Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0719

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-12 ta’ Jannar 2023.
Frédéric Jouvin vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101 TFUE – Ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-ilment – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ risposta.
Kawża C-719/21 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:15

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

12 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101 TFUE – Ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-ilment – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ risposta”

Fil-Kawża C‑719/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil‑25 ta’ Novembru 2021,

Frédéric Jouvin, residenti fi Clichy (Franza), irrappreżentat minn L. Bôle-Richard, avocat,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Boitos, B. Ernst u A. Keidel, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn L. S. Rossi (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, Frédéric Jouvin jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑26 ta’ April 2021, Jouvin vs Il‑Kummissjoni (T‑472/20 u T‑472/20 AJ II, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-digriet appellat, EU:T:2021:215), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala manifestament infondat fid-dritt ir-rikors tiegħu għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2020) 3503 final, tat‑28 ta’ Mejju 2020, li tiċħad l-ilment tiegħu dwar allegat ksur tal-Artikolu 101 TFUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament (KE) Nru 773/2004

2

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101] sa [102] [TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), intitolat “Irroftar [Rifjut] ta’ lment”, jipprovdi li:

“1.   Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha hemm raġunijiet insuffiċjenti biex taġixxi dwar ilment, hija għandha tgħarraf lil min jagħmel l-ilment bir-raġunijiet tagħha u tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih min jagħmel l-ilment jista’ jagħti tagħrif tal-veduti tiegħu [bil-] miktub. Il-Kummissjoni m’għandhiex tkun obbligata tieħu in konsiderazzjoni iktar sottomissjonijiet bil-miktub irċevuti wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

2.   Jekk min jagħmel l-ilment jagħti tagħrif dwar il-veduti tiegħu fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni u s-sottomissjonijiet bil-miktub magħmula minn min jagħmel l-ilment ma jwasslux għal stima differenti ta’ l-ilment, il-Kummissjoni għandha tirrofta l-ilment b’deċiżjoni.

[…]”

Il‑Linji Gwida dwar il‑Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni Orizzontali

3

It-Taqsima 7 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali (ĠU 2011, C 11, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni Orizzontali”) tikkonċerna l-“Akkordji ta’ standardizzazzjoni”. Din it-taqsima tinkludi, b’mod partikolari, il-punti 280 sa 286 ta’ dawn il-linji gwida, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom il-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni li jirriskjaw li joħolqu setgħa fis-suq ma jaqgħux, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

Ir‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

4

Skont l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, intitolat “Terminu għal raġuni ta’ distanza”:

“It-termini proċedurali għandhom jiżdiedu b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.”

5

L-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura, intitolat “Partijiet li jistgħu jippreżentaw risposta għall-appell”, jipprovdi:

“Kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud tista’ tippreżenta risposta għall-appell f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tal-appell. It-terminu għall-preżentata ta’ risposta għall-appell ma jistax jiġi pprorogat.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑deċiżjoni kontenzjuża

6

Il-fatti li wasslu għall-kawża inġabru fil-qosor mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 1 sa 12 tad-digriet appellat, hekk kif ġej:

“1

Ir-rikorrent […] ippreżenta privattivi relatati mal-ġbir u mad-distribuzzjoni ta’ pakketti f’diversi pajjiżi kif ukoll fuq livell [Ewropew] fis‑27 ta’ Ġunju 2001, u ppreżenta proġett imsemmi Ripost, li juża dawn il-privattivi, lill-grupp La Poste fil-31 ta’ Jannar 2003.

2)

Fit‑12 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ressaq ilment dwar ksur tal-Artikolu 102 TFUE min-naħa tal-grupp La Poste. Dan il-grupp, li jipprovdi servizzi postali fi Franza, kien allegatament kiser il-privattivi tar-rikorrent relatati mal-ġbir u d-distribuzzjoni ta’ pakketti.

3)

F’ittra tal‑31 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni indikat essenzjalment li l-aġir tal-grupp La Poste, jekk wieħed jassumi li dan seħħ, kien jidher li jikkostitwixxi kontrafazzjoni ta’ privattivi iktar milli abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 102 TFUE u li, għal din ir-raġuni, l-ittra tar-rikorrent ma kinitx ser tiġi eżaminata iktar fil-fond min-naħa tagħa.

4)

Fl‑4 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent bagħat lill-Kummissjoni ittra li tifformula mill-ġdid l-ilment tiegħu abbażi tal-Artikolu 101 TFUE, dwar kartell transnazzjonali kompost minn operaturi postali, minn manifatturi ta’ makkinarju u ta’ softwer ta’ ttimbrar u minn tagħmir li jagħżel il-posta, minn klijenti tal-kummerċ elettroniku bħal Amazon u minn korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni […].

5)

Fid‑29 ta’ Novembru 2017 saret konferenza telefonika mal-Kummissjoni.

6)

Fl‑1, fit‑12 u fit‑13 ta’ Diċembru 2017, fit‑22 ta’ Jannar, fil‑15 ta’ Mejju u fl‑20 ta’ Novembru 2018 u fit‑22 ta’ Frar 2019, ir-rikorrent bagħat ittri lill-Kummissjoni li fihom indika li kien qiegħed jaħdem fuq it-tielet verżjoni tal-ilment tiegħu.

7)

Fil‑5 ta’ April 2019, ir-rikorrent bagħat lill-Kummissjoni ittra li tipprovdi elementi ġodda.

8)

Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li ma kinux jeżistu raġunijiet suffiċjenti sabiex jingħata segwitu għall-ilment tiegħu.

9)

Fl‑14 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrent bagħat lill-Kummissjoni osservazzjonijiet li jbiddlu l-portata tal-ilment tiegħu, fejn indika li kien qiegħed jabbanduna l-allegazzjonijiet tiegħu dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa tal-grupp La Poste, ta’ Amazon u ta’ ċerti operaturi postali, u li żamm biss l-allegazzjonijiet ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

10)

L-ilment kien jinkludi erba’ allegazzjonijiet ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, jiġifieri l-kontrafazzjoni kriminali fir-rigward tal-privattivi kollha tar-rikorrent; il-ksur abbużiv ta’ negozjati mill-impriżi tal-kartell, li lilhom ir-rikorrent ipprova jagħti mingħajr suċċess liċenzji għall-użu tal-privattivi tiegħu; il-bojkott kollettiv tal-privattivi tiegħu permezz ta’ azzjonijiet miftiehma ta’ kontrafazzjoni kriminali, ta’ ksur abbużiv ta’ negozjati u ta’ azzjonijiet miftiehma u illegali oħra u, fl-aħħar nett, l-istabbiliment ta’ regoli minn organi internazzjonali li allegatament kienu qegħdin iwettqu kontrafazzjoni tal-privattivi tar-rikorrent.

11)

Fit‑28 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [kontenzjuża].

12

Skont id-deċiżjoni [kontenzjuża], iċ-ċaħda tal-ilment kienet dovuta għall-fatt li l-probabbiltà li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni kienet tidher limitata f’dan il-każ. Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq żewġ kunsiderazzjonijiet prinċipali. Il-Kummissjoni qieset li l-problema mqajma ma kinitx problema li tirriżulta mid-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-informazzjoni mogħtija ma ppermettitilhiex li tiddeduċi jew li tibbaża suspetti raġonevoli fir-rigward ta’ kollużjoni bejn l-impriżi kkonċernati.”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digriet appellat

7

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Ottubru 2020, l-appellant ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

8

Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa qajjem ħames motivi. Dawn il-motivi kienu bbażati, rispettivament, fuq l-evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-interess tal-Unjoni mill-Kummissjoni, fuq in-nuqqas ta’ eżami diliġenti u imparzjali tal-ilment tal-appellant mill-Kummissjoni, fuq użu ħażin ta’ poter li l-Kummissjoni allegatament kienet ħatja minnu meta sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi u bl-użu ta’ manuvri ta’ dewmien fir-rigward tal-appellant u tat-talbiet tiegħu, fuq żball ta’ liġi li jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni ma qisitx li kien hemm diskriminazzjoni għall-aċċess għall-proċess ta’ standardizzazzjoni kif ukoll għall-eżitu u l-minuti ta’ dawn il-proċessi u, finalment, fuq żball ta’ liġi li jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni ma qisitx li l-Artikolu 101(1) TFUE kien ġie miksur.

9

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi kollha bħala manifestament infondati.

It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

10

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tilqa’ t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza u tibgħat lura l-fajl lill-Kummissjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellant jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

Fuq l‑appell

Fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq it‑tardività tar‑risposta tal‑Kummissjoni

12

L-appellant jeċċepixxi, fir-replika tiegħu, l-inammissibbiltà tar-risposta tal-Kummissjoni, ibbażata fuq it-tardività tal-preżentata tagħha. Huwa jsostni li din ir-risposta, ippreżentata fit‑22 ta’ Frar 2022, ġiet ippreżentata iktar minn 2 xahrejn wara l‑25 ta’ Novembru 2021, id-data tal-preżentata tal-appell. Konsegwentement, ir-risposta għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, peress li l-Kummissjoni naqset milli tipproduċi l-prova tad-data li fiha l-appell ġie nnotifikat lilha.

13

Il-Kummissjoni titlob li din l-eċċeżżjoni tiġi miċħuda.

14

Skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud tista’ tippreżenta risposta f’terminu ta’ xahrejn “li jiddekorri min-notifika tal-appell”. Konformement mal-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura, dan it-terminu għandu jiżdied b’terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem. Konsegwentement, it-terminu li fih għandha tiġi ppreżentata r-risposta huwa ta’ xahrejn u għaxart ijiem li jibdew jiddekorru min-notifika tal-appell.

15

Fil-każ ineżami, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, l-appell ġie nnotifikat lilha fit‑13 ta’ Diċembru 2021. Konsegwentement, it-terminu għall-preżentata tar-risposta ta’ xahrejn u għaxart ijiem, li beda jiddekorri minn dik id-data, kien jiskadi fit‑23 ta’ Frar 2022.

16

Peress li r-risposta tal-Kummissjoni ġiet ippreżentata fit‑22 ta’ Frar 2022, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq it-tardività tagħha għandha tiġi miċħuda.

Fuq il‑mertu

17

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat, essenzjalment, fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti, fuq żball ta’ liġi dwar il-livell ta’ prova meħtieġ u fuq żnaturament tal-provi kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar in-numru ta’ allegati kontrafatturi. It-tieni aggravju huwa bbażat, essenzjalment, fuq żnaturament tal-provi dwar l-allegat qsim ta’ swieq. It-tielet aggravju huwa bbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-argumenti tal-appellant relatati mal-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni.

Fuq l‑ewwel aggravju, ibbażat, essenzjalment, fuq klassifikazzjoni żbaljata tal‑fatti, fuq żball ta’ liġi dwar il‑livell ta’ prova meħtieġ u fuq żnaturament tal‑provi kif ukoll fuq il‑ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni fir‑rigward tal‑konstatazzjoni tal‑Qorti Ġenerali dwar in-numru ta’ allegati kontrafatturi

– L‑argumenti tal-partijiet

18

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellant isostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 37 tad-digriet appellat, li huwa ma kienx stabbilixxa li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet l-allegazzjonijiet tiegħu dwar l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn impriżi. Huwa jsostni li fl-ewwel istanza huwa qajjem argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet evalwat b’mod manifestament żbaljat l-interess tal-Unjoni billi ma kkunsidratx il-kollużjoni bħala kkostitwita u billi ma qisitx li din il-kollużjoni kienet ippermettiet l-istabbiliment ta’ standard internazzjonali bi ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-appellant.

19

L-appellant iżid jgħid, fir-replika tiegħu, li, kuntrarjament għal dak li tesponi l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, in-nuqqas ta’ osservanza, mill-parteċipanti fil-proċess ta’ standardizzazzjoni, tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom kif ukoll tad-drittijiet eventwali miżmuma minn terzi, fosthom, fil-każ ineżami, il-privattivi tal-appellant, ma tikkostitwixxix ommissjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata, iżda pjuttost koordinazzjoni antikompetittiva bejn dawn l-impriżi. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 38 tad-digriet appellat, li l-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li kien impossibbli li jiġi dedott mill-provi prodotti mill-appellant li kienu jeżistu “suspetti raġonevoli” ta’ kollużjoni bejn l-impriżi msemmija fl-ilment.

20

Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, meta eżiġiet, fil-punt 38 ta’ dan id-digriet, li huwa juri li l-konstatazzjoni tan-numru kbir ħafna ta’ kontrafatturi setgħet tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-assenza ta’ prova ta’ kollużjoni bejn l-impriżi msemmija fl-ilment tiegħu, wettqet żball ta’ liġi u kisret l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha.

21

Skont l-appellant, l-eżistenza ta’ numru kbir ħafna ta’ kontrofatturi ma hijiex intiża sabiex tikkontesta din l-evalwazzjoni, iżda turi biss li huwa materjalment impossibbli li jinbdew proċeduri kontra kull allegat kontrafattur. L-eżistenza ta’ numru kbir ħafna ta’ kontrafatturi għaldaqstant ma għandhiex l-għan li ssaħħaħ il-prova ta’ din il-kollużjoni, li kienet diġà ntweriet, barra minn hekk, matul il-proċedura amministrattiva u mtennija fir-rikors fl-ewwel istanza. Il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tad-digriet appellat hija għaldaqstant mingħajr skop, peress li l-appellant ma bbażax il-prova ta’ kollużjoni fuq il-fatt li jeżisti numru kbir ta’ allegati kontrafatturi, iżda fuq il-fatt li diversi impriżi li pparteċipaw fil-proċess ta’ standardizzazzjoni kienu informati bl-eżistenza tal-portafoll ta’ privattivi tiegħu qabel il-bidu ta’ dan il-proċess u li huma naqsu mill-obbligu tagħhom ta’ dikjarazzjoni. Konsegwentement, ir-riferiment għan-numru kbir ħafna ta’ kontrofatturi jiżnatura l-provi miġjuba għall-attenzjoni tagħha.

22

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli sa fejn l-appellant iqajjem żnaturament tal-provi jew tal-fatti u ineffettiv jew manifestament infondat fir-rigward tal-argumenti l-oħra li huwa ressaq.

– L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

23

Għandu jitfakkar li l-ewwel motiv quddiem il-Qorti Ġenerali kien ibbażat fuq l-evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-interess tal-Unjoni mill-Kummissjoni. Permezz ta’ dan il-motiv, l-appellant kien qiegħed isostni li din l-istituzzjoni ma fehmitx il-portata u l-gravità tal-ksur allegat tal-Artikolu 101 TFUE.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, wara li fakkret, fil-punti 30 sa 34 tad-digriet appellat, il-kompetenzi tal-Kummissjoni fit-trattament tal-ilmenti li jitressqu quddiemha u r-rwol tal-lanjant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellant, fil-punti 36 sa 38 ta’ dan id-digriet, kif ġej:

“36.

[…], għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni indikat, fil-premessi 36, 40, 43 u 46 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrent ma tippermettilhiex tiddeduċi jew saħansitra tibbaża fuqha suspetti raġonevoli rigward kollużjoni bejn l-impriżi msemmija fl-ilment tiegħu. Hija essenzjalment qieset ukoll, fil-premessi 36, 39 u 46 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], li l-aġir allegat jirriżulta mid-dritt tal-proprjetà intellettwali u mhux mid-dritt tal-kompetizzjoni, fis-sens li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tar-rikorrent ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tal-imsemmija standard. Hija b’mod partikolari b’din ir-raġuni li l-Kummissjoni mmotivat il-konklużjoni tagħha li tgħid li l-probabbiltà li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni kienet tidher limitata f’dan il-każ u, għalhekk, immotivat ir-rifjut tagħha li tkompli bl-eżami tal-ilment tar-rikorrent.

37

Għaldaqstant u fin-nuqqas tar-rikorrent li jistabbilixxi li din il-konklużjoni kienet ir-riżultat ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat l-assenza ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni li tkompli bl-eżami tal-fatti allegati mir-rikorrent.

38

Il-fatt allegat mir-rikorrent li jgħid li l-prattika li jilmenta dwarha tikkonċerna numru kbir ħafna ta’ allegati kontrofatturi ma jistax jinvalida din il-konklużjoni, peress li dan naqas milli juri li dan l-element, anki jekk jiġi preżunt li seħħ, jikkontesta l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ prova ta’ kollużjoni bejn l-impriżi msemmija fl-ilment tiegħu jew fir-rigward tal-fatt li l-aġir li dwaru jilmentat jirriżulta qabel kollox mid-dritt tal-proprjetà intellettwali”.

25

Mill-punti 36 u 37 tad-digriet appellat jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat, konformement mal-ġurisprudenza li hija semmiet fil-punti 30 sa 34 ta’ dan id-digriet, jekk il-Kummissjoni kinitx eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha li tittratta l-ilmenti billi bbilanċjat, b’mod partikolari, in-natura tal-ksur allegat, il-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u l-interess tal-Unjoni.

26

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argument tiegħu mmirat kontra l-punti 36 u 37 tad-digriet appellat, l-appellant ma jinvokax żball ta’ liġi li jivvizzja r-raġunament magħmul mill-Qorti Ġenerali iżda fir-realtà jfittex li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal evalwazzjoni ġdida tal-provi, billi jistedinha tikkostata li l-Qorti Ġenerali “ma seta[x] jirripproduċi bħala tiegħu”, ħlief jekk iwettaq l-“istess żball” bħall-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt relatati mal-assenza ta’ prova tal-eżistenza ta’ kollużjoni bejn l-impriżi msemmija fl-ilment tal-appellant, li fost oħrajn wasslet lill-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża.

27

Issa, tali argument huwa inammissibbli. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-annessi tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, kif ukoll li tevalwa l-provi prodotti. Il-konstatazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi ma jikkostitwixxux għalhekk, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2018, Agria Polska et vs Il‑Kummissjoni, C‑373/17 P, EU:C:2018:756, punt 32, kif ukoll tat‑30 ta’ Ġunju 2022,Fakro vs Il‑Kummissjoni, C‑149/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:517, punt 45), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest tal-appell, sabiex twettaq eżami mill-ġdid tal-fatti u tal-provi.

28

Barra minn hekk, il-fatt li l-appellant “qajjem” quddiem il-Qorti Ġenerali motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni ma jistax, evidentement, ikun suffiċjenti sabiex isostni l-ilment tiegħu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 37 tad-digriet appellat, li l-appellant ma kienx “stabbilixxa” li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża kienet ir-riżultat ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

29

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumentazzjoni tal-appellant relatata mal-punt 38 tad-digriet appellat, għandu l-ewwel jitfakkar, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Qorti Ġenerali li dan l-obbligu, li jikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali, għandu jiġi distint mill-fondatezza tal-motivazzjoni li taqa’, min-naħa tagħha, taħt il-legalità fuq il-mertu tal-atti kontenzjuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 79, kif ukoll tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Fakro vs Il‑Kummissjoni, C‑149/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:517, punt 180).

30

Issa, l-ilment imqajjem mill-appellant li l-motivazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tad-digriet appellat hija “mingħajr skop” ma tikkonċernax nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni iżda n-natura adegwata jew il-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni.

31

It-tieni, fir-rigward tal-ilment tal-appellant dirett kontra l-fondatezza tal-evalwazzjoni li tinsab f’dan il-punt tad-digriet appellat, għandu jiġi kkonstatat li dan jirriżulta minn qari żbaljat ta’ dan id-digriet.

32

Huwa minnu li, fil-punt 38 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-appellant ma kienx wera li n-numru kbir ħafna ta’ allegati kontrafatturi, jekk wieħed iqis li huwa minnu, kien jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-assenza ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni li tkompli bl-eżami tal-fatti allegati minnu. Madankollu, mill-punti 36 u 37 ta’ dan l-istess digriet, li fir-rigward tagħhom l-appellant ma weriex li huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq in-numru ta’ kontrafatturi sabiex tikkonferma din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni iżda fuq il-fatt li l-aġir li dwaru jilmenta l-appellant jirriżulta mid-dritt tal-propjetà intelletwali u mhux mid-dritt tal-kompetizzjoni.

33

Barra minn hekk, peress li l-appellant ma jipprovax, permezz tal-argumentazzjoni tiegħu f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-provi, din tal-aħħar tista’ biss tiġi miċħuda.

34

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala li huwa, parzjalment, innammissibli u, parzjalment, infondat.

Fuq it‑tieni aggravju, ibbażat, essenzjalment, fuq żnaturament tal‑provi dwar l‑allegat qsim tas‑suq

– L‑argumenti tal‑partijiet

35

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 41 tad-digriet appellat, wettqet żball ta’ fatt meta rrilevat li l-appellant ma kienx qajjem argumenti dwar il-qsim ta’ swieq matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, l-appellant jallega li effettivament sostna, b’ittra tal‑15 ta’ Mejju 2018, l-eżistenza ta’ tali qsim tas-swieq matul din il-proċedura, li kienet intiża sabiex tikkompleta ż-żewġ istanzi ta’ lment diġà mwettqa. Il-Qorti Ġenerali naqset milli ssemmi din l-ittra, minkejja li din tal-aħħar kienet annessa wkoll mar-rikors fl-ewwel istanza. L-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-provi miġjuba quddiemha hija għaldaqstant żbaljata, peress li din naqset milli tikkonstata l-kontenut reali ta’ wieħed minn dawn l-elementi, billi pproċediet b’dan il-mod għall-iżnaturament tagħhom u billi wettqet ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 42 tad-digriet appellat, li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni din l-ittra meta adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

36

Il-Kummissjoni tirribatti li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli jew manifestament infondat.

– L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja

37

Għandu jitfakkar li, permezz tal-ewwel motiv tar-rikors għal annullament, l-appellant sostna li l-operaturi postali kienu qassmu bejniethom is-suq ikkonċernat billi għażlu li joffru t-teknoloġija bil-privattiva mhux lill-punt fejn jingħata s-servizz, jiġifieri lill-pubbliku, iżda biss lill-kummerċjanti li joperaw b’mod elettroniku.

38

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument fil-punti 41 u 42 tad-digriet appellat kif ġej:

“41

[…] għandu jiġi nnotat li mill-ittri tar-rikorrent tal-4 ta’ Ottubru 2017 u tal‑14 ta’ Settembru 2019 kif ukoll mill-premessi 12 u 24 tad-deċiżjoni [kontenzjuża] jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrent li jikkonċernaw qsim tas-swieq ma tqajmux matul il-proċedura amministrattiva.

42

Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 [tad-digriet appellat], il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma analizzatx dawn l-argumenti fid-deċiżjoni [kontenzjuża]”.

39

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-konstatazzjoni tal-fatti u l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali ma jikkostitwixxux, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell.

40

F’dan il-każ, għalkemm l-appellant formalment jirreferi għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll għal żnaturament jew ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 41 tad-digriet appellat, l-argument tiegħu donnu huwa intiż biss, kif jirriżulta mill-punt 35 tas-sentenza preżenti, li jiġi kkonstatat żnaturament tal-provi. Madankollu, l-iżvilupp ta’ dan l-argument fil-verità huwa mmirat li jsostni, fl-istadju tal-appell, evalwazzjoni tal-“kontenut reali” tal-ittra tal‑15 ta’ Mejju 2018 u sabiex jinkiseb eżami tal-valur probatorju tagħha, fir-rigward tal-provi eżaminati mill-Qorti Ġenerali u msemmija f’dan l-istess punt tad-digriet appellat.

41

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 86, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li ma huwiex il-każ hawnhekk.

42

Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq it‑tielet aggravju, ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni fir‑rigward tal‑klassifikazzjoni tal‑argumenti tal-appellant relatati mal-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni

– L‑argumenti tal‑partijiet

43

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, billi ċaħdet, fil-punti 87 u 88 tad-digriet appellat, ir-raba’ u l-ħames motiv tar-rikors għal annullament tiegħu minħabba li l-appellant essenzjalment talabha tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, mingħajr ma qajjem ebda argument intiż sabiex juri li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter, wettqet żball ta’ liġi fil-konstatazzjoni tal-kontenut ta’ prova.

44

Qabelxejn, l-appellant isostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, huwa ma kienx qiegħed jitolbha li tikkonstata direttament ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Bil-kontra, l-appellant isostni li wera li, li kieku l-Kummissjoni evalwat fil-valur ġust tagħhom il-provi li kienu tressqu quddiemha matul il-proċedura amministrattiva, hija ma setgħetx ħlief tikkonstata li kien hemm kollużjoni bejn l-impriżi msemmija fl-ilment u konsegwentement ksur tar-regoli tal-Artikolu 101 TFUE. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ifakkar li r-raba’ u l-ħames motiv tar-rikors għal annullament tiegħu kienu jikkostitwixxu biss “żvilupp u preċiżjoni tal-fatti diġà prodotti matul il-proċedura amministrattiva”.

45

Sussegwentement, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, billi esponiet, fil-punt 83 tad-digriet appellat, li l-appellant, permezz tar-raba’ u l-ħames motiv tiegħu, “[kien] qiegħed jiżviluppa t-teorija tiegħu tan-natura antikompetittiva tal-ftehim ta’ standardizzazzjoni [Global Stardards 1] u tal-aġir tal-membri tiegħu, mingħajr ma qajmet ebda argument li jirrigwarda speċifikament id-deċiżjoni [kontenzjuża]”, kisret l-obbligu li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Madankollu mill-argumenti kollha tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari mit-titolu tar-raba’ motiv tiegħu, jirriżulta li l-appellant ipprova juri li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkonstata li huwa kien ġarrab diskriminazzjoni għall-aċċess għall-proċess tal-istandardizzazzjoni kif ukoll għall-eżitu u għall-minuti ta’ dawn il-proċessi.

46

Fl-aħħar nett, fir-rigward taċ-ċaħda tal-ħames motiv, l-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali, billi qieset li l-Kummissjoni kellha raġun, wara li eżaminat il-provi prodotti mill-appellant, li tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, wettqet ukoll żball ta’ liġi u naqset mill-obbligu li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Huwa jippreċiża li, permezz ta’ dan il-ħames motiv, huwa sempliċement espona l-elementi li kellhom jippermettu lill-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni msemmija fil-premessa 42 tad-deċiżjoni kontenzjuża, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim inkwistjoni jaqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE u, fl-affermattiv, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE kinux issodisfatti. Huwa jżid jgħid li, f’dan il-motiv, għamel evalwazzjoni in extenso tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għall-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni sabiex juri li l-Kummissjoni ma setgħetx tiċħad l-ilment tiegħu.

47

Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

– L‑ewalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

48

Qabel kollox għandu jitfakkar li r-raba’ u l-ħames motiv tar-rikors għal annullament tiegħu kienu bbażati, rispettivament, fuq żball ta’ liġi li jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx qieset li kienet teżisti diskriminazzjoni għall-aċċess għall-proċess ta’ standardizzazzjoni kif ukoll għall-eżitu u l-minuti ta’ dawn il-proċessi u fuq żball ta’ liġi li jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx qieset li kien hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

49

B’mod iktar preċiż, l-appellant kien qiegħed isostni li kien ġie ostakolat milli jaċċedi għall-proċess ta’ standardizzazzjoni, b’mod partikolari fi ħdan l-organu ta’ standardizzazzjoni Global Standards 1 (iktar ’il quddiem “GS 1”), u li l-allegati kontrafatturi kienu kiser l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mil-Linji Gwida dwar il-Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni Orizzontali u rrifjutaw l-aċċess għall-eżitu tal-proċess ta’ standardizzazzjoni fi ħdan is-suq tat-trażmissjoni u tal-monitoraġġ tal-pakketti fl-Unjoni, li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE.

50

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument, fil-punti 83 sa 87 tad-digriet appellat, kif ġej:

“83

Permezz tar-raba’ u l-ħames motiv tiegħu, ir-rikorrent jiżviluppa t-teorija tiegħu tan-natura antikompetittiva tal-ftehim ta’ standardizzazzjoni GS 1 u tal-aġir tal-membri tiegħu, mingħajr ma jqajjem ebda argument li jirrigwarda speċifikament id-deċiżjoni [kontenzjuża].

84

Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrent huma fil-parti l-kbira tagħhom ġodda meta mqabbla ma’ dawk ipprovduti matul il-proċedura amministrattiva fl-ittra tiegħu tal‑14 ta’ Settembru 2019, li għalihom il-Kummissjoni rrispondiet fil-premessi 38 et seq. tad-deċiżjoni [kontenzjuża]. Il-Kummissjoni kkonkludiet, rispettivament, fil-premessi 40 u 43 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], minn naħa, li ‘l-informazzjoni [pprovduta] ma [kinitx] tippermettil[ha] li tiddeduċi jew li tibbaża suspetti raġonevoli fir-rigward ta’ kollużjoni bejn l-impriżi [msemmija’] u, min-naħa l-oħra, li, ‘anki jekk wieħed jassumi li jirriżulta li r-regoli ta’ funzjonament ta’ GS 1 jikkostitwixxu ftehim ta’ standardizzazzjoni li jirriskja li joħloq saħħa fis-suq u li ma josservawx il-kundizzjonijiet deskritti fil-punti 270 sa 286 tal-Linji Gwida [dwar il-Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni Orizzontali], [l-appellant] ma jindikax kif ir-regoli ta’ funzjonament għandhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni’.

85

Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ lment ma għandux iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-interess tal-Unjoni ma’ dik tal-Kummissjoni, iżda huwa intiż li jivverifika li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq fatti materjalment ineżatti u li ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi, u lanqas minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter ([…] sentenza tal-11 ta’ Jannar 2017, Topps Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑699/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:2, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Fil-każ ineżami, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li teżamina direttament il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim ta’ standardizzazzjoni GS 1 u l-aġir tal-membri tiegħu humiex antikompetittivi, iżda li tiddetermina jekk il-pożizzjoni esposta fil-premessi 38 et seq. tad-deċiżjoni [kontenzjuża], b’risposta għall-argumenti pprovduti mir-rikorrent matul il-proċedura amministrattiva, hijiex ivvizzata bi żbalji ta’ liġi, bi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta poter.

87

Madankollu, permezz tar-raba u tal-ħames motiv, ir-rikorrent essenzjalment jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, mingħajr ma jqajjem ebda argument intiż li juri li d-deċiżjoni [kontenzjuża] hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, bi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter”.

51

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali vvizzjat ir-raġunament tagħha bi żball ta’ liġi u naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-argumenti tal-appellant relatati mal-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni.

52

Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

53

Fil-fatt, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-appellant ma jidentifika ebda żball ta’ liġi li bih huma vvizzjati l-punti 83, 87 u 88 tad-digriet appellat, iżda sempliċement itenni l-espożizzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali li kellhom iwasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn l-impriżi msemmija fl-ilment tal-appellant. Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tista, mingħajr ma jiġi invokat żnaturament tal-fatti, la tistħarreġ l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi, magħmula mill-Qorti Ġenerali, u lanqas, a fortiori, twettaq evalwazzjoni ġdida taċ-ċirkustanzi fattwali u tal-provi.

54

Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-appellant jammetti fl-appell tiegħu li kien b’risposta għall-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata li huwa żviluppa argumentazzjoni dwar l-evalwazzjoni in extenso tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għall-ftehimiet ta’ standardizzazzjoni, sabiex juri li l-Kummissjoni żbaljat meta ċaħdet l-ilment tiegħu. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat, fil-punt 84 tad-digriet appellat, li l-argumenti tal-appellant kienu fil-parti l-kbira tagħhom ġodda meta mqabbla ma’ dawk ipprovduti matul il-proċedura amministrattiva.

55

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, fil-punti 83, 87 u 88 tad-digriet appellat, tiddeċiedi li l-appellant kien qiegħed jistedinha, permezz tar-raba’ u l-ħames motiv tiegħu, tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, mingħajr ma tqajjem ebda argument intiż sabiex juri li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew bi żball ta’ liġi, u tiċħad dawn il-motivi.

56

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni allegat mill-appellant, dan għandu jiġi miċħud. Peress li l-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punti 84 sa 87 tad-digriet appellat, il-motivi li għalihom hija ċaħdet ir-raba’ u l-ħames motiv tal-appellant, l-identiċità bejn dawn il-motivi u l-argument tal-Kummissjoni ma għandhiex effett fuq l-evalwazzjoni tal-osservanza ta’ dan l-obbligu.

57

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

58

Billi l-ebda wieħed mill-aggravji ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l‑ispejjeż

59

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprevedi li l-parti li titlef hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

60

Peress li l-appellant tilef l-appell tiegħu, hemm lok li jiġu ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud:

 

2)

Frédéric Jouvin huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top