Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0658

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Novembru 2022.
VZW Belgisch-Luxemburgse vereniging van de industrie van plantenbescherming (Belplant), anciennement VZW Belgische Vereniging van de Industrie van Plantenbeschermingsmiddelen (PHYTOFAR) vs Vlaams Gewest.
Talba għal deċiżjoni preliminary, imressqa mill-Raad van State.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva (UE) 2015/1535 – Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’ – Artikolu 1(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ pestiċidi li fihom il-glifosat minn individwi fuq artijiet għal użu privat – Artikolu 5(1) – Obbligu tal-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull abbozz ta’ regolament tekniku.
Kawża C-658/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:925

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

24 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva (UE) 2015/1535 – Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’ – Artikolu 1(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ pestiċidi li fihom il-glifosat minn individwi fuq artijiet għal użu privat – Artikolu 5(1) – Obbligu tal-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull abbozz ta’ regolament tekniku”

Fil-Kawża C‑658/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ottubru 2021, fil-proċedura

Belgisch-Luxemburgse vereniging van de industrie van plantenbescherming VZW (Belplant), li kienet Belgische Vereniging van de Industrie van Plantenbeschermingsmiddelen VZW (Phytofar),

vs

Vlaams Gewest,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Belgisch-Luxemburgse vereniging van de industrie van plantenbescherming VZW (Belplant), li kienet Belgische Vereniging van de Industrie van Plantenbeschermingsmiddelen VZW (Phytofar), minn B. Deltour, advocaat,

għall-Vlaams Gewest, minn E. Cloots, T. Roes u J. Roets, advocaten,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castilla Contreras, M. Escobar Gómez u M. ter Haar, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika [tal-Informazzjoni] (ĠU 2015, L 241, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Belgisch-Luxemburgse vereniging van de industrie van plantenbescherming VZW (Belplant) (assoċjazzjoni Belġjana-Lussemburgiża tal-industrija tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ASBL), li kienet Belgische Vereniging van de Industrie van Plantenbeschermingsmiddelen VZW (Phytofar) (assoċjazzjoni Belġjana tal-industrija tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ASBL) (iktar ’il quddiem “Belplant”), u l-Vlaams Gewest (ir-Reġjun Fjamming, il-Belġju) rigward il-validità ta’ digriet tal-Gvern Fjamming li jipprojbixxi l-użu, minn individwi, fuq artijiet għal użu privat li jinsabu fit-territorju tar-Reġjun Fjamming, ta’ pestiċidi li fihom il-glifosat.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 2, 3, 7 u 11 tad-Direttiva 2015/1535 jipprevedu:

“(2)

Is-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri li fiha jiġi żgurat il-moviment tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital. Għalhekk, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-moviment tal-merkanzija u ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti hija waħda mill-prinċipji bażiċi tal-Unjoni.

(3)

Sabiex ikun imħeġġeġ it-tħaddim bla xkiel tas-suq intern għandha tiġi żgurata trasparenza kemm jista’ jkun fir-rigward tal-inizjattivi nazzjonali sabiex jiġu stabbiliti regolamenti tekniċi.

[…]

(7)

L-għan tas-suq intern huwa li joħloq ambjent li jwassal għall-kompetittività tal-intrapriżi. Żieda fil-proviżjoni ta’ informazzjoni hija mod wieħed li jgħin lill-intrapriżi jiksbu iktar mill-vantaġġi inerenti f’dan is-suq. Huwa għalhekk meħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiġu megħjuna biex jagħtu l-istima tagħhom dwar l-impatt tar-regolamenti tekniċi nazzjonali proposti mill-Istati Membri l-oħra, billi tkun provduta l-pubblikazzjoni regolari tat-titoli tal-abbozzi nnotifikati u permezz tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kunfidenzjalità ta’ dawn l-abbozzi.

[…]

(11)

Il-ħtiġijiet, għajr l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li jirreferu għaċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott wara li jkun inħareġ fis-suq x’aktarx li jaffettwaw il-moviment liberu ta’ dak il-prodott jew joħolqu ostakoli għat-tħaddim xieraq tas-suq intern.”

4

L-Artikolu 1(1)(b) sa (f) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

‘servizz’ tfisser kull servizz tas-Soċjetà tal-Informatika [tal-informazzjoni], jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

[…]

(c)

‘speċifikazzjoni teknika’ tfisser speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi tal-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità;

It-terminu ‘speċifikazzjoni teknika’ jkopri wkoll il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni użati rigward il-prodotti agrikoli, li hemm referenza għalihom fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 38(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, u l-prodotti mediċinali ddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69)], kif ukoll il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti oħra, fejn dawn ikolhom effett fuq il-karatteristiċi tagħhom;

(d)

‘ħtiġijiet oħra’ tifsser ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

(e)

‘regola dwar is-servizzi’ tfisser ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt (b), b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

(f)

‘regolament tekniku’ tfisser speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 7, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz;

[…]”

5

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

Fejn ikun xieraq, u għajr jekk ma jkunux diġà bagħtuh b’komunikazzjoni minn qabel, l-Istati Membri għandhom simultanjament jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet bażiċi leġislattivi jew regolatorji interessati prinċipalment u direttament lill-Kummissjoni, jekk it-tagħrif ta’ dan it-test ikun meħtieġ biex jistma l-implikazzjonijiet tal-abozz ta’ regolament tekniku.

[…]

Fejn, b’mod partikolari, l-abbozz tar-regolament tekniku jfittex li jillimita l-bejgħ fis-suq jew l-użu ta’ sustanza kimika, it-tħejjija jew il-prodott għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew għall-protezzjoni tal-konsumaturi jew tal-ambjent, l-Istati Membri għandhom jibagħtu wkoll jew sommarju jew ir-referenzi tad-data kollha relevanti li għandhom x’jaqsmu mas-sustanza, mat-tħejjija jew mal-prodott involut u ma’ sostituti magħrufa u disponibbli, fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli, u jikkomunikaw l-effetti antiċipati tal-miżura dwar is-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent, flimkien ma’ analiżi dwar ir-riskju imwettaq kif xieraq b’mod konformi mal-prinċipji previsti fil-parti relevanti tat-Taqsima II.3 tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 36, p. 84)].

[…]”

Id‑dritt Belġjan

Id‑Digriet tat‑8 ta’ Frar 2013

6

L-Artikolu 6 tad-decreet houdende duurzaam gebruik van pesticiden in het Vlaamse Gewest (id-Digriet dwar Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi fir-Reġjun Fjamming), tat‑8 ta’ Frar 2013 (Belgisch Staatsblad, 22 ta’ Marzu 2013, p. 11685), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti relatati mat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“L-użu tal-pestiċidi jista’ jkun irregolat permezz ta’ projbizzjoni jew limitazzjoni ta’ użu. Għal dan il-għan, tista’ ssir distinzjoni skont it-tip ta’ sustanza attiva, l-artijiet f’żoni speċifiċi, l-attività jew il-grupp fil-mira.

Il-Gvern Fjamming jistabbilixxi regoli iktar preċiżi għal dan il-għan.”

Id‑Digriet tal‑15 ta’ Marzu 2013

7

Il-Gvern Fjamming implimenta d-Digriet tat‑8 ta’ Frar 2013 dwar Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi fir-Reġjun Fjamming permezz tal-besluit houdende nadere regels inzake duurzaam gebruik van pesticiden in het Vlaamse Gewest voor niet-land- en tuinbouwactiviteiten en de opmaak van het Vlaams Actieplan Duurzaam Pesticidengebruik (id-Digriet dwar il-Metodi dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi fir-Reġjun Fjamming għall-Attivitajiet Non‑Agrikoli u Non‑Ortikulturali u dwar l-Istabbiliment tal-Pjan ta’ Azzjoni Fjamming għall-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi) tal‑15 ta’ Marzu 2013 (Belgisch Staatsblad, 18 ta’ April 2013, p. 23751, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑15 ta’ Marzu 2013”).

Id‑Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017

8

Il-preambolu tal-besluit van de Vlaamse Regering tot wijziging van het besluit van de Vlaamse Regering van 15 maart 2013 houdende nadere regels inzake duurzaam gebruik van pesticiden in het Vlaamse Gewest voor niet-land‑ en tuinbouwactiviteiten en de opmaak van het Vlaams Actieplan Duurzaam Pesticidengebruik (id-Digriet tal-Gvern Fjamming li Jemenda d-Digriet tal‑15 ta’ Marzu 2013 dwar il-Metodi dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi fir-Reġjun Fjamming għall-Attivitajiet Non‑Agrikoli u Non‑Ortikulturali u dwar l-Istabbiliment tal-Pjan ta’ Azzjoni Fjamming għall-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi), tal‑14 ta’ Lulju 2017 (Belgisch Staatsblad, 18 ta’ Lulju 2017, p. 73320, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017”), jipprevedi:

“[…]

Billi r-riċerka xjentifika ma tipprovdix risposta definittiva dwar l-effetti dannużi jew le tal-użu tal-pestiċidi li fihom il-glifosat kemm fuq is-saħħa pubblika kif ukoll fuq l-ambjent; billi r-riċerka fuq l-effetti karċinoġeni jew tossiċi tal-użu tal-pestiċidi li jkun fihom il-glifosat tirriżulta li hija influwenzata mill-impriżi kkonċernati; billi, għaldaqstant, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandu jiġi pprojbit immedjatament l-użu tal-pestiċidi li fihom il-glifosat fuq l-artijiet għal użu privat mill-utenti li ma għandhomx fitoliċenzja; billi ġiet ikkonstatata l-assenza ta’ bażi legali għal tali projbizzjoni; billi l-Vlaams Parlament (il-Parlament Fjamming) approva fit‑28 ta’ Ġunju 2017 b’urġenza l-abbozz ta’ digriet li fih diversi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ambjent, ta’ natura u ta’ agrikoltura bil-għan li tiġi prevista b’mod espliċitu l-bażi legali ta’ din il-projbizzjoni. billi l-Gvern Fjamming issanzjona u ppromulga fit‑30 ta’ Ġunju 2017 id-[decreet houdende diverse bepalingen inzake omgeving, natuur en landbouw (id-Digriet li Jistabbilixxi Diversi Dispożizzjonijiet dwar l-Ambjent, in-Natura u l-Agrikoltura)]; billi fl-assenza ta’ trattament urġenti, tali projbizzjoni għandha mnejn tidħol fis-seħħ biss wara li l-utenti msemmija jkunu diġà applikaw il-pestiċidi li fihom il-glifosat fuq l-artijiet ikkonċernati;

[…]

Billi fl-assenza ta’ kunsens xjentifiku dwar l-effetti tal-glifosat u tal-erbiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent u n-natura, il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu jiġi osservat;

[…]”

9

L-Artikolu 2 tad‑Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 introduċa, fid-Digriet tal‑15 ta’ Marzu 2013, l‑Artikolu 3/1, li huwa redatt kif ġej:

“Il-Kapitolu 4/1 japplika għaż-żoni użati minn individwi.”

10

Dan il-Kapitolu 4/1, intitolat “Użu ta’ pestiċidi li fihom il-glifosat”, ġie miżjud mad-Digriet tal‑15 ta’ Marzu 2013 permezz tal-Artikolu 5 tad‑Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017. L-imsemmi kapitolu huwa kkostitwit biss mill-Artikolu 8/1, ifformulat kif ġej:

“Huma biss l-utenti professjonali detenturi ta’ fitoliċenzja P1, P2 jew P3 li huma awtorizzati jużaw il-pestiċidi abbażi tal-glifosat.

Fis-sens tal-ewwel paragrafu, utent professjonali għandu jfisser kull min, fis-settur agrikolu jew f’settur ieħor, juża prodotti fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tiegħu, inklużi l-persuni li jimmanipulaw l-apparati ta’ applikazzjoni, it-tekniċi, il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom.

[…]”

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

11

Belplant ippreżentat rikors għall-annullament tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju).

12

Dik il-qorti tirrileva li, insostenn tar-rikors tagħha, Belplant tqajjem, b’mod partikolari, motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ lealtà stabbilit fl-Artikolu 4(3) TFUE.

13

L-imsemmija qorti tesponi li, permezz ta’ dan il-motiv, Belplant issostni li d-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, peress li dan jipprevedi projbizzjoni ta’ użu, fuq artijiet għal użu privat, ta’ pestiċidi li fihom il-glifosat minn utenti mhux detenturi ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità reġjonali kompetenti u msejħa “fitoliċenzja”.

14

Fil-fatt, skont Belplant, din il-projbizzjoni tikkostitwixxi regolament tekniku, u b’mod iktar preċiż “ħtiġijiet oħra”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) u (f) tad-Direttiva 2015/1535. Tali regolament huwa suġġett għall-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni previst fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, b’tali mod li, peress li l-Gvern Fjamming ma wettaqx dan l-obbligu, id-dispożizzjoni tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 li tinkludi r-regolament tekniku kkonċernat hija invalida u, għaldaqstant, inapplikabbli.

15

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan ir-rigward, li pestiċida li jinkludi l-glifosat ma huwiex differenti skont jekk jiġix applikat minn utent ordinarju jew minn utent professjonali detentur ta’ fitoliċenzja. Hija tikkunsidra, għalhekk, li l-miżura stabbilita permezz tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ projbizzjoni tal-użu tal-pestiċidi li fihom il-glifosat fuq artijiet għal użu privat mill-utenti li ma għandhomx fitoliċenzja.

16

Għaldaqstant, dik il-qorti tqajjem il-kwistjoni dwar jekk din il-miżura kellhiex effettivament tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni inkwantu regolament tekniku, kif issostni Belplant.

17

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [2015/1535] għandu jiġi interpretat fis-sens li projbizzjoni ta’ użu ta’ pestiċidi li jinkludu l-gilfosat minn utenti li ma jkollhomx liċenzja dwar is-saħħa tal-pjanti fuq artijiet għal użu privat għandha titqies li tikkonċerna regolament tekniku li, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea?”

Fuq id‑domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/1535, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-persuni li ma għandhomx awtorizzazzjoni nazzjonali intiża għall-professjonisti milli jużaw, fuq artijiet għal użu privat, pestiċidi li fihom il-glifosat tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li għandu jkun is-suġġett ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni skont it-tieni dispożizzjoni.

19

Preliminarjament, fir-rigward tal-argument imressaq mir-Reġjun Fjamming fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-miżura stabbilita permezz tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2015/1535, sa fejn dan id-digriet jirregola l-attivitajiet tal-operaturi ekonomiċi, u mhux il-karatteristiċi ta’ prodott, għandu jitfakkar li, ċertament, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li sempliċement jipprevedu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-impriżi jew għall-provvista ta’ servizzi minnhom, bħal dispożizzjonijiet li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għal awtorizzazzjoni minn qabel, ma jikkostitwixxux “regolamenti tekniċi” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/1535 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Madankollu, il-miżura stabbilita permezz tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl tal-obbligu li għandhom l-utenti professjonali li jkollhom fitoliċenzja, iżda fid-dawl tal-projbizzjoni li hija timponi fuq l-utenti li ma għandhomx tali liċenzja milli jużaw pestiċidi li fihom il-glifosat fuq artijiet għal użu privat.

21

Issa, tali projbizzjoni, prevista permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2015/1535.

22

L-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535 jiddistingwixxi erba’ kategoriji ta’ miżuri li jistgħu jitqiesu bħala regolamenti tekniċi, jiġifieri, l-ewwel, “speċifikazzjoni teknika”, it-tieni, “ħtiġijiet oħra”, it-tielet, “regoli dwar servizzi” u, ir-raba’, “il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott”. L-ewwel tliet kategoriji ta’ miżuri huma ddefiniti, rispettivament, fil-punti (c) sa (e) ta’ dan l-Artikolu 1(1).

23

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi eżaminat jekk il-projbizzjoni, stabbilita permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huwa d-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017, ta’ użu, minn persuni li ma għandhomx awtorizzazzjoni nazzjonali intiża għall-professjonisti, f’dan il-każ, fitoliċenzja, ta’ pestiċidi li fihom il-glifosat fuq artijiet għal użu privat taqax taħt waħda minn dawn l-erba’ kategoriji ta’ regolamenti tekniċi.

24

Għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, li, sabiex miżura nazzjonali taqa’ taħt l-ewwel kategorija ta’ regolamenti tekniċi, imsemmija fl-Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva 2015/1535, jiġifieri taħt il-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika”, din il-miżura għandha tirreferi neċessarjament għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu inkwantu tali u għaldaqstant tistabbilixxi waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Admiral Sportwetten et, C‑711/19, EU:C:2020:812, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-miżura stabbilita permezz tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 ma tirreferix għall-pestiċidi li fihom il-glifosat jew għall-imballaġġ tagħhom bħala tali, b’tali mod li din il-miżura ma tiddeterminax waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ dawn il-prodotti.

26

Għaldaqstant, l-imsemmija miżura ma tikkostitwixxix regolament tekniku li jieħu l-forma ta’ “speċifikazzjoni teknika”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva 2015/1535.

27

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kategorija ta’ regolamenti tekniċi kkostitwita minn “regoli dwar servizzi”, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-miżura stabbilita permezz tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 ma tistax taqa’ taħt din il-kategorija, peress li mid-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1(1)(b) u (e) tad-Direttiva 2015/1535 jirriżulta li l-kunċett ta’ “regola dwar servizzi” jindika rekwiżit relatat mas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, jiġifieri mas-servizzi pprovduti mill-bogħod, b’mod elettroniku u fuq it-talba individwali ta’ destinatarju.

28

Issa, din il-miżura ma tikkonċernax tali servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, iżda prodotti speċifiċi u l-użu tagħhom.

29

Fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-miżura stabbilita permezz tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 tistax taqa’ taħt il-kategorija ta’ regolamenti tekniċi kkostitwita minn “liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li huwa paċifiku li l-miżura stabbilita permezz tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 la tipprojbixxi l-fabbrikazzjoni, la l-importazzjoni u lanqas it-tqegħid fis-suq tal-pestiċidi li fihom il-glifosat.

31

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-projbizzjonijiet ta’ użu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn il-projbizzjonijiet jinkludu miżuri li għandhom portata li b’mod ċar tmur lil hinn minn limitazzjoni għal ċerti użi possibbli tal-prodott inkwistjoni u għalhekk ma humiex limitati għal sempliċi restrizzjoni tal-użu tiegħu (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Admiral Sportwetten et, C‑711/19, EU:C:2020:812, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fil-fatt, din il-kategorija ta’ regolamenti tekniċi tirreferi b’mod iktar partikolari għal miżuri nazzjonali li ma jħallu lok għal ebda użu għajr għal wieħed purament marġinali li jista’ raġonevolment ikun mistenni mill-prodott ikkonċernat (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, ECO-WIND Construction, C‑727/17, EU:C:2020:393, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Minn dan jirriżulta, kif jenfasizza r-Reġjun Fjamming fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li hija biss projbizzjoni kważi assoluta tal-użu normali ta’ prodott li tista’ taqa’ taħt l-imsemmija kategorija, u dan jeskludi s-sempliċi impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew ta’ restrizzjonijiet għall-użu tiegħu, bħal, f’dan il-każ, il-projbizzjoni imposta fuq l-utenti privati mhux milli jixtru pestiċidi li fihom il-glifosat, iżda milli jużaw huma stess tali prodotti, li jġiegħel lil dawn l-utenti jużaw, għal dan il-għan, is-servizzi ta’ professjonisti li għandhom fitoliċenzja.

34

Konsegwentement, il-miżura stabbilita permezz tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 ma tistax taqa’ taħt il-kategorija ta’ “liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535.

35

Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tal-kategorija ta’ regolamenti tekniċi kkostitwita minn “ħtiġijiet oħra”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) tad-Direttiva 2015/1535, din tkopri rekwiżit, minbarra speċifikazzjoni teknika, impost fir-rigward ta’ prodott għal raġunijiet ta’ protezzjoni, b’mod partikolari tal-konsumaturi jew tal-ambjent, u li jirrigwarda ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara t-tqegħid fis-suq, bħall-kundizzjonijiet tiegħu ta’ użu, ta’ riċiklaġġ, ta’ użu mill-ġdid jew ta’ eliminazzjoni meta dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew it-tqegħid tiegħu fis-suq.

36

F’dan il-każ, jirriżulta, qabel kollox, mill-preambolu tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 li l-projbizzjoni li huwa jistabbilixxi hija imposta għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

37

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li din il-projbizzjoni tikkonċerna ċ-ċiklu tal-ħajja tal-pestiċidi li fihom il-glifosat wara t-tqegħid tagħhom fis-suq, permezz tal-iffissar ta’ kundizzjoni marbuta mal-użu ta’ dawn il-prodotti, sa fejn, fuq artijiet għal użu privat, huma biss il-professjonisti li għandhom fitoliċenzja li huma awtorizzati jużawhom.

38

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li tali miżura ta’ projbizzjoni tista’ tinfluwenza t-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati.

39

Fil-fatt, din il-miżura twassal għall-għajbien ta’ kategorija ta’ xerrejja potenzjali ta’ pestiċidi li fihom il-glifosat, jiġifieri l-individwi li jixtiequ jużaw huma stess tali pestiċidi, mingħajr ma jirrikorru għas-servizzi ta’ professjonisti detenturi tal-fitoliċenzja meħtieġa. Tali restrizzjoni tal-possibbiltà ta’ użu tal-pestiċidi li fihom il-glifosat taffettwa, għaldaqstant, it-tqegħid tagħhom fis-suq (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Madankollu, kif tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sabiex il-miżura stabbilita permezz tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “regolament tekniku”, li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “ħtiġijiet oħra”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) u (f) tad-Direttiva 2015/1535, huwa neċessarju li t-tqegħid fis-suq ta’ pestiċidi li fihom il-glifosat tkun influwenzata “b’mod sinjifikattiv” minn din il-miżura.

41

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ hawnhekk.

42

F’din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum globali tal-bejgħ tal-pestiċidi li fihom il-glifosat fit-territorju tar-Reġjun Fjamming u l-bidla tad-drawwiet ta’ xiri ta’ kull kategorija ta’ xerrejja, abbażi tal-frekwenza tax-xiri tagħhom u tal-kwantità ta’ prodott mixtrija, kif ukoll tal-bdil fir-rigward tal-postijiet ta’ xiri u tal-kanali ta’ distribuzzjoni. F’dan il-kuntest, dik il-qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-punt sa fejn, minn naħa, id-domanda tal-utenti professjonali tissostitwixxi dik tal-individwi li jirrikorru għas-servizzi tal-utenti professjonali u, min-naħa l-oħra, l-utenti individwali issa jiksbu pestiċidi mingħajr glifosat minflok dawk li jinkludu din is-sustanza.

43

Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-miżura stabbilita permezz tad-Digriet tal‑14 ta’ Lulju 2017 għandha l-effett li tinfluwenza b’mod sinjifikattiv it-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati, minn dan ikun jirriżulta li qabel l-adozzjoni ta’ dan id-digriet, il-Gvern Fjamming kien obbligat jikkonforma ruħu mal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535.

44

Għandu jingħad ukoll li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, meta l-abbozz ta’ regolament tekniku ikun intiż b’mod partikolari għal-limitazzjoni tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu ta’ sustanza, ta’ preparazzjoni jew ta’ prodott kimiku, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jew tal-ambjent, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ukoll lill-Kummissjoni sommarju jew ir-referenzi tad-data kollha rilevanti dwar is-sustanza, il-preparazzjoni jew il-prodott ikkonċernat u dik dwar il-prodotti ta’ sostituzzjoni magħrufa u li jkunu disponibbli, sa fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli, kif ukoll l-effetti mistennija tal-miżura fir-rigward tas-saħħa pubblika jew il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent, b’analiżi tar-riskji magħmula, f’każijiet xierqa, skont il-prinċipji previsti fil-parti kkonċernata tat-Taqsima II.3 tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1907/2006.

45

Fid-dawl tar-raġunijiet kollha li ssemmew hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/1535, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-persuni li ma għandhomx awtorizzazzjoni nazzjonali intiża għall-professjonisti milli jużaw, fuq artijiet għal użu privat, pestiċidi li fihom il-glifosat tista’ tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) u (f) ta’ din id-direttiva, li għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, sa fejn l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tali li tinfluwenza b’mod sinjifikattiv it-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l‑ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika [tal-Informazzjoni], moqri flimkien mal-Artikolu 5 ta’ din,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-persuni li ma għandhomx awtorizzazzjoni nazzjonali intiża għall-professjonisti milli jużaw, fuq artijiet għal użu privat, pestiċidi li fihom il-glifosat tista’ tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(d) u (f) ta’ din id-direttiva, li għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, sa fejn l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tali li tinfluwenza b’mod sinjifikattiv it-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top