Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0562

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Frar 2022.
    X u Y.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 – Dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi – Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati – Eżami f’żewġ stadji – Kriterji ta’ applikazzjoni – Obbligu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tivverifika b’mod konkret u preċiż jekk jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew taffaċċjax, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi.
    Kawżi magħquda C-562/21 PPU u C-563/21 PPU.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:100

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    22 ta’ Frar 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 – Dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi – Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati – Eżami f’żewġ stadji – Kriterji ta’ applikazzjoni – Obbligu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tivverifika b’mod konkret u preċiż jekk jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew taffaċċjax, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi”

    Fil-Kawżi magħquda C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU,

    li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑14 ta’ Settembru 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Settembru 2021, fil-proċeduri dwar l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra

    X (C‑562/21 PPU)

    Y (C‑563/21 PPU)

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, C. Lycourgos, S. Rodin, I. Jarukaitis, N. Jääskinen (Relatur), I. Ziemele u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi, A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Rantos,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2021,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal X, minn N. M. Delsing u W. R. Jonk, advocaten,

    għall-Openbaar Ministerie, minn C. L. E. McGivern u K. van der Schaft,

    għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

    għall-Irlanda, minn J. Quaney, bħala aġent, assistita minn R. Kennedy, SC,

    għall-Gvern Pollakk, minn S. Żyrek, J. Sawicka u B. Majczyna, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid, K. Herrmann, P. Van Nuffel u J. Tomkin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa, rispettivament, fil-Kawża C‑562/21 PPU, fis‑6 ta’ April 2021, mis-Sąd Okręgowy w Lublinie (il-Qorti Reġjonali ta’ Lublin, il-Polonja), għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà imposta kontra X, u, fil-Kawża C‑563/21 PPU, fis‑7 ta’ April 2021, mis-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il-Qorti Reġjonali ta’ Zielona Góra, il-Polonja), għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ Y.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    Il-premessi 5, 6 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:

    “(5)

    L-għan stabbilit biex l-Unjoni [Ewropea] ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

    (6)

    Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

    […]

    (10)

    Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-[TUE], determinat mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] skond l-Artikolu 7(1) tat-[TUE] imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu”.

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

    “1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

    3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE]”.

    5

    L-Artikoli 3, 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas jiddikjaraw ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju u fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

    6

    L-Artikolu 8 tal-istess deċiżjoni qafas jippreċiża l-kontenut u l-forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

    7

    Skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”:

    “1.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

    2.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

    3.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni”.

    Id‑dritt Olandiż

    8

    Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġiet trasposta fid-dritt Olandiż permezz tal-Wet tot implementatie van het kaderbesluit van de Raad van de Europese Unie betreffende het Europees aanhoudingsbevel en de procedures van overlevering tussen de lidstaten van de Europese Unie (Overleveringswet) (il‑Liġi li Timplimenta d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-Proċeduri ta’ Konsenja bejn l-Istati Membri (il-Liġi tal-Konsenja)), tad‑29 ta’ April 2004 (Stb. 2004, Nru 195), kif emendata mil-Liġi tas‑17 ta’ Marzu 2021 (Stb. 2021, Nru 155).

    Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

    Il‑Kawża C‑562/21 PPU

    9

    Il-qorti tar-rinviju, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), ġiet adita b’talba għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis‑6 ta’ April 2021 mis-Sąd Okręgowy w Lublinie (il-Qorti Reġjonali ta’ Lublin). Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż għall-arrest u għall-konsenja ta’ ċittadin Pollakk għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ sentejn li ċċaħħad il-libertà, imposta fuq il-persuna kkonċernata permezz ta’ sentenza definittiva tat‑30 ta’ Ġunju 2020, għal estorsjoni u theddida ta’ vjolenza.

    10

    Il-persuna kkonċernata ma tatx il-kunsens għall-konsenja tagħha lir-Repubblika tal-Polonja. Huwa bħalissa jinsab taħt detenzjoni provviżorja fil-Pajjiżi l-Baxxi, sakemm il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar din il-konsenja.

    11

    Il-qorti tar-rinviju tindika li hija ma identifikat l-ebda raġuni li tista’ tipprekludi l-imsemmija konsenja, bl-eċċezzjoni ta’ dik li hija s-suġġett tad-domanda preliminari li hija qiegħda tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    12

    Din il-qorti tqis li, sa mis-sena 2017, jeżistu nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jaffettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti. Dawn in-nuqqasijiet, li kienu diġà jeżistu fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew imsemmi fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, aggravaw ruħhom minn dak iż-żmien. Skont l-imsemmija qorti, jeżisti konsegwentement riskju reali li, fil-każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti, il-persuna kkonċernata ssofri ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    13

    Skont il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija nuqqasijiet jaffettwaw, b’mod partikolari, id-dritt fundamentali għal qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, iggarantit minn din id-dispożizzjoni.

    14

    Din il-qorti tqis li n-nuqqasijiet inkwistjoni jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura u Ċerti Liġijiet Oħra), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, intestatura 3) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017”), li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018, u, b’mod partikolari, ir-rwol fdat lill-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KRS”) fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Polonja.

    15

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għar-riżoluzzjoni adottata mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) fit‑23 ta’ Jannar 2020, li fiha din l-aħħar qorti kienet qieset li l-KRS, li kien direttament suġġett għall-awtoritajiet politiċi wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017, ma kienx korp indipendenti. Dan in-nuqqas ta’ indipendenza jagħti lok għal nuqqasijiet fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin. F’dak li jirrigwarda l-qrati l-oħra minbarra s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), jirriżulta minn din ir-riżoluzzjoni li kulleġġ ġudikanti ma kienx regolarment ikkostitwit, fis-sens tal-Kodeks postępowania karnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Pollakk), meta jinkludi persuna maħtura bħala imħallef fuq proposta tal-KRS, skont il-leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018, safejn in-nuqqas inkwistjoni jwassal għal, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ksur tal-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, fis-sens tal-Kostituzzjoni Pollakka, tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

    16

    Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 108110).

    17

    Din il-qorti tindika, barra minn hekk, li hija saret taf b’lista, stabbilita fil‑25 ta’ Jannar 2020, li fiha l-ismijiet ta’ 384 imħallef maħtura fuq proposta tal-KRS sa mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017. L-imsemmija qorti tqis bħala probabbli l-fatt li n-numru ta’ dawn il-ħatriet żdied minn dak iż-żmien.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tqis li jeżisti riskju reali li mħallef wieħed jew iktar maħtura fuq proposta tal-KRS mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 ipparteċipaw fil-proċedura kriminali li għaliha kienet suġġetta l-persuna kkonċernata.

    19

    F’dan ir-rigward, hija tesponi li l-persuna kkonċernata ma baqgħetx f’pożizzjoni, mill‑14 ta’ Frar 2020, li tikkontesta b’mod effettiv il-validità tal-ħatra ta’ mħallef jew il-legalità tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, minħabba l-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 190), li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020, il-qrati Pollakki ma jistgħux jeżaminaw tali kwistjonijiet.

    20

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis, fil-ġurisprudenza tagħha, li d-dritt għal qorti “stabbilita mil-liġi”, kif dan id-dritt huwa ggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, filwaqt li huwa dritt awtonomu, għandu madankollu relazzjoni stretta mal-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità previsti minn din id-dispożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tirreferi f’dan ir-rigward għall-kriterji stabbiliti minn din il-ġurisprudenza sabiex tiddetermina jekk l-irregolaritajiet ikkonstatati fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin jikkostitwixxux ksur tad-dritt għal qorti stabbilita mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2020, Ástráðsson vs L‑Islanda, CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 243 sa 252, u l-Qorti EDB, 22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il-Polonja, CE:ECHR:2021:0722JUD004344719, punti 221 sa 224).

    21

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn il-kriterji għandhomx jiġu applikati wkoll fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Liema kriterju għandha tapplika awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ [mandat ta’ arrest Ewropew] sabiex tiġi eżegwita piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà definittiva meta hija teżamina jekk, fl-Istat Membru emittenti, matul proċedura li tkun wasslet għall-kundanna, id-dritt stabbilit preċedentement mil-liġi ta’ proċess quddiem qorti [id-dritt għal qorti stabbilita minn qabel mil-liġi] jkun ġie miksur, meta f’dan l-Istat Membru, eventwali ksur ta’ dan id-dritt ma seta’ jkun suġġett għal ebda rimedju ġudizzjarju effettiv?”

    Il‑Kawża C‑563/21 PPU

    23

    Il-qorti tar-rinviju ġiet adita wkoll b’talba għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis‑7 ta’ April 2021 mis-Sąd Okręgowy w Zielonej Górze (il‑Qorti Reġjonali ta’ Zielona Góra). Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż għall-arrest u l-konsenja ta’ ċittadin Pollakk għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali.

    24

    Il-persuna kkonċernata, li ma tatx il-kunsens għall-konsenja tagħha lir-Repubblika tal-Polonja, tinsab taħt detenzjoni provviżorja fil-Pajjiżi l-Baxxi, sakemm il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar din il-konsenja.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija ma identifikat l-ebda raġuni li tista’ tipprekludi din il-konsenja, bl-eċċezzjoni ta’ dik li hija s-suġġett tad-domandi preliminari magħmula f’din il-kawża.

    26

    Din il-qorti tinvoka l-istess raġunijiet bħal dawk, imsemmija fil-punti 12 sa 17 ta’ din is-sentenza, li hija ssemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett tal-Kawża C‑562/21 PPU, u li abbażi tagħhom hija tqis li n-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jaffettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti għandhom effett, b’mod partikolari, fuq id-dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata għal qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    27

    Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-Kawża C‑563/21 PPU, il-qorti tar-rinviju tqis li jeżisti riskju reali li mħallef wieħed jew iktar maħtura fuq proposta tal-KRS mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017, imsemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, jiġu msejħa jieħdu konjizzjoni tal-kawża kriminali tal-persuna kkonċernata, jekk il-konsenja ta’ din tal-aħħar lir-Repubblika tal-Polonja għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali kienet awtorizzata.

    28

    Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali tinsab fl-impossibbiltà materjali li tinvoka, b’mod individwali, l-irregolaritajiet li jkunu seħħew waqt il-ħatra ta’ mħallef wieħed jew iktar li ser jissejħu sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża kriminali tagħha. Fil-fatt, kuntrarjament għal persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, ipoteżi msemmija fil-Kawża C‑562/21 PPU, persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali ma tistax tindika quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, minħabba l-modalitajiet aleatorji ta’ attribuzzjoni tal-kawżi fi ħdan il-qrati Pollakki, il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li għandu jieħu konjizzjoni tal-kawża kriminali tagħha wara l-konsenja tagħha. Barra minn hekk, minħabba d-dħul fis-seħħ, fl‑14 ta’ Frar 2020, tal-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019, imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, din il-persuna ma tistax tikkontesta b’mod effettiv, wara l-konsenja tagħha lir-Repubblika tal-Polonja, il-validità tal-ħatra ta’ mħallef jew il-legalità tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji ta’ dan tal-aħħar.

    29

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kriterji applikati minn din il-qorti sabiex tevalwa jekk l-irregolaritajiet ikkonstatati fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin jikkostitwixxux ksur tad-dritt għal qorti stabbilita mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, għandhomx jiġu applikati wkoll fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali.

    30

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-kriterji stabbiliti fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), u kkonfermati mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033), japplikawx fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk, fil-każ ta’ konsenja, il-persuna kkonċernata taffaċċjax riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal qorti stabbilita minn qabel mil-liġi u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, kif għandhom jiġu applikati dawn il-kriterji.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Għandu jiġi applikat il-kriterju stabbilit fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), u kkonfermat permezz tas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033), meta jkun hemm riskju reali li l-persuna kkonċernata titressaq quddiem qorti li ma tkunx ġiet stabbilita minn qabel mil-liġi?

    2)

    Għandu jiġi applikat il-kriterju stabbilit fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), u kkonfermat permezz tas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033), meta l-persuna rikjesta li tixtieq tikkontesta l-konsenja tagħha ma tistax tissodisfa dan il-kriterju għaliex ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata, f’dak il-mument, il-kompożizzjoni tal-qrati li hija ser titressaq quddiemhom, minħabba l-modalitajiet aleatorji ta’ attribuzzjoni tal-kawżi?

    3)

    L-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju sabiex tiġi kkontestata l-validità tal-ħatra tal-imħallfin fil-Polonja, f’ċirkustanzi fejn ikun ċar li l-persuna kkonċernata ma tistax tistabbilixxi, f’dak il-mument, li l-qrati li hija ser titressaq quddiemhom huma komposti minn imħallfin mhux maħtura b’mod validu tikkostitwixxi ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq, li jimplika l-obbligu għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-konsenja ta’ din il-persuna?”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    32

    Il-qorti tar-rinviju talbet li dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jiġu suġġetti għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    33

    Insostenn tat-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-domandi preliminari magħmula jikkonċernaw suġġett imsemmi fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li X kif ukoll Y huma attwalment imċaħħda mil-libertà tagħhom u li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi preliminari ser ikollha effett dirett u determinanti fuq it-tul tad-detenzjoni tal-persuni kkonċernati.

    34

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija mċaħħda mill-libertà tagħha u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni), C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-partijiet ikkonċernati huma attwalment mqiegħda f’detenzjoni provviżorja u r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula ser ikollha effett dirett u determinanti fuq it-tul ta’ din id-detenzjoni.

    36

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, iddeċidiet, fid‑29 ta’ Settembru 2021, li tilqa’ t-talbiet tal-qorti tar-rinviju intiżi sabiex dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jiġu sottomessi għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

    37

    Barra minn hekk, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tibgħat lura l-Kawżi C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu assenjati lill-Awla Manja.

    38

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Settembru 2021, il-Kawżi C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u dik orali kif ukoll tas-sentenza.

    Fuq id-domandi preliminari

    39

    Permezz tad-domanda unika tagħha fil-Kawża C‑562/21 PPU u tat-tliet domandi tagħha fil-Kawża C‑563/21 PPU, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, fir-rigward, b’mod partikolari tal-proċedura ta’ ħatra tal-membri ta’ dan il-poter, din l-awtorità tista’ tirrifjuta din il-konsenja, minħabba li jeżisti, fl-ipoteżi ta’ din il-konsenja, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali ta’ din il-persuna għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li:

    fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, eventwali ksur ta’ dan id-dritt fundamentali matul il-proċedura li tkun wasslet għall-kundanna tal-imsemmija persuna ma jista’ jkun suġġett għal ebda rimedju ġudizzjarju effettiv u

    fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali, il-persuna kkonċernata ma tistax tiddetermina, fil-mument tal-imsemmija konsenja, il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti li hija ser titressaq quddiemhom, minħabba l-modalitajiet aleatorji ta’ attribuzzjoni tal-kawżi fi ħdan il-qrati kkonċernati, u li ma jeżistix, fl-Istat Membru emittenti, rimedju effettiv sabiex tiġi kkontestata l-validità tal-ħatra tal-imħallfin.

    Osservazzjonijiet preliminari

    40

    Għandu jitfakkar, qabel kollox, li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jistrieħ huwa nnifsu fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati sabiex iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħrajn kollha jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni), C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    B’hekk, meta l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, dawn jistgħu jkunu obbligati, bis-saħħa ta’ dan id-dritt, li jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħra, b’tali mod li la jkunu jistgħu jeżiġu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak żgurat mid-dritt tal-Unjoni u lanqas, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ma jkunu jistgħu jivverifikaw jekk dan l-Istat Membru l-ieħor ikunx effettivament irrispetta, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 192).

    42

    F’dan il-kuntest, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża, bl-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata u effettiva għall-konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan mogħti lill-Unjoni sabiex issir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja bbażata fuq il-grad għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni), C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, skont il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji kriminali, huwa kopert mill-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li tgħid li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi ta’ dan il-prinċipju u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni), C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Minn dan isegwi li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux, bħala prinċipju, jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew ħlief għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti f’din id-deċiżjoni qafas u li l-eżekuzzjoni tiegħu tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod limitat fl-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Minħabba f’hekk, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 37).

    45

    Madankollu, il-livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq il-premessa li l-qrati kriminali tal-Istat Membru emittenti li, wara l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ser ikollhom imexxu l-proċedura kriminali ta’ prosekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà kif ukoll il-proċedura kriminali fuq il-mertu, jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 58). Dan id-dritt fundamentali jkopri, fil-fatt, importanza kardinali peress li jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm kull Stat Membru għandu primarjament l-obbligu, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament ta’ dan il-mekkaniżmu, li jiżgura, taħt l-istħarriġ aħħari tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħarsien tar-rekwiżiti inerenti ta’ dak id-dritt fundamentali, billi jastjeni minn kull miżura li tista’ tippreġudikaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 40), l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew iġġarrab, fil-każ ta’ konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, ksur ta’ dan l-istess dritt fundamentali tista’ tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tastjeni, b’mod eċċezzjonali, milli tipproċedi fir-rigward ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 59).

    47

    Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, ma tistax tiġi interpretata b’mod li titqiegħed inkwistjoni l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri li l-mandat ta’ arrest Ewropew tagħha, kif previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni), C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex b’mod partikolari jiġi żgurat li l-funzjonament tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiġix ipparalizzat, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jipprevali fid-djalogu bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni u dawk ta’ emissjoni. Mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, b’mod partikolari, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni), C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Fl-aħħar lok, u b’estensjoni tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta’ eżekuzzjoni għandhom, sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effikaċi fil-materji kriminali, jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 8(1) u 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 b’mod li jiffavorixxu l-fiduċja reċiproka fuq il-bażi ta’ din il-kooperazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali), C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Fuq il‑kundizzjonijiet li abbażi tagħhom l‑awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta, abbażi tal‑Artikolu 1(3) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, il‑konsenja ta’ persuna li hija s‑suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minħabba l‑eżistenza ta’ riskju reali li din il‑persuna ġġarrab, fil‑każ ta’ konsenja lill‑awtorità ġudizzjarja emittenti, ksur tad‑dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel mil‑liġi

    50

    Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 40 sa 46 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li jixhdu l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti, hija ma tistax tassumi madankollu li jeżistu raġunijiet serji u pprovati li wieħed jemmen li din il-persuna taffaċja riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq fil-każ ta’ konsenja lil dan l-aħħar Stat Membru, mingħajr ma twettaq verifika konkreta u preċiża li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni personali tal-imsemmija persuna, tan-natura tar-reat inkwistjoni kif ukoll tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ il-mandat, bħal dikjarazzjonijiet jew atti ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jinterferixxu fit-trattament li għandu jiġi rriżervat għal każ individwali (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 69).

    51

    Għalhekk, informazzjoni dwar l-eżistenza jew l-aggravazzjoni ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura fi Stat Membru ma tistax tkun biżżejjed sabiex, waħedha, tiġġustifika r-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ tali mandat maħruġ minn awtorità ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 63).

    52

    Fil-kuntest tal-eżami f’żewġ stadji, imsemmi fil-punt 50 ta’ din is-sentenza u stabbilit għall-ewwel darba, fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 47 sa 75), l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, fl-ewwel stadju, tiddetermina jekk jeżistux elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati intiżi li juru l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur, f’dan l-Istat Membru emittenti, ta’ dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit minn din id-dispożizzjoni, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tal-ġudikatura ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Fit-tieni stadju, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, sa fejn dawn in-nuqqasijiet osservati fl-ewwel stadju jista’ jkollhom effett fil-livell tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom tkun ser tkun suġġetta l-persuna kkonċernata u jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, tan-natura tar-reat li bih din tal-aħħar tkun akkużata u tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ dan il-mandat ta’ arrest, u fid-dawl tal-informazzjoni possibbilment ipprovduta mill-istess Stat Membru b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna ser taffaċċja tali riskju fil-każ ta’ konsenja lil dan l-aħħar Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dan l-eżami f’żewġ stadji, li ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033), fid-dawl tal-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità inerenti fid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwiex applikabbli fl-ipoteżi fejn hija inkwistjoni l-garanzija, ugwalment inerenti għal dan id-dritt fundamentali, dwar qorti stabbilita minn qabel mil-liġi u, f’dak il-każ, liema huma l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi eżami f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, hija tistaqsi dwar l-effett, fuq dan l-istess eżami, tal-fatt li korp bħall-KRS, li huwa kompost b’mod predominanti minn membri li jirrappreżentaw il-poter leġiżlattiv jew eżekuttiv jew magħżula minnhom, jipparteċipa fil-ħatra jew fl-iżvilupp ta’ karriera tal-membri tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti.

    55

    Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-eżami f’żewġ stadji mfakkra fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, fl-ipoteżi msemmija fil-punt preċedenti, għandhom, fl-ewwel lok, jiġu enfasizzati r-rabtiet indissoċjabbli li, skont il-kliem stess tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jeżistu, għall-finijiet tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bejn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin kif ukoll ta’ aċċess għal qorti stabbilita minn qabel mil-liġi.

    56

    Għalhekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata fid-dawl ta’ dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jirriżulta li, għalkemm id-dritt għal tali qorti, li huwa ggarantit kemm mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB kif ukoll mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa dritt awtonomu, xorta waħda huwa marbut mill-qrib mal-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jirriżultaw minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. B’mod iktar partikolari, għalkemm ir-rekwiżiti kollha imposti mill-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom għan preċiż li kull wieħed minnhom joħloq garanziji speċifiċi għal smigħ xieraq, dawn il-garanziji huma intiżi għall-osservanza tal-prinċipji fundamentali li huma l-preeminenza tad-dritt u s-separazzjoni tal-poteri. Kull wieħed minn dawn ir-rekwiżiti huwa bbażat fuq il-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-fiduċja li l-poter ġudizzjarju għandu jispira fil-parti fil-kawża u l-indipendenza ta’ dan il-poter fil-konfront tal-poteri l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, dejjem b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li, fid-dawl tal-konsegwenzi fundamentali li l-imsemmi proċess jinvolvi għall-funzjonament tajjeb u għall-leġittimità tal-poter ġudizzjarju fi Stat demokratiku rregolat mill-preeminenza tad-dritt, tali proċess jikkostitwixxi neċessarjament element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilita mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, filwaqt li ppreċiżat li l-indipendenza ta’ qorti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tintiżen, b’mod partikolari, bil-mod kif il-membri tagħha jkunu nħatru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 125 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    58

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel mil-liġi, u b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett kif ukoll il-kompożizzjoni tagħha, jirrappreżentaw il-bażi tad-dritt għal smigħ xieraq. Il-verifika dwar jekk, permezz tal-kompożizzjoni tagħha, istanza tikkostitwixxix tali qorti, meta jkun hemm dubju serju dwar dan il-punt, hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-partijiet fil-kawża (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 126 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li jiġi ammess li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tastjeni milli tipproċedi b’mandat ta’ arrest Ewropew għal raġuni waħda bbażata fuq ċirkustanza bħal dik imsemmija fit-tieni sentenza tal-punt 54 ta’ din is-sentenza jwassal għal interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 44 u 46 ta’ din is-sentenza.

    60

    Mill-bqija, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi żgurat mhux biss ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li tintalab il-konsenja tagħhom, iżda wkoll it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ interessi oħra, bħan-neċessità li jiġu rrispettati, jekk ikun il-każ, id-drittijiet fundamentali tal-vittmi tar-reati kkonċernati.

    61

    F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ drittijiet ta’ terzi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali timplika, fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, obbligu ta’ kooperazzjoni għall-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dawn id-drittijiet, konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ riskju reali, fil-każ ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata lill-Istat Membru emittenti, ta’ ksur tad-dritt fundamentali ta’ din il-persuna għal smigħ xieraq għandha tkun ibbażata fuq elementi fattwali suffiċjenti (ara wkoll, f’dan is-sens, Qorti EDB, 9 ta’ Lulju 2019, Castaño vs Il-Belġju, CE:ECHR:2019:0709JUD000835117, §§ 82, 83 u 85).

    62

    Fl-istess perspettiva, wieħed mill-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa dak tal-ġlieda kontra l-impunità. Jekk l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti kienet, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li ma tipproċedix għall-eżami f’żewġ stadji msemmi fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza u li tirrifjuta li teżegwixxi, abbażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Istat Membru emittenti, dan ikun jimplika riskju għoli ta’ impunità ta’ persuni li jipprovaw jaħarbu mill-ġustizzja wara li jkunu ġew ikkundannati jew ġew issuspettati li wettqu reat, minkejja li ma jkunux jeżistu provi konkreti li jippermettu li tiġi stabbilita r-realtà tar-riskju, fil-każ ta’ konsenja, bi ksur tad-dritt fundamentali tagħhom għal smigħ xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 64).

    63

    Fit-tielet lok, l-approċċ imsemmi fil-punt preċedenti jwassal għal sospensjoni tal-fatti tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru, bi ksur tal-kompetenza tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill f’dan ir-rigward.

    64

    Fil-fatt, kif fakkret ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-implimentazzjoni tista’ tiġi sospiża biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, fosthom dak tal-Istat tad-dritt, ikkonstatat mill-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 7(2) TUE, bil-konsegwenzi previsti fl-Artikolu 7(3) TUE (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 57).

    65

    Għaldaqstant, huwa biss fil-każ ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, segwita mis-sospensjoni mill-Kunsill tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun obbligata tirrifjuta awtomatikament li teżegwixxi kull mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn dan l-Istat Membru, mingħajr ma jkollha tipproċedi b’xi evalwazzjoni konkreta tar-riskju reali affaċjat mill-persuna kkonċernata li jaffettwa l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    66

    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 55 sa 65 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tipproċedi bl-eżami f’żewġ stadji msemmija fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi evalwat jekk, fil-każ ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata lill-Istat Membru emittenti, din tal-aħħar taffaċċjax riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    Fuq l‑ewwel stadju tal‑eżami

    67

    Fil-kuntest tal-ewwel stadju ta’ dan l-eżami, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa, b’mod ġenerali, l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, b’mod partikolari marbut ma’ nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati tal-Istat Membru emittenti jew ma’ ksur tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita mil-liġi, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    Tali evalwazzjoni għandha titwettaq fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    69

    F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna, minn naħa, ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, li, kif ġie enfasizzat fil-punti 55 sa 58 ta’ din is-sentenza, huma marbuta mill-qrib ma’ dik ta’ qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, dawn jippreżumu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tar-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu l-esklużjoni ta’ kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    70

    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra, huwa b’mod partikolari neċessarju li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ikunu tali li ma jkunux jistgħu jqajmu tali dubji leġittimi fir-rigward tal-imħallfin maħtura (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il-Kunsill u HG vs Il-Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    71

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, billi rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6 tal-KEDB (Qorti EDB, 8 ta’ Lulju 2014, Biagioli vs San Marino, CE:ECHR:2014:0708DEC000816213, §§ 72 sa 74, u Qorti EDB, 2 ta’ Mejju 2019, Pasquini vs San Marino, CE:ECHR:2019:0502JUD005095616, §§ 100 u 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li l-espressjoni “stabbilita mil-liġi” tirrifletti b’mod partikolari l-prinċipju tal-Istat tad-dritt. Din l-espressjoni tikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti kkonċernata. Barra minn hekk, id-dritt għal smigħ minn qorti “stabbilita mil-liġi” jinkludi, min-natura tiegħu stess, il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il-Kunsill u HG vs Il-Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 73).

    72

    Fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi enfasizzat li ma tistax titqies li tikkostitwixxi tali ksur kull irregolarità fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin.

    73

    Irregolarità mwettqa matul il-ħatra ta’ mħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal tali ksur, b’mod partikolari meta din l-irregolarità hija ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-poter, b’mod partikolari l-poter eżekuttiv, ikunu jistgħu jipperikolaw l-integrità tar-riżultat li jwassal għaliha l-proċess ta’ ħatra u għalhekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema - Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 130 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    74

    Konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel mil-liġi u l-konsegwenzi ta’ tali ksur hija suġġetta għal evalwazzjoni globali ta’ ċertu numru ta’ elementi, li, meqjusa flimkien, jikkontribwixxu sabiex joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 131132, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 152 sa 154).

    75

    Għalhekk, il-fatt li korp, bħall-Kunsill Nazzjonali tal-Maġistratura, involut fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin ikun, b’mod predominanti, kompost minn membri magħżula mill-poter leġiżlattiv ma jistax, waħdu, iwassal biex tiġi ddubitata l-indipendenza tal-imħallfin maħtura fit-tmiem ta’ dan il-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punti 5556). Madankollu, jista’ jkun mod ieħor meta dan il-fatt flimkien ma’ elementi oħra rilevanti u mal-kundizzjonijiet li fihom saru dawn l-għażliet iwasslu biex joħolqu tali dubji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596), punt 103).

    76

    Il-fatt li korp kompost, b’mod predominanti, minn membri li jirrappreżentaw il-poter leġiżlattiv jew eżekuttiv jew magħżula minnhom, jintervjeni fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin tal-Istat Membru emittenti, ma jistax għalhekk ikun biżżejjed, waħdu, biex jiġġustifika deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna kkonċernata.

    77

    Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konsenja marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, b’mod partikolari marbut ma’ nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati tal-Istat Membru emittenti jew ma’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dan l-Istat Membru, tippreżupponi evalwazzjoni globali, ibbażata fuq kull element oġġettiv, affidabbli, preċiż u debitament ivverifikat fir-rigward tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja fl-imsemmi Stat Membru, b’mod partikolari l-qafas ġenerali tal-ħatra tal-imħallfin tal-istess Stat Membru.

    78

    F’dan il-każ, minbarra l-informazzjoni li tinsab fi proposta motivata indirizzata mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 7(1) TUE (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 61), jikkostitwixxu, b’mod partikolari, elementi partikolarment rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri r-riżoluzzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), tat‑23 ta’ Jannar 2020, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħal dik li tirriżulta mis-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153), tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798), li jinkludu informazzjoni dwar l-istat tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti.

    79

    Fil-kuntest tal-imsemmija evalwazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li fiha ġie kkonstatat ksur tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita mil-liġi fir-rigward tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il-Polonja, CE:ECHR:2021:0722JUD004344719).

    80

    Għal kull bon fini, għandu jingħad ukoll li fost dawn l-elementi rilevanti hemm ukoll ġurisprudenza kostituzzjonali tal-Istat Membru emittenti, li tikkontesta s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u n-natura vinkolanti tal-KEDB, kif ukoll is-saħħa vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ dawk tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-konformità ma’ dan id-dritt u ma’ din il-konvenzjoni ta’ regoli ta’ dan l-Istat Membru dwar l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tiegħu, b’mod partikolari, il-ħatra tal-imħallfin.

    81

    Meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis, abbażi ta’ elementi bħal dawk imsemmija fil-punti 78 sa 80 ta’ din is-sentenza, li jeżisti riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, b’mod partikolari marbut ma’ nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati tal-imsemmi Stat Membru jew ma’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati fl-Istat Membru emittenti, hija ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mingħajr ma tipproċedi għat-tieni stadju tal-eżami msemmi fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza.

    Fuq it‑tieni stadju tal‑eżami

    82

    Fil-kuntest ta’ dan it-tieni stadju, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa jekk in-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati kkonstatati fl-ewwel stadju ta’ dan l-eżami jistgħux jiġu kkonkretizzati fil-każ ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata lill-Istat Membru emittenti u jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, din il-persuna taffaċċjax għalhekk riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    83

    Hija l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li għandha tipproduċi elementi konkreti li jagħtu x’tifhem, fil-każ ta’ proċedura ta’ konsenja għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, li n-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti kellhom effett konkret fuq it-trattament tal-kawża kriminali tagħha u, fil-każ ta’ proċedura ta’ konsenja għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali, li tali nuqqasijiet jista’ jkollhom tali effett. Il-produzzjoni ta’ tali elementi konkreti dwar l-effett, fil-każ partikolari tagħha, ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati msemmija iktar ’il fuq hija bla ħsara għall-possibbiltà li din il-persuna tindika l-elementi preċiżi u speċifiċi l-oħra kollha tal-kawża kkonċernata li jistgħu jistabbilixxu li l-proċedura li fid-dawl tagħha tintalab il-konsenja tagħha mill-awtorità ġudizzjarja emittenti tippreġudika b’mod konkret id-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq.

    84

    Fil-każ fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li l-elementi mressqa mill-persuna kkonċernata, minkejja li jagħtu x’tifhem li dawn in-nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati kellhom jew jistgħu jkollhom effett konkret fil-każ partikolari ta’ din il-persuna, ma humiex biżżejjed sabiex juru l-eżistenza, f’tali każ, ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, u għalhekk sabiex tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, din l-awtorità għandha, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti biex tipprovdi b’mod urġenti kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tqis neċessarja.

    85

    Peress li l-awtorità ġudizzjarja emittenti hija marbuta li tipprovdi din l-informazzjoni lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata), kull aġir li juri l-assenza ta’ kooperazzjoni leali min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja emittenti jista’ jitqies mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni bħala element rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha taffaċċjax, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel mil-liġi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    86

    Wara li dan ġie ppreċiżat, u fir-rigward, minn naħa, tal-ipoteżi, imsemmija fil-Kawża C‑562/21 PPU, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-konsenja għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, hija l-persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba li għandha tinvoka elementi konkreti li abbażi tagħhom hija tqis li n-nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti kellhom effett konkret fuq il-proċedura kriminali li hija kienet is-suġġett tagħha, u b’mod partikolari fuq il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti, li kellu jieħu konjizzjoni tal-kawża kriminali inkwistjoni, b’tali mod li mħallef wieħed jew iktar ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti ma kinux offrew l-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni.

    87

    Kif jirriżulta mill-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza, u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma hijiex biżżejjed, f’dan ir-rigward, l-informazzjoni li ssemmi l-fatt li imħallef wieħed jew iktar li pparteċipaw fil-proċedura li wasslet għall-kundanna tal-persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba nħatru fuq proposta ta’ korp kompost, b’mod predominanti, minn membri li jirrappreżentaw il-poter leġiżlattiv u dak eżekuttiv jew magħżula minnhom, bħalma huwa l-każ tal-KRS mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017.

    88

    Għaldaqstant, xorta jkun meħtieġ li l-persuna kkonċernata tipprovdi, fir-rigward tal-kulleġġ ġudikanti wara li jkun sema’ l-kawża kriminali tagħha, elementi relatati, b’mod partikolari, mal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati u mad-delegazzjoni eventwali tagħhom, li abbażi tagħhom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun f’pożizzjoni li tikkonstata, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, li jeżistu raġunijiet serji u pprovati li jitqies li l-kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti kienet ta’ natura li taffettwa d-dritt fundamentali ta’ din il-persuna għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel mil-liġi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, matul il-proċedura kriminali kontra dik l-imsemmija persuna.

    89

    Għalhekk, pereżempju, informazzjoni li għandha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u li tirreferi għal delega ta’ mħallef partikolari fi ħdan il-kulleġġ ġudikanti li kien jaf bil-kawża kriminali li tirrigwarda l-persuna li tagħha ntalbet il-konsenja, delega deċiża mill-Ministru għall-Ġustizzja abbażi ta’ kriterji mhux magħrufa minn qabel u revokabbli f’kull mument permezz ta’ deċiżjoni li ma hijiex motivata minn dan il-Ministru, tista’ tistabbilixxi raġunijiet serji u pprovati sabiex jiġi konkluż li jeżisti riskju reali ta’ ksur, fil-każ konkret tal-persuna kkonċernata, ta’ dan id-dritt fundamentali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punti 77 sa 90).

    90

    Barra minn hekk, hija rilevanti kull informazzjoni dwar l-iżvolġiment tal-proċeduri kriminali li wasslet għall-kundanna tal-persuna kkonċernata, bħal, jekk ikun il-każ, l-eżerċizzju eventwali minn din il-persuna tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli għaliha. B’mod partikolari, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà eventwali li l-imsemmija persuna titlob, fl-Istat Membru emittenti, ir-rikuża ta’ membru wieħed jew iktar tal-kulleġġ ġudikanti għal raġunijiet marbuta ma’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, tal-eventwali eżerċizzju minn din l-istess persuna tad-dritt tagħha li titlob tali rikuża u tal-informazzjoni miksuba fir-rigward tas-segwitu mogħti lil tali talba matul din il-proċedura jew matul eventwali proċedura ta’ appell.

    91

    F’dan il-każ, il-Gvern Pollakk irrileva fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, mingħajr ma dan ġie kkontestat waqt is-seduta, li d-dritt proċedurali Pollakk jipprevedi l-possibbiltà, għall-persuna kkonċernata, li titlob ir-rikuża ta’ wieħed mill-imħallfin, jew tal-kulleġġ ġudikanti kollu kemm hu, imsejħa sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża kriminali li din il-persuna hija s-suġġetta tagħha, jekk din tal-aħħar ikollha dubji dwar l-indipendenza jew l-imparzjalità ta’ mħallef wieħed jew iktar tal-kulleġġ ġudikanti kkonċernat.

    92

    Issa, xejn fil-proċess li għandha għad-dispożizzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari ma jippermetti, fl-assenza ta’ iktar preċiżazzjonijiet iddettaljati kemm dwar l-istat tad-dritt nazzjonali u tad-diversi dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu, li jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ tali possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tinvoka d-drittijiet tagħha kienet titqiegħed inkwistjoni mis-sempliċi fatt, invokat mill-qorti tar-rinviju u msemmi fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, li jgħid li, sa mid-dħul fis-seħħ, fl‑14 ta’ Frar 2020, tal-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019, ma jkunx iktar possibbli li tiġi kkontestata b’mod effettiv la l-validità tal-ħatra ta’ mħallef u lanqas il-legalità tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji ta’ dan tal-aħħar.

    93

    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-ipoteżi, imsemmija fil-Kawża C‑563/21 PPU, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li l-persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba ma jistax ikollha għarfien, qabel il-konsenja eventwali tagħha, tal-identità tal-imħallfin li ser jissejħu sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża kriminali li għaliha din il-persuna ser tkun eventwalment suġġetta wara din il-konsenja ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex tiġi rrifjutata l-imsemmija konsenja.

    94

    Fil-fatt, xejn fis-sistema stabbilita fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jippermetti li jitqies li l-konsenja ta’ persuna lill-Istat Membru emittenti sabiex jiġu eżerċitati proċeduri kriminali hija kkundizzjonata mill-assigurazzjoni li dawn il-proċeduri jwasslu għal proċeduri kriminali quddiem qorti speċifika u inqas u inqas għall-identifikazzjoni preċiża tal-imħallfin li għandhom jieħdu konjizzjoni ta’ tali kawża kriminali.

    95

    L-interpretazzjoni kuntrarja ċċaħħad it-tieni stadju tal-eżami msemmi fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza minn kull effett utli u tippreġudika mhux biss it-twettiq tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, imfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, iżda wkoll il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilit f’din id-deċiżjoni qafas.

    96

    Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-Kawża C‑563/21 PPU, fejn il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti mitlub jieħu konjizzjoni tal-kawża li tirrigwarda l-persuna kkonċernata mill-mandat ta’ arrest Ewropew ma hijiex magħrufa fil-mument li fih l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ din il-persuna lill-Istat Membru emittenti, din l-awtorità ma tistax teżenta ruħha minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi tal-każ intiża sabiex tivverifika, abbażi tal-elementi pprovduti mill-imsemmija persuna u kkompletati, jekk ikun il-każ, permezz ta’ informazzjoni pprovduta mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, jekk jeżisti, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tal-istess persuna għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel mil-liġi.

    97

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali elementi jistgħu, b’mod partikolari, jirrigwardaw dikjarazzjonijiet magħmula minn awtoritajiet pubbliċi li jista’ jkollhom effett fil-każ konkret inkwistjoni. L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tibbaża ruħha wkoll fuq kull informazzjoni oħra li hija tqis rilevanti, bħal dik marbuta mas-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata, man-natura tar-reat li bih din tal-aħħar hija akkużata u mal-kuntest fattwali li fih jaqa’ l-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, fuq kull informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tagħha fir-rigward tal-imħallfin li jifformaw il-kulleġġi ġudikanti probabbilment kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċedura li din il-persuna ser tkun suġġetta għaliha wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti.

    98

    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi ppreċiżat, b’estensjoni tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, li informazzjoni dwar il-ħatra, fuq proposta ta’ korp kompost, b’mod predominanti, minn membri li jirrappreżentaw il-poter leġiżlattiv jew dak eżekuttiv jew magħżula minnhom, bħalma huwa l-każ tal-KRS sa mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017, ta’ mħallef wieħed jew iktar sedenti fil-qorti kompetenti jew, meta dan ikun magħruf, fil-kulleġġ ġudikanti kkonċernat ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-persuna kkonċernata taffaċċja, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel mil-liġi. Tali konstatazzjoni tippreżupponi, fi kwalunkwe każ, evalwazzjoni każ b’każ tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati.

    99

    Bl-istess mod, għalkemm l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax teskludi li l-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali taffaċċja, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali għas-sempliċi raġuni li din il-persuna jkollha, fl-Istat Membru emittenti, il-possibbiltà li titlob ir-rikuża ta’ membru wieħed jew iktar tal-kulleġġ ġudikanti li jkollhom jieħdu konjizzjoni tal-kawża kriminali tagħha, l-eżistenza ta’ tali possibbiltà tista’ madankollu tittieħed inkunsiderazzjoni minn din l-awtorità bħala element rilevanti għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali riskju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 117).

    100

    F’dan ir-rigward, il-fatt li tali rikuża tista’, jekk ikun il-każ, tintalab, fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali, biss wara l-konsenja tal-persuna kkonċernata u ladarba din tkun saret taf bil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti mitlub jiddeċiedi dwar il-proċeduri li din il-persuna hija s-suġġett tagħhom hija irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju reali li l-imsemmija persuna ġġarrab, fil-każ ta’ konsenja, ksur tal-imsemmi dritt fundamentali.

    101

    Jekk, wara evalwazzjoni globali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li jeżistu raġunijiet serji u pprovati biex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata taffaċċja, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi, din l-awtorità għandha tastjeni, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, milli teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat. Fil-każ kuntrarju, hija għandha tipproċedi għall-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar, konformement mal-obbligu ta’ prinċipju stabbilit fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 61).

    102

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, fir-rigward b’mod partikolari tal-proċedura ta’ ħatra tal-membri ta’ dan il-poter, din l-awtorità ma tistax tirrifjuta l-konsenja ta’ din il-persuna:

    fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, ħlief jekk l-imsemmija awtorità tikkonstata li jeżistu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fid-dawl b’mod partikolari tal-elementi pprovduti mill-imsemmija persuna u relatati mal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li kien jaf bil-kawża kriminali tal-persuna jew ma’ kull fatt ieħor rilevanti għall-evalwazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dan il-kulleġġ, id-dritt fundamentali tal-istess persuna għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jkunx ġie irrispettat, u

    fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali, huwa biss jekk din l-istess awtorità tikkonstata li jeżistu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fid-dawl b’mod partikolari tal-elementi pprovduti mill-persuna kkonċernata u relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha, man-natura tar-reat li għalih din hija akkużata, mal-kuntest fattwali li fih dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jaqa’ jew ma’ kull fatt ieħor rilevanti għall-evalwazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti probabbilment imsejjaħ sabiex jieħu konjizzjoni tal-proċedura relatata ma’ din il-persuna, din tal-aħħar taffaċċja, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali.

    Fuq l-ispejjeż

    103

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati f’dak li jikkonċerna l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, fir-rigward b’mod partikolari tal-proċedura ta’ ħatra tal-membri ta’ dan il-poter, din l-awtorità ma tistax tirrifjuta l-konsenja ta’ din il-persuna:

     

    fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà, ħlief jekk l-imsemmija awtorità tikkonstata li jeżistu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fid-dawl b’mod partikolari tal-elementi pprovduti mill-imsemmija persuna u relatati mal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li kien jaf bil-kawża kriminali tal-persuna jew ma’ kull fatt ieħor rilevanti għall-evalwazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dan il-kulleġġ, id-dritt fundamentali tal-istess persuna għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel mil-liġi, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jkunx ġie irrispettat, u

    fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proċeduri kriminali, huwa biss jekk din l-istess awtorità tikkonstata li jeżistu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fid-dawl b’mod partikolari tal-elementi pprovduti mill-persuna kkonċernata u relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha, man-natura tar-reat li għalih din hija akkużata, mal-kuntest fattwali li fih dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jaqa’ jew ma’ kull fatt oħra rilevanti għall-evalwazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti probabbilment imsejjaħ sabiex jieħu konjizzjoni tal-proċedura relatata ma’ din il-persuna, din tal-aħħar taffaċċja, fil-każ ta’ konsenja, riskju reali ta’ ksur ta’ dan id-dritt fundamentali.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top