandu jingħad ukoll li ma ġiex allegat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li minn ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-istħarriġ ġudizzjarju li l-IPAT hija għalhekk mitluba teżerċita fuq id-deċiżjonijiet tal-IPO li jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu 39.

    64

    Minn din it-talba u minn din ir-risposta jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha, min-naħa tagħha, titqies li hija qorti tat-tieni istanza inkarigata, kif hija ppreċiżat, bl-istħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-IPAT limitat, minn naħa, għall-eċċess ta’ poter, għall-iżbalji ta’ liġi jew sostanzjali ta’ fatt, għan-natura irrazzjonali jew sproporzjonata ta’ tali deċiżjoni u għall-ksur tal-prinċipji ta’ ekwità tal-proċeduri jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll, min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ tali illegalità, għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet u għar-rinviju tal-kawżi quddiem din tal-aħħar.

    65

    Kif ippreċiżat ukoll din il-qorti, hija għandha, madankollu, tastjeni milli tiddeċiedi tali annullament u tali rinviju jekk jidher li, anki fl-assenza ta’ illegalità kkonstatata, id-deċiżjoni tal-IPAT ma setgħetx tkun differenti. Fil-fatt, id-dritt Irlandiż jimponi fuq il-parti li titlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni l-oneru li tipprova li l-imsemmija deċiżjoni setgħet kienet differenti fl-assenza ta’ din l-illegalità.

    66

    Issa, peress li d-Direttiva 2005/85 ma tinkludi ebda regola dwar il-possibbiltà li jsir appell mid-deċiżjoni li tiddeċiedi dwar l-appell minn deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew li tirregola espliċitament is-sistema ta’ eventwali appell, għandu jitqies li l-protezzjoni mogħtija mill-imsemmi Artikolu 39, moqri fid-dawl tal-Artikoli 18 u 47 tal-Karta, hija limitata għall-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju u ma teżiġix l-istabbiliment ta’ diversi livelli ta’ ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Effett sospensiv tal-appell), C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 33).

    67

    Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa għalhekk, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jiddeċiedi dwar l-istabbiliment eventwali ta’ tieni livell ta’ ġurisdizzjoni kontra sentenza li tiddeċiedi dwar rikors intiż għal deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li jirregola, jekk ikun il-każ, il-modalitajiet proċedurali ta’ dan it-tieni livell ta’ ġurisdizzjoni, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli milli f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività). (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Effett sospensiv tal-appell), C‑180/17, EU:C:2018:775, punti 3435, kif ukoll tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 42).

    68

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għad-domanda li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-modalitajiet proċedurali invokati fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza japplikaw dejjem għall-istħarriġ tat-tieni livell li din il-qorti teżerċita, kemm meta s-sitwazzjoni taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni kif ukoll meta taqa’ taħt id-dritt intern.

    69

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, ma jidhirx li l-oneru li jintwera li, fl-assenza ta’ ksur ikkonstatat tal-obbligu ta’ kooperazzjoni, id-deċiżjoni tal-IPO u/jew dik tal-IPAT setgħet tkun differenti jrendi impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, aspett li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    70

    Fil-fatt, minn naħa, tali oneru lanqas ma jidher li jimplika li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu juri li d-deċiżjoni kienet tkun differenti fl-assenza ta’ dan il-ksur, iżda biss li ma jistax jiġi eskluż li d-deċiżjoni setgħet kienet differenti.

    71

    Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta mill-bidu nett jew jekk l-awtorità kompetenti jirnexxielha turi quddiem il-qorti tar-rinviju, jekk ikun il-każ b’risposta għall-allegazzjonijiet tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali, li, anki fl-assenza tal-imsemmi ksur, id-deċiżjoni fl-ebda każ ma setgħet tkun differenti, ma jidhirx li hemm drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni li l-eżerċizzju tagħhom isir impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tippreżenta ruħha bħala li teżerċita hija stess stħarriġ fuq il-fondatezza tal-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li, f’tali każ, annullament u r-rinviju tal-kawża quddiem l-IPAT jirriskjaw li sempliċement jiddupplikaw dan l-istħarriġ u jtawwlu bla bżonn il-proċedura.

    72

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tat-tieni livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst mid-dritt nazzjonali, ta’ ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni, ma għandhiex neċessarjament twassal, waħedha, għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-appell ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, peress li jista’ jiġi impost fuq l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali li juri li d-deċiżjoni li tiċħad l-appell setgħet kienet differenti fl-assenza ta’ tali ksur.

    Fuq ir‑raba’ u l‑ħames domanda, dwar it‑terminu raġonevoli

    73

    Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2005/85, għandux jiġi interpretat fis-sens li t-termini li ddekorrew bejn, minn naħa, il-preżentata tal-applikazzjoni għall-ażil, u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtorità determinanti u tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti, jistgħu jiġu ġġustifikati minn emendi leġiżlattivi li saru fl-Istat Membru matul dawn il-perijodi ta’ żmien u, jekk dan ma kienx il-każ, jekk in-natura mhux raġonevoli ta’ xi wieħed minn dawn it-termini ta’ żmien tistax twassal, waħedha, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti.

    74

    Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 89 sa 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-istruttura, mil-loġika u mill-għanijiet tad-Direttiva 2005/85 jirriżulta, qabelxejn, li għandha ssir distinzjoni bejn it-termini previsti, rispettivament, fl-Artikolu 23(2) u fl-Artikolu 39(4) tagħha, fejn l-ewwel wieħed japplika għall-proċedura amministrattiva, filwaqt li t-tieni wieħed jirrigwarda l-proċedura ġudizzjarja.

    75

    Sussegwentement, kif jirriżulta wkoll mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-imsemmija termini ma humiex ta’ natura vinkolanti għat-teħid ta’ deċiżjoni.

    76

    Fl-aħħar nett, peress li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura amministrattiva titlesta malajr kemm jista’ jkun, peress li t-tieni waħda minnhom tippermetti espressament lill-Istati Membri jistabbilixxu termini għall-eżami mill-qorti kompetenti tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità determinanti u peress li l-premessa 11 tad-Direttiva 2005/85 tindika li huwa fl-interess kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti li l-applikazzjonijiet jiġu deċiżi malajr kemm jista’ jkun, din id-direttiva titlob il-ħeffa fl-eżami kemm tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll tal-appelli ppreżentati kontra, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet li jiċħdu tali applikazzjonijiet.

    77

    Fil-fatt, l-effettività tal-aċċess għall-istatus mogħti mill-protezzjoni internazzjonali teħtieġ li l-eżami tal-applikazzjoni jsir f’terminu ta’ żmien raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, N., C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 45). Barra minn hekk, mill-kliem stess tal-Artikolu 47 tal-Karta jirriżulta li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva teżiġi li l-kawża ta’ persuna tinstema’, b’mod partikolari, f’terminu raġonevoli minn qorti.

    78

    Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk id-deċiżjonijiet meħuda fi tmiem il-fażi amministrattiva mill-IPO u fi tmiem il-proċedura ġudizzjarja tal-ewwel istanza mill-IPAT, rispettivament, ġewx adottati f’terminu raġonevoli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

    79

    Għal dak li jirrigwarda dawn iċ-ċirkustanzi, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta tul il-proċedura ma jkunx stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura “raġonevoli” tal-perijodu ta’ żmien li l-istituzzjoni tieħu sabiex tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha partikolari għal kull kawża u, b’mod partikolari, tal-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, tal-kumplessità tal-kawża u tal-imġiba tal-partijiet fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    80

    Issa, ma jidhrux fost dawn iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża emendi leġiżlattivi li saru fi Stat Membru matul il-fażijiet amministrattivi jew ġudizzjarji tat-trattament ta’ kawża. Fil-fatt, mill-elementi rrilevati fil-punti 76 u 77 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-proċeduri jitmexxew malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, f’terminu raġonevoli. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jinvokaw ċirkustanzi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom, bħal emendi leġiżlattivi, sabiex jiġġustifikaw nuqqas ta’ għarfien possibbli ta’ dan ir-rekwiżit.

    81

    Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 103 sa 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, kwalunkwe ksur tar-rekwiżit ta’ trattament tal-kawżi f’terminu raġonevoli fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, kemm matul il-fażijiet amministrattivi kif ukoll ġudizzjarji, ma jistax ikollu bħala konsegwenza, waħdu, l-annullament ta’ deċiżjoni li tiċħad appell intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li ma laqgħetx applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sakemm l-iskadenza tat-terminu raġonevoli ma kellhiex bħala konsegwenza ksur tad-drittijiet tad-difiża.

    82

    Fil-fatt, peress li d-deċiżjonijiet dwar jekk l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali humiex fondati jew le għandhom jittieħdu fid-dawl tal-kriterji materjali għall-għoti ta’ tali protezzjoni, previsti mid-Direttiva 2004/83, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli ma jistax iwassal, fl-assenza ta’ kull indizju li t-tul eċċessiv ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja kellu effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, għall-annullament tad-deċiżjoni amministrattiva jew tad-deċiżjoni ġudizzjarja kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il-Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punt 84).

    83

    Min-naħa l-oħra, meta jkunu jeżistu indizji li t-tul eċċessiv ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja seta’ kellu effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni amministrattiva jew tad-deċiżjoni ġudizzjarja kkontestata, b’mod partikolari meta dan in-nuqqas ta’ osservanza jkollu l-konsegwenza li jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża li huma drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punti 47 sa 52).

    84

    Għaldaqstant, għalkemm il-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda element intiż sabiex jistabbilixxi li n-natura, jekk huwa l-każ, irraġonevoli ta’ wieħed miż-żewġ termini inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha l-konsegwenza li jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża ta’ X, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-fatt.

    85

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ u l-ħames domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 39(4) tad-Direttiva 2005/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    it-termini li ddekorrew bejn, minn naħa, il-preżentata tal-applikazzjoni għall-ażil u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtorità determinanti u tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti, ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn emendi leġiżlattivi nazzjonali li seħħew matul dawn il-perijodi ta’ żmien, u

    in-natura irraġonevoli ta’ terminu wieħed mill-imsemmija termini ma tistax tiġġustifika, waħedha u fl-assenza ta’ kull indizju li t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja kellu effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, l-annullament tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti.

    Fuq is‑seba’ domanda, dwar il‑kredibbiltà ġenerali ta’ applikant

    86

    Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(5)(e) tad-Direttiva 2004/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjoni falza, li tinsab fl-applikazzjoni inizjali għal protezzjoni internazzjonali, li kienet ġiet spjegata u rtirata min-naħa tal-applikant għall-ażil hekk kif ippreżentat ruħha l-okkażjoni, hija ta’ natura li tipprekludi, waħedha, l-istabbiliment tal-kredibbiltà ġenerali tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    87

    Konformement mal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2004/83, meta l-Istati Membri japplikaw il-prinċipju li jipprovdi li huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu u meta ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma jkunux issostanzjati minn provi dokumentarji jew provi oħra, dawk l-aspetti ma għandhomx jeħtieġu konferma, meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (e) ta’ din id-dispożizzjoni:

    88

    Dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi huma marbuta mal-fatt li l-applikant ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista’ jkun, li jkun verament għamel sforz sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu, li huwa jkun ippreżenta l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, li huwa jkun ipprovda spjegazzjoni sodisfaċenti dwar l-assenza ta’ elementi probatorji oħra, li d-dikjarazzjonijiet tal-applikant jitqiesu li huma koerenti u plawżibbli, li ma jkunux kontradetti mill-informazzjoni ġenerali u speċifika magħrufa u rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu u li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.

    89

    Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li, meta r-rekwiżiti elenkati fil-punti (a) sa (e) ta’ din id-dispożizzjoni ma jkunux issodisfatti b’mod kumulattiv, id-dikjarazzjonijiet tal-applikanti għall-ażil li ma jkunux issostanzjati minn provi jistgħu jeħtieġu konferma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2014, A et., C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 51).

    90

    Minn dan jirriżulta li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant għall-ażil hija element, fost oħrajn, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat, matul l-ewwel stadju ta’ evalwazzjoni, previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, li jikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn tal-applikazzjoni, jekk id-dikjarazzjonijiet tal-applikanti għall-ażil jeħtiġux konferma.

    91

    Issa, għandu jiġi kkunsidrat li l-konstatazzjonijiet magħmula, f’każ partikolari, dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5)(a) sa (d) tad-Direttiva 2004/83, jistgħu jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà ġenerali tal-applikant imsemmija fil-punt (e) ta’ din id-dispożizzjoni.

    92

    Madankollu, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 109 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà ġenerali tal-applikant għall-ażil ma tistax tkun limitata għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5)(a) sa (d) tad-Direttiva 2004/83, iżda għandha titwettaq, kif irrileva l-Gvern Ġermaniż, billi jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali u individwali, kull element ieħor rilevanti tal-każ.

    93

    Fil-kuntest ta’ tali analiżi, ċertament, dikjarazzjoni falza li tinsab fl-applikazzjoni inizjali għal protezzjoni internazzjonali tikkostitwixxi element rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Madankollu, din ma tistax, waħedha, tipprekludi li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant tiġi stabbilita. Fil-fatt, huma wkoll rilevanti l-fatt li din id-dikjarazzjoni falza kienet ġiet spjegata u rtirata min-naħa tal-applikant għall-ażil hekk kif ippreżentat ruħha l-okkażjoni, il-pretensjonijiet li ssostitwixxew din id-dikjarazzjoni falza u l-aġir sussegwenti tal-applikant għall-ażil.

    94

    Fl-aħħar nett, jekk l-evalwazzjoni tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża prinċipali kellha twassal sabiex il-kredibbiltà ġenerali tal-applikant għall-ażil ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, id-dikjarazzjonijiet tiegħu li ma humiex issostanzjati minn provi jistgħu għalhekk jeħtieġu konferma, f’liema każ l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkollu jikkoopera ma’ dan l-applikant, hekk kif tfakkar, b’mod partikolari, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza preżenti, sabiex ikunu jistgħu jiġu ssodisfatti l-elementi kollha ta’ natura li jissostanzjaw l-applikazzjoni għall-ażil.

    95

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(5)(e) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjoni falza, li tinsab fl-applikazzjoni inizjali għal protezzjoni internazzjonali, li kienet ġiet spjegata u rtirata min-naħa tal-applikant għall-ażil hekk kif ippreżentat ruħha l-okkażjoni, ma hijiex ta’ natura li tipprekludi, waħedha, l-istabbiliment tal-kredibbiltà ġenerali tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq l‑ispejjeż

    96

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L‑Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    l-obbligu ta’ kooperazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni jimponi fuq l-awtorità determinanti li tikseb, minn naħa, informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw is-sitwazzjoni ġenerali eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll, min-naħa l-oħra, perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tiegħu, meta jkunu jeżistu indizji ta’ problemi ta’ saħħa mentali li jistgħu jirriżultaw minn avveniment trawmatiku li seħħ f’dan il-pajjiż ta’ oriġini u meta l-użu ta’ tali perizja jkun neċessarju jew rilevanti sabiex jiġu evalwati l-bżonnijiet reali ta’ protezzjoni internazzjonali tal-imsemmi applikant, bil-kundizzjoni li l-modalitajiet ta’ użu ta’ tali perizja jkunu konformi, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    il-konstatazzjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tat-tieni livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst mid-dritt nazzjonali, ta’ ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni, ma għandhiex neċessarjament twassal, waħedha, għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-appell ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, peress li jista’ jiġi impost fuq l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali li juri li d-deċiżjoni li tiċħad l-appell setgħet kienet differenti fl-assenza ta’ tali ksur.

     

    2)

    Id-dritt tal-Unjoni, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 39(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    it-termini li ddekorrew bejn, minn naħa, il-preżentata tal-applikazzjoni għall-ażil u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtorità determinanti u tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti, ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn emendi leġiżlattivi nazzjonali li seħħew matul dawn il-perijodi ta’ żmien, u

    in-natura irraġonevoli ta’ terminu wieħed mill-imsemmija termini ma tistax tiġġustifika, waħedha u fl-assenza ta’ kull indizju li t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja kellu effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, l-annullament tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti.

     

    3)

    L‑Artikolu 4(5)(e) tad-Direttiva 2004/83

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    dikjarazzjoni falza, li tinsab fl-applikazzjoni inizjali għal protezzjoni internazzjonali, li kienet ġiet spjegata u rtirata min-naħa tal-applikant għall-ażil hekk kif ippreżentat ruħha l-okkażjoni, ma hijiex ta’ natura li tipprekludi, waħedha, l-istabbiliment tal-kredibbiltà ġenerali tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top