Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0682

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-26 ta’ Jannar 2023.
    "HSC Baltic" UAB et vs Vilniaus miesto savivaldybės administracija.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 57(4)(g) – Raġuni fakultattiva għal esklużjoni marbuta man-nuqqasijiet fil-kuntest ta’ kuntratt preċedenti – Kuntratt mogħti lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi – Xoljiment ta’ dan il-kuntratt – Inklużjoni awtomatika tal-membri kollha tal-grupp f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1(1) u (3) – Dritt għal rimedju effettiv.
    Kawża C-682/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:48

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    26 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 57(4)(g) – Raġuni fakultattiva għal esklużjoni marbuta man-nuqqasijiet fil-kuntest ta’ kuntratt preċedenti – Kuntratt mogħti lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi – Xoljiment ta’ dan il-kuntratt – Inklużjoni awtomatika tal-membri kollha tal-grupp f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1(1) u (3) – Dritt għal rimedju effettiv”

    Fil-Kawża C‑682/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

    “HSC Baltic” UAB,

    “Mitnija” UAB,

    “Montuotojas” UAB

    vs

    Vilniaus miesto savivaldybės administracija,

    fil-preżenza ta’:

    “Active Construction Management” UAB, fi stralċ,

    “Vilniaus vystymo kompanija” UAB,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis, V. Kazlauskaitė-Švenčionienė u E. Kurelaitytė, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek, A. Steiblytė u G. Wils, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) u tal-Artikolu 57(4)(g) u (6) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif ukoll tal-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6 Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata permezz tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwim bejn, minn naħa, “HSC Baltic” UAB, “Mitnija” UAB u “Montuotojas” UAB u, min-naħa l-oħra, il-Vilniaus miesto savivaldybės administracija (l-amministrazzjoni komunali tal-belt ta’ Vilnjus, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem il-“belt ta’ Vilnjus”), sostnuta minn “Active Construction Management” UAB, fi stralċ, u “Vilniaus vystymo kompanija” UAB, dwar il-konsegwenzi, għal HSC Baltic, Mitnija u Montuotojas, tax-xoljiment ta’ kuntratt pubbliku mogħti lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi li huma kienu jagħmlu parti minnu.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Id‑Direttiva 89/665

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi:

    “1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva [2014/24] […]

    […]

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi […] id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet publiċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat.

    […]”

    Id‑Direttiva 2014/24

    4

    Il-premessi 101 u 102 tad-Direttiva 2014/24 jgħidu:

    “(101)

    […] l-awtoritajiet kontraenti għandha tingħatalhom il-possibbiltà li jeskludu operaturi ekonomiċi li wrew li mhumiex affidabbli, pereżempju minħabba ksur ta’ obbligi ambjentali jew soċjali, […] jew forom oħra ta’ kondotta professjonali serjament skorretta, bħal ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni jew ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. […]

    […] [L-awtoritajiet kontraenti] għandhom ukoll ikunu jistgħu jeskludu kandidati jew offerenti li t-twettiq tagħhom ta’ kuntratti pubbliċi preċedenti wera nuqqasijiet kbar fir-rigward ta’ rekwiżiti sostantivi, pereżempju n-nuqqas ta’ twettiq jew prestazzjoni ta’ suċċess, nuqqasijiet sinifikanti tal-prodott jew servizz mogħti, li b’hekk ma setax jintuża għall-iskop maħsub, jew imġiba skorretta li tqajjem dubji serji dwar l-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku. Il-liġi nazzjonali għandha tipprevedi għal durata massima ta’ esklużjonijiet bħal dawn.

    Bl-applikazzjoni ta’ raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. […]

    (102)

    Madankollu, trid tingħata xi ftit konċessjoni għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jadottaw miżuri ta’ konformità li għandhom l-għan li jirrimedjaw għall-konsegwenzi ta’ kwalunkwe reat kriminali jew kondotta skorretta u li jimpedixxu b’mod effettiv milli jkun hemm iżjed okkorrenzi tal-imġiba ħażina. Dawk il-miżuri jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari minn miżuri tal-persunal u organizzattivi bħall-qtugħ tar-rabtiet kollha ma’ persuni jew organizzazzjonijiet involuti fl-imġiba ħażina, miżuri xierqa ta’ riorganizzazzjoni tal-persunal, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ rapportar u kontroll, il-ħolqien ta’ struttura ta’ verifika interna għall-monitoraġġ tal-konformità u l-adozzjoni ta’ regoli interni dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens. Fejn tali miżuri joffru garanziji suffiċjenti, l-attur ekonomiku inkwistjoni ma għandux jibqa’ jiġi eskluż minħabba dawk ir-raġunijiet waħedhom. […]”

    5

    L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji tal-akkwist [Prinċipji tal-għoti ta’ kuntratti]”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

    […]”

    6

    L-Artikolu 57 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jipprevedi:

    “[…]

    4.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    […]

    g)

    fejn l-operatur ekonomiku jkun wera nuqqasijiet sinifikanti jew persistenti fit-twettiq ta’ rekwiżit sostantiv taħt kuntratt pubbliku preċedenti, kuntratt preċedenti ma’ entità kontraenti jew kuntratt ta’ konċessjoni preċedenti li wassal għat-terminazzjoni antiċipata ta’ dan il-kuntratt preċedenti, penali jew sanzjonijiet komparabbli;

    […]

    6.   Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist.

    Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku għandu jagħti prova li hu ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew mill-kondotta ħażina tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew kondotta ħażina ulterjuri.

    […]

    7.   Permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu. B’mod partikolari, huma għandhom jiddeterminaw il-perijodu massimu tal-esklużjoni jekk ma ttieħdet l-ebda miżura, kif speċifikat fil-paragrafu 6, mill-operatur ekonomiku biex juri l-affidabbiltà tiegħu. Fejn il-perijodu ta’ esklużjoni ma jkunx ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali, dak il-perijodu ma għandux ikun itwal minn […] tliet snin mid-data tal-avveniment rilevanti fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 4.”

    7

    L-Artikolu 90 tal-istess direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat‑18 ta’ April 2016. […]”

    8

    Skont l-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/24:

    “Id-Direttiva 2004/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)] hija mħassra b’effett mit-18 ta’ April 2016.

    […]”

    Id‑dritt Litwan

    Il‑Liġi dwar il‑Kuntratti Pubbliċi

    9

    Il-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Kuntratti Pubbliċi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), tipprovdi, fil-punt 36 tal-Artikolu 2 tagħha:

    “‘Fornitur’ — operatur ekonomiku — tfisser persuna fiżika jew persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku, organizzazzjoni oħra u l-membri tagħha jew grupp ifformat minn tali persuni, inkluża assoċjazzjoni temporanja ta’ operaturi ekonomiċi, li toffri fuq is-suq it-twettiq ta’ xogħlijiet, il-provvista ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi.”

    10

    L-Artikolu 46 ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “[…]

    4.   L-awtorità kontraenti għandha teskludi lill-fornitur mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta:

    […]

    6)

    il-fornitur ma eżegwiex kuntratt mogħti skont din il-liġi, […] jew kuntratt ta’ konċessjoni, jew eżegwieh ħazin u dan kien jikkostitwixxi ksur sostanzjali tal-kuntratt, kif iddefinit mill-Kodiċi Ċivili, li wassal għax-xoljiment tal-kuntratt matul it-tliet snin preċedenti, jew sentenza definittiva mogħtija matul it-tliet snin preċedenti li laqgħet it-talba għal kumpens magħmula mill-awtorità kontraenti, l-entità kontraenti jew l-awtorità kontraenti fir-rigward tad-dannu mġarrab minħabba nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti fl-eżekuzzjoni mill-fornitur ta’ terminu essenzjali tal-kuntratt, jew l-adozzjoni mill-awtorità kontraenti, matul it-tliet snin preċedenti, ta’ deċiżjoni li tikkonstata li l-eżekuzzjoni mill-fornitur ta’ terminu essenzjali tal-kuntratt kienet ivvizzjata b’nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti li taw lok, minħabba f’hekk, għall-applikazzjoni ta’ penali kuntrattwali. […]

    […]

    8.   Meta fornitur ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1, 4 u 6 ta’ dan l-artikolu, l-awtorità kontraenti ma għandhiex teskludih mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti:

    1)

    il-fornitur ikun ippreżenta lill-awtorità kontraenti informazzjoni li turi li huwa adotta l-miżuri li ġejjin:

    a)

    huwa, minn rajh, ħallas jew ħa l-impenn li jħallas kumpens għad-dannu kkawżat mir-reat jew mill-ksur imsemmi fil-paragrafi 1, 4 jew 6 ta’ dan l-artikolu, jekk ikun il-każ;

    b)

    huwa kkoopera, ta għajnuna attiva jew ħa miżuri oħra li jikkontribwixxu sabiex jiġi ċċarat jew speċifikat ir-reat jew il-ksur imwettaq minnu, jekk ikun il-każ;

    c)

    huwa ħa miżuri tekniċi, ta’ organizzazzjoni jew ta’ ġestjoni tal-persunal intiżi sabiex jipprevjenu reati jew ksur ieħor;

    2)

    l-awtorità kontraenti evalwat l-informazzjoni ppreżentata mill-fornitur skont il-punt 1 ta’ dan il-paragrafu u adottat deċiżjoni motivata li abbażi tagħha l-miżuri adottati mill-fornitur sabiex juri l-affidabbiltà tagħha huma suffiċjenti. […]”

    11

    Skont l-Artikolu 91(1) tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni tagħha ċċitata mill-qorti tar-rinviju:

    “L-awtorità kontraenti għandha tippubblika, mhux iktar tard minn fi żmien għaxart ijiem, fil-portal ċentrali tal-kuntratti pubbliċi, skont il-modalitajiet iddefiniti mill-awtorità tal-kuntratti pubbliċi, l-informazzjoni dwar il-fornituri (fil-każ ta’ grupp ta’ fornituri, dwar il-membri kollha ta’ dan il-grupp) li ma eżegwewx jew eżegwew ħażin il-kuntratt, kif ukoll, meta n-nuqqas jikkonċerna l-parti tal-kuntratt li kienet ingħatat lilhom b’subappalt, l-informazzjoni dwar l-operaturi ekonomiċi li l-fornitur irrikorra għalihom u li kienu impenjaw ruħhom sabiex ikunu responsabbli in solidum mal-fornitur għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt […]”

    Il‑Kodiċi Ċivili

    12

    L-Artikolu 6.6 tal-Lietuvos Respublikos civilinis kodeksas (il-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja) jipprovdi:

    “1.   Ir-responsabbiltà in solidum bejn id-debituri ma hijiex preżunta, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjonijiet previsti mil-liġi. Din tidher biss fil-każijiet previsti mil-liġi jew miftiehma mill-partijiet, kif ukoll meta s-suġġett tal-obbligu jkun indiviżibbli.

    […]

    3.   Ir-responsabbiltà in solidum bejn id-debituri hija preżunta meta l-obbligu jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi, attività komuni jew il-kumpens għal dannu kkawżat mill-atti ta’ diversi persuni.

    […]”

    13

    L-Artikolu 6.15 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Jekk l-eżekuzzjoni tal-obbligu tkun impossibbli minħabba nuqqas ta’ wieħed mill-kodebituri, il-kodebituri l-oħra ma għandhomx jinħelsu mir-responsabbiltà għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    14

    Fis‑7 ta’ Diċembru 2016, il-belt ta’ Vilnjus ippubblikat avviż ta’ kuntratt pubbliku, ta’ valur ta’ EUR 21 793 166.72, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ ċentru tas-saħħa b’diversi għanijiet (iktar ’il quddiem il-“kuntratt kontenzjuż”).

    15

    Kuntratt ta’ attività komuni konkluż fit‑30 ta’ Jannar 2017 bejn Active Construction Management, HSC Baltic, Mitnija, Montuotojas u “Axis Power” UAB indika, għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt kontenzjuż u l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet fil-każ ta’ għoti, lil Active Construction Management bħala sieħeb mexxej ta’ dan il-grupp ta’ operaturi ekonomiċi. Ġie miftiehem ukoll li l-ishma rispettivi, fil-valur, tal-kontribuzzjonijiet għall-attività komuni kienu ser jitqassmu kif ġej: Attiva Construction Management 65 %, HSC Baltic 15 %, Axis Power 10 %, Mitnija 5 % u Montuotojas 5 %.

    16

    Fil‑5 ta’ Ġunju 2017, il-belt ta’ Vilnjus tat il-kuntratt kontenzjuż lill-imsemmi grupp. Peress li t-terminu għat-twettiq tax-xogħlijiet kien stabbilit għal 18-il xahar, dan il-kuntratt kellu jiġi eżegwit sa mhux iktar tard mill‑5 ta’ Diċembru 2018.

    17

    Peress li x-xogħlijiet ma tlestewx f’dan it-terminu, it-terminu ġie estiż sat‑28 ta’ Mejju 2020. Matul dan il-perijodu addizzjonali, ma kienx hemm progress fix-xogħlijiet skont l-iskeda prevista.

    18

    Permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Ottubru 2019, il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja), fuq talba tal-maniġer ta’ Active Construction Management, issuġġettat lil din il-kumpannija għal proċedura ta’ falliment. Fis‑6 ta’ Diċembru 2019, l-istralċjarju informa lil HSC Baltic, Mitnija, Montuotojas u Axis Power, kif ukoll lill-belt ta’ Vilnius, dwar din il-proċedura ta’ falliment u li s-sieħeb mexxej ma kienx ser ikompli bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt kontenzjuż.

    19

    Fit‑22 ta’ Jannar 2020, il-belt ta’ Vilnjus informat lil HSC Baltic, Mitnija, Montuotojas u Axis Power li hija kienet qiegħda xxolji l-kuntratt kontenzjuż minħabba nuqqas sostanzjali, li kien jikkonsisti fil-fatt li s-sit ta’ kostruzzjoni ġie abbandunat u tħalla mingħajr sorveljanza, li ma ġietx ipprovduta garanzija ġdida, li ma ġietx osservata l-iskeda tax-xogħlijiet u li ma ġietx sottoskritta assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili.

    20

    Dawn il-kumpanniji adixxew lill-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius) b’rikors intiż sabiex ix-xoljiment tal-kuntratt kontenzjuż mill-belt ta’ Vilnius u l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-fornituri mhux affidabbli li tinsab fil-portal ċentrali tal-kuntratti pubbliċi jiġu ddikjarati illegali.

    21

    Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Awwissu 2020, dik il-qorti ċaħdet dak ir-rikors, billi kkonstatat li l-belt ta’ Vilnjus kienet, ġustament, semmiet il-problemi ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet lis-sieħeb mexxej u lill-membri l-oħra tal-grupp. Peress li dawn il-kumpanniji huma responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt kontenzjuż u peress li dan ġie xolt, l-awtorità kontraenti ma kellha ebda setgħa diskrezzjonali li tippermettilha li ma tinkludix lill-membri kollha tal-grupp fil-lista ta’ fornituri mhux affidabbli. Din l-inklużjoni ma kinitx tipprekludi lill-imsemmija kumpanniji milli jirriabilitaw ruħhom u milli jipparteċipaw b’dan il-mod fi proċeduri oħra għal għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    22

    HSC Baltic, Mitnija, Montuotojas u Axis Power appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja). Din ċaħdet dan l-appell permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, billi qablet mar-raġunament tal-qorti tal-ewwel istanza.

    23

    Fit‑22 ta’ Jannar 2021, il-Viešųjų pirkimų tarnyba (l-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi, il-Litwanja), fuq inizjattiva tal-belt ta’ Vilnjus, inkludiet lill-membri tal-grupp fil-lista tal-fornituri mhux affidabbli.

    24

    HSC Baltic, Mitnija u Montuotojas ippreżentaw, kontra s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021 tal-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja), appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), il-qorti tar-rinviju.

    25

    Fil‑15 ta’ Marzu 2021, HSC Baltic, Mitnija u Montuotojas talbu lill-qorti tar-rinviju tordna, bħala miżura provviżorja, li l-ismijiet tagħhom jitneħħew mil-lista tal-fornituri mhux affidabbli. B’digriet tal‑31 ta’ Marzu 2021, il-qorti tar-rinviju laqgħet din it-talba.

    26

    Fil‑11 ta’ Novembru 2021, l-imsemmija qorti tat sentenza li permezz tagħha hija ddeċidiet parzjalment l-appell, billi ċaħdet l-aggravji ta’ HSC Baltic, ta’ Mitnija u ta’ Montuotojas ibbażati fuq l-illegalità tax-xoljiment tal-kuntratt kontenzjuż.

    27

    Sabiex tiddeċiedi dwar l-inklużjoni ta’ dawn il-kumpanniji fil-lista ta’ fornituri mhux affidabbli, il-qorti tar-rinviju tqis li huma neċessarji ċerti kjarifiki dwar il-portata tad-dritt tal-Unjoni.

    28

    F’dan ir-rigward, dik il-qorti tindika, preliminarjament, li l-leġiżlatur Litwan ittraspona tard id-Direttiva 2014/24, b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2017, wara t‑18 ta’ April 2016, data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, hija tqis li l-imsemmija direttiva tista’ tapplika għall-kawża prinċipali.

    29

    L-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-inklużjoni awtomatika, f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli, ta’ kull operatur ekonomiku legalment responsabbli għan-nuqqas li wassal għax-xoljiment ta’ kuntratt pubbliku, hijiex kompatibbli mar-rekwiżit ta’ evalwazzjoni individwalizzata fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raġunijiet għal esklużjoni previsti mid-Direttiva 2014/24.

    30

    Hija tosserva li, fid-dawl tal-portata tal-kliem “deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti” fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, l-inklużjoni ta’ operatur ekonomiku f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli tista’ tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat. Issa, id-dritt Litwan ma jippermettix li tiġi kkontestata din l-inklużjoni, peress li din hija kkunsidrata bħala sempliċi effett legali tax-xoljiment tal-kuntratt. F’dan il-każ, huwa minnu li l-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius) ġiet adita b’rikors li permezz tiegħu ġew ikkontestati kemm dan ix-xoljiment kif ukoll l-imsemmija reġistrazzjoni. Madankollu, peress li din ir-reġistrazzjoni seħħet wara li d-deċiżjoni tal-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) saret definittiva, il-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell, skont il-qorti tar-rinviju, ma setgħux jiddeċiedu dwar il-parti tar-rikors relatata ma’ din ir-reġistrazzjoni.

    31

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 18(1), l-Artikolu 57(4)(g) u (6) tad-Direttiva [2014/24] kif ukoll ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill [89/665] (flimkien jew separatament, iżda mingħajr limitazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet biss) għandhom jiġu interpretati fis-sens li tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tirreġistra lil operatur ekonomiku fil-lista tal-fornituri mhux affidabbli, u li b’hekk tirrestrinġi matul ċertu żmien il-possibbiltajiet ta’ dan l-operatur li jipparteċipa fi proċeduri ta’ sejħa għal offerti ulterjuri, minħabba nuqqas sostanzjali tal-operatur ekonomiku kkonċernat f’kuntratt konkluż mal-awtorità kontraenti?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq (flimkien jew separatament, iżda mingħajr limitazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet biss) għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni u prattika amministrattiva nazzjonali li abbażi tagħhom, a) meta kuntratt jiġi xolt minħabba nuqqas sostanzjali, l-awtorità kontraenti ma tiħux deċiżjoni formali (distinta) fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi fil-lista tal-fornituri mhux affidabbli; b) l-operatur ekonomiku ma jiġix informat minn qabel bir-reġistrazzjoni futura tiegħu fil-lista tal-fornituri mhux affidabbli u b’hekk ma jistax jipprovdi spjegazzjonijiet rilevanti f’dan ir-rigward, u lanqas ma jista’ effettivament jikkontesta r-reġistrazzjoni tiegħu sussegwentement; c) l-awtorità kontraenti ma twettaq ebda investigazzjoni individwalizzata fuq iċ-ċirkustanzi tal-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt u l-operatur ekonomiku legalment responsabbli min-nuqqas ikun minħabba dan awtomatikament irreġistrat fil-lista tal-fornituri mhux affidabbli meta l-kuntratt pubbliku jkun ġie legalment xolt minħabba nuqqas sostanzjali?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel żewġ domandi, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq (flimkien jew separatament, iżda mingħajr limitazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet biss) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imsieħba ta’ attività komuni (operaturi li kienu kkostitwixxew fornitur komuni) li eżegwixxew il-kuntratt pubbliku li ġie xolt minħabba nuqqas sostanzjali jistgħu jistabbilixxu l-affidabbiltà tagħhom u b’hekk jevitaw ir-reġistrazzjoni tagħhom fil-lista tal-fornituri mhux affidabbli, pereżempju billi jinvokaw l-importanza tal-parti (tal-valur) eżegwita mill-kuntratt, l-insolvenza tas-sieħeb mexxej, l-aġir tas-sieħeb mexxej u l-kontribuzzjoni tal-awtorità kontraenti għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    32

    It-tieni u t-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati qabel l-ewwel domanda, jirrigwardaw il-modalitajiet li bihom operaturi ekonomiċi, wara x-xoljiment ta’ kuntratt pubbliku li kien ingħatalhom, jiġu inklużi f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli, għall-finijiet tal-esklużjoni tagħhom mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri għal għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    33

    Ix-xoljiment tal-kuntratt kontenzjuż mill-belt ta’ Vilnius kellu l-konsegwenza li jipprekludi temporanjament lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli jipparteċipaw fi proċeduri oħra għall-għoti ta’ kuntratti. Dan ix-xoljiment, li ġie kkomunikat lilhom fit‑22 ta’ Jannar 2020, ġie segwit, fit‑22 ta’ Jannar 2021, bl-inklużjoni tagħhom f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli. Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet domandi għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-Direttiva 2014/24, li kienet fis-seħħ f’dawn id-dati, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk din id-direttiva kinitx applikabbli matul il-perijodu bejn it‑18 ta’ April 2016, id-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, u l‑1 ta’ Lulju 2017, id-data tat-traspożizzjoni tagħha fil-Litwanja.

    Fuq it‑tieni domanda

    34

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li skontha, meta l-awtorità kontraenti xxolji kuntratt pubbliku mogħti lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi minħabba nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti li jkunu kkawżaw in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu essenzjali fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, kull membru ta’ dan il-grupp huwa awtomatikament inkluż f’lista ta’ fornituri li ma humiex affidabbli u b’hekk, temporanjament, ma jitħallewx jipparteċipaw fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    35

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 jippermetti li jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kull operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu jkunu ġew ikkonstatati nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti fl-eżekuzzjoni ta’ obbligu essenzjali li huwa għandu fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku preċedenti, u dan, b’mod partikolari, meta dawn in-nuqqasijiet ikunu taw lok għax-xoljiment ta’ dan il-kuntratt.

    36

    Kif jirriżulta mill-premessa 101 ta’ din id-direttiva, l-għan ta’ din ir-raġuni fakultattiva huwa li jiġu esklużi l-operaturi ekonomiċi li l-affidabbiltà tagħhom tkun serjament kompromessa minħabba aġir ħażin jew negliġenti.

    37

    Meta Stat Membru jistabbilixxi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni fakultattiva għal esklużjoni, huwa għandu josserva l-karatteristiċi essenzjali kif espressi fl-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Meca, C‑41/18, EU:C:2019:507, punt 33).

    38

    Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-imsemmija raġuni fakultattiva għal esklużjoni għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni mfakkar, fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju tistħoqq attenzjoni partikolari meta jiġu applikati r-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punti 45 u 48, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    F’dan ir-rigward, din l-esklużjoni għandha, l-ewwel, tkun waħda temporanja. Fil-fatt, mill-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li kull att tad-dritt nazzjonali li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 57(4)(g) ta’ din id-direttiva għandu jipprevedi tul massimu ta’ esklużjoni. L-Artikolu 57(7) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li, meta ma jkunx ġie stabbilit permezz ta’ sentenza definittiva, dan il-perijodu ma jistax jaqbeż it-tliet snin.

    40

    It-tieni, matul dan il-perijodu ta’ esklużjoni, l-operatur ekonomiku kkonċernat għandu, sakemm ma jkunx ġie eskluż minn kull parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ sentenza definittiva, jitħalla jipparteċipa f’tali proċedura jekk huwa jipprovdi, konformement mal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, provi sabiex jiġi kkonfermat li l-miżuri li huwa ħa huma suffiċjenti sabiex juru l-affidabbiltà tiegħu. L-operaturi ekonomiċi huma b’dan il-mod imħajra jadottaw miżuri korrettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, Meca, C‑41/18, EU:C:2019:507, punt 40).

    41

    It-tielet, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi evalwazzjoni konkreta u individwalizzata tal-attitudni tal-operatur ikkonċernat, abbażi tal-elementi rilevanti kollha (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt pubbliku minħabba nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti tal-offerent rebbieħ waqt l-eżekuzzjoni ta’ obbligu essenzjali, dan ix-xoljiment iwassal, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, sabiex kull operatur ekonomiku li kien legalment responsabbli għall-eżekuzzjoni tajba tal-imsemmi kuntratt jiġi inkluż f’lista intiża sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jkunu jafu l-ismijiet tal-operaturi li, peress li ma jkunux eżegwew — jew ikunu eżegwew ħażin —kuntratt pubbliku, jitqiesu, minħabba dan il-fatt, bħala mhux affidabbli. L-inklużjoni f’din il-lista twassal għall-esklużjoni minn kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għal perijodu ta’ tliet snin, sakemm l-operatur ekonomiku kkonċernat ma jurix li adotta miżuri korrettivi adegwati.

    43

    Il-qorti tar-rinviju tesponi li, fil-prattika, sa mill-għoti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonferma l-legalità tax-xoljiment tal-kuntratt ikkonċernat, l-operaturi ekonomiċi kollha legalment responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt huma awtomatikament inklużi f’din il-lista, mingħajr ma deċiżjoni tkun adottata formalment għal dan il-għan.

    44

    Fir-rigward tal-punt dwar jekk tali leġiżlazzjoni jew prattika tosservax il-karatteristiċi essenzjali tar-raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux ir-reġistrazzjoni temporanja, f’portal iddedikat sabiex tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tal-ismijiet tal-operaturi li fir-rigward tagħhom ikunu ġew ikkonstatati nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku preċedenti.

    45

    Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, din ir-raġuni fakultattiva għal esklużjoni hija intiża sabiex tippermetti li l-aċċess ta’ tali operaturi għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jkun ristrett permezz ta’ projbizzjoni fil-prinċipju milli wieħed jipparteċipa f’dawn il-proċeduri. Tali restrizzjoni hija, f’dan il-każ, stabbilita fl-Artikolu 46 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. L-inklużjoni, prevista fl-Artikolu 91 ta’ din il-liġi, tal-operaturi kkonċernati f’lista elettronika aċċessibbli għall-awtoritajiet kontraenti u għall-entitajiet l-oħra kompetenti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, tidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li għandha l-għan li tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni.

    46

    Madankollu, sabiex jiġu osservati l-karatteristiċi essenzjali tar-raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, tali sistema għandha tiġi żviluppata b’mod li, qabel l-inklużjoni, fil-lista ta’ fornituri mhux affidabbli, ta’ operatur ekonomiku li huwa membru ta’ grupp li kien ingħata kuntratt pubbliku li mbagħad ġie xolt, għandha ssir evalwazzjoni konkreta tal-elementi rilevanti kollha prodotti minn dan l-operatur sabiex juri li l-inklużjoni tiegħu f’din il-lista ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-aġir individwali tiegħu.

    47

    Għaldaqstant, ma jistax jiġi aċċettat li tali operatur ekonomiku jkun, fil-każ ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt minħabba nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti matul l-eżekuzzjoni tiegħu, awtomatikament ikklassifikat bħala mhux affidabbli u jkun is-suġġett ta’ esklużjoni temporanja mingħajr ma l-aġir tiegħu jkun ġie evalwat, minn qabel, b’mod konkret u individwalizzat, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha.

    48

    Huwa minnu li huwa possibbli għal Stat Membru li jipprevedi, fil-każ ta’ ffissar tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24, preżunzjoni li tgħid li kull operatur ekonomiku legalment responsabbli għall-eżekuzzjoni tajba ta’ kuntratt pubbliku huwa meqjus li kkontribwixxa, fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, għall-iżvilupp jew għaż-żamma ta’ nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti li wasslu għax-xoljiment tal-imsemmi kuntratt. Madankollu, meta dan il-kuntratt ikun ingħata lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi, li l-kontribuzzjonijiet individwali tagħhom għal dawn in-nuqqasijiet u għall-isforzi eventwali sabiex dawn in-nuqqasijiet jiġu rrimedjati ma jkunux neċessarjament identiċi, tali preżunzjoni għandha tkun konfutabbli, u fin-nuqqas ta’ dan jiġu ppreġudikati l-karatteristiċi essenzjali ta’ din ir-raġuni fakultattiva għal esklużjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità mfakkar fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva.

    49

    Fil-fatt, indipendentement mir-responsabbiltà legali in solidum tal-membri ta’ tali grupp, l-applikazzjoni tar-raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 għandha tkun ibbażata fuq in-natura żbaljata jew negliġenti ta’ dan l-aġir individwali.

    50

    Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kull membru tal-grupp, legalment responsabbli għall-eżekuzzjoni tajba ta’ kuntratt pubbliku, għandu, qabel ma jiġi inkluż fil-lista ta’ fornituri mhux affidabbli u, minħabba f’hekk, suġġett għall-iskema ta’ esklużjoni temporanja mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ikollu l-possibbiltà li jistabbilixxi li n-nuqqasijiet li wasslu għax-xoljiment ta’ dan il-kuntratt ma kinux relatati mal-aġir individwali tiegħu. Meta jirriżulta, wara evalwazzjoni konkreta u individwalizzata tal-aġir tal-operatur ikkonċernat fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, li dan tal-aħħar ma kienx dak li kkawża n-nuqqasijiet ikkonstatati u li ma setax raġonevolment jiġi mistenni minnu iktar milli għamel sabiex jirrimedja dawn in-nuqqasijiet, id-Direttiva 2014/24 tipprekludi li dan jiġi inkluż fil-lista ta’ fornituri mhux affidabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punti 157 u 158).

    51

    Din l-interpretazzjoni ma hijiex invalidata mill-possibbiltà, għall-operatur ikkonċernat, li jevita l-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi billi juri, konformement mal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, li huwa adotta miżuri korrettivi, bħal dawk elenkati b’mod illustrattiv fil-premessa 102 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, ma jistax jiġi mitlub minn tali operatur li huwa juri li adotta miżuri korrettivi minkejja li l-aġir individwali tiegħu ma għandux x’jaqsam man-nuqqasijiet li wasslu għax-xoljiment tas-suq.

    52

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tipprovdi li, meta l-awtorità kontraenti xxolji kuntratt pubbliku mogħti lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi minħabba nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti li jkunu kkawżaw in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu essenzjali fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, kull membru ta’ dan il-grupp jiġi awtomatikament inkluż f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli u b’dan il-mod prekluż, fil-prinċipju, milli jipparteċipa fi proċeduri ġodda għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    Fuq it‑tielet domanda

    53

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li operatur ekonomiku li huwa membru ta’ grupp kontraenti ta’ kuntratt pubbliku jista’, fil-każ ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu essenzjali, jinvoka, sabiex jistabbilixxi li l-inklużjoni tiegħu f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli ma hijiex iġġustifikata, kemm elementi li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tiegħu kif ukoll elementi li jikkonċernaw is-sitwazzjoni ta’ terzi, bħalma huwa s-sieħeb mexxej ta’ dan il-grupp.

    54

    Kif ġie rrilevat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, kull membru tal-grupp kontraenti għandu, fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt minħabba nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti, ikollu l-possibbiltà, qabel ma jiġi inkluż f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli u jkun, minħabba f’hekk, suġġett għas-sistema ta’ esklużjoni temporanja mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li jistabbilixxi li l-aġir individwali tiegħu waqt l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt ma kienx relatat ma’ dawn in-nuqqasijiet.

    55

    Sabiex jiġi stabbilit li l-aġir individwali tiegħu ma huwiex il-kawża tal-imsemmija nuqqasijiet u li, barra minn hekk, ma setax jiġi raġonevolment mistenni minnu li jagħmel iktar minn dak li għamel sabiex jirrimedja dawn in-nuqqasijiet, l-operatur ekonomiku kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinvoka kull element li huwa jikkunsidra rilevanti.

    56

    Fil-fatt, il-kliem li jinsab fl-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24, ma jispeċifikax f’liema ċirkustanzi membru ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi għandu jitqies li huwa involut jew le fin-nuqqasijiet li wasslu għax-xoljiment tal-kuntratt. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tippermetti lil kull membru ta’ grupp kontraenti jinvoka kull element, speċifiku għas-sitwazzjoni tiegħu jew għal dik ta’ terz, li jista’ juri li din ir-raġuni għal esklużjoni ma tistax tiġi applikata għalih.

    57

    Hija l-awtorità kontraenti tal-kuntratt xolt u, jekk ikun il-każ, il-qorti adita b’rikors, li għandha tiddetermina, fil-kuntest tal-evalwazzjoni konkreta u individwalizzata li għandha ssir skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità mfakkar fl-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva, il-piż li għandu jingħata lil kull element invokat.

    58

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li operatur ekonomiku li huwa membru ta’ grupp li ngħata kuntratt pubbliku jista’, fil-każ ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu essenzjali, jinvoka, sabiex jistabbilixxi li l-inklużjoni tiegħu f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli ma hijiex iġġustifikata, kull element, inkluż fir-rigward ta’ terzi, bħalma huwa s-sieħeb mexxej ta’ dan il-grupp, li jista’ juri li huwa ma kienx il-kawża tan-nuqqasijiet li wasslu għax-xoljiment tal-imsemmi kuntratt u li ma setax jiġi raġonevolment mistenni minnu li jagħmel iktar minn dak li għamel sabiex jirrimedja dawn in-nuqqasijiet.

    Fuq l‑ewwel domanda

    59

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jipprevedi, fil-kuntest tal-iffissar ta’ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24, li l-operaturi ekonomiċi li lilhom ingħata kuntratt pubbliku huma, fil-każ ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu essenzjali, inklużi f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli u li b’hekk huma temporanjament esklużi, fil-prinċipju, mill-parteċipazzjoni fi proċeduri ġodda għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għandu jiggarantixxi d-dritt li jiġi ppreżentat rikors kontra l-inklużjoni f’din il-lista ta’ fornituri mhux affidabbli.

    60

    Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu s-suġġett ta’ rikors effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun, minħabba li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt. Skont l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, dawn il-proċeduri ta’ rikors għandhom ikunu aċċessibbli mill-inqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li tikseb kuntratt speċifiku u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat.

    61

    Permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-Direttiva 89/665 għandha bħala skop li tiżgura, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, ir-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    F’din il-perspettiva, il-kunċett ta’ “deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti”, li jinsab fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa. Kull deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li taqa’ taħt ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li tista’ tikser dawn ir-regoli għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju previst minn din id-direttiva. Dan il-kunċett għalhekk jirreferi b’mod ġenerali għad-deċiżjonijiet ta’ awtorità kontraenti mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn dawn id-deċiżjonijiet skont il-kontenut tagħhom jew il-mument tal-adozzjoni tagħhom u ma jipprevedi ebda restrizzjoni f’dak li jikkonċerna n-natura u l-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 105).

    63

    Il-kliem “kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet publiċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat”, li jinsab fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, għandu huwa wkoll jingħata interpretazzjoni wiesgħa, b’tali mod li r-regoli li jinsabu fl-imsemmija direttiva japplikaw għall-persuni kollha li l-interess tagħhom li jiksbu tali kuntratt huwa affettwat minn deċiżjoni meħuda minn awtorità kontraenti.

    64

    Meta, bħal f’dan il-każ, il-membri ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi jkunu, minħabba x-xoljiment tal-kuntratt pubbliku li jkun ingħata lilhom, inklużi, minn jew fuq l-inizjattiva ta’ awtorità kontraenti, f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli u għalhekk temporanjament esklużi, fil-prinċipju, mill-parteċipazzjoni fi proċeduri futuri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, din l-inklużjoni, li taffettwa l-interess ta’ kull wieħed minn dawn l-operaturi li jiksbu kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, tikkostitwixxi deċiżjoni meħuda minn awtorità kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. Din id-deċiżjoni għandha, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni u tat-tielet domandi, tosserva l-karatteristiċi essenzjali tar-raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 u għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 18(1) tagħha. Fil-każ ta’ ksur allegat ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jew ta’ kwalunkwe regola oħra tad-dritt tal-Unjoni, il-persuna allegatament leża għandha, skont l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, ikollha rimedju effettiv.

    65

    Issa, il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra x-xoljiment tal-kuntratt pubbliku li minnu tirriżulta l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ fornituri mhux affidabbli ma tikkostitwixxix, għall-membri tal-grupp kontraenti, rimedju ġudizzjarju effettiv kontra d-deċiżjoni li jiġu inklużi f’din il-lista u li b’hekk jiġu esklużi, fil-prinċipju, minn proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi futuri. Fil-fatt, il-legalità taħt id-dritt tal-Unjoni ta’ dan ix-xoljiment, minn naħa, u ta’ dawn l-inklużjoni u esklużjoni, min-naħa l-oħra, tista’ tiddependi, kif jirriżulta mill-analiżi dwar it-tieni domanda, minn elementi differenti.

    66

    Għaldaqstant, meta l-kuntratt xolt ikun ingħata lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi, kull membru ta’ dan il-grupp għandu jkun f’pożizzjoni li jippreżenta rikors kontra l-inklużjoni tiegħu fil-lista ta’ fornituri mhux affidabbli, li minnhom tirriżulta l-esklużjoni tiegħu, fil-prinċipju, minn proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi futuri.

    67

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jipprevedi, fil-kuntest tal-iffissar ta’ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24, li l-membri ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi li ngħata kuntratt pubbliku huma, fil-każ ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu essenzjali, inklużi f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli u li b’hekk huma temporanjament esklużi, fil-prinċipju, mill-parteċipazzjoni fi proċeduri ġodda għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għandu jiggarantixxi d-dritt ta’ dawn l-operaturi li jippreżentaw rikors effettiv kontra l-inklużjoni tagħhom f’din il-lista.

    Fuq l‑ispejjeż

    68

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    jipprekludu leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tipprovdi li, meta l-awtorità kontraenti xxolji kuntratt pubbliku mogħti lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi minħabba nuqqasijiet sinjifikattivi jew persistenti li jkunu kkawżaw in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu essenzjali fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, kull membru ta’ dan il-grupp jiġi awtomatikament inkluż f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli u b’dan il-mod prekluż, fil-prinċipju, milli jipparteċipa fi proċeduri ġodda għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

     

    2)

    L-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    operatur ekonomiku li huwa membru ta’ grupp li ngħata kuntratt pubbliku jista’, fil-każ ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu essenzjali, jinvoka, sabiex jistabbilixxi li l-inklużjoni tiegħu f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli ma hijiex iġġustifikata, kull element, inkluż fir-rigward ta’ terzi, bħalma huwa s-sieħeb mexxej ta’ dan il-grupp, li jista’ juri li huwa ma kienx il-kawża tan-nuqqasijiet li wasslu għax-xoljiment tal-imsemmi kuntratt u li ma setax jiġi raġonevolment mistenni minnu li jagħmel iktar minn dak li għamel sabiex jirrimedja dawn in-nuqqasijiet.

     

    3)

    L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    Stat Membru li jipprevedi, fil-kuntest tal-iffissar ta’ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24, li l-membri ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi li ngħata kuntratt pubbliku huma, fil-każ ta’ xoljiment ta’ dan il-kuntratt minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu essenzjali, inklużi f’lista ta’ fornituri mhux affidabbli u li b’hekk huma temporanjament esklużi, fil-prinċipju, mill-parteċipazzjoni fi proċeduri ġodda għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għandu jiggarantixxi d-dritt ta’ dawn l-operaturi li jippreżentaw rikors effettiv kontra l-inklużjoni tagħhom f’din il-lista.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

    Top