Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0753

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2022.
Instrubel NV vs Montana Management Inc. u BNP Paribas Securities Services u Montana Management Inc. vs Heerema Zwijndrecht BV u BNP Paribas Securities Services.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Regolament (KE) Nru 1210/2003 – Restrizzjonijiet speċifiċi applikabbli għar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq – Artikolu 4 – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lill-persuni, lill-korpi u lill-entitajiet assoċjati mar-reġim tal-ex President Saddam Hussein – Artikolu 6 – Trasferiment lill-mekkaniżmi suċċessivi tal-Fond għall-Iżvilupp tal-Iraq – Proprjetà tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ffriżati.
Kawżi magħquda C-753/21 u C-754/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:987

 SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

15 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Regolament (KE) Nru 1210/2003 – Restrizzjonijiet speċifiċi applikabbli għar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq – Artikolu 4 – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lill-persuni, lill-korpi u lill-entitajiet assoċjati mar-reġim tal-ex President Saddam Hussein – Artikolu 6 – Trasferiment lill-mekkaniżmi suċċessivi tal-Fond għall-Iżvilupp tal-Iraq – Proprjetà tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ffriżati”

Fil-Kawżi Magħquda C‑753/21 u C‑754/21,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Diċembru 2021, fil-proċeduri

Instrubel NV

vs

Montana Management Inc.,

BNP Paribas Securities Services (C‑753/21),

u

Montana Management Inc.

vs

Heerema Zwijndrecht BV,

BNP Paribas Securities Services (C‑754/21),

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Instrubel NV u Heerema Zwijndrecht BV, minn S. Bonifassi u F. Boucard, avukati,

għal Montana Management Inc., minn D. Célice u B. Périer, avukati,

għal BNP Paribas Securities Services, minn J. Martinet, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u J.-L. Carré, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-F. Brakeland u M. Carpus Carcea, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) sa (4) u tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 tas‑7 ta’ Lulju 2003 dwar certi ristrizzjonijiet specifici fuq relazzjonijiet ekonomici u finanzjarji ma’ l-Iraq u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2465/96 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 260), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 85/2013, tal‑31 ta’ Jannar 2013 (ĠU 2013, L 32, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1210/2003”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, rispettivament, Instrubel NV kontra Montana Management Inc. u BNP Paribas Securities Services (iktar ’il quddiem “BNP Paribas”) (C‑753/21) kif ukoll Montana Management kontra Heerema Zwijndrecht BV (iktar ’il quddiem “Heerema”) u BNP Paribas (C‑754/21) dwar il-validità tal-miżuri kawtelatorji u s-sekwestri li ġew mitluba minn Instrubel u Heerema, fir-rigward ta’ assi ffriżati, minħabba l-kreditu li dawn l-impriżi għandhom kontra l-Istat tal-Iraq.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

Skont il-paragrafu 12 tar-Riżoluzzjoni 1483 (2003), adottata fit‑22 ta’ Mejju 2003 mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, dan tal-aħħar “[j]ieħu nota tal-ħolqien ta’ Fond għall-Iżvilupp tal-Iraq, li għandu jkun miżmum mill-Bank Ċentrali tal-Iraq” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4

Il-paragrafu 14 ta’ din ir-riżoluzzjoni jipprovdi:

“[…] il-Fond għall-Iżvilupp tal-Iraq għandu jintuża b’mod trasparenti sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet umanitarji tal-poplu Iraqin, għar-rikostruzzjoni ekonomika u r-riabilitazzjoni tal-infrastruttura tal-Iraq, it-tkomplija tad-diżarm tal-Iraq, l-ispejjeż tal-amministrazzjoni ċivili Iraqina u skopijiet oħra li jservu l-interessi tal-poplu Iraqin.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5

Il-paragrafu 23 tal-imsemmija riżoluzzjoni jistabbilixxi:

“[L]-Istati Membri kollha fejn jinsabu:

a)

Fondi jew assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi tal-Gvern Iraqin preċedenti jew ta’ korpi, impriżi jew istituzzjonijiet pubbliċi li kienu telqu mill-Iraq fid-data tal-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni, jew

b)

Fondi jew assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi maħruġa mill-Iraq jew akkwistati minn Saddam Hussein jew uffiċjali għolja oħra tal-ex reġim Iraqin jew tal-membri immedjati tal-familja tagħhom, inklużi l-entitajiet li jappartjenu lil dawk il-persuni jew lil persuni oħra li jaġixxu f’isimhom jew skont l-istruzzjonijiet tagħhom, jew li huma kkontrollati direttament jew indirettament minnhom,

huma obbligati jiffriżaw mingħajr dewmien dawn il-fondi jew assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra u, sakemm dawn il-fondi jew assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra ma jkunux ġew suġġetti għal miżura jew għal deċiżjoni ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, li jittrasferixxuhom immedjatament lejn il-Fond għall-Iżvilupp tal-Iraq, bil-kundizzjoni li, sakemm ma jkunux ġew ippreżentati mod ieħor, l-applikazzjonijiet ippreżentati minn individwi jew minn entitajiet mhux governattivi li jikkonċernaw dawn il-fondi jew assi finanzjarji oħra ttrasferiti, jistgħu jiġu sottomessi lill-gvern rappreżentattiv tal-Iraq, rrikonoxxut mill-komunità internazzjonali […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6

Fil‑15 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1956 (2010), li tipprevedi, fil-paragrafu 5 tagħha:

“[Il-Kunsill tas-Sigurtà jiddeċiedi] li jittrasferixxi d-dħul kollu tal-Fond għall-Iżvilupp tal-Iraq fil-kont jew fil-kontijiet tal-mekkaniżmi suċċessivi tal-Gvern Iraqin u li jagħlaq il-Fond għall-Iżvilupp tal-Iraq mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2011, u jitlob konferma bil-miktub, meta t-trasferiment u l-għeluq ikunu saru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1210/2003

7

Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1210/2003 hija fformulata kif ġej:

“Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu t-trasferimenti tal-fondi, tar-riżorsi ekonomiċi, u tal-qliegħ mir-riżorsi ekonomici li gew friżati ghall-Fond għall-Iżvilupp ta’ l-Iraq, hemm bżonn li dawn il-fondi u riżorsi ekonomiċi ma jibqgħux iffriżati.”

8

Skont l-Artikolu 1(4) u (5) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

4)

‘iffriżar ta’ fondi’ tfisser il-projbizzjoni ta’ ċaqliq, trasferimenti, bidliet, użu ta’ jew traffikar ta’ fondi li jistghu b’xi mod iwasslu għal bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lokazzjoni, fid-dritt tal-pussess, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni jew f’bidla oħra li tagħmel possibbli l-użu tal-fondi, inkluż il-gestjoni tal-portafolli;

5)

‘iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi’ tfisser il-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ dawn ir-riżorsi sabiex jinkisbu fondi, merkanzija jew servizzi b’kull mod, inklużi, iżda mhux biss, permezz tal-bejgħ jew kera tagħhom jew permezz ta’ l-użu taghhom bħala ipoteka;”.

9

L-Artikolu 4(2) sa (4) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“2.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomici kollha li huma ta’, jew kienu ta’ jew miżmuma mill-persuni li gejjin, u magħrufa mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness IV, għandhom jiġu ffriżati:

(a)

l-ex President Saddam Hussein;

(b)

l-uffiċjali anzjani tar-reġim tiegħu;

(ċ)

il-membri immedjati tal-familji tagħhom; jew

(d)

il-persuni, korpi u entitajiet legali li kienu ta’, jew kontrollati direttament jew indirettament, mill-persuni msemmija f’(a), (b) u (ċ) jew minn kwalunkwe persuna naturali jew legali li tkun qed taħdem f’isimhom jew skond l-istruzzjonijiet tagħhom.

3.   L-ebda fondi m’għandhom ikunu disponibbli, direttament jew indirettament għal, jew f’isem xi, persuna naturali jew legali, korp jew entità li hemm imniżżla fl-Anness IV.

4.   L-ebda riżorsi ekonomiċi m’għandhom ikunu disponibbli, direttament jew indirettament, jew għal benefiċċju ta’, xi persuna naturali jew legali, korp jew entità li hemm imniżżla fl-Anness IV, li jkunu jistgħu jgħinu lil dik il-persuna, korp jew entità milli tikseb xi fondi, oġġetti jew servizzi.”

10

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1210/2003 jistabbilixxi:

“1.   “B’deroga mill-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri indikati fil-websajts elenkati fl-Anness V jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfatti:

(a)

il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ rahan ġudizzjarju, amministrattiv jew ta’ arbitraġġ stabbilit qabel it‑22 ta’ Mejju 2003 jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew ta’ arbitraġġ li tkun ingħatat qabel dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi se jintużaw esklussivament sabiex jissodisfaw pretensjonijiet derivanti minn tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f’tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li għandhom tali pretensjonijiet;

(ċ)

jekk il-pretensjoni tiġi sodisfatta, dan ma jkunx bi ksur tar-Regolament (KEE) Nru 3541/92 [tal-Kunsill tas‑7 ta’ Diċembru 1992 li jipprojbixxi li jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet Irakini dwar kuntratti u transazzjonijiet li t-twettieq tagħhom ġie effettwat bir-Riżoluzzjoni 661 (1990) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet relatati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 222)]; u

(d)

ir-rikonoxximent tar-rahan jew tas-sentenza ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   Fiċ-ċirkostanzi l-oħrajn kollha, il-fondi, ir-riżorsi ekonomiċi u d-dħul mir-riżorsi ekonomiċi ffriżati skont l-Artikolu 4 għandhom jerġgħu jsiru disponibbli biss biex jiġu ttrasferiti lejn l-arranġamenti li l-Gvern tal-Iraq stabbilixxa minflok il-Fond ta’ Żvilupp għall-Iraq skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet UNSC 1483(2003) u 1956(2010).”

11

Il-kumpannija Montana Management ġiet inkluża, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 785/2006 tat‑23 ta’ Mejju 2006 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq (ĠU 2008, L 327M, p. 605, rettifika fil-ĠU 2009, L 71M, p. 374), fil-lista, li tinsab fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1210/2003, tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-korpi u tal-entitajiet assoċjati mar-reġim tal-ex President Saddam Hussein imsemmija fl-Artikolu 4(2) sa (4) ta’ dan l-aħħar regolament.

Ir‑Regolament (KE) Nru 1799/2003

12

Il-premessa 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1799/2003 tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1210/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10 Vol. 3, p. 310) hija b’hekk ifformulata:

“Ir-Riżoluzzjoni 1483 (2003) tippreżenta l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi bħala l-ewwel pass fi proċess li għandu jwassal għat-trasferiment tagħhom lejn il-Fond ta’ l-Iżvilupp għall-Iraq. Din teżenta wkoll il-fondi u r-riżorsi ekonomici milli jkunu s-suġġett ta’ rahan jew ġudizzju stabbilit jew meħud qabel it‑22 ta’ Mejju 2003 minn dak il-proċess. Iż-żamma ta’ miżuri ta’ ffriżar, għalhekk, mhix waħda xierqa, jekk il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi konċernati jkunu eżentati espliċitament mill-kriterju, biex dawn jikkawżaw it-trasferiment tal-fondi u r-riżorsi msemmija għal dak il-Fond.”

Id‑dritt Franċiż

13

L-Artikolu R. 523-3 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili ta’ Eżekuzzjoni jipprevedi:

“F’terminu ta’ tmint ijiem, taħt piena ta’ dekadenza, is-sekwestru kawtelatorju għandu jiġi ddenunzjat lid-debitur permezz ta’ att ta’ marixxall tal-qorti.

Dan l-att jinkludi taħt piena ta’ nullità:

[…]

2)

Kopja tal-proċess verbal tas-sekwestru u r-riproduzzjoni tal-informazzjoni kkomunikata mit-terz adit jekk l-att ikun ġie nnotifikat lilu b’mod elettroniku;

3)

L-indikazzjoni, b’karattri evidenti ħafna, tad-dritt li jappartjeni lid-debitur, jekk il-kundizzjonijiet tal-validità tas-sekwestru ma jkunux issodisfatti, sabiex jitlob ir-revoka tiegħu lill-qorti tal-eżekuzzjoni tal-post tad-domiċilju tiegħu;

[…]”.

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

Il‑Kawża C‑753/21

14

Wara żewġ sentenzi arbitrali mogħtija, rispettivament, fis‑6 ta’ Frar 1996 u fit‑22 ta’ Marzu 2003 u li sadanittant saru definittivi, li jimponu fuq l-Istat tal-Iraq somma li għandha titħallas lil Instrubel, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż, inħarġu żewġ digrieti ta’ exequatur mit-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) fl‑20 ta’ Marzu 2013.

15

Fl‑20 ta’ Jannar 2014, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dawn iż-żewġ sentenzi arbitrali, Instrubel ipproċediet b’sekwestri kawtelatorji kontra BNP Paribas “fir-[rigward] tar-Repubblika tal-Iraq u l-entitajiet tagħha li l-fondi tagħhom jappartjenu lil Iraq bis-saħħa ta’ riżoluzzjonijiet tal-NU, jiġifieri l-kumpannija Montana [Management]”. L-imsemmija sekwestri ġew iddenunzjati lill-Istat tal-Iraq fit‑28 ta’ Lulju 2014, li ma kkontestathomx.

16

Fis‑26 ta’ Diċembru 2017, Montana Management ressqet lil Instrubel quddiem il-qorti tal-eżekuzzjoni tat-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny, Franza) u talbet ir-revoka tas-sekwestri, billi invokat kemm id-dekadenza kif ukoll in-nullità ta’ dawn is-sekwestri, minħabba li dawn ma ġewx iddenunzjati lilha minkejja li hija kienet il-proprjetarja tal-fondi koperti mill-imsemmija sekwestri.

17

Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2018, din il-qorti tal-eżekuzzjoni kkonstatat id-dekadenza tas-sekwestri u ordnat ir-revoka tagħhom. Fil-fatt, hija qieset li, peress li l-proċessi verbali ta’ sekwestru kienu jindikaw bħala debitur l-Istat tal-Iraq u l-entitajiet tiegħu, b’mod partikolari Montana Management, din tal-aħħar kellha tiġi kkunsidrata bħala debitriċi, fis-sens tal-Artikolu R.-523-3 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili ta’ Eżekuzzjoni. Għaldaqstant, skont l-imsemmija qorti tal-eżekuzzjoni, il-proċessi verbali kellhom jiġu ddenunzjati lil Montana Management u, fin-nuqqas ta’ dan, is-sekwestri kienu skaduti u r-rivoka tagħhom kellha tiġi ordnata. Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) ikkonfermat din is-sentenza.

18

Instrubel ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, u sostniet li sekwestru kawtelatorju għandu jiġi ddenunzjat biss lid-debitur imsemmi fit-titolu eżekuttiv li fuqu huwa bbażat dan is-sekwestru, li kien il-każ hawnhekk, peress li t-titolu eżekuttiv jirrigwarda bħala debitur l-Istat tal-Iraq u ġie nnotifikat lil dan l-Istat.

19

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-proprjetà tal-assi li fir-rigward tagħhom ġew applikati dawn il-miżuri kawtelatorji. Fil-fatt, sabiex dawn il-miżuri kawtelatorji jkunu regolari u jipproduċu l-effetti tagħhom, huwa neċessarju, skont id-dritt Franċiż, li l-assi milquta minn dawn il-miżuri jappartjenu lid-debitur imsemmi fit-titolu eżekuttiv, f’dan il-każ l-Istat tal-Iraq.

20

Issa, f’dan il-każ, dawn l-assi huma s-suġġett ta’ ffriżar minħabba l-indikazzjoni ta’ Montana Management mir-Regolament Nru 1210/2003. Barra minn hekk, l-iffriżar tal-assi skont dan ir-regolament għandu bħala għan it-trasferiment tagħhom lill-mekkaniżmi suċċessivi tal-Fond għall-Iżvilupp tal-Iraq (iktar ’il quddiem il-“Fond għall-Iżvilupp”), li għandu l-effett li jittrasferixxi l-proprjetà ta’ dawn l-assi lejn l-Istat tal-Iraq.

21

B’hekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-assi ffriżati jibqgħux il-proprjetà tal-persuni nnominati minn dan ir-regolament, f’dan il-każ Montana Management, sad-deċiżjoni ta’ trasferiment tal-awtorità nazzjonali kompetenti jew jekk il-fondi ffriżati jappartjenux għal dan il-Fond għall-Iżvilupp, jiġifieri l-Istat tal-Iraq, mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, peress li, fid-dawl tat-trasferiment previst mill-imsemmi regolament, l-assi ffriżati ma għandhomx l-għan li jidħlu mill-ġdid fil-patrimonju tal-persuni nnominati mill-istess regolament.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4(2), (3) u (4) [kif ukoll] l-Artikolu 6 tar-Regolament [Nru 1210/2003] għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati jibqgħu, sakemm tittieħed id-deċiżjoni ta’ trasferiment [lejn il-Fond għall-Iżvilupp], il-proprjetà tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, korpi u entitajiet assoċjati mar-reġim tal-ex-President Saddam Hussein, milquta mill-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi?

jew dawn il-fondi ffriżati huma l-proprjetà [tal-Fond għall-Iżvilupp] sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament li fl-Annessi III u IV jinnomina lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, korpi u entitajiet assoċjati mar-reġim tal-ex-President Saddam Hussein, milquta mill-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati huma l-proprjetà [tal-Fond għall-Iżvilupp], l-Artikolu 4(2), (3) u (4), [kif ukoll] l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1210/2003 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li tapplika fuq assi ffriżati, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità nazzjonali kompetenti, miżura nieqsa minn effett attributtiv, bħal garanzija ġudizzjarja jew sekwestru kawtelatorju, previsti mill-[Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili ta’ Eżekuzzjoni] Franċiż? Jew dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeħtiġux l-awtorizzazzjoni ta’ din l-awtorità nazzjonali ħlief fil-mument tal-ħelsien tal-fondi ffriżati?”

Il-Kawża C‑754/21

23

Permezz ta’ sentenza tal-Gerechtshof’s-Gravenhage (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) tal‑31 ta’ Ottubru 2000, li saret eżekuttiva fi Franza permezz ta’ digriet tal-President tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) tal‑31 ta’ Awwissu 2011, l-Istat tal-Iraq u l-Bank Ċentrali tal-Iraq ġew ikkundannati jħallsu in solidum ċerta somma lil Heerema, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż.

24

Fit‑28 ta’ Lulju 2011, Heerema pproċediet b’sekwestri kawtelatorji kontra BNP Paribas fuq titoli trasferibbli miżmuma minn Montana Management. Dawn is-sekwestri kawtelatorji ġew ikkonvertiti f’mandat ta’ sekwestru u f’sekwestru għal skopijiet ta’ bejgħ fix-xhur ta’ Ġunju u ta’ Settembru 2014.

25

Fit‑12 ta’ Diċembru 2014, Montana Management ħarrket lil Heerema quddiem il-qorti tal-eżekuzzjoni tat-tribunal de grande instance de Bobigny (il-Qorti Reġjonali ta’ Bobigny) sabiex tiddikjara n-nullità u d-dekadenza tas-sekwestri u tordna r-revoka tagħhom.

26

Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, din il-qorti ċaħdet it-talba ta’ Montana Management għal raġunijiet proċedurali. Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) annullat dik is-sentenza u vvalidat is-sekwestru għal skopijiet ta’ bejgħ u l-mandat ta’ sekwestru minħabba li l-fondi ffriżati kienu preżunti li jappartjenu lill-Istat tal-Iraq.

27

Peress li ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, Montana Management tikkontesta, fl-ewwel lok, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni li tisħaq li l-fondi ffriżati jappartjenu lill-Istat tal-Iraq. Hija ssostni li dawn il-fondi jibqgħu l-proprjetà tagħha sad-deċiżjoni ta’ trasferiment lejn il-Fond għall-Iżvilupp, peress li l-iffriżar ta’ fondi jimplika miżura temporanja li ma tippreġudikax id-dritt għall-proprjetà.

28

Fit-tieni lok, Montana Management issostni li Heerema kellha tikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1210/2003 peress li n-notifika tal-att ta’ konverżjoni twassal għall-għoti immedjat tal-kreditu lill-kreditur.

29

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-assi ffriżati jibqgħux il-proprjetà tal-persuni ġuridiċi kkonċernati mill-iffriżar sad-deċiżjoni ta’ trasferiment tal-awtorità nazzjonali kompetenti lejn il-Fond għall-Iżvilupp jew jekk dawn jappartjenux għal dan il-Fond mid-dħul fis-seħħ tar-regolament li nnomina lill-imsemmija persuni.

30

Fl-ipoteżi fejn l-assi ffriżati jappartjenu lill-imsemmi Fond mid-dħul fis-seħħ tar-regolament li inkluda, f’dan il-każ, Montana Management fil-lista tal-kumpanniji kkonċernati mill-iffriżar inkwistjoni, tqum il-kwistjoni tal-validità tas-sekwestri, fid-dawl tal-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità nazzjonali għall-użu tal-assi ffriżati.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 4(2), (3) u (4) [kif ukoll] l-Artikolu 6 tar-Regolament [Nru 1210/2003] […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati jibqgħu, sakemm tittieħed id-deċiżjoni li jiġu ttrasferiti lejn [il-Fond għall-Iżvilupp], il-proprjetà tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, korpi u entitajiet assoċjati mar-reġim tal-ex President Saddam Hussein milquta bl-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi?

jew dawn il-fondi ffriżati huma l-proprjetà [tal-Fond għall-Iżvilupp] mid-dħul fis-seħħ tar-regolament li jindika fl-Annessi III u IV il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, il-korpi u l-entitajiet assoċjati mar-reġim tal-ex President Saddam Hussein milquta bl-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi [ffriżati] huma l-proprjetà [tal-Fond għall-Iżvilupp], l-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament Nru 1210/2003 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-implimentazzjoni ta’ sekwestru tal-assi ffriżati hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità nazzjonali kompetenti? Jew dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati bħala li jeħtieġu l-awtorizzazzjoni ta’ din l-awtorità nazzjonali biss fil-mument tar-rilaxx tal-fondi ffriżati?”

Fuq il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

32

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Jannar 2022, il-Kawżi C‑753/21 u C‑754/21 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq it‑talbiet għall‑ftuħ tal‑proċedura orali

33

Permezz ta’ talbiet ippreżentati fil‑25 ta’ Lulju u fis‑7 ta’ Novembru 2022, Instrubel u Heerema talbu l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi sostnew l-eżistenza ta’ ċerti fatti ġodda li jistgħu jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34

Dawn il-fatti ġodda jikkonsistu, l-ewwel, fit-tħassir tal-isem ta’ Montana Management mil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li għalihom għandu japplika l-iffriżar tal-assi, li seħħ wara l-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet u tal-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

35

Fil-fatt, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi għall-ewwel domandi fil-Kawżi C‑753/21 u C‑754/21 li l-assi ffriżati jibqgħu, sad-deċiżjoni ta’ trasferiment lejn il-Fond għall-Iżvilupp, il-proprjetà tal-entitajiet milquta mill-miżura ta’ ffriżar, dan jimplika, minħabba dan it-tħassir, li dawn l-assi, li għadhom ma ġewx ittrasferiti lil dan il-Fond għall-Iżvilupp, jitħallsu lura lil din il-kumpannija. Issa, tali konsegwenza tmur kontra l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1210/2003.

36

It-tieni, il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura huwa mmotivat mill-fatt li Montana Management ma għandhiex iktar locus standi, wara l-mewt tal-president u r-rappreżentant legali tagħha, li seħħet matul is-sena 2020.

37

It-tielet, huwa neċessarju li tiġi diskussa l-influwenza, fuq id-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-Digriet Nru 2015–1134 tal‑11 ta’ Settembru 2015, dwar il-modalitajiet ta’ trasferiment ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi għall-mekkaniżmi suċċessivi tal-Fond għall-Iżvilupp tal-Iraq u s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2021 tat-tribunal judiciaire de Grasse (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Grasse, Franza).

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li jkun għadu ma ġiex indirizzat.

39

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis, abbażi tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari u tal-osservazzjonijiet bil-miktub, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tittratta dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u li l-fatti invokati minn Instrubel u Heerema fit-talbiet tagħhom tal‑25 ta’ Lulju u tas‑7 ta’ Novembru 2022, li l-portata tagħhom għall-proċeduri fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, ma jikkostitwixxux fatti ġodda ta’ natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40

Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domandi fil‑Kawżi C‑753/21 u C‑754/21

41

Permezz tal-ewwel domandi tagħha f’dawn il-kawżi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) sa (4) u l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1210/2003 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati jibqgħu, sad-deċiżjoni ta’ trasferiment lejn il-Fond għall-Iżvilupp, il-proprjetà tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-korpi u tal-entitajiet assoċjati mar-reġim tal-ex President Saddam Hussein, milquta mill-iffriżar, jew jekk dawn il-fondi u dawn ir-riżorsi ekonomiċi jappartjenux għal dan il-Fond għall-Iżvilupp mid-dħul fis-seħħ tar-regolament li jindika l-persuni, l-korpi u l-entitajiet milquta bl-iffriżar.

42

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1210/2003 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil persuni indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u elenkati fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament, jew li huma fil-pussess tagħhom jew miżmuma minnhom.

43

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, derogi li jippermettu, taħt il-kundizzjonijiet elenkati f’dan il-paragrafu, li l-użu ta’ ċerti fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati jkun awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti. It-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li, fil-każijiet kollha li ma jissemmewx fl-imsemmi paragrafu 1, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi għandhom jitneħħew mill-iffriżar biss għall-finijiet tat-trasferiment tagħhom lejn il-Fond għall-Iżvilupp. Dan it-trasferiment għandu bħala konsegwenza li l-Istat tal-Iraq isir proprjetarju tal-assi trasferiti.

44

Għalhekk, qari flimkien tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 6 tal-istess regolament juri żewġ stadji distinti li jikkonsistu, minn naħa, f’iffriżar tal-assi u, min-naħa l-oħra, f’trasferiment ta’ dawn l-assi lill-Fond għall-Iżvilupp.

45

B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 1210/2003 jipprevedi, skont il-paragrafu 23 tar-Riżoluzzjoni 1483 (2003), li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ ċerti fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati meta dawn ikunu s-suġġett ta’ miżura jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali meħuda qabel it‑22 ta’ Mejju 2003. Fi kliem ieħor, u kif jirriżulta wkoll mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1799/2003, fl-ipoteżi fejn il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ffriżati jkunu s-suġġett ta’ tali miżura jew ta’ tali deċiżjoni, din iċ-ċirkustanza tista’ tkun suffiċjenti sabiex jitneħħa l-iffriżar fuqhom sabiex tippermetti l-użu tagħhom u b’hekk teżentahom mill-obbligu li jiġu ttrasferiti lejn il-Fond għall-Iżvilupp.

46

Min-naħa l-oħra, kieku kellu jiġi kkunsidrat li t-trasferiment lejn il-Fond għall-Iżvilupp isir awtomatikament fil-mument tal-iffriżar, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1210/2003 ikun imċaħħad minn kull effett utli.

47

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 23 tar-Riżoluzzjoni 1483 (2003). Fil-fatt, għalkemm dan il-paragrafu jipprevedi trasferiment immedjat tal-assi lejn il-Fond għall-Iżvilupp, il-formulazzjoni tiegħu stess tikkundizzjona, madankollu, dan it-trasferiment għall-assenza ta’ miżura jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali li tista’ twassal għad-differiment jew għall-annullament tal-imsemmi trasferiment.

48

Barra minn hekk, il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1210/2003 turi wkoll iż-żewġ stadji msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, peress li din tistabbilixxi, minn naħa, li huma l-Istati Membri li jwettqu t-trasferiment tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi lill-Fond għall-Iżvilupp wara l-iffriżar ta’ dawn l-assi u, min-naħa l-oħra, li, sabiex ikunu jistgħu jwettqu dan it-trasferiment, għandhom jiġu previsti dispożizzjonijiet għat-tneħħija tal-iffriżar. B’hekk, it-trasferiment iseħħ bħala miżura attiva min-naħa tal-Istati Membri wara l-iffriżar u jseħħ biss wara t-tneħħija ta’ dan l-iffriżar skont il-modalitajiet previsti għal dan il-għan minn dan ir-regolament.

49

Konsegwentement, l-eżistenza stess ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ trasferiment lejn il-Fond għall-Iżvilupp turi li tali trasferiment ma jsirx awtomatikament permezz tas-sempliċi ffriżar tal-assi kkonċernati. Għalkemm it-trasferiment huwa obbligatorju fil-kuntest tar-Regolament Nru 1210/2003, xorta jibqa’ l-fatt li dan iseħħ wara l-iffriżar u jikkostitwixxi stadju distint meta mqabbel ma’ dan tal-aħħar.

50

F’dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, il-kunċett ta’ “iffriżar”, kif iddefinit fil-punti 4 u 5 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, u jekk l-iffriżar jistax, bħala tali, jwassal għal bidla tas-sjieda tal-assi ffriżati, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-miżura tal-iffriżar hija miżura kawtelatorja li mhux suppost ticħad lill-persuni affettwati mill-miżura mill-proprjetà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 358), peress li din hija, min-natura tagħha, miżura temporanja u riversibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 113).

51

Minn dan isegwi li l-miżura ta’ ffriżar ma għandhiex, waħedha, effett fuq il-proprjetà tal-assi li huma s-suġġett ta’ din il-miżura.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li r-Regolament Nru 1210/2003 huwa intiż li jittrasferixxi l-assi ffriżati lejn il-Fond għall-Iżvilupp ma jistax jiġġustifika, fir-rigward tal-istadju ta’ qabel dan it-trasferiment, li tingħata interpretazzjoni differenti tal-kunċett ta’ “iffriżar” minn dik użata fil-kuntest ta’ regolamenti oħra dwar il-miżuri restrittivi li ma jipprevedux tali trasferiment, iktar u iktar peress li dan il-kunċett huwa ddefinit b’mod identiku fil-parti l-kbira ta’ dawn ir-regolamenti.

53

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domandi fil-Kawżi C‑753/21 u C‑754/21 għandha tkun li l-Artikolu 4(2) sa (4) u l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1210/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati jibqgħu, sad-deċiżjoni ta’ trasferiment lejn il-Fond għall-Iżvilupp, il-proprjetà tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-korpi u tal-entitajiet assoċjati mar-reġim tal-ex President Saddam Hussein, milquta mill-iffriżar.

Fuq it‑tieni domandi fil‑Kawżi C‑753/21 u C‑754/21

54

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domandi f’dawn il-kawżi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domandi.

Fuq l‑ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(2) sa (4) u l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 tas‑7 ta’ Lulju 2003 dwar ċerti ristrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ l-Iraq u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2465/96, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 85/2013 tal‑31 ta’ Jannar 2013,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati jibqgħu, sad-deċiżjoni ta’ trasferiment għall-mekkaniżmi suċċessivi tal-Fond għall-Iżvilupp tal-Iraq, il-proprjetà tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-korpi u tal-entitajiet assoċjati mar-reġim tal-ex President Saddam Hussein, milquta mill-iffriżar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.

Top